Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0079

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-28 ta’ April 2022.
Yieh United Steel Corp. vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Dumping – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1429 – Importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar inossidabbli irrumblati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mit-Tajwan – Dazju antidumping definittiv – Regolament (KE) Nru 1225/2009 – Artikolu 2 – Kalkolu tal-valur normali – Kalkolu tal-ispiża tal-produzzjoni – Telf ta’ produzzjoni – Rifjut ta’ tnaqqis tal-valur tal-metall riċiklabbli – Determinazzjoni tal-valur normali abbażi tal-bejgħ tal-prodott simili intiż għall-konsum domestiku tal-pajjiż esportatur – Esklużjoni tal-bażi ta’ kalkolu li sservi għad-determinazzjoni tal-valur normali tal-bejgħ imwettaq fis-suq intern tal-pajjiż esportatur meta dawn jirrigwardaw prodotti li huma intiżi għall-esportazzjoni.
Kawża C-79/20 P.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:305

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

28 ta’ April 2022 ( *1 )

Werrej

 

Il-kuntest ġuridiku

 

Id-dritt tal-WTO

 

Id-dritt tal-Unjoni

 

Il-fatti li wasslu għall-kawża

 

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza kkontestata

 

It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

 

Fuq l-appell

 

Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 2(3) tar-regolament bażiku

 

L-argumenti tal-partijiet

 

– Fuq l-ewwel parti

 

– Fuq it-tieni parti

 

L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 2(5) tar-regolament bażiku

 

L-argumenti tal-partijiet

 

L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku

 

L-argumenti tal-partijiet

 

L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

Fuq l-ispejjeż

“Appell – Dumping – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1429 – Importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar inossidabbli irrumblati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mit-Tajwan – Dazju antidumping definittiv – Regolament (KE) Nru 1225/2009 – Artikolu 2 – Kalkolu tal-valur normali – Kalkolu tal-ispiża tal-produzzjoni – Telf ta’ produzzjoni – Rifjut ta’ tnaqqis tal-valur tal-metall riċiklabbli – Determinazzjoni tal-valur normali abbażi tal-bejgħ tal-prodott simili intiż għall-konsum domestiku tal-pajjiż esportatur – Esklużjoni tal-bażi ta’ kalkolu li sservi għad-determinazzjoni tal-valur normali tal-bejgħ imwettaq fis-suq intern tal-pajjiż esportatur meta dawn jirrigwardaw prodotti li huma intiżi għall-esportazzjoni”

Fil-Kawża C‑79/20 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fl-14 ta’ Frar 2020,

Yieh United Steel Corp., stabbilita fi Kaohsiung City (It-Tajwan), irrappreżentata minn D. Luff, avukat,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn J.-F. Brakeland u M. França kif ukoll minn A. Demeneix, sussegwentement minn J.-F. Brakeland u G. Luengo, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Eurofer, Association européenne de l’acier, ASBL, stabbilita fil-Lussemburgu (Il-Lussemburgu), irrappreżentata minn J. Killick u G. Forwood, avukati, kif ukoll minn G. Papaconstantinou, dikigoros,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Prechal (Relatur), President tal-Awla, J. Passer, F. Biltgen, N. Wahl u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑11 ta’ Novembru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, Yieh United Steel Corp. (iktar ’il quddiem “Yieh”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Yieh United Steel vs Il‑Kummissjoni (T‑607/15, iktar ’il quddiem is-sentenza appellata, EU:T:2019:831), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1429 tas‑26 ta’ Awwissu 2015 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar inossidabbli irrumblati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mit-Tajwan (ĠU 2015, L 224, p. 10, iktar 'il quddiem “ir-Regolament ikkontestat”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-WTO

2

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (tat-22 ta’ Diċembru 1994) dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994)(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea approva l-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marrakech fil‑15 ta’ April 1994, kif ukoll il-ftehimiet li jinsabu fl-Annessi 1 sa 3 ta’ dan il-ftehim, li fosthom jinsab il-Ftehim dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ 1994 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 189, iktar ’il quddiem il-“Ftehim antidumping”).

3

L-Artikolu 2 tal-Ftehim antidumping, intitolat “Determinazzjoni ta’ d-damping”, jipprevedi:

“2.1   Ghall-għan ta’ dan il-Ftehim, prodott għandu jitqies bħala damping, jiġifieri introdott fil-kummerċ ta’ pajjiż ieħor bi prezz inqas minn normal, jekk il-prezz ta’ esportazzjoni tal-prodott minn pajjiż għall-ieħor huwa inqas mill-prezz komparabbli, fid-direzzjoni ordinarju tal-kummerċ, għall-prodotti simili meta dawn ikunu destinati għall-konsum fil-pajjiż li jkun qed jesporta. [...]

2.2   Meta ma’ jkunx hemm bejgħ ta’ prodotti simili fid-direzzjoni ordinarja tal-kummerċ fis-suq domestiku tal-pajjiż li jkun qed jesporta jew meta, minħabba s-sitwazzjoni fis-suq partikolari jew il-volum baxx tal-bejgħ fis-suq domestiku tal-pajjiż li jkun qed jesporta [...], dan il-bejgħ ma’ jippermettix paragun kif suppost, il-marġini ta’ d-damping jiġi stabbilit permezz ta’ paragun ta’ prezz komparabbli ta’ prodott simili meta esportat f’pajjiż xieraq tat-Tielet Dinja, iżda jrid jiġi pprovdut li dan il-prezz huwa rappreżentant, jew fil-pajjiż ta’ origini apparti minn ammont raġonevoli għall-amministrazzjoni, bejgħ u spejjeż ġenerali u għall-profitti.

2.2.1

Bejgħ ta’ prodotti simili fis-suq domestiku tal-pajjiż li jkun qed jesporta jew il-bejgħ lill-pajjiż tat-Tielet Dinja bi prezzijiet inqas per unità (fissi u varjabbli) spejjeż ta’ prodotti flimkien ma’ bejgħ amministrattiv u spejjeż ġenerali jistgħu jitqiesu bħallikieku mhumiex mexjin fid-direzzjoni ordinarja tal-kummerċ minħabba l-prezz u jistgħu jiġu injorati waqt id-determinazzjoni tal-valur normali biss jekk l-awtoritajiet [...] jiddeterminaw li dan it-tip ta’ bejgħ huwa magħmul fi żmien estiż [...] f’kwantitajiet sostanzjali [...] u huma prezzijiet li ma jipprovdux rkuprar ta’ l-ispejjeż kollha fi żmien raġonevoli. Jekk il-prezzijiet li huma inqas mill-ispejjeż per unità huma kkalkolati bħala aktar mill-medja ta’ l-ispejjeż per unità fi żmien il-bejgħ u waqt il-perjodu investigattiv, dawn il-prezzijiet jitqiesu li jipprovdu rkuprar ta’ l-ispejjeż fi żmien raġonevoli.

2.2.1.1

Għall-għan tal-paragrafu 2, l-ispejjeż huma normalment ikkalkulati fuq bażi ta’ reġistri li jinżammu mill-esportatur jew il-prodotti li huma sottomessi għall-investigazzjoni, iżda jrid jiġi pprovdut li, dawn ir-reġistri huma konformi mal-prinċipji tal-kontabbilità li huma ġeneralment aċċettati mill-pajjiż li qed jesporta u jirriflettu b’mod raġonevoli l-ispejjeż assoċjati mal-prodotti u mal-bejgħ tal-prodotti li qed jitqiesu. [...]

[...]”

Id-dritt tal-Unjoni

4

Fid-data tal-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-adozzjoni ta’ miżuri antidumping mill-Unjoni Ewropea kienu jinsabu fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 2009, L 343, p. 51, u rettifiki ĠU 2010, L 7, p. 22, u ĠU 2011, L 293, p. 39), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 765/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑13 ta’ Ġunju 2012 (ĠU 2012, L 237, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“regolament bażiku”).

5

L-Artikolu 1 tar-Regolament bażiku, intitolat “Prinċipji”, kien jipprovdi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Dazju kontra dumping jista’ jiġi applikat għal kwalunkwe prodott oġġett ta’ dumping li l-liberazzjoni tiegħu għal ċirkulazzjoni ħielsa fil-Komunità tikkawża ħsara.

2.   Prodott għandu jiġi kkunsidrat bħala oġġett ta’ dumping jekk il-prezz ta’ l-esportazzjoni tiegħu għall-Komunità ikun inqas minn prezz paragonabbli għal prodott simili, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, kif stabbilit għall-pajjiż esportatur.”

6

Skont l-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, intitolat “Tistabbilixxi dumping”:

“A. Il-Valur Normali

1.   Il-valur normali għandu normalment ikun ibbażat fuq il-prezzijiet imħallsa jew pagabbli, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, minn klijenti indipendenti mill-pajjiż esportatur.

[...]

2.   Il-bejgħ tal-prodott simili maħsub għall-konsum domestiku għandu normalment jiġi wżat biex jiġi stabbilit valur normali jekk volum ta’ bejgħ bħal dan jikkonstitwixxi 5 % jew aktar mill-volum tal-bejgħ tal-prodott taħt konsiderazzjoni lill-Komunità. [...]

3.   Meta ma jkun hemm l-ebda bejgħ jew meta ma jkunx hemm biżżejjed bejgħ tal-prodott simili fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, jew fejn, minħabba s-sitwazzjoni partikolari tas-suq bejgħ bħal dan ma jippermettix paragun xieraq, il-valur normali ta’ prodott simili għandu jiġi kkalkolat fuq il-bażi ta’ l-ispiża tal-produzzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini flimkien ma’ ammont raġonevoli għall-ispejjeż tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi u għal profitti, jew fuq il-bażi tal-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, lill-pajjiż terz xieraq, sakemm dawk il-prezzijiet ikunu rappreżentattivi.

Jitqies li jkun hemm sitwazzjoni partikolari tas-suq għall-prodott ikkonċernat fit-tifsira tal-ewwel subparagrafu meta, inter alia, il-prezzijiet ikunu baxxi artifiċjalment, meta jkun hemm kummerċ ta’ skambju sinjifikattiv jew fejn ma jkunx hemm arranġamenti ta’ proċessar mhux kummerċjali.

4.   Bejgħ tal-prodott simili fis-suq domestiku tal-pajjiż esportatur, jew bejgħ ta’ esportazzjoni lil pajjiż terz, bi prezzijiet inqas miċ-ċifra ta’ l-ispejjez tal-produzzjoni (fissi u varjabbli) flimkien ma’ l-ispejjeż tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi jistgħu jiġu trattati bħala li ma jkunux fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ minħabba l-prezz, u jistgħu ma jitqisux fid-determinazzjoni tal-valur normali, sakemm ikun stabbilit li bejgħ bħal dan isir f’perjodu estiż fi kwanitajiet sostanzjali, u jkun bi prezzijiet li ma jagħmlux tajjeb għall-irkupru ta’ l-ispejjeż kollha f perjodu raġjonevoli.

[...]

5.   L-ispejjeż għandhom normalment jiġu kkalkulati fuq il-bażi ta’ records miżmuma mill-parti taħt investigazzjoni, sakemm records bħal dawn ikunu bi qbil mal-prinċipji tal-kontijiet ġeneralment aċċettati tal-pajjiż konċernat u sakemm ikun muri li r-records jirriflettu b’mod raġjonevoli l-ispejjeż assoċjati mal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott taħt konsiderazzjoni.

Jekk l-ispejjeż assoċjati mal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott taħt investigazzjoni ma humiex riflessi b’mod raġonevoli fir-reġistrazzjonijiet tal-parti interessata, dawn għandhom jiġu aġġustati jew stabbiliti fuq il-bażi ta’ l-ispejjeż ta’ produtturi jew esportaturi oħra fl-istess pajjiż jew, fejn din l-informazzjoni mhix disponibbli jew ma tistax tintuża, fuq kull bażi oħra raġonevoli, inkluża informazzjoni minn swieq oħra rappreżentattivi.

Għandha tingħata konsiderazzjoni lill-evidenza sottomessa dwar l-allokazzjoni xierqa ta’ l-ispejjeż, sakemm ikun muri li allokazzjonijiet bħal dawn kienu ġew utilizzati storikament. Fin-nuqqas ta’ metodu aktar xieraq, għandha tingħata preferenza għall-allokazzjoni ta’ l-ispejjeż fuq il-bażi tal-fatturat. Sakemm mhux diġà riflessi fl-allokazzjonijiet ta’ l-ispejjeż taħt dan is-subparagrafu, l-ispejjeż għandhom jiġu aġġustati kif xieraq għal dawk l-oġġetti ta’ spejjeż mhux rikurrenti li jagħmlu tajjeb għall-produzzjoni fil-ġejjieni u/jew kurrenti.

[...]”

7

L-Artikolu 6 tar-Regolament bażiku, intitolat “L-‑Investigazzjoni”, kien jipprevedi, fil-paragrafu 8 tiegħu:

“Għajr fiċ-ċirkustanzi li jipprevedi għalihom l-Artikolu 18, l-informazzjoni li tiġi fornuta mill-partijiet interessati u li fuqha huma bbażati s-sejbiet għandha tiġi eżaminata għall-preċiżjoni sakemm ikun possibbli. ”

8

L-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Retroattività”, kien jipprevedi fil-paragrafu 4 tiegħu li:

“Dazju definittiv kontra d-dumping jista’ jiġi ntaxxat fuq prodotti li ddaħħlu għall-konsum mhux iktar minn 90 ġurnata qabel id-data ta’ l-applikazzjoni tal-miżuri proviżorji iżda mhux qabel il-bidu ta’ l-investigazzjoni sakemm l-importazzjonijiet ikunu ġew irreġistrati skond l-Artikolu 14(5), il-Kummissjoni [Ewropea] tkun tat l-opportunità lill-importaturi konċernati li jikkummentaw, u:

(a)

hemm, għall-prodott konċernat, storja ta’ bejgħ taħt il-prezz tul perjodu estiż, jew l-importatur kien konxju ta’, jew kellu jkun konxju tal-bejgħ taħt il-prezz fejn għandu x’jaqsam il-grad tal-bejgħ taħt il-prezz u l-ħsara allegata jew misjuba; [...]

[...]”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

9

Fil-punti 1 sa 11 tas-sentenza appellata, il-fatti tal-kawża huma esposti kif ġej:

“1.

[Yieh] hija kumpannija stabbilita fit-Tajwan, attiva, b’mod partikolari, fil-produzzjoni u fid-distribuzzjoni ta’ prodotti tal-azzar inossidabbli irrumblati ċatti fil-kiesaħ (iktar ’il quddiem il-“prodott ikkonċernat”).

2

Għall-finijiet tal-manifattura tal-prodott ikkonċernat, [Yieh] tuża bħala materja prima rombli laminati bis-sħana li huma prodotti direttament minnha, jew mixtrija mingħand Lianzhong Stainless Steel Co. Ltd [...], kumpannija relatata produttriċi ta’ rombli laminati bis-sħana, stabbilita fiċ-Ċina. Il-prodott ikkonċernat jinbiegħ [minn Yieh] lil klijenti tal-Unjoni [...] u lil klijenti fis-suq intern tagħha, li jinkludu produtturi u distributuri downstream indipendenti tal-prodott ikkonċernat u lill-produttur downstream relatat tagħha, il-kumpannija Yieh Mau.

3.

Wara lment ippreżentat [...] minn Eurofer, Association européenne de l’acier, ASBL (iktar ’il quddiem ‘Eurofer’), il-Kummissjoni [...] ppubblikat, fis‑26 ta’ Ġunju 2014, Notifika ta’ bidu ta’ proċediment antidumping li jikkonċerna importazzjonijiet ta’ prodotti [ikkonċernati] li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u t-Tajwan konformement mar-[Regolament bażiku].

[...]

6

Fl‑24 ta’ Marzu 2015, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/501 li jimponi dazju antidumping provviżorju fuq importazzjonijiet ta’ prodotti tal-metall mgħattan mingħajr tisħin f’fuljetti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u mit-Tajwan (ĠU 2015, L 79, p. 23, iktar ’il quddiem ir-“regolament provviżorju”). Ir-regolament provviżorju stabbilixxa dazju antidumping provviżorju ta’ 10.9 % fuq il-prodott ikkonċernat [immanifatturat minn] [Yieh].

7

Permezz ta’ ittra tal‑25 ta’ Marzu 2015, il-Kummissjoni kkomunikat [lil Yieh] l-konklużjonijiet provviżorji tagħha li jesponu l-kunsiderazzjonijiet u l-fatti essenzjali li abbażi tagħhom kien ġie deċiż li jiġi impost dazju antidumping provviżorju (iktar ’il quddiem il-‘konklużjonijiet provviżorji’).

8

Fil-konklużjonijiet provviżorji, il-Kummissjoni indirizzat, b’mod partikolari, il-kwistjoni tar-rifjut tagħha li tnaqqas il-valur tal-metall riċiklabbli mill-ispiża ta’ produzzjoni tal-prodott ikkonċernat u l-kwistjoni tar-rifjut tagħha li tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur normali, ċertu bejgħ [ta’ Yieh] fil-pajjiż esportatur.

9

Fl‑20 ta’ April 2015, [Yieh] ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq il-konklużjonijiet provviżorji.

10

Fit‑23 ta’ Ġunju 2015, il-Kummissjoni bagħtet [lil Yieh] l-konklużjonijiet definittivi tagħha. Fit‑3 ta’ Lulju 2015, [Yieh] ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq dawn il-konklużjonijiet.

11

Fis‑26 ta’ Awwissu 2015, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament [ikkontestat] li emenda r-regolament provviżorju u impona dazju antidumping ta’ 6.8 % fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-prodott ikkonċernat, immanifatturat, b’mod partikolari, [minn Yieh].”

10

Ir-regolament ikkontestat ma għadux fis-seħħ mis‑16 ta’ Settembru 2021.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza kkontestata

11

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑27 ta’ Ottubru 2015, Yieh ippreżentat rikors intiż għall-annullament tar-regolament ikkontestat.

12

Insostenn tar-rikors tagħha, Yieh invokat żewġ motivi bbażati, rispettivament, fuq ksur tal-Artikolu 2(3) u (5) tar-Regolament bażiku kif ukoll fuq użu ħażin ta’ poter u fuq ksur tal-Artikolu 2(1) u (2) ta’ dan ir-regolament.

13

Permezz tal-ewwel motiv tagħha, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 2(3) u (5) tar-Regolament bażiku u fuq użu ħażin ta’ poter, Yieh sostniet li, billi ċaħdet it-talba tagħha għat-tnaqqis tal-valur tal-metall riċiklabbli mill-ispiża tal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat, il-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti.

14

Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, Yieh akkużat lill-Kummissjoni li kisret l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku, bir-rifjut tagħha li tieħu inkunsiderazzjoni l-kotba tal-kontabbiltà tagħha kif ukoll il-metodu ta’ tqassim tal-ispejjeż li hija applikat għat-telf tar-rombli laminati bis-sħana kkonstatati fil-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat.

15

Minħabba dan il-ksur, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni manifestament żbaljata li Yieh ma inkludietx b’mod sħiħ it-telf ta’ produzzjoni tar-rombli laminati bis-sħana fl-ispejjeż tal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat, b’tali mod li l-Kummissjoni kienet ukoll żbaljata meta rrifjutat it-tnaqqis tal-valur tal-metall riċiklabbli mill-ispiża tal-produzzjoni ta’ dan il-prodott, fatt li artifiċjalment naqqas il-valur normali bi ksur tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku.

16

Fl-aħħar, dan ir-rifjut tal-Kummissjoni li tnaqqas il-valur tal-metall riċiklabbli kien jikkostitwixxi, skont Yieh, użu ħażin ta’ poter.

17

Permezz tat-tieni motiv tagħha, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament bażiku, Yieh sostniet li l-Kummissjoni kienet, minn naħa, kisret l-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament billi rrifjutat mingħajr ġustifikazzjoni adegwata li tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur normali, il-bejgħ tal-prodott ikkonċernat lill-klijent indipendenti tagħha fit-Tajwan imwettaq matul tranżazzjonijiet kummerċjali normali u, min-naħa l-oħra, kisret l-Artikolu 2(2) tal-imsemmi regolament billi ċaħdet il-bejgħ inkwistjoni biss minħabba l-fatt li l-prodott ikkonċernat kien ġie esportat minn dan il-klijent wara dan il-bejgħ, filwaqt li l-Kummissjoni ma kinitx uriet li Yieh kellha l-intenzjoni li ma twassalx dan il-prodott għall-konsum domestiku.

18

Permezz ta’ digriet tal‑20 ta’ Lulju 2016, il-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali aċċetta l-intervent ta’ Eurofer insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

19

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet iż-żewġ motivi invokati minn Yieh u, għaldaqstant, ir-rikors kollu kemm hu.

It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

20

Permezz tal-appell tagħha, Yieh titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tilqa’ r-rikors fl-ewwel istanza, u b’hekk tannulla r-regolament ikkontestat, sa fejn jikkonċernaha, u

tikkundanna lill-Kummissjoni u lill-intervenjenti għall-ispejjeż sostnuti għall-finijiet tal-proċedura tal-ewwel istanza u tal-appell.

21

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell, u

tikkundanna lil Yieh għall-ispejjeż.

22

Eurofer titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell;

sussidjarjament, tiċħad ir-rikors tal-ewwel istanza;

iktar sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali; u

tikkundanna lil Yieh għall-ispejjeż, fosthom dawk tal-intervenjenti, inklużi dawk tal-ewwel istanza.

Fuq l-appell

23

Insostenn tal-appell tagħha, Yieh tinvoka tliet aggravji, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku sa fejn il-Qorti Ġenerali warrbet b’mod żbaljat l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, it-tieni wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 2(5) ta’ dan ir-regolament sa fejn il-Qorti Ġenerali ma kinitx ipproċediet b’mod adegwat għall-ibbilanċjar tal-bżonnijiet ta’ verifika tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-investigazzjoni tagħha u tal-interessi ta’ Yieh, u, it-tielet wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 2(2) tal-imsemmi regolament sa fejn il-Qorti Ġenerali kienet iddeċidiet li l-Kummissjoni setgħet teskludi l-bejgħ li twettaq fis-suq intern tal-pajjiż tal-esportazzjoni (iktar ’il quddiem “bejgħ domestiku”) tal-kalkolu tal-valur normali mingħajr ma kellha tistabbilixxi intenzjoni jew konjizzjoni speċifika tal-bejjiegħ fir-rigward tal-esportazzjoni finali tal-prodott konċernat.

Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 2(3) tar-regolament bażiku

L-argumenti tal-partijiet

24

L-ewwel aggravju, li jirrigwarda l-punti 60 u 61 tas-sentenza appellata, jinqasam f’żewġ partijiet.

– Fuq l-ewwel parti

25

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, Yieh tilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball manifest fl-interpretazzjoni tal-argument tagħha bbażat fuq l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku, li wassalha sabiex teskludi b’mod żbaljat l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

26

B’hekk, huwa vvizzjat bi żball manifest il-punt 60 tas-sentenza appellata, sa fejn il-Qorti Ġenerali eżiġiet li ksur tal-Artikolu 2(4) tar-regolament bażiku għandu jiġi stabbilit qabel ma jiġi invokat ksur tal-Artikolu 2(3) tal-imsemmi regolament.

27

Fil-fatt, skont Yieh, l-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku ma huwiex rilevanti f’dan il-każ.

28

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat, fl-istess punt 60 tas-sentenza appellata, li n-natura mhux benefiċjarja tal-bejgħ ikkonċernat kienet tikkostitwixxi l-unika raġuni li wasslet lill-Kummissjoni sabiex tibni l-valur normali.

29

Issa, mill-premessa 74 tar-Regolament provviżorju jirriżulta, b’mod partikolari, minn naħa, li l-valur normali ġie kkalkolat għat-tipi ta’ prodotti li għalihom kien hemm insuffiċjenza jew assenza ta’ bejgħ, jew assenza ta’ bejgħ matul tranżazzjonijiet kummerċjali normali, u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni ma użatx valur normali mibni għat-tipi ta’ prodotti li għalihom bejgħ mhux benefiċjarji ġie kkonstatat iżda pjuttost prezz ta’ bejgħ medju ponderat.

30

Barra minn hekk Yieh tikkontesta d-dikjarazzjoni, sostnuta fil-punt 61 tas-sentenza appellata, li “[Yieh] ma tikkontestax, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, il-metodu segwit mill-Kummissjoni għall-kostruzzjoni tal-valur normali, kif indikat fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku”.

31

Fil-fatt, Yieh issostni li hija kkontestat espressament, fil-punt 44 tar-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, il-metodu ta’ kostruzzjoni tal-valur normali kif applikat mill-Kummissjoni, sa fejn din irrifjutat li tilqa’ t-talba tagħha li tnaqqas il-valur tal-metall riċiklabbli mill-ispiża tal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat, abbażi tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku.

32

Il-Kummissjoni ssostni li, fl-assenza ta’ provi suffiċjenti, hija ma kellha l-ebda għażla oħra ħlief li tirrifjuta li tnaqqas il-valur tal-metall riċiklabbli mill-ispiża tal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat, peress li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tistabbilixxi b’mod affidabbli, abbażi tal-verifiki imposti mill-Artikolu 6(8) tar-Regolament bażiku, jekk it-telf iddikjarat kienx jinkludi l-ispejjeż materjali mitluba, u lanqas l-ammont tat-tnaqqis tal-valur tal-metall riċiklabbli.

33

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkontesta l-interpretazzjoni adottata minn Yieh tal-punti 60 u 61 tas-sentenza appellata.

34

Eurofer teċċepixxi l-inammissibbiltà tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju minħabba li, kif ġustament ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 61 tas-sentenza appellata, l-argument ta’ Yieh ibbażat fuq in-natura żbaljata tal-kostruzzjoni tal-valur normali ma kienx tressaq fl-ewwel istanza.

35

Barra minn hekk, hija tenfasizza li Yieh baqgħet ma ressqitx argumenti li juru żball manifest tal-Qorti Ġenerali fl-eżami tal-mertu ta’ dan l-argument. Hija tfakkar għalhekk li r-rifjut tal-Kummissjoni li tnaqqas il-valur tal-metall riċiklabbli mill-ispiża tal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat għall-finijiet tal-kalkolu tal-valur normali maħdum huwa ġġustifikat mir-riskju ta’ tnaqqis doppju u ta’ tnaqqis artifiċjali tal-ispejjeż.

– Fuq it-tieni parti

36

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, Yieh issostni li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku ma għandux natura awtonoma. Għalhekk, fil-punt 60 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ssuġġettat il-konstatazzjoni ta’ ksur ta’ din id-dispożizzjoni għal konstatazzjonijiet magħmula preċedentement abbażi tal-Artikolu 2(4) jew tal-Artikolu 2(5) ta’ dan ir-regolament.

37

Issa, tali ċaħda tan-natura awtonoma tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku mhux biss tmur kontra l-prassi deċiżjonali tal-WTO dwar id-dispożizzjoni korrispondenti tal-Artikolu 2(2) tal-Ftehim antidumping, iżda, barra minn hekk, ma tippermettix lil Yieh tikkontesta biss il-metodu ta’ kalkolu użat mill-Kummissjoni sabiex tiddetermina l-valur normali maħdum.

38

Barra minn hekk, il-portata tal-eżami mill-Kummissjoni tal-kwistjoni tat-tnaqqis tal-valur tal-metall riċiklabbli mill-ispiża tal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat għandha tkun differenti skont jekk dan l-eżami jsirx fil-kuntest tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku jew f’dak tal-Artikolu 2(4) tal-imsemmi regolament. Din l-aħħar dispożizzjoni mhijiex rilevanti f’dan il-każ minħabba n-natura profittabbli tal-bejgħ domestiku. Għaldaqstant, il-kompitu tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku ma jistax ikun identiku għal dak b’rabta mal-Artikolu 2(4) tal-imsemmi regolament, issuġġerit mill-Qorti Ġenerali fil-punti 78 sa 80 tas-sentenza appellata.

39

Il-Kummissjoni u Eurofer jikkontestaw l-interpretazzjoni adottata minn Yieh fil-punt 60 tas-sentenza appellata. Il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx li l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku ma huwiex dispożizzjoni awtonoma, iżda pjuttost li l-kostruzzjoni tal-valur normali kienet il-konsegwenza tal-applikazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku.

L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

40

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, li jirrigwarda l-punti 60 u 61 tas-sentenza appellata u li huwa maqsum f’żewġ partijiet li jikkoinċidu fil-parti l-kbira tagħhom u li għalhekk jistgħu jiġu eżaminati flimkien, Yieh tilmenta li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku.

41

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kif issostni wkoll il-Kummissjoni, id-diversi kritiki magħmula minn Yieh, fil-kuntest tal-ewwel aggravju tagħha, kontra l-punti 60 u 61 tas-sentenza appellata huma bbażati ħafna fuq qari żbaljat ta’ dawn il-punti. Issa, peress li, fl-imsemmija punti, il-Qorti Ġenerali, bi tweġiba għall-argument partikolari żviluppat minn Yieh, artikolat b’mod korrett l-interazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(3) u dawk tal-Artikolu 2(4) u (5) tar-Regolament bażiku, għandu jiġi kkunsidrat li dawn l-istess punti ma humiex ivvizzjati bi żball ta’ liġi.

42

Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li ssostni Yieh fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħha, ma jistax jiġi dedott mill-punti 60 u 61 tas-sentenza appellata li l-Qorti Ġenerali “warrbet l-applikazzjoni” tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku.

43

Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni Yieh fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tagħha, lanqas ma jista’ jiġi dedott minn dawn il-punti 60 u 61 li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku ma għandux “natura awtonoma” sa fejn issuġġetta l-konstatazzjoni ta’ ksur ta’ din id-dispożizzjoni għal konstatazzjonijiet magħmula preċedentement abbażi tal-Artikolu 2(4) jew tal-Artikolu 2(5) tal-imsemmi regolament li jippermettu li jiġi konkluż li hemm ksur ta’ dawn l-aħħar dispożizzjonijiet, li, skont Yieh, ma kienx jippermettilha li tikkontesta biss il-metodu tal-kalkolu użat mill-Kummissjoni biex tiddetermina l-valur normali maħdum filwaqt li hija kienet ressqet tali lment quddiem il-Qorti Ġenerali.

44

F’dan ir-rigward, huwa importanti li l-punti 60 u 61 tas-sentenza appellata jitqiegħdu fil-kuntest li fih il-Qorti Ġenerali eżaminat l-ewwel motiv tar-rikors, jiġifieri, essenzjalment, kif jirriżulta mill-punti 29, 48, 49 u 56 tas-sentenza appellata, fir-rigward tal-argument ta’ Yieh li jgħid li r-rifjut tal-Kummissjoni, bi ksur tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku, li tnaqqas il-valur tal-metall irriċiklat mill-ispiża tal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat, kellu bħala konsegwenza li “jintefaħ artifiċjalment” il-valur normali bi ksur tal-Artikolu 2(3) tal-imsemmi regolament, li kellu bħala effett li tiżdied il-parti tat-tipi ta’ prodotti li għalihom il-valur normali ġie kkostruwit minħabba l-bejgħ li twettaq bi prezzijiet inqas mill-ispejjeż ta’ manifattura.

45

Issa, fil-punti 52 sa 55 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tirreferi, ġustament, għall-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2014, Il‑Kunsill vs Alumina (C‑393/13 P, EU:C:2014:2245), dwar l-interazzjoni bejn, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku u dawk tal-Artikolu 2(4) tal-istess regolament.

46

Fir-rigward ta’ każ bħal dak inkwistjoni, din l-interazzjoni timmanifesta ruħha kif ġej.

47

Jekk, matul l-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tikkonstata li ċertu bejgħ domestiku ma huwiex benefiċjarju peress li twettaq bi prezzijiet iktar baxxi mill- “ispiża tal-produzzjoni”, jiġifieri l-ispejjeż tal-produzzjoni għal kull unità (fissi u varjabbli), flimkien mal-ispejjeż tal-bejgħ, l-ispejjeż amministrattivi u spejjeż ġenerali oħra, fuq perijodu estiż, fi kwantitajiet sostanzjali u bi prezzijiet li ma jippermettux li jiġu koperti l-ispejjeż kollha f’terminu raġonevoli, dan il-bejgħ huwa ikkunsidrat bħala li ma seħħx matul “tranżazzjonijiet kummerċjali normali” u għalhekk kellu għalhekk jitwarrab mill-bażi ta’ kalkolu li sservi għad-determinazzjoni tal-valur normali skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku. F’dan il-każ, l-Artikolu 2(3) ta’ dan ir-regolament kien applikabbli, li kien jipprevedi li, għat-tipi ta’ prodotti kkonċernati, valur normali ieħor, imsejjaħ “kostruwit”, kien ikkalkolat fuq il-bażi tal-imsemmija spiża ta’ produzzjoni miżjuda b’marġni ta’ profitt raġonevoli.

48

F’dan il-kuntest, fil-punt 60 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li r-rikors tal-Kummissjoni, għal ċertu bejgħ domestiku, għal valur normali maħdum ma jirriżultax mill-konstatazzjoni ta’ “sitwazzjoni partikolari tas-suq” marbuta mal-fatt li l-prezzijiet ikunu “artifiċjalment baxxi”, fis-sens tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku. Din il-konstatazzjoni, ta’ natura essenzjalment fattwali, ma hijiex ikkontestata minn Yieh fl-istadju tal-appell.

49

Għandu jiġi rrilevat li, fl-istess punt 60, fir-rigward preċiżament tal-interazzjoni mfakkra fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali tafferma, ġustament, li dan l-użu ta’ valur normali maħdum “huwa l-konsegwenza diretta” tal-konstatazzjoni mill-Kummissjoni li ċertu bejgħ domestiku twettaq bi prezzijiet iktar baxxi mill-ispejjeż ta’ produzzjoni, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku, “wara ċ-ċaħda mill-Kummissjoni tat-talba għal tnaqqis tal-metall riċiklabbli ppreżentata mir-rikorrenti”.

50

Kif jikkonferma l-punt 56 tas-sentenza appellata, fil-punt 60 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali għamlet konstatazzjoni fattwali, jiġifieri li, f’dan il-każ, l-użu mill-Kummissjoni, għal “minoranza” ta’ bejgħ domestiku, ta’ valur normali maħdum, konformement mal-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku, kien jirriżulta direttament mill-fatt li, wara ċ-ċaħda mill-Kummissjoni tat-talba għal tnaqqis tal-valur tal-metall riċiklabbli mill-ispejjeż ta’ produzzjoni tal-prodott ikkonċernat li kienet talbet Yeah, dan il-bejgħ domestiku ġie kkunsidrat bħala li twettaq bi prezzijiet inferjuri għall-ispiża tal-produzzjoni, fis-sens tal-Artikolu 2(4) tal-imsemmi regolament, filwaqt li huma kienu benefiċjarji u għalhekk ma ġewx miċħuda bis-saħħa ta’ din l-aħħar dispożizzjoni għalkemm il-Kummissjoni kienet laqgħet din it-talba għal tnaqqis u kienet naqset konsegwentement l-imsemmija spiża ta’ produzzjoni għal kompetizzjoni tal-ammonti mitluba u, għaldaqstant, il-valur normali.

51

Din il-konstatazzjoni fattwali, sa fejn tikkonċerna biss “ċertu numru ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali ddikjarati minn [Yieh]”, ma tistax, kuntrarjament għal dak li hija ssostni, tiġi interpretata fis-sens li valur normali nbena biss fil-każijiet ta’ bejgħ mhux benefiċjarji. Għalhekk ma teżisti ebda kontradizzjoni bejn il-punt 60 tas-sentenza appellata u l-premessa 74 tar-Regolament provviżorju li tindika li l-valur maħdum intuża wkoll fil-każ ta’ bejgħ domestiku insuffiċjenti, fis-sens tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku.

52

Għalkemm, permezz tal-ewwel aggravju tagħha, Yieh tikkontesta din l-istess konstatazzjoni fattwali, għandu jitfakkar, preliminarjament, li, skont l-Artikolu 256(1) TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-appell huwa limitat għall-punti ta’ liġi. Il-Qorti Ġenerali biss għandha l-kompetenza, minn naħa, li tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta mill-atti tal-proċess li jkunu ġew ippreżentati quddiemha, u, min-naħa l-oħra, sabiex tevalwa dawn il-fatti kif ukoll il-provi. L-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u elementi ta’ prova għalhekk ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta’ żnaturament tagħhom, kwistjoni ta’ dritt suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Settembru 2018, Philips u Philips France vs Il‑Kummissjoni, C‑98/17 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:774, punt 40, kif ukoll tal‑11 ta’ Novembru 2021, Autostrada Wielkopolska vs Il‑Kummissjoni u Il‑Polonja, C‑933/19 P, EU:C:2021:905, punti 9293 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

53

Barra minn hekk, meta jallega żnaturament tal-fatti jew tal-provi mill-Qorti Ġenerali, appellant għandu, skont l-Artikolu 256 TFUE, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jindika b’mod preċiż il-provi li allegatament ġew żnaturati mill-Qorti Ġenerali u juri l-iżbalji ta’ analiżi li, fl-evalwazzjoni tagħha, wasslu lill-Qorti Ġenerali għal dan l-iżnaturament. Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li żnaturament għandu jirriżulta b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2021, Autostrada Wielkopolska vs Il‑Kummissjoni u Il‑Polonja, C‑933/19 P, EU:C:2021:905, punt 94 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

54

Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li hija ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata l-fatti u lanqas, bħala prinċipju, sabiex teżamina l-provi li l-Qorti Ġenerali qieset insostenn ta’ dawn il-fatti. Ladarba dawn il-provi jkunu nkisbu b’mod xieraq u l-prinċipji ġenerali tad-dritt kif ukoll ir-regoli ta’ proċedura applikabbli fir-rigward tal-oneru u tal-produzzjoni tal-provi jkunu ġew osservati, hija biss il-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-provi li jkunu prodotti quddiemha. Għaldaqstant, din l-evalwazzjoni ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ tal-iżnaturament ta’ dawn il-provi, kwistjoni ta’ dritt suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Photo USA Electronic Graphic vs Il‑Kunsill, C‑31/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:390, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55

Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni, u b’mod partikolari fil-qasam tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi u politiċi li huma għandhom jeżaminaw (sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Hubei Xinyegang Special Tube, C‑891/19 P, EU:C:2022:38, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56

Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati, tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew tal-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Hubei Xinyegang Special Tube, C‑891/19 P, EU:C:2022:38 punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57

Kif affermat il-Qorti Ġenerali fil-punt 68 tas-sentenza appellata, dan l-istħarriġ ġudizzjarju limitat jestendi, b’mod partikolari, għall-għażla bejn metodi differenti ta’ kalkolu tal-marġni ta’ dumping u għall-evalwazzjoni tal-valur normali ta’ prodott.

58

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li l-istħarriġ, mill-Qorti Ġenerali, tal-provi li fuqhom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jibbażaw il-konstatazzjonijiet tagħhom ma jikkostitwixxix evalwazzjoni ġdida tal-fatti li tissostitwixxi dik ta’ dawn l-istituzzjonijiet. Dan l-istħarriġ ma jaffettwax is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-imsemmija istituzzjonijiet fil-qasam tal-politika kummerċjali, iżda jillimita ruħu li jirrileva jekk dawn l-elementi humiex ta’ natura li jsostnu l-konklużjonijiet misluta minnhom. Għaldaqstant, hija l-Qorti Ġenerali li għandha mhux biss tivverifika l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda wkoll li tistħarreġ jekk dawn il-provi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex tali li fuqhom ikunu bbażati l-konklużjonijiet misluta minnhom (sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Hubei Xinyegang Special Tube, C‑891/19 P, EU:C:2022:38, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59

Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, il-konstatazzjoni fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 60 tas-sentenza appellata tista’ tiġi kkontestata biss jekk jintwera li l-ineżattezza materjali tagħha tirriżulta mill-atti tal-proċess li ġew ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali. Issa, f’dan il-każ, Yieh ma wrietx li dan huwa l-każ.

60

Barra minn hekk, Yieh la tallega u lanqas tipprova żnaturament tal-fatti mill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tagħhom.

61

Hija lanqas ma turi li l-Qorti Ġenerali tista’ tiġi kkritikata li naqset milli tikkonstata li l-Kummissjoni, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti.

62

Barra minn hekk, mill-premessa 74 tar-Regolament provviżorju ma jirriżultax li, kif issostni Yieh, il-Kummissjoni ma użatx valur normali maħdum għat-tipi ta’ prodotti li għalihom ġie kkonstatat bejgħ mhux benefiċjarju, iżda pjuttost prezz ta’ bejgħ medju ponderat. Fil-fatt, din il-premessa sempliċement tindika li valur normali maħdum intuża wkoll fid-dawl tal-“assenza ta’ bejgħ fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali”.

63

Fl-aħħar, kuntrarjament għal dak li ssostni Yieh, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 61 tas-sentenza appellata, effettivament eżaminat l-argument tagħha bbażat fuq ksur tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku.

64

Fil-fatt, f’dan il-punt, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet mill-esklużjoni, fir-Regolament ikkontestat, ta’ ċertu bejgħ domestiku tad-determinazzjoni tal-valur normali, minħabba l-konstatazzjoni tan-natura mhux benefiċjarja tagħhom skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku, li “ksur tal-Artikolu 2(3) [ta’ dan ir-regolament], sa fejn dan jelenka d-diversi sitwazzjonijiet li jiddeterminaw l-obbligu, għall-awtorità inkarigata mill-investigazzjoni, li tibni l-valur normali tal-prodott ikkonċernat mill-produttur-esportatur, ma jistax, f’kull każ, jiġi stabbilit għall-finijiet tal-annullament tar-regolament ikkontestat indipendentement mill-konstatazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 2(4) tal-istess regolament”. Hija żiedet li “għall-bqija, [Yieh] ma tikkontestax, fil-kuntest ta’ [dan ir-rikors fl-ewwel istanza], il-metodu segwit mill-Kummissjoni għall-kostruzzjoni tal-valur normali, kif indikat fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku”.

65

Għalkemm, fil-punt 61 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma titlobx iċ-ċaħda tal-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku, dan ir-rifjut huwa stabbilit b’mod ċar fil-punt 111 ta’ din is-sentenza wara li, fil-punti 62 sa 110 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali wettqet eżami eżawrjenti u ċaħdet l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 2(5) ta’ dan ir-regolament.

66

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 2(5) tar-regolament bażiku

L-argumenti tal-partijiet

67

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, Yieh issostni li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx b’mod adegwat l-ibbilanċjar tal-interessi tagħha u tal-ħtiġijiet ta’ verifika tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-investigazzjoni tagħha, li jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku.

68

Madankollu, il-Qorti Ġenerali stess irrikonoxxiet, skont l-Anness II tal-ftehim antidumping u l-prassi deċiżjonali relatata miegħu, in-neċessità ta’ tali bilanċ bejn il-bżonnijiet ta’ verifika tal-Kummissjoni u d-drittijiet ta’ Yieh ibbażati fuq l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku.

69

F’dan il-każ, skont Yieh, il-Qorti Ġenerali xaqilbet il-bilanċ favur il-bżonnijiet ta’ verifika tal-Kummissjoni, billi kkonkludiet li, minħabba l-importanza tal-kwistjoni tal-profittabbiltà tal-bejgħ intern fil-kuntest tal-investigazzjoni antidumping, il-Kummissjoni kellha d-dritt tikseb informazzjoni preċiża ħafna dwar l-ispejjeż ta’ Yieh u li hija setgħet ġustament teskludi l-metodu ta’ kontabbiltà tal-ispejjeż użat minn din tal-aħħar għall-finijiet tal-kalkolu tat-telf tal-produzzjoni tal-metall.

70

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali, billi ċaħdet, fil-punt 94 tas-sentenza appellata, l-argument li l-ġbir ta’ data preċiża dwar il-volumi tar-rombli laminati bis-sħana kien wassal għal piż ta’ xogħol sproporzjonat min-naħa ta’ Yieh, naqset milli twettaq evalwazzjoni fattwali ta’ dan l-ammont ta’ xogħol u naqset milli tibbilanċja dan mal-bżonnijiet tal-investigazzjoni.

71

Il-Kummissjoni u Eurofer jikkontestaw l-ammissibbiltà ta’ wħud mill-argumenti mressqa minn Yieh fil-kuntest tat-tieni aggravju tagħha u jsostnu li, fi kwalunkwe każ, dan l-aggravju ma huwiex fondat.

L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

72

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, Yieh tikkritika l-eżami, imwettaq mill-Qorti Ġenerali fil-punti 69 sa 111 tas-sentenza appellata, tal-aggravju tagħha bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku u intiż kontra r-rifjut tal-Kummissjoni li tilqa’ t-talba tagħha li tnaqqas, mill-ispejjeż tal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat, valur iddeterminat ta’ metall riċiklabbli.

73

F’dan ir-rigward, Yieh tilmenta li l-Qorti Ġenerali, minn naħa, ma wettqitx b’mod adegwat l-ibbilanċjar tal-interessi tagħha u tal-ħtiġijiet ta’ verifika tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-investigazzjoni tagħha, li jikkostitwixxi ksur tal-imsemmija dispożizzjoni.

74

Min-naħa l-oħra, Yieh issostni li l-Qorti Ġenerali, meta ċaħdet fil-punt 94 tas-sentenza appellata l-argument tagħha li l-ġbir ta’ data dwar il-volum eżatt tar-rombli laminati bis-sħana mixtrija sabiex timmanifattura preċiżament il-prodott ikkonċernat wassal, għaliha, għal piż ta’ xogħol sproporzjonat, naqset milli twettaq evalwazzjoni fattwali ta’ dan l-ammont ta’ xogħol u naqset milli tibbilanċja dan mal-bżonnijiet tal-investigazzjoni.

75

F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel jiġi kkonstatat li dan it-tieni aggravju, bl-eċċezzjoni tal-punt 94 tas-sentenza appellata, ma jirreferi għal ebda punt partikolari tal-imsemmija sentenza.

76

Issa, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u mill-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza li tagħha jintalab l-annullament kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba. F’dan ir-rigward, huwa meħtieġ, fl-Artikolu 169(2) ta’ dawn ir-regoli, li l-aggravji u l-argumenti ta’ dritt invokati jidentifikaw bi preċiżjoni l-punti tar-raġunijiet tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li jkunu qegħdin jiġu kkontestati (sentenza tat‑28 ta’ Frar 2018, mobile.de vs EUIPO, C‑418/16 P, EU:C:2018:128, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77

L-osservanza ta’ dan l-aħħar rekwiżit hija iktar u iktar importanti f’dan il-każ peress li l-aggravju inkwistjoni jikkonċerna potenzjalment sensiela wiesgħa ta’ evalwazzjonijiet ta’ natura essenzjalment fattwali, imwettqa fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku u li jinsabu fil-punti 69 sa 111 tas-sentenza appellata fil-kuntest ta’ raġunament iddettaljat.

78

Minn dan isegwi li t-tieni aggravju, sa fejn ma jikkonċerna ebda punt ieħor tas-sentenza appellata ħlief il-punt 94 tagħha, huwa inammissibbli.

79

Sussegwentement, sa fejn jirrigwarda, minn dan il-punt 94, mill-kliem stess tiegħu jirriżulta li l-Qorti Ġenerali eżaminat u sussegwentement ċaħdet l-argument imqajjem minn Yieh bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali kif ukoll matul is-seduta, li jgħid li, minn naħa, it-tfittxija għal informazzjoni dwar il-volum eżatt tar-rombli laminati bis-sħana mixtrija sabiex timmanifattura preċiżament il-prodott ikkonċernat kienet timplika piż ta’ xogħol sproporzjonat u, min-naħa l-oħra, fl-assenza ta’ insistenza min-naħa tal-Kummissjoni, ma setgħetx tikkunsidra b’mod leġittimu li din l-informazzjoni ma kinitx iktar iġġustifikata.

80

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat fl-imsemmi punt 94 li, minn naħa, fl-ebda mument, il-Kummissjoni ma kienet esprimiet ebda intenzjoni li tirrinunzja milli tikseb l-imsemmija informazzjoni u li, min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma kellhiex id-diliġenza li tivverifika mingħand l-imsemmija istituzzjoni jekk ir-rinunzja preżunta għall-informazzjoni mitluba kinitx seħħet. Hija żiedet ukoll fl-istess punt 94 li l-Kummissjoni kienet irrilevat ġustament li hija ma kinitx biddlet l-imsemmija talba għal informazzjoni fil-kwestjonarju addizzjonali tagħha stabbilit wara ż-żjara ta’ verifika peress li din kienet tikkonċerna biss il-bejgħ għall-esportazzjoni u ma kellha ebda effett fuq it-talba inkwistjoni.

81

Il-punt 94 tas-sentenza appellata għandu, barra minn hekk, jinftiehem fil-kuntest tar-raġunament iddettaljat żviluppat fil-punti 69 sa 111 ta’ din is-sentenza li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali enfasizzat li, skont l-evalwazzjoni tagħha tal-provi, il-Kummissjoni ma setgħetx tiġi kkritikata talli ċaħdet it-talba għat-tnaqqis tal-valur tal-metall riċiklabbli mill-ispiża tal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat minħabba li, fl-assenza ta’ informazzjoni kompleta u affidabbli dwar il-volumi tar-rombli laminati bis-sħana mixtrija mill-manifattur il-prodott ikkonċernat, l-informazzjoni li hija għaldaqstant talbet, din ma kinitx f’pożizzjoni li tivverifika l-eżattezza ta’ dan it-tnaqqis.

82

Fil-punt 105 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ġabret fil-qosor l-evalwazzjoni tagħha dwar id-diversi argumenti ta’ Yieh intiżi sabiex jikkontestaw ir-rifjut tal-Kummissjoni li tilqa’ t-talba tagħha għal tnaqqis tal-valur tal-metall riċiklabbli mill-ispiża tal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat billi enfasizzat li, għalkemm Yieh kienet ipprovdiet ċerta informazzjoni addizzjonali, anki wara ż-żjara ta’ verifika fuq il-post kif ukoll wara l-adozzjoni tar-Regolament provviżorju, hija qatt ma kienet ipprovdiet min-naħa l-oħra, l-informazzjoni dwar il-kwantità eżatta tar-rombli laminati bis-sħana kkonsumati mill-manifattura tal-prodott ikkonċernat li l-Kummissjoni setgħet tqis bħala indispensabbli għall-finijiet tat-twettiq tal-missjoni tagħha ta’ verifika sa fejn, b’mod partikulari, it-talba ta’ tnaqqis tal-valur tal-metall riċiklabbli mill-ispiża ta’ produzzjoni tal-prodott ikkonċernat kienet marbuta mal-volum tar-rombli laminati bis-sħana kkonsumati fil-kuntest tal-manifattura tal-prodott ikkonċernat.

83

Madankollu, dawn id-diversi evalwazzjonijiet ta’ natura essenzjalment fattwali mwettqa mill-Qorti Ġenerali, inkluż fil-punt 94 tas-sentenza appellata, ma jistgħux jiġu kkontestati minn Yieh abbażi ta’ lment ibbażat fuq ibbilanċjar allegatament inadegwat tal-interessi preżenti.

84

Fil-fatt, kif tfakkar fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, l-evalwazzjoni tal-fatti mill-Qorti Ġenerali ma tikkostitwixxix, bla ħsara għall-iżnaturament tagħhom, kwistjoni ta’ dritt suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.

85

Issa, f’dan il-każ, peress li Yieh ma wrietx tali żnaturament, l-aggravju tagħha bbażat fuq ibbilanċjar inadegwat mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 94 tas-sentenza appellata, tal-interessi preżenti huwa inammissibbli fl-istadju tal-appell.

86

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli kollu kemm hu.

Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku

L-argumenti tal-partijiet

87

Permezz tat-tielet aggravju tagħha, Yieh issostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku billi ddeċidiet, essenzjalment, fil-punti 129 sa 135 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni setgħet tirrifjuta li tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur normali, bejgħ domestiku minħabba li l-prodotti inkwistjoni ma kinux intiżi għall-konsum f’dan is-suq, iżda kienu intiżi għall-esportazzjoni mingħajr ma din l-istituzzjoni tkun obbligata turi intenzjoni jew għarfien speċifiku fir-rigward tal-produttur-esportatur fir-rigward ta’ din id-destinazzjoni fil-mument tal-bejgħ.

88

L-ewwel nett, Yieh tikkontesta li l-analiżi tal-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, magħmula fil-punti 129 u 130 tas-sentenza appellata, tista’ tikkonferma l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li din id-dispożizzjoni ma timponix fuq il-Kummissjoni li tipprova l-għarfien jew l-intenzjoni tal-produttur-esportatur fir-rigward tad-destinazzjoni finali tal-prodotti inkwistjoni fil-mument tal-bejgħ.

89

Fit-tieni lok, Yieh tikkontesta l-interpretazzjoni kuntestwali u teleoloġika tar-regolament bażiku mwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-punti 132 u 135 tas-sentenza appellata. Hija tqis li, għalkemm mir-regolament bażiku jirriżulta li d-dumping, id-dannu u l-evażjoni, fis-sens ta’ dan ir-regolament, jistgħu jiġu kkonstatati indipendentement mill-intenzjoni tal-produttur-esportatur, xorta jibqa’ l-fatt li jeżisti element suġġettiv fl-applikazzjoni ta’ miżura antidumping peress li dan jirrigwarda li jiġi ssanzjonat aġir “żleali” tal-produtturi-esportaturi kkonċernati. Barra minn hekk, dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament bażiku u ta’ strumenti oħra ta’ difiża kummerċjali, b’mod partikolari r-“regoli kontra s-sussidji”, jimponu fuq l-awtorità inkarigata mill-investigazzjoni li tivverifika l-għarfien suġġettiv u l-intenzjoni tal-produtturi-esportaturi.

90

It-tielet, huwa ċirkolari r-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 134 tas-sentenza appellata, li jikkonsisti f’li jiġi kkunsidrat li n-neċessità li tiġi pprovata l-intenzjoni jew l-għarfien effettiv tal-bejjiegħ fil-mument tal-bejgħ fir-rigward tad-destinazzjoni finali tal-prodott inkwistjoni twassal sabiex tippermetti t-teħid inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur normali, tal-prezzijiet ta’ prodotti esportati li jistgħu joħolqu distorsjoni tiegħu.

91

Il-Kummissjoni u Eurofer jikkontestaw l-argumenti ta’ Yieh u jsostnu li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud peress li l-analiżi magħmula mill-Qorti Ġenerali ma hija vvizzjata b’ebda żball ta’ liġi.

L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

92

Preliminarjament, għandu jiġi indikat li mir-regola, prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku, li tipprovdi li “[i]l-valur normali għandu normalment ikun ibbażat fuq il-prezzijiet imħallsa jew pagabbli, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, minn klijenti indipendenti mill-pajjiż esportatur.”, u minn dak, imsemmi fl-Artikolu 2(2) ta’ dan ir-regolament, li jipprovdi li “[i] Il-bejgħ tal-prodott simili maħsub għall-konsum domestiku għandu normalment jiġi wżat biex jiġi stabbilit valur normali”, li ma jitqisux għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur normali l-bejgħ domestiku meta l-prodotti kkonċernati minn dan il-bejgħ huma ddestinati mhux għall-konsum fis-suq, iżda għall-oġġettiv ieħor bħall-esportazzjoni tagħhom.

93

Għalhekk tqum il-kwistjoni dwar jekk, kif issostni Yieh, l-espressjoni “maħsub għall-konsum”, fis-sens tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, timplikax l-eżistenza ta’ element suġġettiv.

94

Skont l-approċċ “suġġettiv”, kif sostnut minn Yieh fil-kuntest tat-tielet aggravju tagħha, din l-espressjoni għandha tinftiehem fis-sens li l-bejgħ domestiku ma jistax jiġi eskluż mill-bażi ta’ kalkolu li sservi għad-determinazzjoni tal-valur normali ħlief jekk il-Kummissjoni turi li, fil-mument tal-konklużjoni tiegħu, il-bejjiegħ kellu l-intenzjoni li l-prodott ikkonċernat ikun sussegwentement esportat jew li kellu għarfien effettiv ta’ din l-esportazzjoni.

95

Għall-kuntrarju, skont l-approċċ “oġġettiv”, adottat, essenzjalment, mill-Qorti Ġenerali fil-punti 136 sa 142 tas-sentenza appellata, sabiex ikun jista’ jiġi eskluż ċertu bejgħ domestiku mill-bażi ta’ kalkolu li sservi għad-determinazzjoni tal-valur normali, ikun biżżejjed li l-Kummissjoni jkollha provi oġġettivi suffiċjenti li juru li l-bejgħ inkwistjoni huwa fir-realtà bejgħ għall-esportazzjoni.

96

F’dan ir-rigward, fil-punti 128 u 129 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ħadet b’mod korrett bħala punt ta’ tluq tar-raġunament tagħha l-konstatazzjoni li l-verżjoni Ingliża tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, sa fejn tinkludi l-kliem “intended for consumption”, hija fformulata b’mod li tista’ tissuġġerixxi li l-intenzjoni tal-bejjiegħ hija l-kriterju rilevanti, li jidher li jista’ jimmilita favur approċċ suġġettiv imsemmi fil-punt 94 ta’ din is-sentenza. Jista’ jingħad ukoll li l-verżjoni bil-lingwa Svediża, sa fejn hija tuża l-kunċett “avsedd”, tikkorrispondi f’dan ir-rigward għall-kelma “intended” li tuża l-verżjoni bl-Ingliż.

97

Min-naħa l-oħra, pjuttost jimmilita għall-approċċ oġġettiv, imsemmi fil-punt 95 ta’ din is-sentenza, il-fatt li, fil-maġġoranza tal-verżjonijiet lingwistiċi, b’mod partikolari fit-tmien verżjonijiet, fosthom il-verżjoni Franċiża, li għalihom tirreferi l-Qorti Ġenerali u li magħhom jistgħu jiżdiedu l-verżjonijiet bil-lingwa Portugiża u Rumena li jużaw, rispettivament, il-kliem “destinado” u “destinat”, jintużaw kunċetti li jirreferu għad-destinazzjoni tal-prodott u mhux jew mhux neċessarjament għall-intenzjoni jew għall-għarfien tal-produttur-esportatur.

98

F’dan ir-rigward, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-espressjoni “maħsub għall-konsum domestiku”, użata fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, tfisser, skont it-tifsira abitwali tagħha, li jeħtieġ, sabiex il-bejgħ fil-pajjiż esportatur ikun jista’ jiġi inkluż fil-bażi ta’ kalkolu użat għad-determinazzjoni tal-valur normali, li l-prodotti li huma s-suġġett ta’ dan il-bejgħ ikunu “assenjati” jew “irriservati” jew “affettwati” għall-konsum domestiku.

99

Fil-preżenza ta’ tali diverġenzi bejn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, fir-rigward b’mod partikolari tal-espressjoni “maħsub għall-konsum”, din id-dispożizzjoni għandha, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, tiġi interpretata skont l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li tagħha hija tikkostitwixxi element (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Banco de Portugal et, C‑504/19, EU:C:2021:335, punt 41).

100

Għalhekk għandhom jiġu eżaminati l-elementi kuntestwali u teleoloġiċi differenti mressqa mill-Qorti Ġenerali fil-punti 130 sa 135 tas-sentenza appellata insostenn ta’ interpretazzjoni oġġettiva tal-espressjoni “maħsuba għall-konsum”, fis-sens tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, li, uħud minnhom, huma kkritikati minn Yieh.

101

Madankollu, preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, is-supremazija tal-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni fuq it-testi tad-dritt sekondarju tal-Unjoni teżiġi li dawn tal-aħħar jiġu interpretati, sa fejn ikun possibbli, b’mod konformi ma’ dawn il-ftehimiet (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Hubei Xinyegang Special Tube, C‑891/19 P, EU:C:2022:38, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

102

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rreferiet għal rapporti ta’ grupp speċjali tal-WTO jew tal-Korp tal-Appell stabbilit fi ħdan il-WTO insostenn tal-interpretazzjoni tagħha tad-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet li jinsabu fl-anness tal-ftehim li jistabbilixxi l-WTO, iffirmat f’Marrakech fil‑15 ta’ April 1994 (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il-Kummissjoni vs Hubei Xinyegang Special Tube, C‑891/19 P, EU:C:2022:38, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

103

Wara li ġie ppreċiżat dan, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li, kif tosserva ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 130 tas-sentenza appellata, l-Artikolu 2.1 tal-ftehim antidumping li t-termini tiegħu jikkorrispondu għal dawk tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku juża, fit-tliet lingwi uffiċjali tas-segretarjat tal-WTO, l-espressjonijiet, rispettivament, “destined for consumption” bil-lingwa Ingliża, “destiné à la consommation” bil-lingwa Franċiża u “destinado al consumo” bil-lingwa Spanjola.

104

Fit-tieni lok, huwa wkoll ġust li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet essenzjalment, fil-punt 131 tas-sentenza appellata, li, għalkemm il-prova tal-intenzjoni jew tal-għarfien effettiv tal-produttur-esportatur fir-rigward tal-esportazzjoni ulterjuri tal-prodott inkwistjoni hija biżżejjed sabiex jiġi konkluż li l-bejgħ ma jistax jiġi kklassifikat bħala bejgħ maħsub għall-konsum domestiku u ma jistax, għaldaqstant, jiġi inkluż fil-bażi ta’ kalkolu li jservi għad-determinazzjoni tal-valur normali, minn dan ma jistax jiġi dedott li l-assenza ta’ għarfien effettiv min-naħa tiegħu minħabba li l-prodott inkwistjoni huwa maħsub għall-esportazzjoni jwassal neċessarjament li jiġi kkunsidrat l-bejgħ inkwistjoni bħala maħsub għall-konsum domestiku u bħala għalhekk li għandu jiġi inkluż fl-imsemmija bażi ta’ kalkolu, għalkemm dan il-prodott huwa s-suġġett ta’ esportazzjoni.

105

B’hekk, kuntrarjament għall-approċċ suġġettiv sottoskritt minn Yieh, il-prova tal-intenzjoni jew tal-għarfien effettiv tal-produttur-esportatur, fil-mument tal-bejgħ, fir-rigward tal-esportazzjoni ulterjuri tal-prodott inkwistjoni ma tikkostitwixxix kundizzjoni li għandha neċessarjament tiġi ssodisfatta għall-fini tal-esklużjoni mill-Kummissjoni tal-bejgħ ikkonċernat mill-bażi ta’ kalkolu li sservi għad-determinazzjoni tal-valur normali.

106

F’dan il-kuntest, kif jirriżulta essenzjalment mill-punt 131 tas-sentenza appellata, ma tistax issostni l-approċċ suġġettiv imressaq minn Yieh, is-sempliċi osservazzjoni magħmula mill-grupp speċjali tal-WTO, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 339 tar-rapport tiegħu, tas‑16 ta’ Novembru 2007, stabbilit fil-kuntest tat-tilwima “Komunitajiet Ewropej – Miżura antidumping dwar is-salamun tat-trobbija li joriġina min-Norveġja” (WT/DS 337/R), li tgħid li, meta produttur kien ibigħ prodott lil esportatur jew lil negozjant indipendenti “fl-għarfien li dan il-prodott ser jiġi esportat”, dan il-bejgħ ma setax jiġi kklassifikat bħala bejgħ maħsub għall-konsum domestiku.

107

Ċertament, kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn din l-osservazzjoni jirriżulta li l-għarfien effettiv mill-esportatur-produttur tal-fatt li l-prodott inkwistjoni huwa intiż għall-esportazzjoni ma huwiex irrilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku peress li dan, waħdu, għandu neċessarjament iwassal sabiex il-bejgħ inkwistjoni jiġi eskluż mill-bażi ta’ kalkolu li sservi għad-determinazzjoni tal-valur normali.

108

Madankollu, kif osserva wkoll, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma jistax jiġi dedott minn tali osservazzjoni, li hija ta’ natura puntwali u fattwali, li l-prova ta’ tali għarfien effettiv fir-rigward tal-esportazzjoni tal-prodott inkwistjoni hija kundizzjoni li għandha, f’kull każ, tiġi ssodisfatta sabiex l-awtorità inkarigata mill-investigazzjoni tkun obbligata teskludi bejgħ mid-determinazzjoni tal-bażi ta’ kalkolu li sservi għad-determinazzjoni tal-valur normali minħabba l-fatt li l-prodott inkwistjoni huwa intiż għall-esportazzjoni.

109

Fit-tielet lok, kif ġustament osservat il-Qorti Ġenerali fil-punt 132 tas-sentenza appellata, il-kunċetti ta’ “dumping”, ta’ “dannu” u ta’ “evażjoni”, kif iddefiniti fir-Regolament bażiku, jeħtieġu li jiġu ssodisfatti kundizzjonijiet oġġettivi li huma, bħala prinċipju, indipendenti minn intenzjoni jew minn għarfien speċifiku tal-operatur.

110

B’mod partikolari, fir-rigward tal-kalkolu tal-marġni ta’ dumping, l-Artikolu 2(2) tar-regolament bażiku, dwar id-determinazzjoni tal-valur normali, bħall-Artikolu 2(8) ta’ dan ir-regolament, dwar id-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni, bl-ebda mod ma jirreferu għall-għarfien mill-persuna kkonċernata tad-destinazzjoni tal-prodott inkwistjoni.

111

Għalkemm huwa minnu li, kif tirrileva Yieh u kkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 132 tas-sentenza appellata, l-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku kien jinkludi kriterju ta’ natura suġġettiva, sa fejn l-applikazzjoni retroattiva ta’ dazju antidumping kienet teħtieġ li “l-importatur kien konxju ta’, jew kellu jkun konxju tal-bejgħ taħt il-prezz fejn għandu x’jaqsam il-grad tal-bejgħ taħt il-prezz u l-ħsara allegata jew misjuba”, din hija, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, pjuttost eċċezzjoni espressament prevista mir-regolament bażiku, li tikkonferma n-natura oġġettiva ta’ investigazzjoni antidumping.

112

Fi kwalunkwe każ, anki din id-dispożizzjoni, sa fejn hija applikabbli wkoll meta l-importatur “kellu jkun konxju ” bl-elementi msemmija fiha, ma teħtieġx neċessarjament għarfien effettiv tal-produttur-esportatur u għaldaqstant ma tikkorroborax it-teżi suġġettiva sostnuta minn Yieh.

113

Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni Yieh, l-interpretazzjoni suġġettiva li hija ssostni lanqas ma tista’ tibbaża ruħha fuq il-fatt li l-Kummissjoni hija obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-aġir individwali tal-esportaturi li jikkooperaw fl-investigazzjoni.

114

Fil-fatt, għalkemm il-ħtieġa ta’ evalwazzjoni individwali għal kull produttur esportatur tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping għandha, b’mod partikolari, il-konsegwenza li marġni ta’ dumping individwali għandu jiġi kkalkolat għal kull esportatur, sakemm dan ikun ikkoopera fl-investigazzjoni, dan madankollu ma jimplikax li dawn l-importazzjonijiet għandhom jiġu evalwati fuq bażi suġġettiva.

115

Fir-raba’ lok, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonstatat, fil-punt 133 tas-sentenza appellata, li interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku li ma huwiex neċessarju li tinstab intenzjoni jew għarfien speċifiku jew effettiv tal-bejjiegħ fir-rigward tad-destinazzjoni finali tal-prodott inkwistjoni hija wkoll konformi mal-għan tal-investigazzjoni antidumping.

116

Fil-fatt, din hija intiża, essenzjalment, sabiex, abbażi tar-risposti magħmula għall-kwestjonarju antidumping tal-operaturi li jikkooperaw, tal-verifiki eventwali fuq il-post u tal-osservazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni tkun tista’ tistabbilixxi, b’mod oġġettiv, numru ta’ elementi qabel ma tkun tista’ timponi dazju antidumping, b’mod partikolari l-eżistenza ta’ dumping wara li tkun iddeterminat il-valur normali tal-prodott ikkonċernat skont l-Artikolu 2 tar-regolament bażiku.

117

Issa, kif osservat il-Qorti Ġenerali fil-punt 134 tas-sentenza appellata, dan l-għan jista’ jiġi kompromess jekk, kif issostni Yieh, l-eżistenza ta’ intenzjoni jew ta’ għarfien speċifiku jew effettiv tal-bejjiegħ fir-rigward tad-destinazzjoni finali tal-prodott inkwistjoni kellha tintwera sistematikament mill-Kummissjoni.

118

Fil-fatt, tali prova tirriskja, fil-prattika, li tirriżulta ta’ spiss impossibbli li tiġi prodotta, ħaġa li finalment twassal sabiex tippermetti t-teħid inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur normali skont l-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku, tal-prezzijiet ta’ prodotti esportati li jistgħu joħolqu distorsjoni u li jikkompromettu d-determinazzjoni korretta tal-imsemmi valur normali.

119

Kuntrarjament għal dak li ssostni Yieh, ir-raġunament b’hekk meħud mill-Qorti Ġenerali fil-punt 134 tas-sentenza appellata ma jistax jitqies bħala ċirkolari.

120

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-interpretazzjoni tar-Regolament bażiku rrakkomandata minn Yieh tirriskja, fil-prattika, li tirrendi diffiċli, jew impossibbli, it-tkomplija effikaċi ta’ investigazzjoni antidumping.

121

Barra minn hekk, analiżi tal-għan tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku tikkonferma, hija wkoll, li l-interpretazzjoni suġġettiva tal-espressjoni “maħsuba għall-konsum” li tinsab fih, kif sostnuta minn Yieh, ma tistax tiġi aċċettata.

122

Fil-fatt, l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku huwa intiż sabiex jiżgura li l-valur normali ta’ prodott jikkorrispondi, l-iktar, mal-prezz normali tal-prodott simili fis-suq domestiku tal-pajjiż esportatur. Issa, jekk bejgħ huwa konkluż skont it-termini u l-kundizzjonijiet li ma jikkorrispondux mal-prattika kummerċjali li tikkonċerna l-bejgħ tal-prodott simili f’dan is-suq fil-mument rilevanti għad-determinazzjoni tal-eżistenza jew le ta’ dumping, dan ma jikkostitwixxix bażi xierqa sabiex jiġi ddeterminat il-valur normali tal-prodott simili fl-imsemmi suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2014, Il‑Kunsill vs Alumina, C‑393/13 P, EU:C:2014:2245, punt 28).

123

Fil-ħames u l-aħħar lok, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ġustament, fil-punt 135 tas-sentenza appellata, li interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku li jgħid li ma huwiex neċessarju li tinstab intenzjoni jew għarfien speċifiku jew effettiv tal-bejjiegħ fir-rigward tad-destinazzjoni finali tal-prodott inkwistjoni hija kompatibbli mal-prinċipji ta’ prevedibbiltà u ta’ ċertezza legali invokati minn Yieh, filwaqt li l-interpretazzjoni suġġettiva rrakkomandata minn din tal-aħħar teżiġi l-prova tal-eżistenza ta’ element suġġettiv li jirriskja, fil-prattika, li jirriżulta bħala każwali, jew saħansitra, kif ġie rrilevat fil-punt 120 ta’ din is-sentenza, impossibbli li jiġi stabbilit.

124

Madankollu, approċċ ibbażat fuq interpretazzjoni purament oġġettiva tal-kunċett ta’ “bejgħ tal-prodott simili maħsub għall-konsum domestiku tal-pajjiż esportatur”, fis-sens tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, jimplika li s-sempliċi prova li, fi kwalunkwe mument wara l-bejgħ inizjali tal-prodotti kkonċernati mill-produttur-esportatur fis-suq domestiku, operatur downstream fil-katina ta’ distribuzzjoni esportathom hija biżżejjed sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tqis li dawn il-prodotti kienu, fil-mument tal-bejgħ inizjali tagħhom, “maħsuba” għall-esportazzjoni u kienu għalhekk, kif tiddikjara l-Qorti Ġenerali fil-punt 143 tas-sentenza appellata, “fir-realtà bejgħ għall-esportazzjoni” li għandhom konsegwentement jiġu esklużi mill-bażi ta’ kalkolu li sservi għad-determinazzjoni tal-valur normali.

125

Issa, tali interpretazzjoni purament oġġettiva, sa fejn ma tagħti ebda importanza lill-eżistenza ta’ rabta bejn il-karatteristiċi tal-bejgħ inizjali mill-esportatur-produttur li, fl-ewwel lok, il-prezz u l-esportazzjoni ulterjuri mill-klijent tiegħu jew minn operatur ieħor downstream fil-katina ta’ distribuzzjoni tal-prodott inkwistjoni, twassal, kif issostni Yieh, sabiex il-prinċipji ta’ prevedibbiltà u ta’ ċertezza legali ma jiġux irrispettati b’mod sħiħ peress li din l-interpretazzjoni tippermetti lill-Kummissjoni li timponi drittijiet antidumping indipendentement mill-politika tal-prezzijiet tal-produttur-esportatur u tobbliga lil dan tal-aħħar li jirrispondi għall-politika ta’ marketing tal-klijenti tagħha indipendentement minn dak li mhuwiex, fil-prinċipju, f’miżura ta’ kontroll.

126

F’dan ir-rigward, għalkemm, għar-raġunijiet esposti fil-punti 103 sa 123 ta’ din is-sentenza, l-interpretazzjoni purament suġġettiva tal-kunċett ta’ “bejgħ ta’ prodott simili intiż għall-konsum fis-suq intern tal-pajjiż esportatur”, fis-sens tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, ma tistax tintlaqa’, madankollu minn dan ma jirriżultax li neċessarjament għandha tingħata interpretazzjoni purament oġġettiva tal-imsemmi kunċett.

127

Fil-fatt, sabiex jiġi ggarantit, b’mod partikolari, li l-prinċipji ta’ prevedibbiltà u ta’ ċertezza legali jiġu kompletament osservati, il-kunċett ta’ “bejgħ tal-prodott simili maħsub għall-konsum domestiku tal-pajjiż esportatur”, fis-sens tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, għandu jiġi interpretat fis-sens li, kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Kummissjoni tista’ teskludi bejgħ domestiku mill-bażi ta’ kalkolu li sservi għad-determinazzjoni tal-valur normali għajr jekk hija tistabbilixxi l-eżistenza ta’ dan l-element ta’ konnessjoni bejn dan il-bejgħ u destinazzjoni tal-prodott inkwistjoni għajr għall-konsum domestiku.

128

Kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fl-istess punt 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tapplika wkoll minħabba l-għan tagħha li, kif tfakkar fil-punt 122 ta’ din is-sentenza, huwa intiż sabiex jiżgura li l-valur normali ta’ prodott jikkorrispondi, l-iktar, mal-prezz normali tal-prodott simili fis-suq intern tal-pajjiż esportatur.

129

Minn dan isegwi li l-Kummissjoni għandha dritt teskludi bejgħ mill-bażi ta’ kalkolu li sservi għad-determinazzjoni tal-valur normali minħabba l-esportazzjoni tal-prodott inkwistjoni biss jekk turi li miċ-ċirkustanzi oġġettivi marbuta ma’ dan il-bejgħ, fosthom, fl-ewwel lok, il-prezz, jirriżulta li l-prodotti kkonċernati mill-imsemmi bejgħ għandhom destinazzjoni differenti mill-konsum fis-suq domestiku tal-pajjiż esportatur, bħall-esportazzjoni.

130

Fil-fatt, għalkemm il-Kummissjoni tistabbilixxi l-eżistenza ta’ tali ċirkustanzi marbuta mal-bejgħ inizjali, jista’ jitqies li l-produttur-esportatur inkwistjoni kellu raġonevolment ikun jaf, fil-mument tal-konklużjoni tal-bejgħ, li, skont kull probabbiltà, id-destinazzjoni finali tal-prodott inkwistjoni kienet l-esportazzjoni u mhux il-konsum fis-suq domestiku tal-pajjiż esportatur.

131

Tali għarfien ta’ natura “imputat”, kunċett li għandu jiġi enfasizzat min-natura fundamentalment differenti minn dak ta’ intenzjoni jew ta’ għarfien effettiv, jista’, pereżempju, jiġi dedott minn provi oġġettivi li juru li l-esportatur biegħ il-prodotti kkonċernati abbażi tal-lista tiegħu ta’ prezzijiet għall-esportazzjoni jew li l-produttur-esportatur kien jaf jew raġonevolment kellu jkun jaf li l-klijent tiegħu kien esklużivament jew prinċipalment attiv fil-kummerċ għall-esportazzjoni tal-prodotti inkwistjoni.

132

Għaldaqstant, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa għal kollox konċepibbli li, indipendentement mill-prova ta’ rieda jew ta’ għarfien effettiv min-naħa tal-produttur-esportatur fir-rigward tal-fatt li l-prodotti inkwistjoni huma intiżi għall-esportazzjoni, jista’ jiġi dedott minn ċerti elementi oġġettivi relatati mal-bejgħ jew max-xerrej li jikseb dawn il-prodotti l-konklużjoni li dawn huma intiżi —, jiġifieri “assenjati” jew “affettwati” — , għall-esportazzjoni.

133

Issa, dan huwa preċiżament il-każ hawnhekk, kif jirriżulta mill-punti 136 sa 142 tas-sentenza appellata li fihom il-Qorti Ġenerali eżaminat l-approċċ preċiż li adottat il-Kummissjoni fir-Regolament ikkontestat u li wassalha sabiex teskludi mill-bażi ta’ kalkolu li sservi għad-determinazzjoni tal-valur normali l-bejgħ imwettaq minn Yieh, lil Tajwan, mingħand il-klijent indipendenti tagħha, li jammonta għal 120000 tunnellata tal-prodott ikkonċernat.

134

Fil-fatt, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 136 tas-sentenza appellata, fir-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni kienet inizjalment adottat approċċ “prudenti”, li jikkonsisti fl-esklużjoni ta’ din il-bażi ta’ kalkolu tal-bejgħ kollu ta’ Yieh tal-prodott ikkonċernat lil ċerti distributuri stabbiliti fit-Tajwan.

135

Madankollu, kif jirriżulta mill-punt 137 tas-sentenza appellata, sussegwentement, il-Kummissjoni, kif indikat fil-premessa 59 tar-regolament ikkontestat, issostitwixxiet dan l-approċċ “globali” b’approċċ li jikkonsisti fit-tneħħija tal-bażi ta’ kalkolu li sservi għad-determinazzjoni tal-valur normali biss il-bejgħ domestiku li għalih hija kellha “biżżejjed provi oġġettivi tal-esportazzjoni reali tagħhom”. Min-naħa l-oħra, skont dan il-punt 137 tas-sentenza appellata, jirriżulta wkoll minn din l-istess premessa 59 tar-regolament ikkontestat li “[l]-eżistenza ta’ skontijiet orjentati lejn l-esportazzjoni pereżempju intużat bħala evidenza relevanti. Għall-kuntrarju, elementi suġġettivi bħall-intenzjoni jew l-għarfien, jew in-nuqqas tagħhom, ma kellhom l-ebda rwol fl-evalwazzjoni oġġettiva li saret mill-Kummissjoni”.

136

F’dan l-aħħar rigward, kif indikat, essenzjalment, il-Qorti Ġenerali fil-punti 138 u 140 tas-sentenza appellata, b’riferiment għall-premessa 64 tar-Regolament provviżorju, l-investigazzjoni tal-Kummissjoni rrilevat li, f’dan il-każ, numru kbir ta’ bejgħ iddikjarat minn Yieh bħala domestiku kien is-suġġett ta’ tnaqqis għall-esportazzjoni li kien intiż sabiex jipprovdi inċentiv lid-distributuri sabiex jesportaw il-prodotti inkwistjoni wara l-ipproċessar tagħhom li jimplika, l-iktar l-iktar, operazzjonijiet minuri mingħajr ma l-prodott li jirriżulta minn dan jiġi emendat fil-punt li fih ma jaqax iktar taħt id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat.

137

Fil-punt 141 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żiedet, b’mod partikolari, li mill-atti tal-proċess jirriżulta li l-imsemmi tnaqqis kien jikkonċerna, bħala eżempju, 40 % tal-bejgħ ta’ Yieh lill-ikbar klijent tagħha fit-Tajwan matul ix-xahar ta’ Diċembru 2013.

138

Barra minn hekk, fil-punt 142 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li, kif jirriżulta mill-premessa 59 tar-regolament ikkontestat, “setgħu jinġabru provi oġġettivi oħra tal-esportazzjoni reali ta’ prodotti ta’ bejgħ iddikjarati bħala bejgħ domestiku”.

139

B’mod partikolari, fl-imsemmi punt 142, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-investigazzjoni kienet uriet li l-iktar klijent importanti ta’ Yieh fit-Tajwan “kienet biegħet biss kwantità negliġibbli tal-prodott ikkonċernat fis-suq domestiku” tal-pajjiż esportatur, li minnu jista’ jiġi dedott, kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 68 tal-konklużjonijiet tiegħu, li dan il-klijent kien prinċipalment attiv fis-settur tal-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat, fatt li Yieh ma setax raġonevolment jinjora.

140

Minn dan il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 143 tas-sentenza appellata, li Yieh ma kinitx uriet li l-Kummissjoni kienet wettqet żball ta’ liġi jew żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti meta rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni l-bejgħ ta’ Yieh lill-klijent indipendenti tagħha għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur normali, minħabba li kienu jeżistu “provi oġġettivi li l-imsemmi bejgħ kien fir-realtà bejgħ għall-esportazzjoni, iktar u iktar meta jiġi stabbilit li parti mill-bejgħ inkwistjoni kienet is-suġġett ta’ sistema ta’ tnaqqis fil-prezzijiet għall-esportazzjoni, bħal dik applikata [minn Yieh], u kienet, għaldaqstant, konkluża bi prezzijiet inferjuri għall-prezz tal-prodott ikkonċernat intiż għall-konsum fis-suq domestiku, bl-għarfien li dawn il-prezzijiet kienu jinkoraġġixxu l-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat.

141

F’dan ir-rigward, fid-dawl tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “bejgħ ta’ prodott simili maħsub għall-konsum domestiku tal-pajjiż esportatur”, fis-sens tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, ikkunsidrat fil-punt 129 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li ċ-ċirkustanza li parti mill-bejgħ domestiku ta’ Yieh kienet is-suġġett ta’ sistema ta’ tnaqqis għall-esportazzjoni tikkostitwixxi ċirkustanza oġġettiva marbuta ma’ dan il-bejgħ u relatata, b’mod partikolari, mal-prezz tagħhom li minnu jirriżulta li l-prodotti kkonċernati mill-imsemmi bejgħ kienu intiżi għal dan il-bejgħ u mhux għall-esportazzjoni fis-suq intern.

142

Għaldaqstant, konformement ma’ dak li jirriżulta mill-punt 130 ta’ din is-sentenza, Yieh kellha raġonevolment tkun taf, fil-mument tal-konklużjoni ta’ dan l-istess bejgħ, li d-destinazzjoni finali tal-prodott ikkonċernat kienet, probabbilment, l-esportazzjoni, u mhux il-konsum fis-suq intern tal-pajjiż esportatur.

143

Bl-istess mod, fid-dawl tal-punti 129 u 130 ta’ din is-sentenza, miċ-ċirkustanza oġġettiva rrilevata fil-punt 142 tas-sentenza appellata u mfakkra fil-punt 139 ta’ din is-sentenza, li tgħid li l-iktar klijent importanti ta’ Yieh fit-Tajwan kien prinċipalment attiv fis-settur tal-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat, jirriżulta li l-bejgħ ta’ Yieh lil dan il-klijent kien jikkonċerna, bħala regola ġenerali, prodotti intiżi għall-esportazzjoni u mhux għall-konsum domestiku u li, għaldaqstant, Yieh kellha raġonevolment tkun taf, fil-konklużjoni tal-bejgħ inkwistjoni, id-destinazzjoni finali tal-prodott ikkonċernat, jiġifieri, skont kull probabbiltà, l-esportazzjoni.

144

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 144 tas-sentenza appellata, li “il-Kummissjoni setgħet legalment u mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni teskludi l-bejgħ inkwistjoni [tal-bażi ta’ kalkolu li sservi għad-]determinazzjoni tal-valur normali skont l-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament bażiku”.

145

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li jinċaħad it-tielet aggravju u, għaldaqstant, l-appell fl-intier tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

146

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

147

Peress li l-Kummissjoni u Eurofer talbu l-kundanna ta’ Yieh għall-ispejjeż u Yieh tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni u minn Eurofer..

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Yieh United Steel Corp. għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk esposti mill-Kummissjoni Ewropea u minn Eurofer, Association européenne de l’acier, ASBL.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Top