This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62020CJ0064
Judgment of the Court (First Chamber) of 17 March 2021.#UH v An tAire Talmhaíochta Bia agus Mara and Others.#Request for a preliminary ruling from An Ard-Chúirt.#Reference for a preliminary ruling – Article 288 TFEU – Directive 2001/82/EC – Community code relating to veterinary medicinal products – Articles 58, 59 and 61 – Information to be provided on outer packaging, immediate packaging and the package leaflet for veterinary medicinal products – Obligation to provide information in all the official languages of the Member State in which the product is marketed – National legislation providing that the information may be provided in one or other of the official languages of the Member State – National court hearing an action for a declaration that the Member State had failed correctly to transpose Directive 2001/82/EC and that the competent national authorities must amend the national legislation.#Case C-64/20.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-17 ta’ Marzu 2021.
UH vs An tAire Talmhaíochta, Bia agus Mara et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Ard-Chúirt.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 288 TFUE – Direttiva 2001/82/KE – Kodiċi Komunitarju dwar il-prodotti mediċinali veterinarji – Artikoli 58, 59 u 61 – Informazzjoni li għandha tidher fuq l-imballaġġ estern, fuq l-imballaġġ primarju u fuq il-fuljett ta’ tagħrif tal-prodotti mediċinali veterinarji – Obbligu li l-informazzjoni titfassal bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Istat Membru tat-tqegħid fis-suq – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi t-tfassil tal-informazzjoni biss b’lingwa waħda jew oħra mil-lingwi uffiċjali tal Istat Membru – Qorti nazzjonali adita b’rikors intiż li jiġi kkonstatat li l-Istat Membru ma ttrasponiex b’mod korrett id-Direttiva 2001/82/KE u li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jemendaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali.
Kawża C-64/20.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-17 ta’ Marzu 2021.
UH vs An tAire Talmhaíochta, Bia agus Mara et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Ard-Chúirt.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 288 TFUE – Direttiva 2001/82/KE – Kodiċi Komunitarju dwar il-prodotti mediċinali veterinarji – Artikoli 58, 59 u 61 – Informazzjoni li għandha tidher fuq l-imballaġġ estern, fuq l-imballaġġ primarju u fuq il-fuljett ta’ tagħrif tal-prodotti mediċinali veterinarji – Obbligu li l-informazzjoni titfassal bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Istat Membru tat-tqegħid fis-suq – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi t-tfassil tal-informazzjoni biss b’lingwa waħda jew oħra mil-lingwi uffiċjali tal Istat Membru – Qorti nazzjonali adita b’rikors intiż li jiġi kkonstatat li l-Istat Membru ma ttrasponiex b’mod korrett id-Direttiva 2001/82/KE u li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jemendaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali.
Kawża C-64/20.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:207
*A9* An Ard-Chúirt, Cinneadh de 20/01/2020 (2016/867 JR)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
17 ta’ Marzu 2021 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 288 TFUE – Direttiva 2001/82/KE – Kodiċi Komunitarju dwar il-prodotti mediċinali veterinarji – Artikoli 58, 59 u 61 – Informazzjoni li għandha tidher fuq l‑imballaġġ estern, fuq l-imballaġġ primarju u fuq il-fuljett ta’ tagħrif tal-prodotti mediċinali veterinarji – Obbligu li l-informazzjoni titfassal bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Istat Membru tat-tqegħid fis-suq – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi t-tfassil tal-informazzjoni biss b’lingwa waħda jew oħra mil-lingwi uffiċjali tal‑Istat Membru – Qorti nazzjonali adita b’rikors intiż li jiġi kkonstatat li l-Istat Membru ma ttrasponiex b’mod korrett id-Direttiva 2001/82/KE u li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jemendaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali”
Fil-Kawża C‑64/20,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Ard-Chúirt (il-Qorti Għolja, l‑Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Jannar 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Frar 2020, fil-proċedura
UH
vs
An tAire Talmhaíochta, Bia agus Mara,
Éire,
An tArd-Aighne,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, L. Bay Larsen, C. Toader, M. Safjan (Relatur) u N. Jääskinen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Bobek,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal UH, minn D. Mac Cárthaigh, abhcóide, u S. Ó Tuathail, abhcóide sinsir, |
– |
għall-Irlanda, minn M. Browne, M. Teahan u A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn C. Ó hOisín, abhcóide sinsir, u T. O’Malley, abhcóide, |
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Cunniffe, L. Haasbeek u F. Erlbacher, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ Jannar 2021,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 288 TFUE, kif ukoll tal-Artikolu 58(4), tal-Artikolu 59(3) u tal-Artikolu 61(1) tad-Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità rigward il-prodotti mediċinali veterinarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 3), kif emendata bid-Direttiva 2004/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 34, p. 286) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2001/82”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn UH u l-Aire Talmhaíochta, Bia agus Mara, Éire (il-Ministru għall-Agrikoltura, għall-Ikel u għall-Baħar, l-Irlanda), l-Éire (l-Irlanda) u l-Ard-Aighne (l-Avukat Ġenerali, l-Irlanda) dwar il-kompatibbiltà mar-rekwiżiti lingwistiċi stabbiliti fid-Direttiva 2001/82 tal-leġiżlazzjoni Irlandiża dwar it-tikkettjar u l-fuljett ta’ tagħrif tal-prodotti mediċinali veterinarji. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 2001/82
3 |
It-Titolu V tad-Direttiva 2001/82, intitolat “It-tikkettjar u l-karta ta’ ġewwa l-pakkett”, jinkludi, b’mod partikolari, l-Artikoli 58, 59 u 61 tagħha. |
4 |
L-Artikolu 58 tal-imsemmija direttiva jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 4 tiegħu: “1. Ħlief fil-każ ta’ prodotti mediċinali msemmija f’Artikolu 17(1), l-awtorità kompetenti għandha tapprova l-ippakkjar immedjat u l-ippakkjar ta’ barra ta’ prodotti mediċinali veterinarji. L-ippakkjar għandu jkollu l-informazzjoni li ġejja, li għandha tkun konformi mal-partikolaritajiet u d-dokumenti previsti skond Artikolu 12 sa 13d u s-sommarju tal-karatteristiċi tal-prodotti, u għandha tidher b’ittri li jinqraw:
[…] 4. Id-dettalji msemmija f’paragrafi 1(f) sa (l) għandhom jidhru fuq l-imballaġġ ta’ barra u fuq il-kontenitur tal-prodotti mediċinali veterinarji bil-lingwa jew lingwi tal-pajjiż li fih tqegħdu fis-suq.” |
5 |
Skont l-Artikolu 59 tad-Direttiva 2001/82: “1. Dwar fjali, l-partikolaritajiet imsemmija fl-ewwel paragrafu ta Artikolu 58(1) għandhom jingħataw fuq il-pakkett ta’ barra. Fuq l-ippakkjar immedjat, madankollu, l-partikolaritajiet li ġejjin biss huma bżonnjużi:
2. Dwar ippakkjar immedjat żgħir li jkun fih doża waħda, ħlief għall-fjali, dwar liema huwa impossibli li tagħti l-partikolaritajiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-ħtiġijiet ta’ l-Artikolu 58(1), (2) u (3) għandhom jgħoddu biss fuq il-pakkett ta’ barra. 3. Il-partikolaritajiet imsemmija fit-tielet u s-sitt inċiżi ta’ paragrafu 1 għandhom jidhru fuq l-ippakkjar ta’ barra u fuq l-ippakkjar immedjat tal-prodotti mediċinali fil-lingwa jew lingwi tal-pajjiż fejn huma mqiegħdha fis-suq.” |
6 |
L-Artikolu 61(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi: “L-inklużjoni ta’ fuljett tal-pakkett fl-ippakkjar tal-prodotti mediċinali veterinarji għandha tkun obbligatorja sakemm l-informazzjoni kollha meħtieġa b’dan l-Artikolu ma tistax tingħata fuq l-ippakkjar immedjat u l-ippakkjar ta’ barra. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jiżguraw li l-fuljett tal-pakkett għandu x’jaqsam biss mal-prodott mediċinali veterinarju li huwa inkluż miegħu. Il-fuljett tal-pakkett għandu jkun miktub b’mod li jinftiehem mill-pubbliku ġenerali u fil-lingwa jew lingwi uffiċjali ta l-Istat Membru li fih il-prodott mediċinali jitqiegħed fis-suq.” |
7 |
L-informazzjoni li għandha tidher fuq dan il-fuljett ta’ tagħrif hija elenkata fl-Artikolu 61(2) (a) sa (i) tal-imsemmija direttiva. |
Ir-Regolament (UE) 2019/6
8 |
Il-premessi 52, 53 u 96 tar-Regolament (UE) 2019/6 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar prodotti mediċinali veterinarji u li jħassar id-Direttiva 2001/82/KE (ĠU 2019, L 4, p. 43, rettifika fil-ĠU 2020, L 326, p. 15) huma fformulati kif ġej:
[…]
|
9 |
L-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Lingwi”, jipprovdi: “1. Il-lingwa jew lingwi tas-sommarju tal-karatteristiċi tal-prodott u l-informazzjoni fuq it-tikketta u fuq il-fuljett ta’ tagħrif għandhom, sakemm l-Istat Membru ma jiddeterminax mod ieħor, ikunu lingwa jew lingwi uffiċjali tal-Istat Membru fejn il-prodott mediċinali veterinarju jkun disponibbli fis-suq. 2. Il-prodotti mediċinali veterinarji jistgħu jkunu tikkettati b’diversi lingwi.” |
10 |
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 149 tal-imsemmi regolament jipprovdi: “Id-Direttiva 2001/82/KE titħassar.” |
11 |
Skont l-Artikolu 160 tal-istess regolament, intitolat “Dħul fis-seħħ u applikazzjoni”: “Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Huwa għandu japplika mit-28 ta’ Jannar 2022.” |
Id-dritt Irlandiż
12 |
Id-Direttiva 2001/82 ġiet trasposta fl-ordinament ġuridiku Irlandiż permezz tar-Rialacháin na gComhphobal Eorpach (Leigheasanna Ainmhithe), 2007 (I. R. Uimh. 144 tal-2007) (ir-Regolament tal-2007 tal-Komunitajiet Ewropej (Prodotti Mediċinali Veterinarji) (Istrumenti Statutorji Nru 144/2007)), u mbagħad, wara t-tħassir ta’ dan ir-regolament, permezz tar-Rialacháin na gComhphobal Eorpach (Leigheasanna Ainmhithe) (Uimh. 2), 2007 (I. R. Uimh. 786 tal-2007) (ir-Regolament tal-2007 tal-Komunitajiet Ewropej (Prodotti Mediċinali Veterinarji) (Nru 2) (Istrumenti Statutorji Nru 786/2007)). |
13 |
Dan ir-regolament tal-aħħar jipprovdi li l-informazzjoni li għandha tidher fuq l-imballaġġ estern, fuq l-imballaġġ primarju u fuq il-fuljett ta’ tagħrif tal-prodotti mediċinali veterinarji “għandha tkun bl-Ingliż jew bl-Irlandiż”. |
It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
14 |
Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali huwa ċittadin Irlandiż li l-ewwel lingwa tiegħu hija l-Irlandiż u li joriġina mill-Gaeltacht Galway (ir-reġjun ta’ Galway, l-Irlanda). Huwa jitkellem bl-Irlandiż id-dar u fuq ix-xogħol. Huwa jeżerċita l-attivitajiet uffiċjali kollha tiegħu bl-Irlandiż, sa fejn ikunu disponibbli r-riżorsi għal dan il-għan. Huwa għandu kelb u, minħabba f’hekk, għandu bżonn prodotti mediċinali veterinarji. L-ilment tiegħu huwa li l-informazzjoni li takkumpanja l-prodotti mediċinali veterinarji hija miktuba esklużivament bl-Ingliż u mhux, kif teżiġi d-Direttiva 2001/82, biż-żewġ lingwi uffiċjali tal-Irlanda, jiġifieri l-Ingliż u l-Irlandiż. |
15 |
Wara skambju ta’ korrispondenza bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, fl-14 ta’ Novembru 2016, ippreżenta rikors quddiem l-Ard‑Chúirt (il-Qorti Għolja, l-Irlanda), intiż sabiex jikseb l-awtorizzazzjoni li jippreżenta rikors ġudizzjarju (“judicial review”) dwar it-traspożizzjoni inkorretta mill-Ministru għall-Agrikoltura, għall-Ikel u għall-Baħar tad-Direttiva 2001/82 fir-rigward tar-rekwiżiti lingwistiċi previsti f’din id-direttiva. Din l-awtorizzazzjoni ngħatatlu u l-kawża nstemgħet quddiem il-qorti tar-rinviju fl-24 u fil-25 ta’ Lulju 2018. |
16 |
Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali talab lill-qorti tar-rinviju, b’mod partikolari, tikkonstata t-traspożizzjoni inkorretta tad-Direttiva 2001/82 fl-ordinament ġuridiku Irlandiż kif ukoll l-obbligu għall-Irlanda li temenda l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha sabiex l-informazzjoni msemmija f’din id-direttiva titfassal biż-żewġ lingwi uffiċjali tal-Istat, jiġifieri kemm bl-Ingliż kif ukoll bl-Irlandiż, għall-prodotti mediċinali veterinarji mqiegħda fis-suq tal-Istat, fejn iż-żewġ verżjonijiet lingwistiċi għandu jkollhom l-istess tipa u filwaqt li tingħata prijorità b’mod ċar lill-verżjoni bl-Irlandiż peress li din hija l-lingwa nazzjonali u l-ewwel lingwa uffiċjali. |
17 |
Wara li, fis-26 ta’ Lulju 2019, irrikonoxxiet l-interess ġuridiku tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, minħabba li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/82 fil-qasam lingwistiku kienu ċari, preċiżi u inkundizzjonati, u wara li kkonstatat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma kinitx konformi ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-qorti tar-rinviju madankollu osservat li, mit-28 ta’ Jannar 2022, id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2019/6, skont l-Artikolu 160 tiegħu, l-informazzjoni li għandha tidher fuq l-imballaġġ estern, fuq l-imballaġġ primarju u fuq il-fuljett ta’ tagħrif tal-prodotti mediċinali veterinarji tista’ titfassal bl-Ingliż jew bl-Irlandiż. L-imsemmija qorti għalhekk kellha dubju dwar jekk, minkejja l-ksur tad-dritt tal-Unjoni f’dan il-każ, hija kellhiex setgħa diskrezzjonali li tippermettilha, jekk ikun opportun, li ma tilqax it-talbiet tar-rikors, bħalma qorti nazzjonali hija awtorizzata li tagħmel fil-każ ta’ ksur tad-dritt nazzjonali, u stiednet lill-partijiet fil-kawża prinċipali jifformulaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward. |
18 |
Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali sostna li tali setgħa diskrezzjonali ma setgħetx tiġi aċċettata fil-każ ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni, minħabba l-prinċipji ta’ effett dirett u ta’ supremazija, minħabba d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, previst fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u minħabba l-osservanza tal-Istat tad-dritt. |
19 |
Min-naħa tagħhom, l-Aire Talmhaíochta, Bia agus Mara, Éire (il-Ministru għall-Agrikoltura, għall-Ikel u għall-Baħar, l-Irlanda), l-Éire (l-Irlanda) u l-Ard-Aighne (l-Avukat Ġenerali, l-Irlanda), konvenuti fil-kawża prinċipali, fakkru li, anki meta rikorrent jikkontesta b’suċċess id-deċiżjoni ta’ awtorità pubblika permezz ta’ stħarriġ ġudizzjarju, il-qorti adita tista’, b’mod diskrezzjonali, tirrifjuta li tilqa’ t-talbiet mitluba minn dan ir-rikorrent fid-dawl ta’ ċerti ċirkustanzi, bħalma hija l-assenza ta’ utilità tal-miżuri jew l-eżistenza ta’ dannu għal terzi. |
20 |
Issa, f’dan il-każ, il-benefiċċju li r-rikorrent fil-kawża prinċipali jista’ jikseb mill-miżuri mitluba huwa limitat ħafna minħabba d-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2019/6 mit-28 ta’ Jannar 2022. Barra minn hekk, l-għoti ta’ dawn il-miżuri jista’ jwassal lill-fornituri u lid-distributuri ta’ prodotti mediċinali veterinarji sabiex jirtiraw mis-suq Irlandiż fid-dawl tar-restrizzjonijiet li jimplika l-obbligu li l-informazzjoni titfassal bl-Ingliż u bl-Irlandiż, sitwazzjoni li ser twassal għal konsegwenzi serji fuq is-saħħa tal-annimali kif ukoll fuq is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali. |
21 |
Fid-dawl tal-argumenti ppreżentati quddiemha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tivverifika li rifjut li jingħataw il-miżuri mitluba mir-rikorrent fil-kawża prinċipali ma huwiex ser jikser id-dritt tal-Unjoni. |
22 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Ard-Chúirt (il-Qorti Għolja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ammissibbiltà
23 |
Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, l-Irlanda u l-Gvern Pollakk jikkontestaw l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari. |
24 |
L-Irlanda ssostni, minn naħa, li hija kienet ittrasponiet debitament id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/82 inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li t-test tagħha huwa ekwivoku, b’tali mod li d-deċiżjoni ta’ dan l-Istat Membru li jimplimentahom b’mod li jippermetti l-użu ta’ waħda biss mil-lingwi uffiċjali tiegħu taqa’ fil-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu. |
25 |
Min-naħa l-oħra, l-Irlanda ssostni li mill-għan espliċitu ta’ din id-direttiva jirriżulta li d-drittijiet li joħorġu minnha ma humiex drittijiet lingwistiċi jew kulturali, imma pjuttost drittijiet rigward l-aċċess għal informazzjoni dwar prodotti mediċinali veterinarji. Tali drittijiet jinkisru biss jekk konsumatur ikun f’sitwazzjoni fejn ikollu f’idejh imballaġġ jew ittikkettjar li ma jkunx kapaċi jifhem għalkollox. Issa, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ma sostniex li kellu quddiemu imballaġġ jew ittikkettjar li ma setax jifhem għalkollox. |
26 |
Skont il-Gvern Pollakk, id-dritt tal-Unjoni ma jirrikjedix li l-qrati nazzjonali jagħtu miżuri li jkunu jikkonsistu fl-ordni għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biex jemendaw id-dritt nazzjonali b’mod li jkun konformi mad-dritt tal-Unjoni. Fi kwalunkwe każ, dan il-gvern isostni li r-rikors fil-kawża prinċipali ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, anki jekk wieħed iqis li d-dritt li wieħed ikollu l-informazzjoni li għandha tingħata flimkien ma’ prodotti mediċinali veterinarji bl-Irlandiż joħroġ minn dispożizzjonijiet inkundizzjonati u preċiżi biżżejjed tad-Direttiva 2001/82, dan id-dritt, minħabba n-natura tiegħu, ma huwiex dritt li jista’ jiġi invokat kontra l-awtoritajiet Irlandiżi. L-obbligu li dawn il-prodotti jkunu ttikkettjati bl-Irlandiż huwa responsabbiltà ta’ entitajiet privati, jiġifieri l-produtturi u d-distributuri ta’ dawn il-prodotti, li kontrihom ir-rikorrent ma jistax jinvoka d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva. |
27 |
F’dan ir-rigward, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 26 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-argumenti mressqa kemm mill-Irlanda kif ukoll mill-Gvern Pollakk huma marbuta mal-mertu tar-rikors fil-kawża prinċipali. Issa, l-elementi li jikkonċernaw aspetti tal-mertu ta’ rikors bl-ebda mod ma huma ta’ natura li jaffettwaw l-ammissibbiltà tad-domandi magħmula (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 111). |
28 |
Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit minnha taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex meħtieġa tivverifika l-eżattezza, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza (sentenza tat-2 ta’ Frar 2021, Consob, C‑481/19, EU:C:2021:84, punt 29). Din il-preżunzjoni ta’ rilevanza ma tistax tkun ikkonfutata minħabba l-eventwalità li r-rikorrent, fl-aħħar mill-aħħar, jitlef il-kawża prinċipali quddiem il-qorti nazzjonali, b’mod partikolari fuq il-bażi ta’ interpretazzjoni partikolari tad-dritt tal-Unjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
29 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, id-domandi preliminari għandhom jiġu ddikjarati li huma ammissibbli. |
Fuq il-mertu
30 |
Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 288 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li qorti nazzjonali li, fil-kuntest ta’ proċedura prevista għal dan il-għan fid-dritt intern, tikkonstata li l-Istat Membru li taqa’ taħtu ma ssodisfax l-obbligu tiegħu li jittrasponi korrettament id-Direttiva 2001/82, tirrifjuta li tadotta, għar-raġuni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tidhrilha li hija konformi mar-Regolament 2019/6, li jħassar din id-direttiva u li ser ikun applikabbli mit-28 ta’ Jannar 2022, dikjarazzjoni ġudizzjarja fis-sens li dan l-Istat Membru ma ttrasponiex b’mod korrett l-imsemmija direttiva u huwa obbligat jirrimedja dan in-nuqqas. |
31 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-obbligu tal-Istati Membri, li jirriżulta minn direttiva, li jilħqu r-riżultat previst minnha kif ukoll id-dmir tagħhom, skont l-Artikolu 4(3) TUE u skont l-Artikolu 288 TFUE, li jieħdu l-miżuri kollha ta’ natura ġenerali jew partikolari li jkunu adegwati sabiex jiżguraw l-eżekuzzjoni ta’ dan l-obbligu japplikaw għall-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri, inklużi, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, l-awtoritajiet ġudizzjarji (sentenzi tad-19 ta’ April 2016, DI, C‑441/14, EU:C:2016:278, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal-4 ta’ Ottubru 2018, Link Logistik N&N, C‑384/17, EU:C:2018:810, punt 57; kif ukoll tat-13 ta’ Diċembru 2018, Hein, C‑385/17, EU:C:2018:1018, punt 49). |
32 |
F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-dritt Irlandiż jippermetti lill-individwi jiksbu dikjarazzjoni ġudizzjarja fis-sens li l-Irlanda ma ttrasponietx korrettament direttiva tal-Unjoni u hija obbligata tipproċedi għat-traspożizzjoni tagħha, filwaqt li jħalli l-possibbiltà lill-qrati nazzjonali li jirrifjutaw li jagħmlu tali dikjarazzjoni, għar-raġunijiet stabbiliti minn dan id-dritt. |
33 |
F’dan ir-rigward, għandu madankollu jitfakkar li, peress li l-qorti tar-rinviju kkonstatat it-traspożizzjoni inkorretta tad-Direttiva 2001/82, hija għandha tieħu l-miżuri kollha ta’ natura ġenerali jew partikolari li jkunu adegwati sabiex tiżgura li jintlaħaq ir-riżultat previst minn din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 1996, Kraaijeveld et, C‑72/95, EU:C:1996:404, punt 55). |
34 |
Il-fatt li l-leġiżlazzjoni Irlandiża hija diġà kompatibbli mar-Regolament 2019/6, li għandu japplika mit-28 ta’ Jannar 2022, ma jistax idaħħal inkwistjoni l-konstatazzjoni ta’ inkompatibbiltà ta’ din il-leġiżlazzjoni mad-dritt tal-Unjoni sa dik id-data u lanqas a fortiori ma jista’ jiġġustifika tali inkompatibbiltà. |
35 |
Fil-fatt, sal-mument li fih titħassar id-Direttiva 2001/82 minn dan ir-regolament, id-dispożizzjonijiet tagħha jżommu n-natura vinkolanti tagħhom, sakemm l-invalidità tagħhom ma tkunx ġiet stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Frar 1979, Granaria, 101/78, EU:C:1979:38, punt 5, kif ukoll tal-21 ta’ Settembru 1989, Hoechst vs Il‑Kummissjoni, 46/87 u 227/88, EU:C:1989:337, punt 64). |
36 |
Barra minn hekk, hija biss il-Qorti tal-Ġustizzja li tista’, b’mod eċċezzjonali u għal kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ ċertezza legali, tagħti sospensjoni provviżorja tal-effetti ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tad-dritt nazzjonali li jmur kontra din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, Association France Nature Environnement, C‑379/15, EU:C:2016:603, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
37 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 288 TFUE jipprekludi li qorti nazzjonali tkun tista’ tinjora l-obbligu impost fuq l-Istat Membru li hija taqa’ taħtu li jittrasponi direttiva minħabba l-allegata natura sproporzjonata ta’ din it-traspożizzjoni sa fejn din tista’ tkun oneruża jew inutli minħabba l-applikazzjoni fil-futur qarib ta’ regolament intiż li jissostitwixxi din id-direttiva u li miegħu huwa kompletament kompatibbli d-dritt ta’ dan l-Istat Membru. |
38 |
Minn dan isegwi li, skont l-Artikolu 288 TFUE, il-qorti tar-rinviju, li kkonstatat l-inkompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-Direttiva 2001/82, hija meħtieġa tilqa’ t-talba intiża sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza għall-Irlanda ta’ obbligu li tirrimedja t-traspożizzjoni inkorretta ta’ din id-direttiva. |
39 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-Artikolu 288 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li qorti nazzjonali li, fil-kuntest ta’ proċedura prevista għal dan il-għan fid-dritt intern, tikkonstata li l-Istat Membru li taqa’ taħtu ma ssodisfax l-obbligu tiegħu li jittrasponi korrettament id-Direttiva 2001/82, tirrifjuta li tadotta, għar-raġuni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tidhrilha li hija konformi mar-Regolament 2019/6, li jħassar din id-direttiva u li ser ikun applikabbli mit-28 ta’ Jannar 2022, dikjarazzjoni ġudizzjarja fis-sens li dan l-Istat Membru ma ttrasponiex b’mod korrett l-imsemmija direttiva u huwa obbligat jirrimedja dan in-nuqqas. |
Fuq l-ispejjeż
40 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 288 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li qorti nazzjonali li, fil-kuntest ta’ proċedura prevista għal dan il-għan fid-dritt intern, tikkonstata li l-Istat Membru li taqa’ taħtu ma ssodisfax l-obbligu tiegħu li jittrasponi korrettament id-Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità rigward il-prodotti mediċinali veterinarji, kif emendata bid-Direttiva 2004/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004, tirrifjuta li tadotta, għar-raġuni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tidhrilha li hija konformi mar-Regolament (UE) 2019/6 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar prodotti mediċinali veterinarji u li jħassar id-Direttiva 2001/82/KE, li jħassar din id-direttiva u li ser ikun applikabbli mit-28 ta’ Jannar 2022, dikjarazzjoni ġudizzjarja fis-sens li dan l-Istat Membru ma ttrasponiex b’mod korrett l-imsemmija direttiva u huwa obbligat jirrimedja dan in-nuqqas. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Irlandiż.