This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62020CJ0035
Judgment of the Court (Fifth Chamber) of 6 October 2021.#Criminal proceedings against A.#Request for a preliminary ruling from the Korkein oikeus.#Reference for a preliminary ruling – Citizenship of the Union – Right of Union citizens to move freely within the territory of the Member States – Article 21 TFEU – Directive 2004/38/EC – Articles 4 and 5 – Obligation to carry an identity card or a passport – Regulation (EC) No 562/2006 (Schengen Borders Code) – Annex VI – Crossing the maritime border of a Member State on board a pleasure boat – Rules on sanctions applicable when travelling between Member States without an identity card or a passport – Rules on daily fines in criminal cases – Calculation of the fine based on the offender’s average monthly income – Proportionality – Severity of the sanction in relation to the offence.#Case C-35/20.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-6 ta’ Ottubru 2021.
Proċeduri kriminali kontra A.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Korkein oikeus.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqalqu liberament fit-territorju tal-Istati Membri – Artikolu 21 TFUE – Direttiva 2004/38/KE – Artikoli 4 u 5 – Obbligu li wieħed ikollu karta tal-identità jew passaport – Regolament (KE) Nru 562/2006 (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) – Anness VI – Qsim tal-fruntiera marittima ta’ Stat Membru fuq dgħajsa ta’ rikreazzjoni – Reġim ta’ sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ moviment bejn Stati Membri mingħajr karta tal-identità jew passaport – Sistema penali ta’ multi – Kalkolu tal-multa abbażi tad-dħul fix-xahar medju tal-awtur tar-reat – Proporzjonalità – Severità tal-piena fir-rigward tal-ksur.
Kawża C-35/20.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-6 ta’ Ottubru 2021.
Proċeduri kriminali kontra A.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Korkein oikeus.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqalqu liberament fit-territorju tal-Istati Membri – Artikolu 21 TFUE – Direttiva 2004/38/KE – Artikoli 4 u 5 – Obbligu li wieħed ikollu karta tal-identità jew passaport – Regolament (KE) Nru 562/2006 (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) – Anness VI – Qsim tal-fruntiera marittima ta’ Stat Membru fuq dgħajsa ta’ rikreazzjoni – Reġim ta’ sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ moviment bejn Stati Membri mingħajr karta tal-identità jew passaport – Sistema penali ta’ multi – Kalkolu tal-multa abbażi tad-dħul fix-xahar medju tal-awtur tar-reat – Proporzjonalità – Severità tal-piena fir-rigward tal-ksur.
Kawża C-35/20.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:813
*A9* Korkein oikeus, Päätös 21/01/2020 (1140781)
*P1* Korkein oikeus, Päätös 25/05/2023 (ECLI:FI:KKO:2023:35)
Publication Flash News "Décisions de suivi" N° 3/23
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
6 ta’ Ottubru 2021 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqalqu liberament fit-territorju tal-Istati Membri – Artikolu 21 TFUE – Direttiva 2004/38/KE – Artikoli 4 u 5 – Obbligu li wieħed ikollu karta tal-identità jew passaport – Regolament (KE) Nru 562/2006 (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) – Anness VI – Qsim tal-fruntiera marittima ta’ Stat Membru fuq dgħajsa ta’ rikreazzjoni – Reġim ta’ sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ moviment bejn Stati Membri mingħajr karta tal-identità jew passaport – Reġim kriminali ta’ multi ta’ kuljum – Kalkolu tal-multa abbażi tad-dħul fix-xahar medju tal-awtur tar-reat – Proporzjonalità – Severità tal-piena fir-rigward tal-ksur”
Fil-Kawża C‑35/20,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema, il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Jannar 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Jannar 2020, fil-proċeduri kriminali kontra
A
fil-preżenza ta’:
Syyttäjä,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn E. Regan, President tal-Awla, M. Ilešič, E. Juhász, C. Lycourgos (Relatur) u I. Jarukaitis, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal A, minn U. Väänänen, asianajaja, |
– |
għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo, bħala aġent, |
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Montaguti, G. Wils, J. Tomkin u I. Koskinen, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑3 ta’ Ġunju 2021,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 21(1) TFUE, tal-Artikolu 4(1), tal-Artikolu 5(1) u tal-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46), kif ukoll tal-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2006, L 105, p. 1), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 610/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 (ĠU 2013, L 182, p. 1, u rettifika fil-ĠU 2014, L 225, p. 91. |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra A dwar il-qsim minn dan tal-aħħar tal-fruntiera nazzjonali tal-Finlandja fuq dgħajsa ta’ rikreazzjoni mingħajr karta tal-identità jew passaport. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 2004/38
3 |
Skont il-premessi 1, 7 u 31 tad-Direttiva 2004/38:
[…]
[…]
|
4 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett”, jipprovdi: “Din id-Direttiva tistabbilixxi:
|
5 |
L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Benefiċjarji”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini ta’ l-istess Stat Membru, u għall-membri tal-familja tagħhom kif imfissra fil-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom.” |
6 |
L-Artikolu 4 tal-istess direttiva, intitolat “Dritt ta’ ħruġ”, jipprevedi: “1. Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet dwar dokumenti ta’ vjaġġar applikabbli għall-kontroll fil-fruntieri nazzjonali, iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li għandhom karta ta’ l-identità valida jew passaport validu u l-membri tal-familja tagħhom li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru u li għandhom passaport validu għandhom id-dritt li joħorġu mit-territorju ta’ Stat Membru biex jivvjaġġaw lejn Stat Membru ieħor. […] 3. Skond il-liġijiet tagħhom, l-Istati Membri għandhom joħorġu jew iġeddu għaċ-ċittadini tagħhom karta ta’ l-identità jew passaport li jiddikjara ċ-ċittadinanza tagħhom. […]” |
7 |
L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Dritt ta’ dħul”, huwa fformulat kif ġej: “1. Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet dwar dokumenti ta’ vjaġġar applikabbli fil-kontrolli tal-fruntieri nazzjonali, l-Istati Membri għandhom iħallu jidħlu fit-territorju tagħhom iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li għandhom karta ta’ l-identità jew passaport li huma validi, kif ukoll lill-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru li għandhom passaport validu. […] 4. Meta ċittadin ta’ l-Unjoni, jew membru tal-familja li mhux ċittadin ta’ Stat Membru, m’għandux id-dokumenti ta’ vjaġġar neċessarji jew, jekk meħtieġ, il-visas neċessarji, l-Istat Membru kkonċernat, qabel ma jibgħathom lura, għandu jagħti lil dawn il-persuni kull opportunità raġonevoli biex jiksbu jew iġibu d-dokumenti neċessarji f’perjodu ta’ żmien raġonevoli jew inkella jistgħu juru jew jiċċertifikaw b’mezzi oħra li huma koperti mid-dritt ta’ moviment liberu u residenza. 5. L-Istat Membru jista’ jeħtieġ lill-persuna kkonċernata li tiddikjara l-presenza tagħha fit-territorju nazzjonali fi żmien raġonevoli u mhux diskriminatorju. In-nuqqas li dan l-obbligu jiġi osservat jista’ jwassal biex il-persuna kkonċernata tkun suġġetta għal sanzjonijiet proporzjonati u mhux diskriminatorji.” |
8 |
L-Artikolu 27 ta’ din id-direttiva, intitolat “Prinċipji ġenerali”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 u 2 tiegħu: “1. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, l-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu l-libertà ta’ moviment u residenza taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza, minħabba politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika. Dawn ir-raġunijiet ma għandhomx jiġu invokati biex jaqdu għanijiet ekonomiċi. 2. Il-miżuri meħuda minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika għandhom ikunu skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità u għandhom ikunu bbażati esklussivament fuq il-kondotta personali ta’ l-individwu kkonċernat. […] […]” |
9 |
Skont l-Artikolu 36 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Sanzjonijiet”: “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu d-disposizzjonijiet dwar is-sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tar-regoli nazzjonali adottati għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa għall-applikazzjoni tagħhom. Is-sanzjonijiet stabbiliti għandhom ikunu effettivi u proporzjonati. […]” |
Ir-Regolament Nru 562/2006
10 |
L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 562/2006, intitolat “Suġġett u prinċipji”, kien jipprovdi: “Dan ir-Regolament jipprovdi għall-assenza ta’ kontrolli fuq il-fruntiera ta’ persuni li jkunu qed jaqsmu l-fruntieri interni bejn l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea. Huwa jistabbilixxi regoli li jirregolaw il-kontroll fuq il-fruntiera ta’ persuni li jkunu qed jaqsmu l-fruntieri esterni ta’ l-Istati membri ta’ l-Unjoni Ewropea.” |
11 |
L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, kien jipprovdi: “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[…]” |
12 |
L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, intitolat “Qsim ta’ fruntieri esterni” kien jipprovdi: “1. Il-fruntieri esterni jistgħu jinqasmu biss minn punti ta’ qsim tal-fruntiera u waqt il-ħinijiet tal-ftuħ stabbiliti. Il-ħinijiet tal-ftuħ għandhom ikunu indikati b’mod ċar fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera li mhumiex miftuħa għal 24 siegħa kuljum. […] 2. B’deroga mill-paragrafu 1, jistgħu jkunu permessi eċċezzjonijiet għall-obbligu li wieħed jaqsam fruntieri esterni biss f’punti ta’ qsim tal-fruntiera u waqt ħinijiet ta’ ftuħ stabbiliti: […]
[…]” |
13 |
Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 562/2006, intitolat “Verifiki fuq il-fruntiera fuq persuni f’punti ta’ qsim tal-fruntiera”: “1. Moviment trans-konfini fi fruntieri esterni għandu jkun soġġett għal verifiki mill-gwardji tal-fruntiera. […] […] 2. Il-persuni kollha għandhom jgħaddu minn verifika minima sabiex jiġu stabbiliti l-identitajiet tagħhom abbażi tal-produzzjoni jew il-preżentazzjoni tad-dokumenti ta’ l-ivvjaġġar tagħhom. Tali verifika minima tikkonsisti f’verifika rapida u sempliċi, fejn ikun xieraq bl-użu ta’ mezzi tekniċi u billi tkun ikkonsultata informazzjoni esklussivament dwar dokumenti misruqa, misapproprijati, mitlufa u invalidati fid-databases rilevanti, dwar il-validità tad-dokument li jawtorizza lid-detentur leġittimu li jaqsam il-fruntiera u dwar il-preżenza ta’ sinjali ta’ falsifikazzjoni jew kontrafazzjoni. […] 6. Verifiki fuq persuna li jkollha d-dritt għal moviment liberu taħt id-dritt tal-Unjoni għandhom jitwettqu skond id-Direttiva [2004/38]. […]” |
14 |
L-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Regoli speċifiċi għal tipi differenti ta’ fruntiera u l-mezzi differenti ta’ trasport użati biex jinqasmu l-fruntieri esterni”, kien ifformulat kif ġej: “Ir-regoli speċifiċi stabbiliti fl-Anness VI għandhom japplikaw għall-verifiki mwettqa fit-tipi differenti ta’ fruntiera u l-mezzi differenti ta’ trasport użati biex jinqasmu l-punti ta’ qsim tal-fruntieri [esterni]. Dawk ir-regoli speċifiċi jista’ jkun fihom derogi mill-Artikoli 4 u 5 u l-Artikoli 7 sa 13.” |
15 |
L-Artikolu 20 tal-imsemmi regolament, intitolat “Qsim tal-fruntieri interni” kien jipprevedi: “Fruntieri interni jistgħu jinqasmu minn kull punt mingħajr ma jsiru verifiki fuq il-fruntiera fuq persuni, tkun xi tkun iċ-ċittadinanza tagħhom.” |
16 |
L-Artikolu 21 tal-imsemmi regolament, intitolat “Verifiki fit-territorju”, kien jipprovdi: “It-tneħħija tal-kontrolli tal-fruntieri fil-fruntieri interni m’għandhiex taffettwa:
[…]” |
17 |
L-Anness VI tar-Regolament Nru 562/2006, intitolat “Regoli speċifiċi għal tipi differenti ta’ fruntieri u l-mezzi differenti ta’ trasport użati biex jinqasmu l-fruntieri esterni ta’ l-Istati Membri”, kien jinkludi taqsima intitolata “Dgħajjes tad-divertiment”, li kienet ifformulata kif ġej: “3.2.5. B’deroga mill-Artikoli 4 u 7, il-persuni abbord ta’ dgħajjes tad-divertiment li jkunu ġejjin minn jew qed jitilqu lejn port li jinsab fi Stat Membru m’għandhomx ikunu soġġetti għal kontrolli tal-fruntiera u jistgħu jidħlu f’port li mhux punt ta’ qsim tal-fruntiera. Madankollu, meta skond il-valutazzjoni tar-riskji ta’ l-immigrazzjoni illegali, u b’mod partikolari fejn il-kosta ta’ pajjiż terz tinsab fil-viċinanza immedjata tat-territorju ta’ l-Istat Membru konċernat, għandhom jitwettqu verifiki fuq dawn il-persuni u/jew tfittxija fiżika fid-dgħajjes tad-divertiment. […] 3.2.7 Waqt dawn il-verifiki, għandu jiġi sottomess dokument li fih il-karatteristiċi tekniċi kollha tad-dgħajsa u l-ismijiet tal-persuni abbord. Kopja ta’ dan id-dokument għandha tingħata lill-awtoritajiet fil-portijiet tad-dħul u tat-tluq. Sakemm id-dgħajsa tibqa’ fl-ilmijiet territorjali ta’ wieħed mill-Istati Membri, kopja ta’ dan id-dokument għandha tkun inkluża fost il-karti tad-dgħajsa.” |
18 |
Dan ir-regolament, applikabbli fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, ġie mħassar u ssostitwit bir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2016, L 77, p. 1, u rettifika fil-ĠU 2020, L 245, p. 32) |
Id-dritt Finlandiż
Il-leġiżlazzjoni fuq id-dokumenti tal-ivvjaġġar
19 |
L-Artikolu 1 tal-passilaki (671/2006) (il-Liġi dwar il-Passaporti (671/2006)) jipprevedi: “Iċ-ċittadini Finlandiżi għandhom id-dritt li jitilqu mill-pajjiż skont id-dispożizzjonijiet previsti f’din il-liġi. Iċ-ċittadini Finlandiżi ma jistgħux jitwaqqfu milli jidħlu fit-territorju.” |
20 |
L-Artikolu 2 tal-Liġi dwar il-Passaporti jipprovdi: “Iċ-ċittadini Finlandiżi għandhom id-dritt li jitilqu, u li jidħlu fit-territorju b’passaport, suġġett għall-eċċezzjonijiet stabbiliti f’din il-liġi, skont id-dritt tal-Unjoni jew skont ftehim internazzjonali li jorbot lill-Finlandja. Iċ-ċittadini Finlandiżi jistgħu jivvjaġġaw lejn l-Islanda, in-Norveġja, l-Isvezja u d-Danimarka mingħajr passaport. Regolament adottat mill-kunsill tal-ministri jiddetermina l-pajjiżi l-oħra li ċ-ċittadini Finlandiżi jistgħu jivvjaġġaw lejhom billi jużaw bħala dokument tal-ivvjaġġar, karta tal-identità minflok passaport […].” |
21 |
Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 28 tal-Liġi dwar il-Passaporti: “Jekk ċittadin Finlandiż irid ikollu passaport jew karta tal-identità waqt il-vjaġġ tiegħu, huwa għandu, meta jitlaq mill-pajjiż u meta jasal fil-pajjiż, juri dan id-dokument lill-awtorità ta’ sorveljanza tal-fruntieri jekk din tistaqsih għaliha.” |
22 |
L-Artikolu 1 tal-valtioneuvoston asetus matkustusoikeuden osoittamisesta eräissä tapauksissa (660/2013) (ir-Regolament adottat mill-kunsill tal-ministri dwar prova tal-ivvjaġġar f’ċerti każijiet speċifiċi (660/2013)) jipprovdi: “Iċ-ċittadini Finlandiżi jistgħu jivvjaġġaw mill-Finlandja lejn il-pajjiżi li ġejjin billi jużaw bħala dokument tal-ivvjaġġar karta tal-identità minflok passaport […]: il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Belġju, il-Bulgarija, Spanja, l-Irlanda, ir-Renju Unit, l-Italja, l-Awstrija, il-Greċja, il-Kroazja, Ċipru, il-Latvja, Liechtenstein, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Portugall, il-Polonja, Franza, ir-Rumanija, il-Ġermanja, San Marino, is-Slovakkja, is-Slovenja, l-Isvizzera, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija u l-Estonja.” |
Il-Kodiċi Kriminali
23 |
L-Artikolu 7, intitolat “Ksur fir-rigward tal-fruntieri”, tal-Kapitolu 17 intitolat “Ksur tal-ordni pubbliku” tar-rikoslaki (39/1889) (il-Kodiċi Kriminali (39/1889)) jipprovdi: “Kull min
[…] iwettaq ksur fir-rigward tal-fruntieri punibbli b’multa jew b’piena sa massimu ta’ sena priġunerija.” |
24 |
L-Artikolu 7a tal-istess kapitolu ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Ksur minuri fir-rigward tal-fruntieri”, jipprovdi: “L-awtur tar-reat huwa kkastigat b’multa għal ksur minuri rigward il-fruntieri jekk, fid-dawl tal-qosor tal-waqfa jew taċ-ċirkulazzjoni irregolari, in-natura tal-att ipprojbit jew ta’ ċirkustanzi oħra tal-ksur, il-ksur fir-rigward tal-fruntieri huwa kkunsidrat minuri fl-assjem tiegħu.” |
25 |
Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Kapitolu 2a tal-Kodiċi Kriminali: “Il-multa hija imposta fil-forma ta’ multi ta’ kuljum fejn in-numru minimu huwa ta’ multa ta’ kuljum waħda u n-numru massimu huwa ta’ 120 multa ta’ kuljum.” |
26 |
L-Artikolu 2 ta’ dan l-istess Kapitolu 2a tal-Kodiċi Kriminali jipprovdi: “L-ammont tal-multa ta’ kuljum huwa stabbilit b’mod raġonevoli, fid-dawl tal-kapaċità ta’ ħlas tal-awtur tar-reat. L-ammont tal-multa ta’ kuljum huwa kkunsidrat raġonevoli jekk jikkorrispondi għal wieħed minn sittin tad-dħul medju fix-xahar tal-awtur tar-reat, wara li jitnaqqsu l-imposti u t-taxxi li jiġu ddeterminati permezz ta’ regolament adottat mill-kunsill tal-ministri kif ukoll ammont stabbilit li jikkorrispondi mal-ispejjeż tal-konsum ta’ kuljum. L-obbligu ta’ manteniment dovut mill-awtur tar-reat jista’ jnaqqas l-ammont tal-multa ta’ kuljum. Id-dħul tal-awtur tar-reat li tinsab fl-aħħar taxxa implimentata huwa l-bażi prinċipali għall-kalkolu tal-imsemmi dħul fix-xahar. Jekk id-dħul tal-awtur tar-reat ma jistax jiġi stabbilit b’mod suffiċjentement affidabbli mid-data tat-taxxa jew jekk inbidel b’mod sinjifikattiv mill-aħħar fattura tat-taxxa pprovduta, jista’ jiġi stabbilit abbażi ta’ dokument ieħor aċċessibbli. […] Regolament adottat mill-kunsill tal-ministri jirregola iktar preċiżament il-kalkolu tad-dħul medju fix-xahar, il-mod kif jiġi stabbilit l-ammont tal-multa ta’ kuljum, l-ammont fiss li jikkorrispondi mal-ispejjeż tal-konsum ta’ kuljum, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-obbligu ta’ manteniment kif ukoll l-ammont minimu tal-multa ta’ kuljum.” |
27 |
L-Artikolu 5 tal-asetus päiväsakon rahamäärästä (609/1999) (ir-Regolament adottat mill-kunsill tal-ministri dwar l-ammont tal-multa ta’ kuljum (609/1999)) jistipula: “L-ammont tal-multa ta’ kuljum ma jistax ikun inqas minn EUR 6.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
28 |
Fil‑25 ta’ Awwissu 2015, A, ċittadin Finlandiż, wettaq vjaġġ bir-ritorn bejn il-Finlandja u l-Estonja fuq dgħajsa ta’ rikreazzjoni. Kemm il-post tat-tluq kif ukoll il-post ta’ ritorn ta’ dan il-vjaġġ kienu jinsabu fil-Finlandja. Matul l-imsemmi vjaġġ, A qasam żona marittima internazzjonali li tinsab bejn iż-żewġ Stati Membri. |
29 |
Għalkemm kien detentur ta’ passaport Finlandiż validu, A ma kellux dan il-passaport fuqu waqt il-vjaġġ. Konsegwentement, matul kontroll fil-fruntieri mwettaq f’Ħelsinki fil-mument tar-ritorn tiegħu, A ma seta’ jippreżenta la dan il-passaport u lanqas dokument ieħor tal-ivvjaġġar. Madankollu, l-identità ta’ A setgħet tiġi stabbilita abbażi tal-liċenzja tas-sewqan li kellu fuqu. |
30 |
Is-syyttäjä (il-Prosekutur) ressaq proċeduri kontra A quddiem il-Helsingin käräjäoikeus (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Ħelsinki, il-Finlandja) għal ksur minuri fir-rigward tal-fruntieri. |
31 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Diċembru 2016, il-Helsingin käräjäoikeus (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Ħelsinki) ikkonstatat li A kien wettaq ksur peress li qasam il-fruntiera Finlandiża mingħajr ma kellu fuqu dokument tal-ivvjaġġar, u ppreċiżat li l-fatt li l-persuna kkonċernata kellha passaport validu kien irrilevanti f’dan ir-rigward. |
32 |
Madankollu, din il-qorti ma ppronunzjatx ruħha dwar piena, billi kkunsidrat li l-ksur kien minuri u li, fil-każ ta’ kundanna għall-ħlas ta’ multa, l-ammont tagħha, ikkalkolat skont ir-reġim kriminali ta’ multa ta’ kuljum abbażi tad-dħul medju fix-xahar ta’ A, kienet tkun eċċessiva. |
33 |
Il-Prosekutur appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-Helsingin hovioikeus (il-Qorti tal-Appell ta’ Ħelsinki, il-Finlandja). Min-naħa tiegħu, A ppreżenta appell inċidentali kontra l-istess deċiżjoni. |
34 |
Permezz ta’ sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2018, il-Helsingin hovioikeus (il-Qorti tal-Appell ta’ Ħelsinki), filwaqt li kkonstatat li kien ġie debitament stabbilit li A ma kellux dokument tal-ivvjaġġar meta qasam il-fruntiera Finlandiża, ċaħdet l-appelli. Din il-qorti fil-fatt qieset li l-ksur minuri fir-rigward tal-fruntieri ma kienx ikkaratterizzat f’dan il-każ. |
35 |
Il-Prosekutur appella minn din is-sentenza quddiem il-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema, il-Finlandja). |
36 |
Din il-qorti tqis li l-kawża għandha tiġi eżaminata skont id-dritt tal-Unjoni. |
37 |
Hija tfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 45 tas-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 1999, Wijsenbeek (C‑378/97, EU:C:1999:439), li dan id-dritt ma kienx jipprekludi li Stat Membru jobbliga, taħt piena ta’ sanzjonijiet kriminali, persuna sabiex tistabbilixxi n-nazzjonalità tagħha fil-mument tad-dħul tagħha fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, sakemm is-sanzjonijiet ikunu paragunabbli għal dawk li japplikaw għal ksur nazzjonali simili u ma jkunux sproporzjonati. |
38 |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk din il-ġurisprudenza għadhiex applikabbli, fid-dawl tal-emendi magħmula għad-dritt tal-Unjoni wara din is-sentenza. |
39 |
Fil-fatt, għalkemm jirriżulta effettivament mill-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen li kull Stat Membru jista’ jipprevedi obbligu għaċ-ċittadini tal-Unjoni li jkollhom fuqhom dokument tal-ivvjaġġar validu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk u, fil-każ ta’ risposta affermattiva, f’liema kundizzjonijiet in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-obbligu jista’ jkun suġġett għal sanzjoni, peress li ma huwiex eskluż li l-impożizzjoni ta’ sanzjoni tippreġudika d-dritt għall-moviment liberu, previst fl-Artikolu 21(1) TFUE. |
40 |
Sabiex jiġi ddeterminat jekk dan id-dritt inkisirx, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2004/38 kif ukoll l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 562/2006, billi dan l-aħħar regolament huwa l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen applikabbli għall-kawża prinċipali. |
41 |
Huwa wkoll neċessarju li tiġi speċifikata, fir-rigward tal-Artikoli 2, 4, 7, 20 u 21 tar-Regolament Nru 562/2006, kif ukoll tal-punt 3.2.5 tal-Anness VI tiegħu, ir-rilevanza tal-fatt li ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat ivvjaġġa minn Stat Membru lejn ieħor, abbord ta’ dgħajsa ta’ rikreazzjoni u bil-qsim ta’ żona marittima internazzjonali. |
42 |
Jekk wieħed jassumi li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix l-obbligu, taħt piena ta’ sanzjoni kriminali, li wieħed ikollu fuqu dokument tal-ivvjaġġar validu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk reġim ta’ multi ta’ kuljum, bħal dak previst mill-Kodiċi Kriminali, huwiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
43 |
Il-qorti tar-rinviju tindika li, matul is-sena 2014, l-ammont medju ta’ multa ta’ kuljum kien ta’ EUR 16.70 għal dħul nett medju fix-xahar ta’ EUR 1257. Hija tippreċiża, barra minn hekk, li ksur tar-regoli dwar qsim tal-fruntieri bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa normalment suġġett għal multa ta’ ħmistax il-jum. |
44 |
Issa, fid-dawl tad-dħul medju fix-xahar ta’ A, l-ammont ta’ multa ta’ kuljum jammonta, fil-każ tiegħu, għal EUR 6350, b’tali mod li l-ammont totali tal-multa li tista’ tiġi imposta fuqu huwa ta’ EUR 95250. Tali ammont huwa spjegat mill-fatt li, għalkemm il-leġiżlazzjoni applikabbli fil-kawża prinċipali tiffissa livell minimu ta’ EUR 6 għall-ammont tal-multa ta’ kuljum, għall-kuntrarju hija ma tipprevedi l-ebda limitu massimu għal dan l-ammont. |
45 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
46 |
Fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha. F’din il-perspettiva, jekk ikun il-każ, huwa l-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu ġew magħmula lilha. Hemm lok, f’dan ir-rigward, li mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali għandhom jinsiltu l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Granarolo, C‑617/19, EU:C:2021:338, punti 32 u 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
47 |
F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kawża prinċipali tirrigwarda vjaġġ bejn il-Finlandja u l-Estonja magħmul minn ċittadin Finlandiż fuq dgħajsa ta’ rikreazzjoni, b’postijiet ta’ tluq u ta’ ritorn fil-Finlandja u l-qsim ta’ żona marittima internazzjonali. Minn din id-deċiżjoni jirriżulta wkoll li l-persuna kkonċernata hija suġġetta għal proċeduri kriminali għan-nuqqas ta’ osservanza tal-leġiżlazzjoni Finlandiża li tobbliga liċ-ċittadini Finlandiżi jkollhom fuqhom karta tal-identità jew passaport meta huma jivvjaġġaw bejn il-Finlandja u Stati Membri oħra, fosthom ir-Repubblika tal-Estonja. |
48 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment, minn naħa, jekk id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni għall-moviment liberu previst fl-Artikolu 21(1) TFUE u speċifikat fid-Direttiva 2004/38 għandux, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet dwar il-qsim tal-fruntieri stabbiliti mir-Regolament Nru 562/2006, jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha Stat Membru jobbliga, taħt piena ta’ sanzjonijiet kriminali, liċ-ċittadini tiegħu li jkollhom fuqhom karta tal-identità jew passaport validu meta huma jivvjaġġaw lejn Stat Membru ieħor u, min-naħa l-oħra, jekk il-fatt li tali vjaġġ jitwettaq fuq dgħajsa ta’ rikreazzjoni u bil-qsim ta’ żona marittima internazzjonali huwiex rilevanti f’dan ir-rigward. |
49 |
Skont l-Artikolu 21(1) TFUE, kull ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju tal-Istati Membri, suġġett għal-limitazzjonijiet u għall-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati u d-dispożizzjonijiet meħuda għall-implimentazzjoni tagħhom. |
50 |
Kif jistabbilixxi l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/38, din għandha b’mod partikolari l-għan li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt kif ukoll il-limitazzjonijiet għalih. |
51 |
Għal dan il-għan, l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva jistipula li, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet dwar id-dokument tal-ivvjaġġar, applikabbli għall-kontrolli fil-fruntieri, kull ċittadin tal-Unjoni li jkollu karta tal-identità jew passaport validu għandu d-dritt jitlaq mit-territorju ta’ Stat Membru u jmur fi Stat Membru ieħor. |
52 |
Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 54 sa 57 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-frażi “għandhom karta ta’ l-identità valida jew passaport validu”, li tinsab f’din id-dispożizzjoni, jirriżulta li l-eżerċizzju, miċ-ċittadini ta’ Stat Membru, tad-dritt tagħhom li jmorru fi Stat Membru ieħor huwa suġġett għall-kundizzjoni li dawn ikollhom fuqhom karta tal-identità jew passaport li jkunu validi. |
53 |
Għalhekk, u filwaqt li huma l-Istati Membri, skont l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2004/38, li għandhom joħorġu liċ-ċittadini tagħhom, jew li jġeddu, karta tal-identità jew passaport, il-leġiżlatur tal-Unjoni, billi jissuġġetta, skont l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, id-dritt ta’ ċittadin tal-Unjoni li jmur fi Stat Membru ieħor għall-kundizzjoni li jkollu fuqu tali dokument, kellu l-intenzjoni li jiddefinixxi formalità marbuta mal-moviment liberu, fis-sens tal-premessa 7 tal-imsemmija direttiva. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, din il-formalità hija intiża sabiex tiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu billi tiggarantixxi li kull persuna li tibbenefika minn dan id-dritt tkun identifikata bħala tali mingħajr diffikultà fil-kuntest ta’ eventwali verifika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Settembru 1999, Wijsenbeek, C‑378/97, EU:C:1999:439, punt 43, kif ukoll tas‑17 ta’ Frar 2005, Oulane, C‑215/03, EU:C:2005:95, punti 21 u 22). |
54 |
Din il-kundizzjoni marbuta mal-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu tapplika, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38, għal kull ċittadin tal-Unjoni li jmur fi Stat Membru differenti minn dak tan-nazzjonalità tiegħu. |
55 |
Minn dan isegwi li Stat Membru li jobbliga liċ-ċittadini tiegħu li jkollhom fuqhom il-karta tal-identità tagħhom jew il-passaport tagħhom meta jaqsmu l-fruntiera nazzjonali sabiex imorru lejn Stat Membru ieħor, jikkontribwixxi, b’dan il-mod, għall-osservanza ta’ formalità li, skont id-Direttiva 2004/38, hija neċessarja għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu. Tali regola tad-dritt nazzjonali taqa’, għaldaqstant, taħt l-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva. |
56 |
Skont l-Artikolu 36 tal-imsemmija direttiva, kull Stat Membru għandu s-setgħa li jiddetermina r-reġim tas-sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati b’applikazzjoni tagħha. |
57 |
Fl-assenza ta’ armonizzazzjoni ta’ dawn is-sanzjonijiet, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti sabiex jagħżlu dawk li jidhrilhom li huma xierqa, sakemm jeżerċitaw din il-kompetenza b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni u tal-prinċipji ġenerali tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Frar 2021, K.M. (Sanzjonijiet imposti fuq il-kaptan tal-bastiment), C‑77/20, EU:C:2021:112, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
58 |
Konsegwentement, u minkejja l-evoluzzjoni li kien suġġett għaliha minn meta ngħatat is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 1999, Wijsenbeek (C‑378/97, EU:C:1999:439), id-dritt tal-Unjoni jżomm dejjem, fl-istat attwali tiegħu, l-awtonomija tal-Istati Membri fir-rigward tas-sanzjonijiet li jistgħu jiġu imposti fuq ċittadin tal-Unjoni li ma josservax formalità marbuta mal-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu. Kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 45 tal-imsemmija sentenza, l-Istati Membri jistgħu, f’każ bħal dan, jipprevedu sanzjonijiet kriminali, bil-kundizzjoni li dawn josservaw, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Dan il-prinċipju issa huwa stabbilit fl-Artikolu 49(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), li jipprovdi li s-severità tal-pieni ma għandhiex tkun sproporzjonata meta mqabbla mal-ksur. |
59 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi kriminali nazzjonali ma jistgħux jiddiskriminaw fil-konfront ta’ persuni li lilhom id-dritt tal-Unjoni jagħti d-dritt għal ugwaljanza fit-trattament u lanqas jillimitaw il-libertajiet fundamentali ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2020, ZW, C‑454/19, EU:C:2020:947, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
60 |
Il-leġittimità, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, tal-obbligu impost minn Stat Membru fuq iċ-ċittadini tiegħu li jkollhom fuqhom, taħt piena ta’ sanzjoni kriminali, karta tal-identità valida jew passaport validu meta jaqsmu l-fruntiera nazzjonali bl-għan li jiċċaqalqu lejn Stat Membru ieħor ma hijiex invalidata mill-preċiżjoni li tinsab fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/38, li tipprovdi li din id-dispożizzjoni hija “[m]ingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet dwar dokumenti ta’ vjaġġar applikabbli għall-kontroll fil-fruntieri nazzjonali”. |
61 |
Ċertament, minn din il-preċiżazzjoni jirriżulta li kull regola dwar il-kontrolli fil-fruntieri nazzjonali, bħal dik li tinsab fl-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 562/2006, li jipprevedi t-tneħħija ta’ dawn il-kontrolli fil-fruntieri interni taż-żona Schengen, għandha tapplika b’mod sħiħ. Għaldaqstant, kontroll ma jistax, bħala prinċipju, jitwettaq mal-qsim ta’ dawn il-fruntieri. |
62 |
Madankollu, it-tneħħija tal-kontrolli tal-fruntieri interni ma tippreġudikax il-possibbiltà, imsemmija fl-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 562/2006, għall-Istati Membri, li jwettqu kontrolli tal-identità ġewwa t-territorju u li jipprevedu għal dan il-għan l-obbligu li wieħed iżomm u jkollu fuqu karti tal-identità u dokumenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Adil, C‑278/12 PPU, EU:C:2012:508, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
63 |
Barra minn hekk, għalkemm il-punt 3.2.5 tal-Anness VI tar-Regolament Nru 562/2006 jistabbilixxi, fl-ewwel paragrafu tiegħu, ir-regola li l-persuni li jinsabu fuq dgħajsa ta’ rikreazzjoni ġejja minn jew sejra lejn port li jinsab fi Stat Membru u li jaqsmu fruntiera esterna taż-żona Schengen ma humiex suġġetti għal verifiki ta’ identità, dan l-istess punt jistabbilixxi, fit-tieni paragrafu tiegħu, eċċezzjoni għal din ir-regola, eċċezzjoni li abbażi tagħha dawn il-persuni jistgħu madankollu jiġu suġġetti għal verifiki “skond il-valutazzjoni tar-riskji ta’ l-immigrazzjoni illegali”. |
64 |
Fir-rigward tas-setgħa rriżervata b’dan il-mod lill-Istati Membri li jivverifikaw, f’diversi sitwazzjonijiet ippreċiżati fir-Regolament Nru 562/2006, l-identità tal-persuni, għandu jiġi kkunsidrat li Stat Membru ma jippreġudikax id-dritt ta’ moviment liberu meta jobbliga, taħt piena ta’ sanzjonijiet, jekk ikun il-każ, ta’ natura kriminali, u kemm dissważivi u konformi mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, liċ-ċittadini tiegħu li jkollhom fuqhom il-karta tal-identità tagħhom jew il-passaport tagħhom meta jitilqu mit-territorju nazzjonali sabiex imorru, irrispettivament mill-mezz tat-trasport jew mir-rotta, fi Stat Membru ieħor. Tali obbligu jiggarantixxi, fil-fatt, li dawn iċ-ċittadini jkunu f’pożizzjoni li juru l-identità tagħhom, in-nazzjonalità tagħhom u, konsegwentement, l-istatus tagħhom ta’ ċittadin tal-Unjoni meta waħda mill-imsemmija sitwazzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 562/2006 tirriżulta u tagħti lok għal verifika. |
65 |
Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda magħmula għandha tkun li d-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni ta’ moviment liberu previst fl-Artikolu 21 TFUE u speċifikat mid-Direttiva 2004/38 għandu, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet dwar il-qsim tal-fruntieri stabbiliti mir-Regolament Nru 562/2006, jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha Stat Membru jobbliga, taħt piena ta’ sanzjonijiet kriminali, liċ-ċittadini tiegħu li jkollhom fuqhom karta tal-identità valida jew passaport validu meta huma jivvjaġġaw, irrispettivament mill-mezz ta’ trasport jew mir-rotta, lejn Stat Membru ieħor, sakemm il-modalitajiet ta’ dawn is-sanzjonijiet ikunu konformi mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, inklużi dawk ta’ proporzjonalità u nondiskriminazzjoni. |
Fuq it-tieni domanda
66 |
Fid-dawl tal-elementi esposti fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, it-tieni domanda hija intiża, essenzjalment, sabiex jiġi ddeterminat, minn naħa, jekk id-dritt ta’ moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni previst fl-Artikolu 21(1) TFUE u ppreċiżat mid-Direttiva 2004/38 għandux, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet dwar il-qsim tal-fruntieri stabbiliti mir-Regolament Nru 562/2006, jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha Stat Membru jobbliga, taħt piena ta’ sanzjonijiet kriminali, liċ-ċittadini tiegħu li jkollhom fuqhom karta tal-identità valida jew passaport validu meta huma jidħlu fit-territorju tiegħu meta jkunu ġejjin minn Stat Membru ieħor u, min-naħa l-oħra, jekk il-fatt li l-vjaġġ jitwettaq fuq dgħajsa ta’ rikreazzjoni u bil-qsim ta’ żona marittima internazzjoni huwiex rilevanti f’dan ir-rigward. |
67 |
Qabel kollox għandu jiġi rrilevat li sitwazzjoni li fiha ċittadin tal-Unjoni jaqsam, meta jasal minn Stat Membru ieħor, il-fruntiera tal-Istat Membru li tiegħu huwa ċittadin ma hijiex irregolata mid-Direttiva 2004/38. |
68 |
Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 3(1) tagħha, din id-direttiva tirregola biss il-kundizzjonijiet ta’ dħul u ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni fl-Istati Membri minbarra dak li tiegħu għandu n-nazzjonalità (sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2017, Lounes, C‑165/16, EU:C:2017:862, punti 33 u 34). |
69 |
B’teħid inkunsiderazzjoni tad-delimitazzjoni magħmula b’dan il-mod għall-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38 u peress li jirriżulta minn prinċipju ta’ dritt internazzjonali, sostnut mill-ġdid fl-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 4 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmat f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, li Stat Membru ma jistax jirrifjuta liċ-ċittadini tiegħu d-dritt li jkollhom aċċess għat-territorju tiegħu u li jirrisjedu fih (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Diċembru 1974, van Duyn, 41/74, EU:C:1974:133, punt 22, u tal‑5 ta’ Mejju 2011, McCarthy, C‑434/09, EU:C:2011:277, punt 29), id-dħul ta’ ċittadin tal-Unjoni fit-territorju tal-Istat Membru li huwa ċittadin tiegħu ma huwiex suġġett għall-kundizzjonijiet dwar id-dritt tad-dħul stabbiliti fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva. |
70 |
Għalhekk, ir-ritorn ta’ ċittadin tal-Unjoni fit-territorju tal-Istat Membru li huwa għandu n-nazzjonalità jaqa’ taħt l-Artikolu 21(1) TFUE jekk dan iċ-ċittadin ikun eżerċita, fi Stat Membru ieħor minbarra dak li huwa ċittadin tiegħu, id-dritt ta’ moviment liberu tiegħu previst minn din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Coman et, C‑673/16, EU:C:2018:385, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
71 |
Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk l-obbligu impost minn Stat Membru fuq iċ-ċittadini tiegħu li jkollhom fuqhom karta tal-identità valida jew passaport validu meta jidħlu fit-territorju tiegħu meta jaslu minn Stat Membru ieħor huwiex ta’ natura li jostakola l-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu previst fl-Artikolu 21 TFUE. |
72 |
Bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, mill-atti tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ċ-ċittadini Finlandiżi li ma għandhomx il-karta ta’ identità jew il-passaport tagħhom meta jirritornaw fil-Finlandja huma awtorizzati jidħlu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru mill-mument li huma jkunu f’pożizzjoni li juru l-identità tagħhom permezz ta’ mezz ieħor. |
73 |
Għalhekk jidher li l-obbligu li wieħed ikollu karta tal-identità jew passaport ma jikkundizzjonax id-dritt ta’ dħul iżda jikkostitwixxi formalità intiża sabiex tarmonizza u, għalhekk, sabiex tiffaċilita l-kontrolli ta’ identità li jistgħu jitwettqu fil-każijiet iddefiniti mir-Regolament Nru 562/2006. |
74 |
Peress li kull ċittadin tal-Unjoni huwa detentur ta’ karta tal-identità jew ta’ passaport u għandu jkollu dan id-dokument fuqu meta jmur fi Stat Membru differenti minn dak li tiegħu għandu n-nazzjonalità, l-obbligu, impost minn leġiżlazzjoni nazzjonali, li jkollu dan l-istess dokument fil-mument tar-ritorn fl-Istat Membru ta’ oriġini la huwa oneruż u lanqas inadegwat u ma jistax, għaldaqstant, jitqies li għandu l-effett li jiddisswadi l-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat ukoll li dan l-obbligu ma jikkundizzjonax id-dritt ta’ dħul fit-territorju tal-Istat Membru ta’ oriġini, sakemm, madankollu, is-sanzjonijiet previsti f’każ ta’ ksur ta’ dan l-obbligu jkunu kompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, stabbilit fl-Artikolu 49(3) tal-Karta, kif ukoll mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni l-oħra, inkluż dak ta’ nondiskriminazzjoni, li huma kollha applikabbli fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali fid-dawl tal-Artikolu 21(1) TFUE (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2017, Freitag, C‑541/15, EU:C:2017:432, punti 31 u 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
75 |
Barra minn hekk, il-fatt li l-vjaġġ ikkonċernat jitwettaq fuq dgħajsa ta’ rikreazzjoni u bil-qsim ta’ żona marittima internazzjonali ma jipprekludix li ssir verifika tal-identità tal-okkupanti ta’ din id-dgħajsa. |
76 |
Fil-fatt, kif tfakkar fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, it-tieni paragrafu tal-punt 3.2.5, tal-Anness VI tar-Regolament Nru 562/2006 jawtorizza, “skond il-valutazzjoni tar-riskji ta’ l-immigrazzjoni illegali”, il-verifiki fuq il-persuni fuq dgħajjes ta’ rikreazzjoni minn jew lejn port li jinsab fi Stat Membru u li jaqsmu fruntiera esterna taż-żona Schengen. L-effett utli ta’ din id-dispożizzjoni jkun ippreġudikat jekk din tiġi interpretata fis-sens li l-awtoritajiet kompetenti għandhom, matul dawn il-verifiki, jillimitaw ruħhom li jeżaminaw id-dokument li jinkludi l-karatteristiċi tekniċi kollha tad-dgħajsa kif ukoll l-isem tal-persuni abbord, imsemmi fil-punt 3.2.7 ta’ dan l-anness, mingħajr ma jkunu jistgħu jikkontrollaw, permezz tal-verifika dokumenti ta’ identità, l-eżattezza tal-lista tal-ismijiet li tinsab f’dan id-dokument. |
77 |
F’dan il-każ, mill-atti tal-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dgħajsa inkwistjoni fil-kawża prinċipali qasmet, waqt il-vjaġġ tagħha, iż-żona marittima internazzjonali li tinsab bejn l-ibħra territorjali tal-Finlandja u tal-Estonja, b’tali mod li għandha titqies li qasmet fruntiera esterna, fis-sens tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 562/2006. Barra minn hekk, il-vjaġġ sar fix-xahar ta’ Awwissu 2015, perijodu rrikonoxxut mill-partijiet fil-kawża prinċipali bħala li kellu riskju ikbar ta’ immigrazzjoni illegali. Għalhekk, bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, jidher li l-awtoritajiet kompetenti Finlandiżi kienu jinsabu f’sitwazzjoni fejn huma setgħu leġittimament jivverifikaw l-identità tal-persuni li kienu jinsabu fuq l-imsemmija dgħajsa mar-ritorn tagħha fl-ibħra territorjali Finlandiżi. |
78 |
Kif ġie rrilevat fil-punti 73 u 74 ta’ din is-sentenza, id-dritt għal moviment liberu ma jipprekludix li Stat Membru jobbliga, sabiex jarmonizza u, għalhekk, sabiex jiffaċilita l-kontrolli ta’ identità li jistgħu jitwettqu fil-każijiet iddefiniti mir-Regolament Nru 562/2006, liċ-ċittadini tiegħu jżommu fuqhom karta tal-identità jew passaport meta huma jirritornaw fit-territorju tiegħu minn Stat Membru ieħor, sakemm is-sanzjonijiet fil-każ ta’ ksur ta’ dan l-obbligu jkunu kompatibbli mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Minn dan isegwi li l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru jistgħu, fil-każ ta’ kontroll leġittimu mwettaq skont it-tieni paragrafu tal-punt 3.2.5 tal-Anness VI tar-Regolament Nru 562/2006, jitolbu lill-persuna kkonċernata l-karta tal-identità jew il-passaport tagħha u, fil-każ ta’ nuqqas ta’ preżentazzjoni ta’ tali dokument, jimponu sanzjoni fuqha. |
79 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għat-tieni domanda magħmula għandha tkun li d-dritt ta’ moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni previst fl-Artikolu 21(1) TFUE għandu, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet dwar il-qsim tal-fruntieri stabbiliti mir-Regolament Nru 562/2006, jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha Stat Membru jobbliga, taħt piena ta’ sanzjonijiet kriminali, liċ-ċittadini tiegħu li jkollhom fuqhom karta tal-identità valida jew passaport validu meta jidħlu fit-territorju tiegħu minn Stat Membru ieħor, sakemm dan l-obbligu ma jikkundizzjonax id-dritt tad-dħul u sakemm il-modalitajiet tas-sanzjonijiet previsti fil-każ ta’ ksur tal-imsemmi obbligu jkunu konformi mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, inklużi dawk ta’ proporzjonalità u ta’ diskriminazzjoni. Vjaġġ lejn l-Istat Membru kkonċernat minn Stat Membru ieħor imwettaq fuq dgħajsa ta’ rikreazzjoni u bil-qsim taż-żona marittima internazzjonali huwa inkluż, taħt il-kundizzjonijiet previsti fit-tieni paragrafu tal-punt 3.2.5 tal-Anness VI ta’ dan ir-regolament, fost il-każijiet li fihom tista’ tintalab il-preżentazzjoni ta’ tali dokument. |
Fuq it-tielet domanda
80 |
Kif jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Kriminali ċċitati fid-deċiżjoni tar-rinviju, kull min jaqsam jew jipprova jaqsam il-fruntiera Finlandiża mingħajr dokument tal-ivvjaġġar jew dokument ieħor li jista’ jitqies simili għalih, iwettaq ksur suġġett għal multa jew għal piena ta’ priġunerija ta’ mhux iktar minn sena, filwaqt li jiġi ppreċiżat li, meta l-ksur jitqies li huwa minuri, is-sanzjoni prevista tikkonsisti f’multa imposta fil-forma ta’ multa ta’ kuljum, fejn l-ammont tal-multa ta’ kuljum jikkorrispondi għal massimu ta’ wieħed minn sittin tad-dħul medju fix-xahar tal-awtur tar-reat, wara li jitnaqqsu l-imposti, it-taxxi u l-ispejjeż. |
81 |
Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-multa imposta fil-każ ta’ ksur minuri tal-osservanza tal-fruntiera nazzjonali tikkonsisti normalment fi ħmistax-il jum ta’ multa u li l-ammont tal-multa finalment imposta jammonta, tipikament, għal madwar 20 % tad-dħul nett fix-xahar tal-awtur tar-reat. |
82 |
F’dan il-każ, il-Prosekutur beda proċeduri kontra A minħabba l-fatt li dan ma kellu fuqu, waqt il-qsim tal-fruntiera Finlandiża, la passaport validu u lanqas dokument tal-ivvjaġġar ieħor, u dan, minkejja li l-identità tiegħu setgħet tiġi stabbilita abbażi tal-liċenzja tas-sewqan li kellu fuqu. |
83 |
Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li t-tielet domanda preliminari hija intiża sabiex isir magħruf jekk l-Artikolu 21(1) TFUE u l-Artikoli 4 u 36 tad-Direttiva 2004/38, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 49(3) tal-Karta, jipprekludux reġim ta’ sanzjonijiet kriminali li permezz tiegħu Stat Membru jirrendi l-qsim tal-fruntiera nazzjonali tiegħu mingħajr karta tal-identità valida jew passaport validu punibbli b’multa li tista’, b’mod indikattiv, tammonta għal 20 % tad-dħul nett fix-xahar tal-awtur tar-reat. |
84 |
Skont ir-regola stabbilita fl-Artikolu 49(3) tal-Karta, is-severità tas-sanzjonijiet għandha tkun proporzjonata mal-gravità tal-ksur li huma jissanzjonaw, b’mod partikolari billi jiżguraw effett realment dissważiv, filwaqt li ma għandhomx jeċċedu l-limiti ta’ dak li huwa neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimament imfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Frar 2021, K. M. (Sanzjonijiet imposti fuq il-kaptan tal-bastiment), C‑77/20, EU:C:2021:112, punti 37 u 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
85 |
Għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk ir-reġim ta’ sanzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwiex proporzjonat mat-twettiq tal-għan leġittimu segwit mill-obbligu li wieħed ikollu fuq karta tal-identità valida jew passaport validu, xorta jibqa’ l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdilha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni li jistgħu jippermettulha tiddetermina jekk dan huwiex il-każ (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑28 ta’ Jannar 2016, Laezza, C‑375/14, EU:C:2016:60, punt 37, u tal‑11 ta’ Frar 2021, K. M. (Sanzjonijiet imposti fuq il-kaptan tal-bastiment), C‑77/20, EU:C:2021:112, punt 39). |
86 |
Kif ġie rrilevat fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, l-obbligu li wieħed ikollu fuqu karta tal-identità jew passaport waqt ċaqliq minn Stat Membru lejn ieħor jikkostitwixxi formalità intiża sabiex tiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu billi jiggarantixxi li kull persuna li tibbenefika minn dan id-dritt tkun identifikata bħala tali mingħajr diffikultà fil-kuntest ta’ eventwali verifika. |
87 |
Fir-rigward tal-multa kriminali li hija, skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, imposta fil-każ fejn il-qsim tal-fruntiera nazzjonali mingħajr karta tal-identità jew passaport jiġi kklassifikat bħala ksur minuri, hemm lok li jiġi kkunsidrat li din is-sanzjoni, li tipikament tammonta għal madwar 20 % tad-dħul nett fix-xahar tal-awtur tar-reat, ma hijiex proporzjonata mal-gravità tal-ksur, kif jirriżulta b’mod partikolari miċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, li fiha, kif ġie rrilevat fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, l-ammont totali tal-multa li tista’ tiġi imposta għal dan il-ksur minuri jammonta għal EUR 95250, mingħajr ma huwa previst l-ebda limitu massimu. |
88 |
Għalkemm l-Istati Membri jistgħu jimponu multa sabiex jissanzjonaw il-ksur ta’ rekwiżit formali relatat mal-eżerċizzju ta’ dritt mogħti mid-dritt tal-Unjoni, huwa partikolarment importanti li tali sanzjoni tkun proporzjonata mal-gravità ta’ dan il-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2021, A. (Eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis), C‑895/19, EU:C:2021:216, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
89 |
Issa, meta, bħal f’dan il-każ, l-obbligu li wieħed ikollu fuqu karta tal-identità valida jew passaport validu jinkiser minn benefiċjarju tad-dritt ta’ moviment liberu li huwa detentur ta’ tali dokument iżda li jkun sempliċement naqas milli jżommu fuqu waqt il-vjaġġ tiegħu, il-ksur huwa, kif barra minn hekk irrikonoxxa l-Gvern Finlandiż, ta’ gravità dgħajfa. Konsegwentement, bla ħsara għall-każijiet ta’ reċidiva, tali ksur ma jistax iwassal għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni pekunjarja tqila, bħal dik li tikkonsisti f’multa li tammonta għal 20 % tal-ammont tad-dħul nett medju fix-xahar tal-awtur tar-reat. |
90 |
Is-severità ta’ tali sanzjoni teċċedi, fil-fatt, il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għan imfakkar fil-punt 86 ta’ din is-sentenza. |
91 |
Ċertament, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 121 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li reġim ta’ sanzjonijiet pekunjarji jieħu inkunsiderazzjoni l-kapaċità ta’ ħlas tal-awtur tar-reat billi jipprevedi li l-multa tiġi kkalkolata skont il-livell tad-dħul tiegħu. Madankollu, l-osservanza miċ-ċittadini tal-Unjoni tal-formalitajiet marbuta mal-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu tista’, b’mod suffiċjentement dissważiv, tiġi żgurata permezz ta’ miżuri inqas restrittivi minn dawk previsti minn leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn dawn il-miżuri jistgħu jinkludu, b’mod partikolari, l-iffissar ta’ multi ta’ ammont li jikkorrispondi għal perċentwali inqas għolja tad-dħul fix-xahar u l-istabbiliment ta’ limitu massimu għall-ammont tal-multi. |
92 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 21(1) TFUE u l-Artikoli 4 u 36 tad-Direttiva 2004/38, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 49(3) tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu reġim ta’ sanzjonijiet kriminali li permezz tiegħu Stat Membru jirrendi l-qsim tal-fruntiera nazzjonali tiegħu mingħajr karta tal-identità valida jew passaport validu punibbli b’multa li tista’, b’mod indikattiv, tammonta għal 20 % tad-dħul nett fix-xahar tal-awtur tar-reat, peress li tali multa ma hijiex proporzjonata mal-gravità ta’ dan il-ksur, li huwa ta’ natura minuri. |
Fuq l-ispejjeż
93 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.