Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CC0581

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali A. Rantos, ippreżentati fid-9 ta’ Settembru 2021.
    Skarb Państwa Rzeczypospolitej Polskiej reprezentowany przez Generalnego Dyrektora Dróg Krajowych i Autostrad vs TOTO SpA - Costruzioni Generali u Vianini Lavori SpA.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Varhoven kasatsionen sad (Bulgarija).
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Artikolu 1(1) – Materji ċivili u kummerċjali – Artikolu 35 – Miżuri provviżorji u kawtelatorji – Azzjoni bbażata fuq kuntratt ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni ta’ triq rapida pubblika konkluż bejn awtorità pubblika u żewġ kumpanniji rregolati mid-dritt privat – Talba għal miżuri provviżorji relatata mal-penalitajiet u mal-garanziji li jirriżultaw minn dan il-kuntratt – Deċiżjoni għal miżuri provviżorji diġà mogħtija minn qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu.
    Kawża C-581/20.

    Court reports – general ; Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:726

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    RANTOS

    ippreżentati fid‑9 ta’ Settembru 2021 ( 1 )

    Kawża C‑581/20

    Skarb Państwa Rzeczypospolitej Polskiej reprezentowany przez Generalnego Dyrektora Dróg Krajowych i Autostrad

    vs

    TOTO SpA ‑ Costruzioni Generali,

    Vianini Lavori SpA

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, il-Bulgarija))

    “Talba għal deċiżjoni preliminari ‑ Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili ‑ Ġurisdizzjoni u rikonoxximent tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali ‑ Regolament (UE) Nru 1215/2012 ‑ Kunċett ta’ materji ċivili u kummerċjali ‑ Miżuri provviżorji jew kawtelatorji ‑ Kuntratt għall-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni ta’ triq pubblika”

    1.

    Fl‑2015, sabiex jiġu ggarantiti l-obbligi adottati fil-qafas ta’ kuntratt pubbliku konkluż fil-Polonja għall-kostruzzjoni ta’ taqsima ta’ triq prinċipali, l-impriżi li ngħataw il-kuntratt ippreżentaw, quddiem l‑awtorità kontraenti Pollakka, garanziji sottoskritti minn kumpannija tal-assigurazzjoni Bulgara.

    2.

    Snin wara, l-impriżi rebbieħa talbu, mingħajr ebda suċċess, lil qorti Pollakka sabiex b’mod provviżorju u kawtelatorju, timpedixxi lill‑awtorità kontraenti milli tagħmel użu minn dawn il-garanziji. Huma ppreżentaw talba simili quddiem il-qrati Bulgari, li ċaħduha fl-ewwel istanza u laqgħuha fl-appell.

    3.

    Quddiem il-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, il-Bulgarija), l-awtorità kontraenti Pollakka ppreżentat appell ta’ kassazzjoni. Fl-appell għandu jiġi ddeterminat, fost oħrajn, jekk, fid-dawl tal-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 ( 2 ), il‑qrati Bulgari għandhomx ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex jadottaw il-miżuri provviżorji u kawtelatorji mitluba ( 3 ).

    4.

    Sakemm ma iniex sejjer żbaljat, sa issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet darba biss fir-rigward ta’ dan l-artikolu ( 4 ). Madankollu, is‑sentenzi mogħtija abbażi tal-istrumenti preċedenti ( 5 ) jixħtu d-dawl fuq id-domandi tal-qorti tar-rinviju mingħajr ma jiddeċiedu dwarhom.

    5.

    Skont l-indikazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il‑konklużjonijiet ser jirrigwardaw biss it-tieni domanda preliminari. Ir‑risposta ser teħtieġ analiżi fil-fond tar-relazzjoni bejn żewġ qrati ta’ Stati Membri differenti — dik adita bit-tilwima fir-rigward tal-mertu u dik li qiegħda tindirizza b’mod esklużiv il-protezzjoni provviżorja u kawtelatorja — f’każijiet transkonfinali, li fihom l-Artikolu 35 jixtieq jevita “preġudizzju lill-partijiet minħabba t-tul tat-termini inerenti f’kull proċedura internazzjonali” ( 6 ).

    I. Il-kuntest ġuridiku

    A.   Ir-Regolament Nru 1215/2012

    6.

    Il-premessa 33 tiddikjara li:

    “Meta miżuri proviżorji, inklużi miżuri kawtolatorji, ikunu ordnati minn qorti li jkollha ġurisdizzjoni fuq is-sustanza tal-kwistjoni, iċ-ċirkolazzjoni libera tagħhom għandha tkun żgurata skont dan ir-Regolament. Madankollu, miżuri proviżorji, inklużi kawtolatorji, li jkunu ġew ordnati mit-tali qorti mingħajr ma l-konvenut ikun irċieva taħrika biex jidher m’għandhomx jiġu rikonoxxuti u eżegwiti skont dan ir-Regolament sakemm is-sentenza li jkun fiha l-miżura ma tkunx ingħatat lill-konvenut qabel l-infurzar. Dan m’għandux jeskludi r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ tali miżuri skont il-liġi nazzjonali. Meta, miżuri proviżorji, inklużi kawtolatorji, jiġu ordnati minn qorti ta’ Stat Membru li ma jkollhiex ġurisdizzjoni fuq is-sustanza tal-kwistjoni, l-effett ta’ tali miżuri għandu jkun limitat, skont dan ir-Regolament, għat-territorju ta’ dak l-Istat Membru”.

    7.

    Skont l-Artikolu 2:

    “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

    (a)

    ‘sentenza’ tfisser kull sentenza mogħtija minn qorti jew tribunal ta’ Stat Membru, independentement minn kif tista’ tissejjaħ dik is-sentenza, inklużi digriet, ordni, deċiżjoni jew mandat ta’ eżekuzzjoni, kif ukoll deċiżjoni dwar id-determinazzjoni tal-infiq jew l-ispejjeż minn uffiċjal tal-qorti.

    Għall-finijiet tal-Kapitolu III, ‘sentenza’ tinkludi miżuri proviżorji, inklużi miżuri kawtolatorji, ordnati minn qorti jew tribunal li, bis-saħħa ta’ dan ir-Regolament ikollha ġurisdizzjoni fuq il-mertu tal-kwistjoni. Ma jinkludix miżura proviżorja, inkluża miżura kawtelatorja, li tkun ordnata minn tali qorti jew tribunal meta l-konvenut ma jkunx irċieva taħrika biex jidher, sakemm is-sentenza li jkun fiha l-miżura ma tiġix notifikata lill-konvenut qabel l-infurzar;

    […]”.

    8.

    L-Artikolu 29, fit-Taqsima “Lis pendens — azzjonijiet relatati”, jipprovdi li:

    “1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 31(2), meta proċedimenti li jinvolvu l-istess kawża ta’ azzjoni u bejn l-istess partijiet ikunu miġjuba quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, kull qorti apparti l-ewwel qorti li jkollha quddiemha l-każ għandha fuq inizjattiva tagħha stess tissospendi l-proċedimenti ta’ quddiemha sa dak iż-żmien li fih tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-ewwel qorti invokata.

    2.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, fuq talba ta’ qorti li tieħu konjizzjoni tal-kawża, kwalunkwe qorti invokata għandha mingħajr dewmien tinforma lill-ewwel qorti bid-data meta tressqu l-proċedimenti quddiemha skont l-Artikolu 32.

    3.   Meta tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-ewwel qorti invokata, kull qorti oħra apparti l-ewwel qorti invokata għandha tastjeni mill-ġurisdizzjoni favur dik il-qorti”.

    9.

    Skont l-Artikolu 35 (“Miżuri proviżorji, inklużi dawk kawtolatorji”):

    “Tista’ ssir talba lill-qrati ta’ Stat Membru għal miżuri proviżorji bħal dawn, inklużi miżuri kawtolatorji, previsti mil-liġi ta’ dak l-Istat Membru, anki jekk, il-qrati ta’ Stat Membru ieħor ikollhom il-ġurisdizzjoni rigward is-sustanza tal-kwistjoni”.

    10.

    Skont l-Artikolu 36, fit-Taqsima “Dispożizzjonijiet ġenerali [Rikonoxximent]”:

    “1.   Sentenza mogħtija fi Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħra mingħajr il-bżonn ta’ ebda proċedura speċjali.

    […]”.

    11.

    L-Artikolu 42(2) jipprovdi li:

    “Għall-finijiet tal-eżekuzzjoni fi Stat Membru ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor li tordna miżura proviżorja, inkluża miżura kawtelatorja, ir-rikorrent għandu jipprovdi lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni kompetenti:

    (a)

    kopja tas-sentenza li tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tiġi stabbilita l-awtentiċità tagħha;

    (b)

    iċ-ċertifikat maħruġ skont l-Artikolu 53 li jinkludi deskrizzjoni tal-miżura u li jiċċertifika li:

    (i)

    il-qorti għandha ġurisdizzjoni fuq is-sustanza tal-kwistjoni;

    (ii)

    is-sentenza hija eżegwibbli fl-Istat Membru tal-oriġini; u

    (c)

    meta l-miżura ġiet ordnata mingħajr ma l-konvenut ikun tħarrek biex jidher, il-prova tan-notifika tas-sentenza”.

    12.

    L-Artikolu 45(1)(c) jiddikjara li:

    “1.   Fuq it-talba ta’ kwalunkwe parti interessata, ir-rikonoxximent ta’ sentenza għandha tiġi rifjutata:

    […]

    (c)

    jekk is-sentenza tkun irrikonċiljabbli ma’ sentenza mogħtija bejn l-istess partijiet fl-Istat Membru indirizzat”.

    B.   Id-dritt nazzjonali. Grazhdanski Protsesualen Kodeks ( 7 )

    13.

    Għal din il-kawża huma rilevanti l-Artikolu 18 (Immunità tal‑Istati); l-Artikoli 389 sa 396 (Adozzjoni ta’ miżuri provviżorji); l‑Artikoli 397 sa 403 (Miżuri kawtelatorji); u l-Artikoli 274 sa 280 (Rikorsi kontra digrieti).

    14.

    Billi l-konklużjonijiet tiegħi ser jiffokaw esklużivament fuq l‑interpretazzjoni tal-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1215/12, ma huwiex meħtieġ li jiġu traskritti dawn l-artikoli.

    II. Il-fatti, il-kawżi u d-domandi preliminari

    15.

    Permezz ta’ kuntratt bid-data tat-30 ta’ Lulju 2015, l-iSkarb Państwa Rzeczypospolitej Polskiej reprezentowany przez Generalnego Dyrektora Dróg Krajowych i Autostrad (iktar ’il quddiem, it-“Teżor Pubbliku Pollakk”) ta lill-impriżi TOTO SpA — Costruzioni Generali u Vianini Lavori SpA, li kienu qegħdin jaġixxu bħala konsorzju rreġistrat fl-Italja, il-kostruzzjoni tat-triq prinċipali S‑5 Poznan‑Breslavia, it‑taqsima Poznan A2, Gluchovo‑Wronczyn.

    16.

    Il-partijiet inkludew klawżola fil-kuntratt, il-klawżola 20.6, li kkonferixxiet il-ġurisdizzjoni sabiex jiġu deċiżi d-differenzi tagħhom lill-qrati tad-domiċilju tal-awtorità kontraenti (jiġifieri, il-qrati Pollakki) ( 8 ).

    17.

    F’dan l-istess kuntratt, inħarġu l-garanziji Nru 02900100000348 u Nru 02900100000818 sabiex jiġi żgurat, rispettivament, l-issodisfar tal-kuntratt ( 9 ) u l-ħlas eventwali ta’ “penalità konvenzjonali” wara t‑tmiem tax-xogħlijiet ( 10 ). Iż-żewġ garanziji ngħataw mill-kumpannija tal-assigurazzjoni Bulgara Evroins AD u huma rregolati mid-dritt sostantiv Pollakk.

    18.

    Il-kumpanniji rebbieħa ressqu quddiem is-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja) talbiet separati għal konstatazzjoni negattiva kontra t-Teżor Pubbliku Pollakk. Huma talbu li jiġi ddikjarat li l-imsemmi teżor pubbliku ma kellux id‑dritt li jitlob il-ħlas tal-penalità konvenzjonali miftiehma peress li ma ġewx issodisfatti r-rekwiżiti għal dan il-ħlas, u lanqas ma kellu d-dritt li jitlob penalità konvenzjonali għad-dewmien fit-tlestija tal-kuntratt li huwa allega ( 11 ).

    19.

    Bl-istess mod, huma talbu lill-qorti “tadotta miżuri provviżorji li jikkonsistu f’li l-konvenuta, b’mod partikolari, tiġi ordnata ma tużax il‑garanziji Nri 02900100000348 u 02900100000818, mogħtija mill‑kumpannija tal-assigurazzjoni Evroins AD” ( 12 ).

    20.

    Permezz ta’ digriet tas‑7 ta’ Ġunju 2019, is-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja) irrifjutat li tadotta l-miżuri provviżorji u kawtelatorji mitluba ( 13 ).

    21.

    Fil‑31 ta’ Lulju 2019, il-kumpanniji rebbieħa talbu mill-ġdid l‑adozzjoni ta’ dawn il-miżuri, din id-darba lis-Sofiyski gradski sad (il‑Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija), insostenn tat-talbiet imressqa quddiem is-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja).

    22.

    It-talba ġiet miċħuda fl-ewwel istanza, iżda ġiet milqugħa fl‑appell mis-Sofiyski apelativen sad (il-Qorti tal-Appell ta’ Sofija, il‑Bulgarija). Din tal-aħħar ordnat, suġġett għall-għoti ta’ garanzija, l‑iffriżar tal-assi tal-kreditu tat-Teżor Pubbliku Pollakk, li tikkonsisti fil‑garanziji Nru 02900100000348 u Nru 02900100000818, mogħtija favurih mill-kumpannija tal-assigurazzjoni Evroins AD.

    23.

    It-Teżor Pubbliku Pollakk ippreżenta appell ta’ kassazzjoni quddiem il-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, il-Bulgarija). F’dan ir-rikors ippreżenta wkoll ordni ta’ ħlas Ewropea, b’mod konformi mar-Regolament (KE) Nru 1896/2006 ( 14 ), Formola E ( 15 ).

    24.

    Il-kumpanniji rebbieħa, li kienu opponew l-ordni permezz tal-Formola F tar-Regolament Nru 1896/2006, ippreżentawha fir-risposta għall-appell ta’ kassazzjoni.

    25.

    F’dan il-kuntest, il-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) qed tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    L-Artikolu 1 tar-[Regolament Nru 1215/12] għandu jiġi interpretat fis-sens li kwistjoni bħal dik indikata fid-digriet tar-rinviju għandha titqies li hija kompletament jew parzjalment kwistjoni ċivili jew kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament?

    2)

    F’sitwazzjoni fejn ikun ġie eżerċitat id-dritt li jintalbu miżuri provviżorji/kawtelatorji u f’sitwazzjoni fejn il-qorti li jkollha ġurisdizzjoni fir-rigward tal-mertu tkun eżaminat it-talba, il-qorti li quddiemha titressaq talba għal miżuri fuq l-istess bażi u taħt l-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandha titqies li ma jkunx għad għandha ġurisdizzjoni mill-mument li fih ikunu ġew prodotti provi li juru li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni fir-rigward tal-mertu ħadet deċiżjoni?

    3)

    Fil-każ li għall-ewwel żewġ domandi għandha tingħata r-risposta li l-qorti li quddiemha titressaq it-talba skont l-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandha ġurisdizzjoni, il-kundizzjonijiet għall-ammissjoni ta’ talba għal miżuri provviżorji taħt l-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu? F’każ bħal dak ineżami, għandha titħalla mhux applikata regola li tipprevedi li t-talba għal miżuri provviżorji kontra awtorità pubblika hija inammissibbli?”

    III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    26.

    It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fil-Qorti tal‑Ġustizzja fil‑5 ta’ Novembru 2020. Hija ġiet miċħuda skont l‑Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    27.

    TOTO — Costruzioni Generali y Vianini Lavori, ir-Repubblika tal-Polonja u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil‑miktub. Kollha kemm huma, kif ukoll it-Teżor Pubbliku Pollakk, intervjenew fis-seduta, li nżammet fil‑15 ta’ Lulju 2021.

    IV. Analiżi

    28.

    Kif diġà spjegajt, il-konklużjonijiet tiegħi ser ikunu limitati għat‑tieni domanda preliminari. Din id-domanda, fil-qosor, tikkonċerna r-relazzjoni bejn qrati ta’ Stati Membri differenti li lilhom, skont ir‑Regolament Nru 1215/2012, jintalbu miżuri provviżorji jew kawtelatorji b’mod konsekuttiv.

    29.

    Ir-risposta għal din id-domanda teħtieġ l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1215/2012, li ser jippermetti d‑determinazzjoni ta’ jekk qorti (f’dan il-każ, qorti Bulgara) li ma jkollhiex ġurisdizzjoni fir-rigward tal-mertu tal-kawża tistax tadotta miżuri provviżorji u kawtelatorji meta l-qorti li jkollha l-ġurisdizzjoni fir-rigward tal-mertu tal-kawża (f’dan il-każ, qorti Pollakka) tkun diġà tat deċiżjoni fuq talba identika.

    30.

    Qabel ma nissuġġerixxi risposta għal din id-domanda, ser nidentifika xi aspetti ġenerali tar-Regolament Nru 1215/2012 li jistgħu jikkontribwixxu għar-riflessjoni.

    A.   Kunsiderazzjonijiet preliminari: protezzjoni provviżorja u kawtelatorja fir-Regolament Nru 1215/2012

    1. Sistema ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali u moviment tad-deċiżjonijiet dwar miżuri provviżorji u kawtelatorji

    31.

    Ir-Regolament Nru 1215/2012 jistabbilixxi mezz doppju sabiex jinkisbu miżuri provviżorji u kawtelatorji f’tilwim li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu:

    Fl-ewwel lok, jikkonferixxi ġurisdizzjoni internazzjonali lill-qrati li, f’konformità mat-Taqsimiet 1 sa 6 tal-Kapitolu II, ikollhom ukoll din il-ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu t-tilwima fir-rigward tal-mertu wkoll ( 16 ). Il-ġurisdizzjoni ta’ dawn il-qrati ma tiddependix minn jekk teżistix rabta ddeterminata bejn l-għan tal-miżura u l-qorti ( 17 ). Barra minn hekk, bl-eċċezzjoni li ser nispjega, miżura adottata minn qorti li jkollha ġurisdizzjoni għat-tilwima prinċipali tibbenefika mir-regoli dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012.

    Fit-tieni lok, l-Artikolu 35 tal-istess regolament jipprovdi li l-qrati li ma jkollhomx ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar il-mertu tat‑tilwima jistgħu jordnaw miżuri provviżorji u kawtelatorji relatati ma’ din it-tilwima.

    32.

    F’din it-tieni ipoteżi, il-Qorti tal-Ġustizzja tissuġġetta għal ċerti rekwiżiti l-possibbiltà li qorti li ma jkollhiex ġurisdizzjoni sabiex tiġi adita fuq il-mertu, ikollha madankollu l-ġurisdizzjoni sabiex taqta’ kwistjoni kawtelatorja ( 18 ):

    Il-miżuri provviżorji jew kawtelatorji għandhom ikunu “intiżi sabiex iżommu sitwazzjoni ta’ fatt jew ta’ liġi sabiex jitħarsu d-drittijiet li r‑rikonoxximent tagħhom huwa, barra minn hekk, mitlub mill-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu” ( 19 ).

    Ma jistgħux jiġu adottati miżuri li, minħabba l-effetti tagħhom, jissostitwixxu de facto l-proċedura fir-rigward tal-mertu, jiġifieri, li jservu sabiex jevitaw ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni fil-fażi preliminari ( 20 ).

    Għandu jkun hemm rabta ta’ konnessjoni reali bejn il-qorti li ma jkollhiex ġurisdizzjoni sabiex tiġi adita fuq il-mertu u l-miżura mitluba. L-għoti tagħha “teżiġi […] diskrezzjoni partikolari u għarfien fil-fond taċ-ċirkustanzi konkreti li fihom ikollhom iseħħu l-effetti tal-miżuri mitluba” ( 21 ).

    33.

    Dawn il-kundizzjonijiet huma dovuti għall-fatt li l-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1215/2021 jikkonferixxi fuq il-parti li tkun qiegħda tfittex miżuri provviżorji u kawtelatorji vantaġġ xieraq sabiex il-parti l‑oħra titqiegħed f’sitwazzjoni sfavorevoli, billi tiġi preżunta eċċezzjoni għas-sistema ta’ ġurisdizzjoni stabbilita mill-istess regolament. Għaldaqstant, l-interpretazzjoni tiegħu għandha tkun restrittiva ( 22 ).

    34.

    Barra minn hekk, billi tinfetaħ qorti addizzjonali, l-Artikolu 35 jista’ wkoll jiffavorixxi strateġiji ta’ forum shopping ( 23 ) u ta’ abbuż ( 24 ).

    35.

    Skont ir-Regolament Nru 1215/2012, is-setgħa tal-qorti li tadotta miżuri provviżorji u kawtelatorji f’konformità mal-Artikolu 35 hija wkoll limitata b’mod sinjifikattiv: l-effett ta’ tali miżuri huwa limitat għat-territorju tal-Istat Membru nnifsu ( 25 ).

    36.

    Ma għandux jintesa madankollu, li l-ammissibbiltà tal-miżuri provviżorji u kawtelatorji minn qorti oħra għajr qorti adita fuq il-mertu tal‑kawża jew li ser tkun adita ( 26 ) fuqu tissodisfa ħtiġijiet prattiċi speċifiċi ta’ protezzjoni ġudizzjarja provviżorja u kawtelatorja ( 27 ) li huma mifhuma b’mod faċli.

    37.

    Din id-dispożizzjoni toffri lill-parti interessata l-possibbiltà li tikseb miżura provviżorja u kawtelatorja fl-Istat Membru li fih jinsabu l‑proprjetà jew il-persuna li fuqhom tkun ser tiġi eżegwita l-miżura. B’dan il-mod jiġu evitati l-inkonvenjenti li wieħed ikollu jressaq kawża barra mill-pajjiż, fl-ewwel lok, u li jinkiseb ir-rikonoxximent tas‑sentenza deċiża f’qorti oħra, fit-tieni lok ( 28 ).

    38.

    Din il-possibbiltà hija iktar u iktar neċessarja billi l-miżuri provviżorji u kawtelatorji ordnati inaudita parte mill-qorti adita fuq il‑mertu (li l-adozzjoni tagħhom tippreżerva l-effett ta’ sorpriża tagħhom) ma humiex awtorizzati, bħala prinċipju ( 29 ), sabiex jiċċirkulaw b’mod liberu ( 30 ) bejn l-Istati Membri skont ir-Regolament Nru 1215/2012 ( 31 ).

    39.

    L-esklużjoni tal-moviment liberu ta’ dan it-tip ta’ miżuri hija kkanalizzata permezz tad-definizzjoni ta’ “sentenza” fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 1215/2012. Fil-prattika, hija tieħu l-forma tar-rekwiżit tal-Artikolu 42(2) tiegħu: l-eżekuzzjoni, fi Stat Membru, tal-miżura provviżorja u kawtelatorja ordnata fi Stat Membru ieħor mill-qorti fit-tilwima prinċipali hija suġġetta għall-preżentazzjoni taċ-ċertifikat tal-Artikolu 53. Dan iċ-ċertifikat jinkludi riferimenti speċifiċi li jakkreditaw il-kwalità tal-qorti u t-taħrika tal-konvenut sabiex jidher jew, fin-nuqqas ta’ dan, in-notifika tal-miżura.

    2. Relazzjoni bejn il-qrati

    40.

    Ma hemmx ġerarkija formali bejn il-qrati disponibbli għar‑rikorrent għall-protezzjoni provviżorja jew kawtelatorja, li jkun jista’ jagħżel bejniethom. Għaldaqstant, jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet ta’ proċeduri multipli ta’ protezzjoni provviżorja u kawtelatorja, li għalihom il-leġiżlatur ma ppreveda l-ebda soluzzjoni partikolari b’mod espliċitu.

    a) Pluralità ta’ proċeduri dwar il-protezzjoni provviżorja u kawtelatorja

    41.

    Ir-Regolament Nru 1215/2012 jinkorpora regola speċifika (l‑Artikolu 35) għall-miżuri provviżorji u kawtelatorji. Jista’ jingħad li b’dan il-mod jikkomplementa s-setgħa naturali tal-qorti li jkollha l‑ġurisdizzjoni fir-rigward tal-mertu sabiex tadottahom. Fl-istess ħin, jiftaħ il-bieb għal proċeduri identiċi quddiem qrati differenti, bir-riskju ta’ sentenzi irrikonċiljabbli bejniethom.

    42.

    Il-prinċipju ta’ prijorità li, fit-Taqsima “Lis pendens – azzjonijiet relatati” tar-Regolament Nru 1215/2012, jirregola l-pluralità tal‑proċeduri b’identiċità tal-partijiet, tal-għan u tal-kawża skont l‑Artikolu 29, jista’, fil-fehma tiegħi, jiġi estiż għall-fażi kawtelatorja ta’ dawn il-proċeduri ( 32 ).

    43.

    Skont dan il-prinċipju, il-qorti li quddiemha titressaq it-tieni talba “għandha fuq inizjattiva tagħha stess tissospendi l-proċedimenti ta’ quddiemha sa dak iż-żmien li fih tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-ewwel qorti invokata”. Il-qorti adita bit-tieni talba għandha tiċħad il‑ġurisdizzjoni tagħha favur l-ewwel qorti, ladarba din tal-aħħar tiddikjara li jkollha ġurisdizzjoni ( 33 ).

    44.

    Bħalma spjegajt, il-koeżistenza ta’ talbiet għal miżuri provviżorji u kawtelatorji quddiem qorti li jkollha l-ġurisdizzjoni fir-rigward tal‑mertu u qorti li ma jkollhiex din il-ġurisdizzjoni (iżda li tkun adita skont l-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1215/2012) tagħti lill-parti interessata għażla sabiex tevita d-dewmien li ta’ spiss jiġi assoċjat mal‑importazzjoni fi Stat Membru wieħed tal-miżuri mogħtija f’ieħor.

    45.

    Minn din il-perspettiva, jista’ jiġi kklassifikat bħala paradossali l-fatt li min jitlob miżura provviżorja u kawtelatorja quddiem qorti oħra preċiżament sabiex jevita d-dewmien tal-ewwel qorti għandu jagħmel dan b’mod esklużiv, skont ir-regola dwar il-lis pendens, fl-Istat tat‑tilwima prinċipali. Dan sempliċiment għaliex it-talba għal din il‑miżura tressqet hemmhekk fl-ewwel lok ( 34 ).

    46.

    Għall-kuntrarju, ikun konċepibbli li r-regola ġenerali dwar il-lis pendens (l-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 1215/2012) titħalla bħala inapplikabbli għall-miżuri provviżorji u kawtelatorji, u li tiġi indirizzata l-problema ta’ żewġ sentenzi irrikonċiljabbli, jekk iwasslu sabiex tingħata sentenza, f’deċiżjoni a posteriori dwar ir-rikonoxximent u l‑eżekuzzjoni tagħhom ( 35 ).

    47.

    Madankollu nemmen li din is-soluzzjoni tista’ ma tkunx konformi ma’ dan ir-regolament.

    48.

    Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx dwar dan il-punt, hija għamlet riferiment f’termini negattivi għall-“multiplikazzjoni ta’ bażijiet ta’ ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ l-istess relazzjoni ġuridika, li huwa kontra l-għanijiet tal-Konvenzjoni”, b’rabta mal-Artikolu 24 tal‑Konvenzjoni ta’ Brussell ( 36 ).

    49.

    Bħalissa, huwa biżżejjed li jingħad li l-eċċezzjonijiet għar-regola dwar il-lis pendens jinsabu fir-regolament innifsu, u li l-ebda waħda minnhom ma tikkorrispondi għal dik deskritta ( 37 ). Il-proposti għat-tibdil dwar dan l-aspett, imwettqa fir-rigward tal-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1215/2012, ma sarux fit-test, li jitkellem kontra t-trattament speċjali tal-lis pendens għat-talbiet għal miżuri provviżorji u kawtelatorji fis‑sistema attwali ( 38 ).

    50.

    Fil-qosor, jiena tal-fehma li r-regola dwar il-lis pendens tal‑Artikolu 29 tar-Regolament Nru 1215/2012 tapplika għat-talbiet għal miżuri provviżorji u kawtelatorji. Hija għandha żewġ konsegwenzi: a) li tingħata prijorità lill-qorti li quddiemha tkun tressqet l-ewwel waħda mit-talbiet kawtelatorji, ladarba jkun ġie ddikjarat li jkollha ġurisdizzjoni; u b) minn dan l-istess mument, il-qorti li quddiemha titressaq it-tieni talba kawtelatorja jkollha tastjeni favur l-ewwel qorti.

    b) Irrikonċiljabbiltà bejn il-miżuri provviżorji u kawtelatorji ta’ qrati differenti

    51.

    Ix-xenarju ta’ miżuri provviżorji u kawtelatorji ordnati minn żewġ qrati (waħda b’ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u oħra magħżula mill-partijiet sabiex tiddeċiedi dwar il‑mertu) ġie indirizzat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Italian Leather ( 39 ) fir-rigward tal-Artikolu 27(3) ta’ din il-konvenzjoni.

    52.

    F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja:

    Iċċarat il-fatt li l-irrikonċiljabbiltà li tipprekludi r-rikonoxximent ta’ sentenza barranija tagħmel riferiment għall-effetti ġuridiċi tad‑deċiżjonijiet, u mhux għall-eżistenza ta’ oqfsa ġuridiċi differenti fl-Istati Membri, jew għall-evalwazzjoni differenti mill-qrati rispettivi tal-istess kundizzjoni ( 40 ).

    Ikkonfermat li l-irrikonċiljabbiltà sseħħ meta l-konsegwenzi tad‑deċiżjonijiet inkwistjoni, jekk iseħħu b’mod simultanju fi Stat Membru, tiddisturba l-ordni soċjali tiegħu ( 41 ).

    Sostniet li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-fatt li r-raġuni għaċ‑ċaħda tar-rikonoxximent previst fl-Artikolu 27(3) tal‑Konvenzjoni ta’ Brussell hija obbligatorja, il-qorti tar-rinviju għandha tiċħad ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni barranija ( 42 ).

    53.

    L-identiċità bejn l-Artikolu 27(3) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u l-Artikolu 45(1)(c) attwali tar-Regolament Nru 1215/2012 ( 43 ) tfisser li hija meħtieġa l-istess soluzzjoni skont dan tal-aħħar.

    B.   Risposta għat-tieni domanda preliminari

    54.

    Id-dubji tal-qorti tar-rinviju li wasslu għat-tieni domanda preliminari tagħha, kif ukoll għall-allegazzjonijiet tal-partijiet f’dan ir‑rigward, huma bbażati fuq diversi raġunijiet li ser nindirizza f’din l‑ordni:

    qabelxejn, ser nindirizza l-effett tal-klawżola kuntrattwali dwar l‑għażla tal-qorti favur il-qrati Pollakki;

    imbagħad, ser nindirizza r-rabta ta’ konnessjoni reali bejn il-miżuri mitluba u t-territorju Bulgaru;

    fl-aħħar nett, ser nesprimi ruħi dwar ir-rilevanza quddiem il-qorti Bulgara tad-deċiżjoni tal-qorti Pollakka li ċaħdet il-miżuri provviżorji u kawtelatorji.

    1. Il-klawżola tal-għażla tal-qorti: ostakolat l-adozzjoni tal-miżuri mill-qrati Bulgari?

    55.

    Il-ġurisdizzjoni tal-qorti tat-tilwima prinċipali, sabiex tadotta miżuri provviżorji u kawtelatorji ma tiddependix minn konnessjoni partikolari bejn l-għan tal-miżura u l-qorti; huwa biżżejjed li jkunu jeżistu ċ-ċirkustanzi li, skont ir-Regolament Nru 1215/2012, jiġġustifikaw l-għoti ta’ ġurisdizzjoni fir-rigward tal-mertu tal-kawża.

    56.

    Waħda minn dawn iċ-ċirkustanzi hija li l-partijiet ftehmu dwar l‑għażla tal-ġurisdizzjoni permezz ta’ klawżola li tikkonferixxi l‑ġurisdizzjoni esklużiva skont l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1215/2012.

    57.

    Madankollu, minħabba li hija bbażata fuq l-awtonomija tar-rieda, huwa leġittimu li jitqiegħed f’dubju l-fatt jekk kwalunkwe ftehim li jikkonferixxi ġurisdizzjoni jiġix estiż awtomatikament għall-miżuri provviżorji u kawtelatorji. Għall-kuntrarju, jista’ jiġi mistoqsi jekk għażla ta’ qorti tipprekludix b’mod sistematiku l-għażla prevista fl‑Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1215/2012.

    58.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ddeċidietx dwar din il‑problema. Is-sentenza Italian Leather tiċċara, f’kull każ, li l‑ġurisdizzjoni tal-Artikolu 35 tista’ tikkoeżisti ma’ dik ta’ qorti differenti magħżula mill-partijiet sabiex it-tilwima tiġi deċiża b’mod definittiv.

    59.

    Fil-fehma tiegħi, il-partijiet jistgħu (għall-inqas, ma nsib l-ebda raġuni li tipprevjeni dan) jestendu jew iħassru, b’mod miftiehem, il‑ġurisdizzjoni internazzjonali għall-protezzjoni kawtelatorja meta jkunu f’sitwazzjoni koperta mir-Regolament Nru 1215/2012. Liema tilwim huwa kopert mill-ftehim dwar l-għażla tal-qorti, u liema ma huwiex, hija kwistjoni ta’ interpretazzjoni tal-ftehim li jkunu daħlu fih.

    60.

    Naturalment, ikun irrakkomandat li l-partijiet jiddikjaraw b’mod espliċitu l-intenzjoni tagħhom li l-klawżola għandha tkopri wkoll il‑protezzjoni kawtelatorja. Fl-assenza ta’ rieda ċara, jista’ jiġi preżunt ( 44 ) li klawżola tal-għażla ta’ qorti redatta f’termini ġenerali testendi l‑kompetenza tal-ġurisdizzjoni magħżula għall-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji jew kawtelatorji.

    61.

    Madankollu, din is-soluzzjoni ma tapplikax għall-esklużjoni tal‑aċċess għal xi qorti ta’ Stat Membru ieħor differenti minn dik miftiehma ( 45 ): ir-rinunzja tal-benefiċċju tal-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1215/2012 ma għandhiex tkun preżunta.

    62.

    F’din il-kawża, il-partijiet, fil-kuntratt tagħhom inkludew klawżola li tindika, f’termini ġenerali, il-qrati Pollakki bħala l‑ġurisdizzjoni kompetenti sabiex isolvu t-tilwim tagħhom, billi l‑Polonja hija s-sede tal-awtorità kontraenti ( 46 ).

    63.

    Il-qorti tar-rinviju ma tqigħedx f’dubju l-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati Pollakki għall-mertu tal-kawża; madankollu tistaqsi jekk hijiex ukoll esklużiva fir-rigward tal-protezzjoni kawtelatorja.

    64.

    L-osservazzjonijiet tal-Gvern Pollakk u tal-kumpanniji rebbieħa ma jikkoinċidux fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-għażla tal‑qorti fil-kuntratt ( 47 ). Min-naħa tiegħi, naqbel mal-Kummissjoni li, kemm jekk din l-għażla tkopri l-miżuri kawtelatorji kemm jekk le, bl‑esklużjoni ta’ kwalunkwe ġurisdizzjoni oħra, hija kwistjoni li għandha tiġi interpretata mill-qorti tar-rinviju ( 48 ).

    65.

    F’dan il-kuntest, wieħed għandu jżomm f’moħħu li, sabiex tiġi protetta l-prevedibbiltà tal-partijiet, “[k]lawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni tista’ biss tikkonċerna kwistjonijiet maħluqa jew li se jinħolqu fil-każ ta’ relazzjoni ġuridika partikolari, li tillimita l-portata ta’ ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni biss għall-kwistjonijiet li joriġinaw mir-relazzjoni ġuridika li fir-rigward tagħha ġiet miftiehma din il-klawżola […]” ( 49 ).

    66.

    Il-klawżola li tikkonferixxi l-ġurisdizzjoni għaldaqstant ma hijiex ser tkopri “tilwima ma hijiex raġonevolment prevedibbli għall-impriża vittma fil-mument li hija tkun tat il-kunsens tagħha għall-imsemmija klawżola” ( 50 ).

    67.

    Mingħajr preġudizzju għall-fatt, bħalma għidt, li d-deċiżjoni taqa’ fuq il-qorti tar-rinviju, nemmen li l-partijiet firmatarji tal-klawżola miftiehma f’din il-kawża jistgħu jipprevedu raġonevolment li waħda minnhom, jekk ikun neċessarju, titlob miżura provviżorja u kawtelatorja sabiex topponi l-eżekuzzjoni tal-garanziji. Fil-qafas tal-kuntratti pubbliċi, it-tilwim dwar l-eżekuzzjoni tal-garanziji mill-awtoritajiet kontraenti huma komuni.

    2. Rabta ta’ konnessjoni reali

    68.

    Jekk jiġi stabbilit li l-klawżola li tikkonferixxi l-ġurisdizzjoni ma tipproduċix l-effetti tagħha fir-rigward tal-protezzjoni kawtelatorja, u b’hekk tiġi miċħuda l-esklużività tal-ġurisdizzjoni tal-qrati Pollakki, din l-evalwazzjoni xorta ma jkollhiex il-konsegwenza immedjata li titqies bħala ammissibbli l-ġurisdizzjoni tal-qrati Bulgari bħala l-qrati li għandhom jiġu aditi skont l-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1215/2012.

    69.

    F’din l-ipoteżi, il-ġurisdizzjoni tal-qrati Bulgari tiddependi, fl‑ewwel lok, fuq id-dispożizzjonijiet tar-regoli nazzjonali f’dan ir‑rigward. Għandu jkun hemm ukoll konnessjoni reali bejn l-għan tal‑miżura provviżorja u kawtelatorja u l-ġurisdizzjoni territorjali tal‑Istat Membru (il-Bulgarija).

    70.

    Ġew espressi dubji dwar l-eżistenza tar-rabta ta’ konnessjoni reali f’din it-tilwima, għal żewġ raġunijiet:

    in-natura mobbli tal-proprjetà li tinsab fit-territorju Bulgaru li fuqha għandha tiġi eżegwita l-miżura;

    il-ħlas effettiv tal-garanzija kkontestata għandu jsir lit-Teżor Pubbliku Pollakk fit-territorju Pollakk, fir-rigward tal-irregolaritajiet marbuta mal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ xogħlijiet konkluż u eżegwit fil-Polonja ( 51 ).

    71.

    L-eżiġenza tar-rabta ta’ konnessjoni reali hija relatata direttament mal-għan tal-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1215/2012, jiġifieri, li l‑miżura għandha tiġi miftiehma u eżegwita fl-istess Stat Membru. Għaldaqstant, ir-rabta ta’ konnessjoni reali hija, effettivament, il‑proprjetà li magħha tirrelata l-miżura provviżorja u kawtelatorja.

    72.

    Liema jkun il-post tal-ħlas tal-garanzija nnifisha huwa irrilevanti.

    73.

    F’din it-tilwima, bħalma diġà ġie spjegat, il-miżuri provviżorji u kawtelatorji kellhom l-għan li jassiguraw it-talbiet dwar il-fatt li t-Teżor Pubbliku Pollakk ma kellu ebda dritt jiġbor l-ammonti ggarantiti. Fl‑eżekuzzjoni ta’ dawn il-miżuri, il-qorti tal-appell Bulgara ordnat mandat ta’ qbid tal-kreditu tal-awtorità kontraenti Pollakka kontra l-kumpannija tal-assigurazzjoni Bulgara Evroins AD.

    74.

    Il-konnessjoni reali bejn il-qrati Bulgari u l-miżuri provviżorji u kawtelatorji finalment ser tiddependi minn jekk il-kreditu msemmi jitqiesx li jinsab fil-Bulgarija ( 52 ), u din hija kwistjoni li għandha tiġi kkonfermata mill-qorti tar-rinviju.

    3. Id-deċiżjoni mogħtija fil-Polonja bħala ostakolu għall‑adozzjoni ta’ miżuri kawtelatorji mill-qrati Bulgari

    75.

    Il-qorti Bulgara għandha tiddikjara lilha nnifisha mingħajr ġurisdizzjoni sabiex tadotta l-miżura provviżorja u kawtelatorja mitluba meta kienet tressqet talba identika ( 53 ) quddiem il-qorti (Pollakka) adita fuq il-mertu tat-tilwima prinċipali, u din tal-aħħar ċaħditha?

    76.

    It-tweġiba hija miftuħa għal żewġ approċċi, skont jekk id‑deċiżjoni tal-qorti Pollakka kontra l-għoti tal-miżuri provviżorji u kawtelatorji tkunx definittiva jew le. Billi l-informazzjoni pprovduta ma tippermettix li tiġi inferita b’ċertezza sħiħa n-natura ta’ din id-deċiżjoni, ser nindirizza ż-żewġ ipoteżijiet possibbli.

    a) Deċiżjoni definittiva: ir-rikonoxximent eventwali tagħha

    77.

    Fis-sistema tar-Regolament Nru 1215/2012, huwa possibbli li tintemm proċedura, kemm jekk dwar il-mertu kemm jew kawtelatorja, miftuħa fi Stat Membru billi tiġi invokata n-natura finali ( 54 ) ta’ deċiżjoni dwar l-istess suġġett li tingħata fi Stat Membru ieħor, permezz tal‑proċedura xierqa.

    78.

    Mill-osservazzjonijiet tal-partijiet nikkonkludi li r-res judicata ( 55 ) tad-deċiżjoni Pollakka hija punt kontenzjuż, li għandu jiġi ċċarat mill‑qorti tar-rinviju. F’kull każ, iktar milli res judicata (kunċett li jiltaqa’ ma’ diffikultajiet meta jiġi applikat għal deċiżjonijiet ta’ natura kawtelatorja), nippreferi nitkellem dwar in-natura definittiva, jiġifieri, il-finalità tad-deċiżjoni tal-qorti li ma tibqax suġġetta għal appell.

    79.

    Jekk jiġi kkonfermat li d-deċiżjoni kawtelatorja hija definittiva fil-Polonja, hija tista’ tkun effettiva wkoll fil-Bulgarija u tipprekludi (sakemm iċ-ċirkustanzi tal-fatti jkunu l-istess) ( 56 ) l-adozzjoni ta’ miżura oħra b’għan, partijiet u kawża identiċi.

    80.

    Il-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) tistaqsi wkoll meta għandha tislet il-konsegwenzi regolatorji mill‑eżistenza tad-deċiżjoni barranija. B’mod partikolari, hija tistaqsi jekk għandhiex tiddikjara lilha nnifisha mingħajr ġurisdizzjoni hekk kif jiġu prodotti l-provi ta’ din id-deċiżjoni.

    81.

    It-tweġiba hija, bħala prinċipju, fl-affermattiv. Skont l‑Artikolu 36(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, ir-rikonoxximent tad‑deċiżjoni ta’ Stat Membru f’ieħor ma jeħtieġ l-ebda proċedura. Il‑parti li tinvoka dan għandha, madankollu, tikkonforma ruħha mal‑kundizzjonijiet formali previsti fl-Artikolu 37, billi tipproduċi kopja awtentika tad-deċiżjoni u ċ-ċertifikat tal-Artikolu 53 li, f’konformità mal-formulazzjoni tar-regolament, ma huwiex essenzjali ( 57 ). Il-qorti jew l-awtorità li quddiemha tiġi invokata d‑deċiżjoni barranija jistgħu wkoll jitolbu traduzzjoni jew traskrizzjoni, kif previst fl-Artikolu 37(2).

    82.

    Hija l-parti affettwata b’mod negattiv mir-rikonoxximent tad‑deċiżjoni mogħtija diġà li għandha titlob iċ-ċaħda tiegħu abbażi ta’ waħda mir-raġunijiet tal-Artikolu 45, jekk hija tqis li dan ikun xieraq. Talba bħal din tista’ titressaq b’mod inċidentali, f’konformità mal‑Artikolu 36(3) tar-regolament.

    83.

    Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 45(1)(c) ma jistgħux jiġu invokati f’dan il-qafas: fiċ-ċirkustanzi tal-kawża għad ma hemmx miżura fil-Bulgarija b’effetti irrikonċiljabbli ma’ dawk tad-deċiżjoni Pollakka, u għaldaqstant, l-argument kontra r-rikonoxximent tagħha ma jintlaqax.

    b) Deċiżjoni mhux definittiva: ir-regola tal-lis pendens

    84.

    Jekk id-deċiżjoni Pollakka tkun suġġetta għal appell fil-Polonja, għandu jkun mifhum, għall-finijiet tar-Regolament Nru 1215/2012, li l‑proċedura dwar il-miżuri kawtelatorji għadha pendenti f’dan il-pajjiż.

    85.

    F’dan il-kuntest, il-parti interessata tista’ ċertament titlob ir‑rikonoxximent tal-miżura fil-Bulgarija ( 58 ). Madankollu, il-fatt li hija għadha suġġetta għal appell jista’ jirrendi din it-talba waħda prematura. Ir-regolament jawtorizza lill-qorti rikjesta tissospendi r‑rikonoxximent ta’ deċiżjoni barranija meta din tkun ikkontestata fl‑Istat Membru ta’ oriġini ( 59 ).

    86.

    B’applikazzjoni pendenti fil-Bulgarija ta’ talba identika u sussegwenti għal protezzjoni kawtelatorja, ir-regola tal-lis pendens, li timponi obbligi ex officio fuq it-tieni qorti li ġiet adita bil-każ, jidhirli li hija iktar xierqa.

    87.

    Id-dokument li jakkredita d-deċiżjoni Pollakka għandu (jew jista’ jkollu, jekk jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ordinament applikabbli) ( 60 ) valur probatorju tal-elementi ċentrali tal-Artikolu 29 tar‑Regolament Nru 1215/2012:

    iservi sabiex jeżamina l-identiċità bejn il-partijiet, l-għan u l-kawża taż-żewġ proċeduri;

    jirreġistra d-data li fiha tkun tressqet it-talba quddiem l-ewwel qorti;

    juri li l-ewwel qorti qieset li għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tordna jew tiċħad il-miżura provviżorja u kawtelatorja ( 61 ).

    88.

    Jekk, ladarba jiġu stabbiliti dawn il-punti, jiġi kkonfermat li l‑qorti tal-Polonja kienet l-ewwel waħda adita bit-tilwima, kif ukoll li l‑għan, il-partijiet u l-kawża jkunu identiċi fit-tliet aspetti, il-qorti Bulgara għandha tastjeni milli tiġi adita bil-kawża, skont l‑Artikolu 29(1) tar-Regolament Nru 1215/2012.

    V. Konklużjoni

    89.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l‑Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni domanda preliminari tal‑Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, il‑Bulgarija) b’dan il-mod:

    “1)

    L-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) Nru 1215/12 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il‑ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti li quddiemha jkun hemm pendenti talba għal miżuri provviżorji u kawtelatorji għandha tastjeni milli tiddeċiedi dwarhom meta: a) il-qorti ta’ Stat Membru ieħor, adita fuq il‑mertu tal-kawża, tkun tat deċiżjoni finali dwar dawn il-miżuri; b) il-parti interessata ssostni din id-deċiżjoni finali billi tipprovdi d‑dokumentazzjoni meħtieġa mir-Regolament Nru 1215/2012 għar-rikonoxximent tagħha fl-Istat Membru li fih tkun għadha pendenti l-proċedura; u c) it-talbiet imressqa quddiem iż-żewġ qrati jkollhom l-istess għan u l-istess kawża bejn l-istess partijiet.

    2)

    Jekk id-deċiżjoni adottata mill-qorti fir-rigward tal-mertu tat‑tilwima tkun għadha mhux finali, it-tieni qorti adita bil-kawża skont l-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1215/2012, li quddiemha tkun tinsab pendenti t-talba għal miżuri provviżorji u kawtelatorji fuq l‑istess bażi, bl-istess għan u bejn l-istess partijiet, għandha tastjeni milli tiġi adita bil-kawża favur l-ewwel qorti, skont l‑Artikolu 29(3) tar-Regolament Nru 1215/2012”.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).

    ( 3 ) Qiegħed nuża t-termini “miżuri provviżorji u kawtelatorji” billi huma t-termini tar-Regolament Nru 1215/2012. Fil-verità, għandu jiġi speċifikat għal liema kategorija ta’ miżuri tikkorrispondi dik mitluba f’kull każ.

    ( 4 ) Sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2020, Supreme Site Services et (C‑186/19, EU:C:2020:638).

    ( 5 ) L-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell tal‑1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l‑eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32, test ikkonsolidat fil-ĠU 1998, C 27, p. 1; iktar ’il quddiem, il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”); u l-Artikolu 31 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42; iktar ’il quddiem, ir-“Regolament Nru 44/2001”). Il-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u tal-Artikolu 35 attwali ma hijiex identika; barra minn hekk, il-leġiżlatur iddetermina r-regoli dwar il-protezzjoni kawtelatorja f’postijiet oħra tar-Regolament Nru 1215/2012. Il-bidliet, madankollu, ma jaffettwawx l‑utilità tal-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja bħala punt ta’ riferiment għal din il-kawża.

    ( 6 ) Sentenza tat‑28 ta’ April 2005, St. Paul Dairy (C‑104/03, EU:C:2005:255; iktar ’il quddiem, is-“sentenza St. Paul Dairy”), punt 12.

    ( 7 ) Kodiċi ta’ proċedura ċivili, il-Bulgarija; iktar ’il quddiem, il-“GPK”.

    ( 8 ) Skont il-punt 2 tal-osservazzjonijiet tal-Gvern Pollakk, il-klawżola kienet ifformulata b’dan il-mod: “Il-qorti kompetenti tas-sede tal-awtorità kontraenti […] għandu jkollha l-ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar kwalunkwe tilwima li tista’ titqajjem fir-rigward tal-eżekuzzjoni [tal-kuntratt]”.

    ( 9 ) Skont is-sommarju tad-digriet tar-rinviju, din il-garanzija ġiet ipprovduta għall-issodisfar f’konformità mal-kuntratt, għal ammont totali ta’ 52294 272.43 zloty Pollakki (PLN) (madwar EUR 11422 452.58); fl-Anness 4, tal‑25 ta’ Jannar 2019, ġiet stabbilita l-effettività ta’ din il-garanzija sal‑31 ta’ Lulju 2019 għall-ammont imsemmi, bħala garanzija fil-każ ta’ nuqqas ta’ twettiq jew ta’ eżekuzzjoni difettuża tal-kuntratt sal-ammont massimu tiegħu, u sat‑30 ta’ Ġunju 2024 bħala garanzija tal-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet f’konformità mal-kuntratt sa PLN 15 877.73 (madwar EUR 3 468.11).

    ( 10 ) Skont id-digriet tar-rinviju, din il-garanzija ngħatat sabiex tiżgura l-ħlas ta’ penalità konvenzjonali fl-ammont ta’ PLN 9314 671.95 (madwar EUR 2034 570.78) sal‑31 ta’ Lulju 2019, li kienet maħsuba sabiex tiżgura t-tlestija fil-ħin tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, kif speċifikat fil-kuntratt.

    ( 11 ) Punt 2 tad-digriet tar-rinviju.

    ( 12 ) Punt 4 tad-digriet tar-rinviju.

    ( 13 ) Skont il-punt 4 tad-digriet tar-rinviju, il-qorti Pollakka qieset li t-talbiet għal miżuri provviżorji kienu infondati minħabba n-nuqqas ta’ interess ġuridiku, peress li ma kien hemm l-ebda raġuni aċċettabbli għaliex il-konvenuta ma setgħetx tiffirma anness ieħor, u, barra minn hekk, l-impriżi ma kinux iġġustifikaw li r-rifjut tal-miżuri provviżorji seta’ għamel impossibbli jew sostanzjalment diffiċli l‑eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni futura eventwali li tikkunsidra d-drittijiet potenzjali tar-rikorrenti. Bl-istess mod, hija qieset li l-impriżi ma kinux urew li kien jidher probabbli li r-rifjut tal-miżuri provviżorji jwassal għal dannu irreparabbli u lanqas sa liema punt il-penalitajiet konvenzjonali eventwali jistgħu jipperikolaw l‑istabbiltà finanzjarja tagħhom.

    ( 14 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑12 ta’ Diċembru 2006 li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea (ĠU 2006, L 399, p. 1).

    ( 15 ) L-ordni ta’ ħlas inħarġet favurih kontra l-kumpannija tal-assigurazzjoni Evroins AD, fl-ammont ta’ PLN 4086 197.80 (madwar EUR 892 533.70) għall-kapital, interessi fl-ammont ta’ PLN 3322 112.05 (madwar EUR 725 637.16) u ammont ta’ PLN 76 504.75 (madwar EUR 16 710.66).

    ( 16 ) Il-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tadotta miżuri provviżorji jew kawtelatorji ma hijiex iddikjarata b’mod espliċitu, iżda tirriżulta b’mod naturali mill-familjarità tagħha mal-kawża. Hija ddikjarata b’mod impliċitu fil-premessa 33 tar-Regolament Nru 1215/2012; ara wkoll is-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 1998, Van Uden (C‑391/95, EU:C:1998:543; iktar ’il quddiem, is-“sentenza Van Uden”, punt 19).

    ( 17 ) Sentenza tas‑27 ta’ April 1999, Mietz (C‑99/96, EU:C:1999:202, punt 41).

    ( 18 ) Il-kundizzjonijiet ġew iddefiniti fid-dawl tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u tar-Regolament Nru 44/2001.

    ( 19 ) Sentenzi tas‑26 ta’ Marzu 1992, Reichert u Kockler (C‑261/90, EU:C:1992:149, punt 34); Van Uden, punt 37; u tat‑3 ta’ Settembru 2020, Supreme Site Services et (C‑186/19, EU:C:2020:638, punt 50).

    ( 20 ) Sentenzi Van Uden, punti 43 et seq.; tas‑27 ta’ April 1999, Mietz (C‑99/96, EU:C:1999:202, punt 42); u St. Paul Diary, punt 18.

    ( 21 ) Sentenza Van Uden, punt 38.

    ( 22 ) Sentenza St. Paul Dairy, punt 11. L-Artikolu 35 huwa ċertament anomalija fis‑sistema: dan huwa żvelat ukoll mill-pożizzjoni tiegħu f’taqsima partikolari, ’il bogħod mir-regoli ta’ ġurisdizzjoni l-proprji, għalkemm xorta waħda fil-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012.

    ( 23 ) Dan it-tħassib kien ġie enfasizzat mill-intervenjenti fis-seduta, li ma qablux dwar il‑firxa reali tar-riskju. Il-Kummissjoni, b’mod partikolari, issuġġeriet li l‑Artikolu 35 innifsu jinkludi elementi ta’ trażżin awtomatiku. Dan huwa minnu: il‑leġiżlatur, kif ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja fl-interpretazzjoni tagħha, kienu qegħdin jillimitaw il-perimetru ta’ din id-dispożizzjoni. Madankollu, ma nistax naqbel ma’ wħud mill-argumenti tal-Kummissjoni: b’mod partikolari mal-idea li l‑miżuri li jkollhom jingħataw fil-kuntest tal-Artikolu 35 għandhom ikunu urġenti. Fl-ewwel lok, jiġri li fil-maġġoranza tal-każijiet, il-protezzjoni kawtelatorja u provviżorja tintalab bħala tali, ħaġa li de facto ttellef mill-effettività tal-limitu allegat. Fit-tieni lok, għadu ma huwiex ċert jekk l-urġenza tkunx kundizzjoni tal‑applikazzjoni nnifisha tal-Artikolu 35; fil-każ li dan ikun hekk, dan għandu jinftiehem b’mod indipendenti.

    ( 24 ) Fis-seduta, sar riferiment speċifiku għall-periklu tal-“kollateralizzazzjoni żejda”, li hija konsegwenza tal-adozzjoni ta’ diversi miżuri kawtelatorji għall-istess għan quddiem żewġ ġurisdizzjonijiet differenti, li ma jkunux obbligati jikkomunikaw ma’ xulxin f’dan il-kuntest (dwar it-tentattiv ostakolat li jiġi inkluż dmir f’dan is‑sens fir‑Regolament Nru 1215/2012 ara iktar ’l isfel, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 38 ta’ dawn il‑konklużjonijiet). Ir-regolament ma joffrix soluzzjoni għal din is‑sitwazzjoni li tmur lil hinn minn dik li tirriżulta mill-applikazzjoni tar-regoli tal-lis pendens jew dawk relatati mar-rikonoxximent.

    ( 25 ) Premessa 33 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 1215/2012. Din ir-restrizzjoni diġà kienet meqjusa fis-sistema preċedenti, li kienet teżiġi rabta ta’ konnessjoni reali bejn l-għan tal-miżuri mitluba u l-ġurisdizzjoni territorjali tal‑Istat tal-qorti adita bil-kawża.

    ( 26 ) Tista’ tkun kemm il-qorti adita fuq il-mertu bħalissa kif ukoll il-qorti li ser tiġi adita fuqu fil-futur, jekk il-miżura tingħata qabel ma tinbeda l-kawża prinċipali.

    ( 27 ) Sentenzi tal‑21 ta’ Mejju 1980, Denilauler (125/79, EU:C:1980:130, punti 1516); tas‑26 ta’ Marzu 1992, Reichert u Kockler (C‑261/90, EU:C:1992:149, punt 33). Ara wkoll, b’riferiment għad-dannu inerenti fid-dewmien tat-termini fil-proċeduri internazzjonali, is-sentenza St. Paul Dairy, punt 12.

    ( 28 ) Inkonvenjenzi li jeżistu anki fis-sistema ssemplifikata tar-rikonoxximent awtomatiku u l-eżekuzzjoni mingħajr exequatur tar-Regolament Nru 1215/2012: il‑parti interessata jkollha tikseb, fl-Istat ta’ oriġini, id-dokumentazzjoni li tkun ser tintalbilha fl-Istat rikjest; ma jistax jiġi eskluż a priori li l-parti li kontriha jintalab ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni titlob ir-rifjut tagħhom permezz tal-proċedura korrispondenti; u lanqas li l-miżura mogħtija fi Stat Membru tkun teħtieġ li tiġi adattata sabiex tiġi infurzata fi Stat ieħor.

    ( 29 ) Il-moviment liberu tagħhom ikun possibbli biss jekk ikun ġie msejjaħ il-konvenut sabiex jidher jew, jekk le, ikun ġie nnotifikat bis-sentenza li jkun fiha l-miżura qabel l-eżekuzzjoni tagħha.

    ( 30 ) Skont il-premessa 33, il-limitazzjoni tapplika għall-eżekuzzjoni u anki għar‑rikonoxximent.

    ( 31 ) Skont il-premessa 33, dan jista’ jsir, iżda jekk ikun permess mid-dritt nazzjonali.

    ( 32 ) Ma ninjorax il-fatt li jeżistu dubji dwar applikazzjoni mekkanika tal-Artikolu 29 f’materji ta’ miżuri provviżorji u kawtelatorji, għal raġunijiet li jvarjaw skont il‑karatteristiċi tax-xenarju ta’ proċessi doppji.

    ( 33 ) Ir-regola ta’ prijorità ratione temporis tiġi inversa, b’mod eċċezzjonali, jekk ikun hemm għażla esklużiva ta’ qorti: ara l-Artikolu 31(2) u (3). F’din il-kawża li qegħdin nindirizzaw bħalissa, l-ewwel talba għal miżuri kawtelatorji tressqet quddiem il-qorti Pollakka, magħżula mill-partijiet fil-kuntratt sabiex jiġi riżolt it‑tilwim tagħhom.

    ( 34 ) Dan l-argument ma jikkonvinċix lil kulħadd. Il-proposta tar-Report on the Application of Regulation Brussels I in the Member States (Study JLS/C4/2005/3), imfassal fuq talba tal-Kummissjoni, kien li f’kull każ tingħata prijorità lill-qorti li jkollha ġurisdizzjoni dwar il-mertu, fid-dawl tal-għarfien aħjar tagħha dwar il‑kawża: ara l-punt 777. Din il-linja tinsab fl-Artikolu 15 tar-Regolament tal‑Kunsill (UE) 2019/1111 tal‑25 ta’ Ġunju 2019 dwar il-ġurisdizzjoni, ir‑rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u dwar sekwestru internazzjonali ta’ minuri (ĠU 2019, L 178, p. 1), mingħajr paragun fl-ebda strument ieħor.

    ( 35 ) Dan huwa propost minn xi duttrina: ara Eichel, F., “Art. 35 Brüssel Ia-VO”, f’Wieczorek/Schütze, Zivilprozessordnung und Nebengesetze, Band 13/2, 4.a ed., 2019, marg. 83, b’riferimenti oħra.

    ( 36 ) Sentenza St. Paul Dairy, punt 20.

    ( 37 ) Niftakar ukoll li l-argument dwar it-tul eċċessiv tal-proċeduri, bħala bażi sabiex ma jiġix applikat (dak li kien) l-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, ġie miċħud mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2003, Gasser (C‑116/02, EU:C:2003:657).

    ( 38 ) Ara r-Report on the Application of Regulation Brussels I in the Member States (Study JLS/C4/2005/3), imsemmi fil-punt 34. Lanqas ma kellha suċċess il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, KUMM/2010/0748 finali, favur komunikazzjoni bejn il-qrati għall-koordinazzjoni tal-proċeduri.

    ( 39 ) Sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2002 (C‑80/00, EU:C:2002:342; iktar ’il quddiem, is‑sentenza “Italian Leather”).

    ( 40 ) Ibidem, punt 44.

    ( 41 ) Ibidem, punt 48.

    ( 42 ) Ibidem, it-tieni punt tad-dispożittiv.

    ( 43 ) “[…][I]r-rikonoxximent ta’ sentenza għandha tiġi rifjutata […] jekk is-sentenza tkun irrikonċiljabbli ma’ sentenza mogħtija bejn l-istess partijiet fl-Istat Membru indirizzat”.

    ( 44 ) Is-suppożizzjoni, loġikament, taċċetta prova kuntrarja.

    ( 45 ) Fid-dawl tal-konsegwenzi tagħha: kwalunkwe miżura li ma tistax tiġi eżegwita fl‑Istat Membru tal-qorti magħżula għandha tkun suġġetta għar-rikonoxximent u għall-eżekuzzjoni. Rigward dan, iktar ’il fuq, il-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 46 ) Ara l-punt 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Qiegħed nassumi li t-Teżor Pubbliku Pollakk ikkontesta l-ġurisdizzjoni tal-qrati Bulgari abbażi ta’ din il-klawżola.

    ( 47 ) Punti 7 et seq., b’mod partikolari, il-punt 11 tal-osservazzjonijiet tar-Repubblika tal-Polonja u l-punti 28 u 29 tal-osservazzjonijiet ta’ TOTO — Costruzioni Generali u Vianini Lavori.

    ( 48 ) Punt 19 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni. Ara, fost l-oħrajn, is‑sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide (C‑352/13, EU:C:2015:335, punt 67).

    ( 49 ) B’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide (C‑352/13, EU:C:2015:335, punt 68).

    ( 50 ) Ibidem, punt 70.

    ( 51 ) Osservazzjonijiet tar-Repubblika tal-Polonja, punt 36.

    ( 52 ) Bħala proprjetà intanġibbli, id-dritt għal kreditu ma għandux post fiżiku; il-post fejn jinsab jista’ jiġi ddeterminat billi jsir riferiment għall-entrata fil-kotba li fiha jinsab irrappreżentat, jew permezz ta’ finzjoni legali.

    ( 53 ) Il-qorti tar-rinviju ma tagħmel l-ebda oġġezzjoni bbażata fuq l-allegata assenza ta’ identiċità jew fuq il-bdil fiċ-ċirkustanzi, u għaldaqstant ma iniex ser nanalizza din il-kwistjoni iktar.

    ( 54 ) Dwar ir-rikonoxximent ta’ deċiżjoni barranija li għadha ma hijiex definittiva ara l‑punt 85 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 55 ) Ir-res judicata tissemma fid-digriet tar-rinviju u fl-osservazzjonijiet tal‑partijiet.

    ( 56 ) Irrid nenfasizza li l-għan, il-partijiet u l-kawża għandhom ikunu identiċi: jekk dan ma jkunx il-każ (pereżempju, għaliex seħħew avvenimenti sussegwentement li jwasslu għal bidliet sinjifikattivi fis-sitwazzjoni oriġinali), xejn ma jipprekludi milli titressaq talba ġdida għal miżuri provviżorji u kawtelatorji, possibbilment quddiem qorti barranija li ma jkollhiex ġurisdizzjoni fuq il-mertu. Minħabba n-natura nnifisha tagħhom, dan it-tip ta’ miżuri jiġi adottat jew miċħud skont iċ-ċirkustanzi ppreżentati quddiem il-qorti f’mument partikolari. Jekk dawn iċ-ċirkustanzi jinbidlu, iċ-ċaħda inizjali ma tipprekludix l-għoti sussegwenti.

    ( 57 ) Il-prova tidher li hija limitata, b’differenza għal dak li hemm fis-sistema preċedenti: l-Artikolu 55 tar-Regolament Nru 44/2001 kien ippreveda l-possibbiltà tal-ħruġ taċ‑ċertifikat tal-Anness V ta’ dan ir-regolament, jew is-sostituzzjoni tiegħu b’dokumenti ekwivalenti. Huwa diskutibbli jekk għandhomx jiġu inklużi l‑partikolaritajiet meħtieġa mill-Artikolu 42 attwali, billi litteralment huma meħtieġa biss għall-eżekuzzjoni tal-miżura; il-premessa 33 tagħmel riferiment, minflok, għal moviment ristrett li huwa wkoll għall-finijiet ta’ rikonoxximent; u d‑“deċiżjoni” ddefinita fl-Artikolu 2 hija għall-Kapitolu III fl-intier tiegħu. Fi kwalunkwe każ, għall‑kawża preżenti, il-mistoqsija tista’ tibqa’ miftuħa.

    ( 58 ) Ir-Regolament Nru 1215/2012 ma jissuġġettax ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet barranin għan-natura definittiva tiegħu.

    ( 59 ) L-Artikolu 38(a).

    ( 60 ) Iċ-ċittadin tal-Istat rikjest, jew dak previst f’konvenzjoni; ir-Regolament Nru 1215/2012 ma jirregolax dan l-aspett.

    ( 61 ) Li għaliha ma hemmx bżonn ta’ dikjarazzjoni formali: ara s-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Cartier parfums-lunettes u Axa Corporate Solutions assurances (C‑1/13, EU:C:2014:109).

    Top