Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CC0533

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali L. Medina, ippreżentati fis-16 ta’ Diċembru 2021.
    Somogy Megyei Kormányhivatal vs Upfield Hungary Kft.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Kúria.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Regolament (UE) Nru 1169/2011 – Informazzjoni dwar il-prodotti tal-ikel lill-konsumaturi – Ittikettar – Dikjarazzjonijiet obbligatorji – Lista ta’ ingredjenti – Isem speċifiku ta’ dawn l-ingredjenti – Żieda ta’ vitamina ma’ prodott tal-ikel – Obbligu li jissemma l-isem speċifiku ta’ din il-vitamina – Nuqqas ta’ obbligu li tissemma l-formula vitaminika użata.
    Kawża C-533/20.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:1027

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    MEDINA

    ippreżentati fis‑16 ta’ Diċembru 2021 ( 1 )

    Kawża C‑533/20

    Upfield Hungary Kft.

    vs

    Somogy Megyei Kormányhivatal

    (Talba għal deċiżjoni preliminari mill-Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija))

    “Talba għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni għall-konsumatur – Regolament (UE) Nru 1169/2011 – Għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi – Dettalji obbligatorji – Lista ta’ ingredjenti – Isem speċifiku – Regolament (KE) Nru 1925/2006 – Żieda ta’ vitamini mal-ikel – Obbligu li jiġi indika l-isem ġeneriku ta’ vitamini u l-formulazzjonijiet ta’ vitamini”

    I. Introduzzjoni

    1.

    Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 ( 2 ), li jistabbilixxi regoli ġenerali dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, flimkien mar-Regolament (KE) Nru 1925/2006 ( 3 ), li jirrigwarda ż-żieda ta’ vitamini u minerali u ta’ ċerti sustanzi oħra mal-ikel.

    2.

    It-talba saret fi proċeduri bejn Upfield Hungary Kft. (iktar ’il quddiem “Upfield”) u s-Somogy Megyei Kormányhivatal (id-Dipartiment Amministrattiv tar-Reġjun ta’ Somogy, l-Ungerija) dwar deċiżjoni li permezz tagħha dik l-awtorità ordnat lil Upfield biex temenda l-ittikkettjar ta’ prodott tal-ikel li kien fih vitamini miżjuda kkummerċjalizzat fl-Ungerija.

    II. Il‑kuntest legali

    A.   Id‑dritt tal‑Unjoni

    1. Ir‑Regolament Nru 1169/2011

    3.

    Ir-Regolament Nru 1169/2011 jipprovdi l-bażi biex jiġi assigurat livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumatur b’rabta mal-informazzjoni dwar l-ikel, billi jieħu inkunsiderazzjoni d-differenzi fil-perċezzjoni tal-konsumaturi u l-ħtiġijiet ta’ informazzjoni tagħhom filwaqt li jiżgura li s-suq intern jopera mingħajr xkiel.

    4.

    L-Artikolu 2(2)(f), (h), (n), (o) u (s) tar-Regolament Nru 1169/2011 jgħid li, għall-finijiet ta’ dak ir-regolament, id-definizzjonijiet segwenti tat-termini “ingredjent”, “ingredjent kompost”, “isem ġuridiku”, “isem tradizzjonali” u “nutrijent” għandhom japplikaw:

    “[…]

    (f)

    ‘ingredjent’ tfisser kull sustanza jew prodott, inklużi l-aromatizzanti, l-addittivi tal-ikel u l-enżimi tal-ikel, u kull kostitwent ta’ xi ingredjent kompost, użat fil-manifattura jew fit-tħejjija ta’ xi ikel u li jkun għadu hemm fil-prodott lest, anki jekk f’forma mibdula; ir-residwi m’għandhomx jitqiesu bħala ‘ingredjenti’;

    […]

    (h)

    ‘ingredjent kompost’ tfisser ingredjent li fih innifsu huwa r-riżultat ta’ aktar minn ingredjent wieħed;

    […]

    (n)

    ‘isem ġuridiku’ tfisser l-isem ta’ xi ikel preskritt fid-dispożizzjonijiet tal-Unjoni applikabbli għalih jew, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet tal-Unjoni bħal dawn, l-isem previst fil-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi applikabbli fl-Istat Membru li fih jinbiegħ l-ikel lill-konsumatur finali jew lill-fornituri tal-massa;

    (o)

    ‘isem tradizzjonali’ tfisser xi isem li hu aċċettat bħala l-isem tal-ikel mill-konsumaturi fl-Istat Membru li fih jinbiegħ, mingħajr il-ħtieġa ta’ aktar spjegazzjoni dwaru;

    […]

    (s)

    ‘nutrijent’ tfisser proteina, karboidrat, xaħam, fibra alimentari, sodju, vitamini u minerali elenkati fil-punt 1 tal-Parti A tal-Anness XIII ta’ dan ir-Regolament, u sustanzi li jappartjenu lil jew huma komponenti ta’ xi waħda minn dawk il-kategoriji;

    […]”

    5.

    L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1169/2011, intitolat “Għanijiet ġenerali”, jipprovdi fil-paragrafi (1), (2) u (4) tiegħu:

    “1.   Il-forniment tal-informazzjoni dwar l-ikel għandu jsegwi livell għoli ta’ protezzjoni ta’ saħħet il-konsumaturi u tal-interessi tagħhom billi jipprovdi bażi għall-konsumaturi finali biex ikunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati u biex jużaw l-ikel b’mod sigur, b’mod partikolari fir-rigward ta’ konsiderazzjonijiet sanitarji, ekonomiċi, ambjentali, soċjali u etiċi.

    2.   Il-liġi tal-informazzjoni dwar l-ikel għandha timmira biex fl-Unjoni jintlaħaq il-moviment liberu tal-ikel magħmul u kummerċjalizzat legalment, billi jitqies, fejn adegwat, il-bżonn li jiġu mħarsa l-interessi leġittimi tal-produtturi u biex issir promozzjoni tal-produzzjoni ta’ prodotti ta’ kwalità.

    […]

    4.   Għandha titwettaq konsultazzjoni pubblika miftuħa u trasparenti, inkluż mal-partijiet interessati, direttament jew permezz ta’ korpi rappreżentattivi, matul it-tħejjija, l-evalwazzjoni u r-reviżjoni tal-liġi tal-informazzjoni dwar l-ikel, ħlief meta l-urġenza tal-kwistjoni ma tippermettihiex.”

    6.

    L-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1169/2011, taħt it-titolu “Prinċipji li jirregolaw l-informazzjoni obbligatorja dwar l-ikel”, jipprovdi:

    “Meta jitqies il-bżonn ta’ informazzjoni obbligatorja dwar l-ikel u sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati, għandu jittieħed kont tal-bżonn frekwenti min-naħa tal-maġġoranza tal-konsumaturi għal ċerta informazzjoni li tkun ta’ valur sinifikanti għalihom jew ta’ kull benefiċċju ġeneralment aċċettat għall-konsumatur.”

    7.

    L-Artikolu 7(1) u (2) tar-Regolament Nru 1169/2011, taħt it-titolu “Prassi ġusta dwar l-informazzjoni”, jgħid:

    “1.   L-informazzjoni dwar l-ikel m’għandhiex tiżgwida, b’mod partikolari:

    (a)

    fir-rigward tal-karatteristiċi tal-ikel u, b’mod partikolari, fir-rigward tan-natura tiegħu, l-identità, il-proprjetajiet, il-kompożizzjoni, […];

    […]

    (c)

    billi tissuġġerixxi li l-ikel fih karatteristiċi speċjali meta fil-fatt l-ikel kollu simili fih dawk il-karatteristiċi, b’mod partikolari billi tenfasizza speċifikament il-preżenza jew in-nuqqas ta’ ċerti ingredjenti u/jew nutrijenti;

    […]

    2.   L-informazzjoni dwar l-ikel għandha tkun preċiża, ċara u faċilment komprensibbli għall-konsumatur.”

    8.

    L-Artikolu 9 ta’ dak ir-regolament, intitolat “Lista ta’ dettalji obbligatorji”, jipprovdi fil-paragrafu (1) tiegħu:

    “1. Konformement mal-Artikoli 10 sa 35 u skont l-eċċezzjonijiet li hemm f’dan il-Kapitolu, hija obbligatorja l-indikazzjoni tad-dettalji li ġejjin:

    […]

    (b)

    il-lista ta’ ingredjenti;

    […]

    (l)

    dikjarazzjoni ta’ nutrizzjoni.”

    9.

    L-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1169/2011, taħt it-titolu “Isem tal-ikel”, jipprovdi:

    “L-isem tal-ikel għandu jkun l-isem ġuridiku tiegħu. Jekk ma jkunx hemm dak l-isem, l-isem tal-ikel għandu jkun l-isem tradizzjonali tiegħu, jew, jekk ma jkollux isem tradizzjonali jew l-isem tradizzjonali ma jintużax, għandu jingħata l-isem deskrittiv tal-ikel.”

    10.

    L-Artikolu 18(1) u (2) tar-regolament, taħt it-titolu “Lista ta’ ingredjenti”, jipprovdi:

    “1.   Il-lista ta’ ingredjenti għandha tkun intitolata jew preċeduta minn titolu adattat li jkun magħmul minn jew jinkludi l-kelma ‘ingredjenti’. Għandu jinkludi l-ingredjenti kollha tal-ikel, f’ordni li tonqos skont l-użin, kif innotati meta ntużaw fil-fabbrikazzjoni tal-ikel.

    2.   L-ingredjenti għandhom jiġu nnominati bl-isem speċifiku tagħhom, fejn japplika, skont ir-regoli stipulati fl-Artikolu 17 u fl-Anness VI.”

    11.

    L-Artikolu 30(1) u (2) tar-Regolament Nru 1169/2011, li jirrelata mal-kontenut tad-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni li għaliha hemm referenza fl-Artikolu 9(1)(1) tiegħu, jipprovdi:

    “1.   Id-dikjarazzjoni obbligatorja dwar in-nutrizzjoni għandha tinkludi dan li ġej:

    (a)

    il-valur enerġetiku; u

    (b)

    l-ammonti ta’ xaħam, saturati, karboidrati, zokkor, proteini u melħ.

    […]

    2.   Il-kontenut tad-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni obbligatorja msemmija fil-paragrafu 1 jista’ jkun issupplimentat b’indikazzjoni tal-ammonti ta’ wieħed minn dan li ġej jew aktar:

    […]

    (f)

    kwalunkwe vitamina jew mineral elenkati fil-punt 1 tal-Parti A tal-Anness XIII, u li jkunu preżenti f’ammonti sinifikanti kif iddefiniti fil-punt 2 tal-Parti A tal-Anness XIII.”

    12.

    L-Anness XIII għar-Regolament Nru 1169/2011, intitolat “Konsum Referenzjali”, jinkludi fih Parti A, intitolata “Konsum referenzjali ta’ kuljum ta’ vitamini u minerali (adulti)”. Il-punt 1 tiegħu jelenka l-“vitamini u minerali li jistgħu jiġu ddikjarati u l-valuri ta’ referenza għan-nutrijenti tagħhom (NRVs)”. Dawk il-vitamini jinkludu l-vitamina A u l-vitamina D.

    2. Ir‑Regolament Nru 1925/2006

    13.

    Ir-Regolament Nru 1925/2006 jarmonizza d-dispożizzjonijiet stabbiliti permezz ta’ liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri li jirrigwardaw iż-żieda ta’ vitamini u ta’ minerali u ta’ ċerti sustanzi oħra mal-ikel, bil-għan li jkun żgurat il-funzjonament effettiv tas-suq intern, filwaqt li jkun ipprovdut livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur.

    14.

    L-Artikolu 3(1) ta’ dak ir-regolament, taħt it-titolu “Rekwiżiti għaż-żieda ta’ vitamini u minerali”, jipprovdi:

    “Il-vitamini u/jew il-minerali elenkati fl-Anness I biss, fil-forom elenkati fl-Anness II, jistgħu jiġu miżjuda ma’ l-ikel, skond ir-regoli mniżżla f’dan ir-Regolament.”

    15.

    L-Artikolu 7(2) u (3) tar-Regolament Nru 1925/2006, li jirrigwarda l-“Ittikettar, preżentazzjoni u reklamar”, jipprovdi:

    “2.   L-ittikettar, il-preżentazzjoni u r-reklamar ta’ ikel li miegħu ġew miżjuda vitamini u minerali m’għandhomx jiggwidaw ħażin lill-konsumatur jew iqarrqu bih fir-rigward tal-mertu nutrittiv ta’ xi ikel li jista’ jirriżulta miż-żieda ta’ dawn in-nutrijenti.

    3.   L-ittikkettjar nutrittiv ta’ prodotti li magħhom ġew miżjuda vitamini u minerali u li huma koperti minn dan ir-Regolament għandu jkun obbligatorju. L-informazzjoni li trid tingħata għandha tkun magħmula minn dik speċifikata fl-Artikolu 30(1) tar-Regolament [Nru 1169/2011] u tal-ammonti totali preżenti tal-vitamini u l-minerali meta jiġu miżjuda mal-ikel.”

    16.

    L-Anness I tar-Regolament Nru 1925/2006, li jelenka l-“vitamini u minerali li jistgħu jiġu miżjuda ma’ l-ikel”, jirreferi b’mod partikolari għall-“Vitamina A” u għall-“Vitamina D”.

    17.

    L-Anness II ta’ dak ir-regolament li jelenka l-“formulazzjonijiet ta’ vitamini u sustanzi minerali li jistgħu jiġu miżjuda mal-ikel”, jinkludi, inter alia, taħt it-titolu “Vitamina A”, erba’ formulazzjonijiet ta’ vitamini, jiġifieri “retinol”, “aċetat tar-retinil”, “palmitat tar-retinil” u “beta-karoten”. Jinkludi wkoll, taħt it-titolu “Vitamina D”, żewġ formulazzjonijiet ta’ vitamini, magħrufa bħala “kolekalċiferol” u “ergokalċiferol”.

    III. Il‑fatti, il‑proċedura u d‑domanda preliminari

    18.

    Upfield tikkummerċjalizza marġerina fl-Ungerija, inkluż prodott magħruf bħala “Flóra ProActiv”, xaħam tal-ħaxix li jiddellek b’35 % xaħam li fih sterols tal-pjanti miżjuda. Il-lista tal-ingredjenti ta’ dak il-prodott tinkludi t-termini “vitamini A, D” sabiex jiġi indikat li l-prodott fih vitamini A u D miżjuda.

    19.

    Id-Dipartiment Amministrattiv tar-Reġjun ta’ Somogy, kompetenti fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur, qies li l-ittikkettjar tal-prodott ta’ Upfield naqas milli jikkonforma mar-Regolament Nru 1169/2011 u adotta deċiżjoni li tordna lil Upfield biex twaqqaf il-ksur b’effett immedjat. Essenzjalment, dan ħa l-pożizzjoni li, skont ir-Regolament Nru 1169/2011, moqri flimkien mar-Regolament Nru 1925/2006, l-ittikkettjar tal-prodotti tal-ikel jeħtieġ li l-ingredjenti varji inklużi fil-kompożizzjoni tagħhom jiġu eżebiti flimkien mal-ismijiet tal-formulazzjonijiet ta’ vitamini użati fil-proċess ta’ fabbrikazzjoni, fejn dawk l-ingredjenti jkunu vitamini.

    20.

    F’rikors ġudizzjarju ppreżentat kontra dik id-deċiżjoni, il-qorti tal-ewwel istanza annullat id-deċiżjoni għal żewġ raġunijiet. L-ewwel, sabet li r-Regolament Nru 1169/2011 ma jiddefinixxix il-kunċett tal-“isem speċifiku” tal-ingredjenti tal-ikel, fis-sens tat-tifsira tal-Artikolu 18(2) ta’ dak ir-regolament, u lanqas ma fih dispożizzjonijiet ulterjuri dwar dik il-kwistjoni. It-tieni, din osservat li r-Regolament Nru 1925/2006 jistabbilixxi regoli fuq l-ittikkettjar, il-preżentazzjoni u r-reklamar ta’ prodotti li fihom vitamini miżjuda, iżda ma jirregolax l-elenkar tal-ismijiet tal-ingredjenti. F’dak ir-rigward, il-qorti kkonkludiet li l-ebda dispożizzjoni ma ċċaħħad l-ismijiet “vitamina A” u “vitamina D” milli jiġu inklużi fil-lista tal-ingredjenti tal-prodott.

    21.

    L-awtorità Ungeriża ppreżentat appell mis-sentenza tal-qorti tal-ewwel istanza quddiem il-Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija). Fl-appell tagħha, din issostni, minn naħa, li r-Regolament Nru 1169/2011 jeħtieġ li l-ittikkettjar tal-prodotti tal-ikel jindika l-“isem speċifiku” ta’ kull wieħed mill-ingredjenti inklużi fil-kompożizzjoni tagħhom u, min-naħa l-oħra, li, fir-rigward ta’ ingredjenti bħal vitamini A u D, l-“isem speċifiku” jikkorrispondi mal-formulazzjoni tal-vitamina indikata fir-Regolament Nru 1925/2006. Dik l-istess awtorità enfasizzat ukoll li l-formulazzjonijiet użati fil-kompożizzjoni tal-ikel huma importanti għal raġunijiet ta’ kejl metodoloġiċi u teknoloġiċi b’konnessjoni mal-ittestjar analitiku tal-ikel.

    22.

    Il-Kúria (il-Qorti Suprema) tqis li, f’dawn il-proċeduri, hija meħtieġa tweġiba għall-mistoqsija dwar x’inhi t-tifsira tat-terminu “isem speċifiku” għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1169/2011, speċjalment fil-każ ta’ vitamini miżjuda mal-ikel. Skont dik il-qorti, in-nuqqas ta’ definizzjoni ta’ “isem speċifiku” fil-leġiżlazzjoni applikabbli jagħti lok għal problema ta’ interpretazzjoni, li tirriżulta min-nuqqas ta’ uniformità fil-prattika segwita minn produtturi u minn distributuri, minn awtoritajiet amministrattivi u mill-qrati.

    23.

    F’dawk iċ-ċirkustanzi, il-Kúria (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tirreferi d-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

    “Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament [Nru 1169/2011], u speċifikament l-Artikolu 18(2) tiegħu, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ ta’ żieda ta’ vitamini ma’ prodotti tal-ikel, il-lista tal-ingredjenti tal-prodotti tal-ikel għandha tinkludi, minbarra l-isem tal-vitamini, ukoll id-deskrizzjoni tagħhom skont il-formulazzjonijiet tal-vitamini li jistgħu jiżdiedu mal-prodotti tal-ikel?”

    24.

    It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil‑21 ta’ Ottubru 2020. Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mir-Repubblika tal-Kroazja, mill-Ungerija u mill-Kummissjoni Ewropea. L-ebda smigħ ma seħħ fil-kawża. Madankollu, il-partijiet u l-intervenjenti wieġbu għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑29 ta’ Ġunju 2021.

    IV. Analiżi

    25.

    Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex li tiddetermina jekk ir-Regolament Nru 1169/2011 u, b’mod partikolari, l-Artikolu 18(2) tiegħu għandux jiġi interpretat bħala li jfisser li, meta vitamini jkunu miżjuda mal-ikel, il-lista ta’ ingredjenti għandha tinkludi, flimkien mal-isem ġeneriku tal-vitamini ( 4 ) – pereżempju, vitamina A u vitamina D – il-formulazzjoni tal-vitamina użata, kif elenkat fl-Anness II tar-Regolament Nru 1925/2006.

    26.

    Bħala punt preliminari, sa’ fejn, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1169/2011, li jikkonċerna l-mod li bih l-ingredjenti għandhom jissemmew fl-ittikkettjar, dik il-qorti tassumi li l-vitamini jaqgħu fi ħdan il-kunċett ta’ “ingredjent”, kif iddefinit fl-Artikolu 2(2)(f) ta’ dak ir-regolament.

    27.

    Għalhekk, l-ewwel ser neżamina fil-qosor jekk il-vitamini jaqgħux fi ħdan il-kunċett ta’ “ingredjent”, fis-sens tat-tifsira tal-Artikolu 2(2)(f) tar-Regolament Nru 1169/2011. Wara ser nanalizza jekk l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1169/2011 għandux jiġi interpretat bħala li jfisser li, fejn vitamina tiżdied mal-ikel, il-lista ta’ ingredjenti għandha tinkludi wkoll, flimkien mal-isem ġeneriku ta’ dik il-vitamina, l-isem tal-formulazzjoni tal-vitamina.

    A.   Vitamini bħala ingredjenti fis‑sens tal‑Artikolu 2(2)(f) tar‑Regolament Nru 1169/2011

    28.

    Skont l-Artikolu 2(2)(f) tar-Regolament Nru 1169/2011, “ingredjent” ifisser, essenzjalment, kull sustanza jew prodott, u kull kostitwent ta’ xi ingredjent kompost, użat fil-manifattura jew fit-tħejjija ta’ ikel u li jkun għadu preżenti fil-prodott lest. B’kuntrast, l-Artikolu 2(2)(s) tar-Regolament Nru 1169/2011 jipprovdi li “nutrijent” tfisser proteina, karboidrat, xaħam, fibra alimentari, sodju, vitamini u minerali elenkati fil-punt 1 tal-Parti A tal-Anness XIII ta’ dak ir-regolament, kif ukoll sustanzi li jappartjenu lil waħda minn dawk il-kategoriji.

    29.

    Isegwi li, filwaqt li l-vitamini huma mfissra espliċitament bħala nutrijenti fir-Regolament Nru 1169/2011, il-mistoqsija tibqa’ jekk dawn jistgħux jitqiesu wkoll bħala ingredjenti għall-finijiet ta’ dak l-istess regolament.

    30.

    F’dak ir-rigward, nosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà interpretat il-kunċett ta’ “ingredjent” fil-qasam tad-dritt tal-Unjoni għall-informazzjoni dwar l-ikel. Fil-kawża Bablok et ( 5 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-polline inkluż fis-supplimenti tal-ikel abbażi ta’ polline kellu jiġi kklassifikat bħala “ingredjent” fis-sens tat-tifsira tal-Artikolu 6(4)(a) tad-Direttiva 2000/13/KE ( 6 ), “meta [kien] introdott fihom matul il-manifattura jew il-preparazzjoni tagħhom”. Għalhekk, l-istandard użat mill-Qorti tal-Ġustizzja biex jiġi ddeterminat jekk sustanza tistax titqies bħala “ingredjent” tal-ikel jistrieħ fuq it-tieni parti tal-Artikolu 6(4)(a) tad-Direttiva 2000/13, li kienet tirreferi għall-użu ta’ dik is-sustanza fil-manifattura jew fil-preparazzjoni ta’ prodott alimentari.

    31.

    Id-definizzjoni tat-terminu “ingredjent” skont l-Artikolu 6(4)(a) tad-Direttiva 2000/13 hija, b’ċertu addenda, l-istess bħal dik fl-Artikolu 2(2)(f) tar-Regolament Nru 1169/2011, li ssostitwixxiet id-direttiva preċedenti. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, l-istess approċċ interpretattiv għandu japplika f’dan il-każ ( 7 ).

    32.

    Kif tispjega l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, huwa possibbli għal nutrijent li jintuża fil-manifattura ta’ prodott alimentari u jkun ukoll preżenti fil-prodott finali. Dan huwa prinċipalment il-każ meta sustanzi użati fil-preparazzjoni ta’ prodotti tal-ikel ikunu nutrijenti puri jew kważi puri, bħal zokkor, melħ jew anki vitamini, li mbagħad jistgħu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “ingredjent” fis-sens tar-Regolament Nru 1169/2011.

    33.

    Wara kollox, il-karatteristika singolari tal-prodotti kkonċernati minn dan il-każ, li huma ikel bil-vitamini miżjuda, hija li l-vitamini huma introdotti bħala sustanzi separati waqt il-proċess ta’ manifattura tal-ikel sabiex jiġu arrikkiti u msaħħa l-karatteristiċi nutrizzjonali tiegħu ( 8 ). Dan huwa iktar il-każ fir-rigward tas-supplimenti tal-ikel, li, skont id-Direttiva 2002/46/KE ( 9 ), huma prodotti tal-ikel li huma essenzjalment sorsi kkonċentrati ta’ nutrijenti, jew waħedhom jew flimkien. Dik id-direttiva tipprovdi li vitamini u minerali elenkati fl-Anness I tagħha biss jistgħu “jintużaw għall-manifattura tas-supplementi ta’ l-ikel” ( 10 ), li turi li ż-żewġ tipi ta’ sustanza jaqgħu taħt il-kunċett ta’ ingredjent kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja.

    34.

    Isegwi li l-kamp ta’ applikazzjoni tat-termini “ingredjent” u “nutrijent”, kif iddefiniti rispettivament fl-Artikolu 2(2)(f) u (s) tar-Regolament Nru 1169/2011, ma humiex reċiprokament esklużivi.

    35.

    Huwa tajjeb li jiġi nnotat li huwa biss l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 1169/2011 li jidher li jistabbilixxi distinzjoni bejn ingredjenti, minn naħa, u nutrijenti, min-naħa l-oħra, meta jiddikjara li l-informazzjoni dwar l-ikel ma għandhiex tiżgwida “b’mod partikolari billi tenfasizza speċifikament il-preżenza jew in-nuqqas ta’ ċerti ingredjenti u/jew nutrijenti” ( 11 ). Madankollu, dik id-distinzjoni tista’ tiġi spjegata bħala li tindika li mhux l-ingredjenti kollha huma nutrijenti, peress li l-ewwel minn dawk iż-żewġ kategoriji hija usa mit-tieni, iżda bħala li ma tipprekludix lin-nutrijenti nnifishom milli, f’ċerti każijiet, jikkostitwixxu ingredjenti.

    36.

    Fil-fatt, fejn nutrijent, bħal vitamina, huwa wkoll ingredjent tal-ikel, l-indikazzjoni tiegħu bħala nutrijent u bħala ingredjent fuq it-tikketta tal-prodott jipprovdi informazzjoni differenti lill-konsumaturi. Il-lista ta’ ingredjenti tinforma lill-konsumatur dwar il-preżenza tal-vitamina fl-ikel finali, filwaqt li dikjarazzjoni nutrittiva tippermetti lill-konsumatur jifhem il-kontenut speċifiku tal-vitamini tal-ikel skont il-konsum ta’ referenza.

    37.

    Fid-dawl ta’ dan kollu, ikolli nikkonkludi li, anki jekk nutrijenti ma humiex dejjem ingredjenti, huma jistgħu ikunu tali meta jintużaw fil-manifattura jew fil-preparazzjoni tal-ikel. Għaldaqstant għandha ssir evalwazzjoni għal kull każ. Madankollu, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-każ preżenti, li jikkonċerna ikel bil-vitamini miżjuda, dawk il-vitamini għandhom jitqiesu li huma ingredjenti fis-sens tal-Artikolu 2(2)(f) tar-Regolament Nru 1169/2011.

    B.   Formulazzjonijiet ta’ vitamini bħala referenza obbligatorja fil‑lista ta’ ingredjenti

    38.

    Il-Kúria (il-Qorti Suprema) tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1169/2011. B’mod partikolari, din tfittex li tiddetermina jekk it-terminu “isem speċifiku” użat f’dik id-dispożizzjoni għandux jinftiehem, fil-każ ta’ vitamina miżjuda użata bħala ingredjent tal-ikel, bħala li jirreferi biss għall-isem ġeneriku tagħha jew pjuttost għal kombinazzjoni tal-isem ġeneriku tagħha u l-formulazzjoni tal-vitamina, kif elenkata fl-Anness II tar-Regolament Nru 1925/2006.

    39.

    Għandi nfakkar, l-ewwel nett, il-kanoni ermenewtiċi li għandhom jintużaw għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Skont il-ġurisprudenza stabbilita, huwa meħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-formulazzjoni ta’ tali dispożizzjoni, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet tar-regoli li tifforma parti minnhom ( 12 ). F’dan il-każ, l-interpretazzjoni testwali, kuntestwali u teleoloġika tar-Regolament Nru 1169/2011 twassalni biex inqis li, fil-każ ta’ ikel b’vitamini miżjuda, referenza għal-formulazzjoni tal-vitamini speċifikament iddefinita mir-Regolament Nru 1925/2006 ma għandhiex bżonn tiġi indikata fil-lista ta’ ingredjenti flimkien mal-isem ġeneriku tal-vitamina.

    1. Interpretazzjoni testwali

    40.

    Id-domanda preliminari mressqa mill-qorti tar-rinviju teħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1169/2011, iżda wkoll dik tar-Regolament Nru 1925/2006, li fl-Annessi I u II tiegħu jelenka, rispettivament, l-isem tal-vitamini li jistgħu jiġu miżjuda mal-ikel fil-forma ġenerika tagħhom u l-formulazzjonijiet konkreti li jistgħu jintużaw bħala sors ta’ dawk il-vitamini.

    41.

    L-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1169/2011 jgħid li l-ingredjenti għandhom jissemmew bl-“isem speċifiku” tagħhom skont ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 17 ta’ dak ir-regolament ( 13 ). L-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1169/2011, li b’hekk japplika b’analoġija għal ingredjenti, jipprovdi, essenzjalment, li l-isem tal-ingredjent tal-ikel għandu jkun l-“isem ġuridiku” tiegħu jew, fin-nuqqas, l-“isem tradizzjonali”. Il-mistoqsija tibqa’, għalhekk, jekk il-formulazzjonijiet ta’ vitamini, kif elenkati fl-Anness II tar-Regolament Nru 1925/2006, jirrappreżentawx l-isem “legali” jew “tradizzjonali” ta’ tali vitamina.

    42.

    Ma hemm l-ebda definizzjoni litterali ta’ dawk iż-żewġ kategoriji ta’ isem fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1169/2011. Madankollu dik id-dispożizzjoni tikkonċerna d-definizzjonijiet li japplikaw permezz tal-Artikolu 2(2)(n) u (o) ta’ dak ir-regolament, li jistabbilixxi t-tifsira tat-termini “isem ġuridiku” u “isem tradizzjonali”. Anki jekk, f’dak l-artikolu, iż-żewġ definizzjonijiet jirreferu għal ismijiet pertinenti għal ikel, huma għandhom jinftiehmu bħala li japplikaw ukoll għal ismijiet pertinenti għal ingredjenti meta moqrija fid-dawl tal-Artikolu 17(1) u tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1169/2011.

    a) Formulazzjonijiet ta’ vitamini bħala l‑isem ġuridiku tal‑vitamini

    43.

    Skont l-Artikolu 2(2)(n) tar-Regolament Nru 1169/2011, kif applikat b’analoġija għall-ingredjenti, it-terminu “isem ġuridiku” essenzjalment jirreferi għall-isem preskritt fid-dispożizzjonijiet tal-Unjoni applikabbli għalihom. Huwa biss fin-nuqqas ta’ tali dispożizzjonijiet tal-Unjoni li l-isem huwa previst fil-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi applikabbli fl-Istat Membru li fih l-ikel jinbiegħ lill-konsumatur finali.

    44.

    Il-fatt li l-Anness II tar-Regolament Nru 1925/2006 jipprovdi l-lista ta’ formulazzjonijiet ta’ vitamini li jistgħu jiġu miżjuda mal-ikel jidher li jsostni l-argument li dawk il-formulazzjonijiet jikkostitwixxu l-isem preskritt għal dawk il-vitamini fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u, għalhekk, l-isem ġuridiku tagħhom. Madankollu, fil-fehma tiegħi, tali interpretazzjoni ma tirriżultax mill-formulazzjoni tar-Regolament Nru 1925/2006.

    45.

    Ir-Regolament Nru 1925/2006, skont l-Artikolu 1 tiegħu, jarmonizza d-dispożizzjonijiet stabbiliti fi Stati Membri li jirrelataw maż-żieda ta’ vitamini, minerali u sustanzi oħra mal-ikel. B’mod partikolari, l-Artikolu 7 ta’ dak ir-regolament jiddefinixxi r-regoli relatati mal-ittikkettjar, mal-preżentazzjoni u mar-reklamar tal-ikel li miegħu ġew miżjuda vitamini u minerali. Madankollu, dak l-artikolu ma jirregolax l-elenkar tal-ingredjenti, li jaqa’ esklużivament taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1169/2011 ( 14 ).

    46.

    Għandi ninnota li dan il-każ ivarja minn Tesco Stores ČR (C‑881/19), pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Dak il-każ jikkonċerna l-użu ta’ isem ta’ ingredjent kompost fl-ittikkettjar ta’ prodott alimentari, skont ir-Regolament Nru 1169/2011, fil-forma speċifikament iddefinita fid-Direttiva 2000/36/KE ( 15 ), rigward il-prodotti taċ-ċikkulata. Fil-konklużjonijiet reċenti tiegħu ( 16 ), l-Avukat Ġenerali Tanchev ikkonkluda li l-ingredjent kompost inkluż fil-prodott tal-ikel inkwistjoni għandu isem ġuridiku, kif imsemmi fl-Artikolu 2(2)(n) tar-Regolament Nru 1169/2011. Biex wasal għal dik il-konklużjoni, huwa ġustament josserva li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/36 espliċitament jirrikjedi li, meta jiġi applikat ir-Regolament Nru 1169/2011 ( 17 ), “[l]-ismijiet tal-bejgħ [tal-prodotti] elenkati fl-Anness I [tiegħu]... jridu jiġu wżati fil-kummerċ sabiex jiddenominawhom”. Konsegwentement, fil-fehma tal-Avukat Ġenerali, dak l-isem għandu jintuża fil-lista obbligatorja ta’ ingredjenti.

    47.

    B’kuntrast, kif ġie rrikonoxxut mill-Kummissjoni fil-kawża preżenti, la r-Regolament Nru 1925/2006 u lanqas ir-Regolament Nru 1169/2011 ma jgħidu li l-ismijiet li jidhru fl-Annessi I u II tal-ewwel minn dawk ir-regolamenti għandhom jinftiehmu bħala preskrizzjoni għal-ittikkettjar tal-prodotti bil-vitamini u minerali miżjuda. Għalhekk, minn perspettiva litterali, huma ma jistgħux jitqiesu bħala l-isem ġuridiku tal-vitamini miżjuda mal-ikel.

    b) Il‑forma ġenerika tal‑vitamini bħala l‑isem tradizzjonali tagħhom

    48.

    Fir-rigward tal-kunċett sussidjarju ta’ “isem tradizzjonali”, kif imsemmi fl-Artikolu 2(2)(o) tar-Regolament Nru 1169/2011, li b’analoġija japplika wkoll għal ingredjenti, ifisser isem li huwa aċċettat mill-konsumaturi fl-Istat Membru li fih il-prodott huwa mibjugħ, mingħajr il-ħtieġa li dak l-isem ikollu bżonn spjegazzjoni ulterjuri.

    49.

    Bħala kwistjoni ta’ għarfien komuni, l-isem ta’ vitamina fil-forma ġenerika tagħha, bħal “vitamina A” jew “vitamina D”, jikkorrispondi b’mod iktar xieraq mad-definizzjoni ta’ isem tradizzjonali milli dak ta’ formulazzjoni ta’ vitamina, sa fejn l-isem ġeneriku tal-vitamina huwa r-referenza ta’ kuljum ta’ dik is-sustanza. L-ebda waħda mill-partijiet fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jikkontestaw dik il-kwistjoni.

    50.

    Madankollu jista’ xorta jiġi argumentat li, fejn il-formulazzjoni tal-vitamina jkun isem rikonoxxibbli mill-konsumaturi, dan għandu jitqies bħala l-isem tradizzjonali tagħha u għalhekk għandha tiġi indikata fil-lista tal-ingredjenti tal-prodott. Iżda l-konsumaturi normalment ma jirrikonoxxux il-formulazzjonijiet kimiċi elenkati fl-Anness II tar-Regolament Nru 1925/2006, bħal “retinol”, “aċetat tar-retinil”, “palmitat tar-retinil” u “beta-karoten”, minn naħa, u “kolekaċiferol” u “ergokalċiferol”, min-naħa l-oħra, bħala ismijiet li jirreferu, rispettivament, għall-vitamini A u D. Konsegwentement, anki jekk, bħala regola ġenerali, analiżi każ b’każ qatt ma għandha tiġi eskluża, formulazzjonijiet ta’ vitamini inklużi fl-Anness II tar-Regolament Nru 1925/2006 ma jirrappreżentawx l-isem tradizzjonali ta’ dawk il-vitamini. Barra minn hekk ma hemm l-ebda raġuni għalfejn jitqies li l-kombinazzjoni tal-isem ġeneriku tal-vitamina miżjuda inkwistjoni flimkien mal-formulazzjoni tal-vitamina korrispondenti tirrappreżenta dak l-isem tradizzjonali.

    51.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija, interpretazzjoni testwali tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 1169/2011 u tar-Regolament Nru 1925/2006 twassalni biex nikkonkludi li l-isem ġeneriku ta’ vitamina jirrappreżenta l-isem tradizzjonali tagħha u għalhekk l-“isem speċifiku” tagħha fis-sens tal-Artikolu 18(2) tar-regolament preċedenti.

    2. Interpretazzjoni kuntestwali

    52.

    L-interpretazzjoni testwali ta’ dispożizzjoni tal-Unjoni, li hija bbażata biss fuq il-formulazzjoni tagħha, tista’ terġa’ tiġi evalwata mill-ġdid wara li d-dispożizzjoni titqiegħed fil-kuntest u tiġi interpretata fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni komplessivament ( 18 ). F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi jekk il-qari testwali tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1169/2011, kif ġie propost fil-punti preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, huwiex sostnut, bħala kwistjoni ta’ koerenza sistematika, meta dik id-dispożizzjoni tiġi relatata ma’ artikoli rilevanti oħra ta’ dak l-istess regolament. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha mbagħad teżamina jekk l-interpretazzjoni testwali proposta tar-Regolament Nru 1169/2011 tapplikax ukoll meta titqiegħed f’relazzjoni ma’ normi relevanti oħra tal-Unjoni dwar il-liġijiet dwar l-ikel.

    a) Koerenza sistematika: lista ta’ ingredjenti u dikjarazzjoni nutrizzjonali

    53.

    Għandi ninnota li, b’mod parallel mal-lista ta’ ingredjenti, li huwa dettall obbligatorju fil-preżentazzjoni ta’ prodott tal-ikel skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1169/2011, dik l-istess dispożizzjoni teħtieġ l-indikazzjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ nutrizzjoni. Kif diġà nnotajt, iż-żewġ dettalji jsegwu għanijiet differenti u jipprovdu informazzjoni differenti lill-konsumaturi. Filwaqt li l-lista ta’ ingredjenti tipprovdi informazzjoni dwar il-kompożizzjoni tal-ikel ( 19 ), id-dikjarazzjoni nutrizzjonali tagħti dettalji dwar il-valur enerġetiku tal-ikel u l-preżenza ta’ ċerti nutrijenti, li huma importanti għas-saħħa pubblika ( 20 ).

    54.

    B’mod iktar speċifiku, id-dikjarazzjoni nutrizzjonali għandha tindika l-valur enerġetiku u l-ammonti ta’ nutrijenti bħal xaħam, saturati, karboidrati, zokkor, proteini u melħ ( 21 ). Nutrijenti oħra elenkati fil-punt 1 tal-Parti A tal-Anness XIII tar-Regolament Nru 1169/2011, bħal vitamini, jistgħu jiġu indikati volontarjament fid-dikjarazzjoni ta’ nutrizzjoni ( 22 ). Madankollu dik il-lista tirreferi għal vitamini bl-isem ġeneriku tagħhom u mhux bil-formulazzjoni ta’ vitamina tagħhom.

    55.

    Fl-ewwel parti tal-analiżi tiegħi, ikkonkludejt li, fir-rigward tal-ikel bil-vitamini miżjuda, dawn tal-aħħar jistgħu jitqiesu li jaqgħu kemm taħt il-kunċett ta’ “ingredjent” kif ukoll dak ta’ “nutrijent”, kif previst fl-Artikolu 2(2)(f) u (s) tar-Regolament Nru 1169/2011. Għandi nżid issa li, fil-fehma tiegħi, ma hemm l-ebda argument sistematiku li jissuġġerixxi intenzjoni mil-leġiżlatur tal-Unjoni biex jissubordina l-indikazzjoni tal-vitamini għall-isem ġeneriku tagħhom taħt id-dikjarazzjoni ta’ nutrizzjoni u għal kombinazzjoni tal-isem ġeneriku tagħhom u l-formulazzjoni tal-vitamina tagħhom, kif iddefinit fir-Regolament Nru 1925/2006, taħt il-lista ta’ ingredjenti.

    56.

    Il-Gvern Kroat u l-Kummissjoni jissottomettu, madankollu, li, peress li l-lista ta’ ingredjenti u d-dikjarazzjoni nutrizzjonali jwettqu funzjonijiet differenti iżda komplimentari, ir-Regolament Nru 1169/2011 ikun jopera b’mod iktar konsistenti u preċiż li kieku jiġi interpretat bħala li jeħtieġ iktar informazzjoni speċifika fil-lista ta’ ingredjenti u iktar informazzjoni ġenerika fid-dikjarazzjoni nutrizzjonali. Madankollu, tali fehim jista’ jiġi aċċettat, fir-rigward tal-ikel bil-vitamini miżjuda, biss kieku kien għall-inqas sostnut parzjalment minn qari testwali tar-Regolament Nru 1169/2011 u/jew tar-Regolament Nru 1925/2006, li, kif diġà urejt, ma huwiex il-każ. Infakkar f’dak ir-rigward li l-interpretazzjoni kuntestwali ta’ norma għandha tintuża meta l-qari testwali tagħha jkun ambigwu jew iwassal għal riżultati mingħajr sens ( 23 ), iżda ma tistax tibdel il-formulazzjoni ta’ dik in-norma sal-punt li thedded iċ-ċertezza legali u l-prevedibbiltà ( 24 ).

    57.

    Barra minn hekk, nixtieq niġbed l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja lejn il-Parti Ċ tal-Anness VII tar-Regolament Nru 1169/2011 dwar l-addittivi tal-ikel u l-enżimi tal-ikel, li huma tip ieħor ta’ ingredjent fis-sens tat-tifsira tal-Artikolu 2(2)(f) tiegħu. Essenzjalment, skont dik il-parti tal-Anness VII tar-Regolament Nru 1169/2011, ċerti addittivi tal-ikel u enżimi tal-ikel li jappartjenu għal waħda mill-kategoriji elenkati fiha għandhom jiġu indikati bl-isem ta’ dik il-kategorija, flimkien mal-isem speċifiku tagħhom jew, jekk xieraq, in-numru E tagħhom. Isegwi li, bid-differenza mill-addittivi tal-ikel u l-enżimi tal-ikel, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kkonċepixxiex il-forma ġenerika tal-vitamini bħala kategorija ta’ ingredjenti u l-formulazzjonijiet tal-vitamini bħala l-isem speċifiku tagħhom, kif jargumentaw l-intervenjenti fl-osservazzjonijiet tagħhom. Għandu neċessarjament jinftiehem li, kieku dan ma kienx il-każ, dispożizzjoni analoga għall-Parti Ċ tal-Anness VII tar-Regolament Nru 1169/2011 kienet tiġi introdotta f’dak ir-regolament fir-rigward tal-vitamini.

    b) Ir‑Regolament Nru 1169/2011 fil‑kuntest tad‑dritt tal‑Unjoni dwar l‑ikel

    58.

    Dan il-każ, li jikkonċerna l-ikel bil-vitamini miżjuda, jeħtieġ li r-Regolament Nru 1169/2011 jitqiegħed fil-kuntest mar-Regolament Nru 1925/2006, li, kif diġà ġie nnotat, jelenka l-ismijiet tal-vitamini li jistgħu jiġu miżjuda mal-ikel, kif ukoll il-formulazzjonijiet ta’ vitamini tagħhom.

    59.

    Diġà indikajt li l-interpretazzjoni testwali tar-Regolament Nru 1925/2006 ma twassalx għall-konklużjoni li, fejn il-vitamini huma miżjuda mal-ikel, l-indikazzjoni ta’ tali vitamini għandha ssir b’mod konġunt, taħt l-isem ġeneriku tagħhom u l-formulazzjoni tal-vitamina tagħhom. Nixtieq niġbed l-attenzjoni issa għall-fatt li l-lista tal-formulazzjonijiet ta’ vitamini speċifikata fl-Anness II tar-Regolament Nru 1925/2006 dehret f’dak l-att mill-ewwel verżjoni tiegħu, kif adottat fl-2006. Kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li vitamini miżjuda mal-ikel jiġu indikati wkoll skont il-formulazzjonijiet ta’ vitamini tagħhom, dikjarazzjoni konkreta jew dispożizzjoni f’dan is-sens kienet tkun raġonevolment introdotta fir-Regolament Nru 1169/2011, mal-adozzjoni tiegħu fl-2011, bħala kwistjoni ta’ koerenza normativa.

    60.

    Barra minn hekk, għandha tinġibed l-attenzjoni għall-fatt li, meta ġie adottat ir-Regolament Nru 1169/2011, il-leġiżlatur tal-Unjoni kkjarifika l-informazzjoni li kellha tiġi pprovduta fl-ittikkettjar ta’ nutrizzjoni ta’ prodotti li magħhom ġew miżjuda vitamini u minerali. Għamel hekk permezz tal-Artikolu 50 ta’ dak ir-regolament, li emenda l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 1925/2006 biex jgħid li d-dikjarazzjoni ta’ nutrizzjoni ta’ dawk il-prodotti kellha tindika l-informazzjoni speċifikata fl-Artikolu 30(1) tar-Regolament Nru 1169/2011. Huwa għalhekk raġonevoli li jitqies, għal darba oħra, li, kieku x-xewqa tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li jeħtieġ li l-vitamini miżjuda ma’ prodott alimentari biex jiġu indikati fil-lista ta’ ingredjenti mhux biss b’referenza għall-isem ġeneriku tagħhom iżda wkoll b’referenza għall-formulazzjonijiet ta’ vitamini tagħhom, setgħet tiġi introdotta emenda għar-Regolament Nru 1925/2006 permezz tar-Regolament Nru 1169/2011, kif sar fir-rigward tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fid-dikjarazzjoni nutrizzjonali.

    61.

    F’dawk iċ-ċirkustanzi, naħseb li r-Regolament Nru 1169/2011, meta jitqiegħed f’kuntest mar-Regolament Nru 1925/2006, ma jistax jinftiehem fis-sens li jeħtieġ li vitamini miżjuda ma’ prodotti tal-ikel jiġu indikati bl-isem tal-formulazzjoni tagħhom fil-lista ta’ ingredjenti.

    62.

    Għal finijiet ta’ kompletezza, nixtieq nindirizza argument iddettaljat imressaq mill-Gvern Kroat u mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1169/2011 fir-rigward tad-Direttiva 2002/46.

    63.

    Fil-fatt, iż-żewġ intervenjenti jirreferu għall-Anness II ta’ dik id-direttiva, li jelenka l-vitamini li jistgħu jintużaw fil-manifattura ta’ supplimenti tal-ikel u li jinkludi, bħala sors ta’ foliku jew ta’ aċidu foliku, “aċidu (6S)-5-metiltetraidrofoliku, melħ tal-glukosammina” ( 25 ), flimkien ma’ “aċidu pterojlmonoglutamiku” u “metilfolat tal-kalċju”. Huma jinnotaw li, skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/154/UE ( 26 ) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 ( 27 ), “aċidu (6S)-5-metiltetraidrofoliku, melħ tal-glukosammina” għandu jiġu indikat, fuq l-ittikkettjar tal-prodotti tal-ikel li jkun fihom, bil-forma tal-formulazzjoni ta’ vitamina tagħha. Għalhekk, kieku r-Regolament Nru 1169/2011 kellu jiġi interpretat fis-sens li ma jeħtieġx referenza għall-formulazzjonijiet ta’ vitamini, supplimenti tal-ikel li fihom “aċidu pterojlmonoglutamiku” u “metilfolat tal-kalċju” jkunu indikati bit-termini ġeneriċi “foliku” jew “aċidu foliku”. B’kuntrast, “aċidu (6S)-5-metiltetraidrofoliku, melħ tal-glukosammina” ikun indikat bil-forma tal-formulazzjoni tiegħu, anki jekk it-tliet sustanzi kollha jappartjenu għall-istess kategorija ta’ vitamini.

    64.

    Insib dan l-argument irrilevanti għall-finijiet tal-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1169/2011 f’dan il-każ. L-ewwel u qabel kollox, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni jew ta’ regolament ta’ implimentazzjoni mill-Kummissjoni ma tistax tikkundizzjona, permezz tal-prinċipju ta’ ġerarkija ta’ normi, l-interpretazzjoni kuntestwali tar-Regolament Nru 1169/2011, adottata mill-Parlament u mill-Kunsill.

    65.

    It-tieni, l-argument imressaq mill-intervenjenti ma jikkonċernax l-isem, bħal f’dan il-każ, tal-vitamini miżjuda mal-ikel fil-lista ta’ ingredjenti, li għandhom jiġu ddefiniti billi jiġi interpretat ir-Regolament Nru 1169/2011 flimkien mar-Regolament Nru 1925/2006. Minflok, dan jikkonċerna l-isem tal-ingredjenti ta’ supplimenti tal-ikel, li għandhom jiġu eżaminati billi jiġi interpretat ir-Regolament Nru 1169/2011 flimkien mad-Direttiva 2002/46.

    66.

    F’dak ir-rigward, huwa minnu li r-Regolament Nru 1169/2011 japplika, skont l-Artikolu 1(3) u l-Artikolu 6 tiegħu, għall-ikel kollu intiż għall-konsumatur finali. Il-Qorti tal-Ġustizzja mbagħad għandha tkun taf li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1169/2011 – u tal-Artikolu 18(2) tiegħu b’mod partikolari – jista’ jkollha impatt fuq ir-rekwiżiti tal-lista ta’ ingredjenti applikabbli għall-ikel kollu. Madankollu, meta ssir referenza għall-isem ta’ ingredjenti ta’ ċertu ikel, ir-Regolament Nru 1169/2011 għandu jiġi interpretat mhux b’mod iżolat, iżda flimkien ma’ att separat tad-dritt tal-Unjoni, li jista’ jkun differenti minn oħrajn fil-formulazzjoni, fil-kamp ta’ applikazzjoni u fl-għanijiet. F’dawk iċ-ċirkustanzi, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1169/2011 jista’ jkollha riżultati differenti skont l-ikel partikolari inkwistjoni, mingħajr ma taffettwa, fil-fehma tiegħi, l-applikazzjoni konsistenti ta’ dik id-dispożizzjoni fil-kuntest tal-liġi dwar l-ikel tal-Unjoni.

    67.

    Dwar dan il-każ, anki jekk jitqies li d-deċiżjoni implimentata jew ir-regolament ta’ implimentazzjoni kkwotati mill-intervenjenti jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1169/2011 flimkien mad-Direttiva 2002/46 dwar is-supplimenti tal-ikel ( 28 ), dan ma jistax jiddetermina l-interpretazzjoni ta’ dak l-istess artikolu fil-kuntest tar-Regolament Nru 1925/2006, dwar ikel b’vitamini miżjuda. Iktar ’il quddiem f’dawn il-konklużjonijiet, ser nargumenta li l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1169/2011 għandu jiġi interpretat b’mod differenti fir-rigward taż-żewġ kategoriji ta’ ikel għal raġunijiet teleoloġiċi, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-ħtiġijiet ta’ informazzjoni tal-konsumaturi f’kull wieħed minn dawk il-każijiet ( 29 ).

    68.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija, l-interpretazzjoni kuntestwali tar-Regolament Nru 1169/2011 ma twassalx għal kunsiderazzjoni mill-ġdid tal-qari testwali ta’ dak ir-regolament, kif ġie stabbilit fil-punt 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fil-fatt din issostni l-fehma li, meta vitamini jiżdiedu ma’ prodott tal-ikel, kombinazzjoni tal-isem ġeneriku tal-vitamina inkwistjoni u l-formulazzjoni tagħha ma hijiex meħtieġa fil-lista ta’ ingredjenti.

    3. Interpretazzjoni teleoloġika

    69.

    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 30 ), l-għan tar-Regolament Nru 1169/2011 huwa, kif intqal fl-Artikolu 1(1) tiegħu, l-assigurazzjoni ta’ livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumatur b’rabta mal-informazzjoni dwar l-ikel, filwaqt li jiżgura li s-suq intern jopera mingħajr xkiel ( 31 ). Billi jagħmel dan, dak ir-regolament jieħu inkunsiderazzjoni differenzi fil-perċezzjoni tal-konsumaturi u l-ħtiġijiet ta’ informazzjoni tagħhom. Isegwi wkoll mill-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1169/2011 – kif ukoll mill-premessi 3 u 4 ta’ dak ir-regolament, li fid-dawl tiegħu għandha tinqara dik id-dispożizzjoni – li l-provvista ta’ informazzjoni lill-konsumaturi għandha tippermettilhom li jagħmlu għażliet informati, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kunsiderazzjonijiet sanitarji fost oħrajn.

    70.

    Kif ser nispjega iktar ’il quddiem, fil-każ ta’ vitamini miżjuda mal-ikel, għandi dubji dwar jekk l-indikazzjoni tal-formulazzjoni tal-vitamina fil-lista ta’ ingredjenti, flimkien mal-isem ġeneriku tagħha, tistax tissodisfa l-għanijiet tar-Regolament Nru 1169/2011. Dan in-nuqqas ta’ kapaċità huwa partikolarment evidenti għalija meta nqis il-perċezzjoni tal-konsumaturi u l-ħtieġa ta’ informazzjoni tagħhom, kif meħtieġ mill-Artikolu 1(1) tiegħu. Madankollu, nemmen li r-Regolament Nru 1169/2011 ma fihx l-elementi neċessarji biex jilħaq konklużjoni definittiva dwar jekk l-indikazzjoni tal-formulazzjonijiet tal-vitamini fil-lista ta’ ingredjenti tkunx ta’ benefiċċju għall-għażliet informati tal-konsumaturi jew le skont l-għanijiet imfittxija minn dak ir-regolament. Għalhekk, f’moħħi, tali evalwazzjoni ma tistax tirriżulta minn interpretazzjoni ġuridika, iżda għandha ssir b’mezzi leġiżlattivi.

    a) Perċezzjoni tal‑konsumaturi

    71.

    Sabiex jiġi ddefinit il-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi tal-informazzjoni dwar l-ikel li jirriżultaw mir-Regolament Nru 1169/2011, għandha ssir referenza għal “konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat” ( 32 ).

    72.

    Fil-fehma tiegħi, kif diġà nnotajt fil-punt 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ma huwiex ċert li konsumatur medju, kif iddefinit mill-Qorti tal-Ġustizzja, x’aktarx jirrikonoxxi formulazzjonijiet bħal “retinol”, “aċetat tar-retinil”, “palmitat tar-retinil”, “beta-karoten”, “kolekaċiferol”,“ergokalċiferol”, waħedhom jew flimkien ma’ isem ġeneriku, bħala mod kif issir referenza għall-vitamini A u D rispettivament. B’kuntrast, l-indikazzjoni sempliċi tal-vitamina A u tal-vitamina D tidher iktar xierqa sabiex tiffaċilita l-għarfien tal-konsumaturi li prodott alimentari jinkludi dawk is-sustanzi bħala ingredjenti.

    73.

    Għandu jiġi nnotat li, peress li wieħed mill-għanijiet tar-Regolament Nru 1169/2011 huwa li jipprovdi bażi lill-konsumatur finali biex jagħmel għażliet infurmati, dak ir-regolament jiżgura li l-konsumatur finali jifhem faċilment l-informazzjoni pprovduta fuq l-ittikkettjar ta’ prodott tal-ikel. Bħala eżempju, il-premessa 37 tar-Regolament Nru 1169/2011 tipprovdi li huwa xieraq għat-terminu “melħ” li jintuża fuq l-ittikkettjar ta’ prodott tal-ikel minflok it-terminu korrispondenti tan-nutrijent “sodju”. Anki jekk dik il-premessa tirreferi għall-informazzjoni pprovduta fid-dikjarazzjoni nutrizzjonali, l-istess raġunament għandu japplika wkoll għad-denominazzjoni ta’ sustanzi fil-lista obbligatorja ta’ ingredjenti. Għal darba oħra, ismijiet ġeneriċi ta’ vitamini waħedhom, u mhux flimkien mal-formulazzjonijiet ta’ vitamini ddefiniti fl-Anness II tar-Regolament Nru 1925/2006, jidhru iktar xierqa biex jiksbu dak l-għan.

    74.

    Dan huwa l-każ anki meta titqies referenza kkombinata għal vitamina fil-lista ta’ ingredjenti fil-forma ġenerika tagħha u fil-formulazzjoni sors tagħha. Fil-fatt, minħabba l-korrelazzjoni stretta ddefinita mir-Regolament Nru 1169/2011 bejn il-lista ta’ ingredjenti u d-dikjarazzjoni nutrizzjonali, referenza differenti għal vitamini f’kull waħda minn dawk id-dettalji obbligatorji jista’ jkollha l-effett li tirrendi inqas ċara l-informazzjoni pprovduta lil konsumaturi fl-ittikkettjar tal-prodott tal-ikel. Għandha tingħata attenzjoni wkoll, kif stabbilit fil-premessa 26 tar-Regolament Nru 1169/2011, għall-fatt li l-leġibbiltà faċli hija element importanti fit-tkabbir tal-possibbiltà għall-informazzjoni fuq it-tikketta li tinfluwenza lill-udjenza tagħha u li informazzjoni dwar il-prodott illeġibbli hija waħda mill-kawżi prinċipali ta’ nuqqas ta’ sodisfazzjon tal-konsumatur fir-rigward tat-tikketti tal-ikel. Għalhekk, il-volum ta’ informazzjoni li jidher fuq ittikkettjar tal-ikel ma għandux jiġi miżjud eċċessivament peress li jista’ jwassal għan-nuqqas ta’ ċarezza u biex l-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 1169/2011, b’mod partikolari fir-rigward tal-perċezzjoni tal-konsumaturi, jiġu mdgħajfa.

    b) Ħtiġijiet ta’ informazzjoni

    75.

    Nistaqsi wkoll jekk, fir-rigward tal-ikel bil-vitamini miżjuda, l-indikazzjoni tal-formulazzjonijiet ta’ vitamini fil-lista ta’ ingredjenti hijiex iġġustifikata fir-rigward tal-ħtiġijiet ta’ informazzjoni tal-konsumaturi. Nirrikonoxxi madankollu li, fin-nuqqas ta’ elementi iktar konklużivi li jirriżultaw mir-Regolament Nru 1169/2011, id-dubju tiegħi jibqa’ suġġettiv.

    76.

    Nixtieq nenfasizza li, b’konnessjoni ma’ dan, li l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1169/2011, li għandu jinqara fid-dawl tal-premessa 28 tiegħu, jipprevedi li, meta titqies il-ħtieġa obbligatorja ta’ informazzjoni dwar l-ikel, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-ħtieġa mifruxa min-naħa tal-maġġoranza tal-konsumaturi għal ċerta informazzjoni li lilha jattribwixxu valur sinjifikattiv jew ta’ kwalunkwe benefiċċju ġeneralment aċċettat għall-konsumatur.

    77.

    Fir-rigward tal-ikel bil-vitamini miżjuda, l-ewwel, l-indikazzjoni tal-formulazzjonijiet ta’ vitamini fil-lista ta’ ingredjenti ma jidhirlix li tirrispondi għal ħtieġa ta’ valur sinjifikattiv, meta jitqies li, kif diġà ġie indikat, il-formulazzjonijiet li jirriżultaw mill-Anness II tar-Regolament Nru 1169/2011 jistgħu ma jiġux faċilment mifhuma mill-maġġoranza l-kbira tal-konsumaturi.

    78.

    It-tieni, l-indikazzjoni obbligatorja ta’ formulazzjoni fil-lista ta’ ingredjenti tal-ikel ma tistax titqies li tirriżulta f’benefiċċju aċċettat għall-konsumatur. F’dak ir-rigward, nirrikonoxxi li, kif jindikaw l-intervenjenti, il-vitamini jistgħu jwettqu funzjonijiet differenti skont is-sors tal-formulazzjoni tagħhom. Madankollu, il-prodotti kkonċernati minn dan il-każ huma ikel ordinarju ma’ liema jiġu miżjuda kwantità limitata ta’ vitamini sabiex jissaħħu jew jiġu ffortifikati l-karatteristiċi nutrizzjonali tagħhom. L-effett ta’ dawk il-vitamini, indipendentement mill-formulazzjoni tagħhom, huwa għalhekk limitat. Dan huwa għalfejn, pereżempju, dawn jinbiegħu f’postijiet kummerċjali, mingħajr fuljett obbligatorju, u ma humiex suġġetti għal limitazzjonijiet partikolari ta’ inġestjoni.

    79.

    F’dak ir-rigward, jista’ jkun utli li ssir referenza, minn perspettiva komparattiva, għas-supplimenti tal-ikel, li għalihom, fil-fehma tiegħi, il-ħtiġijiet ta’ informazzjoni tal-konsumatur jeħtieġu l-interpretazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1169/2011, moqri flimkien mad-Direttiva 2002/46, b’mod differenti. Wara kollox, mill-Artikolu 2(a) ta’ dik id-direttiva jsegwi li supplimenti tal-ikel huma sorsi kkonċentrati ta’ nutrijenti u sustanzi oħra, inkluż vitamini, b’effett nutrizzjonali jew fiżjoloġiku, kkummerċjalizzati f’dożi, bħal pilloli, pirmli jew likwidi fi kwantitajiet ta’ dożi. L-għan tagħhom huwa li jissupplimentaw id-dieta normali u, b’mod partikolari, li jikkoreġu nuqqasijiet nutrizzjonali, biex iżommu konsum adegwat ta’ ċerti nutrijenti jew biex isostnu funzjonijiet fiżjoloġiċi speċifiċi.

    80.

    Għalhekk, filwaqt li l-ħtiġijiet ta’ informazzjoni tal-konsumatur jistgħu jiġġustifikaw l-indikazzjoni tal-formulazzjonijiet tal-vitamini fil-lista ta’ ingredjenti tas-supplimenti tal-ikel, minħabba l-funzjonijiet differenti mwettqa minn kull waħda minn dawk is-sorsi u l-effetti nutrizzjonali jew fiżjoloġiċi speċifiċi mfittxija mill-konsumaturi, dawk il-ħtiġijiet ma jiġġustifikawx l-indikazzjoni tagħhom fil-lista ta’ ingredjenti ta’ prodotti tal-ikel bil-vitamini miżjuda minħabba l-effett limitat tagħhom meta jiġu kkunsmati.

    81.

    Fl-aħħar, għandi nsemmi fil-qosor li, peress li referenza għall-formulazzjoni tal-vitamini fil-lista ta’ ingredjenti tal-ikel bil-vitamini miżjuda ma hijiex iġġustifikata fir-rigward ta’ ħtiġijiet ta’ informazzjoni, l-argument imressaq mill-Kummissjoni, li jgħid li l-ittikkettjar ta’ dawk il-prodotti mingħajr tali referenza hija qarrieqa għall-konsumaturi fis-sens tat-tifsira tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1169/2011, ma għandux jiġi aċċettat.

    c) Evalwazzjoni għal‑leġiżlatur tal‑Unjoni

    82.

    Il-premessa 19 tar-Regolament Nru 1169/2011 tgħid li kwalunkwe rekwiżiti ġodda dwar informazzjoni obbligatorja dwar l-ikel għandhom jiġu stabbiliti biss jekk ikunu meħtieġa, skont il-prinċipji ta’ sussidjarjetà, proporzjonalità u sostenibbiltà. Barra minn hekk, kif diġà ġie msemmi, l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1169/2011 jipprovdi, essenzjalment, li kwalunkwe kunsiderazzjoni dwar il-ħtieġa għall-informazzjoni obbligatorja dwar l-ikel għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-interess wiesa’ muri mill-maġġoranza tal-konsumaturi fl-iżvelar ta’ ċerta informazzjoni.

    83.

    Isegwi li, anki jekk fuq il-preżunzjoni li l-kombinazzjoni tal-isem ġeneriku tal-vitamini u l-formulazzjonijiet tagħhom jista’ jkollhom effett pożittiv fil-promozzjoni tal-għażliet informati, tali evalwazzjoni għandha ssir, skont ir-Regolament Nru 1169/2011, fuq il-bażi tal-perċezzjoni tal-konsumaturi u l-ħtiġijiet ta’ informazzjoni tagħhom u, inter alia, il-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 33 ). Fin-nuqqas ta’ sostenn iktar b’saħħtu bbażat fuq interpretazzjoni testwali u kuntestwali, dik l-evalwazzjoni ma tistax tirriżulta minn argumenti purament teleoloġiċi, kif huwa argumentat mill-intervenjenti f’dawn il-proċeduri, u minflok għandha ssir mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

    84.

    Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li, minkejja li l-kunsiderazzjoni primarja għal informazzjoni obbligatorja dwar l-ikel hija sabiex tippermetti li l-konsumaturi jagħmlu għażliet informati u użu xieraq minn prodott tal-ikel, l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1169/2011, taħt it-titolu “Għanijiet ġenerali” jipprovdi wkoll li l-liġi tal-informazzjoni dwar l-ikel għandha tfittex li tikseb il-moviment liberu fl-Unjoni ta’ ikel prodott u rreklamat legalment, bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-ħtieġa li jiġu protetti l-interessi leġittimi tal-produtturi. L-Artikolu 3(4) ta’ dak l-istess regolament iżid li għandha ssir konsultazzjoni pubblika miftuħa u trasparenti, inkluż mal-partijiet interessati, matul it-tħejjija, l-evalwazzjoni u r-reviżjoni tal-liġi dwar l-informazzjoni dwar l-ikel.

    85.

    Għalhekk, l-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ informazzjoni għall-konsumaturi għandu jkun ibbilanċjat, skont l-għanijiet stabbiliti mir-Regolament Nru 1169/2011, bil-ħtieġa li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-partijiet interessati meta jiġu stabbiliti rekwiżiti ġodda dwar l-ittikkettjar tal-ikel. Dan jillimita l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1169/2011 dwar skopijiet ta’ informazzjoni dwar l-ikel u teħtieġ, fil-fehma tiegħi, l-intervent tal-leġiżlatur tal-Unjoni.

    4. Kumment finali

    86.

    Mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija jsegwi li l-ebda mill-kanoni tal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jgħid li r-Regolament Nru 1169/2011, moqri flimkien mar-Regolament Nru 1925/2006, jeħtieġ ir-referenza għal vitamina miżjuda fil-lista ta’ ingredjenti tal-ikel biex tidher ukoll fil-forma tal-formulazzjoni tagħha. Jekk obbligu li tiġi indikata l-formulazzjoni tal-vitamina fil-lista tal-ingredjenti titqies xierqa biex tippromwovi għażliet iktar infurmati tal-konsumatur, il-leġiżlazzjoni applikabbli għandha tiġi emendata f’dan is-sens.

    V. Konklużjoni

    87.

    Fuq il-bażi tal-analiżi stabbilita iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domanda preliminari mressqa mill-Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija) kif ġej:

    Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004, u b’mod partikolari l-Artikolu 18(2) ta’ dak ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fejn vitamini huma miżjuda ma’ prodotti tal-ikel, il-lista tal-ingredjenti ma għandhiex għalfejn tinkludi, flimkien mal-isem ġeneriku tal-vitamini, il-formulazzjoni tal-vitamina użata, kif elenkata fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Diċembru 2006 dwar iż-żieda ta’ vitamini u minerali u ta’ ċerti sustanzi oħra mal-ikel.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU 2011, L 304, p.18, rettifika fil-ĠU L 331, 18.11.2014, p. 40 u fil-ĠU L 266, 30.9.2016, p. 7).

    ( 3 ) Regolament (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar iż-żieda ta’ vitamini u minerali u ta’ ċerti sustanzi oħra mal-ikel (ĠU 2006, L 404, p. 26).

    ( 4 ) Fin-nuqqas ta’ terminu preċiż fil-leġiżlazzjoni applikabbli, it-terminu “isem ġeneriku” ser jintuża f’dawn il-konklużjonijiet biex jirreferi għall-isem tal-vitamini fil-forma ġenerika tagħhom.

    ( 5 ) Sentenza tas-6 ta’ Settembru 2011 (C‑442/09, EU:C:2011:541, punt 74).

    ( 6 ) Id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Marzu 2000 fuq l-approsimazzjoni ta’ liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti tal-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 15, Volum 5, p. 75).

    ( 7 ) Ara wkoll l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1169/2011, li jipprovdi li l-lista ta’ ingredjenti “[għandha t]inkludi l-ingredjenti kollha tal-ikel, f’ordni li tonqos skont l-użin, kif innotati meta ntużaw fil-fabbrikazzjoni tal-ikel” (enfasi miżjuda).

    ( 8 ) Ara, f’dak is-sens, l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1925/2006.

    ( 9 ) Id-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑10 ta’ Ġunju 2002 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar is-supplimenti tal-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 13, Volum 29, p. 490). Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 2(a) tagħha.

    ( 10 ) Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/46. Enfasi miżjuda minni.

    ( 11 ) Enfasi miżjuda minni.

    ( 12 ) Sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2016, Hemming et (C‑316/15, EU:C:2016:879 punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 13 ) L-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1169/2011 jirreferi wkoll għall-Anness IV tal-istess regolament. Madankollu, dak l-anness ma huwiex relevanti għal dan il-każ.

    ( 14 ) Ara l-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 1169/2011.

    ( 15 ) Direttiva 2000/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ġunju 2000 rigward il-prodotti mill-kawkaw u miċ-ċikkulata maħsuba għall-konsum mill-bniedem (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25 p. 431).

    ( 16 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tanchev fil-kawża Tesco Stores ČR (C‑881/19, EU:C:2021:830, punti 51, 5254).

    ( 17 ) Fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/36, referenza għad-Direttiva tal-Kunsill 79/112/KEE tat‑18 ta’ Diċembru 1978 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-tikkettjar, il-preżentazzjoni u r-reklamar ta’ prodotti tal-ikel għall-bejgħ lill-konsumatur finali (ĠU 1979 L 33, p. 1) issa għandha tinftiehem bħala referenza għar-Regolament Nru 1169/2011.

    ( 18 ) Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et (283/81, EU:C:1982:335, punt 20).

    ( 19 ) Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1169/2011.

    ( 20 ) Premessa 36 tar-Regolament Nru 1169/2011.

    ( 21 ) Artikolu 30(1) tar-Regolament Nru 1169/2011.

    ( 22 ) Artikolu 30(2) tar-Regolament Nru 1169/2011.

    ( 23 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża European Federation for Cosmetic Ingredients (C‑592/14, EU:C:2016:179, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 24 ) Ara l-premessi 9 u 11 tar-Regolament Nru 1169/2011, li espressament jirreferu għaċ-ċertezza legali għal konsumaturi u għal partijiet interessati oħra.

    ( 25 ) Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/414 tat‑12 ta’ Marzu 2015 li jemenda d-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aċidu (6S)-5-metiltetraidrofoliku, melħ tal-glukosammina użat fil-manifattura ta’ supplimenti tal-ikel (ĠU 2015, L 68, p. 26).

    ( 26 ) Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tad‑19 ta’ Marzu 2014 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq tal-aċidu (6S)-5-metiltetraidrofoliku, melħ tal-glukosammina bħala ingredjent tal-ikel ġdid skont ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 85, p. 10).

    ( 27 ) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal‑20 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi l-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel ġdid (ĠU 2017, L 351, p. 72).

    ( 28 ) Ara, f’dik il-konnessjoni, l-Artikolu 6(3)(a) tad-Direttiva 2002/46.

    ( 29 ) Ara l-punti 79 u 80 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 30 ) Sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2019, Organisation juive européenne u Vignoble Psagot (C‑363/18, EU:C:2019:954, punti 5253).

    ( 31 ) Ara wkoll l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1925/2006.

    ( 32 ) Ara s-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 1998, Gut Springenheide u Tusky (C‑210/96, EU:C:1998:369, punt 31), u tal‑10 ta’ Settembru 2009, Severi (C‑446/07, EU:C:2009:530, punt 61).

    ( 33 ) Ara, pereżempju, il-proposta reċenti tal-Kummissjoni biex jiġu riveduti regoli tal-Unjoni dwar l-informazzjoni pprovduta lill-konsumaturi, bil-għan li taċċerta informazzjoni tal-ittikkettjar aħjar biex tgħin lill-konsumaturi jagħmlu għażliet tal-ikel iktar sani u iktar sostenibbli: https://ec.europa.eu/food/safety/labelling-and-nutrition/food-information-consumers-legislation_en.

    Top