Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CC0525

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali A. Rantos, ippreżentati fit-13 ta’ Jannar 2022.


    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:16

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    RANTOS

    ippreżentati fit‑13 ta’ Jannar 2022 ( 1 )

    Kawża C‑525/20

    Association France Nature Environnement

    vs

    Premier ministre,

    Ministre de la Transition écologique et solidaire

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2000/60/KE – Qafas għal politika tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-ilma – Artikolu 4(1)(a) – Għanijiet ambjentali relatati mal-ilmijiet tal-wiċċ – Obbligu tal-Istati Membri li ma jawtorizzawx proġett li jista’ jikkawża deterjorament tal-istat ta’ korp ta’ ilma – Kunċett ta’ ‘deterjorament’ tal-istat ta’ korp ta’ ilma tal-wiċċ – Modalitajiet ta’ evalwazzjoni – Artikolu 4(6) u (7) – Derogi għall-projbizzjoni ta’ deterjorament – Kundizzjonijiet – Programm jew proġett b’impatti temporanji għal żmien qasir u mingħajr konsegwenzi fit-tul fuq l-istat ta’ korp ta’ ilma”

    I. Introduzzjoni

    1.

    Kif tenfasizza l-ewwel premessa tad-Direttiva 2000/60/KE ( 2 ), “[l]-ilma mhuwiex prodott kummerċjali bħal kull prodott ieħor imma, pjuttost, wirt li għandu jiġi protett, difiż u ttrattat bħala tali”. Bit-tisħin globali ( 3 ), il-ħtieġa li fl-Unjoni Ewropea tiġi żgurata l-protezzjoni ta’ dan l-oġġett komuni hija ta’ importanza ikbar.

    2.

    Din id-direttiva tipprovdi qafas ġenerali li fih l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali tal-Unjoni jistgħu jiddefinixxu politiki integrati u koerenti fil-qasam tal-ilma ( 4 ). F’dan ir-rigward, wieħed mill-għanijiet tal-imsemmija direttiva huwa dak li jiġi pprevenut deterjorament tal-istat ta’ kull korp ta’ ilmijiet tal-wiċċ tal-Unjoni.

    3.

    Fil-kawża prinċipali, il-Premier ministre de la République française (il-Prim Ministru tar-Repubblika Franċiża) adotta digriet li permezz tiegħu, sabiex tiġi evalwata l-kompatibbiltà tal-programmi u tad-deċiżjonijiet amministrattivi mal-għan ta’ prevenzjoni tad-deterjorament tal-kwalità tal-ilma, “ma ttieħdux inkunsiderazzjoni l-impatti temporanji għal żmien qasir u mingħajr konsegwenzi fit-tul”. L-association France Nature Environnement ippreżentat rikors għal eċċess ta’ poter quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza), billi sostniet li din id-dispożizzjoni ma hijiex konformi mad-Direttiva 2000/60, li tipprojbixxi kull deterjorament, anki jekk temporanju, tal-istat tal-korpi ta’ ilma tal-wiċċ.

    4.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja hija għalhekk mitluba teżamina jekk l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva jippermettix lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li ma jiħdux inkunsiderazzjoni, matul il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ programm jew ta’ proġett partikolari, l-impatti temporanji għal żmien qasir u mingħajr konsegwenzi fit-tul fuq l-istat ta’ korp ta’ ilma tal-wiċċ u, jekk ikun il-każ, taħt liema kundizzjonijiet jistgħu japplikaw id-derogi għall-projbizzjoni ta’ deterjorament ta’ korp ta’ ilma previsti fil-paragrafi 6 u 7 ta’ dan l-Artikolu 4.

    II. Il-kuntest ġuridiku

    A.   Id-dritt tal-Unjoni

    5.

    Skont il-premessi 1, 25 u 33 tad-Direttiva 2000/60:

    “(1)

    L-ilma mhuwiex prodott kummerċjali bħal kull prodott ieħor imma, pjuttost, wirt li għandu jiġi protett, difiż u ttrattat bħala tali.

    […]

    (25)

    Definizzjonijiet komuni tal-istat ta’ l-ilma f’termini ta’ kwalità u, fejn hu relevanti għall-iskop tal-protezzjoni ta’ l-ambjent, ta’ kwantità, iridu jkunu mwaqqfa. Għandhom ikunu ffissati għanijiet ambjentali biex jiżguraw stat tajjeb fl-ilma tal-wiċċ u tal-qiegħ fil-Komunità u li tkun imwaqqfa d-deterjorazzjoni fl-istat tal-ilmijiet f’livell Komunitarju.

    […]

    (33)

    L-għan sabiex jinkiseb stat tajjeb ta’ ilma jrid ikun segwit għal kull baċin tax-xmara, sabiex miżuri fir-rigward ta’ l-ilma tal-wiċċ u tal-qiegħ li jappartjenu għall-istess sistema ekoloġika, idroloġika u idroġeoloġika, ikunu kordinati.”

    6.

    L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jistabbilixxi:

    “L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tistabbilixxi qafas għall-protezzjoni ta’ l-ilmijiet tal-wiċċ interni, ilmijiet temporanji, ilmijiet tal-kosta u ilmijiet ta’ taħt l-art li:

    (a)

    jipprevjeni aktar deterjorazzjoni u jipproteġi u jżid l-istatus tal-ekosistemi akkwatiċi u, bil-konsiderazzjoni tal-ħtiġiet tagħhom ta’ l-ilma, ekosistemi terrestri u artijiet mistagħdra li jiddependu direttament fuq ekosistemi akkwatiċi;

    […]”

    7.

    L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

    “Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva d-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

    1.

    ‘ilma tal-wiċċ’ ifisser ilmijiet interni, barra ilma ta’ taħt l-art; ilmijiet temporanji u ilmijiet tal-kosta, minbarra fejn jirrigwarda stat kimiku li għali għandhom ikunu inklużi ukoll ilmijiet territorjali;

    […]

    10.

    ‘Korp ta’ ilma tal-wiċċ’ ifisser element diskret u sinifikanti ta’ ilma tal-wiċċ bħal lag, reservoir, ilma kurrenti, xmara jew kanal, parti minn ilma kurrenti, xmara jew kanal, ilma transizzjonali jew tul ta’ ilma kostali;

    […]”

    8.

    L-Artikolu 4 tal-istess direttiva, intitolat “Għanijiet ambjentali”, jiddisponi:

    “1.   Meta l-programmi ta’ miżuri speċifikati fil-pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara ikunu qed isiru operazzjonali:

    (a)

    għall-ilma tal-wiċċ

    (i)

    L-Istati Membri jridu jimplimentaw il-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu deterjorazzjoni tal-istat ta’ kull korp ta’ l-ilma tal-wiċċ, bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ paragrafi 6 u 7 u mingħajr preġudizzju għal paragrafu 8;

    […]

    6.   Deterjorazzjoni temporanja fl-istat ta’ korpi ta’ l-ilma ma tiksirx il-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva jekk din tirriżulta minn ċirkostanzi ta’ kawżi naturali jew forzi maġġuri li huma eċċezzjonali jew li ma’ setgħux ikunu raġonevolment imbassra, partikolarment dulluvji estremi u nuqqas ta’ xita għal tul ta’ żmien, jew ir-riżultat ta’ ċirkostanzi minħabba aċċidenti li ma’ setgħux raġonevolment ikunu mbassra, meta l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin ikunu intlaħqu:

    (a)

    il-passi kollha prattikabbli huma meħuda biex jipprevjenu aktar deterjorazzjoni fl-istat u sabiex ma’ tkunx kompromessa il-kisba ta’ l-għanijiet ta’ din id-Direttiva f’korpi oħra ta’ l-ilma mhux affetwati b’dawk iċ-ċirkostanzi;

    (b)

    il-kundizzjonijiet taħt liema ċ-ċirkostanzi li huma eċċezzjonali jew li ma’ setgħux raġonevolment jiġu mbassra jistgħu jiġu dikjarati, inkluża l-adozzjoni ta’ indikaturi xierqa, huma msemmija fil-pjan ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara;

    (ċ)

    il-miżuri li jridu jittieħdu taħt ċerta ċirkostanzi eċċezzjonali huma inklużi fil-programm ta’ miżuri u ma’ jikkompromettux l-irkupru tal-kwalità tal-korp ta’ l-ilma kemm il-darba ċ-ċirkostanzi ikunu spiċċaw;

    (d)

    l-effetti taċ-ċirkostanzi li huma eċċezzjonali jew li ma’ setgħux raġonevolment jiġu mbassra huma riveduti annwalment u, bla ħsara għar-raġunijiet stabbiliti f’paragrafu 4(a), il-miżuri prattikabbli kollha huma meħuda bl-għan li jkun restawrat il-korp ta’ l-ilma fl-istat tiegħu qabel l-effetti ta’ dawk iċ-ċirkostanzi, malajr daqskemm raġonevolment prattikabbli, u

    (e)

    ġabra tal-effetti taċ-ċirkostanzi u ta’ dawn il-miżuri meħuda jew li għandhom jittieħdu skond paragrafi (a) u (d) huma inklużi fl-aġġornament li jmiss tal-pjan ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara.

    7.   L-Istati Membri ma’ jkunux qed jiksru din id-Direttiva meta:

    nuqqas li jinkiseb stat tajjeb ta’ l-ilma ta’ taħt l-art, stat ekoloġiku tajjeb jew, fejn relevanti, potenzjal ekoloġiku tajjeb jew għal prevenzjoni minn deterjorament fl-istat ta’ korp ta’ l-ilma tal-wiċċ jew tal-qiegħ huwa r-riżultat ta’ modifikazzjonijiet ġodda għall-karatteristiċi fiżiċi tal-korp ta’ l-ilma tal-wiċċ jew alterazzjonijiet sal-livell ta’ korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art, jew

    nuqqas ta’ prevenzjoni ta’ deterjorazzjoni minn stat għoli għal stat tajjeb ta’ l-ilma tal-wiċċ huwa r-riżultat ta’ attivitajiet sostenibbli ġodda ta’ żvilupp uman

    u l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin ikunu milħuqa:

    (a)

    il-passi kollha prattikabbli huma meħuda biex jitnaqqsu l-impatti kuntrarji fuq l-istat tal-korp ta’ l-ilma;

    (b)

    ir-raġunijiet għal dawk il-modifikazzjonijiet jew alterazzjonijiet huma speċifikament stabbiliti u spjegati fil-pjan ta’ mmaniġġjar tal-baċin ta’ l-ilma meħtieġ skond l-Artikolu 13 u l-għanijiet huma riveduti kull sitt snin;

    (ċ)

    ir-raġunijiet għal dawk il-modifikazzjonijiet jew alterazzjonijiet huma ta’ interess pubbliku suprem u/jew il-benefiċċji għall-ambjent u għas-soċjeta mill-kisba ta’ l-għanijiet stabbilti f’paragrafu 1 huma anqas importanti mill-benefiċċji ta’ modifikazzjonijiet jew alterazzjonijiet għas-saħħa tal-bniedem, għal manteniment tas-sigurtà tal-bniedem jew għal żvilupp sostenibbli, u

    (d)

    l-għanijiet ta’ benefiċċju moqdija minn dawk il-modifikazzjonijiet jew alterazzjonijiet tal-korp ta’ l-ilma ma’ jistgħux, għar-raġunijiet ta’ fattibilità teknika jew spejjeż disproporzjonati, jkunu miksuba b’modi oħra, li huma għażla aħjar ta’ l-ambjent.

    […]”

    9.

    L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2000/60, intitolat “Monitoraġġ ta’ l-istat ta’ l-ilma tal-wiċċ, l-istat ta’ l-ilma ta’ taħt l-art u żoni protetti”, huwa fformulat kif ġej:

    “1.   L-Istati Membri jridu jiżguraw li jkunu stabbiliti l-programmi għall-monitoraġġ ta’ l-istat ta’ l-ilma sabiex titwaqqaf deskrizzjoni ġenerika koerenti u komprensiva ta’ l-istat ta’ l-ilma fi ħdan kull distrett ta’ baċin tax-xmara:

    għall-ilma tal-wiċċ dan il-programmi jridu jkopru:

    (i)

    il-volum u il-livell jew ir-rata jew tnixxija għall-estent relevanti għal stat ekoloġiku u kimiku u l-potenzjal ekoloġiku, u

    (ii)

    l-istat ekoloġiku u kimiku u l-potenzjal ekoloġiku;

    […]

    2.   Dawn il-programmi jridu jkunu operazzjonali mhux aktar tard minn sitt snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva sakemm ma’ jkunx speċifikat mod ieħor fil-leġislazzjoni konċernata. Dan il-monitoraġġ irid ikun jaqbel mal-ħtiġiet ta’ l-Anness V.

    […]”

    10.

    Il-punti 1.3, 1.3.1 u 1.3.4 tal-Anness V ta’ din id-direttiva jipprevedu:

    “1.3. Monitoraġġ ta’ stat ekoloġiku u stat kimiku għall-ilmijiet tal-wiċċ

    In-networks ta’ monitoraġġ ta’ l-ilma tal-wiċċ iridu jitwaqqfu bi qbil mal-ħtiġiet ta’ l-Artikolu 8. In-networks ta’ monitoraġġ iridu jiġu disinjati sabiex jipprovdu diskrezzjoni koerenti u komprensiva ta’ stat ekoloġiku u kimiku fi ħdan kull baċin tax-xmara u jridu jippermettu klassifikazzjoni ta’ korpi ta’ l-ilma f’ħames klassijiet konsistenti mad-definizzjonijiet normattivi f’sezzjoni 1.2. L-Istati Membri jridu jipprovdu mappa jew mapep li juru n-networks ta’ monitoraġġ ta’ l-ilma tal-wiċċ fil-pjan ta’ l-immaniġġjar tal-baċin tax-xmara.

    […]

    1.3.1. Disinn ta’ monitoraġġ ta’ sorveljanza

    […]

    Selezzjoni ta’ punti ta’ monitoraġġ

    Monitoraġġ ta’ sorveljanza ta’ korpi ta’ l-ilma tal-wiċċ suffiċenti jrid isir biex jipprovdi stima tal-istat ġenerali ta’ l-ilma tal-wiċċ fi ħdan kull wesgħa jew sottowesgħat fi ħdan id-distrett tal-baċin tax-xmara. Fis-selezzjoni ta’ dawn il-korpi l-Istati Membri jridu jiżguraw li, fejn xieraq, monitoraġġ isir f’punti fejn:

    ir-rata ta’ tnixxija ta’ l-ilma hija sinifikanti fi ħdan id-distrett tal-baċin tax-xmara bis-sħiħ; inklużi punti fuq xmajjar kbar fejn iż-żona tal-wesgħa hija akbar minn 2500 km2,

    il-volum ta’ l-ilma preżenti huwa sinifikanti fi ħdan id-distrett tal-baċin tax-xmara, inklużi lagi kbar u reservoirs,

    korpi sinifikanti ta’ l-ilma li jaqsmu fruntiera tal-Istati Membri,

    siti huma identifikati taħt l-Iskambju tal-Informazzjoni Deċiżjoni 77/795/KEE ( 5 ), u

    f’ċerta siti oħra kif inhuma meħtieġa biex jistmaw il-massa tal-kontaminat li hija trasferita minn ġol-fruntiera tal-Istati Membri, u li hija trasferita ġo l-ambjent marittimu.

    […]

    1.3.4. Frekwenza ta’ monitoraġġ

    Għall-perjodu ta’ monitoraġġ ta’ sorveljanza, il-frekwenzi għal monitoraġġ ta’ parametri indikattivi ta’ elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika mogħtija hawn taħt iridu jiġu applikati sakemm intervalli akbar ma’ jkunux ġustifikati fuq il-bażi ta’ taħriġ tekniku u ġudizzju ta’ espert. Għal elementi ta’ kwalità bioloġika jew idromorfoloġika monitoraġġ irid isir għall-inqas darba matul il-perjodu ta’ monitoraġġ ta’ sorveljanza.

    Għal monitoraġġ operazzjonali, il-frekwenza ta’ monitoraġġ meħtieġa għal kull paramentru trid tkun stabbilita minn Stati Membri sabiex tipprovdi data suffiċenti għal stat ta’ min joqgħod fuqu tal-element ta’ kwalità relevanti. Bħala linja ta’ gwida, monitoraġġ irid jitwettaq f’intervalli li ma’ jeċedux dawk li jidhru fit-tabella hawn taħt sakemm intervalli akbar ma’ jiġux ġustifikati fuq il-bażi ta’ taħriġ tekniku u ġudizzju ta’ espert.

    Frekwenzi jridu jiġu magħżula sabiex jinkiseb livell aċċettabbli ta’ kunfidenza u preċiżjoni. Stimi tal-kunfidenza u preċiżjoni milħuqa mis-sistema ta’ monitoraġġ użata jridu jiġu ddikjarati fil-pjan ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara.

    Frekwenzi ta’ monitoraġġ iridu jiġu magħżula li jieħdu konsiderazzjoni tal-varjabilità fil-parametri li jirriżultaw kemm mill-kundizzjonijiet naturali u wkoll minn dawk antropoġeniċi. Iż-żminijiet ta’ meta jitwettaq monitoraġġ iridu jiġu magħżula sabiex jitnaqqas l-impatt ta’ varjazzjoni tal-istaġuni fuq ir-riżultati, u b’hekk jiżguraw li r-riżultati jirriflettu bdil fil-korp ta’ l-ilma bħala riżultat ta’ bdil minħabba pressjoni antropoġenika. Monitoraġġ addizzjonali matul staġuni differenti tal-istess sena jridu jsiru, fejn meħtieġ, biex jinkiseb dan il-għan.

    Element ta’

    kwalità

    Xmajjar

    Lagi

    Temporanji

    Tal-kosta

    Bioloġikali

    Phytoplankton

    6 xhur

    6 xhur

    6 xhur

    6 xhur

    Flora akkwatika

    oħra

    3 snin

    3 snin

    3 snin

    3 snin

    Makro invertibri

    3 snin

    3 snin

    3 snin

    3 snin

    Ħut

    3 snin

    3 snin

    3 snin

     

    Idromorfoloġikali

    Kontinwitá

    6 snin

     

     

     

    Idroloġija

    Kontinwa

    xhar [xahar] 1

     

     

    Morfoloġija

    6 snin

    6 snin

    6 snin

    6 snin

    Fiżiko-kimiku

    Kundizzjonijiet termali

    3 xhur

    3 xhur

    3 xhur

    3 xhur

    Ossiġenazzjoni

    3 xhur

    3 xhur

    3 xhur

    3 xhur

    Salinitá

    3 xhur

    3 xhur

    3 xhur

     

    Stat nutrienti

    3 xhur

    3 xhur

    3 xhur

    3 xhur

    Stat ta’ aċidifikazzjoni

    3 xhur

    3 xhur

     

     

    Oħrajn

    Kontaminanti oħra

    3 xhur

    3 xhur

    3 xhur

    3 xhur

    Sustanzi prioritarji

    xhar 1

    xhar 1

    xhar 1

    xhar 1

    […]”

    11.

    Il-punt 2.4 tal-Anness V tal-imsemmija direttiva jirrigwarda l-monitoraġġ tal-istat kimiku tal-ilma ta’ taħt l-art u jipprevedi, b’mod partikolari, fil-punt 2.4.1 tiegħu, li “[i]n-networks ta’ monitoraġġ iridu jkunu disinjati sabiex jipprovdu diskrezzjoni koerenti u komprensiva tal-istat kimiku ta’ l-ilma ta’ taħt l-art fi ħdan kull baċin tax-xmara u biex jikxfu l-preżenza ta’ direzzjonijiet il-fuq antropoġenikali imdaħħla għal żmien twil f’kontaminati”.

    B.   Id-dritt Franċiż

    12.

    L-Artikolu L. 212‑1 tal-code de l’environnement (il-Kodiċi tal-Ambjent), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, jistabbilixxi:

    “I. ‐ L-awtorità amministrattiva għandha tiddelimita l-baċini jew gruppi ta’ baċini billi tiddetermina, fejn xieraq, il-korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art u l-ilmijiet marittimi interni u territorjali marbuta magħhom.

    […]

    III. ‐ Kull baċin jew grupp ta’ baċini tax-xmara għandu skema jew diversi skemi ta’ gwida għall-ippjanar u għall-immaniġġjar tal-ilmijiet li jistabbilixxu l-għanijiet imsemmija fil-paragrafu IV ta’ dan l-artikolu u l-linji gwida li jippermettu li jiġu ssodisfatti l-prinċipji previsti fl-Artikoli L. 211–1 u L. 430–1. […]

    IV. ‐ L-għanijiet tal-kwalità u tal-kwantità tal-ilmijiet stabbiliti mill-iskemi gwida għall-ippjanar u għall-immaniġġjar tal-ilma jikkorrispondu:

    1° Għall-ilma tal-wiċċ, bl-eċċezzjoni tal-korpi ta’ ilma artifiċjali jew modifikati ħafna permezz tal-attivitajiet tal-bniedem, ta’ stat ekoloġiku u kimiku tajjeb;

    […]

    4° Għall-prevenzjoni tad-deterjorament tal-kwalità tal-ilmijiet;

    […]

    VII. ‐ Emendi fil-karatteristiċi fiżiċi tal-ilmijiet jew l-eżerċizzju ta’ attivitajiet umani ġodda jistgħu jiġġustifikaw, taħt kundizzjonijiet iddefiniti mid-digriet previst fil-paragrafu XIII, derogi motivati fir-rigward tal-għanijiet imsemmija fil-punti 1 sa 4 tal-paragrafi IV u VI.

    […]

    XI. ‐ Il-programmi u d-deċiżjonijiet amministrattivi fil-qasam tal-ilma għandhom ikunu kompatibbli ma’ jew ikunu magħmula kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-iskemi gwida għall-ippjanar u għall-immaniġġjar tal-ilma.

    […]

    XIII. ‐ Digriet tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) jistabbilixxi l-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu”.

    13.

    L-Artikolu R. 212–13 tal-code de l’environnement (il-Kodiċi tal-Ambjent), kif emendat permezz tad-décret no 2018‑847 (id-Digriet Nru 2018–847) ( 6 ), jiddisponi:

    “Għall-applikazzjoni tal-punt 4 tal-paragrafu IV tal-Artikolu L. 212–1, il-prevenzjoni tad-deterjorament tal-kwalità tal-ilmijiet tikkonsisti f’li jiġi żgurat li:

    għall-istat ekoloġiku u l-potenzjal ekoloġiku tal-ilmijiet tal-wiċċ, l-ebda wieħed mill-elementi ta’ kwalità li jikkaratterizzaw dan l-istat jew dan il-potenzjal ma huwa fi stat li jikkorrispondi għal klassi inferjuri għal dik li tikkaratterizzah preċedentement;

    għall-istat kimiku tal-ilmijiet tal-wiċċ, il-konċentrazzjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu ma jeċċedux l-istandards ta’ kwalità ambjentali meta dawn ma jaqbżuhomx preċedentement;

    […]

    Sabiex tiġi evalwata l-kompatibbiltà tal-programmi u tad-deċiżjonijiet amministrattivi msemmija fil-paragrafu XI tal-Artikolu L. 212–1 mal-għan ta’ prevenzjoni tad-deterjorament tal-kwalità tal-ilma msemmi fil-punt 4 tal-paragrafu IV tal-istess artikolu, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni miżuri għall-evitar u għat-tnaqqis u ma jittiħdux inkunsiderazzjoni l-impatti temporanji għal żmien qasir u mingħajr konsegwenzi fit-tul”.

    III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    14.

    Permezz ta’ rikors u ta’ nota oħra, irreġistrati rispettivament fl‑1 ta’ April 2019 u fit‑22 ta’ Settembru 2020, l-association France Nature Environnement ippreżentat rikors quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) kontra l-Prim Ministru u l-ministre de la Transition écologique et solidaire (il-Ministru għat-Tranżizzjoni Ekoloġika u Solidari) intiż għall-annullament minħabba eċċess ta’ poter tad-Digriet Nru 2018–847 sa fejn dan jipprevedi li jiġi miżjud paragrafu tal-aħħar fl-Artikolu R. 212–13 tal-Kodiċi tal-Ambjent, sabiex tiġi evalwata l-kontabbiltà tal-programmi u tad-deċiżjonijiet amministrattivi adottati fil-qasam tal-ilma bil-għan li jiġi evitat d-deterjorament tal-kwalità tal-ilmijiet, “ma jiġux ikkunsidrati impatti temporanji ta’ tul ta’ żmien qasir u mingħajr konsegwenzi fit-tul” (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjoni kontenzjuża”), kif ukoll id-deċiżjoni impliċita li tirriżulta mir-rifjut tal-Prim Ministru li jilqa’ t-talba tagħha għall-irtirar ta’ din id-dispożizzjoni.

    15.

    Insostenn tar-rikors tagħha, din l-assoċjazzjoni sostniet li d-dispożizzjoni kontenzjuża tikser id-Direttiva 2000/60, b’mod partikolari l-Artikolu 4(1) tagħha, li jipprojbixxi kull deterjorament, kemm jekk temporanju jew fit-tul, tal-istat tal-korpi ta’ ilma.

    16.

    Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, fis-sentenza tagħha tal‑1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland (C‑461/13, EU:C:2015:433) ( 7 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 4(1)(a)(i) sa (iii) tad-Direttiva 2000/60 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri huma obbligati, bla ħsara għall-għoti ta’ deroga, li jirrifjutaw l-awtorizzazzjoni ta’ proġett partikolari meta dan jista’ jikkawża deterjorament tal-istat ta’ korp ta’ ilma tal-wiċċ jew meta dan jikkomprometti l-kisba ta’ stat tajjeb tal-ilmijiet tal-wiċċ jew ta’ potenzjal ekoloġiku tajjeb u ta’ stat kimiku tajjeb ta’ tali ilmijiet fid-data prevista minn din id-direttiva.

    17.

    Skont il-qorti tar-rinviju, mid-Direttiva 2000/60 jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jirrifjutaw l-awtorizzazzjoni ta’ proġett partikolari meta dan, b’mod partikolari, jista’ jikkawża deterjorament tal-istat ta’ korp ta’ ilma tal-wiċċ, bla ħsara għaż-żewġ każijiet ta’ derogi li din id-direttiva tipprevedi fil-paragrafi 6 u 7 tal-Artikolu 4 tagħha.

    18.

    Quddiem din il-qorti, il-Ministru għat-Tranżizzjoni Ekoloġika u Solidari sostniet li d-dispożizzjoni kontenzjuża ma taqax taħt id-deroga prevista fil-paragrafu 6 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60, li għandha tirriżulta minn ċirkustanzi dovuti għal kawżi naturali jew ta’ forza maġġuri, iżda minn dik imsemmija fil-paragrafu 7 ta’ dan l-artikolu, li teskludi mill-kamp ta’ ksur ta’ din id-direttiva d-deterjoramenti tal-istat ta’ korp ta’ ilma li jirriżultaw minn attivitajiet ġodda ta’ żvilupp uman sostenibbli peress li l-erba’ kundizzjonijiet imsemmija f’dan il-paragrafu huma kumulattivament issodisfatti. L-imsemmi ministru pproduċiet, f’dan ir-rigward, dokument imħejji mill-amministrazzjonijiet ikkonċernati tal-Istati Membri u mill-Kummissjoni Ewropea, matul ix-xahar ta’ Diċembru 2017, li jgħid li meta tali attivitajiet ikollhom biss impatt temporanju ta’ tul qasir fuq l-istat ta’ korp ta’ ilma u mingħajr konsegwenzi fit-tul, dawn jistgħu jkunu s-suġġett ta’ awtorizzazzjoni mingħajr ma din tkun suġġetta għall-osservanza tal-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(7) tal-imsemmija direttiva.

    19.

    Huwa f’dawn il-kundizzjonijiet li l-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċedura u li jagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)

    L-Artikolu 4 tad-Direttiva [2000/60] għandu jkun interpretat bħala li jippermetti lill-Istati Membri, meta jawtorizzaw programm jew proġett, li ma jikkunsidrawx l-impatti temporanji tagħhom fuq żmien qasir u mingħajr konsegwenzi fit-tul fuq l-istat tal-ilma tal-wiċċ?

    2)

    Fl-affermattiv, liema kundizzjonijiet għandhom jissodisfaw dawn il-programmi u l-proġetti fis-sens tal-Artikolu 4 tad-Direttiva [2000/60] u b’mod partikolari tal-paragrafi 6 u 7 tiegħu?”

    20.

    Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-association France Nature Environnement, mill-Gvern Franċiż, mill-Gvern Ċek u mill-Gvern Olandiż, kif ukoll mill-Kummissjoni. L-association France Nature Environnement, il-Gvern Franċiż u l-Gvern Olandiż, kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw ukoll osservazzjonijiet orali waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali li nżammet fit‑28 ta’ Ottubru 2021.

    IV. Analiżi

    21.

    Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60 għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-Istati Membri, meta jevalwaw il-kompatibbiltà ta’ programm jew ta’ proġett partikolari mal-għan ta’ prevenzjoni tad-deterjorament tal-kwalità tal-ilma, li ma jiħdux inkunsiderazzjoni l-impatti temporanji għal żmien qasir u mingħajr konsegwenzi fit-tul fuq l-istat ta’ korp ta’ ilma tal-wiċċ u, jekk ikun il-każ, ir-rekwiżiti li dan il-programm jew proġett għandu jissodisfa sabiex jiġi awtorizzat fir-rigward tal-paragrafi 6 u 7 ta’ dan l-Artikolu 4.

    22.

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2000/60 hija direttiva-qafas adottata abbażi tal-Artikolu 175(1) KE (li sar l-Artikolu 192(1) TFUE). Hija tistabbilixxi l-prinċipji komuni u qafas globali ta’ azzjoni għall-protezzjoni tal-ilmijiet u tiżgura l-koordinament, l-integrazzjoni, kif ukoll, għal medda itwal ta’ żmien, l-iżvilupp tal-prinċipji ġenerali u tal-istrutturi li jippermettu l-protezzjoni u użu ekoloġikament vijabbli tal-ilma fl-Unjoni. Il-prinċipji komuni u l-qafas globali ta’ azzjoni għandhom jiġu żviluppati sussegwentement mill-Istati Membri billi jadottaw miżuri partikolari skont it-termini previsti minn din id-direttiva. Madankollu, din tal-aħħar ma tipprevedix armonizzazzjoni totali tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri fil-qasam tal-ilma ( 8 ).

    23.

    Skont l-Artikolu 1(a) tal-imsemmija direttiva, din għandha l-għan li tistabbilixxi qafas għall-protezzjoni tal-ilmijiet tal-wiċċ interni, ilmijiet temporanji, ilmijiet tal-kosta u ilmijiet ta’ taħt l-art, li jipprevjenu kwalunkwe deterjorament addizzjonali, jippreżervaw u jtejbu l-istat tal-ekosistemi akwatiċi kif ukoll, għal dak li jirrigwarda l-bżonnijiet tagħhom tal-ilma, ekosistemi terrestri u artijiet mistagħdra li jiddependu direttament minnhom.

    24.

    Preliminarjament, nirrileva li, fl-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju ssemmi l-istat tal-“ilma tal-wiċċ”. Għaldaqstant, l-analiżi li ġejja ser tirrigwarda l-“ilma tal-wiċċ”, kif iddefinit fil-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/60.

    25.

    F’dan ir-rigward, l-Artikolu 4(1)(a)(i) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi li, billi l-programmi ta’ miżuri previsti fil-pjan ta’ mmaniġġjar tad-distrett tal-baċin tax-xmara jsiru operattivi għal dak li jirrigwarda l-ilmijiet tal-wiċċ, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw il-miżuri neċessarji sabiex jipprevjenu d-deterjorament tal-istat tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ kollha, bla ħsara għall-applikazzjoni tal-paragrafi 6 u 7 ta’ dan l-artikolu u bla ħsara għall-paragrafu 8 tal-imsemmi artikolu.

    26.

    Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2000/60 ma jillimitax ruħu li jistabbilixxi biss, skont formulazzjoni programmatika, għanijiet sempliċi ta’ ppjanar ta’ ġestjoni, iżda jimponi obbligu li jiġi prekluż id-deterjorament tal-istat tal-korpi ta’ ilma li jkollu effetti vinkolanti fuq l-Istati Membri, ladarba jiġi ddeterminat l-istat ekoloġiku tal-korp ta’ ilma kkonċernat, f’kull stadju tal-proċedura stabbilita minn din id-direttiva ( 9 ).

    27.

    Fi kliem ieħor, L-Artikolu 4 tad-Direttiva ma jinkludix biss obbligi ta’ ppjanar fit-tul previsti mill-pjanijiet ta’ ġestjoni u programmi ta’ miżuri, iżda jikkonċerna wkoll proġetti partikolari li għalihom tapplika wkoll il-projbizzjoni ta’ deterjorament tal-istat tal-korpi ta’ ilma ( 10 ). Għaldaqstant, l-Istat Membru kkonċernat huwa obbligat jirrifjuta l-awtorizzazzjoni ta’ proġett meta dan tal-aħħar ikun ta’ natura li jikkawża deterjorament tal-istat tal-korp ta’ ilma kkonċernat jew li jikkomprometti li jintlaħaq “stat tajjeb” tal-korpi ta’ ilma tal-wiċċ jew tal-qiegħ, bla ħsara għad-derogi previsti wkoll fl-Artikolu 4 ( 11 ).

    28.

    Għaldaqstant, matul il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ proġett, u għalhekk qabel it-teħid ta’ deċiżjoni, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti huma obbligati, skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60, li jikkontrollaw jekk dan il-proġett jistax iwassal għal effetti negattivi fuq l-ilma li jkunu kuntrarji għall-obbligi ta’ prevenzjoni tad-deterjorament u ta’ titjib tal-istat tal-korpi ta’ ilma tal-wiċċ u ta’ taħt l-art. Konsegwentement, din id-dispożizzjoni tipprekludi li tali kontroll iseħħ biss wara dan il-mument ( 12 ).

    29.

    Il-kunċett ta’ “deterjorament tal-istat” ta’ korp ta’ ilma tal-wiċċ ma huwiex definit f’din id-direttiva ( 13 ). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja pprovdiet kjarifiki importanti fir-rigward tal-kriterji biex jiġi konkluż li l-kundizzjoni ta’ korp ta’ ilma ddeterjorat. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk irrilevat li mill-istruttura tal-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, u b’mod partikolari mill-paragrafi 6 u 7 tiegħu, jirriżulta li d-deterjoramenti tal-istat ta’ korp ta’ ilma, anki jekk tranżitorji, huma awtorizzati biss taħt kundizzjonijiet stretti. Minn dan isegwi li l-limitu li lil hinn minnu huwa kkonstatat ksur tal-obbligu ta’ prevenzjoni tad-deterjorament tal-istat ta’ korp ta’ ilma għandu jkun baxx kemm jista’ jkun ( 14 ).

    30.

    F’dan ir-rigward, il-kunċett ta’ “deterjorament tal-istat” ta’ korp ta’ ilma tal-wiċċ, imsemmi fl-Artikolu 4(1)(a)(i) tad-Direttiva 2000/60, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkun hemm deterjorament meta l-istat ta’ mill-inqas wieħed mill-elementi ta’ kwalità, imsemmija fl-Anness V ta’ din id-direttiva ( 15 ), jiġi ddegradat bi klassi, anki jekk din id-degradazzjoni ma twassalx għal degradazzjoni tal-klassifikazzjoni, kollha kemm hi, tal-korp ta’ ilma inkwistjoni. Madankollu, jekk l-element ta’ kwalità kkonċernat ikun diġà jinsab fil-klassi l-iktar baxxa, kull degradazzjoni ta’ dan l-element tikkostitwixxi “deterjorament tal-istat” ta’ korp ta’ ilma tal-wiċċ, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni ( 16 ).

    31.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, bla ħsara għall-għoti ta’ deroga, kull deterjorament tal-istat ta’ korp ta’ ilma għandu jiġi evitat, indipendentement mill-ippjanar fit-tul previsti mill-pjanijiet ta’ ġestjoni u programmi ta’ miżuri, u li l-obbligu ta’ prevenzjoni tad-deterjorament tal-istat tal-korpi ta’ ilma tal-wiċċ jibqa’ vinkolanti f’kull stadju tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2000/60 u huwa applikabbli għal kull tip u għal kull stat tal-korp ta’ ilma tal-wiċċ li għalih ġie adottat jew kellu jiġi adottat pjan ta’ mmaniġġjar ( 17 ). Barra minn hekk, il-kunċett ta’ “deterjorament tal-istat” tal-ilma għandu jiġi interpretat b’riferiment kemm għal element ta’ kwalità kif ukoll għal sustanza. Għalhekk, l-obbligu li jiġi prekluż id-deterjorament tal-istat ta’ korp ta’ ilma jżomm l-effett utli kollu tiegħu, bil-kundizzjoni li jinkludi kull bidla li tista’ tikkomprometti t-twettiq tal-għan prinċipali ta’ din id-direttiva ( 18 ).

    32.

    Għalhekk mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, minn naħa, skont l-imsemmija direttiva, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti huma obbligati, matul il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ programm jew ta’ proġett partikolari, li jivverifikaw jekk dan jistax iwassal għal deterjorament tal-istat tal-korpi ta’ ilma tal-wiċċ ikkonċernati. Min-naħa l-oħra, id-deterjoramenti kollha tal-istat ta’ korp ta’ ilma, kif iddeterminati mill-Qorti tal-Ġustizzja, huma msemmija, inklużi dawk li huma ta’ natura tranżitorja.

    33.

    Ċertament, l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “deterjorament” tal-istat ta’ korp ta’ ilma adottata b’mod partikolari mill-Qorti tal-Ġustizzja, bl-Awla Manja bħala l-kulleġġ ġudikanti, fis-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland (C‑461/13, EU:C:2015:433), tista’ tidher eżiġenti għall-Istati Membri, li ma jistgħux jawtorizzaw programm jew proġett ħlief taħt kundizzjonijiet stretti, inkluż fil-każ fejn id-deterjorament jista’ jkun għal żmien qasir ( 19 ). Madankollu, kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza, tali interpretazzjoni tirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 4(1)(a)(i) tad-Direttiva 2000/60 u mill-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni ( 20 ).

    34.

    F’dan il-każ, id-dispożizzjoni kontenzjuża tipprovdi li, sabiex tiġi evalwata l-kompatibbiltà tal-programmi u tad-deċiżjonijiet amministrattivi fil-qasam tal-ilma mal-għan ta’ prevenzjoni tad-deterjorament tal-kwalità tal-ilma, “ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni l-impatti temporanji għal żmien qasir u mingħajr konsegwenzi fit-tul” ( 21 ).

    35.

    Tali impatti jista’ jieħdu forom differenti iżda, fir-rigward tad-Direttiva 2000/60, il-kriterju ta’ referenza huwa l-eżistenza jew le ta’ deterjorament tal-istat tal-korp ta’ ilma kkonċernat.

    36.

    Jirriżulta mid-dispożizzjoni kontenzjuża li n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-impatti temporanji għal żmien qasir u mingħajr konsegwenzi fit-tul iseħħ fl-istadju tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ programm jew ta’ proġett. Din id-dispożizzjoni hija bbażata fuq l-idea li tali impatti jista’ jkollhom effetti mhux sinjifikattivi ( 22 ) fuq l-istat tal-korp ta’ ilma tal-wiċċ ikkonċernat. Madankollu, ma jidhirlix li s-sens li għandu jingħata lill-imsemmija dispożizzjoni huwa ovvju.

    37.

    Skont l-ewwel interpretazzjoni possibbli tad-dispożizzjoni kontenzjuża, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jikkunsidraw, prima facie u mingħajr kontroll effettiv, li ċerti programmi jew proġetti, fid-dawl tal-karatteristiċi tagħhom, ma jwasslux għal deterjorament tal-istat tal-korp ta’ ilma tal-wiċċ ikkonċernat. F’dan is-sens, din id-dispożizzjoni tinkludi petizzjoni ta’ prinċipju li skontha, ipotetikament, ma teżistix, għal dawn il-programmi jew dawn il-proġetti, konsegwenza negattiva fuq l-istat ta’ dan il-korp ta’ ilma. F’dan ir-rigward, kif irrilevat l-association France Nature Environnement waqt is-seduta, l-imsemmija dispożizzjoni ma tistabbilixxix bħala kundizzjoni analiżi tal-effetti ta’ programm jew ta’ proġett fuq mill-inqas wieħed mill-elementi ta’ kwalità, imsemmija fl-Anness V tad-Direttiva 2000/60, li jiddeterminaw il-klassifikazzjoni tal-korp ta’ ilma kkonċernat. Għalkemm din l-interpretazzjoni hija dik segwita mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, jidhirli li toħloq problema minn perspettiva kunċettwali. Fil-fatt, kif għandu jiġi ddeterminat, mingħajr kontroll effettiv, li l-effetti ta’ programm jew ta’ proġett ma humiex sinjifikattivi fuq l-istat tal-korp ta’ ilma?

    38.

    Għalhekk, tali interpretazzjoni ma tkunx konformi mad-Direttiva 2000/60 ( 23 ). Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Istati Membri, matul il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ proġett, huma obbligati, skont l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, li jivverifikaw jekk il-proġett jistax iwassal għal deterjorament fl-istat ta’ korp ta’ ilma, anki temporanju ( 24 ). Għalhekk, il-programmi u l-proġetti kollha għandhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni effettiva tal-effetti li jista’ jkollhom fuq l-istat tal-korp ta’ ilma kkonċernat.

    39.

    Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Franċiż ma indikax b’mod espliċitu l-interpretazzjoni mogħtija lid-dispożizzjoni kontenzjuża. Dan il-gvern jirrileva, fil-fatt, li, “madankollu”, fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, l-effetti kollha fuq l-ilma li jippreżenta proġett partikolari, kemm jekk jirrigwardaw l-impatti temporanji għal żmien qasir u mingħajr konsegwenzi fit-tul jew ukoll riskji ta’ deterjorament tal-istat tal-korpi ta’ ilma, għandhom jiġu analizzati fid-dettall fl-istudji mehmuża mal-fajl tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tal-proġett inkwistjoni. Barra minn hekk, kull proġett ikun akkumpanjat minn miżuri intiżi sabiex jillimitaw l-impatti tiegħu b’mod partikolari fuq l-istat tal-korpi ta’ ilma, mill-ħolqien tiegħu sat-twettiq tiegħu.

    40.

    Madankollu, ma jidhirx b’mod ċar jekk, fiha nnifisha, id-dispożizzjoni kontenzjuża timponix din l-analiżi jew jekk, għall-kuntrarju, din id-dispożizzjoni teżentax lill-awtoritajiet nazzjonali minn tali analiżi u li din tirriżulta minn dispożizzjonijiet oħra tad-dritt nazzjonali. Issa, peress li saret domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-konformità tad-dispożizzjoni kontenzjuża mad-Direttiva 2000/60, huwa importanti li jsir magħruf is-sens eżatt tagħha.

    41.

    F’dan ir-rigward, skont il-ġurisprudenza stabbilita, il-qorti tar-rinviju hija l-unika waħda li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tal-kawża li għandha quddiemha kif ukoll tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali ( 25 ). Għalhekk, hija din il-qorti li għandha tivverifika liema interpretazzjoni tad-dispożizzjoni kontenzjuża hija segwita mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Fl-ipoteżi fejn din l-interpretazzjoni tikkonsisti f’li ma jsirx, fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, kontroll effettiv tal-effetti ta’ programm jew ta’ proġett fuq l-istat tal-korp ta’ ilma kkonċernat minħabba li dawn l-effetti huma preżunti li ma humiex sinjifikattivi, jiena tal-opinjoni, kif diġà indikat, li tali interpretazzjoni ma hijiex konformi mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60.

    42.

    Għall-kuntrarju, fil-każ fejn tiġi applikata t-tieni interpretazzjoni possibbli tad-dispożizzjoni kontenzjuża, jiġifieri li din timplika, matul il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, li jitwettaq kontroll effettiv tal-effetti ta’ programm jew ta’ proġett fuq l-istat tal-korp ta’ ilma tal-wiċċ ikkonċernat, l-analiżi għandha tiġi mbuttata iktar ’il bogħod.

    43.

    Id-diffikultà ta’ dan il-kontroll ġejja mill-fatt li huwa bbażat fuq evalwazzjoni minn qabel tal-effetti tal-programm jew tal-proġett inkwistjoni fuq l-istat tal-korp ta’ ilma tal-wiċċ, essenzjalment diffiċli li jiġu ddeterminati, speċjalment peress li korp ta’ ilma huwa sistema dinamika, li l-istat tagħha jista’ jevolvi maż-żmien, anki mingħajr intervent mill-bniedem. Din id-diffikultà li tirriżulta, mid-definizzjoni tagħha stess, għal kull studju tal-impatt ambjentali timplika li l-imsemmi kontroll għandu jkun ibbażat fuq mudelli xjentifiċi stabbiliti minn qabel.

    44.

    Għaldaqstant, kif irrilevat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, hija għandha tieħu l-forma ta’ eżami ddettaljat u motivat, ibbażat fuq kalkoli, tekniki ta’ mmudellar jew stimi li jippermettu li jkun hemm viżjoni suffiċjentement preċiża tal-effetti tal-programm jew tal-proġett ratione temporis u fl-ispazju fuq l-istat tal-korp ta’ ilma tal-wiċċ ikkonċernat, fid-dawl tal-karatteristiċi u tal-istat tiegħu qabel l-eżekuzzjoni ta’ dan il-programm jew ta’ dan il-proġett ( 26 ). L-istess kontroll għandu jieħu inkunsiderazzjoni kull ċirkustanza oħra rilevanti, bħall-eżistenza ta’ eventwali effetti kumulattivi ta’ diversi programmi jew proġetti jew tal-preżenza ta’ diversi korpi ta’ ilma tal-wiċċ li huma affettwati, sabiex jiġu ssodisfatti l-għanijiet ambjentali ddefiniti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60.

    45.

    Fil-każ fejn, wara l-eżami tagħhom, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jaslu għall-konklużjoni li l-programm jew il-proġett ikkonċernat jista’ jwassal biss għal effetti mhux sinjifikattivi u reversibbli fuq l-istat tal-korp ta’ ilma tal-wiċċ u li, minn dan il-fatt, ma jirriżultax f’“deterjorament”, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a)(i) tad-Direttiva 2000/60, dan il-programm u dan il-proġett jistgħu jiġu awtorizzati fir-rigward ta’ din id-direttiva.

    46.

    Għall-kuntrarju, jekk l-eżami mwettaq mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jwassalhom sabiex jikkunsidraw li l-programm jew il-proġett eżaminat jista’ jwassal għal “deterjorament” tal-istat tal-korp ta’ ilma tal-wiċċ ikkonċernat, għandhom jiġu applikati derogi previsti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60 ( 27 ).

    47.

    Kif jista’ jiġi ddeterminat jekk “deterjorament” tal-istat ta’ korp ta’ ilma, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a)(i) ta’ din id-direttiva, tistax isseħħ fid-dawl tal-impatti temporanji għal żmien qasir u mingħajr konsegwenzi fit-tul imsemmija fid-dispożizzjoni kontenzjuża? ( 28 )

    48.

    Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, sabiex jiġi evalwat dak li jikkostitwixxi impatt temporanju għal żmien qasir li ma jwassalx għal “deterjorament”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, il-frekwenzi ta’ kontroll indikati fit-tabella li tinsab fil-punt 1.3.4 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60, li għaliha jirreferi l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, jistgħu jservu ta’ riferiment għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti msejħa jawtorizzaw proġett partikolari. Għalhekk, dawn l-awtoritajiet jistgħu jikkunsidraw li deterjorament ad hoc u li eżawrixxa l-effetti kollha tiegħu, jiġifieri li fi tmiemu l-element ta’ kwalità affettwat reġa’ sab l-istat preċedenti tiegħu f’intervall inferjuri għal dawn il-frekwenzi jista’ ma jikkostitwixxix “deterjorament” fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a)(i) tal-imsemmija direttiva.

    49.

    Ma iniex konvint b’dan l-argument. Fil-fatt, minn naħa, id-Direttiva 2000/60 ma tistabbilixxi ebda distinzjoni skont jekk “deterjorament” hijiex għal żmien qasir jew għal żmien twil. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 4(6) ta’ din id-direttiva jsemmi d-deterjorament “temporanju” tal-istat tal-korpi ta’ ilma, li jfisser li dan it-tip ta’ deterjorament huwa wkoll kopert mill-imsemmija direttiva. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment għad-deterjoramenti anki tranżitorji ( 29 ), jiġifieri temporanji. Fi kliem ieħor, id-deterjoramenti temporanji jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(1)(a)(i) tal-istess direttiva.

    50.

    Min-naħa l-oħra, minn perspettiva prattika, il-punt 1.3.4 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60 jistabbilixxi li, matul il-perijodu tal-monitoraġġ ta’ sorveljanza, il-parametri indikattivi tal-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika għandhom jiġu kkontrollati skont frekwenzi differenti. Xi wħud huma ta’ xahar, bħal tas-sustanzi prijoritarji, oħrajn huma ta’ tliet snin, pereżempju għall-makro-invertibri u l-ħut, u oħrajn imorru sa sitt snin, jiġifieri għall-“kontinwità” u għall-“morfoloġija”. Fir-rigward ta’ dawn l-aħħar żewġ elementi ta’ kwalità, il-kriterju ratione temporis li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk jirriżultax deterjorament għalhekk huwa ta’ sitt snin ( 30 ). Ma narax kif deterjorament bħal dan jista’ jiġi kkwalifikat bħala “temporanju għal tul ta’ żmien qasir”.

    51.

    Fi kliem ieħor, ir-riferiment għall-frekwenzi ta’ kontroll imsemmija fil-punt 1.3.4 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60 ma jidhirlix li huwa kriterju rilevanti sabiex jiġi evalwat deterjorament tal-istat ta’ korp ta’ ilma tal-wiċċ, minkejja li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-livell li lil hinn minnu huwa kkonstatat ksur tal-obbligu ta’ prevenzjoni tad-deterjorament tal-istat ta’ korp ta’ ilma għandu jkun kemm jista’ jkun baxx u li dan l-obbligu jinkludi kull bidla li tista’ tikkomprometti t-twettiq tal-għan prinċipali ta’ din id-direttiva ( 31 ).

    52.

    Fi kwalunkwe każ, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li l-leġiżlazzjoni Franċiża rilevanti tirreferi għall-frekwenzi ta’ kontroll previsti fl-Anness V tal-imsemmija direttiva.

    53.

    Barra minn hekk, il-Gvern Olandiż isostni li, fl-applikazzjoni tal-istess direttiva, l-ewwel nett, iċ-ċiklu, il-frekwenza u l-punti ta’ monitoraġġ jintgħażlu b’mod li d-data ta’ kejl tipprovdi stampa rappreżentattiva u affidabbli tal-istat ta’ element ta’ kwalità jew ta’ sustanza fil-korp ta’ ilma tal-wiċċ kollu. Sussegwentement, id-data miksuba f’kull punt ta’ monitoraġġ tiġi kkonvertita f’valur uniku, li huwa aggregat kemm fuq livell spazjali kif ukoll fuq il-livell temporali. Fl-aħħar nett, element ta’ kwalità jew sustanza f’korp ta’ ilma huwa kklassifikat permezz ta’ evalwazzjoni tal-valur ikkalkolat u aggregat ta’ dan l-element ta’ kwalità jew ta’ din is-sustanza fid-dawl tar-regoli ta’ klassifikazzjoni previsti mid-Direttiva 2000/60.

    54.

    F’dan ir-rigward, nosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li mir-rwol u mill-importanza ta’ kull sit ta’ kontroll fis-sistema ta’ monitoraġġ tal-kwalità tal-ilma ta’ taħt l-art stabbilita mid-Direttiva 2000/60, b’mod partikolari fil-punt 2.4 tal-Anness V tagħha, jirriżulta li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ element ta’ kwalità f’punt wieħed ta’ monitoraġġ huwa biżżejjed sabiex ikun hemm lok li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ deterjorament tal-istat ta’ korp ta’ ilma ta’ taħt l-art, fis-sens tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, konformement mal-punt 2.4 tal-Anness V tal-imsemmija direttiva, il-post tal-punti ta’ monitoraġġ għandu jipprovdi stampa koerenti u globali tal-istat kimiku tal-ilma ta’ taħt l-art ta’ kull distrett tal-baċin tax-xmara. Għal dan il-għan, huma previsti diversi kriterji f’din id-dispożizzjoni għall-għażla tas-siti ta’ kontroll li, kif jikkonferma l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2006/118/KE ( 32 ), għandhom jipprovdu data ta’ kontroll rappreżentattiva. Għalhekk, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ element ta’ kwalità f’punt wieħed ta’ monitoraġġ jindika l-eżistenza, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(b)(i) tad-Direttiva 2000/60, ta’ deterjorament tal-istat kimiku ta’ mill-inqas parti sinjifikattiva ta’ korp ta’ ilma ta’ taħt ( 33 ).

    55.

    Il-Kummissjoni indikat, waqt is-seduta, li, fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija ma tarax kif tibdil għal żmien qasir u kompletament reversibbli jista’ jiġi kklassifikat bħala suffiċjentement rappreżentattiv u sinjifikattiv tal-istat ta’ korp ta’ ilma tal-wiċċ.

    56.

    Ċertament, l-imsemmija ġurisprudenza tirrigwarda l-ilma ta’ taħt l-art u l-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għall-punt 2.4 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60, li jgħid li n-netwerk ta’ monitoraġġ għandu jkun maħsub b’mod li jipprovdi stampa koerenti u globali tal-istat kimiku tal-ilma ta’ taħt l-art ta’ kull distrett tal-baċin tax-xmara u li jippermetti li tiġi skoperta l-preżenza ta’ tendenzi ta’ żieda fit-tul tat-tniġġis ikkawżat mill-attività antropoġenika.

    57.

    Madankollu, bl-istess mod, fir-rigward tal-ilma tal-wiċċ, il-punt 1.3 tal-Anness V ta’ din id-direttiva jipprovdi li “in-networks ta’ monitoraġġ ta’ l-ilma tal-wiċċ iridu jitwaqqfu bi qbil mal-ħtiġiet ta’ l-Artikolu 8. In-networks ta’ monitoraġġ iridu jiġu disinjati sabiex jipprovdu diskrezzjoni koerenti u komprensiva ta’ stat ekoloġiku u kimiku fi ħdan kull baċin tax-xmara u jridu jippermettu klassifikazzjoni ta’ korpi ta’ l-ilma f’ħames klassijiet konsistenti mad-definizzjonijiet normattivi f’sezzjoni 1.2” ( 34 ). Il-punt 1.3.1 ta’ dan l-anness jispeċifika li l-kontroll isir f’punti rappreżentattivi tad-distrett tal-baċin tax-xmara fir-rigward tar-rata tat-tnixxija u l-volum tal-ilma preżenti.

    58.

    Barra minn hekk, il-premessa 33 tad-Direttiva 2000/60 tiddikjara li l-miżuri dwar l-ilma tal-wiċċ u tal-ilmijiet ta’ taħt l-art li jappartjenu għall-istess sistema ekoloġika u idroloġika għandhom jiġu kkoordinati. Issa, tali koordinazzjoni ma hijiex żgurata jekk issir distinzjoni bejn ir-rappreżentattività tal-punti ta’ monitoraġġ tal-kwalità tal-ilma ta’ taħt l-art u dik tal-ilma tal-wiċċ.

    59.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena tal-fehma li l-ġurisprudenza dwar il-modalitajiet li jippermettu l-evalwazzjoni ta’ deterjorament kimiku tal-istat tal-ilma ta’ taħt l-art hija trasponibbli għall-ilmijiet tal-wiċċ. Għalhekk, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ element ta’ kwalità f’punt wieħed ta’ monitoraġġ jindika l-eżistenza, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a)(i) tad-Direttiva 2000/60, ta’ deterjorament tal-istat ta’ mill-inqas parti sinjifikattiva ta’ korp ta’ ilma tal-wiċċ.

    60.

    Inżid li, waqt is-seduta, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi sostna li d-dinamika ta’ korp ta’ ilma tal-wiċċ hija ħafna ikbar minn dik ta’ korp ta’ ilma ta’ taħt l-art u li fatturi naturali u umani jeżerċitaw influwenza, bħax-xita, in-nixfa, it-temperatura, in-navigazzjoni jew l-attivitajiet rikreattivi. Minħabba din id-dinamika, l-istat ta’ korp ta’ ilma tal-wiċċ ma jistax jiġi ddeterminat fuq il-bażi ta’ miżura waħda f’mument preċiż.

    61.

    Madankollu, infakkar li l-kontroll li għandhom iwettqu l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti huwa ta’ natura preliminari u għandu jkun ibbażat fuq mudelli xjentifiċi stabbiliti minn qabel ( 35 ). F’dan il-kuntest, dawn l-awtoritajiet għandhom jeżaminaw l-effetti tal-programm jew tal-proġett ikkonċernat u jiddeterminaw sa fejn dawn, fihom infushom, iwasslu għal deterjorament tal-istat tal-korp ta’ ilma, indipendentement mid-dinamika ta’ dan il-korp ta’ ilma.

    62.

    Peress li jista’ jseħħ “deterjorament”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, tal-istat ta’ korp ta’ ilma tal-wiċċ, għandu jsir riferiment għad-derogi previsti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60.

    63.

    F’dan ir-rigward, l-Artikolu 4(6) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi li d-deterjorament temporanju tal-istat tal-korpi tal-ilma ma għandux jitqies bħala ksur tar-rekwiżiti tal-imsemmija direttiva jekk dan jirriżulta minn ċirkustanzi dovuti għal kawżi naturali jew forza maġġuri, li huma eċċezzjonali jew li ma setgħux raġonevolment jiġu previsti – b’mod partikolari l-għargħar gravi u t-tnixxif imtawwla – jew ċirkustanzi dovuti għal inċidenti li ma setgħux raġonevolment jiġu previsti, jekk jiġu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet.

    64.

    Fi kliem ieħor, din id-deroga tapplika a posteriori u tikkonċerna kawżi fortuwiti ta’ deterjorament. Kif irrileva ġustament il-Gvern Franċiż, id-deterjorament tal-istat ta’ korp ta’ ilma li programm jew proġett jista’ jikkawża ma jaqax, mid-definizzjoni, fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

    65.

    Barra minn hekk, l-Artikolu 4(7) tad-Direttiva 2000/60 jipprevedi li l-Istati Membri ma jwettqux ksur ta’ din id-direttiva meta l-fatt li ma jiġix stabbilit mill-ġdid l-istat tajjeb ta’ ilma ta’ taħt l-art, l-istat ekoloġiku tajjeb jew, jekk ikun il-każ, il-potenzjal ekoloġiku tajjeb jew li ma jfixklux id-deterjorament tal-istat ta’ korp ta’ ilma tal-wiċċ jew ta’ ilma ta’ taħt l-art jirriżulta minn modifiki ġodda tal-karatteristiċi fiżiċi tal-korp ta’ ilma tal-wiċċ jew tibdil fil-livell tal-korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art. Bl-istess mod, ebda ksur ma jista’ jiġi invokat fil-konfront tal-Istati Membri meta n-nuqqas li jiġi evitat id-deterjorament minn stat tajjeb ħafna għal stat tajjeb tal-ilma tal-wiċċ jirriżulta minn attivitajiet ġodda ta’ żvilupp uman sostenibbli ( 36 ).

    66.

    Fi kliem ieħor, din id-dispożizzjoni tapplika għal modifiki ġodda, alterazzjonijiet jew attivitajiet ġodda ta’ żvilupp sostenibbli, bla ħsara għall-osservanza ta’ ċerti kriterji u kundizzjonijiet ( 37 ), fir-rigward tal-programmi u tal-proġetti.

    67.

    Għalhekk, meta proġett jista’ jwassal għal effetti negattivi għall-ilma, dan jista’ jiġi awtorizzat biss jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(7)(a) sa (d) tad-Direttiva 2000/60 ikunu ssodisfatti. Huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, sabiex jawtorizzaw proġett, li għandhom jistħarrġu li dawn il-kundizzjonijiet huma ssodisfatti qabel ma tingħata tali awtorizzazzjoni, bla ħsara għal eventwali stħarriġ ġudizzjarju ( 38 ).

    68.

    Skont il-Gvern Franċiż, jekk jitqies li impatti temporanji għal żmien qasir u mingħajr konsegwenzi fit-tul għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni u jistgħu, għaldaqstant, jiġġustifikaw ir-rifjut tal-awtorizzazzjoni tal-programm jew tal-proġett inkwistjoni, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60 jitilfu l-koerenza. Fil-fatt, filwaqt li l-programmi jew il-proġetti li jistgħu jikkawżaw deterjorament tal-istat tal-korp ta’ ilma tal-wiċċ jistgħu jingħataw awtorizzazzjoni abbażi tal-Artikolu 4(7) ta’ din id-direttiva, dawk li jikkawżaw biss impatti temporanji għal żmien qasir u mingħajr konsegwenzi fit-tul jistgħu, għal din ir-raġuni, jiġu pprojbiti, mingħajr ma l-istess dispożizzjonijiet jipprevedu, fir-rigward tagħhom, il-possibbiltà ta’ awtorizzazzjoni derogatorja. Tali interpretazzjoni twassal għalhekk sabiex paradossalment tiġi suġġetta għas-sistema ta’ projbizzjoni l-inqas stretta, peress li tinkludi derogi, il-programmi jew il-proġetti li huma madankollu l-uniċi li jistgħu jikkawżaw deterjorament tal-istat tal-korp ta’ ilma tal-wiċċ ikkonċernat.

    69.

    Jien ma naqbilx ma’ dan l-argument. Fil-fatt, il-programmi jew il-proġetti kollha huma suġġetti għall-istess sistema legali jekk jistgħu jwasslu għal “deterjorament” tal-istat tal-korp ta’ ilma tal-wiċċ ikkonċernat. Għalhekk, anki programmi jew proġetti li l-impatti tagħhom huma temporanji għal żmien qasir u mingħajr konsegwenzi fit-tul, iżda li jwasslu għal tali deterjorament, jistgħu jingħataw deroga skont l-Artikolu 4(7) tad-Direttiva 2000/60.

    70.

    Konsegwentement, proġetti li jistgħu jwasslu għal żmien qasir għal effetti negattivi fuq l-istat tal-korp ta’ ilma tal-wiċċ, bħalma huma operazzjonijiet ta’ rinaturalizzazzjoni, li jkunu ta’ natura pożittiva għall-protezzjoni tal-ambjent, jistgħu jibbenefikaw minn din id-deroga u jiġu awtorizzati f’dan il-kuntest.

    71.

    Waqt is-seduta, il-Gvern Olandiż enfasizza li l-implimentazzjoni tad-deroga msemmija fl-Artikolu 4(7) tad-Direttiva 2000/60 toħloq problema għall-Istati Membri, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-ispiża relattiva.

    72.

    Madankollu, din id-direttiva ġiet maħsuba sabiex jiġi evitat, sa fejn huwa possibbli, id-deterjorament tal-istat tal-korpi ta’ ilma. F’dan is-sens, kif tiddikjara l-premessa 25 tal-imsemmija direttiva, għandhom jiġu stabbiliti għanijiet ambjentali b’mod li jiġi żgurat l-istat tajjeb tal-ilma tal-wiċċ u tal-ilmijiet ta’ taħt l-art fl-Unjoni kollha u sabiex tiġi evitata deterjorament tal-istat tal-ilmijiet fi ħdan l-Unjoni. Dawn l-għanijiet ambizzjużi jimplikaw neċessarjament piżijiet għall-Istati Membri, li jidhru li huma iktar iġġustifikati fid-dawl tat-tibdil fil-klima attwali.

    73.

    Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju ssemmi dokument ta’ gwida approvat mid-diretturi tal-Unjoni fil-qasam tal-ilma, waqt il-laqgħa li nżammet f’Tallinn (l-Estonja) mill‑4 sal‑5 ta’ Diċembru 2017 ( 39 ), li jipprovdi li “[j]ekk l-istat jew il-potenzjal ta’ parametru jiġi affetwat biss temporanjament matul perijodu qasir ta’ żmien u li dan jista’ jiġi stabbilit mill-ġdid fuq perijodu qasir ta’ żmien, b’mod naturali jew wara miżuri ta’ mitigazzjoni, u jekk ebda konsegwenza negattiva għal żmien twil ma tirriżulta minnhom, tali varjazzjonijiet ma jikkostitwixxux deterjorament tal-istat/potenzjal u ma jirriżultawx fl-applikazzjoni tat-test skont l-Artiklu 4[(7)]. Jekk l-effetti fuq l-istat/il-potenzjal ta’ korp ta’ ilma jirriskjaw li jkunu fit-tul jew li jestendu fuq perijodu twil ta’ żmien, dawn l-attivitajiet għandhom ikunu suġġetti għal test skont l-Artikolu 4[(7)]” ( 40 ).

    74.

    Il-Gvern Franċiż, il-Gvern Ċek u l-Gvern Olandiż jirreferu għal dan id-dokument sabiex jikkunsidraw li d-dispożizzjoni kontenzjuża hija konformi mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60.

    75.

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-indikazzjoni espressa li tinsab fl-imsemmi dokument, dan, li huwa intiż sabiex jiffaċilita l-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva, ma huwiex legalment vinkolanti u ma jirriflettix neċessarjament l-opinjonijiet tal-Kummissjoni, peress li hija biss il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha ġurisdizzjoni sabiex tipprovdi interpretazzjoni vinkolanti tad-dritt tal-Unjoni.

    76.

    Issa, kif indikajt, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “deterjorament”, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a)(i) tad-Direttiva 2000/60, ma tagħmilx distinzjoni skont jekk deterjorament huwiex għal żmien qasir jew għal żmien twil. L-uniku kriterju li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ programm jew ta’ proġett, huwa l-fatt li “deterjorament”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jista’ jseħħ jew le. Għaldaqstant, jiena tal-opinjoni li l-imsemmi dokument ma jirriflettix il-kontenut ta’ din id-direttiva, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

    77.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, inqis li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60 ma jippermettix lill-Istati Membri, meta jevalwaw il-kompatibbiltà ta’ programm jew ta’ proġett partikolari mal-għan ta’ prevenzjoni tad-deterjorament tal-kwalità tal-ilma, li ma jiħdux inkunsiderazzjoni l-impatti temporanji għal żmien qasir u mingħajr konsegwenzi fit-tul fuq l-istat ta’ korp ta’ ilma tal-wiċċ. Meta, fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ programm jew ta’ proġett, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jiddeterminaw li dan jista’ jikkawża “deterjorament”, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a)(i) ta’ din id-direttiva u kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja, tal-istat ta’ korp ta’ ilma tal-wiċċ, dan il-programm jew dan il-proġett jista’ jiġi awtorizzat biss jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(7)(a) sa (d) tal-imsemmija direttiva jkunu ssodisfatti.

    V. Konklużjoni

    78.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza):

    L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta’ l-ilma, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix lill-Istati Membri, meta jevalwaw il-kompatibbiltà ta’ programm jew ta’ proġett partikolari mal-għan ta’ prevenzjoni tad-deterjorament tal-kwalità tal-ilma, li ma jiħdux inkunsiderazzjoni l-impatti temporanji għal żmien qasir u mingħajr konsegwenzi fit-tul fuq l-istat tal-korpi ta’ ilma tal-wiċċ. Meta, fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ programm jew ta’ proġett, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jiddeterminaw li dan jista’ jikkawża “deterjorament”, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a)(i) ta’ din id-direttiva u kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja, tal-istat ta’ korp ta’ ilma tal-wiċċ, dan il-programm jew dan il-proġett jista’ jiġi awtorizzat biss jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(7)(a) sa (d) tal-imsemmija direttiva jkunu ssodisfatti.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta’ l-ilma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol 5, p. 275, rettifika fil-ĠU 2019, L 260, p. 70).

    ( 3 ) Ara, fuq l-effetti tat-tisħin globali, id-dokumenti marbuta mas-sitt rapport ta’ evalwazzjoni tal-grupp ta’ esperti intergovernattivi fuq l-iżvilupp tal-klima (GIEC), li ser jintemm fix-xahar ta’ Settembru 2022, li jistgħu jiġu kkonsultati permezz tal-link tal-internet segwenti: https://www.ipcc.ch/report/sixth-assessment-report-cycle/.

    ( 4 ) Ara l-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta inizjali għal direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-ilma, p. 7 (COM(97) 49 finali; ĠU 1997, C 184, p. 20).

    ( 5 ) Deċiżjoni tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 1977 li tistabbilixxi proċedura komuni għall-iskambju ta’ l-informazzjoni dwar il-kwalità ta’ l-ilma ħelu tal-wiċċ fil-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 63).

    ( 6 ) Décret du 4 octobre 2018 relatif aux schémas directeurs d’aménagement et de gestion des eaux et schémas d’aménagement et de gestion des eaux (id-Digriet tal‑4 ta’ Ottubru 2018 dwar l-Iskemi Gwida ta’ Żvilupp u ta’ Ġestjoni tal-Ilmijiet u l-Iskemi ta’ Żvilupp u ta’ Ġestjoni tal-Ilmijiet (JORF Nru 231 tas‑6 ta’ Ottubru 2018, test Nru 11)).

    ( 7 ) Għal kummentarju ta’ din is-sentenza, ara Clément, M., Droit européen de l’environnement, Bruylant, Brussell, 2021, p. 456 sa 463. Ara, ukoll, Paloniitty, T., “The Weser Case: Case C‑461/13 Bund v Germany”, Journal of Environmental Law, 2016, Vol. 28, Nru 1, p. 151 sa 158.

    ( 8 ) Sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2021, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Deterjorazzjoni taż-żona naturali ta’ Doñana) (C‑559/19, EU:C:2021:512, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 9 ) Sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Protect Natur-, Arten- und Landschaftsschutz Umweltorganisation (C‑664/15, EU:C:2017:987, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 10 ) Ara, per eżempju, is-sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland (C‑461/13, EU:C:2015:433), li tirrigwarda l-iżvilupp ta’ passaġġ fuq l-ilma; tal‑11 ta’ Settembru 2012, Nomarchiaki Aftodioikisi Aitoloakarnanias et (C‑43/10, EU:C:2012:560), li tirrigwarda d-devjazzjoni tal-kors ta’ xmara; u tat‑28 ta’ Mejju 2020, Land Nordrhein-Westfalen (C‑535/18, EU:C:2020:391), li kienet relatata mal-kostruzzjoni ta’ taqsima ta’ awtostrada.

    ( 11 ) Sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2020, Land Nordrhein-Westfalen (C‑535/18, EU:C:2020:391, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata). Id-derogi għall-projbizzjoni ta’ deterjorament tal-istat ta’ korp ta’ ilma jissemmew fil-paragrafi 6 u 7 tal-imsemmi Artikolu 4.

    ( 12 ) Sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2020, Land Nordrhein-Westfalen (C‑535/18, EU:C:2020:391, punt 76).

    ( 13 ) Sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland (C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 53).

    ( 14 ) Sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2020, Land Nordrhein-Westfalen (C‑535/18, EU:C:2020:391, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 15 ) Dawn l-elementi ta’ kwalità huma ta’ natura bijoloġika, idromorfoloġika jew fiżiko-kimika.

    ( 16 ) Sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2020, Land Nordrhein-Westfalen (C‑535/18, EU:C:2020:391, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 17 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland (C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 50).

    ( 18 ) Sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2020, Land Nordrhein-Westfalen (C‑535/18, EU:C:2020:391, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 19 ) Ara van Rijswick, H. F. M. W, u C.W Backes, “Ground Breaking Landmark Case on Environmental Quality Standards?”Journal for European Environmental & Planning Law, 2015, Vol. 12, Nru 3 u 4, p. 363 sa 377, b’mod partikolari p. 375, li skontu l-obbligi li jirriżultaw minn din is-sentenza huma iktar vinkolanti minn dawk li ħafna Stati Membri stennew jew ittamaw.

    ( 20 ) Ara s-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland (C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 54).

    ( 21 ) Fil-lingwaġġ ta’ kuljum, “temporanju” ifisser “li jdum jew idum biss għal żmien limitat”. Ara Le Petit Robert, Dictionnaire de la langue française, 2011.

    ( 22 ) Sabiex nuża t-terminoloġija użata fid-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102) (Artikolu 6(2)).

    ( 23 ) Fl-istess sens, il-Kummissjoni rrilevat, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi b’mod ġenerali u mingħajr distinzjoni l-“impatti temporanji għal żmien qasir u mingħajr konsegwenzi fit-tul” mill-evalwazzjoni minn qabel li awtorità kompetenti għandha twettaq fir-rigward ta’ proġett li jista’ jkollu effett fuq l-istat tal-ilma ma hijiex kompatibbli mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u li tali leġiżlazzjoni tixbah deroga mhux prevista mid-Direttiva 2000/60.

    ( 24 ) Ara l-punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 25 ) Sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2021, X-Beteiligungsgesellschaft mbH (VAT – Ħlasijiet suċċessivi) (C‑324/20, EU:C:2021:880, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 26 ) F’dan ir-rigward, il-punt 1.3 tal-Anness II tad-Direttiva 2000/60 jirrigwarda l-istabbiliment tal-kundizzjonijiet ta’ referenza karatteristiċi tat-tipi ta’ korpi ta’ ilma tal-wiċċ.

    ( 27 ) Fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland (C‑461/13, EU:C:2014:2324, punt 79), l-Avukat Ġenerali Jääskinen adotta interpretazzjoni fl-istess sens meta enfasizza li, sakemm ma jkunux proġetti li kważi ma għandhom ebda effett fuq l-istat tal-korpi ta’ ilma u għalhekk fuq l-immaniġġjar ta’ distrett ta’ baċin tax-xmara, dawn jaqgħu taħt il-projbizzjoni ġenerali ta’ deterjorament tal-istat tal-korpi ta’ ilma, filwaqt li jistgħu jiġu awtorizzati skont id-Direttiva 2000/60.

    ( 28 ) Il-Gvern Franċiż indika, waqt is-seduta, li d-dritt Franċiż ma jinkludix elementi li jippermettu li tiġi ppreċiżata l-portata tal-espressjonijiet “temporanji”, “għal żmien qasir” u “għal żmien twil” li jinsabu f’din id-dispożizzjoni u li dawn l-espressjonijiet lanqas ma huma ddefiniti f’testi mingħajr valur legalment vinkolanti, bħal istruzzjonijiet tal-amministrazzjoni jew il-gwidi rilevanti fil-qasam.

    ( 29 ) Ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 30 ) F’dan il-każ, fil-kuntest tal-evalwazzjoni minn qabel tal-effetti tal-programm jew tal-proġett inkwistjoni, il-kwistjoni ma tirrigwardax ir-riżultat konkret tal-kontrolli li għandhom isiru fir-rigward tal-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika, iżda t-tul ta’ żmien potenzjali ta’ dawn l-effetti fuq l-istat tal-korp ta’ ilma kkonċernat.

    ( 31 ) Ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 29 u 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 32 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar il-protezzjoni ta’ l-ilma ta’ taħt l-art kontra t-tniġġiż u d-deterjorament (ĠU 2006, L 372, p. 19).

    ( 33 ) Sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2020, Land Nordrhein-Westfalen (C‑535/18, EU:C:2020:391, punti 113 sa 115).

    ( 34 ) Korsiv miżjud minni.

    ( 35 ) Ara l-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 36 ) Sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2017, Folk (C‑529/15, EU:C:2017:419, punt 29).

    ( 37 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Folk (C‑529/15, EU:C:2017:1, punt 59).

    ( 38 ) Sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2020, Land Nordrhein-Westfalen (C‑535/18, EU:C:2020:391, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 39 ) Dan id-dokument huwa intitolat “Strateġija Komuni ta’ Implimentazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma u d-Direttiva dwar l-għargħar – Dokument ta’ Gwida Nru 36 – Derogi mill-għanijiet ambjentali skont l-Artikolu 4(7) – Modifiki ġodda għall-karatteristiċi fiżiċi tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ, bidliet fil-livell tal-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art jew attivitajiet ġodda ta’ żvilupp sostenibbli mill-bniedem”. Huwa jista’ jiġi kkonsultat, fil-verżjonijiet lingwistiċi differenti tiegħu, permezz tal-link internet segwenti: https://circabc.europa.eu/ui/group/9ab5926d-bed4-4322-9aa7-9964bbe8312d/library/ef4bb326-ccef-4f90-a283-7bea542c7e48?p=1&n=10&sort=modified_DESC.

    ( 40 ) Ara p. 26 u 27 ta’ dan id-dokument.

    Top