Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CC0473

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali A. M. Collins, ippreżentati l-31 ta’ Marzu 2022.
    INVEST FUND MANAGEMENT vs Komisia za finansov nadzor.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sofiyski rayonen sad.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Direttiva 2009/65/KE – Impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) – Kumpanniji tal-maniġment tal-UCITS – Obbligi dwar l-informazzjoni tal-investituri – Artikolu 72 – Obbligu ta’ aġġornament tal-‘elementi essenzjali tal-prospett’ – Portata – Artikolu 69(2) – Informazzjoni msemmija fl-Iskeda A tal-Anness I – Kompożizzjoni ta’ korp tal-kumpannija tal-maniġment – Artikolu 99a(r) – Traspożizzjoni fl-ordinament ġuridiku tal-Istati Membri – Leġiżlazzjoni nazzjonali li testendi s-sitwazzjonijiet li fihom ksur relatat mal-aġġornament tal-prospett jista’ jiġi kkonstatat u ssanzjonat.
    Kawża C-473/20.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:243

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    COLLINS

    ippreżentati fil‑31 ta’ Marzu 2022 ( 1 )

    Kawża C‑473/20

    INVEST FUND MANAGEMENT

    vs

    Komisia za finansov nadzor

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija))

    “Talba għal deċiżjoni preliminari – Swieq fl-istrumenti finanzjarji – Direttiva 2009/65/KE dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) – Artikolu 72 – Elementi essenzjali ta’ prospett li għandu jinżamm aġġornat – Artikolu 99(r) – Sanzjonijiet pekunjarji”

    I. Introduzzjoni

    1.

    Permezz ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari l-Qorti tal-Ġustizzja tintalab tikkunsidra wieħed mill-punti li bih id-Direttiva 2009/65/KE ( 2 ) tilħaq bilanċ bejn il-garanzija tal-protezzjoni tal-investitur u l-faċilitazzjoni tal-moviment liberu tal-unitajiet tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) fi ħdan l-Unjoni Ewropea ( 3 ). B’mod partikolari, hija titlob parir dwar jekk l-identità tal-membri tal-bordijiet amministrattivi, tal-maniġment u tas-superviżjoni ta’ kumpanniji ta’ investiment u kumpanniji tal-maniġment hijiex element essenzjali tal-prospett li għandu jinżamm aġġornat fis-sens tal-Artikolu 72 tad-Direttiva 2009/65.

    2.

    Ir-rinviju jirriżulta fiċ-ċirkustanzi li ġejjin. Invest Fund Management AD timmaniġġja ħames fondi ta’ investiment. Hija suġġetta għar-regolament u għas-superviżjoni tal-Komisia za finansov nadzor (il-Kummissjoni Finanzjarja ta’ Superviżjoni, il-Bulgarija, iktar ’il quddiem il-“KFS”). Fit-28 ta’ Awwissu 2019, ir-Reġistru tal-Kummerċ nazzjonali rilevanti rreġistra li żewġ membri ġodda li ma humiex eżekuttivi kienu ngħaqdu mal-Bord tad-Diretturi ta’ Invest Fund Management. Skont il-KFS, dan kien jeħtieġ li Invest Fund Management taġġorna l-prospetti ta’ kull wieħed mill-ħames fondi ta’ investiment li hija kienet tamministra fi żmien erbatax-il jum. Dan il-perijodu skada fil-11 ta’ Settembru 2019. Invest Fund Management aġġornat il-prospetti fis-17 ta’ Ottubru 2019.

    3.

    Fil-15 ta’ April 2020, il-KFS adottat ħames deċiżjonijiet bil-konstatazzjoni li kien twettaq reat amministrattiv u ħarġet ħames avviżi ta’ sanzjonijiet fir-rigward ta’ Invest Fund Management. Din tal-aħħar ikkontestat id-deċiżjonijiet u s-sanzjonijiet quddiem is-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija), li ddeċidiet fuq inizjattiva tagħha stess tagħmel erba’ domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni. Id-domandi jaqgħu f’żewġ kategoriji. L-ewwel tliet domandi jiddiskutu s-sens tal-kunċett “elementi essenzjali tal-prospett” u, b’mod iktar partikolari, jekk il-ħatra ta’ diretturi ġodda li ma humiex eżekuttivi fil-Bord tad-Diretturi ta’ kumpannija tal-maniġment hijiex tali element essenzjali, li sussegwentement timponi obbligu fuq din il-kumpannija skont l-Artikolu 72 tad-Direttiva 2009/65 sabiex taġġorna l-prospetti tal-fondi li hija timmaniġġja. Ir-raba’ domanda preliminari tikkonċerna s-setgħa tal-KFS li timponi sanzjonijiet għall-inosservanza ta’ dan l-allegat obbligu.

    II. Il-kuntest ġuridiku

    A.   Id-dritt tal-Unjoni

    4.

    Il-premessa 3 tad-Direttiva 2009/65 tiddikjara li hija tikkoordina l-liġijiet nazzjonali li jirregolaw impriżi ta’ investiment kollettiv bl-iskop tal-approssimazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn dawk l-impriżi fil-livell tal-Unjoni, waqt li fl-istess ħin jiżguraw protezzjoni iktar effettiva u iktar uniformi għat-titolari ta’ unitajiet. Din il-koordinazzjoni tiffaċilita t-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu tal-unitajiet fir-rigward tal-UCITS fl-Unjoni.

    5.

    Il-Kapitolu IX, intitolat “Obbligi dwar l-informazzjoni li għandha tingħata lill-investituri”, fih rekwiżiti ta’ informazzjoni fil-forma ta’ pubblikazzjoni obbligatorja ta’ tliet kategoriji ta’ informazzjoni, jiġifieri tal-prospett u rapporti perijodiċi (Artikoli 68 sa 75), ta’ informazzjoni oħra (Artikoli 76 u 77) u ta’ tagħrif ewlieni għall-investituri (Artikoli 78 sa 82).

    6.

    L-Artikolu 68 jipprevedi:

    “1.   Kumpanija ta’ investiment u, għal kull wieħed mill-fondi komuni li tamministra, kumpanija tal-maniġment għandha tippubblika dawn li ġejjin:

    (a)

    prospett;

    […]”

    7.

    Skont l-Artikolu 69:

    “1.   Il-prospett għandu jinkludi l-informazzjoni neċessarja biex l-investituri jkunu jistgħu jagħmlu ġudizzju infurmat tal-investiment propost lilhom, u, b’mod partikolari, tar-riskji annessi magħhom.Il-prospett għandu jinkludi, indipendentement mill-istrumenti li hemm investiment fihom, spjegazzjoni ċara u li tinftiehem faċilment tal-profil ta’ riskju tal-fondi.

    Il-prospett għandu jinkludi jew:

    (a)

    id-dettalji tal-politika ta’ remunerazzjoni aġġornata, inklużi imma mhux limitati għal, deskrizzjoni ta’ kif inhuma kkalkolati r-remunerazzjoni u l-benefiċċji, l-identitajiet tal-persuni responsabbli għall-għoti tar-remunerazzjoni u l-benefiċċji inkluż il-kompożizzjoni tal-kumitat ta’ remunerazzjoni, fejn jeżisti tali kumitat; jew

    (b)

    sommarju tal-politika ta’ remunerazzjoni u dikjarazzjoni li tgħid li d-dettalji tal-politika ta’ remunerazzjoni aġġornata, inklużi imma mhux limitati għal, deskrizzjoni ta’ kif inhuma kkalkolati r-remunerazzjoni u l-benefiċċji, l-identitàtal-persuni responsabbli għall-għoti tar-remunerazzjoni u l-benefiċċji, inkluż il-kompożizzjoni tal-kumitat ta’ remunerazzjoni fejn jeżisti tali kumitat, huma disponibbli permezz ta’ sit elettroniku inkluż referenza għal dak is-sit elettroniku u li, fuq talba, ser issir disponibbli kopja stampata bla ħlas.

    2.   Il-prospett għandu jkollu

    , safejn dik l-informazzjoni ma tidhirx diġà fir-regoli tal-fondi jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni annessi mal-prospectus skont l-Artikolu 71(1).

    […]”

    8.

    Il-punt 1.8 tal-Iskeda A tal-Anness I tad-Direttiva 2009/65 jirreferi għall-“ismijiet u pożizzjonijiet fil-kumpanija tal-membri tal-korpi amministrattivi, tal-maniġment u ta’ superviżjoni. Dettalji tal-attivitajiet ewlenija tagħhom barra l-kumpanija meta dawn ikunu sinifikattivi fir-rigward ta’ dik il-kumpanija”.

    9.

    L-Artikolu 70 tad-Direttiva 2009/65 jipprevedi:

    “1.   Il-prospett għandu jindika f’liema kategoriji ta’ assi UCITS hija awtorizzata li tinvesti. Għandu jsemmi jekk l-operazzjonijiet fi strumenti derivattivi finanzjarji humiex awtorizzati, f’ liema każ, għandu jinkludi dikjarazzjoni prominenti li tindika jekk dawk l-operazzjonijiet jistgħux jitwettqu għall-finijiet ta’ kopertura tar-riskji (hedging) jew bl-iskop li jintlaħqu l-miri ta’ investiment, u r-riżultat possibbli tal-użu ta’ strumenti derivattivi finanzjarji fir-rigward tal-profil tar-riskju.

    2.   Fejn UCITS tinvesti prinċipalment fi kwalunkwe kategorija ta’ assi definita fl-Artikolu 50 barra minn titoli trasferibbli jew strumenti tas-suq tal-flus, jew fejn UCITS tirreplika indiċi ta’ titoli ta’ ħażna jew ta’ dejn skont l-Artikolu 53, il-prospett tagħha u, fejn meħtieġ, il-komunikazzjonijiet kummerċjali għandhom jinkludu dikjarazzjoni prominenti li tiġbed l-attenzjoni għall-politika ta’ investiment.

    3.   Fejn il-valur nett tal-assi ta’ UCITS x’aktarx ikollu volatilità għolja minħabba l-kompożizzjoni tal-portafoll tagħha jew il-metodi tekniċi tal-maniġment ta’ portafoll li jistgħu jintużaw, il-prospett tagħha, u fejn meħtieġ, il-komunikazzjonijiet kummerċjali għandhom jinkludu dikjarazzjoni prominenti li tiġbed l-attenzjoni għal din il-karatteristika.

    […]”

    10.

    L-Artikolu 71 jipprevedi:

    “1.   Ir-regoli tal-fondi jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni ta’ kumpanija ta’ investiment għandhom jiffurmaw parti integrali tal-prospett u għandhom jiġu annessi miegħu.

    […]”

    11.

    Skont l-Artikolu 72:

    “L-elementi essenzjali tal-prospett għandhom jinżammu aġġornati.”

    12.

    L-Artikolu 99(1) tad-Direttiva 2009/65 jipprevedi:

    “Mingħajr preġudizzju għas-setgħat superviżorji tal-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 98 u d-dritt tal-Istati Membri li jipprevedu u jimponu sanzjonijiet kriminali, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar sanzjonijiet amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra li għandhom jiġu imposti fuq kumpaniji u persuni fir-rigward ta’ ksur ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati.

    Fejn l-Istati Membri jiddeċiedu li ma jistabbilixxux regoli għal sanzjonijiet amministrattivi għal ksur li huwa soġġett għal-liġi kriminali nazzjonali, huma għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi kriminali.

    Is-sanzjonijiet amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

    […]”

    13.

    Permezz tal-Artikolu 99a tagħha, id-Direttiva 2009/65 tipprevedi:

    “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-liġijiet, ir-regolamenti, jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tagħhom li jittrasponu din id-Direttiva jipprovdu għal sanzjonijiet, b’mod partikolari meta: […]

    (r)

    kumpanija tal-investiment jew, għal kull fond komuni li timmaniġġa, kumpanija tal-maniġment, tonqos ripetutament milli tosserva l-obbligi li jikkonċernaw l-informazzjoni li għandha tingħata lill-investituri imposti skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-Artikoli 68 sa 82;

    […]”

    B.   Id-dritt Bulgaru

    14.

    L-Artikolu 1 taż-Zakon za deynostta na kolektivnite investitsionni shemi i na drugi predpriyatiya za kolektivno investirane (il-Liġi dwar l-Iskemi ta’ Investiment Kollettiv u Impriżi ta’ Investiment Kollettiv Oħrajn, Gazzetta tal-Istat Nru 77 tal-4 ta’ Ottubru 2011, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Iskemi ta’ Investiment Kollettiv”) jiddikjara li dik il-liġi tirregola, inter alia, l-attività tal-iskemi ta’ investiment kollettiv u kumpanniji tal-maniġment u s-superviżjoni tal-Istat għall-osservanza tagħha.

    15.

    Permezz tal-Artikolu 3 tagħha:

    “Il-persuni […] koperti mill-Artikolu 1 hawnhekk għandhom ikunu rregolati u ssorveljati mill-Kummissjoni Finanzjarja ta’ Superviżjoni, iktar ’il quddiem imsejħa ‘il-Kummissjoni’, kif ukoll mill-Viċi President tal-istess Kummissjoni responsabbli għad-diviżjoni ‘Nadzor na investitsionnata deynost’ (id-Diviżjoni tas-Superviżjoni tal-Attivitajiet ta’ Investiment), iktar ’il quddiem imsejjaħ ‘il-Viċi President’.”

    16.

    L-Artikolu 56(1) tal-Liġi dwar l-Iskemi ta’ Investiment Kollettiv (kif emendata, Gazzetta tal-Istat Nru 15/2018, li daħlet fis-seħħ mis-16 ta’ Frar 2018) jipprevedi:

    “Fil-każ ta’ kwalunkwe bidla fl-elementi essenzjali inklużi fil-prospett tal-iskema ta’ investiment kollettiv, il-prospett għandu jiġi aġġornat u ppreżentat lill-Kummissjoni fi żmien erbatax-il jum mill-bidla.”

    17.

    L-Artikolu 273(1) tal-Liġi dwar l-Iskemi ta’ Investiment Kollettiv (li kien l-Artikolu 204, Gazzetta tal-Istat Nru 109/2013, li daħal fis-seħħ mill-20 ta’ Diċembru 2013) jipprevedi:

    “(1)   Kull min iwettaq jew jippermetti ksur ta’:

    10. [ġdid, Gazzetta tal-Istat Nru 76/2016, dħul fis-seħħ mit-30 ta’ Settembru 2016, li kien il- punt 9, kif emendat u ssupplimentat, Gazzetta tal-Istat Nru 102/2019] […] Artikolu 56(1), […] jista’ jiġi kkundannat għal multa ta’ 4000 lev Bulgaru (BGN) sa BGN 5000000;

    […]

    (5)   Fir-rigward ta’ ksur skont il-Paragrafu 1 li twettaq minn persuni ġuridiċi jew kummerċjanti waħdanija, sanzjoni pekunjarja għandha tkun imposta kif ġej:

    […]

    10 [ġdid, Gazzetta tal-Istat Nru 76/2016, li daħal fis-seħħ mit-30 ta’ Settembru 2016, li kien il-punt 9, kif emendat, Gazzetta tal-Istat Nru 102/2019] Fir-rigward ta’ ksur imsemmi fil-punt 10 tal-Paragrafu 1 – ta’ BGN 10000 sa BGN 5000000, u fil-każ ta’ reċidiva – ta’ BGN 20000 sa BGN 10000000.”

    18.

    Id-Dispożizzjonijiet Supplimentari tal-Liġi dwar l-Iskemi ta’ Investiment Kollettiv jipprevedu, fil-paragrafu 1 li, għall-finijiet tagħha:

    “[…]

    21. ‘Reċidiva’ sseħħ meta jitwettqu tliet ksur amministrattiv jew iktar ta’ din il-Liġi jew tal-istrumenti għall-applikazzjoni tagħha”.

    19.

    Il-Paragrafu 2 tad-Dispożizzjonijiet Supplimentari jiddikjara li l-Liġi dwar l-Iskemi ta’ Investiment Kollettiv jittrasponi r-rekwiżiti tad-Direttiva 2009/65.

    III. It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari magħmula

    20.

    Invest Fund Management hija kumpannija rreġistrata fir-Reġistru tal-Kummerċ u r-Reġistru għal Entitajiet Ġuridiċi Mingħajr Skop ta’ Lukru tal-Bulgarija. Hija timmaniġġja ħames fondi ta’ investiment, jiġifieri l-“Invest Aktiv”, l-“Invest Klassik”, il-“Global Opportunities”, l-“Invest Konservativen Fond” u l-“Invest Obligatsii”. Hija suġġetta għar-regolament u s-superviżjoni tal-KFS.

    21.

    Waqt eżami remot tal-attivitajiet ta’ Invest Fund Management, il-KFS stabbilixxiet li, fit-28 ta’ Awwissu 2019, ir-Reġistru tal-Kummerċ rilevanti rreġistra li żewġ membri ġodda li ma humiex eżekuttivi, li lilhom ma ġew delegati l-ebda funzjonijiet ta’ tmexxija, kienu ngħaqdu mal-Bord tad-Diretturi ta’ Invest Fund Management. Il-KFS kienet tal-fehma li Invest Fund Management kellha taġġorna l-prospetti għal kull wieħed mill-ħames fondi ta’ investiment li hija kienet tamministra f’perijodu ta’ erbatax-il jum statutorju li kien skada fil-11 ta’ Settembru 2019. Madankollu, Invest Fund Management naqset milli tagħmel dan sas-17 ta’ Ottubru 2019.

    22.

    Bħala konsegwenza ta’ dan in-nuqqas milli taġixxi fit-terminu preskritt, il-KFS adottat ħames deċiżjonijiet separati. Kull waħda minnhom ikkonstatat li twettaq reat amministrattiv fir-rigward ta’ kull wieħed minn dawn il-fondi ta’ investiment. Il-Viċi President tal-KFS sussegwentement ħareġ ħames avviżi ta’ sanzjonijiet, li kull wieħed minnhom impona sanzjoni pekunjarja ta’ BGN 10000 fuq Invest Fund Management skont il-punt 10 tal-Artikolu 273(5), moqri flimkien mal-punt 10 tal-Artikolu 273(1) tal-Liġi dwar l-Iskemi ta’ Investiment Kollettiv, minħabba n-nuqqas ta’ Invest Fund Management milli tosserva l-obbligu legali skont l-Artikolu 56(1) tal-Liġi dwar l-Iskemi ta’ Investiment Kollettiv.

    23.

    Invest Fund Management ikkontestat dawn id-deċiżjonijiet u s-sanzjonijiet imposti fihom quddiem is-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija). L-avviż ta’ sanzjoni bid-data tal-15 ta’ April 2020 ikkontestat fil-kawża prinċipali nħareġ fir-rigward tan-nuqqas ta’ Invest Fund Management milli taġġorna l-prospett tal-fond tal-investiment ta’ “Invest Obligatsii” f’waqtu.

    24.

    Matul dawn il-proċedimenti, il-qorti tar-rinviju stabbilixxiet ex officio li, sabiex tiddetermina t-tilwima li hija adita biha, hija kellha tagħmel id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE:

    “(1)

    X’tifsira kellu l-intenzjoni jagħti l-leġiżlatur Ewropew lill-kunċett ta’ “elementi essenzjali” tal-prospett, li jinsab fl-Artikolu 72 tad-[Direttiva 2009/65/KE]?

    (2)

    Id-dispożizzjoni prevista fl-Artikolu 69(2) tad-Direttiva 2009/65 għandha tiġi interpretata fis-sens li kull bidla fl-informazzjoni minima rikjesta fil-prospett, prevista fl-Iskeda A tal-Anness I, taqa’ f’kull każ taħt il-kunċett ta’ “elementi essenzjali” fis-sens tal-Artikolu 72 ta’ din id-direttiva, u b’hekk huwa meħtieġ l-aġġornament f’waqtu tagħha?

    (3)

    Fil-każ ta’ risposta negattiva għat-tieni domanda, għandu jitqies li l-informazzjoni dwar bidla fil-kompożizzjoni tal-membri tal-bord tad-diretturi ta’ kumpannija tal-maniġment partikolari, li ma humiex membri eżekuttivi u li ma humiex responsabbli għat-tmexxija, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “elementi essenzjali” fis-sens tal-Artikolu 72 tad-Direttiva 2009/65?

    (4)

    Id-dispożizzjoni prevista fl-Artikolu 99a(r) tad-Direttiva 2009/65 għandha tiġi interpretata fis-sens li tippermetti l-impożizzjoni ta’ sanzjoni fuq kumpannija tal-maniġment, għal kull fond komuni li timmaniġġja, fil-każ biss li tonqos ripetutament milli tosserva l-obbligi li jikkonċernaw l-informazzjoni li għandha tingħata lill-investituri imposti skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-Artikoli 68 sa 82 tad-Direttiva 2009/65?”

    IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    25.

    Invest Fund Management, il-KFS, il-Gvern Ġermaniż, Taljan, Lussemburgiż u Pollakk u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

    26.

    Skont l-Artikolu 24(2), tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea stiednet lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) sabiex twieġeb bil-miktub għal ċerti mistoqsijiet u sabiex tipparteċipa fis-seduta.

    27.

    Invest Fund Management, il-KFS, il-Gvern Lussemburgiż, il-Kummissjoni u l-ESMA ssottomettew osservazzjonijiet fis-seduta, miżmuma fis-26 ta’ Jannar 2022.

    V. Evalwazzjoni legali

    A.   Fuq id-domandi preliminari li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-kunċett “elementi essenzjali”

    28.

    Permezz tal-ewwel żewġ domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tkun taf jekk l-informazzjoni speċifikata fl-Iskeda A tal-Anness I tad-Direttiva 2009/65 li għandha tkun inkluża fil-prospett hijiex parti mill-“elementi essenzjali tal-prospett” għall-finijiet tal-Artikolu 72 ta’ din id-direttiva, u li għalhekk għandha tinżamm aġġornata.

    29.

    Huwa maqbul li l-kunċett “elementi essenzjali tal-prospett” ma huwiex imfisser fil-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni jew f’dik nazzjonali. Huwa wkoll ta’ interess li jiġi nnotat li, fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsijiet mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-ESMA indikat li gwida fir-rigward tal-applikazzjoni jew traspożizzjoni ta’ dan il-kunċett la kienet imfittxija minnha u lanqas maħruġa minnha.

    30.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod konsistenti ddeċidiet li jsegwi kemm mill-bżonn ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mill-prinċipju ta’ ugwaljanza li dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tinkludi ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha għandhom normalment jingħataw, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tfittex li tilħaq ( 4 ).

    31.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi l-kunċett “elementi essenzjali tal-prospett” fl-Artikolu 72 tad-Direttiva 2009/65 għandu jkollu interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-Unjoni. Barra minn hekk, dan l-approċċ huwa konsistenti mal-għan tad-direttiva, li huwa li tikkoordina liġijiet nazzjonali li jirregolaw impriżi ta’ investiment kollettiv bl-iskop tal-approssimazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni, fi kliem ieħor, li jinħoloq ambjent ugwali, filwaqt li tinkiseb protezzjoni effettiva u iktar uniformi għall-investituri ( 5 ).

    32.

    Hija ġurisprudenza stabbilita li, meta tiġi interpretata dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, huwa neċessarju li jiġi kkunsidrat mhux biss il-kliem tad-dispożizzjoni li qiegħda tittieħed inkunsiderazzjoni, preżentement l-“elementi essenzjali tal-prospett” fl-Artikolu 72 tad-Direttiva 2009/65, iżda wkoll il-kuntest li fih issir u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha ( 6 ).

    33.

    Il-kelma “essenzjali” tista’ tkun deskritta b’mod varjat li tfisser “kruċjali”, “vitali” jew “neċessarju”. “Element” huwa “komponent” jew “parti”. L-espressjoni “elementi essenzjali” tidher fit-taqsima tal-Kapitolu IX tad-Direttiva 2009/65 intitolata “[i]l-pubblikazzjoni ta’ prospett u rapporti perijodiċi”. Hija ssegwi direttament dispożizzjonijiet li jispeċifikaw l-informazzjoni li għandha tkun inkluża fi prospett ( 7 ). Jidhirli li, jekk il-leġiżlatura teħtieġ li ċerta informazzjoni tkun inkluża fi prospett, din l-informazzjoni hija mid-definizzjoni tagħha komponent vitali jew neċessarju ta’ dan id-dokument. Huwa għalhekk konsistenti mat-tifsira letterali tal-kunċett li tali informazzjoni tikkostitwixxi “element essenzjali” tal-prospett, li skont l-Artikolu 72 tad-Direttiva 2009/65, għandha tinżamm aġġornata.

    34.

    L-Artikolu 69(2) tad-Direttiva 2009/65, li jispeċifika li “[i]l-prospett għandu jkollu mill-inqas l-informazzjoni prevista fl-Iskeda A tal-Anness I […]”, jagħmel dan il-punt partikolarment ċar. L-inklużjoni tal-kliem “għandu jkollu mill-inqas” tindika li l-informazzjoni li għaliha din l-iskeda tirreferi hija parti neċessarja u importanti mill-prospett, bil-konsegwenza li l-leġiżlatura kkunsidratha li hija element essenzjali tiegħu li għandha tiġi aġġornata meta tinbidel.

    35.

    Kif tispjega l-ESMA, isegwi mit-test tal-Artikolu 69(1) tad-Direttiva 2009/65 li l-prospett jinkludi informazzjoni “neċessarja” li tippermetti lill-investituri sabiex jagħmlu ġudizzji infurmati. Minħabba li l-informazzjoni prevista fl-Iskeda A tal-Anness I ta’ din id-direttiva, indikata fl-Artikolu 69(2) tagħha, hija l-kontenut minimu obbligatorju tal-prospett, din l-informazzjoni għandha, loġikament, titqies “neċessarja” għall-finijiet tal-Artikolu 69(1) tad-Direttiva 2009/65. Minħabba li l-prospetti tal-UCITS ma josservawx id-Direttiva 2009/65 sakemm huma jkun fihom tal-inqas l-informazzjoni kollha prevista fl-Iskeda A tal-Anness I, il-kunċett “elementi essenzjali tal-prospett” fis-sens tal-Artikolu 72 ta’ din id-direttiva jirriżulta li jinftiehem li jinkludi tal-inqas dik l-informazzjoni kollha.

    36.

    Din l-interpretazzjoni letterali u kuntestwali tal-Artikolu 72 tad-Direttiva 2009/65 hija wkoll sostnuta billi jiġi adottat approċċ teleoloġiku għall-interpretazzjoni tagħha. Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 69(1) l-għan tal-prospett huwa sabiex jippermetti lill-investituri sabiex jagħmlu ġudizzju informat tal-investiment propost lilhom u tar-riskji relatati miegħu. L-Artikolu 69(2) tad-Direttiva 2009/65, moqri flimkien mal-punt 1.8 tal-Iskeda A tal-Anness I tagħha, jipprevedi li l-prospetti għandhom jinkludu l-ismijiet u l-pożizzjonijiet fil-kumpannija tal-membri tal-korpi amministrattivi, tal-maniġment u tas-superviżjoni, kif ukoll dettalji tal-attivitajiet ewlenija tagħhom fejn dawn huma importanti fir-rigward ta’ din il-kumpannija ( 8 ). Ma huwiex ikkontestat li diretturi li ma humiex eżekuttivi huma “membri tal-korpi amministrattivi, tal-maniġment u ta’ superviżjoni” ta’ kumpannija. Fis-seduta, il-KFS, l-ESMA u l-Kummissjoni osservaw li diretturi li ma humiex eżekuttivi, filwaqt li ma humiex responsabbli għad-deċiżjonijiet tal-maniġment ta’ kuljum, huma involuti fid-deċiżjonijiet fil-livell tal-Bord li jirrigwardaw investimenti. L-investiment jinvolvi t-twettiq ta’ għażliet. Il-kwalità ta’ dawn l-għażliet tiddependi fil-parti kbira tagħha fuq il-kalibru u l-onestà tal-individwi li jingħataw din ir-responsabbiltà. Isegwi li l-identità ta’ dawk li jieħdu deċiżjonijiet tista’ tkun ta’ importanza għal investituri potenzjali. Barra minn hekk, identifikazzjoni f’waqtha tal-individwi li jiddeċiedu fuq l-investiment ta’ fondi tippermetti lill-investituri sabiex jivverifikaw, fost affarijiet oħrajn, kunflitti ta’ interess potenzjali. Jekk din l-informazzjoni fil-prospett ma tinżammx aġġornata, l-abbiltà tal-investituri sabiex jagħmlu ġudizzju infurmat fir-rigward tal-investimenti proposti lilhom hija mxekkla.

    37.

    Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Ġermaniż, li Invest Fund Management u l-Gvern Lussemburgiż qablu mal-pożizzjoni tiegħu fis-seduta, issottometta li l-elementi essenzjali ta’ prospett li għandhom jinżammu aġġornati huma limitati għal dawk l-elementi li għandhom ikunu inklużi fid-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investituri meħtieġ mill-Kapitolu IX, Taqsima 3 tad-Direttiva 2009/65.

    38.

    L-Artikolu 78(1) tad-Direttiva 2009/65 jipprevedi li Stati Membri għandhom jirrikjedu li kumpannija ta’ investiment u, għal kull wieħed mill-fondi komuni li timmaniġġja, kumpannija tal-maniġment, ifasslu dokument qasir li jkun fih tagħrif ewlieni għall-investituri, deskritt bħala “tagħrif ewlieni għall-investituri”. L-Artikolu 78(2) tagħha jipprevedi li “tagħrif ewlieni għall-investituri” għandu jinkludi informazzjoni dwar il-karatteristiċi essenzjali tal-UCITS ikkonċernata, sabiex jingħata lill-investituri bil-għan li jkunu raġonevolment kapaċi li jifhmu n-natura u r-riskji tal-prodott ta’ investiment offrut lilhom u, b’konsegwenza ta’ dan, ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet dwar l-investiment fuq bażi informata. Skont l-Artikolu 78(3) ta’ din id-direttiva, “tagħrif ewlieni għall-investituri” għandu jidentifika lill-UCITS, u jipprovdi deskrizzjoni qasira tal-għanijiet u l-politika ta’ investiment tagħha; preżentazzjoni tar-riżultati mgħoddija jew, meta jkun xieraq, xenarji tar-riżultati; l-ispejjeż u l-imposti assoċjati; u il-profil tar-riskji u l-benefiċċji tal-investiment, li jinkludi gwida xierqa u twissijiet dwar ir-riskji assoċjati mal-investimenti fil-UCITS.

    39.

    Il-Gvern Ġermaniż josserva li l-verżjoni Ingliża u dik Franċiża tal-Artikolu 78(3) tad-Direttiva 2009/65 rispettivament jindikaw “the essential elements” u “les éléments essentiels” li fir-rigward tagħhom għandha tingħata l-informazzjoni. Huwa jqis li l-“elementi essenzjali tal-prospett” li għandhom jinżammu aġġornati skont l-Artikolu 72 tagħha huma l-“elementi essenzjali […] fir-rigward tal-UCITS” li għandhom jingħataw permezz tat-tagħrif ewlieni għall-investituri skont l-Artikolu 78(3)(a) sa (e). L-Artikolu 69(1) tad-Direttiva 2009/65 jipprevedi li l-prospett għandu jinkludi l-informazzjoni neċessarja sabiex l-investituri jkunu jistgħu jagħmlu ġudizzju informat tal-investiment propost lilhom, u b’mod partikolari, tar-riskji relatati miegħu. Il-prospett li jinkludi tali tagħrif ewlieni għall-investituri jippermetti lill-investituri sabiex jagħmlu dan il- ġudizzju informat.

    40.

    Skont il-Gvern Ġermaniż, din l-interpretazzjoni twettaq l-għanijiet u l-iskopijiet segwiti mid-Direttiva 2009/65 billi l-għan kemm tad-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investituri, li għandu jkun konsistenti mal-partijiet rilevanti tal-prospett, u l-prospett innifsu huwa sabiex jippermetti lill-investituri jifhmu r-riskji tal-investiment u jagħmlu ġudizzju informat fir-rigward tiegħu.

    41.

    Bħala tweġiba, jiena l-ewwel nosserva li l-Artikolu 78 tad-Direttiva 2009/65 jidher fit-Taqsima 3 tal-Kapitolu IX tagħha, intitolata “Tagħrif ewlieni għall-investituri”, filwaqt li l-Artikolu 72 jinstab fit-Taqsima 1 tal-Kapitolu IX, intitolata ““[i]l-pubblikazzjoni ta’ prospett u rapporti perijodiċi”. L-assenza ta’ kontroreferenza bejn dawn id-dispożizzjonijiet, jew l-użu tal-istess kliem, iddefinit b’mod espress, fit-tnejn li huma, tidher li ddgħajjef l-interpretazzjoni testwali li jasserixxi l-Gvern Ġermaniż. Barra minn hekk, il-verżjonijiet lingwistiċi oħrajn tad-Direttiva 2009/65 ma jidhrux li jsostnu tali interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet li qegħdin jiġu eżaminati ( 9 ).

    42.

    It-tieni, u forsi ta’ importanza ikbar, huwa l-fatt li l-prospett huwa maħsub sabiex jipprovdi ħafna iktar dettall mid-dokument tat- tagħrif ewlieni għall-investituri. Filwaqt li l-għanijiet tagħhom jistgħu jikkoinċidu fejn jippermettu lill-investituri sabiex jifhmu r-riskji tal-investiment u sabiex jagħmlu ġudizzju informat fir-rigward tiegħu, il-portata tal-informazzjoni li toħroġ minn dawn iż-żewġ dokumenti hija differenti. Kif spjegaw fis-seduta l-KFS, il-Kummissjoni u l-ESMA, id-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investituri huwa maħsub bħala dokument qasir ħafna li fih kontenut standardizzat, bil-ħsieb li jiffaċilita l-paragun ta’ proposti ta’ investiment differenti, b’mod partikolari mill-investituri fil-livell tal-konsumatur. Il-prospett huwa itwal b’mod sinjifikattiv u jipprovdi iktar dettall, u b’hekk jista’ jkun ta’ assistenza ikbar partikolarment għal investituri istituzzjonali. Minn dan il-lat, ma hemm l-ebda raġuni għalfejn l-obbligu li tiġi aġġornata l-informazzjoni fil-prospett ma għandux ikun usa’ minn dak applikabbli għad-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investituri. Lanqas ma hija inkonsistenti l-impożizzjoni ta’ żewġ reġimi distinti għall-provvista ta’ informazzjoni lill-investituri potenzjali mid-Direttiva 2009/65 mal-għanijiet li jridu jintlaħqu minnha.

    43.

    Għal dawn ir-raġunijiet, jiena mhux persważ għalhekk li l-approċċ issuġġerit mill-Gvern Ġermaniż dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/65 li qegħdin jiġu eżaminati huwa wieħed korrett.

    44.

    Invest Fund Management issostni li, minħabba li l-ħatra ta’ diretturi ġodda li ma humiex eżekuttivi fil-Bord għandha tkun approvata mill-KFS u rreġistrata fir-reġistru tal-kummerċ nazzjonali rilevanti, din l-informazzjoni tkun fid-dominju pubbliku mid-data li fiha din tkun ġiet irreġistrata. Peress li investituri u investituri potenzjali għandhom aċċess għar-reġistru tal-kummerċ nazzjonali, huwa raġonevoli li l-Artikolu 72 tad-Direttiva 2009/65 jiġi interpretat li ma jimponix rekwiżit ta’ aġġornament ta’ din l-informazzjoni fi prospett.

    45.

    Jekk kienet l-intenzjoni tal-leġiżlatura li investituri jistrieħu fuq informazzjoni li hija disponibbli pubblikament f’reġistru tal-kummerċ nazzjonali sabiex jidentifikaw membri ta’ korpi amministrattivi, tal-maniġment u tas-superviżjoni rilevanti, huwa diffiċli li jinftiehem għalfejn l-Iskeda A tal-Anness I tad-Direttiva 2009/65 tinkludi din l-informazzjoni bħala rekwiżit obbligatorju u minimu ta’ prospett. Il-korollarju ta’ din l-osservazzjoni huwa li, fil-fehma tal-leġiżlatura, huwa insuffiċjenti li reġistri tal-kummerċ nazzjonali jipprovdu tali informazzjoni aġġornata. Jista’ jiġi mistoqsi wkoll għalfejn investituri għandhom jiċċekkjaw reġistri tal-kummerċ nazzjonali sabiex jivverifikaw jekk l-informazzjoni li tinstab fi prospett hijiex aġġornata.

    46.

    Jiena nqis ukoll pertinenti l-fatt li Invest Fund Management innifisha tidher li kienet tal-fehma li l-informazzjoni tal-prospetti kellha tiġi aġġornata sussegwenti għall-ħatra tad-diretturi ġodda li ma humiex eżekuttivi. Is-sanzjoni inkwistjoni fil-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju kienet imposta għaliex Invest Fund Management aġġornat il-prospetti wara li l-bidla ġiet irreġistrata fir-reġistru tal-kummerċ rilevanti, iżda wara t-terminu applikabbli, u mhux għaliex hija naqset milli taġġornahom għalkollox.

    47.

    Il-Gvern Lussemburgiż huwa tal-fehma li, fl-assenza ta’ definizzjoni preċiża tal-kunċett “elementi essenzjali tal-prospett” fl-Artikolu 72 tad-Direttiva 2009/65, jaqa’ fuq l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri sabiex jiddefinixxu l-kontenut tiegħu. Permezz ta’ dan, dawn l-awtoritajiet għandhom iqisu jekk l-aġġornament tal-prospett huwiex meħtieġ sabiex jirrifletti bidliet sinjifikattivi li jistgħu potenzjalment jaffettwaw l-interessi tal-investituri. Din l-evalwazzjoni għandha ssir fuq bażi ta’ każ b’każ u bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, bil-ħsieb li jiġu rrikonċiljati l-interessi tal-investituri ma’ dawk tal-kumpanniji tal-maniġment fid-dawl tal-għanijiet tad-direttiva.

    48.

    Id-Direttiva 2009/65 ma fiha l-ebda indikazzjoni li l-leġiżlatura kellha l-intenzjoni li tħalli d-definizzjoni tal-kunċett “elementi essenzjali tal-prospett” fl-Artikolu 72 tagħha għall-Istati Membri jew għad-diskrezzjoni tal-awtoritajiet kompetenti tagħhom. Kif ġie spjegat fil-punt 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet, f’dawn iċ-ċirkustanzi dan il-kliem għandu jingħata interpretazzjoni awtonoma u uniformi fil-kuntest tad-dritt tal-Unjoni.

    49.

    Invest Fund Management u l-Gvern Lussemburgiż issottomettew li ċerti bidliet fl-informazzjoni inkluża fil-prospett jistgħu tant ikunu minuri jew immaterjali li ma jkunu tal-ebda interess għall-investituri, f’liema każ l-Artikolu 72 tad-Direttiva 2009/65 ma jeħtieġx li l-prospett jinżamm aġġornat. F’dan il-kuntest, l-Artikolu 56(1) tal-Liġi dwar l-Iskemi ta’ Investiment Kollettiv jipprevedi li, fil-każ ta’ “kwalunkwe bidla” fl-elementi essenzjali inklużi fil-prospett tal-iskema ta’ investiment kollettiv, il-prospett għandu jiġi aġġornat. Dan jista’ jirrifletti intenzjoni min-naħa tal-leġiżlatur Bulgaru li jistabbilixxi regoli iktar stretti minn dawk stabbiliti fid-Direttiva 2009/65 fir-rigward tal-aġġornament tal-kontenut ta’ prospett, li din il-leġiżlazzjoni tippermetti ( 10 ). Fi kwalunkwe każ, fid-dawl tal-osservazzjonijiet tiegħi fil-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jiena tal-fehma li l-bidla inkwistjoni f’din il-kawża ma tistax titqies li hija immaterjali jew de minimis.

    50.

    Il-Gvern Pollakk josserva li kemm it-tifsira ordinarja tal-kelma “essenzjali” u kif ukoll qari teleoloġiku tal-Artikolu 72 tad-Direttiva 2009/65 isostnu l-konklużjoni li l-elementi essenzjali ta’ prospett huma deskritti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 69(1) tagħha jiġifieri “spjegazzjoni ċara u li tinftiehem faċilment tal-profil ta’ riskju tal-fondi”. L-interpretazzjoni alternattiva, li l-elementi essenzjali ta’ prospett huma dawk indikati fl-Artikolu 69(2) tad-direttiva, għandha tiġi eskluża minħabba li timponi obbligi eċċessivament onerużi fuq kumpanniji tal-maniġment u ta’ investiment li ma jtejbux materjalment il-protezzjoni tal-investituri. Il-Gvern Pollakk jirreferi għall-fatti tal-kawża prinċipali bħala eżempju ta’ informazzjoni li għandha tiġi inkluża fi prospett iżda li ma tammontax għal “element essenzjali” li għandu jinżamm aġġornat skont l-Artikolu 72 tad-Direttiva 2009/65. Minkejja dan, huwa jaċċetta li Stati Membri jistgħu jimponu rekwiżiti iktar stretti f’dan ir-rigward.

    51.

    Jien mhux konvint mill-approċċ sostnut mill-Gvern Pollakk għal żewġ raġunijiet. L-ewwel, kif spjegat fil-punti 33 sa 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet, huwa konsistenti mat-tifsira ordinarja tal-kelma “essenzjali” li hija tinkludi “mill-inqas l-informazzjoni prevista fl-Iskeda A tal-Anness I” minħabba li l-Artikolu 69(2) tad-Direttiva 2009/65 jagħmel dan ir-rekwiżit ta’ informazzjoni minimu. Huwa għalhekk raġonevoli li jiġi konkluż – fl-assenza ta’ indikazzjonijiet kuntrarji – li din l-informazzjoni hija “essenzjali” fil-kuntest ta’ prospett, li għandu jiġi aġġornat meta jinbidel. It-tieni, la l-Gvern Pollakk, u lanqas fil-fatt xi ħadd mill-partijiet li għamlu osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li tali interpretazzjoni tkun eċċessivament oneruża, ma ssostanzjaw dawn it-talbiet, b’mod notevoli permezz ta’ riferiment għall-ispiża stmata ta’ aġġornament ta’ prospett. Fl-assenza ta’ tali provi huwa diffiċli li wieħed jifhem għalfejn ma għandhomx jipprevalu, l-interessi indiskutibbli ta’ investituri li jkollhom aċċess għal informazzjoni korretta u aġġornata, fiċ-ċirkustanzi li preżentement qegħdin jittieħdu inkunsiderazzjoni.

    52.

    Isegwi, fl-opinjoni tiegħi, li l-informazzjoni speċifikata fl-Iskeda A tal-Anness I tad-Direttiva 2009/65 inkluża fil-prospett hija parti mill-“elementi essenzjali tal-prospett” għall-finijiet tal-Artikolu 72 ta’ din id-direttiva u għalhekk għandha tinżamm aġġornata. Fid-dawl ta’ din ir-risposta ssuġġerita, jidher li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex għalfejn tirrispondi għat-tielet domanda preliminari. Jiena għalhekk m’iniex nipproponi li nindirizzaha.

    B.   Fuq id-domanda preliminari li tirrigwarda s-sanzjonijiet għall-inosservanza

    53.

    Ir-raba’ domanda preliminari tistaqsi dwar il-portata tas-setgħa tal-KFS sabiex timponi sanzjonijiet għal inosservanza tal-obbligu ta’ aġġornament tal-prospett. Kif spjegat fil-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet, in-nuqqas min-naħa ta’ Invest Fund Management li taġġorna l-prospetti ta’ kull wieħed mill-ħames fondi li hija timmaniġġja wassal għal ħames avviżi ta’ sanzjonijiet separati. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 99a(r) tad-Direttiva 2009/65 ippermettiex lil KFS timponi dawn is-sanzjonijiet ( 11 ).

    54.

    Invest Fund Management tqis li l-approċċ tal-KFS huwa inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/65. Fil-fehma tagħha, in-nuqqas tagħha li taġġorna l-prospetti tal-ħames fondi li hija timmaniġġja huwa att uniku ta’ inosservanza minħabba li jirrigwarda l-istess sett ta’ ċirkustanzi, jiġifieri l-ħatra ta’ diretturi ġodda li ma humiex eżekuttivi fil-Bord tad-Diretturi tagħha. L-approċċ tal-KFS huwa kuntrarju għall-Artikolu 99a(r) tad-Direttiva 2009/65 li skontu – huwa sostnut – sanzjonijiet jistgħu jiġu imposti biss għal inosservanza ripetuta tal-Artikoli 68 sa 82 tagħha. Barra minn hekk, il-prattika tal-KFS li timponi sanzjonijiet għal inosservanza fir-rigward ta’ kull fond immaniġġjat minn Invest Fund Management hija wkoll sproporzjonata minħabba l-inkompatibbiltà tagħha mal-Artikolu 99a(r) tad-Direttiva 2009/65.

    55.

    Jien mhux persważ mill-argument ta’ Invest Fund Management li l-qorti tar-rinviju hija ffaċċjata b’att uniku ta’ inosservanza. L-Artikolu 68 tad-Direttiva 2009/65 jimponi obbligu fuq kumpanniji tal-maniġment sabiex jippubblikaw prospett “għal kull wieħed mill-fondi komuni li tamministra”. In-nuqqas ta’ aġġornament tal-prospetti għal kull wieħed minn dawn il-fondi jfisser li l-obbligu fl-Artikolu 72 ta’ din id-direttiva sabiex jinżamm aġġornat il-prospett ma jkunx ġie osservat fir-rigward ta’ kull wieħed minn dawn il-fondi, indipendentement mill-ispjegazzjonijiet offruti dwar dan. Mifhum f’dan id-dawl, kien hemm ħames okkażjonijiet ta’ inosservanza, fejn kull wieħed minnhom jirrigwarda fond differenti, li jikkostitwixxu okkażjoni unika ta’ inosservanza għal kull fond immaniġġjat.

    56.

    Fl-osservazzjonijiet rispettivi tagħhom ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-KFS, il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni indirizzaw ir-raba’ domanda preliminari. Kollha kemm huma, b’mod korrett fl-opinjoni tiegħi, jindikaw li d-Direttiva 2009/65 ma għandhiex l-għan ta’ armonizzazzjoni kompleta tal-liġijiet tal-Istati Membri. Kif iddikjarat fil-premessa 15 ta’ din id-direttiva, bħala regola ġenerali l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jistabbilixxu regoli iktar stretti minn dawk stabbiliti fiha, b’mod partikolari għal kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni, rekwiżiti prudenzjali, ir-regoli dwar ir-rappurtar u l-kontenut tal-prospett. L-Artikolu 99a ta’ din id-direttiva jagħmel riferiment espress għal liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri. Is-sentenza introduttorja ta’ dan l-artikolu tagħmilha wkoll ċara li d-Direttiva 2009/65 ma tiddefinixxix b’mod eżawrjenti l-lista ta’ atti ta’ inosservanza li għandhom ikunu ssanzjonati; minflok, hija tistabbilixxi aġir ta’ inosservanza li għandu jkun issanzjonat “b’mod partikolari”. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni fir-rigward ta’ sanzjonijiet applikabbli f’każijiet ta’ inosservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fiha, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu sanzjonijiet li jidhrilhom li huma xierqa ( 12 ).

    57.

    Isegwi li d-Direttiva 2009/65 tippermetti lil Stati Membri jadottaw leġiżlazzjonijiet ta’ traspożizzjoni li jipprovdu għal sanzjonijiet iktar stretti għal inosservanza tal-Artikolu 72 tagħha minn dawk speċifikati fl-Artikolu 99a(r) tagħha, dejjem sakemm tali sanzjonijiet ma humiex sproporzjonati ( 13 ). Mhux persważ mid-dikjarazzjoni qasira ta’ Invest Fund Management li l-approċċ meħud mill-KFS fil-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju ser iwassal għal sanzjonijiet għoljin b’mod sproporzjonat. Għall-kuntrarju, Invest Fund Management għandha l-obbligu lejn investituri reali u potenzjali ta’ kull wieħed mill-fondi li hija timmaniġġja sabiex tiżgura li l-elementi essenzjali tal-prospetti rilevanti jinżammu aġġornati. L-impożizzjoni ta’ sanzjoni għal nuqqas li jiġi aġġornat kull prospett ma hijiex għalhekk sproporzjonata per se.

    VI. Konklużjoni

    58.

    Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposti li ġejjin għad-domandi preliminari magħmula mis-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija):

    (1)

    L-informazzjoni speċifikata fl-Iskeda A tal-Anness I tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS), kif emendata bid-Direttiva 2014/91/UE li hija inkluża fil-prospett hija parti mill-“elementi essenzjali tal-prospett” għall-finijiet tal-Artikolu 72 ta’ din id-direttiva u għalhekk għandha tinżamm aġġornata.

    (2)

    L-Artikolu 99а(r) tad-Direttiva 2009/65/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni tista’ tipprovdi għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni fuq kumpannija tal-maniġment fir-rigward ta’ kull wieħed mill-fondi ta’ investiment immaniġġjat minnha fil-każ ta’ okkażjoni unika ta’ inosservanza tal-obbligi li jikkonċernaw informazzjoni li għandha tingħata lill-investituri imposti mid-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-Artikoli 68 sa 82 tad-Direttiva 2009/65/KE.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU 2009, L 302, p. 32), kif emendata bid-Direttiva 2014/91/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 (ĠU 2014, L 257, p. 186, rettifika fil-ĠU 2016, L 52, p. 37).

    ( 3 ) Direttiva 2009/65, il-premessa 3.

    ( 4 ) Sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, Gruslin (C‑88/13, EU:C:2014:2205, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 5 ) Direttiva 2009/65, premessa 3.

    ( 6 ) Sentenza tat-28 ta’ Frar 2019, Meyn (C‑9/18, EU:C:2019:148, punti 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 7 ) L-Artikolu 69(1) u (2), l-Artikolu 70(1) sa (3) u l-Artikolu 71 tad-Direttiva 2009/65.

    ( 8 ) Tajjeb li jiġi nnotat li l-punt 1.8 tal-Iskeda A tal-Anness I tad-Direttiva 2009/65 ma jiddistingwixxix bejn diretturi eżekuttivi u diretturi li ma humiex eżekuttivi.

    ( 9 ) Ara, pereżempju, il-verżjoni Olandiża u dik Ġermaniża tad-Direttiva 2009/65. L-Artikolu 72 tal-verżjoni lingwistika Olandiża jirreferi għal “de essentiële informatie in het prospectus”, filwaqt li l-Artikolu 78(3) jirreferi għal “de volgende essentiële elementen van de icbe” (enfasi miżjuda). L-Artikolu 72 tal-verżjoni lingwistika Ġermaniża jirreferi għal “die Angaben von wesentlicher Bedeutung im Prospekt” filwaqt li l-Artikolu 78(3) jirreferi għal “Angaben zu folgenden wesentlichen Elementen des betreffenden OGAW” (enfasi miżjuda).

    ( 10 ) Il-premessa 15 tad-Direttiva 2009/65 tipprevedi: “Stat Membru ta’ domiċilju għandu jkun jista’, bħala regola ġenerali, jistabbilixxi regoli iktar stretti minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni, rekwiżiti prudenzjali u r-regoli dwar ir-rappurtar u l-prospett”.

    ( 11 ) Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni applikabbli fil-Bulgarija tipprevedi għal impożizzjoni ta’ sanzjoni separata għal kull nuqqas imwettaq minn kumpannija tal-maniġment sabiex tosserva l-obbligu li taġġorna elementi essenzjali.

    ( 12 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2017, Euro-Team and Spirál-Gép (C‑497/15 u C‑498/15, EU:C:2017:229, punti 3940 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 13 ) L-Artikolu 99c tad-Direttiva 2009/65, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    Top