EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CC0391

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Emiliou, ippreżentati fit-8 ta’ Marzu 2022.
Boriss Cilevičs et vs Latvijas Republikas Saeima.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Satversmes tiesa.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 49 TFUE – Libertà ta’ stabbiliment – Restrizzjoni – Ġustifikazzjoni – Organizzazzjoni tas-sistema edukattiva – Istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla – Obbligu li l-korsijiet ta’ studju jiġu mgħallma bil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru kkonċernat – Artikolu 4(2) TUE – Identità nazzjonali ta’ Stat Membru – Difiża u promozzjoni tal-lingwa uffiċjali ta’ Stat Membru – Prinċipju ta’ proporzjonalità.
Kawża C-391/20.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:166

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

EMILIOU

ippreżentati fit‑8 ta’ Marzu 2022 ( 1 )

Kawża C‑391/20

Boriss Cilevičs,

Valērijs Agešins,

Vjačeslavs Dombrovskis,

Vladimirs Nikonovs,

Artūrs Rubiks,

Ivans Ribakovs,

Nikolajs Kabanovs,

Igors Pimenovs,

Vitālijs Orlovs,

Edgars Kucins,

Ivans Klementjevs,

Inga Goldberga,

Evija Papule,

Jānis Krišāns,

Jānis Urbanovičs,

Ļubova Švecova,

Sergejs Dolgopolovs,

Andrejs Klementjevs,

Regīna Ločmele-Luņova,

Ivars Zariņš

intervenjent fil-kawża:

Latvijas Republikas Saeima

(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Latvijas Republikas Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Latvja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari ‐ Artikolu 49 TFUE ‐ Libertà ta’ stabbiliment ‐ Artikolu 56 TFUE ‐ Libertà li jiġu pprovduti servizzi ‐ Restrizzjoni ‐ Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrikjedi li l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla jippromwovu u jiżviluppaw il-lingwa uffiċjali nazzjonali ‐ Ġustifikazzjoni ‐ Proporzjonalità ‐ Artikolu 4(2) TUE ‐ Identità nazzjonali ‐ Artikolu 13 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ‐ Libertà akkademika”

I. Introduzzjoni

1.

Is-sena 2021 immarkat l‑40 anniversarju tar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar karta Komunitarja tal-lingwi u l-kulturi reġjonali u dwar karta tad-drittijiet tal-minoranzi etniċi ( 2 ). Ir-riżoluzzjoni kienet relattivament qasira, iżda – sa fejn naf jien – kienet waħda mill-ewwel każijiet fejn il-Parlament intervjena f’qasam bħal dan, u talab lill-Istati Membri biex “jimplimentaw politika [speċifika] f’dan il-qasam”. Tabilħaqq, il-kwistjonijiet lingwistiċi kienu tradizzjonalment meqjusa bħala marbuta mill-qrib mas-sovranità u mal-identità nazzjonali ( 3 ), u, għalhekk, soċjalment u politikament sensittivi ħafna fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ( 4 ). Konsegwentement, kemm il-leġiżlatur tal-Unjoni kif ukoll il-qrati tal-Unjoni adottaw b’mod konsistenti approċċ pjuttost prudenti, diplomatiku u prammatiku għas-sistemi lingwistiċi, speċjalment meta dan kien ifisser li jimponu obbligi f’dan ir-rigward fuq l-Istati Membri ( 5 ).

2.

Fil-preambolu tar-riżoluzzjoni, il-Parlament enfasizza d-determinazzjoni tiegħu li “jistabbilixxi unjoni iktar mill-qrib bejn il-popli tal-Ewropa u li jippreżerva l-lingwi ħajjin tagħhom, billi juża d-diversità tagħhom sabiex jarrikkixxi u jiddiversifika l-wirt kulturali komuni tagħhom” ( 6 ). Il-Parlament għalhekk għaqqad żewġ għanijiet li, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, jistgħu jidhru diffiċli biex jiġu rrikonċiljati: ix-xewqa li tinħoloq għaqda iktar mill-qrib fost iċ-ċittadini Ewropej, u li jiġi ppreżervat u promoss il-wirt lingwistiku u kulturali divers tagħhom.

3.

Illum il-ġurnata, erba’ deċennji wara, dawn iż-żewġ għanijiet jibqgħu topiċi u tal-ikbar sinjifikat għall-proġett Ewropew. Ix-xewqa li jitkompla l-proċess li “joħloq għaqda dejjem eqreb fost il-popli ta’ l-Ewropa” tidher fil-preambolu kemm tat-Trattat UE kif ukoll tat-Trattat FUE, kif ukoll fl-Artikolu 1 TUE. Fl-istess ħin, il-preambolu tat-Trattat FUE u l-Artikolu 3(3) TUE jesprimu wkoll ir-rieda tal-Unjoni Ewropea li “tirrispetta r-rikkezza tad-diversità kulturali u lingwistika tagħha” u li “tassigura li jitħares u jkun żviluppat il-wirt kulturali Ewropew”.

4.

Fil-fehma tiegħi, ma hemmx dubju li dawn l-għanijiet ma humiex antitetiċi u, konsegwentement, jistgħu u għandhom jiġu segwiti fl-istess ħin. Madankollu, huwa wkoll veru li, f’ċerti settijiet speċifiċi ta’ ċirkustanzi, dawn jistgħu jiġbdu lill-Unjoni f’direzzjonijiet differenti. Pereżempju, miżuri nazzjonali mfassla biex jippromwovu u jipproteġu l-użu ta’ lingwa nazzjonali jistgħu, fil-prattika, jagħtu lok għal ostakoli għall-eżerċizzju, minn individwi u ditti, tal-libertà ta’ moviment tagħhom.

5.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li għandu jintlaħaq bilanċ ġust bejn dawn iż-żewġ għanijiet, sabiex it-tnejn ikunu jistgħu effettivament jiġu segwiti. Din il-kawża toffri eżempju bħal dan: permezz tad-domandi tagħha, il-Latvijas Republikas Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Latvja) essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk leġiżlazzjoni nazzjonali li, ħlief għal xi eċċezzjonijiet, teħtieġ li l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla joffru korsijiet biss fil-lingwa nazzjonali uffiċjali hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

II. Il‑kuntest ġuridiku

A. Id‑dritt tal‑Unjoni

6.

Il-premessa 11 tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern ( 7 ) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar is-Servizzi”) tipprovdi, inter alia:

“Din id-Direttiva ma tinterferix mal-miżuri meħuda mill-Istati Membri, skond il-liġi Komunitarja, rigward il-ħarsien u l-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika u l-pluraliżmu fil-midja, inkluż il-finanzjament tiegħu.”

7.

L-Artikolu 1(1) u (4) tad-Direttiva dwar is-Servizzi jistipula li:

“1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali li jħaffu l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment għall-fornituri tas-servizzi u l-moviment liberu tas-servizzi, filwaqt li tinżamm kwalità ogħla tas-servizzi.

[…]

4.   Din id-Direttiva ma taffettwax il-miżuri meħudin fuq livell Komunitarju jew fuq dak nazzjonali, skond il-liġi Komunitarja, sabiex jiġu mħarsa jew promossi d-diversità kulturali jew lingwistika jew il-pluraliżmu tal-medja.”

B. Id‑dritt nazzjonali

1.   Il‑Kostituzzjoni Latvjana

8.

L-Artikolu 4 tal-Latvijas Republikas Satversme (il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Latvja; iktar ’il quddiem il-“Kostituzzjoni Latvjana”) jipprovdi, inter alia, li “l-lingwa uffiċjali tar-Repubblika tal-Latvja hija l-Latvjan”.

9.

L-Artikolu 105 tal-Kostituzzjoni Latvjana jipprevedi d-dritt għall-proprjetà, u l-Artikolu 112 tal-Kostituzzjoni Latvjana jirrikonoxxi d-dritt għall-edukazzjoni. Skont l-Artikolu 113 tal-Kostituzzjoni Latvjana, “l-Istat għandu jirrikonoxxi l-libertà ta’ ħolqien xjentifiku, artistiku u forom oħra ta’ ħolqien, u għandu jiżgura l-protezzjoni għad-drittijiet tal-awtur u tal-privattivi”.

2.   Il‑Liġi dwar l‑Istituzzjonijiet ta’ Edukazzjoni Ogħla

10.

L-Artikolu 5 tal-Augstskolu likums (il-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Edukazzjoni Ogħla) tat‑2 ta’ Novembru 1995 ( 8 ) kien jipprovdi li r-rwol tal-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla kien li jippromwovu u jiżviluppaw ix-xjenzi u l-arti. Il-likums ‘Grozījumi Augstskolu likumā’ (il-Liġi li temenda l-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Edukazzjoni Ogħla) tal‑21 ta’ Ġunju 2018 ( 9 ) emendat it-tielet sentenza tal-Artikolu 5 tal-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Edukazzjoni Ogħla kif ġej: “bħala parti mill-attivitajiet tagħhom, [l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla] għandhom jippromwovu u jiżviluppaw ix-xjenzi, l-arti u l-lingwa uffiċjali”.

11.

Il-Liġi li temenda l-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Edukazzjoni Ogħla emendat ukoll l-Artikolu 56 ta’ din il-liġi. Bħala riżultat, l-Artikolu 56(3) tal-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Edukazzjoni Ogħla jistipula li:

“F’istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla u istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni teknika u vokazzjonali ogħla, il-korsijiet ta’ studju għandhom jiġu mgħallma fil-lingwa uffiċjali. Il-korsijiet ta’ studju jistgħu jsiru biss b’lingwa barranija fiċ-ċirkustanzi li ġejjin:

(1) Il-korsijiet ta’ studju segwiti minn studenti barranin fil-Latvja u korsijiet ta’ studju organizzati bħala parti mill-kooperazzjoni prevista mill-programmi tal-Unjoni Ewropea u l-ftehimiet internazzjonali jistgħu jiġu mgħallma fil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Fejn il-kors ta’ studju li għandu jsir fil-Latvja jdum iktar minn sitt xhur jew jirrappreżenta iktar minn 20 kreditu, in-numru ta’ sigħat ta’ klassijiet obbligatorji li għandhom jittieħdu minn studenti barranin għandu jinkludi t-tagħlim tal-lingwa uffiċjali.

(2) Il-klassijiet mgħallma fil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ma jistgħux jammontaw għal iktar minn wieħed minn ħamsa tal-krediti għall-kors tal-istudju; eżamijiet finali, eżamijiet tal-Istat, xogħol ta’ korsijiet evalwat u teżijiet għal grad ta’ baċellerat jew master’s ma jiġux ikkunsidrati għall-finijiet ta’ dan il-kalkolu.

(3) Il-korsijiet ta’ studju jistgħu jittieħdu f’lingwa barranija fejn meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet tagħhom […] għall-kategoriji ta’ korsijiet li ġejjin: studji lingwistiċi u kulturali jew korsijiet tal-lingwa. […]

(4) Il-korsijiet ta’ studju konġunti jistgħu jiġu mgħallma fil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.”

3.   Il‑Liġi dwar l‑Iskola tal-Ekonomija ta’ Stokkolma f’Riga u l‑Liġi dwar il‑Kulleġġ Ogħla tad-Dritt ta’ Riga

12.

L-Artikolu 19(1) tal-Likums ‘Par Latvijas Republikas valdības un Zviedrijas Karalistes valdības līgumu par Rīgas Juridisko augstskolu’ (il-Liġi dwar l-Iskola tal-Ekonomija ta’ Stokkolma f’Riga) ( 10 ) jistipula li: “F’din l-istituzzjoni, il-korsijiet għandhom jiġu mgħallma bl-Ingliż. Ix-xogħol kollu li għandu jiġi sottomess għall-għoti ta’ grad ta’ baċellerat, master’s jew dottorat għandu jinkiteb u jiġi difiż bl-Ingliż, u l-eżamijiet professjonali għandhom isiru bl-Ingliż.”

13.

L-Artikolu 21 tal-Likums ‘Par Rīgas Ekonomikas augstskolu’ (il-Liġi dwar il-Kulleġġ Ogħla tad-Dritt ta’ Riga) ( 11 ) jipprovdi: “Din l-istituzzjoni toffri korsijiet ta’ studju li jkunu kisbu l-awtorizzazzjoni rilevanti u jkunu ngħataw l-akkreditazzjoni skont il-leġiżlazzjoni. Il-korsijiet għandhom jiġu mgħallma bl-Ingliż jew b’lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni Ewropea.”

III. Il‑fatti, il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

14.

Il-Latvijas Republikas Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali) għandha quddiemha rikors ippreżentat minn 20 membru tas-Saeima (il-Parlament Latvjan) (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”). Fir-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jikkontestaw il-kompatibbiltà ta’ xi dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Edukazzjoni Ogħla, kif emendata – essenzjalment, dawk li jobbligaw lill-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla joffru korsijiet fil-lingwa nazzjonali uffiċjali biss –mad-dritt tal-Unjoni.

15.

Quddiem il-Latvijas Republikas Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali), ir-rikorrenti sostnew li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jirrestrinġu, fl-ewwel lok, l-indipendenza tal-istituzzjonijiet privati ta’ edukazzjoni ogħla u l-libertà akkademika tal-għalliema u l-istudenti tagħhom. Huma sostnew ukoll li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jirrestrinġu d-dritt tal-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla li jwettqu attivitajiet kummerċjali u li jipprovdu servizzi ta’ edukazzjoni ogħla bi ħlas, u b’hekk jiksru d-drittijiet ta’ proprjetà tagħhom. Barra minn hekk, billi joħolqu ostaklu għad-dħul fis-suq tal-edukazzjoni ogħla u jipprevjenu liċ-ċittadini u lill-impriżi minn Stati Membri oħra tal-Unjoni milli jipprovdu servizzi ta’ edukazzjoni ogħla f’lingwi barranin, id-dispożizzjonijiet ikkontestati jimminaw ukoll – fil-fehma tar-rikorrenti – id-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi rrikonoxxuti fl-Artikoli 49 u 56 TFUE, kif ukoll il-libertà ta’ intrapriża minquxa fl-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

16.

Fil‑11 ta’ Ġunju 2020, il-Latvijas Republikas Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali) tat sentenza fil-Kawża Nru 2019‑12‑01. Hija ddeċidiet li taqsam il-kawża inkwistjoni fi tnejn: kawża dwar il-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet ikkontestati mal-Artikolu 112 tal-Kostituzzjoni Latvjana (iktar ’il quddiem l-“ewwel kawża”), u kawża dwar il-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet ikkontestati mal-Artikoli 1 u 105 tal-Kostituzzjoni Latvjana (iktar ’il quddiem it-“tieni kawża”).

17.

Il-Latvijas Republikas Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali) qieset li kienet f’pożizzjoni li tagħti sentenza fl-ewwel kawża. Hija kkonstatat li t-tielet sentenza tal-Artikolu 5(1) tal-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Edukazzjoni Ogħla kienet kompatibbli mal-Artikolu 112 tal-Kostituzzjoni Latvjana, flimkien mal-Artikolu 113 tagħha. Mill-banda l-oħra, hija ddikjarat li l-Artikolu 56(3) tal-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Edukazzjoni Ogħla u l-punt 49 tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tagħha kienu inkompatibbli mal-Artikolu 112 tal-Kostituzzjoni Latvjana, flimkien mal-Artikolu 113 tagħha, sa fejn id-dispożizzjonijiet ikkontestati kienu japplikaw għal istituzzjonijiet privati ta’ edukazzjoni ogħla. Madankollu, din il-qorti ddeċidiet temporanjament li żżomm fis-seħħ id-dispożizzjonijiet ikkontestati – jiġifieri, sal‑1 ta’ Mejju 2021 – sabiex tagħti żmien raġonevoli lil-leġiżlatur nazzjonali biex jadotta leġiżlazzjoni ġdida.

18.

Fir-rigward tat-tieni kawża, il-Latvijas Republikas Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali) qieset li ma kinitx f’pożizzjoni li tagħti sentenza. Hija ddeċidiet li d-dritt tal-proprjetà minqux fl-Artikolu 105 tal-Kostituzzjoni Latvjana għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-prinċipji tal-Unjoni dwar il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

19.

Għaldaqstant, peress li kellha dubji dwar l-interpretazzjoni xierqa tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, fid‑29 ta’ Lulju 2020 il-Latvijas Republikas Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“(1)

Leġiżlazzjoni bħal dik kontenzjuża fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment stabbilita fl-Artikolu 49 [TFEU] jew, sussidjarjament, għal-libertà ta’ provvista ta’ servizzi ggarantita fl-Artikolu 56 TFUE, kif ukoll għal-libertà ta’ intrapriża rrikonoxxuta fl-Artikolu 16 tal-[Karta]?

(2)

Liema kunsiderazzjonijiet għandhom jittieħdu biex tiġi evalwata n-natura ġustifikata, adegwata u proporzjonata ta’ tali leġiżlazzjoni b’rabta mal-għan leġittimu tagħha li lingwa uffiċjali tiġi protetta bħala manifestazzjoni tal-indentità nazzjonali?”

20.

Permezz ta’ liġi tat‑8 ta’ April 2021, li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Mejju 2021, id-dispożizzjonijiet ikkontestati ġew emendati. Għalhekk, fis‑6 ta’ Settembru 2021, il-Qorti tal-Ġustizzja staqsiet lil-Latvijas Republikas Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali) jekk xtaqitx tirtira t-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari jew inkella riditx iżżommha. Permezz tat-tweġiba tagħha tal‑5 ta’ Ottubru 2021, il-Latvijas Republikas Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali) informat lill-Qorti tal-Ġustizzja bix-xewqa tagħha li żżomm it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari.

21.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Franċiż, Latvjan, Olandiż u dak Awstrijak, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

IV. Analiżi

22.

F’dawn il-konklużjonijiet, sejjer nittratta l-kwistjonijiet – ċertament importanti u delikati – imqajma mid-domandi magħmula mil-Latvijas Republikas Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali). Madankollu, qabel ma ngħaddi għal dawn il-kwistjonijiet, irrid nindirizza d-dubji, espressi mill-Kummissjoni, dwar ir-rilevanza kontinwa tad-domandi magħmula għas-soluzzjoni tat-tilwima pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju.

A. Ammissibbiltà

23.

L-Artikolu 267 TFUE u l-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jissuġġettaw l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari għal numru ta’ kundizzjonijiet ta’ natura kemm sostantiva u kemm proċedurali. Waħda minn dawn il-kundizzjonijiet hija li r-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi magħmula għandhom ikunu rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju. Fi kliem ieħor, ir-risposta għal dawn id-domandi għandha tkun meħtieġa sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ “tagħti s-sentenza tagħha” fil-kawżi li hija jkollha quddiemha ( 12 ).

24.

Il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tar-rinviju għandhom jiġu ssodisfatti mhux biss fil-mument meta tiġi adita l-Qorti tal-Ġustizzja, iżda wkoll matul il-kawża. Meta, matul il-proċeduri, dawn il-kundizzjonijiet ma jibqgħux jiġu ssodisfatti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ttemm il-proċeduri, u tiddikjara li ma hemmx lok li tirrispondi. Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, meta l-kawża prinċipali tkun saret bla skop minħabba deċiżjonijiet sussegwenti tal-qorti tar-rinviju (jew qorti nazzjonali oħra) fl-istess proċeduri, jew f’xi proċeduri relatati ( 13 ), jew meta d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali jiġu emendati jew imħassra ( 14 ).

25.

Abbażi ta’ din il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni tesprimi xi dubji dwar jekk din it-talba għal deċiżjoni preliminari hijiex ammissibbli. Il-Kummissjoni tinnota li, bis-saħħa tas-sentenza tagħha tal‑11 ta’ Ġunju 2020, il-Latvijas Republikas Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali) diġà sabet li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni jmorru kontra l-kostituzzjoni nazzjonali. Barra minn hekk, wara din is-sentenza, il-leġiżlatur Latvjan emenda dawn id-dispożizzjonijiet, b’effett mill‑1 ta’ Mejju 2021 ( 15 ).

26.

Jien ma għandix l-istess dubji li għandha l-Kummissjoni.

27.

L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, hija biss il-qorti nazzjonali, li tkun adita bit-tilwima u li jkollha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tagħti, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha u kemm ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Minn dan isegwi li d-domandi magħmula mill-qrati nazzjonali jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza u li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar dawn id-domandi fil-każ biss li jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika, jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għal dawn id-domandi ( 16 ).

28.

Il-kawża preżenti ma jidhirli li taqa’ taħt l-ebda waħda mis-sitwazzjonijiet li fihom il-preżunzjoni ta’ rilevanza tista’ tiġi kkonfutata.

29.

F’dan ir-rigward, ninnota li, bis-sentenza tagħha tal‑11 ta’ Ġunju 2020, il-Latvijas Republikas Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet, kif imsemmi fil-punti 16 sa 18 iktar ’il fuq, li taqsam il-proċeduri f’żewġ kawżi distinti: l-ewwel kawża u t-tieni kawża. Fl-ewwel kawża, il-qorti tar-rinviju tat sentenza finali, u sabet li d-dispożizzjonijiet ikkontestati huma inkompatibbli ma’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni Latvjana. Fit-tieni kawża, din il-qorti kkunsidrat li ma setgħetx tlesti l-analiżi dwar l-allegata inkompatibbiltà bejn id-dispożizzjonijiet ikkontestati u dispożizzjonijiet oħra tal-Kostituzzjoni Latvjana. F’dik il-kawża, il-qorti tar-rinviju kkunsidrat li d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali inkwistjoni kellhom jiġu interpretati f’konformità ma’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-portata tagħhom ma kinitx ċara biżżejjed.

30.

Id-domandi magħmula mil-Latvijas Republikas Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali) jikkonċernaw preċiżament it-tieni kawża. Kif spjegat dik il-qorti fit-tweġiba tagħha tal‑5 ta’ Ottubru 2021 għall-mistoqsija tal-Qorti tal-Ġustizzja, dik il-kawża għadha pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju u teħtieġ deċiżjoni ( 17 ). Dan ifisser li l-qorti tar-rinviju tqis li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi magħmula għadha meħtieġa sabiex tagħti s-sentenza.

31.

Fil-proċess ma jidher li hemm xejn li jista’ jqajjem dubju dwar l-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju f’dan ir-rigward. Għall-kuntrarju, numru ta’ elementi jissuġġerixxu li tweġiba għall-kwistjonijiet imqajma f’dan ir-rinviju ma saritx superfluwa.

32.

L-ewwel, ma jistax jiġi eskluż li l-eżami mil-Latvijas Republikas Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali) tal-kwistjonijiet imqajma fit-tieni kawża jista’ jiżvela aspetti ta’ inkompatibbiltà bejn id-dispożizzjonijiet ikkontestati u l-kostituzzjoni nazzjonali – meta din tal-aħħar tiġi interpretata fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni – li huma addizzjonali għal dawk identifikati fl-ewwel kawża. Din is-sitwazzjoni tista’ għalhekk twassal għal intervent addizzjonali tal-leġiżlatur Latvjan sabiex tiġi żgurata l-legalità tad-dispożizzjonijiet ikkontestati. Fil-fatt, permezz tal-liġi tiegħu tat‑8 ta’ April 2021, il-leġiżlatur wera r-rieda tiegħu li jemenda, u mhux li jħassar kompletament, id-dispożizzjonijiet ikkontestati.

33.

It-tieni, il-Latvijas Republikas Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet temporanjament, minkejja l-konstatazzjonijiet tagħha fl-ewwel kawża, li żżomm id-dispożizzjonijiet ikkontestati fis-seħħ sal‑1 ta’ Mejju 2021. Dawn id-dispożizzjonijiet għalhekk baqgħu applikabbli għal perijodu ta’ żmien partikolari. Il-possibbiltà li, wara d-deċiżjoni tal-Latvijas Republikas Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali) fit-tieni kawża, id-ditti u l-individwi milquta mid-dispożizzjonijiet allegatament illegali jibdew proċeduri ġudizzjarji sussegwenti (pereżempju, biex jitolbu kumpens) ma tistax tiġi, a priori, eskluża.

34.

Fuq din il-bażi, ma huwiex ċert li s-sentenza tal-Latvijas Republikas Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali) fl-ewwel kawża u/jew il-liġi li temenda d-dispożizzjonijiet ikkontestati temmew l-allegata inkompatibbiltà bejn id-dispożizzjonijiet ikkontestati u d-dritt tal-Unjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex ovvju li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, jew li l-problema hija ta’ natura ipotetika ( 18 ).

35.

B’mod iktar fundamentali, ma għandux jiġi injorat li l-proċeduri pendenti bħalissa quddiem il-Latvijas Republikas Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali) ma jirrigwardawx tilwima speċifika waħda jew iktar bejn xi persuna fiżika jew ġuridika u l-awtoritajiet pubbliċi. Tabilħaqq, kif spjegat il-qorti tar-rinviju, f’dawk il-proċeduri – li jitressqu minn individwi li għandhom locus standi (bħall-membri tal-Parlament Latvjan), sabiex jiddefendu l-interess pubbliku – hija obbligata twettaq stħarriġ in abstracto tal-leġiżlazzjoni, sabiex jiġi ddeterminat jekk id-dispożizzjonijiet ikkontestati humiex kompatibbli ma’ regoli tad-dritt ta’ grad ogħla.

36.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, li jiġi kkunsidrat li d-domandi preliminari huma irrilevanti għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża jwassal, fil-prattika, sabiex titwarrab in-natura ta’ din il-proċedura u jingħeleb l-iskop tagħha stess.

37.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-rinviju huwa, fil-fehma tiegħi, ammissibbli.

B. Id‑domandi preliminari

38.

Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li huwa xieraq li jiġu eżaminati flimkien, il-Latvijas Republikas Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali) essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk leġiżlazzjoni nazzjonali li, ħlief għal xi eċċezzjonijiet, teħtieġ li l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla joffru korsijiet biss fil-lingwa nazzjonali uffiċjali hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju għandha ċerti dubji dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-Artikoli 49 u 56 TFUE, u lill-Artikolu 16 tal-Karta.

39.

Madankollu, fl-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża preżenti, ġew espressi ċerti dubji fir-rigward tal-kuntest ġuridiku tal-Unjoni rilevanti għall-analiżi. Għalhekk, qabel ma ndur għall-kwistjonijiet sostantivi mqajma mid-domandi preliminari, huwa xieraq li jiġu ċċarati d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li magħhom għandha tiġi evalwata l-kompatibbiltà tal-miżuri nazzjonali inkwistjoni.

1.   Il‑kuntest ġuridiku rilevanti

40.

Fil-fehma tiegħi, sabiex jiġi ddeterminat il-kuntest ġuridiku rilevanti sabiex tiġi evalwata l-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet ikkontestati mad-dritt tal-Unjoni, għandhom jiġu indirizzati tliet kwistjonijiet. L-ewwel, l-għoti ta’ korsijiet ta’ edukazzjoni ogħla jikkostitwixxi “attività ekonomika” u, bħala tali, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi? It-tieni, fl-affermattiv, għandha tiġi evalwata l-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet ikkontestati mad-dritt tal-Unjoni skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar id-dritt ta’ stabbiliment u/jew il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, jew aħjar skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar is-Servizzi? It-tielet u l-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tevalwa, separatament, il-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet ikkontestati mal-Artikolu 16 tal-Karta?

a)   Provvista ta’ korsijiet ta’ edukazzjoni ogħla bħala attività ekonomika għall-finijiet tat-Trattat FUE

41.

It-tweġiba għall-ewwel mistoqsija magħmula fil-punt preċedenti hija pjuttost sempliċi.

42.

Huwa minnu li – kif enfasizza l-Gvern Latvjan – il-kultura u l-edukazzjoni huma oqsma li fil-biċċa l-kbira jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri. Tabilħaqq, skont l-Artikolu 6 TFUE, f’dawk l-oqsma l-Unjoni hija biss kompetenti biex “tieħu azzjonijiet sabiex tappoġġa, tikkoordina jew tissupplimenta l-azzjoni ta’ l-Istati Membri”. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 165(1) TFUE, l-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-edukazzjoni għandha tirrispetta “ir-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri għal dak li hu kontenut ta’ tagħlim u l-organizzazzjoni ta’ sistemi ta’ edukazzjoni u d-diversità kulturali u lingwistika tagħhom”.

43.

Madankollu, dan ma jfissirx li dawn l-oqsma jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Lanqas ma jfisser li l-Istati Membri jistgħu jirregolaw dawk l-oqsma kif jidhrilhom xieraq, jekk dan iwassal għal ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tista’ tkun applikabbli flimkien mar-regoli nazzjonali rilevanti. B’parafrażi ta’ dak li kien qal l-Avukat Ġenerali Tesauro, jista’ jingħad b’mod sikur li l-kultura u l-edukazzjoni ma jikkostitwixxux “gżejjer li ma jistgħux jintlaħqu” mid-dritt tal-Unjoni ( 19 ).

44.

Tabilħaqq, hemm linja konsistenti ta’ kawżi li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja evalwat il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ miżuri nazzjonali adottati bil-għan li jiġi promoss l-użu ta’ lingwi nazzjonali jew minoritarji, u ta’ regoli nazzjonali li jirregolaw il-provvista ta’ servizzi kulturali u/jew edukattivi. Għadd sinjifikattiv ta’ dawk il-kawżi kienu jikkonċernaw – bħall-kawża preżenti – il-kompatibbiltà tal-miżuri nazzjonali mad-dispożizzjonijiet tas-suq intern tal-Unjoni ( 20 ).

45.

B’mod partikolari, fir-rigward tal-attivitajiet edukattivi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-korsijiet mogħtija minn stabbilimenti ta’ tagħlim iffinanzjati, essenzjalment, minn fondi privati jikkostitwixxu “servizzi” għall-finijiet tad-dritt tal-Unjoni ( 21 ). Konsegwentement, liġijiet nazzjonali li jirregolaw dawn l-attivitajiet għandhom, bħala prinċipju, jikkonformaw mar-regoli dwar is-suq intern, u, iktar speċifikament, mar-regoli dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ( 22 ).

46.

Fil-kawża preżenti, nifhem li d-dispożizzjonijiet ikkontestati japplikaw kemm għall-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla pubbliċi kif ukoll għal dawk privati, irrispettivament minn jekk il-korsijiet tagħhom humiex offruti bi ħlas. Konsegwentement, sa fejn japplikaw għal istituzzjonijiet privati ffinanzjati essenzjalment minn fondi privati, id-dispożizzjonijiet ikkontestati għandhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

b)   Id-dispożizzjonijiet tat-TFUE dwar is-servizzi jew id-Direttiva dwar is-Servizzi?

47.

Il-qorti tar-rinviju talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet ikkontestati mad-dritt tal-Unjoni b’riferiment, b’mod partikolari, għall-Artikoli 49 u 56 TFUE. Madankollu, xi partijiet ikkonċernati li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja (b’mod partikolari, il-Gvern tal-Latvja u dak tal-Pajjiżi l-Baxxi) irreferew ukoll għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar is-Servizzi.

48.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 1(1) tagħha, id-Direttiva dwar is-Servizzi stabbilixxiet “dispożizzjonijiet ġenerali li jħaffu l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment għall-fornituri tas-servizzi u l-moviment liberu tas-servizzi, filwaqt li tinżamm kwalità għolja tas-servizzi”. Essenzjalment, id-Direttiva dwar is-Servizzi ġiet adottata bil-ħsieb li tmur lil hinn minn dak li diġà huwa previst fit-Trattat FUE fir-rigward tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ( 23 ). Fejn applikabbli, din id-direttiva għalhekk tikkostitwixxi, fil-prattika, lex specialis fil-konfront tad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja applikat b’mod konsistenti r-regoli stabbiliti fid-Direttiva dwar is-Servizzi bħala l-kuntest ġuridiku sabiex tiġi ddeterminata l-kompatibbiltà ta’ miżuri nazzjonali mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, meta dawn il-miżuri kien jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-istrument legali, mingħajr ma eżaminat il-miżuri fid-dawl tal-Artikoli 49 u/jew 56 TFUE ( 24 ).

49.

F’dan l-isfond, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar is-Servizzi huma applikabbli fir-rigward ta’ miżuri nazzjonali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali?

50.

Jiena tal-fehma li, bħala prinċipju, it-tweġiba għandha tkun fin-negattiv; jew, melius, li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar is-Servizzi ma jipprekludux miżuri bħalma huma d-dispożizzjonijiet ikkontestati.

51.

Skont l-Artikolu 2(1) tagħha, id-Direttiva dwar is-Servizzi tapplika għal servizzi pprovduti mill-fornituri stabbiliti fi Stat Membru. It-terminu “servizz” huwa definit b’mod wiesa’ fl-Artikolu 4(1) tad-direttiva bħala “attività ekonomika mhux imħallsa, normalment magħmula għal remunerazzjoni”. Huwa minnu li korsijiet minn istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla privati jistgħu jiġu (u spiss jiġu) offruti bi ħlas u, għalhekk, jikkostitwixxu “servizzi” għall-finijiet tad-Direttiva dwar is-Servizzi ( 25 ). Huma lanqas ma jissemmew fil-lista ta’ servizzi li l-Artikolu 2(2) jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva ( 26 ).

52.

Madankollu, l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva dwar is-Servizzi jipprovdi li d-direttiva “ma taffettwax il-miżuri meħudin fuq livell Komunitarju jew fuq dak nazzjonali, skond il-liġi Komunitarja, sabiex jiġu mħarsa jew promossi d-diversità kulturali jew lingwistika” ( 27 ). Din id-dispożizzjoni hija rifless tal-premessa 11 tad-Direttiva dwar is-Servizzi, li skontha d-direttiva “ma tinterferix mal-miżuri meħuda mill-Istati Membri, skond il-liġi Komunitarja, rigward il-ħarsien u l-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika […], inkluż il-finanzjament tiegħu”.

53.

Huwa paċifiku li d-dispożizzjonijiet ikkontestati ġew adottati, mil-leġiżlatur nazzjonali, bil-għan li jipproteġu u jippromwovu l-lingwa nazzjonali. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar is-Servizzi ma jistgħux jiġu applikati b’mod li “jaffettwa” jew “jinterferixxi ma’” dan l-għan ( 28 ).

54.

Dan premess, l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva dwar is-Servizzi ma jfissirx li l-miżuri nazzjonali adottati biex jipproteġu jew jippromwovu d-diversità kulturali jew lingwistika qatt ma jistgħu jiksru r-regoli tal-Unjoni dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Tabilħaqq, kif tgħid din id-dispożizzjoni – forsi b’mod superfluwu – dawn il-miżuri ma jiġux affettwati minn din id-direttiva biss meta jkunu “skond il-liġi [tal-Unjoni]”.

55.

Minn dan isegwi li d-Direttiva dwar is-Servizzi ma teżentax mill-ħtieġa li jiġi vverifikat jekk id-dispożizzjonijiet ikkontestati humiex konformi mal-Artikolu 49 u/jew l-Artikolu 56 TFUE ( 29 ).

56.

Jekk dan huwa l-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħmel analiżi taħt l-ewwel waħda, l-aħħar waħda jew it-tnejn li huma?

57.

F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, meta miżura nazzjonali tkun marbuta simultanjament ma’ diversi libertajiet fundamentali, il-Qorti tal-Ġustizzja teżaminaha, bħala prinċipju, fid-dawl ta’ waħda biss minn dawn il-libertajiet jekk jirriżulta li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, l-oħrajn ikunu kompletament sekondarji meta mqabbla ma’ tal-ewwel u jistgħu jiġu kkunsidrati flimkien magħha ( 30 ). Għal dan il-għan, l-għan oġġettiv ( 31 ) u l-konsegwenzi ( 32 ) tal-miżura nazzjonali huma l-elementi ewlenin li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni.

58.

Jidhirli li, fil-kawża preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tillimita l-analiżi tagħha għall-Artikolu 49 TFUE.

59.

Huwa minnu li, kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, id-dispożizzjonijiet ikkontestati huma applikabbli wkoll fir-rigward ta’ istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla stabbiliti f’pajjiżi barranin li jixtiequ joffru korsijiet fil-Latvja fuq bażi temporanja. Madankollu, huwa diffiċli li jiġi kkontestat li dawn id-dispożizzjonijiet – u l-leġiżlazzjoni li jiffurmaw parti minnha – ġew adottati prinċipalment biex jirregolaw l-attivitajiet ta’ istituzzjonijiet stabbiliti (jew li lesti li jistabbilixxu ruħhom) fil-Latvja.

60.

Dawn l-istituzzjonijiet huma wkoll dawk li, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, ser jiġu affettwati mid-dispożizzjonijiet ikkontestati. Tabilħaqq, biex ikunu jistgħu joffru korsijiet ta’ edukazzjoni ogħla, l-istituzzjonijiet normalment jeħtieġ li jħejju xi strutturi amministrattivi u loġistiċi ta’ ċertu sinjifikat, u jiksbu mill-awtoritajiet pubbliċi l-awtorizzazzjonijiet rilevanti biex joħorġu diplomi, ċertifikati jew kwalifiki formali oħra validi. Dan ma huwiex tip ta’ servizz li jista’ jiġi offrut faċilment fuq bażi ta’ darba, temporanja jew irregolari ( 33 ).

61.

Dan ma jfissirx li l-provvista transkonfinali ta’ tali servizzi ma hijiex komuni, aħseb u ara impossibbli. Fil-fatt, it-tkabbir esponenzjali tal-korsijiet ipprovduti fuq l-internet li seħħ fl-aħħar snin – li possibbilment jista’ jintensifika bħala riżultat tal-esperjenza miksuba matul il-pandemija reċenti – huwa eżempju primarju tal-eżistenza ta’ suq bħal dan. Madankollu, bħalissa, il-maġġoranza l-kbira tal-istituzzjonijiet li jipprovdu korsijiet ta’ edukazzjoni ogħla jagħmlu dan fil-pajjiż fejn għandhom is-sede tagħhom. Is-servizzi pprovduti b’mod transkonfinali jikkostitwixxu, sal-lum, parti relattivament żgħira mill-attivitajiet ekonomiċi ġenerali tagħhom.

62.

Barra minn hekk, ma neskludix li l-kwistjoni tista’ tiġi indirizzata wkoll mill-perspettiva tal-benefiċjarji tas-servizzi, li tista’ wkoll tiġġustifika evalwazzjoni skont l-Artikolu 56 TFUE ( 34 ). Dan ikun ifisser li jiġi evalwat l-impatt li miżura nazzjonali bħal dik inkwistjoni jista’ jkollha fuq id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqilqu liberament fl-Unjoni Ewropea – fuq bażi temporanja – sabiex jattendu korsijiet ta’ edukazzjoni ogħla. Wieħed jista’ jassumi li mill-inqas xi wħud minn dawn l-istudenti “internazzjonali” potenzjali jkunu jistgħu biss, jew tal-inqas ikunu jippreferu, isegwu l-korsijiet (jew uħud minnhom) f’lingwi oħra għajr bil-Latvjan. Data reċenti mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (l-OECD) turi li hemm popolazzjoni sinjifikattiva ta’ studenti internazzjonali fil-Latvja ( 35 ), li parti minnha tista’ ovvjament tiġi affettwata mid-dispożizzjonijiet ikkontestati.

63.

F’dan ir-rigward, il-Gvern Latvjan jinsisti li l-Artikolu 56(3) tal-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Edukazzjoni Ogħla jiżgura li, fil-biċċa l-kbira taċ-ċirkustanzi, studenti barranin jistgħu jattendu korsijiet f’lingwi oħra minbarra l-Latvjan, u b’mod partikolari fil-lingwi uffiċjali tal-Istati Membri oħra tal-Unjoni. Dan huwa punt li, ċertament, ma huwiex kompletament ċar għalija abbażi tal-informazzjoni li tinsab fil-proċess.

64.

Madankollu, dan l-aspett huwa ta’ ftit rilevanza f’dan il-kuntest peress li, fil-fehma tiegħi, l-iktar limitazzjonijiet sostanzjali li jirriżultaw direttament mid-dispożizzjonijiet ikkontestati huma dawk imqiegħda fuq ċerti fornituri ta’ servizzi, jiġifieri l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla. Hija tabilħaqq il-libertà ekonomika tagħhom li hija prinċipalment ristretta bħala riżultat tal-miżura nazzjonali inkwistjoni, u hija fil-fatt din il-kwistjoni li tidher li tinsab fil-qalba tat-tilwima mressqa quddiem il-qorti tar-rinviju.

65.

Fi kwalunkwe każ, fid-dawl tax-xebh taż-żewġ “reġimi” li jirregolaw id-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, ma narax kif analiżi tal-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet ikkontestati mad-dritt tal-Unjoni mill-aspett tal-Artikolu 56 TFUE jista’ jkollha xi differenza sostanzjali minn analiżi mill-aspett tal-Artikolu 49 TFUE ( 36 ).

66.

Bħala konklużjoni, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja, anki għal raġunijiet ta’ ekonomija ġudizzjarja, biex tevalwa l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tad-dispożizzjonijiet ikkontestati fid-dawl tal-Artikolu 49 TFUE.

c)   L‑Artikolu 16 tal-Karta

67.

Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk id-dispożizzjonijiet ikkontestati humiex kompatibbli mal-Artikolu 16 tal-Karta. Din id-dispożizzjoni, intitolata “Il-libertà ta’ intrapriża”, tipprovdi li: “[i]l-libertà ta’ intrapriża skond il-liġi ta’ l-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali hija rikonoxxuta”.

68.

F’dan ir-rigward, ma nemminx li, fil-kawża preżenti, hija meħtieġa jew xierqa evalwazzjoni speċifika ffukata fuq l-Artikolu 16 tal-Karta.

69.

L-ewwel nett, l-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE huma, tal-inqas sa ċertu punt, manifestazzjoni tal-libertà minquxa fl-Artikolu 16 tal-Karta. Tabilħaqq, il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod konsistenti ddeċidiet li eżami tar-restrizzjonijiet introdotta minn miżuri nazzjonali skont l-Artikoli 49 u 56 TFUE jkopri wkoll l-eventwali limitazzjonijiet tal-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet previsti, inter alia, fl-Artikolu 16 tal-Karta, b’tali mod li ġeneralment ma huwiex neċessarju eżami separat tal-libertà ta’ intrapriża ( 37 ).

70.

Barra minn hekk, wieħed ma għandux jinsa l-fatt li l-Artikolu 16 tal-Karta jirrikonoxxi l-libertà ta’ intrapriża “skond il-liġi ta’ l-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali”. Għalhekk, meta jidentifika l-portata ta’ din il-libertà, l-Artikolu 16 tal-Karta jirreferi speċifikament għad-dritt tal-Unjoni, li ovvjament jinkludi dispożizzjonijiet bħall-Artikoli 49 u 56 TFUE ( 38 ).

71.

Fl-aħħar nett, la fit-talba għal deċiżjoni preliminari, u lanqas fl-osservazzjonijiet ippreżentati f’din il-kawża, ma stajt insib xi aspett ta’ allegata inkompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tad-dispożizzjonijiet ikkontestati li ma jaqax kompletament fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 49 u 56 TFUE. Fi kliem ieħor, ma sibt l-ebda argument li kien speċifikament ikkonċernat minn ksur possibbli tal-Artikolu 16 tal-Karta ( 39 ), li jmur lil hinn mill-protezzjoni tad-drittijiet ekonomiċi ta’ fornituri ta’ servizzi bbażati barra mill-pajjiż.

72.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, fit-taqsimiet sussegwenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, ser nillimita l-analiżi tiegħi biex neżamina jekk il-miżuri nazzjonali inkwistjoni humiex kompatibbli mal-Artikolu 49 TFUE.

2.   Il‑kwistjonijiet sostantivi

73.

Fit-taqsimiet ta’ hawn taħt, ser nevalwa jekk id-dispożizzjonijiet ikkontestati jagħtux lok għal restrizzjoni taħt l-Artikolu 49 TFUE u, jekk iva, jekk din ir-restrizzjoni tistax tiġi ġġustifikata, fid-dawl tal-Artikolu 4(2) TUE.

a)   Eżistenza ta’ restrizzjoni

74.

Mad-daqqa ta’ għajn, tali leġiżlazzjoni tintroduċi restrizzjoni għad-dritt ta’ stabbiliment iggarantit mill-Artikolu 49 TFUE. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kull miżura li tipprojbixxi, timpedixxi jew tagħmel inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment għandha titqies bħala restrizzjoni għal din il-libertà ( 40 ).

75.

Fil-kawża preżenti, id-dispożizzjonijiet ikkontestati jagħmluha iktar diffiċli għal ċerti impriżi stabbiliti barra mill-pajjiż li jirrilokaw lejn il-Latvja jew li jiftħu xi post ieħor ta’ negozju fil-Latvja. Kif josservaw ġustament ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, sa fejn il-korsijiet edukattivi għandhom jiġu pprovduti (kważi esklużivament) bil-Latvjan, ħafna istituzzjonijiet barranin ta’ edukazzjoni ogħla ma jkunux jistgħu jużaw parti (probabbilment sinjifikattiva) tal-persunal amministrattiv u ta’ tagħlim tagħhom fil-Latvja. Barra minn hekk, istituzzjonijiet barranin ta’ edukazzjoni ogħla huma preklużi milli joffru firxa iktar diversifikata u kompetittiva ta’ servizzi, bħal korsijiet mgħallma f’lingwi oħrajn, minkejja li hemm domanda sostanzjali għal dawn ( 41 ).

76.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nikkonkludi li, sa fejn jagħmlu iktar diffiċli u inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment għal istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla bbażati fi Stati Membri oħra, id-dispożizzjonijiet ikkontestati jagħtu lok għal restrizzjoni taħt Artikolu 49 TFUE.

b)   Ġustifikazzjoni

77.

Hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment tista’ tiġi aċċettata biss bil-kundizzjoni, l-ewwel, li tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali u, it-tieni, li jiġi osservat il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fir-rigward tal-proporzjonalità, il-miżura nazzjonali għandha tkun xierqa sabiex tiggarantixxi, b’mod koerenti u sistematiku, it-twettiq tal-għan li għandu jintlaħaq, u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq. Barra minn hekk, il-miżura nazzjonali għandha tkun proporzjonata stricto sensu sa fejn għandha toħloq bilanċ ġust bejn l-interessi inkwistjoni, jiġifieri l-interess segwit mill-Istat bil-miżura inkwistjoni u l-interessi tal-persuni affettwati b’mod negattiv. Huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu juri li dawn il-kundizzjonijiet kumulattivi huma ssodisfatti ( 42 ).

78.

Fil-kawża preżenti, il-Gvern Latvjan spjega li d-dispożizzjonijiet ikkontestati huma espressjonijiet tax-xewqa tiegħu li jipproteġi u jippromwovi l-użu tal-lingwa uffiċjali tal-Istat. Dan il-gvern jenfasizza wkoll li l-lingwa uffiċjali għandha titqies bħala parti mill-identità nazzjonali u jinvoka, f’dan il-kuntest, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(2) TUE.

79.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, mill-bidu nett, li l-Unjoni Ewropea hija obbligata, skont l-Artikolu 4(2) TUE, li tirrispetta l-identità nazzjonali tal-Istati Membri, inerenti fl-istrutturi fundamentali tagħhom, kemm politiċi kif ukoll kostituzzjonali ( 43 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li l-identità nazzjonali ta’ Stat Membru tista’ tinkludi l-lingwa (jew lingwi) uffiċjali tiegħu ( 44 ). Għalhekk, l-għan li jiġi promoss u stimulat l-użu ta’ dik il-lingwa (jew dawk il-lingwi) jikkostitwixxi, fi ħdan l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, interess leġittimu li jista’ jiġġustifika restrizzjoni fuq libertà jew libertajiet ta’ moviment ( 45 ). Konsegwentement, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix l-adozzjoni ta’ politika intiża għall-protezzjoni u għall-promozzjoni ta’ lingwa jew lingwi uffiċjali ta’ Stat Membru ( 46 ).

80.

Madankollu, dan ma jimplikax li – bis-saħħa tal-Artikolu 4(2) TUE – kwalunkwe miżura nazzjonali li tifforma parti minn politika intiża għall-protezzjoni u għall-promozzjoni tal-lingwa jew lingwi uffiċjali ta’ Stat Membru hija awtomatikament u intrinsikament kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

81.

F’dan il-punt, x’aktarx jixraq li ssir diskussjoni qasira dwar l-Artikolu 4(2) TUE.

1) Xi kunsiderazzjonijiet fil‑qosor relatati mal-Artikolu 4(2) TUE

82.

Sal-lum, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma żviluppatx il-kunċett ta’ “identità nazzjonali” jew in-natura u l-portata tal-“klawżola tal-identità nazzjonali” stipulata fl-Artikolu 4(2) TUE. Madankollu, fid-dawl tal-formulazzjoni tiegħu, u meta jitqiesu l-kawżi deċiżi mill-Qorti tal-Ġustizzja sa issa, ta’ min jiġu enfasizzati ċerti aspetti tal-Artikolu 4(2) TUE (jew anki limitazzjonijiet intrinsiċi għalih).

83.

L-ewwel, fir-rigward tan-natura tal-Artikolu 4(2) TUE, jidhirli li din id-dispożizzjoni għandha, l-ewwel u qabel kollox, natura doppja. Minn naħa, hija tirrikjedi li l-leġiżlatur tal-Unjoni jqis l-identitajiet nazzjonali tal-Istati Membri meta jadotta leġiżlazzjoni. Loġikament, għandu jeżisti obbligu simili fir-rigward tal-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-Unjoni meta jadottaw atti legalment vinkolanti oħra. F’dan ir-rigward, l-identità nazzjonali tista’ għalhekk tiffunzjona wkoll bħala parametru ta’ validità: kwalunkwe att tal-Unjoni li jkun f’kunflitt b’mod irrimedjabbli mal-identità nazzjonali ta’ Stat Membru wieħed jew iktar ikun invalidu għal ksur tal-Artikolu 4(2) TUE. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 4(2) TUE jeħtieġ li l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni – inkluż il-ġudikatura tal-Unjoni – iqisu l-identitajiet nazzjonali tal-Istati Membri meta jinterpretaw u japplikaw id-dritt tal-Unjoni ( 47 ).

84.

Madankollu, għadu mhux ċar jekk u, jekk iva, sa liema punt, l-Artikolu 4(2) TUE jistax jiġi interpretat bħala li jintroduċi klawżola orizzontali jew ġenerali li l-Istati Membri jistgħu jinvokaw sabiex validament jitolbu derogi mir-regoli tal-Unjoni. Madankollu, sa fejn (fil-kawża preżenti) id-dritt tal-Unjoni jista’ jiġi interpretat b’mod li, bħala prinċipju, jippermetti li l-aspetti tal-identità nazzjonali invokati mill-Gvern Latvjan jiġu debitament ikkunsidrati fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tar-regoli rilevanti tal-Unjoni, dan il-punt ma għandux għalfejn jiġi indirizzat f’dawn il-konklużjonijiet.

85.

It-tieni, fir-rigward tal-portata tad-dispożizzjoni, il-formulazzjoni tal-Artikolu 4(2) TUE tippreċiża li huwa jista’ jiġi invokat biss fir-rigward tal-elementi kostituzzjonali ewlenin ta’ Stat Membru. Din id-dispożizzjoni fil-fatt tirreferi għall-identità nazzjonali tal-Istati Membri inerenti fl-“istrutturi politiċi u kostituzzjonali, fundamentali tagħhom” ( 48 ). Dan huwa kkonfermat ukoll mir-riferiment, fl-Artikolu 4(2) TUE, għad-dmir tal-Unjoni li “tirrispetta l-funzjonijiet Statali essenzjali [tal-Istati Membri]” ( 49 ).

86.

Fil-fehma tiegħi, ma hijiex l-Unjoni li għandha tiddetermina, għal kull Stat Membru, l-elementi li jiffurmaw parti minn din il-qalba tal-identità nazzjonali. L-Istati Membri jgawdu libertà sostanzjali f’dan ir-rigward ( 50 ). Madankollu, id-diskrezzjoni tal-Istati Membri ma tistax tkun bla limiti. Inkella, l-Artikolu 4(2) TUE jammonta għal klawżola ta’ ħruġ konvenjenti mir-regoli u mill-prinċipji tat-Trattati tal-Unjoni, li tista’ tiġi attivata minn kwalunkwe Stat Membru fi kwalunkwe ħin. Obbligu għall-Unjoni li “tirrispetta” l-identitajiet nazzjonali tal-Istati Membri ma jistax ikun ekwivalenti għal dritt ta’ Stat Membru li jinjora d-dritt tal-Unjoni skont il-konvenjenza tiegħu.

87.

It-tielet, l-elementi ewlenin tal-identità nazzjonali invokati minn Stat Membru għandhom neċessarjament ikunu kompatibbli mal-qafas kostituzzjonali tal-Unjoni u, b’mod iktar speċifiku, mal-valuri fundaturi tagħha (Artikolu 2 TUE) u mal-għanijiet tagħha (Artikolu 3 TUE). L-Artikolu 4(2) TUE jistabbilixxi l-prinċipji ewlenin li jirregolaw ir-relazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri ( 51 ), u ma jistax jiġi interpretat bħala li jiddefinixxi mill-ġdid x’inhi l-Unjoni Ewropea u x’tirrappreżenta. B’mod partikolari, f’dak li għandu x’jaqsam mal-valuri fundaturi, l-Istati Membri nnifishom – għal darba oħra, bit-Trattat ta’ Lisbona – aċċettawhom bħala valuri li huma wkoll “komuni” għalihom. Konsegwentement, l-Artikolu 4(2) TUE ma jistax jitqies li jidderoga mill-Artikoli 2 TUE u 3 TUE ( 52 ).

88.

Ir-raba’, anki meta tiġi invokata fir-rigward ta’ miżuri nazzjonali li għandhom l-għan li jipproteġu element ġenwin ta’ identità nazzjonali, u dan l-element huwa ġeneralment konsistenti mal-qafas kostituzzjonali tal-Unjoni, l-analiżi tal-kompatibbiltà bejn il-miżura nazzjonali inkwistjoni u d-dritt tal-Unjoni ma tistax tieqaf hemm. Jista’ jkun hemm aspetti oħra tat-talbiet tal-Istati Membri taħt l-Artikolu 4(2) TUE li, skont ir-regoli tal-Unjoni li jistgħu jkunu applikabbli għaċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ, jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju.

89.

F’kawża bħal din preżenti, meta Stat Membru jinvoka l-Artikolu 4(2) TUE bħala ġustifikazzjoni fir-rigward ta’ restrizzjoni possibbli għal-libertajiet tas-suq intern, il-ġurisprudenza turi ( 53 ) – u l-kummentarji jaqblu b’mod ġenerali ( 54 ) – li l-miżura nazzjonali għandha tkun suġġetta għat-test tradizzjonali tal-proporzjonalità.

90.

B’mod partikolari, filwaqt li huma l-gvernijiet tal-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu dwar il-livell li fih jixtiequ jiżguraw il-protezzjoni tal-interess ġenerali inkwistjoni ( 55 ), għandu jkun possibbli li jiġu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, il-kwistjonijiet dwar jekk (i) il-miżuri nazzjonali jagħtux kontribut sostanzjali għall-kisba tal-għan iddikjarat; (ii) jistax ikun hemm miżuri oħra li huma ugwalment kapaċi jwettqu dan, filwaqt li jkunu inqas restrittivi għal-libertajiet tas-suq intern; u (iii) il-miżuri nazzjonali jistax ikollhom riperkussjonijiet sproporzjonati fuq is-suġġetti affettwati l-oħra.

91.

Il-ħames, f’kawża bħal din, ma nemminx li hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tasal għal konklużjoni definittiva dwar il-proporzjonalità tad-dispożizzjonijiet ikkontestati. Il-qrati nazzjonali kompetenti huma, fil-fehma tiegħi, fl-aħjar pożizzjoni biex jiżnu d-diversi punti ta’ liġi u ta’ fatt speċifiċi għall-Istati Membri kkonċernati, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-miżuri nazzjonali inkwistjoni jissodisfawx il-kriterju ta’ proporzjonalità ( 56 ).

92.

L-identità nazzjonali hija normalment ir-riżultat tal-istorja, tal-kultura, u tal-karatteristiċi soċjopolitiċi ta’ pajjiż speċifiku. Jaf ma jkunx faċli, għal qorti sopranazzjonali, li tifhem kompletament l-importanza ta’ element partikolari ta’ identità nazzjonali, tidentifika l-livell ta’ protezzjoni mixtieq mill-awtoritajiet nazzjonali, u tevalwa jekk hemmx relazzjoni raġonevoli bejn l-għan imfittex u l-mezzi użati biex jintlaħaq għal dan il-għan.

93.

Għalhekk, meta titressaq talba ġenwina bbażata fuq l-identità nazzjonali, sakemm il-kwistjonijiet ma jkunux pjuttost sempliċi, u sakemm l-interess nazzjonali protett ikun ġeneralment kompatibbli mal-qafas kostituzzjonali tal-Unjoni, għandhom ikunu prinċipalment il-qrati nazzjonali kompetenti li għandhom jevalwaw il-proporzjonalità. Dan ma jfissirx, ovvjament, li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tipprovdi lill-qrati nazzjonali kompetenti bl-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għalihom biex iwettqu din l-analiżi ( 57 ).

94.

Huwa fl-isfond ta’ dawn il-prinċipji li għandhom jiġu kkunsidrati l-argumenti mressqa mill-Gvern Latvjan abbażi tal-Artikolu 4(2) TUE.

2) Ġustifikazzjoni tar‑restrizzjoni fil-kawża preżenti

95.

Fl-ewwel lok, ma tantx jista’ jkun hemm dubju li d-dispożizzjonijiet ikkontestati huma ġenwinament intiżi sabiex jipproteġu u jippromwovu l-użu tal-lingwa uffiċjali tal-Istat: il-Latvjan. Dan huwa, kif imsemmi fil-punt 79 iktar ’il fuq, interess leġittimu li jista’ jiġġustifika restrizzjoni għad-dritt ta’ stabbiliment minqux fl-Artikolu 49 TFUE.

96.

Madankollu, l-evalwazzjoni dwar il-proporzjonalità tad-dispożizzjonijiet ikkontestati ma hija bl-ebda mod evidenti. Għaldaqstant, dan huwa kompitu li, fil-fehma tiegħi, l-aħjar jitħalla f’idejn il-qorti tar-rinviju.

97.

Madankollu, bil-għan li din il-qorti tipprovdi xi gwida utli, issa ser noffri xi kunsiderazzjonijiet, fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tad-dispożizzjonijiet ikkontestati.

98.

L-ewwel, normalment ma jkolli ebda diffikultà biex nasal għall-konklużjoni li l-miżura kkontestata hija fil-prinċipju xierqa sabiex tilħaq l-għan tal-protezzjoni u l-promozzjoni tal-użu tal-lingwa uffiċjali tal-Istat. Fil-fatt, billi teħtieġ li l-għalliema u l-istudenti b’mod ġenerali jużaw il-Latvjan matul il-korsijiet, din tiżgura l-użu u t-tixrid ta’ din il-lingwa.

99.

Madankollu, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni jesprimu xi dubji dwar il-kapaċità ta’ din il-miżura nazzjonali li tilħaq dan l-għan b’mod suffiċjentement konsistenti u sistematiku. B’mod partikolari, huma jargumentaw li ma hemm l-ebda raġuni oġġettiva biex jingħata xi trattament speċjali lil żewġ istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni privati bħall-Iskola tal-Ekonomija ta’ Stokkolma f’Riga u l-Kulleġġ Ogħla tad-Dritt ta’ Riga, u biex jiġi miċħud trattament simili lil istituzzjonijiet privati oħra (inkluż dawn ibbażati barra mill-pajjiż). Barra minn hekk, huma josservaw li, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, ir-reġim lingwistiku tal-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla huwa iktar strett mir-reġim ekwivalenti applikabbli għall-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni primarja u sekondarja. Fil-fehma tagħhom, dan huwa irraġonevoli: jekk xejn, l-għan tal-promozzjoni u l-protezzjoni tal-użu tal-lingwa uffiċjali jidher li jintlaħaq l-iktar billi jiġi adottat reġim iktar strett għall-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni primarja u sekondarja milli għall-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla.

100.

Jiena nara xi merti f’dawn l-argumenti. Madankollu, irrid nirrikonoxxi li ma hemmx biżżejjed informazzjoni fil-proċess dwar dawn iż-żewġ aspetti (ir-raġunijiet għall-pożizzjoni speċjali mogħtija lill-Iskola tal-Ekonomija ta’ Stokkolma f’Riga u lill-Kulleġġ Ogħla tad-Dritt ta’ Riga, u r-reġim applikabbli għall-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni primarja u sekondarja) li tippermettili nieħu pożizzjoni iktar soda fir-rigward tal-koerenza tas-sistema ġenerali. Nemmen li dan huwa punt li għandha tistħarreġ il-qorti nazzjonali.

101.

It-tieni, il-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjonijiet ikkontestati humiex neċessarji sabiex jintlaħaq l-għan iddikjarat hija, fil-fehma tiegħi, iktar kumplessa.

102.

Id-dubji tiegħi jirriżultaw prinċipalment mill-fatt li l-att ikkontestat jidher li huwa bbażat fuq il-premessa li, sabiex jiġi promoss l-użu tal-lingwa uffiċjali tal-Istat, l-użu ta’ lingwi oħra fl-edukazzjoni ogħla għandu inevitabbilment jiġi “ssagrifikat” (jew tal-inqas ristrett b’mod sostanzjali). Jien ma naqbilx ma’ din il-fehma.

103.

Il-merti u n-nuqqas ta’ merti rispettivi tal-monolingwiżmu u l-multilingwiżmu huma s-suġġett ta’ bosta xogħlijiet xjentifiċi u ċertament ma huwiex kompitu tiegħi li nesprimi opinjoni dwar dan. Ser nosserva biss li r-riċerka moderna tidher li ġeneralment taqbel li t-tagħlim ta’ żewġ lingwi jew iktar, speċjalment f’età żgħira, ma jikkawżax dewmien fil-proċess tat-tagħlim, u li n-nies li huma bilingwi (jew multilingwi) ġeneralment ikunu iktar kapaċi li jitgħallmu lingwi addizzjonali ( 58 ). Dan jissuġġerixxi li miżura ta’ protezzjoni u ta’ promozzjoni ta’ lingwa speċifika ma għandhiex għalfejn tkun għad-detriment ta’ lingwi oħra.

104.

F’dan ir-rigward, ninnota li l-eċċezzjonijiet għall-obbligu ta’ tagħlim fil-lingwa uffiċjali tal-Istat huma relattivament ftit, u pjuttost limitati fil-portata tagħhom. L-effett tad-dispożizzjonijiet ikkontestati huwa li jimponi monolingwiżmu de facto fil-qasam tal-edukazzjoni ogħla, inkluż fis-settur privat. Il-miżura nazzjonali għalhekk tidher li hija pjuttost radikali u għalhekk possibbilment wiesgħa żżejjed ( 59 ).

105.

Pereżempju, nistaqsi jekk ċerta espansjoni u ċertu rilassament tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 56(3) tal-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Edukazzjoni Ogħla jistgħux jiżguraw il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-lingwa uffiċjali tal-Istat filwaqt li jkunu inqas restrittivi fil-konfront tal-istituzzjonijiet stabbiliti fi Stati Membri oħra.

106.

It-tielet u l-aħħar nett, meta l-benefiċċji tad-dispożizzjonijiet ikkontestati dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-lingwa uffiċjali tal-Istat jiġu bbilanċjati mal-iżvantaġġi li jirriżultaw għad-diversi kategoriji ta’ individwi u ta’ impriżi affettwati b’mod negattiv minnhom, ma ninsabx ċert li l-iskala xxaqleb favur dawn tal-ewwel.

107.

Tabilħaqq, fuq naħa waħda tal-iskala hemm l-intenzjoni (ċertament leġittima) li tiġi promossa l-lingwa nazzjonali ta’ Stat Membru u, permezz ta’ dan, jiġu ppreżervati l-kultura u l-identità nazzjonali tal-pajjiż. Fuq in-naħa l-oħra tal-iskala, madankollu, hemm diversi interessi pubbliċi u privati oħra li l-miżura tillimita jew tinterferixxi magħhom b’mod sostanzjali.

108.

Uħud minn dawn l-interessi huma rikonoxxuti bħala li jistħoqqilhom protezzjoni skont id-dritt tal-Unjoni, kif ukoll skont il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u – nissuspetta – anki skont id-dritt nazzjonali Latvjan. F’dak li għandu x’jaqsam mad-dritt tal-Unjoni, xi wħud minn dawn l-interessi huma identifikati fil-Karta bħala konnessi mad-drittijiet jew mal-libertajiet fundamentali ( 60 ). Minbarra l-libertajiet ekonomiċi tal-fornituri tas-servizzi u tar-riċevituri (li, kif imsemmi, huma wkoll minquxa fl-Artikolu 16 tal-Karta) li għadhom kif ġew diskussi, l-impatt fuq id-drittijiet u l-libertajiet li ġejjin jidher li ma huwiex negliġibbli.

109.

L-ewwel nett, il-miżura tirrestrinġi l-libertà akkademika tal-għalliema (stabbilita fl-Artikolu 13 tal-Karta) u d-dritt tal-individwi u tal-kumpanniji li jwaqqfu stabbilimenti ta’ tagħlim (minqux fl-Artikolu 14(3) tal-Karta). Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet ikkontestati għandhom ukoll effett fuq il-possibbiltà għall-istudenti nnifishom li jagħżlu, meta jkun possibbli, edukazzjoni li tkun konformi mal-“konvinzjonijiet pedagoġiċi” tagħhom (li tista’ tinkludi użu iktar intensiv ta’ lingwi barranin fil-korsijiet ta’ edukazzjoni ogħla). Għalkemm tali dritt ma huwiex espressament ipproklamat fil-Karta, naħseb li jista’ jitqies impliċitu fid-“dritt għall-edukazzjoni” li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tal-Karta jiggarantixxi lil “kull persuna”, meta din id-dispożizzjoni tinqara flimkien mat-tielet paragrafu ta’ dan l-artikolu ( 61 ).

110.

Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet ikkontestati joħolqu diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwa, forma ta’ diskriminazzjoni pprojbita taħt l-Artikolu 21(1) tal-Karta, għad-detriment ta’ persuni li ma humiex ċittadini impjegati (jew impjegabbli) fis-settur tal-edukazzjoni ogħla. F’dan il-kuntest, bilkemm jeħtieġ li nfakkar li r-rekwiżiti lingwistiċi għall-aċċess għal xi attività ekonomika jistgħu ta’ spiss jagħtu lok għal diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità, peress li huma ssodisfatti iktar faċilment minn professjonisti lokali milli minn professjonisti barranin.

111.

Barra minn hekk, għandi nfakkar li hemm żewġ naħat tal-kunċett ta’ “diversità lingwistika” li l-Unjoni Ewropea hija obbligata tosserva skont l-Artikolu 22 tal-Karta u l-Artikolu 2(3) TUE. Dan il-kunċett ma jistax jinftiehem bħala sempliċi espressjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it-Trattati, stabbilit fl-Artikolu 4(2) TUE, li b’hekk jimplika li l-Unjoni Ewropea għandha tirrispetta l-lingwi uffiċjali tagħhom u tqishom bħala li għandhom l-istess pożizzjoni. Tabilħaqq hemm aspett addizzjonali għalih: ir-rispett tal-lingwi minoritarji.

112.

Din hija kwistjoni li – sa fejn fhimt jien – hija kruċjali f’din il-kawża, minħabba l-eżistenza ta’ minoranza sostanzjali li titkellem ir-Russu fil-Latvja. F’dan ir-rigward, irrid infakkar li l-protezzjoni tal-lingwi minoritarji hija valur minqux f’diversi dispożizzjonijiet tad-dritt primarju tal-Unjoni (inkluż l-Artikolu 2 TUE msemmi qabel u l-Artikolu 21(1) tal-Karta) u f’diversi strumenti internazzjonali li l-Unjoni Ewropea u/jew l-Istati Membri ffirmaw ( 62 ).

113.

Id-dispożizzjonijiet ikkontestati, billi jagħmluha impossibbli għal istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla ffinanzjati minn fondi privati li jorganizzaw korsijiet f’din il-lingwa, fil-fehma tiegħi sinjifikattivament jaffettwaw id-drittijiet lingwistiċi ta’ din il-minoranza. Dan huwa a fortiori minnu peress li l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 56(3) tal-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Edukazzjoni Ogħla ma japplikawx għar-Russu, peress li ma huwiex wieħed mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

114.

F’dan ir-rigward, kif ġie spjegat, hija fl-aħħar mill-aħħar il-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa u, jekk ikun il-każ, tiżen, b’mod xieraq l-elementi elenkati fil-punti preċedenti.

115.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula fis-sens li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li, sabiex tiżviluppa u tippromwovi l-lingwa uffiċjali tal-Istat, teħtieġ li, ħlief għal xi eċċezzjonijiet, istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla essenzjalment iffinanzjati minn fondi privati, joffru korsijiet f’dik il-lingwa biss, hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni sakemm tkun xierqa u meħtieġa sabiex jintlaħaq l-għan iddikjarat, u tilħaq bilanċ ġust bejn l-interessi involuti.

116.

Bħala konklużjoni, ser nagħmel postilla finali. Nixtieq immur lura għal dak li ddikjarajt fl-introduzzjoni tiegħi. Naqbel bis-sħiħ mal-Avukat Ġenerali Darmon li huwa essenzjali li tiġi ppreżervata r-rikkezza kulturali tal-Ewropa u li tiġi żgurata d-diversità tal-wirt lingwistiku tagħha ( 63 ). Madankollu, ma nemminx li dan l-għan nobbli għandu jinkiseb billi Stati Membri jimponu monolingwiżmu de facto f’settur partikolari ta’ attività ekonomika, anki meta dan is-settur ikun l-għoti ta’ korsijiet ta’ edukazzjoni ogħla. La huwa fl-interess tal-Istati Membri, u lanqas tal-Unjoni Ewropea, li jinħolqu – biex nerġa’ nuża l-metafora msemmija hawn fuq – 27 “gżira” monolingwa (jew bilingwa jew trilingwa) fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Probabbilment din ma hijiex id-diversità u r-rikkezza li nixtiequ nippromwovu f’“għaqda dejjem eqreb” fost il-popli tal-Ewropa. Tabilħaqq ma hemm l-ebda relazzjoni binarja intrinsikament inkompatibbli bejn iktar integrazzjoni u preżervazzjoni tal-lingwa diversa u tal-wirt kulturali Ewropew.

V. Konklużjoni

117.

Bħala konklużjoni, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula għal deċiżjoni preliminari mil-Latvijas Republikas Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali, Latvja) kif ġej:

Leġiżlazzjoni nazzjonali li, sabiex tiżviluppa u tippromwovi l-lingwa uffiċjali tal-Istat, teħtieġ li, ħlief għal xi eċċezzjonijiet, istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla essenzjalment iffinanzjati minn fondi privati, joffru korsijiet f’dik il-lingwa biss, hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni sakemm tkun xierqa u meħtieġa sabiex jintlaħaq l-għan iddikjarat, u tilħaq bilanċ ġust bejn l-interessi involuti.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Riżoluzzjoni tas‑16 ta’ Ottubru 1981 (ĠU 1981 C 287, p. 106).

( 3 ) F’iktar dettall u b’iktar referenzi, ara van der Jeught, S., EU Language Law, Europa Law Publishing, 2015, p. 55-77.

( 4 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (C‑566/10 P, EU:C:2012:368, punt 2).

( 5 ) Ara, b’riferiment għall-ġurisprudenza, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża An tAire Talmhaíochta Bia agus Mara, Éire agus an tArd-Aighne (C‑64/20, EU:C:2021:14, punti 7479).

( 6 ) Enfasi miżjud.

( 7 ) ĠU 2006 L 376, p. 36.

( 8 ) Latvijas Vēstnesis, 1995, Nru 179.

( 9 ) Latvijas Vēstnesis, 2018, Nru 132.

( 10 ) Latvijas Vēstnesis, 1995, Nru 164/165.

( 11 ) Latvijas Vēstnesis, 2018, Nru 220.

( 12 ) Fost ħafna oħrajn, ara s-sentenzi reċenti tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Ministerio Fiscal (Awtorità li tista’ tirċievi applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali) (C‑36/20 PPU, EU:C:2020:495, punt 48), u tad‑9 ta’ Settembru 2021, Toplofikatsia Sofia et (C‑208/20 u C‑256/20, EU:C:2021:719, punt 31).

( 13 ) Ara, inter alia, is-sentenzi tal‑24 ta’ Ottubru 2013, Stoilov i Ko (C‑180/12, EU:C:2013:693, punti 39 sa 48), u tas‑27 ta’ Frar 2014, Pohotovosť (C‑470/12, EU:C:2014:101, punt 33).

( 14 ) Ara, inter alia, is-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2013, Di Donna (C‑492/11, EU:C:2013:428, punti 27 sa 32), u d-digriet tat‑3 ta’ Marzu 2016, Euro Bank (C‑537/15, mhux ippubblikat, EU:C:2016:143, punti 3435).

( 15 ) Ara iktar ’il fuq, il-punti 16, 17 u 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 16 ) Ara, fost ħafna oħrajn, is-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et (C‑621/18, EU:C:2018:999, punti 2627 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 17 ) Ara iktar ’il fuq, il-punt 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 18 ) Ara, b’mod simili, is-sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2009, Filipiak (C‑314/08, EU:C:2009:719, punti 40 sa 46), u tat‑8 ta’ Settembru 2010, Winner Wetten (C‑409/06, EU:C:2010:503, punti 29 sa 41).

( 19 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tesauro fil-kawża Decker (C‑120/95 u C‑158/96, EU:C:1997:399, punt 17).

( 20 ) Ara, inter alia, is-sentenzi tat‑13 ta’ Novembru 2003, Neri (C‑153/02, EU:C:2003:614); tas‑16 ta’ April 2013, Las (C‑202/11, EU:C:2013:239); tal‑21 ta’ Ġunju 2016, New Valmar (C‑15/15, EU:C:2016:464); u tal‑11 ta’ Ġunju 2020, KOB (C‑206/19, EU:C:2020:463).

( 21 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il-Kummissjoni, Il-Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il-Kummissjoni vs Ferracci (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Kirschstein (C‑393/17, EU:C:2018:918, punti 52 sa 59).

( 22 ) Ara, iktar reċentement, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Il-Kummissjoni vs L‑Ungerija (Edukazzjoni ogħla) (C‑66/18, EU:C:2020:792, punti 160 sa 163 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 23 ) Ara, b’mod partikolari, il-premessa 6 tad-Direttiva dwar is-Servizzi. Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2018, X u Visser (C‑360/15 u C‑31/16, EU:C:2018:44, punt 107).

( 24 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Rina Services et (C‑593/13, EU:C:2015:399).

( 25 ) Ara wkoll iktar ’il fuq, il-punt 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 26 ) Ara, b’mod simili, il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L-Ungerija (Edukazzjoni ogħla) (C‑66/18, EU:C:2020:172, punt 165).

( 27 ) Enfasi miżjud.

( 28 ) Ara, b’mod ġenerali, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Čepelnik (C‑33/17, EU:C:2018:311, punti 49 sa 53). B’mod iktar speċifiku fir-rigward ta’ servizzi ta’ edukazzjoni, ara l-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Edukazzjoni ogħla) (C‑66/18, EU:C:2020:172, punti 165 sa 169).

( 29 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2018, Čepelnik (C‑33/17, EU:C:2018:896, punt 36).

( 30 ) Ara, inter alia, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, KOB (C‑206/19, EU:C:2020:463, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 31 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, SEGRO u Horváth (C‑52/16 u C‑113/16, EU:C:2018:157, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 32 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Anton van Zantbeek (C‑725/18, EU:C:2020:54, punt 21).

( 33 ) Ara s-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 1995, Gebhard (C‑55/94, EU:C:1995:411, punt 27).

( 34 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ Frar 1989, Cowan (186/87, EU:C:1989:47, punt 15), u tat‑18 ta’ Ġunju 2019, L-Awstrija vs Il-Ġermanja (C‑591/17, EU:C:2019:504, punt 138 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 35 ) Ara OECD, Education at a Glance 2021: OECD Indicators, OECD Publishing, Pariġi, 2021. Ara wkoll id-data ppubblikata fuq is-sit tal-OECD: https://data.oecd.org/students/international-student-mobility.htm (aċċessat l-aħħar fit‑13 ta’ Diċembru 2021).

( 36 ) Ara, b’mod simili, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawżi magħquda X u Visser (C‑360/15 u C‑31/16, EU:C:2017:397, punt 92).

( 37 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Global Starnet (C‑322/16, EU:C:2017:985, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 38 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Frar 2014, Sokoll-Seebacher (C‑367/12, EU:C:2014:68, punt 23).

( 39 ) B’mod simili, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Global Starnet (C‑322/16, EU:C:2017:442, punti 5960).

( 40 ) Ara, inter alia, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Edukazzjoni ogħla) (C‑66/18, EU:C:2020:792, punt 167 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 41 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2004, CaixaBank France (C‑442/02, EU:C:2004:586, punti 12 sa 14).

( 42 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Edukazzjoni ogħla) (C‑66/18, EU:C:2020:792, punti 178179 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 43 ) Ara s-sentenza reċenti tal‑14 ta’ Diċembru 2021, Stolichna obshtina, rayon Pancharevo (C‑490/20, EU:C:2021:1008, punt 54).

( 44 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Mejju 2011, Runevič-Vardyn u Wardyn (C‑391/09, EU:C:2011:291, punt 86), u tas‑16 ta’ April 2013, Las (C‑202/11, EU:C:2013:239, punt 26).

( 45 ) Ibid., punti 87 u 27 rispettivament.

( 46 ) Ibid., punti 85 u 25 rispettivament.

( 47 ) Dwar dawn il-kwistjonijiet, ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-kawża Ministrstvo za obrambo (C‑742/19, EU:C:2021:77, punti 4748). F’kummentarji legali, ara pereżempju Di Federico, G., “The Potential of Article 4(2) TEU in the Solution of Constitutional Clashes Based on Alleged Violations of National Identity and the Quest for Adequate (Judicial) Standards”, European Public Law, 2019, p. 365.

( 48 ) Enfasi miżjud.

( 49 ) Enfasi miżjud. Ara wkoll il-konklużjonjiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-kawża Ministrstvo za obrambo (C‑742/19, EU:C:2021:77, nota ta’ qiegħ il-paġna 114).

( 50 ) Ara, rigward dan il-punt, il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża V.М.А. (C‑490/20, EU:C:2021:296, punti 70 sa 73).

( 51 ) Kif jirriżulta wkoll mit-titolu tal-Artikolu I‑5, “Relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-Istati Membri”, tal-abbozz tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa, li ispira l-Artikolu 4(2) TUE attwali. Dwar din il-kwistjoni, b’mod ġenerali, ara von Bogdandy, A. u Schill, S., “Overcoming absolute primacy: Respect for national identity under the Lisbon Treaty”, Common Market Law Review, 2011, p. 1425‑1427.

( 52 ) B’mod simili, il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża V.М.А. (C‑490/20, EU:C:2021:296, punt 73).

( 53 ) Ara, fost ħafna, is-sentenzi tat‑12 ta’ Mejju 2011, Runevič-Vardyn u Wardyn (C‑391/09, EU:C:2011:291, punti 83 sa 93), u tal‑21 ta’ Ġunju 2016, New Valmar (C‑15/15, EU:C:2016:464, punti 53 sa 56).

( 54 ) Ara, b’iktar referenzi, Millet, F.X., “Successfully Articulating National Constitutional Identity Claims: Strait Is the Gate and Narrow Is the Way”, European Public Law, 2021, p. 592 u 593.

( 55 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Frar 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑110/05, EU:C:2009:66, punt 65). F’dan il-kuntest, nirrimarka wkoll li, skont ġurisprudenza stabbilita, “ma huwiex indispensabbli li l-miżura restrittiva maħruġa mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru tikkorrispondi għal kunċett kondiviż mill-Istati Membri kollha fir-rigward tal-modalitajiet ta’ protezzjoni tad-dritt fundamentali jew tal-interess leġittimu inkwistjoni u li, għall-kuntrarju, in-neċessità u l-proporzjonalità tad-dispożizzjonijiet adottati f’dan ir-rigward ma humiex esklużi minħabba l-fatt biss li Stat Membru għażel sistema ta’ protezzjoni differenti minn dik adottata minn Stat ieħor” (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Sayn-Wittgenstein, C‑208/09, EU:C:2010:806, punt 91 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 56 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Bogendorff von Wolffersdorff (C‑438/14, EU:C:2016:401, punt 78).

( 57 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2000, Haim (C‑424/97, EU:C:2000:357, punt 58).

( 58 ) Ma nqisx li huwa meħtieġ li nirreferi għal xi xogħol speċifiku dwar dan peress li tfittxija pjuttost ta’ malajr fuq l-internet ser tipprovdi referenzi bla għadd minn – sa fejn jista’ jiġġudika avukat – sorsi affidabbli.

( 59 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Las (C‑202/11, EU:C:2012:456, punti 6478).

( 60 ) F’dan ir-rigward, infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, “miżura nazzjonali li hija ta’ natura li tostakola l-eżerċizzju tal-moviment liberu ta’ persuni tista’ tiġi ġġustifikata biss meta din il-miżura tkun konformi mad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta” (ara, reċentement, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2021, Stolichna obshtina, rayon Pancharevo, C‑490/20, EU:C:2021:1008, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 61 ) L-Artikolu 14(3) jirreferi għad-“dritt tal-ġenituri li jiżguraw l-edukazzjoni u t-tagħlim tat-tfal tagħhom, skond it-twemmin reliġjuż, filosofiku u pedagoġiku tagħhom […] skond il-liġijiet nazzjonali li jirregolaw l-eżerċizzju ta’ din il-libertà u dan id-dritt” (enfasi miżjud). Jidhirli li jekk il-ġenituri għandhom tali dritt fil-konfront tal-edukazzjoni ta’ wliedhom, a fortiori student li ma għadux minuri għandu jkollu d-dritt li jagħżel l-edukazzjoni tiegħu f’konformità mal-konvinzjonijiet pedagoġiċi tiegħu.

( 62 ) Fost l-oħrajn, ara l-Artikolu 27 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fis‑16 ta’ Diċembru 1966 u daħal fis-seħħ fit‑23 ta’ Marzu 1976).

( 63 ) Konklużjonijiet fil-kawża Groener (379/87, EU:C:1989:197, p. 3982).

Top