EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CC0370

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali E. Tanchev, ippreżentati fil-15 ta’ Lulju 2021.
Pro Rauchfrei e.V. vs JS e.K.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill- Bundesgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Manifattura, preżentazzjoni u bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk – Direttiva 2014/40/UE – Ittikkettjar u ppakkjar – Artikolu 8(8) – Twissijiet tas-saħħa li għandhom jinġiebu fuq kull pakkett individwali ta’ prodott tat-tabakk u fuq kull ippakkjar estern – Distributur awtomatiku ta’ pakketti tas-sigaretti – Twissijiet tas-saħħa esternament inviżibbli – Rappreżentazzjoni tal-pakketti individwali – Kunċett ta’ ‘stampi’ ta’ pakketti individwali u ta’ kull ippakkjar estern immirat għall-konsumaturi fl-Unjoni Ewropea.
Kawża C-370/20.

Court reports – general ;

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:627

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TANCHEV

ippreżentati fil-15 ta’ Lulju 2021 ( 1 )

Kawża C‑370/20

Pro Rauchfrei e.V.

vs

JS e.K.

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il‑Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja))

“Direttiva 2014/40/UE – Twissijiet tas-saħħa li għandhom jinġiebu fuq kull pakkett individwali ta’ prodott tat-tabakk u fuq kull ippakkjar estern – Distributur awtomatiku tat-tabakk – Artikolu 2(40) – Kunċett ta’ “tqegħid fis-suq” – Artikolu 8(3) – Projbizzjoni li twissijiet tas-saħħa “jinħbew b’oġġetti oħrajn” – Artikolu 8(8) – Kunċett ta’ “stampi” fuq pakketti individwali jew fuq kull ippakkjar estern immirat għall-konsumaturi fl-Unjoni Ewropea”

1.

It-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda t-tikkettjar u l-ippakkjar ta’ prodotti tat-tabakk mibjugħa minn distributur awtomatiku. Id-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 ) titlob li kull pakkett individwali ta’ prodott tat-tabakk iġib it-twissijiet tas-saħħa li hija tipprovdi. L-Artikolu 8(3) ta’ din id-direttiva jispeċifika li dawn it-twissijiet għandhom ikunu kompletament viżibbli, inkluż li ma jkunux moħbija b’ċerti oġġetti. Il-kwistjoni quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) hija jekk, fejn it-twissijiet tas-saħħa fuq pakketti tas-sigaretti ma jkunux viżibbli meta l-istokk ta’ pakketti jkun tqiegħed f’distributur awtomatiku, il-projbizzjoni li twissijiet jinħbew tkunx inkisret. Sabiex dan iseħħ, id-distributur awtomatiku jkollu jitqies li huwa oġġett li jaħbi t-twissijiet bħalma huma, pereżempju, tqartis u għatjiet, li għalihom l-Artikolu 8(3) ta’ din id-direttiva jagħmel referenza espressa, li hija dubjuża.

2.

Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf ukoll jekk hemmx ksur tar-regola stabbilita fl-Artikolu 8(8) tad-Direttiva 2014/40 li l-istampi ta’ pakketti individwali u ta’ kull ippakkjar estern għandhom iġibu wkoll twissijiet tas-saħħa. Tabilħaqq, il-buttuni tal-għażla tal-prodott tad-distributur awtomatiku inkwistjoni fil-każ tal-kawża prinċipali juru stampi ta’ diversi marki ta’ sigaretti. Il-kwistjoni hija jekk dawk l-istampi jistgħux jitqiesu li huma stampi skont it-tifsira tal-Artikolu 8(8) ta’ din id-direttiva, f’liema każ ikun jeħtieġ li jġibu twissijiet tas-saħħa, li ma jġibux.

3.

Għalhekk, dan il-każ jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tagħti deċiżjoni, fir-rigward tad-distributur awtomatiku tat-tabakk, dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tar-rekwiżit li mhux biss kull pakkett individwali ta’ prodott tat-tabakk, iżda wkoll l-istampi ta’ dak il-pakkett, għandhom iġibu t-twissijiet tas-saħħa previsti fid-Direttiva 2014/40.

I. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

4.

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/40 jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(40)

‘tqegħid fis-suq’ tfisser li l-prodotti, irrispettivament mill-post tal-manifattura tagħhom, isiru disponibbli għall-konsumaturi li jinsabu fl-Unjoni, bi ħlas jew mingħajr ħlas, inkluż permezz ta’ bejgħ mill-bogħod; fil-każ ta’ bejgħ transkonfinali mill-bogħod, il-prodott jitqies li tqiegħed fis-suq fl-Istat Membru fejn jinsab il-konsumatur;

[…]”

5.

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2014/40 jgħid:

“1.   Kull pakkett wieħed ta’ prodotti tat-tabakk u kull ippakkjar estern għandu jkollu fuqu t-twissijiet tas-saħħa previsti f’dan il-Kapitolu bil-lingwa jew lingwi uffiċjali tal-Istat Membru fejn il-prodott ikun qed jitqiegħed fis-suq.

[…]

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-twissijiet tas-saħħa fuq pakkett individwali u kull ippakkjar estern jiġu stampati b’mod li ma jkunux jistgħu jitneħħew, b’mod indelibbli u kompletament viżibbli, inkluż li ma jkunux parzjalment jew totalment moħbija jew interrotti permezz ta’ bolol tat-taxxi, marki tal-prezz, karatteristiċi ta’ sigurtà, tqartis, għatjiet, kaxex, jew oġġetti oħrajn meta l-prodotti tat-tabakk jitqiegħdu fis-suq. Fuq pakketti individwali tal-prodotti tat-tabakk għajr is-sigaretti u t-tabakk tal-brim fil-borża, it-twissijiet tas-saħħa jistgħu jitwaħħlu permezz ta’ stickers, dment li t-tali stickers ma jkunux jistgħu jitneħħew. It-twissijiet tas-saħħa għandhom jibqgħu sħaħ mal-ftuħ tal-pakkett individwali minbarra l-pakketti b’għatu flip-top fejn it-twissijiet tas-saħħa jistgħu jinkisru mal-ftuħ, iżda b’tali mod li jkunu żgurati l-integrità grafika u l-viżibilità tat-test, ir-ritratti u l-informazzjoni dwar il-waqfien mit-tipjip.

[…]

8.   Stampi ta’ pakketti individwali u xi ppakkjar estern li għandhom fil-mira tagħhom il-konsumaturi fl-Unjoni għandhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kapitolu.”

B.   Id-dritt Ġermaniż

6.

Il-paragrafu 11 tal-Verordnung über Tabakerzeugnisse und verwandte Erzeugnisse (ir-Regolament dwar Prodotti tat-Tabakk u Prodotti Relatati, iktar ’il quddiem it-“TabakerzV”), bit-titolu “Dispożizzjonijiet ġenerali għat-tikkettjar ta’ prodotti tat-tabakk”, jgħid:

“(1) Ir-rekwiżiti ġenerali li ġejjin għandhom japplikaw għad-disinn u t-twaħħil tat-twissijiet tas-saħħa msemmija fil-paragrafi 12 sa 17 għall-pakketti u għall-pakketti esterni ta’ prodotti tat-tabakk: It-twissijiet tas-saħħa

[…]

4.

ma għandhomx jinħbew parzjalment jew totalment jew ikunu interrotti meta jsir tqegħid fis-suq, inkluża offerta għal bejgħ; fil-każ ta’ pakketti b’għatu flip-top fejn it-twissijiet jinfirdu meta l-pakkett jinfetaħ, dan jista’ jsir biss b’mod li jiżgura l-integrità grafika u l-leġibbiltà,

[…]

(2) Rappreżentazzjonijiet ta’ pakketti u ppakkjar estern intiżi għal attivitajiet promozzjonali indirizzati lil konsumaturi fl-Unjoni Ewropea għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti ta’ dan is-subparagrafu” ( 3 ).

II. Il-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi magħmula għal deċiżjoni preliminari

7.

JS topera żewġ supermarkets f’München (il-Ġermanja). Mill-20 ta’ Mejju 2017, hija offriet sigaretti għall-bejgħ ħdejn iċ-checkout points f’dawn is-supermarkets, mid-distributur awtomatiku li jidher hawn taħt (iktar ’il quddiem id-“distributur awtomatiku inkwistjoni”):

Image

8.

Il-konsumatur ma setax jara l-pakketti tas-sigaretti maħżuna ġewwa d-distributur awtomatiku. Għalkemm il-buttuni tal-għażla ta’ dan id-distributur awtomatiku kienu juru diversi marki ta’ sigaretti, huma ma kellhomx għall-wiri t-twissijiet tas-saħħa stipulati legalment.

9.

Il-bejgħ kien isir b’tali mod li l-konsumatur l-ewwel jitlob lill-kaxxier iħaddem id-distributur awtomatiku u mbagħad jagħfas il-buttuna tal-għażla sabiex jagħżel il-marka mixtieqa tas-sigaretti. Il-pakkett tas-sigaretti mbagħad jinġieb permezz tal-apparat ta’ rilaxx tad-distributur għal fuq iċ-checkout belt. Il-ħlas għall-pakkett tas-sigaretti mbagħad isir fiċ-checkout point, sakemm il-konsumatur jibqa’ bil-ħsieb li jixtri. Il-proċess ta’ bejgħ permezz tad-distributur awtomatiku b’dan il-mod iservi sabiex ma jitħalliex isir serq u jiġi evitat bejgħ lil persuni taħt l-età.

10.

Pro Rauchfrei e.V., assoċjazzjoni bla skop ta’ lukru, fetħet kawża quddiem il-Landgericht München I (il-Qorti Reġjonali, München I, il-Ġermanja), fejn talbet, primarjament, li JS tiġi pprojbita, taħt piena ta’ penali, milli toffri għall-bejgħ prodotti tat-tabakk, b’mod partikolari, sigaretti, b’tali mod li t-twissijiet tas-saħħa murija fuq il-pakketti individwali jew fuq l-ippakkjar estern tagħhom jinħbew, kif deskritt fil-punti 8 u 9 iktar ’il fuq. Alternattivament, Pro Rauchfrei talbet li JS tiġi pprojbita, taħt piena ta’ penali, milli toffri għall-bejgħ prodotti tat-tabakk, b’mod partikolari sigaretti, b’tali mod li stampi ta’ pakketti individwali mingħajr twissijiet tas-saħħa jintwerew minflok il-pakketti individwali b’tali twissijiet, kif deskritt fl-istess punti.

11.

B’sentenza tal-5 ta’ Lulju 2018, il-Landgericht München I (il-Qorti Reġjonali, München I) ċaħdet l-azzjoni.

12.

B’sentenza tal-25 ta’ Lulju 2019, l-Oberlandesgericht München (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ München, il-Ġermanja) ċaħdet l-appell imressaq minn Pro Rauchfrei mis-sentenza tal-Landgericht München I (il-Qorti Reġjonali, München I).

13.

Pro Rauchfrei ppreżentat appell fuq punt ta’ dritt (reviżjoni) mis-sentenza tal-Oberlandesgericht München (il-Qorti Reġjonali Superjuri, München) quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja).

14.

Il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) tqis li, sabiex l-appell fuq punt ta’ dritt (reviżjoni) jirnexxi, dan jiddependi mill-interpretazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(3) u tal-Artikolu 8(8) tad-Direttiva 2014/40. Għalhekk, hija ssospendiet il-proċedura u għamlet id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“(1)

Il-kunċett ta’ ‘tqegħid fis-suq’, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(3) [tad-Direttiva 2014/40] jinkludi l-preżentazzjoni ta’ prodotti tat-tabakk permezz ta’ distributuri awtomatiċi fejn, minkejja li l-pakketti tas-sigaretti f’dawn id-distributuri awtomatiċi jippreżentaw it-twissijiet li huma meħtieġa skont il-liġi, dawn il-pakketti tas-sigaretti huma maħżuna b’tali mod li dawn it-twissijiet inizjalment ma jkunux viżibbli għall-konsumatur, u t-twissijiet fuq il-pakketti tas-sigaretti jsiru viżibbli biss meta d-distributur awtomatiku, ladarba kien attivat mill-kaxxier, jitħaddem mill-klijent u l-pakkett tas-sigaretti, għalhekk, joħroġ mid-distributur awtomatiku għal fuq iċ-conveyor belt taċ-check out counter qabel ma l-klijent jipproċedi għall-ħlas?

(2)

Il-ħabi tal-ippakkjar kollu tal-prodotti tat-tabakk fil-kuntest tal-preżentazzjoni f’distributur awtomatiku jaqa’ taħt il-projbizzjoni li t-twissijiet tas-saħħa jkunu ‘moħbija […] permezz ta’ […] oġġetti oħrajn’ prevista fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2014/40?

(3)

Il-kriterju ta’ ‘[s]tampi ta’ pakketti individwali’, fis-sens tal-Artikolu 8(8) [tad-Direttiva 2014/40], huwa ssodisfatt anki jekk, minkejja li r-rappreżentazzjoni użata ma hijiex riproduzzjoni fidila tal-ippakkjar oriġinali, il-konsumatur jassoċjaha mal-ippakkjar tat-tabakk minħabba d-dehra tagħha, jiġifieri l-kontorni, il-proporzjonijiet, il-kuluri u l-logo tal-marka tagħha?

(4)

Ir-rekwiżiti tal-Artikolu 8(8) [tad-Direttiva 2014/40] ikunu ssodisfatti, irrispettivament mir-rappreżentazzjoni użata, fil-każ li l-konsumatur għandu l-opportunità li jara l-ippakkjar tas-sigaretti, bit-twissijiet li huma meħtieġa skont il-liġi fuqhom, qabel il-konklużjoni tal-kuntratt tal-bejgħ?”

15.

Osservazzjonijiet bil-miktub intbagħtu minn JS u mill-Kummissjoni Ewropea. Ma kienx hemm seduta dwar il-każ.

III. Analiżi

A.   Fuq l-ewwel domanda magħmula

16.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha l-qorti tar-rinviju ssaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, jekk il-kunċett ta’ “meta l-prodotti tat-tabakk jitqiegħdu fis-suq” skont it-tifsira tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2014/40 ikoprix il-preżentazzjoni ta’ pakketti tas-sigaretti permezz ta’ distributur awtomatiku, b’tali mod li dawk il-pakketti jinħażnu inizjalment fid-distributur mingħajr ma l-konsumatur ikun jista’ jarahom, hekk li l-konsumatur ikun jista’ jara t-twissijiet tas-saħħa li l-pakketti jkollhom fuqhom biss meta l-konsumatur iħaddem id-distributur u l-pakkett jinġieb għal fuq iċ-checkout belt, qabel ma jsir il-ħlas.

17.

Kif jingħad fil-punt 1 iktar ’il fuq, kull pakkett individwali ta’ prodott tat-tabakk u kull ippakkjar estern għandhom, skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2014/40, iġibu t-twissijiet tas-saħħa previsti fil-Kapitolu II tat-Titolu II ta’ din id-direttiva (it-“twissijiet tas-saħħa meħtieġa”). L-Artikolu 8(3) ta’ din id-direttiva jispeċifika, inter alia, li dawn it-twissijiet ma jistgħux jinħbew parzjalment jew totalment jew jiġu interrotti minn ċerti oġġetti.

18.

Ninnota li kemm l-obbligu li jinġiebu t-twissijiet tas-saħħa meħtieġa kif ukoll il-projbizzjoni li dawn jiġu interrotti jew jinħbew japplikaw biss “meta l-prodotti tat-tabakk jitqiegħdu fis-suq”, skont l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2014/40 ( 4 ). Il-kunċett ta’ “tqegħid fis-suq” huwa ddefinit fl-Artikolu 2(40) tad-Direttiva 2014/40 kif ġej: “li l-prodotti, irrispettivament mill-post tal-manifattura tagħhom, isiru disponibbli għall-konsumaturi li jinsabu fl-Unjoni, bi ħlas jew mingħajr ħlas, inkluż permezz ta’ bejgħ mill-bogħod […]”.

19.

Għalhekk, permezz tal-ewwel domanda tagħha l-qorti tar-rinviju ssaqsi, essenzjalment, jekk, f’dan il-każ, pakkett tas-sigaretti għandux jitqies li jitqiegħed fis-suq: (i) meta jiġi offrut għall-bejgħ permezz tad-distributur awtomatiku inkwistjoni, jiġifieri, qabel ma ssir id-deċiżjoni ta’ xiri; jew (ii) fil-mument li fih il-kontroll fiżiku attwali ta’ dan il-pakkett jgħaddi mingħand il-bejjiegħ għal għand il-konsumatur wara li jkun sar il-ħlas.

20.

Irrid ninnota li, skont id-digriet tar-rinviju, l-Oberlandesgericht München (il-Qorti Reġjonali Superjuri, München) kienet tal-fehma li l-offerta ta’ bejgħ ta’ pakketti tas-sigaretti permezz ta’ distributur awtomatiku ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/40, peress li din il-preżentazzjoni tikkostitwixxi “arranġamenti ta’ bejgħ”, li, skont il-premessa 48 ta’ din id-direttiva, ma humiex armonizzati minn din id-direttiva ( 5 ). Għalhekk, jidhirli li jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk id-Direttiva 2014/40 tapplikax għal din il-kawża qabel ma nanalizza l-ewwel domanda magħmula.

1. Jekk id-Direttiva 2014/40 tapplikax għal din il-kawża

21.

Kuntrarju għall-Oberlandesgericht München (il-Qorti Reġjonali Superjuri, München), il-qorti tar-rinviju tidher li xxaqleb lejn il-fehma li d-Direttiva 2014/40 hija applikabbli. Il-qorti tar-rinviju tinnota, b’mod partikolari, li, għalkemm il-premessa 48 tad-Direttiva 2014/40 tindika li hija ma tarmonizzax ir-regoli dwar “reklamar domestiku”, il-premessa 43 u l-Artikolu 20(5) ta’ din id-direttiva, madankollu, jistabbilixxu regoli dwar reklamar ta’ sigaretti elettroniċi. Il-qorti tar-rinviju tinnota wkoll li, skont il-premessa 60 u skont it-titolu tad-Direttiva 2014/40, din id-direttiva tarmonizza r-regoli dwar, inter alia, il-“preżentazzjoni” ta’ prodotti tat-tabakk, li jistgħu jinftiehmu li jkopru wkoll iċ-ċirkustanzi tal-preżentazzjoni tagħhom.

22.

Dwar dan JS tissottometti li (i) il-premessa 48 tad-Direttiva 2014/40 tapplika mhux biss għal sigaretti elettroniċi, iżda wkoll għal prodotti tat-tabakk; (ii) il-bejgħ ta’ pakketti tas-sigaretti permezz ta’ distributur awtomatiku jikkostitwixxi arranġament ta’ bejgħ skont it-tifsira ta’ din il-premessa; u (iii) għalhekk, il-bejgħ ta’ pakketti ta’ sigaretti permezz ta’ distributur awtomatiku ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

23.

Il-Kummissjoni tifhimha bil-maqlub. Hija tissottometti li, filwaqt li, skont il-premessa 48 tad-Direttiva 2014/40, arranġamenti ta’ bejgħ, bħall-bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk permezz ta’ distributur awtomatiku, jaqgħu fil-kompetenza tal-Istati Membri, it-twissijiet tas-saħħa li għandhom jitwaħħlu fuq prodotti tat-tabakk jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, li tarmonizzahom b’mod sħiħ. Il-Kummissjoni tisħaq, b’mod partikolari, li l-Unjoni Ewropea għandha l-kompetenza tapprossima regoli nazzjonali li jevadu miżuri li jkollhom bħala l-għan tagħhom il-mod kif jaħdem is-suq intern, bħad-dispożizzjonijiet dwar tikkettjar tad-Direttiva 2014/40 ( 6 ).

24.

Inqis li d-Direttiva 2014/40 hija applikabbli għal dan il-każ.

25.

L-ewwel sentenza tal-premessa 48 tad-Direttiva 2014/40 tgħid li “[…] din id-Direttiva ma tarmonizzax ir-regoli dwar ambjenti ħielsa mit-tipjip, jew dwar arranġamenti ta’ bejgħ domestiku jew reklamar domestiku, jew dwar l-estensjoni ta’ ditta, u lanqas ma tintroduċi limitu ta’ età għas-sigaretti elettroniċi jew għall-kontenituri ta’ rikarika” ( 7 ).

26.

Fil-fehma tiegħi l-ewwel sentenza tal-premessa 48 tad-Direttiva 2014/40 tapplika biss għal sigaretti elettroniċi u għal kontenituri ta’ rikarika, u mhux għal prodotti tat-tabakk bħal sigaretti ( 8 ). Dan huwa hekk minħabba li, l-ewwel nett, dik is-sentenza tirreferi espressament “għas-sigaretti elettroniċi jew għall-kontenituri ta’ rikarika”. It-tieni nett, il-premessi preċedenti – jiġifieri l-premessi 36 sa 47 – kollha jirreferu għal sigaretti elettroniċi jew li jkollhom likwidu li jkun fih in-nikotina ( 9 ), mingħajr ma jissemmew prodotti tat-tabakk. It-tielet nett, din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mit-travaux préparatoires tad-Direttiva 2014/40. Dokument abbozzat mill-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ( 10 ) jindika li l-premessi (a) sa (m) – li jikkorrispondu mal-premessi 36 sa 48 tad-Direttiva 2014/40 – huma “premessi relatati mal-Artikolu 18” – illum l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/40, bit-titolu “Sigaretti elettroniċi”. B’mod partikolari, il-premessa (l) hija kważi identika għall-premessa 48 tad-Direttiva 2014/40.

27.

Madankollu, irrispettivament minn jekk l-ewwel sentenza tal-premessa 48 tad-Direttiva 2014/40 tapplikax jew le għal prodotti tat-tabakk, din id-direttiva ma tistax, fil-fehma tiegħi, titqies li tarmonizza regoli nazzjonali dwar il-bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk permezz ta’ distributuri awtomatiċi, jew regoli nazzjonali dwar ir-reklamar ta’ dawn il-prodotti fuq distributuri awtomatiċi tat-tabakk.

28.

L-ewwel nett, id-Direttiva 2014/40 ma tarmonizzax regoli nazzjonali dwar il-bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk permezz ta’ distributuri awtomatiċi. Tabilħaqq, ma hemm ebda riferiment għal bejgħ permezz ta’ distributuri awtomatiċi jew għal xi arranġament ta’ bejgħ ( 11 ) fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2014/40, li jelenka l-għanijiet ta’ din id-direttiva. Barra minn dan, il-projbizzjoni, jew ir-restrizzjoni, ta’ bejgħ permezz ta’ distributuri awtomatiċi kienet prevista, u twarrbet, fl-evalwazzjoni tal-impatt tad-Direttiva 2014/40 ( 12 ). Fl-aħħar nett, il-bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk permezz ta’ distributuri awtomatiċi ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2003/54/KE ( 13 ) li, skont il-premessa 16 ta’ din ir-rakkomandazzjoni, tindirizza tipi ta’ reklamar, tqegħid fis-suq u prattika ta’ promozzjoni “minbarra” dawk diġà imsemmija, inter alia, fid-Direttiva 2001/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 14 ) (illum imħassra u ssostitwita mid-Direttiva 2014/40). Għandu jsir riferiment dwar dan għall-paragrafu 1(ċ) tar-Rakkomandazzjoni 2003/54, li biha l-Istati Membri qegħdin jiġu rrakkomandati li jew “jirrestrinġu l-aċċess għal distributuri awtomatiċi tat-tabakk għal postijiet milħuqa minn persuni ’l fuq mill-età stabbilita għax-xiri ta’ prodotti tat-tabakk fid-dritt nazzjonali”, jew, fejn ma tiġix stabbilita tali età, b’“mod ieħor jirregolaw l-aċċess għall-prodotti mibjugħa permezz ta’ tali distributuri”.

29.

It-tieni nett, id-Direttiva 2014/40 ma tarmonizzax regoli nazzjonali dwar ir-reklamar ta’ prodotti tat-tabakk fuq distributuri awtomatiċi tat-tabakk. Tabilħaqq, ma hemm ebda riferiment għal reklamar fuq distributuri awtomatiċi, jew għal xi reklamar ta’ prodotti tat-tabakk, irrispettivament mill-mod, fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2014/40, li jelenka s-suġġett ta’ din id-direttiva. Barra minn dan, ir-reklamar ta’ prodotti tat-tabakk fuq distributuri awtomatiċi tat-tabakk jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni 2003/54, li, kif spjegat fil-punt 28 iktar ’il fuq, tindirizza tipi ta’ reklamar, tqegħid fis-suq u prattiċi promozzjonali mhux koperti mid-Direttiva 2014/40. Għandu jsir riferiment, dwar dan, għall-paragrafu 2(d) tar-Rakkomandazzjoni 2003/54, li biha l-Istati Membri qegħdin jiġu rrakkomandati “jipprojbixxu, skont kostituzzjonijiet nazzjonali jew prinċipji kostituzzjonali”, “l-użu ta’ […] teknika ta’ reklamar fil-magħluq jew barra (bħal reklamar fuq distributuri awtomatiċi tat-tabakk)” ( 15 ).

30.

Madankollu, għalkemm id-Direttiva 2014/40 ma tarmonizzax regoli nazzjonali dwar il-bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk permezz ta’ distributuri awtomatiċi jew dwar reklamar fuq dawk id-distributuri, ma jfissirx li din id-direttiva ma hijiex applikabbli għal din il-kawża.

31.

L-ewwel nett, il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex jekk prodotti tat-tabakk jistgħux jinbiegħu jew le permezz ta’ distributuri awtomatiċi (jew jekk il-bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk permezz ta’ distributuri awtomatiċi jistax ikun ristrett jew le għal persuni ’l fuq mill-età legali għax-xiri ta’ dawn il-prodotti). Il-kwistjoni hija jekk, fejn, kif jidher li huwa l-każ fil-Ġermanja, leġiżlazzjoni nazzjonali tippermetti l-bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk permezz ta’ distributur awtomatiku, dak id-distributur jistax, minn naħa, jaħbi għalkollox it-twissijiet tas-saħħa meħtieġa fuq prodotti tat-tabakk ġewwa fih, u, min-naħa l-oħra, juri fuq il-buttuni tal-għażla tiegħu stampi ta’ dawk il-prodotti li ma jġibux dawn it-twissijiet. Din il-kwistjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/40, peress li dan l-għan waħdieni ta’ din id-direttiva huwa, skont l-Artikolu 1(b) ta’ din id-direttiva, l-approssimazzjoni ta’ regoli nazzjonali dwar “ċerti aspetti tat-tikkettar u l-ippakkjar tal-prodotti tat-tabakk inklużi t-twissijiet tas-saħħa”. Ma hemm xejn x’juri li l-armonizzazzjoni ta’ “aspetti” rilevanti tat-tikkettjar u tal-ippakkjar ta’ prodotti tat-tabakk hija limitata għal bejgħ tagħhom b’mezzi speċifiċi.

32.

It-tieni nett, il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex jekk reklamar tat-tabakk huwiex permess jew le. B’mod partikolari, ma hijiex jekk distributuri awtomatiċi jistgħux iġibu jew le reklamar tat-tabakk. Il-kwistjoni hija jekk, fejn, kif jidher li huwa l-każ fil-Ġermanja, reklamar tat-tabakk fuq distributuri awtomatiċi huwa permess, l-istampi ta’ marki ta’ sigaretti murija fuq il-buttuni tal-għażla ta’ distributur awtomatiku għandhomx iġibu t-twissijiet tas-saħħa meħtieġa. Din il-kwistjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/40, peress li dan l-għan waħdieni ta’ din id-direttiva huwa, skont l-Artikolu 1(b) ta’ din id-direttiva, li l-approssimazzjoni ta’ regoli nazzjonali dwar it-twissijiet tas-saħħa tidher fuq pakketti individwali ta’ prodotti tat-tabakk u, skont l-Artikolu 8(8), fuq l-istampi ta’ dawn il-pakketti individwali.

33.

Nikkonkludi li, kuntrarjament għall-argumenti ta’ JS, id-Direttiva 2014/40 fil-fatt tapplika għal dan il-każ.

2. Jekk il-preżentazzjoni ta’ prodotti tat-tabakk permezz tad-distributur awtomatiku inkwistjoni tikkostitwixxix tqegħid fis-suq

34.

Kif ingħad fil-punt 19 iktar ’il fuq, il-qorti tar-rinviju ssaqsi essenzjalment jekk, f’dan il-każ, pakkett tas-sigaretti għandux jitqies li jitqiegħed fis-suq meta jiġi offrut għall-bejgħ permezz tad-distributur awtomatiku inkwistjoni, jew meta l-kontroll fiżiku attwali ta’ dan il-pakkett jgħaddi mingħand il-bejjiegħ għal għand il-konsumatur wara li jkun sar il-ħlas.

35.

JS tissottometti li, irrispettivament minn jekk id-Direttiva 2014/40 tapplikax għal dan il-każ, il-ħżin ta’ prodotti tat-tabakk fid-distributur awtomatiku inkwistjoni ma jistax jikkostitwixxi tqegħid fis-suq.

36.

Il-Kummissjoni ssostni li, fid-dawl tal-evalwazzjoni tagħha tat-tielet u r-raba’ domanda magħmula, ma hemmx il-ħtieġa li tiġi indirizzata din il-kwistjoni. Madankollu, il-Kummissjoni tissottometti li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(8) tad-Direttiva 2014/40 kif proposta mill-Kummissjoni, ikun jeħtiġilha tikkonstata li l-pakkett tas-sigaretti jkun ċertament tqiegħed fis-suq meta jinħareġ għal fuq iċ-checkout belt. Jekk dak il-pakkett ikunx tqiegħed jew le fis-suq fi stadju qabel huwa għall-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi.

37.

Jiena tal-fehma li pakkett tas-sigaretti jitqiegħed fis-suq fil-mument meta jiġi offrut għall-bejgħ permezz tad-distributur awtomatiku inkwistjoni.

38.

L-Artikolu 2(40) tad-Direttiva 2014/40 jipprovdi għal definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “tqegħid fis-suq” ta’ prodotti tat-tabakk. Ikun biżżejjed, għal prodott sabiex jitqies imqiegħed fis-suq, li jkun jista’ jinkiseb minn konsumaturi fl-Unjoni (l-ingrossa, b’hekk, tkun eskluża).

39.

B’mod partikolari, fl-assenza ta’ kull riżerva fl-Artikolu 2(40) tad-Direttiva 2014/40 dwar il-mezzi li bihom prodott ikun jista’ jinkiseb minn konsumaturi, dawn il-mezzi għandhom jitqiesu irrilevanti. Għalhekk, jekk prodott tat-tabakk ikun jista’ jinkiseb minn konsumaturi permezz ta’ distributur awtomatiku, huwa jkun imqiegħed fis-suq skont it-tifsira ta’ din id-dispożizzjoni. Dwar dan, ma jkunx jimporta li l-Parlament Ewropew ma jkunx segwa l-proposta tal-Kumitat tiegħu dwar Affarijiet Legali sabiex jiġi emendat l-Artikolu 2(40), hekk li dak it-“tqegħid fis-suq” kien ifisser “li prodotti jsiru disponibbli għal konsumaturi li jkunu jinsabu fl-Unjoni, bi jew mingħajr ħlas, inkluż permezz ta’ bejgħ mill-bogħod jew billi jintużaw distributuri awtomatiċi […]” ( 16 ). Tabilħaqq, waħda mir-raġunijiet għaliex din il-proposta ma ġietx aċċettata tista’ tkun għaliex setgħet tinftiehem bħala li kienet timplika li l-bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk permezz ta’ distributuri awtomatiċi kien permess, filwaqt, kif spjegat fil-punt 28 iktar ’il fuq, din il-kwistjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/40.

40.

Barra minn dan, skont l-Artikolu 2(40) tad-Direttiva 2014/40, prodott jitqies li jkun tqiegħed fis-suq meta jkun jista’ jinkiseb minn konsumaturi, “bi ħlas jew mingħajr ħlas”. Għalhekk, prodotti tat-tabakk disponibbli għal konsumaturi mingħajr ħlas jitqiegħdu fis-suq skont it-tifsira ta’ din id-dispożizzjoni (fejn, ovvjament, distribuzzjoni mingħajr ħlas ta’ prodotti tat-tabakk tkun permessa, li hekk tkun biss jekk ma sseħħx fil-kuntest ta’ patrunaġġ ta’ avvenimenti jew ta’ attivitajiet li jkollhom effetti transkonfinali u li jkollhom l-effett dirett jew indirett ta’ promozzjoni ta’ tali prodotti) ( 17 ). Fi kliem ieħor, ma jkunx meħtieġ li prodotti tat-tabakk ikunu jistgħu jinbiegħu. Ikun biżżejjed li huma jkunu jistgħu jinkisbu għall-konsum. Isegwi li, meta prodotti tat-tabakk ikunu disponibbli għall-bejgħ, huma għandhom jitqiesu li jkunu tqiegħdu fis-suq qabel ma jinxtraw u qabel ma jsir ħlas għalihom.

41.

F’din il-kawża jsegwi mill-punti 39 u 40 iktar ’il fuq li l-pakkett tas-sigaretti jitqiegħed fis-suq malli jiġi offrut għall-bejgħ fid-distributur awtomatiku inkwistjoni, mhux meta dak il-pakkett isir il-ħlas għalih u l-kontroll fiżiku attwali fuqu jgħaddi mingħand il-bejjiegħ għal għand il-klijent.

42.

Għalhekk, ir-risposta għall-ewwel domanda magħmula għandha tkun li, meta prodott tat-tabakk jiġi offrut għall-bejgħ permezz ta’ distributur awtomatiku li jkollu jitħaddem mill-klijent sabiex il-prodott jinħareġ għal fuq iċ-checkout belt, qabel ma jsir il-ħlas għalih, dak il-prodott għandu jitqies li jkun tqiegħed fis-suq skont it-tifsira tal-Artikolu 2(40) tad-Direttiva 2014/40 fil-mument meta jiġi offrut għall-bejgħ permezz ta’ dan id-distributur awtomatiku, mhux fil-mument meta jsir il-ħlas għalih u l-kontroll fiżiku attwali ta’ dan il-prodott jgħaddi mingħand il-bejjiegħ għal għand il-klijent.

B.   Fuq it-tieni domanda magħmula

43.

Permezz tat-tieni domanda l-qorti tar-rinviju ssaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, jekk il-projbizzjoni dwar ħabi tat-twissijiet tas-saħħa meħtieġa permezz ta’ “oġġetti oħrajn” stabbilita fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2014/40 tkoprix is-sitwazzjoni li fiha l-ippakkjar kollu li jġib dawn it-twissijiet jinħeba minħabba li l-pakkett tas-sigaretti ma jkunx jidher meta jkun ġewwa d-distributur awtomatiku.

44.

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2014/40 effettivament tipprojbixxi li t-twissijiet tas-saħħa fuq pakkett individwali u fuq kull ippakkjar estern ta’ prodotti tat-tabakk ikunu “parzjalment jew totalment moħbija jew interrotti permezz ta’ bolol tat-taxxi, marki tal-prezz, karatteristiċi ta’ sigurtà, tqartis, għatjiet, kaxex, jew oġġetti oħrajn” ( 18 ) meta prodotti tat-tabakk jitqiegħdu fis-suq.

45.

Dwar dan JS tissottometti li, fejn it-twissijiet tas-saħħa meħtieġa fuq pakkett individwali jinħbew minħabba li dak il-pakkett ma jkunx jidher meta jkun f’distributur awtomatiku, ma jkunx hemm ksur tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2014/40. Distributur awtomatiku ma huwiex “oġġett” li jaħbi t-twissijiet tas-saħħa meħtieġa skont it-tifsira ta’ din id-dispożizzjoni. Tali “oġġetti” jistgħu jkunu biss affarijiet li jikkompromettu l-integrità tat-twissijiet tas-saħħa meħtieġa, mhux affarijiet użati għall-bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk.

46.

Il-Kummissjoni ssostni li, fid-dawl tal-evalwazzjoni tagħha tat-tielet u r-raba’ domanda magħmula, ma huwiex meħtieġ li tiġi eżaminata t-tieni domanda. Madankollu, il-Kummissjoni tindika li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(8) tad-Direttiva 2014/40 li l-Kummissjoni tipproponi, hija jkun jeħtiġilha tikkonstata li l-distributur awtomatiku inkwistjoni ma jkunx jista’ jitqies li huwa “oġġett” li jaħbi t-twissijiet tas-saħħa meħtieġa għall-finijiet tal-Artikolu 8(3) ta’ din id-direttiva. Fil-fehma tal-Kummissjoni, ma hemmx raġuni sabiex din id-dispożizzjoni tiġi interpretata b’mod wiesa’, bħala li tfisser li l-Artikolu 8(3) jinkiser biss minħabba l-fatt li l-prodotti tat-tabakk mibjugħa f’postijiet bl-imnut ma jkunux għall-wiri f’dawk il-postijiet. L-effikaċja tat-twissijiet tas-saħħa meħtieġa tista’ tiġi żgurata b’mezzi oħra, bħal meta jiġi żgurat li l-buttuni tal-għażla tal-prodott ikunu konformi mal-Artikolu 8(8) tad-Direttiva 2014/40.

47.

Jiena tal-fehma li l-projbizzjoni li t-twissijiet tas-saħħa meħtieġa jinħbew “b’oġġetti oħrajn”, stabbilita fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2014/40, ma tkoprix il-każ fejn l-ippakkjar kollu ta’ prodotti tat-tabakk jinħeba meta dawk il-prodotti jkunu fid-distributur awtomatiku.

48.

L-ewwel nett, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2014/40 tgħid li t-twissijiet tas-saħħa meħtieġa fuq il-pakketti individwali ta’ prodotti tat-tabakk u fuq kull ippakkjar estern ma għandhomx jinħbew parzjalment jew totalment. Ma tgħidx li l-pakketti individwali li jġibu dawk it-twissijiet ma għandhomx jinħbew fi ħwienet bl-imnut (sabiex jiġi żgurat li t-twissijiet ikunu jidhru b’mod sħiħ) ( 19 ).

49.

It-tieni nett, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2014/40, sa fejn tgħid li t-twissijiet tas-saħħa meħtieġa għandhom ikunu “stampati b’mod li ma jkunux jistgħu jitneħħew”, “b’mod indelibbli”, u ma jistgħux ikunu “moħbija jew interrotti”“parzjalment”, tfittex li tiżgura li ma tiġix kompromessa l-integrità tat-twissijiet tas-saħħa meħtieġa. Ħżin tal-pakketti individwali li fuqhom ikollhom dawk it-twissijiet fid-distributur awtomatiku ma jkollux effett fuq l-integrità tat-twissijiet.

50.

It-tielet nett, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2014/40 mhux biss tipprojbixxi li t-twissijiet tas-saħħa meħtieġa ma jinħbewx. Anzi, hija tispeċifika li dawn it-twissijiet ma għandhomx jinħbew permezz ta’ ċerti oġġetti, jiġifieri, “bolol tat-taxxi, marki tal-prezz, karatteristiċi ta’ sigurtà, tqartis, għatjiet, kaxex, jew oġġetti oħrajn” ( 20 ). Huwa ċar li distributur awtomatiku ma huwiex “kaxxa” sempliċi, aħseb u ara tqartis jew għatja. Lanqas ma jista’, fil-fehma tiegħi, jitqies li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni stabbilita fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2014/40 minħabba r-riferiment għal “oġġetti oħrajn” li jaħbu t-twissijiet tas-saħħa meħtieġa. Tabilħaqq, il-fatt li din id-dispożizzjoni ma tiddefinixxix dawk l-“oġġetti oħrajn” ma jfissirx li kulma jaħbi t-twissijiet jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni. Anzi, l-oġġetti elenkati bħala eżempji jissuġġerixxu li “oġġetti oħrajn” għandhom jew jitwaħħlu fuq l-ippakkjar tal-prodott tat-tabakk inkwistjoni (bħal bolol tat-taxxi, marki tal-prezz u karatteristiċi ta’ sigurtà), jew huma stess ikunu (elementi ta’) dak l-ippakkjar, inkluż “ippakkjar estern” kif iddefinit fl-Artikolu 2(29) tad-Direttiva 2014/40 (bħal tqartis, għatjiet u kaxex). Dan ma huwiex il-każ fir-rigward ta’ distributur awtomatiku, li ma jistax jitqies li huwa ppakkjar peress li l-għan tiegħu (mhux bħal tqartis, għatjiet u kaxex) ma huwiex li jinżamm fih jew anki li jinħażen pakkett individwali wieħed jew iktar ta’ prodotti tat-tabakk, iżda li jagħmel dawk il-prodotti disponibbli għall-bejgħ.

51.

Ir-raba’ nett, l-interpretazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2014/40 proposta fil-punt 47 iktar ’il fuq hija konsistenti mad-dritt internazzjonali. Irrid insemmi li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha huma partijiet fil-Konvenzjoni Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll tat-Tabakk, iffirmata f’Genève fil-21 ta’ Mejju 2003 (iktar ’il quddiem il-“FCTC”), li d-dispożizzjonijiet tagħha huma vinkolanti għalihom ( 21 ). L-Artikolu 11(1) tal-FCTC jgħid li l-partijiet għal din il-konvenzjoni “għandhom […] jadottaw u jimplimentaw […] miżuri effettivi sabiex jiżguraw li: […] (b) kull pakkett individwali u pakkett ta’ prodotti tat-tabakk u kull ippakkjar estern u tikkettar ta’ tali prodotti wkoll ikollhom fuqhom twissijiet tas-saħħa li jiddeskrivu l-effetti ħżiena tal-użu tat-tabakk […]”. Irrid insemmi wkoll li l-Partijiet fil-FCTC adottaw sett ta’ linji gwida għall-implimentazzjoni ta’ din il-konvenzjoni, li, għalkemm ma għandhomx saħħa vinkolanti, huma, madankollu, maħsuba sabiex ikollhom influwenza deċiżiva fuq il-kontenut tar-regoli adottati mill-Unjoni Ewropea fil-qasam inkunsiderazzjoni ( 22 ). Il-paragrafu 10 tal-Linji gwida għall-Implimentazzjoni tal-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni Qafas tal-Organizzazzjoni tas-Saħħa dwar il-Kontroll tat-Tabakk (iktar ’il quddiem il-“Linji gwida għall-Implimentazzjoni tal-Artikolu 11 tal-FCTC”) jipprovdi li “l-Partijiet għandhom jiżguraw li twissijiet tas-saħħa […] ma jkunux ostakolati minn markar ieħor meħtieġ ta’ ippakkjar u tikkettar jew minn marki kummerċjali ġewwa jew barra”, jew minn “marki oħra bħal bolol tat-taxxi u markar skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni”. Għalhekk, skont il-paragrafu 10 tal-Linji gwida għall-Implimentazzjoni tal-Artikolu 11 tal-FCTC, l-uniċi elementi li ma jostakolawx it-twissijiet tas-saħħa huma (i) “markar ieħor meħtieġ ta’ ippakkjar u tikkettar” ( 23 ), inkluż markar meħtieġ skont l-Artikolu 15 tal-FCTC ( 24 ); u (ii) “marki kummerċjali ġewwa u barra” ( 25 ). Evidentement, distributur awtomatiku ma jaqa’ f’ebda waħda minn dawk il-kategoriji. Bl-istess mod il-paragrafu 54 ta’ dawn il-Linji gwida jgħid li “l-partijiet għandhom jiżguraw li tikketti adeżivi, stickers, kaxex, għata, sleeves, tqartis u markar ta’ promozzjoni ġewwa jew barra, minn dawk li jimmanifatturaw it-tabakk, ma joskurawx, ma jħassrux jew ma jimminawx twissijiet tas-saħħa”. Għal darba oħra, ebda waħda minn dawn il-kelmiet ma għandha tintuża sabiex isir riferiment għal distributur awtomatiku. L-affarijiet kollha li, skont il-paragrafi 10 u 54 tal-Linji gwida għall-Implimentazzjoni tal-Artikolu 11 tal-FCTC, ma jostakolawx it-twissijiet tas-saħħa, huma l-affarijiet li jistgħu jitqiegħdu maġenb xulxin jew jitwaħħlu ġewwa pakkett individwali jew fuq barra ta’ dak il-pakkett.

52.

Għalhekk, ir-risposta għat-tieni domanda magħmula għandha tkun li l-projbizzjoni li t-twissijiet tas-saħħa meħtieġa jinħbew b’“oġġetti oħrajn”, stabbilita fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2014/40, ma tkoprix il-każ fejn l-ippakkjar kollu ta’ prodott tat-tabakk jinħeba minħabba li dak il-prodott jinħażen f’distributur awtomatiku b’tali mod li l-konsumatur ma jkunx jista’ jarah.

C.   Fuq it-tielet domanda magħmula

53.

Permezz tat-tielet domanda tagħha l-qorti tar-rinviju ssaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, jekk stampa li ma tkunx tirrifletti fedelment l-ippakkjar oriġinali, iżda li l-konsumatur jassoċja ma’ ppakkjar ta’ sigaretti minħabba d-disinn tagħha f’termini ta’ kontorni, proporzjonijiet, kuluri u logo tal-marka, tikkostitwixxix “stampa ta’ pakkett individwali” skont it-tifsira tal-Artikolu 8(8) tad-Direttiva 2014/40.

54.

JS tqis li r-risposta għat-tielet domanda għandha tkun fin-negattiv. Fil-fehma tagħha l-kwistjoni jekk stampi ta’ marki ta’ sigaretti murija fuq il-buttuni tal-għażla tad-distributur awtomatiku inkwistjoni jistgħux jitqiesu li huma stampi ta’ pakketti individwali skont it-tifsira tal-Artikolu 8(8) tad-Direttiva 2014/40 ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, peress li, skont il-premessa 48 tagħha, din id-dispożizzjoni ma tarmonizzax regoli nazzjonali dwar reklamar domestiku. F’kull każ, dawn l-istampi ta’ marki ta’ sigarett ma jikkostitwixxux stampi ta’ pakketti tas-sigaretti skont it-tifsira tal-Artikolu 8(8). Pjuttost, huma parti mill-proċess ta’ bejgħ minħabba li jħallu lil konsumaturi jagħżlu l-marka ta’ sigaretti li huma jkunu jixtiequ jixtru.

55.

Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni tissottometti li r-risposta għat-tielet domanda għandha tkun fl-affermattiv. Fil-fehma tagħha, il-kunċett ta’ stampi ta’ pakketti individwali skont it-tifsira tal-Artikolu 8(8) tad-Direttiva 2014/40 għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’ bħala li jkopri kull rappreżentazzjoni ta’ pakkett tas-sigaretti. Dan isegwi mill-użu tal-kelma “stampa” bl-Ingliż u bil-Franċiż; mill-ħtieġa li, bħal tikketti tal-ikel, il-konsumaturi għandhom jingħataw l-informazzjoni meħtieġa sabiex jagħmlu għażliet billi jkunu jafu sewwa l-fatti, u huma għandhom ikunu protetti minn talbiet qarrieqa; mill-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, skont l-Artikolu 168(1) TFEU; u mill-fatt li, inkella, il-konsumatur jara t-twissijiet tas-saħħa meħtieġa biss wara li l-pakkett tas-sigaretti jinħareġ għal fuq iċ-checkout belt.

56.

Jien tal-fehma li stampi ta’ marka ta’ sigarett li ma humiex riproduzzjoni fidila ta’ pakketti individwali, iżda li konsumatur medju jassoċja ma’ ppakkjar ta’ tabakk minħabba d-disinn tagħhom, għandhom jitqiesu li huma stampi ta’ pakketti individwali skont it-tifsira tal-Artikolu 8(8) tad-Direttiva 2014/40.

57.

Kif imsemmi fil-punt 2 iktar ’il fuq, l-Artikolu 8(8) tad-Direttiva 2014/40 jgħid li “[s]tampi ta’ pakketti individwali u xi ppakkjar estern li għandhom fil-mira tagħhom il-konsumaturi” għandhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II tat-Titolu II ta’ din id-direttiva, jiġifieri huma għandhom, b’mod partikolari, iġibu t-twissijiet tas-saħħa meħtieġa. Il-kunċett ta’ stampi ta’ pakketti individwali u kull ippakkjar estern ma humiex, madankollu, iddefiniti mill-Artikolu 8(8) jew minn xi dispożizzjoni oħra tad-direttiva.

58.

Skont il-ġurisprudenza, it-tifsira u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-kliem li għalihom id-dritt tal-Unjoni ma jagħtix definizzjoni għandhom jiġu ddeterminati b’riferiment għat-tifsira li s-soltu jkollhom fl-ilsien ta’ kuljum, filwaqt li jitqies ukoll il-kuntest li fih iseħħu u l-għanijiet tar-regoli li tagħhom ikunu jagħmlu parti ( 26 ).

59.

L-ewwel nett, fit-tifsira tas-soltu tagħha, il-kelma “stampa” tkopri mhux biss ir-rappreżentazzjoni jew xbieha ta’ persuna jew oġġett, iżda wkoll ir-riproduzzjoni jew l-imitazzjoni tal-forma ta’ persuna jew oġġett. Dan jissuġġerixxi li l-kunċett ta’ stampa skont it-tifsira tal-Artikolu 8(8) tad-Direttiva 2014/40 jinkludi, iżda ma huwiex limitat għal, riproduzzjonijiet fidili ta’ pakketti individwali jew ta’ ppakkjar estern ta’ prodotti tat-tabakk, u, b’mod partikolari, li dan il-kunċett ma huwiex limitat għal ritratti. Dan huwa minnu mhux biss għall-kelma bl-Ingliż “image”, iżda wkoll għall-kelma bil-Franċiż “image”, għall-kelma bit-Taljan “illustrazione” u għall-kelma bil-Ġermaniż “Bild”, użati f’dawk il-verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 8(8).

60.

It-tieni nett, l-Artikolu 10(1)(a) tad-Direttiva 2014/40, li jgħid li kull pakkett individwali u kull ippakkjar estern ta’ prodotti tat-tabakk għat-tipjip għandhom iġibu twissijiet tas-saħħa miġbura flimkien, jiddeskrivi dawn it-twissijiet bħala li jikkonsistu fi kliem ta’ twissija u “ritratt bil-kulur korrispondenti”. L-Artikolu 2(33) ta’ din id-direttiva, li jiddefinixxi t-twissijiet tas-saħħa miġbura flimkien, juża l-frażi “stampa jew immaġni”. Għalhekk, meta jirreferu għal ritratt l-Artikoli 2(33) u 10(1)(a) ma jużawx il-kelma “stampa”, użata fl-Artikolu 8(8), iżda kelma differenti (“stampa” jew “immaġni”). Dan jissuġġerixxi li l-kunċett ta’ “stampa” skont it-tifsira tal-Artikolu 8(8) tad-Direttiva 2014/40 ma huwiex limitat għal ritratti ta’ pakketti individwali. L-istess huwa minnu għall-verżjoni Franċiża tal-Artikoli 2(33) u 10(1)(a), li tuża l-kliem “photo ou […] illustration” u “photographie”, u mhux il-kelma “image” li tintuża fl-Artikolu 8(8); minnu wkoll għall-verżjoni Ġermaniża tal-Artikoli 2(33) u 10(1)(a), li tuża l-kliem “Fotografie oder Illustration” u “Farbfotografie”, mhux il-kelma “Bild” użata fl-Artikolu 8(8). Dan huwa daqsxejn inqas minnu għall-verżjoni Taljana tal-Artikoli 2(33) u 10(1)(a), li tuża l-kliem “fotografia o […] illustrazione” u “fotografia”’, fejn l-Artikolu 8(8) juża l-kelma “illustrazione”. Madankollu, kollox ma’ kollox, dawn il-verżjonijiet lingwistiċi diversi tal-Artikoli 2(33) u 10(1)(a) jidhru li jużaw kelma (jew kliem) differenti meta huma jirreferu għal ritratt proprju.

61.

It-tielet nett, fil-fehma tiegħi, interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ stampi ta’ pakketti individwali jew ta’ kull ippakkjar estern skont it-tifsira tal-Artikolu 8(8) tad-Direttiva 2014/40 bħala li tkopri mhux biss riproduzzjonijiet fidili ta’ pakketti individwali iżda wkoll stampi li l-konsumaturi jassoċjaw ma’ ppakkjar ta’ tabakk, hija konsistenti mal-għanijiet ta’ din id-direttiva u, b’mod iktar speċifiku, mal-għan tal-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva.

62.

Skont il-ġurisprudenza, id-Direttiva 2014/40 għandha għan doppju li tiffaċilita l-funzjonament mingħajr diffikultajiet tas-suq intern għall-prodotti tat-tabakk u l-prodotti relatati, filwaqt li tieħu bħala bażi livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, l-iktar taż-żgħażagħ ( 27 ). Kif tinnota l-qorti tar-rinviju, stampa li l-konsumatur jassoċja mal-ippakkjar ta’ tabakk tista’, bl-istess mod bħal riproduzzjoni fidila, tattiva impuls ta’ xiri. Dan l-impuls jista’ jiġi miġġieled permezz tat-twissijiet tas-saħħa meħtieġa. Għalhekk, interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ stampi ta’ pakketti individwali skont it-tifsira tal-Artikolu 8(8) bħala li tkopri wkoll stampi li l-konsumatur jassoċja ma’ ppakkjar ta’ tabakk għandha tippermetti li dawn it-twissijiet jitwaħħlu fuq dawn l-istampi, sabiex b’hekk ikun skoraġġit ix-xiri ta’ prodotti tat-tabakk u tissaħħaħ il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.

63.

Fir-rigward tal-għan tal-Artikolu 8(8), jidhirli li din id-dispożizzjoni tfittex li ma tħallix li jkun hemm evażjoni tar-regola stabbilita fl-Artikolu 8(1). Tabilħaqq, l-Artikolu 8(1) jgħid li kull pakkett individwali ta’ prodott tat-tabakk għandu jġib it-twissijiet tas-saħħa meħtieġa. L-Artikolu 8(3) jiżgura l-effikaċja ta’ din ir-regoli billi jipprojbixxi li dawn it-twissijiet jinħbew jew li jiġu interrotti. L-Artikolu 8(8) jindirizza, inter alia, is-sitwazzjoni fejn bejjiegħ bl-imnut jipprova jevita li juri b’kull mod it-twissijiet tas-saħħa meħtieġa fil-punt tal-bejgħ billi juri, minflok il-pakketti individwali li jkollhom fuqhom dawk it-twissijiet, stampi ta’ dawk il-pakketti li ma jġibux it-twissijiet. Billi jeżiġi li l-istampi ta’ ppakkjar ta’ tabakk iġibu wkoll it-twissijiet, l-Artikolu 8(8) jfittex li ma jħallix iseħħ din is-sitwazzjoni, sabiex b’hekk jiżgura, bl-istess mod tal-Artikolu 8(3), l-effikaċja tar-regola stabbilita fl-Artikolu 8(1). Interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ stampi ta’ ppakkjar ta’ tabakk skont it-tifsira tal-Artikolu 8(8) bħala li tkopri stampi li l-konsumatur jassoċja ma’ pakketti individwali ta’ prodotti tat-tabakk għandha tiżgura l-effikaċja sħiħa tal-Artikolu 8(1). Dan huwa iktar minnu peress li, f’dan il-każ, l-effikaċja tal-Artikolu 8(1) ma tistax tiġi żgurata billi tiġi applikata l-projbizzjoni stabbilita fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(3), kif spjegat fil-punti 47 sa 52 iktar ’il fuq.

64.

Ir-raba’ nett, l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ stampi ta’ pakketti individwali skont it-tifsira tal-Artikolu 8(8) tad-Direttiva 2014/40 proposta fil-punt 56 iktar ’il fuq hija konsistenti mad-dritt internazzjonali. Tabilħaqq, l-Artikolu 13(4) tal-FCTC jgħid li “[b]ħala minimu u skont il-kostituzzjoni jew il-prinċipji kostituzzjonali tagħha, kull Parti għandha: […] (b) teżiġi li twissijiet tas-saħħa jew twissijiet oħra simili jinġiebu flimkien mar-reklamar kollu tat-tabakk u, kif ikun xieraq, il-promozzjoni u l-patrunaġġ”. Il-kunċett ta’ “reklamar u promozzjoni tat-tabakk” huwa ddefinit mill-Artikolu 1(ċ) tal-FCTC bħala “kull forma ta’ komunikazzjoni kummerċjali, rakkomandazzjoni jew azzjoni bil-għan, bl-effett jew bi probabbiltà ta’ effett ta’ promozzjoni ta’ prodott tat-tabakk jew użu tat-tabakk jew direttament jew indirettament”. Skont il-paragrafu 14 tal-Linji gwida għall-Implimentazzjoni tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni Qafas dwar il-Kontroll tat-Tabakk tal-Organizzazzjoni tas-Saħħa (iktar ’il quddiem il-“Linji gwida għall-Implimentazzjoni tal-Artikolu 13 tat-FCTC”), “[d]istributuri awtomatiċi […] jikkostitwixxu minnhom innifishom mezz ta’ reklamar jew promozzjoni skont it-termini tal-Konvenzjoni” ( 28 ). Isegwi li, skont l-Artikolu 13(4)(b) tal-FCTC, distributuri awtomatiċi tat-tabakk, bħala mezz ta’ reklamar tat-tabakk, għandu “[j]kollhom magħhom”, jew, pjuttost, iġibu twissijiet tas-saħħa ( 29 ).

65.

Għalhekk jidhirli li l-kunċett ta’ stampi ta’ pakketti individwali skont it-tifsira tal-Artikolu 8(8) tad-Direttiva 2014/40 għandu jkopri mhux biss riproduzzjonijiet fidili ta’ dan l-ippakkjar, iżda wkoll stampi li konsumatur medju jassoċja ma’ pakketti individwali ta’ prodotti tat-tabakk. Bħalma tinnota l-qorti tar-rinviju, sabiex jiġi ddeterminat jekk stampa partikolari tistax tiġi assoċjata ma’ pakketti individwali, għandu jitqies id-disinn tagħha f’dak li għandu x’jaqsam mal-kontorni, il-proporzjonijiet, il-kuluri u l-logo tal-marka tagħha.

66.

Jekk, f’dan il-każ, l-istampi ta’ marki ta’ sigaretti murija fuq il-buttuni tal-għażla tad-distributur awtomatiku inkwistjoni jikkostitwixxux stampi li konsumatur medju jassoċja ma’ pakketti individwali ta’ prodotti tat-tabakk minħabba d-disinn tagħhom, hija kwistjoni ta’ fatt li għandha tiġi ddeterminata mill-qorti tar-rinviju.

67.

Għalhekk, ir-risposta għat-tielet domanda magħmula għandha tkun li l-kunċett ta’ “stampi ta’ pakketti individwali u xi ppakkjar estern” ta’ prodotti tat-tabakk skont it-tifsira tal-Artikolu 8(8) tad-Direttiva 2014/40 ikopri mhux biss stampi li huma riproduzzjonijiet ta’ pakketti individwali jew kull ippakkjar estern, iżda wkoll stampi li konsumatur medju jassoċja ma’ pakketti individwali jew ma’ kull ippakkjar estern minħabba d-disinn tagħhom f’termini ta’ kontorni, proporzjonijiet, kulur u l-logo tal-marka.

D.   Fuq ir-raba’ domanda magħmula

68.

Permezz tar-raba’ domanda tagħha l-qorti tar-rinviju ssaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, jekk, meta stampa ta’ pakkett tas-sigaretti li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8(8) tad-Direttiva 2014/40 ma ġġibx it-twissijiet tas-saħħa meħtieġa, din l-istampa tkunx, madankollu, konsistenti ma’ din id-dispożizzjoni jekk il-konsumatur ikollu l-opportunità jara dawk it-twissijiet qabel ma huwa jixtri l-pakkett.

69.

Skont id-digriet tar-rinviju, l-Oberlandesgericht München (il-Qorti Reġjonali Superjuri, München) ikkonstatat li l-Artikolu 8(8) tad-Direttiva 2014/40 jipprojbixxi l-użu ta’ stampi ta’ pakketti tas-sigaretti li ma jġibux it-twissijiet tas-saħħa meħtieġa biss jekk dawn l-istampi jiġu ppreżentati minflok il-pakketti qabel ma jkun ġie konkluż il-kuntratt ta’ bejgħ. Il-qorti tar-rinviju tqis li hemm dubji dwar jekk huwiex possibbli li jkun hemm qbil mal-Oberlandesgericht München (il-Qorti Reġjonali Superjuri, München).

70.

JS tissottometti li, anki kieku l-istampi ta’ marki tas-sigaretti murija fuq il-buttuni tal-għażla tad-distributur awtomatiku kellhom jitqiesu li huma stampi ta’ pakketti individwali skont it-tifsira tal-Artikolu 8(8) tad-Direttiva 2014/40, ma jkunx hemm ksur ta’ din id-dispożizzjoni minħabba li l-konsumatur jara t-twissijiet tas-saħħa meħtieġa meta jingħatalu l-pakkett. Barra minn hekk, huwa jara dawk it-twissijiet kull darba li jpejjep sigarett.

71.

Il-Kummissjoni hija tal-fehma kuntrarja.

72.

Jiena nqis li, fejn stampa ta’ pakkett tas-sigaretti li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8(8) tad-Direttiva 2014/40 ma ġġibx it-twissijiet tas-saħħa meħtieġa, ikun irrilevanti jekk il-konsumatur ikollux jew le opportunità jara dawn it-twissijiet qabel ma huwa jixtri dan il-pakkett.

73.

L-ewwel nett, l-Artikolu 8(8) tad-Direttiva 2014/40 jistabbilixxi regola ġenerali li stampi ta’ pakketti individwali għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti tal-Kapitolu II tat-Titolu II ta’ din id-direttiva; b’mod partikolari, huma għandhom iġibu t-twissijiet tas-saħħa meħtieġa. Din ir-regola ma hija suġġetta għal ebda kundizzjoni jew restrizzjoni. Għalhekk, l-Artikolu 8(8) jipprojbixxi l-użu ta’ stampi li ma jġibux it-twissijiet tas-saħħa meħtieġa, irrispettivament minn kull proċess ta’ xiri. Ikun biżżejjed li l-istampi jkollhom “fil-mira tagħhom il-konsumaturi”, li ċertament huwa l-każ ta’ stampi użati f’supermarkets, kif inhu hekk f’din il-kawża.

74.

It-tieni nett, ma jistax ikun hemm oġġezzjoni li, minħabba li l-Artikolu 8(8) tad-Direttiva 2014/40 għandu l-għan biss li ma jitħalliex li jkun hemm evażjoni tar-regola stabbilita fl-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva li kull pakkett tas-sigaretti għandu jġib it-twissijiet tas-saħħa meħtieġa, ikun hemm ksur ta’ din l-ewwel dispożizzjoni jekk il-konsumatur ikun jista’ jara dawn it-twissijiet qabel ma jixtri l-pakkett tas-sigaretti. Din l-interpretazzjoni tkun inkonsistenti mal-formulazzjoni tal-Artikolu 8(8), li, għal darba oħra, ma jipprovdix għal tali eċċezzjoni għar-regola li huwa jistabbilixxi. Fi kliem ieħor, l-Artikolu 8(8) jara li mhux biss ma jħallix li jkun hemm l-evażjoni tal-Artikolu 8(1), kif spjegat fil-punt 63 iktar ’il fuq, iżda wkoll li jikkomplementa r-regola stabbilita f’din id-dispożizzjoni.

75.

Għalhekk, ir-risposta għar-raba’ domanda magħmula għandha tkun li, fejn stampa ta’ pakkett individwali jew ta’ kull ippakkjar estern ieħor ta’ prodott tat-tabakk, skont it-tifsira tal-Artikolu 8(8) tad-Direttiva 2014/40, ma ġġibx it-twissijiet tas-saħħa previsti fil-Kapitolu II tat-Titolu II ta’ din id-direttiva, din id-dispożizzjoni tinkiser anki jekk il-konsumatur ikollu l-opportunità li jara l-pakkett individwali jew l-ippakkjar estern li jġibu dawn it-twissijiet qabel ma jixtri l-prodott.

IV. Konklużjoni

76.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta li ġejja għad-domandi magħmula mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja):

(1)

Fejn prodott tat-tabakk jiġi offrut għall-bejgħ permezz ta’ distributur awtomatiku li jkollu jitħaddem mill-konsumatur sabiex il-prodott jinħareġ għal fuq iċ-checkout belt, qabel ma jsir il-ħlas għalih, dan il-prodott għandu jitqies li tqiegħed fis-suq, skont it-tifsira tal-Artikolu 2(40) tad-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE, fil-mument li fih jiġi offrut għall-bejgħ permezz ta’ dan id-distributur awtomatiku, mhux fil-mument li jsir il-ħlas għalih u l-kontroll fiżiku attwali jgħaddi mingħand il-bejjiegħ għal għand il-klijent.

(2)

Il-projbizzjoni li t-twissijiet tas-saħħa jinħbew minn “oġġetti oħrajn” stabbilita fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2014/40 ma tkoprix il-każ fejn l-ippakkjar kollu ta’ prodott tat-tabakk jinħeba minħabba li dak il-prodott jinħażen f’distributur awtomatiku b’tali mod li l-konsumatur ma jkunx jista’ jarah.

(3)

Il-kunċett ta’ “stampi ta’ pakketti individwali u xi ppakkjar estern” ta’ prodotti tat-tabakk skont it-tifsira tal-Artikolu 8(8) tad-Direttiva 2014/40 ikopri mhux biss stampi li jkunu riproduzzjonijiet fidili ta’ pakketti individwali jew ta’ kull ippakkjar estern, iżda wkoll stampi li konsumatur medju jassoċja ma’ pakketti individwali jew ma’ kull ippakkjar estern minħabba d-disinn tagħhom f’termini ta’ kontorni, proporzjonijiet, kulur u logo tal-marka.

(4)

Fejn stampa ta’ pakkett individwali jew ta’ kull ippakkjar estern ta’ prodott tat-tabakk skont it-tifsira tal-Artikolu 8(8) tad-Direttiva 2014/40 ma ġġibx it-twissijiet tas-saħħa msemmija fil-Kapitolu II tat-Titolu II ta’ din id-direttiva, din id-dispożizzjoni tinkiser anki jekk il-konsumatur ikollu l-opportunità jara l-pakkett individwali jew l-ippakkjar estern li jġibu dawn it-twissijiet qabel ma jixtri l-prodott.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Direttiva tat-3 ta’ April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE (ĠU 2014, L 127, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 150).

( 3 ) Is-“subparagrafu” msemmi fil-paragrafu 11(2) tat-TabakerzV huwa s-subparagrafu 3 tiegħu, li huwa relatat ma’ ppakkjar u twissijiet.

( 4 ) “[M]eta l-prodotti tat-tabakk jitqiedu fis-suq”, skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2014/40.

( 5 ) Skont id-digriet tar-rinviju, “[l-Oberlandesgericht München (il-Qorti Reġjonali Superjuri, München)] sabet li l-ħażna ta’ pakketti individwali ta’ sigaretti miżmuma fid-distributur awtomatiku inkwistjoni kienet sempliċement arranġament ta’ bejgħ. Skont dik il-qorti kien isegwi mill-premessa 48 tad-Direttiva 2014/40 li l-għan ta’ din id-direttiva ta’ approssimazzjoni ta’ regoli nazzjonali ma kienx ikopri arranġamenti ta’ bejgħ u reklamar. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dik id-direttiva ma kinux japplikaw għall-offerta ta’ bejgħ ta’ sigaretti permezz ta’ distributuri awtomatiċi, li hija l-kwistjoni f’dan il-każ”.

( 6 ) Il-Kummissjoni tistrieħ fuq is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2000, Il-Ġermanja vs Il‑Parlament u Il-Kunsill (C‑376/98, EU:C:2000:544, punt 100).

( 7 ) Enfasi miżjuda.

( 8 ) Għal finijiet ta’ kompletezza, irrid nispeċifika li sigaretti elettroniċi ma humiex prodotti tat-tabakk. Skont l-Artikolu 2(4) tad-Direttiva 2014/40, prodotti tat-tabakk għandhom “jikkonsistu, anki parzjalment, mit-tabakk”. Dan ma japplikax għal sigaretti elettroniċi, li, kif jindika l-Artikolu 2(16), jintużaw “għall-konsum ta’ fwar li fih in-nikotin”. Sigaretti elettroniċi ma jintużawx għal konsum ta’ tabakk kif iddefinit fl-Artikolu 2(1), jiġifieri, “weraq u partijiet oħra naturali pproċessati ta’ pjanti tat-tabakk, inkluż tabakk imwessa’ u rikostitwit” (ara wkoll is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Pillbox 38, C‑477/14, EU:C:2016:324, punti 3738).

( 9 ) Bl-eċċezzjoni, iżda, tal-premessi 42 u 45. Madankollu, il-premessa 42 għandha l-frażi “dawn il-prodotti”, li tista’ tinftiehem biss bħala li tirreferi għall-prodotti deskritti fil-premessa preċedenti, jiġifieri, sigaretti elettroniċi. Barra minn dan, ir-riferiment, fil-premessa 45, għal “effetti negattivi suspettati” dwar is-saħħa tal-bniedem tirrifletti l-Artikolu 20(9), li japplika biss għal sigaretti elettroniċi; u r-riferiment, fl-istess premessa, għal “klawżola ta’ salvagwardja”, tikkorrispondi mal-Artikolu 20(11), applikabbli wkoll biss għal sigaretti elettroniċi.

( 10 ) Ara d-Dokument tal-Kunsill Nru 17727/13 ANNESS, tas-17 ta’ Diċembru 2013 (fil-p. 15).

( 11 ) Għajr għal “bejgħ transkonfinali mill-bogħod ta’ prodotti tat-tabakk” tal-Artikolu 1(d) – li, preċiżament, ma huwiex arranġament “domestiku” li, skont l-ewwel sentenza tal-premessa 48 tad-Direttiva 2014/40, ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

( 12 ) Evalwazzjoni tal-impatt tad-19 ta’ Diċembru 2012 mehmuża mal-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u ta’ prodotti relatati (SWD(2012)°452 final) (l-“evalwazzjoni tal-impatt tad-Direttiva 2014/40”). Skont it-Taqsima 4.1 tal-Parti 1 tal-evalwazzjoni tal-impatt tad-Direttiva 2014/40, “l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri dwar distributuri awtomatiċi tat-tabakk (DAT) kienet twarrbet fl-evalwazzjoni tal-impatt u fil-konsultazzjoni pubblika. Din il-politika twarrbet minħabba tħassib dwar sussidjarjetà u minħabba li kien tqies il-progress tajjeb li diġà kien hemm f’dan il-qasam” (p. 50). Ara wkoll l-Istudju mħejji minn RAND Europe, bit-titolu “Evalwazzjoni tal-Impatti ta’ Rieżami tad-Direttiva dwar Prodotti tat-Tabakk”, ta’ Settembru 2010 (l-“Istudju RAND”). Skont l-Istudju RAND, mill-ħames għażliet previsti mill-Kummissjoni, tlieta kellhom miżuri distributuri awtomatiċi tat-tabakk: għażla 3 kienet tinkludi miżuri “sabiex distributuri awtomatiċi jkunu aċċessibbli minn minuri”, filwaqt li għażliet 4 u 5 kienu qegħdin jaħsbu sabiex ikun hemm kompletament “projbizzjoni [ta’] distributuri awtomatiċi” (ara p. 189, 219, 227 u 235). L-Istudju RAND jinsab fis-sit internet tal-Kummissjoni Ewropea.

( 13 ) Rakkomandazzjoni tat-2 ta’ Diċembru 2002 dwar il-prevenzjoni ta’ tipjip u dwar inizjattivi għal titjib tal-kontroll tat-tabakk (ĠU 2003, L 22, p. 31).

( 14 ) Direttiva tal-5 ta’ Ġunju 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri li jirrelataw mal-manifattura, preżentazzjoni u l-bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk (ĠU 2001, L 194, p. 26). Id-Direttiva 2001/37 tissemma fil-premessa 9 tar-Rakkomandazzjoni 2003/54.

( 15 ) Għandu jsir riferiment għall-premessa 14 tar-Rakkomandazzjoni 2003/54, li tgħid li distributuri awtomatiċi “għandhom iġibu reklamar minbarra dak strettament meħtieġ sabiex ikunu indikati l-prodotti mibjugħa”.

( 16 ) Ara l-Opinjoni tal-Kumitat dwar Affarijiet Legali, tal-25 ta’ Ġunju 2013, fir-Rapport tal-Parlament Ewropew dwar proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u ta’ prodotti relatati, tal-24 ta’ Lulju 2013 (Emenda 22 fil-p. 273).

( 17 ) Skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2003/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2003 dwar it-tqarrib lejn xulxin tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mar-reklamar u l-patrunaġġ tal-prodotti tat-tabakk (ĠU 2003, L 152, p. 16).

( 18 ) Enfasi miżjuda.

( 19 ) Attwalment, l-approċċ kuntrarju – jiġifieri l-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet, jew projbizzjoni totali, li prodotti tat-tabakk jintwerew fejn isir il-ħlas – kien previst (u twarrab) fit-travaux préparatoires tad-Direttiva 2014/40. Ara dwar dan it-Taqsima 4.1 ta’ Parti 1 tal-evalwazzjoni tal-impatt tad-Direttiva 2014/40 (fil-p. 50), u l-Istudju RAND (fil-p. 227 u 233).

( 20 ) Enfasi miżjuda.

( 21 ) Ara l-premessa 7 tad-Direttiva 2014/40. Ara wkoll l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, li jgħid li d-direttiva tfittex li “tissodisfa l-obbligi tal-Unjoni skont [l-FCTC]” (enfasi miżjuda).

( 22 ) Sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Il-Polonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑358/14, EU:C:2016:323, punt 47).

( 23 ) Jiġifieri “l-informazzjoni dwar kostitwenti rilevanti u rilaxx ta’ prodotti tat-tabakk”, li għandha tkun fuq kull pakkett individwali u fuq barra ta’ ppakkjar ta’ prodotti tat-tabakk (ara l-Artikolu 11(2) tat-FCTC).

( 24 ) Markar meħtieġ skont l-Artikolu 15 tal-FCTC huwa maħsub sabiex jiġi eliminat il-kummerċ illeċitu fi prodotti tat-tabakk. L-ekwivalenti tiegħu skont id-Direttiva 2014/40 huma l-karatteristiċi uniċi ta’ identifikazzjoni u sigurtà, previsti fl-Artikoli 15 u 16 tagħha.

( 25 ) Irrid nispeċifika li l-paragrafu 6 tal-Linji gwida għall-Implimentazzjoni tal-Artikolu 11 tal-FCTC jiddefinixxi “marki barra” bħala “kull komunikazzjoni mwaħħla fuq barra ta’ pakkett individwali u/jew kartuna mixtrija bl-imnut minn konsumaturi […]”.

( 26 ) Sentenza tat-22 ta’ April 2021, Austrian Airlines (C‑826/19, EU:C:2021:318, punt 22).

( 27 ) Sentenzi tal-4 ta’ Mejju 2016, Il-Polonja vs Il-Parlament u l-Kunsill (C‑358/14, EU:C:2016:323, punt 80); tal-4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et (C‑547/14, EU:C:2016:325, punti 171220); tas-17 ta’ Ottubru 2018, Günter Hartmann Tabakvertrieb (C‑425/17, EU:C:2018:830, punt 23); tat-30 ta’ Jannar 2019, Planta Tabak (C‑220/17, EU:C:2019:76, punt 38); u tat-22 ta’ Novembru 2018, Swedish Match (C‑151/17, EU:C:2018:938, punt 40).

( 28 ) Għandu wkoll jsir riferiment għar-raba’ inċiż tal-Appendiċi ta’ dawn il-linji gwida bit-titolu “Lista indikattiva (mhux eżawrjenti) ta’ tipi ta’ reklamar, promozzjoni u patrunaġġ ta’ tabakk skont it-termini tal-Konvenzjoni”, li tirreferi għal “distributuri awtomatiċi ta’ prodott tat-tabakk”.

( 29 ) Huwa minnu li l-aħħar sentenza tal-punt 40 tal-Linji gwida għall-Implimentazzjoni tal-Artikolu 13 tal-FCTC tgħid li “sabiex l-effikaċja tagħhom tkun l-aħjar waħda, it-twissijiet jew messaġġi oħra mitluba mill-Partijiet skont l-Artikolu 13.4(b) tal-Konvenzjoni għandhom ikunu konsistenti mat-twissijiet jew ma’ messaġġi oħra dwar ippakkjar li jkunu meħtieġa abbażi tal-Konvenzjoni skont l-Artikolu 11” (enfasi miżjuda) – li jimplika li t-twissijiet tas-saħħa li, skont l-Artikolu 13(4)(b) tal-FCTC, distributuri awtomatiċi tat-tabakk għandhom iġibu, ma humiex identiċi għat-twissijiet tas-saħħa li, skont l-Artikolu 11(1)(b) tal-FCTC, il-pakketti individwali u pakketti ta’ prodotti tat-tabakk għandhom iġorru. Madankollu, l-Artikolu 13(4)(b) tal-FCTC u l-punt 14 tal-Linji gwida għall-Implimentazzjoni tal-Artikolu 13 tal-FCTC jagħmluha ċara li distributuri awtomatiċi tat-tabakk għandhom iġibu mill-inqas xi xorta ta’ twissija tas-saħħa.

Top