Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CC0328

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Richard de la Tour, ippreżentati l-20 ta’ Jannar 2022.


    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:45

     KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

    RICHARD DE LA TOUR

    ippreżentati fl‑20 ta’ Jannar 2022 ( 1 )

    Kawża C‑328/20

    Il‑Kummissjoni Ewropea

    vs

    Ir‑Repubblika tal‑Awstrija

    “Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikoli 4, 7 u 67 – Moviment liberu tal-ħaddiema – Regolament (UE) Nru 492/2011 – Artikolu 7 – Ugwaljanza fit-trattament – Benefiċċji tal-familja – Vantaġġi soċjali u fiskali – Adattament tal-ammont tal-benefiċċji u tal-vantaġġi skont il-livell tal-prezzijiet fl-Istat ta’ residenza tal-ulied”

    I. Introduzzjoni

    1.

    Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi introduċiet:

    1)

    mekkaniżmu ta’ adattament relattiv għall-allowance tal-familja u għall-kreditu fiskali għal wild dipendenti għall-ħaddiema li wliedhom jirrisjedu b’mod permanenti fi Stat Membru ieħor, ir-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont:

    l-Artikoli 4, 7 u 67 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali ( 2 ), kif ukoll

    l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni ( 3 ), u,

    2)

    għall-ħaddiema migranti li wliedhom jirrisjedu b’mod permanenti fi Stat Membru ieħor, mekkaniżmu ta’ adattament relattiv għall-bonus tal-familja “plus”, għall-kreditu fiskali għal dar bi dħul wieħed, għall-kreditu fiskali għal dar b’ġenitur wieħed u għall-kreditu fiskali għal pensjoni tal-manteniment, ir-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011.

    2.

    Il-Kummissjoni tikkunsidra, essenzjalment, li fl-istat tad-dritt tal-Unjoni, ma huwiex irrikonoxxut marġni diskrezzjonali lill-Istati Membri sabiex jadattaw l-ammont tal-benefiċċji tal-familja mħallsa minnhom fuq il-livell tal-prezzijiet tal-Istat ta’ residenza tal-wild ikkonċernat u li dan l-adattament kif ukoll dak ta’ ċerti vantaġġi fiskali mogħtija lill-familji huma diskriminatorji u ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxi miżura neċessarja u proporzjonata.

    3.

    F’dawn il-konklużjonijiet, ser nispjega r-raġunijiet li għalihom nikkunsidra li l-ilmenti sostnuti mill-Kummissjoni huma fondati.

    II. Il‑kuntest ġuridiku

    A. Id‑dritt tal‑Unjoni

    1.   Ir‑Regolament Nru 883/2004

    4.

    Il-premessi 8, 12 u 16 tar-Regolament Nru 883/2004 jistabbilixxu:

    “(8)

    Il-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali huwa ta’ importanza partikolari għal ħaddiema li ma humiex residenti fl-Istat Membru fejn jaħdmu, inklużi ħaddiema li jaħdmu bejn il-fruntieri.

    […]

    (12)

    Fid-dawl ta’ proporzjonalità, għandha tingħata attenzjoni sabiex ikun assigurat li l-prinċipju ta’ assimilazzjoni ta’ fatti jew każijiet ma jwassalx għal riżultati li, b’mod oġġettiv, ma jkunux ġustifikati jew għall-overlapping ta’ benefiċċji ta’ l-istess tip għall-istess perjodu.

    […]

    (16)

    [Fl-Unjoni Ewropea], bħala prinċipju, ma teżistix ġustifikazzjoni biex drittijiet ta’ sigurtà soċjali jsiru dipendenti fuq il-post ta’ residenza tal-persuna konċernata; madanakollu, f’każijiet speċifiċi, b’mod partikolari fir-rigward ta’ benefiċċji marbuta mal-kuntest ekonomiku u soċjali tal-persuna involuta, il-post ta’ residenza jista’ jittieħed in konsiderazzjoni.”

    5.

    L-Artikolu 1(z) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

    “Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

    […]

    z)

    ‘benefiċċju marbut mal-familja’ tfisser il-benefiċċji kollha in natura jew fi flus maħsuba biex jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż tal-familja, minbarra għotjiet ta’ pagamenti għall-manteniment u allowances speċjali marbutin mat-twelid ta’ tarbija u ma’ adozzjoni msemmija fl-Anness I.”

    6.

    L-Artikolu 3(1)(j) tar-Regolament Nru 883/2004 jipprovdi:

    “Dan ir-Regolament għandu japplika għal-leġislazzjoni kollha li tikkonċerna l-fergħat li ġejjin tas-sigurtà soċjali:

    […]

    j)

    benefiċċji marbuta mal-familja.”

    7.

    L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Trattament ugwali”, jipprovdi:

    “Sakemm dan ir-Regolament ma jgħidx mod ieħor, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom igawdu l-istess benefiċċji u għandhom ikunu suġġetti għall-istess obbligi taħt il-leġislazzjoni ta’ kull Stat Membru daqs li kieku kienu ċittadini ta’ dak l-Istat Membru.”

    8.

    L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Trattament ugwali ta’ benefiċċji, dħul, fatti u każijiet”, huwa fformulat kif ġej:

    “Sakemm dan ir-Regolament ma jgħidx mod ieħor, u fid-dawl tad-disposizzjonijiet speċjali ta’ implimentazzjoni stabbiliti, għandu japplika dan li ġej:

    a)

    meta, taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti, ir-riċeviment ta’ benefiċċji tas-sigurtà soċjali u ta’ dħul ieħor joħloq ċerti effetti legali, id-disposizzjonijiet rilevanti ta’ dik il-leġislazzjoni għandhom japplikaw ukoll għar-riċeviment ta’ benefiċċji ekwivalenti miksuba taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor u għal dħul miksub fi Stat Membru ieħor;

    b)

    meta, taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti, jkunu attribwiti ċerti effetti legali meta jseħħu ċerti fatti jew każijiet, dak l-Istat Membru għandu jqis fatti u każijiet simili li jseħħu fi kwalunkwe Stat Membru bħallikieku seħħew fit-territorju tiegħu.”

    9.

    L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Rinunzja ta’ regoli dwar ir-residenza”, jipprovdi:

    “Sakemm dan ir-Regolament ma jgħidx mod ieħor, benefiċċji fi flus mogħtija taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew ta’ aktar minn Stat Membru wieħed jew taħt dan ir-Regolament, ma għandhomx ikunu suġġetti għal xi riduzzjoni, bidla, sospensjoni, waqfa jew sekwestru minħabba l-fatt li l-benefiċjarju jew il-membri tal-familja tiegħu jew tagħha jkollhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru ieħor u mhux fl-Istat Membru fejn tinstab l-istituzzjoni responsabbli għall-għoti ta’ benefiċċji.”

    10.

    L-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Membri tal-familja li għandhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru ieħor”, jipprovdi:

    “Persuna għandha tkun intitolata għal benefiċċji marbutin mal-familja skond il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti, inklużi l-membri tal-familja tagħha li għandhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru ieħor, bħallikieku dawn kellhom ir-residenza tagħhom fl-Istat Membru kompetenti. Madanakollu, pensjonant għandu jkun intitolat għal benefiċċji marbutin mal-familja skond il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti għall-pensjoni tiegħu.”

    2.   Ir‑Regolament Nru 492/2011

    11.

    Fil-Kapitolu I tar-Regolament Nru 492/2011, l-Artikolu 7(1) u (2), li jinsab fit-Taqsima 2, intitolata “Impjieg u ugwaljanza fit-trattament”, jipprovdi:

    “1.   Ħaddiem ċittadin ta’ xi Stat Membru ma jistax, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ikun trattat b’mod differenti minn ħaddiema nazzjonali minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu fir-rigward ta’ kwalunkwe kondizzjoni tal-impjieg u tax-xogħol, partikolarment fir-rigward ta’ paga, tkeċċija u jekk hu jisfa’ mingħajr xogħol, ingaġġ mill-ġdid jew impjieg mill-ġdid.

    2.   Huwa għandu jgawdi l-istess vantaġġi soċjali u ta’ taxxa bħall-ħaddiema nazzjonali.”

    B. Id‑dritt Awstrijak

    1.   Il‑FLAG

    12.

    Skont l-Artikolu 1 tal-Bundesgesetz betreffend den Familienlastenausgleich durch Beihilfen (il-Liġi Federali dwar il-Kumpens tal-Ispejjeż tal-Familja Permezz ta’ Allowances) ( 4 ), tal‑24 ta’ Ottubru 1967, il-benefiċċji previsti “jingħataw bħala kumpens għall-ispejjeż fl-interess tal-familja”.

    13.

    L-Artikolu 2(1) u (8) tal-FLAG jipprovdi:

    “(1)   Il-persuni li għandhom id-domiċilju jew ir-residenza abitwali tagħhom fit-territorju federali għandhom dritt għall-allowances tal-familja

    a)

    għall-ulied minuri;

    […]

    (8)   Il-persuni għandhom dritt għall-allowances tal-familja biss jekk iċ-ċentru tal-interess tagħhom jinsab fit-territorju federali. Iċ-ċentru tal-interess ta’ persuna jinsab fl-Istat li miegħu għandha l-eqreb relazzjonijiet personali u ekonomiċi.”

    14.

    Skont l-Artikolu 4 tal-FLAG:

    “(1)   Il-persuni li għandhom dritt għal benefiċċju ekwivalenti mogħti minn Stat ieħor, ma għandhomx dritt għall-allowances tal-familja.

    (2)   Iċ-ċittadini Awstrijaċi li huma esklużi mid-dritt għall-allowances tal-familja skont il-paragrafu 1 jew l-Artikolu 5[4], jibbenefikaw minn ħlas kumpensatorju jekk l-ammont tal-benefiċċju ekwivalenti mogħti minn Stat ieħor, li għalih l-imsemmija ċittadini Awstrijaċi jew persuna oħra għandha dritt (Artikolu 5[4]), ikun inqas mill-allowances tal-familja li għandhom jingħatawlhom skont il-liġi federali, fl-assenza tal-benefiċċju ekwivalenti fuq iċċitat.

    (3)   Il-ħlas kumpensatorju jikkorrispondi għad-differenza bejn il-benefiċċju ekwivalenti mogħti minn Stat ieħor u l-allowances tal-familja li għandhom jingħataw skont din il-liġi federali.

    […]

    (6)   Il-ħlasijiet kumpensatorji huma kkunsidrati bħala allowances tal-familja fis-sens ta’ din il-liġi federali, iżda d-dispożizzjonijiet relattivi għall-ammont tal-allowances tal-familja ma japplikawx għall-ħlasijiet kumpensatorji.

    […]”

    15.

    L-Artikolu 5(3) u (4) tal-FLAG huwa fformulat kif ġej:

    “(3)   L-ulied li jirrisjedu f’pajjiż barrani b’mod permanenti ma għandhomx dritt għall-allowances tal-familja.

    (4)   Ulied li għandhom dritt għall-ħlas ta’ benefiċċju ekwivalenti mogħti minn Stat ieħor, ma għandhomx dritt għall-allowances tal-familja. Dan ma jeskludix l-għoti ta’ ħlas kumpensatorju (Artikolu 4(2)).”

    16.

    L-Artikolu 8 tal-FLAG jipprovdi:

    “(1)   L-ammont tal-allowances tal-familja dovut lil persuna huwa ddeterminat skont in-numru u l-età tal-ulied li għalihom jingħataw l-allowances tal-familja.

    (2)   L-ammont fix-xahar tal-allowances tal-familja huwa ta’

    […]

    3.

    sa mill‑1 ta’ Jannar 2018

    a)

    EUR 114 għal kull wild sa mill-bidu tax-xahar kalendarju tat-twelid,

    b)

    EUR 121.90 għal kull wild sa mill-bidu tax-xahar kalendarju li fih jagħlaq tliet snin,

    c)

    EUR 141.50 għal kull wild sa mill-bidu tax-xahar kalendarju li fih jagħlaq għaxar snin,

    d)

    EUR 165.10 għal kull wild sa mill-bidu tax-xahar kalendarju li fih jagħlaq dsatax-il sena.

    (3)   L-allowances tal-familja jiżdiedu kull xahar, għal kull wild,

    […]

    3.

    sa mill‑1 ta’ Jannar 2018, jekk ikunu

    a)

    mogħtija għal żewġ ulied, b’ EUR 7.10,

    b)

    mogħtija għal tliet ulied, b’ EUR 17.40,

    c)

    mogħtija għal erba’ wlied, b’ EUR 26.50,

    d)

    mogħtija għal ħames ulied, b’ EUR 32,

    e)

    mogħtija għal sitt ulied, b’ EUR 35.70,

    f)

    mogħtija għal seba’ wlied jew iktar, b’ EUR 52.

    (4)   L-allowances tal-familja jiżdiedu kull xahar, għal kull wild b’diżabbiltà gravi,

    […]

    3.

    b’ EUR 155.90 sa mill‑1 ta’ Jannar 2018.

    […]

    (8)   Għal kull wild li matul sena kalendarja, diġà għalaq jew ser jagħlaq sitt snin u li għadu ma għalaqx is-sittax-il sena, l-allowances tal-familja jiżdiedu b’ EUR 100 sa [mix-xahar] ta’ Settembru ta’ din is-sena kalendarja.”

    17.

    L-Artikolu 8a tal-FLAG jipprovdi:

    “(1)   L-ammonti tal-allowances tal-familja (Artikolu 8) għall-ulied li jirrisjedu b’mod permanenti fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni […], ta’ parti oħra għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea [tat‑2 ta’ Mejju 1992 ( 5 )] jew tal-Isvizzera huma ddeterminati abbażi tar-relazzjoni bejn il-livell tal-prezzijiet komparattivi ppubblikati mill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea [Eurostat] għal kull Stat Membru tal-Unjoni […], għal kull parti għall-Ftehim [ŻEE] u għall-Isvizzera u dak tal-Awstrija.

    (2)   L-ammonti tal-allowances tal-familja msemmija fil-paragrafu 1 japplikaw sa mill‑1 ta’ Jannar 2019 abbażi tal-valuri fis-sens tal-paragrafu 1, ippubblikati fl‑1 ta’ Ġunju 2018. Sussegwentement, dawn l-ammonti jiġu adattati kull sentejn abbażi tal-valuri ppubblikati fid-data tal‑1 ta’ Ġunju tas-sena preċedenti.

    (3)   Il-Bundesministers für Frauen, Familien und Jugend [il-Ministru Federali tan-Nisa, il-Familja u ż-Żgħażagħ, l-Awstrija] jippubblika, permezz ta’ regolament maħruġ konġuntivament mal-Bundesministers für Finanzen [il-Ministru Federali tal-Finanzi, l-Awstrija], il-bażi ta’ kalkolu u l-ammonti msemmija fil-paragrafi 1 u 2, kif ukoll l-ammonti msemmija fl-Artikolu 33(3)(2) tal-[Bundesgesetz über die Besteuerung des Einkommens natürlicher Personende (il-Liġi Federali dwar it-Taxxa fuq id-Dħul ta’ Persuni Fiżiċi) ( 6 ), tas‑7 ta’ Lulju 1988 ( 7 )].”

    18.

    L-Artikolu 53 tal-FLAG jipprovdi:

    “(1)   Fil-kuntest ta’ din il-liġi federali, iċ-ċittadini tal-partijiet għall-Ftehim [ŻEE] huma, sa fejn dan jirriżulta mill-ftehim fuq iċċitat, assimilati għaċ-ċittadini Awstrijaċi. F’dan il-kuntest, ir-residenza permanenti ta’ wild fi Stat taż-Żona Ekonomika Ewropea [ŻEE] għandha, skont id-dispożizzjonijiet Komunitarji, tiġi assimilata għal residenza permanenti ta’ wild fl-Awstrija.

    […]

    (4)   It-tieni sentenza tal-paragrafu 1 ma tapplikax għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 8a(1) sa (3).

    (5)   L-Artikolu 26(3) tal-Bundesabgabenordnung [il-Kodiċi Fiskali Federali] […] japplika għall-benefiċċji msemmija f’din il-liġi federali sal‑31 ta’ Diċembru 2018. Sa mill‑1 ta’ Jannar 2019, l-Artikolu 26(3) tal-Kodiċi Fiskali Federali ma japplikax, għal dak li jirrigwarda l-benefiċċji previsti minn din il-liġi federali, ħlief għal persuni li għandhom il-post tax-xogħol tagħhom f’pajjiż barrani u li jaġixxu f’isem awtorità lokali, kif ukoll għall-konjuġi u l-ulied tagħhom.”

    2.   L‑EStG

    19.

    L-Artikolu 33 tal-EstG jipprovdi:

    “[…]

    (2)   Il-krediti fiskali għandhom jitnaqqsu mill-[ammont tat-taxxa] li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-paragrafu 1 fl-ordni li ġej:

    1.

    il-bonus tal-familja ‘plus’ previst fil-paragrafu 3a; ma hemmx lok li jitnaqqas il-bonus tal-familja ‘plus’ meta jeċċedi t-taxxa dovuta fuq id-dħul taxxabbli skont il-paragrafu 1;

    2.

    il-krediti fiskali previsti fil-paragrafi 4 sa 6.

    (3)   Il-persuni taxxabbli li jibbenefikaw minn allowances tal-familja skont il-[FLAG] għandhom dritt, b’mod parallel mal-ħlas tal-allowances tal-familja, għal kreditu fiskali ta’ EUR 58.40 kull xahar għal kull wild. Japplika mod ieħor fil-każijiet li ġejjin:

    1.

    Ebda kreditu fiskali ma jingħata għal ulied li jirrisjedu b’mod permanenti barra minn Stat Membru tal-Unjoni […], minn Stat taż-[ŻEE] jew mill-Isvizzera.

    2.

    Fir-rigward tal-ulied li jirrisjedu b’mod permanenti fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni […], ta’ parti oħra għall-Ftehim [ŻEE] jew tal-Isvizzera, l-ammont tal-kreditu fiskali għal wild dipendenti huwa ddeterminat abbażi tar-relazzjoni bejn il-livell tal-prezzijiet komparattivi ppubblikati mill-[Eurostat] għal kull Stat Membru tal-Unjoni, għal kull parti għall-Ftehim [ŻEE] u għall-Isvizzera u dak tal-Awstrija:

    a)

    Sa mill‑1 ta’ Jannar 2019, l-ammont tal-krediti fiskali għal wild dipendenti jiġi adattat abbażi tal-valuri ppubblikati fl‑1 ta’ Ġunju 2018. Sussegwentement, l-ammont tal-krediti fiskali għal wild dipendenti jiġi adattat kull sentejn abbażi tal-valuri ppubblikati fid-data tal‑1 ta’ Ġunju tas-sena preċedenti.

    b)

    L-ammont tal-krediti fiskali għal wild dipendenti jiġi ppubblikat skont l-Artikolu 8a(3) tal-[FLAG].

    […]

    (3a)   Wild li jibbenefika mill-allowance tal-familja skont il-[FLAG] u li jirrisjedi b’mod permanenti fi Stat Membru tal-Unjoni […] jew fit-territorju ta’ parti oħra għall-Ftehim [ŻEE] jew fl-Isvizzera, għandu d-dritt, fuq talba, għal bonus tal-familja ‘plus’ skont id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

    1.

    L-ammont tal-bonus tal-familja ‘plus’ huwa ta’

    a)

    EUR 125 kull xahar kalendarju sal-aħħar tax-xahar li fih il-wild jagħlaq tmintax-il sena,

    b)

    EUR 41.68 kull xahar kalendarju wara l-aħħar tax-xahar li fih il-wild jagħlaq tmintax-il sena.

    2.

    B’deroga mill-punt 1, għall-ulied li jirrisjedu b’mod permanenti fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni […], ta’ parti oħra għall-Ftehim [ŻEE] jew tal-Isvizzera, l-ammont tal-bonus tal-familja ‘plus’ kif ukoll tal-krediti fiskali previsti fil-paragrafu 4 huwa ddeterminat abbażi tar-relazzjoni bejn il-livell tal-prezzijiet komparattivi ppubblikati mill-[Eurostat] għal kull Stat Membru tal-Unjoni […], għal kull parti għall-Ftehim [ŻEE] u għall-Isvizzera u dak tal-Awstrija:

    a)

    Sa mill‑1 ta’ Jannar 2019, l-ammont tal-bonus tal-familja ‘plus’ u tal-krediti fiskali previsti fil-paragrafu 4 jiġi adattat abbażi tal-valuri ppubblikati fid-data tal‑1 ta’ Ġunju 2018. Sussegwentement, dan l-ammont jiġi adattat kull sentejn abbażi tal-valuri ppubblikati fid-data tal‑1 ta’ Ġunju tas-sena preċedenti.

    b)

    il-Ministru Federali tal-Finanzi għandu jippubblika, permezz ta’ regolament, il-bażi tal-kalkolu u l-ammonti mhux iktar tard mit‑30 ta’ Settembru ta’ wara d-data ta’ riferiment prevista fil-punt (a) [ ( 8 )].

    […]

    5.

    It-tieni sentenza tal-Artikolu 26(3) tal-Kodiċi Fiskali Federali ma tapplikax. Il-konjuġi u l-ulied ta’ persuni taxxabbli li l-post tax-xogħol tagħhom jinsab f’pajjiż barrani li jaħdmu f’isem awtorità lokali huma eċċezzjonijiet.

    […]

    (4)   Barra minn hekk, meta l-wild jirrisjedi b’mod permanenti fi Stat Membru tal-Unjoni […] jew fit-territorju ta’ parti oħra għall-Ftehim [ŻEE] jew fl-Isvizzera, japplikaw il-krediti fiskali li ġejjin:

    1.

    Il-persuni li huma l-uniċi fid-dar li għandhom dħul għandhom dritt għal kreditu fiskali għal dar bi dħul wieħed. Dan huwa ta’ ammont annwali ta’:

    EUR 494 għal wild wieħed (Artikolu 106(1)),

    EUR 669 għal żewġ ulied (Artikolu 106(1)).

    Dan l-ammont jiżdied b’EUR 220 kull sena għat-tielet wild u għal kull wild addizzjonali rispettivament (Artikolu 106(1)).

    […]

    2.

    Il-ġenituri waħedhom għandhom dritt għal kreditu fiskali għal dar b’ġenitur wieħed. Dan huwa ta’ ammont annwali ta’:

    EUR 494 għal wild wieħed (Artikolu 106(1)),

    EUR 669 għal żewġ ulied (Artikolu 106(1)).

    Dan l-ammont jiżdied b’EUR 220 kull sena għat-tielet wild u għal kull wild addizzjonali rispettivament (Artikolu 106(1)). Il-ġenituri waħedhom huma persuni taxxabbli li jgħixu tal-inqas ma’ wild wieħed (Artikolu 106(1)) għal iktar minn sitt xhur kull sena ċivili mingħajr ma jkunu f’komunità ma’ sieħeb jew konjuġi.

    3.

    Il-persuni taxxabbli li għandhom obbligi ta’ manteniment għall-ulied għandhom dritt għal kreditu fiskali għal pensjoni tal-manteniment ta’ EUR 29.20 kull xahar […]

    4.

    B’deroga mill-punti 1 sa 3, l-ammont tal-krediti fiskali għall-ulied li jirrisjedu b’mod permanenti fit-territorju ta’ Stat membru ieħor tal-Unjoni […], ta’ parti oħra għall-Ftehim [ŻEE] jew tal-Isvizzera huwa ddeterminat skont il-paragrafu 3a(2). Meta l-persuna taxxabbli jkollha dritt għal kreditu fiskali għal diversi wlied u meta dawn ikunu jinsabu f’pajjiżi differenti, għandhom l-ewwel jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ikbar ulied li għandhom dritt għall-benefiċċju qabel ma jitqiesu dawk li huma iżgħar.

    5.

    It-tieni sentenza tal-Artikolu 26(3) tal-Kodiċi Fiskali Federali ma tapplikax. Il-konjuġi u l-ulied ta’ persuni taxxabbli li l-post tax-xogħol tagħhom jinsab f’pajjiż barrani li jaħdmu f’isem awtorità lokali huma eċċezzjonijiet.

    […]

    (7)   Jekk it-taxxa fuq id-dħul dovuta skont il-paragrafu 1 hija inqas minn EUR 250 u jekk japplika l-kreditu fiskali għal dar bi dħul wieħed jew il-kreditu għal dar b’ġenitur wieħed, japplikaw id-dispożizzjonijiet li ġejjin, meta jkun hemm wild (Artikolu 106(1)):

    1.

    Id-differenza bejn EUR 250 u t-taxxa prevista fil-paragrafu 1 għandha tiġi rrimborsata taħt il-forma ta’ suppliment għal wild.

    2.

    Meta l-wild jirrisjedi b’mod permanenti fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni […] jew fit-territorju ta’ parti oħra għall-Ftehim [ŻEE] jew fl-Isvizzera, l-ammont ta’ EUR 250 jiġi ssostitwit bl-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-paragrafu 3a(2).

    […]

    Dan l-ammont jiżdied, għal kull wild addizzjonali (Artikolu 106(1)), b’ammont ta’ EUR 250 jew bl-ammont li jissostitwixxih.

    (8)   

    1.

    Jekk it-taxxa fuq id-dħul li tirriżulta mill-paragrafi 1 u 2 tkun inqas minn żero, għandu jkun hemm il-ħlas tal-kreditu fiskali għal dar bi dħul wieħed jew tal-kreditu fiskali għal dar b’ġenitur wieħed.

    […]”

    3.   Il‑Kodiċi Fiskali Federali

    20.

    L-Artikolu 26 tal-Kodiċi Fiskali Federali jipprovdi:

    “(1)   Persuna għandha domiċilju fis-sens tad-dispożizzjonijiet fiskali meta hija tokkupa akkomodazzjoni taħt kundizzjonijiet li jippermettu li jiġi konkluż li hija ser iżżomm u tuża din l-akkomodazzjoni.

    (2)   Persuna għandha r-residenza abitwali tagħha fis-sens tad-dispożizzjonijiet fiskali meta hija tirrisjedi taħt kundizzjonijiet li jindikaw li hija ma tirrisjedix f’dan il-post jew f’dan il-pajjiż b’mod temporanju biss. […]

    (3)   Iċ-ċittadini Awstrijaċi li għandhom kuntratt ta’ xogħol ma’ organu pubbliku u li l-post tax-xogħol tagħhom jinsab f’pajjiż barrani (uffiċjali f’pajjiż barrani) jiġu ttrattati bħal persuni li għandhom ir-residenza abitwali tagħhom fil-post fejn jinsab is-servizz li jagħtihom ir-remunerazzjoni. L-istess japplika għall-konjuġi tagħhom, sa fejn il-konjuġi jifformaw dar ta’ abitazzjoni permanenti, u għall-ulied minuri tagħhom li jifformaw parti minn din id-dar.”

    III. Il‑proċedura prekontenzjuża

    21.

    Permezz ta’ ittra ta’ intimazzjoni tal‑25 ta’ Jannar 2019, il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni tar-Repubblika tal-Awstrija għat-tħassib li kienet tqajjem l-introduzzjoni, sa mill‑1 ta’ Jannar 2019, ta’ mekkaniżmu ta’ adattament tal-ammont tal-benefiċċji tal-familja kif ukoll tal-vantaġġi soċjali u fiskali mogħtija mir-Repubblika tal-Awstrija lill-ħaddiema li għandhom l-ulied, skont il-livell ġenerali tal-prezzijiet fl-Istat Membru fejn dawn jirrisjedu b’mod permanenti.

    22.

    Il-Kummissjoni kkunsidrat li adattament tal-ammont tal-benefiċċju tal-familja skont il-post ta’ residenza tal-wild kien imur kontra l-Artikoli 7 u 67 tar-Regolament Nru 883/2004, li jipprovdu li l-benefiċċji fi flus ma jistgħu jkunu l-oġġett ta’ ebda tnaqqis minħabba l-fatt li membru tal-familja, bħal wild, jirrisjedi fi Stat Membru ieħor. Barra minn hekk, huma essenzjalment ħaddiema ta’ Stati Membri oħra, u mhux ħaddiema Awstrijaċi, li huma kkonċernati mill-adattament tal-benefiċċji u l-vantaġġi mogħtija mir-Repubblika tal-Awstrija favur l-ulied. Tali diskriminazzjoni indiretta tmur, skont il-Kummissjoni, kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 u fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 492/2011.

    23.

    Fit-tweġiba tagħha għall-ittra ta’ intimazzjoni tal‑25 ta’ Marzu 2019, ir-Repubblika tal-Awstrija argumentat li:

    id-dritt tal-Unjoni jipprovdi mekkaniżmi komparabbli għal dak implimentat minnha;

    peress li l-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004 ma jipprovdix li l-ammont tal-benefiċċji mħallsa għall-ulied li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor għandu jikkorrispondi għal dak imħallas għall-ulied li jirrisjedu fl-Awstrija, l-adattament tal-ammont tal-benefiċċju tal-familja skont il-post ta’ residenza tal-wild huwa awtorizzat, u

    ma teżistix diskriminazzjoni indiretta għar-raġunijiet li l-adattament tal-ammonti b’rata fissa tal-benefiċċji jew tal-vantaġġ skont il-livell tal-prezzijiet ipprattikati fil-post ta’ residenza tal-wild huwa oġġettivament iġġustifikat u jirriżulta mill-konsistenza tat-tnaqqis mill-ispejjeż komparabbli għall-ħaddiema kollha.

    24.

    Peress li ma kinitx issodisfatta b’din it-tweġiba, il-Kummissjoni ħarġet, fis‑26 ta’ Lulju 2019, opinjoni motivata li fiha hija sostniet, essenzjalment, il-pożizzjoni tagħha. Hija speċifikat li ma jeżistix riferiment rilevanti fid-dritt tal-Unjoni u rrilevat il-fatt li l-ammonti mogħtija huma b’rata fissa, mingħajr adattament skont il-livell ta’ prezzijiet fir-reġjuni differenti tal-Awstrija skont ir-residenza permanenti tal-wild. Għalhekk, differenza fil-livell tal-benefiċċji u tal-vantaġġi mogħtija favur l-ulied applikata għal dawk li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor, tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta għax tolqot b’iktar qawwa lill-ħaddiema migranti milli lill-ħaddiema Awstrijaċi. In-natura ta’ rata fissa tal-ammonti ta’ dawn il-benefiċċji u tal-vantaġġi turi li dawn ma jiddependux mill-ispejjeż reali marbuta mal-manteniment ta’ wild u li għalhekk ma jiżgurawx kumpens iktar ġust għall-ispejjeż sostnuti mill-familji sabiex ilaħħqu mal-bżonnijiet tal-ulied.

    25.

    Permezz ta’ ittra tal‑24 ta’ Ottubru 2019, ir-Repubblika tal-Awstrija wieġbet għal din l-opinjoni motivata billi indikat li l-ammonti tal-benefiċċji tal-familja kif ukoll l-vantaġġi soċjali u fiskali inkwistjoni ma humiex sempliċement ta’ rata fissa, iżda jikkorrispondu għall-bżonnijiet reali. Barra minn hekk, il-fatt li l-benefiċċji u l-vantaġġi inkwistjoni jingħataw taħt forma ta’ ammonti b’rata fissa ma jipprekludix l-adattament tagħhom skont il-livell tal-prezzijiet fil-post ta’ residenza tal-ulied. Tali adattament ma jikkostitwixxix inugwaljanza fit-trattament, iżda jiżgura li l-ħaddiem li jirċievi l-benefiċċji u l-vantaġġi jibbenefika f’kull każ minn tnaqqis identiku mill-ispejjeż, ikun xi jkun il-post ta’ residenza effettiv tal-wild. Preżunt li teżisti diskriminazzjoni indiretta, din hija ġġustifikata, b’mod partikolari, mill-għan ta’ bilanċ tal-infiq tas-sistema ta’ sigurtà soċjali kif ukoll mill-għan ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-kapaċità kontributtiva tal-benefiċjarji.

    26.

    Peress li ma kinitx konvinta b’din it-tweġiba, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors skont l-Artikolu 258 TFUE.

    IV. It‑talbiet tal‑partijiet

    27.

    Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    tikkonstata li bl-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ adattament fir-rigward tal-allowance tal-familja u tal-kreditu fiskali għal wild dipendenti għall-ħaddiema li l-ulied tagħhom jirrisjedu b’mod permanenti fi Stat Membru ieħor, ir-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont:

    l-Artikoli 7 u 67 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 kif ukoll

    l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011;

    tikkonstata li bl-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ adattament fir-rigward tal-bonus tal-familja “plus”, tal-kreditu fiskali għal familja bi dħul wieħed, tal-kreditu fiskali għal dar b’ġenitur wieħed u tal-kreditu fiskali għal pensjoni tal-manteniment, għall-ħaddiema migranti li l-ulied tagħhom jirrisjedu b’mod permanenti fi Stat Membru ieħor, ir-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, u

    tikkundanna lir-Repubblika tal-Awstrija għall-ispejjeż.

    28.

    Ir-Repubblika tal-Awstrija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    tiċħad ir-rikors, u

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    29.

    Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Repubblika Ċeka (6 ta’ Novembru 2020), ir-Repubblika tal-Kroazja (20 ta’ Novembru 2020), ir-Repubblika tal-Polonja (19 ta’ Novembru 2020), ir-Rumanija (12 ta’ Novembru 2020), ir-Repubblika tas-Slovenja (22 ta’ Ottubru 2020) u r-Repubblika Slovakka (22 ta’ Ottubru 2020) ġew awtorizzati jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

    30.

    Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Renju tad-Danimarka (20 ta’ Novembru 2020) ġie awtorizzat jintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Repubblika tal-Awstrija.

    31.

    Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑18 ta’ Diċembru 2020, l-Awtorità tas-Sorveljanza (EFTA) u r-Renju tan-Norveġja ġew awtorizzati jintervjenu insostenn tat-talbiet, tal-Kummissjoni u tar-Repubblika tal-Awstrija rispettivament.

    32.

    Il-Kummissjoni tikkonkludi l-osservazzjonijiet tagħha fir-rigward tan-noti ta’ intervent fis-sens li n-noti tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika tal-Kroazja, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Rumanija, tar-Repubblika tas-Slovenja, tar-Repubblika Slovakka u tal-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA jikkorroboraw bis-sħiħ l-argumenti tagħha, filwaqt li l-argument imressaq fin-noti ta’ intervent tar-Renju tad-Danimarka u tar-Renju tan-Norveġja ma huwiex ta’ natura li jikkontestahom.

    33.

    Fl-osservazzjonijiet tagħha fir-rigward tan-noti ta’ intervent, ir-Repubblika tal-Awstrija tispeċifika li hija taqbel bis-sħiħ mal-osservazzjonijiet tar-Renju tad-Danimarka kif ukoll tar-Renju tan-Norveġja u tirrileva li l-partijiet intervenjenti insostenn tal-Kummissjoni ma jinvokaw ebda argument ġdid. Hija żżomm bis-sħiħ il-konklużjonijiet tagħha, kif ifformulati fir-risposta tagħha u riprodotti fil-kontroreplika tagħha.

    V. Analiżi

    34.

    Il-Kummissjoni tifformula żewġ ilmenti insostenn tar-rikors tagħha bbażati fuq il-konstatazzjoni li, billi teskludi l-ammont ta’ rata fissa stabbilit mil-liġi, ir-Repubblika tal-Awstrija tipprovdi adattament tal-ammont tal-allowance tal-familja u tal-kreditu fiskali għal wild dipendenti kif ukoll diversi vantaġġi fiskali oħra, jiġifieri l-bonus tal-familja “plus”, il-kreditu fiskali għal dar bi dħul wieħed, il-kreditu fiskali għal dar b’ġenitur wieħed u l-kreditu fiskali għal pensjoni tal-manteniment, skont il-livell tal-prezzijiet fl-Istat Membru ( 9 ) fejn jirrisjedi b’mod permanenti l-wild li jagħti dritt għal dawn il-benefiċċji.

    35.

    L-ewwel ilment huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 7 u 67 tar-Regolament Nru 883/2004. It-tieni lment huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament previst fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 u fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011.

    A. Fuq l‑ewwel ilment ibbażat fuq il‑ksur tal‑Artikoli 7 u 67 tar‑Regolament Nru 883/2004

    1.   Argumenti tal‑partijiet

    a)   Il‑Kummissjoni

    36.

    Permezz tal-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni ssostni l-ksur mir-Repubblika tal-Awstrija tal-obbligi tagħha skont l-Artikoli 7 u 67 tar-Regolament Nru 883/2004 sa fejn il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru tipprovdi l-adattament tal-allowance tal-familja u tal-kreditu fiskali għal wild dipendenti għall-ħaddiema li huma membri tal-iskema ta’ sigurtà soċjali Awstrijaka, iżda li l-ulied tagħhom jirrisjedu fi Stat Membru ieħor.

    37.

    Il-Kummissjoni tesponi li:

    ir-Repubblika tal-Awstrija tagħti lill-persuni li jaħdmu fl-Awstrija, għal uliedhom, il-benefiċċju tal-familja u l-vantaġġ soċjali li jikkostitwixxu l-allowance tal-familja u l-kreditu fiskali għal wild dipendenti, taħt il-forma ta’ ammonti b’rata fissa uniformi;

    skont id-dokumenti pprovduti mir-Repubblika tal-Awstrija u għall-kuntrarju tal-opinjoni espressa mir-Renju tad-Danimarka u mir-Renju tan-Norveġja, dawn l-ammonti huma stabbiliti mil-leġiżlatur Awstrijak skont l-età tal-ulied kif ukoll in-numru tagħhom biss, irrispettivament mill-bżonnijiet reali tagħhom, u għalhekk mill-ambjent soċjali tagħhom, u

    sa mill‑1 ta’ Jannar 2019, ir-regoli Awstrijaċi li jipprovdu dawn il-benefiċċji tal-Istat għandhom jiġu adattati skont il-livell ġenerali tal-prezzijiet fl-Istat Membru li fih jirrisjedi l-wild b’mod permanenti.

    38.

    Il-Kummissjoni targumenta li:

    huwa stabbilit li l-allowance tal-familja u l-kreditu fiskali għal wild dipendenti, li huma benefiċċji fi flus imħallsa mill-Istat intiżi sabiex inaqqsu l-ispejjeż li jirriżultaw mill-manteniment tal-ulied, jikkostitwixxu benefiċċji tal-familja fis-sens tal-Artikolu 1(z) u tal-Artikolu 3(1)(j) tar-Regolament Nru 883/2004;

    dawn il-benefiċċji jingħataw mingħajr ebda evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali tal-ulied, fuq il-bażi ta’ sitwazzjoni definita legalment ( 10 ). Skont il-formulazzjoni tal-Artikolu 8(1) tal-FLAG, l-allowances tal-familja huma kkalkolati skont in-numru u l-età tal-ulied, l-istess bħall-krediti fiskali mogħtija skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 33(3), (3a), (4), (7) u (8) tal-EStG;

    minkejja li r-Repubblika tal-Awstrija tiddikjara li l-leġiżlatur Awstrijak ħa bħala punt tat-tluq spejjeż tip neċessarji sabiex jiġi żgurat il-manteniment tal-ulied, hija ma pproduċietx prova tal-eżistenza ta’ relazzjoni bejn il-livell tal-allowance tal-familja Awstrijak u l-ispiża standard tal-manteniment ta’ wild;

    dan huwa wkoll il-każ tas-supplimenti mogħtija għall-ispejjeż tal-edukazzjoni u għal ulied b’diżabbiltà gravi, li għalihom ir-Repubblika tal-Awstrija lanqas ma turi, fir-rigward ta’ dawn l-ammonti b’rata fissa, li huma marbuta mal-ambjent soċjali tal-ulied, iktar u iktar ladarba hija tindika li dawn l-ispejjeż huma bbażati fuq l-obbligu skolastiku fl-Awstrija u mhux fuq dak previst fl-Istat Membru fejn il-wild jirċievi l-edukazzjoni. Għalhekk, iż-żieda għall-ispejjeż tal-edukazzjoni ma tiddependix mill-attendenza effettiva tal-iskola, iżda sempliċement mill-età tal-wild;

    mill-banda l-oħra, il-pensjoni tal-manteniment li ġenitur għandu jħallas fi flus lil wild skont id-dritt privat Awstrijak hija kkalkolata b’mod konkret u individwali skont il-kundizzjonijiet tal-ħajja tal-ġenituri u l-bżonnijiet tal-wild;

    l-ammont tal-benefiċċji tal-familja ma jistax jiddependi mir-residenza tal-membri tal-familja ( 11 ) tal-ħaddiem fl-Istat Membru li jagħti l-benefiċċji, kif jipprovdu espressament l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 883/2004, f’każ ta’ tnaqqis jew ta’ modifika tal-benefiċċji, u l-Artikolu 67 ta’ dan ir-regolament, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2019, Moser ( 12 );

    id-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-Artikoli 7 u 67 ittieħdu wara li l-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 1986, Pinna ( 13 ), li tinterpreta l-Artikolu 73 tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 ( 14 ), li l-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004 huwa s-suċċessur tiegħu, peress li jirriproduċi essenzjalment il-kontenut tiegħu. Minn dan irriżulta, fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mancini f’din il-kawża ( 15 ), li ma huwiex permess li jiġi adattat il-livell tal-benefiċċji tal-familja għar-raġuni unika li membri tal-familja jirrisjedu fi Stat Membru ieħor;

    l-Artikolu 67 ta’ dan ir-regolament ma jinkludi ebda indikazzjoni li tiġġustifika applikazzjoni differenti tal-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament, bid-differenza tal-Artikolu 63 u tal-Artikolu 70(3) tal-istess regolament li jirrigwardaw rispettivament benefiċċji tal-qgħad u benefiċċji speċjali mhux kontributorji u li jingħataw fi flus;

    l-għan imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni huwa li tiġi evitata d-dissważjoni tal-ħaddiem li ġej minn Stat Membru ieħor milli jeżerċita d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu, kif kien espost mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Pinna, u

    billi pprovdiet mekkaniżmu ta’ adattament tal-benefiċċji tal-familja, li jwassal għall-modifika tal-livell tagħhom skont l-Istat Membru li fih jirrisjedi l-wild, ir-Repubblika tal-Awstrija ma tittrattax dawn il-benefiċċji bħallikieku l-membri tal-familja kienu jirrisjedu fl-Awstrija.

    39.

    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni, bi tweġiba għall-argument tar-Renju tad-Danimarka, li jipprovdi li l-Artikolu 5(b) tar-Regolament Nru 883/2004 jimmilita wkoll favur il-legalità ta’ adattament tal-benefiċċji tal-familja skont ir-residenza tal-wild, li għall-kuntrarju, l-istess finzjoni tar-residenza fl-Istat Membru kompetenti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni li tidher meta dan għandu jieħu inkunsiderazzjoni fatti jew avvenimenti li seħħew fi Stat Membru ieħor, tikkonferma wkoll l-interpretazzjoni tagħha tal-Artikoli 7 u 67 ta’ dan ir-regolament.

    40.

    Barra minn hekk, fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ kapijiet tal-Istat jew ta’ gvern, magħqudin fi ħdan il-Kunsill Ewropew, fir-rigward ta’ arranġament ġdid għar-Renju Unit fl-Unjoni Ewropea ( 16 ), li minnu tibbenefika r-Repubblika tal-Awstrija peress li din id-deċiżjoni kienet tipprovdi li l-Kummissjoni ser tippreżenta proposta intiża sabiex temenda r-Regolament Nru 883/2004 sabiex tippermetti lill-Istati Membri jindiċjaw il-benefiċċji soċjali għall-ulied li jirrisjedu fi Stat Membru differenti minn dak fejn jirrisjedi l-ħaddiem, il-Kummissjoni tenfasizza, minn naħa, li minħabba l-irtirar tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni, dan ir-regolament ma ġiex emendat. Min-naħa l-oħra, hija tal-fehma li mill-valutazzjoni tal-impatt tal-emenda ta’ dan ir-regolament, iċċitata mir-Repubblika tal-Awstrija, fejn waħda mill-għażliet previsti kienet tikkonsisti f’adattament tal-benefiċċji tal-familja esportati skont il-livell tal-ħajja tal-Istat Membru ta’ residenza tal-ulied ( 17 ), ma jirriżultax li tali indiċjar kien konformi mad-dritt tal-Unjoni fis-seħħ, peress li hemm riżervi f’dan ir-rigward ( 18 ) u hija ma sostnietx din l-għażla.

    b)   Ir‑Repubblika tal‑Awstrija

    41.

    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-allowances tal-familja, ir-Repubblika tal-Awstrija tesponi li, skont l-Artikolu 1 tal-FLAG, l-għoti ta’ allowances tal-familja huwa intiż sabiex jintroduċi kumpens għall-ispejjeż fl-interess tal-familja u li ż-żieda tal-ammont tagħhom, prevista fl-Artikolu 8(2) tal-FLAG, skont l-età tal-wild li fuqha jiddependi l-livell ta’ spejjeż tikkorrispondi għal dan l-għan. Hija tfakkar li l-FLAG ġabret f’għajnuna waħda għajnuniet differenti għall-familji li kienu mogħtija sa mill-ewwel snin ta’ wara t-Tieni Gwerra Dinjija, inizjalment fil-forma ta’ benefiċċji in natura, bħala sostenn għall-familji b’mod immirat.

    42.

    Ir-Repubblika tal-Awstrija tenfasizza, billi tibbaża ruħha fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tal-FLAG li:

    l-allowances tal-familja dejjem kienu kkalkolati abbażi tal-kriterju ta’ tipi ta’ spejjeż neċessarji sabiex jiġu żgurati mezzi ta’ għajxien għall-ulied fl-Awstrija;

    l-ammont tagħhom huwa ta’ rata fissa mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu pprovati spejjeż konkreti;

    din is-sistema hija bbażata fuq l-idea li l-“ispejjeż bażiċi” kkawżati minn wild fl-Awstrija huma dejjem l-istess għall-ġenituri kollha, u

    il-fatt li l-benefiċċji huma kkalkolati skont bżonnijiet reali tal-wild u spejjeż ta’ manteniment strettament marbutin mal-ambjent ekonomiku u soċjali tiegħu ( 19 ) jirriżulta, minn naħa, “bħala prinċipju”, mill-fatt li l-ammont tagħhom jiżdied skont l-età tal-ulied ( 20 ), u speċjalment, f’Settembru, għad-dħul lura l-iskola matul iż-żmien kollu tal-obbligu tal-edukazzjoni, kif ukoll f’każ ta’ diżabbiltà severa. Min-naħa l-oħra, l-ammont tagħhom jonqos meta wild li għandu 19-il sena jkollu dħul ta’ ċertu livell.

    43.

    Ir-Repubblika tal-Awstrija tispeċifika li l-ammont tal-allowances tal-familja, li jikkorrispondi għall-ispejjeż medji ta’ għajxien jew għall-bżonnijiet bażiċi, ġie miżjud skont il-livell tas-salarji u tal-prezzijiet kif ukoll tal-inflazzjoni. Għall-kuntrarju, dan seta’ jonqos għal raġunijiet baġitarji statali.

    44.

    Għal dak li jirrigwarda l-finanzjament u l-kundizzjonijiet tal-għoti tal-allowances tal-familja, ir-Repubblika tal-Awstrija tispjega li:

    l-ispejjeż relattivi għall-allowances tal-familja huma sostnuti mill-Ausgleichsfonds für Familienbeihilfen (il-Fond ta’ Kumpens għall-Allowances tal-Familja, l-Awstrija) ( 21 );

    ir-riżorsi ta’ dan il-fond joriġinaw b’mod partikolari ( 22 ) mill-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-persuni li jimpjegaw ( 23 ), li jimpjegaw ħaddiema fit-territorju federali ( 24 );

    il-ħaddiema li jaħdmu għal rashom iħallsu, bħala persuni li jimpjegaw biss, dawn il-kontribuzzjonijiet, ikkalkolati mhux fuq il-bażi tad-dħul tagħhom, iżda skont is-salarji mħallsa lill-impjegati tagħhom;

    din it-tip ta’ kontribuzzjoni hija magħrufa bħala tip ta’ taxxa speċjali, ikkalkolata abbażi tas-somma tas-salarji tal-ħaddiema kollha ( 25 ), kemm jekk irabbu ulied jew le, u

    għall-kuntrarju tal-kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali, ma jsir ebda tnaqqis mis-salarju gross ta’ kull ħaddiem, u li l-ħlas tal-allowances tal-familja ma huwiex marbut mal-eżerċizzju ta’ attività professjonali fl-Awstrija, skont l-Artikolu 2(1) tal-FLAG, u lanqas mal-ammont ta’ kontribuzzjonijiet tal-persuna li timpjega jew tal-ħaddiema indipendenti u li jaħdmu għal rashom.

    45.

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kreditu fiskali għal wild dipendenti, ir-Repubblika tal-Awstrija tesponi li skont l-Artikolu 33(3) tal-EStG, il-persuna taxxabbli li tibbenefika mill-allowances tal-familja abbażi tal-FLAG għandha dritt, għal kull wieħed minn uliedha, għal kreditu fiskali għal wild dipendenti ta’ EUR 58.40, imħallas fl-istess ħin tal-allowances tal-familja. Minn perspettiva ekonomika, il-kreditu fiskali għal wild dipendenti għandu għalhekk in-natura ta’ żieda tal-allowances tal-familja. Madankollu, għall-kuntrarju ta’ dawn tal-aħħar, il-kreditu fiskali għal wild dipendenti ma huwiex iffinanzjat mir-riżorsi tal-Fond ta’ Kumpens għall-Allowances tal-Familja, iżda mid-dħul fiskali ġenerali.

    46.

    Mill-banda l-oħra, il-bonus tal-familja “plus” u l-vantaġġi fiskali l-oħra ( 26 ) inkwistjoni ma jikkostitwixxux kontribuzzjoni għall-manteniment tal-ulied, iżda kumpens, permezz ta’ tnaqqis tal-piż fiskali, peress li, bi dħul ugwali, il-persuni taxxabbli li jeżerċitaw attività professjonali li għandhom l-ulied għandhom kapaċità kontributtiva inqas minn dik tal-persuni taxxabbli li jeżerċitaw attività professjonali li ma għandhomx. Din il-kapaċità hija evalwata skont il-bżonnijiet materjali bażiċi (jew bżonnijiet medji) għall-manteniment ta’ wild, li jinkludu attivitajiet indispensabbli għall-ħajja tiegħu.

    47.

    Ir-Repubblika tal-Awstrija tispjega l-għażla tagħha li tadatta l-ammont tal-benefiċċji tal-familja u tal-vantaġġi fiskali ( 27 ) inkwistjoni, skont l-Istat Membru ta’ residenza tal-wild, abbażi tal-livelli ta’ prezzijiet komparattivi ppubblikati mill-Eurostat, minħabba l-iskop b’mod partikolari tal-allowances tal-familja u tal-kreditu fiskali għal wild dipendenti, li huwa li l-ġenituri jiġu rrimborsati parti mill-ispejjeż li jkollhom isostnu tipikament għall-finijiet tal-manteniment tal-wild tagħhom, kif ukoll minħabba li dawn l-ispejjeż jiddependu, essenzjalment, mil-livell tal-prezzijiet tal-post tar-residenza permanenti.

    48.

    Issa, it-tkabbir tal-libertà ta’ moviment tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni u l-esportazzjoni indifferenzjata tal-allowances tal-familja u tal-kreditu fiskali għal wild dipendenti li tirriżulta minnu, irrispettivament mill-Istat li fih l-ulied li għalihom ingħataw il-benefiċċji kellhom ir-residenza permanenti tagħhom, wasslu għal distorsjonijiet qawwija fis-sistema ta’ dawn il-benefiċċji. Jekk il-wild kien jgħix fi Stat Membru b’kapaċità tal-akkwist baxxa, l-effett tas-sostenn jeċċedi t-tnaqqis previst ( 28 ). Għall-kuntrarju, jekk il-wild kien jgħix fi Stat Membru b’kapaċità tal-akkwist ogħla, it-tnaqqis jibqa’ taħt il-miżura prevista.

    49.

    Fit-tielet lok, bi tweġiba għall-ewwel ilment tal-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Awstrija tqis li l-mekkaniżmu ta’ adattament tal-ammont tal-allowance tal-familja u tal-kreditu fiskali għal wild dipendenti, għall-ħaddiema kollha kemm jekk Awstrijaċi jew le, ma huwiex ipprojbit mill-Artikoli 7 u 67 tar-Regolament Nru 883/2004.

    50.

    Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li:

    l-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004 biss huwa applikabbli f’dan il-każ, sa fejn jinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi relattivi għall-esportazzjoni ta’ benefiċċji tal-familja għall-membri tal-familja li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor, filwaqt li l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament jirrigwarda l-benefiċċji ta’ sigurtà soċjali kollha li huwa jirregola;

    il-formulazzjoni ta’ dan l-Artikolu 67 ma tipprekludix it-teħid inkunsiderazzjoni tan-natura konkreta, tal-iskop kif ukoll tal-modalitajiet tal-benefiċċju tal-familja kkonċernat u li r-Renju tan-Norveġja jsostni, ġustament, li l-obbligu li jiġu esportati fil-każijiet kollha ammonti assoluti jmur kontra din id-dispożizzjoni kif ukoll l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 883/2004, u

    l-ammont tal-allowances tal-familja u tal-kreditu fiskali għal wild dipendenti ma jiddependix, mill-perspettiva tal-valur tiegħu, mir-residenza tal-wild fl-Awstrija, peress li dawn il-benefiċċji huma intiżi sabiex jikkumpensaw parti mill-ispejjeż tal-manteniment tal-ulied li jiddependu fuq il-livell tal-prezzijiet tal-post fejn dawn jgħixu.

    51.

    F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Awstrija tirreferi wkoll:

    għall-premessa 16 tar-Regolament Nru 883/2004 li tippreċiża li, fil-każ ta’ benefiċċji li għandhom rabta mal-ambjent ekonomiku u soċjali tal-persuna kkonċernata, il-post ta’ residenza jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni ( 29 );

    għas-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2001, Offermanns ( 30 ), li minnha jirriżulta li l-espressjoni “kumpens għall-ispejjeż tal-familja” tirrigwarda b’mod partikolari, kontribuzzjoni pubblika għall-baġit tal-familja intiża sabiex tnaqqas l-ispejjeż li jirriżultaw mill-manteniment tal-ulied, li kellha l-effett li turi li l-benefiċċji tal-familja għandhom rabta diretta mal-ispejjeż sostnuti għall-manteniment ta’ wild u jistgħu għalhekk jiġu aġġustati sabiex jieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż effettivi;

    għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Slynn fil-kawża li tat lok għas-sentenza Lenoir ( 31 ), u għall-punt 16 ta’ din is-sentenza li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward ta’ għajnuna mħallsa taħt il-forma ta’ somma b’rata fissa fil-bidu ta’ sena skolastika, li r-Regolament Nru 1408/71 ma jipprekludix li benefiċjarju tal-benefiċċji tal-familja, ċittadin ta’ Stat Membru u li jirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ma jistax jitlob il-ħlas mill-korpi soċjali tal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu ta’ allowances għad-dħul lura l-iskola, jekk dawn kienu kkalkolati mhux esklużivament skont in-numru jew l-età tal-ulied, iżda b’kunsiderazzjoni tal-ambjent ekonomiku u soċjali u għalhekk, tar-residenza tal-persuni kkonċernati, kif ukoll

    għas-sentenza Moser, speċjalment għall-punti 53 u 54, li minnhom jirriżulta li l-għan ( 32 ) tal-leġiżlazzjoni nazzjonali huwa determinanti. Peress li dan il-każ kien jirrigwarda, l-għoti ta’ benefiċċju ta’ sostituzzjoni ta’ dħul professjonali matul perijodu ta’ żamma ta’ wild, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kellu jsir riferiment għall-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni reali fl-Istat ta’ impjieg sabiex jiġi kkalkolat l-ammont tal-ħlas tas-suppliment għal benefiċċju tal-familja, li kellu jingħata skont l-Artikolu 68 tar-Regolament Nru 883/2004.

    52.

    Għalhekk, ir-Repubblika tal-Awstrija tikkunsidra, l-ewwel, li l-Kummissjoni ma tistax issostni, billi tirreferi għas-sentenzi Lenoir u Moser, li benefiċċji mogħtija taħt il-forma ta’ ammont b’rata fissa, bid-differenza għal dawk mogħtija direttament skont is-sitwazzjoni reali tal-benefiċjarji, ma jistgħu jiġu adattati fl-ebda każ. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Awstrija hija tal-fehma li l-benefiċċji inkwistjoni huma komparabbli għal dawk li kienu l-oġġett tas-sentenza Lenoir. Hija ssostni li l-ispejjeż tax-xiri ta’ oġġetti neċessarji ta’ kuljum, li huma, mhux biss, iżda madankollu marbuta wkoll mad-dħul lura l-iskola, huma wkoll irrimborsati b’rata fissa fil-kuntest tal-allowances tal-familja li hija tħallas. Barra minn hekk, hija tenfasizza li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-għan tal-benefiċċju inkwistjoni fis-sentenza Moser huwa trasponibbli għal dan il-każ.

    53.

    B’mod konkret, ir-Repubblika tal-Awstrija targumenta li l-allowances tal-familja adattati għall-kapaċità tal-akkwist fl-Istat Membru ta’ residenza tal-ulied skont il-mekkaniżmu ta’ adattament għadhom f’ċertu numru ta’ Stat Membri li għad għandhom koeffiċjent ta’ inqas minn 100 % – minn naħa, anki kunsiderevolment – ogħla mill-benefiċċju previst fil-post ta’ residenza tal-ulied. Hija tagħti ż-żewġ eżempji li ġejjin fir-rigward tas-somma mħallsa lil familja b’wild wieħed, li għadu kemm twieled: jekk l-ammont tal-allowances tal-familja fl-Ungerija kien fl‑2020 ta’ 12200 forint Ungeriż (HUF) kull xahar, jiġifieri l-ekwivalenti ta’ madwar EUR 34, l-allowances tal-familja adattati u l-kreditu fiskali għal wild dipendenti mħallsa mir-Repubblika tal-Awstrija kienu jammontaw għal EUR 99.13, jiġifieri kważi t-triplu. Bl-istess mod jekk l-allowances tal-familja fis-Slovakkja kienu jammontaw fl‑2020 għal madwar EUR 24.95 kull xahar, l-allowances tal-familja adattati u l-kreditu fiskali għal wild dipendenti kienu jammontaw għal EUR 122.57, jiġifieri kważi ħames darbiet tal-ammont tal-allowance Slovakka ( 33 ).

    54.

    It-tieni, ir-Repubblika tal-Awstrija hija tal-fehma li l-Kummissjoni ma tistax tirreferi għas-sentenza Pinna, peress li din tirrigwarda leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi l-għoti ta’ benefiċċji tal-familja, li jagħmilha differenti mill-mekkaniżmu ta’ adattament tal-ammont tal-benefiċċji mħallsa li hija stabbilixxiet.

    55.

    Hija żżid li, fid-dawl tal-għan tal-leġiżlazzjoni Franċiża inkwistjoni fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ġustament ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kunsiderazzjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mancini ( 34 ) fir-rigward tal-leġiżlazzjonijiet li jipprovdu adattament tal-benefiċċji esportati. Barra minn hekk, din il-fehma ma tistax tiġi trasposta għal dak li jirrigwarda l-allowances tal-familja Awstrijaċi, għar-raġuni li dawn jieħdu inkunsiderazzjoni l-għoli tal-ħajja u li la l-allowances tal-familja u lanqas il-kreditu fiskali għal wild dipendenti ma huma “element addizzjonali għas-salarju bażiku” ( 35 ) – peress li dawn jingħataw irrispettivament minn eventwali dħul professjonali.

    56.

    It-tielet, fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq il-fatt li l-arranġament il-ġdid għar-Renju Unit qatt daħal fis-seħħ ( 36 ), ir-Repubblika tal-Awstrija tirrileva li, madankollu, l-impenn lejn ir-Renju Unit kien jieħu inkunsiderazzjoni livelli ta’ prezzijiet differenti fl-Unjoni kif ukoll, barra minn hekk – għall-kuntrarju tal-leġiżlazzjonijiet li għandhom jiġu evalwati fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu –, l-importanza tal-benefiċċji mogħtija għall-ulied fl-Istat ta’ residenza. Hija tikkonstata wkoll li, fil-konklużjonijiet tiegħu, fil-punt 2, il-Kunsill tal-Ewropa sostna li d-dispożizzjonijiet li huwa kien ħa kienu “kompatibbli bis-sħiħ mat-Trattati” ( 37 ) u li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-għażla sostnuta ma kinitx tikser l-Artikolu 48 TFUE ( 38 ).

    57.

    F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Awstrija tenfasizza li, minkejja li adattament tar-Regolament Nru 883/2004 kien ċertament previst, dan ma kienx il-każ għar-Regolament Nru 492/2011. Minn dan tiddeduċi li l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament – bħall-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 – ma jinkludix prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni li jmur lil hinn minn dak stabbilit mid-dritt primarju.

    58.

    Bħala konklużjoni, ir-Repubblika tal-Awstrija tenfasizza li emenda tar-Regolament Nru 883/2004 ma kinitx tkun neċessarja għall-każijiet li fihom Stat Membru jadatta, f’każ ta’ esportazzjoni, skont regoli oġġettivi, “’il fuq” jew “’l isfel”, benefiċċju tal-familja li għandu rabta mal-ambjent ekonomiku u soċjali tal-Istat Membru u li dan huwa l-każ tal-leġiżlazzjoni tagħha, li konsegwentement, għandha tiġi distinta mill-miżuri previsti fl‑2016 għar-Renju Unit.

    2.   Evalwazzjoni

    59.

    Ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu eżerċitat mill-Kummissjoni jirrigwarda l-leġiżlazzjoni Awstrijaka li tipprovdi, sa mill‑1 ta’ Jannar 2019, l-adattament tal-ammont ta’ ċerti benefiċċji tal-familja kif ukoll ta’ vantaġġi soċjali u fiskali, ’il fuq jew ’l isfel, skont il-livell ġenerali tal-prezzijiet fl-Istat Membru fejn jirrisjedu b’mod permanenti l-ulied li jagħtu dritt għal dawn il-benefiċċji, abbażi tar-relazzjoni bejn il-livelli tal-prezzijiet komparattivi ppubblikati mill-Eurostat għal kull wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni u dak tar-Repubblika tal-Awstrija ( 39 ).

    60.

    L-ewwel ilment ta’ dan ir-rikors, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 7 u 67 tar-Regolament Nru 883/2004, jirrigwarda l-allowances tal-familja u l-kreditu fiskali għal wild dipendenti.

    61.

    Skont l-Artikolu 3(1)(j) tar-Regolament Nru 883/2004, dan ir-regolament huwa applikabbli għal-leġiżlazzjonijiet kollha relattivi għall-fergħat ta’ sigurtà soċjali li jirrigwardaw il-benefiċċji tal-familja.

    62.

    F’dan il-każ, huwa stabbilit li l-benefiċċji Awstrijaċi inkwistjoni jikkostitwixxu “benefiċċji tal-familja” fis-sens tal-Artikolu 1(z) tal-imsemmi regolament, fejn din l-espressjoni tinkludi l-benefiċċji kollha in natura jew fi flus intiżi sabiex jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż tal-familja, bl-esklużjoni ta’ għotjiet għall-pensjoni tal-manteniment u allowances speċjali tat-twelid jew l-adozzjoni previsti fl-Anness I tal-istess regolament ( 40 ).

    63.

    Konsegwentement, kif ġustament issostni l-Kummissjoni, dawn il-benefiċċji huma suġġetti għar-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Rinunzja ta’ regoli dwar ir-residenza”, relattiva b’mod partikolari għall-ammont tal-benefiċċji fi flus, peress li dan l-artikolu jipprovdi li dawn ma jistgħux ikunu suġġetti għal tnaqqis jew modifika minħabba l-fatt li l-benefiċjarju jew il-membri tal-familja tiegħu jirrisjedu fi Stat Membru ieħor minbarra dak fejn tinsab l-istituzzjoni responsabbli mill-għoti tal-benefiċċju.

    64.

    Din ir-regola hija r-repetizzjoni tal-prinċipju ta’ esportabbiltà tal-benefiċċji ta’ sigurtà soċjali, stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 48(b) TFUE. Għalhekk, l-iffissar tal-ammont ta’ dawn il-benefiċċji skont ir-residenza tal-membri tal-familja jikkostitwixxi ksur tad-dritt ta’ moviment liberu mogħti liċ-ċittadini tal-Unjoni ( 41 ).

    65.

    Ċertament, l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 883/2004 jipprovdi riżervi espressament ammessi fih ( 42 ). Madankollu, l-Artikolu 67 ta’ dan ir-regolament ma jinsabx fosthom. Għall-kuntrarju, kif targumenta l-Kummissjoni u l-maġġoranza tal-Istati Membri intervenjenti insostenn tagħha, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi, fil-Kapitolu 8 tal-imsemmi regolament, iddedikat għall-benefiċċji tal-familja, il-prinċipju ta’ assenza ta’ effett tar-residenza tal-membri tal-familja fi Stat Membru differenti minn dak li jagħti dawn il-benefiċċji.

    66.

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret ukoll reċentement ħafna li l-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004 huwa intiż sabiex jipprojbixxi li Stat Membru jkun jista’ jissuġġetta l-għoti jew l‑ammont tal-benefiċċji tal-familja għar-residenza tal-membri tal-familja tal‑ħaddiem fl-Istat Membru li jagħti l-benefiċċji ( 43 ).

    67.

    Konsegwentement, jien tal-fehma li, fid-dawl tar-regola tal-finzjoni tar-residenza tal-ħaddiem fl-Istat Membru li fih jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu kif ukoll tar-residenza tal-familja tiegħu kollha ( 44 ), stabbilita fl-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004, li tiżgura l-ugwaljanza fit-trattament tal-ħaddiema migranti, ma huwiex ammissibbli, mingħajr modifika ta’ din id-dispożizzjoni ( 45 ), li Stat Membru jintroduċi fil-leġiżlazzjoni tiegħu eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ ekwivalenza stretta tal-ammont tal-benefiċċji tal-familja billi jikkunsidra li dan ir-rekwiżit jista’ jiġi ssoddisfatt biss f’termini ta’ valur, skont l-għan imfittex mil-leġiżlatur nazzjonali, jiġifieri dak li jagħmel tajjeb għall-ispejjeż tal-familja.

    68.

    Din l-analiżi hija kkorroborata, minn naħa, mill-istruttura ġenerali tar-Regolament Nru 883/2004 li l-Artikolu 68 tiegħu jipprovdi regoli ta’ prijorità intiżi sabiex jiġi evitat il-kumulu inġustifikat tal-benefiċċji meta, għall-istess perijodu u għall-istess membri tal-familja, huma previsti benefiċċji mil-leġiżlazzjoni ta’ iktar minn Stat Membru wieħed ( 46 ) kif ukoll, min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 60 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 ( 47 ), iċċitat mill-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA u r-Repubblika Ċeka, li jiddefinixxi l-proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikoli 67 u 68 tar-Regolament Nru 883/2004. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-għan imfittex huwa li jiġi żgurat lill-benefiċjarju ta’ benefiċċji mħallsa minn diversi Stati Membri ammont totali identiku għall-ammont tal-benefiċċju l-iktar favorevoli dovut lilu skont il-leġiżlazzjoni ta’ wieħed fost dawn l-Istati ( 48 ). Din is-sistema hija bbażata fuq l-idea ġenerali li tipprovdi, li jekk ħaddiem migrant iħallas kontribuzzjonijiet soċjali u taxxi fi Stat Membru, huwa għandu jibbenefika mill-istess allowances bħaċ-ċittadini nazzjonali ( 49 ). L-imsemmija sistema tkun imċaħħda mill-effett jekk wieħed mill-Istati Membri jkollu d-dritt li jadatta l-ammont tal-benefiċċji skont il-post ta’ residenza tal-benefiċjarju.

    69.

    Argumenti kuntrarji għal din l-interpretazzjoni huma bbażati mir-Repubblika tal-Awstrija, sostnuta mir-Renju tad-Danimarka u mir-Renju tan-Norveġja, fuq is-sentenzi Pinna ( 50 ), Lenoir ( 51 ) u Moser ( 52 ). Jidhirli li għandhom jiġu miċħuda minħabba l-iżvilupp tal-kontenut tar-regoli applikabbli fil-qasam ta’ sigurtà soċjali u tal-portata ta’ dawn is-sentenzi.

    70.

    Fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li l-prinċipju ta’ esportabbiltà tal-benefiċċji tal-familja ġie sostnut mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Pinna, imbagħad fis-sentenza Lenoir li tirreferi għaliha ( 53 ). Mill-qari tal-argumenti tal-partijiet imfakkra mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Pinna ( 54 ) jista’ jiġi rrilevat ukoll li t-tilwima li tat lok għal din is-sentenza kienet tirrigwarda d-differenza fir-rigward tal-ammonti u tar-rati tal-benefiċċji skont l-Istat li fih kienu jirrisjedu l-membri tal-familja kkonċernati, li kellu l-effett li jikkontesta d-drittijiet miksuba mill-ħaddiem skont il-liġi li għaliha kien suġġett, u għalhekk, l-għan li jiġi żgurat il-moviment liberu tal-ħaddiema.

    71.

    Fit-tieni lok, fil-fehma tiegħi, l-eċċezzjoni ammessa fis-sentenza Lenoir f’każ ta’ għoti ta’ benefiċċji li huma strettament marbuta mal-ambjent soċjali ( 55 ) għandha portata limitata.

    72.

    Fil-fatt, dik id-deċiżjoni għandha titqiegħed fil-kuntest ġuridiku li abbażi tiegħu ngħatat, jiġifieri l-Artikolu 1(u) tar-Regolament Nru 1408/71, li kien jagħmel distinzjoni bejn l-allowances tal-familja – din l-espressjoni tinkludi l-benefiċċji perjodiċi fi flus mogħtija esklużivament skont in-numru, u jekk ikun il-każ, l-età tal-membri tal-familja – u l-benefiċċji tal-familja – din l-espressjoni tinkludi l-benefiċċji kollha in natura jew fi flus intiżi sabiex jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż tal-familja bl-esklużjoni tal-allowances speċjali tat-twelid imsemmija fl-Anness I ( 56 ).

    73.

    Barra minn hekk, kif enfasizzat ir-Repubblika tal-Polonja, id-deroga mill-prinċipju ta’ esportabbiltà tal-benefiċċji ta’ sigurtà soċjali ammessa mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Lenoir kienet intiża għal benefiċċji speċjali ta’ natura mhux kontributorja ( 57 ).

    74.

    Madankollu, minn naħa, fir-Regolament Nru 883/2004, fl-Artikolu 1(z), il-leġiżlatur tal-Unjoni ma għamilx tali distinzjoni bejn id-diversi benefiċċji intiżi għall-familji. Min-naħa l-oħra bħala eċċezzjoni għall-prinċipju ġenerali stabbilit fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament relattiva għall-klawżoli ta’ residenza, il-kriterju tal-ambjent ekonomiku u soċjali ġie ammess biss għall-benefiċċji li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni materjali tal-Artikolu 70 tal-imsemmi regolament ( 58 ).

    75.

    Fit-tielet lok, fir-rigward tas-sentenza Moser, li skont ir-Repubblika tal-Awstrija u r-Renju tan-Norveġja, tiġġustifika li jiġi sostnut li l-għan tal-benefiċċju kkonċernat huwa determinanti, jiena tal-fehma li l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex trasponibbli. Fil-fatt, il-kawża li tat lok għal din is-sentenza kienet tirrigwarda allowance għaż-żamma ta’ wild, li fil-varjant tagħha marbut mad-dħul, kienet tikkostitwixxi benefiċċju ta’ sostituzzjoni tad-dħul professjonali. L-ammont tagħha kien jiddependi espressament minn dak tad-dħul preċedenti, li ġġustifika għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja wettqet interpretazzjoni konformi mal-għan li jiġi kkumpensat it-telf mis-salarju billi sostniet li l-ammont tal-allowance kellu jiġi kkalkolat skont is-salarju effettiv. Għalhekk, is-soluzzjoni sostnuta mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-imsemmija sentenza ma hijiex ibbażata fuq il-possibbiltà ta’ adattament ta’ benefiċċju tal-familja għall-ambjent ekonomiku u soċjali skont il-post ta’ residenza tal-benefiċjarju tiegħu.

    76.

    F’dan il-każ, ir-riferiment għas-sentenza Moser ma huwiex, a fortiori, rilevanti sabiex jiġi ġġustifikat l-adattament tal-ammont tal-benefiċċji tal-familja meta dan ma jiddependix mill-ispejjeż reali u huwa ddeterminat lil hinn minn kull evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali tal-benefiċjarji, abbażi ta’ sitwazzjoni legalment definita ( 59 ).

    77.

    Fil-fatt, nosserva, bħall-Kummissjoni u xi Stati Membri intervenjenti insostenn tagħha, li mill-elementi tal-fajl sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, l-allowances tal-familja mogħtija mir-Repubblika tal-Awstrija jikkorrispondu għad-definizzjoni mogħtija mir-Regolament Nru 1408/71, jiġifieri li jirrigwardaw benefiċċji perjodiċi fi flus mogħtija għall-familja tal-benefiċjarju esklużivament skont in-numru, u jekk ikun il-każ, l-età tal-membri tal-familja.

    78.

    F’dan ir-rigward, nirrileva, l-ewwel, li skont il-formulazzjoni tal-Artikolu 8 tal-FLAG, l-ammont tal-allowances tal-familja dovut lil persuna huwa ddeterminat skont in-numru u l-età tal-ulied li għalihom jingħataw dawn l-allowances tal-familja. It-tieni, ma tingħata ebda preċiżjoni dwar ir-rabta bejn l-ammont ta’ dan il-benefiċċju u l-livell reali tal-prezzijiet li abbażi tagħhom huwa kkalkolat ( 60 ). Għalhekk, ir-Repubblika tal-Awstrija ma tistax tillimita ruħha sabiex issostni li l-fatt li l-ammont ta’ dan il-benefiċċju jiżdied skont l-età juri li huwa “bħala prinċipju” marbut mal-ispejjeż tal-manteniment tal-wild.

    79.

    B’mod ġenerali, mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma jirriżultax liema huma preċiżament l-ispejjeż ta’ kuljum li jservu bħala bażi għall-istabbiliment tal-ammont b’rata fissa tal-benefiċċji tal-familja ( 61 ), u lanqas liema elementi oħra minbarra l-età u n-numru ta’ wlied jistgħu jiġġustifikaw iż-żieda tagħhom, u lanqas skont liema proporzjonijiet. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ssostni b’mod fondat li ma humiex meħuda inkunsiderazzjoni l-ispejjeż effettivi ( 62 ) marbuta ma’ bżonnijiet speċifiċi, li huwa kkorroborat mill-uniformità tal-ammonti fit-territorju Awstrijak kollu mingħajr kunsiderazzjoni tal-varjazzjonijiet marbuta mal-livell tal-prezzijiet fl-Awstrija.

    80.

    Għalhekk, għal dawn ir-raġunijiet kollha esposti preċedentement, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-ewwel ilment invokat mill-Kummissjoni huwa fondat.

    B. Fuq it‑tieni lment ibbażat fuq ksur tal‑prinċipju ta’ ugwaljanza fit‑trattament previst fl‑Artikolu 4 tar‑Regolament Nru 883/2004 u fl‑Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011

    1.   Argumenti tal‑partijiet

    a)   Il‑Kummissjoni

    81.

    Permezz tat-tieni lment tagħha, il-Kummissjoni ssostni l-ksur mir-Repubblika tal-Awstrija tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament previst, minn naħa, fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 u fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 sa fejn il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru timplimenta l-adattament tal-allowance tal-familja kif ukoll tal-kreditu fiskali għal wild dipendenti, u min-naħa l-oħra, fl-Artikolu 7(2) ta’ dan l-aħħar regolament sa fejn il-leġiżlazzjoni tal-imsemmi Stat Membru tipprovdi l-adattament tal-bonus tal-familja “plus”, tal-kreditu fiskali għal familja bi dħul wieħed, tal-kreditu fiskali għal dar b’ġenitur wieħed u tal-kreditu fiskali għal pensjoni tal-manteniment, skont il-post ta’ residenza tal-wild.

    82.

    Il-Kummissjoni tesponi li:

    l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 għandu l-għan li jiżgura, skont l-Artikolu 45(2) TFUE, favur il-ħaddiema kkonċernati, l-ugwaljanza fil-qasam tas-sigurtà soċjali mingħajr distinzjoni ta’ nazzjonalità, billi jelimina kull diskriminazzjoni f’dan ir-rigward li tirriżulta mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri ( 63 );

    l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 jikkonkretizza wkoll il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 45(2) TFUE, li jipproteġi lill-ħaddiema migranti mhux biss minn diskriminazzjoni diretta, ibbażata fuq in-nazzjonalità, iżda wkoll minn kull forma ta’ diskriminazzjoni indiretta, u

    din id-dispożizzjoni tkopri l-vantaġġi kollha, kemm soċjali kif ukoll fiskali, marbuta ma’ kuntratt ta’ impjieg jew le, li huma ġeneralment mogħtija lill-ħaddiema nazzjonali minħabba, prinċipalment, il-kwalità oġġettiva tagħhom ta’ ħaddiema jew tas-sempliċi fatt tar-residenza ordinarja tagħhom fit-territorju nazzjonali ( 64 ).

    83.

    Il-Kummissjoni targumenta li:

    l-allowance tal-familja u l-kreditu fiskali għal wild dipendenti huma kemm benefiċċji tal-familja suġġetti għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, stabbilit fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004, u vantaġġi soċjali, irregolati mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 ( 65 );

    il-bonus tal-familja “plus”, il-kreditu fiskali għal dar bi dħul wieħed, il-kreditu fiskali għal dar b’ġenitur wieħed u l-kreditu fiskali għal pensjoni tal-manteniment, li huma mogħtija mir-Repubblika tal-Awstrija lill-persuni li jaħdmu fit-territorju tagħha, għal uliedhom, irrispettivament mill-bżonnijiet reali tagħhom u għalhekk mill-ambjent soċjali tagħhom, jikkostitwixxu vantaġġi fiskali, peress li jnaqqsu l-ammont tat-taxxa fuq id-dħul. Peress li, fil-każ fejn ebda taxxa ma hija dovuta, il-kreditu fiskali għal familja bi dħul wieħed u dak għal dar b’ġenitur wieħed jitħallsu taħt il-forma ta’ suppliment għal wild, huwa preżunt li l-benefiċjarju huwa suġġett ukoll għat-taxxa fl-Awstrija. Għalhekk, dawn il-krediti fiskali huma suġġetti wkoll għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, u

    l-adattament, sa mill‑1 ta’ Jannar 2019, tal-ammont b’rata fissa tal-benefiċċji tal-familja kif ukoll tal-vantaġġi soċjali u fiskali, skont il-kriterju uniku tal-post ta’ residenza tal-ulied, jaffettwa essenzjalment lill-ħaddiema migranti li l-membri tal-familja tagħhom jirrisjedu barra mill-Istat Membru li jagħti l-benefiċċji, li ma huwiex ikkontestat mir-Repubblika tal-Awstrija.

    84.

    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirrileva li:

    skont ix-xogħol preparatorju tal-liġi li tistabbilixxi dan il-mekkaniżmu ta’ adattament ta’ dawn il-benefiċċji u vantaġġi, ir-Repubblika tal-Awstrija kienet qegħda tfittex għan ta’ tnaqqis tal-ispejjeż baġitarji tal-Istat billi tippreżumi li n-numru ta’ wlied residenti fi Stati Membri fejn il-livell tal-prezzijiet kien inqas minn dak eżistenti fl-Awstrija kien ikbar min-numru ta’ wlied residenti fi Stati Membri fejn il-livell tal-prezzijiet kien ogħla minn dak eżistenti fl-Awstrija, u

    fil-fatt, mil-leġiżlazzjoni Awstrijaka jirriżulta li fir-rigward tal-Istati Membri fruntiera mar-Repubblika tal-Awstrija, il-koeffiċjent ta’ adattament huwa, għar-Repubblika Ċeka ta’ 0.619, għall-Ġermanja ta’ 0.974, għall-Italja ta’ 0.948, għall-Ungerija ta’ 0.562 għas-Slovenja ta’ 0.79 u għas-Slovakkja ta’ 0.641. Huwa biss fil-każ tal-Isvizzera u tal-Liechtenstein li l-adattament jwassal għal ammont ogħla jew għall-istess ammont b’rata fissa fl-Awstrija.

    85.

    Il-Kummissjoni żżid li, madankollu, il-leġiżlazzjoni Awstrijaka teskludi l-każijiet li fihom l-ulied tal-familja ta’ uffiċjal Awstrijak li segwewh meta kien issekondat fi Stat Membru ieħor fil-kuntest ta’ missjoni ta’ servizz, billi titratta l-benefiċċji bħallikieku jirrisjedu fl-Awstrija.

    86.

    Issa, din l-istituzzjoni, fid-dawl tal-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 66 ), dik tal-ħaddiema transkonfinali li jirrisjedu mat-tfal tagħhom ma hijiex differenti minn dik tal-uffiċjali Awstrijaċi ssekondati. Minkejja li jkunu żvantaġġati billi jintbagħtu fi Stati Membri li fihom l-ispejjeż tal-ħajja huma ogħla minn dawk tar-Repubblika tal-Awstrija, in-numru tagħhom huwa ferm inqas minn dak tal-ħaddiema migranti. Il-Kummissjoni hija tal-fehma wkoll li d-differenzi ġuridiċi internazzjonali, Ewropej u nazzjonali invokati minn dan l-Istat Membru huma ineffettivi.

    87.

    Il-Kummissjoni tikkonkludi minn dan li r-Repubblika tal-Awstrija ħolqot diskriminazzjoni indiretta għad-detriment tal-ħaddiema migranti, li ebda għan leġittimu donnu ma jista’ jiġġustifika.

    88.

    Bi tweġiba għall-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija li, fl-ewwel lok, id-diskriminazzjoni ma tistax tiġi kkostitwita għar-raġuni li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeħtieġ li l-ammont tal-vantaġġi finanzjarji għall-manteniment ta’ wild dovuti lil ħaddiem jikkorrispondi għal dak tal-ispejjeż tiegħu fil-post ta’ residenza ta’ dan il-wild ( 67 ), il-Kummissjoni tosserva li l-benefiċċji tal-familja kif ukoll il-vantaġġi soċjali u fiskali inkwistjoni ma humiex ikkalkolati, b’mod ġenerali, skont il-livell reali tal-prezzijiet f’dan il-post u li l-ammont b’rata fissa tagħhom huwa uniformi, fit-territorju kollu nazzjonali, minkejja d-differenza tal-kapaċità tal-akkwist fl-unitajiet reġjonali differenti. F’dan ir-rigward, hija tirrileva li l-ispjegazzjoni mogħtija mir-Renju tad-Danimarka, insostenn ta’ dik tar-Repubblika tal-Awstrija, li din l-uniformità tirriżulta mill-kalkolu tal-ammont tal-allowances tal-familja u tal-kreditu fiskali għal wild dipendenti b’riferiment għall-kategorija ta’ persuni li għandhom l-iktar dħul baxx, ma hija bbażata fuq ebda element ipprovdut mir-Repubblika tal-Awstrija.

    89.

    Il-Kummissjoni tispeċifika wkoll li huwa diffiċli li wieħed jifhem kif dan l-Istat Membru jista’ jsostni li l-benefiċċji tal-familja kif ukoll il-vantaġġi soċjali u fiskali li huwa jagħti għandhom rabta reali mal-ispejjeż sostnuti għall-ulied filwaqt li jiġi kkunsidrat li huwa għandu jwettaq, pereżempju, fir-rigward tal-Ġermanja u tal-Italja, adattament ta’ dawn il-benefiċċji u vantaġġi minħabba differenza fil-kapaċità tal-akkwist ta’ 2.6 % u 5.2 % biss, ferm inferjuri għal dik, eżistenti ġewwa r-Repubblika tal-Awstrija, ta’ 8 % bejn l-Istat Federali ta’ Wien u dak ta’ Nieder-Osterreich, li ma hijiex meħuda inkunsiderazzjoni ( 68 ).

    90.

    Il-Kummissjoni żżid li l-mekkaniżmu ta’ adattament previst fl-Awstrija implimentat skont il-post ta’ residenza tal-wild ma huwiex komparabbli mal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni applikati għar-remunerazzjonijiet u għall-għajnuniet finanzjarji previsti fl-atti tal-Unjoni, għar-raġuni li jiddependu mill-post tax-xogħol tal-uffiċjali tal-Unjoni jew fuq il-post fejn dawn l-għajnuniet għandhom jitħallsu, u li l-allowances tal-familja Awstrijaċi jitħallsu lill-ħaddiem migrant għal uliedu u mhux għalih innifsu.

    91.

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrileva li r-Renju tad-Danimarka ma jistax isostni fl-istess waqt li sitwazzjonijiet differenti għandhom jiġu ttrattati b’mod differenti u li l-Istati Membri ma għandhomx jadattaw l-ammont tal-allowances meta l-kapaċità tal-akkwist tkun ogħla fl-Istat Membru ta’ residenza tal-ulied.

    92.

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ġustifikazzjoni mir-Repubblika tal-Awstrija tal-eżistenza ta’ eventwali diskriminazzjoni, li hija bbażata fuq l-għan imfittex li jikkonsisti fil-protezzjoni minn riskju ta’ żbilanċ finanzjarju tas-sistema ta’ sigurtà soċjali ( 69 ), il-Kummissjoni tfakkar li dan ir-riskju għandu jkun gravi ( 70 ). Madankollu, hija tirrileva li mir-rapport tar-Rechnungshof (il-Qorti tal-Awdituri, l-Awstrija), invokat mir-Repubblika tal-Awstrija nnifisha matul il-proċedura prekontenzjuża sabiex issostni din l-allegata ġustifikazzjoni, jirriżulta li, l-ewwel, is-sostenn tal-baġit nazzjonali għall-finanzjament tal-benefiċċji tal-familja sar neċessarju wara ż-żieda tal-ammonti b’rata fissa u t-tnaqqis konkominanti tas-sorsi ta’ finanzjament tal-benefiċċji tal-familja ( 71 ).

    93.

    It-tieni, il-parti tal-benefiċċji tal-familja intiża għall-ulied li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor minbarra r-Repubblika tal-Awstrija tikkorrispondi għal madwar 6 % tal-ħlasijiet kollha.

    94.

    It-tielet, jekk l-għoti ta’ dawn il-benefiċċji għandu riperkussjonijiet fuq il-finanzjament tal-benefiċċji tal-familja, dan huwa prinċipalment minħabba l-assenza ta’ kontrolli xierqa tal-kundizzjonijiet tal-għoti ta’ dawn il-benefiċċji mill-awtoritajiet Awstrijaċi ( 72 ).

    95.

    Ir-raba’, l-adattament tal-benefiċċji tal-familja skont il-livell tal-prezzijiet tal-Istat Membru kkonċernat meta mqabbel ma’ dak tar-Repubblika tal-Awstrija jagħmel iktar diffiċli l-ġestjoni ta’ dawn il-benefiċċji, minn perspettiva teknika u ekonomika, minħabba s-sistema ta’ ħlas tas-suppliment għad-differenza fir-rigward tal-benefiċċji tal-familja mogħtija fl-Istat Membru ta’ residenza tal-wild. Din is-sistema, stabbilita mill-Artikolu 68(2) tar-Regolament Nru 883/2004, hija applikabbli fit-tliet kwarti tal-każijiet ta’ ħlas ta’ benefiċċji tal-familja għall-ulied li jirrisjedu fi Stati Membri oħra.

    96.

    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-ġustifikazzjoni tal-eżistenza ta’ diskriminazzjoni invokata mir-Repubblika tal-Awstrija, sussidjarjament, ibbażata fuq l-għan li tiġi żgurata l-ekwivalenza f’termini ta’ valur tas-sostenn u tat-tnaqqis finanzjarju fl-Awstrija mal-Istati Membri l-oħra skont ir-residenza tal-wild, il-Kummissjoni targumenta li din il-ġustifikazzjoni ma tikkostitwixxix raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali rrikonoxxut u hija bbażata fuq argumenti relatati mal-assenza ta’ inugwaljanza fit-trattament u mal-koerenza tal-mekkaniżmu ta’ adattament li fost oħrajn, huma kontradetti mill-eċċezzjoni ta’ dan il-mekkaniżmu favur l-uffiċjali Awstrijaċi ssekondati.

    97.

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Slovakka, hija tal-fehma li r-Repubblika tal-Awstrija, billi kkunsidrat li hija kellha tirreaġixxi għal distorsjonijiet fis-sistema li jirriżultaw mill-fatt li s-sostenn finanzjarju tal-ħaddiema migranti kien jaqbeż l-ispejjeż tagħhom, donnha tinsa l-fatt li l-ħaddiema li joriġinaw minn Stati Membri jikkontribwixxu għall-finanzjament tas-sistema soċjali u fiskali Awstrijaka bl-istess mod bħall-ħaddiema Awstrijaċi, ikun xi jkun il-post ta’ residenza tat-tfal tagħhom. Il-Kummissjoni tenfasizza li d-dħul li dawn il-ħaddiema jirċievu fl-Awstrija bħala korrispettiv tal-prestazzjoni ekonomika tagħhom huwa meħud inkunsiderazzjoni b’mod ugwali, kemm għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni mħallsa mill-persuni li jimpjegaw għall-finanzjament tal-allowances tal-familja kif ukoll għall-kalkolu tat-taxxa.

    b)   Ir‑Repubblika tal‑Awstrija

    1) Fir‑rigward tad‑diskriminazzjoni indiretta ta’ ħaddiema migranti minħabba applikazzjoni ta’ punt ta’ riferiment marbut mal‑post ta’ residenza tal-ulied

    i) Fuq l‑assenza ta’ diskriminazzjoni indiretta

    98.

    Skont ir-Repubblika tal-Awstrija, il-mekkaniżmu ta’ adattament ma jwassalx għal inugwaljanza fit-trattament ta’ sitwazzjonijiet identiċi, iżda jiżgura li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati wkoll b’mod differenti. Ir-Repubblika tal-Awstrija tfakkar li l-għan imfittex mil-leġiżlatur Awstrijak bl-għoti ta’ vantaġġi soċjali u fiskali lill-ġenituri li għandhom ulied dipendenti huwa li jippermettilhom jagħmlu tajjeb għal parti mill-ispejjeż tagħhom marbuta mal-manteniment ta’ uliedhom. Għalhekk, għandha ssir distinzjoni bejn is-sitwazzjoni tal-ħaddiema bi wlied li jirrisjedu f’pajjiż barrani u dik ta’ ħaddiema bi wlied li jirrisjedu fl-Awstrija, li ma humiex materjalment komparabbli minħabba differenzi fl-għoli tal-ħajja fl-Istati Membri, u konsegwentement, tal-livell tal-ispejjeż tax-xiri ekwivalenti.

    99.

    Hija tinnota wkoll, bħar-Renju tad-Danimarka, li skont il-pożizzjoni tal-Kumitat Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, responsabbli milli jiżgura l-implimentazzjoni tal-Karta Soċjali Ewropea ( 73 ) u ta’ din il-karta emendata fit‑3 ta’ Mejju 1996, ir-rekwiżit ta’ nondiskriminazzjoni għal dak li jirrigwarda benefiċċji ta’ sigurtà soċjali skont l-Artikolu 12(4) tal-imsemmija karta, ma jipprekludix l-aġġustament tagħhom, jekk il-wild jirrisjedi fi Stat li fih l-għoli tal-ħajja huwa nettament inferjuri ( 74 ).

    100.

    Ir-Repubblika tal-Awstrija tikkonstata li l-garanzija tal-istess kapaċità tal-akkwist skont l-għoli tal-ħajja fi Stat differenti hija implimentata wkoll mhux biss permezz ta’ koeffiċjent ta’ korrezzjoni u għar-remunerazzjonijiet tal-uffiċjali tal-Unjoni, inkluż l-allowances tal-familja, meta dawn ikunu dovuti lil persuna oħra minbarra dawn l-uffiċjali ( 75 ), li jwassal sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-post ta’ residenza tal-ulied, iżda wkoll permezz ta’ klassifikazzjoni tal-pajjiżi li jipparteċipaw fil-programm Erasmus+ fi tliet kategoriji sabiex jiġi adattat l-ammont tas-sussidju tal-istudenti għall-ispejjeż ta’ residenza u vjaġġar tagħhom ( 76 ).

    101.

    Ir-Repubblika tal-Awstrija tirreferi, barra minn hekk, għall-konklużjonijiet tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2020 dwar it-tisħiħ tal-protezzjoni tad-dħul minimu għall-ġlieda kontra il-faqar u l-esklużjoni soċjali fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19 u lil hinn ( 77 ). Hija tirrileva li, billi jirreferi għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 92/441/KEE tal‑24 ta’ Ġunju 1992 dwar il-kriterji komuni relattivi għal riżorsi u benefiċċji suffiċjenti fis-sistemi ta’ protezzjoni soċjali ( 78 ), il-Kunsill identifika, fost tliet prinċipji essenzjali, dak tal-“[a]degwatezza”, li wasslu sabiex jikkunsidra li “l-bżonnijiet essenzjali għandhom ikunu koperti b’mod adegwat permezz ta’ benefiċċji ta’ dħul minimu li jieħdu inkunsiderazzjoni l-livell tal-ħajja u l-livell tal-prezzijiet […] nazzjonali fl-Istati Membri kkonċernati”.

    102.

    Fir-rigward tal-argumenti tal-Kummissjoni bbażati fuq l-assenza ta’ uniformità tal-kapaċitajiet tal-akkwist fit-territorju Awstrijak, ir-Repubblika tal-Awstrija targumenta, qabelxejn, li d-differenzi ta’ kapaċità tal-akkwist huma żgħar ħafna meta mqabbla ma’ dawk eżistenti fl-Istati Membri ( 79 ) u li adattament skont ir-reġjuni għandu jkun previst ukoll f’dawn l-Istati. Id-diffikultajiet ikkawżati minn tali sistema jiġġustifikaw l-użu tal-kalkolu mill-Eurostat ta’ valur medju għall-Istat, li għandu l-vantaġġ li huwa kriterju oġġettiv li jevita dubji dwar il-każijiet fejn jeżistu differenzi żgħar ta’ kapaċità tal-akkwist, pereżempju, fil-Ġermanja jew fl-Italja.

    103.

    Sussegwentement, ir-Repubblika tal-Awstrija tikkunsidra li skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tali riferiment għal ammonti uniformi u approssimattivi hija legali ( 80 ) l-istess bħall-għażla tal-kriterju tad-differenza tal-għoli tal-ħajja ( 81 ). F’dan ir-rigward, hija tirreferi wkoll għall-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża Hosse ( 82 ) li jipprovdu li “wieħed jista’ eventwalment jirrikonoxxi lill-Istat li jagħti l-benefiċċji d-dritt li jadatta l-benefiċċju f’każ ta’ differenza manifesta fil-livell tal-prezzijiet fl-Istat tad-domiċilju tal-benefiċjarju, sa fejn ir-Regolament Nru 1408/71 ma jipprekludihx. Madankollu, dan l-argument, bl-ebda każ ma jista’ jwassal għal rifjut totali tal-benefiċċju lill-persuna kkonċernata”.

    104.

    Fl-aħħar, ir-Repubblika tal-Awstrija tinnota li l-Unjoni tirreferi għar-reġjuni li fl-ebda każ ma jappartjenu għal iktar minn Stat Membru wieħed, u dan b’mod partikolari, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-eliġibbiltà għas-sostenn reġjonali li l-għan tiegħu huwa preċiżament li jippromwovi l-koeżjoni, u għalhekk, li jarmonizza l-kundizzjonijiet tal-ħajja ġewwa l-Unjoni ( 83 ). Hija tikkunsidra li, jekk l-argument difiż mill-Kummissjoni f’din il-proċedura kien korrett, wieħed diffiċilment jista’ jikklassifika adegwat il-fatt li r-reġjuni ta’ Burgenland (l-Awstrija), ta’ Bratislava (is-Slovakkja) u ta’ Nyugat‑Dunántúl (l-Ungerija) – mal-komuni direttament adjaċenti ta’ Deutsch Jahrndorf (l-Awstrija), Rusovce (is-Slovakkja) u Rajka (l-Ungerija) – għandhom drittijiet differenti ħafna għar-riżorsi ta’ sostenn tal-Unjoni, minkejja li huma fruntieri diretti ta’ xulxin.

    ii) Sussidjarjament, fuq il‑ġustifikazzjoni oġġettiva ta’ diskriminazzjoni indiretta

    105.

    Fl-ewwel lok, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-Kummissjoni ċċitat dokumenti li ma jiġġustifikawx li hija tfittex għan speċifiku ta’ tfaddil ta’ nfiq u li l-analiżi tagħha hija kkontestata mix-xogħol preparatorju tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ( 84 ), u b’mod partikolari, mill-evalwazzjoni tal-konsegwenzi tagħha f’termini ta’ effettività ( 85 ).

    106.

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allowances tal-familja u tal-kreditu fiskali għal wild dipendenti, ir-Repubblika tal-Awstrija tfakkar, minn naħa, li skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 86 ), huma l-Istati Membri li għandhom jorganizzaw is-sistemi ta’ sigurtà soċjali rispettivi tagħhom u li, f’dan il-kuntest, hija emendat il-metodu ta’ kalkolu tal-benefiċċji, skont l-għoli tal-ħajja reali, ’il fuq jew ’l isfel, sabiex tilħaq l-għanijiet li tagħmel tajjeb għal parti mill-ispejjeż tipikament marbuta mal-manteniment tal-ulied u ta’ ekwità tas-sistema soċjali f’termini ta’ valur. Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika tal-Awstrija tirreferi għall-ġurisprudenza ċivili Awstrijaka relatata mal-pensjoni tal-manteniment għal ulied li jgħixu f’pajjiż barrani. Din il-pensjoni tal-manteniment hija kkalkolata skont il-kundizzjonijiet tal-ħajja medji tad-debitur tal-manteniment u tal-kapaċità tal-akkwist fil-pajjiż li fih jgħix il-wild. Fuq din il-bażi, il-bżonnijiet tal-benefiċjarju tal-manteniment jitqabblu b’mod konkret u individwalment mal-kundizzjonijiet tal-ħajja tal-ġenituri. Hija targumenta wkoll li l-konstatazzjoni li l-allowances tal-familja ma jkoprux il-bżonnijiet essenzjali ma tibdel xejn mill-funzjoni ta’ sostenn tagħhom ( 87 ), peress li dawn il-benefiċċji jfittxu, bħala prinċipju, l-istess għan bħall-pensjoni tal-manteniment, jiġifieri li jkopru l-ispejjeż normalment sostnuti mill-ġenituri għall-manteniment tal-wild tagħhom u ma jagħmel ebda effett il-fatt li l-livell ta’ astrazzjoni jkun, min-natura, ftit ogħla fil-każ ta’ benefiċċju statali li minnu jibbenefikaw l-ulied kollha milli fl-evalwazzjoni individwali tal-pensjoni tal-manteniment ta’ ġenitur għal wild speċifiku.

    107.

    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-bonus tal-familja “plus” u tal-krediti fiskali l-oħra, ir-Repubblika tal-Awstrija targumenta li l-mekkaniżmu ta’ adattament jiżgura li l-ispejjeż reali jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod ġust u li l-persuni taxxabbli kollha li jeżerċitaw attività professjonali u li għandhom l-ulied, ikunu ttrattati b’mod ugwali għal dak li jirrigwarda l-kapaċità kontributtiva tagħhom.

    108.

    F’dan ir-rigward, hija tirreferi mill-ġdid għall-prinċipju ta’ kapaċità kontributtiva ( 88 ) li jipprovdi li l-ispejjeż ikkawżati mill-ulied għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fiskalment b’mod xieraq. Dan il-prinċipju jsib il-bażi tiegħu fid-dritt tal-Unjoni fil-qasam tat-tassazzjoni diretta u jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt fiskali ġewwa l-Unjoni. Għalhekk, fis-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2011, Schulz‑Delzers u Schulz ( 89 ), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li l-komparabbiltà ta’ żewġ sitwazzjonijiet fattwali fir-rigward tal-allowances mogħtija għall-espatrijazzjoni “ma tagħmilx parti mill-għan mixtieq skont skala progressiva tat-taxxa li hija neċessarjament ibbażata […] fuq evalwazzjoni tal-kapaċità kontributorja tal-persuna taxxabbli mwettqa abbażi tal-kundizzjonijiet tal-għajxien fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat”.

    109.

    Fir-raba’ lok, hija tiddikjara li, peress li l-mekkaniżmu ta’ adattament tal-benefiċċji tal-familja u tal-vantaġġi fiskali inkwistjoni jiżgura li jingħata sostenn jew tnaqqis tal-istess valur, ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju għat-twettiq tal-għan imfittex.

    110.

    Fir-rigward tal-argumenti tal-Kummissjoni bbażati fuq ir-rapport tal-Cour des comptes (il-Qorti tal-Awdituri), ir-Repubblika tal-Awstrija tosserva li:

    peress li l-għoti tal-krediti fiskali skont is-sitwazzjoni tal-familja huwa marbut mal-kreditu fiskali għal wild dipendenti, u għalhekk, mal-allowances tal-familja li għall-ħlas tagħhom huwa neċessarju li jiġi kkonstatat f’liema Stat għandu l-post ta’ residenza l-wild ikkonċernat, l-ispiża amministrattiva addizzjonali li tirriżulta mill-mekkaniżmu ta’ adattament skont l-Istat ta’ residenza hija limitata ħafna, u

    huwa kkonstatat li n-numru ta’ wlied li jirrisjedu fi Stati Membri oħra li għalihom jeżisti dritt għal allowances tal-familja kiber minn 1500 għas-sena 2002 għal madwar 130000 għas-sena 2016 u li l-eżami tal-każijiet li għandhom natura ta’ element barrani “ġew ikkontrollati b’mod iktar frekwenti mis-sitwazzjonijiet nazzjonali minħabba l-klassifikazzjoni tar-riskju”.

    111.

    Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li, għal madwar tliet kwarti tal-ulied li jirrisjedu fi Stati Membri oħra, ir-Repubblika tal-Awstrija tagħmel biss ħlasijiet għad-differenza ( 90 ), hija tinnota li anki dawn il-ħlasijiet, inkluż il-kreditu fiskali għal wild dipendenti, jibqgħu, f’ħafna każijiet, ikbar mill-benefiċċji primarji fl-Istat ta’ residenza tal-wild.

    112.

    Fir-rigward tal-argument ġenerali tal-Kummissjoni, sostnut ukoll mir-Repubblika tal-Kroazja, mir-Repubblika tal-Polonja u mir-Repubblika Slovakka, ibbażat fuq il-fatt li jkun inġust li ħaddiema li jħallsu taxxi fl-Awstrija kif ukoll kontribuzzjonijiet meħuda mis-salarji tagħhom u li għalhekk jipparteċipaw għall-finanzjament tal-benefiċċji kontenzjużi, finalment jirċevuhom biss taħt il-forma ta’ benefiċċji adattati f’termini ta’ valur għal uliedhom li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor, ir-Repubblika tal-Awstrija tqis li l-bażi tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ta’ min iħaddem hija indifferenti u li ma teżisti ebda relazzjoni bejn l-eventwali obbligu fiskali u d-dritt għall-benefiċċji mħallsa mill-Istat. Għall-kuntrarju, kieku l-obbligu fiskali tal-ħaddiem kellu effett fuq l-esportazzjoni tal-benefiċċji ta’ sigurtà soċjali, allura r-regola stabbilita fl-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 883/2004 tkun kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni.

    2) Fir‑rigward tad‑diskriminazzjoni indiretta ta’ ħaddiema migranti minħabba leġiżlazzjonijiet applikabbli għall‑uffiċjali f’pajjiżi barranin

    i) Fuq l‑assenza ta’ diskriminazzjoni indiretta

    113.

    Ir-Repubblika tal-Awstrija targumenta li l-argument tal-Kummissjoni insostenn tal-eżistenza ta’ diskriminazzjoni indiretta ma jistax jirrigwarda s-sitwazzjoni tal-uffiċjali Awstrijaċi f’pajjiż barrani li l-ulied tagħhom iċċaqilqu wkoll u li din ma hijiex komparabbli għal dik tal-ħaddiema migranti għal raġunijiet ġuridiċi u materjali. Minn naħa, l-uffiċjali f’pajjiż barrani jkunu suġġetti għal sistema speċjali ta’ eżenzjoni mis-sistema ta’ sigurtà soċjali u fiskali tal-Istat ospitanti skont l-Artikoli 33, 34 u 37 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi ( 91 ) kif ukoll l-Artikoli 48 u 49 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Konsulari ( 92 ).

    114.

    Barra minn hekk, il-partikolarità tas-sitwazzjoni tal-uffiċjali f’pajjiż barrani tinsab ukoll fid-dritt tal-Unjoni, fl-Artikolu 45(4) TFUE kif ukoll fl-Artikolu 11(3)(b) u fl-Artikolu 13(4) tar-Regolament Nru 883/2004 ( 93 ), li minnhom jirriżulta li l-uffiċjali f’pajjiż barrani ma għandhomx, fl-Istat ospitanti, dritt għal allowances tal-familja u konsegwentement, lanqas għal ħlasijiet għad-differenza jew għal benefiċċji addizzjonali marbuta mas-sitwazzjoni tal-familja tagħhom.

    115.

    Fl-aħħar, skont id-dritt Awstrijak, l-uffiċjali f’pajjiż barrani huma kkunsidrati li jeżerċitaw l-attività tagħhom fit-territorju nazzjonali għas-sistema tas-sigurtà soċjali u t-trattament tas-sitwazzjoni tagħhom minn perspettiva fiskali. Barra minn hekk, fil-qasam ċivili, huma jibqgħu jaqgħu taħt il-forum ġenerali Awstrijak.

    116.

    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-differenzi materjali, l-uffiċjali f’pajjiż barrani, suġġetti għal sistema ta’ trasferiment regolari, iżommu, bħala regola ġenerali, id-domiċilju u ċ-ċentru tal-interessi tagħhom fl-Awstrija.

    117.

    Barra minn hekk, skont ir-Repubblika tal-Awstrija, jekk jiġi kkunsidrat li s-sitwazzjoni tal-uffiċjali f’pajjiż barrani hija komparabbli għal dik tal-ħaddiema migranti, jirriżulta li dawk tal-ewwel, billi jiġu esklużi mill-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ adattament huma, jekk wieħed jikkunsidrahom b’mod globali, mhux iffavoriti, iżda żvantaġġati. Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-maġġoranza tal-uffiċjali f’pajjiż barrani tar-Repubblika tal-Awstrija, issekondati fi Stati Membri oħra kif ukoll fil-partijiet għall-Ftehim ŻEE u fl-Isvizzera, jinsabu fi Stati li fihom l-għoli tal-ħajja huwa ogħla minn dak tal-Awstrija.

    118.

    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma tistax targumenta numru ogħla ta’ ħaddiema migranti affettwati mill-mekkaniżmu ta’ adattament meta mqabbla mal-uffiċjali Awstrijaċi ssekondati mingħajr ma turi, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 94 ), li l-proporzjon ta’ ħaddiema migranti kkonċernati huwa ikbar minn dak tal-uffiċjali mqiegħda fl-istess sitwazzjoni sfavorevoli.

    ii) Sussidjarjament, fuq il‑ġustifikazzjoni oġġettiva ta’ diskriminazzjoni indiretta

    119.

    Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-leġiżlazzjonijiet applikabbli għall-uffiċjali f’pajjiż barrani jikkostitwixxu diskriminazzjoni indiretta, bħala ġustifikazzjoni r-Repubblika tal-Awstrija targumenta, bħala raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, id-dmir ta’ premura tal-Istat vis‑à‑vis l-uffiċjali tiegħu, flimkien mal-obbligu tagħhom ta’ lealtà lejh. Wara li rrilevat li l-Kummissjoni ma tikkontestax il-bażi ta’ din il-ġustifikazzjoni fil-kuntest tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, ir-Repubblika tal-Awstrija tirreferi, f’dan ir-rigward, għal ċerti deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja relattivi għall-prinċipju ta’ premura rigward attivitajiet eżerċitati minn aġenti fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u fl-amministrazzjoni pubblika tal-Istati Membri ( 95 ).

    120.

    Skont ir-Repubblika tal-Awstrija, hija turi, fil-kwalità tagħha ta’ persuna li tħaddem, premura ikbar fir-rigward tal-uffiċjali tagħha li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fit-territorju nazzjonali u f’pajjiż barrani billi tissuġġetta lil dawn tal-aħħar għal sistema koerenti, maniġġabbli minn perspettiva prattika, ibbażata fuq id-dritt internazzjonali, li tissuġġettahom għad-dritt nazzjonali tal-Istat tal-oriġini billi titlaq mill-prinċipju li l-konsegwenzi ġuridiċi kollha huma marbuta mad-domiċilju tagħhom f’dan l-Istat. Hija tosserva wkoll li l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ adattament ġewwa l-Unjoni, iżda mhux ’il barra minn din tal-aħħar, huwa kontra id-dmir ta’ premura tar-Repubblika tal-Awstrija fir-rigward tal-uffiċjali tagħha li lilhom għandha tiżgura l-ugwaljanza fit-trattament.

    iii) Sussidjarjament, fuq eventwali argument ibbażat fuq l‑assenza ta’ koerenza tal‑mekkaniżmu ta’ adattament

    121.

    Preliminarjament, ir-Repubblika tal-Awstrija tirrileva li, fil-kuntest tal-opinjoni motivata, il-Kummissjoni ma kkontestatx li l-leġiżlazzjonijiet applikabbli għall-uffiċjali f’pajjiż barrani ħlief mill-angolu ta’ diskriminazzjoni indiretta. Hija targumenta li, jekk, fil-kuntest tal-argument tagħha żviluppat insostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tallega wkoll l-assenza ta’ koerenza fil-leġiżlazzjonijiet oġġett tar-rikors li jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ adattament, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 96 ).

    122.

    Madankollu, jekk dan l-argument jiġi eżaminat, ir-Repubblika tal-Awstrija tirriproduċi l-elementi tat-tweġiba tagħha fir-rigward tal-fatt li l-leġiżlazzjonijiet applikabbli għall-uffiċjali f’pajjiż barrani jifformaw parti minn sistema globali intrinsikament koerenti. Hija żżid li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kull eċċezzjoni għal leġiżlazzjoni nazzjonali ma twassalx sabiex tagħmilha inkoerenti b’mod partikolari jekk il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha huwa partikolarment ristrett u dan huwa l-każ f’dan il-każ ( 97 ).

    2.   Evalwazzjoni

    a)   Fuq l‑eżistenza ta’ diskriminazzjoni indiretta

    123.

    Fir-rigward tal-elementi bażiċi tat-tieni lment invokat mill-Kummissjoni, li ma humiex ikkontestati, jista’ jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li:

    il-kunċett ta’ “vantaġġ soċjali”, fis-sens tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 492/2011, jinkludi l-vantaġġi soċjali u fiskali kollha, marbuta ma’ kuntratt ta’ impjieg jew le, li huma ġeneralment mogħtija għall-ħaddiema nazzjonali, prinċipalment minħabba l-kwalità oġġettiva tagħhom ta’ ħaddiem jew tas-sempliċi fatt tar-residenza tagħhom fit-territorju nazzjonali, li l-estensjoni tagħhom għall-ħaddiema ċittadini ta’ Stat Membri oħra tidher għalhekk xierqa sabiex tiffaċilita l-mobbiltà tagħhom ġewwa l-Unjoni kif ukoll, minħabba dan il-fatt, l-integrazzjoni tagħhom fl-Istat Membru ospitanti ( 98 ), u

    l-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-regolament jista’ jiġi applikat għal vantaġġi soċjali li jaqgħu fl-istess waqt fil-qasam ta’ applikazzjoni speċifiku tar-Regolament Nru 883/2004 ( 99 ).

    124.

    F’dan il-każ, l-allowance tal-familja u l-kreditu fiskali għal wild dipendenti huma kemm benefiċċji tal-familja suġġetti għall-prinċipju ta’ ugwaljanza previst fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 u kif ukoll vantaġġi soċjali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, filwaqt li l-bonus tal-familja “plus”, il-kreditu fiskali għal dar bi dħul wieħed, il-kreditu fiskali għal dar b’ġenitur wieħed u l-kreditu fiskali għal pensjoni tal-manteniment huma suġġetti għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011.

    125.

    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li:

    il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif iddikjarat fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 ( 100 ), b’mod partikolari, skont l-Artikolu 45(2) TFUE, jipprojbixxi mhux biss id-diskriminazzjoni ċara, ibbażata fuq in-nazzjonalità tal-benefiċjarji tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali, iżda wkoll kull forma dissimulata ta’ diskriminazzjoni li, b’applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, twassal fil-fatt għall-istess riżultat ( 101 );

    din il-projbizzjoni tirriżulta wkoll mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 ( 102 ), li huwa l-espressjoni partikolari, fil-qasam speċifiku tal-għoti ta’ vantaġġi soċjali, tar-regola tal-ugwaljanza fit-trattament stabbilita fl-Artikolu 45(2) TFUE ( 103 ), u

    dan l-Artikolu 7(2) għandu jiġi interpretat bl-istess mod bħall‑Artikolu 45 TFUE ( 104 ).

    126.

    Konsegwentement, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 u tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 492/2011, sa fejn huma intiżi sabiex jiżguraw il-moviment liberu tal-ħaddiema, għandha tkun ikkoordinata.

    127.

    Fir-rigward tar-rabta bejn dawn iż-żewġ regolamenti li l-kampijiet ta’ applikazzjoni tagħhom huma sovrapposti ( 105 ), il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva l-portata ġenerali tar-Regolament Nru 492/2011 għal dak li jirrigwarda l-moviment liberu tal-ħaddiema ( 106 ). Għalhekk, hija sostniet is-soluzzjoni adottata fl-okkażjoni tal-eżami ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu bbażat mill-Kummissjoni kemm fuq ksur tar-Regolament Nru 1408/71 minħabba l-istabbiliment ta’ kriterju ta’ residenza għall-esportabbiltà ta’ benefiċċji tal-mard kif ukoll fuq il-fakultà li l-għażla ta’ dan il-kriterju tiġi ġġustifikata, fid-dawl tal-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68 tal‑15 ta’ Ottubru 1968 dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità ( 107 ). Għalhekk, l-applikazzjoni tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 tista’ tiġi rriżervata għas-sitwazzjonijiet li ma humiex koperti mir-Regolament Nru 492/2011, minkejja li r-Regolament Nru 883/2004 jinkludi dispożizzjonijiet partikolari li jipprojbixxu l-klawżoli ta’ residenza, speċjalment fl-Artikolu 7 ( 108 ).

    128.

    Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni, prinċipalment, li l-mekkaniżmu ta’ adattament għall-benefiċċji tal-familja kif ukoll għall-vantaġġi soċjali u fiskali ma jwassalx għal inugwaljanza fit-trattament. Hija targumenta, essenzjalment, minn naħa, li peress li l-għan tal-benefiċċji u vantaġġi huwa jew li jagħmlu tajjeb għal parti mill-ispejjeż sostnuti mill-ġenituri għall-manteniment tal-ulied, jew li jnaqqsu l-piż fiskali tagħhom, is-sitwazzjonijiet tal-ħaddiema bi wlied li ma jirrisjedux fl-Awstrija u ta’ dawk li jgħixu hemm ma humiex komparabbli minħabba differenzi fil-livelli tal-ħajja bejn l-Istati Membri. Min-naħa l-oħra, b’applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ adattament, il-ħaddiema migranti jiksbu s-sostenn li għandhom bżonn skont l-għoli tal-ħajja fl-Istat ta’ residenza tal-wild.

    129.

    Madankollu, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kundizzjonijiet imposti mid-dritt nazzjonali għandhom jiġu kkunsidrati bħala diskriminatorji meta, minkejja li huma applikabbli irrispettivament min-nazzjonalità, jaffettwaw essenzjalment lill-ħaddiema migranti jew il-parti l-kbira tal-persuni kkonċernati huma ħaddiema migranti, meta huma applikabbli mingħajr distinzjoni iżda jistgħu jiġu ssodisfatti iktar faċilment mill-ħaddiema nazzjonali milli mill-ħaddiema migranti jew meta jirriskjaw li joperaw, b’mod partikolari, għad-dannu ta’ dawn tal-aħħar ( 109 ).

    130.

    F’dan il-każ, mill-kriterju marbut mar-residenza tal-ulied stabbilit mil-leġiżlazzjoni Awstrijaka jirriżulta li t-tnaqqis tal-ammont tal-benefiċċji tal-familja kif ukoll tal-vantaġġi soċjali u fiskali jaffettwa essenzjalment lill-ħaddiema migranti, peress li l-ulied tagħhom jistgħu b’mod iktar partikolari jirrisjedu fi Stat Membru ieħor ( 110 ). Barra minn hekk, mit-tabelli li jistabbilixxu l-koeffiċjenti ta’ adattament tal-ammonti ( 111 ) tal-benefiċċji li jirrigwardaw l-Istati fruntiera tar-Repubblika tal-Awstrija, jirriżulta b’mod ċar ħafna li, minħabba differenzi tal-livell tal-ħajja eżistenti fil-maġġoranza ta’ dawn l-Istati meta mqabbla mar-Repubblika tal-Awstrija, il-ħaddiema li eżerċitaw il-libertà ta’ moviment tagħhom minn dawn l-Istati huma fil-maġġoranza kbira dawk li ser jirċievu benefiċċji kif ukoll vantaġġi soċjali u fiskali f’ammont inqas minn dawk mogħtija fl-Awstrija. Issa, skont id-data tar-Rapport tal-Qorti tal-Awdituri prodotta mill-Kummissjoni ( 112 ) u invokata mir-Repubblika tal-Awstrija, madwar 50 % tal-ħlasijiet fl‑2016 kienu jirrigwardaw ulied li jirrisjedu fl-Ungerija kif ukoll fis-Slovakkja u 40 % ta’ dawn il-ħlasijiet kienu jirrigwardaw ulied li jirrisjedu fir-Repubblika Ċeka, fil-Polonja, fir-Rumanija kif ukoll fis-Slovenja.

    131.

    Din l-analiżi hija kkorroborata mill-ispjegazzjonijiet tal-Gvern Awstrijak relattivi għall-valutazzjonijiet tal-effetti tal-adattament fir-rigward tal-bonus tal-familja “plus” ( 113 ). Dawn l-elementi għandhom jitqabblu mal-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri li n-numru ta’ wlied benefiċjarji ġie mmultiplikat b’sitta bejn is-snin 2004 u 2016 b’mod parallel mal-ftuħ tas-suq tax-xogħol Awstrijak ( 114 ).

    132.

    Fil-fehma tiegħi, dawn l-elementi huma suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit, mingħajr ma bżonn li jsir eżami tal-argumenti sussidjarji diskussi mill-partijiet, li d-distinzjoni magħmula fil-leġiżlazzjoni Awstrijaka fir-rigward tal-ammont tal-benefiċċji esportabbli skont il-post ta’ residenza tal-ulied fl-Istati Membri affettwati hija ta’ żvantaġġ għall-ħaddiema migranti u tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità li tista’ tiġi aċċettata biss jekk tkun oġġettivament iġġustifikata ( 115 ).

    133.

    Sa fejn naf jien, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għamlitx riferiment espress għal din il-kundizzjoni fl-okkażjoni tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004. Madankollu, l-unika deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrigwarda l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1408/71 li kien jistabbilixxi f’termini analogi l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament hija, fil-fehma tiegħi, trasponibbli ( 116 ). Barra minn hekk, nirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja pproċediet bl-interpretazzjoni tal-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004, intiż sabiex ħaddiem ma jiġix dissważ milli jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu ( 117 ), moqri flimkien mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, u vverifikat fuq din il-bażi biss il-ġustifikazzjonijiet invokati mill-qorti tar-rinviju. Minn dan niddeduċi li l-għażla minn Stat Membru ta’ kriterju ta’ residenza applikabbli għall-benefiċċji tal-familja hija ġustifikabbli wkoll minħabba r-regola tal-interpretazzjoni ikkoordinata tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 u tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, li tirriżulta mill-bażi komuni tagħhom, jiġifieri l-Artikolu 45 TFUE, li jistabbilixxi l-għan li jiġi żgurat il-moviment liberu tal-ħaddiema ( 118 ).

    b)   Fuq il‑ġustifikazzjoni tad‑diskriminazzjoni indiretta

    134.

    Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja relattiva għall-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, sabiex tkun iġġustifikata, id-diskriminazzjoni indiretta għandha tkun xierqa sabiex tiżgura t-twettiq ta’ għan leġittimu u ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tilħaq dan l-għan ( 119 ).

    135.

    Il-Kummissjoni ssostni, ġustament, li r-Repubblika tal-Awstrija ma tressaq ebda motiv li jista’ jiġġustifika d-diskriminazzjoni indiretta kkawżata mill-mekkaniżmu ta’ adattament tal-ammont tal-benefiċċji kif ukoll tal-vantaġġi soċjali u fiskali li hija tistabbilixxi.

    136.

    Fil-fatt, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, ir-Repubblika tal-Awstrija targumenta, minn naħa, essenzjalment bis-sostenn tar-Renju tad-Danimarka u tar-Renju tan-Norveġja, li l-adattament tal-ammont tal-benefiċċji huwa intiż sabiex jiżgura li s-sostenn u t-tnaqqis konsekuttiv tal-piżijiet tal-familja jikkorrispondu f’termini ta’ valur għal dawk mogħtija fl-Awstrija ( 120 ).

    137.

    Madankollu, l-ewwel, fil-fehma tiegħi, għandu jerġa’ jitfakkar li l-benefiċċji mogħtija huma b’rata fissa ( 121 ) u ma jiħdux inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet reali tal-wild. F’dan ir-rigward, naqbel ukoll mal-perspettiva tar-Rumanija li r-Repubblika tal-Awstrija ma tistax tuża l-istess argumenti sabiex tikkontesta l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni u tiġġustifikaha.

    138.

    It-tieni, mit-tabella taċ-ċifri tal-Kummissjoni ( 122 ), li ma hijiex ikkontestata mir-Repubblika tal-Awstrija, jirriżulta b’mod ċar li din il-korrispondenza f’termini ta’ valur ma hijiex żgurata fit-territorju Awstrijak ( 123 ) u li ma teżisti ebda koerenza propozjonali bejn id-differenzi tal-għoli tal-ħajja kkonstatati fl-Awstrija u l-koeffiċjenti applikati għal ċerti Stati Membri ( 124 ). Barra minn hekk, kif tenfasizza r-Repubblika Slovakka, jistgħu jeżistu differenzi ġewwa dawn l-Istati Membri ( 125 ), li juru l-importanza tal-post li fih isir ix-xiri jekk tiġi aċċettata sistema korrispondenti mal-livell tal-prezzijiet.

    139.

    L-argument tar-Repubblika tal-Awstrija li d-differenzi fil-kapaċità tal-akkwist huma nettament iktar importanti, speċjalment mal-Bulgarija ( 126 ), li jikkumpensa wkoll l-effetti tal-mekkaniżmu ta’ adattament, ma huwiex ta’ natura li jikkontesta dawn il-konstatazzjonijiet kollha.

    140.

    Konsegwentement, l-għan intiż sabiex jiżgura li s-sostenn u t-tnaqqis konsekuttiv tal-piżijiet tal-familja korrispondenti f’termini ta’ valur għal dawk mogħtija fl-Awstrija ma huwiex, fil-fehma tiegħi, ta’ natura li jiġġustifika d-diskriminazzjoni indiretta inkwistjoni.

    141.

    Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-għan superjuri tal-mekkaniżmu ta’ adattament tal-ammont tal-vantaġġi soċjali u fiskali huwa l-istabbiliment jew l-istabbiliment mill-ġdid tal-funzjoni ta’ sostenn kif ukoll tal-ġustizzja tas-sistema soċjali.

    142.

    Bħall-Kummissjoni, nirrileva, l-ewwel, li mir-Rapport tal-Qorti tal-Awdituri ( 127 ) jirriżulta li l-adattament tal-benefiċċji tal-familja skont il-livell tal-prezzijiet tal-Istat Membru kkonċernat meta mqabbel mar-Repubblika tal-Awstrija huwa ta’ natura li jikkawża spejjeż addizzjonali, minkejja li dan l-impatt huwa mminimalizzat mir-Repubblika tal-Awstrija. Issa, dawn l-ispejjeż għandhom neċessarjament jiġu sostnuti minn dawk kollha li jikkontribwixxu għall-baġit tal-Istat. F’dan il-kuntest, jidhirli xieraq li jiġi speċifikat li f’dan ir-rapport ( 128 ) huwa indikat ukoll, kif jenfasizzaw il-Kumissjoni u r-Repubblika tal-Polonja, li r-raġuni li tista’ tipperikola l-bilanċ finanzjarju tas-sistema ta’ sigurtà soċjali ma hijiex il-ħlas ta’ benefiċċji lill-ħaddiema li t-tfal tagħhom jirrisjedu barra mir-Repubblika tal-Awstrija, li jirrappreżentaw madwar 6 % ( 129 ) tal-ispejjeż fir-rigward tal-benefiċċji tal-familja, iżda l-assenza ta’ kontroll xieraq għal dak li jirrigwarda l-għoti ta’ dawn il-benefiċċji.

    143.

    It-tieni, naqbel mal-opinjoni espressa mill-Kummissjoni ( 130 ) kif ukoll mill-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA u mir-Repubblika tas-Slovenja, li huwa importanti li jitfakkar li r-regoli protettivi tal-libertà ta’ moviment tal-ħaddiema ġewwa l-Unjoni u ż-ŻEE ( 131 ), fosthom l-ugwaljanza fit-trattament, huma bbażati fuq sistema globali li fiha, minn naħa, il-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam ta’ sigurtà soċjali hija, b’mod ġenerali, il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fih l-persuna interessata teżerċita l-attività tagħha bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha ( 132 ) u min-naħa l-oħra, il-ħaddiema migranti li jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-politiki soċjali tal-Istat Membru ospitanti permezz tal-kontribuzzjonijiet kemm soċjali kif ukoll fiskali mħallsa fir-rigward tal-attività li huma jeżerċitaw ( 133 ), li jiġġustifika l-ugwaljanza tal-benefiċċji mogħtija jew tal-vantaġġi mogħtija ( 134 ).

    144.

    F’dan il-każ, nikkonstata, bħar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Kroazja u r-Repubblika tal-Polonja li minn perspettiva purament ekonomika, peress li l-allowances tal-familja Awstrijaċi huma ffinanzjati minn kontribuzzjonijiet tal-persuni li jimpjegaw ikkalkolati abbażi tal-ammont totali tas-salarji tal-ħaddiema, ħaddiem migrant jipparteċipa għalhekk, bl-istess mod bħala ħaddiem nazzjonali, fid-determinazzjoni tal-ammont tas-somma mħallsa mill-persuna li timpjegah.

    145.

    Barra minn hekk, fir-rigward tal-bonus tal-familja “plus” u tal-krediti fiskali l-oħra inkwistjoni, ir-Repubblika tal-Awstrija esponiet li dawn il-vantaġġi kienu ffinanzjati mit-taxxa fuq id-dħul tal-ħaddiema, li jinvalida wkoll kull ġustifikazzjoni tal-għażla mil-leġiżlatur Awstrijak tal-assenza ta’ reċiproċità permezz ta’ għan ta’ ġustizzja soċjali.

    146.

    Għalhekk, jiena tal-fehma li d-differenza fit-trattament skont il-post ta’ residenza tal-wild tal-ħaddiem ikkonċernat ma hijiex xierqa u lanqas neċessarja fid-dawl tal-istabbiliment jew tal-istabbiliment mill-ġdid tal-funzjoni ta’ sostenn kif ukoll tal-ġustizzja tas-sistema soċjali.

    147.

    Għal dawn ir-raġunijiet kollha esposti preċedentement, nikkunsidra li l-leġiżlazzjoni Awstrijaka relattiva għall-adattament tal-ammont tal-benefiċċji tal-familja għall-persuni li jaħdmu fl-Awstrija li wliedhom jirrisjedu fi Stat Membru ieħor tmur kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit kemm fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 kif ukoll fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011.

    148.

    Konsegwentement, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li t-tieni lment invokat mill-Kummissjoni huwa fondat.

    VI. Fuq l‑ispejjeż

    149.

    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk issir talba f’dan is-sens. Peress li fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tilqa’ t-talbiet tal-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Awstrija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

    150.

    Skont l-Artikolu 140(1) u (2) tar-Regoli tal-Proċeduri, li jipprovdi li l-Istati Membri, l-Istati partijiet għall-Ftehim ŻEE minbarra l-Istati Membri, kif ukoll l-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Kroazja, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Rumanija, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka kif ukoll ir-Renju tan-Norveġja u l-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

    VII. Konklużjoni

    151.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

    1)

    Billi stabbilixxiet mekkaniżmu ta’ adattament relattiv għall-allowance tal-familja u għall-kreditu fiskali għal wild dipendenti għall-ħaddiema li wliedhom jirrisjedu b’mod permanenti fi Stat Membru ieħor, ir-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont:

    l-Artikoli 7 u 67 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, kif ukoll

    l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni.

    2)

    Billi stabbilixxiet, għall-ħaddiema migranti li wliedhom jirrisjedu b’mod permanenti fi Stat Membru ieħor, mekkaniżmu ta’ adattament relattiv għall-bonus tal-familja “plus”, għall-kreditu fiskali għal dar bi dħul wieħed, għall-kreditu fiskali għal dar b’ġenitur wieħed u għall-kreditu fiskali għal pensjoni tal-manteniment, ir-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011.

    3)

    Ir-Repubblika tal-Awstrija hija kkundannata għall-ispejjeż.

    4)

    Ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Kroazja, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Rumanija, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka kif ukoll ir-Renju tan-Norveġja u l-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72.

    ( 3 ) ĠU 2011, L 141, p. 1.

    ( 4 ) BGBl. 376/1967, iktar ’il quddiem il-“FLAG”.

    ( 5 ) ĠU 1994, L 1, p. 3, iktar ’il quddiem il-Ftehim “ŻEE”.

    ( 6 ) BGBl. 400/1988, iktar ’il quddiem l-“EstG”.

    ( 7 ) L-adattament tal-allowance tal-familja u tal-kreditu fiskali għal wild dipendenti ġie introdott, b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2019, mill-Verordnung der Bundesministerin für Frauen, Familien und Jugend und des Bundesministers für Finanzen über die Anpassung der Familienbeihilfe und des Kinderabsetzbetrages in Bezug auf Kinder, die sich ständig in einem anderen Mitgliedstaat der EU oder einer Vertragspartei des Europäischen Wirtschaftsraumes oder der Schweiz aufhalten (ir-Regolament tal-Ministru Federali tan-Nisa, il-Familja u ż-Żgħażagħ u tal-Ministru Federali tal-Finanzi dwar l-adattament tal-allowance tal-familja u tal-kreditu fiskali għal wild dipendenti għal dak li jirrigwarda l-ulied li jirrisjedu b’mod permanenti fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni […] jew f’parti għall-Ftehim [ŻEE] jew fl-Isvizzera), tal‑10 ta’ Diċembru 2018 (BGBl. II, 318/2018), disponibbli fl-indirizz elettroniku segwenti: https://www.ris.bka.gv.at/GeltendeFassung.wxe?Abfrage=Bundesnormen&Gesetzesnummer=20010489&FassungVom=2019-07-08, adottat abbażi tal-Bundesgesetz, mit dem das Familienlastenausgleichsgesetz 1967, das Einkommensteuergesetz 1988 und das Entwicklungshelfergesetz geändert werden (il-Liġi Federali li temenda l-[FLAG], l-[EStG] u l-Liġi dwar l-Istatus ta’ Dawk li Jikkoperaw), tal‑4 ta’ Diċembru 2018, (BGBl. I, 83/2018).

    ( 8 ) L-adattament tal-bonus tal-familja “plus” kif ukoll tal-krediti fiskali għal dar bi dħul wieħed, dar b’ġenitur wieħed u pensjoni tal-manteniment ġie introdott, b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2019, mill-Verordnung des Bundesministers für Finanzen über die Anpassung des Familienbonus Plus, des Alleinverdiener-, Alleinerzieher- und Unterhaltsabsetzbetrages sowie des Kindermehrbetrages in Bezug auf Kinder, die sich ständig in einem anderen Mitgliedstaat der EU oder einer Vertragspartei des Europäischen Wirtschaftsraumes oder der Schweiz aufhalten (ir-Regolament tal-Ministru Federali tal-Finanzi dwar l-adattatament tal-bonus tal-familja “plus” u tal-krediti fiskali għal dar bi dħul wieħed, familja b’ġenitur wieħed u pensjoni tal-manteniment għal dak li jirrigwarda l-ulied li jirrisjedu b’mod permanenti fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni […] jew f’parti għall-Ftehim [ŻEE] jew fl-Isvizzera), tas‑27 ta’ Settembru 2018 (BGB1. II, 257/2018), disponibbli fl-indirizz elettroniku segwenti: https://www.ris.bka.gv.at/GeltendeFassung.wxe?Abfrage=Bundesnormen&Gesetzesnummer=20010319, adottat abbażi tal-Jahressteuergesetz 2018 (il-Liġi Fiskali Annwali tal‑2018), tal‑14 ta’ Awwissu 2018 (BGB1. I, 62/2018), li temenda b’mod partikolari l-EStG.

    ( 9 ) Ara, fir-rigward tal-koeffiċjenti applikati skont l-Istati Membri kkonċernati, in-noti ta’ qiegħ il-paġna 7 u 8, kif ukoll it-tieni inċiż tal-punt 84 ta’ dawn il-konklużjonijiet bħala eżempju tad-diversità ta’ dawn il-koeffiċjenti għall-Istati Membri fruntiera mar-Repubblika tal-Awstrija.

    ( 10 ) Il-Kummissjoni tirreferi għas-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Caisse pour l’avenir des enfants (Wild tal-konjuġi ta’ ħaddiem transkonfinali) (C‑802/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza Caisse pour l’avenir des enfants (Wild tal-konjuġi ta’ ħaddiem transkonfinali), EU:C:2020:269, punti 3839, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 11 ) Il-Kummissjoni reġgħet sostniet il-pożizzjoni tagħha bi tweġiba għall-argument kuntrarju sostnut mir-Renju tan-Norveġja bbażat fuq eżempju ta’ rimbors tal-ispiża ta’ pushchair sa 50 % tal-prezz tagħha permezz ta’ benefiċċju tal-familja, li l-ammont tiegħu seta’ jkun differenti skont l-Istati Membri (ara wkoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Il-Kummissjoni enfasizzat li, f’tali każ, għal ħaddiem migrant, l-ammont tal-allowance jiddependi mill-prezz tal-ispejjeż tiegħu. Issa, il-mekkaniżmu ta’ adattament Awstrijak huwa bbażat fuq il-preżunzjoni li dawn isiru fil-post fejn jirrisjedi l-wild u jinjora l-ambjent ekonomiku u soċjali tal-wild li jirrisjedi fi Stat Membru differenti minn dak li fih jaħdem il-ġenitur tiegħu. Konsegwentement, billi jittieħed l-istess eżempju, ma huwiex aċċettabbli li l-ħlas għall-ispejjeż tax-xiri minn żewġ ħaddiema ta’ pushchair ta’ valur ta’ EUR 100 jkun ta’ EUR 50 jekk il-wild jirrisjedi fl-Awstrija u ta’ ammont differenti jekk dan ma jirrisjedix fiha, peress li l-ispejjeż huma identiċi.

    ( 12 ) C‑32/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza Moser, EU:C:2019:752, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata. Filwaqt li tirreferi wkoll għall-punti 10 u 54 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni żiedet li huwa preċiżament għaliex l-ammont tal-allowance għaż-żamma ta’ wild Awstrijaka kien jiddependi minn dak tad-dħul professjonali preċedenti effettivament irċevut li kien possibbli li jiġi kkalkolat l-ammont tagħha skont l-ambjent ekonomiku u soċjali tal-benefiċjarju.

    ( 13 ) 41/84, iktar ’il quddiem is-“sentenza Pinna, EU:C:1986:1. Ara, b’mod partikolari, il-punt 25 ta’ din is-sentenza.

    ( 14 ) Regolament tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35). Il-Kummissjoni speċifikat li mis-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 1988, Lenoir (313/86, iktar ’il quddiem is-“sentenza Lenoir, EU:C:1988:452, punti 9, 1116), jirriżulta li ma huwiex possibbli li “l-benefiċċji perjodiċi inkwistjoni mogħtija esklużivament skont in-numru, u jekk ikun il-każ, l-età tal-membri tal-familja” jiġu adattati għall-ambjent ekonomiku u soċjali.

    ( 15 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mancini fil-kawża Pinna (41/84, mhux ippubblikati, EU:C:1985:215, punt 7).

    ( 16 ) Ara Anness I, Taqsima D, punt 2(a) tal-estratt mill-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat‑18 u d‑19 ta’ Frar 2016 (ĠU 2016, C 69, p. 1).

    ( 17 ) Ara l-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 18 ) Il-Kummissjoni tirreferi għall-valutazzjoni tal-impatt SWD (2016) 460 final/2, parti 1/6, p. 135, punt 7.3.2.

    ( 19 ) Ir-Repubblika tal-Awstrija kif ukoll ir-Renju tan-Norveġja jqisu li r-rabta tal-benefiċċji tal-familja mal-għoli tal-ħajja hija kkonfermata fir-rapport FreSsco, intitolat “Assessment of the impact of amendments to the EU social security coordination rules on export of family benefits”, li jinsab fl-Anness VI tal-valutazzjoni tal-impatt iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet, parti 3/6, punt 1.7.2. p. 44. Ir-Repubblika tal-Awstrija tenfasizza li dan juri, b’mod partikolari, li l-benefiċċji tal-familja huma, bħala prinċipju, aġġustati, bl-aġġustament ikun dejjem ibbażat fuq ir-rata ta’ inflazzjoni.

    ( 20 ) Ir-Repubblika tal-Awstrija tenfasizza li l-kriterju tan-numru ta’ ulied u l-età tagħhom ma huwiex l-uniku determinanti għall-evalwazzjoni tan-natura tal-benefiċċju u l-karatteristiċi konkreti meħuda inkunsiderazzjoni. F’dan ir-rigward, hija tikkunsidra li l-eżempju li ġej mogħti mir-Renju tan-Norveġja huwa “ċar”: “[l]-Istat Membru A jaf mill-istatistika li pushchair tiswa madwar EUR 100 u li rimbors ta’ 50 % jammonta għalhekk għal EUR 50. Sabiex jevita s-sistema inutilment tedjanti ta’ rimbors, dan l-Istat jiddeċiedi li jħallas il-benefiċċju minn qabel taħt il-forma ta’ ammont b’rata fissa ta’ EUR 50, flimkien ma’ regola ta’ indiċjar li tagħmel tajjeb għaż-żieda tal-prezzijiet ta’ pushchairs għat-trabi. Barra minn hekk, sabiex jiżgura li l-għan u l-funzjoni tal-benefiċċju jintlaħqu jkun x’ikun il-post ta’ residenza tat-tfal, li kien il-każ b’mod awtomatiku fil-kuntest tas-sistema ta’ rimbors preċedenti, il-leġiżlatur żied mekkaniżmu ta’ indiċjar sabiex jagħmel tajjeb għall-ispejjeż reali tax-xiri ta’ pushchairs għat-trabi fl-Istati Membri differenti”. Ara, f’dan ir-rigward, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 21 ) Ara l-Artikolu 39(1) tal-FLAG.

    ( 22 ) Ir-Repubblika tal-Awstrija tindika li, barra minn hekk, il-Fond ta’ Kumpens għall-Allowances tal-Familja huwa sostnut essenzjalment minn ammont stabbilit mit-taxxa fuq id-dħul, partijiet mit-taxxa fuq il-kumpanniji u mit-taxxa fuq id-dħul, kif ukoll mill-kontribuzzjonijiet ta’ impriżi agrikoli u forestri u mill-kumpens ta’ ministeri federali differenti. Ara l-Artikolu 39(2)(b) sa (h) tal-FLAG.

    ( 23 ) Ara l-Artikolu 39(2)(a) tal-FLAG.

    ( 24 ) Ara l-Artikolu 41(1) tal-FLAG.

    ( 25 ) Ara l-Artikolu 41(3) tal-FLAG.

    ( 26 ) Ara l-punt 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 27 ) Ara l-ewwel u t-tieni inċiż tal-punt 83 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 28 ) Ara bħala eżempju, il-punt 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 29 ) Skont ir-Repubblika tal-Awstrija, il-premessa 16 tar-Regolament Nru 883/2004 ma tirrigwardax l-Artikolu 70 ta’ dan ir-regolament għar-raġuni li dan għandu l-għan li jeskludi mir-regola tal-esportabbiltà tal-benefiċċji speċjali ffinanzjati mit-taxxa li jiżguraw dħul ta’ sostituzzjoni jew protezzjoni speċjali għall-persuni b’diżabbiltà li huma espressament dovuti fil-post ta’ residenza tal-benefiċjarji tagħhom.

    ( 30 ) C‑85/99, EU:C:2001:166, punt 41, li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(u)(i) tar-Regolament Nru 1408/71 relattiv għall-benefiċċji tal-familja li għandhom ikunu distinti mill-allowances tal-familja li kienu definiti fil-punt (ii) ta’ din id-dispożizzjoni. Ara wkoll, il-punt 72 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ir-regola ta’ esportazzjoni tal-benefiċċji tal-familja, stabbilita fl-Artikolu 73(1) ta’ dan ir-regolament, ma kinitx tapplika għal dawn il-benefiċċji.

    ( 31 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Slynn fil-kawża Lenoir (313/86, mhux ippubblikati, EU:C:1988:87).

    ( 32 ) Bi qbil man-nota ta’ intervent tar-Renju tan-Norveġja, ir-Repubblika tal-Awstrija targumenta wkoll li l-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004 u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jikkonfermaw li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura konkreta, l-iskop u l-modalitajiet tal-benefiċċju, kif ukoll, pereżempju, il-fatt li huwa benefiċċju ffokat fuq il-bżonnijiet tal-wild jew ikkalkolat skont id-dħul tal-ġenituri. Konsegwentement, obbligu li jiġu esportati fil-każijiet kollha benefiċċji f’ammonti assoluti jmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 67 – kif ukoll tal-Artikolu 7 – tar-Regolament Nru 883/2004.

    ( 33 ) Sabiex tenfasizza wkoll, l-importanza tal-adattament fir-rigward tal-livell tal-prezzijiet fid-Danimarka fejn il-prezzijiet għall-konsumatur huma l-ogħla fl-Unjoni, hija tieħu bħala eżempju tqabbil mal-Bulgarija, li għandha l-iktar prezzijiet għall-konsumatur baxxi tal-Unjoni. Għalhekk, fil-każ ta’ ħaddiem, ċittadin tal-Unjoni, li għandu wild ta’ sena, l-allowance ta’ kull xahar Daniża tkun għaxar darbiet ogħla minn dik prevista fil-Bulgarija. B’adattament skont il-livell tal-prezzijiet fil-Bulgarija (indiċi ta’ madwar 40 jekk wieħed jirreferi għal livell 100 għad-Danimarka), l-allowance Daniża tirrappreżenta erba’ darbiet l-ammont tal-allowance Bulgara.

    ( 34 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mancini fil-kawża Pinna (41/84, mhux ippubblikati, EU:C:1985:215).

    ( 35 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mancini fil-kawża Pinna (41/84, mhux ippubblikati, EU:C:1985:215, punt 7). Enfasi miżjuda minni.

    ( 36 ) Ara l-punt 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 37 ) Korsiv miżjud fir-risposta tar-Repubblika tal-Awstrija.

    ( 38 ) Ir-Repubblika tal-Awstrija tirreferi għad-“Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-indiċjar tal-allowances tal-familja esportati lejn Stat Membru ieħor minbarra dak li fih jirrisjedi l-ħaddiem”, li tinsab fl-Anness V ta’ dawn il-konklużjonijiet (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet), kif ukoll fil-valutazzjoni tal-impatt iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet, punt 7.3.2, p. 135.

    ( 39 ) Dan il-mekkaniżmu japplika wkoll bejn ir-Repubblika tal-Awstrija u kull parti għall-Ftehim ŻEE kif ukoll għall-Isvizzera.

    ( 40 ) F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-kliem “jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż tal-familja” għandhom jiġu interpretati fis-sens li jirrigwardaw, b’mod partikolari, kontribuzzjoni pubblika għall-baġit tal-familja, intiża sabiex tnaqqas l-ispejjeż li jirriżultaw mill-manteniment tal-ulied. Ara s-sentenza Caisse pour l’avenir des enfants (Wild tal-konjuġi ta’ ħaddiem transkonfinali) (punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 41 ) Ara s-sentenzi tad‑19 ta’ Lulju 2012, Reichel-Albert (C‑522/10, EU:C:2012:475, punt 38), u Caisse pour l’avenir des enfants (Wild tal-konjuġi ta’ ħaddiem transkonfinali) (punt 69).

    ( 42 ) Ara b’mod partikolari, l-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 883/2004, li jirrigwarda benefiċċji speċjali ta’ natura kontributorja li jingħataw fi flus.

    ( 43 ) Ara s-sentenzi tal‑25 ta’ Novembru 2021, Finanzamt Österreich (Allowances tal-familja għall-ħaddiema umanitarji) (C‑372/20, EU:C:2021:962, punt 76), u Moser (punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). Eqreb lejn is-sentenza Pinna (punt 9), kif ukoll lejn is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 1995, Imbernon Martínez (C‑321/93, EU:C:1995:306, punt 22).

    ( 44 ) Ara s-sentenzi tas‑7 ta’ Ġunju 2005, Dodl u Oberhollenzer (C‑543/03, EU:C:2005:364, punt 45); tat‑22 ta’ Ottubru 2015, Trapkowski (C‑378/14, EU:C:2015:720, punt 35), kif ukoll Moser (punti 37 u 38, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004 huwa applikabbli għal ħaddiem li jaħdem fi Stat Membru għajr dak li l-leġiżlazzjoni tiegħu hija applikabbli għalih. Ara wkoll l-Artikolu 5(b) ta’ dan ir-regolament, li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ assimilazzjoni tal-fatti, li fih tinsab ukoll l-espressjoni “bħallikieku”, kif ukoll is-sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2020, Caisse d’assurance retraite et de la santé au travail d’Alsace-Moselle (C‑769/18, EU:C:2020:203, punti 42 sa 44).

    ( 45 ) F’dan ir-rigward, nirrileva l-assenza ta’ modifika sa mill-abbozz previst favur ir-Renju Unit matul is-sena 2016. Ara l-punti 40 u 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 46 ) Ara għal tfakkira tal-modalitajiet tar-regola ta’ nuqqas ta’ kumulu tal-benefiċċji meta benefiċċji huma dovuti minn iktar minn Stat Membru fuq l-istess bażi, is-sentenza Moser (punt 41).

    ( 47 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU 2009, L 284, p. 1).

    ( 48 ) Ara s-sentenza Moser (punti 42 u 46).

    ( 49 ) Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2019, Aubriet (C‑410/18, EU:C:2019:582, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 50 ) Ara l-punt 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 51 ) Ara t-tielet inċiż tal-punt 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 52 ) Ara r-raba’ inċiż tal-punt 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 53 ) Ara s-sentenzi Pinna (punt 21) u Lenoir (punt 14).

    ( 54 ) Ara s-sentenza Pinna (punti 10, 11 u 14).

    ( 55 ) Ara s-sentenza Lenoir (punt 16).

    ( 56 ) Ara s-sentenzi Lenoir (punt 9), għal tfakkira tal-istorja leġiżlattiva, u Pinna (punti 9 u 18).

    ( 57 ) Ara s-sentenzi tas‑6 ta’ Lulju 2006, Kersbergen-Lap u Dams-Schipper (C‑154/05, EU:C:2006:449, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tat‑18 ta’ Diċembru 2007Habelt et (C‑396/05, EU:C:2007:810, punt 81).

    ( 58 ) Ara l-premessa 16 tar-Regolament Nru 883/2004. F’dan ir-rigward, huwa loġiku li l-leġiżlatur tal-Unjoni sostna dan il-kriterju minħabba l-għan tal-benefiċċji, jiġifieri li jiżguraw dħul minimu għall-għajxien li jista’ jkun iddeterminat biss skont l-ambjent ekonomiku u soċjali tal-post ta’ residenza.

    ( 59 ) Ara s-sentenza Caisse pour l’avenir des enfants (Wild tal-konjuġi ta’ ħaddiem transkonfinali) (punti 36 u 37).

    ( 60 ) Għandu jiġi nnotat li r-rapport FreSsco li minnu pprevalixxiet ir-Repubblika tal-Awstrija wara r-Renju tan-Norveġja (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet), li jirrigwarda s-sitwazzjoni fis-snin 2016 u 2017, ma jinkludi ebda preċiżazzjoni f’dan is-sens u jsemmi biss aġġustament skont ir-rata ta’ inflazzjoni.

    ( 61 ) L-istess japplika għall-allowance tal-iskola jew għal dik marbuta ma’ diżabbiltà tal-wild, kif jirriżulta mill-elementi sottomessi għall-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Ara r-raba’ inċiż tal-punt 38 u t-tielet inċiż tal-punt 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 62 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet. L-eżempju mogħti mir-Repubblika tan-Norveġja juri preċiżament f’dan ir-rigward, li ma huwiex meħud inkunsiderazzjoni l-livell ta’ spejjeż reali skont il-post tax-xiri. L-istess japplika għall-varjetà ta’ fatturi li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fis-sitwazzjoni tal-migranti, fosthom spejjeż finanzjarji addizzjonali minħabba b’mod partikolari l-assenza ta’ wieħed mill-ġenituri, kif enfasizzat ir-Rumanija.

    ( 63 ) Il-Kummissjoni tirreferi għas-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2011, Landtová (C‑399/09, EU:C:2011:415, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 64 ) Il-Kummissjoni tirreferi għas-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 1998, Martínez Sala (C‑85/96, EU:C:1998:217, punt 25).

    ( 65 ) Il-Kummissjoni tirreferi għas-sentenza Caisse pour l’avenir des enfants (Wild tal-konjuġi ta’ ħaddiem transkonfinali) (punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 66 ) Il-Kummissjoni tirreferi għas-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Instituto Nacional de la Seguridad Social (Suppliment tal-pensjoni għan-nisa) (C‑450/18, EU:C:2019:1075, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 67 ) Ara l-punt 98 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 68 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 79 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 69 ) Ara, fir-rigward ta’ dan l-argument sostnut fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża, il-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 70 ) Il-Kummissjoni tirreferi għas-sentenza tat‑28 ta’ April 1998, Kohll (C‑158/96, EU:C:1998:171, punt 41).

    ( 71 ) Il-Kummissjoni tirreferi għar-rapport tal-Qorti tal-Awdituri intitolat “Familienbeihilfe – Ziele und Zielerreichung, Kosten und Kontrollsystem” (Allowance tal-familja – għanijiet u twettiq tal-għanijiet, spejjeż u sistema ta’ kontroll), iktar ’il quddiem ir-“rapport tal-Qorti tal-Awdituri”, disponibbli fl-indirizz elettroniku li ġej: https://www.rechnungshof.gv.at/rh/home/home/Familienbeihilfe.pdf (punti 6.1 u 6.3, p. 25 sa 27).

    ( 72 ) Il-Kummissjoni tirreferi għar-rapport tal-Qorti tal-Awdituri (punt 15.1, p. 42 sa 45, punt 19.2, p. 53 u punti 23 sa 29, p. 59 sa 69).

    ( 73 ) Iffirmat f’Torino fit‑18 ta’ Ottubru 1961.

    ( 74 ) Ir-Repubblika tal-Awstrija tiċċita d-dokument tal-Kunsill tal-Ewropa, intitolat “Digest of the case law of the European Committee of Social Rights”, Diċembru 2018, p. 141, disponibbli fl-indirizz elettroniku li ġej: https://rm.coe.int/digest-2018-parts-i-ii-iii-iv-en/1680939f80.

    ( 75 ) Ir-Repubblika tal-Awstrija ssemmi l-Artikolu 64 u l-Artikolu 67(4) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea kif ukoll ir-raba’ premessa tar-Regolament tal-Kunsill (KE, KEFA, Euratom) Nru 2594/98 tas‑27 ta’ Novembru 1998 li jemenda r-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 li jistabbilixxi l-istatus ta’ uffiċjal tal-Komunitajiet Ewropej kif ukoll is-sistema applikabbli għal aġenti oħra ta’ dawn il-Komunitajiet (ĠU 1998, L 325, p. 1). F’dan ir-rigward, hija tirreferi għall-argument tar-Renju tad-Danimarka, li jipprovdi li l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, fis-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2014, Wiering (C‑347/12, EU:C:2014:300), li kienet għadha tirrigwarda r-Regolament Nru 1408/71, li huwa l-wild li huwa d-destinatarju tal-allowances tal-familja. Għalhekk, l-adattament ta’ tali allowances ikun konformi mal-interpretazzjoni li diġà ngħatat tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

    ( 76 ) Ir-Repubblika tal-Awstrija tirreferi għad-dokument tal-Kummissjoni intitolat “Erasmus+ Programme Guide”, verżjoni 2 (2020), tas‑26 ta’ Frar 2020, p. 45, disponibbli fl-indirizz elettroniku li ġej: https://erasmus-plus.ec.europa.eu/sites/default/files/2021-09/erasmus_programme_guide_2020_v2_en.pdf.

    ( 77 ) Dokument 11721/2/20 REV 2, disponibbli fl-indirizz elettroniku li ġej: https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-11721-2020-REV-2/fr/pdf.

    ( 78 ) ĠU 1992, L 245, p. 46.

    ( 79 ) Ir-Repubblika tal-Awstrija pprovdiet l-eżempju li ġej: “il-kapaċità tal-akkwist fi Vjenna ([l-Istat] Federali bl-inqas rata) tirrappreżenta madwar 92 % tal-kapaċità tal-akkwist f’Nieder‑Osterreich. Barra minn hekk, id-differenzi bejn il-kapaċitajiet tal-akkwist per capita ġewwa d-distretti tan-Nieder‑Osterreich huma ikbar mid-differenzi ta’ kapaċità tal-akkwist bejn l-[Istati] Federali Awstrijaċi. Ara https://retailreport.at/sites/default/files/2019-05/GfK%20Kaufkraft%20 C3%B4sterreich%202019.pdf. Għall-kuntrarju, il-kapaċità tal-akkwist fil-Bulgarija kienet tirrappreżenta, fl‑2019, 52 % tal-kapaċità tal-akkwist medja tas‑27 Stat Membru […] filwaqt li l-kapaċità tal-akkwist fl-Awstrija kienet tirrappreżenta 113 % tagħha (ara https://ec.europa.eu/eurostat/databrowser/view/tec00120/default/table?lang=de).”

    ( 80 ) Ir-Repubblika tal-Awstrija tiċċita s-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2015, Sopora (C‑512/13, EU:C:2015:108, punt 34).

    ( 81 ) Ir-Repubblika tal-Awstrija tiċċita s-sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 1963, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (13/63, EU:C:1963:20, Titolu 4), u tat‑18 ta’ Settembru 2014, Bundescruckerei (C‑549/13, EU:C:2014:2235, punt 34).

    ( 82 ) C‑286/03, EU:C:2005:621, punt 109. Din hija t-tweġiba tal-Avukata Ġenerali Kokott għall-argument, invokat fil-kuntest ta’ din il-kawża, kontra l-esportazzjoni ta’ benefiċċju, li jipprovdi li l-ammont tal-benefiċċju huwa adattat għall-ispejjeż tal-manteniment u kura fl-Istat tas-sede tal-istituzzjoni kompetenti.

    ( 83 ) Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat‑18 ta’ Frar 2014 li tistabbilixxi l-lista ta’ reġjuni eliġibbli għal finanzjament mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond Soċjali Ewropew u ta’ Stati Membri eliġibbli għall-finanzjament mill-Fond ta’ Koeżjoni għall-perjodu 2014-2020 [notifikata bid-dokument C(2014) 974] (ĠU 2014, L 50, p. 22).

    ( 84 ) Dawn huma abbozzi ta’ liġijiet li taw lok għal-liġijiet federali ċċitati fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 7 u 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet, kif ukoll l-ispjegazzjonijiet tal-Gvern fir-rigward ta’ dawn l-abbozzi li jinsabu fid-dokumenti li għalihom sar riferiment taħt in-numri 111 u 190 tal-annessi għall-proċessi verbali traskritti tas-seduti tan-Nationalrat (il-Kunsill Nazzjonali, l-Awstrija) fir-rigward tas-XXVI leġiżlatura, disponibbli, rispettivament, fl-indirizzi elettroniċi li ġejjin: https://www.parlament.gv.at/PAKT/VHG/XXVI/I/I_00111/fname_692212.pdf u https://www.parlament.gv.at/PAKT/VHG/XXVI/I/I_00190/fname_698479.pdf.

    ( 85 ) Ir-Repubblika tal-Awstrija tirreferi għad-dokumenti li saret referenza għalihom taħt in-numri 111 u 190 tal-annessi għall-proċessi verbali traskritti tas-seduti tal-Kunsill Nazzjonali, dwar is-XXVI leġiżlatura, rispettivament, p. 3, kif ukoll p. 8 et seq.

    ( 86 ) Ir-Repubblika tal-Awstrija tirreferi għas-sentenzi tat‑28 ta’ Ġunju 2018, Crespo Rey (C‑2/17, EU:C:2018:511, punt 45 et seq. kif ukoll għall-ġurisprudenza ċċitata), u Caisse pour l’avenir des enfants (Wild tal-konjuġi ta’ ħaddiem transkonfinali) (punt 68).

    ( 87 ) F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Awstrija tirreferi għall-ispjegazzjonijiet li jinsabu fid-dokument li għalih saret referenza taħt in-numru 111 tal-annessi għall-proċessi verbali traskritti tas-seduti tal-Kunsill Nazzjonali, dwar is-XXVI leġiżlatura, p. 1 et seq. (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 84 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

    ( 88 ) Ara l-punt 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 89 ) C‑240/10, EU:C:2011:591, punt 37.

    ( 90 ) Ara l-punt 95 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 91 ) Magħmula fi Vjenna fit‑18 ta’ April 1961 u daħlet fis-seħħ fl‑24 ta’ April 1964.

    ( 92 ) Magħmula fi Vjenna fl‑24 ta’ April 1963 u daħlet fis-seħħ fid‑19 ta’ Marzu 1967.

    ( 93 ) Ir-Repbublika tal-Awstrija tispeċifika li, jekk il-ħaddiem migrant huwa membru tas-sistema ta’ sigurtà soċjali Awstrijaka skont l-Artikolu 11(3)(a) tar-Regolament Nru 883/2004, l-uffiċjal Awstrijak, issekondat fi Stat Membru ieħor, jibqa’ membru tas-sistema ta’ sigurtà soċjali Awstrijaka skont is-subparagrafu (b) tal-istess dispożizzjoni. L-istess japplika għal uffiċjali li għandhom impjieg aċċessorju bħala impjegati jew li jeżerċitaw attività professjonali bħala persuni li jaħdmu għal rashom skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament Nru 883/2004.

    ( 94 ) Ir-Repubblika tal-Awstrija tirreferi għas-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑105/08, EU:C:2010:345, punti 26 et seq.).

    ( 95 ) Ir-Repubblika tal-Awstrija tiċċita s-sentenzi tat‑28 ta’ Mejju 1980, Kuhner vs Il‑Kummissjoni (33/79 u 75/79, EU:C:1980:139, punt 22), u tat‑13 ta’ Lulju 2018, SQ vs BEI (T‑377/17, EU:T:2018:478, punt 146), kif ukoll is-sentenzi tat‑22 ta’ Ġunju 2017, Bechtel (C‑20/16, EU:C:2017:488, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tat‑12 ta’ Novembru 2020, Fleig vs SEAE (C‑446/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:918, punt 67).

    ( 96 ) Ir-Repubblika tal-Awstrija tirreferi għas-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2007, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑186/06, EU:C:2007:813, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 97 ) Ir-Repubblika tal-Awstrija tirreferi għas-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2009, Il‑Kummisjoni vs L‑Italja (C‑531/06, EU:C:2009:315, punti 6973).

    ( 98 ) Ara s-sentenza Caisse pour l’avenir des enfants (Wild tal-konjuġi ta’ ħaddiem transkonfinali) (punti 24 u 25, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 99 ) Ara s-sentenza Caisse pour l’avenir des enfants (Wild tal-konjuġi ta’ ħaddiem transkonfinali) (punti 44 u 46, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 100 ) Ara wkoll, bħala espressjoni partikolari tal-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni, l-Artikolu 5(b) ta’ dan ir-regolament, li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ assimilazzjoni tal-fatti, kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2020, Caisse d’assurance retraite et de la santé au travail d’Alsace-Moselle (C‑769/18, EU:C:2020:203, punt 44).

    ( 101 ) Ara b’analoġija is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2011, Landtová (C‑399/09, EU:C:2011:415, punti 4244, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), relattiva għall-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1408/71, li jikkonkretizza l-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 39 KE, li sar l-Artikolu 45 TFUE, li kien ifformulat, essenzjalment, fl-istess termini bħall-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004. Madankollu, il-kamp ta’ applikazzjoni personali ta’ dan it-tieni regolament huwa differenti minn tal-ewwel, sa fejn ma huwiex limitat għall-ħaddiema u għall-membri tal-familja tagħhom. F’dan ir-rigward, reċentement ħafna, fis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, A (Kura tas-saħħa pubblika) (C‑535/19, EU:C:2021:595, punt 40), il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE, huwa ppreċiżat fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 fir-rigward taċ-ċittadini tal-Unjoni li jinvokaw il-benefiċċji previsti fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament. Hija fakkret ukoll il-ġurisprudenza stabbilita tagħha li tipprovdi li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE huwa intiż li japplika b’mod awtonomu biss f’sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni li fir-rigward tagħhom it-Trattat FUE ma jipprevedix regoli speċifiċi ta’ nondiskriminazzjoni. Fil-fatt, dan ma huwiex il-każ fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema. Ara f’dan ir-rigward, b’mod partikolari s-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2021, Finanzamt Österreich (Allowances tal-familja għall-ħaddiema umanitarji) (C‑372/20, EU:C:2021:962, punt 68).

    ( 102 ) Ara s-sentenza Caisse pour l’avenir des enfants (Wild tal-konjuġi ta’ ħaddiem transkonfinali) (punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 103 ) Ara s-sentenza Caisse pour l’avenir des enfants (Wild tal-konjuġi ta’ ħaddiem transkonfinali) (punti 24 u 70, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 104 ) Ara s-sentenza Caisse pour l’avenir des enfants (Wild tal-konjuġi ta’ ħaddiem transkonfinali) (punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 105 ) Ara b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, A (Kura ta’ saħħa pubblika) (C‑535/19, EU:C:2021:595, punt 61).

    ( 106 ) Ara s-sentenza Caisse pour l’avenir des enfants (Wild tal-konjuġi ta’ ħaddiem transkonfinali) (punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 107 ) ĠU 1968, L 257, p. 2. Ir-Regolament Nru 1612/68 tħassar mir-Regolament Nru 492/2011. Il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet b’mod partikolari għas-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑206/10, EU:C:2011:283, punt 39). Ara wkoll, il-punti 36 u 37 ta’ din is-sentenza.

    ( 108 ) Ara b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2007, Hendrix (C‑287/05, EU:C:2007:494, punt 5152). Ara wkoll, is-sentenza Caisse pour l’avenier des enfants (Wild tal-konjuġi ta’ ħaddiem transkonfinali) (punti 65 u 69 sa 71).

    ( 109 ) Ara s-sentenzi tat‑18 ta’ Jannar 2007, Celozzi (C‑332/05, EU:C:2007:35, punt 24), kif ukoll tal‑5 ta’ Diċembru 2019, Bocero Torrico u Bode (C‑398/18 u C‑428/18, EU:C:2019:1050, punt 41).

    ( 110 ) Ara s-sentenzi tal‑20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 44), u Caisse pour l’avenir des enfants (Wild tal-konjuġi ta’ ħaddiem transkonfinali) (punt 56).

    ( 111 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 112 ) Ara l-punt 15.1, illustrazzjoni 6, p. 45, tar-Rapport tal-Qorti tal-Awdituri.

    ( 113 ) Ara d-dokumenti li għalih sar riferiment taħt in-numru 190 tal-annessi għall-proċessi verbali traskritti tas-seduti tal-Kunsill Nazzjonali fir-rigward tas-XXVI leġiżlatura, p. 2 (nota ta’ qiegħ il-paġna 84 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

    ( 114 ) Ara l-punt 15.1, illustrazzjoni 5, p. 44 u l-punt 15.2, p. 45, tar-Rapport tal-Qorti tal-Awdituri. F’dan ir-rigward, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34 ta’ dan ir-rapport huwa ppreċiżat li, fl‑1 ta’ Mejju 2004, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja l-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka ngħaqdu mal-Unjoni, segwiti mir-Repubblika tal-Bulgarija u mir-Rumanija fl‑1 ta’ Jannar 2007. Fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema, ir-Repubblika tal-Awstrija bbenefikat minn perijodi tranżitorji ta’ seba’ snin, b’tali mod li s-suq tax-xogħol Awstrijak infetaħ fl‑2011 għall-Istati li ngħaqdu fl‑2004 u fl‑2014 għall-Istati li ngħaqdu fl‑2007. Ir-Repubblika tal-Kroazja ngħaqdet fl-Unjoni fl‑1 ta’ Lulju 2013, u ftuh tas-suq tax-xogħol tal-Awstrija seħħ fl‑2020.

    ( 115 ) Ara s-sentenza Caisse pour l’avenir des enfants (Wild tal-konjuġi ta’ ħaddiem transkonfinali) (punt 56).

    ( 116 ) Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2011, Landtová (C‑399/09, EU:C:2011:415, punti 46 sa 48).

    ( 117 ) Ara l-punti 66 u 67 ta’ dawn il-konklużjonijiet, kif ukoll b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2002, Maaheimo (C‑333/00, EU:C:2002:641, punt 34).

    ( 118 ) Ara f’dan ir-rigward, il-punt 127 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 119 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 2016, Bragança Linares Verruga et (C‑238/15, EU:C:2016:949, punt 44), kif ukoll Caisse pour l’avenir des enfants (Wild tal-konjuġi ta’ ħaddiem transkonfinali) (punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 120 ) Għandu jiġi nnotat li r-Repubblika tal-Awstrija tikkontesta l-għan li hija kienet tfittex, skont il-Kummissjoni, li tagħmel ekonomija baġitarja. Fil-fatt, mid-dokumenti prodotti minnha jirriżulta evalwazzjoni tat-tnaqqis tal-ispejjeż mingħajr madankollu ma jikkonfermaw tali intenzjoni.

    ( 121 ) Ara l-punti 77 sa 79 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 122 ) Il-Kummissjoni tirreferi, fil-punt 44 tar-rikors tagħha, għat-tabella ta’ klassifikazzjoni tal-Istati Federali Awstrijaċi fl‑2019, disponibbli fl-indirizz elettroniku li ġej: https://cdn2.hubspot.net/hubfs/2405078/cms-pdfs/fileadmin/user_upload/dyna_content/de/documents/news/20190508_news_kaufkraft_dach_dfin.pdf, p. 3.

    ( 123 ) Il-Kumissjoni tispjega li, pereżempju, il-kapaċità tal-akkwist hija ta’ 104.7 % tal-medja Awstrijaka f’Nieder-Osterreich, kontra 97.6 % biss f’Karnten. Għalhekk, b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Awstrijaka relattiva għall-vantaġġi soċjali u fiskali fl-Awstrija, ħaddiem jibbenefika, għal wild li jirrisjedi, pereżempju, fil-komun ta’ Arnoldstein f’Karnten, minn kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-manteniment tal-wild tiegħu ta’ 100 % tal-ammonti b’rata fissa li huwa 7.1 % iktar minn dak ta’ ħaddiem li l-wild tiegħu jirrisjedi f’Nieder-Osterreich.

    ( 124 ) Fl-estensjoni tal-eżempju preċedenti, il-Kummissjoni turi l-effetti tal-mekkaniżmu ta’ adattament billi tispeċifika li l-persuni li jaħdmu fl-Awstrija, iżda li wliedhom jirrisjedu f’Arnoldstein f’Karnten, Tarvisio (l-Italja) jew Kranjska Gora (is-Slovenja), jirċievu kull wieħed tliet ammonti b’rata fissa differenti, jew rispettivament, 100 %, 94.8 % u 79 % tal-ammont tal-benefiċċju. Madankollu, l-ammont b’rata fissa huwa ogħla mill-għoli tal-ħajja medju fl-Awstrija u għandu jiġi kkunsidrat li, f’dawn it-tliet komuni adjaċenti, minkejja li jinsabu fi tliet Stati Membri differenti, l-għoli tal-ħajja għall-bżonnijiet ta’ kuljum huwa oġġettivament pjuttost komparabbli preċiżament minħabba l-libertà ta’ moviment tal-oġġetti u tas-servizzi ggarantita mill-Unjoni.

    ( 125 ) Pereżempju, skont ir-Repubblika Slovakka, l-għoli tal-ħajja jvarja bejn il-Lvant tal-pajjiż u r-reġjun tal-Belt ta’ Bratislava, fejn huwa wkoll ferm ogħla mir-reġjun tal-Belt ta’ Vjenna.

    ( 126 ) Ir-Repubblika tal-Awstrija tindika li l-kapaċità tal-akkwist fil-Bulgarija kienet tirrappreżenta, fl‑2019, 52 % tal-kapaċità tal-akkwist medja ta’ 27 Stat Membru tal-Unjoni, filwaqt li l-kapaċità tal-akkwist fl-Awstrija kienet tirrappreżenta 113 % tiegħu (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 79 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Ara wkoll, l-punt 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 127 ) Ara l-punt 18.2, p. 51 tar-Rapport tal-Qorti tal-Awdituri.

    ( 128 ) Ara l-punt 23.2, p. 60 u 61, punt 23.4, p. 62 kif ukoll il-punt 25, p. 62 sa 65 tar-Rapport tal-Qorti tal-Awdituri.

    ( 129 ) Ara l-punt 15.1, tabella 8 tar-Rapport tal-Qorti tal-Awdituri.

    ( 130 ) Ara l-punt 97 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 131 ) Ara l-Artikolu 28(2) tal-Ftehim ŻEE, li jipprojbixxi kull diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità bejn il-ħaddiema tal-Istati Membri għal dak li jirrigwarda l-impjieg, ir-remunerazzjoni u l-kundizzjonijiet l-oħra tax-xogħol, bħall-Artikolu 45(2) TFUE.

    ( 132 ) Ara l-premessa 17 tar-Regolament Nru 883/2004.

    ( 133 ) Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2016, Bragança Linares Verruga et (C‑238/15, EU:C:2016:949, punti 4950).

    ( 134 ) L-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA ġabret fil-qosor il-prinċipju b’dan il-mod: “[g]ħal dak li jirrigwarda t-twettiq tal-moviment liberu tal-ħaddiema, is-suq intern taż-ŻEE jeħtieġ benefiċċji ugwali għal xogħol ugwali”.

    Top