Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CC0279

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali A. M. Collins, ippreżentati fis-16 ta’ Diċembru 2021.
Bundesrepublik Deutschland vs XC.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Politika dwar l-immigrazzjoni – Dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja – Direttiva 2003/86/KE – Il-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) – Kunċett ta’ ‘wild minuri’ – Artikolu 16(1)(b) – Kunċett ta’ ‘ħajja tal-familja effettiva’ – Wild li jitlob ir-riunifikazzjoni tal-familja ma’ missieru li kiseb l-istatus ta’ refuġjat – Data rilevanti għall-evalwazzjoni tal-kwalità ta’ minuri.
Kawża C-279/20.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:1030

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

COLLINS

ippreżentati fis‑16 ta’ Diċembru 2021 ( 1 )

Kawża C‑279/20

Bundesrepublik Deutschland (Riunifikazzjoni tal-familja ta’ wild li sar maġġorenni)

vs

XC,

partijiet magħquda:

Landkreis Cloppenburg

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Dritt ta’ riunifikazzjoni tal‑familja – Direttiva 2003/86/KE – Punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 4(1) – Dritt ta’ refuġjat għal riunifikazzjoni tal-familja ma’ wliedu minorenni – Ulied taħt l-età ta’ 18‑il sena meta l-ġenitur japplika għal ażil, iżda li jkunu ’l fuq minn 18‑il sena meta l‑ġenitur jingħata ażil u permess ta’ residenza temporanju bħala refuġjat – Data rilevanti għall-evalwazzjoni ta’ status ta’ “minorenni” ta’ persuna kkonċernata – Artikolu 16(1)(b) – Pieni u rimedju – Kunċett ta’ “relazzjoni familjali” reali”

I. Introduzzjoni

1.

F’liema data għandu jiġi ddeterminat l-istatus ta’ wild minorenni ta’ refuġjat biex ikun eżerċitat id-dritt ta’ riunifikazzjoni tal-familja mogħti mid‑Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat‑22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja? ( 2 ) Meta wild minorenni li jfittex li jingħaqad mal‑isponsor tiegħu kien qiegħed jgħix fi stat terz u jkun sar maġġorenni, x’rekwiżiti jistgħu jiġu imposti biex ikun aċċertat li jkun hemm relazzjoni familjali reali għall-għanijiet tal-Artikolu 16(1)(b) ta’ din id-direttiva? Permezz tat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari tat‑23 ta’ April 2020, ippreżentata fir‑Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Ġunju 2020, il‑Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja) titlob risposti għal dawn id-domandi.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2003/86

2.

L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2003/86 jipprovdi:

“Din id-Direttiva ma tapplikax fejn l-isponsor ikun:

(a)

qiegħed japplika għal status ta’ refuġjat li l-applikazzjoni tiegħu tkun għadha ma kkawżatx deċiżjoni finali;

[…]”

3.

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/86 jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw id-dħul u r-residenza, skond din id-Direttiva u suġġetti għal konformita mal-kondizzjonijiet preskritti fil-Kapitolu IV, kif ukoll l-Artikolu 16, tal-membri tal-familja li ġejjin:

[…]

(ċ)

it-tfal minorenni inklużi tfal adottati ta’ l-isponsor fejn l-isponsor għandu l-kustodja u t-tfal huma dipendenti fuqu jew fuqha. Stati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-riunifikazzjoni ta’ tfal li l-kustodja tagħhom hija maqsuma (hija r-reponsabbilità ta’ iktar minn persuna waħda), sakemm il-parti l-oħra li għandha sehem fil-kustodja tkun tat il-ftehim (qbil) tiegħu jew tagħha;

[…]”

4.

L-Artikolu 16 tad-Direttiva 2003/86 jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri jistgħu ma jilqgħux applikazzjoni għad-dħul u residenza għall-għan tar-riunifikazzjoni tal-familja, jew, jekk xieraq, jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja, fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

[…]

(b)

fejn l-isponsor u l-membru(i) tal-familja tiegħu/tagħha ma jgħixux jew m’għadhomx jgħixu f’relazzjoni reali ta’ żwieġ jew familja;

[…]”

B.   Id-dritt Ġermaniż

5.

Skont il-qorti tar-rinviju, taħt id-dritt Ġermaniż, il-prekundizzjonijiet għad‑dritt ta’ riunifikazzjoni tal-familja huma ddeterminati meta applikazzjoni għal viża nazzjonali għall-għanijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja tkun sottomessa minn qarib lill-missjoni diplomatika fil-pajjiż terz li fih huwa jkun residenti.

6.

Il-paragrafu 6 tal-Gesetz über den Aufenthalt, die Erwerbstätigkeit und die Integration von Ausländern im Bundesgebiet (l-Att dwar ir-Residenza, Attività Ekonomika u Integrazzjoni ta’ Barranin fit-Territorju Federali) tal‑25 ta’ Frar 2008 ( 3 ), emendat l-iktar reċentement bl-Artikolu 4b tal-Att tas‑17 ta’ Frar 2020 ( 4 ) (iktar ’il quddiem l-“AufenthG”), bit-titolu°“Viżi”, jipprovdi li:

“[…]

(3)   Għal residenzi fit-tul tkun meħtieġa viża għat-territorju Federali Ġermaniż (viża nazzjonali), li għandha tingħata qabel id-dħul. Il-ħruġ ta’ viża huwa rregolat bid-dispożizzjonijiet applikabbli għal permessi ta’ residenza, Karti Blu tal-Unjoni, Karti tal-ICT, awtorizzazzjonijiet għal stabbiliment u permessi għal residenza permanenti fl-Unjoni Ewropea. […]”

7.

Il-paragrafu 32 tal-AufenthG, bit-titolu “Immigrazzjoni sussegwenti ta’ wlied”, jipprovdi:

“(1)   Il-minorenni, wild mhux miżżewweġ ta’ barrani għandu jingħata permess ta’ residenza temporanju jekk il-ġenituri jew il-ġenitur li jkollu d-dritt esklużiv ta’ kura u kustodja jkollu jew ikollhom wieħed mit-titoli ta’ residenza li ġejjin:

1. […]

2. permess ta’ residenza temporanju skont l-ewwel alternattiva tal-ewwel sentenza tal-paragrafu 25(1) jew (2)

[…]”

8.

Il-paragrafu 25 tal-AufenthG, bit-titolu “Residenza għal raġunijiet umanitarji”, jipprovdi:

“[…]

(2)   Barrani għandu jingħata permess ta’ residenza temporanju jekk l-Uffiċċju Federali għall-Migrazzjoni u r-Refuġjati jkun tah status ta’ refuġjat skont it-tifsira tal-paragrafu 3(1) tal-Asylgesetz [(“il-Liġi Ġermaniża dwar l-Ażil”)] jew status ta’ protezzjoni sussidjarja skont it-tifsira tal-paragrafu 4(1) tal-Liġi Ġermaniża dwar l-Ażil. […]”

III. Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9.

XC (li wkoll isir riferiment għaliha bħala “r-rikorrenti”) hija ċittadina Sirjana, imwielda fl‑1 ta’ Jannar 1999. Hija għexet it-Turkija għal diversi snin.

10.

Ommha hija mejta. Missierha daħal il-Ġermanja fl‑2015 u applika formalment għall-ażil f’April 2016. Il-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (l-Uffiċċju Federali għall-Migrazzjoni u għar-Refuġjati, il-Ġermanja) tah status ta’ refuġjat f’Lulju 2017. F’Settembru ta’ dik is-sena, il-Landkreis Cloppenburg (id‑Distrett Rurali ta’ Cloppenburg, il-Ġermanja) ta lil missier ir-rikorrenti permess ta’ residenza temporanju għal tliet snin skont il-paragrafu 25(2) tal‑AufenthG.

11.

Fl‑10 ta’ Awwissu 2017 ir-rikorrenti applikat għand il-Konsulat Ġenerali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja f’Istanbul, il-Ġermanja (iktar ’il quddiem il‑“Konsulat Ġenerali”) għal viża nazzjonali għall-immigrazzjoni sussegwenti ta’ dipendenti, biex tingħaqad ma’ missierha li kien qiegħed jgħix fil-Ġermanja. B’deċiżjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2017, il-Konsulat Ġenerali rrifjuta l-applikazzjoni tagħha u l-appell tagħha kontra dak ir-rifjut. Il-Konsulat Ġenerali qies li r‑rekwiżiti tal-paragrafu 32 tal-AufenthG ma kinux tħarsu minħabba li l-applikanti kienet adulta. Barra minn dan, fiż-żmien meta hija kienet saret maġġorenni, missierha ma kienx għadu rċieva permess ta’ residenza temporanju bħala refuġjat. Skont il-Konsulat Ġenerali, għalkemm l-immigrazzjoni sussegwenti ta’ wlied li jkunu saru maġġorenni setgħet, f’każ ta’ tbatija mhux tas-soltu, tkun iffaċilitata b’deċiżjoni diskrezzjonarja skont il-paragrafu 36(2) tal-AufenthG, ma kienx hemm tali tbatija mhux tas-soltu f’dan il-każ minħabba li ma kien hemm xejn x’jissuġġerixxi li l-applikanta ma setgħetx tgħix ħajja indipendenti fit-Turkija.

12.

B’sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2019, il-Verwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva, il-Ġermanja) ordnat lill-Bundesrepublik Deutschland (ir‑Repubblika Federali tal-Ġermanja) (iktar ’il quddiem “il-konvenuta”) tagħti lir‑rikorrenti viża għall-immigrazzjoni sussegwenti ta’ dipendenti.

13.

Il-Verwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva) ikkunsidrat li r-rikorrenti kellha titqies bħala minorenni skont it-tifsira tal-paragrafu 32(1) tal-AufenthG kif interpretat skont id-dritt tal-Unjoni. Skont dik il-qorti, id-data biex jiġi ddeterminat l-istatus ta’ minorenni kienet dik li fiha missier ir-rikorrenti applika għall-ażil, u mhux id-data li fiha hija applikat għal viża għal immigrazzjoni sussegwenti ta’ dipendenti. Hija kkunsidrat li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑12 ta’ April 2018, A u S ( 5 ), kienet tapplika għas-sitwazzjoni fattwali inversa li qamet quddiemha, jiġifieri l-immigrazzjoni sussegwenti ta’ wlied biex jingħaqdu ma’ ġenitur li jkun refuġjat. Skont dik is-sentenza, il-Verwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva) interpretat il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86 bħala li jfisser li wild tal-isponsor għandu jitqies bħala minorenni jekk kien minorenni fiż-żmien li l-isponsor ikun applika għal ażil. Hija osservat ukoll li r-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat huwa att dikjaratorju. Tkun mhedda l-effettività prattika tad-dritt ta’ riunifikazzjoni tal-familja u jinkisru l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ugwaljanza fit-trattament kieku d-data rilevanti biex ikun iddeterminat l-istatus ta’ minorenni, għall-għanijiet tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86, kienet dik meta tkun saret l‑applikazzjoni għal viża. Il-Verwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva) osservat ukoll li r-rikorrenti kienet issottomettiet l-applikazzjoni tagħha għal viża fi żmien tliet xhur mir-rikonoxximent tal-istatus tal-isponsor bħala refuġjat, kif il‑Qorti tal-Ġustizzja kienet eżiġiet fis-sentenza A u S.

14.

Fl-appell tagħha dwar punt ta’ dritt quddiem il-qorti tar-rinviju, il‑konvenuta ssostni li l-Verwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva) interpretat ħażin id-data li fiha għandu jkun aċċertat l-istatus ta’ minorenni għall-għanijiet tal-paragrafu 32(1) tal-AufenthG. Skont ġurisprudenza nazzjonali, id-data rilevanti hija dik li fiha tkun saret l-applikazzjoni għal viża għall-għanijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja. Il-konvenuta tqis li s-sentenza A u S kienet ibbażata fuq ċirkustanzi differenti u fuq bażi legali differenti fid-Direttiva 2003/86. Il‑konvenuta tissottometti wkoll li l-analiżi tal-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2003/86 fis-sentenza A u S ma tapplikax għall-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 4(1) ta’ dik id-direttiva minħabba li d-dispożizzjoni tal-aħħar tagħmel riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri.

15.

Skont il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali), taħt id-dritt nazzjonali, ir-rikorrenti ma hijiex intitolata għal viża għall-fini ta’ immigrazzjoni sussegwenti ta’ dipendenti biex tingħaqad ma’ missierha ( 6 ). Biex tikseb tali viża hija għandha turi li hija tista’ tistrieħ direttament fuq il-punt (ċ) tal‑ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86. Il-qorti tar-rinviju, għalhekk, tistaqsi jekk l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86 għandux ikun interpretat skont is-sentenza A u S, li kienet ibbażata fuq l-Artikolu 2(f) tad‑Direttiva 2003/86, moqri flimkien mal-Artikolu 10(3)(a) tagħha. B’mod partikolari, hija qiegħda tfittex li taċċerta jekk, meqjusa dik is-sentenza, għall‑għanijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja biex jingħaqad ma’ persuna bi status ta’ refuġjat, wild ikunx minorenni sakemm huwa jkun tali fiż-żmien li r-refuġjat ikun applika għal protezzjoni internazzjonali. Il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) ma hijiex ċerta dwar jekk il-fattur deċiżiv fis-sentenza A u S kienx il-protezzjoni speċjali mogħtija lil minorenni mhux akkumpanjati ( 7 ) jew it-trattament preferenzjali tar-refuġjati kollha skont il-premessa 8 tad-Direttiva 2003/86 u, għalhekk, jekk il-konstatazzjonijiet f’dik is-sentenza japplikawx għall-immigrazzjoni sussegwenti ta’ tfal biex jingħaqdu ma’ refuġjat adult.

16.

Fir-rigward tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju titlob ċerti kjarifiki dwar x’jikkostitwixxi relazzjoni familjali reali għall-għanijiet tal-Artikolu 16(1)(b) tad-Direttiva 2003/86. Rabtiet purament ta’ żwieġ jew familjali jistgħu, minnhom innifishom, ma jkunux biżżejjed biex jissostanzjaw dritt ta’ riunifikazzjoni tal-familja minħabba li l-għan tal-applikazzjoni għal immigrazzjoni sussegwenti huwa li tkun stabbilita ħajja ta’ żwieġ jew, f’dan il-każ, familjali reali fl-Istat Membru fejn l-isponsor ikollu r-residenza tiegħu. B’mod partikolari, qiegħda tintalab kjarifika dwar kemm għandha tkun ivverifikata l-intenzjoni li tkun stabbilita relazzjoni familjali reali qabel id-deċiżjoni inizjali dwar riunifikazzjoni tal-familja u jekk il-fatt li tfal ma jkunux għadhom minorenni jkollux xi rilevanza għal dik id-deċiżjoni. Fil-każ li tfal minorenni jemigraw biex jingħaqdu ma’ ġenitur sponsor, il-qorti tar-rinviju tinnota li wieħed jassumi, mingħajr iktar informazzjoni jew investigazzjoni, li l-għan ta’ dak l-eżerċizzju huwa li tkun stabbilita (mill-ġdid) ħajja familjali reali fl-Istat Membru. Tali “proċedura awtomatizzata” tapplika wkoll għal tfal li jkunu diġà saru maġġorenni meta d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja tkun ittieħdet iżda li, minħabba li ż-żmien rilevanti biex tkun iddeterminata minorità jkun inġieb ’il quddiem, huma jkunu għadhom koperti bil-punti (b) sa (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86?

17.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill‑Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)

. [Il-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-wild ta’ sponsor li jkun kiseb l-istatus ta’ refuġjat huwa minuri fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni wkoll meta huwa kien hekk fil-mument meta l-isponsor ippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għal ażil, iżda kien diġà sar maġġorenni qabel ma l-isponsor jikseb l-istatus ta’ refuġjat u qabel ma l-applikazzjoni għal riunfikazzjoni tal-familja tkun ġiet ippreżentata?

(2)

. Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

Liema kundizzjonijiet għandhom jiġu stabbiliti, f’tali każ, għall-eżistenza ta’ relazzjonijiet familjali effettivi, fis-sens [tad-Direttiva 2003/86]?

a)

Ir-relazzjoni legali ta’ filjazzjoni hija suffiċjenti għal dan il-għan jew ħajja tal-familja effettiva hija wkoll neċessarja?

b)

Jekk ħajja tal-familja effettiva hija wkoll meħtieġa: x’għandha tkun l-intensità tagħha? Żjarat okkażjonali jew regolari huma pereżempju suffiċjenti għal dan il-għan, huwa neċessarju li jgħixu flimkien f’dar komuni jew, minbarra dan, hija meħtieġa komunità ta’ assistenza reċiproka fejn il-membri tagħha jiddependu wieħed fuq l-ieħor?

c)

Ir-riunifikazzjoni tal-familja ta’ wild li fil-frattemp ikun sar maġġorenni, li jkun għadu jinsab fil-pajjiż terz u li jkun ippreżenta applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja ma’ ġenitur li jkun kiseb l-istatus ta’ refuġjat teħtieġ il-previżjoni li, wara d-dħul fit-territorju, il-ħajja tal-familja tibda (mill-ġdid) fl-Istat Membru sa fejn huwa meħtieġ b’mod konformi mal-punt (b) tat-tieni domanda?”

IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

18.

Il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni Ewropea ssottomettew osservazzjonijiet bil-miktub.

19.

Wara deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑3 ta’ Awwissu 2020 il-qorti tar-rinviju ntalbet tgħid jekk xtaqitx issostni t-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari fid-dawl tas-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, État belge (Riunifikazzjoni tal-familja – Wild minuri) ( 8 ). B’digriet tat‑8 ta’ Settembru 2020, il-qorti tar-rinviju kkonfermat li hija xtaqet issostni t-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari minħabba li hija qieset li s-sentenza diġà msemmija ma kinitx tagħti risposta biżżejjed għad-domandi mqajma f’din il-kawża.

20.

Skont il-qorti tar-rinviju, filwaqt li s-sentenza État belge indikat, inter alia, li l-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86 għandu jkun interpretat fis-sens li d-data biex jiġi ddeterminat jekk ċittadin ta’ pajjiż terz jew refuġjat mhux miżżewweġ ikunx wild minorenni hija dik tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni għal dħul u residenza għall-fini ta’ riunifikazzjoni tal-familja għal tfal minorenni, u mhux dik tad-deċiżjoni fuq dik l-applikazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru, dik is-sentenza ma indikatx jekk il-Qorti tal-Ġustizzja qisitx li setgħet tapplika data iktar bikrija, jiġifieri dik tal-applikazzjoni għal ażil, minħabba li dik il-kwistjoni ma kinitx deċiżiva għall-eżitu ta’ dik il-kawża. Fis-sentenza A u S tagħha iktar bikrija, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet indikat li d-data tas-sottomissjoni ta’ applikazzjoni għal ażil minn minorenni mhux akkumpanjat kienet il-punt rilevanti fiż-żmien biex ikun iddeterminat jekk dik il-persuna tikkwalifikax bħala minorenni għall-fini ta’ riunifikazzjoni tal-familja, u mhux id-data li fiha tkun ġiet sottomessa l‑applikazzjoni għal dħul u residenza. Barra minn dan, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) qalet li s-sentenza État belge ma kinitx tat risposta għat-tieni domanda li hija kienet qajmet f’dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

21.

Skont l-Artikolu 61(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b’deċiżjoni tal‑11 ta’ Mejju 2021, il-Qorti tal-Ġustizzja talbet lill-Gvern Ġermaniż jindika bil-miktub ir-rilevanza tas-sentenza A u S għall-għanijiet ta’ risposta għall-ewwel domanda magħmula. Il-Gvern Ġermaniż ippreżenta r-risposta tiegħu għal dik id-domanda fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil‑21 ta’ Ġunju 2021.

22.

Skont il-Gvern Ġermaniż, hija ġurisprudenza stabbilita tal-qorti tar-rinviju li d-data rilevanti għall-evalwazzjoni ta’ jekk wild huwiex minorenni hija dik tas‑sottomissjoni ta’ applikazzjoni għal viża. Is-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal‑Ġustizzja fis-sentenza État belge hija, għalhekk, l-istess bħal dik mogħtija mid‑dritt Ġermaniż. Barra minn dan, tali status minorenni għandu jkun jeżisti fiż‑żmien li l-ġenitur jikseb l-awtorizzazzjoni biex ikollu r-residenza tiegħu li tagħti d-dritt ta’ riunifikazzjoni tal-familja. Madankollu, il-Gvern Ġermaniż josserva li, fis-sentenza A u S, il-Qorti tal-Ġustizzja rriteniet li status ta’ minorenni kellu jkun iddeterminat meta tkun ġiet sottomessa l-applikazzjoni għal ażil. Il-fatt li t-tfal ikunu saru maġġorenni f’data sussegwenti – ukoll qabel ma tkun saret applikazzjoni għall-viża – kien, bħala prinċipju, irrilevanti. Il-Gvern Ġermaniż, għalhekk, jaqsam il-fehma tal-qorti tar-rinviju li, meqjusa s-sentenzi A u S u État belge, ir-risposta għall-ewwel domanda hija inċerta.

V. Eżami tad-domandi magħmula

A.   Fuq l-ewwel domanda

23.

Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86 ( 9 ) għandux ikun interpretat fis-sens li d-data li tiddetermina jekk it-tfal ta’ sponsor mogħti status ta’ refuġjat humiex tfal minorenni għall-għanijiet ta’ din id‑dispożizzjoni hijiex dik ta’ meta l-isponsor ( 10 ) ikun għamel applikazzjoni għal ażil ( 11 ), irrispettivament minn jekk dawk it-tfal ikunux sussegwentement saru maġġorenni qabel ma l-isponsor ikun ingħata status ta’ refuġjat u qabel ma tkun saret applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja.

1. Osservazzjonijiet preliminari

24.

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/86 jiddeskrivi l-għan ta’ din id-direttiva bħala li jkunu stabbiliti l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ riunifikazzjoni tal-familja minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu legalment residenti fit-territorju tal-Istati Membri.

25.

Isegwi mill-premessa 2 tad-Direttiva 2003/86 li miżuri dwar riunifikazzjoni tal-familja għandhom ikunu adottati b’konformità mal-obbligu tal-protezzjoni tal-familja u r-rispett għall-ħajja tal-familja minquxa f’ħafna strumenti tad-dritt internazzjonali. Barra minn dan, hija ġurisprudenza stabbilita li d-Direttiva 2003/86 għandha tkun interpretata u applikata fid-dawl tal-Artikolu 7 u l-Artikolu 24(2) u (3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Dan huwa wkoll evidenti mill-premessa 2 u mill-Artikolu 5(5) ta’ din id-direttiva, li jitolbu li l-Istati Membri jeżaminaw applikazzjonijiet għal riunifikazzjoni tal-familja fl-interessi tat-tfal ikkonċernati u biex tinġieb ’il quddiem il-ħajja tal-familja. Il-Qorti tal-Ġustizzja saħqet li l-Artikolu 24(2) tal-Karta jitlob li, fl-azzjonijiet kollha relatati mat-tfal, b’mod partikolari dawk meħuda mill-Istati Membri meta japplikaw id-Direttiva 2003/86, l-aħjar interessi tat-tfal ikunu kunsiderazzjoni primarja ( 12 ).

26.

Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86 jimponi obbligi pożittivi preċiżi, flimkien ma’ drittijiet individwali korrispondenti ddefiniti b’mod ċar, fuq l-Istati Membri, minħabba li jitlob li huma, fil-każijiet indikati minn din id-direttiva, jawtorizzaw riunifikazzjoni tal-familja ta’ ċerti membri tal-familja tal-isponsor, mingħajr ma jitħallew ikollhom ebda marġni ta’ apprezzament f’dan ir-rigward ( 13 ).

27.

Għalhekk, il-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86, li huwa s-suġġett ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, jipprovdi, inter alia, li l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw id-dħul u r-residenza tat-tfal minorenni tal-isponsor jekk l-isponsor ikollu l-kustodja u t-tfal ikunu dipendenti fuqu, sakemm ikun hemm konformità mal-Kapitolu IV tad-Direttiva 2003/86, li jimponi għadd ta’ rekwiżiti għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ riunifikazzjoni tal-familja ( 14 ), kif ukoll mal-Artikolu 16 tagħha. Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86, it-tfal minorenni għandhom ikunu taħt l-età ta’ maġġoranza kif stabbilita legalment mill-Istat Membru kkonċernat u ma jkunux miżżewġa.

28.

Fis-sentenza État belge il-Qorti tal-Ġustizzja rriteniet li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86 la jispeċifika d-data li fiha l-kundizzjoni dwar l-istatus minorenni ta’ tfal għandha tkun evalwata, u lanqas ma jirreferi għad-dritt tal-Istati Membri. Il-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86 għandu, għalhekk, jingħata interpretazzjoni awtonoma u uniformi mal-Unjoni Ewropea kollha. L-Istati Membri ma humiex ħielsa jiddeterminaw id-data li fiha tiġi evalwata l-età tal-applikant għall-għanijiet ta’ din id-dispożizzjoni ( 15 ).

29.

It-talba għal deċiżjoni preliminari tagħmilha ċara li filwaqt li d-dritt Ġermaniż ma jitlobx li t-tfal ikunu minorenni meta tittieħed id-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja, it-tfal għandhom ikunu minorenni meta tkun sottomessa l-applikazzjoni għal viża għal riunifikazzjoni tal-familja u meta l-ġenitur jikseb il-permess ta’ residenza li jagħti lok għad-dritt ta’ riunifikazzjoni tal-familja.

30.

Għalhekk, skont id-dritt Ġermaniż, XC kien jenħtiġilha tkun minorenni fl‑10 ta’ Awwissu 2017, meta hija applikat għal viża mal-Konsulat Ġenerali, u f’Settembru 2017, meta missierha kiseb permess ta’ residenza skont il-paragrafu 25(2) tal-AufenthG. Minħabba li hija twieldet fl‑1 ta’ Jannar 1999, XC ma kinitx minorenni f’dawk iż-żewġ dati. XC kienet, madankollu, minorenni meta missierha applika formalment għal ażil f’April 2016. Ikun biss jekk hija tkun tista’ tistrieħ fuq il-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86, jiġifieri li l-istatus tagħha ta’ minorenni jkollu jiġi ddeterminat bħala mid-data li fiha missierha applika għal ażil, li hija tkun tista’ tirnexxi fil-proċeduri quddiem il-qorti tar-rinviju.

31.

L-imsemmija proċeduri, għalhekk, iqanqlu d-domanda dwar meta l-istatus bħala minorenni tal-wild ta’ applikant għall-ażil li sussegwentement ikun ingħata status ta’ refuġjat ikollu jiġi ddeterminat skont il-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86.

32.

Biex tingħata risposta għal din id-domanda jkollna neżaminaw il‑konstatazzjonijiet rilevanti tas-sentenzi A u S u État belge li għalihom tirreferi estensivament il-qorti tar-rinviju. L-osservazzjonijiet bil-miktub u t-tweġibiet għal mistoqsijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja jikxfu l-impressjoni li dawk il-każijiet huma, l-iktar l-iktar, ibbażati fuq fatti differenti u/jew dispożizzjonijiet legali u, għalhekk, jagħtu lok għal riżultati legali differenti, jew, l-agħar ħaġa, inkonsistenti.

2. Is-sentenza A u S

33.

Bint A u S kienet waslet bħala minorenni mhux akkumpanjata fil-Pajjiżi l‑Baxxi, fejn hija applikat għal ażil. Meta hija ngħatat permess ta’ residenza għal persuni mogħtija ażil hija kienet saret maġġorenni. Fi żmien xahrejn minn meta ngħatalha ażil, hija ssottomettiet applikazzjoni għal permessi ta’ residenza temporanju għall-ġenituri tagħha u t-tliet ħutha minorenni għall-għanijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja. L-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi rrifjutaw l-applikazzjoni tagħha għal riunifikazzjoni tal-familja minħabba li hija ma kinitx minorenni meta hija ssottomettiet dik l-applikazzjoni.

34.

Il-qorti tar-rinviju f’dik il-kawża fittxet tagħti interpretazzjoni tal‑Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2003/86 ( 16 ) li tiddefinixxi l-kunċett ta’ “minorenni mhux akkompanjat” użat fl-Artikolu 10(3)(a) ta’ dik id-direttiva. L‑Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86 jipprovdi essenzjalment li, jekk ir‑refuġjat ikun “minorenni mhux akkompanjat”, l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw id-dħul u r-residenza għall-għanijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja tal-qraba tal-ewwel grad tiegħu fil-linja diretta axxendenti mingħajr ma japplikaw il-kundizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 4(2)(a) ta’ dik id-direttiva. Il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mistoqsija, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2003/86 għandux jiġi interpretat fis-sens li ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna bla stat li jkunu taħt l-età ta’ 18‑il sena meta jidħlu fit-territorju ta’ Stat Membru u meta jissottomettu l-applikazzjoni għal ażil tagħhom f’dak l-Istat, iżda li, matul il-proċedura ta’ ażil, jiksbu l-età maġġorenni u wara jingħataw ażil b’effett retroattiv għad-data tal-applikazzjoni tagħhom, għandhom jitqiesu bħala minorenni għall-għanijiet ta’ dik id-dispożizzjoni.

35.

Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għal din id-domanda kienet fl-affermattiv.

36.

Wara li ddikjarat li la l-Artikolu 2(f) u lanqas l-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86 ma jirreferu għad-dritt nazzjonali u, għalhekk, ikollhom jingħataw interpretazzjoni awtonoma u uniformi mal-Unjoni Ewropea kollha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86 jimponi fuq l-Istati Membri obbligu pożittiv preċiż, li għalih jikkorrispondi dritt iddefinit b’mod ċar. L-obbligu jeżiġi li huma, skont l-ipoteżi stabbilita f’dik id-dispożizzjoni, jawtorizzaw ir-riunifikazzjoni tal-familja ta’ qraba tal-ewwel grad fil-linja axxendenti tal-isponsor, mingħajr ebda marġni ta’ diskrezzjoni fil-kwistjoni ( 17 ). Barra minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li d-Direttiva 2003/86 tipprova tilħaq mhux biss, b’mod ġenerali, l-għan li tiġi promossa r-riunifikazzjoni tal-familja u li tingħata protezzjoni liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari lil minuri, iżda wkoll, bl-Artikolu 10(3)(a) tagħha, hija tfittex li tipprovdi protezzjoni addizzjonali lil dawk ir-refuġjati li jkunu minuri mhux akkumpanjati ( 18 ). Filwaqt li d-Direttiva 2003/86 ma tiddeterminax espliċitament id-data meta refuġjat għandu jkun minuri biex igawdi mid-dritt ta’ riunifikazzjoni tal-familja msemmi fl-Artikolu 10(3)(a) tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jsegwi mill-għan ta’ dik id-dispożizzjoni u minħabba li ma fiha ebda riferiment għad-dritt nazzjonali, li din il-kwistjoni ma tistax titħalla għal kull Stat Membru biex jiddetermina ( 19 ).

37.

Wara li rrikonoxxiet li l-possibbiltà għal applikant għal ażil li jissottometti applikazzjoni ta’ riunifikazzjoni tal-familja abbażi tad-Direttiva 2003/86 tkun suġġetta, skont l-Artikolu 3(2)(a) tagħha, għall-kundizzjoni li l-applikazzjoni tiegħu għal ażil tkun diġà s-suġġett ta’ deċiżjoni finali pożittiva ( 20 ), il-Qorti tal‑Ġustizzja nnotat li r-rikonoxximent ta’ status ta’ refuġjat huwa att dikjaratorju ( 21 ) u li kull ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna bla stat li jkunu applikaw għal protezzjonijiet internazzjonali u jkunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet materjali stabbiliti mill-Kapitolu III tad-Direttiva 2011/95 ikollhom dritt suġġettiv għar-rikonoxximent ta’ dak l-istatus qabel ma tittieħed kull deċiżjoni formali. Il-Qorti tal-Ġustizzja, għalhekk, qieset, inter alia, li biex id-dritt ta’ riunifikazzjoni tal-familja skont l-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86 ikun jiddependi mid-data li fiha l-awtorità kompetenti nazzjonali tadotta formalment id-deċiżjoni li tkun tirrikonoxxi l-istatus ta’ refuġjat tal-persuna kkonċernata u, għalhekk, kemm hija tkun tista’ tipproċessa l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali malajr jew bil-mod, dan ikun qiegħed jitfa’ dubju fuq l-effettività ta’ dik id-dispożizzjoni. Dan ikun mhux biss kuntrarju għall-għan ta’ dik id-direttiva, li huwa l-promozzjoni tar-riunifikazzjoni tal-familja u li tingħata f’dak ir-rigward protezzjoni speċifika lil refuġjati, b’mod partikolari lil minorenni mhux akkumpanjati, iżda wkoll kuntrarju għall-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ ċertezza legali ( 22 ).

38.

Għall-kuntrarju, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, jekk tittieħed id-data li fiha l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali kienet ġiet sottomessa minn bint A u S bħala l-punt ta’ riferiment biex tkun evalwata l-età ta’ refuġjat għall‑għanijiet tal-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86, dan jgħin biex ikunu ggarantiti trattament identiku u previżjoni għall-applikanti kollha li jkunu fl-istess sitwazzjoni kronoloġikament, billi jiżgura li biex tirnexxi l-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja jkun jiddependi prinċipalment minn fatti attribwibbli lill-applikant u mhux lill-amministrazzjoni, bħaż-żmien meħtieġ għall-ipproċessar ta’ tali applikazzjonijiet ( 23 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja, għalhekk, iddeċidiet li, f’tali sitwazzjoni, l-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja magħmula skont l‑Artikolu 10(3)(a) ta’ din id-direttiva għandha, bħala prinċipju, tkun sottomessa fi żmien tliet xhur mid-data li fiha l-minorenni kkonċernat kien iddikjarat li jkollu status ta’ refuġjat ( 24 ).

3. Is-sentenza État belge

39.

Fil-punt 47 tas-sentenza État belge, li kienet dwar l-istatus minorenni tat‑tfal ta’ refuġjat, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat, inter alia, il-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86, id-dispożizzjoni li għaliha tirreferi l-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju.

40.

F’dik il-kawża l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-data li għaliha għandu jsir riferiment biex jiġi ddeterminat jekk ċittadin ta’ pajjiż terz mhux miżżewweġ jew refuġjat ikunx wild minorenni hija dik ta’ meta ssir l-applikazzjoni għal dħul u residenza għall-fini ta’ riunifikazzjoni tal-familja għal tfal minorenni, milli d-data li fiha tiġi ddeterminata dik l-applikazzjoni. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, ikun inkonsistenti mal-għanijiet segwiti mid-Direttiva 2003/86 u mar-rekwiżiti li joħorġu mill-Artikolu 7 u l-Artikolu 24(2) tal-Karta li tittieħed id-data li fiha l‑awtorità kompetenti tal-Istat Membru tkun iddeċidiet dwar l-applikazzjoni għal dħul u residenza fit-territorju ta’ dak l-Istat għall-għanijiet ta’ riunifikazzjoni tal‑familja biex tistabbilixxi l-età tal-applikant biex tapplika l-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86. Kieku kellu jkun mod ieħor, awtoritajiet kompetenti nazzjonali u qrati ma jkunux imqanqla jittrattaw applikazzjonijiet ta’ minorenni bl-urġenza meħtieġa biex iqisu l-vulnerabbiltà tagħhom u, għalhekk, iqiegħdu f’riskju d-drittijiet ta’ dawk il-minorenni għal riunifikazzjoni tal-familja ( 25 ).

41.

Isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma aċċettatx li d-dritt ta’ riunifikazzjoni tal-familja fir-rigward ta’ tfal minorenni ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz jew ta’ refuġjati seta’ jiġi miċħud jew mittiekel minħabba li jkun għadda ż-żmien bejn minn meta tkun saret l-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja u d-deċiżjoni tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jew qrati dwarha ( 26 ).

4. Analiżi u applikazzjoni tal-ġurisprudenza għall-fatti fil-kawża prinċipali

42.

Huwa ċar mis-sentenzi A u S u État belge li l-Qorti tal-Ġustizzja żgurat, b’mod konsistenti, li d-dritt ta’ riunifikazzjoni tal-familja b’rabta ma’ tfal minorenni ma jistax jiġi mittiekel mal-mogħdija taż-żmien meħtieġ għad-determinazzjoni ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali jew għal riunifikazzjoni tal-familja. Barra minn dan, fis-sentenza tagħha A u S, il-Qorti tal-Ġustizzja saħqet dwar in-natura dikjaratorja ta’ deċiżjoni li tirrikonoxxi status ta’ refuġjat u, minkejja l-formulazzjoni tal-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2003/86, hija żgurat li jitħares id-dritt ta’ riunifikazzjoni tal-familja ta’ applikanti għall-ażil u li wara jingħataw status ta’ refuġjat.

43.

Is-sentenzi inkwistjoni jindikaw, madankollu, żewġ punti differenti fiż-żmien li fihom l-istatus minorenni jista’ jiġi ddeterminat. Fis-sentenza A u S, l-istatus minorenni għandu jiġi evalwat fid-data tal-applikazzjoni tal-isponsor għal ażil, filwaqt li fis-sentenza État belge, kienet tqieset xierqa d-data tal-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja.

44.

Il-Gvern Taljan, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, ifittex li jiddistingwi l-fatti li taw lok għas-sentenza A u S u dawk fil-kawża prinċipali. Huwa jisħaq kunsiderevolment dwar il-fatt li dik il-kawża kienet dwar refuġjat li kien minorenni mhux akkumpanjat u t-trattament favorevoli mogħti li tali persuni skont l-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86. Għalhekk, dak il-gvern iqis li s-sentenza A u S ma tapplikax għall-fatti fil-kawża prinċipali u li tapplika s-sentenza État belge. Il-qorti tar-rinviju u l-Gvern Ġermaniż jadottaw approċċ iktar sottili u jitolbu kjarifika dwar dan mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja.

45.

Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni tqis li l-approċċ adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza A u S tagħha japplika għall-fatti fil-kawża prinċipali, minħabba li t-tfal ta’ applikant għall-ażil jistgħu ma jissottomettux applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja abbażi tal-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86 sa dak iż-żmien li fih l-applikazzjoni tal-applikant għall-ażil għal status ta’ refuġjat tkun diġà kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni pożittiva finali ( 27 ). Fil-fehma tal-Kummissjoni, f’każ bħal dak tal-kawża prinċipali, ma jkunx jixraq li wieħed joqgħod fuq id-data li fiha tkun ippreżentata l-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja minħabba li dan ikun inkompatibbli mal-għanijiet tad-Direttiva 2003/86, mar-rekwiżiti tal-Artikolu 7 u tal-Artikolu 24(2) tal-Karta u mal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ċ-ċertezza legali.

46.

Jiena naqbel mal-Kummissjoni.

47.

L-ewwel, minħabba li r-rikonoxximent ta’ status ta’ refuġjat huwa att dikjaratorju u li refuġjat għandu dritt suġġettiv li jkun irrikonoxxut bħala tali mid-data tal-applikazzjoni tiegħu għal dak l-istatus, inqis li jekk l-evalwazzjoni tal-istatus minorenni u tad-dritt ta’ riunifikazzjoni tal-familja skont il-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86 isir jiddependi, inter alia, mid-data li fiha l-awtorità nazzjonali kompetenti tagħti lil sponsor status ta’ refuġjat, dan ikun qiegħed idgħajjef l-effettività ta’ dik id-dispożizzjoni, l-għanijiet tad-Direttiva 2003/86, ir-rekwiżiti tal-Artikolu 7 u tal-Artikolu 24(2) tal-Karta u l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ċertezza legali.

48.

It-tieni, filwaqt li l-osservazzjonijiet tal-Gvern Taljan dwar il-kundizzjonijiet favorevoli mogħtija lil minorenni mhux akkumpanjati ( 28 ) bl-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza A u S, huma bla dubju korretti, huma jonqsu milli jirrikonoxxu li dik id-direttiva tagħti kundizzjonijiet iktar favorevoli lil refuġjati oħrajn dwar l-eżerċizzju tad-dritt ta’ riunifikazzjoni tal-familja biex titqies il-qagħda vulnerabbli li fiha dawn ir-refuġjati jkunu jinsabu.

49.

Tabilħaqq, kapitolu sħiħ tad-Direttiva 2003/86, jiġifieri l-Kapitolu V tagħha, bit-titolu “Riunifikazzjoni tal-familja ta’ refuġjati”, huwa ddedikat għal dan l-għan ( 29 ). Għalhekk, biex titħaffef ir-riunifikazzjoni tal-familja ta’ refuġjati, id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu V tad-Direttiva 2003/86 jistabbilixxu għadd ta’ derogi importanti minn ċerti rekwiżiti li, mod ieħor, ikunu applikabbli. F’dak ir-rigward, irrid inżid li l-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86 nnifisha jinsab fil-Kapitolu V ta’ dik id-direttiva.

50.

Il-kundizzjonijiet favorevoli mogħtija skont il-Kapitolu V tad-Direttiva 2003/86 jestendu, b’mod partikolari, għall-membri tal-familja msemmija fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86 u, għalhekk, inter alia, għat-tfal minorenni ta’ refuġjati ( 30 ). L-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2003/86, pereżempju, jgħid li l-Istati Membri jistgħu ma jirrikjedux li r-refuġjat jew membri tal-familja tiegħu jipprovdu, fir-rigward ta’ applikazzjonijiet li jikkonċernaw, inter alia, il-konjuġi jew tfal minorenni ta’ refuġjat imsemmija fl-Artikolu 4(1) ta’ dik id-direttiva, provi li r-refuġjat ikun jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 7(1) tagħha dwar akkomodazzjoni, assigurazzjoni dwar mard u riżorsi stabbli u regolari ( 31 ). Barra minn dan, l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2003/86 jgħid li, b’deroga mill‑Artikolu 8, l-Istati Membri ma għandhomx jirrikjedu li r-refuġjat kellu jkun joqgħod fit-territorju tagħhom għal ċertu perijodu ta’ żmien qabel ma l-membri tal-familja tiegħu jingħaqdu miegħu.

51.

Ma jidhirx li hemm, għalhekk, bażi skont id-Direttiva 2003/86 u, b’mod partikolari, il-Kapitolu V tagħha, li tiġi limitata l-applikazzjoni tal-motivazzjoni tas-sentenza A u S għal refuġjati minorenni mhux akkumpanjati.

52.

It-tielet, minkejja li fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tad‑Direttiva 2003/86, is-sentenza État belge issejjaħ għal proċedura ugwali u ġusta biex ikun żgurat rispett għall-ħajja tal-familja skont l-Artikolu 7 tal-Karta u d-drittijiet tat-tfal skont l-Artikolu 24(2) tal-Karta, is-soluzzjoni adottata f’dik il‑kawża għandha tkun interpretata fid-dawl tal-fatti quddiem il-qorti tar-rinviju u tal-motivazzjoni li l-istess qorti straħet fuqha meta waslet għal dik is-soluzzjoni.

53.

F’dan ir-rigward, irrid nenfasizza li s-sentenza État belge sempliċement tirreġistra li l-missier tat-tfal minorenni inkwistjoni kien refuġjat. Is-sentenza ma tindikax meta huwa applika għal status ta’ refuġjat jew meta ngħatalu dak l-istatus. Barra minn dan, il-motivazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u d-dispożittiv tas-sentenza japplikaw indaqs għat-tfal ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u ta’ refuġjati. Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalhekk, ma tinterpreta jew ma tistrieħ fuq ebda waħda mill-ħafna dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/86 li jagħtu lil refuġjati kundizzjonijiet iktar favorevoli. Is-sentenza lanqas ma tindirizza s-sitwazzjoni partikolari jew “limbu legali” ta’ refuġjati li jfittxu li jużaw id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja ( 32 ) waqt li jkunu qegħdin jistennew li tkun iddeterminata l-applikazzjoni tagħhom għal ażil.

54.

Isegwi li l-data rilevanti skont il-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86 biex ikun evalwat jekk it-tfal ta’ refuġjat ikunux minorenni skont it-tifsira ta’ dik id-dispożizzjoni, hija d-data tal-applikazzjoni tal-isponsor għal ażil ( 33 ).

55.

Applikat dak l-approċċ għall-fatti fil-kawża prinċipali, XC u missierha kienu jkunu intitolati għal riunifikazzjoni tal-familja, skont il-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86, f’April 2016 fid-data meta huwa applika għal ażil, meqjusa l-età ta’ XC dak iż-żmien u n-natura dikjaratorja tar-rikonoxximent tal-istatus tiegħu ta’ refuġjat. Fid-dawl tas-sentenza A u S, ma kienx ikun skont il-liġi kieku l-istatus tagħha bħala minorenni kellu jkun evalwat skont id-data li fiha kien irrikonoxxut l-istatus ta’ refuġjat ta’ missierha, bħala distint minn dik meta beda jseħħ. Kieku kellu jkun mod ieħor, id-dritt ta’ riunifikazzjoni tal-familja kien ikun jiddependi minn ċirkustanzi fortuwiti u imprevedibbli, għalkollox attribwibbli għall-awtoritajiet nazzjonali u qrati kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat u jkun jista’ jwassal għal differenzi sinjifikattivi fl-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għal riunifikazzjoni tal-familja bejn Stati Membri u ġewwa Stat Membru wieħed ( 34 ). Tali approċċ ikun kuntrarju għall-Artikolu 7 u l-Artikolu 24(2) tal-Karta.

56.

Jista’ jiġi osservat ukoll li XC applikat għal riunifikazzjoni tal-familja ma’ missierha xahar wara li huwa kien ingħata status ta’ refuġjat u, għalhekk, sewwa fi żmien il-perijodu ta’ tliet xhur indikat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 61 tas-sentenza A u S.

57.

Fid-dawl ta’ dak espost iktar ’il fuq inqis li r-risposta għall-ewwel domanda hija li l-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86 għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li t-tfal ta’ sponsor mogħti status ta’ refuġjat ikunu minorenni, skont it-tifsira ta’ dik id-dispożizzjoni, jekk it-tfal kienu minorenni fid-data li fiha l-isponsor għamel l-applikazzjoni għal ażil iżda saru maġġorenni qabel ma l-isponsor ingħata status ta’ refuġjat, bil-kundizzjoni li tkun saret applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja fi żmien tliet xhur mir‑rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat tal-isponsor.

B.   Fuq it-tieni domanda

58.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob gwida dwar xi jfisser il-kunċett ta’ “relazzjoni reali ta’ […] familja” li hemm fl-Artikolu 16(1)(b) tad-Direttiva 2003/86.

59.

Id-Direttiva 2003/86 ma tiddefinixxix dan il-kunċett. Lanqas l‑Artikolu 16(1)(b) tad-Direttiva 2003/86 ma jirreferi għad-dritt tal-Istati Membri li jiddetermina t-tifsira u l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Skont il-ħtieġa għal applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, l‑Artikolu 16(1)(b) tad-Direttiva 2003/86 għandu jingħata interpretazzjoni awtonoma u uniformi mal-Unjoni Ewropea kollha. Tali interpretazzjoni għandha tqis, inter alia, il-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan segwit mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni ( 35 ).

60.

L-Istati Membri jistgħu ( 36 ) jitolbu iktar mill-eżistenza tar-relazzjoni bejn ġenitur u wild. Inkella, l-Artikolu 16(1)(b) tad-Direttiva 2003/86 ikun żejjed minħabba li t-termini tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva li jirreferu għat-“tfal minorenni” tal-isponsor ikunu biżżejjed. Barra minn dan, minħabba li l‑Artikolu 16(1)(b) tad-Direttiva 2003/86 jirreferi għal relazzjonijiet reali ta’ żwieġ jew familja, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma huwiex limitat biex tkun indirizzata l-kwistjoni ta’ żwiġijiet ta’ konvenjenza speċifikament imsemmija fl-Artikolu 16(2) u (4) tad-Direttiva 2003/86 ( 37 ).

61.

B’analoġija mal-Artikolu 16(2)(b) tad-Direttiva 2003/86, jidher li Stati Membri jistgħu jirrifjutaw applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja, skont il‑punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86 jekk l‑applikazzjoni tkun “biss għall-għan” li t-tfal ikkonċernati jkunu jistgħu jidħlu jew ikunu residenti fi Stat Membru u ma jkunx hemm intenzjoni li tkun segwita relazzjoni familjali reali ( 38 ). L-Artikolu 16(2)(b) tad-Direttiva 2003/86, għalhekk, ifittex, fil-fehma tiegħi, li jevita li jingħataw drittijiet, skont din id-direttiva, f’każijiet ta’ abbuż jew frodi ( 39 ).

62.

Skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/86 jekk Stat Membru jirrifjuta applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja, huwa għandu jeżamina s‑sitwazzjoni tal-membri tal-familja kkonċernata każ każ, billi jagħmel evalwazzjoni bilanċjata, proporzjonata u raġonevoli tal-elementi kollha li jkunu jistgħu jenħtiġilhom jitqiesu f’dak il-kuntest. Bħalma huwa ċar mill-premessa 2 tad-Direttiva 2003/86, miżuri dwar riunifikazzjoni tal-familja, inklużi dawk mogħtija mill-Artikolu 16 tagħha, għandhom ikun konformi ma’ drittijiet fundamentali, b’mod partikolari d-dritt ta’ rispett għall-ħajja privata u tal-familja ggarantit bl-Artikolu 7 u l-Artikolu 24(2) u (3) tal-Karta ( 40 ). L-Artikolu 18 tad‑Direttiva 2003/86 jipprovdi wkoll li l-isponsor u familtu għandhom dritt li jagħmlu kontestazzjoni legali fejn applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja tiġi miċħuda.

63.

Apparti l-fatt li, skont il-premessa 8 tad-Direttiva 2003/86, għandha tingħata attenzjoni speċjali għaċ-ċirkustanzi ta’ refuġjati u, għalhekk, għall-fatt li XC u missierha ma tħallewx għal żmien kunsiderevoli milli jgħaddu ħajja tal‑familja “normali”, jiena nemmen li ma jkunx xieraq u jkun eċċessiv ( 41 ) li tali persuni jintalbu jikkoabitaw fl-istess dar jew jgħixu taħt l-istess saqaf biex ikunu eliġibbli għal riunifikazzjoni tal-familja. Barra minn dan, huma jista’ ma jkunx jenħtiġilhom isostnu lil xulxin finanzjarjament, minħabba li ma jkollhomx il-mezzi materjali biex jagħmlu hekk. Filwaqt li riunifikazzjoni tal-familja “hija mezz neċessarju biex il-ħajja tal-familja ssir” ( 42 ), id-Direttiva 2003/86 ma timponi ebda mudell jew norma dwar kif dik il-ħajja tal-familja għandha titfassal, iżda titlob biss li hija tkun “reali”. Fil-fehma tiegħi, hemm bżonn li tkun evitata evalwazzjoni manifestament suġġettiva ta’ xi tkun relazzjoni familjali “reali” jew ħajja tal-familja “normali” u, minflok, nikkonċentraw fuq l-għan tal-Artikolu 16(1)(b) tad-Direttiva 2003/86 li huwa li ma jħallix dik id-direttiva tintuża biex tiffaċilita abbuż jew frodi.

64.

F’kull każ, huwa perfettament “normali” għal adulti żgħażagħ li jgħixu separatament mill-ġenituri tagħhom u minn membri oħra tal-familja. F’dan ir‑rigward inqis li meqjusa l-ħajjiet separati li XC u missierha għaddew, żjajjar kultant żmien u kuntatti regolari ta’ kull xorta ( 43 ) jistgħu jkunu biżżejjed biex iħalluhom jibnu (mill-ġdid) jew li (jerġgħu) jistabbilixxu r-relazzjoni familjali tagħhom. Tali żjajjar jew kuntatti għandhom ikunu ta’ tali intensità li għandha “tgħin biex toħloq stabbilita soċjokulturali li tiffaċilita l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-Istati Membri” ( 44 ).

65.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, inqis li r-risposta għat-tieni domanda hija li relazzjoni legali ta’ ġenitur/wild waħedha ma hijiex ser tkun biżżejjed biex tistabbilixxi relazzjoni reali ta’ familja skont l-Artikolu 16(1)(b) tad‑Direttiva 2003/86. Meta tintalab riunifikazzjoni tal-familja fir-rigward ta’ wild minorenni li sussegwentement ikun laħaq l-età maġġorenni, l-isponsor u t-tfal tiegħu ma jkunx jenħtiġilhom jikkoabitaw fl-istess dar jew jgħixu taħt saqaf wieħed. Żjajjar kultant żmien u kuntatti regolari ta’ kull xorta li jħalluhom jibnu (mill-ġdid) jew (jerġgħu) jistabbilixxu r-relazzjoni tagħhom ta’ familja jkunu biżżejjed.

VI. Konklużjoni

66.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti risposta għad-domandi magħmula għal deċiżjoni preliminari mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il‑Ġermanja) kif ġej:

(1)

Il-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal‑Kunsill 2003/86/KE tat‑22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja għandu jkun interpretat bħala li jfisser li t-tfal ta’ sponsor mogħti status ta’ refuġjat ikunu minorenni, skont it-tifsira ta’ dik id‑dispożizzjoni, jekk it-tfal kienu minorenni fid-data li fiha saret l‑applikazzjoni għal ażil mill-isponsor iżda li jkunu kisbu l-età maġġorenni qabel l-isponsor ma ngħata status ta’ refuġjat, bil-kundizzjoni li applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja tkun saret fi żmien tliet xhur minn meta l-isponsor ikun ingħata status ta’ refuġjat.

(2)

Relazzjoni ġenitur/wild waħedha ma hijiex ser tkun biżżejjed biex tkun stabbilita relazzjoni reali ta’ familja skont l-Artikolu 16(1)(b) tad‑Direttiva 2003/86. Meta tintalab riunifikazzjoni tal-familja fir-rigward ta’ wild minorenni li sussegwentement ikun kiseb l-età maġġorenni, l‑isponsor u t-tfal tiegħu ma jkunx jenħtiġilhom jikkoabitaw fl-istess dar jew jgħixu taħt saqaf wieħed. Żjajjar kultant żmien u kuntatti regolari ta’ kull xorta li jħalluhom jibnu (mill-ġdid) jew (jerġgħu) jistabbilixxu r-relazzjoni tagħhom ta’ familja jkunu biżżejjed.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224.

( 3 ) BGBl. 2008 I, p. 162.

( 4 ) BGBl. 2020 I, p. 166.

( 5 ) C‑550/16, EU:C:2018:248; magħrufa wkoll bħala s-“sentenza A u S”.

( 6 ) Skont il-qorti tar-rinviju, konformi mal-ġurisprudenza stabbilita tagħha dwar il-paragrafu 32 tal‑AufenthG, għalkemm wild ma jkunx jenħtieġlu jkun minorenni meta tingħata l-viża għall‑finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja, huwa kellu jkun minorenni fid-data meta tkun saret l-applikazzjoni. Barra minn dan, huwa għandu wkoll ikun minorenni fid-data li l-ġenitur jingħata l-permess ta’ residenza temporanju li jistabbilixxi d-dritt ta’ immigrazzjoni sussegwenti ta’ dipendenti – f’dan il-każ, permess ta’ residenza temporanju bħala persuna bi status ta’ refuġjat: paragrafu 32(1)(2) tal-AufenthG, moqri flimkien mal-ewwel alternattiv tal-ewwel sentenza tal-paragrafu 25(2). Il-qorti tar-rinviju indikat li “l-paragrafu 32(1) tal-AufenthG jirregola l-immigrazzjoni sussegwenti ta’ tfal mhux biss biex jingħaqdu ma’ persuni bi status ta’ refuġjati, iżda wkoll biex jingħaqdu ma’ barranin intitolati għal residenza fil-Ġermanja, minbarra persuni bi status ta’ protezzjoni sussidjarja. Minħabba li r-rekwiżit ta’ “tfal minorenni mhux miżżewġa” japplika ugwalment għall-varjazzjonijiet kollha dwar l-immigrazzjoni sussegwenti ta’ tfal li mbagħad ikunu elenkati skont il-punti 1 sa 7, id-data rilevanti biex tkun iddeterminata l-età minorenni skont id-dritt nazzjonali għandha tkun stabbilita b’mod uniformi. Madankollu, id-data li fiha tkun saret l-applikazzjoni għal viża għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja hija l-uniku mument li joħloq dubji dwar il-varjazzjonijiet kollha.”

( 7 ) Il-qorti tar-rinviju tqis li l-Qorti tal-Ġustizzja setgħet qieset dak l-element għal bilanċ.

( 8 ) C‑133/19, C‑136/19 u C‑137/19, EU:C:2020:577, magħrufa wkoll bħala s-“sentenza État belge”.

( 9 ) Minkejja l-fatt li l-ewwel domanda tirreferi għall-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) irreferiet għall-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva f’dak il-kuntest. Hija rreferiet ukoll għall-punti (b) sa (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva b’rabta mat-tieni domanda tagħha. Madankollu, ser nillimita r-risposta tiegħi għall-ewwel domanda għall-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86 għar-raġunijiet li ġejjin. Minħabba li omm XC hija mejta, jidher li din hija d-dispożizzjoni rilevanti. Barra minn dan, inqis li, irrispettivament minn liema dispożizzjoni tal-punti (b) sa (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86 tapplika għall-fatti, ir-risposta tiegħi għall-ewwel domanda dwar id-data tkun identika minħabba li l-punti (b) sa (d) kollha jirreferu għal “tfal minorenni”. F’dan il-kuntest, jiena nirreferi għall-premessa 9 tad-Direttiva 2003/86, li tipprovdi li “Ir-riunifikazzjoni tal-familja għandha tapplika f’kull każ għall-membri tal-familja nukleari, jiġifieri l-konjugi u t-tfal minorenni”.

( 10 ) Hawnhekk il-ġenitur tagħhom.

( 11 ) Ta’ minn josserva li l-ewwel domanda ma tirreferix għall-permess ta’ residenza temporanju ta’ tliet xhur mogħti lil missier XC skont il-paragrafu 25(2) tal-AufenthG (Settembru 2017) jew għar-rekwiżiti imposti minn dik id-dispożizzjoni u mill-paragrafu 32(1) tal-AufenthG. Forsi dan għaliex XC applikat għal riunifikazzjoni tal-familja flimkien ma’ missierha qabel ma kien ingħata dak il-permess (10 ta’ Awwissu 2017) u ż-żmien qasir li fih seħħew il-ġrajjiet rilevanti.

( 12 ) Sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, État belge (Riunifikazzjoni tal-familja – Wild minuri) (C‑133/19, C-136/19 u C-137/19, EU:C:2020:577, punti 35 u 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 13 ) Sentenzi tas‑27 ta’ Ġunju 2006, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑540/03, EU:C:2006:429, punt 60), u tas‑16 ta’ Lulju 2020, État belge (Riunifikazzjoni tal-familja – Wild minuri) (C‑133/19, C‑136/19 u C‑137/19, EU:C:2020:577, punt 26).

( 14 ) Dawk ir-rekwiżiti ma humiex is-suġġett ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

( 15 ) L-Istati Membri jistgħu, madankollu, jistabbilixxu l-età maġġorenni legali. Sentenza tas-16 ta’ Lulju 2020, État belge (Riunifikazzjoni tal-familja – Wild minuri) (C‑133/19, C‑136/19 u C‑137/19, EU:C:2020:577, punt 29).

( 16 ) Skont l-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2003/86 “minorenni mhux akkompanjat” għall-finijiet ta’ din id-direttiva “tfisser ‘ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni bla stat taħt l-età tmintax, li jaslu fit-territorju ta’ l-Istati Membri mhux akkompanjati minn adulti responsabbli bil-liġi jew b’użanza, u sakemm ma jittiħdux effettivament fir-responsabbiltà ta’ persuna tali, jew minorenni li jibqgħu mhux akkompanjati wara li jkunu daħlu fit-territorju ta’ l-Istati Membri”.

( 17 ) Sentenza tat‑12 ta’ April 2018, A u S (C‑550/16, EU:C:2018:248, punt 43).

( 18 ) Ibid., punt 44.

( 19 ) Ibid., punt 45.

( 20 ) Fis-sentenza tagħha tat-12 ta’ April 2018, A u S (C-550/16, EU:C:2018:248, punti 51 u 52), il‑Qorti tal-Ġustizzja qalet li l-kundizzjoni imposta mill-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2003/86 hija spjegata faċilment permezz tal-fatt li qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali, ikun impossibbli li wieħed ikun jaf b’ċertezza jekk il-persuna kkonċernata tkunx tissodisfa l-kundizzjonijiet biex tingħata l-istatus ta’ refuġjat.

( 21 ) Skont id-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, ĠU 2011 L 337, p. 9.

( 22 ) Sentenza tat‑12 ta’ April 2018, A u S (C‑550/16, EU:C:2018:248, punti 53 sa 55). Il-Qorti tal‑Ġustizzja nnotat li żewġ minorenni mhux akkumpanjati tal-istess età li ssottomettew applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja fl-istess żmien setgħu jiġu ttrattati b’mod differenti minħabba ż-żmien meħud għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet rispettivi tagħhom. Minħabba l-fatt li t-tul ta’ proċedura ta’ ażil jista’ jkun sinjifikattiv, li d-dritt għal riunifikazzjoni tal‑familja jkun jiddependi mill-mument meta l-proċedura tingħalaq aktarx li jċaħħad proporzjon sostanzjali ta’ refuġjati li jkunu ssottomettew l-applikazzjoni tagħhom għal protezzjoni internazzjonali bħala minorenni mhux akkumpanjati mill-benefiċċju ta’ dak id-dritt u mill-protezzjoni li l-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86 huwa intiż li jagħtihom. Barra minn dan, awtoritajiet nazzjonali jistgħu ma jitqanqlux li jittrattaw applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali mingħand minorenni mhux akkumpanjati malajr, u għalhekk jikkompromettu l-għan segwit kemm minn din id-direttiva, kif ukoll mid-Direttiva 2011/95 li jiżgura li, skont l-Artikolu 24(2) tal-Karta, l-aħjar interessi tat-tfal huma, fil-prattika, kunsiderazzjoni primarja għall-Istati Membri fl-applikazzjoni ta’ dawk id-direttivi. Sentenza tat‑12 ta’ April 2018, A u S (C‑550/16, EU:C:2018:248, punti 56 sa 58). Fil-punt 59 ta’ dik is‑sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li jekk id-dritt ta’ riunifikazzjoni tal-familja skont l‑Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86 kellu jiddependi mid-data li fiha l-awtorità kompetenti nazzjonali formalment tadotta d-deċiżjoni li tirrikonoxxi l-istatus ta’ refuġjat tal-persuna kkonċernata, dik “[l-]interpretazzjoni jkollha l-konsegwenza li tirrendi assolutament imprevedibbli għal minuri mhux akkumpanjat li jkun ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali l-fatt dwar jekk huwa ser jibbenefika mid-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja mal-ġenituri tiegħu, li jista’ jkollu impatt negattiv fuq iċ-ċertezza legali”.

( 23 ) Sentenza tat‑12 ta’ April 2018, A u S (C‑550/16, EU:C:2018:248, punt 60).

( 24 ) Sentenza tat‑12 ta’ April 2018, A u S (C‑550/16, EU:C:2018:248, punt 61). Il-Qorti tal‑Ġustizzja straħet b’analoġija fuq il-limitu ta’ tliet xhur skont it-tielet subparagrafu tal‑Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2003/86.

( 25 ) Sentenza tas-16 ta’ Lulju 2020, État belge (Riunifikazzjoni tal-familja – Wild minuri) (C‑133/19, C‑136/19 u C‑137/19, EU:C:2020:577, punti 3637). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li jekk iż-żmien tad-deċiżjoni tal-awtoritajiet jew tal-qrati kompetenti nazzjonali dwar l-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja kien il-mument rilevanti għad-determinazzjoni tal-istatus minorenni tat-tfal, ma jkunx possibbli li jiġi żgurat, skont il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ċertezza legali, trattament identiku u prevedibbli għall-applikanti kollha li jkunu fl-istess sitwazzjoni kronoloġikament. Tali interpretazzjoni tkun tista’ twassal għal differenzi sinjifikattivi fl-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għal riunifikazzjoni tal-familja bejn l-Istati Membri u, tabilħaqq, fi Stat Membru wieħed. Sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, État belge (Riunifikazzjoni tal-familja – Wild minuri) (C‑133/19, C‑136/19 u C‑137/19, EU:C:2020:577, punti 4243).

( 26 ) Jidher li tliet snin kien il-perjodu medju għal deċiżjoni dwar tilwim b’rabta ma’ riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju. Sentenza tas-16 ta’ Lulju 2020, État belge (Riunifikazzjoni tal-familja – Wild minuri) (C‑133/19, C‑136/19 u C‑137/19, EU:C:2020:577, punt 40).

( 27 ) Ara l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2003/86.

( 28 ) Ma hemm ebda mertu reali fil-kategorizzazzjoni tas-sitwazzjoni fattwali f’dawn il-proċeduri bħala s-sitwazzjoni “inversa” għal dik li tat lok għas-sentenza tat‑12 ta’ April 2018, A u S (C‑550/16, EU:C:2018:248). L-Artikolu 2(f) u, b’implikazzjoni, l-Artikolu 10(3)(a) tad‑Direttiva 2003/86, huma speċifikament relatati ma’ minorenni mhux akkumpanjati fit‑territorju tal-Istati Membri, mhux ma’ dawk f’ pajjiżi terzi. L-Artikolu 4(1) tad‑Direttiva 2003/86 jiżgura d-drittijiet, inter alia, tal-kategorija tal-aħħar.

( 29 ) Ara wkoll il-premessa 8 tad-Direttiva 2003/86 li tgħid li d-direttiva tipprovdi kundizzjonijiet iktar favorevoli għal refuġjati biex jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal riunifikazzjoni tal-familja, minħabba r-raġunijiet li kienu jobbligawhom jaħarbu minn pajjiżhom u ma jħalluhomx jgħaddu ħajja familjali normali hemmhekk.

( 30 ) L-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2003/86 jipprovdi, madankollu, li l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw riunifikazzjoni tal-familja ta’ membri oħra tal-familja li ma jirreferix għalihom l‑Artikolu 4, jekk huma jkunu dipendenti fuq ir-refuġjat. Din id-dispożizzjoni, għalhekk, tapplika, pereżempju, għal persuni minbarra l-konjuġi ta’ refuġjat, uliedu jew il-ġenituri tiegħu.

( 31 ) Madankollu, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2003/86, Stati Membri jistgħu jirrikjedu li r-refuġjat jissodisfa l-kundizzjonijiet li jirreferi għalihom l-Artikolu 7(1) jekk l-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja ma tkunx ġiet sottomessa fi żmien perjodu ta’ tliet xhur wara l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat.

( 32 ) Kif jirriżulta mill-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2003/86.

( 33 ) Huwa ċar mis-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Bundesrepublik Deutschland (Membru tal‑familja) (C‑768/19, EU:C:2021:709, punti 48 sa 51) li jekk missier XC kien applika b’mod informali għal protezzjoni internazzjonali qabel ma ssottometta applikazzjoni formali, id-data tal-applikazzjoni ta’ qabel tkun rilevanti għal eżami tal-istatus ta’ XC bħala minorenni.

( 34 ) Sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, État belge (Riunifikazzjoni tal-familja – Wild minuri) (C‑133/19, C‑136/19 u C‑137/19, EU:C:2020:577, punt 41).

( 35 ) Sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, État belge (Riunifikazzjoni tal-familja – Wild minuri) (C‑133/19, C‑136/19 u C‑137/19, EU:C:2020:577, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 36 ) L-użu fl-Artikolu 16(1) tal-kliem “jistgħu ma jilqgħux applikazzjoni għad-dħul u residenza għall-għan tar-riunifikazzjoni tal-familja” jindika li l-Istati Membri għandhom diskrezzjoni dwar dan ir-rifjut.

( 37 ) Għall-kuntrarju, fis-sentenza tagħha tad‑9 ta’ Settembru 2021, Bundesrepublik Deutschland (Membru tal-familja) (C‑768/19, EU:C:2021:709, punti 53 sa 59), li kienet dwar, inter alia, l‑Artikolu 23 tad-Direttiva 2011/95 u ż-żamma tal-unità tal-familja għall-membri tal-familja ta’ benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li t-tielet inċiż tal‑Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95, moqri flimkien mal-Artikolu 23(2) tagħha u l-Artikolu 7 tal-Karta, għandu jkun interpretat li jfisser li l-kunċett ta’ “membru tal-familja” ma jenħtiġlux li l-ħajja tal-familja għandha effettivament terġa’ tibda mill-ġdid bejn il-ġenitur tal-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali u wildu.

( 38 ) Meta jagħmlu din l-evalwazzjoni Stati Membri jistgħu jqisu l-fatt li rabtiet ta’ familja jkunu reġgħu bdew biss wara li l-isponsor jkun ingħata status ta’ refuġjat minkejja l-fatt li kien fil-fatt possibbli li jsir hekk minn qabel. Ara, b’analoġija, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(2)(b) tad-Direttiva 2003/86.

( 39 ) Tista’ ssir analoġija wkoll bejn l-Artikolu 16(1)(b) tad-Direttiva 2003/86 u l-Artikolu 35 tad‑Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id‑drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46). Id-dispożizzjoni tal-aħħar bit-titolu “Abbuż tad-drittijiet” tipprovdi li “L-Istati Membri jistgħu jadottaw il-miżuri neċessarji biex jirrifjutaw, itemmu jew jirrevokaw kwalunkwe dritt mogħti b’din id-Direttiva f’każ ta’ abbuż jew frodi, bħal żwiġijiet ta’ konvenjenza. Kwalunkwe miżura bħal din għandha tkun proporzjonata u bla ħsara għall-garanziji proċedurali previsti fl-Artikoli 30 u 31”. Is-salvagwardji proċedurali meħtieġa skont l-Artikoli 30 u 31 tad-Direttiva 2004/38 ġejjin minn għadd ta’ drittijiet fundamentali ggarantiti, inter alia, mill-Karta, bħall-Artikolu 41 dwar id-dritt għal amministrazzjoni tajba, u l-Artikolu 47 dwar id-dritt għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq. Flimkien mad-dispożizzjonijiet iktar speċifiċi tal-Artikoli 17 u 18 tad-Direttiva 2003/86, id-drittijiet iggarantiti mill-Artikolu 47 tal-Karta u mill-prinċipju ta’ proporzjonalità għandhom ikunu rrispettati meta Stat Membru jimplimenta dik id-direttiva, partikolarment l-Artikolu 16(1)(b) tagħha. Barra minn dan, filwaqt li l-Artikolu 41 tal-Karta jirreferi, inter alia, għal istituzzjonijiet tal-Unjoni u mhux għal Stati Membri, id-dritt għal amministrazzjoni tajba huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, fejn, fil-kawża prinċipali, Stat Membru jimplimenta d-dritt tal-Unjoni, ir-rekwiżiti għad-dritt għal amministrazzjoni tajba jkunu japplikaw għal proċedura skont l-Artikolu 16(1)(b) tad-Direttiva 2003/86: sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2014, N. (C‑604/12, EU:C:2014:302, punti 4950).

( 40 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2019, Y.Z. et (Frodi fir-riunifikazzjoni tal-familja) (C‑557/17, EU:C:2019:203, punt 51 sa 53).

( 41 ) La l-Gvern Taljan u lanqas il-Kummissjoni ma jqisu li tkun meħtieġa l-koabitazzjoni.

( 42 ) Ara l-premessa 4 tad-Direttiva 2003/86 li tipprovdi li: “Ir-riunifikazzjoni tal-familja hija mezz neċessarju biex il-ħajja tal-familja ssir. Hija tgħin biex toħloq stabbilita soċjokulturali li tiffaċilita l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-Istati Membri, li sservi wkoll biex tippromwovi koeżjoni ekonomika u soċjali, għan fundamentali tal-Komunità ddikjarat fit‑Trattat.”

( 43 ) Ir-regolarità ta’ tali żjajjar jew kuntatti għandha tkun evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi materjali disponibbli għall-persuni inkwistjoni bħad-distanza bejn ir-residenzi tagħhom, ir-riżorsi finanzjarji tagħhom, l-impenji ta’ xogħol jew studju tagħhom, impenji oħra tal-familja, eċċ.

( 44 ) Ara l-premessa 4 tad-Direttiva 2003/86.

Top