Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CC0260

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Pikamäe, ippreżentati fit-13 ta’ Jannar 2022.
    Il-Kummissjoni Ewropea vs Hansol Paper Co. Ltd.
    Appell – Dumping – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/763 – Importazzjonijiet ta’ ċerta karta termali ħafifa li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea – Dazju antidumping definittiv – Regolament (UE) 2016/1036 – Artikoli 6, 16, 18 – Prova – Informazzjoni pprovduta barra minn risposta għal kwestjonarju antidumping – Teħid inkunsiderazzjoni tal-bejgħ li jaffettwa l-kalkolu tad-dumping – Artikolu 2(1) u (3) – Kalkolu tal-valur normali – Ġerarkija bejn il-metodi ta’ kalkolu – Artikolu 3(2) u (3) – Dannu – Kalkolu tal-marġni ta’ undercutting – Appell inċidentali – Artikolu 2(11) – Portata reali tad-dumping – Artikolu 18 – Eżenzjoni milli tingħata risposta għal kwestjonarju antidumping – Assenza ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni.
    Kawża C-260/20 P.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:13

     KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

    PIKAMÄE

    ippreżentati fit‑13 ta’ Jannar 2022 ( 1 )

    Kawża C‑260/20 P

    Il‑Kummissjoni Ewropea

    vs

    Hansol Paper Co. Ltd

    “Appell – Dumping – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/763 – Importazzjonijiet ta’ ċerta karta termali ħafifa li toriġina mir-Repubblika tal‑Korea ta’ Isfel – Dazju antidumping definittiv – Kalkolu tal-marġni ta’ dumping – Kalkolu tal-marġni ta’ dannu – Determinazzjoni tad-danni”

    I. Introduzzjoni

    1.

    Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑2 ta’ April 2020, Hansol Paper Co. Ltd vs Il‑Kummissjoni (T‑383/17, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2020:139), li laqgħet ir-rikors ippreżentat minn Hansol Paper Co. Ltd (iktar ’il quddiem “Hansol”), impriża stabbilita fil-Korea ta’ Isfel u attiva fil-produzzjoni u fl-esportazzjoni ta’ karta termali, kontra r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/763 tat‑2 ta’ Mejju 2017 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ ċerta karta termali ħafifa li toriġina mir-Repubblika tal-Korea ( 2 ) (iktar ’il quddiem ir-“regolament kontenzjuż”), billi annullat dan ir-regolament, sa fejn kien jikkonċerna lill-impriża msemmija hawn fuq.

    2.

    Dan l-appell jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tagħmel preċiżazzjonijiet fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea ( 3 ) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”), u b’mod partikolari tad-dispożizzjonijiet li jawtorizzaw lill-Kummissjoni tiddetermina l-eżistenza ta’ dumping li jista’ jikkawża dannu lill-industrija tal-Unjoni Ewropea. Il-kwistjonijiet legali li għandhom jiġu deċiżi mill-Qorti tal-Ġustizzja jikkonċernaw b’mod konkret id-diversi stadji tal-eżami li l-Kummissjoni għandha twettaq fl-applikazzjoni ta’ dan l-istrument ta’ difiża kummerċjali, kif ukoll is-setgħat investigattivi li hija għandha fir-rigward tal-aġenti ekonomiċi ssuspettati bi prattiki kummerċjali żleali li jiġġustifikaw, jekk ikun il-każ, miżuri antidumping.

    II. Il‑kuntest ġuridiku

    A.   Id‑dritt tal‑WTO

    3.

    Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat‑22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoin f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986–1994) ( 4 ), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea approva l-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marrakesh fil‑15 ta’ April 1994, kif ukoll il-ftehimiet li jinsabu fl-Annessi 1, 2 u 3 ta’ dan il-ftehim, li fosthom hemm il-Ftehim dwar l-implimentazzjoni ta’ l-artikolu vi tal-ftehim ġenerali dwar it-tariffi u l-kummerċ 1994 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar l-Antidumping”) ( 5 ).

    4.

    L-Artikolu 2 tal-Ftehim dwar l-Antidumping, intitolat “Determinazzjoni ta’ d-damping”, jipprevedi:

    “2.1   Ghall-għan ta’ dan il-Ftehim, prodott għandu jitqies bħala damping, jiġifieri introdott fil-kummerċ ta’ pajjiż ieħor bi prezz inqas minn normal, jekk il-prezz ta’ esportazzjoni tal-prodott minn pajjiż għall-ieħor huwa inqas mill-prezz komparabbli, fid-direzzjoni ordinarju tal-kummerċ, għall-prodotti simili meta dawn ikunu destinati għall-konsum fil-pajjiż li jkun qed jesporta […]

    2.2   Meta ma’ jkunx hemm bejgħ ta’ prodotti simili fid-direzzjoni ordinarja tal-kummerċ fis-suq domestiku tal-pajjiż li jkun qed jesporta jew meta, minħabba s-sitwazzjoni fis-suq partikolari jew il-volum baxx tal-bejgħ fis-suq domestiku tal-pajjiż li jkun qed jesporta, dan il-bejgħ ma’ jippermettix paragun kif suppost, il-marġini ta’ d-damping jiġi stabbilit permezz ta’ paragun ta’ prezz komparabbli ta’ prodott simili meta esportat f’pajjiż xieraq tat-Tielet Dinja, iżda jrid jiġi pprovdut li dan il-prezz huwa rappreżentant, jew fil-pajjiż ta’ origini apparti minn ammont raġonevoli għall-amministrazzjoni, bejgħ u spejjeż ġenerali u għall-profitti.”

    B.   Ir‑Regolament bażiku

    5.

    L-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku jipprevedi, fil-partijiet rilevanti:

    “1.   Il-valur normali għandu normalment ikun ibbażat fuq il-prezzijiet imħallsa jew pagabbli, fil-kors ordinarju tal-kummerċ, minn klijenti indipendenti fil-pajjiż esportatur.

    Madanakollu, fejn l-esportatur fil-pajjiż esportatur ma jipproduċix jew ma jbigħx il-prodott simili, il-valur normali jista’ jiġi stabbilit fuq il-bażi ta’ prezzijiet ta’ bejjiegħa jew produtturi oħra.

    Il-prezzijiet bejn partijiet li jidhru li jkunu assoċjati, jew li jkollhom arranġament kumpensatorju ma’ xulxin ma jistgħux jitqiesu li jkunu fil-kors ordinarju tal-kummerċ u ma jistgħux jintużaw biex jistabbilixxu l-valur normali sakemm ma jkunx stabbilit li huma ma humiex milquta mir-relazzjoni.

    Biex jiġi stabbilit jekk żewġ partijiet humiex assoċjati, tista’ titqies id-definizzjoni ta’ partijiet relatati stabbilita fl-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 [ ( 6 )].

    2.   Il-bejgħ tal-prodott simili maħsub għall-konsum domestiku għandu normalment jiġi użat biex jiġi stabbilit il-valur normali jekk tali volum ta’ bejgħ jikkonstitwixxi 5 % jew aktar mill-volum tal-bejgħ tal-prodott ikkunsidrat lill-Unjoni. Madanakollu, jista’ jiġi użat volum inqas ta’ bejgħ meta, per eżempju, il-prezzijiet mitluba jkunu kkunsidrati rappreżentattivi għas-suq konċernat.

    3.   Meta ma jkun hemm l-ebda bejgħ jew meta ma jkunx hemm biżżejjed bejgħ tal-prodott simili fil-kors ordinarju tal-kummerċ, jew fejn, minħabba s-sitwazzjoni partikolari tas-suq tali bejgħ ma jippermettix paragun xieraq, il-valur normali ta’ prodott simili għandu jiġi kkalkolat fuq il-bażi tal-ispiża tal-produzzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini flimkien ma’ ammont raġonevoli għall-ispejjeż tal-bejgħ, l-ispejjeż ġenerali u amministrattivi u għal profitti, jew fuq il-bażi tal-prezzijiet tal-esportazzjoni, fil-kors ordinarju tal-kummerċ, lil pajjiż terz xieraq, sakemm dawk il-prezzijiet ikunu rappreżentattivi.

    […]

    9.   F’każijiet fejn ma hemm ebda prezz tal-esportazzjoni jew fejn jidher li l-prezz tal-esportazzjoni mhuwiex affidabbli minħabba assoċjazzjoni jew arranġament kumpensatorju bejn l-esportatur u l-importatur jew parti terza, il-prezz tal-esportazzjoni jista jinħadem fuq il-bażi tal-prezz li bih il-prodotti impurtati huma l-ewwel mibjugħa mill-ġdid lil xerrej indipendenti, jew, jekk il-prodotti mhumiex mibjugħa mill-ġdid lil xerrej indipendenti jew mhumiex mibjugħin mill-ġdid fil-kondizzjoni li fiha ġew impurtati, fuq kwalunkwe bażi raġonevoli.

    […]

    11.   Soġġett għad-dispożizzjonijiet rilevanti li jirregolaw paragun adegwat, l-eżistenza ta’ marġini ta’ dumping matul il-perjodu ta’ investigazzjoni għandha normalment tiġi stabbilita fuq il-bażi ta’ paragun ta’ valur normali medju peżat ma’ medja peżata tal-prezzijiet tat-transazzjonijiet kollha tal-esportazzjoni lill-Unjoni, jew b’paragun tal-valuri normali individwali u l-prezzijiet individwali tal-esportazzjoni lill-Unjoni fuq bażi ta’ kull transazzjoni individwali. Madanakollu, valur normali stabbilit fuq bażi ta’ medja peżata jista’ jiġi mqabbel ma prezzijiet tat-transazzjonijiet individwali kollha tal-esportazzjoni lill-Unjoni, jekk ikun hemm differenza sinifikanti fix-xejriet ta’ prezzijiet tal-esportazzjoni fost xerrejja differenti, reġjuni differenti jew perjodi differenti ta’ żmien, u jekk il-metodi speċifikati fl-ewwel sentenza ta’ dan il-paragrafu ma jirriflettux il-grad sħiħ ta’ dumping ipprattikat. Dan il-paragrafu ma għandux jipprekludi l-użu ta’ teħid ta’ kampjuni skont l-Artikolu 17.

    12.   Il-marġini ta’ dumping għandu jkun l-ammont li permezz tiegħu il-valur normali jaqbeż il-prezz tal-esportazzjoni. Fejn il-marġini ta’ dumping ivarjaw, jista’ jiġi stabbilit marġini medju peżat ta’ dumping.”

    6.

    L-Artikolu 3(3) tar-Regolament bażiku jipprovdi:

    “3.   Fir-rigward tal-volum tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, għandu jittieħed kont ta’ jekk kienx hemm żieda sinifikanti fl-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, kemm jekk f’termini assoluti kif ukoll jekk relattivament għall-produzzjoni jew għall-konsum fl-Unjoni. Fir-rigward tal-effett tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping fuq prezzijiet, għandu jittieħed kont ta’ jekk kienx hemm undercutting sinifikanti fil-prezzijiet tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping meta mqabbla mal-prezz ta’ prodott simili tal-industrija tal-Unjoni, jew jekk l-effett ta’ tali importazzjonijiet huwiex mod ieħor biex iwaqqa’ l-prezzijiet għal grad sinifikanti jew biex jipprevjeni żidiet fil-prezz, li b’mod ieħor kienu jseħħu, sa grad sinifikanti. L-ebda wieħed jew iktar minn dawn il-fatturi ma jista neċessarjament jagħti gwida deċiżiva.”

    7.

    L-Artikolu 6(7) u (8) tar-Regolament bażiku jgħid:

    “7.   Min jagħmel l-ilment, l-importaturi u l-esportaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentanti tagħhom, utenti u organizzazzjonijiet tal-konsumatur, li għamlu lilhom infushom magħrufa skont l-Artikolu 5(10), kif ukoll ir-rappreżentanti tal-pajjiż ta’ esportazzjoni jistgħu, fuq talba bil-miktub, jispezzjonaw l-informazzjoni kollha magħmula disponibbli minn kwalunklwe parti għal investigazzjoni, bħala distinta minn dokumenti interni ppreparati mill-awtoritajiet tal-Unjoni jew mill-Istati Membri tagħha, li tkun rilevanti għall-preżentazzjoni tal-każijiet tagħhom u mhux kunfidenzjali fis-sens tal-Artikolu 19, u li tkun użata fl-investigazzjoni.

    Tali partijiet jistgħu jirrispondu għal tali informazzjoni u għandu jittieħed kont tal-kummenti tagħhom, kull fejn ikunu sostanzjati biżżejjed fit-tweġiba.

    8.   Għajr fiċ-ċirkustanzi li jipprevedi l-Artikolu 18, l-informazzjoni li tkun provduta mill-partijiet interessati u li fuqha huma bbażati l-konklużjonijiet għandha tiġi eżaminata għall-preċiżjoni sa fejn ikun possibbli.”

    8.

    L-Artikolu 9(3) u (4) tar-Regolament bażiku jipprevedi:

    “3.   Għal proċedimenti mibdija skont l-Artikolu 5(9), id-dannu għandu normalment jitqies bħala negliġibbli fejn l-importazzjonijiet konċernati jirrappreżentaw inqas mill-volumi stabbiliti fl-Artikolu 5(7). Għall-istess proċedimenti, għandu jkun hemm terminazzjoni immedjata fejn jiġi stabbilit li l-marġini ta’ dumping huwa inqas minn 2 %, espress bħala persentaġġ tal-prezz tal-esportazzjoni, għalkemm għandha tkun biss l-investigazzjoni li tiġi terminata fejn il-marġini jkun taħt 2 % għall-esportaturi individwali u huma għandhom jibqgħu soġġetti għall-proċedimenti u jistgħu jiġu investigati mill-ġdid fi kwalunkwe reviżjoni sussegwenti li ssir għall-pajjiż konċernat skont l-Artikolu 11.

    4.   Fejn il-fatti kif finalment stabbiliti juru li hemm dumping u dannu kkaużat minnu, u li jkun meħtieġ, fl-interess tal-Unjoni, intervent f’konformità mal-Artikolu 21, għandu jiġi impost dazju anti-dumping definittiv mill-Kummissjoni li taġixxi skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artiklu 15(3). Fejn ikunu fis-seħħ dazji provviżorji, il-Kummissjoni għandha tibda dik il-proċedura mhux iktar tard minn xahar qabel tali dazji jiskadu.”

    9.

    L-Artikolu 18(1) u (3) tar-Regolament bażiku jipprovdi:

    “1.   F’każijiet fejn kwalunkwe parti interessata tirrifjuta li tagħti aċċess għal, jew b’mod ieħor ma tipprovdix, informazzjoni neċessarja fil-limiti ta’ żmien previsti f’dan ir-Regolament, jew sinifikattivament timpedixxi l-investigazzjoni, jistgħu jsiru konklużjoniet provviżorji jew finali, affirmattivi jew negattivi, fuq il-bażi tal-fatti disponibbli.

    Fejn jinstab li parti interessata tkun forniet informazzjoni falza jew qarrieqa, dik l-informazzjoni għandha tiġi injorata u jista’ jsir użu mill-fatti disponibbli.

    Il-partijiet interessati għandhom jiġu magħmula konxji mill-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni

    […]

    3.   Fejn l-informazzjoni ppreżentata minn parti interessata ma tkunx ideali f’kull rispett, din ma għandhiex madanakollu tiġi injorata, sakemm kwalunkwe defiċenza ma tkunx tali li tikkawża diffikultà mhux dovuta sabiex issir konklużjoni raġonevolment preċiża u sakemm l-informazzjoni tiġi ppreżentata b’mod adegwat f’qasir żmien u tkun verifikabbli, u li l-parti tkun aġixxiet bl-aħjar mod li tista’.

    […]”

    III. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża, il‑kawża quddiem il‑Qorti Ġenerali u s‑sentenza appellata

    A.   Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

    10.

    Fit‑18 ta’ Frar 2016, wara lment, il-Kummissjoni ppubblikat notifika ta’ ftuħ ta’ proċedura antidumping li tirrigwarda l-importazzjonijiet ta’ ċerta karta termali ħafifa li toriġina mill-Korea ta’ Isfel ( 7 ).

    11.

    Il-prodott suġġett għal din l-investigazzjoni kien karta termali ħafifa li tiżen 65 g/m2 jew inqas, li tiġi f’rombli ta’ wisa’ ta’ 20 ċm jew iktar, b’piż (inkluż il-karta) ta’ 50 kg jew iktar u b’dijametru (inkluż il-karta) ta’ 40 ċm jew iktar (iktar ’il quddiem ir-“rombli jumbo”), bi jew mingħajr kisja ta’ taħt fuq naħa waħda jew fuq iż-żewġ naħat, miksija b’sustanza termosensittiva (jiġifieri taħlita ta’ żebgħa u żviluppatur li jirreaġixxu u jifformaw immaġni meta tiġi applikata s-sħana) fuq naħa waħda jew fuq iż-żewġ naħat u bi jew mingħajr kisja protettiva, li toriġina mill-Korea ta’ Isfel u li taqa’ taħt il-Kodiċi NM ex48099000, ex48119000, ex48169000 u ex48239085 (iktar ’il quddiem il-“prodott ikkunsidrat”).

    12.

    L-investigazzjoni dwar il-prattiki ta’ dumping u dwar id-dannu kopriet il-perijodu mill‑1 ta’ Jannar sal‑31 ta’ Diċembru 2015 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ investigazzjoni”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tad-dannu kopriet il-perijodu bejn l‑1 ta’ Jannar 2012 u t-tmiem tal-perijodu ta’ investigazzjoni.

    13.

    Ir-rikorrenti u appellata fl-appell, Hansol, stabbilita fil-Korea ta’ Isfel, hija attiva fil-produzzjoni u fl-esportazzjoni tal-prodott ikkunsidrat, b’mod partikolari lejn l-Unjoni. Il-bejgħ tagħha tal-imsemmi prodott sar, fl-Unjoni, matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, lil klijenti indipendenti kif ukoll lil negozjant relatat, Hansol Europe BV, u lil erba’ proċessuri relatati, jiġifieri Schades Ltd, Schades Nordic A/S, Heipa technische Papiere GmbH (iktar ’il quddiem “Heipa”) u R+S Group GmbH (iktar ’il quddiem “R+S”). L-attività tal-proċessuri relatati kienet b’mod partikolari l-ipproċessar ta’ dan il-prodott fi prodotti ġodda, imsejħa “rombli żgħar”, mibjugħa fl-Unjoni lil klijenti indipendenti jew relatati.

    14.

    Produttur‑esportatur Korean ieħor, Hansol Artone Co. Ltd (iktar ’il quddiem “Artone”), li kien relatat mar-rikorrenti, ikkoopera fl-investigazzjoni antidumping. Huwa ngħaqad mar-rikorrenti fit‑3 ta’ Marzu 2017.

    15.

    Fit‑18 ta’ Frar 2016, ir-rikorrenti rċeviet il-kwestjonarju antidumping intiż għall-produtturi-esportaturi tal-prodott ikkunsidrat.

    16.

    Fid‑19 ta’ Frar 2016, fid-dawl tal-assenza jew tan-numru limitat ta’ bejgħ tal-prodott ikkunsidrat minn uħud mill-kumpanniji li kienu relatati magħha, lil klijenti indipendenti fl-Unjoni, ir-rikorrenti talbet li Schades Nordic, Heipa u R+S jiġu eżentati mill-obbligu li jimlew il-kwestjonarju għall-kumpanniji relatati mal-produttur-esportatur, inkluż fl-Anness I tal-kwestjonarju antidumping.

    17.

    Fit‑23 ta’ Frar 2016, il-Kummissjoni aċċettat din it-talba, filwaqt li rriżervat id-dritt li tibgħat talbiet oħra għal informazzjoni.

    18.

    Fis‑7 ta’ Marzu 2016, wara l-eżami ta’ ċerta informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti, il-Kummissjoni ddeċidiet li Schades Nordic, Heipa u R+S kellhom iwieġbu għat-taqsimiet F u G dwar l-ispejjeż ta’ produzzjoni u l-profittabbiltà, u jimlew l-Anness I tal-kwestjonarju antidumping.

    19.

    Fit‑8 ta’ Marzu 2016, ir-rikorrenti talbet l-intervent tal-uffiċjal tas-seduta għat-talbiet tal-Kummissjoni indirizzati lil Schades Nordic, lil Heipa u lil R+S. B’mod partikolari, hija enfasizzat il-volum kunsiderevoli ta’ xogħol meħtieġ sabiex tipprovdi data dwar il-bejgħ u l-ispejjeż relatati mar-rombli żgħar, mhux ikkonċernati mill-proċedura, u n-natura ineffettiva ta’ din it-talba sa fejn ma kienx possibbli li jiġi ddeterminat jekk ir-rombli żgħar kinux ġew immanifatturati mir-rombli jumbo tagħha jew minn sorsi oħra.

    20.

    Fl‑10 ta’ Marzu 2016, inżammet seduta mal-Kummissjoni, ippreseduta mill-uffiċjal tas-seduta.

    21.

    Fis‑16 u fis‑17 ta’ Marzu 2016, il-Kummissjoni żaret il-bini ta’ Schades.

    22.

    Fil‑21 ta’ Marzu 2016, il-Kummissjoni indikat lir-rikorrenti li t-talbiet għal informazzjoni mibgħuta fis‑7 ta’ Marzu 2016 issa kienu limitati għal Schades.

    23.

    Fil‑15 ta’ April 2016, il-Kummissjoni kkonfermat li rċeviet it-tweġibiet tar-rikorrenti u ta’ Artone għall-kwestjonarji antidumping u t-tweġibiet ta’ Hansol Europe u ta’ Schades għall-Anness I tal-kwestjonarju antidumping.

    24.

    Bejn il‑15 ta’ Ġunju u s‑26 ta’ Awwissu 2016, il-Kummissjoni wettqet żjarat ta’ verifika fil-bini tar-rikorrenti, ta’ Artone, ta’ Hansol Europe u ta’ Schades.

    25.

    Fis‑16 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/2005 li jimponi dazju provviżorju antidumping fuq importazzjonijiet ta’ ċerta karta termali ħafifa li joriġinaw mir-Repubblika tal‑Korea ( 8 ).

    26.

    Fis‑17 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti dokument ta’ informazzjoni li jinkludi l-konklużjonijiet provviżorji tagħha. Ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-imsemmija konklużjonijiet provviżorji fit‑8 ta’ Diċembru 2016.

    27.

    Fit‑13 ta’ Diċembru 2016, fuq talba tar-rikorrenti, inżammet seduta mal-Kummissjoni, ippreseduta mill-uffiċjal tas-seduta.

    28.

    Fis‑17 ta’ Frar 2017, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti dokument ta’ informazzjoni finali li kien jinkludi l-konklużjonijiet definittivi tagħha. Ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar dan id-dokument fis‑27 ta’ Frar 2017.

    29.

    Fit‑2 u fit‑22 ta’ Marzu 2017, fuq talba tar-rikorrenti, inżammu seduti mal-Kummissjoni ppreseduti mill-uffiċjal tas-seduta.

    30.

    Fl‑20 u fit‑23 ta’ Marzu 2017, il-Kummissjoni ppreżentat, rispettivament, konklużjonijiet definittivi addizzjonali u konklużjonijiet definittivi riveduti, li kienu s-suġġett ta’ osservazzjonijiet min-naħa tar-rikorrenti.

    31.

    Fit‑2 ta’ Mejju 2017, il-Kummissjoni adottat ir-regolament kontenzjuż, b’mod partikolari abbażi tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku.

    32.

    L-Artikolu 1 tar-regolament kontenzjuż jipprevedi l-impożizzjoni ta’ dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkunsidrat, fil-forma ta’ ammont fiss ta’ EUR 104.46 għal kull tunnellata, nett.

    B.   Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali u s‑sentenza appellata

    33.

    Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑20 ta’ Ġunju 2017, Hansol ippreżentat rikors għall-annullament tar-regolament kontenzjuż sa fejn dan tal-aħħar kien jikkonċernaha.

    34.

    Fir-risposta tagħha tat‑22 ta’ Settembru 2017, il-Kummissjoni talbet li r-rikors għal annullament jiġi miċħud u li Hansol tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

    35.

    Permezz ta’ digriet tas‑27 ta’ Novembru 2017, il-Qorti Ġenerali aċċettat li l-European Thermal Paper Association (iktar ’il quddiem “ETPA”) tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

    36.

    Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors ta’ Hansol, minħabba l-illegalitajiet ikkonstatati fil-kuntest tal-eżami tal-motivi invokati. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali annullat ir-regolament kontenzjuż sa fejn kien jikkonċerna lil Hansol.

    37.

    L-elementi tar-raġunament legali tal-Qorti Ġenerali kkunsidrati rilevanti għall-finijiet ta’ dan l-appell huma miġbura fil-qosor fil-punti li ġejjin.

    38.

    L-ewwel motiv invokat fl-ewwel istanza kien ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 2(11) u tal-Artikolu 17(2) tar-Regolament bażiku kif ukoll fuq l-illegalità tal-kalkolu tal-marġni ta’ dumping. Il-Qorti Ġenerali teżamina l-ewwel parti tal-ewwel motiv fil-punti 57 sa 69 u t-tieni parti tiegħu fil-punti 70 sa 93 tas-sentenza appellata.

    39.

    L-ewwel parti tal-ewwel motiv kienet ibbażata fuq l-applikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ kampjunar u fuq ksur tal-Artikolu 17(2) tar-Regolament bażiku. Il-Qorti Ġenerali tikkonstata, fil-punti 63 u 64 tas-sentenza appellata, li l-premessa li l-Kummissjoni applikat l-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku, meta ddeċidiet li tuża d-data ta’ Schades sabiex tikkalkola l-marġni ta’ dumping tal-bejgħ tal-prodott ikkunsidrat lill-proċessuri relatati, hija żbaljata. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali tikkonstata, fil-punt 68, li “mill-premessa 32 tar-Regolament [kontenzjuż] jirriżulta li l-Kummissjoni rreferiet espressament għall-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku bħala bażi legali biex ħadmet il-prezz tal-esportazzjoni għall-bejgħ tal-prodott ikkunsidrat lill-proċessuri relatati”. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tiċħad din il-parti tal-ewwel motiv.

    40.

    It-tieni parti tal-ewwel motiv imqajjem fl-ewwel istanza tirrigwarda l-kalkoli li l-Kummissjoni tiddedika għall-marġni ta’ dumping għall-bejgħ tal-prodott ikkunsidrat lejn l-Unjoni. Din hija maqsuma f’żewġ ilmenti.

    41.

    Il-Qorti Ġenerali teżamina l-ewwel ilment tat-tieni parti tal-ewwel motiv fil-punti 84 sa 87 u 92 tas-sentenza appellata. F’dawn il-punti, il-Qorti Ġenerali tikkonstata, minn naħa, li l-Kummissjoni kellha informazzjoni li ġejja mill-proċessur relatat Schades Nordic, minkejja li Schades Nordic stess ma weġbitx għall-kwestjonarju antidumping. Hija tinnota wkoll li “il-Kummissjoni ddeċidiet li tuża d-data ta’ Schades sabiex tikkalkola l-marġni ta’ dumping fuq il-bejgħ magħmul mir-rikorrenti lit-tliet proċessuri relatati l-oħrajn.” Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, “fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni kienet taf li parti mill-bejgħ tal-prodott ikkunsidrat lil Schades kienet inbiegħet mill-ġdid mingħajr ipproċessar lil klijenti indipendenti, hija kellha tirrifletti din is-sitwazzjoni fil-livell tal-bejgħ tal-prodott ikkunsidrat lill-proċessuri l-oħra relatati. Billi naqset milli tqis din iċ-ċirkustanza, il-Kummissjoni attribwixxiet kunsiderazzjoni kbira wisq lill-bejgħ lill-proċessuri relatati għall-ipproċessar f’rombli żgħar billi żiedet, minħabba f’hekk, id-dumping reali pprattikat mir-rikorrenti”.

    42.

    Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi, fil-punti 87 u 92, li, “[p]eress li l-kalkoli mwettqa mill-Kummissjoni ma jirriflettux il-portata reali tad-dumping ipprattikat mir-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat ksur tal-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku”.

    43.

    Fir-rigward tat-tieni lment, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi, fil-punt 90, li “ma hemm ebda element, b’mod partikolari mressaq mir-rikorrenti, li jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-metodu użat mill-Kummissjoni u l-aġġustamenti magħmula sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari tal-każ inkwistjoni jmorru kontra l-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku”.

    44.

    Fil-punti 94 sa 121, il-Qorti Ġenerali teżamina t-tieni motiv fl-ewwel istanza, li huwa maqsum f’żewġ partijiet.

    45.

    Ir-raġunament prinċipali tal-Qorti Ġenerali dwar l-ewwel parti tat-tieni motiv jinsab fil-punti 100 sa 106 tas-sentenza appellata.

    46.

    Il-Qorti Ġenerali tiċħad fl-ewwel lok l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni. Hija tikkunsidra, fil-punt 100 tas-sentenza appellata, li, “anki jekk ir-rikorrenti talbet li jiġi stabbilit dazju antidumping fiss pjuttost milli dazju antidumping ad valorem, hija tibqa’ intitolata li tikkontesta l-livell tad-dazju fiss impost mill-Kummissjoni”.

    47.

    Fil-punt 105 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tikkonstata sussegwentement, l-ewwel, li “għar-raġunijiet esposti fil-kuntest tal-ewwel ilment tat-tieni parti tal-ewwel motiv […], il-kalkoli magħmula mill-Kummissjoni ma jirriflettux il-portata reali tad-dumping ipprattikat mir-rikorrenti”. Il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li “[d]an l-iżball, marbut mal-kunsiderazzjoni użata mill-Kummissjoni, għalhekk jaffettwa wkoll l-istabbiliment tad-dazju antidumping definittiv”. Mingħajr spjegazzjoni oħra, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li d-dazju “jeċċedi għalhekk id-dumping realment ipprattikat mir-rikorrenti bi ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku”.

    48.

    It-tieni parti tat-tieni motiv hija ttrattata fil-punti 107 sa 119 tas-sentenza appellata. Din tallega ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Il-Qorti Ġenerali tiċħad din il-parti tat-tieni motiv.

    49.

    Fil-punti 122 sa 143 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali teżamina t-tielet motiv imqajjem fl-ewwel istanza, ibbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 2(9) u (10) tar-Regolament bażiku, sa fejn il-Kummissjoni għamlet aġġustamenti eċċessivi għall-bejgħ ta’ rombli żgħar miksuba minn rombli jumbo akkwistati minn Schades mingħand produtturi Ewropej. Il-Qorti Ġenerali tiċħad dan il-motiv bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

    50.

    Fil-punti 144 sa 160 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali teżamina r-raba’ motiv imqajjem fl-ewwel istanza, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku, sa fejn il-Kummissjoni ħadmet b’mod żbaljat il-valur normali previst fl-Artikolu 2(3) tal-imsemmi regolament.

    51.

    Fil-punt 152 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tibda l-interpretazzjoni tagħha tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) u tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku, billi tikkonstata differenza bejn is-sitwazzjonijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku (l-ewwel sitwazzjoni) u dawk imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tal-imsemmi regolament (it-tieni sitwazzjoni).

    52.

    Filwaqt li tirreferi għar-regolament kontenzjuż, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq it-tieni sitwazzjoni sabiex tikkalkola l-valur normali ta’ Artone. Hija tikkonkludi fil-punt 157 li “[i]ċ-ċirkustanzi mressqa mill-Kummissjoni li skonthom l-‘istruttura tal-ispejjeż’ jew il-‘prezzijiet tal-bejgħ’ kienu sostanzjalment differenti bejn ir-rikorrenti u Artone (premessa 21 tar-regolament [kontenzjuż]) ma jagħmlux parti mid-derogi mill-metodu tal-iffissar tal-valur normali abbażi tal-prezzijiet reali li […] huma ta’ natura eżawrjenti.” Hija tosserva barra minn hekk li, fir-rigward tal-fatt li, “għal wieħed miż-żewġ tipi ta’ prodotti kkonċernati, mibjugħa mir-rikorrenti, il-kwantitajiet ta’ bejgħ intern instabu li ma kinux rappreżentattivi, l-ebda element imressaq mill-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha ma jippermetti li jiġi ddeterminat jekk din iċ-ċirkustanza kinitx tirrigwarda t-tip ta’ prodott, imsemmi fil-premessa 20 ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni, li ma kienx inbiegħ minn Artone. Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, din il-konstatazzjoni ma għandhiex effett fuq iċ-ċirkustanza mressqa mir-rikorrenti li tgħid li ż-żewġ tipi ta’ prodotti inkwistjoni ma kinux inbiegħu minn Artone fis-suq intern tagħha.”

    53.

    Fil-punt 158 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li “l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-valur normali ta’ Artone”.

    54.

    Fil-punti 161 sa 213 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali teżamina l-ħames motiv imqajjem fl-ewwel istanza, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 1(1) u tal-Artikolu 3(1) sa (3) u (5) sa (8) tar-Regolament bażiku, tal-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni u tad-deċiżjonijiet tal-WTO, tal-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni u tal-prinċipji tal-paragun ekwu u tal-ugwaljanza fit-trattament fil-kalkolu tal-marġni ta’ dannu.

    55.

    Fil-punti 162 sa 169, il-Qorti Ġenerali tispjega għaliex hija tqis li l-ħames motiv huwa ammissibbli. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li, permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti kkontestat id-determinazzjoni tad-dannu u tar-rabta kawżali sa fejn il-metodu użat mill-Kummissjoni sabiex tiddetermina l-prezz ta’ esportazzjoni ma ppermettiex evalwazzjoni korretta tad-dannu reali u, b’mod partikolari, tal-effetti fuq il-prezzijiet.

    56.

    Fil-punti 170 sa 177 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali teżamina l-ewwel parti tal-ħames motiv, ibbażata fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 3(2), (3) u (6) tar-Regolament bażiku billi inkludiet il-bejgħ mill-ġdid tar-rombli żgħar fil-kalkolu tal-marġni ta’ dannu. Hija tikkonstata, fil-punt 174, li l-premessa tar-rikorrenti li “l-analiżi tad-dannu subit mill-industrija tal-Unjoni hija bbażata fuq paragun żbaljat bejn, minn naħa, ir-rombli żgħar mibjugħa mill-proċessuri relatati mar-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, ir-rombli jumbo mibjugħa mill-industrija tal-Unjoni” hija fil-fatt żbaljata. Hija tiċħad l-ewwel parti tal-ħames motiv bħala infondata.

    57.

    Fil-punti 178 sa 205, il-Qorti Ġenerali teżamina t-tieni parti tal-ħames motiv, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 3(1) sa (3) u (5) sa (8) tar-Regolament bażiku, tal-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni u tad-deċiżjonijiet tal-WTO, tal-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni u tal-prinċipji tal-paragun ekwu u tal-ugwaljanza fit-trattament, sa fejn il-Kummissjoni applikat b’analoġija l-Artikolu 2(9) tal-imsemmi regolament sabiex tiddetermina l-marġni ta’ dannu. Ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali jibda fil-punt 191, fejn hija tindika, preliminarjament, li “mir-rikors jirriżulta b’mod ċar li r-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kellha tuża bħala prezz ta’ ċirkulazzjoni libera għall-bejgħ mill-ġdid minn Schades tal-prodott ikkonċernat il-prezzijiet iffatturati lill-klijenti indipendenti ta’ din il-kumpannija, imnaqqsa għal livell ta’ prezz mill-fabbrika”.

    58.

    L-analiżi tal-Qorti Ġenerali dwar il-mertu tat-tieni parti tal-ħames motiv tibda fil-punt 196. Fil-punt 197, filwaqt li tirreferi għall-ġurisprudenza eżistenti, hija tosserva li d-determinazzjoni tad-dannu tinkludi l-eżami tal-kwistjoni dwar “jekk hemmx, għall-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping, twaqqigħ sinjifikattiv tal-prezz meta mqabbel mal-prezz ta’ prodott simili”. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tirrileva, fil-punt 198, li “għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ddeterminat il-punt ta’ riferiment li kellu jintuża biex jiġu kkalkolati, f’dan il-każ, il-prezzijiet tal-prodotti tar-rikorrenti li kellhom jiġu pparagunati mal-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni”.

    59.

    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tikkonstata, fil-punt 200, li, “għalkemm il-Kummissjoni setgħet tnaqqas il-prezz tal-esportazzjoni tal-prodott ikkunsidrat għal livell CIF [kost, assigurazzjoni, noll] fil-fruntiera tal-Unjoni meta dan inbiegħ u sussegwentement ġie pproċessat f’rombli żgħar, il-kalkolu użat mill-Kummissjoni fir-rigward tal-bejgħ mill-ġdid minn Schades tal-prodott ikkunsidrat, u għalhekk mhux ipproċessat, lil klijenti indipendenti huwa żbaljat”. Fil-punti 201 u 202, il-Qorti Ġenerali tispjega li, l-ewwel, “il-‘punt ta’ riferiment’ fir-rigward tal-bejgħ mill-ġdid ta’ Schades, […], ma jinsabx fil-livell tal-fruntiera tal-Unjoni iżda fil-livell tal-klijenti indipendenti ta’ Schades”. It-tieni, għalkemm “‘il-biċċa l-kbira’ tal-kompetizzjoni [seħħet] fil-livell tal-proċessuri relatati, [il-Kummissjoni] ma kkunsidratx li l-kompetizzjoni ‘kollha’ seħħet f’dan il-livell. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li, fir-rigward tal-bejgħ dirett u indirett tal-prodott ikkunsidrat, il-kompetizzjoni kienet seħħet fil-livell tal-klijenti indipendenti”. Minn dawn iż-żewġ konstatazzjonijiet hija tikkonkludi li “l-Kummissjoni wettqet żball meta ddeċidiet li tnaqqas l-ispejjeż [ta’ bejgħ, ta’ nefqa amministrattiva u ta’ spejjeż ġenerali oħrajn]u marġni ta’ profitt, għall-bejgħ mill-ġdid tal-prodott ikkunsidrat magħmul minn Schades lil klijenti indipendenti, sabiex tistabbilixxi l-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-imsemmi prodott fil-kuntest tad-determinazzjoni tad-dannu”.

    60.

    Fil-punt segwenti, il-Qorti Ġenerali tanalizza l-effett ta’ dan l-iżball, billi tindika li “l-bejgħ mill-ġdid ta’ Schades tal-prodott ikkunsidrat lil klijenti indipendenti kien jirrappreżenta biss parti żgħira mill-bejgħ użat sabiex jiġi ddeterminat il-prezz tal-esportazzjoni tar-rikorrenti fil-kuntest tal-analiżi tad-dannu.” Madankollu hija tinnota li, “kif jirriżulta mill-analiżi tal-ewwel ilment tat-tieni parti tal-ewwel motiv, il-bejgħ mill-ġdid tal-prodott ikkunsidrat lil klijenti indipendenti kellu jirrappreżenta sehem ikbar minn dak li aċċettat il-Kummissjoni.” Hija żżid li “ma hemm l-ebda element li jippermetti li jitkejjel b’mod preċiż l-impatt ta’ emenda tal-punt ta’ riferiment għall-bejgħ mill-ġdid tal-prodott ikkunsidrat lil klijenti indipendenti fuq il-livell ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet adottat mill-Kummissjoni li, f’dan il-każ, kien jammonta għal 9.4 % (premessa 67 tar-Regolament [kontenzjuż]).” Il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li t-tieni parti tal-ħames motiv għandha tintlaqa’.

    61.

    Fil-punti 206 sa 213, il-Qorti Ġenerali teżamina t-tielet parti tal-ħames motiv, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 3(2), (3) u (6) tar-Regolament bażiku u tat-twaqqigħ tal-marġni tal-prodott ikkunsidrat. Filwaqt li tirreferi mill-ġdid għall-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 197 u tirrileva li t-twaqqigħ fil-prezzijiet ikkonstatat kien ta’ 9.4 %, il-Qorti Ġenerali tiċħad “l-argumenti tar-rikorrenti żviluppati abbażi tal-ewwel parti tal-ħames motiv, […] għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punti 173 sa 177 […]”.

    62.

    Fil-punt 211, il-Qorti Ġenerali teżamina l-argumenti tar-rikorrenti żviluppati abbażi tat-tieni parti tal-ewwel motiv, billi rrilevat li, “fil-kuntest ta’ din il-parti, ġie deċiż li l-Kummissjoni kienet wettqet żball fil-kunsiderazzjoni tal-bejgħ lill-proċessuri relatati għal bejgħ mill-ġdid fil-forma ta’ rombli żgħar lil impriżi indipendenti (bejn 75 u 85 %)[…]. Peress li l-Kummissjoni użat l-istess kunsiderazzjoni sabiex tikkalkola t-twaqqigħ tal-prezzijiet, l-iżball irrilevat fit-tieni parti tal-ewwel motiv jaffettwa wkoll l-imsemmi kalkolu.” Il-Qorti Ġenerali tilqa’ wkoll it-tielet parti tal-ħames motiv sa fejn “ma jistax jiġi eskluż li dan l-iżball, flimkien ma’ dak irrilevat fil-kuntest tat-tieni parti tal-ħames motiv, jaffettwa l-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar l-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet u l-eżami tal-effett tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping fuq il-prodotti simili tal-industrija tal-Unjoni, previsti fl-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament bażiku.”

    63.

    Fil-punt 213 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li hemm lok li r-regolament kontenzjuż jiġi annullat, sa fejn jikkonċerna lir-rikorrenti.

    C.   Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja u t‑talbiet tal‑partijiet

    1. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

    64.

    Skont l-Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tipproċedi mingħajr seduta għas-sottomissjonijiet orali.

    65.

    Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tas‑7 ta’ Settembru 2021, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet mistoqsijiet għal tweġibiet bil-miktub lill-partijiet kollha. It-tweġibiet għall-mistoqsijiet ġew ippreżentati fit-terminu stabbilit.

    2. Talbiet tal‑partijiet fl‑appell prinċipali

    66.

    L-appell ġie ppreżentat mill-Kummissjoni fil‑11 ta’ Ġunju 2020 u ġie rreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Ġunju 2020. Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza appellata, tiċħad ir-rikors fl-ewwel istanza u tikkundanna lil Hansol għall-ispejjeż;

    jew, sussidjarjament,

    tibgħat il-kawża lura għal eżami mill-ġdid quddiem il-Qorti Ġenerali u tirriżerva l-ispejjeż tal-proċeduri fl-ewwel istanza u tal-appell.

    67.

    L-ETPA ppreżentat risposta fid‑19 ta’ Ottubru 2020, li ġiet inkluża fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl‑20 ta’ Ottubru 2020, insostenn tal-appell tal-Kummissjoni.

    68.

    Hansol ippreżentat risposta fis‑27 ta’ Awwissu 2020, irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Awwissu 2020, li fiha hija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tiċħad l-appell;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċedura tal-appell u għal dawk tal-proċedura fl-ewwel istanza;

    tikkundanna lill-intervenjenti li tista’ tintervjeni insostenn tal-appell għall-ispejjeż ta’ din il-proċedura ta’ appell.

    3. It‑talbiet tal‑partijiet fl‑appell inċidentali

    69.

    L-ETPA ppreżentat appell inċidentali fid‑19 ta’ Ottubru 2020, irreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl‑20 ta’ Ottubru 2020, li fih hija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza appellata, tiċħad ir-rikors fl-ewwel istanza u tikkundanna lill-appellata għall-ispejjeż;

    jew, sussidjarjament,

    tibgħat il-kawża lura għal eżami mill-ġdid quddiem il-Qorti Ġenerali u tirriżerva l-ispejjeż tal-proċeduri fl-ewwel istanza u tal-appell.

    70.

    Hansol ippreżentat risposta għall-appell inċidentali fil‑5 ta’ Novembru 2020, irreġistrat fl-istess jum fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja, li fih hija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tiċħad l-appell inċidentali;

    tikkundanna lill-ETPA għall-ispejjeż.

    IV. Analiżi ġuridika

    A.   Osservazzjonijiet preliminari

    1. L‑Unjoni Ewropea fis‑sistema kummerċjali multilaterali

    71.

    Il-WTO tara li tiżgura sistema kummerċjali multilaterali bbażata fuq ċerti regoli. L-Unjoni Ewropea, bħala organizzazzjoni reġjonali b’personalità ġuridika proprja, għandha status partikolari fi ħdan il-WTO, peress li hija membru sħiħ tagħha, flimkien mal-Istati Membri tagħha. Minħabba l-kompetenza esklużiva li l-Artikolu 3(1)(e) TFUE jagħti lill-Unjoni fil-politika kummerċjali komuni, din kellha tassumi l-impenji tal-Istati Membri tagħha li jirriżultaw mill-ftehimiet tal-WTO. Il-Ftehim dwar l-Antidumping li jagħmel parti minnhom, jirregola l-applikazzjoni tal-miżuri antidumping mill-membri tal-WTO. Dan il-ftehim jistabbilixxi ċerti regoli sostantivi li jridu jiġu osservati għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ miżura antidumping, kif ukoll regoli ta’ proċedura ddettaljati li jirregolaw it-twettiq tal-investigazzjonijiet antidumping u l-impożizzjoni u ż-żamma fis-seħħ ta’ tali miżuri. In-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn ir-regoli jista’ jwassal għall-użu tal-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim tal-WTO u jwassal għall-invalidazzjoni tal-miżura.

    72.

    Il-leġiżlatur adotta r-Regolament bażiku diġà msemmi fl-introduzzjoni għal dawn il-konklużjonijiet ( 9 ), b’mod konformi mal-Artikolu 207(2) TFUE, sabiex jiżgura l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar l-Antidumping fl-ordinament ġuridiku nazzjonali tal-Unjoni ( 10 ). Hija l-Kummissjoni li għandha tapplika l-istrumenti ta’ difiża kummerċjali previsti fih fir-rigward tal-impriżi li għandhom is-sede tagħhom f’pajjiżi terzi u li jesportaw il-prodotti tagħhom lejn l-Unjoni bi ksur tar-regoli antidumping, għad-dannu tal-industriji tal-Unjoni. Sa fejn, l-ewwel, l-istat tad-dritt jikkostitwixxi wieħed mill-prinċipji kardinali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u, it-tieni, din tal-aħħar hija ddeterminata li tosserva bis-sħiħ l-obbligi tagħha fil-konfront tal-membri l-oħra tal-WTO ( 11 ), jidher loġiku li t-Trattati jipprevedu li l-applikazzjoni ta’ dawn il-mekkaniżmi mill-Kummissjoni tkun suġġetta għal stħarriġ tal-legalità mill-qrati tal-Unjoni, b’mod partikolari mill-Qorti Ġenerali, fl-ewwel istanza, u mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura tal-appell. F’din il-kawża, li tinkludi appell prinċipali kif ukoll appell inċidentali, il-Qorti tal-Ġustizzja hija msejħa teżerċita l-kompetenzi tagħha fil-qasam.

    2. L‑istħarriġ ġudizzjarju fil‑kuntest tal‑proċedura tal‑appell

    73.

    Qabel ma jiġu eżaminati d-diversi aggravji, għandu jitfakkar li, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE u mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-appell huwa limitat għall-kwistjonijiet ta’ liġi. Fil-fatt, kif tikkonferma ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti Ġenerali biss għandha l-kompetenza, minn naħa, li tikkonstata l-fatti u, min-naħa l-oħra, li tevalwa dawn il-fatti. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex kompetenti sabiex tikkonstata l-fatti u lanqas, bħala prinċipju, sabiex teżamina l-provi li l-Qorti Ġenerali qieset insostenn ta’ dawn il-fatti. Konsegwentement, l-evalwazzjoni tal-provi mill-Qorti Ġenerali ma tikkostitwixxix kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 12 ).

    74.

    Madankollu, ladarba l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-kompetenza li teżerċita, skont l-Artikolu 256 TFUE, stħarriġ fuq il-klassifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti u l-konsegwenzi legali li waslet għalihom il-Qorti Ġenerali. Eċċezzjonalment, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ teżerċita stħarriġ fuq l-evalwazzjoni tal-fatti mill-Qorti Ġenerali meta appellant jallega żnaturament tal-provi mill-Qorti Ġenerali ( 13 ). F’dan il-każ, l-appellant għandu jindika b’mod preċiż il-provi li allegatament ġew żnaturati u juri l-iżbalji ta’ evalwazzjoni li, fil-fehma tiegħu, wasslu għal dan l-iżnaturament. Kif tikkonferma l-ġurisprudenza, ikun hemm żnaturament meta, mingħajr ma jsir riferiment għal provi ġodda, l-evalwazzjoni tal-provi eżistenti tidher manifestament żbaljata ( 14 ).

    75.

    Dawn ir-rimarki preliminari huma partikolarment rilevanti f’dan il-kuntest, peress li l-Qorti Ġenerali tikkontesta l-evalwazzjoni ta’ diversi fatti kif ukoll ċerti konklużjonijiet misluta mill-Kummissjoni fil-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tar-regolament kontenzjuż. Sa fejn il-Kummissjoni u l-ETPA jikkontestaw il-motivi tas-sentenza appellata sabiex jopponu għall-annullament tal-imsemmi regolament mill-Qorti Ġenerali, għandu jitfakkar li l-proċedura tal-appell ma tistax tintuża bħala motiv sabiex tobbliga lill-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa mill-ġdid il-fatti hija stess. Għalhekk, fid-dawl tat-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni, minn naħa, u l-qrati tal-Unjoni, min-naħa l-oħra, huwa neċessarju li l-eżami tal-appell jiġi limitat għal analiżi stretta tal-kwistjonijiet legali mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Huwa fuq dan l-isfond li għandhom jiġu eżaminati iktar ’il quddiem l-aggravji tal-appell prinċipali ( 15 ) u, sussegwentement, dawk tal-appell inċidentali ( 16 ) fl-ordni li fih ġew ippreżentati.

    B.   Fuq l‑appell prinċipali

    1. Fuq l‑ewwel aggravju

    a) L‑argumenti tal‑partijiet

    76.

    Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi meta ddikjarat, fil-punt 85 tas-sentenza appellata, li hija kienet kisbet provi matul il-proċedura amministrattiva li juru li Schades Nordic kienet reġgħet biegħet il-prodott ikkunsidrat lill-klijenti indipendenti tal-Unjoni matul il-perijodu ta’ investigazzjoni minkejja l-fatt li Schades Nordic ma kinitx wieġbet għall-Anness I tal-kwestjonarju. Sussidjarjament, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta obbligat lill-Kummissjoni tibbaża l-konklużjonijiet tagħha fuq data mhux ivverifikata dwar Schades Nordic (iżda mhux ipprovduta bħala tali minn Schades Nordic). Il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali kisret ir-regoli dwar il-portata tal-provi li fuqhom il-Kummissjoni għandha dritt tibbaża ruħha meta tifformula konklużjonijiet fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet antidumping skont ir-Regolament bażiku, b’mod partikolari l-Artikolu 6(8) tal-imsemmi regolament.

    77.

    Bi tweġiba għall-ewwel aggravju tal-appell, Hansol issostni li l-Qorti Ġenerali ġustament osservat li kienu ġew prodotti provi matul il-proċedura amministrattiva. Insostenn ta’ din it-teżi, Hansol tirreferi għad-diversi skambji li seħħew mal-Kummissjoni fil-passat, b’mod iktar konkret, għat-talba għal eżenzjoni ppreżentata fid‑19 ta’ Frar 2016, kif ukoll għas-smigħ ippresedut mill-uffiċjal tas-seduta fl‑10 ta’ Marzu 2016, li bis-saħħa tagħhom il-Kummissjoni kienet kisbet l-informazzjoni li tindika li Schades Nordic kienet biegħet mill-ġdid ċerta kwantità tal-prodott ikkunsidrat lil klijenti indipendenti tal-Unjoni matul il-perijodu ta’ investigazzjoni. Għaldaqstant, skont Hansol, il-Qorti Ġenerali ma żnaturatx il-provi inkwistjoni. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li tiddikjara l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ma obbligathiex tibbaża l-konklużjonijiet tagħha fuq data mhux ivverifikata. Skont Hansol, din hija informazzjoni li ġiet ivverifikata mill-Kummissjoni u li ma hijiex ikkontestata.

    b) Evalwazzjoni

    78.

    Qabel kollox għandu jiġi ppreċiżat li l-kwistjoni ġuridika li tinsab fil-qalba tal-ewwel aggravju tal-appell tikkonċerna, essenzjalment, l-obbligu tal-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni elementi ta’ informazzjoni miksuba fil-kuntest ta’ investigazzjoni li twassal għall-adozzjoni ta’ miżuri antidumping. Il-Kummissjoni ssostni li rċeviet l-elementi ta’ informazzjoni inkwistjoni b’mod mhux previst mill-kuntest legali li jirregola l-investigazzjonijiet, li, fil-fehma tagħha, ipprekludieha milli teħodhom inkunsiderazzjoni. Din il-perspettiva hija kkontestata minn Hansol li tikkunsidra li l-Kummissjoni kellha tinkludi l-elementi ta’ informazzjoni inkwistjoni fl-analiżi tagħha, peress li hija kienet saret taf bihom matul il-proċedura amministrattiva.

    79.

    Għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali titlaq mill-premessa li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi ta’ informazzjoni inkwistjoni, b’mod partikolari minħabba l-importanza li din għandha għall-analiżi li għandha ssir skont ir-Regolament bażiku. Fil-fatt, fil-punt 85 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qalet li tal-inqas proċessur ieħor relatat, jiġifieri Schades Nordic, kien biegħ mill-ġdid ċertu volum tal-prodott ikkunsidrat mixtri lill-appellata. Fil-punt 86 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li, fid-dawl tal-informazzjoni miksuba, il-Kummissjoni kellha tirrifletti din is-sitwazzjoni fil-livell tal-bejgħ tal-prodott ikkunsidrat lill-proċessuri l-oħra relatati. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li, billi naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni din iċ-ċirkustanza, il-Kummissjoni kienet attribwixxiet kunsiderazzjoni kbira wisq għall-bejgħ lill-proċessuri relatati għall-ipproċessar f’rombli żgħar billi żiedet, minħabba f’hekk, id-dumping reali pprattikat mill-appellata. Fil-punt 87 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat ksur tal-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku, minħabba l-fatt li l-kalkoli mwettqa mill-Kummissjoni ma kinux jirriflettu l-portata tad-dumping imwettaq mill-appellata. Kif jirriżulta mill-punt 105 tas-sentenza appellata, dan l-iżball marbut mal-kunsiderazzjoni magħmula mill-Kummissjoni, affettwa wkoll l-istabbiliment tad-dazju antidumping definittiv fiss ta’ EUR 104.46 għal kull tunnellata netta, li, skont il-Qorti Ġenerali, għalhekk kien jeċċedi d-dumping realment ipprattikat mill-appellata, bi ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku.

    80.

    F’dan ir-rigward, qabel kollox irrid nenfasizza li, kif il-Qorti Ġenerali diġà kkonstatat fil-punt 85 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni la tikkontesta l-kontenut u lanqas ir-riċezzjoni ta’ din l-informazzjoni. Fl-appell tagħha, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma tirrettifika l-fatti fuq dan il-punt. Konsegwentement, xejn ma jindika fil-proċess li din hija informazzjoni ineżatta li tista’ tivvizzja bi żball l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-Qorti Ġenerali.

    81.

    Il-Kummissjoni pjuttost tillimita ruħha li tispjega fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha li huwa kuntrarju għall-kuntest ġuridiku bażiku dwar l-investigazzjonijiet antidumping, li l-Kummissjoni tiġi obbligata tibbaża l-konklużjonijiet tagħha fuq data ppreżentata minn parti ikkonċernata li ma ġietx suġġetta għall-proċedura ta’ verifika organizzata mir-Regolament bażiku u mid-dritt tal-WTO. Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ssostitwixxiet l-awtorità inkarigata mill-investigazzjoni antidumping sa fejn hija inkludiet l-elementi ta’ informazzjoni inkwistjoni fir-raġunament tagħha.

    82.

    Jidhirli li tali pożizzjoni mhux biss hija eċċessivament formalistika iżda wkoll diffiċli li tiġi rrikonċiljata mal-obbligi tal-Kummissjoni fil-kuntest ta’ kull investigazzjoni antidumping. Mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 tar-Regolament bażiku jidher li din hija fażi tal-proċedura amministrattiva kkaratterizzata minn interess ta’ effikaċja u ħeffa biex tinkiseb l-informazzjoni ( 17 ). Konsegwentement, il-fatt li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-provi neċessarji sabiex tieħu deċiżjoni legalment konformi fuq l-adozzjoni ta’ miżura antidumping jista’ jiġi ġġustifikat biss minn raġunijiet imperattivi. Iktar ’il quddiem ser nispjega r-raġunijiet prinċipali li jwassluni sabiex naħseb li l-Qorti Ġenerali ġustament qieset li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni rċevuta matul il-proċedura amministrattiva.

    83.

    Qabelxejn, huwa paċifiku li kien hemm diversi skambji bejn il-Kummissjoni u Hansol li kellhom l-għan li jipproduċu provi, li jindikaw li Schades Nordic kienet biegħet mill-ġdid ċerta kwantità tal-prodott ikkunsidrat lil klijenti indipendenti tal-Unjoni matul il-perijodu ta’ investigazzjoni ( 18 ). Hansol issemmi l-komunikazzjoni tad‑19 ta’ Frar 2016, li fiha din kienet talbet lill-Kummissjoni teżenta kompletament tlieta mill-erba’ proċessuri relatati mill-obbligu li jirrispondu għall-kwestjonarju. Hija tirreferi wkoll għas-smigħ, ippresedut mill-uffiċjal tas-seduta, tal‑10 ta’ Marzu 2016, li matulu l-elementi ta’ informazzjoni dwar il-bejgħ mill-ġdid tal-prodott ikkunsidrat magħmul minn Schades Nordic kienu ġew ippreżentati u spjegati b’mod iktar wiesa’. Wara din is-seduta, u wara żjara fil-bini ta’ Schades fir-Renju Unit fis‑16 u s‑17 ta’ Marzu 2016, il-Kummissjoni kienet ikkonfermat, f’ittra elettronika tal‑21 ta’ Marzu 2016, id-deċiżjoni tagħha li teżenta lil Schades Nordic u żewġ impriżi oħra mill-obbligu li jwieġbu għall-Anness I tal-kwestjonarju. Fl-istess ittra elettronika, il-Kummissjoni kienet żiedet li hija kienet qiegħda tirriżerva d-dritt li titlob ukoll informazzjoni addizzjonali lil Schades Nordic u lill-impriżi l-oħra matul il-proċedura.

    84.

    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni kellha għarfien sħiħ tal-fatti li fuqhom ibbażat ruħha l-Qorti Ġenerali sabiex tiżviluppa r-raġunament tagħha. Madankollu, il-Kummissjoni ssostni li hija ma kellhiex il-possibbiltà li tivverifika din l-informazzjoni. Issa, fil-fehma tiegħi, hija ma tagħti ebda spjegazzjoni konklużiva għaliex ma setgħetx tissodisfa l-obbligu tagħha li twettaq tali verifika malajr kemm jista’ jkun. Għalkemm huwa minnu li hija kienet iddeċidiet li teżenta lil Schades Nordic mill-obbligu li twieġeb il-kwestjonarju fuq it-talba ta’ Hansol, xorta jibqa’ l-fatt li hija rriżervat espliċitament id-dritt li titlob informazzjoni addizzjonali mingħand din l-impriża ( 19 ). Għal din ir-raġuni, kuntrarjament għal dak li l-Kummissjoni ddikjarat diversi drabi, id-deċiżjoni ta’ eżenzjoni ma tistax titqies bħala ostakolu legali assolut għall-kisba ta’ informazzjoni essenzjali għad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dumping.

    85.

    F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni tidher li qiegħda tikkritika lil Hansol talli insistiet li titlob din l-eżenzjoni ( 20 ), meta fl-aħħar mill-aħħar kienet hija stess li ħadet id-deċiżjoni finali. Sa fejn jidher li l-Kummissjoni tqis li din l-eżenzjoni kienet ipprekludietha milli twettaq il-verifiki neċessarji, għandu jiġi enfasizzat li hija pjuttost hija li għandha tinżamm responsabbli għal dan il-fatt. Barra minn hekk, huwa diffiċli li wieħed jifhem għalfejn il-Kummissjoni aċċettat li tagħti tali eżenzjoni bir-riskju li ma tiksibx l-informazzjoni kollha neċessarja min-naħa tal-impriżi inkwistjoni. L-argumenti mressqa mill-Kummissjoni jidhirli li jservu pjuttost bħala pretest sabiex tiġġustifika n-nuqqas li tkompli l-investigazzjoni bid-diliġenza meħtieġa u li tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni pprovduta minn Hansol fl-eżami tal-eżistenza ta’ dumping.

    86.

    Ir-regoli tal-WTO li l-Kummissjoni tirreferi għalihom fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha ma jidhirlix li jistgħu joffru bażi legali adegwata sabiex issostni l-pożizzjoni tagħha. Fil-fatt, mir-Rapport tal-Bord tas-Soluzzjoni tat-Tilwim tal-WTO fil-kawża Ċina – Miżuri ta’ Dazju Anti-Dumping u Kompensatorju fuq il-Prodotti tal-Brojlers mill-Istati Uniti ( 21 ) jirriżulta b’mod ċar li, anki jekk l-espressjoni “provi” fi proċeduri antidumping ma hijiex iddefinita fil-Ftehim dwar l-Antidumping, hija tinkludi tal-inqas, “l-informazzjoni pprovduta lill-awtorità inkarigata mill-investigazzjoni minn parti ikkonċernata, kemm jekk tkun pożittiva, eżatta jew adegwata kif ukoll jekk ma tkunx” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 22 ). Bħala tali, Hansol ipproduċiet il-provi li jindikaw li Schades Nordic kienet reġgħet biegħet il-prodott ikkunsidrat.

    87.

    Sa fejn il-Kummissjoni tallega li l-provi prodotti minn Hansol ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tagħha minħabba li dawn ma ġewx ipprovduti b’mod adegwat, jiġifieri bi tweġiba għal kwestjonarju mibgħut lill-impriżi, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament bażiku, huwa biżżejjed li jiġi osservat li r-Rapport tal-Bord tas-Soluzzjoni tat-Tilwim tal-WTO, imsemmi fil-punt preċedenti, jindika espressament li “[x]ejn fil-Ftehim dwar l-Antidumping, jew fil-Ftehim dwar il-WTO inġenerali, ma jissuġġerixxi li l-informazzjoni titlef in-natura tagħha ta’ “provi” għax ma tissodisfax ċerti kriterji” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ir-rapport jistabbilixxi li “[j]ekk il-provi jissodisfawx jew le dawn il-kriterji hija kwistjoni separata li trid tiġi eżaminata mill-awtorità inkarigata mill-investigazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 23 ). Għaldaqstant, minn dak li ntqal hawn fuq jista’ jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma tistax tiċħad li għandha provi prodotti minn Hansol fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva.

    88.

    L-argument imressaq mill-Kummissjoni, li l-informazzjoni miksuba f’talba għal nuqqas ta’ żvelar tad-data ma tagħmilx parti mill-fajl tal-investigazzjoni aċċessibbli għall-partijiet ikkonċernati skont l-Artikolu 6(7) tar-Regolament bażiku, ma huwiex konvinċenti. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma tispjegax sa fejn id-drittijiet tal-partijiet ikkonċernati setgħu jinkisru. Fi kwalunkwe każ, kif tindika Hansol, ir-rapport ippreparat mill-uffiċjal tas-seduta dwar is-seduta tal‑10 ta’ Marzu 2016 huwa dokument uffiċjali, inkluż fil-fajl tal-investigazzjoni aċċessibbli għall-partijiet u li fuqu l-Kummissjoni bbażat ruħha sabiex tiddeċiedi li tistabbilixxi miżuri. Barra minn hekk, l-osservazzjonijiet ta’ Hansol fuq id-dokument ta’ informazzjoni finali ġew ukoll inklużi fil-fajl tal-investigazzjoni aċċessibbli għall-partijiet. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax validament tibbaża ruħha fuq allegat interess li tipproteġi d-drittijiet tal-partijiet ikkonċernati sabiex tinjora l-provi prodotti minn Hansol.

    89.

    Anki jekk il-Kummissjoni għandha, bħala prinċipju, id-dritt li tesprimi riżervi fir-rigward tal-koerenza u l-validità tal-informazzjoni miksuba, ma narax sa fejn dan jista’ jbiddel din il-konklużjoni. Il-Kummissjoni sempliċement iddikjarat li hija ma kellhiex l-opportunità tivverifika l-informazzjoni miksuba mingħajr madankollu ma ħadet pożizzjoni fuq il-kontenut tal-informazzjoni nnifisha. Xejn ma jippermetti li jiġi preżunt li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni twettaq tali verifika filwaqt li l-Ftehim dwar l-Antidumping, kif interpretat mill-qrati tal-Unjoni ( 24 ), u kif hija stess tirrikonoxxi fit-tweġiba bil-miktub tagħha għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, jimponilha li taċċerta ruħha waqt l-investigazzjoni mill-eżattezza tal-informazzjoni pprovduta mill-partijiet ikkonċernati. Għall-kuntrarju, iċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża jindikaw li hija adottat ir-regolament kontenzjuż filwaqt li injorat stadju importanti tal-proċedura. Peress li l-fatt li jiġi injorat għalkollox il-fatt li provi essenzjali effettivament inkisbu fil-kuntest tal-investigazzjoni ikun finalment ifisser li ommissjoni amministrattiva serja tiġi “ippremjata”, noqgħod lura milli nsegwi l-argument tal-Kummissjoni li l-provi ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tagħha ( 25 ). Kieku kellu jiġi aċċettat li l-Kummissjoni tista’ twettaq investigazzjoni waqt li tinjora informazzjoni rilevanti disponibbli u mingħajr ma din tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju, din l-investigazzjoni tirriskja li tkun arbitrarja, ineffettiva u ineżatta. Ma jidhirlix li żvilupp bħal dan huwa mixtieq.

    90.

    L-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku jistabbilixxi li meta parti kkonċernata tirrifjuta l-aċċess għall-informazzjoni neċessarja, ma tipprovdix tali informazzjoni fit-termini previsti mir-regolament, jew tostakola b’mod sinjifikattiv l-investigazzjoni, is-sejbiet preliminari jew finali, pożittivi jew negattivi, jistgħu jiġu stabbiliti abbażi tad-data disponibbli. Issa, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma humiex issodisfatti f’dan il-każ. L-ewwel, ma hemm l-ebda indizju ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u Hansol u, it-tieni, kif diġà indikajt, il-Kummissjoni kellha dawn il-provi inkwistjoni, preċiżament permezz ta’ din il-kooperazzjoni fil-kuntest tal-investigazzjoni.

    91.

    Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkritikat lill-Kummissjoni li ma aġixxietx bid-diliġenza meħtieġa. Jidhirli li l-Qorti Ġenerali ma riditx tissostitwixxi lill-Kummissjoni, iżda pjuttost riedet tiġbed l-attenzjoni fuq informazzjoni essenzjali li kellha tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni minħabba r-riskju li tikkawża distorsjoni tal-elementi ta’ fatt li fuqhom huma bbażati l-konklużjonijiet tar-regolament kontenzjuż. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali eżerċitat perfettament il-kompetenzi tagħha, billi rrilevat żball imwettaq mill-Kummissjoni fl-applikazzjoni tar-Regolament bażiku. Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li f’dan il-każ la kien hemm żnaturament tal-fatti u lanqas interpretazzjoni żbaljata tad-dritt applikabbli min-naħa tal-Qorti Ġenerali.

    92.

    L-istess japplika għall-eżami mill-Qorti Ġenerali tal-ewwel parti tat-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 9(3) tal-Ftehim dwar l-Antidumping u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku. Fil-punt 105 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li l-kalkoli mwettqa mill-Kummissjoni ma kinux jirriflettu l-portata reali tad-dumping imwettaq minn Hansol għar-raġunijiet esposti fil-punti 83 sa 87 ta’ dik is-sentenza, inkluż in-nuqqas li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li parti mill-bejgħ tal-prodott ikkunsidrat lil Schades kienet inbiegħet mill-ġdid mingħajr ipproċessar lil klijenti indipendenti. Skont il-Qorti Ġenerali, billi naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni din iċ-ċirkustanza, il-Kummissjoni attribwixxiet kunsiderazzjoni kbira wisq għall-bejgħ lill-proċessuri relatati għall-ipproċessar f’rombli żgħar billi żiedet, minħabba f’hekk, id-dumping reali pprattikat minn Hansol. Sa fejn il-konklużjonijiet fil-punt 85 tas-sentenza appellata jaffettwaw ir-raġunament li l-Qorti Ġenerali żviluppat fil-punt 105 ta’ dik is-sentenza, jidhirli li hemm lok li jiġi miċħud ukoll l-aggravju tal-Kummissjoni li jirrigwarda dan il-punt.

    93.

    Permezz ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi konkluż li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tagħha tal-ewwel ilment tat-tieni parti tal-ewwel motiv invokat fl-ewwel istanza u tal-ewwel parti tat-tieni motiv invokat fl-ewwel istanza. Konsegwentement, nipproponi li l-ewwel aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud bħala manifestament infondat.

    2. Fuq it‑tieni aggravju

    a) L‑argumenti tal‑partijiet

    94.

    Fit-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi meta ddikjarat li l-valur normali tal-prodott simili jista’ jiġi stabbilit skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku, jiġifieri abbażi tal-prezzijiet ta’ bejjiegħa jew produtturi oħra fil-każijiet fejn l-esportatur ikkonċernat (jiġifieri Artone) ma jipproduċix jew ma jbigħx il-prodott simili fis-suq intern tiegħu. Il-Kummissjoni ssostni li hija kellha d-dritt taħdem il-valur normali taż-żewġ tipi ta’ prodotti mhux mibjugħa minn Artone fis-suq Korean abbażi tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku.

    95.

    Insostenn tal-pożizzjoni tagħha, il-Kummissjoni tressaq sensiela ta’ argumenti, ibbażati b’mod partikolari fuq l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku, kif ukoll fuq l-Artikolu 2.2 tal-Ftehim dwar l-Antidumping tal-WTO, li jissuġġerixxi l-assenza ta’ kull obbligu għall-Kummissjoni li tiffavorixxi metodu speċifiku sabiex tistabbilixxi l-valur normali, stadju essenzjali fid-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dumping. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għażlet il-metodu msemmi fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku, li jipprevedi l-kalkolu tal-valur normali abbażi tal-ispiża tal-produzzjoni. Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali għażlet interpretazzjoni stretta li ma għandhiex bażi fir-Regolament bażiku. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali tirreferi inutilment għas-sentenza Il-Kunsill vs Alumina ( 26 ).

    96.

    L-ETPA ssostni l-appell tal-Kummissjoni fit-tieni aggravju tagħha, billi ssostni, essenzjalment, l-istess argumenti bbażati fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament bażiku, kif ukoll tal-Ftehim dwar l-Antidumping tal-WTO.

    97.

    Hansol tikkontesta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi. Hija tikkunsidra li l-argument tal-Kummissjoni huwa infondat u jmur kontra l-prattika tagħha stess. B’mod iktar konkret, hija għandha dubju dwar l-interpretazzjoni proposta mill-Kummissjoni, minħabba li teżisti ordni ġerarkika fil-metodi ta’ determinazzjoni tal-valur normali fl-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku u li l-valur normali għandu jkun prinċipalment ibbażat fuq il-prezzijiet interni. Barra minn hekk, hija tqis li r-regoli tal-WTO huma irrilevanti fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku li huma differenti minn dawk tal-Ftehim dwar l-Antidumping, li huwa l-każ f’din il-kawża. Kuntrarjament għall-Kummissjoni, Hansol tikkunsidra li l-fatt li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq is-sentenza Il-Kunsill vs Alumina ( 27 ) huwa rilevanti sabiex jiġi eżaminat ir-raba’ motiv invokat fl-ewwel istanza, li huwa s-suġġett tat-tieni aggravju tal-appell.

    b) Evalwazzjoni

    98.

    It-tieni aggravju tal-appell jirrigwarda, essenzjalment, il-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi meta interpretat l-Artikolu 2(1) u (3) tar-Regolament bażiku, fil-punti 152 sa 157 tas-sentenza appellata, u meta ddeterminat li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 2(1) tal-imsemmi regolament, fil-kuntest tal-kalkolu tal-valur normali ta’ Artone fil-punt 158 tas-sentenza appellata.

    99.

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fuq dan il-punt, il-Qorti Ġenerali esponiet il-motivi tagħha billi bdiet billi fakkret, fil-punt 148 tas-sentenza appellata, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tgħid li “id-determinazzjoni tal-valur normali [ta’ prodott] hija waħda mill-istadji essenzjali li tista’ tistabbilixxi l-eżistenza ta’ possibbiltà ta’ dumping” ( 28 ).

    100.

    Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali eżaminat id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku, billi kkonkludiet li teżisti ċerta ordni ġerarkika bejn dawn id-dispożizzjonijiet, b’mod iktar konkret bejn dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 3 rispettivament, li jeħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni meta jkun irid jiġi ddeterminat il-valur normali ta’ prodott. Sabiex issostni din it-teżi, il-Qorti Ġenerali ċċitat is-sentenza mogħtija fil-kawża Il-Kunsill vs Alumina, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li “kemm mill-kliem kif ukoll mill-istruttura ta’ [l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku] jirriżulta li huwa l-prezz realment imħallas jew li għandu jitħallas matul it-tranżazzjonijiet kummerċjali normali li għandu, bħala regola ġenerali, jittieħed l-ewwel inkunsiderazzjoni biex jiġi stabbilit il-valur normali” ( 29 ).

    101.

    Fil-punt 150 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċċitat mill-ġdid is-sentenza Il-Kunsill vs Alumina, filwaqt li spjegat li skont l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 tal-istess artikolu, “dan il-prinċipju [tal-użu tal-prezzijiet imħallsa jew pagabbli, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, minn xerrejja indipendenti fil-pajjiż esportatur] jista’ biss jiġi dderogat meta l-ebda bejgħ tal-prodott simili ma jkun seħħ matul tranżazzjonijiet kummerċjali normali jew meta dan il-bejgħ huwa insuffiċjenti jew meta tali bejgħ ma jippermettix paragun validu.” ( 30 ). Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, dejjem billi għamlet riferiment għas-sentenza Il-Kunsill vs Alumina, billi enfasizzat li “dawn id-derogi għall-metodi tal-iffissar tal-valur normali skont il-prezz reali għandhom natura eżawrjenti” ( 31 ).

    102.

    Dan il-qari tal-motivi tas-sentenza appellata juri li l-Qorti Ġenerali sempliċement semmiet il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex issostni t-teżi tal-ordni ġerarkika bejn id-diversi dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku. Hija rrikonoxxiet, mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi, li jeżisti prinċipju ta’ prijorità fost id-diversi metodi ta’ kalkolu, li eċċezzjonalment tista’ ssir deroga minnu meta l-kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti ( 32 ). Huwa evidenti li ma setax ikun li kisret id-dritt tal-Unjoni f’dan ir-rigward peress li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà waslet għal konklużjoni simili fil-ġurisprudenza tagħha stess. Għaldaqstant, jidhirli li l-Qorti Ġenerali ġustament ikkritikat il-fatt li l-Kummissjoni użat immedjatament l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku, mingħajr ma vverifikat minn qabel il-possibbiltà li tapplika l-Artikolu 2(1) tal-imsemmi regolament għall-każ inkwistjoni.

    103.

    Bħala prinċipju, l-eżami ta’ dan l-aggravju jista’ jkun limitat għal sempliċi riferiment għal din il-ġurisprudenza li jidhirli li hija perfettament rilevanti f’dan il-kuntest tal-proċedura tal-appell. Madankollu, għal raġunijiet ta’ kompletezza, u sabiex jitneħħa kull dubju dwar il-validità ta’ din l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku, sostnuta mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, ser neżamina fil-qosor l-argumenti l-oħra ppreżentati mill-Kummissjoni insostenn tal-pożizzjoni tagħha.

    104.

    Il-Kummissjoni u l-ETPA huma tal-fehma li l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali tinjora l-fatt li d-dispożizzjoni inkwistjoni, jiġifieri t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku, hija espressa fil-forma “permissiva” u mhux fil-forma “preskrittiva”. Fil-fehma tagħhom, din l-interpretazzjoni hija sostnuta minn analiżi komparattiva tal-verżjonijiet lingwistiċi differenti. Il-Kummissjoni u l-ETPA għalhekk donnhom jissuġġerixxu li l-Kummissjoni għandha l-fakultà li tuża l-metodu ta’ kalkolu li hija tikkunsidra l-iktar utli mingħajr ma jkollha tieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ prijorità li jirregola d-diversi metodi ta’ kalkolu li jipprevedi l-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku.

    105.

    Jidhirli li dan il-qari ma huwiex preċiż inkwantu jħallat żewġ aspetti fundamentali kompletament differenti li jaqgħu taħt id-dritt amministrattiv tal-Unjoni, jiġifieri, il-kompetenzi attribwiti mil-leġiżlatur lill-Kummissjoni sabiex twettaq ċerti kompiti amministrattivi, minn naħa, u s-setgħa diskrezzjonali li din tal-aħħar tista’ tingħata f’ċirkustanzi speċifiċi, min-naħa l-oħra. Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku għandhom jinftiehmu bħala li jaqgħu taħt l-ewwel kategorija u mhux taħt it-tieni kategorija. Dan jirriżulta, fl-ewwel lok, mill-prinċipju tal-għoti tal-kompetenzi, stabbilit fl-Artikolu 13(2) TUE, li jgħid li “[k]ull Istituzzjoni għandha taġixxi fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha mit-Trattati, u skond il-proċeduri, il-kondizzjonijiet u l-finijiet previsti minnhom” (enfasi miżjuda minni). Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat f’dan il-kuntest li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 ma humiex fundamentalment differenti minn dispożizzjonijiet simili oħra tar-Regolament bażiku li jagħtu wkoll setgħat deċiżjonali lill-Kummissjoni, sakemm ikunu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlatur. Għaldaqstant, huwa possibbli li jiġi dedott kemm mill-formulazzjoni kif ukoll mill-istruttura tal-imsemmija dispożizzjonijiet li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-għan li jippreċiża l-mod kif il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tiddetermina f’kull każ il-valur normali ta’ prodott, billi stabbilixxa għal dan l-għan ordni ta’ prijorità bejn il-metodi differenti normalment irrikonoxxuti fil-qasam tal-antidumping.

    106.

    Il-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, b’mod partikolari l-użu tal-verb “jista’” f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi ( 33 ) jista’ jwassal għal konfużjoni, ladarba jista’ jinftiehem, bħala prinċipju, fiż-żewġ direzzjonijiet, tal-inqas jekk wieħed jinjora prinċipju daqstant importanti fid-dritt tal-Unjoni bħal dak imsemmi fil-paragrafu preċedenti. Madankollu, kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni nnifisha fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, il-verżjoni fil-lingwa Franċiża tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku (“la valeur normale est établie”) (enfasi miżjuda minni) ma tippermettix li wieħed jaqra fiha b’ċertezza assoluta r-rikonoxximent ta’ setgħa diskrezzjonali ( 34 ), filwaqt li hemm ambigwità kbira fl-interpretazzjoni tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Għaldaqstant, l-analiżi komparattiva tal-verżjonijiet lingwistiċi differenti ma tagħti ebda element deċiżiv għall-interpretazzjoni sostnuta mill-Kummissjoni.

    107.

    Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq in-neċessità li tingħata interpretazzjoni konformi mad-dritt tal-WTO, imsemmi iktar ’il fuq, għandu jitfakkar qabelxejn li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-testi tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari meta tali testi huma intiżi preċiżament sabiex jimplimentaw ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni ( 35 ). Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li, fid-dawl tan-natura u l-istruttura tagħhom, il-ftehimiet tal-WTO ma humiex, bħala prinċipju, fost ir-regoli li fid-dawl tagħhom il-qrati tal-Unjoni jridu jistħarrġu l-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ( 36 ). Huwa biss f’sitwazzjoni fejn l-Unjoni kellha l-intenzjoni teżegwixxi obbligu partikolari li tkun assumiet fil-kuntest tal-WTO, jew f’sitwazzjoni fejn l-att tal-Unjoni jirreferi espliċitament għal dispożizzjonijiet preċiżi tal-ftehimiet tal-WTO, li l-qrati tal-Unjoni jkollhom jistħarrġu l-legalità tal-att tal-Unjoni inkwistjoni fid-dawl tar-regoli tal-WTO. Il-prinċipji msemmija hawn fuq jgħoddu wkoll, bħala prinċipju, għall-obbligu li r-Regolament bażiku jiġi interpretat fid-dawl tal-Ftehim dwar l-Antidumping tal-WTO ( 37 ), fid-dawl tal-fatt li l-Unjoni adottat dan ir-regolament preċiżament sabiex tissodisfa l-obbligi internazzjonali li hija tassumi fil-kuntest tal-WTO ( 38 ).

    108.

    L-analiżi tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku turi li l-formulazzjoni tal-Artikolu 2(1) hija differenti minn dik tal-Artikolu 2.2 tal-Ftehim dwar l-Antidumping tal-WTO. Għalkemm l-Artikolu 2.2 tal-Ftehim dwar l-Antidumping jikkorrispondi għat-termini tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku, il-Ftehim dwar l-Antidumping ma jinkludix dispożizzjoni simili għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku. Fid-dawl tal-formulazzjoni manifestament differenti użata fir-Regolament bażiku u fil-Ftehim dwar l-Antidumping rispettivament, id-dritt tal-WTO ma jistax jiġi invokat biex wieħed jitbiegħed mill-formulazzjoni ċara tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku ( 39 ). Għaldaqstant, hemm lok li l-argument li l-Kummissjoni tislet mill-allegata rilevanza tal-Ftehim dwar l-Antidumping, tal-inqas f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-paragrafu 1, kif ukoll ir-relazzjoni tiegħu mal-paragrafu 3, jiġi miċħud. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar l-Antidumping sabiex tipprivileġġja l-metodu ta’ kalkolu previst fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku.

    109.

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li n-natura individwali tad-dazju antidumping, ħlief meta r-Regolament bażiku jipprovdi mod ieħor, pereżempju fil-każ ta’ kampjunar, turi li, fl-istabbiliment tal-valur normali u tal-marġni ta’ dumping b’mod ġenerali, għandha tingħata preferenza lid-data tal-esportatur stess minflok dik tal-produtturi l-oħra.

    110.

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-Kummissjoni sempliċement tikkonferma dak li jipprevedi l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Bażiku, jiġifieri li, sabiex jiġi stabbilit il-valur normali, għandha tingħata preferenza lill-prezzijiet interni tal-produttur-esportatur pjuttost milli lill-prezzijiet interni ta’ bejjiegħa jew produtturi oħra. Dan premess, huwa evidenti li dan l-argument ma jistax jiġi invokat b’mod validu sabiex tiġi ppreferuta l-applikazzjoni tal-metodu previst fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku, li jikkonsisti fil-kalkolu ta’ valur normali. Fil-fatt, tali interpretazzjoni tmur kontra dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Il-Kunsill vs Alumina, jiġifieri li d-determinazzjoni tal-valur normali abbażi tal-prezzijiet tikkostitwixxi r-regola filwaqt li l-kalkolu tal-valur normali huwa l-eċċezzjoni, kif diġà spjegajt iktar ’il fuq ( 40 ) meta esponejt ir-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali fil-punti 148 sa 152 tas-sentenza appellata. Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    111.

    Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li s-sitwazzjonijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) u fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku (jiġifieri, “ebda bejgħ” u “ebda bejgħ fil-kors ordinarju tal-kummerċ”) ma jistgħux jiġu sseparati u fil-fatt jikkoinċidu parzjalment. Skont il-Kummissjoni, in-nuqqas ta’ bejgħ fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku huwa, mid-definizzjoni tiegħu stess, sitwazzjoni li fiha “ma jkun hemm l-ebda bejgħ […] fil-kors ordinarju tal-kummerċ” fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni żżid li s-separazzjoni reali bejn iż-żewġ dispożizzjonijiet isseħħ biss meta l-produttur-esportatur “ma jipproduċix […] il-prodott simili” fil-pajjiż ta’ stabbiliment tiegħu: f’din is-sitwazzjoni eċċezzjonali, ma teżistix materjalment spiża ta’ produzzjoni li fuqha l-awtorità inkarigata mill-investigazzjoni tista’ tibbaża ruħha sabiex taħdem il-valur normali u l-unika għażla possibbli hija li tuża l-prezzijiet ta’ bejgħ fis-suq intern ta’ produtturi oħra.

    112.

    Dan l-argument, ibbażat fuq qari impreċiż tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq u li huwa intiż, evidentement, sabiex jikkontesta l-kamp ta’ applikazzjoni rispettiv tagħhom ma huwiex konvinċenti peress li jmur kontra l-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2014, Il-Kunsill vs Alumina (C‑393/13 P, EU:C:2014:2245). Kif spjegat b’mod ċar il-Qorti tal-Ġustizzja f’dik is-sentenza, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) japplika għas-sitwazzjonijiet li fihom ikun hemm bejgħ (minn bejjiegħa jew produtturi oħra) tal-prodott simili matul tranżazzjonijiet kummerċjali normali fil-pajjiż esportatur, filwaqt li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(3) japplika għas-sitwazzjonijiet fejn ma hemmx bejgħ jew bejgħ insuffiċjenti tal-prodott simili waqt tranżazzjonijiet kummerċjali normali fil-pajjiż esportatur. Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, għalhekk ma teżisti ebda ambigwità f’dak li jikkonċerna l-kamp ta’ applikazzjoni rispettiv tal-imsemmija dispożizzjonijiet. Għaldaqstant, dan l-argument għandu wkoll jiġi miċħud bħala infondat.

    113.

    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tikkontesta r-rilevanza ta’ dik is-sentenza Il-Kunsill vs Alumina ċċitata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata. Skont il-Kummissjoni, dik il-kawża tirrigwarda d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “bejgħ […] fil-kors ordinarju tal-kummerċ” fis-sens tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku. F’din l-okkażjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma indirizzatx kwistjoni li ma kinitx tqajmet quddiemha, jiġifieri l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku, u lanqas l-allegata eżistenza ta’ separazzjoni assoluta bejn is-sitwazzjonijiet ta’ assenza ta’ bejgħ imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) u dawk imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku.

    114.

    Dan l-argument jitlob xi kummenti min-naħa tiegħi minħabba li huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza Il-Kunsill vs Alumina. Fil-qosor, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fl-imsemmija sentenza li “huwa l-prezz realment imħallas jew li għandu jitħallas matul it-tranżazzjonijiet kummerċjali normali” ( 41 ) li għandu, bħala regola ġenerali, jittieħed l-ewwel inkunsiderazzjoni biex jiġi stabbilit il-valur normali u li d-“derogi għall-metodi tal-iffissar tal-valur normali skont il-prezz reali għandhom natura eżawrjenti u huma marbuta mal-karatteristiċi tal-bejgħ u mhux mal-prezz tal-prodott” ( 42 ). Peress li, kif ġie indikat korrettament fil-punt 149 tas-sentenza appellata, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku “jippermetti […], bl-użu tal-prezzijiet ta’ bejjiegħa jew produtturi oħra, determinazzjoni tal-valur normali abbażi tal-prezzijiet imħallsa jew pagabbli, fil-kors ordinarju tal-kummerċ, minn xerrejja indipendenti fil-pajjiż esportatur”, il-Qorti Ġenerali osservat ir-regola stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Il-Kunsill vs Alumina, jiġifieri li huwa l-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas fit-tranżazzjonijiet kummerċjali normali li għandu, bħala prijorità jiġi kkunsidrat biex jiġi stabbilit il-valur normali. Minn dan isegwi li dan l-argument tal-Kummissjoni għandu jiġi kkunsidrat bħala ineffettiv.

    115.

    Għall-finijiet ta’ kompletezza, għandu jingħad ukoll li l-prassi amministrattiva tal-Unjoni fil-qasam tal-antidumping ma tirriflettix l-interpretazzjoni sostnuta mill-Kummissjoni f’din il-kawża. Fil-fatt, Hansol iċċitat diversi eżempji li juru li l-valur normali huwa bbażat b’mod ġenerali fuq il-prezzijiet interni, skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku. Huwa biss fl-assenza ta’ bejgħ intern rappreżentattiv magħmul minn produtturi oħrajn jew jekk il-prezzijiet ta’ dan il-bejgħ ma jkunux adegwati li l-valur normali jinħadem b’mod konformi mal-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku ( 43 ). F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa notevoli li l-Kummissjoni fittxet f’dan il-każ li titbiegħed minn din il-prassi amministrattiva mingħajr madankollu ma tat ġustifikazzjoni oġġettiva.

    116.

    Bħala konklużjoni, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkunsidra li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tagħha tar-raba’ motiv invokat fl-ewwel istanza. Għaldaqstant, nipproponi li t-tieni aggravju tal-appell jiġi miċħud bħala manifestament infondat.

    3. Fuq it‑tielet aggravju

    a) L‑argumenti tal‑partijiet

    117.

    Permezz tat-tielet aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku billi ddefinixxiet il-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezz fil-każ tal-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni permezz ta’ entitajiet relatati. Dan l-aggravju jirrigwarda l-konklużjonijiet dwar il-marġni ta’ dannu li l-Qorti Ġenerali siltet fil-kuntest tal-eżami tat-tieni parti tal-ħames motiv u tat-tielet parti tal-ħames motiv fl-ewwel istanza.

    118.

    Il-Kummissjoni tressaq numru ta’ argumenti insostenn tal-pożizzjoni tagħha. L-ewwel, hija tfakkar is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li hija għandha fil-kuntest ta’ sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi. Fl-assenza ta’ definizzjoni tal-kunċett ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet, il-Kummissjoni tqis li l-użu ta’ prezz tal-esportazzjoni maħdum skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku fil-kuntest tal-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezzijiet la kien inġustifikat u lanqas ma kien inadegwat. It-tieni, il-Kummissjoni tinvoka l-Artikolu 3(3) tar-Regolament bażiku insostenn tal-pożizzjoni tagħha, li tgħid li l-eżistenza ta’ twaqqigħ sinjifikattiv tal-prezzijiet għandha tiġi eżaminata fil-livell tal-“importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping”, u mhux, konsegwentement, fil-livell tal-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid sussegwenti tagħhom fis-suq tal-Unjoni. It-tielet, il-Kummissjoni tikkunsidra li jkun assurd li tuża prezz tal-esportazzjoni maħdum sabiex tistabbilixxi l-eżistenza u l-ammont tad-dumping, imbagħad li tuża prezz ieħor tal-esportazzjoni sabiex teżamina l-effetti fuq il-prezzijiet tal-istess importazzjonijiet li fir-rigward tagħhom diġà ntwera li dawn kienu s-suġġett ta’ dumping fil-kuntest tal-istabbiliment tad-dannu. Huwa għalhekk biss f’dan il-livell (jiġifieri l-prezz CIF ( 44 ) tal-esportazzjoni, reali jew stabbilit bħala tali, fil-fruntiera tal-Unjoni) li jista’ jiġi osservat d-dumping u li jistgħu jiġu kkawżati l-effetti assoċjati fuq il-prezzijiet, kemm jekk il-produttur-esportatur ibigħ permezz ta’ entitajiet relatati jew direttament sussegwentement fl-Unjoni. Ir-raba’, il-Kummissjoni tirrileva li l-użu ta’ prezz tal-esportazzjoni maħdum skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku fil-każijiet fejn il-produttur-esportatur (bħal Hansol) ibigħ permezz ta’ entitajiet relatati jiggarantixxi wkoll il-koerenza u n-nondiskriminazzjoni.

    119.

    L-ETPA ssostni l-appell tal-Kummissjoni fit-tielet aggravju tagħha, billi ssostni, essenzjalment, l-istess argumenti, ibbażati fuq l-allegat marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni kif ukoll fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tar-Regolament bażiku.

    120.

    Hansol tikkontesta dan l-argument billi tikkontesta l-legalità tal-applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku mill-Kummissjoni fil-kalkolu tal-marġni tat-twaqqigħ tal-prezz, li huwa wieħed mill-aspetti tad-determinazzjoni tad-dannu. Hija tikkontesta wkoll l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament bażiku proposta mill-Kummissjoni, billi ssostni li r-rekwiżit li l-eżistenza ta’ twaqqigħ eċċessiv tal-prezz jiġi eżaminat fil-livell tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping ma jinsab imkien f’din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, l-eżami tal-eżistenza ta’ twaqqigħ sinjifikattiv tal-prezzijiet jirrikjedi li l-Kummissjoni tqabbel prezzijiet li jkunu paragunabbli. Issa, il-metodu tal-Kummissjoni li jikkonsisti fl-applikazzjoni tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku għall-kalkolu tal-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezz huwa ekwivalenti għal paragun tal-prezzijiet li ma humiex paragunabbli, peress li ma jinkludux l-istess komponenti tal-prezz. Hansol tippreżenta sensiela ta’ kawżi, li minnhom jirriżulta li l-Kummissjoni normalment tieħu inkunsiderazzjoni l-prezzijiet ta’ bejgħ lill-ewwel klijent indipendenti sabiex tistabbilixxi jekk hemmx twaqqigħ tal-prezz. Fl-aħħar, Hansol issostni li l-metodoloġija segwita mill-Kummissjoni tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-kalkolu tal-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet peress li hija tittratta bl-istess mod sitwazzjonijiet differenti, jiġifieri, produtturi-esportaturi li stabbilixxew entitajiet ta’ bejgħ relatati fl-Unjoni u produtturi-esportaturi li jbigħu direttament lil klijenti indipendenti tal-Unjoni.

    b) Evalwazzjoni

    121.

    Il-kwistjoni legali speċifika mqajma fit-tielet aggravju tal-appell u li issa għandha tiġi analizzata tikkonċerna, essenzjalment, id-determinazzjoni tal-“punt ta’ riferiment” li għandu jintuża għall-kalkolu tal-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezz fil-każ tal-esportazzjonijiet tal-prodott ikkunsidrat lejn l-Unjoni permezz ta’ partijiet relatati. Il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli interpretat b’mod żbaljat ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku billi ddefinixxiet il-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezz fil-każ tal-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni permezz ta’ entitajiet relatati.

    122.

    Għal raġunijiet ta’ ċarezza, huwa utli li jiġu deskritti fil-qosor il-motivi tas-sentenza appellata li l-Kummissjoni tikkontesta, qabel ma tiġi eżaminata l-kwistjoni ġuridika mqajma. Il-Qorti Ġenerali kkritikat lill-Kummissjoni li wettqet żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku b’analoġija għall-bejgħ mill-ġdid tar-rombli jumbo minn kumpanniji relatati. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni kellha pjuttost tikkalkola l-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezz abbażi tal-prezzijiet ta’ bejgħ miftiehma bejn Schades u l-klijenti indipendenti tagħha.

    123.

    Insostenn tar-raġunament tagħha, il-Qorti Ġenerali ddikjarat, fil-punt 199 tas-sentenza appellata, li kienu l-prezzijiet innegozjati bejn impriża u l-klijenti u mhux il-prezzijiet fi stadju intermedju li setgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni ta’ dawn il-klijenti li jakkwistaw il-prodott ta’ din l-impriża u mhux dak tal-industrija tal-Unjoni. Il-Qorti Ġenerali spjegat, fil-punt 201 tas-sentenza appellata, li, peress li l-prodott ikkunsidrat kien f’kompetizzjoni mal-prodott simili tal-industrija tal-Unjoni u li kien jikkawża dannu lil din l-industrija, il-“punt ta’ riferiment”, fir-rigward tal-bejgħ mill-ġdid tal-prodott ikkunsidrat minn Schades sabiex tiddetermina d-dannu, ma kienx fil-livell tal-fruntiera tal-Unjoni, iżda fil-livell tal-bejgħ lill-klijenti indipendenti. Din l-interpretazzjoni tikkorrobora l-analiżi ta’ Hansol li tgħid li l-Kummissjoni kellha tuża l-prezzijiet ta’ bejgħ realment iffatturati u tnaqqas biss l-ispejjeż sostnuti għall-bejgħ.

    124.

    Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li t-twaqqigħ tal-prezz huwa komunement iddefinit bħala d-differenza bejn il-prezz tal-esportazzjoni pprattikat mill-produtturi esportaturi u l-prezz tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni ( 45 ). Madankollu, dan il-kunċett ma huwiex iddefinit, u wisq inqas irregolat, mir-Regolament bażiku jew mill-Ftehim dwar l-Antidumping tal-WTO. Konsegwentement, huwa neċessarju li jiġi żviluppat metodu prattiku u suffiċjentement preċiż sabiex jiġi kkalkolat b’affidabbiltà l-marġni tat-twaqqigħ tal-prezz, li jeżiġi wkoll li l-“punt ta’ riferiment” jista’ jiġi ddeterminat fil-każijiet ta’ bejgħ mill-ġdid tal-prodott rispettiv permezz ta’ partijiet relatati. Inqis li l-metodu ssuġġerit mill-Qorti Ġenerali jissodisfa dawn ir-rekwiżiti, kif ser nispjega iktar ’il quddiem.

    125.

    Fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali ġustament fakkret, fil-punt 197 tas-sentenza appellata, li, skont ir-regola msemmija fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament bażiku, għall-impożizzjoni tad-dazji antidumping ma kienx biżżejjed li l-merkanzija importata tkun soġġetta għad-dumping, iżda kien meħtieġ ukoll li r-rilaxx tagħha għal ċirkulazzjoni libera tikkawża dannu. Din il-konstatazzjoni hija kruċjali fir-raġunament żviluppat mill-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, din tal-aħħar indikat b’mod korrett li kellu jsir eżami oġġettiv tal-effett tal-importazzjonijiet fuq il-prezzijiet ta’ prodotti simili fis-suq tal-Unjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta stabbilixxiet, fil-punt 201 tas-sentenza appellata, l-ewwel, liema kien il-prodott li kien f’kompetizzjoni mal-prodotti simili tal-industrija tal-Unjoni u li kien qiegħed jikkawżalha dannu u, it-tieni, f’liema livell tal-katina ta’ distribuzzjoni kien qiegħed iseħħ dan l-effett, jiġifieri fil-livell tal-klijenti indipendenti (u mhux fil-livell tal-fruntiera tal-Unjoni).

    126.

    L-argumenti mressqa mill-Kummissjoni u mill-ETPA insostenn tat-tielet aggravju tal-appell ma jinvalidawx il-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Qorti Ġenerali.

    127.

    Il-fatt li l-Kummissjoni tgawdi minn ċertu marġni ta’ manuvra fl-investigazzjonijiet fil-qasam tad-difiża kummerċjali bl-ebda mod ma jeżentaha mill-obbligu li tosserva d-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku. Dan premess, irrid nirrileva li xejn ma jindika fl-imsemmi regolament li l-Artikolu 2(9) jista’ jiġi applikat b’analoġija għall-kalkolu tal-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezz, li huwa wieħed mill-aspetti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tad-dannu. Barra minn hekk, fil-metodu ta’ interpretazzjoni ġuridika, l-użu tal-analoġija huwa ġeneralment suġġett għal ċerti kundizzjonijiet, jiġifieri l-ħtieġa li timtela lakuna ġuridika bl-applikazzjoni ta’ regola ta’ dritt għal ipoteżi differenti, iżda li magħha l-każ mhux kopert ikollu xebh fil-livell tar-“ratio” jew tal-“identità essenzjali”. Dan ovvjament japplika biss sakemm il-leġiżlatur ma jkunx opponieha formalment ( 46 ). Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma spjegatx jekk u, jekk kien il-każ, sa fejn dawn il-kundizzjonijiet kienu ssodisfatti f’dan il-każ. Din l-assenza ta’ motivazzjoni tal-użu tal-analoġija fl-applikazzjoni tar-Regolament bażiku toħloq dubju dwar il-legalità tal-approċċ segwit mill-Kummissjoni, b’mod partikolari fid-dawl tal-prinċipju tal-għoti ta’ kompetenzi diġà msemmi f’dawn il-konklużjonijiet ( 47 ) u tan-neċessità li jiġi żgurat stħarriġ ġudizzjarju effettiv ( 48 ). Għandu jitfakkar f’dan il-kuntest li l-obbligu ta’ motivazzjoni għal kull deċiżjoni li tikkawża preġudizzju għandu għan doppju li jippermetti, minn naħa, li l-partijiet ikkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, li l-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkonċernata ( 49 ). Għaldaqstant, jidhirli li l-Qorti Ġenerali ġustament astjeniet milli tikkonferma l-legalità ta’ dan l-approċċ.

    128.

    Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, l-Artikolu 3(3) tar-Regolament bażiku ma jipprevedix li l-eżistenza ta’ twaqqigħ eċċessiv tal-prezz għandu jiġi eżaminat “fil-livell tal-‘importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping’”. Xejn f’din id-dispożizzjoni ma jirrikjedi li tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ twaqqigħ sinjifikattiv tal-prezz fil-livell tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping.

    129.

    Barra minn hekk, kif tenfasizza ġustament Hansol, l-eżami tal-eżistenza ta’ twaqqigħ sinjifikattiv tal-prezzijiet jirrikjedi li l-Kummissjoni tipparaguna prezzijiet ( 50 ) li jkunu paragunabbli ( 51 ). Li jfisser li l-prezzijiet jiġu pparagunati fl-istess livell kummerċjali ( 52 ). Dan il-livell kummerċjali għandu jiġi ddefinit skont it-tip ta’ klijenti, b’tali mod li t-tranżazzjonijiet ipparagunati jinkludu l-komponenti kollha tal-prezz għall-bejgħ lill-istess tip ta’ klijenti, bħal bejjiegħa bl-ingrossa, bejjiegħa bl-imnut jew konsumaturi finali. Dan premess, għandu jiġi kkonstatat li, kif tispjega Hansol, meta pparagunat, minn naħa, prezz maħdum artifiċjalment bejnha u l-entità relatata tagħha skont l-Artikolu 2(9) u, min-naħa l-oħra, il-prezzijiet tal-produtturi tal-Unjoni fir-rigward tal-ewwel klijenti indipendenti tagħhom, il-Kummissjoni ma pparagunatx il-prezzijiet fl-istess livell kummerċjali, peress li l-prezzijiet ta’ Hansol huma f’livell ogħla upstream tal-katina tal-bejgħ.

    130.

    Dan huwa iktar u iktar sorprendenti peress li l-Kummissjoni nnifisha tidher li titlaq mill-premessa li tgħid li l-paragun tal-prezzijiet għandu jsir “fil-livell fejn isseħħ il-kompetizzjoni fl-UE” (enfasi miżjuda minni), kif jirriżulta espressament mill-premessa 122 tar-Regolament kontenzjuż. F’dan il-kuntest, għandha tissemma s-sentenza Kazchrome ( 53 ), li saret definittiva, li fiha l-Qorti Ġenerali ddikjarat li l-kompetizzjoni hija eżerċitata fil-livell tal-prezzijiet “li setgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tal-klijenti li jakkwistaw il-prodotti tar-rikorrenti u mhux dawk tal-industrija Komunitarja” ( 54 ). Dan għandu neċessarjament ikun meta l-entità ta’ bejgħ relatata tal-produttur-esportatur stabbilita fl-Unjoni tbigħ lill-klijent finali tagħha u mhux fi stadju intermedju ( 55 ). F’dan il-kuntest għandu jiġi rrilevat li dan l-approċċ ġie applikat iktar reċentement fis-sentenza Jindal Saw ( 56 ) u għandu, għaldaqstant, jitqies suffiċjentement stabbilit fil-ġurisprudenza.

    131.

    F’dan ir-rigward, nixtieq nenfasizza li huwa preċiżament dak li l-Qorti Ġenerali ddikjarat fil-punt 202 tas-sentenza appellata. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li, “fir-rigward tal-bejgħ dirett u indirett tal-prodott ikkunsidrat, il-kompetizzjoni seħħet fil-livell tal-klijenti indipendenti” (enfasi miżjuda minni). Għalhekk, il-Qorti Ġenerali spiċċat billi laqgħet, essenzjalment, l-argument ippreżentat minn Hansol fl-ewwel istanza, li jgħid li, għall-bejgħ tal-prodott ikkunsidrat magħmul permezz ta’ Schades, il-kompetizzjoni kienet fuq livell li jibda mill-fabbrika pprattikat minn Schades Ltd. Il-prezz finali kellu għalhekk ikun il-prezz mill-fabbrika applikat minn Schades għall-klijenti indipendenti tagħha fl-Unjoni għall-prodott ikkunsidrat. Bħala konklużjoni, għandu jiġi konkluż li l-prezz finali ma setax ikun “prezz f’ċirkulazzjoni libera” teoretiku maħdum mill-Kummissjoni.

    132.

    F’dan il-kuntest, għandu jiġi nnotat li l-prassi amministrattiva tal-Unjoni fil-qasam tad-dumping tidher li tindika li hija tuża wkoll bħala “punt ta’ riferiment” sabiex tiddetermina jekk hemmx twaqqigħ eċċessiv fil-prezzijiet “il-prezzijiet għall-ewwel klijent indipendenti fil-livell tal-entitajiet tal-bejgħ” ( 57 ) (enfasi miżjuda minni). Konsegwentement, huwa notevoli li l-Kummissjoni fittxet li titbiegħed minn din il-prattika amministrattiva mingħajr madankollu ma pprovdiet ġustifikazzjoni oġġettiva.

    133.

    Minn dan isegwi li l-metodoloġija tal-Kummissjoni li tikkonsisti fl-applikazzjoni tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku għall-kalkolu tal-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet hija ekwivalenti għall-paragun tal-prezzijiet li ma humiex paragunabbli, peress li ma jinkludux l-istess komponenti tal-prezz.

    134.

    L-argument li l-metodu użat mill-Kummissjoni jiggarantixxi l-koerenza u n-nondiskriminazzjoni lanqas ma huwa konvinċenti. Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il‑prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm dan it‑trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat ( 58 ). Issa, l-ewwel, jidhirli li l-Kummissjoni ma pproduċiet l-ebda prova insostenn tal-argument tagħha. Barra minn hekk, jidher li l-metodu adottat mill-Kummissjoni jittratta bl-istess mod sitwazzjonijiet differenti fil-kalkolu tal-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet, jiġifieri, il-produtturi-esportaturi li jkunu stabbilixxew entitajiet ta’ bejgħ relatati fl-Unjoni u l-produtturi-esportaturi li jbigħu direttament lil klijenti indipendenti tal-Unjoni. Konsegwentement, sa fejn ma hemm ebda ġustifikazzjoni oġġettiva, il-metodu segwit mill-Kummissjoni jista’ jikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

    135.

    Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta stabbilixxiet li l-Kummissjoni ma setgħetx tapplika b’analoġija l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku għall-kalkolu tal-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezz.

    136.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li t-tielet aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud ukoll sa fejn jirrigwarda l-punti 196 sa 205 tas-sentenza appellata, li jagħmlu parti mill-eżami tat-tieni parti tal-ħames motiv fl-ewwel istanza. Minħabba r-rabta tematika, l-istess japplika għall-punti 208 sa 213 tas-sentenza appellata, li jagħmlu parti mill-eżami tat-tielet parti tal-ħames motiv fl-ewwel istanza.

    4. Konklużjonijiet li jikkonċernaw l‑appell prinċipali

    137.

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-appell tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

    C.   Fuq l‑appell inċidentali

    138.

    Fl-appell inċidentali tagħha, minbarra l-aggravji mqajma mill-Kummissjoni fl-appell tagħha, l-ETPA ssostni li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali tinkludi żbalji ta’ liġi addizzjonali.

    1. Fuq l‑ewwel aggravju

    a) L‑argumenti tal‑partijiet

    139.

    Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-ETPA ssostni li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punti 86 u 87 tas-sentenza appellata hija inkompatibbli mal-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku. B’mod iktar konkret, l-ETPA ssostni, essenzjalment, li l-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku ma jipprevedi ebda rekwiżit u lanqas linji gwida fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu ta’ medja ponderata u għalhekk ma jinkludix obbligu li jiġu ddeterminati l-volumi ta’ bejgħ tat-tliet proċessuri eżenti skont il-volumi ta’ bejgħ ta’ Schades. Sussidjarjament, l-ETPA ssostni li l-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku ma jimponix fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tapplika, għall-kalkolu tal-valur normali, il-metodu użat għall-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni. Insostenn tal-argument tagħha, l-ETPA tirreferi għar-regoli tal-WTO.

    140.

    Hansol tikkunsidra dawn l-allegazzjonijiet bħala infondati u tenfasizza li l-Qorti Ġenerali indikat espressament b’liema mod il-Kummissjoni kienet kisret l-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku, jiġifieri li hija kienet kisret l-għan imfittex minn din id-dispożizzjoni, li huwa li l-metodu użat għandu jirrifletti l-portata reali tad-dumping imwettaq. Hansol tibbaża ruħha fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li rrikonoxxiet l-imsemmi għan fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku. Il-Qorti Ġenerali sempliċement applikat din il-ġurisprudenza fis-sentenza appellata.

    b) Evalwazzjoni

    141.

    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għad-dikjarazzjonijiet tal-ETPA, jeżistu tabilħaqq prinċipji żviluppati fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u li jirregolaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku. Kif ser nispjega iktar ’il quddiem, dawn il-prinċipji ġew applikati korrettament mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata. Jeħtieġ li jiġu rrikapitolati fil-qosor ir-raġunijiet li wasslu lill-Qorti Ġenerali, fil-punt 87 tas-sentenza appellata, sabiex tikkonkludi li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti mill-ġurisprudenza, u minħabba f’hekk, li din kienet kisret id-dispożizzjoni imsemmija hawn fuq.

    142.

    Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 74 u 75 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku “jipprevedi żewġ metodi ta’ paragun tal-valur normali u tal-prezz tal-esportazzjoni: l-hekk imsejjaħ metodu “simetriku”, ibbażat jew fuq il-paragun ta’ valur normali medju ponderat mal-medja ponderata tal-prezzijiet tal-esportazzjonijiet kollha lejn l-Unjoni, jew fuq il-paragun ta’ tranżazzjoni b’tranżazzjoni, u l-hekk imsejjaħ metodu “asimetriku”, ibbażat fuq il-paragun ta’ valur normali medju ponderat mal-prezzijiet tal-esportazzjonijiet kollha individwali lejn l-Unjoni”.

    143.

    Madankollu, mill-premessa 47 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/2005 jirriżulta li l-Kummissjoni applikat l-hekk imsejjaħ metodu “simetriku” għall-finijiet tal-kalkolu tal-marġni ta’ dumping tal-appellata fl-appell inċidentali.

    144.

    Ir-raġuni għalfejn il-Qorti Ġenerali qieset li d-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping kienet tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku, kienet l-inkompatibbiltà tagħha mal-prinċipju espost mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza mogħtija fil-kawżi magħquda, Changshu City Standard Parts Factory u Ningbo Jinding Fastener vs Il-Kunsill ( 59 ), jiġifieri li “l-metodi kemm simetriċi kif ukoll asimetriċi tal-kalkolu tal-marġni ta’ dumping għandhom jirriflettu l-portata reali ta’ dumping ipprattikat” ( 60 ).

    145.

    Għaldaqstant, huwa evidenti li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-ETPA, l-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku ma jagħtix lill-Kummissjoni setgħa diskrezzjonali assoluta fir-rigward tal-għażla tal-metodu ta’ paragun għall-finijiet tal-istabbiliment tad-dumping. Għalkemm il-Kummissjoni tista’ tagħżel kemm il-metodu ta’ paragun simetriku kif ukoll il-metodu asimetriku, hija għandha dejjem tieħu inkunsiderazzjoni l-għan tal-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku, jiġifieri li l-metodu adottat għandu jirrifletti l-portata reali tad-dumping ipprattikat, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja.

    146.

    Biex nerġa’ lura għall-eżami tal-appell inċidentali, għandu jiġi rrilevat li, fil-punti 86 u 87 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li l-kunsiderazzjoni tal-marġni ta’ dumping, fir-rigward, rispettivament, tal-bejgħ ta’ Hansol ta’ rombli jumbo għall-ipproċessar f’rombli żgħar għall-finijiet ta’ bejgħ mill-ġdid f’rombli żgħar lill-partijiet indipendenti fl-Unjoni u tal-bejgħ ta’ Hansol ta’ rombli jumbo bħala tali, mingħajr ipproċessar, lil klijenti indipendenti fl-Unjoni, direttament jew indirettament permezz ta’ Schades “ma [kinitx] tirrifletti l-portata sħiħa tad-dumping ipprattikat minn [Hansol]”. Fi kliem ieħor, l-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni ma kinitx preċiża u, konsegwentement, ma kinitx tikkostitwixxi bażi suffiċjenti sabiex tiġġustifika l-adozzjoni tal-miżuri antidumping, kif previsti fir-regolament kontenzjuż.

    147.

    B’mod iktar konkret, fil-punt 86 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li għall-finijiet tal-kalkolu tal-marġni ta’ dumping ta’ Hansol fir-rigward tar-rombli jumbo pproċessati f’rombli żgħar, “il-Kummissjoni ddeċidiet li tuża d-data ta’ Schades sabiex tikkalkola l-marġni ta’ dumping fuq il-bejgħ magħmul mir-rikorrenti lit-tliet proċessuri relatati l-oħra. Għaldaqstant, fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni kienet taf li parti mill-bejgħ tal-prodott ikkunsidrat lil Schades kienet inbiegħet mill-ġdid mingħajr ipproċessar lil klijenti indipendenti, hija kellha tirrifletti din is-sitwazzjoni fil-livell tal-bejgħ tal-prodott ikkunsidrat lill-proċessuri l-oħra relatati [Schades Nordic, Heipa u R+S]. Billi naqset milli tqis din iċ-ċirkustanza, il-Kummissjoni attribwixxiet kunsiderazzjoni kbira wisq lill-bejgħ lill-proċessuri relatati għall-ipproċessar f’rombli żgħar billi żiedet, minħabba f’hekk, id-dumping reali pprattikat mir-rikorrenti”.

    148.

    Huwa għal din ir-raġuni li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet, ġustament, fil-punt 87 tas-sentenza appellata, li “[p]eress li l-kalkoli mwettqa mill-Kummissjoni ma jirriflettux il-portata reali tad-dumping ipprattikat mir-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat ksur tal-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku”. Jidhirli li din il-konklużjoni legali ma tistax tiġi kkontestata fid-dawl tal-iżball ta’ evalwazzjoni debitament ikkonstatat mill-Qorti Ġenerali fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha.

    149.

    Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li tallega l-ETPA, huwa evidenti li l-Qorti Ġenerali stabbilixxiet b’mod suffiċjentement ċar u preċiż ir-rekwiżit tal-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku li l-Kummissjoni injorat fl-evalwazzjoni tagħha tal-fatti, jiġifieri n-neċessità li l-metodu użat jirrifletti l-portata reali tad-dumping ipprattikat.

    150.

    L-argument tal-ETPA, ibbażat fuq interpretazzjoni tar-regoli tal-WTO, ma jistax jinvalida l-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali. L-ETPA ssostni, essenzjalment, li l-allegat nuqqas ta’ rekwiżiti addizzjonali fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu ta’ medja ponderata huwa kkonfermat mill-Bord tas-Soluzzjoni tat-Tilwim tal-WTO fil-kawża European Communities – Bed Linen (Artikolu 21.5) ( 61 ), li kien qies li, peress li d-dispożizzjonijiet li jirrikjedu medja ponderata huma siekta dwar il-metodi ta’ kalkolu, hija r-responsabbiltà tal-awtorità inkarigata mill-investigazzjoni li għandha tiddetermina l-metodu adegwat.

    151.

    Huwa biżżejjed li jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li, fil-kawża li tirreferi għaliha l-ETPA, il-kwistjoni li kellu quddiemu l-Bord tas-Soluzzjoni tat-Tilwim tal-WTO kienet dwar jekk l-Artikolu 2.2.2(ii) tal-Ftehim dwar l-Antidumping tal-WTO jimponix rekwiżiti fir-rigward tal-bażi li abbażi tagħha għandhom jiġu pponderati l-medji tal-ammonti tal-ispejjeż u tal-profitti użati fil-kuntest tal-kalkolu tal-valur normali ( 62 ). Issa, għandu jiġi nnotat li d-dispożizzjoni tal-Ftehim dwar l-Antidumping tal-WTO li tikkorrispondi għall-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku hija l-Artikolu 2.4.2, u mhux l-Artikolu 2.2.2(ii). Għaldaqstant, l-ETPA tibbaża ruħha fuq ir-rapport tal-Bord tas-Soluzzjoni tat-Tilwim tal-WTO dwar kwistjoni li, evidentement, ma tikkonċernax il-każ inkwistjoni. Minn dan isegwi li ma tista’ tinsilet ebda konklużjoni utli minn dan għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku. Għaldaqstant, inqis li dan l-argument għandu jiġi miċħud.

    152.

    Sabiex nikkonkludi, l-argument ippreżentat mill-ETPA sussidjarjament, jiġifieri li l-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku ma jimponix fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tapplika, għall-kalkolu tal-valur normali, il-metodu użat biex jinħadem il-prezz tal-esportazzjoni, huwa wkoll infondat.

    153.

    Għandu jiġi rrilevat li l-metodu tal-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni huwa indikat fl-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. Madankollu, il-Qorti Ġenerali fl-ebda mument ma ssuġġeriet li l-Kummissjoni kellha tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, sabiex tikkalkola l-kunsiderazzjoni tal-marġni ta’ dumping. Il-Qorti Ġenerali pjuttost tindika sempliċement, fil-punti 86 u 87 tas-sentenza appellata, li l-kunsiderazzjoni tal-marġni ta’ dumping applikata mill-Kummissjoni ma kinitx tirrifletti l-portata reali tad-dumping ipprattikat minn Hansol, u għalhekk bi ksur tal-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku. L-argument ippreżentat mill-ETPA b’mod sussidjarju huwa għalhekk ukoll infondat.

    154.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi miċħud l-argument tal-ETPA, li l-Kummissjoni ma hija obbligata tosserva ebda rekwiżit u lanqas linja gwida fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu ta’ medja ponderata.

    2. Fuq it‑tieni aggravju

    a) L‑argumenti tal‑partijiet

    155.

    Fit-tieni aggravju tal-appell inċidentali tagħha, l-ETPA ssostni li l-kunsiderazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni tal-marġni ta’ dumping ibbażata fuq paragun mal-bejgħ totali tal-prodott ikkunsidrat fl-Unjoni bejn, minn naħa, il-bejgħ dirett u indirett lil klijenti indipendenti u, min-naħa l-oħra, il-bejgħ lill-proċessuri relatati għall-ipproċessar f’rombli żgħar kienet legali, peress li l-Kummissjoni kienet awtorizzata tikkalkola l-kunsiderazzjoni tad-diversi mezzi ta’ bejgħ ta’ Hansol abbażi tal-aħjar data disponibbli, kif previst fl-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. L-ETPA tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-kalkolu tal-marġni ta’ dumping imwettaq mill-Kummissjoni ma kienx jirrifletti l-portata reali tad-dumping imwettaq mill-appellata fl-appell inċidentali.

    156.

    Hansol issostni li l-Kummissjoni ma kinitx irrikorriet għall-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku f’dan il-każ. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata talli fis-sentenza tagħha ma ħaditx inkunsiderazzjoni dispożizzjoni li l-Kummissjoni biss hija kompetenti li tapplika, u fil-fatt ma applikatx fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva.

    b) Evalwazzjoni

    157.

    Fit-tieni aggravju tal-appell inċidentali, l-ETPA tallega li s-sentenza appellata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi, sa fejn il-Kummissjoni kienet awtorizzata tikkalkola l-kunsiderazzjoni tad-diversi mezzi ta’ bejgħ ta’ Hansol abbażi tal-aħjar data disponibbli, kif jipprevedi l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

    158.

    F’dan ir-rigward, iċ-ċarezza titlob li jitfakkar l-ewwel nett li l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku joffri soluzzjoni għas-sitwazzjonijiet li fihom il-Kummissjoni ma jkollhiex aċċess għall-informazzjoni neċessarja minħabba partijiet li ma jikkooperawx. L-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku jippreċiża li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi s-sejbiet tagħha abbażi tal-aħjar data disponibbli, sakemm il-partijiet ikkonċernati jiġu informati dwar il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ kooperazzjoni.

    159.

    Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, l-ewwel, il-Kummissjoni ma rrikorrietx għal din id-dispożizzjoni f’dan il-każ għall-finijiet tal-adozzjoni tar-regolament kontenzjuż, kif hija stess tindika fin-noti tagħha ppreżentati fil-kuntest tal-proċedura tal-appell prinċipali, u li, it-tieni, kuntrarjament għal dak li ssostni l-ETPA fin-noti tagħha, kien hemm kooperazzjoni effettiva bejn il-Kummissjoni u Hansol matul l-investigazzjoni antidumping. L-affermazzjoni tal-ETPA, li timplika allegat nuqqas ta’ kooperazzjoni li ntwera bil-fatt li t-tliet proċessuri ma wieġbux għall-kwestjonarju, hija manifestament żbaljata.

    160.

    Fil-fatt, diġà ntqal li t-tliet impriżi inkwistjoni ġew eżentati mill-obbligu li jwieġbu għall-kwestjonarju permezz ta’ deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni ( 63 ). Għaldaqstant, it-tliet impriżi ma kinux obbligati jipprovdu informazzjoni lill-Kummissjoni bħala awtorità investigattiva. Għalkemm huwa minnu li l-Kummissjoni rriżervat espliċitament id-dritt li titlob informazzjoni addizzjonali mingħand dawn l-impriżi, xorta jibqa’ l-fatt li hija qatt ma għamlet talba bħal din. Konsegwentement, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku lanqas ma kienu ssodisfatti f’dan il-każ ( 64 ).

    161.

    Għaldaqstant hemm lok li jiġi miċħud l-argument tal-ETPA, li jgħid li l-Kummissjoni kienet awtorizzata tibbaża ruħha fuq l-aħjar data disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Peress li l-Qorti Ġenerali astjeniet milli tieħu inkunsiderazzjoni din id-dispożizzjoni fir-raġunament tagħha, għandu jiġi konkluż li s-sentenza ma hijiex ivvizzjata bi żball ta’ liġi.

    162.

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, it-tieni aggravju tal-appell inċidentali għandu wkoll jiġi miċħud.

    3. Konklużjonijiet dwar l‑appell inċidentali

    163.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, inqis li l-appell inċidentali tal-ETPA għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

    V. Fuq l‑ispejjeż

    164.

    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

    165.

    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tal-imsemmija regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel mal-evalwazzjoni tiegħi tal-appelli, il-Kummissjoni u l-ETPA jitilfu fl-appelli rispettivi tagħhom. Peress li Hansol għamlet talba f’dan is-sens, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkundanna lill-Kummissjoni u lill-ETPA sabiex ibatu mhux biss l-ispejjeż rispettivi tagħhom fil-kuntest tal-appelli rispettivi, iżda wkoll dawk sostnuti minn Hansol.

    166.

    Skont l-Artikolu 184(4) tal-imsemmija regoli, meta intervenjent fl-ewwel istanza jipparteċipa fil-proċeduri ta’ appell, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li huwa għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu. Peress li l-ETPA pparteċipat fil-proċedura tal-appell prinċipali insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, nipproponi li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

    VI. Konklużjoni

    167.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi b’dan il-mod:

    L-appell prinċipali u l-appell inċidentali huma miċħuda.

    Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk sostnuti minn Hansol Paper Co. Ltd fil-kuntest tal-appell prinċipali.

    Il-European Thermal Paper Association (ETPA) hija kkundannata tbati l‑ispejjeż rispettivi tagħha relatati mal-appell prinċipali.

    L-ETPA hija kkundannata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk sostnuti minn Hansol Paper fil-kuntest tal-appell inċidentali.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) ĠU 2017, L 114, p. 3.

    ( 3 ) ĠU 2016, L 176, p. 21.

    ( 4 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80.

    ( 5 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 189.

    ( 6 ) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal‑24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2015, L 343, p. 558, rettifiki fil-ĠU 2016, L 87, p. 35, u fil-ĠU 2017, L 101, p. 195).

    ( 7 ) ĠU 2016, C 62, p. 7.

    ( 8 ) ĠU 2016, L 310, p. 1.

    ( 9 ) Ara l-punt 2 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 10 ) Ara, għal dan l-għan, is-sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2015, Il-Kunsill et vs Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht (C‑401/12 P sa C‑403/12 P, EU:C:2015:4, punt 59).

    ( 11 ) Huwa prinċipju stabbilit li, skont l-Artikolu 3(5) TUE, l-Unjoni “għandha tikkontribwixxi għall-[…] kummerċ liberu u ġust”, kif ukoll “għar-rispett sħiħ u għall-iżvilupp tad-dritt internazzjonali”, li jinkludi r-regoli tas-sistema kummerċjali multilaterali adottati fi ħdan il-WTO. Meta l-Unjoni tadotta att, hija għalhekk tkun marbuta li tosserva d-dritt internazzjonali kollu kemm hu. Mill-Artikolu 216(2) TFUE jirriżulta li “ftehim [internazzjonali] konkluż mill-Unjoni jorbot lill-istituzzjonijiet” tagħha u, konsegwentement, jipprevali fuq l-atti li huma jadottaw.

    ( 12 ) Ara s-sentenzi tal‑25 ta’ Jannar 2007, Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il-Kummissjoni (C‑403/04 P u C‑405/04 P, EU:C:2007:52, punt 38); tas‑16 ta’ Diċembru 2020, Il-Kunsill et vs K. Chrysostomides & Co. et (C‑597/18 P, C‑598/18 P, C‑603/18 P u C‑604/18 P, EU:C:2020:1028, punt 128); u tas‑17 ta’ Diċembru 2020; BP vs FRA (C‑601/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:1048, punt 71).

    ( 13 ) Ara s-sentenzi tal‑25 ta’ Jannar 2007, Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il-Kummissjoni (C‑403/04 P u C‑405/04 P, EU:C:2007:52, punt 39), u tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Inpost Paczkomaty vs Il-Kummissjoni (C‑431/19 P u C‑432/19 P, EU:C:2020:1051, punt 51).

    ( 14 ) Ara s-sentenzi tas‑26 ta’ Jannar 2017, Duravit et vs Il-Kummissjoni (C‑609/13 P, EU:C:2017:46, punt 86), u tat‑28 ta’ Novembru 2019, Brugg Kabel u Kabelwerke Brugg vs Il-Kummissjoni (C‑591/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:1026, punt 63).

    ( 15 ) Ara l-punti 76 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 16 ) Ara l-punti 138 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 17 ) Ara, f’dan is-sens, Czako, J., Miranda, J. U Human, J., A Handbook on Anti-Dumping Investigations, Cambridge, 2008, p. 43, li jispjegaw li n-natura kumplessa ta’ investigazzjoni antidumping, id-diversi fażijiet tagħha, l-għadd ta’ passi li jridu jittieħdu, l-iskeda tal-azzjonijiet u l-allokazzjoni ta’ riżorsi adegwati għad-diversi kompiti, kollha mwettqa f’perijodu ta’ żmien limitat, jeħtieġu ppjanar xieraq tal-investigazzjoni.

    ( 18 ) Ara l-premessa 26 tar-regolament kontenzjuż.

    ( 19 ) Ara l-premessa 26 tar-regolament kontenzjuż.

    ( 20 ) Ara l-premessi 26 u 32 tar-regolament kontenzjuż.

    ( 21 ) Rapport tal-Bord tas-Soluzzjoni tat-Tilwim tal-WTO fil-kawża China – Anti-Dumping and Countervailing Duty Measures on Broiler Products from the United States, WT/DS427/RW, punt 7.33.

    ( 22 ) Ara, hawn fuq, punt 7.33.

    ( 23 ) Ara, hawn fuq, punt 7.33.

    ( 24 ) Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2021, NLMK vs Il-Kummissjoni (T‑752/16, mhux ippubblikata, EU:T:2021:611, punt 39).

    ( 25 ) Għandha tinġibed l-attenzjoni għall-fatt li, skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament bażiku, “[f]ejn l-informazzjoni ppreżentata minn parti interessata ma tkunx ideali f’kull rispett, din ma għandhiex madanakollu tiġi injorata” [enfasi miżjuda minni] (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2015, City Cycle Industries vs Il-Kunsill, T‑413/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:164, punt 120).

    ( 26 ) Sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2014 (C‑393/13 P, EU:C:2014:2245).

    ( 27 ) Sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2014 (C‑393/13 P, EU:C:2014:2245).

    ( 28 ) Sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2012, GLS (C-338/10, EU:C:2012:158, punt 19).

    ( 29 ) Sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2014, Il-Kunsill vs Alumina (C‑393/13 P, EU:C:2014:2245, punt 20). Enfasi miżjuda minni.

    ( 30 ) Sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2014, Il-Kunsill vs Alumina (C‑393/13 P, EU:C:2014:2245, punt 20). Enfasi miżjuda minni.

    ( 31 ) Sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2014, Il-Kunsill vs Alumina (C‑393/13 P, EU:C:2014:2245, punt 21). Enfasi miżjuda minni.

    ( 32 ) Mill-formulazzjoni u mill-istruttura tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku jirriżulta b’mod ċar li jeżisti tip ta’ ordni ta’ prijorità bejn id-diversi metodi. Barra minn hekk, nixtieq nenfasizza li, minn perspettiva metodoloġika, jidher raġonevoli li jiġi ppreferut metodu ta’ kalkolu bbażat fuq data reali (jiġifieri, il-prezz tal-bejgħ tal-prodott ikkunsidrat) iktar milli metodu bbażat, b’mod partikolari, fuq preżunzjonijiet, bħal dak tal-valur maħdum. Għaldaqstant, din l-ordni ta’ prijorità hija ġġustifikata wkoll għal raġunijiet ta’ preċiżjoni u ta’ effikaċja.

    ( 33 ) Ara, fost l-oħrajn, il-verżjonijiet fil-lingwa Spanjola (“el valor normal podrá ser calculado”), dik Daniża (“kan den normale værdi […] fastsættes”), dik Ġermaniża (“kann der Normalwert […] ermittelt werden”), dik Estonjana (“võib normaalväärtuse kehtestada”), dik Taljana (“il valore normale può […] essere stabilito”), dik Olandiża (“kan de normale waarde […] worden vastgesteld”) jew dik Pollakka (“wartość normalna może zostać ustalona”). Enfasi miżjuda minni.

    ( 34 ) Il-verżjoni fil-lingwa Ingliża tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku tippreċiża “may be established” (jista’ jiġi stabbilit) filwaqt li l-verżjoni fil-lingwa Franċiża żżomm il-kliem “est établie” (huwa stabbilit). Enfasi miżjuda minni.

    ( 35 ) Ara, għal dan l-għan, is-sentenzi tal‑14 ta’ Lulju 1998, Safety Hi-Tech (C‑284/95, EU:C:1998:352, punt 22), u tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Nederlands Uitgeversverbond u Groep Algemene Uitgevers (C‑263/18, EU:C:2019:1111, punt 38).

    ( 36 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑23 ta’ Novembru 1999, Il-Portugall vs Il-Kunsill (C‑149/96, EU:C:1999:574, punt 47); tal‑1 ta’ Marzu 2005, Van Parys (C‑377/02, EU:C:2005:121, punt 39); tal‑4 ta’ Frar 2016, C & J Clark International u Puma (C‑659/13 u C‑34/14, EU:C:2016:74, punt 85); kif ukoll tat‑18 ta’ Ottubru 2018, Rotho Blaas (C‑207/17, EU:C:2018:840, punt 44).

    ( 37 ) Ara, għal dan l-għan, is-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2015, Il-Kummissjoni vs Rusal Armenal (C‑21/14 P, EU:C:2015:494, punti 40 u 41); tat‑8 ta’ Settembru 2015, Philips Lighting Poland u Philips Lighting vs Il-Kunsill (C‑511/13 P, EU:C:2015:553, punti 6061); kif ukoll tat‑18 ta’ Ottubru 2018, Rotho Blaas (C‑207/17, EU:C:2018:840, punti 4748).

    ( 38 ) Ara l-punt 72 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 39 ) Għandu jitfakkar f’dan il-kuntest li, kif osservat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Il-Kummissjoni vs Rusal Armenal (C‑21/14 P, EU:C:2015:494, punt 48), ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku juru r-“rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jadotta, [fil-qasam tal-istrumenti ta’ difiża kummerċjali], approċċ speċifiku għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.”

    ( 40 ) Ara l-punti 99 sa 103 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 41 ) Sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2014, Il-Kunsill vs Alumina (C‑393/13 P, EU:C:2014:2245, punt 20).

    ( 42 ) Sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2014, Il-Kunsill vs Alumina (C‑393/13 P, EU:C:2014:2245, punt 21).

    ( 43 ) Ara, pereżempju, il-premessa 36 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1256/2008 tas‑16 ta’ Diċembru 2008 li jimponi dazju anti-dumping definittiv kontra ċerti tubi u pajpijiet iwweldjati tal-ħadid jew tal-azzar mhux illigat li joriġinaw fil-Belarus, ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u r-Russja wara proċediment taħt l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 384/96, li joriġinaw fit-Tajlandja wara reviżjoni ta’ skadenza taħt l-Artikolu 11(2) tal-istess Regolament, li joriġinaw fl-Ukraina wara reviżjoni ta’ skadenza taħt l-Artikolu 11(2) u reviżjoni interim taħt l-Artikolu 11(3) tal-istess Regolament, u li jtemm il-proċedimenti fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-istess prodott li joriġina fil-Bożnija u Ħerzegovina u t-Turkija (ĠU 2008, L 343, p. 1, rettifika fil-ĠU 2013, L 352, p. 88); il-premessa 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 685/2008 tas‑17 ta’ Lulju 2008 li jħassar il-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament (KE) Nru 85/2006 dwar importazzjonijiet ta’ salamun ta’ trobbija li joriġina fin-Norveġja (ĠU 2008, L 192, p. 5); il-premessi 8 sa 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 63/2008 tal‑21 ta’ Jannar 2008 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ dihydromyrcenol li joriġina mill-Indja (ĠU 2008, L 23, p. 1)

    ( 44 ) Il-“prezz CIF” huwa l-prezz ta’ oġġett fil-fruntiera tal-pajjiż importatur, inklużi l-ispejjeż tal-assigurazzjoni u tat-trasport imġarrba sa dan il-punt jew il-prezz ta’ servizz ipprovdut lil resident, qabel il-ħlas ta’ kwalunkwe dazju jew taxxa oħra fuq l-importazzjonijiet u l-marġni kummerċjali u ta’ trasport fil-pajjiż.

    ( 45 ) Ara, għal dan l-għan, il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-kummerċ u l-iżvilupp, Training Module on the WTO Agreement on Anti-Dumping, New York u Ġinevra 2006, p. 88, li minnu jirriżulta li d-determinazzjoni tat-twaqqigħ tal-prezzijiet teħtieġ paragun tal-prezzijiet. Fil-fatt, sabiex jikkalkolaw il-marġni ta’ dannu permezz tal-metodu tal-prezzijiet imwaqqgħin, l-awtoritajiet normalment jipparagunaw il-prezzijiet medji ponderati aġġustati tal-bejgħ mill-ġdid ipprattikati mill-produtturi barranin mal-prezzijiet ta’ mudelli jew ta’ prodotti simili ta’ produtturi Ewropej. Id-differenza bejn it-tnejn tikkorrispondi għall-ammont tad-dannu, peress li l-paragun tal-prezzijiet aġġustati tal-produtturi barranin u Ewropej isir abbażi ta’ mudelli jew ta’ prodotti identiċi. Skont Reymond, D., Action antidumping et droit de la concurrence dans l’Union européenne, Pariġi 2014, p. 383, it-twaqqigħ tal-prezzijiet jitkejjel bil-paragun tal-medja tal-prezzijiet tal-bejgħ tal-produtturi-esportaturi tal-pajjiż ikkunsidrat mal-medja tal-prezzijiet tal-bejgħ fl-Unjoni tal-prodott simili tal-industrija tal-Unjoni, netti minn kull skont u taxxa, meħuda fuq l-istess livell kummerċjali u aġġustati bid-differenzi fil-kundizzjonijiet ta’ ħlas. Dan il-paragun, sabiex ikun xieraq, jimplika aġġustamenti, b’mod partikolari minħabba differenzi ta’ kwalità jew ta’ karatteristiċi fiżiċi bejn il-prodotti importati u l-prodotti Ewropej.

    ( 46 ) Ara, għal dan l-għan, Falcón y Tella, M. J., “Quelques remarques à propos de l’analogie en droit”, Revue interdisciplinaire d’études juridiques, 1998/2, Volum 41, p. 67; Riesenhuber, K., Europäische Methodenlehre, Berlin 2006, p. 305; Murray, J. R., “The Role of Analogy in Legal Reasoning”, UCLA Law Review, Vol. 29, Nru 4, April 1982, p. 833.

    ( 47 ) Ara l-punt 105 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 48 ) Ara l-punti 72 sa 74 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 49 ) Sentenzi tat‑2 ta’ Ottubru 2003, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni (C‑194/99 P, EU:C:2003:527, punt 144); tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 462); u tat‑28 ta’ Ġunju 2018, EUIPO vs Puma (C‑564/16 P, EU:C:2018:509, punt 64).

    ( 50 ) Għalkemm l-Artikolu 3 tal-Ftehim dwar l-Antidumping tal-WTO (“Determinazzjoni ta’ Ħsara”) ma jinkludi ebda dispożizzjoni simili għal dik tal-Artikolu 2.4., il-korpi ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim fi ħdan il-WTO jidhru li huma inklinati li jeżiġu wkoll li l-prezzijiet ikunu “paragunabbli”, jiġifieri li jiġu pparagunati “fuq l-istess livell kummerċjali”, kif juru d-deċiżjonijiet iċċitati iktar ’il quddiem.

    ( 51 ) Rapport tal-Korp Permanenti tal-Appell, China – Countervailing and Anti-Dumping Duties on Grain Oriented Flat-Rolled Electrical Steel from the United States, WT/DS414/AB/R, punt 200.

    ( 52 ) Rapport tal-Bord tas-Soluzzjoni tat-Tilwim, China – Anti-Dumping and Countervailing Duty Measures on Broiler Products from the United States, WT/DS427/RW, punti 7.480 u 7.481. Ara wkoll is-sentenzi tas‑17 ta’ Frar 2011, Zhejiang Xinshiji Foods u Hubei Xinshiji Foods vs Il-Kunsill (T‑122/09, mhux ippubblikata, EU:T:2011:46, punt 79), u tal‑10 ta’ April 2019, Jindal Saw u Jindal Saw Italia vs Il-Kummissjoni (T‑301/16, EU:T:2019:234, punt 189).

    ( 53 ) Sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2011, Transnational CompanyKazchrome u ENRC Marketing vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (T‑107/08, EU:T:2011:704).

    ( 54 ) Sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2011, Transnational CompanyKazchrome u ENRC Marketing vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (T‑107/08, EU:T:2011:704, punt 63). Enfasi miżjuda minni.

    ( 55 ) Fil-punt 63 tas-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2011, Transnational CompanyKazchrome u ENRC Marketing vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (T‑107/08, EU:T:2011:704), il-Qorti Ġenerali ddikjarat li “[…] huma l-prezzijiet innegozjati bejn ir-rikorrenti u l-klijenti u mhux il-prezzijiet fi stadju intermedjarju […], anki jekk fit-territorju Komunitarju, li setgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tal-klijenti li jakkwistaw il-prodotti tar-rikorrenti u mhux dawk tal-industrija Komunitarja” (enfasi miżjuda minni).

    ( 56 ) Sentenza tal‑10 ta’ April 2019, Jindal Saw u Jindal Saw Italia vs Il-Kummissjoni (T‑301/16, EU:T:2019:234, punt 187) li hija stess tagħmel riferiment għall-approċċ adottat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2011, Transnational CompanyKazchrome u ENRC Marketing vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (T‑107/08, EU:T:2011:704).

    ( 57 ) Ara l-premessa 46 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/526 tal‑15 ta’ April 2020 li jimponi mill-ġdid dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ tubi u pajpijiet tal-ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala grafit tal-ħadid fondut sferojdali) li joriġinaw mill-Indja fir-rigward ta’ Jindal Saw Limited wara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali f’T‑300/16 (ĠU 2020, L 118, p. 1).

    ( 58 ) Sentenzi tal‑10 ta’ April 2008, Marks & Spencer (C‑309/06, EU:C:2008:211, punt 51), u tal‑11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il-Kummissjoni (C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 132).

    ( 59 ) Sentenza tal‑5 ta’ April 2017, Changshu City Standard Parts Factory u Ningbo Jinding Fastener vs Il-Kunsill (C‑376/15 P u C‑377/15 P, EU:C:2017:269).

    ( 60 ) Sentenza tal‑5 ta’ April 2017, Changshu City Standard Parts Factory u Ningbo Jinding Fastener vs Il-Kunsill (C‑376/15 P u C‑377/15 P, EU:C:2017:269, punt 54).

    ( 61 ) Rapport tal-Bord tas-Soluzzjoni tat-Tilwim, European Communities – Anti-Dumping Duties on Imports of Cotton-Type Bed Linen from India – Recourse to Article 21.5 of the DSU by India, WT/DS141/RW.

    ( 62 ) Ara, hawn fuq, punt 6.78. (ċitazzjoni: “Il-kwistjoni quddiemna hija għalhekk jekk l-Artikolu 2.2.2(ii) jimponix xi obbligu dwar il-bażi li fuqha l-medja tal-ammonti għall-ispejjeż u l-profitti, li għandhom jintużaw għall-kalkolu tal-valur normali, għandha tiġi pponderata u, jekk iva, jekk il-KE aġixxietx f’dan il-każ b’mod inkompatibbli ma’ dan ir-rekwiżit.”) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    ( 63 ) Ara l-punt 83 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 64 ) Ara l-punt 90 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    Top