Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CC0184

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Pikamäe, ippreżentati fid-9 ta’ Diċembru 2021.


    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:991

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    PIKAMÄE

    ippreżentati fid‑9 ta’ Diċembru 2021 ( 1 )

    Kawża C‑184/20

    OT

    vs

    Vyriausioji tarnybinės etikos komisija,

    fil-preżenza ta’:

    Fondas „Nevyriausybinių organizacijų informacijos ir paramos centras“

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Vilnjus, il‑Litwanja))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal‑ipproċessar ta’ data personali – Direttiva 95/46/KE – Regolament (UE) 2016/679 – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-pubblikazzjoni ta’ data personali li tinsab f’dikjarazzjonijiet ta’ interessi – Trasparenza fl-użu ta’ fondi pubbliċi – Prevenzjoni ta’ kunflitti ta’ interessi u tal-korruzzjoni fis‑settur pubbliku – Drittijiet fundamentali intiżi għar-rispett tal-ħajja privata u għall‑protezzjoni tad-data personali – Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Kunċett ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali”

    1.

    Magħruf talli kien immaġina l-panottikon, tip ta’ arkitettura tal-ħabs li tippermetti lil gwardjan, li jkun jinsab f’torri ċentrali, josserva lill-priġunieri kollha maqfula f’ċelel individwali madwar it-torri, mingħajr ma dawn ikunu jafu li qegħdin jiġu osservati, il-filosfu Ingliż Jeremy Bentham kien japplika wkoll it‑tħassib tiegħu għat-trasparenza għall-ħajja pubblika u kien jikkunsidra li “l‑għajn tal-pubbliku tagħmel lill-politiku virtuż” ( 2 ). Kliem ċertament profetiku, għall-inqas fir-rigward tal-mekkaniżmu propost, jekk wieħed jiġġudika bin-numru sinjifikattiv ta’ leġiżlazzjonijiet fi ħdan l-Unjoni Ewropea li llum jimponu l‑pubblikazzjoni, mill-inqas parzjalment, tad-dikjarazzjonijiet ta’ interessi u tal‑assi tal-uffiċjali pubbliċi.

    2.

    Dawn it-testi qegħdin ifittxu bilanċ bejn il-pubbliċità u ż-żamma tal-ħajja privata tal-persuni kkonċernati. Din il-kawża tirrigwarda preċiżament il‑konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ pproċessar ta’ data personali, ikkaratterizzat mit‑tqegħid online tal-kontenut parzjali tad-dikjarazzjonijiet ta’ interessi fuq is-sit internet tal-awtorità pubblika inkarigata sabiex tiġborhom u tistħarriġhom. L‑interess tagħha huwa wkoll li l-Qorti tal-Ġustizzja tingħata l-okkażjoni sabiex tippreċiża l-portata tal-kunċett ta’ kategoriji speċjali ta’ data msejħa “data sensittiva”.

    I. Il-kuntest ġuridiku

    A. Id-dritt tal-Unjoni

    3.

    Minbarra ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt primarju, jiġifieri l-Artikoli 7, 8 u l‑Artikolu 51(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), huma rilevanti fil-kuntest ta’ din il-kawża l-Artikoli 3 u 6 sa 8 tad-Direttiva 95/46/KE ( 3 ) kif ukoll l-Artikoli 2, 5, 6 u 9 tar‑Regolament (UE) 2016/679 ( 4 ).

    B. Id-dritt Litwan

    4.

    Il-Lietuvos Respublikos viešųjų ir privačių interesų derinimo valstybinėje tarnyboje įstatymas Nr. VIII‑371 (il-Liġi Nru VIII‑3 tar-Repubblika tal-Litwanja, dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi Pubbliċi u Privati fis-Servizz Pubbliku) tat‑2 ta’ Lulju 1997 (Žin., 1997, Nru 67‑1659) fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tal‑fatti fil-kawża prinċipali ( 5 ) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal‑Interessi”), kienet tipprevedi, fl-Artikolu 1 tagħha, li hija intiża sabiex tikkonċilja l-interessi privati tal-persuni li jaħdmu fis-servizz pubbliku u l-interessi pubbliċi tas-soċjetà, sabiex tiżgura, matul it-teħid ta’ deċiżjonijiet, il-prevalenza tal-interess pubbliku, sabiex tiggarantixxi l-imparzjalità tad-deċiżjonijiet meħuda u sabiex tevita li sseħħ u li tiżdied il-korruzzjoni fis-servizz pubbliku ( 6 ).

    5.

    L-Artikolu 6 tal-imsemmija liġi, bit-titolu “Kontenut tad-dikjarazzjoni”, kien jipprevedi:

    “1.   Id-dikjarant għandu jsemmi fid-dikjarazzjoni tiegħu t-tagħrif li ġej li jikkonċernah u li jikkonċerna lill-konjuġi, lill-konkubin jew lis-sieħeb tiegħu:

    1)

    l-isem, il-kunjom, in-numru ta’ identifikazzjoni personali tas-sigurtà soċjali, il-persuna jew persuni li jimpjegawh u l-funzjonijiet;

    2)

    il-persuna ġuridika li fiha d-dikjarant jew il-konjuġi, il-konkubin jew sieħeb tiegħu għandhom il-kwalità ta’ soċju jew membru;

    3)

    attività indipendenti, kif iddefinita fil-Liġi tar-Repubblika tal-Litwanja dwar it-Taxxa fuq id-Dħul;

    4)

    appartenenza ma’ impriżi, stabbilimenti, assoċjazzjonijiet jew fondi u funzjonijiet eżerċitati fihom, bl-eċċezzjoni tal-appartenenza ma’ partiti politiċi jew sindakati;

    5)

    rigali (minbarra dawk ta’ qraba) li jiġu rċevuti matul l-aħħar tnax‑il xahar kalendarju jekk il-valur tagħhom huwa ta’ iktar minn EUR 150;

    6)

    informazzjoni dwar it-tranżazzjonijiet konklużi matul l-aħħar tnax‑il xahar kalendarju u tranżazzjonijiet oħra pendenti jekk il-valur tat-tranżazzjoni huwa ta’ iktar minn EUR 3000;

    7)

    persuni qrib jew persuni oħra jew informazzjoni li jaf id-dikjarant li jistgħu jwasslu għal kunflitt ta’ interessi.

    2   Id-dikjarant jista’ jħalli barra d-data dwar il-konjuġi, il-konkubin jew is‑sieħeb tiegħu jekk jgħixu separatament, ma jifformawx unità domestika u li għalhekk ma jkollux tali data.”

    6.

    L-Artikolu 10 tal-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi, bit-titolu “Pubblikazzjoni ta’ data dwar l-interessi privati”, kien jipprevedi:

    “1.   Hija pubblika u tiġi ppubblikata fuq is-sit internet tal-Kummissjoni Għolja, konformement mal-modalitajiet iddefiniti minn din tal-aħħar, id-data li tinsab fid‑dikjarazzjonijiet tal-persuni eletti u l-persuni li jokkupaw pożizzjonijiet politiċi, tal-uffiċjali u l-aġenti tal-Istat, tal-imħallfin, tad-diretturi u l-assistenti diretturi ta’ istituzzjonijiet tal-Istat jew ta’ awtorità lokali, tal-uffiċjali u l-aġenti ta’ fiduċja pubblika (persunal), tal-uffiċjali tal-Istat li jeżerċitaw il-funzjonijiet ta’ diretturi u assistenti diretturi ta’ suddiviżjonijiet ta’ istituzzjonijiet jew stabbiliment, tad-diretturi u l-assistenti diretturi ta’ impriżi pubbliċi u ta’ awtoritajiet baġitarji tal-Istat jew ta’ awtorità lokali, tad-diretturi u l-assistenti diretturi ta’ assoċjazzjonijiet jew stabbilimenti pubbliċi li jirċievu fondi li ġejjin mill-baġit jew minn fondi tal-Istat jew ta’ awtorità lokali, tal-impjegati tal-Bank tal-Litwanja mogħtija kompetenzi ta’ amministrazzjoni pubblika (inkarigati mis‑sorveljanza tas-swieq finanzjarji, tar-riżoluzzjoni ekstraġudizzjarja tat-tilwim bejn konsumaturi u operaturi tas-swieq finanzjarji u funzjonijiet oħra ta’ amministrazzjoni pubblika), tal-membri ta’ kunsilli ta’ sorveljanza jew ta’ amministrazzjoni u diretturi u assistenti diretturi ta’ kumpanniji b’azzjonijiet jew b’responsabbiltà limitata fejn l-Istat jew awtorità lokali huma proprjetarji ta’ ishma li jagħtuhom iktar minn nofs id-drittijiet tal-vot fl-assemblea ġenerali tas‑soċji, tal-membri tal-bord ta’ amministrazzjoni ta’ impriżi pubbliċi tal-Istat jew ta’ awtorità lokali, tal-presidenti u l-viċi presidenti ta’ partiti politiċi, tal‑konsulenti mhux remunerati, l-assistenti u l-konsulenti ta’ persuni eletti u persuni li jokkupaw pożizzjonijiet politiċi, tal-esperti awtorizzati mill‑kummissjonijiet tal-Parlament tar-Repubblika tal-Litwanja, tal-membri ta’ kulleġġi ministerjali, tal-membri tal-Kunsill tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa Obbligatorja, tal-konsulenti mhux remunerati tal-Kunsill tal-Assigurazzjoni tas‑Saħħa Obbligatorja, tal-membri tal-Kunsill Nazzjonali tas-Saħħa, tat-tobba, id‑dentisti u l-ispiżjara li jaħdmu f’awtoritajiet baġitarji jew pubbliċi tal-Istat jew ta’ awtorità lokali, f’impriżi pubbliċi tal-Istat jew ta’ awtoritajiet lokali jew f’impriżi fejn l-Istat jew awtorità lokali huma proprjetarji ta’ ishma li jagħtuhom iktar minn nofs id-drittijiet tal-vot fil-laqgħa ġenerali tas-soċji, detenturi ta’ liċenzja ta’ stabbiliment tas-saħħa jew ta’ spiżerija, kif ukoll tal-membri ta’ kummissjonijiet tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, tal-persuni inkarigati mid-direttur ta’ awtorità kontraenti sabiex jagħtu kuntratti skont il-proċedura ssemplifikata u tal-esperti li jintervjenu fil-proċeduri tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi [bl-eċċezzjoni tad-data li tinsab fid-dikjarazzjonijiet tal-persuni li d-data tagħhom hija kklassifikata skont il-liġi u (jew) li jeżerċitaw attività ta’ intelligence, ta’ kontrospjunaġġ jew ta’ intelligence fil-qasam kriminali]. Meta persuna li d-data tagħha tkun pubblika titlef l-istatus ta’ dikjarant, il-Kummissjoni Għolja, fuq talba tal-parti kkonċernata, għandha tneħħi d-dikjarazzjoni mis-sit internet tagħha.

    2.   Ma tistax issir pubblika d-data li ġejja pprovduta fid-dikjarazzjoni: in-numru ta’ identifikazzjoni personali, in-numru tas-sigurtà soċjali, data personali partikolari kif ukoll it-tagħrif l-ieħor li l-liġi tipprojbixxi l-iżvelar tiegħu. Barra minn hekk, id-data tal-parti l-oħra għal tranżazzjoni, meta din tkun persuna fiżika, ma għandhiex tiġi ppubblikata.”

    II. Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    7.

    Il-Vyriausioji tarnybinės etikos komisija (il-Kummissjoni Għolja ta’ Prevenzjoni ta’ Kunflitti ta’ Interessi fis-Servizz Pubbliku (iktar ’il quddiem il‑“Kummissjoni Għolja”) hija awtorità pubblika inkarigata mill-iżgurar tal‑applikazzjoni tal-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi u, b’mod iktar partikolari, mill-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ interessi u mill-iżgurar tal-istħarriġ tagħhom.

    8.

    OT jeżerċita l-funzjonijiet ta’ direttur ta’ QP, stabbiliment pubbliku tad‑dritt Litwan attiv fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent.

    9.

    Permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Frar 2018, il-Kummissjoni Għolja kkonstatat li, billi ma ppreżentax quddiemha dikjarazzjoni ta’ interessi privati kif kienet tirrikjedi l-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi, OT kien kiser l‑Artikolu 3(2) kif ukoll l-Artikolu 4(1) ta’ din il-liġi.

    10.

    Fis‑6 ta’ Marzu 2018, OT ippreżenta rikors għal annullament kontra din id‑deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. Huwa jsostni, minn naħa, li huwa ma huwiex persuna ssuġġettata għall-obbligu ta’ dikjarazzjoni ta’ interessi privati previst fl-Artikolu 2(1) tal-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi u, min-naħa l‑oħra, li l-pubblikazzjoni fuq is-sit internet tal-Kummissjoni Għolja tal-kontenut tad-dikjarazzjonijiet tiegħu tippreġudika kemm id-dritt tiegħu għar-rispett tal-ħajja privata tiegħu kif ukoll dak tal-persuni l-oħra li jkun obbligat, jekk ikun il-każ, isemmi fid-dikjarazzjoni tiegħu.

    11.

    Il-Kummissjoni Għolja ssostni li OT kien obbligat jippreżenta dikjarazzjoni ta’ interessi privati peress li kellu kompetenzi amministrattivi fi ħdan QP, stabbiliment pubbliku li jibbenefika minn finanzjament li ġej minn fondi strutturali tal-Unjoni u tal-baġit tal-Istat Litwan. Hija tammetti li, għalkemm il‑pubblikazzjoni ta’ tali dikjarazzjoni tista’ tikkostitwixxi ndħil fil-ħajja privata tal-parti kkonċernata u tal-konjuġi tiegħu, din hija prevista mil-Liġi dwar il‑Konċiljazzjoni tal-Interessi.

    12.

    Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li d-data personali li tinsab f’dikjarazzjoni ta’ interessi privati, skont l-Artikolu 6(1) tal-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi, tagħmel parti integrali mill-ħajja privata tad-dikjarant u ta’ persuni oħra kkonċernati u li l-iżvelar tagħha, fir-rigward ta’ data partikolarment sensittiva, bħas-sitwazzjoni tal-familja jew l-orjentazzjoni sesswali, jirriskja li joħloq inkonvenjenzi sinjifikattivi fil-ħajja ta’ dawn il-persuni. L-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 10 ta’ din il-liġi huma insuffiċjenti sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni ta’ din id-data. Barra minn hekk, il-pubblikazzjoni fuq l-internet tad-data dwar ċirkustanzi li jistgħu jinfluwenzaw it-teħid ta’ deċiżjonijiet fl-eżerċizzju ta’ funzjonijiet pubbliċi ma hijiex neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mill‑imsemmija liġi, jiġifieri l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trasparenza fis‑servizz pubbliku. Il-komunikazzjoni ta’ data personali li tinsab fid‑dikjarazzjoni inkwistjoni lill-Kummissjoni Għolja kif ukoll il-kompitu ta’ sorveljanza assenjat lill-korpi msemmija fl-Artikolu 22 tal-istess liġi huma miżuri suffiċjenti sabiex jiġi żgurat li jintlaħaq dan l-għan.

    13.

    Peress li għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tas-sistema prevista mil-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi mad-dispożizzjonijiet tal-GDPR, il-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Vilnjus, il-Litwanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Fid-dawl tar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 6(3) [tal-GDPR] u b’mod partikolari r-rekwiżit li d-dritt tal-Istati Membri għandu jissodisfa għan ta’ interess pubbliku u għandu jkun proporzjonali għall-għan leġittimu mfittex, kif ukoll tal-Artikoli 7 u 8 tal-[Karta], il-kundizzjoni stipulata [fil-punt e tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1)] [tal-GDPR], li l-ipproċessar [tad-data personali] għandu jkun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju tal-awtorità uffiċjali mogħtija lill-Kontrollur, għandha tiġi interpretata fis-sens li d-dritt nazzjonali ma jistax jeżiġi l-iżvelar tad-data li tidher f’dikjarazzjonijiet ta’ interessi privati u l-pubblikazzjoni tal-imsemmija data fis-sit tal-internet tal-Kontrollur – il-[Kummissjoni Għolja] –, fatt li jirrendi din id-data aċċessibbli għal kull persuna li għandha l-possibbiltà li tuża l-internet?

    2)

    Fid-dawl tar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 9(2) [tal-GDPR] u b’mod partikolari r-rekwiżit previst [fil-punt g tal-istess dispożizzjoni] li l-ipproċessar [tad-data personali] għandu jkun meħtieġ għal raġunijiet ta’ interess pubbliku sostanzjali, fuq il-bażi tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt ta’ Stat Membru, li għandu jkun proporzjonali mal-għan imfittex, jirrispetta l-essenza tad-dritt għall-protezzjoni tad-data u jipprevedi miżuri xierqa u speċifiċi sabiex jiġu ssalvagwardati d-drittijiet fundamentali u l-interessi tal-persuna kkonċernata, kif ukoll tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, il-projbizzjoni ta’ pproċessar ta’ ċerti kategoriji ta’ data prevista fl-Artikolu 9(1) [tal-GDPR] għandha tiġi interpretata fis-sens li d-dritt nazzjonali ma jistax jeżiġi l-iżvelar tad-data li tidher f’dikjarazzjonijiet ta’ interessi privati li tista’ tiżvela data personali, fosthom data li tippermetti li jsiru magħrufa l-opinjonijiet politiċi, l-appartenenza sindakali jew l-orjentazzjoni sesswali, jew informazzjoni oħra ta’ natura personali ta’ persuna, u l-pubblikazzjoni tal-imsemmija data fis-sit tal-internet tal-Kontrollur – il-[Kummissjoni Għolja] –, fatt li jirrendi din id-data aċċessibbli għal kull persuna li għandha l-possibbiltà li tuża l-internet?”

    III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    14.

    Bl-applikazzjoni tal-Artikolu 101 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal‑Ġustizzja, ġiet indirizzata talba għal kjarifiki mill-Qorti tal-Ġustizzja lill-qorti tar-rinviju, li tat tweġiba għaliha permezz ta’ ittra rreġistrata fit‑12 ta’ Mejju 2021. Il-Kummissjoni Ewropea kif ukoll il-gvernijiet tal-Litwanja, tal-Italja u tal‑Finlandja ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Il-Gvern Litwan wieġeb għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja f’nota ppreżentata fit‑30 ta’ Lulju 2021.

    IV. Analiżi

    A. Fuq l-ammissibbiltà

    15.

    Kemm mill-kliem kif ukoll mill-istruttura tal-Artikolu 267 TFUE jirriżulta li l-proċedura għal deċiżjoni preliminari tassumi li effettivament ikun hemm tilwima pendenti quddiem il-qrati nazzjonali, li fil-kuntest tagħha huma jkunu msejħa jagħtu deċiżjoni li fiha jieħdu inkunsiderazzjoni s-sentenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja mogħtija f’deċiżjoni preliminari. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tivverifika ex officio t-tkomplija tat-tilwima fil-kawża prinċipali ( 7 ).

    16.

    Bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-esklużjoni apparenti tar-rikorrent fil-kawża prinċipali mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi, kif emendata fl‑1 ta’ Jannar 2020, il-qorti tar-rinviju semmiet ir-risposta neċessarja tal-Qorti tal‑Ġustizzja għall-finijiet tar-riżoluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali fir‑rigward tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tad‑deċiżjoni tal-Kummissjoni Għolja inkriminata. Hija żiedet li l-parti kkonċernata għadha tista’ tagħmel parti mill-persuni intiżi mill-imsemmija liġi, fil-verżjoni attwali tagħha.

    17.

    Din l-istess qorti speċifikat, anki fuq l-istedina tal-Qorti tal-Ġustizzja, li s‑sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Litwanja tal‑20 ta’ Settembru 2018, li tiddikjara inammissibbli t-talba tagħha ta’ evalwazzjoni tal‑kostituzzjonalità tal-Artikolu 10 tal-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi minħabba l-inapplikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni fit-tilwima fil-kawża prinċipali, ma għandhiex effett fuq it-tkomplija tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari. Il-qorti tar-rinviju indikat li, minkejja li l-kwistjoni li għandha tittieħed deċiżjoni dwarha hija tassew, kif indikat il-Qorti Kostituzzjonali, dik ta’ ksur possibbli tal-Artikolu 3(2) u tal-Artikolu 4(1) ta’ din il-liġi għal nuqqas ta’ osservanza mir-rikorrent fil-kawża prinċipali tal-obbligu tiegħu li jippreżenta d‑dikjarazzjoni ta’ interessi, il-verifika tal-legalità tad-deċiżjoni inkriminata timplika t-teħid inkunsiderazzjoni tal-konsegwenzi, li jirriżultaw mill‑applikazzjoni tal-Artikolu 10 tal-imsemmija liġi, ta’ tali preżentazzjoni, jiġifieri l-iżvelar pubbliku ta’ ċerta data li tinsab fid-dikjarazzjoni fuq is-sit internet tal-Kummissjoni Għolja.

    18.

    Bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar‑rinviju, għandu jiġi kkunsidrat li t-tilwima fil-kawża prinċipali għadha pendenti quddiem dik il-qorti u li risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda magħmula tibqa’ utli għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima. Infakkar, barra minn hekk, li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali ( 8 ) u li d-domandi relatati mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit minnha u taħt ir-responsabbiltà tagħha jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ma jidhirx b’mod manifest, f’dan il-każ, li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali u li d-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja għandhom natura ipotetika ( 9 ).

    19.

    F’dan ir-rigward, jidhirli li hija infondata l-allegazzjoni tal-Gvern Litwan dwar in-natura “teoretika” tat-tieni domanda preliminari, għall-motiv meħud mill-impossibbiltà li tiġi identifikata d-data sensittiva kkonċernata mill-pubblikazzjoni, fin-nuqqas ta’ preżentazzjoni minn qabel tad-dikjarazzjoni ta’ interessi mir-rikorrent fil-kawża prinċipali. Nosserva li l-qafas regolamentari nazzjonali ppreżentat mill-qorti tar-rinviju jippermetti li tiġi identifikata n-natura tad-data li għandha tidher f’din id-dikjarazzjoni u li tiġi ddeterminata, bi preċiżjoni relattiva, dik li ma għandhiex tiġi ppubblikata fuq is-sit internet tal-Kummissjoni Għolja. Il-Qorti tal-Ġustizzja jidher li għandha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha neċessarji sabiex tagħti tweġiba utli għas-soluzzjoni effettiva tal-kontenzjuż.

    B. Fuq il-kuntest ġuridiku tal-analiżi

    20.

    Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tqis manifestament bħala stabbilit li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kontenzjuża taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-GDPR, kemm fil-livell ratione materiae kif ukoll f’dak ratione temporis, pożizzjoni li jidhirli li tiġġustifika xi osservazzjonijiet.

    1. Fuq l-applikabbiltà ratione materiae tal-GDPR

    21.

    Konformement mal-Artikolu 2(1) tal-GDPR, dan tal-aħħar japplika għall-ipproċessar ta’ data personali, awtomatizzat kompletament jew parzjalment, kif ukoll għall-ipproċessar mhux awtomatizzat ta’ data personali li tinsab jew tkun mitluba sabiex tidher f’fajl, jiġifieri kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae identiku għal dak tad-Direttiva 95/46 li tħassret u ġiet issostitwita b’dan ir-regolament.

    22.

    Qabel kollox hemm lok li jiġi kkonstatat li d-data tad-dikjarazzjoni ta’ interessi li għandha tiġi ppubblikata fuq is-sit internet tal-Kummissjoni Għolja, jiġifieri, b’mod partikolari, l-ismijiet ta’ ċerti persuni fiżiċi, tikkostitwixxi “data personali” fis-sens tal-Artikolu 4(1) tal-GDPR jew tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46, peress li din hija “informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli”, fejn il-fatt li informazzjoni taqa’, bħal f’dan il-każ, fil-kuntest ta’ attività professjonali ma huwiex ta’ natura li jostakola l-kwalifika tagħha ta’ “data personali” ( 10 ). Kemm il-ġbir tagħha minn din l-entità pubblika kif ukoll it-tixrid tagħha fil-forma ta’ tqegħid online fuq is-sit imsemmi iktar ’il fuq għandhom għalhekk in-natura ta’ “pproċessar ta’ data personali” fis-sens tal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament jew tal-Artikolu 2(b) ta’ din id-direttiva ( 11 ).

    23.

    Huwa importanti li jiġi enfasizzat li, għalkemm fir-rigward tad-definizzjoni wiesgħa ħafna tal-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu l-GDPR jikkostitwixxi b’tali mod id-dritt komuni tal-protezzjoni tad-data personali fl-Unjoni, kienu ġew adottati regoli oħra ta’ natura settorjali li jippreċiżawh u jikkompletawh, li jidhru għalhekk bħala lex specialis. Dan huwa l-każ tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI ( 12 ).

    24.

    F’dan ir-rigward, l-Artikolu 2(2)(d) tal-GDPR jipprevedi li dan tal-aħħar ma japplikax għall-ipproċessar ta’ data personali “mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardji kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika”. Din l-eċċezzjoni għall-applikabbiltà tal-GDPR għandha, bħall-eċċezzjonijiet l-oħra previsti fl-Artikolu 2(2) tiegħu, tingħata interpretazzjoni stretta. Kif jirriżulta mill-premessa 19 tal-imsemmi regolament, l-imsemmija l-eċċezzjoni hija motivata mill-fatt li l-ipproċessar, għal tali finijiet u mill-awtoritajiet kompetenti, ta’ data personali huwa rregolat minn att iktar speċifiku tal-Unjoni, jiġifieri d-Direttiva 2016/680 ( 13 ).

    25.

    Din tal-aħħar, li ġiet adottata fl-istess jum bħall-GDPR, tiddefinixxi, fl‑Artikolu 3(7) tagħha, dak li għandu jinftiehem b’“awtorità kompetenti”, peress li tali definizzjoni għandha tiġi applikata, b’analoġija, għall-Artikolu 2(2)(d) tal‑imsemmi regolament. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li mill‑premessa 10 tad-Direttiva 2016/680 jirriżulta li l-kunċett ta’ “awtorità kompetenti” għandu jinftiehem b’rabta mal-protezzjoni tad-data personali fil‑qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u tal-kooperazzjoni tal‑pulizija, fid-dawl tal-aġġustamenti li jistgħu jirriżultaw neċessarji minħabba n‑natura speċifika ta’ dawn l-oqsma ( 14 ). Barra minn hekk, il-premessa 11 ta’ din id‑direttiva tispeċifika li l-GDPR japplika għall-ipproċessar ta’ data personali li jsir minn “awtorità kompetenti”, fis-sens tal-Artikolu 3(7) tal-imsemmija direttiva, iżda għal finijiet differenti minn dawk previsti fiha ( 15 ).

    26.

    Issa, fil-kawża prinċipali u skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar‑rinviju u l-Gvern Litwan, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni hija intiża sabiex tikkonċilja l-interessi privati tal-persuni li jaħdmu fis-servizz pubbliku u l‑interessi tas-soċjetà, sabiex tiżgura l-prevalenza tal-interess pubbliku matul it‑teħid ta’ deċiżjonijiet, sabiex tiggarantixxi l-imparzjalità tagħhom u sabiex “ixxekkel it-tnissil jew l-iżvilupp tal-korruzzjoni fis-servizz pubbliku”. Il‑korruzzjoni tista’ b’mod partikolari, tikkorrispondi għall-aġir ta’ persuna mogħtija funzjoni pubblika li titlob jew taċċetta vantaġġ billi twettaq jew tastjeni milli twettaq att tal-funzjoni tagħha ( 16 ), aġir li jista’ jkopri l-kunċett ta’ “reat” fis‑sens tal-Artikolu 2(2)(d) tal-GDPR.

    27.

    Konformement mal-kompitu ġenerali tagħha li jikkonsisti fis-sorveljanza tal-applikazzjoni tajba tal-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi, il‑Kummissjoni Għolja twettaq il-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ interessi tal-persuni li jaħdmu fis-settur pubbliku u għall-pubblikazzjoni ta’ ċerta informazzjoni li tkun tinsab fihom fuq is-sit internet tagħha. L-Artikolu 22 tal-Liġi dwar il‑Konċiljazzjoni tal-Interessi juri li, meta jkun hemm informazzjoni ssostanzjata li tgħid li persuna ma tosservax ir-rekwiżiti legali, il-Kummissjoni Għolja għandha s-setgħa tordna li ssir investigazzjoni dwar l-aġir tal-parti kkonċernata, tirrettifika l-konklużjonijiet tal-investigazzjoni, tinvestiga hija nnifisha u tadotta deċiżjoni. Fl-assenza ta’ dettalji tal-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, in-natura eżatta tad-deċiżjonijiet li jistgħu jiġu adottati mill-Kummissjoni Għolja ma tidhirx b’mod ċar, filwaqt li l-kawża prinċipali turi, mill-inqas, il-possibbiltà għal din l-entità sabiex tikkonstata astensjoni illegali ta’ preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ interessi, li twassal neċessarjament għal obbligu impost fuq il-parti kkonċernata sabiex tirrimedja għal dan.

    28.

    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, li jirriflettu n-natura purament nazzjonali tal-qafas regolamentari u l-portata interna tal-ipproċessar implimentat mill-Kummissjoni Għolja b’għan essenzjali ta’ dissważjoni, fil-konfront tal-persuni li jaħdmu fis-settur pubbliku Litwan, ta’ kull aġir illegali b’rabta mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, ma jidhirx li dan il-korp jista’ jiġi kkunsidrat bħala “awtorità kompetenti”, fis-sens tal-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 2016/680 u, għaldaqstant, li l-attivitajiet tiegħu jistgħu jaqgħu fl-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 2(2)(d) tal-GDPR. Konsegwentement, il-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni Għolja fuq is-sit internet tagħha ta’ data personali li tinsab f’dikjarazzjonijiet ta’ interessi ta’ persuni li jaħdmu fis-settur pubbliku taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-GDPR.

    29.

    Kif ser jiġi speċifikat iktar ’il quddiem, risposta utli tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi preliminari timplika li din tirrigwarda kemm il-GDPR kif ukoll id-Direttiva 95/46. Nirrileva, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 2(2)(d) tal-GDPR jaqa’ parzjalment fil-kontinwità tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46 li jgħid li l-ipproċessar dwar is-sigurtà pubblika, id-difiża, is-sigurtà tal-Istat (inkluż il-ġid ekonomiku tal-Istat meta dan l-ipproċessar ikun marbut ma’ kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-Istat) u l-attivitajiet tal-Istat fl-oqsma tal-liġi kriminali huwa eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, eċċezzjoni li għandha tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta. Jidher li huwa ċar li l-ipproċessar tad-data personali mwettaq mill-Kummissjoni Għolja ma għandux bħala għan is-sigurtà pubblika, id-difiża jew is-sigurtà tal-Istat. Barra minn hekk, anki jekk ma jidhirx li huwa eskluż li l-imsemmija data tista’ tiġi użata fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali li jistgħu jiġu eżerċitati, fil-każ ta’ ksur bħal korruzzjoni attiva jew passiva, kontra dikjaranti, id-data inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tidhirx li inġabret bl-għan speċifiku tal-eżerċizzju ta’ tali proċeduri kriminali jew fil-kuntest ta’ attivitajiet tal-Istat relatati ma’ oqsma tad-dritt kriminali ( 17 ).

    2. Fuq l-applikabbiltà ratione temporis

    30.

    Hemm lok li jiġi kkonstatat li ż-żewġ domandi indirizzati mill-Qorti tal-Ġustizzja jikkonċernaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tal-GDPR, li sar applikabbli fil‑25 ta’ Mejju 2018 u ħassar id-Direttiva 95/46 b’effett minn din l-istess data ( 18 ). Issa, id-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet adottata fis‑7 ta’ Frar 2018, jiġifieri qabel il‑25 ta’ Mejju 2018, u dan għandu jwassal għall-konklużjoni tal-applikabbiltà ratione temporis tal-imsemmija direttiva għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

    31.

    B’kunsiderazzjoni ta’ dan, mill-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li, permezz tad-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni Għolja ddikjarat li, billi naqas milli jippreżenta dikjarazzjoni ta’ interessi, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kien kiser il-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi, u dan iqiegħed għalhekk lill-parti kkonċernata f’sitwazzjoni fejn għandha tipprovdi din id-dikjarazzjoni. Peress li ma hemm l-ebda element ta’ dan il-fajl li jindika li tali trażmissjoni kienet saret qabel il-25 ta’ Mejju 2018, ma huwiex eskluż li, f’dan il-każ, il-GDPR japplika ratione temporis. F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tipprovdi risposti utli għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, hemm lok li dawn id-domandi jingħataw risposta abbażi kemm tad-Direttiva 95/46 kif ukoll tal-GDPR ( 19 ). Infakkar li, peress li l-GDPR ħassar u ssostitwixxa lid-Direttiva 95/46 u li d-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-regolament għandhom portata essenzjalment identika għal dik tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din id-direttiva, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-imsemmija direttiva hija wkoll applikabbli, bħala prinċipju, fir-rigward tal-imsemmi regolament ( 20 ).

    C. Fuq id-domandi preliminari

    1. Fuq il-portata tat-talba għal domanda preliminari

    32.

    Fid-deċiżjoni tar-rinviju, li tesprimi d-dubji li għandha l-qorti nazzjonali dwar il-kompatibbiltà tal-ipproċessar ta’ data personali implimentat mill-Kummissjoni Għolja mad-dritt tal-Unjoni, hija mitluba l-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 9(1) tal-GDPR fil-kuntest ta’ żewġ domandi preliminari distinti. Dawn tal-aħħar ma jidhrux li jippermettu eżami konġunt minħabba l-ispeċifiċità tas-suġġett tat-tieni domanda. Il-problema mqajma fiha hija dik tad-determinazzjoni tal-portata tal-kunċett ta’ “kategoriji speċjali ta’ data personali” fis-sens tal-Artikolu 9(1) tal-GDPR u tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 96/46, fil-kuntest ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi preċiżament l-iżvelar ta’ data li taqa’ f’dawn il-kategoriji.

    33.

    Din id-diskussjoni hija distinta, għaldaqstant, minn dik tal-legalità tal-ipproċessar inkwistjoni ( 21 ) li tirriżulta mill-ewwel domanda preliminari li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu (1) tal-GDPR li jirriproduċi b’emendi l-Artikolu 7 tad-Direttiva 95/46. F’dan ir-rigward, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tfittex li tistabbilixxi b’mod iktar ġenerali jekk l-ipproċessar tad-data personali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistax jiġi kkunsidrat bħala regolari fir-rigward tal-prinċipji kollha relatati mal-ipproċessar ta’ data personali u, b’mod partikolari, fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Minn dan isegwi li, fir-risposta li għandha tingħata lil dik il-qorti, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni anki prinċipji oħra stabbiliti fl-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament u fl-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari l-prinċipju tal-“minimizzazzjoni tad-data”, li jipprevedi li d-data personali għandha tkun adegwata, rilevanti u limitata għal dak li huwa neċessarju fir-rigward tal-għanijiet li din hija pproċessata għalihom u li tagħti espressjoni lill-imsemmi prinċipju ta’ proporzjonalità ( 22 ).

    2. Fuq l-ewwel domanda preliminari

    34.

    Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 5 u 6 tal-GDPR, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tgħid li parti mid-data personali li tinsab fid-dikjarazzjoni ta’ interessi li l-preżentazzjoni tagħha hija imposta fuq kull direttur ta’ stabbiliment pubbliku li jirċievi fondi pubbliċi għandha tkun is-suġġett ta’ pubblikazzjoni fuq is-sit internet tal-awtorità statali inkarigata mill-ġbir ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet u mill-istħarriġ tal-kontenut tagħhom.

    a)   Fuq il-kundizzjonijiet għal-legalità ta’ pproċessar ta’ data personali

    35.

    Konformement mal-premessa 10 u mal-Artikolu 1 tad-Direttiva 95/46 kif ukoll mal-premessa 4 u mal-Artikolu 1 tal-GDPR, dawn iż-żewġ regoli huma intiżi sabiex jiggarantixxu livell għoli ta’ protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, b’mod partikolari tal-ħajja privata tagħhom, fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali li tikkonċernahom ( 23 ). Dawn id-drittijiet, stabbiliti rispettivament fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, fejn it-tieni wieħed huwa marbut mill-qrib mal-ewwel wieħed, ma humiex prerogattivi assoluti, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-funzjoni tagħhom fis-soċjetà u għandhom jiġu bbilanċjati ma’ drittijiet fundamentali oħra. L-Artikolu 8(2) tal-Karta jawtorizza għalhekk l-ipproċessar ta’ data personali jekk ikunu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet, jiġifieri li d-data personali “għandha tiġi trattata b’mod ġust għal finijiet determinati u abbażi tal-kunsens tal-persuna kkonċernata jew fuq bażi oħra leġittima stabbilita mil-liġi”. Barra minn hekk, l-Artikolu 52(1) tal-Karta jaċċetta li jista’ jkun hemm limitazzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ drittijiet bħal dawk stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tagħha, sakemm dawn il-limitazzjonijiet huma previsti mil-liġi, josservaw il‑kontenut essenzjali tal-imsemmija drittijiet u libertajiet u li, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, huma meħtieġa u jissodisfaw effettivament l‑għanijiet ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad‑drittijiet u l-libertajiet ta’ ħaddieħor. Dawn għandhom jiġu applikati fil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju u l-leġiżlazzjoni li tinvolvi l-indħil għandha tipprevedi regoli ċari u preċiżi li jirregolaw il-portata u l-applikazzjoni tal-miżura inkwistjoni ( 24 ).

    36.

    Kif jirriżulta b’mod partikolari mill-għan tal-GDPR u tad-Direttiva 95/46, sakemm il-kundizzjonijiet ta’ pproċessar legali ta’ data personali skont dawn ir‑regoli huma ssodisfatti, dan l-ipproċessar huwa meqjus li jissodisfa wkoll ir‑rekwiżiti stabbiliti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta. Ċerti rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-aħħar artikolu huma barra minn hekk implimentati b’mod partikolari fl-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 95/46 kif ukoll fl-Artikoli 5 u 6 tal-GDPR ( 25 ). F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, bla ħsara għad-derogi aċċettati skont l-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva u tal-Artikolu 23 ta’ dan ir-regolament, kwalunkwe pproċessar tad-data personali għandu, minn naħa, jikkonforma mal-prinċipji dwar il-kwalità tad-data stabbiliti fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 95/46 jew fl-Artikolu 5 tal-GDPR u, min-naħa l-oħra, jissodisfa wieħed mill-prinċipji dwar il-leġittimazzjoni tal-ipproċessar tad-data elenkati fl-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva jew fl-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, fejn dawn l-aħħar żewġ dispożizzjonijiet jipprevedu lista eżawrjenti tal-każijiet li fihom ipproċessar ta’ data personali jista’ jitqies li huwa legali ( 26 ).

    37.

    B’mod partikolari, id-data personali għandha, skont l-Artikolu 6(1)(b) u (ċ) tad-Direttiva 95/46 jew l-Artikolu 5(1)(b) u (c) tal-GDPR, minn naħa, tinġabar għal skopijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi kif ukoll adegwati u ma għandhiex tiġi pproċessata ulterjorment b’mod inkompatibbli ma’ dawk l-iskopijiet u, min-naħa l-oħra, tkun rilevanti u limitata għal dak li hu meħtieġ b’rabta mal-imsemmija skopijiet. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 7(ċ) u (e) tal-imsemmija direttiva u l-Artikolu 6(1)(c) u (e) tal-imsemmi regolament, l-ipproċessar ta’ data personali għandu jkun legali rispettivament jekk “ikun meħtieġ biex titħares obbligazzjoni legali li s-suġġett tagħha jkun il-kontrollur” jew jekk “ikun meħtieġ biex isir ħidma fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika vestita fil-kontrollur jew f’parti terza li lilha jkun żvelat id-data” ( 27 ).

    38.

    Huwa importanti li jiġi enfasizzat li kemm il-GDPR kif ukoll id-Direttiva 95/46 jipprevedu li l-Istati Membri jistgħu jidderogaw, b’mod partikolari u rispettivament mill-Artikolu 5 u mill-Artikolu 6(1) ta’ dawn l-atti, meta dan ikun neċessarju sabiex jitħarsu ċerti għanijiet importanti ta’ interess pubbliku ġenerali fosthom, għax-xenarju li jinteressana, il-prevenzjoni u t-tkixxif ta’ reati, kif ukoll l-investigazzjonijiet u l-proċeduri f’dan il-qasam jew l-eżekuzzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali, inkluża l-protezzjoni kontra t-theddid għas-sigurtà pubblika u l-prevenzjoni ta’ tali theddid. Fil-fatt, l-Artikolu 23(1)(d) tal-GDPR, li jirriproduċi, filwaqt li jemendaha, id-dispożizzjoni li qabel kienet tidher fl-Artikolu 13(1)(d) tad-Direttiva 95/46, jistabbilixxi li d-dritt tal-Unjoni u d-dritt tal-Istati Membri jistgħu, permezz ta’ miżuri leġiżlattivi, jirrestrinġu l-portata tal-obbligi u d-drittijiet previsti fih, meta tali restrizzjoni tosserva l-essenza tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali u meta hija tkun tikkostitwixxi miżura meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika għas-salvagwardja ta’ ċerti objettivi importanti ta’ interess pubbliku ġenerali bħal dak imsemmi iktar ’il fuq ( 28 ).

    39.

    B’hekk, l-Artikolu 23 tal-GDPR u l-Artikolu 13 tad-Direttiva 95/46 ma jistgħux jiġu interpretati bħala li jistgħu jagħtu lill-Istati Membri s-setgħa li jippreġudikaw ir-rispett tal-ħajja privata, bi ksur tal-Artikolu 7 tal-Karta, jew kwalunkwe garanzija oħra prevista fiha. B’mod partikolari, bħal fil-każ tal‑Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46, is-setgħa li l-Artikolu 23(1) tal-GDPR jagħti lill-Istati Membri tista’ tiġi eżerċitata biss bl-osservanza tar-rekwiżit ta’ proporzjonalità, li jistipula li d-derogi għall-protezzjoni tad-data personali u l-limitazzjonijiet tagħha għandhom japplikaw biss fil-limiti strettament neċessarji ( 29 ).

    40.

    Nirrileva li, fl-istat tad-deċiżjoni tar-rinviju, ma jidhirx li huwa possibbli li jiġi ddeterminat jekk id-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi jikkorrispondux għal implimentazzjoni tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 95/46 jew tal-Artikolu 23 tal-GDPR. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha tiġi eżaminata l-legalità tal-ipproċessar inkwistjoni b’kunsiderazzjoni tal-Artikoli 5 u 6 tal-GDPR kif ukoll tal-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 95/46, filwaqt li jiġi osservat li l-iżviluppi li ġejjin ikunu rilevanti wkoll fl-ipoteżi ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżulta mill-implimentazzjoni tal-Artikolu 23 tal-GDPR jew mill-Artikolu 13 tad-Direttiva 95/46.

    b)   Fuq il-bażi legali tal-ipproċessar inkwistjoni

    1) Ipproċessar ibbażat fuq obbligu legali

    41.

    Ir-rekwiżit li jgħid li kull ipproċessar ta’ data personali għandu jkun legali, imsemmi fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 95/46 u fl-Artikolu 5(1) tal-GDPR jiġi kkonkretizzat, rispettivament, fl-Artikoli 7 u 6 ta’ dawn ir-regoli li jelenkaw il-bażijiet legali differenti possibbli li jiżguraw din il-legalità.

    42.

    B’hekk, l-ipproċessar tad-data jkun legali, skont l-Artikolu 7(ċ) ta’ din id-direttiva jew l-Artikolu 6(1)(c) ta’ dan ir-regolament, jekk ikun neċessarju għall-osservanza ta’ obbligu legali li għalih huwa suġġett il-kontrollur. F’dan ir-rigward, it-tqegħid online ta’ tali data fuq is-sit internet tal-Kummissjoni Għolja jidhirli b’mod ċar li jaqa’ f’din id-dispożizzjoni iktar milli taħt l-Artikolu 7(e) tal-imsemmija direttiva jew l-Artikolu 6(1)(e) tal-imsemmi regolament, imsemmi mill-qorti tar-rinviju.

    43.

    Billi tiżvela lill-pubbliku inġenerali, fuq is-sit internet tagħha, parti mid-data li tinsab fid-dikjarazzjonijiet ta’ interessi miġbura minn qabel, il-Kummissjoni Għolja, responsabbli mill-ipproċessar, tissodisfa l-obbligu speċifiku impost fuqha mill-Artikolu 10(1) tal-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi. Kif jenfasizza l-Gvern Litwan fl-osservazzjonijiet tiegħu, dan l-obbligu huwa inkluż f’dispożizzjoni leġiżlattiva imperattiva li timponi pproċessar partikolari fuq il-Kummissjoni Għolja, li ma għandhiex l-għażla jekk twettaqx jew le dan l-obbligu. Din is-sitwazzjoni hija differenti minn dik intiża fl-Artikolu 7(e) tad-Direttiva 95/46 jew fl-Artikolu 6(1)(e) tal-GDPR li ma jirrikjedux li l-kontrollur jaġixxi skont obbligu legali ( 30 ). Fi kwalunkwe każ, għalkemm huwa biżżejjed, kif tikkonferma l-formulazzjoni tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR li jissostitwixxi l-Artikolu 7 tad-Direttiva 95/46, li tkun tista’ tiġi applikata raġuni waħda ta’ leġittimazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li pproċessar wieħed seta’ jissodisfa diversi raġunijiet ta’ leġittimazzjoni ( 31 ).

    2) Ipproċessar li jissodisfa għan ta’ interess pubbliku leġittimu

    44.

    Konformement mal-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva 95/46 jew mal-Artikolu 5(1)(b) tal-GDPR, id-data personali għandha tiġi pproċessata għal skopijiet leġittimi. Huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-GDPR wasal sabiex jispeċifika li l-bażi legali tal-ipproċessar ta’ tali data intiża għall-osservanza ta’ obbligu impost fuq il-kontrollur hija ddefinita mid-dritt tal-Unjoni jew id-dritt tal-Istat Membru kkonċernat li għandu jissodisfa “objettiv ta’ interess pubbliku u [jkun proporzjonat] mal-għan leġittimu mfittex” ( 32 ).

    45.

    Kif issemma iktar ’il fuq, l-iżvelar pubbliku mill-Kummissjoni Għolja ta’ parti mid-data personali li tinsab fid-dikjarazzjonijiet ta’ interessi huwa neċessarju għall-osservanza ta’ obbligu legali li din l-awtorità hija suġġetta għalih. Dan l-obbligu ssodisfa huwa stess skop ġenerali ddefinit fl-Artikolu 1 tal-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi, li n-natura leġittima tiegħu tidher oġġettivament inkontestabbli. Fil-fatt, l-iżgurar tal-prevalenza tal-interess pubbliku matul it-teħid ta’ deċiżjonijiet minn persuni li jaħdmu fis-servizz pubbliku, il-garanzija tal-imparzjalità ta’ dawn id-deċiżjonijiet u l-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interessi kif ukoll li sseħħ u li tiżdied l-korruzzjoni fis-servizz pubbliku jaqgħu taħt għanijiet ta’ interess pubbliku, manifestament leġittimi ( 33 ), fis-sens tal-Artikolu 6(3) tal-GDPR u jistgħu, għaldaqstant, jippermettu limitazzjoni fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet iggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta.

    3) Ipproċessar li jibbaża fuq bażi legali ċara u preċiża

    46.

    Huwa paċifiku li, peress li l-ġbir u l-iżvelar pubbliku ta’ data personali li tinsab fid-dikjarazzjonijiet ta’ interessi huma previsti mil-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi, l-indħil fid-dritt għar-rispett tal-ħajja privata li din tikkostitwixxi għandu jiġi kkunsidrat bħala formalment previst mil-liġi, fis-sens tal-Artikolu 8(2) u tal-Artikolu 52(1) tal-Karta. Madankollu, konformement mal-Artikolu 52(3) tal-Karta, ir-rekwiżit ta’ previżjoni legali għandu jiġi rrikonoxxut l-istess portata bħal dik mogħtija mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-kuntest tal-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 8(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali, li tkopri n-nuqqas jew l-insuffiċjenza ta’ preċiżjoni tal-liġi ( 34 ).

    47.

    Nirrileva, f’dan ir-rigward, li l-premessa 41 tal-GDPR tistabbilixxi li l-bażi legali tal-ipproċessar jew il-miżura leġiżlattiva li tiddefinixxiha għandha tkun ċara u preċiża u l-applikazzjoni tagħha għandha tkun prevedibbli għall-partijiet fil-kawża, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 35 ) tirrifletti effettivament dan ir-rekwiżit ta’ prevedibbiltà li, b’mod partikolari, għandu l-għan li jiżgura li r-regoli li jirregolaw il-portata u l-applikazzjoni tal-miżura inkwistjoni jkunu ċari u preċiżi biżżejjed ( 36 ), sabiex jippermettu lill-persuna kkonċernata tifhem liema tipi ta’ data ser jiġu pproċessati, b’liema mod u għal liema skop ( 37 ).

    48.

    F’dan il-każ, għalkemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tidher li tissodisfa r-rekwiżit ta’ prevedibbiltà fir-rigward tad-definizzjoni tat-tip ta’ pproċessar imwettaq u tal-iskopijiet tiegħu, għall-kuntrarju għandi mistoqsijiet dwar id-determinazzjoni tad-data, suġġetta għal dan it-trattament. Din id-determinazzjoni timplika qari flimkien tal-Artikolu 6 tal-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi li jiddeskrivi l-kontenut tad-dikjarazzjoni ta’ interessi u tal-Artikolu 10 ta’ din il-liġi li jsemmi d-data “pprovduta f’din id-dikjarazzjoni” li ma tistax tkun suġġetta għal żvelar fuq is-sit internet tal-Kummissjoni Għolja. Minbarra l-għażla ta’ teknika redazzjonali leġiżlattiva li teskludi l-indikazzjoni pożittiva tad-data tal-imsemmija dikjarazzjoni li għandha tiġi ppubblikata, nikkonstata li l-fehim tal-portata eżatta tal-Artikolu 10 tal-imsemmija liġi jqajjem diffikultajiet reali. Fil-fatt, bl-eċċezzjoni tal-indikazzjoni espliċita fil-paragrafu 2 tiegħu tan-numri ta’ identifikazzjoni personali u tas-sigurtà soċjali, dan jirreferi b’mod ġeneriku għad-“data personali partikolari” kif ukoll għat-“tagħrif l-ieħor li l-liġi tipprojbixxi l-iżvelar tiegħu” ( 38 ).

    49.

    Fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju speċifikat li d-data partikolari kienet a priori dik elenkata fl-Artikolu 2(8) tal-Liġi Litwana dwar il‑Protezzjoni Legali tad-Data Personali, jiġifieri dik dwar l-oriġini razzjali jew etnika, it-twemmin politiku, reliġjuż, filosofiku jew twemmin ieħor, l‑appartenenza sindakali, is-saħħa, l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna, kif ukoll informazzjoni dwar kundanna kriminali ta’ din il-persuna, jiġifieri definizzjoni li toqrob lejn dik mogħtija mid-dritt tal-Unjoni ( 39 ). Dik il-qorti indikat ukoll li l‑leġiżlazzjoni Litwana tipprojbixxi l-pubblikazzjoni ta’ sensiela ta’ informazzjoni mhux negliġibbli u rreferiet għal diversi dispożizzjonijiet tal-liġi msemmija iktar ’il fuq li tipprojbixxi l-iżvelar ta’ tipi differenti ta’ data, fosthom uħud diġà msemmija fl-Artikolu 10(2) tal-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi u oħrajn a priori mhux ipprovduti fid-dikjarazzjoni ta’ interessi li għandha tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni Għolja. Il-qorti tar-rinviju staqsiet hija nnifisha jekk l-espressjoni “t-tagħrif l-ieħor li l-liġi tipprojbixxi l-iżvelar tiegħu” kinitx tirreferi biss, b’mod definittiv, għall-indikazzjoni, li tinsab fl-Artikolu 10(1) tal-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi, ta’ informazzjoni li tinsab fid-dikjarazzjonijiet ta’ persuni li d-data tagħhom hija kklassifikata skont il-liġi u/jew li jeżerċitaw attività ta’ intelligence, ta’ kontrospjunaġġ jew ta’ intelligence fil-qasam kriminali ( 40 ).

    50.

    B’hekk jidher li persuna li taħdem fi ħdan is-settur pubbliku Litwan, mitluba tippreżenta dikjarazzjoni ta’ interessi quddiem il-Kummissjoni Għolja, taffaċċja n-neċessità li twettaq analiżi u riċerki sabiex tipprova tiddetermina l-esklużjonijiet imsemmija fl-Artikolu 10 tal-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi u permezz tal-istess leġiżlazzjoni d-data li finalment “tista’ tiġi żvelata”, mingħajr l-ebda ċertezza dwar ir-riżultat tal-evalwazzjoni tagħha.

    51.

    Jidher li huwa dubjuż ukoll, fir-rigward tar-rekwiżit ta’ prevedibbiltà, l-Artikolu 6(1) tal-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi li jimponi fid-dikjarazzjoni l-indikazzjoni mid-dikjarant tal-“persuni qrib jew persuni oħra jew informazzjoni li [huwa] jaf […] li jistgħu jwasslu għal kunflitt ta’ interessi”. B’hekk id-dikjarant jaffaċċja kompitu impossibbli jew mill-inqas perikoluż fejn irid jiddetermina, skont il-kuxjenza u l-għarfien tiegħu, dak li jikkunsidra bħala li huwa a priori tali li jinfluwenza jew jidher li jinfluwenza l-eżerċizzju indipendenti u oġġettiv tal-funzjoni tiegħu, filwaqt li jaf li kwalunkwe ommissjoni dwar dan il-punt tista’ tiġi kkritikata. Din id-determinazzjoni ta’ sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi possibbli taqa’ biss fir-responsabbiltà tal-leġiżlatur u fuq kollox mhux taċ-ċittadin ikkonċernat.

    52.

    F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-protezzjoni tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata jimplika, b’mod partikolari, li kull persuna fiżika tista’ tkun ċerta li d-data personali li tikkonċernaha hija korretta u tiġi pproċessata legalment ( 41 ). Ir-rekwiżit ta’ prevedibbiltà għandu l-għan b’mod partikolari li jippermetti li din il-persuna tifhem il-miżura eżatta tal-ipproċessar tad-data tagħha u li tieħu d-deċiżjoni, jekk ikun il-każ, li timplimenta d-drittijiet tagħha li tippreżenta lment quddiem l-awtorità superviżorja jew azzjoni ġudizzjarja kontra kontrollur jekk hija tikkunsidra li l-ipproċessar tad-data li tikkonċernaha jikkostitwixxi ksur tal-GDPR ( 42 ). Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, fir-rigward tad-dritt nazzjonali, jekk il-bażi legali tal-ipproċessar inkwistjoni tissodisfax ir-rekwiżit ta’ prevedibbiltà ( 43 ).

    c)   Fuq il-proporzjonalità

    1) Kunsiderazzjonijiet preliminari

    53.

    Jidhirli neċessarju li nsemmi l-osservazzjonijiet tal-gvernijiet tal-Litwanja u tal-Finlandja li jenfasizzaw il-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-Istati Membri fid-determinazzjoni tal-ipproċessar ta’ data personali, kif irrikonoxxut b’mod espliċitu fl-Artikolu 6(3) tal-GDPR. Huwa ċertament stabbilit li l-leġiżlazzjoni nazzjonali jista’ jkun fiha, skont dan tal-aħħar, dispożizzjonijiet speċifiċi biex tiġi adattata l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament u li jistgħu, b’mod partikolari, jirrigwardaw il-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-legalità tal-ipproċessar, it‑tipi ta’ data pproċessata, il-persuni kkonċernati. Madankollu, l-Artikolu 6(3) tal‑imsemmi regolament jistabbilixxi li, meta tali data tiġi pproċessata skont obbligu legali li għalih huwa suġġett il-kontrollur, id-dritt tal-Istat Membru kkonċernat għandu jissodisfa għan ta’ interess pubbliku u jkun proporzjonat mal‑għan leġittimu mfittex. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset b’mod ċar li, sabiex ikun legali, kwalunkwe pproċessar tad-data personali għandu jissodisfa żewġ rekwiżiti, jiġifieri li jikkonforma ma’ wieħed mill-prinċipji dwar il-leġittimazzjoni tal-ipproċessar tad-data elenkati fl-Artikolu 7 tad‑Direttiva 95/46 jew fl-Artikolu 6 tal-GDPR iżda wkoll ikun konformi mal‑prinċipji dwar il-kwalità tad-data stabbiliti fl-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva jew fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament li jikkostitwixxu espressjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 44 ).

    54.

    Sabiex jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti mid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, huwa neċessarju li t-tqegħid online fuq is-sit tal-Kummissjoni Għolja ta’ parti mill-informazzjoni li tinsab fid-dikjarazzjonijiet ta’ interessi jissodisfa effettivament l-għan ta’ interess ġenerali ddefinit fl-Artikolu 1 tal-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi, mingħajr ma jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan. Kif tenfasizza l-premessa 39 tal-GDPR, dan ir-rekwiżit ta’ neċessità ma jkunx issodisfatt meta l-għan ta’ interess ġenerali mfittex jista’ raġonevolment jintlaħaq b’mod daqstant effettiv b’mezzi oħra li jippreġudikaw inqas id-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati, b’mod partikolari d-drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali ggarantiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, peress li d-derogi u r-restrizzjonijiet għall-prinċipju tal-protezzjoni ta’ tali data għandhom isiru fil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju ( 45 ). Barra minn hekk, għan ta’ interess ġenerali ma jistax jintlaħaq mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li dan għandu jkun irrikonċiljat mad-drittijiet fundamentali kkonċernati mill-miżura, u dan billi jinstab bilanċ bejn l-għan u l-interessi u d-drittijiet inkwistjoni ( 46 ).

    2) Fuq in-natura xierqa tal-miżura

    55.

    Ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità jesprimi relazzjoni bejn l-għanijiet imfittxija u l-mezzi implimentati sabiex jintlaħqu dawn tal-aħħar, u b’hekk in-neċessità imperattiva ta’ definizzjoni ċara u preċiża ta’ dawn l-għanijiet ( 47 ). Kemm il-qorti tar-rinviju kif ukoll il-partijiet ikkonċernati jsostnu li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni għandha l-għan li tiżgura t-trasparenza fil-ġestjoni tas-servizz pubbliku b’mod li ssaħħaħ il-fiduċja taċ-ċittadini fl-azzjoni pubblika u tippermettilhom jeżerċitaw kontroll effettiv dwar l-użu, minn dawk li jieħdu d‑deċiżjonijiet, tal-fondi statali mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħhom.

    56.

    Issa, kif tfakkar qabel, l-għanijiet tal-miżura inkwistjoni huma ddefiniti fl-Artikolu 1 tal-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi u jikkonsistu fil-prevenzjoni tas-sitwazzjonijiet ta’ kunflitt ta’ interessi u ta’ korruzzjoni fis-settur pubbliku, billi jissaħħu l-integrità u l-imparzjalità tal-persuni responsabbli fih. Għalhekk ma hemmx riferiment espliċitu f’din id-dispożizzjoni, skont l-indikazzjonijiet mogħtija fid-deċiżjoni tar-rinviju, għal għan ta’ trasparenza ( 48 ). Għaldaqstant wieħed jista’ jistaqsi jekk il-pubblikazzjoni permezz tal-internet ta’ data li tindika l-isem relatata mal-kontenut ta’ dikjarazzjoni ta’ interessi hijiex raġuni tassew addattata sabiex jintlaħqu l-uniċi skopijiet uffiċjalment iddikjarati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, l-effikaċja tal-kontroll soċjali miftuħ għall-pubbliku inġenerali, permezz ta’ din il-pubbliċità ġġeneralizzata, li fil-fehma tiegħi dan huwa dubjuż ( 49 ).

    57.

    B’kunsiderazzjoni ta’ dan, jidhirli raġonevoli li jiġi kkunsidrat li l-iskop ġenerali ta’ trasparenza, kif deskritt fil-punti preċedenti tal-konklużjonijiet preżenti, jikkostitwixxi f’dan il-każ għan sottostanti, li jirriżulta b’mod impliċitu iżda neċessarju mill-Artikolu 1 tal-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi ( 50 ). Infakkar li l-prinċipju ta’ trasparenza huwa stabbilit fl-Artikoli 1 u 10 TUE kif ukoll fl-Artikolu 15 TFUE u li dan jippermetti, b’mod partikolari, li jiġu ggarantiti iktar leġittimità, effikaċja u responsabbiltà tal-amministrazzjoni fil-konfront taċ‑ċittadini f’sistema demokratika. Fl-ipoteżi ta’ indikazzjoni espliċita mil‑leġiżlazzjoni ta’ għan ta’ żieda fit-trasparenza tal-użu ta’ fondi komunitarji u ta’ titjib fl-amministrazzjoni finanzjarja tajba tagħhom permezz tat-tisħiħ tal‑kontroll pubbliku tal-użu tas-somom ikkonċernati, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-pubblikazzjoni permezz tal-internet ta’ data li tindika l-isem dwar il‑benefiċjarji kkonċernati kif ukoll dwar l-ammonti preċiżi li dawn irċevew kienet addattata sabiex iżżid it‑trasparenza f’dak li jirrigwarda l-użu tal‑għajnuna agrikola kkonċernata. Hija indikat li tali informazzjoni mqiegħda għad‑dispożizzjoni taċ-ċittadini ssaħħaħ il-kontroll pubbliku dwar l-użu tal‑ammonti allokati u tikkontribwixxi għall-aħjar użu tal-fondi pubbliċi ( 51 ).

    3) Fuq in-natura neċessarja tal-miżura

    58.

    Miżura hija neċessarja meta l-għan leġittimu mfittex ma jkunx jista’ jintlaħaq permezz ta’ miżura daqstant xierqa iżda inqas restrittiva. Fi kliem ieħor, huwa possibbli li jintlaħqu l-għanijiet imfittxija bil-pubblikazzjoni elettronika imposta mil-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi permezz ta’ mezzi oħra daqstant effikaċi iżda li jippreġudikaw inqas id-drittijiet tad-dikjaranti għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali? It-tweġiba għal din il‑mistoqsija għandha tkun, fil-fehma tiegħi, pożittiva għal diversi raġunijiet.

    59.

    Fl-ewwel lok, naqbel mal-approċċ tal-qorti tar-rinviju li jgħid li l‑preżentazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta’ interessi quddiem il-Kummissjoni Għolja u l-istħarriġ li għandu jsir minn din l-awtorità jikkostitwixxi mezzi xierqa biżżejjed sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mil-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal‑Interessi. Jien konxju, f’dan ir-rigward, li nitbiegħed mill-opinjoni prevalenti dwar ir-rekwiżit ta’ trasparenza, li seta’ jiġi kklassifikat bħala “irreżistibbli” u “nevrotiku” ( 52 ), li sar skop fih innifsu u virtù kardinali demokratika assoluta. Nikkunsidra, min-naħa tiegħi, li l-interess pubbliku ma jikkoinċidix neċessarjament mal-interess tal-pubbliku ( 53 ) u li l-iżgurar tal-azzjoni pubblika, permezz tal-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interessi u tal-korruzzjoni, jaqa’ fundamentalment taħt ir-responsabbiltà tal-Istat, li ma jistax, f’isem id-domma tat‑trasparenza, jiddelega liċ-ċittadini l-kontroll ta’ leġiżlazzjoni intiża sabiex tiżgura l-integrità u l-imparzjalità tal-uffiċjali pubbliċi.

    60.

    B’mod iktar konkret, għandu jiġi enfasizzat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni għandha qabel kollox għan preventiv. F’dan il-kuntest, l-obbligu ta’ preżentazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta’ interessi quddiem awtorità pubblika inkarigata mill-istħarriġ tagħhom għandu n-natura, fih innifsu, li jiggarantixxi l‑effett dissważiv imfittex fil-konfront tal-uffiċjali pubbliċi ssuġġettati li jieħdu d‑deċiżjonijiet, indipendentement minn kwalunkwe pubbliċità ġeneralizzata ta’ parti mill-kontenut ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet.

    61.

    Barra minn hekk, għalkemm l-obbligu ta’ preżentazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta’ interessi huwa diġà l-espressjoni ta’ trasparenza, din tal-aħħar tiżdied bir-reazzjoni pubblika u regolari tal-attività tal-awtorità amministrattiva indipendenti inkarigata, bħall-Kummissjoni Għolja, mill-iżgurar tal-applikazzjoni tajba tal-mekkaniżmu ta’ dikjarazzjonijiet ta’ interessi. Il-possibbiltà li jiġi ppubblikat rapport li jsemmi l-każijiet ipprovati ta’ interessi kunfliġġenti, ta’ ommissjonijiet ta’ preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni u ta’ dikjarazzjonijiet foloz kif ukoll is-segwitu mogħti lil dawn is-sitwazzjonijiet tippermetti li tissaħħaħ il-fiduċja taċ-ċittadini fl-azzjoni pubblika daqs, jekk mhux aħjar minn, informazzjoni kkostitwita permezz ta’ tqegħid online ta’ data dikjarattiva newtrali.

    62.

    Hemm ukoll lok li jitfakkar li, skont l-Artikolu 86 tal-GDPR, id-data personali li tinsab f’dokumenti uffiċjali miżmuma minn awtorità pubblika tista’ tiġi kkomunikata minnha konformement mad-dritt tal-Unjoni jew mad-dritt tal-Istat Membru li għalih tkun suġġetta. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher rilevanti li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-pubbliku jista’ jikseb mill-Kummissjoni Għolja, awtorità pubblika depożitarja ta’ dokumenti uffiċjali li jikkostitwixxu d-dikjarazzjonijiet ta’ interessi, skont ir-regoli nazzjonali relatati mal-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti, dan l-aċċess li għandu jiġi rrikonċiljat mad-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali, kif jirrikjedi wkoll espressament l-imsemmi Artikolu 86 ( 54 ).

    63.

    Dan l-approċċ li jgħid li l-għan leġittimu tal-leġiżlazzjoni nazzjonali jista’ jiġi żgurat direttament permezz tal-istħarriġ tad-dikjarazzjonijiet ta’ interessi mill-Kummissjoni Għolja jimplika li din tal-aħħar għandha mezzi umani, materjali u legali li jippermettulha twettaq il-kompitu tagħha b’mod effikaċi ( 55 ). Il-kwistjoni tal-proporzjonalità hija qabel kollox, fil-fehma tiegħi, dik tal-mezzi mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi inkarigati mill-istħarriġ tas-sitwazzjoni tad-dikjaranti b’kunsiderazzjoni tan-numru ta’ dawn tal-aħħar. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jekk l-għan tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali setax jintlaħaq b’mod daqstant effikaċi bis-sempliċi trażmissjoni obbligatorja tad-dikjarazzjonijiet ta’ interessi lill-Kummissjoni Għolja u l-istħarriġ tagħhom u b’mod iktar ġenerali ta’ din il-leġiżlazzjoni minn din l-awtorità.

    64.

    Fin-negattiv, ninnota, fit-tieni lok, li tqum il-kwistjoni tal-proporzjonalità tal-ipproċessar inkwistjoni fir-rigward tat-tip ta’ data ppubblikata. Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-kundizzjoni relatata man-neċessità tal-ipproċessar għandha tiġi eżaminata flimkien mal-prinċipju msejjaħ ta’ “minimizzazzjoni tad‑data” stabbilit fl-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttiva 95/46 kif ukoll fl-Artikolu 5(1)(c) tal-GDPR, li jgħid li d-data personali għandha tkun “adekwat[a], rilevanti u mhux eċċessiv[a] għall-finijiet li għalih[a] [t]inġab u/jew [t]iġi iktar ipproċessat[a]” ( 56 ).

    65.

    Kif issemma fil-konklużjonijiet preżenti, parti biss mid-data personali li tinsab fid-dikjarazzjonijiet ta’ interessi hija rikjesta sabiex tkun suġġetta għal pubblikazzjoni elettronika konformement mal-Artikolu 10 tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni. Bla ħsara għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni mill-qorti tar-rinviju, jistgħu jitqiegħdu online, b’mod partikolari, il-kunjomijiet u l-ismijiet tal-konjuġi, tal-konkubin jew tas-sieħeb tad-dikjarant kif ukoll l-indikazzjoni tal-“persuni qrib jew persuni oħra li jaf id-dikjarant li jistgħu jwasslu għal kunflitt ta’ interessi”.

    66.

    Għalkemm, fil-kuntest ta’ għan ta’ prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interessi u tal-korruzzjoni fis-settur pubbliku, huwa rilevanti li tiġi rikjesta, permezz tal-kontenut tad-dikjarazzjonijiet ta’ interessi, informazzjoni dwar is-sitwazzjoni u l-attivitajiet tal-konjuġi, tal-konkubin jew tas-sieħeb tad-dikjarant, l-iżvelar lill-pubbliku inġenerali ta’ data li tispeċifika l-isem dwar dawn tal-aħħar kif ukoll l-indikazzjoni ta’ persuni qrib jew persuni oħra li jaf id-dikjarant li jistgħu jwasslu għal kunflitt ta’ interessi jidhru li jmorru lil hinn minn dak li huwa strettament neċessarju ( 57 ). L-għan ta’ interess pubbliku mfittex mil-leġiżlazzjoni Litwana inkwistjoni jista’ jintlaħaq, fil-fehma tiegħi, billi jsir riferiment biss fid-dikjarazzjoni ta’ interessi għall-espressjoni ġenerika tal-konjuġi, tal-konkubin jew tas-sieħeb skont il-każ, marbuta mal-indikazzjoni rilevanti tal-interessi miżmuma minn dawn tal-aħħar fir-rigward tal-attivitajiet tagħhom.

    67.

    Infakkar, barra minn hekk, li l-Artikolu 25 tal-GDPR jimponi fuq il-kontrolluri l-obbligu li jimplimentaw, kemm fil-mument tad-determinazzjoni tal-mezzi tal-ipproċessar kif ukoll fil-mument tal-ipproċessar innifsu, miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa bħall-psewdonimizzazzjoni ( 58 ), li huma maħsuba għall-implimentazzjoni tal-prinċipji relatati mal-protezzjoni tad-data, pereżempju l-minimizzazzjoni tad-data, b’mod effettiv u li mal-ipproċessar ikun hemm il-garanziji neċessarji sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti ta’ dan ir-regolament u jiġu protetti d-drittijiet tal-persuna kkonċernata. Il-psewdonimizzazzjoni tista’ tiġi implimentata fir-rigward tal-indikazzjoni tal-konjuġi, tal-konkubin jew tas-sieħeb.

    68.

    Jidhirli wkoll li jmur lil hinn mil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju, l-iżvelar pubbliku ta’ rigali li jiġu rċevuti matul l-aħħar tnax‑il xahar kalendarju, li l-valur tagħhom huwa ta’ iktar minn EUR 150, kif ukoll informazzjoni dwar it-tranżazzjonijiet konklużi matul l-istess perijodu jew pendenti jekk il-valur tagħhom huwa ta’ iktar minn EUR 3000, sakemm dawn l-elementi jkopru l-indikazzjoni tan-natura tar-rigali jew tal-oġġett tat-tranżazzjoni kkonċernata. Dan l-ipproċessar jidher sproporzjonat sa fejn iwassal għal pubbliċità ġeneralizzata dwar il-beni miżmuma mid-dikjarant u l-qraba tiegħu, li jista’ jkollhom valur sinjifikattiv (xogħlijiet tal-arti, ġojjelli, eċċ.), u jesponi b’hekk lill-partijiet ikkonċernati għal riskju ta’ pjanijiet kriminali ( 59 ). Hemmhekk ukoll, is-sempliċi indikazzjoni tad-donaturi jew tal-parti l-oħra għat-tranżazzjoni, minbarra l-persuni fiżiċi diġà esklużi mill-Artikolu 10(2) tal-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi, tista’ tidher suffiċjenti sabiex jintlaħaq l-għan imfittex.

    69.

    Fit-tielet lok, għandha tiġi prevista l-proporzjonalità tal-miżura inkwistjoni mill-perspettiva tad-determinazzjoni tad-dikjaranti ssuġġettati għall-obbligu ta’ pubblikazzjoni online tad-data li tikkonċernahom.

    70.

    Huwa importanti li jiġi enfasizzat li, konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, il-lista ta’ persuni ssuġġettati għall-obbligu ta’ preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ interessi ma tikkorrispondix għal dik, iktar restrittiva, ta’ persuni li d-data tagħhom li tinsab fiha sussegwentement titqiegħed online. F’din it-tieni kategorija jinsabu, bl-applikazzjoni tal-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fil-kawża prinċipali, id-diretturi u l-assistenti diretturi ta’ assoċjazzjonijiet jew stabbilimenti pubbliċi ffinanzjati mill-baġits jew minn fondi tal-Istat jew ta’ awtorità lokali. Huwa fir-rigward ta’ dan l-istatus, fejn jiġi assimilat ma’ aġent tas-servizz pubbliku, li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ġie kkunsidrat bħala li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal‑imsemmija liġi.

    71.

    Il-parti kkonċernata tqiegħdet għalhekk fuq l-istess livell bħall-persuni eletti, l-uffiċjali u l-aġenti tal-Istat, l-imħallfin, id-diretturi ta’ kumpanniji b’azzjonijiet jew b’responsabbiltà limitata fejn l-Istat jew awtorità lokali huma proprjetarji ta’ ishma li jagħtuhom iktar minn nofs id-drittijiet tal-vot, membri tal-bord ta’ amministrazzjoni ta’ impriżi pubbliċi tal-Istat jew ta’ awtorità lokali jew presidenti u viċi presidenti ta’ partiti politiċi. Tali sitwazzjoni hija, fil-fehma tiegħi, tali li tikkaratterizza pproċessar sproporzjonat, minħabba li ma ssir l-ebda distinzjoni bejn l-operaturi, fis-sens wiesa’, tal-azzjoni pubblika, li ma humiex esposti għal riskji ta’ kunflitt ta’ interessi jew ta’ korruzzjoni tal-istess portata u lanqas huma impenjati f’relazzjoni tal-istess intensità mal-pubbliku li l-fiduċja tiegħu għandha tinżamm, jew saħansitra tissaħħaħ, fil-konfront tal-uffiċjali pubbliċi.

    72.

    L-eżistenza ta’ riskju serju ta’ kunflitt ta’ interessi jew ta’ korruzzjoni fil-kuntest tal-ġestjoni tal-affarijiet pubbliċi li jikkonċernaw lill-pubbliku inġenerali biss tista’ tiġġustifika t-tqegħid online ta’ data personali tad-dikjaranti li jaffaċċjaw, permezz tal-funzjoni eletta tagħhom jew l-attività professjonali tagħhom, tali riskju. L-għan li jiżdiedu l-garanziji ta’ integrità u ta’ imparzjalità tad-dikjaranti l-oħra, li jiġu evitati l-kunflitti ta’ interessi u l-korruzzjoni fis-settur pubbliku kif ukoll li tissaħħaħ il-fiduċja tal-pubbliku fil-konfront tal-uffiċjali pubbliċi huwa żgurat direttament mill-istħarriġ tad-dikjarazzjonijiet ta’ interessi mill-Kummissjoni Għolja. Bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-varjetà estrema tas-sitwazzjonijiet li jistgħu jiġu previsti, jidher li huwa impossibbli li jiġu identifikati b’mod eżawrjenti kriterji oġġettivi li jippermettu li tiġi kkaratterizzata l-eżistenza ta’ dan ir-riskju jew li ssir kategorizzazzjoni rilevanti b’mod sistematiku tal-uffiċjali pubbliċi li jieħdu d-deċiżjonijiet ( 60 ).

    73.

    Għalhekk hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, li jinkludu b’mod partikolari n-natura u l-portata tal-attività tal-istabbiliment pubbliku kkonċernat fir-rigward tal-pubbliku, is-setgħa deċiżjonali tar-rikorrent fil-kawża prinċipali fil-qasam tal-impenn jew tal-ġestjoni tal-fondi pubbliċi kif ukoll l-ammont ta’ dawn il-fondi allokati u rrapportati fil‑baġit tal-istabbilimenti, il-funzjonijiet tal-parti kkonċernata jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jesponuhom għal riskju serju ta’ sitwazzjonijiet ta’ kunflitti ta’ interessi u ta’ korruzzjoni li jistgħu jaffettwaw b’mod serju s-soċjetà inġenerali ( 61 ).

    74.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma jidhirx, fil-fehma tiegħi, li l-għanijiet ta’ prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interessi u tal-korruzzjoni fis-settur pubbliku, ta’ żieda fil-garanziji ta’ integrità u ta’ imparzjalità tal-uffiċjali pubbliċi li jieħdu d-deċiżjonijiet u ta’ tisħiħ tal-fiduċja taċ-ċittadini fl-azzjoni pubblika ma jistgħux jintlaħqu b’mod raġonevoli b’mod daqstant effikaċi b’mezzi oħra li huma inqas ta’ preġudizzju, il-ħtieġa, sabiex jiġu żgurati dawn l-għanijiet, ta’ pubblikazzjoni online ta’ data personali tad-dikjaranti ma tistax titqies li hija stabbilita ( 62 ).

    4) Fuq it-tweżin tad-drittijiet u l-interessi inkwistjoni

    75.

    Anki kieku kellu jitqies li l-ipproċessar inkwistjoni jista’ jiġi kklassifikat bħala xieraq u neċessarju (quod non) sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija, madankollu, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala legali. Ikun għad hemm lok li jiġi vverifikat jekk id-drittijiet fundamentali tas-suġġett tad-data għall-protezzjoni tad-data jiħdux il-preċedenza fuq l-interess leġittimu mfittex mill-kontrollur tad-data, peress li l-evalwazzjoni ta’ din il-kundizzjoni teħtieġ li d-drittijiet u l-interessi opposti inkwistjoni jitwieżnu skont iċ-ċirkustanzi konkreti tal-każ partikolari inkwistjoni, u fil-kuntest ta’ dan it-tweżin għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-importanza tad-drittijiet tas-suġġett tad-data li jirriżultaw mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta ( 63 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat, f’dan ir-rigward, li ma għandha tingħata l-ebda supremazija awtomatika lill-għan ta’ trasparenza fuq id‑dritt għall-protezzjoni tad-data personali ( 64 ).

    76.

    Il-kriterju dwar il-gravità tal-preġudizzju għad-drittijiet u għal-libertajiet tas-suġġett tad-data jikkostitwixxi element essenzjali tal-eżerċizzju ta’ tweżin jew ta’ bbilanċjar każ b’każ. Għal dan il-għan, għandha tittieħed b’mod partikolari inkunsiderazzjoni n-natura tad-data personali inkwistjoni, b’mod partikolari n-natura eventwalment sensittiva ta’ din id-data, kif ukoll in-natura u l-modalitajiet konkreti tal-ipproċessar tad-data inkwistjoni, b’mod partikolari n-numru ta’ persuni li għandhom aċċess għal din id-data u dawn il-modalitajiet ta’ aċċess għall-imsemmija data. Għall-finijiet ta’ dan it-tweżin huma wkoll rilevanti l‑aspettattivi raġonevoli tas-suġġett tad-data li d-data personali tiegħu ma tiġix ipproċessata meta, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, din il-persuna ma tistax raġonevolment tistenna pproċessar ulterjuri ta’ din id-data. Dawn l-elementi għandhom jiġu bbilanċjati mal-importanza, għas-soċjetà kollha kemm hi, tal-interess leġittimu li jrid jintlaħaq f’dan il-każ mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, sa fejn din il‑leġiżlazzjoni hija essenzjalment intiża sabiex jiġu żgurati l-integrità u l‑imparzjalità tal-operaturi tas-settur pubbliku u sabiex jiġu evitati l-kunflitti ta’ interessi u l-korruzzjoni f’dan is-settur ( 65 ).

    77.

    Fir-rigward tal-gravità tal-ksur, huwa importanti li jiġi enfasizzat, qabel kollox, li l-ipproċessar inkwistjoni ma jikkonċernax biss lill-persuna tad-dikjarant, individwalment u direttament ikkonċernat fil-kwalità tiegħu ta’ uffiċjal pubbliku li jieħu d-deċiżjonijiet, iżda wkoll lill-konjuġi, is-sieħeb jew il-konkubin tiegħu kif ukoll, jekk ikun il-każ, il-persuni qrib jew persuni oħra li jaf id-dikjarant li jistgħu jwasslu għal kunflitt ta’ interessi skont it-termini tal-Artikolu 6(1) tal-Liġi dwar il‑Konċiljazzjoni tal-Interessi. Huwa kompletament konċepibbli li l-kelma “qrib” tista’ tkopri, b’mod partikolari, lill-ulied u l-ġenituri tad-dikjarant, u dan iwassal potenzjalment għall-pubblikazzjoni online ta’ data li tindika l-isem tal-membri kollha ta’ familja, akkumpanjata minn indikazzjonijiet speċifiċi dwar l-attività tal‑partijiet ikkonċernati.

    78.

    Sussegwentement, huwa stabbilit li l-ipproċessar inkwistjoni jwassal sabiex irendi aċċessibbli għal numru indefinit ta’ persuni data personali tal-individwi msemmija iktar ’il fuq. Ladarba titqiegħed online fuq is-sit internet tal‑Kummissjoni Għolja, din id-data tista’ tiġi kkonsultata b’mod liberu mill-utenti tal-internet u, jekk ikun il-każ, tiġi maħżuna u mxerrda minn dawn il-persuni. Barra minn hekk, l-organizzazzjoni u l-ġbir tal-informazzjoni ppubblikata fuq l‑internet, imwettqa mill-muturi ta’ tfittxija bl-għan li jiffaċilitaw għall-utenti tagħhom l-aċċess għal din l-informazzjoni jistgħu jwasslu, meta t-tfittxija ta’ din tal-aħħar titwettaq abbażi tal-isem ta’ persuna fiżika, sabiex dawn l-utenti jiksbu, permezz tal-lista ta’ riżultati, stampa ġenerali strutturata tal-informazzjoni dwar din il-persuna li tista’ tinstab fuq l-internet li tippermettilhom jibnu profil ftit jew wisq iddettaljat tal-persuna kkonċernata ( 66 ). Tali sistema ta’ żvelar tista’ twassal għal sitwazzjoni li fiha din id-data tiġi kkomunikata lil persuni li jfittxu, għal raġunijiet li ma humiex relatati mal-għan ta’ interess ġenerali ta’ prevenzjoni tal‑kunflitti ta’ interessi u tal-korruzzjoni fis-settur pubbliku, li jinformaw ruħhom dwar is-sitwazzjoni materjali tad-dikjarant u tal-membri tal-familja tiegħu, fir‑rigward tal-pussess ta’ azzjonijiet, ta’ investimenti finanzjarji, ta’ proprjetajiet mobbli jew immobbli, daqstant informazzjoni li tista’ tinsab fid-dikjarazzjonijiet ta’ interessi mitluba sabiex tiġi ppubblikata ( 67 ). Dan l-iżvelar b’hekk huwa tali li jesponi lill-partijiet ikkonċernati għal operazzjonijiet repetuti ta’ pubbliċità mmirata, ta’ solleċitazzjonijiet ta’ natura kummerċjali u saħansitra ta’ riskji ta’ atti kriminali.

    79.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ipproċessar inkwistjoni jidher li jikkostitwixxi ndħil gravi fid-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u għall‑protezzjoni tad-data personali tal-persuni kkonċernati. Din il-konstatazzjoni hija tali li tiġġustifika l-konklużjoni li tgħid li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata ma tosservax, a priori, bilanċ ġust fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tad-drittijiet u l-interessi involuti. Jibqa’ l-fatt li l-Gvern Litwan jenfasizza, ġustament, li l-ibbilanċjar tad-drittijiet u tal-interessi inkwistjoni għandu jinkludi l-livell ta’ korruzzjoni osservata fis-settur pubbliku, u dan jiġġustifika l-adozzjoni minn kull Stat Membru tal-mezzi li huwa jqis l-iktar xierqa għall-ġlieda kontra dan il-fenomenu. Fil-fatt, huwa importanti li jiġi kkonstatat li l-interess tal-pubbliku li jaċċedi għal informazzjoni jista’, anki fl‑Unjoni, ivarja minn Stat Membru għal ieħor, b’tali mod li r-riżultat tal‑ibbilanċjar li għandu jsir bejn dan tal-aħħar, minn naħa, u d-drittijiet għar‑rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali tal-persuna kkonċernata, min-naħa l-oħra, ma huwiex neċessarjament l-istess għall-Istati Membri kollha ( 68 ). F’dan il-każ, ir-realtà u l-firxa tal-fenomenu ta’ korruzzjoni fi ħdan is-servizz pubbliku huma, fil-fehma tiegħi, ċirkustanzi partikolari proprji għall-kawża prinċipali u hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwahom ( 69 ).

    3. Fuq it-tieni domanda preliminari

    80.

    Għandu jitfakkar li l-Artikolu 10(2) tal-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal‑Interessi jistabbilixxi projbizzjoni ġenerali għall-pubblikazzjoni ta’ data personali li taqa’ f’kategoriji speċjali, mingħajr ma hija prevista l-ebda eċċezzjoni għal din il-projbizzjoni. Skont il-qorti tar-rinviju, l-implimentazzjoni tal‑imsemmija dispożizzjoni iktar ’il fuq tqajjem diffikultajiet, u dan iwassal lil dik il-qorti sabiex tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-portata, fid-dritt tal-Unjoni, tal-kunċett ta’ “kategoriji speċjali ta’ data personali” msemmi fl-Artikolu 9(1) tal-GDPR.

    81.

    Dan l-artikolu, li jirriproduċi b’xi emendi l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 95/46, jipprevedi li l-ipproċessar ta’ data personali, li jiżvela l-oriġini razzjali jew etnika, l-opinjonijiet politiċi, twemmin reliġjuż jew filosofiku, jew is-sħubija f’sindakat, kif ukoll l-ipproċessar ta’ data ġenetika, data bijometrika sabiex tidentifika b’mod uniku persuna fiżika, data dwar is-saħħa jew data dwar il-ħajja sesswali jew l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna fiżika huma pprojbiti ( 70 ).

    82.

    Il-qorti tar-rinviju tqis li, minkejja li d-data li taqa’ stricto sensu taħt kategoriji speċjali ma titqegħidx online fuq is-sit internet tal-Kummissjoni Għolja, huwa possibbli għal utent tal-internet li jiddeduċi minn ċerta data li l‑pubblikazzjoni tagħha hija obbligatorja, konformement mal-Artikolu 10(1) tal‑Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi, informazzjoni sensittiva, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-opinjonijiet politiċi, tal-appartenenza sindakali jew tal‑orjentazzjoni sesswali ta’ dikjarant ( 71 ). F’dan ir-rigward, fil-fatt, huwa inkontestabbli l-fatt li għalkemm id-data li tindika l-isem dwar il-konjuġi, il‑konkubin jew is-sieħeb tad-dikjarant ma tikkostitwixxix fiha nnifisha data sensittiva, it-tqegħid tagħha online huwa tali li jiżvela lill-pubbliku l-ħajja jew l‑orjentazzjoni sesswali tad-dikjarant kif ukoll tal-konjuġi, il-konkubin jew is‑sieħeb tiegħu.

    83.

    Id-domanda magħmula hija għalhekk dwar jekk l-Artikolu 9(1) tal-GDPR jew l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 95/46, għandhomx jiġu interpretat fis-sens li jinkludu pproċessar ta’ data personali, a priori mhux sensittiva, li tippermetti, permezz ta’ operazzjoni intellettwali ta’ approssimazzjoni u/jew ta’ deduzzjoni, li wieħed isir jaf b’mod indirett b’data li għandha tali natura. Il-Gvern Litwan joġġezzjona għal tali interpretazzjoni sa fejn din twassal sabiex trendi diffiċli ħafna jew saħansitra impossibbli l-ipproċessar ta’ ċerta data u, għaldaqstant, it‑twettiq tal-għan leġittimu mfittex, bħall-pubblikazzjoni ta’ data dwar il-konjuġi, il-konkubin jew is-sieħeb għall-finijiet ta’ prevenzjoni ta’ kunflitti ta’ interessi u tal-korruzzjoni fis-settur pubbliku. L-ipproċessar biss li għandu l-għan ċar li jipproċessa data personali li taqa’ intrinsikament f’kategoriji speċjali jaqa’ fl-Artikolu 9(1) tal-GDPR jew l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 95/46 ( 72 ), u dan ikun eskluż, f’dan il-każ, fir-rigward tal-projbizzjoni tal-pubblikazzjoni tad-data sensittiva li tinsab fl-Artikolu 10(2) tal-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi.

    84.

    Skont ġurisprudenza stabbilita, hemm lok, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li hija tifforma parti minnha ( 73 ).

    85.

    Fl-ewwel lok, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 9(1) tal-GDPR jirriżulta li dan tal-aħħar jagħmel distinzjoni bejn tliet tipi ta’ pproċessar skont it-tip ta’ data kkonċernata, jiġifieri: i) l-ipproċessar ta’ data personali li “tiżvela” l-oriġini razzjali jew etnika, l-opinjonijiet politiċi, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku, jew is-sħubija f’sindakat, ii) l-ipproċessar ta’ data ġenetika u data bijometrika sabiex tidentifika b’mod uniku persuna fiżika u iii) l-ipproċessar ta’ data “dwar” is-saħħa jew data “dwar” il-ħajja sesswali u l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna fiżika. Din il-formulazzjoni tirriproduċi parzjalment dik tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 95/46 li jgħid li l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu l-ipproċessar ta’ data personali li “tiżvela” l-oriġini razzjali jew etnika, l-opinjonijiet politiċi, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku, is-sħubija sindakali, u l-ipproċessar ta’ data “dwar” is-saħħa u l‑ħajja sesswali. L-użu tal-verb “jiżvela” jaqbel mat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ pproċessar li ma jirrigwardax biss data intrinsikament sensittiva iżda li tippermetti indirettament żvelar wara operazzjoni intellettwali ta’ deduzzjoni jew ta’ kontroverifika. L-istess ħaġa ma tapplikax, fil-fehma tiegħi, għall-espressjoni “dwar”, ekwivalenti għal “relatata”, li tagħmel rabta iktar diretta u immedjata bejn l-ipproċessar u d-data kkonċernata, prevista fin-natura intrinsika tagħha ( 74 ). Tali analiżi eżeġetika tidher li għandha twassalna għall-konklużjoni ta’ definizzjoni varjabbli tal-ipproċessar li jirrigwarda l-kategoriji speċjali ta’ data personali, b’kunsiderazzjoni tat-tip ta’ data sensittiva kkonċernata, u dan ma jidhirlix li huwa mixtieq ( 75 ).

    86.

    Nirrileva wkoll li, fir-rigward mill-inqas tad-data bijometrika, il-leġiżlatur tal-Unjoni ħa ħsieb li jispeċifika, fil-premessa 51 u fl-Artikolu 9(1) tal-GDPR, li l‑ipproċessar ta’ ritratti ma għandux sistematikament jitqies bħala pproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali peress li din tkun koperta bid-definizzjoni ta’ data bijometrika biss meta tiġi pproċessata b’mezz tekniku speċifiku “sabiex” tidentifika b’mod uniku persuna fiżika. L-approċċ finalist invokat mill-Gvern Litwan jidher hawnhekk stabbilit għad-data bijometrika biss.

    87.

    Fit-tieni lok, jidhirli rilevanti wkoll li nqarreb il-kwistjoni tad‑determinazzjoni tal-kategoriji speċjali ta’ data personali ma’ dik tad‑definizzjoni ta’ “persuna fiżika identifikabbli”, jiġifieri persuna fiżika li tista’ tiġi identifikata, direttament jew “indirettament”, b’mod partikolari b’riferiment għal element speċifiku wieħed jew iktar proprji għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali tagħha ( 76 ). Il-leġiżlatur Ewropew għamel għalhekk l-għażla ta’ approċċ realist billi ħa inkunsiderazzjoni l‑possibbiltà ta’ kostituzzjoni mill-ġdid ta’ informazzjoni minn kontroverifika u ġbir ta’ elementi varji.

    88.

    Fit-tielet lok, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 u mill‑premessa 10 tad-Direttiva 95/46, kif ukoll mill-Artikolu 1 u mill-premessa 4 tal-GDPR, dawn iż-żewġ regoli huma intiżi sabiex jiggarantixxu livell għoli ta’ protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, b’mod partikolari tal-ħajja privata tagħhom, fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali li tikkonċernahom ( 77 ). U dan huwa għan ta’ protezzjoni speċifika u msaħħa li huwa mfittex fil-każ tal-ipproċessar ta’ data sensittiva, bit-teħid inkunsiderazzjoni tar‑riskji sinjifikattivi għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali inerenti għal dan it-tip ta’ pproċessar ( 78 ). Is-soluzzjonijiet adottati mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn is‑sentenzi preliminari jirriflettu t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan l-għan.

    89.

    B’hekk, meta ġiet mistoqsija minn qorti tar‑rinviju dwar jekk l‑indikazzjoni tal‑fatt li persuna weġġgħet saqajha u tinsab fuq leave parzjali minħabba mard tikkostitwixxix data personali dwar saħħa fis‑sens tal‑Artikolu 8(1) tad‑Direttiva 95/46, il-Qorti tal-Ġustizzja wieġbet fl‑affermattiv filwaqt li indikat li, fid‑dawl tal‑għan ta’ din id‑direttiva, l‑espressjoni “data dwar saħħa” użata fl‑Artikolu 8(1) tagħha għandha tingħata “interpretazzjoni wiesgħa”, b’tali mod li tkun tkopri informazzjoni li tikkonċerna l‑aspetti kollha, kemm fiżiċi kif ukoll mentali, tas‑saħħa ta’ persuna ( 79 ).

    90.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li interpretazzjoni tal-Artikolu 8(1) u (5) tad‑Direttiva 95/46 jew tal-Artikolu 9(1) u tal-Artikolu 10 tal-GDPR li teskludi, a priori u b’mod ġenerali, l-attività ta’ mutur ta’ tfittxija mir-rekwiżiti speċifiċi li huma previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet meta mqabbla mal-ipproċessar tal‑kategoriji speċjali ta’ data li huma jsemmu tmur kontra l-għan tal-imsemmija dispożizzjonijiet, li tiġi żgurata “protezzjoni msaħħa” fil-konfront ta’ tali pproċessar li, minħabba s-sensittività partikolari ta’ din id-data, ikun jista’ jikkostitwixxi, kif jirriżulta wkoll mill-premessa 33 ta’ din id-direttiva u mill‑premessa 51 ta’ dan ir-regolament, indħil partikolarment serju fid-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali, żgurati mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta ( 80 ).

    91.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi aċċettat li l-ipproċessar ta’ data personali li jista’ jwassal għal żvelar indirett ta’ data sensittiva tal-persuna kkonċernata jiġi eżentat mill-obbligi u mill-garanziji previsti mid-Direttiva 95/46 u l-GDPR, li jkun jippreġudika l-effett utli ta’ dawn l-atti u l-protezzjoni effikaċi u kompleta tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi li huwa l‑għan ta’ dawn l-atti li jiżguraw, b’mod partikolari d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tagħhom, fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali, dritt li fir-rigward tiegħu dawn l-atti jagħtu importanza partikolari kif jikkonfermaw b’mod partikolari l-Artikolu 1(1) u l-premessi 2 u 10 ta’ din id-direttiva u l-Artikolu 1(2) u l-premessi 1 u 4 tal-GDPR ( 81 ). Fi kliem ieħor, il-fatt li l-pubbliku inġenerali jiġi mgħarraf b’mod indirett b’informazzjoni dwar, b’mod partikolari, il-ħajja jew l‑orjentazzjoni sesswali tad-dikjarant kif ukoll tal-konjuġi, tal-konkubin jew tas‑sieħeb tiegħu ma jistax jiġi kkunsidrat bħala dannu kollaterali sfortunat iżda aċċettabbli fir-rigward tal-iskop ta’ pproċessar li ma għandux a priori bħala għan id-data sensittiva jew li saħansitra jipprojbixxi b’mod espliċitu l-użu tagħha, bħal f’dan il-każ.

    92.

    Din is-soluzzjoni, fil-fehma tiegħi, hija konformi mal-approċċ tal-Qorti tal‑Ġustizzja li, lil hinn mill-impressjonijiet formali, tagħmel analiżi sostanzjali tal-ipproċessar ikkonċernat sabiex tivverifika l-portata reali tiegħu fir-rigward tat‑tip ta’ data pproċessata. Meta evalwat il-proporzjonalità ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li awtorità tal-Istat timponi, għall-finijiet tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, l-obbligu ta’ trażmissjoni ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-indħil li ġġib magħha tali trażmissjoni fid-dritt stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta għandu jkun ikkunsidrat bħala partikolarment serju, fid-dawl b’mod partikolari “tan-natura sensittiva tal-informazzjoni li tista’ tagħti din id-data” ( 82 ).

    93.

    Fl-opinjoni tagħha dwar il-kompatibbiltà tal-ftehim maħsub bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea fuq it-trasferiment u l-ipproċessar ta’ data tar-reġistru tal‑ismijiet tal-passiġġieri ( 83 )mal-Artikolu 16 TFUE kif ukoll mal-Artikoli 7, 8 u l-Artikolu 52(1) tal-Karta, il-Qorti tal-Ġustizzja wettqet analiżi tal-eżistenza ta’ ndħil fid-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali ggarantit mill‑Artikolu 8 tal-Karta. F’dan ir-rigward, hija rrilevat li anki jekk ċerta tali data, meħuda waħedha, ma tidhirx li tista’ tiżvela informazzjoni importanti dwar il‑ħajja privata tal-persuni kkonċernati, jibqa’ l-fatt li, meħuda kumplessivament, l-imsemmija data tista’, inter alia, tiżvela itinerarju ta’ vjaġġ sħiħ, drawwiet ta’ vvjaġġar, relazzjonijiet eżistenti bejn żewġ persuni jew iktar kif ukoll informazzjoni dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tal-passiġġieri tal-ajru, id-drawwiet tal-ikel tagħhom jew l-istat ta’ saħħa tagħhom, u “tista’ wkoll tipprovdi informazzjoni sensittiva dwar dawn il-passiġġieri”. Meta evalwat in-natura neċessarja tal-indħil ikkawżat mill-ftehim maħsub, fir-rigward tad-data tal‑passiġġieri tal-ajru intiżi minn dan tal-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, għalkemm ebda waħda mid‑19‑il intestatura li jinsabu fl-anness ta’ dan il-ftehim ma tirreferi espliċitament għal data sensittiva, din tal-aħħar madankollu tista’ taqa’ taħt waħda minn dawn l-intestaturi.

    94.

    Tali approċċ, ċertament, ma jistax ma jqajjimx xi diffikultajiet. B’hekk id‑determinazzjoni tal-iskopijiet iżda fuq kollox tal-mezzi għall-ipproċessar għandha tkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni partikolarment attenta, inkluż l‑ipproċessar potenzjali ta’ data sensittiva (faċilment identifikabbli fil-kawża prinċipali). Madankollu, dan jirrigwarda biss il-protezzjoni ta’ data mid-disinn tal‑ipproċessar diġà rikjest fl-Artikolu 25 tal-GDPR. Barra minn hekk, jidhirli żbaljat li tissemma, kif għamel il-Gvern Litwan, konsegwenza negattiva intiża għall-impossibbiltà li jiġi implimentat ċertu pproċessar, bħal dak inkwistjoni fil‑kawża prinċipali. Huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-projbizzjoni tal‑ipproċessar li jirrigwarda kategoriji speċjali ta’ data personali hija relattiva, fejn ċerti eċċezzjonijiet u derogi huma previsti fl-Artikolu 8(2) sa (4) tad‑Direttiva 95/46 u fl-Artikolu 9(2) tal-GDPR, b’dan tal-aħħar isemmi mhux inqas minn għaxar ipoteżijiet ta’ pproċessar legali ta’ data sensittiva. Nosserva, f’dan ir-rigward, li l-ipproċessar inkwistjoni seta’ kien ibbażat perfettament fuq l‑Artikolu 8(4) tad-Direttiva 95/46, li ġie riprodott, b’xi emendi, fl‑Artikolu 9(2)(g) tal-GDPR ( 84 ), għalkemm il-leġiżlatur Litwan ma għażilx li jipprojbixxi l-pubblikazzjoni ta’ data sensittiva ( 85 ).

    V. Konklużjoni

    95.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal‑Ġustizzja tirrispondi kif ġej lill-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il‑Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Vilnjus, il-Litwanja):

    1)

    L-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 95/46 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l‑ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, kif ukoll l-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir‑rigward tal‑ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46 (Regolament Ġenerali dwar il‑Protezzjoni tad-Data), moqrija fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad‑Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis‑sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tgħid li parti mid-data personali li tinsab fid-dikjarazzjoni ta’ interessi li l-preżentazzjoni tagħha hija imposta fuq kull direttur ta’ stabbiliment pubbliku li jirċievi fondi pubbliċi għandha tkun is-suġġett ta’ pubblikazzjoni fuq is-sit internet tal‑awtorità pubblika inkarigata mill-ġbir ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet u mill‑istħarriġ tal-kontenut tagħhom, meta tali miżura ma tkunx xierqa u neċessarja għall-finijiet tat-twettiq tal-għanijiet ta’ prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interessi u tal-korruzzjoni fis-settur pubbliku, ta’ żieda fil-garanziji ta’ integrità u ta’ imparzjalità tal-uffiċjali pubbliċi li jieħdu d-deċiżjonijiet u ta’ tisħiħ tal-fiduċja taċ-ċittadini fl-azzjoni pubblika.

    2)

    L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 95/46 u l-Artikolu 9(1) tar‑Regolament 2016/679, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad‑Drittijiet Fundamentali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li taqa’ fi pproċessar li jirrigwarda l-kategoriji speċjali ta’ data personali l‑pubblikazzjoni tal-kontenut tad-dikjarazzjonijiet ta’ interessi, fuq is-sit internet tal-awtorità pubblika inkarigata mill-ġbir tagħhom u mill-istħarriġ tal-kontenut tagħhom, li tista’ tiżvela indirettament data sensittiva bħal dik imsemmija f’dawn l-ewwel żewġ artikoli.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) “If it be true, according to the homely proverb, ‘that the eye of the master makes the ox fat,’ it is no less so that the eye of the public makes the statesman virtuous”. The Works of Jeremy Bentham, ippubblikat minn John Bowring William Tait-Simpkin, Marshall, Edinburgh-Londra, 1843.

    ( 3 ) Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il‑protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355).

    ( 4 ) Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il‑protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal‑ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46 (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad‑Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2).

    ( 5 ) Verżjoni ġdida ta’ din il-liġi daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2020 iżda, skont il-qorti tar-rinviju, id-dispożizzjonijiet rilevanti għall-kawża prinċipali baqgħu essenzjalment ma nbidlux, bl‑eċċezzjoni tal-lista ta’ funzjonijiet tal-persuni ssuġġettati għall-obbligu ta’ dikjarazzjoni li fiha ma għadx hemm dawk tar-rikorrent fil-kawża prinċipali.

    ( 6 ) L-indikazzjoni espliċita tal-prevenzjoni ta’ “kunflitti ta’ interessi” dehret, skont l‑osservazzjonijiet tal-Gvern Litwan, fil-verżjoni l-ġdida tal-liġi, preċiżazzjoni formali retroattiva sempliċi ta’ suġġett legali inkontestabbli. Anki qabel l-emenda tagħha, din il-liġi kienet timponi fuq il-persuni ssuġġettati sabiex jevitaw kull “kunflitt ta’ interessi” skont il‑modalitajiet u permezz tal-mezzi previsti mil-liġi u sabiex iġibu ruħhom b’tali mod li ma jqajmux suspett dwar l-eżistenza ta’ tali kunflitt (Artikolu 3), sabiex isemmu lill-persuni qrib tagħhom jew persuni oħra jew informazzjoni li jaf id-dikjarant li jistgħu jwasslu għal “kunflitt ta’ interessi” (Artikolu 6(7)) u l-awtorità pubblika inkarigata sabiex tiżgura l-osservanza tal‑imsemmija liġi kienet diġà msejħa l-Kummissjoni Għolja ta’ “Prevenzjoni ta’ Kunflitti ta’ Interessi” fis-Servizz Pubbliku.

    ( 7 ) Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín (C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 24).

    ( 8 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi (C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 34).

    ( 9 ) Ara s-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Ministero dell’Istruzione, dell’Università e della Ricerca ‐ MIUR et (Riċerkaturi universitarji) (C‑326/19, EU:C:2021:438, punti 3638).

    ( 10 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Settembru 2017, Puškár (C‑73/16, EU:C:2017:725, punt 33), u tal‑14 ta’ Frar 2019, Buivids (C‑345/17, EU:C:2019:122, punt 46).

    ( 11 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Settembru 2017, Puškár (C‑73/16, EU:C:2017:725, punti 3334), u tal‑14 ta’ Frar 2019, Buivids (C‑345/17, EU:C:2019:122, punt 37), fejn ġie osservat li n-natura awtomatizzata jew le tal-ipproċessar hija irrilevanti fir-rigward tal-klassifikazzjoni regolamentari tagħha.

    ( 12 ) ĠU 2016, L 119, p. 89, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 6. Nirrileva li d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI tas‑27 ta’ Novembru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali (ĠU 2008, L 350, p. 60–71) kienet teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, skont il-kliem tal-premessi 7 u 9 tagħha, dak li ma kienx jaqa’ taħt l-iskambji bejn Stati Membri.

    ( 13 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità) (C‑439/19, EU:C:2021:504, punti 6269).

    ( 14 ) Din l-analiżi jidhirli li hija kkonfermata wkoll mill-kliem tal-premessa 7 tad-Direttiva 2016/680.

    ( 15 ) Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità) (C‑439/19, EU:C:2021:504, punti 6970).

    ( 16 ) L-Artikolu 3 tal-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi jipprevedi li, sabiex tiġi ggarantita s‑supremazija tal-interess pubbliku, il-persuni li jaħdmu fis-servizz pubbliku ma għandhomx jużaw il-funzjonijiet tagħhom sabiex jiksbu benefiċċju personali.

    ( 17 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2017, Puškár (C‑73/16, EU:C:2017:725, punti 3839).

    ( 18 ) Ara, rispettivament, l-Artikoli 99(2) u l-Artikolu 94(1) tar-Regolament 2016/679.

    ( 19 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2020, Orange Romania (C‑61/19, EU:C:2020:901, punti 29 sa 32).

    ( 20 ) Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 2021, M.I.C.M. (C‑597/19, EU:C:2021:492, punt 107).

    ( 21 ) F’dan il-każ, ir-riferiment fit-tieni domanda preliminari għall-Artikolu 9(2) tal-GDPR li jipprevedi d-derogi għall-projbizzjoni ta’ prinċipju ta’ pproċessar ta’ data sensittiva ma jidhirx li huwa rilevanti.

    ( 22 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità) (C‑439/19, EU:C:2021:504, punti 9798).

    ( 23 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google (C‑131/12, EU:C:2014:317, punt 66).

    ( 24 ) Ara s-sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert (C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punt 49); tal‑24 ta’ Novembru 2011, Asociación Nacional de Establecimientos Financieros de Crédito (C‑468/10 u C‑469/10, EU:C:2011:777, punt 41); u tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità) (C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 105).

    ( 25 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Marzu 2017, Manni (C‑398/15, EU:C:2017:197, punti 40 u 41), u tas‑27 ta’ Settembru 2017, Puškár (C‑73/16, EU:C:2017:725, punt 102).

    ( 26 ) Ara s-sentenzi tas‑16 ta’ Jannar 2019, Deutsche Post (C‑496/17, EU:C:2019:26, punt 57), u tal‑11 ta’ Novembru 2020, Orange Romania (C‑61/19, EU:C:2020:901, punt 34).

    ( 27 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2019, Deutsche Post (C‑496/17, EU:C:2019:26, punt 58). Il-kliem “jew f’parti terza li lilha jkun żvelat id-data” jinsabu biss fl-Artikolu 7(e) tad-Direttiva 95/46.

    ( 28 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Mejju 2003, Österreichischer Rundfunk et (C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01, EU:C:2003:294, punt 67), u tas‑6 ta’ Ottubru 2020, État luxembourgeois (Dritt għal rimedju kontra talba għal informazzjoni fil-qasam fiskali) (C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795, punt 13). Dawn id-dispożizzjonijiet ta’ restrizzjoni jew ta’ limitazzjoni għandhom jiġu distinti mid-dispożizzjonijiet ta’ esklużjoni mill-applikazzjoni tad‑Direttiva 95/46 jew tal-GDPR, distinzjoni li l-fehim tagħha huwa kumpless minħabba riferiment komuni għal għanijiet ta’ interess ġenerali simili.

    ( 29 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 210 u l-ġurisprudenza ċċitata li tikkonċerna d‑Direttiva 95/46).

    ( 30 ) Mill-Opinjoni 6/2014 tal-Grupp ta’ Ħidma “Artikolu 29”, korp konsultattiv indipendenti stabbilit skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva 95/46 u ssostitwit wara l-adozzjoni tal-GDPR mill‑Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, jirriżulta li din il-bażi tal-obbligu legali ma tistax tiġi invokata meta l-liġi tistabbilixxi biss għan ġenerali jew ma timponix fil-verità pproċessar partikolari lill-kontrollur.

    ( 31 ) Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2017, Manni (C‑398/15, EU:C:2017:197, punt 42).

    ( 32 ) Artikolu 6(3) tal-GDPR.

    ( 33 ) Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni hija suġġett ta’ tħassib internazzjonali kif turi l-Konvenzjoni tan‑Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni adottata permezz tar-Riżoluzzjoni 58/4, tal‑31 ta’ Ottubru 2003, tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti. Din daħlet fis-seħħ fl‑14 ta’ Diċembru 2005, ġiet irratifikata mill-Istati Membri kollha u approvata mill-Unjoni Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/801/KE tal‑25 ta’ Settembru 2008 (ĠU 2008, L 287, p. 1). Insemmi wkoll il-Konvenzjoni dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal‑Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali ta’ l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 53) li daħlet fis-seħħ fit‑28 ta’ Settembru 2005 u li aderixxew magħha l-pajjiżi kollha tal-Unjoni. Konformement ma’ din il-konvenzjoni, kull pajjiż tal-Unjoni għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkriminalizza l-korruzzjoni kemm attiva kif ukoll passiva tal-uffiċjali.

    ( 34 ) Qorti EDB, 13 ta’ Novembru 2012, MM vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:2012:1113JUD002402907).

    ( 35 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑20 ta’ Mejju 2003, Österreichischer Rundfunk et (C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01, EU:C:2003:294, punt 77); tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Privacy International (C‑623/17, EU:C:2020:790, punt 65); u tas‑6 ta’ Ottubru 2020, État luxembourgeois (Dritt għal azzjoni legali kontra talba għal informazzjoni fil-qasam fiskali) (C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795, punt 76).

    ( 36 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità) (C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 105).

    ( 37 ) Bl-applikazzjoni tal-Artikolu 6(3) tal-GDPR, il-bażi legali tal-ipproċessar ta’ data personali għandha tiddefinixxi l-iskopijiet, li ma għandhomx ikunu biss leġittimi imma wkoll ikunu speċifikati u espliċiti skont it-termini tal-Artikolu 5(1)(b) ta’ dan ir-regolament li jirriproduċu dawk tal-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva 95/46.

    ( 38 ) L-Artikolu 10(2) tal-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi jipprevedi wkoll li d-data tal-parti l-oħra għal tranżazzjoni, meta din tkun persuna fiżika, ma għandhiex tiġi ppubblikata.

    ( 39 ) Artikolu 8(1) tad-Direttiva 95/46 u Artikolu 9(1) tal-GDPR. Il-kwistjoni tal-ipproċessar ta’ data personali relatata ma’ kundanni kriminali u reati hija rregolata mill-Artikolu 10 tal-GDPR.

    ( 40 ) Wieħed jista’ jżid ukoll li l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-portata tal-projbizzjoni tal-iżvelar ta’ data personali partikolari fir-rigward tad-deduzzjonijiet li jistgħu jsiru mill-pubbliku dwar il‑ħajja sesswali jew l-orjentazzjoni sesswali tad-dikjarant f’każ ta’ tqegħid online ta’ data li tindika l-isem dwar il-konjuġi, il-konkubin jew is-sieħeb tiegħu.

    ( 41 ) Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Nowak (C‑434/16, EU:C:2017:994, punt 57).

    ( 42 ) Ara l-Artikoli 77 u 79 tal-GDPR.

    ( 43 ) Fis-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2003, Österreichischer Rundfunk et (C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01, EU:C:2003:294, punti 7980), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li din il-kwistjoni kienet tqum biss, eventwalment, wara l-eżami tal-issodisfar tar-rekwiżit ta’ proporzjonalità, fid‑dawl tal-għanijiet imfittxija.

    ( 44 ) Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2019, Deutsche Post (C‑496/17, EU:C:2019:26, punt 57).

    ( 45 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità) (C‑439/19, EU:C:2021:504, punti 109110).

    ( 46 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Privacy International (C‑623/17, EU:C:2020:790, punt 67).

    ( 47 ) Fis-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2017, Puškár (C‑73/16, EU:C:2017:725, punt 111), il-Qorti tal-Ġustizzja tevoka t-teħid inkunsiderazzjoni tal-“iskop preċiż” tal-miżura inkwistjoni.

    ( 48 ) B’hekk it-trasparenza tiġi analizzata bħala sempliċi raġuni li tippermetti li jintlaħqu l-iskopijiet imsemmija fil-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi.

    ( 49 ) Il-problema tal-istħarriġ tad-dikjarazzjonijiet ta’ interessi hija, fil-fehma tiegħi, l-iskoperta ta’ dak li ma jinsabx fihom, il-verifika tal-eżistenza ta’ ommissjonijiet fir-rigward tal‑preżentazzjoni ta’ din id-dikjarazzjoni, bħal fil-kawża prinċipali, jew tal-kontenut tagħha, u dan jaqa’ taħt ħidma investigattiva mmexxija fir-realtà mill-awtorità pubblika inkarigata mill‑istħarriġ ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, assistita mill-“awżiljarji demokratiċi” li huma l‑istampa jew l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, bħal Transparency International, detentriċi ta’ informazzjoni kultant mogħtija minn informaturi. F’dan il-kuntest, l-għarfien tad‑dikjarazzjonijiet ta’ interessi ma jeħtieġx pubblikazzjoni elettronika li tippermetti l-aċċess għalihom lil numru indefinit ta’ persuni, fejn il-konsultazzjoni tagħhom tista’ tingħata mill‑awtorità pubblika depożitarja ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet fuq talba bil-miktub indirizzata lilha.

    ( 50 ) Ara, bħala preċedent, is-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2003, Österreichischer Rundfunk et (C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01, EU:C:2003:294).

    ( 51 ) Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert (C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punti 6879).

    ( 52 ) Carcassone. G., “Le trouble de la transparence”, Pouvoirs, Transparence et secret, Nru 97, April 2001, p. 17 sa 23.

    ( 53 ) Ara l-Opinjoni 2/2016 tal-Grupp ta’ Ħidma “Artikolu 29”.

    ( 54 ) Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità) (C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 120).

    ( 55 ) Fid-deċiżjoni tar-rinviju, hemm irrapportata l-pożizzjoni tal-Kummissjoni Għolja li tgħid li hija ma għandhiex biżżejjed mezzi sabiex tistħarreġ id-dikjarazzjonijiet ta’ interessi kollha miġbura.

    ( 56 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2019, Asociaţia de Proprietari bloc M5A‑ScaraA (C‑708/18, EU:C:2019:1064, punt 48).

    ( 57 ) Kif speċifikat l-Opinjoni 2/2016 tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29, il-pubblikazzjoni online ta’ informazzjoni li taqa’ taħt aspetti mhux rilevanti tal-ħajja privata ta’ persuna, fir-rigward tat‑twettiq tal-għan imfittex, ma hijiex iġġustifikata.

    ( 58 ) L-Artikolu 4(5) tal-GDPR jiddefinixxi l-“psewdonimizzazzjoni” bħala l-ipproċessar ta’ data personali b’tali mod li din ma tkunx tista’ tibqa’ tiġi attribwita għal suġġett tad-data speċifiku mingħajr l-użu ta’ informazzjoni addizzjonali, dment li tali informazzjoni addizzjonali tinżamm separatament u tkun suġġetta għal miżuri tekniċi u organizzattivi sabiex jiġi żgurat li d-data personali ma tiġix attribwita għal persuna fiżika identifikata jew identifikabbli.

    ( 59 ) Ara l-Opinjoni 2/2016 tal-Grupp ta’ Ħidma “Artikolu 29”.

    ( 60 ) Fil-punt 3.2.1 (p. 9) tal-Opinjoni 2/2016 tagħha, il-Grupp ta’ Ħidma “Artikolu 29” jindika li jkun rilevanti li ssir distinzjoni, skont ir-responsabbiltajiet ġerarkiċi u deċiżjonali tagħhom, bejn, l-ewwel, l-uffiċjali politiċi, l-uffiċjali għolja jew personalitajiet pubbliċi oħra li jokkupaw funzjonijiet li jinkludu responsabbiltajiet politiċi, it-tieni, l-uffiċjali b’kariga eżekuttiva tas‑servizz pubbliku, li ma għandhom l-ebda mandat elettiv u jeżerċitaw biss funzjonijiet ta’ tmexxija jew ta’ ġestjoni, u, it-tielet, l-uffiċjali pubbliċi bażiċi, li ma għandhomx responsabbiltajiet deċiżjonali proprji.

    ( 61 ) Għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-Gvern Litwan jirrikonoxxi b’mod espliċitu, fil-punt 19 tal‑osservazzjonijiet tiegħu, in-natura superfluwa u b’hekk sproporzjonata tal-ipproċessar inkwistjoni applikat għall-uffiċjali ta’ assoċjazzjonijiet jew ta’ stabbilimenti pubbliċi ffinanzjati mill-baġits jew minn fondi tal-Istat jew ta’ awtorità lokali minħabba d-dikjarazzjoni ta’ imparzjalità diġà imposta fuq dawn tal-aħħar mil-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kuntratti pubbliċi. Din il-kunsiderazzjoni tinsab fl-oriġini tal-irtirar tal-partijiet ikkonċernati mil-lista tal‑persuni ssuġġettati għall-obbligu ta’ preżentazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet ta’ interessi previst mil-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ mill‑1 ta’ Jannar 2020.

    ( 62 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità) (C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 113).

    ( 63 ) Ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑11 ta’ Diċembru 2019, Asociaţia de Proprietari bloc M5A‑ScaraA (C‑708/18, EU:C:2019:1064, punti 4052), u tas‑17 ta’ Ġunju 2021, M.I.C.M. (C‑597/19, EU:C:2021:492, punti 105, 106111) dwar it-tliet kundizzjonijiet kumulattivi ta’ pproċessar legali bbażat fuq l-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46 jew il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR.

    ( 64 ) Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert (C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punt 85).

    ( 65 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2019, Asociaţia de Proprietari bloc M5A‑ScaraA (C‑708/18, EU:C:2019:1064, punti 56 sa 59).

    ( 66 ) Ara s-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, GC et (Tneħħija tar-riferiment għal data sensittiva) (C‑136/17, EU:C:2019:773, punt 36).

    ( 67 ) Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità) (C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 118).

    ( 68 ) Ara s-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, Google (Portata territorjali tat-tneħħija ta’ riferiment) (C‑507/17, EU:C:2019:772, punt 67).

    ( 69 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 2021, M.I.C.M. (C‑597/19, EU:C:2021:492, punt 111).

    ( 70 ) L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 95/46 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu l‑ipproċessar ta’ data personali li tiżvela l-oriġini razzjali jew etnika, l-opinjonijiet politiċi, it‑twemmin reliġjuż jew filosofiku, is-sħubija sindakali, kif ukoll l-ipproċessar ta’ data dwar is‑saħħa u l-ħajja sesswali.

    ( 71 ) Nirrileva li, skont il-punt 4 tal-Artikolu 6 tal-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi, is-sħubija f’partiti politiċi u f’sindakati ma tagħmilx parti mit-tagħrif li għandu jidher fid-dikjarazzjoni ta’ interessi u l-kundizzjonijiet li fihom din l-informazzjoni tista’ tiġi żvelata indirettament ma humiex speċifikati mill-qorti tar-rinviju.

    ( 72 ) Il-Gvern Litwan jirreferi, f’dan ir-rigward, għal-Linji gwida 3/2019 dwar l-ipproċessar ta’ data personali permezz ta’ apparat video tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fid-data tad‑29 ta’ Jannar 2020 (https://edpb.europa.eu/sites/default/files/files/file1/edpb_guidelines_201903_video_devices_mt.pdf).

    ( 73 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2013, MA et (C‑648/11, EU:C:2013:367, punt 50 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

    ( 74 ) Għandu jiġi indikat li fir-rigward tad-“data dwar is-saħħa”, l-Artikolu 4(15) tal-GDPR jiddefinixxiha bħala d-data personali “relatata” mas-saħħa fiżika jew mentali ta’ persuna fiżika, inkluża l-provvista ta’ servizzi tal-kura tas-saħħa, “li tiżvela” informazzjoni rigward l-istat ta’ saħħitha, jiġifieri definizzjoni differenti u iktar wiesgħa minn dik li tinsab fl-Artikolu 8 tad‑Direttiva 95/46.

    ( 75 ) Għandi nirrileva n-natura simili tal-verżjonijiet bil-lingwa Taljana, Spanjola, Portugiża u Ingliża għall-verżjoni bil-Franċiż, b’differenza mill-verżjonijiet, iktar omoġenji, bil-lingwa Ġermaniża (“Die Verarbeitung personenbezogener Daten, aus denen die rassische und ethnische Herkunft, politische Meinungen, religiöse oder weltanschauliche Überzeugungen oder die Gewerkschaftszugehörigkeit hervorgehen, sowie die Verarbeitung von genetischen Daten […]”) u dik Estonjana (bl-użu tat-terminu “ilmneb” applikat għad-data sensittiva kollha).

    ( 76 ) Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46 u l-punt 1 tal-Artikolu 4 tal-GDPR.

    ( 77 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google (C‑131/12, EU:C:2014:317, punt 66).

    ( 78 ) Ara l-premessi 51 u 53 tal-GDPR.

    ( 79 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist (C‑101/01, EU:C:2003:596, punt 50).

    ( 80 ) Ara s-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, GC et (Tneħħija tar-riferiment ta’ data sensittiva) (C‑136/17, EU:C:2019:773, punt 44).

    ( 81 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google (C‑131/12, EU:C:2014:317, punt 58).

    ( 82 ) Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Privacy International (C‑623/17, EU:C:2020:790, punt 71).

    ( 83 ) Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE‑Kanada), tas‑26 ta’ Lulju 2017 (EU:C:2017:592).

    ( 84 ) L-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 95/46 jistabbilixxi li, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni xierqa, l-Istati Membri jistgħu, għall-finijiet ta’ interess pubbliku sostanzjali, jistabbilixxu eżenzjonijiet b’żieda ma’ dawk stabbiliti fil-paragrafu 2 permezz ta’ l-liġi nazzjonali tagħhom jew b’deċiżjoni tal-awtorità ta’ superviżjoni. L-Artikolu 9(2)(g) tal-GDPR jipprevedi li l-projbizzjoni ma tapplikax meta l-ipproċessar ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ interess pubbliku sostanzjali, fuq il-bażi tal-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, li għandha tkun proporzjonata mal-għan segwit, tirrispetta l-essenza tad-dritt għall-protezzjoni tad-data u tipprevedi miżuri xierqa u speċifiċi sabiex tissalvagwardja d-drittijiet fundamentali u l-interessi tal-persuna kkonċernata.

    ( 85 ) L-interpretazzjoni proposta tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 95/46 u tal-Artikolu 9(1) tal-GDPR ikollha l-konsegwenza li l-ipoteżi tat-tqegħid online ta’ data li tindika l-isem tal-konjuġi, tal‑konkubin jew tas-sieħeb tad-dikjarant taqa’ fil-projbizzjoni tal-ipproċessar ta’ data sensittiva prevista fl-Artikolu 10(2) tal-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi, u dan irendi mingħajr skop l-analiżi tiegħu fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura neċessarja tal-miżura inkwistjoni.

    Top