Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019TN0245

    Kawża T-245/19: Rikors ippreżentat fl-10 ta’ April 2019 — Uzina Metalurgica Moldoveneasca vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 230, 8.7.2019, p. 54–55 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    8.7.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 230/54


    Rikors ippreżentat fl-10 ta’ April 2019 — Uzina Metalurgica Moldoveneasca vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-245/19)

    (2019/C 230/68)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: Uzina Metalurgica Moldoveneasca OAO (Rîbnița, Moldova) (rappreżentanti: P. Vander Schueren u E. Gergondet, avukati)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tiddikjara r-rikors ammissibbli;

    tannulla Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/159 tal-31 ta’ Jannar 2019 (1) sa fejn japplika għar-rikorrenti; u

    tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tmien motivi.

    1.

    L-ewwel motiv jallega li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/159 huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u li kiser il-prinċipji ta’ ugwaljanza u nondikriminazzjoni billi applika miżuri definittivi ta’ salvagwardja għal importazzjonijiet li ġejjin mill-Moldova, filwaqt li importazzjonijiet komparabbli li joriġinaw f'pajjiżi li huma membri taż-Żona Ekonomika Ewropea kienu jiġu esklużi.

    2.

    It-tieni motiv jallega li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/159 jikser l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta' Marzu 2015 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet (2) billi applika miżuri definittivi ta’ salvagwardja għal importazzjonijiet li ġejjin mill-Moldova, anke jekk l-importazzjonijiet minn pajjiżi li qed jiżviluppaw, bħall-Moldova, kellhom jiġu esklużi mill-applikazzjoni ta’ tali miżuri.

    3.

    It-tielet motiv, sussidjarjament, jallega li l-konvenuta kisret il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u aspettattivi leġittimi, wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u kisret l-Artikolu 16 tar-Regolament 2015/478 billi naqset milli tevalwa jekk il-kundizzjonijiet għall-impożizzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja kinux ġew issodisfatti għal kull kategorija ta’ prodott li jifformaw il-prodott ikkonċernat separatament.

    4.

    It-tielet motiv, jallega li l-konvenuta wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni, li kisret id-dmir ta’ premura u li kisret l-Artikoli 9(1)(a) u 16 tar-Regolament 2015/478 billi kkunsidrat li ż-żieda fl-importazzjonijiet tal-prodott fl-Unjoni Ewropea kienet tiġġustifika l-impożizzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja.

    5.

    Il-ħames motiv jallega li l-konvenuta, meta stabbilixxiet l-eżistenza ta’ theddida ta’ dannu serju, wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni, kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, kisret id-dmir ta’ premura tagħha u kisret l-Artikoli 5(2), 9(2) u 16 tar-Regolament 2015/478.

    6.

    Is-sitt motiv jallega li l-konvenuta li l-konvenut wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u kisret l-Artikolu 16 tar-Regolament 2015/478 peress li ma stabilixxietx li ż-żieda fl-importazzjonijiet kienet tali li thedded li tikkawża dannu serju lill-industrija tal-Unjoni Ewropea u ma kinitx ikkunsidrat fatturi oħra li probabbilment jiġġustifikaw l-allegata theddida ta’ dannu serju.

    7.

    Is-seba’ motiv jallega li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2019/159 jikser l-Artikolu 16 tar-Regolament 2015/478 peress li l-konvenuta kellha nuqqas ta’ kompetenza u aġixxiet bi ksur tal-Artikolu5(1) tar-Regolament 2015/478 meta bdiet investigazzjoni ex officio li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2019/159.

    8.

    It-tmien motiv, jallega li l-konvenuta kisret id-dritt għal smigħ xieraq tar-rikorrenti billi naqset milli tiżvela informazzjoni essenzjali fir-rigward tal-evoluzzjoni tal-importazzjonijiet u s-sitwazzjoni tad-dannu lill-industrija tal-Unjoni Ewropea.


    (1)  1Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/159 tal-31 ta’ Jannar 2019 li jimponi miżuri definittivi ta’ salvagwardja kontra l-importazzjonijiet ta' ċerti prodotti tal-azzar (ĠU L 31, 1.2.2019, p. 27).

    (2)  Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2015 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet (ĠU L 83, 27.3.2015, p. 16).


    Top