Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0911

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-15 ta’ Lulju 2021.
    Fédération bancaire française (FBF) vs Autorité de contrôle prudentiel et de résolution (ACPR).
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Conseil d'État.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikoli 263 u 267 TFUE – Att tal-Unjoni mhux vinkolanti legalment – Stħarriġ ġudizzjarju – Linji gwida maħruġa mill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) – Arranġamenti għall-governanza u s-sorveljanza tal-prodotti għal prodotti bankarji bl-imnut – Validità – Kompetenza tal-EBA.
    Kawża C-911/19.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:599

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

    15 ta’ Lulju 2021 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikoli 263 u 267 TFUE – Att tal-Unjoni mhux vinkolanti legalment – Stħarriġ ġudizzjarju – Linji gwida maħruġa mill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) – Arranġamenti għall-governanza u s-sorveljanza tal-prodotti għal prodotti bankarji bl-imnut – Validità – Kompetenza tal-EBA”

    Fil-Kawża C‑911/19,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Diċembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Diċembru 2019, fil-proċedura

    Fédération bancaire française (FBF)

    vs

    Autorité de contrôle prudentiel u de résolution (ACPR),

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

    komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi Presidenta, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, E. Regan, M. Ilešič, L. Bay Larsen (Relatur), A. Kumin u N. Wahl, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, T. von Danwitz, C. Toader, L. S. Rossi, I. Jarukaitis u N. Jääskinen, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Bobek,

    Reġistratur: M. Krausenböck, amministratriċi,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Ottubru 2020,

    wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għall-Fédération bancaire française (FBF), minn F. Boucard, avocat,

    għall-Autorité de contrôle prudentiel u de résolution (ACPR), minn F. Rocheteau, avocat,

    għall-Gvern Franċiż, minn E. de Moustier u A. Daly, bħala aġenti,

    għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

    għall-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA), minn J. Overett Somnier, C. Carroll u I. Metin, bħala aġenti, assistiti minn B. Kennelly, QC, u minn R. Mehta, barrister,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Triantafyllou, V. Di Bucci u W. Mölls, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ April 2021,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 263 u 267 TFUE kif ukoll dwar il-validitá, fir-rigward tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU 2010, L 331, p. 12), kif emendat bid-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 (ĠU 2012, L 337, p. 35, rettifika fil-ĠU 2018, L 102, p. 97) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1093/2010”), tal-Linji gwida tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) tat-22 ta’ Marzu 2016 dwar l-arranġamenti għall-governanza u s-sorveljanza tal-prodotti għal prodotti bankarji bl-imnut (EBA/GL/2015/18) (iktar ’il quddiem il-“Linji gwida kontenzjużi”).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Fédération bancaire française (FBF) u l-Awtorità għas-Sorveljanza u r-Riżoluzzjoni Prudenzjali (ACPR), dwar l-adozzjoni, minn din tal-aħħar, ta’ opinjoni li permezz tagħha hija ddikjarat li tikkonforma ruħha mal-Linji gwida kontenzjużi.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-Direttiva 2007/64/KE

    3

    L-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE (ĠU 2007, L 319, p. 1, rettifika fil-ĠU 2009, L 187, p. 5), kien jistipula:

    “L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu awtorizzazzjoni biss jekk, b’kont meħud tal-ħtieġa li tiġi żgurata ġestjoni soda u prudenti ta’ istituzzjoni tal-ħlas, l-istituzzjoni tal-ħlas għandha arranġamenti ta’ governanza robusti għan-negozju tagħha ta’ servizzi ta’ ħlas, li jinkludi struttura organizzattiva ċara b’linji definiti sew, trasparenti u konsistenti ta’ responsabbiltà, proċeduri effettivi għall-identifikazzjoni, il-ġestjoni, il-monitoraġġ u r-rappurtar tar-riskji li għalihom hija esposta jew tista’ tkun esposta, u mekkaniżmi interni ta’ kontroll adegwati, inkluż proċeduri amministrattivi u ta’ kontabbilità sodi; dawn l-arranġamenti, proċeduri u mekkaniżmi għandhom ikunu komprensivi u proporzjonati għan-natura, l-iskala u l-kumplessità ta’ servizzi ta’ ħlas ipprovduti mill-istituzzjoni tal-ħlas.”

    Id-Direttiva 2009/110/KE

    4

    L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE (ĠU 2009, L 267, p. 7), tippreċiża:

    “Mingħajr preġudizzju għal din id-Direttiva, l-Artikoli 5 u10 sa 15, l-Artikolu 17(7) u l-Artikoli 18 sa 25 tad-Direttiva [2007/64] japplikaw għall-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi mutatis mutandis.”

    Ir-Regolament Nru 1093/2010

    5

    L-Artikolu 1(2), (3) u (5) tar-Regolament Nru 1093/2010 jipprovdi:

    “2.   L-[EBA] għandha taġixxi fi ħdan is-setgħat mogħtija minn dan ir-Regolament u fil-kamp ta’ applikazzjoni [tad-Direttiva 2009/110], […] [tad-Direttiva] 2013/36/UE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU 2013, L 176, p. 338, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 73, fil-ĠU 2017, L 20, p. 1, u fil-ĠU 2020, L 203, p. 95)] […], inklużi d-direttivi, ir-regolamenti u d-deċiżjonijiet kollha bbażati fuq dawk l-atti, u ta’ kwalunkwe att legalment vinkolanti ieħor tal-Unjoni li jikkonferixxi kompiti fuq l-[EBA]. […]

    3.   L-[EBA] għandha taġixxi wkoll fil-qasam tal-attivitajiet tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, il-konglomerati finanzjarji, il-kumpaniji tal-investiment, l-istituzzjonijiet ta’ pagament u l-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi fir-rigward ta’ kwistjonijiet li mhumiex koperti direttament fl-atti msemmija fil-paragrafu 2, inklużi kwistjonijiet ta’ governanza korporattiva, verifika u rappurtar finanzjarju, bil-kondizzjoni li dawn l-azzjonijiet mill-[EBA] jkunu meħtieġa biex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva u konsistenti ta’ dawk l-atti.

    […]

    5.   L-għan tal-[EBA] għandu jkun li tipproteġi l-interess pubbliku billi tikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-effettività fuq żmien qasir, medju u twil tas-sistema finanzjarja, għall-ekonomija tal-Unjoni, iċ-ċittadini u n-negozji tagħha. L-[EBA] għandha tikkontribwixxi sabiex:

    […]

    (e)

    jiġi żgurat li t-teħid ta’ riskji ta’ kreditu u riskji oħrajn ikunu regolati u sorveljati kif xieraq, u

    (f)

    tissaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumatur.

    […]”

    6

    L-Artikolu 8(1), (1a) u (2) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

    “1.   L-[EBA] għandu jkollha l-kompiti li ġejjin:

    (a)

    li tikkontribwixxi għall-istabbiliment ta’ standards u prattiki regolatorji u superviżorji komuni ta’ kwalità għolja, b’mod partikolari billi tipprovdi opinjonijiet lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u billi tiżviluppa linji gwida, rakkomandazzjonijiet, u abbozzi ta’ standards regolatorji u ta’ implimentazzjoni u miżuri oħra li għandhom ikunu bbażati fuq l-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2);

    […]

    (b)

    li tikkontribwixxi għall-applikazzjoni konsistenti tal-atti tal-Unjoni legalment vinkolanti, b’mod partikolari billi tikkontribwixxi lejn kultura superviżorja komuni, tiżgura applikazzjoni konsistenti, effiċjenti u effikaċi tal-atti msemmija fl-Artikolu 1(2) […];

    […]

    (h)

    li ssaħħaħ il-protezzjoni tad-depożitur u tal-investitur;

    […]

    1a.   Fit-twettiq tal-kompiti tagħha b’konformità ma’ dan ir-Regolament, l-[EBA] għandha:

    (a)

    tuża s-setgħat sħaħ disponibbli lilha; […]

    […]

    2.   Biex taqdi l-kompiti mniżżlin fil-paragrafu 1, l-[EBA] għandu jkollha s-setgħat stipulati f’dan ir-Regolament, b’mod partikolari s-setgħa li:

    […]

    (c)

    toħroġ linji gwida u rakkomandazzjonijiet, kif stipulat fl-Artikolu 16;

    […]”

    7

    L-Artikolu 15(4) tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

    “L-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati permezz ta’ regolamenti jew deċiżjonijiet. […]”

    8

    L-Artikolu 16(1) u (3) tar-Regolament Nru 1093/2010 jipprovdi:

    “1.   L-[EBA], sabiex tistabbilixxi prattiki superviżorji konsistenti, effiċjenti u effikaċi fi ħdan is-SESF [is-Sistema Ewropea ta’ Superviżjoni Finanzjarja], u biex tiżgura l-applikazzjoni komuni, uniformi u konsistenti tal-liġi tal-Unjoni, għandha toħroġ linji gwida u rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-awtoritajiet superviżorji kompetenti jew lill-istituzzjonijiet finanzjarji.

    […]

    3.   L-awtoritajiet kompetenti u l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom jagħmlu kull sforz sabiex jikkonformaw ma’ dawk il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet.

    Fi żmien xahrejn mill-ħruġ ta’ linja gwida jew rakkomandazzjoni, kull awtorità kompetenti għandha tikkonferma jekk tikkonformax jew jekk hijiex biħsiebha tikkonforma ma’ dik il-linja gwida jew rakkomandazzjoni. F’każ li awtorità kompetenti ma tikkonformax jew ma tkunx biħsiebha tikkonforma, għandha tinforma lill-[EBA] u tagħti r-raġunijiet tagħha.

    […]

    Jekk ikun meħtieġ minn din il-linja gwida jew rakkomandazzjoni, l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom jirrappurtaw, b’mod ċar u dettaljat, jekk jikkonformawx jew le ma’ din il-linja gwida jew rakkomandazzjoni.”

    Id-Direttiva 2013/36

    9

    L-Artikolu 74(1) sa (3) tad-Direttiva 2013/36 jipprovdi:

    “1.   L-istituzzjonijiet għandu jkollhom arranġamenti ta’ governanza robusti, li jinkludu struttura organizzattiva ċara b’linji ta’ responsabbiltà ddefiniti tajjeb, trasparenti u konsistenti, proċessi effikaċi għall-identifikazzjoni, il-ġestjoni, il-monitoraġġ u r-rappurtar tar-riskji li huma jew li jistgħu jkunu esposti għalihom, mekkaniżmi ta’ kontroll intern adegwati, inkluż proċeduri amministrattivi u kontabbilistiċi tajba, u politiki u prattiki ta’ rimunerazzjoni li jkunu konsistenti ma’ ġestjoni tar-riskji soda u effikaċi u jippromwovuha.

    2.   L-arranġamenti, il-proċessi u l-mekkaniżmi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu komprensivi u proporzjonati għan-natura, l-iskala u l-kumplessità tar-riskji inerenti fil-mudell tan-negozju u l-attivitajiet tal-istituzzjoni. Għandu jittieħed kont tal-kriterji tekniċi stabiliti fl-Artikoli 76 sa 95.

    3.   L-ABE għandha toħroġ linji gwida dwar l-arranġamenti, il-proċessi u l-mekkaniżmi msemmija fil-paragrafu 1, f’konformità mal-paragrafu 2.”

    Id-Direttiva 2014/17/UE

    10

    L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014 dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 60, p. 34, rettifika fil-ĠU 2015, L 246, p. 11) jipprovdi:

    “L-Istati Membri għandhom jesiġu li meta jiġu manifatturati prodotti ta’ kreditu jew meta jingħataw, jiġu intermedjati jew jiġu provduti servizzi konsultattivi dwar il-kreditu u, fejn ikun il-każ, servizzi anċillari lill-konsumaturi jew meta jiġi implimentat kuntratt ta’ kreditu, il-kreditur, l-intermedjarju tal-kreditu jew ir-rappreżentant maħtur jaġixxu onestament, b’ġustizzja, bi trasparenza u professjonalment, filwaqt li jqisu d-drittijiet u l-interessi tal-konsumaturi. B’rabta mal-għoti, l-intermedjar jew l-għoti ta’ servizzi konsultattivi dwar il-kreditu u fejn opportun, ta’ servizzi anċillari, l-attivitajiet għandhom ikunu bbażati fuq informazzjoni dwar iċ-ċirkostanzi tal-konsumatur u kwalunkwe ħtieġa speċifika li jsemmi konsumatur u fuq suppożizzjonijiet raġonevoli dwar ir-riskji għas-sitwazzjoni tal-konsumatur minħabba t-terminu tal-kuntratt ta’ kreditu. […]”

    11

    It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 29(2)(a) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

    “L-ABE għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards regolatorji tekniċi biex tistipula l-ammont monetarju minimu tal-assigurazzjoni għall-indennizz professjonali jew tal-garanzija paragunabbli msemmija fl-ewwel paragrafu ta’ dan il-punt biex jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni sal-21 ta’ Settembru 2014. L-ABE għandha tirrevedi, u jekk meħtieġ, tiżviluppa abbozz ta’ standards regolatorji tekniċi biex temenda l-ammont monetarju minimu tal-assigurazzjoni għall-indennizz professjonali jew tal-garanzija paragunabbli msemmija fl-ewwel paragrafu ta’ dan il-punt biex jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni għall-ewwel darba sal-21 ta’ Marzu 2018 u kull sentejn minn dakinhar ‘il quddiem.”

    12

    Skont l-Artikolu 34(2) u (4) tal-imsemmija direttiva:

    “2.   […]

    Fejn l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju ma jaqbilx ma’ tali azzjoni meħuda mill-Istat Membru ospitanti, hija tista’ tirreferi l-kwistjoni lill-ABE u titlob l-assistenza tagħha skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010. F’dak il-każ, l-ABE tista’ tieħu azzjoni skont is-setgħat ikkonferiti lilha b’dak l-Artikolu.

    […]

    4.   […]

    Meta l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tonqos milli tieħu kwalunkwe azzjoni fi żmien xahar minn meta tikseb dawk ir-riżultati jew fejn, minkejja l-azzjoni meħuda awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju, intermedjarju tal-kreditu jibqa’ jaġixxi b’mod li huwa manifestament ta’ preġudizzju għall-interessi [tal-konsumaturi] tal-Istat Membru ospitanti jew għall-funzjonament bl-ordni tas-swieq, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti:

    […]

    (a)

    tista’ tirreferi lill-ABE u titlob l-assistenza tagħha skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010. F’dak il-każ, l-ABE tista’ tieħu azzjoni skont is-setgħat ikkonferiti lilha b’dak l-Artikolu.”

    13

    L-Artikolu 37 tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

    “L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirreferu s-sitwazzjoni lill-ABE meta talba għal kooperazzjoni, partikolarment għal skambju ta’ informazzjoni, tkun ġiet irrifjutata jew ma tkunx ittieħdet azzjoni dwarha fi żmien raġonevoli, u jistgħu jitolbu l-għajnuna tal-ABE skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010. […]”

    Id-Direttiva 2015/2366

    14

    L-Artikolu 114 tad-Direttiva 2015/2366 jistipula:

    “Id-Direttiva 2007/64/KE hija mħassra b’effett mit-13 ta’ Jannar 2018.

    Kwalunkwe referenza għad-Direttiva mħassra għandha tinftiehem bħala referenza għal din id-Direttiva u għandha tinqara skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II għal din id-Direttiva.”

    Il-Linji gwida tal-EBA dwar il-governanza interna

    15

    Il-linja gwida 23 tal-Linji Gwida tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) tas-27 ta’ Settembru 2011 dwar il-Governanza Interna (EBA BS 2011 116 finali, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal-EBA dwar il-governanza interna”), tippreċiża li l-istituzzjonijiet ikkonċernati għandu jkollhom politika ta’ validazzjoni ta’ prodotti ġodda u tiddefinixxi l-karatteristiċi li din il-politika għandu jkollha.

    Il-Linji gwida kontenzjużi

    16

    Il-punt 2 tal-Linji gwida kontenzjużi jaqra:

    “Il-linji gwida jipprovdu l-fehma tal-EBA dwar prattiki superviżorji xierqa fis-Sistema Ewropea ta’ Superviżjoni Finanzjarja jew dwar kif il-liġi tal-Unjoni għandha tiġi applikata f’qasam partikolari. L-awtoritajiet kompetenti […] li għalihom japplikaw il-linji gwida għandhom jikkonformaw billi jinkorporawhom fil-prattiki superviżorji tagħhom kif xieraq (eż. billi jemendaw il-qafas legali tagħhom jew il-proċessi superviżorji tagħhom), inkluż fejn il-linji gwida huma diretti primarjament lejn l-istituzzjonijiet”.

    17

    L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

    “B’konformità mal-Artikolu 16(3) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, l-awtoritajiet kompetenti jridu jinnotifikaw lill-EBA dwar jekk jikkonformawx jew jekk hux beħsiebhom jikkonformaw ma’ dawn il-linji gwida, jew inkella bir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ konformità […]”

    18

    Skont il-punt 5 tal-imsemmija linji gwida:

    “Dawn il-Linji Gwida jindirizzaw it-twaqqif ta’ arranġamenti għall-governanza u s-sorveljanza tal-prodotti għall-manifatturi u d-distributuri bħala parti integrali mir-rekwiżiti organizzazzjonali ġenerali marbuta mas-sistemi ta’ kontroll intern tal-impriżi. Huma jirreferu għall-proċessi, il-funzjonijiet u l-istrateġiji interni mmirati biex jiddisinjaw il-prodotti, biex jintroduċuhom fis-suq u biex jirreveduhom matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom. Huma jistabbilixxu l-proċeduri rilevanti sabiex jiġi żgurat li jintlaħqu l-interessi, l-objettivi u l-karatteristiċi tas-suq fil-mira. Madankollu, dawn il-Linji Gwida ma jindirizzawx l-adegwatezza tal-prodotti għal konsumaturi individwali.”

    19

    Il-punt 6 tal-istess linji gwida huwa fformulat kif ġej:

    “Dawn il-Linji Gwida japplikaw għall-manifatturi u għad-distributuri ta’ prodotti offruti u mibjugħa lill-konsumaturi u jispeċifikaw l-arranġamenti għall-governanza u s-sorveljanza tal-prodotti fir-rigward ta’:

    L-Artikolu] 74(1) tad-Direttiva [2013/36], l-Artikolu 10(4) tad-Direttiva [2007/64] u l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva [2009/110], flimkien mal-Artikolu 10(4) tad-[Direttiva 2007/64]; u

    L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva [2014/17].”

    20

    Il-punti 11 sa 14 tal-Linji gwida kontenzjużi jindikaw l-awtoritajiet kompetenti li jikkostitwixxu d-destinatarji tagħhom.

    21

    Il-punt 15 ta’ dawn il-linji gwida jiddefinixxi, b’mod partikolari, il-kunċetti ta’ “manifattur” u ta’ “prodott” billi jirreferi għad-Direttivi 2009/110, 2007/64, 2013/36 u 2014/17.

    22

    Il-Linja gwida 1 tal-imsemmija Linji gwida tistipula:

    “1.1 Il-manifattur għandu jistabbilixxi, jimplimenta u jirrieżamina l-arranġamenti effettivi ta’ governanza u sorveljanza tal-prodotti. L-arranġamenti għandhom jimmiraw, meta l-prodotti jkunu qegħdin jiġu ddisinjati u jiddaħħlu fis-suq, (i) li jiżguraw li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi, l-objettivi u l-karatteristiċi tal-konsumaturi, (ii) li jiġi evitat id-detriment potenzjali għall-konsumaturi u (iii) li jitnaqqsu l-kunflitti ta’ interess.

    1.2 L-arranġament għall-governanza u s-sorveljanza tal-prodotti għandu jiġi rieżaminat u aġġornat mill-manifattur fuq bażi regolari.

    1.3 Meta jniedi prodott ġdid, il-manifattur għandu jiżgura li l-arranġamenti għall-governanza u s-sorveljanza tal-prodotti jiġu kkunsidrati fil-politika ġdida dwar l-approvazzjoni tal-prodotti (NPAP) skont il-Linja Gwida 23 tal-Linji Gwida tal-EBA dwar il-Governanza Interna […] f’każijiet fejn [japplikaw dawn tal-aħħar].

    […]”

    23

    Il-Linja gwida 2 tal-Linji gwida kontenzjużi tispeċifika:

    “2.1 Il-manifattur għandu jiżgura li l-arranġamenti għall-governanza u s-sorveljanza tal-prodotti jkunu parti integrali mill-qafas tiegħu ta’ governanza, ġestjoni tar-riskji u kontroll intern kif imsemmi [fil-Linji Gwida tal-EBA dwar il-Governanza Interna], fejn applikabbli. Għal dak il-għan, il-korp maniġerjali tal-manifattur għandu japprova t-twaqqif tal-arranġamenti u r-rieżamijiet sussegwenti.

    2.2 Il-maniġment superjuri, bl-appoġġ mir-rappreżentanti tal-funzjonijiet tal-ġestjoni tar-riskji u tal-konformità tal-manifattur, għandu jkun responsabbli mill-konformità interna kontinwa mal-arranġamenti għall-governanza u s-sorveljanza tal-prodotti. Huma għandhom jivverifikaw perjodikament li l-arranġamenti għall-governanza u s-sorveljanza tal-prodotti jkunu għadhom adegwati u jkomplu jissodisfaw l-objettivi stabbiliti fil-Linja Gwida 1.1 ta’ hawn fuq, filwaqt li jipproponu lill-korp maniġerjali sabiex jemenda l-arranġamenti jekk dan ma jkunx għadu l-każ.

    2.3 Ir-responsabbiltajiet għas-sorveljanza ta’ dan il-proċess mill-funzjoni tal-Kontroll tar-Riskji u mill-funzjoni tal-Konformità għandhom jiġu integrati fil-linja normali tad-dmirijiet tagħhom kif deskritt fil-Linji Gwida 25, 26 u 28 [tal-Linji Gwida tal-EBA dwar il-Governanza Interna], fejn applikabbli.

    2.4 Il-maniġment superjuri għandu jiżgura li l-membri tal-persunal involuti fid-disinn ta’ prodott ikunu familjari mal-arranġament tal-manifattur għall-governanza u s-sorveljanza tal-prodotti u jsegwuhom; ikunu kompetenti u mħarrġin kif xieraq; u jifhmu u jkunu familjari mal-karatteristiċi u r-riskji tal-prodott.”

    24

    Il-Linji gwida 3 sa 8 tal-Linji gwida kontenzjużi jistabbilixxu prinċipji dwar, rispettivament, is-suq fil-mira, l-ittestjar tal-prodotti, il-monitoraġġ tagħhom, l-azzjonijiet ta’ rimedju, il-mezzi ta’ distribuzzjoni u l-informazzjoni intiża għad-distributuri.

    25

    Il-Linji gwida 9 sa 12 tal-Linji gwida kontenzjużi jirrigwardaw l-arranġamenti għall-governanza u s-sorveljanza tal-prodotti mid-distributuri.

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    26

    Fit-8 ta’ Settembru 2017, l-ACPR ippubblikat, fuq is-sit internet tagħha, avviż li permezz tiegħu, minn naħa, iddikjarat li kienet konformi mal-linji gwida kontenzjużi u, min-naħa l-oħra, speċifikat li dawn il-linji gwida kienu applikabbli għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu, għall-istituzzjonijiet ta’ pagament u għall-istituzzjonijiet ta’ flus elettroniċi suġġetti għas-superviżjoni tagħha.

    27

    Fit‑8 ta’ Novembru 2017, il-FBF ippreżentat rikors quddiem il-Conseil d’État (il‑Kunsill tal-Istat, Franza) intiż għall-ksib tal-annullament ta’ dan l-avviż.

    28

    Insostenn tar-rikors tagħha, il-FBF sostniet li l-imsemmi avviż kien ibbażat fuq il-Linji gwida kontenzjużi u li l-EBA ma setgħetx, mingħajr ma tmur lil hinn mill-kompetenza tagħha, toħroġ dawn il-linji gwida.

    29

    Wara li kkonstatat li l-avviż tal-ACPR inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellha titqies bħala li tikkawża preġudizzju lill-FBF, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-FBF ma tistax tikkontesta, permezz ta’ eċċezzjoni, il-validità tal-linji gwida kontenzjużi fil-każ li hija tkun ġiet iddikjarata ammissibbli sabiex tippreżenta rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, kontra dawn il-linji gwida. Hija tistaqsi, konsegwentement, jekk tali rimedju kienx miftuħ, f’dan il-każ, għall-FBF.

    30

    Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkonkludi li dan ma kienx il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tevalwa l-validità, skont l-Artikolu 267 TFUE, tal-Linji gwida kontenzjużi u dwar l-ammissibbiltà ta’ kontestazzjoni, bħala eċċezzjoni, tal-validità ta’ dawn il-linji gwida minn federazzjoni professjonali li la hija kkonċernata direttament u lanqas individwalment mill-imsemmija linji gwida.

    31

    Li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis li l-FBF setgħet effettivament tikkontesta, quddiem qorti nazzjonali, il-validità tal-Linji gwida kontenzjużi, il-qorti tar-rinviju tqis li għandha tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda dwar jekk l-EBA eċċedietx il-kompetenzi tagħha billi ħarġet dawn il-linji gwida.

    32

    F’dan ir-rigward, din il-qorti tirrileva li l-ebda wieħed mill-atti tal-Unjoni msemmija fil-punt 6 tal-imsemmija linji gwida ma jinkludi dispożizzjoni dwar il-governanza tal-prodotti bankarji bl-imnut, ħlief fir-rigward tal-kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi relatati mal-proprjetajiet immobbli għal użu residenzjali. Barra minn hekk, l-ebda wieħed minn dawn l-atti ma jipprevedi xi dispożizzjoni li tawtorizza lill-EBA toħroġ linji gwida dwar il-governanza tal-prodotti għal prodotti bankarji bl-imnut.

    33

    Madankollu, ma huwiex eskluż li l-kompetenza tal-EBA sabiex toħroġ il-Linji gwida kontenzjużi tista’ tkun ibbażata fuq l-għanijiet assenjati lil din l-awtorità mill-Artikolu 1(5) tar-Regolament Nru 1093/2010 jew fuq il-missjoni ta’ sorveljanza tal-attivitajiet finanzjarji fdata lill-imsemmija awtorità skont l-Artikolu 9(2) ta’ dan ir-regolament.

    34

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Il-linji gwida maħruġa minn awtorità superviżorja Ewropea jistgħu jkunu s-suġġett tar-rikors għal annullament previst mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 263 TFUE? F’każ ta’ risposta fl-affermattiv, federazzjoni professjonali tista’ tikkontesta, permezz ta’ rikors għal annullament, il-validità ta’ linji gwida diretti lejn il-membri li tagħhom din tiddefendi l-interessi u li ma jikkonċernawha la direttament u lanqas individwalment?

    (2)

    F’każ ta’ risposta fin-negattiv għal waħda miż-żewġ domandi magħmula [fl-ewwel domanda], il-linji gwida maħruġa minn awtorità superviżorja Ewropea jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari previst mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 267 TFUE? F’każ ta’ risposta fl-affermattiv, federazzjoni professjonali tista’ tikkontesta, permezz ta’ eċċezzjoni, il-validità ta’ linji gwida diretti lejn il-membri li tagħhom din tiddefendi l-interessi u li ma jikkonċernawha la direttament u lanqas individwalment?

    3)

    F’każ li l-Fédération bancaire française tkun ammissibbli sabiex tikkontesta, permezz ta’ eċċezzjoni, il-linji gwida [kontenzjużi] [l-EBA] tkun, bil-ħruġ ta’ dawn il-linji gwida, eċċediet il-kompetenzi mogħtija lilha bir-Regolament […] Nru 1093/2010 […]?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel domanda

    Fuq l-ewwel parti tal-ewwel domanda

    35

    Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 263 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li atti bħal-Linji gwida kontenzjużi jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament skont dan l-artikolu.

    36

    Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-rikors għal annullament, previst fl-Artikolu 263 TFUE, huwa miftuħ fir-rigward tad-dispożizzjonijiet kollha adottati mill-istituzzjonijiet, mill-korpi jew mill-organi tal-Unjoni, tkun xi tkun il-forma tagħhom, li huma intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Frar 2018, Il-Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑16/16 P, EU:C:2018:79, punt 31, u tas-26 ta’ Marzu 2019, Il‑Kummissjoni vs L-Italja, C‑621/16 P, EU:C:2019:251, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    37

    Għall-kuntrarju, kull att tal-Unjoni li ma jipproduċix effetti legali vinkolanti ma jaqax taħt l-istħarriġ ġudizzjarju previst fl-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2006, Reynolds Tobacco et vs Il-Kummissjoni, C‑131/03 P, EU:C:2006:541, punt 55, kif ukoll tal-20 ta’ Frar 2018, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑16/16 P, EU:C:2018:79, punt 27).

    38

    Sabiex jiġi ddeterminat jekk att ikkontestat jipproduċix effetti legali vinkolanti, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu jsir riferiment għas-sustanza ta’ dan l-att u l-effetti tiegħu għandhom jiġu evalwati fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi, bħall-kontenut tal-imsemmi att, filwaqt li jittieħed kont, fejn xieraq, tal-kuntest tal-adozzjoni tiegħu kif ukoll tas-setgħat tal-istituzzjoni, tal-korp jew tal-organu tal-Unjoni li jkun adottah (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2017, Ir-Rumanija vs Il-Kummissjoni, C‑599/15 P, EU:C:2017:801, punt 48, u tal-20 ta’ Frar 2018, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑16/16 P, EU:C:2018:79, punt 32).

    39

    F’dan il-każ, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kontenut tal-linji gwida kontenzjużi jirriżulta, l-ewwel nett, mill-kliem tal-punt 2 ta’ dawn il-linji gwida, li jinsab taħt it-titolu “Status ta’ dawn il-linji gwida”, li dawn sempliċement jagħtu “l-fehma tal-EBA dwar prattiki superviżorji xierqa fis-[SESF] jew dwar kif il-liġi tal-Unjoni għandha tiġi applikata f’qasam partikolari”.

    40

    Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li l-linji gwida huma, b’mod ġenerali, ifformulati f’termini mhux imperattivi.

    41

    Fit-tielet lok, filwaqt li l-punti 11 sa 14 tal-Linji gwida kontenzjużi jispeċifikaw li d-destinatarji tagħhom huma biss l-awtoritajiet kompetenti msemmija f’dawn il-punti, il-punt 3 ta’ dawn il-linji gwida jistabbilixxi, billi jirreferi għall-Artikolu 16(3) tar-Regolament Nru 1093/2010, li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jindikaw lill-EBA jekk huma josservawx jew għandhomx l-intenzjoni li josservaw dawn il-linji gwida jew, fin-nuqqas ta’ dan, jindikaw ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ osservanza tal-imsemmija linji gwida.

    42

    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kuntest li jaqgħu fih il-Linji gwida kontenzjużi kif ukoll tas-setgħat tal-organu li huwa l-awtur tagħhom, qabel kollox għandu jiġi kkonstatat li, skont ir-Regolament Nru 1093/2010, il-linji gwida maħruġa mill-EBA huma suġġetti għall-istess sistema legali tar-“rakkomandazzjonijiet” maħruġa mill-EBA, li, skont il-ħames paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE ma jorbtux lid-destinatarji tagħhom, u għalhekk, bħala prinċipju, ma għandhomx saħħa vinkolanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Frar 2018, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑16/16 P, EU:C:2018:79, punt 30).

    43

    Sussegwentement, għalkemm huwa minnu li l-Artikolu 16(3) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li l-awtoritajiet kompetenti u l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom jagħmlu kull sforz sabiex josservaw il-linji gwida maħruġa mill-EBA, din id-dispożizzjoni madankollu tippreċiża li dawn l-awtoritajiet għandhom jindikaw jekk dawn josservawx jew għandhomx l-intenzjoni li josservaw dawn il-linji gwida u li, jekk dan ma jkunx il-każ, huma għandhom jinformaw lill-EBA bl-għażla tagħhom billi jimmotivaw id-deċiżjoni tagħhom.

    44

    Għaldaqstant, mill-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta li l-imsemmija awtoritajiet ma humiex obbligati jikkonformaw mal-imsemmija linji gwida, iżda li, kif ġie enfasizzat fil-punt 41 ta’ din is-sentenza f’dak li jirrigwarda speċifikament il-Linji gwida kontenzjużi, dawn l-istess awtoritajiet għandhom il-possibbiltà li ma jsegwuhomx, f’liema każ huma għandhom jimmotivaw il-pożizzjoni tagħhom.

    45

    Konsegwentement, il-linji gwida maħruġa mill-EBA ma jistgħux jitqiesu li jipproduċu effetti legali vinkolanti fir-rigward tal-awtoritajiet kompetenti (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Koninklijke KPN et, C‑28/15, EU:C:2016:692, punti 3435).

    46

    Bl-istess mod, il-linji gwida maħruġa mill-EBA ma jistgħux jitqiesu li jipproduċu, bħala tali, effetti vinkolanti fir-rigward tal-istabbilimenti finanzjarji, sa fejn ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 16(3) tar-Regolament Nru 1093/2010 jipprovdi li dawn għandhom biss jirrappurtaw, b’mod ċar u dettaljat, jekk jikkonformawx jew le ma’ dawn il-linji gwida.

    47

    Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li l-linji gwida maħruġa mill-EBA huma differenti, f’dan ir-rigward, mill-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni mfassla minn din l-awtorità li, skont l-Artikolu 15(4) ta’ dan ir-regolament, huma adottati permezz ta’ regolament jew ta’ deċiżjoni.

    48

    Għaldaqstant, jidher li, billi awtorizza lill-EBA toħroġ linji gwida u rakkomandazzjonijiet, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jagħti lil din l-awtorità setgħa ta’ inċitazzjoni u ta’ persważjoni distinta mis-setgħa li tadotta atti li għandhom saħħa vinkolanti (ara, b’analoġija, sentenza tal-20 ta’ Frar 2018, Il-Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑16/16 P, EU:C:2018:79, punt 26).

    49

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li l-Linji gwida kontenzjużi huma intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 36 ta’ din is-sentenza.

    50

    Fid-dawl ta’ dak suespost, ir-risposta għall-ewwel parti tal-ewwel domanda għandha għalhekk tkun illi l-Artikolu 263 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li atti bħal-linji gwida kontenzjużi ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament skont dak l-artikolu.

    Fuq it-tieni parti tal-ewwel domanda

    51

    Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel parti tal-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni parti ta’ din id-domanda.

    Fuq it-tieni domanda

    Fuq l-ewwel parti tat-tieni domanda

    52

    Permezz tal-ewwel parti tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 267 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li, bis-saħħa ta’ dan l-artikolu, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni li tevalwa l-validità ta’ atti bħal-linji gwida kontenzjużi.

    53

    Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, l-Artikolu 19(3)(b) TFUE u l-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE jipprevedu li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u dwar il-validità tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni mingħajr ebda eċċezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 1989, Grimaldi, C‑322/88, EU:C:1989:646, punt 8, u tal-20 ta’ Frar 2018, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑16/16 P, EU:C:2018:79, punt 44).

    54

    Għaldaqstant, minkejja li l-Artikolu 263 TFUE jeskludi l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-atti li ma għandhomx effetti legali vinkolanti, din tista’, skont l-Artikolu 267 TFUE, tevalwa l-validità ta’ tali atti meta hija tiddeċiedi b’mod preliminari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Frar 2018, Il-Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑16/16 P, EU:C:2018:79, punt 44).

    55

    Il-fatt li, kif jirriżulta mill-punti 39 sa 49 ta’ din is-sentenza, il-Linji gwida kontenzjużi huma nieqsa minn effetti legali vinkolanti ma huwiex għalhekk ta’ natura li jeskludi l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar il-validità tagħhom fil-kuntest ta’ din il-kawża.

    56

    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà setgħet tirrikonoxxi l-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tiddeċiedi, b’mod preliminari, dwar il-validità ta’ rakkomandazzjoni tal-EBA li ma għandhiex effetti legali vinkolanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Marzu 2021, Balgarska Narodna Banka, C‑501/18, EU:C:2021:249, punt 83).

    57

    Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel parti tat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni, skont dan l-artikolu, sabiex tevalwa l-validità ta’ atti bħalma huma l-linji gwida kontenzjużi.

    Fuq it-tieni parti tat-tieni domanda

    58

    Permezz tat-tieni parti tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni jimponix li l-ammissibbiltà, quddiem qorti nazzjonali, ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità kontra att tal-Unjoni tkun suġġetta għall-kundizzjoni li dan l-att ikun jikkonċerna direttament u individwalment lill-parti fil-kawża li tinvoka din l-eċċezzjoni.

    59

    Għandu jiġi rrilevat li, għalkemm ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jsemmi, fost l-atti tal-Unjoni li kontrihom persuna fiżika jew ġuridika tista’ tippreżenta rikors għal annullament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-atti li jikkonċernaw direttament u individwalment lil din il-persuna, din id-dispożizzjoni ma għandhiex l-għan li tiddetermina f’liema kundizzjonijiet il-validità ta’ att tal-Unjoni tista’ tiġi kkontestata quddiem il-qrati nazzjonali.

    60

    Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, permezz tal-Artikoli 263 u 277 tiegħu, minn naħa, u permezz tal-Artikolu 267 tiegħu, min-naħa l-oħra, it-Trattat FUE stabbilixxa sistema kompleta ta’ rimedji ġudizzjarji u ta’ proċeduri intiżi sabiex jiġi żgurat l-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-Unjoni, filwaqt li ħalla dan l-istħarriġ fir-responsabbiltà tal-qorti tal-Unjoni (sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il‑Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    61

    Għandu jingħad ukoll li huma l-Istati Membri li għandhom jipprevedu sistema ta’ rimedji u ta’ proċeduri li jippermettu li jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    62

    Fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan ir-rigward, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jidentifika, fl-osservanza tar-rekwiżit imsemmi fil-punt ta’ qabel dan kif ukoll mill-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza, il-qrati kompetenti, u li għandu jistabbilixxi l-modalitajiet proċedurali tar-rikorsi maħsuba sabiex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jgawdu bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il‑Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    63

    Għalkemm, għal dan il-għan, il-partijiet f’kawża għandhom jiġu ggarantiti, fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali, id-dritt li jikkontestaw quddiem qorti l-legalità ta’ kwalunkwe deċiżjoni jew ta’ kwalunkwe att nazzjonali ieħor dwar l-applikazzjoni fil-konfront tagħhom ta’ att tal-Unjoni ta’ portata ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il-Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata), mill-Artikolu 267 TFUE bl-ebda mod ma jirriżulta li dan jipprekludi li regoli nazzjonali jkunu jippermettu lill-partijiet f’kawża jinvokaw l-invalidità ta’ att tal-Unjoni ta’ portata ġenerali, permezz ta’ eċċezzjoni, quddiem qorti nazzjonali barra minn kawża dwar l-applikazzjoni ta’ tali att fir-rigward tagħhom.

    64

    Għall-kuntrarju, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li talba għal deċiżjoni preliminari għall-evalwazzjoni tal-validità għandha titqies li hija ammissibbli meta tkun tressqet fil-kuntest ta’ tilwima reali li fiha tqum kwistjoni dwar il-validità ta’ att tal-Unjoni b’mod inċidentali, anki jekk dan l-att ma kien is-suġġett ta’ ebda miżura ta’ applikazzjoni fir-rigward tal-persuna fil-kawża kkonċernata fil-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko et, C‑308/06, EU:C:2008:312, punti 3334; tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 29, kif ukoll tas-7 ta’ Frar 2018, American Express, C‑643/16, EU:C:2018:67, punt 30).

    65

    Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni parti tat-tieni domanda għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni ma jimponix li l-ammissibbiltà, quddiem qorti nazzjonali, ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità kontra att tal-Unjoni tkun suġġetta għall-kundizzjoni li dan l-att ikun jikkonċerna direttament u individwalment lill-parti fil-kawża li tinvoka din l-eċċezzjoni.

    Fuq it-tielet domanda

    66

    Permezz tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi dwar il-validità tal-Linji gwida kontenzjużi fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1093/2010 li jiddefinixxu l-kompetenzi tal-EBA.

    67

    Peress li mir-Regolament Nru 1093/2010 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni rregola s-setgħa tal-EBA li toħroġ linji gwida b’mod preċiż, abbażi ta’ kriterji oġġettivi, l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa għandu jkun jista’ jkun suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju rigoruż fid-dawl ta’ dawn il-kriterji oġġettivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2014, Ir-Renju Unit vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑270/12, EU:C:2014:18, punti 4153).

    68

    Il-fatt li l-Linji gwida kontenzjużi ma jipproduċux effetti legali vinkolanti, kif jirriżulta mill-punti 39 sa 49 ta’ din is-sentenza, ma huwiex tali li jaffettwa l-portata ta’ dan l-istħarriġ.

    69

    Fil-fatt, kif tfakkar fil-punti 43 u 48 ta’ din is-sentenza, il-ħruġ, mill-ABE, tal-linji gwida kontenzjużi huwa intiż li jeżerċita fuq l-awtoritajiet kompetenti u fuq l-istituzzjonijiet finanzjarji, setgħa ta’ inċentiv u ta’ persważjoni, peress li dawn għandhom jimplimentaw kollox sabiex josservaw dawn il-linji gwida u dawn l-awtoritajiet għandhom jindikaw jekk dawn josservawx dawn il-linji gwida jew għandhomx l-intenzjoni li josservawhom u, jekk dan ma huwiex il-każ, jimmotivaw il-pożizzjoni tagħhom.

    70

    B’mod partikolari, tali linji gwida jistgħu jwasslu lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jadottaw, bħall-ACPR fil-kawża prinċipali, atti tad-dritt nazzjonali li jinċentivaw lill-istituzzjonijiet finanzjarji jemendaw b’mod sinjifikattiv il-prattiki tagħhom jew jieħdu inkunsiderazzjoni, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-osservanza tal-linji gwida tal-EBA waqt l-eżami tas-sitwazzjoni individwali ta’ dawn l-istituzzjonijiet.

    71

    Il-qrati nazzjonali wkoll għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-linji gwida tal-EBA sabiex isolvu t-tilwim imressaq quddiemhom b’mod partikolari meta dawn il-linji gwida jkollhom, bħal-Linji gwida kontenzjużi, l-għan li jikkompletaw dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li huma ta’ natura vinkolanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 1989, Grimaldi, C‑322/88, EU:C:1989:646, punt 18, u tal-25 ta’ Marzu 2021, Balgarska Narodna Banka, C‑501/18, EU:C:2021:249, punt 80).

    72

    Barra minn hekk, jekk jiġi aċċettat li l-EBA tista’ liberament toħroġ linji gwida, indipendentement mill-qafas speċifiku stabbilit mil-leġiżlatur tal-Unjoni, dan ikun ta’ natura li jippreġudika t-tqassim tal-kompetenzi bejn l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni.

    73

    Ċertament, il-ħruġ mill-ABE ta’ linji gwida huwa bla ħsara għall-possibbiltà li għandu l-leġiżlatur tal-Unjoni li, fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilu mid-dritt primarju, jadotta att li għandu effetti legali vinkolanti li jistabbilixxi standards differenti mill-istandards irrakkomandati mill-EBA, li għalhekk jimplika l-esklużjoni tal-linji gwida kkonċernati.

    74

    Madankollu, dan il-fatt ma jistax jikkontesta r-rekwiżit, imfakkar fil-punt 67 ta’ din is-sentenza, li l-EBA hija obbligata taġixxi konformement mal-kuntest preċiż stabbilit, abbażi ta’ kriterji oġġettivi, minn dan il-leġiżlatur fir-Regolament Nru 1093/2010.

    75

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-EBA għandha kompetenza sabiex toħroġ linji gwida biss sa fejn espliċitament previst mil-leġiżlatur tal-Unjoni u li hija l-Qorti tal-Ġustizzja li, sabiex tirrispondi għat-tielet domanda, għandha tivverifika jekk il-Linji gwida kontenzjużi jaqgħux taħt il-kompetenzi tal-EBA, kif iddefiniti minn dan il-leġiżlatur.

    76

    Għal dan il-għan, għandu jiġi kkonstatat, f’dak li jirrigwarda l-portata tal-kompetenzi mogħtija lill-EBA mill-imsemmi leġiżlatur, li l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1093/2010 jipprovdi li l-EBA għandha taġixxi skont is-setgħat mogħtija lilha minn dan ir-regolament u fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ sensiela ta’ atti elenkati f’din id-dispożizzjoni, inklużi d-direttivi, ir-regolamenti u d-deċiżjonijiet kollha bbażati fuq dawn l-atti, kif ukoll għal kwalunkwe att legalment vinkolanti ieħor li jikkonferixxi kompiti lill-EBA.

    77

    L-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 1093/2010 jipprevedi li l-EBA għandha taġixxi, barra minn hekk, fil-qasam tal-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, tal-konglomerati finanzjarji, tad-ditti tal-investiment, tal-istituzzjonijiet ta’ pagament u tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi, għall-kwistjonijiet li ma humiex koperti direttament mill-atti msemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament, inkluż f’dak li jirrigwarda l-kwistjonijiet marbuta mal-governanza korporattiva, verifika u rappurtar finanzjarju, bil-kundizzjoni li dawn l-azzjonijiet tal-EBA jkunu meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva u konsistenti ta’ dawk l-atti.

    78

    Fir-rigward b’mod iktar preċiż tas-setgħa tal-EBA li toħroġ linji gwida, l-Artikolu 8(1)(a) tar-Regolament Nru 1093/2010 jipprevedi li l-EBA hija inkarigata li tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ standards u ta’ prattiki komuni ta’ kwalità għolja fil-qasam tar-regolamentazzjoni u tas-sorveljanza, b’mod partikolari billi tiżviluppa linji gwida u rakkomandazzjonijiet ibbażati fuq l-atti leġiżlattivi tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament.

    79

    L-Artikolu 8(2)(c) tar-Regolament Nru 1093/2010 jipprovdi, min-naħa tiegħu, li, għall-eżekuzzjoni “tal-kompiti” elenkati fl-Artikolu 8(1) tiegħu, l-EBA għandha l-kompetenza sabiex toħroġ linji gwida u rakkomandazzjonijiet skont il-modalitajiet previsti fl-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament filwaqt li l-Artikolu 8(1a) tal-imsemmi regolament jispeċifika li, fl-eżerċizzju tal-kompiti tagħha skont l-imsemmi regolament, l-EBA għandha tuża s-setgħat kollha mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħha.

    80

    F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li, fost il-kompiti mogħtija lill-EBA jinsabu, fost oħrajn, konformement mal-Artikolu 8(1)(b) u (h) tar-Regolament Nru 1093/2010, dak li tikkontribwixxi għall-applikazzjoni armonizzata tal-atti legalment vinkolanti tal-Unjoni, b’mod partikolari billi tipparteċipa fl-istabbiliment ta’ prattika komuni fil-qasam tas-sorveljanza, filwaqt li tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti, effiċjenti u effettiva tal-atti msemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament, kif ukoll dak li ssaħħaħ il-protezzjoni tad-depożituri u tal-investituri.

    81

    Barra minn hekk, l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1093/2010, li jagħmel riferiment għall-Artikolu 8(2)(c) tiegħu, u li l-linji gwida jsemmu bħala li jikkostitwixxi l-bażi legali tagħhom, fil-paragrafu 1 tiegħu jipprevedi li, sabiex jiġu stabbiliti prattiki ta’ superviżjoni konsistenti, effiċjenti u effikaċi fi ħdan is-SESF u sabiex tiġi żgurata applikazzjoni komuni, uniformi u konsistenti tad-dritt tal-Unjoni, l-EBA għandha toħroġ linji gwida u rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-awtoritajiet kompetenti jew lill-istituzzjonijiet finanzjarji.

    82

    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 1(5) tar-Regolament Nru 1093/2010, l-EBA għandha l-għan li tipproteġi l-interess pubbliku billi tikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-effettività fuq żmien qasir, medju u twil tas-sistema finanzjarja, għall-ekonomija tal-Unjoni, għaċ-ċittadini tagħha u għan-negozji tagħha. L-Artikolu 1(5)(e) u (f) ta’ dan ir-regolament jippreċiża wkoll li l-EBA għandha tikkontribwixxi, b’mod partikolari, sabiex jiġi żgurat li t-teħid ta’ riskji ta’ kreditu jew riskji oħra jiġi rregolat u ssorveljat b’mod xieraq, u għandha tikkontribwixxi sabiex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-klijent.

    83

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-validità ta’ linji gwida maħruġa mill-EBA hija suġġetta għall-osservanza tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1093/2010 li jirregolaw speċifikament is-setgħa tal-EBA li toħroġ linji gwida, iżda wkoll għall-inklużjoni ta’ dawn il-linji gwida fil-kamp ta’ azzjoni tal-EBA li l-Artikolu 1(2) u (3) ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi b’riferiment għall-applikazzjoni ta’ ċerti atti tal-Unjoni, kif jikkonferma barra minn hekk il-fatt li l-Artikolu 8(1)(a) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li l-linji gwida adottati mill-EBA għandhom ikunu bbażati fuq l-atti tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1(2) tal-imsemmi regolament.

    84

    Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 77 u 80 sa 82 ta’ din is-sentenza, l-EBA tista’, sabiex tiżgura applikazzjoni komuni, uniformi u konsistenti tad-dritt tal-Unjoni, toħroġ linji gwida dwar l-obbligi ta’ superviżjoni prudenzjali fuq l-istituzzjonijiet ikkonċernati, b’mod partikolari sabiex jiġu protetti l-interessi tad-depożituri u tal-investituri permezz ta’ qafas adegwat għat-teħid ta’ riskji finanzjarji, peress li xejn fir-Regolament Nru 1093/2010 ma jippermetti li jitqies li minn din is-setgħa huma esklużi miżuri relatati mad-disinjar u mat-tqegħid fis-suq tal-prodotti, sa fejn dawn il-miżuri jaqgħu fil-kamp ta’ azzjoni tal-EBA, kif ippreċiżat fil-punt 83 ta’ din is-sentenza.

    85

    F’dan il-każ, fir-rigward tal-kontenut tal-linji gwida kontenzjużi, mill-punt 5 ta’ dawn il-linji gwida, intitolat “Suġġett”, jirriżulta li dawn jirrigwardaw it-twaqqif ta’ arranġamenti għall-governanza u għas-sorveljanza tal-prodotti, bħala parti integrali mir-rekwiżiti organizzattivi marbuta mas-sistemi ta’ kontroll intern tal-impriżi, kif ukoll il-proċeduri, il-funzjonijiet u l-istrateġiji interni intiżi sabiex jiddisinjaw il-prodotti, li jqegħiduhom fis-suq u li jsegwuhom matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tagħhom. Dan il-punt 5 jippreċiża wkoll li dawn il-linji gwida għandhom l-għan li jistabbilixxu proċeduri li jippermettu li jiġi żgurat li l-interessi, l-għanijiet u l-karatteristiċi tas-suq fil-mira jiġu ssodisfatti.

    86

    Għal dan il-għan, l-ewwel nett, il-Linja Gwida 1 tal-Linji gwida kontenzjużi tipprevedi li l-arranġamenti għall-governanza u għas-sorveljanza tal-prodotti implementati għandu jkollhom bħala għan, meta prodotti jkunu ddisinjati u mqiegħda fis-suq, b’mod partikolari li l-interessi, l-għanijiet kif ukoll il-karatteristiċi tal-konsumaturi jittieħdu inkunsiderazzjoni u li jiġi evitat kull dannu potenzjali għall-konsumaturi.

    87

    Din il-gwida tirrakkomanda wkoll ir-rieżami u l-aġġornament regolari tal-arranġamenti għall-governanza u għas-sorveljanza tal-prodotti kif ukoll l-integrazzjoni tagħhom fil-politika ta’ approvazzjoni tal-prodotti l-ġodda tal-istituzzjonijiet ikkonċernati, li hija s-suġġett tal-Linja Gwida 23 tal-Linji gwida tal-EBA dwar il-governanza interna, bħala rekwiżit relatat ma’ din il-governanza bl-għan li tiġi żgurata l-ġestjoni tar-riskji.

    88

    Sussegwentement, il-Linja Gwida 2 tal-Linji gwida kontenzjużi tinkoraġġixxi, b’mod iktar wiesa’, lil dawn l-istituzzjonijiet sabiex jintegraw l-arranġamenti ta’ governanza u ta’ sorveljanza tal-prodotti fil-kuntest ta’ governanza, ta’ ġestjoni tar-riskji u ta’ kontroll intern tagħhom. Hija tippreċiża wkoll ir-rwol li għandhom jingħataw lill-korpi differenti tal-imsemmija istituzzjonijiet għal dan il-għan, billi tirreferi, għal darba oħra, għal diversi aspetti tal-Linji gwida tal-EBA dwar il-governanza interna. B’mod partikolari, il-Linja Gwida 2.4 tippreċiża li l-maniġment superjuri għandu jiżgura li l-membri tal-persunal involuti fil-ħolqien ta’ prodott ikunu familjari mal-arranġament tal-manifattur għall-governanza u s-sorveljanza tal-prodotti u jsegwuhom, ikunu kompetenti u mħarrġin kif xieraq, u jifhmu u jkunu familjari mal-karatteristiċi u r-riskji tal-prodott.

    89

    Fl-aħħar nett, f’dan il-kuntest, minn naħa, il-Linji Gwida 3 sa 8 tal-Linji gwida kontenzjużi jikkonkretizzaw l-arranġamenti ta’ governanza u ta’ superviżjoni li għandhom, skont dawn il-linji gwida, jiġu integrati fil-mekkaniżmu ta’ governanza interna tal-istituzzjonijiet ikkonċernati.

    90

    B’mod iktar preċiż, dawn il-Linji Gwida 3 sa 8 jinċitaw it-teħid ta’ diversi miżuri sabiex jiġi żgurat li d-disinjar u t-tqegħid fis-suq ta’ prodott ikunu xierqa fir-rigward tas-suq fil-mira rilevanti, li dan il-prodott jiġi ttestjat, isir monitoraġġ tiegħu, tittieħed azzjoni ta’ rimedju fil-konfront tiegħu u jiġi ddistribwit permezz ta’ mezzi adegwati u li jkun akkumpanjat minn informazzjoni intiża għad-distributuri. Huwa għalhekk li l-Linja Gwida 3.3 tippreċiża li l-manifattur għandu jiddisinja u jqiegħed fis-suq biss prodotti b’karatteristiċi, ħlasijiet u riskji li jissodisfaw l-interessi, l-għanijiet u l-karatteristiċi tas-suq fil-mira speċifiku identifikat għall-prodott, u għall-benefiċċju tas-suq fil-mira.

    91

    L-imsemmija Linji Gwida 3 sa 8 jippreċiżaw għalhekk aspetti differenti tal-proċeduri li għandhom jiġu implimentati, fi ħdan l-istituzzjonijiet ikkonċernati, sabiex jiġi żgurat kontroll suffiċjenti tad-disinn u tat-tqegħid fis-suq tal-prodotti u b’hekk jiġu kkontrollati r-riskji li jirriżultaw minnhom.

    92

    Min-naħa l-oħra, il-linji gwida 9 sa 12 tal-Linji gwida kontenzjużi jiddefinixxu, għad-distributuri, standards komparabbli għal dawk imsemmija fil-Linji Gwida 3 sa 8 tal-Linji gwida kontenzjużi f’dak li jirrigwarda l-manifatturi.

    93

    Fuq din il-bażi, għandu jiġi evalwat, fl-ewwel lok, jekk il-Linji gwida kontenzjużi jaqgħux taħt il-kamp ta’ azzjoni tal-EBA, kif iddefinit fl-Artikolu 1(2) u (3) tar-Regolament Nru 1093/2010.

    94

    F’dan ir-rigward, mill-punti 76, 77 u 83 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-validità ta’ linji gwida maħruġa mill-EBA, li, bħal-Linji gwida kontenzjużi, jikkonċernaw kwistjonijiet marbuta mal-governanza korporattiva, hija suġġetta għall-kundizzjoni li dawn ikunu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ mill-inqas wieħed mill-atti msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1093/2010 jew li jkunu neċessarji sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti u effikaċi ta’ tali att.

    95

    Mill-punt 6 tal-Linji gwida kontenzjużi jirriżulta li dawn jippreċiżaw l-arranġamenti għall-governanza u għas-sorveljanza tal-prodotti fir-rigward tal-Artikolu 74(1) tad-Direttiva 2013/36, tal-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2007/64, tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/110 u tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2014/17.

    96

    Issa, dawn id-direttivi kollha għandhom jitqiesu li jikkostitwixxu atti msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1093/2010.

    97

    Qabel kollox, id-Direttivi 2013/36 u 2009/110 jissemmew espliċitament f’din id-dispożizzjoni.

    98

    Sussegwentement, għalkemm id-Direttiva 2007/64 ma kinitx, min-naħa l-oħra, imsemmija fil-verżjoni tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1093/2010 applikabbli fid-data tal-ħruġ tal-Linji gwida kontenzjużi, għandu jiġi enfasizzat, minn naħa, li f’din il-verżjoni ta’ din id-dispożizzjoni kienet imsemmija d-Direttiva 2015/2366, li ssostitwixxiet lid-Direttiva 2007/64, u, min-naħa l-oħra, li din l-aħħar direttiva kienet imsemmija fil-verżjoni tal-imsemmija dispożizzjoni applikabbli qabel it-12 ta’ Jannar 2016.

    99

    Għalhekk jidher li, wara żball materjali, il-leġiżlatur tal-Unjoni ssostitwixxa riferiment għad-Direttiva 2007/64 b’riferiment għad-Direttiva 2015/2366, mingħajr ma ħa inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ewwel waħda minn dawn id-direttivi tħassret biss, skont l-Artikolu 114 tagħha, bit-tieni waħda minnhom b’effett mit-13 ta’ Jannar 2018.

    100

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi interpretat li r-riferiment għad-Direttiva 2015/2366 li kien jinsab fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1093/2010 fid-data tal-ħruġ tal-Linji gwida kontenzjużi għandu jiġi interpretat bħala li jirreferi, f’din id-data, għad-Direttiva 2007/64.

    101

    Fl-aħħar nett, għalkemm id-Direttiva 2014/17 lanqas ma hija msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1093/2010, l-Artikolu 29(2)(a), l-Artikolu 34(2) u (4) kif ukoll l-Artikolu 37 tagħha jipprevedu li l-EBA għandha tieħu diversi miżuri sabiex tiżgura l-eżekuzzjoni ta’ din id-direttiva, b’tali mod li din id-direttiva, sa fejn tagħti kompiti lill-EBA, għandha titqies li hija att imsemmi fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1093/2010.

    102

    Konsegwentement, hija għal darb’oħra l-Qorti tal-Ġustizzja li, sabiex tirrispondi għat-tielet domanda, għandha tivverifika jekk il-Linji gwida inkwistjoni jaqgħux tabilħaqq fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttivi msemmija fil-punt 6 ta’ dawn il-linji gwida jew jekk humiex neċessarji sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti u effikaċi ta’ dawn id-direttivi.

    103

    Fir-rigward, l-ewwel nett, tad-Direttiva 2013/36, l-Artikolu 74(1) tagħha jipprovdi li l-istituzzjonijiet li hija tirrigwarda għandu jkollhom arranġamenti ta’ governanza korporattiva robusti, li jinkludu, b’mod partikolari, struttura organizzattiva ċara b’linji ta’ tqassim tar-responsabbiltà ddefiniti tajjeb, trasparenti u konsistenti, proċessi effikaċi għall-identifikazzjoni, il-ġestjoni, il-monitoraġġ u r-rappurtar tar-riskji li huma jew li jistgħu jkunu esposti għalihom, mekkaniżmi ta’ kontroll intern adegwati, inkluż proċeduri amministrattivi u kontabbilistiċi tajba, kif ukoll politiki u prattiki ta’ rimunerazzjoni li jippermettu ġestjoni tar-riskji soda u effettiva u li jippromwovuha.

    104

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif sostnew l-EBA u l-ACPR, it-tqegħid fis-suq, minn istituzzjonijiet finanzjarji, ta’ prodotti bankarji ddisinjati u mqiegħda fis-suq mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi tas-swieq fil-mira kif ukoll dawk tal-konsumaturi kkonċernati jista’ joħloq riskji kunsiderevoli għal dawn l-istituzzjonijiet, b’mod partikolari billi jesponihom għal spejjeż kunsiderevoli marbuta mal-iskattar tar-responsabbiltà tagħhom u mal-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet fir-rigward tagħhom.

    105

    Barra minn hekk, din il-konstatazzjoni hija riflessa fir-rapport finali tal-EBA, tal-15 ta’ Lulju 2015, fuq il-Linji gwida kontenzjużi, li barra minn hekk jenfasizza li l-aġir tal-istituzzjonijiet finanzjarji, inkluż f’dak li jirrigwarda l-bejgħ bl-imnut, jikkonċerna l-awtoritajiet regolatorji mhux biss f’perspettiva ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, iżda wkoll f’perspettiva prudenzjali u b’rabta mal-għan li tiġi promossa l-fiduċja fis-swieq, l-istabbiltà finanzjarja u l-integrità tas-sistema finanzjarja fil-livell nazzjonali u dak Ewropew.

    106

    Peress li l-Linji gwida kontenzjużi huma intiżi, kif jirriżulta mill-punti 86 sa 92 ta’ din is-sentenza, sabiex jiddefinixxu b’liema mod l-istituzzjonijiet ikkonċernati għandhom jinkludu modalitajiet ta’ governanza u ta’ sorveljanza tal-prodotti, intiżi sabiex jiżguraw it-teħid inkunsiderazzjoni tal-karatteristiċi tas-swieq imsemmija kif ukoll ta’ dawk tal-konsumaturi kkonċernati, fl-istrutturi tagħhom u fil-proċeduri interni tagħhom, dawn il-linji gwida għandhom jitqiesu bħala li jistabbilixxu prinċipji intiżi sabiex jiggarantixxu proċessi effikaċi għall-identifikazzjoni, ta’ ġestjoni u ta’ monitoraġġ tar-riskji kif ukoll mekkaniżmi adegwati ta’ kontroll intern, fis-sens tal-Artikolu 74(1) tad-Direttiva 2013/36, bil-għan li jiggarantixxu l-eżistenza ta’ arranġamenti robusti ta’ governanza korporattiva meħtieġa f’din id-dispożizzjoni.

    107

    Barra minn hekk, peress li l-Artikolu 74(3) ta’ din id-direttiva jipprevedi espliċitament li l-EBA għandha tikkonforma ruħha mal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, waqt il-ħruġ ta’ linji gwida dwar l-arranġamenti, il-proċessi u l-mekkaniżmi msemmija fl-Artikolu 74(1) tal-imsemmi artikolu, għandu jiġi enfasizzat li l-integrazzjoni f’dawn il-proċessi u dawn il-mekkaniżmi ta’ elementi intiżi sabiex jieħdu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni fis-swieq fil-mira għandha titqies bħala li tagħmel parti mill-adattament, meħtieġ fl-Artikolu 74(2) ta’ din id-direttiva, tal-imsemmija proċessi u tal-imsemmija mekkaniżmi għall-kumplessità tar-riskji inerenti għall-mudell tan-negozju u għall-attivitajiet tal-istituzzjoni.

    108

    Dawn il-konstatazzjonijiet la huma kkontestati mill-fatt li l-Linji gwida kontenzjużi huma marbuta speċifikament mal-governanza u mas-sorveljanza tal-prodotti, u lanqas mill-post partikolari li dawn il-linji gwida jagħtu lill-interessi, lill-għanijiet u lill-karatteristiċi tal-konsumaturi, anki jekk dawn l-elementi ma humiex imsemmija direttament fl-Artikolu 74 tad-Direttiva 2013/36.

    109

    Minn naħa, kif ġie enfasizzat fil-punt 5 tal-Linji gwida kontenzjużi, dawn ma jikkonċernawx in-natura xierqa tal-prodotti għall-konsumaturi meħuda individwalment.

    110

    Għall-kuntrarju, mill-punti 86 sa 92 ta’ din is-sentenza jirriżulta li dawn il-linji gwida jirreferu għall-interessi, għall-għanijiet u għall-karatteristiċi tal-konsumaturi biss sabiex jiġi żgurat it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn l-interessi, ta’ dawn l-għanijiet u ta’ dawn il-karatteristiċi fil-proċessi ta’ ġestjoni tar-riskji u l-mekkaniżmi ta’ governanza interna tal-istituzzjonijiet ikkonċernati.

    111

    Min-naħa l-oħra, għandu ċertament jiġi rrilevat li l-kriterji tekniċi ddefiniti fl-Artikoli 76 sa 95 tad-Direttiva 2013/36, li għalihom jirreferi l-Artikolu 74(2) tagħha, la jirreferu speċifikament għall-governanza u għas-sorveljanza tal-prodotti u lanqas għall-interessi, għall-għanijiet u għall-karatteristiċi tal-konsumaturi.

    112

    Madankollu, il-fatt li, skont dan l-Artikolu 74(2), għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn il-kriterji tekniċi ma jistax jimplika li l-arranġament robust ta’ governanza msemmi fl-Artikolu 74(1) ta’ din id-direttiva għandu jkun esklużivament iddefinit fuq il-bażi tal-imsemmija kriterji tekniċi.

    113

    Minn dan isegwi li l-Linji gwida kontenzjużi jistgħu jitqiesu li huma neċessarji sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti u effikaċi tal-Artikolu 74(1) tad-Direttiva 2013/36.

    114

    Fit-tieni lok, l-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2007/64 jimponi, f’dak li jikkonċerna l-istituzzjonijiet li għandhom l-intenzjoni jipprovdu servizzi ta’ ħlas, obbligi fformulati bl-istess kliem bħal dawk stabbiliti fl-Artikolu 74(1) tad-Direttiva 2013/36.

    115

    Għaldaqstant, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 103 sa 110 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Linji gwida kontenzjużi, li, fost prodotti oħra, ikopru s-servizzi ta’ ħlas, jistgħu jitqiesu bħala neċessarji sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti u effikaċi tal-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2007/64.

    116

    Fit-tielet lok, l-istess japplika fir-rigward tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/110, peress li din id-dispożizzjoni sempliċement tipprevedi l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet ta’ flus elettroniċi ta’ ċerti artikoli tad-Direttiva 2007/64, fosthom l-Artikolu 10 tagħha.

    117

    Fir-raba’ lok, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2014/17 jipprovdi, b’mod partikolari, li, fil-kuntest tat-tfassil, tal-għoti, tal-intermedjazzjoni jew tal-provvista ta’ servizzi konsultattivi dwar formuli ta’ kreditu lill-konsumaturi relatati mal-beni immobbli għal użu residenzjali, il-kredituri, l-intermedjarji ta’ kreditu jew ir-rappreżentanti maħtura għandhom jaġixxu b’mod onest, ġust, trasparenti u professjonali, filwaqt li jqisu d-drittijiet u l-interessi tal-konsumaturi.

    118

    Din id-dispożizzjoni tippreċiża wkoll li, f’dak li jikkonċerna l-għoti, l-intermedjazzjoni jew il-provvista ta’ servizzi konsultattivi relatati ma’ tali krediti, l-attivitajiet għandhom ikunu bbażati fuq l-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-konsumatur u fuq kwalunkwe ħtieġa speċifika li jsemmi l-konsumatur, u kif ukoll fuq suppożizzjonijiet raġonevoli dwar ir-riskji għas-sitwazzjoni tal-konsumatur matul il-kuntratt ta’ kreditu.

    119

    Issa, qabel kollox, għandu jitfakkar li l-Linja Gwida 1 tal-Linji gwida inkwistjoni tippreċiża li l-arranġamenti ta’ governanza u ta’ sorveljanza tal-prodotti deskritti għandu jkollhom l-għan li jiżguraw li, meta prodotti jiġu ddisinjati u mqiegħda fis-suq, l-interessi, l-għanijiet kif ukoll il-karatteristiċi tal-konsumaturi jittieħdu inkunsiderazzjoni u li jiġi evitat kull dannu potenzjali għall-konsumaturi.

    120

    Sussegwentement, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi, tal-għanijiet u tal-karatteristiċi tas-suq jew tas-swieq fil-mira, li huwa s-suġġett tal-Linji gwida 3 u 11 tal-Linji gwida kontenzjużi, jippreżupponi li tiġi ddeterminata u sussegwentement inkluża fil-proċess deċiżjonali s-sitwazzjoni tal-konsumaturi preżenti f’dawn is-swieq.

    121

    Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li l-miżuri konkreti msemmija fil-Linji Gwida 4, 5, 7, 9 u 12 huma ddefiniti b’riferiment espliċitu għat-teħid inkunsiderazzjoni, fi stadji differenti tad-disinjar u tat-tqegħid fis-suq, tal-prodotti inkwistjoni, tal-interessi, tal-għanijiet u tal-karatteristiċi tal-konsumaturi.

    122

    Għalhekk, il-Linji gwida kontenzjużi jistgħu jitqiesu bħala neċessarji sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti u effikaċi tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2014/17.

    123

    Għaldaqstant, il-linji gwida kontenzjużi għandhom jitqiesu li jaqgħu fil-kamp ta’ azzjoni tal-EBA, kif iddefinit, b’mod ġenerali, fl-Artikolu 1(2) u (3) tar-Regolament Nru 1093/2010.

    124

    Fit-tieni lok, għandu jiġi ddeterminat jekk il-Linji gwida kontenzjużi jaqgħux taħt il-qafas speċifiku stabbilit mil-leġiżlatur tal-Unjoni għall-eżerċizzju tas-setgħa tal-EBA li toħroġ linji gwida.

    125

    F’dan ir-rigward, jidher, fl-ewwel lok, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-elementi esposti fil-punti 119 sa 121 ta’ din is-sentenza, li l-Linji gwida kontenzjużi għandhom l-għan li jikkontribwixxu għall-protezzjoni tal-konsumaturi kif ukoll għal dik tad-depożituri u tal-investituri, imsemmija fl-Artikolu 1(5)(f) u fl-Artikolu 8(1)(h) tar-Regolament Nru 1093/2010.

    126

    Fit-tieni lok, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 104 u 110 ta’ din is-sentenza, il-Linji gwida kontenzjużi għandhom ukoll jintrabtu mal-funzjonijiet mogħtija lill-EBA, konformement mal-Artikolu 1(5)(e), f’dak li jirrigwarda r-regolamentazzjoni tat-teħid ta’ riskju mill-istituzzjonijiet finanzjarji.

    127

    Fit-tielet lok, il-Linji gwida kontenzjużi għandhom jitqiesu li jikkontribwixxu għall-istabbiliment ta’ prattiki ta’ sorveljanza konsistenti, effiċjenti u effettivi fi ħdan is-SESF, li għalih jirreferu l-Artikolu 8(1)(b) u l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1093/2010.

    128

    Fil-fatt, dawn il-linji gwida jimplimentaw direttament il-prinċipji ddefiniti fil-Pożizzjoni Komuni tal-Awtoritajiet Ewropej ta’ Sorveljanza dwar il-Governanza u s-Sorveljanza ta’ Prodotti mill-Manifatturi (JC-2013–77), adottata mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq, mill-EBA kif ukoll mill-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol.

    129

    B’mod partikolari, għandu jiġi enfasizzat li din il-pożizzjoni komuni, li hija intiża sabiex issaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumaturi kif ukoll li tiżgura l-istabbiltà, l-effikaċja u l-integrità tas-swieq finanzjarji, tipprevedi espliċitament li l-EBA għandha tuża l-prinċipji li l-imsemmija pożizzjoni komuni tiddefinixxi sabiex tiżviluppa rekwiżiti iktar iddettaljati dwar il-governanza u s-sorveljanza tal-prodotti bankarji.

    130

    Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-Linji gwida kontenzjużi jaqgħu taħt il-qafas speċifiku stabbilit mil-leġiżlatur tal-Unjoni għall-eżerċizzju tas-setgħa tal-EBA li toħroġ linji gwida, kif jirriżulta mill-Artikolu 8(1) u (2), kif ukoll mill-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1093/2010, moqrija flimkien mal-Artikolu 1(5) tiegħu.

    131

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jitqies li l-Linji gwida kontenzjużi jaqgħu taħt il-kompetenzi tal-EBA, kif iddefiniti minn dan il-leġiżlatur.

    132

    Għaldaqstant, jidher li l-eżami tat-tielet domanda ma rrileva l-ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Linji gwida kontenzjużi.

    Fuq l-ispejjeż

    133

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 263 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li atti bħal-Linji gwida tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) tat-22 ta’ Marzu 2016 dwar l-arranġamenti għall-governanza u s-sorveljanza tal-prodotti għal prodotti bankarji bl-imnut (EBA/GL/2015/18), ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament skont dan l-artikolu.

     

    2)

    L-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, bis-saħħa ta’ dan l-artikolu, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tevalwa l-validità ta’ atti bħal-Linji gwida tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) tat-22 ta’ Marzu 2016 dwar l-arranġamenti għall-governanza u s-sorveljanza tal-prodotti għal prodotti bankarji bl-imnut (EBA/GL/2015/18).

     

    3)

    Id-dritt tal-Unjoni ma jimponix li l-ammissibbiltà, quddiem qorti nazzjonali, ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità kontra att tal-Unjoni tkun suġġetta għall-kundizzjoni li dan l-att ikun jikkonċerna direttament u individwalment lill-parti fil-kawża li tinvoka din l-eċċezzjoni.

     

    4)

    L-eżami tat-tielet domanda preliminari ma rrileva l-ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Linji gwida tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) tat-22 ta’ Marzu 2016 dwar l-arranġamenti għall-governanza u s-sorveljanza tal-prodotti għal prodotti bankarji bl-imnut (EBA/GL/2015/18).

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Top