Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0872

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-22 ta’ Ġunju 2021.
Ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Appell – Politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela – Rikors għal annullament ippreżentat minn Stat terz – Ammissibbiltà – Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE – Locus standi – Kundizzjoni li r-rikorrent ikun direttament ikkonċernat mill-miżura li tkun is-suġġett tar-rikors tiegħu – Kunċett ta’ ‘persuna ġuridika’ – Interess ġuridiku – Att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni.
Kawża C-872/19 P.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:507

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

22 ta’ Ġunju 2021 ( *1 )

“Appell – Politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela – Rikors għal annullament ippreżentat minn Stat terz – Ammissibbiltà – Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE – Locus standi – Kundizzjoni li r-rikorrent ikun direttament ikkonċernat mill-miżura li tkun is-suġġett tar-rikors tiegħu – Kunċett ta’ ‘persuna ġuridika’ – Interess ġuridiku – Att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni”

Fil-Kawża C‑872/19 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit‑28 ta’ Novembru 2019,

Ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, irrappreżentata minn L. Giuliano u F. Di Gianni, avvocati,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża hija:

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn P. Mahnič u A. Antoniadis, bħala aġenti,

konvenut fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi Presidenta, A. Prechal, M. Vilaras, E. Regan, M. Ilešič, L. Bay Larsen, A. Kumin u N. Wahl, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász (Relatur), T. von Danwitz, C. Toader, L. S. Rossi, I. Jarukaitis u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑20 ta’ Jannar 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela qiegħda titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑20 ta’ Settembru 2019, Il-Venezwela vs Il‑Kunsill (T‑65/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2019:649), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament, l-ewwel, tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/2063 tat‑13 ta’ Novembru 2017 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela (ĠU 2017, L 295, p. 21), it-tieni, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1653 tas‑6 ta’ Novembru 2018 li jimplimenta r-Regolament 2017/2063 (ĠU 2018, L 276, p. 1), u, it-tielet, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1656 tas‑6 ta’ Novembru 2018 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela (ĠU 2018, L 276, p. 10), sa fejn id-dispożizzjonijiet tagħhom jikkonċernaw lir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela.

Il-kuntest ġuridiku

2

Fit‑13 ta’ Novembru 2017, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela (ĠU 2017, L 295, p. 60).

3

It-tieni paragrafu tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni 2017/2074 jipprovdi li din id-deċiżjoni għandha tinżamm taħt reviżjoni kostanti u li għandha tiġi mġedda jew emendata, kif xieraq, jekk il-Kunsill iqis li l-għanijiet tagħha ma jkunux intlaħqu. Inizjalment, l-ewwel paragrafu ta’ dan l-istess artikolu kien jipprevedi li d-Deċiżjoni 2017/2074 kienet applikabbli sal‑14 ta’ Novembru 2018. Id-Deċiżjoni 2018/1656 estendiet il-miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fil-Venezwela billi pprovdiet li d-Deċiżjoni 2017/2074 kienet applikabbli sal‑14 ta’ Novembru 2019 u emendat l-entrata 7 tal-Anness I ta’ din l-aħħar deċiżjoni, li tikkonċerna waħda mill-persuni fiżiċi koperti mill-imsemmija miżuri restrittivi.

4

Fl-istess jum, il-Kunsill adotta wkoll ir-Regolament 2017/2063, abbażi tal-Artikolu 215 TFUE u tad-Deċiżjoni 2017/2074.

5

Skont il-premessa 1 tar-Regolament 2017/2063, “[f]id-dawl tad-demokrazija, l-[I]stat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem f’deterjorament kontinwu fil-Venezwela, l-Unjoni [Ewropea] kemm-il darba esprimiet tħassib u talbet lill-atturi politiċi u lill-istituzzjonijiet kollha fil-Venezwela biex jaħdmu b’mod kostruttiv lejn soluzzjoni għall-kriżi fil-pajjiż, b’rispett sħiħ tal-[I]stat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem, tal-istituzzjonijiet demokratiċi u tas-separazzjoni tas-poteri”.

6

L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi:

“1.   Għandu jkun ipprojbit:

(a)

li jingħataw, direttament jew indirettament, assistenza teknika, servizzi ta’ senserija u servizzi oħra relatati mal-prodotti u t-teknoloġija elenkati fil-Lista Komuni tal-[Unjoni] ta’ Tagħmir Militari (‘il-Lista Militari Komuni’) u mal-provvista, manufattura, manutenzjoni u użu ta’ prodotti u teknoloġija elenkati fil-Lista Militari Komuni lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Venezwela, jew għall-użu fil-Venezwela;

(b)

li jingħataw, direttament jew indirettament, finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati mal-prodotti u teknoloġija elenkati fil-Lista Militari Komuni, inklużi b’mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni ta’ kreditu għall-esportazzjoni, kif ukoll assigurazzjoni u riassigurazzjoni, għal kull bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ tali oġġetti, jew għall-provvista ta’ assistenza teknika, servizzi ta’ senserija u servizzi oħra relatati, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fil-Venezwela, jew għall-użu fil-Venezwela.

2.   Il-projbizzjoni fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratti konklużi qabel it-13 ta’ Novembru 2017 jew għal kuntratti anċillari neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratti, sakemm dawn ikunu konformi mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK [tat- 8 ta’ Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari (ĠU 2008, L 335, p. 99)], b’mod partikolari mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2 tagħha, u l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jfittxu jwettqu l-kuntratt ikunu nnotifikaw il-kuntratt lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih ikunu stabbiliti fi żmien 5 ġranet ta’ xogħol mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.”

7

L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Għandu jkun ipprojbit:

(a)

il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, direttament jew indirettament, ta’ tagħmir li jista’ jintuża għar-repressjoni interna kif elenkat fl-Anness I, kemm jekk joriġina fl-Unjoni kif ukoll jekk le, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Venezwela, jew għall-użu fil-Venezwela;

(b)

li tingħata assistenza teknika u servizzi ta’ senerija u servizzi oħrajn relatati mat-tagħmir imsemmi fil-punt (a), direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Venezwela, jew għall-użu fil-Venezwela;

(c)

li jingħataw finanzjament jew assistenza finanzjarja, inklużi b’mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni ta’ kreditu għall-esportazzjoni, kif ukoll assigurazzjoni u riassigurazzjoni, relatati mat-tagħmir imsemmi fil-punt (a), direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Venezwela, jew għall-użu fil-Venezwela.”

8

Skont l-Artikolu 4 tal-istess regolament:

“1.   B’deroga mill-Artikoli 2 and 3, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kif elenkati fl-Anness III jistgħu jawtorizzaw, taħt dawk il-kundizzjonijiet li jqisu xierqa:

(a)

il-provvista ta’ finanzjament u assistenza finanzjarja u assistenza teknika relatata ma’:

(i)

tagħmir militari mhux letali maħsub biss għall-użu umanitarju jew protettiv, jew għal programmi ta’ bini ta’ istituzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) u tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha jew ta’ organizzazzjonijiet reġjonali u subreġjonali;

(ii)

materjal maħsub għal operazzjonijiet tan-NU u tal-Unjoni ta’ maniġġar tal-kriżijiet jew għal organizzazzjonijiet reġjonali u subreġjonali;

(b)

il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ tagħmir li jista’ jintuża għar-repressjoni interna u finanzjament u assistenza finanzjarja u teknika assoċjati, maħsuba biss għall-użu umanitarju jew protettiv jew għal programmi ta’ bini ta’ istituzzjonijiet tan-NU jew tal-Unjoni, jew għal operazzjonijiet tan-NU u tal-Unjoni ta’ maniġġar tal-kriżijiet jew għal organizzazzjonijiet reġjonali u subreġjonali;

(c)

il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ tagħmir għat-tneħħija ta’ mini u materjal għall-użu f’operazzjonijiet tat-tneħħija ta’ mini u finanzjament u assistenza finanzjarja u teknika assoċjati.

2.   L-awtorizzazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jingħataw biss qabel l-attività li jkunu ntalbu għaliha.”

9

L-Artikolu 6 tar-Regolament 2017/2063 jipprovdi li:

“1.   Għandu jkun ipprojbit il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, direttament jew indirettament, ta’ tagħmir, teknoloġija jew software identifikati fl-Anness II, kemm jekk joriġinaw fl-Unjoni kemm jekk le, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fil-Venezwela jew għall-użu fil-Venezwela, sakemm l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rilevanti, kif identifikata fuq is-siti web elenkati fl-Anness III, ma tkunx tat awtorizzazzjoni minn qabel.

2.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, kif identifikati fuq is-siti web elenkati fl-Anness III, ma għandhomx jagħtu awtorizzazzjoni taħt il-paragrafu 1 jekk dawn ikollhom raġunijiet validi biex jiddeterminaw li t-tagħmir, it-teknoloġija jew is-software inkwistjoni jkunu jintużaw għar-repressjoni interna mill-gvern, il-korpi pubbliċi, il-korporazzjonijiet jew l-aġenziji tal-Venezwela jew kwalunkwe persuna jew entità li topera jew f’isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom.

3.   L-Anness II għandu jinkludi tagħmir, teknoloġija jew software maħsubin primarjament għall-użu fil-monitoraġġ jew l-interċettazzjoni tal-komunikazzjonijiet bl-internet jew bit-telefon.

4.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni dwar kull awtorizzazzjoni mogħtija skont dan l-Artikolu, fi żmien erba’ ġimgħat mill-awtorizzazzjoni.”

10

L-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Sakemm l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rilevanti, kif identifikata fuq is-siti web elenkati fl-Anness III, ma tkunx tat awtorizzazzjoni minn qabel skont l-Artikolu 6(2), għandu jkun ipprojbit:

(a)

il-forniment, direttament jew indirettament, ta’ għajnuna teknika jew servizzi ta’ senserija relatati mat-tagħmir, it-teknoloġija jew is-software identifikati fl-Anness II, jew relatati mal-istallazzjoni, il-provvista, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu tat-tagħmir u t-teknoloġija identifikati fl-Anness II jew mal-provvista, l-installazzjoni, l-operat jew l-aġġornar ta’ kull software identifikat fl-Anness II, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fil-Venezwela jew għall-użu fil-Venezwela;

(b)

il-forniment, direttament jew indirettament, ta’ finanzjament jew għajnuna finanzjarja relatati mat-tagħmir, it-teknoloġija u s-software identifikati fl-Anness II lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fil-Venezwela jew għall-użu fil-Venezwela;

(c)

il-fornuiment ta’ kwalunkwe servizzi ta’ monitoraġġ jew ta’ interċettazzjoni tat-telekomunikazzjoni jew tal-internet ta’ kwalunkwe tip lil, jew għall-benefiċċju dirett jew indirett tal-gvern, il-korpi pubbliċi, il-korporazzjonijiet jew l-aġenziji tal-Venezwela, jew ta’ kwalunkwe persuna jew entità li joperaw f’isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom.”

11

L-Artikolu 20 tar-Regolament 2017/2063 jipprovdi:

“Dan ir-Regolament għandu japplika:

(a)

fit-territorju tal-Unjoni, inkluż fl-ispazju tal-ajru tagħha;

(b)

abbord kull inġenju tal-ajru jew kull bastiment taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru;

(c)

għal kull persuna fit-territorju tal-Unjoni jew barra minnu li tkun ċittadina ta’ Stat Membru;

(d)

għal kull persuna ġuridika, entità jew korp ġuridiku, fit-territorju tal-Unjoni jew barra minnu, li jkunu inkorporati jew kostitwiti skont il-liġi ta’ Stat Membru;

(e)

għal kull persuna ġuridika, entità jew korp fir-rigward ta’ kwalunkwe kummerċ li jkun sar, interament jew parzjalment, fl-Unjoni.”

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

12

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑6 ta’ Frar 2018, ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela ppreżentat rikors intiż għall-annullament tar-Regolament 2017/2063, sa fejn id-dispożizzjonijiet tiegħu jikkonċernawha.

13

Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑3 ta’ Mejju 2018, il-Kunsill qajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà taħt l-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Kif jirriżulta mill-punt 23 tas-sentenza appellata, il-Kunsill qajjem, fil-kuntest ta’ din l-eċċezzjoni, tliet motivi ta’ inammissibbiltà, jiġifieri, l-ewwel, li r-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela ma għandhiex interess ġuridiku, it-tieni, li hija ma hijiex direttament ikkonċernata mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2017/2063 u, it-tielet, li hija ma hijiex “persuna fiżika jew ġuridika” fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Abbażi tal-Artikolu 130(6) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura filwaqt li llimitatha għall-ammissibbiltà tar-rikors.

14

Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑17 ta’ Jannar 2019, ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, abbażi tal-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, adattat ir-rikors, b’tali mod li r-rikors sar ikopri wkoll id-Deċiżjoni 2018/1656 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/1653, sa fejn id-dispożizzjonijiet tagħhom jikkonċernawha.

15

Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali l-ewwel nett qieset li, sa fejn kien indirizzat kontra r-Regolament 2017/2063, ir-rikors kien jikkonċerna biss l-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tiegħu.

16

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li teżamina biss it-tieni motiv ta’ inammissibbiltà mqajjem mill-Kunsill, jiġifieri li r-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela ma kinitx direttament ikkonċernata minn dawn id-dispożizzjonijiet, laqgħet dan il-motiv u, għaldaqstant, ċaħdet ir-rikors bħala inammissibbli sa fejn kien indirizzat kontra l-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tar-Regolament 2017/2063.

17

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll ir-rikors bħala inammissibbli sa fejn dan kien intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni 2018/1656 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/1653, minn naħa, minħabba li, sa fejn l-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tar-Regolament 2017/2063 ma kinux jikkonċernaw direttament lir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, l-istess kien japplika għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/1653 u, min-naħa l-oħra, minħabba li mill-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li, fil-kuntest ta’ nota ta’ adattament, rikorrent jista’ jitlob l-annullament ta’ att li jissostitwixxi jew li jemenda att ieħor fil-każ biss li l-annullament ta’ dan tal-aħħar ikun intalab fir-rikors. Issa, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li d-Deċiżjoni 2018/1656 temenda d-Deċiżjoni 2017/2074, li tagħha r-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela ma talbitx l-annullament fl-att promotur tagħha.

It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

18

Ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tiddikjara li r-rikors ippreżentat minnha quddiem il-Qorti Ġenerali huwa ammissibbli u tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tagħti deċiżjoni fuq il-mertu, kif ukoll

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

19

Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell u

tikkundanna lir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

Osservazzjonijiet preliminari

20

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li permezz tal-appell tagħha, ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela qiegħda tikkontesta esklużivament ir-raġunament li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali ddikjarat inammissibbli r-rikors tagħha sa fejn huwa indirizzat kontra l-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tar-Regolament 2017/2063. Għall-kuntrarju, peress li dan l-appell ma jirrigwardax il-parti tas-sentenza appellata li fiha ġie ddikjarat inammissibbli r-rikors ta’ dan l-Istat terz intiż għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/1653 kif ukoll tad-Deċiżjoni 2018/1656, għandu jitqies li l-Qorti Ġenerali tat deċiżjoni finali f’dan ir-rigward.

21

Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja bl-ebda mod ma hija limitata fir-rigward ta’ regolament adottat abbażi tal-Artikolu 215 TFUE, li jagħti effett lil deċiżjonijiet tal-Unjoni adottati fil-kuntest tal-PESK. Fil-fatt, tali regolamenti jikkostitwixxu atti tal-Unjoni adottati abbażi tat-Trattat FUE li fir-rigward tagħhom il-qrati tal-Unjoni għandhom, konformement mal-ġurisdizzjoni li huma għandhom bis-saħħa tat-Trattati, jiżguraw stħarriġ, bħala prinċipju komplet, ta’ legalità (sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 106).

22

Fit-tielet lok, skont ġurisprudenza stabbilita sew, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħti deċiżjoni, jekk ikun meħtieġ ex officio, fuq il-motiv ta’ ordni pubbliku bbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 263 TFUE (ara, b’mod partikolari, id-digriet tal‑15 ta’ April 2010, Makhteshim-Agan Holding et vs Il‑Kummissjoni, C‑517/08 P, mhux ippubblikat, EU:C:2010:190, punt 54, u s-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2021, Il‑Ġermanja vs Esso Raffinage, C‑471/18 P, EU:C:2021:48, punt 101).

23

F’dan il-każ, il-kwistjoni ta’ jekk ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela għandhiex titqies bħala “persuna ġuridika” fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE għandha titqajjem ex officio u għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok peress li s-soluzzjoni għal din il-kwistjoni hija neċessarja għall-eżami tat-tieni motiv ta’ inammissibbiltà mqajjem mill-Kunsill, liema motiv huwa inkwistjoni fil-kuntest tal-aggravju uniku u li huwa bbażat fuq l-argument li r-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela ma hijiex direttament ikkonċernata mill-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tar-Regolament 2017/2063.

24

Permezz ta’ deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑7 ta’ Lulju 2020, il-partijiet fl-appell ġew mistiedna jieħdu pożizzjoni dwar il-kwistjoni ta’ jekk Stat terz għandux jitqies bħala “persuna ġuridika” fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 24 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja bagħtet talba tal-istess natura lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet dwar din il-kwistjoni mill-partijiet fl-appell, mir-Renju tal-Belġju, mir-Repubblika tal-Bulgarija, mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, mir-Repubblika tal-Estonja, mir-Repubblika Ellenika, mir-Repubblika tal-Litwanja, mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, mir-Repubblika tal-Polonja, mir-Repubblika tas-Slovenja, mir-Repubblika Slovakka, mir-Renju tal-Isvezja u mill-Kummissjoni.

25

Ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela tqis li la l-formulazzjoni tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u lanqas l-għan jew il-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni ma jipprovdu indikazzjoni, lanqas indiretta, li tippermetti li hija tiġi eskluża mill-kunċett ta’ “persuna ġuridika” fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni.

26

Għall-kuntrarju, il-Kunsill huwa tal-fehma li Stat terz ma għandux jitqies bħala “persuna ġuridika”, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, sakemm ma jkunux ingħatawlu drittijiet speċifiċi fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni bis-saħħa ta’ ftehim konkluż ma’ din tal-aħħar, eċċezzjoni din li madankollu ma tapplikax f’dan il-każ.

27

Skont il-Kunsill, l-Unjoni tiżviluppa r-relazzjonijiet tagħha ma’ Stati terzi sovrani fix-xena internazzjonali u dawn ir-relazzjonijiet huma rregolati bid-dritt internazzjonali pubbliku li, min-naħa tiegħu, huwa bbażat fuq il-prinċipju ta’ kunsens. Fil-kuntest ta’ dan l-ordinament ġuridiku, is-suġġetti tad-dritt internazzjonali pubbliku ma għandhomx dritt awtomatiku li jippreżentaw rikors quddiem il-qrati tal-Istati l-oħra. Huma għandhom id-dritt li ma jissuġġettawx ruħhom għall-ġurisdizzjoni ta’ Stat ieħor jew ta’ qorti internazzjonali sakemm ma jkunux taw il-kunsens tagħhom f’dan is-sens.

28

Il-Kunsill isostni li l-Istati terzi ma jagħmlux parti mis-sistema legali stabbilita mill-Unjoni u bħala prinċipju ma jistax ikollhom aċċess għall-qrati tal-Unjoni. Barra minn hekk, jekk Stat terz li jkun is-suġġett ta’ miżuri restrittivi ġenerali jitħalla jikkontesta dawn il-miżuri, abbażi tal-kundizzjonijiet li jawtorizzaw l-aċċess għall-qrati tal-Unjoni għall-persuni suġġetti għal miżuri individwali, dan ikun imur kontra d-distinzjoni stabbilita mit-Trattati bejn miżuri restrittivi ġenerali u individwali u jkollu bħala effett addizzjonali estensjoni indebita tal-portata tal-ġurisdizzjoni mogħtija lill-qrati tal-Unjoni fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar il-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) jew tal-atti adottati abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

29

Fl-aħħar mill-aħħar, skont il-Kunsill, ir-rikonoxximent ta’ locus standi lil Stat terz kontra atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża ineżami jista’ jqiegħed lill-Unjoni fi żvantaġġ meta mqabbla mal-imsieħba internazzjonali tagħha, li d-deċiżjonijiet sovrani tagħhom li jikkonċernaw ir-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom jew il-politiki kummerċjali u ekonomiċi tagħhom ma jistgħux jiġu kkontestati quddiem il-qrati tagħhom, u b’hekk jillimita indebitament lill-Unjoni fit-tmexxija tal-politiki u tar-relazzjonijiet internazzjonali tagħha. Dan huwa iktar u iktar minnu fil-kuntest tal-kawża ineżami, fejn Stat terz qiegħed jikkontesta d-dispożizzjonijiet ta’ att intern tal-Unjoni li jimplimenta deċiżjoni politika tal-Kunsill intiża li jitnaqqsu r-relazzjonijiet ekonomiċi ma’ dan l-Istat. L-Istati terzi, taħt il-pretensjoni li huma rikorrenti individwali, ma għandhomx jitħallew, sabiex tinstab soluzzjoni għal tilwim internazzjonali bejn suġġetti tad-dritt internazzjonali pubbliku, jużaw lill-qrati tal-Unjoni bħala mezz li ma huwiex maħsub għal dan l-iskop.

30

Il-Gvern Elleniku, Pollakk, Sloven, Slovakk u Svediż iqisu, essenzjalment, li Stat terz ma jistax, bħala prinċipju, jitqies li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “persuna ġuridika”, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

31

Skont l-imsemmija gvernijiet, dan il-kunċett jirreferi, essenzjalment, għall-entitajiet li għandhom personalità ġuridika bis-saħħa tad-dritt ta’ Stat Membru jew ta’ Stat terz, iżda mhux għal dawn l-Istati stess, li fir-rigward tagħhom l-Unjoni barra minn hekk ma għandhiex kompetenza regolatorja. Il-miżuri restrittivi huma, skont l-Artikolu 215(2) TFUE, indirizzati lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, lil gruppi jew lil entitajiet mhux Statali, iżda ma humiex meħuda kontra Stati terzi.

32

L-istess gvernijiet isostnu li, jekk l-Istati terzi jitqiesu li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “persuna ġuridika”, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, mingħajr ma jkunu kkonkludew mal-Unjoni xi tip ta’ ftehim li jiddefinixxi r-relazzjonijiet ġuridiċi bejn il-partijiet f’dan il-ftehim, dan jillimita lill-Unjoni b’mod inadegwat fl-implimentazzjoni tal-politiki u tar-relazzjonijiet internazzjonali tagħha u jqegħidha fi żvantaġġ fir-relazzjonijiet internazzjonali. Fil-fatt, wieħed mill-prinċipji fundamentali tad-dritt internazzjonali huwa r-reċiproċità. Issa, jekk l-Istati terzi jitħallew jippreżentaw tali rikorsi quddiem il-qrati tal-Unjoni kontra atti tal-Unjoni, dan jista’ jikkomprometti r-reċiproċità bejn l-Unjoni u dawn l-Istati. Fil-fatt, l-Istati terzi jkollhom il-possibbiltà li jikkontestaw l-atti tal-Unjoni quddiem il-qrati tagħha, mingħajr ma jiġi ggarantit li l-Unjoni tkun tista’ tikkontesta l-atti nazzjonali ta’ dawn l-Istati, kemm jekk individwalment u kemm jekk fil-kuntest tad-diversi assoċjazzjonijiet ta’ Stati li tagħhom huma membri.

33

Għall-kuntrarju, il-Gvern Belġjan, Bulgaru, Ġermaniż, Estonjan, Latvjan, Litwan u Olandiż iqisu, essenzjalment, li Stat terz jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “persuna ġuridika”, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

34

Fil-fehma tagħhom, ma jistax jiġi kkontestat li Stat terz għandu personalità ġuridika u li huwa persuna ġuridika, fis-sens tad-dritt internazzjonali pubbliku. Jekk ma jkunx jista’ jiġi kklassifikat bħala “persuna ġuridika”, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, Stat terz ma jkunx f’pożizzjoni li jipproteġi l-interessi tiegħu, anki jekk ikun ċert li d-drittijiet tiegħu nkisru u anki jekk ikun jista’ jipprova b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-kundizzjonijiet kollha neċessarji għall-preżentata ta’ rikors huma ssodisfatti.

35

B’dan premess, dawn il-gvernijiet isostnu wkoll li huwa daqstant ieħor ċar li l-pożizzjoni ta’ Stat terz, bħal dik tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, ma tistax tiġi assimilata ma’ dik tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew tal-Istati Membri, li huma rikorrenti fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, b’tali mod li l-ammissibbiltà tar-rikors ta’ Stat terz għandha tiġi evalwata fid-dawl tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

36

Barra minn hekk, jekk Stat terz jiġi rrifjutat id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva kontra att tal-Unjoni li jikkawżalu preġudizzju, minkejja li dan l-Istat josserva l-kundizzjonijiet kollha għall-ammissibbiltà previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, dan ikun jammonta għal adozzjoni ta’ interpretazzjoni restrittiva tal-Istat tad-dritt, valur li fuqu hija bbażata l-Unjoni, konformement mal-Artikolu 2 TUE.

37

Il-Kummissjoni tqis li l-kunċett ta’ “persuna ġuridika”, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jista’ jinftiehem b’diversi modi. Minn naħa, interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett ibbażata fuq il-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-Istati twassal sabiex jitqies li l-Istati terzi jaqgħu taħt l-imsemmi kunċett biss jekk iwettqu atti ta’ ġestjoni (acta jure gestionis) jew jekk ikollhom aċċess għall-qrati tal-Unjoni skont ftehim internazzjonali konkluż mal-Unjoni. Tali interpretazzjoni hija konformi mal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, peress li ma tiċħadx kull rimedju ġudizzjarju lill-Istat terz, iżda tagħti lil dan l-Istat l-aċċess għall-qrati tal-Unjoni skont in-natura tal-azzjoni eżerċitata mill-imsemmi Stat. Peress li s-sistema ta’ miżuri restrittivi, l-istess bħall-motivi invokati mir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela sabiex titlob l-invalidazzjoni ta’ dawn il-miżuri, kif ukoll ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u dan l-Istat f’dan il-kuntest, jaqgħu taħt il-qasam tal-atti mwettqa fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika (acta jure imperii) u għandhom għalhekk jiġu analizzati bħala elementi tad-dritt internazzjonali pubbliku, ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela ma taqax, fil-kawża ineżami, taħt il-kunċett ta’ “persuna ġuridika”, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

38

Min-naħa l-oħra, skont il-Kummissjoni, li kieku kellha tiġi adottata interpretazzjoni teleoloġika tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, iggwidata mir-rieda ta’ aċċess estiż għall-qrati tal-Unjoni, xejn ma jkun jipprekludi milli din id-dispożizzjoni tiġi interpretata b’mod li l-kunċett ta’ “persuna ġuridika” jkopri l-Istati terzi f’sitwazzjoni fejn dawn l-Istati jiddeċiedu li jissuġġettaw ruħhom għall-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni. Għalhekk, meta l-Unjoni tadotta att unilaterali li, potenzjalment, jippreġudika l-interessi ta’ Stat terz u meta dan l-Istat jagħżel li jippreżenta rikors kontra dan l-att quddiem il-qrati tal-Unjoni pjuttost milli jirrikorri għal mekkaniżmu internazzjonali ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim, ma hemm xejn li jiġġustifika li l-qrati tal-Unjoni jirrifjutaw li jieħdu konjizzjoni ta’ tali rikors bħala prinċipju, mingħajr ma jeżaminaw jekk il-kundizzjonijiet kollha għall-ammissibbiltà applikabbli humiex issodisfatti.

39

Il-Kummissjoni tindika li hija tippreferi t-tieni approċċ imsemmi fil-punt preċedenti, minħabba li minn qari restrittiv tal-kunċett ta’ “persuna ġuridika” jirriżulta li, fl-assenza ta’ ftehim internazzjonali konkluż bejn Stati terzi u l-Unjoni, dawn l-Istati ma jistgħux volontarjament jissuġġettaw ruħhom għall-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni.

40

Skont l-Artikolu 19(3)(a) TUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha tagħti deċiżjoni, konformement mat-Trattati, dwar ir-rikorsi ppreżentati minn Stat Membru, istituzzjoni jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi. Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, fil-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel u fit-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu, tippreżenta rikors kontra l-atti indirizzati lilha jew li jikkonċernawha direttament u individwalment, kif ukoll kontra l-atti regolatorji li jikkonċernawha direttament u li ma jinvolvux miżuri ta’ implimentazzjoni.

41

F’dan il-każ, għandu jiġi eżaminat jekk Stat terz, bħar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, li ma jistax jippreżenta rikors abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jistax jitqies bħala “persuna ġuridika”, fis-sens tar-raba’ paragrafu ta’ dan l-artikolu.

42

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, peress li din id-dispożizzjoni ma tagħmel ebda riferiment għad-drittijiet nazzjonali f’dak li jikkonċerna t-tifsira li għandha tingħata lill-kunċett ta’ “persuna ġuridika”, dan il-kunċett għandu jiġi kkunsidrat bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fit-territorju ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Engie Cartagena, C‑523/18, EU:C:2019:1129, punt 34). Għalhekk, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ “persuna ġuridika” li jinsab fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE għandu jiġi interpretat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, iżda wkoll il-kuntest li minnu tifforma parti u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Jobcenter Krefeld, C‑181/19, EU:C:2020:794, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

Fir-rigward tal-kliem tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, għandu jiġi rrilevat li la minn din id-dispożizzjoni u lanqas minn dispożizzjonijiet oħra tad-dritt primarju tal-Unjoni ma jirriżulta li ċerti kategoriji ta’ persuni ġuridiċi ma jistgħux jinvokaw il-possibbiltà li jressqu kawża quddiem il-qrati tal-Unjoni. Din il-konstatazzjoni għalhekk tendenzjalment tindika li ebda “persuna ġuridika” ma għandha tiġi mċaħħda, bħala prinċipju, mill-possibbiltà li tippreżenta rikors għal annullament prevista f’dan l-istess raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

44

Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tindika f’dan ir-rigward li l-kunċett ta’ “persuna ġuridika” użat fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ma jistax jingħata interpretazzjoni restrittiva.

45

Fil-fatt, għalkemm ir-rikors ta’ entità reġjonali jew lokali ma jistax jiġi assimilat mar-rikors ta’ Stat Membru previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑26 ta’ Novembru 2009, Região autónoma dos Açores vs Il‑Kunsill, C‑444/08 P, mhux ippubblikat, EU:C:2009:733, punt 31), tali entità, sa fejn tgawdi minn personalità ġuridika, tista’ madankollu tippreżenta, bħala prinċipju, rikors għal annullament taħt ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑1 ta’ Ottubru 1997, Regione Toscana vs Il‑Kummissjoni, C‑180/97, EU:C:1997:451, punti 10 sa 12, kif ukoll is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2001, Nederlandse Antillen vs Il‑Kunsill, C‑452/98, EU:C:2001:623, punt 51).

46

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta, b’mod iktar ġenerali, li ma humiex biss il-persuni ġuridiċi privati iżda wkoll l-entitajiet pubbliċi li għandhom locus standi konformement mar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (ara, bħala eżempju, is-sentenzi tal‑1 ta’ Frar 2018, Deutsche Bahn et vs Il‑Kummissjoni, C‑264/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:60, punt 2, u tal‑4 ta’ Frar 2020, Uniwersytet Wrocławski u Il‑Polonja vs REA, C‑515/17 P u C‑561/17 P, EU:C:2020:73, punt 69).

47

Mill-bqija, il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet li organizzazzjoni li ma kellhiex personalità ġuridika kellu jkollha locus standi sabiex tikkontesta l-miżuri restrittivi li kienu imposti fuqha għar-raġuni li, jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni jqis li entità għandha eżistenza suffiċjenti sabiex tkun is-suġġett ta’ miżuri restrittivi, il-koerenza u l-ġustizzja jimponu li jiġi rrikonoxxut li din l-entità għandha wkoll eżistenza suffiċjenti sabiex tikkontesta dawn il-miżuri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il‑Kunsill, C‑229/05 P, EU:C:2007:32, punt 112).

48

Fir-rigward tal-interpretazzjoni kuntestwali u teleoloġika tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, għandu jitfakkar li l-eżistenza stess ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv intiż li jiżgura l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni hija inerenti għall-eżistenza ta’ Stat tad-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, H vs Il‑Kunsill et, C‑455/14 P, EU:C:2016:569, punt 41). Fil-fatt, mill-Artikolu 2 TUE jirriżulta li l-Unjoni hija bbażata fuq valuri, bħalma huwa l-Istat tad-dritt, li huma komuni għall-Istati Membri f’soċjetà kkaratterizzata, fost oħrajn, mill-ġustizzja (sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika, C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 62).

49

Barra minn hekk, il-prinċipju li l-Unjoni hija bbażata, b’mod partikolari, fuq il-valur tal-Istat tad-dritt jirriżulta kemm mill-Artikolu 2 TUE, li jinsab fid-dispożizzjonijiet komuni tat-Trattat UE, kif ukoll mill-Artikolu 21 TUE, dwar l-azzjoni esterna tal-Unjoni, li għalih jirreferi l-Artikolu 23 TUE, dwar il-PESK (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Bank Refah Kargaran vs Il‑Kunsill, C‑134/19 P, EU:C:2020:793, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

F’dawn iċ-ċirkustanzi, interpretazzjoni tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, fid-dawl tal-prinċipji ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv u ta’ Stat tad-dritt, timmilita favur il-kunsiderazzjoni li Stat terz għandu jkollu locus standi, bħala “persuna ġuridika”, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, meta l-kundizzjonijiet l-oħra previsti f’din id-dispożizzjoni jkunu ssodisfatti. Fil-fatt, l-istess bħal persuna jew entità oħra, tali persuna ġuridika rregolata mid-dritt internazzjonali pubbliku tista’ tkun affettwata b’mod negattiv fid-drittijiet jew fl-interessi tagħha minn att tal-Unjoni, u għandha għalhekk tkun f’pożizzjoni, b’osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet, li tfittex l-annullament ta’ tali att.

51

Din l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “persuna ġuridika”, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ma hijiex ikkontestata mill-argumenti mressqa mill-Kunsill kif ukoll minn ċerti gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet dwar l-eventwali assenza ta’ aċċess tal-Unjoni għall-qrati ta’ Stati terzi, li ma jippermettux li jiġu kkontestati, quddiem dawn il-qrati, id-deċiżjonijiet dwar ir-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom stess, kemm jekk ikunu ta’ natura kummerċjali kif ukoll jekk le.

52

Fil-fatt, l-obbligi tal-Unjoni li tiżgura l-osservanza tal-valur tal-Istat tad-dritt bl-ebda mod ma jistgħu jkunu suġġetti għal kundizzjoni ta’ reċiproċità fir-rigward tar-relazzjonijiet li l-Unjoni għandha ma’ Stati terzi.

53

Minn dan isegwi li r-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, bħala Stat li għandu personalità ġuridika internazzjonali, għandha titqies li hija “persuna ġuridika”, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

Fuq l-aggravju uniku

L-argumenti tal-partijiet

54

Insostenn tal-appell tagħha, ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela tqajjem aggravju wieħed ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-kundizzjoni li r-rikorrent għandu jkun ikkonċernat direttament mill-miżura li tkun is-suġġett tar-rikors tiegħu, kundizzjoni li hija prevista fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

55

Fil-fehma tagħha, il-fatt, ikkonstatat mill-Qorti Ġenerali fil-punti 35 u 36 tas-sentenza appellata, li hija ma kinitx inkluża, bħala tali, fl-Anness IV jew fl-Anness V tar-Regolament 2017/2063 b’mod analogu għar-rikorrenti fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Almaz-Antey vs Il‑Kunsill (T‑515/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:545), huwa irrilevanti peress li hija speċifikament imsemmija fl-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tar-Regolament 2017/2063. Huwa wkoll irrilevanti, għall-kuntrarju ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 40 tas-sentenza appellata, il-fatt jekk hija aġixxietx jew le bħala operatur ekonomiku attiv fis-swieq ikkonċernati peress li dawn l-artikoli jikkonċernawha direttament kemm mill-perspettiva ġuridika kif ukoll minn dik materjali.

56

Il-Kunsill isostni li l-kwistjoni ta’ jekk l-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tar-Regolament 2017/2063 jikkonċernawx direttament il-pożizzjoni tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela ġiet deċiża mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata b’mod konformi ma’ ġurisprudenza stabbilita, li minnha tifforma parti integrali s-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Almaz-Antey vs Il‑Kunsill (T‑515/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:545). F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali ma kinitx obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-għan tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, jiġifieri li ssir pressjoni sabiex ikun hemm bidla fl-aġir tal-Gvern Venezweljan. Fil-fatt, dan it-teħid inkunsiderazzjoni mhux biss imur kontra l-ġurisprudenza stabbilita tal-qrati tal-Unjoni, iżda jwassal ukoll sabiex jestendi l-kategorija ta’ rikorrenti potenzjali b’mod li jinkludi kull Stat terz li miegħu l-Unjoni tiddeċiedi, fil-kuntest tal-politika estera tagħha, li twaqqaf jew li tnaqqas, kompletament jew parzjalment, ir-relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji.

57

Skont il-Kunsill, il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx li r-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela ma kinitx direttament ikkonċernata għas-sempliċi raġuni li ma kinitx imsemmija b’mod suffiċjenti fl-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tar-Regolament 2017/2063. Għall-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali waslet għal din il-konklużjoni abbażi ta’ sett ta’ elementi rilevanti, li kienu debitament motivati u ssostanzjati permezz tal-ġurisprudenza rilevanti fil-punti 35 sa 48 tas-sentenza appellata. Barra minn hekk, fir-rigward speċifikament tar-riferimenti magħmula għar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela f’dawn l-artikoli, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-artikoli ma jsemmuhiex b’mod dirett. Huwa sempliċement ipprojbit li l-operaturi ekonomiċi tal-Unjoni jkollhom relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji ma’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew organi li huma stabbiliti jew li joperaw fit-territorju tal-Venezwela.

58

Barra minn hekk, fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk il-Qorti Ġenerali kellhiex tassimila lir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela ma’ operatur ekonomiku, kif għamlet fir-rigward tar-rikorrenti fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Almaz Antey vs Il‑Kunsill (T‑515/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:545), il-Kunsill josserva li l-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ is-sitwazzjoni partikolari tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela u li hija analizzat jekk dan l-Istat setax jiġi pparagunat ma’ operatur ekonomiku attiv f’suq speċifiku fis-sens tal-ġurisprudenza. Il-Qorti Ġenerali, mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi, ikkonkludiet fin-negattiv, peress li Stat li jaġixxi fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità pubblika ma huwiex paragunabbli ma’ entità privata jew pubblika li l-eżistenza tagħha hija limitata mill-għan tagħha.

59

Fl-aħħar nett, il-Kunsill isostni li r-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela qiegħda fil-verità titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi regola ġdida fis-sens li l-locus standi għandu jingħata awtomatikament lill-Istati terzi li jkunu jixtiequ jikkontestaw miżuri ekonomiċi meħuda mill-Unjoni fil-kuntest tal-politika estera tagħha, billi tippermettilhom jikkontestaw atti li jimplimentaw deċiżjonijiet adottati bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet leġittimi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, kif iddefiniti fl-Artikolu 21 TUE, inkluż permezz tal-waqfien jew tat-tnaqqis, kompletament jew parzjalment, tar-relazzjonijiet ekonomiċi jew finanzjarji ma’ Stat terz wieħed jew iktar b’applikazzjoni tal-Artikolu 215(1) TFUE.

60

Issa, skont il-Kunsill, tali talba tmur kontra s-sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja stabbilita fit-Trattati, li hija intiża li tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni. It-Trattati ma jirrikonoxxu ebda dritt speċifiku lill-Istati terzi li jippermettilhom jiġu ttrattati b’mod ugwali bħall-Istati Membri jew li jagħmlu kummerċ b’mod liberu u mingħajr ebda kundizzjoni mal-operaturi ekonomiċi li jinsabu fl-Unjoni. Għaldaqstant, l-Istati terzi ma jistgħux jargumentaw b’mod validu li att tal-Unjoni li jista’ jissuġġettahom għal trattament iddifferenzjat ipproduċa direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tagħhom.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

61

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kundizzjoni li persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun direttament ikkonċernata mill-miżura li tkun is-suġġett tar-rikors, kundizzjoni prevista fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, teħtieġ li jiġu ssodisfatti żewġ kriterji kumulattivi, jiġifieri li l-miżura kkontestata, minn naħa, tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ din il-persuna u, min-naħa l-oħra, ma tħalli l-ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji responsabbli għall-implimentazzjoni tagħha, fejn din l-implimentazzjoni tkun ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni stess, mingħajr l-applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra (sentenzi tal‑5 ta’ Novembru 2019, BĊE et vs Trasta Komercbanka et, C‑663/17 P, C‑665/17 P u C‑669/17 P, EU:C:2019:923, punt 103 kif ukoll tat‑3 ta’ Diċembru 2020, Changmao Biochemical Engineerings vs Distillerie Bonollo et, C‑461/18 P, EU:C:2020:979, punt 58).

62

Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tar-Regolament 2017/2063 ma kinux jikkonċernaw direttament lir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, u dan, essenzjalment, għal tliet raġunijiet li jirrigwardaw l-ewwel kriterju riprodott fil-punt 61 ta’ din is-sentenza.

63

Fl-ewwel lok, fil-punt 32 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali osservat li l-Artikolu 20 tar-Regolament 2017/2063 jillimita l-applikazzjoni tal-projbizzjonijiet previsti fl-Artikoli 2, 3, 6 u 7 ta’ dan ir-regolament għat-territorju tal-Unjoni, għall-persuni fiżiċi ċittadini ta’ Stat Membru u għall-persuni ġuridiċi inkorporati skont id-dritt ta’ wieħed minnhom kif ukoll għall-persuni ġuridiċi, entitajiet u organi fir-rigward ta’ kull tranżazzjoni kummerċjali mwettqa kompletament jew parzjalment fl-Unjoni.

64

Fit-tieni lok, fil-punt 33 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li l-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tar-Regolament 2017/2063 ma jimponux projbizzjoni fuq ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela. L-iktar l-iktar, dawn l-artikoli jista’ jkollhom effetti indiretti fuq din tal-aħħar, sa fejn il-projbizzjonijiet imposti fuq il-persuni fiżiċi li huma ċittadini ta’ Stat Membru u fuq il-persuni ġuridiċi inkorporati skont id-dritt ta’ wieħed minnhom jista’ jkollhom bħala konsegwenza li jillimitaw is-sorsi li mingħandhom ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela tista’ tikseb il-prodotti u s-servizzi inkwistjoni.

65

Fit-tielet lok, fil-punti 34 sa 41 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali għamlet distinzjoni bejn din il-kawża u l-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Almaz-Antey vs Il‑Kunsill (T‑515/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:545). Il-Qorti Ġenerali osservat li, f’din il-kawża tal-aħħar, ir-rikorrenti kienet tissemma espliċitament fl-att ikkontestat sa fejn isimha kien jinsab fl-anness tad-deċiżjoni kkontestata bħala impriża li kienet ipprojbita milli tbigħ jew tipprovdi l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni. Għall-kuntrarju, fil-kawża ineżami, ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, bħala Stat, ma tissemmiex espliċitament u speċifikament fl-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tar-Regolament 2017/2063 b’mod paragunabbli għar-rikorrenti fil-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza.

66

F’dan ir-rigward, għandu jitqies li l-Qorti Ġenerali ġustament fakkret, fil-punt 30 tas-sentenza appellata, il-ġurisprudenza tagħha stess li minnha joħroġ li, sabiex jiġi ddeterminat jekk att jipproduċix effetti legali, għandu jsir riferiment b’mod partikolari għall-għan tiegħu, għall-kontenut tiegħu, għall-portata tiegħu, għas-sustanza tiegħu kif ukoll għall-kuntest ġuridiku u fattwali li fih ikun ġie adottat.

67

F’dan il-każ, it-titolu tar-Regolament 2017/2063, il-premessa 1 tiegħu u l-formulazzjoni tal-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tiegħu jindikaw li l-miżuri restrittivi inkwistjoni ttieħdu kontra r-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela.

68

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ġustament fakkret, fil-punt 34 tas-sentenza appellata, li l-fatt li l-operaturi tal-Unjoni huma pprojbiti milli jwettqu ċerti tranżazzjonijiet, li jikkostitwixxi l-għan tal-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tar-Regolament 2017/2063, jammonta għal projbizzjoni fuq ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela milli twettaq dawn it-tranżazzjonijiet mal-imsemmija operaturi.

69

Issa, id-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2017/2063 kellu bħala effett l-applikazzjoni immedjata u awtomatika tal-projbizzjonijiet previsti fl-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tiegħu. Peress li dawn il-projbizzjonijiet jipprekludu lir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela milli takkwista diversi prodotti u servizzi, l-imsemmija dispożizzjonijiet jipproduċu direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ dan l-Istat. Barra minn hekk, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 110 tal-konklużjonijiet tiegħu, b’mod partikolari mill-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament 2017/2063 jirriżulta li r-riferiment għal “kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Venezwela, jew għall-użu fil-Venezwela” fl-imsemmija projbizzjonijiet jinkludi r-reġim Venezweljan, il-korpi, l-impriżi jew l-aġenziji pubbliċi tiegħu jew kull persuna jew entità li taġixxi f’isimhom jew fuq l-ordnijiet tagħhom.

70

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, sabiex jiġi kkonstatat li r-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela hija direttament ikkonċernata mill-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tar-Regolament 2017/2063, ma huwiex meħtieġ li ssir distinzjoni skont jekk tali tranżazzjonijiet kummerċjali jsirux iure gestionis jew iure imperii, peress li tali distinzjoni la tista’ tiġi dedotta mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u lanqas minn kwalunkwe dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni.

71

Barra minn hekk, il-fatt li l-miżuri restrittivi inkwistjoni ma jikkostitwixxux impediment assolut għar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela li takkwista l-oġġetti u s-servizzi koperti minn dawn l-artikoli, peress li dan l-Istat jibqa’ f’pożizzjoni li jakkwistahom minn barra mit-territorju tal-Unjoni mingħand persuni li ma humiex suġġetti għall-imsemmija miżuri, ma jdaħħalx inkwistjoni l-konklużjoni fis-sens li l-projbizzjonijiet previsti fl-imsemmija artikoli jikkonċernaw direttament lir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela. Fil-fatt, fir-rigward ta’ projbizzjonijiet bħal dawk previsti fl-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tar-Regolament 2017/2063, il-kundizzjoni li persuna ġuridika hija direttament ikkonċernata minn tali miżuri ma timplikax li għall-imsemmija persuna jkun assolutament impossibbli li takkwista l-oġġetti u s-servizzi inkwistjoni.

72

Sabiex jiġi vverifikat jekk ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela hijiex direttament ikkonċernata mill-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tar-Regolament 2017/2063, huwa wkoll irrilevanti li l-attività ta’ dan l-Istat terz ma hijiex limitata għal dik ta’ operatur ekonomiku attiv f’ċerti swieq.

73

Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-miżuri restrittivi inkwistjoni ma kinux jipproduċu direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela u meta laqgħet, fuq din il-bażi, it-tieni motiv ta’ inammissibbiltà mqajjem mill-Kunsill.

74

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jintlaqa’ l-aggravju uniku invokat mir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela u li tiġi annullata s-sentenza appellata sa fejn tiċħad bħala inammissibbli r-rikors tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela intiż għall-annullament tar-Regolament 2017/2063.

Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

75

Konformenent mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. Hija mbagħad tista’ taqta’ t-tilwima definittivament hija stess, meta t-tilwima tkun fi stat li tiġi deċiża, jew, jekk dan ma jkunx il-każ, hija tista’ tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tal-aħħar tiddeċidiha.

76

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-elementi meħtieġa sabiex tagħti deċiżjoni definittiva dwar l-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat mir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela.

77

Quddiem il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tiegħu, il-Kunsill qajjem tliet motivi ta’ inammissibbiltà tar-rikors, li minnhom it-tieni wieħed biss ġie eżaminat, b’mod parzjali, mill-Qorti Ġenerali. Sa fejn il-kwistjoni ta’ jekk ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela hijiex “persuna ġuridika”, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kif imsemmija fit-tielet motiv ta’ inammissibbiltà mqajjem mill-Kunsill quddiem il-Qorti Ġenerali, ġiet eżaminata ex officio fil-punti 40 sa 53 ta’ din is-sentenza, għadhom iridu jiġu eżaminati, minn naħa, l-ewwel motiv ta’ inammissibbiltà mqajjem mill-Kunsill u bbażat fuq l-assenza ta’ interess ġuridiku u, min-naħa l-oħra, il-parti tat-tieni motiv ta’ inammissibbiltà li dwarha l-Qorti Ġenerali ma tatx deċiżjoni, filwaqt li jiġi vverifikat jekk il-kriterju li l-miżuri restrittivi inkwistjoni ma għandhom iħallu ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji responsabbli għall-implimentazzjoni tagħhom, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, huwiex issodisfatt fil-kawża ineżami.

Fuq l-ewwel motiv ta’ inammissibbiltà mqajjem mill-Kunsill u bbażat fuq l-assenza ta’ interess ġuridiku

L-argumenti tal-partijiet

78

Permezz tal-ewwel motiv ta’ inammissibbiltà, il-Kunsill isostni li r-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela ma għandhiex interess titlob l-annullament tal-miżuri restrittivi inkwistjoni quddiem il-qrati tal-Unjoni. Dawn il-miżuri ma jbiddlux b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela peress li ma jipproduċu ebda effett legali vinkolanti la għal dan l-Istat bħala tali u lanqas għat-territorju tiegħu.

79

Il-Kunsill jargumenta li, kif jirriżulta b’mod ċar mill-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2017/2063, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament huwa limitat għat-territorju tal-Istati Membri u għall-persuni li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru. Barra minn hekk, ir-raġunijiet li wasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, fis-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kunsill vs Front Polisario (C‑104/16 P, EU:C:2016:973, punti 131 sa 133), li l-Front populaire pour la libération de la saguia-el-hamra et du rio de oro (Front Polisario) ma setax jitqies li għandu locus standi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza huma applikabbli b’analoġija fil-kuntest ta’ din il-kawża.

80

Ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela tqis li dan il-motiv ta’ inammissibbiltà għandu jiġi miċħud.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

81

Sa fejn il-Kunsill isostni li r-Regolament 2017/2063 ma jipproduċi ebda effett legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwa l-interessi tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rikors għal annullament għandu jkun disponibbli fir-rigward tad-dispożizzjonijiet kollha adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, indipendentement min-natura tagħhom jew mill-forma tagħhom, bil-kundizzjoni li jkunu intiżi li jipproduċu effetti legali (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑425/13, EU:C:2015:483, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li sabiex ikun hemm interess ġuridiku huwa meħtieġ li l-annullament tal-att ikkontestat ikun jista’, fih innifsu, jipprokura benefiċċju għall-persuna fiżika jew ġuridika li tkun ippreżentat ir-rikors (sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2021, Il‑Ġermanja vs Esso Raffinage, C‑471/18 P, EU:C:2021:48, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83

Issa, peress li, għar-raġunijiet esposti fil-punti 63 sa 73 ta’ din is-sentenza, il-projbizzjonijiet previsti fl-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tar-Regolament 2017/2063 huma ta’ natura li jippreġudikaw l-interessi, b’mod partikolari dawk ekonomiċi, tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, l-annullament tagħhom jista’, fih innifsu, jipprokuralha benefiċċju.

84

Fir-rigward tal-argument tal-Kunsill ibbażat fuq is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kunsill vs Front Polisario (C‑104/16 P, EU:C:2016:973), huwa minnu li, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Front Polisario ma setax jitqies li għandu locus standi sabiex jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kunsill li tapprova, f’isem l-Unjoni, il-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jittratta miżuri reċiproċi ta’ liberalizzazzjoni fuq il-prodotti agrikoli, il-prodotti agrikoli pproċessati, il-ħut u l-prodotti tas-sajd, is-sostituzzjoni tal-Protokolli Nri 1, 2 u 3 u tal-annessi tagħhom u l-emendi għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Brussell fit‑13 ta’ Diċembru 2010 (ĠU 2012, L 241, p. 4). Issa, l-argumenti mressqa mill-Front Polisario bil-għan li jistabbilixxi l-locus standi tiegħu sabiex jitlob l-annullament tal-imsemmija deċiżjoni kienu bbażati fuq l-affermazzjoni li dan il-ftehim kien fil-prattika applikat, f’ċerti każijiet, fis-Saħara tal-Punent, minkejja li dan ma jagħmilx parti mit-territorju tar-Renju tal-Marokk, affermazzjoni li iżda ġiet miċħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala infondata. Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-imsemmi ftehim fis-sens li ma kienx japplika għat-territorju tas-Saħara tal-Punent. Għall-kuntrarju, kif osservat fil-punti 67 u 69 ta’ din is-sentenza, il-miżuri restrittivi previsti fl-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tar-Regolament 2017/2063 ġew adottati fil-konfront tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela u dawn id-dispożizzjonijiet jipprekluduha milli twettaq ċerti tranżazzjonijiet.

85

Għaldaqstant, l-ewwel motiv ta’ inammissibbiltà mqajjem mill-Kunsill għandu jiġi miċħud.

Fuq il-kriterju li l-miżura kkontestata ma tinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, u fuq il-kundizzjonijiet l-oħra għall-ammissibbiltà tar-rikors

86

Il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx it-tieni wieħed miż-żewġ kriterji kumulattivi li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex jiġi kkonstatat li r-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela hija direttament ikkonċernata mill-miżuri restrittivi inkwistjoni, jiġifieri, kif tfakkar fil-punt 61 ta’ din is-sentenza, il-kriterju li dawn il-miżuri ma għandhom iħallu ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji responsabbli għall-implimentazzjoni tagħhom peress li din l-implimentazzjoni għandha tkun ta’ natura purament awtomatika u għandha tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra.

87

Fl-ipoteżi li dan it-tieni kriterju jkun issodisfatt, jibqa’ li jiġi ddeterminat jekk humiex issodisfatti wkoll il-kundizzjonijiet l-oħra sabiex jiġi rrikonoxxut li persuna ġuridika għandha locus standi kontra att li tiegħu hija ma hijiex id-destinatarju, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jiġifieri jew li hija kkonċernata individwalment, jew li tali att jikkostitwixxi att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni.

L-argumenti tal-partijiet

88

Skont il-Kunsill, l-applikazzjoni tal-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tar-Regolament 2017/2063 tirrikjedi neċessarjament l-adozzjoni ta’ regoli intermedjarji, peress li dawn l-artikoli jipprevedu sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Barra minn hekk, awtorizzazzjoni minn qabel tikkostitwixxi fiha nnifisha miżura ta’ implimentazzjoni u l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jingħataw tali awtorizzazzjonijiet. Minn dan il-Kunsill jikkonkludi li ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat jekk ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela hijiex individwalment ikkonċernata jew jekk humiex inkwistjoni atti regolatorji li ma jinvolvux miżuri ta’ implimentazzjoni, filwaqt li jindika sempliċement li huwa jiċħad l-eżistenza ta’ dawn iż-żewġ ipoteżijiet.

89

Ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela tqis li t-tieni motiv ta’ inammissibbiltà, sa fejn jirrigwarda l-kriterju li l-miżuri restrittivi inkwistjoni ma għandhom iħallu ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji responsabbli għall-implimentazzjoni tagħhom, għandu jiġi miċħud ukoll. Fir-rikors promotur tagħha, hija kienet sostniet li kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fit-tieni u fit-tielet parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, sa fejn ir-Regolament 2017/2063 kien att regolatorju li jikkonċernaha direttament u ma kienx jinvolvi miżuri ta’ implimentazzjoni u sa fejn, sussidjarjament, hija kienet direttament u individwalment ikkonċernata minn dan l-att.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

90

Mill-formulazzjoni stess tal-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tar-Regolament 2017/2063 jirriżulta li l-projbizzjonijiet stabbiliti f’dawn id-dispożizzjonijiet, bla ħsara għall-miżuri ta’ deroga jew ta’ awtorizzazzjoni li huma jipprevedu u li ma humiex inkwistjoni fil-kuntest ta’ din it-tilwima, japplikaw mingħajr ma jħallu setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji responsabbli għall-implimentazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, dawn il-projbizzjonijiet japplikaw mingħajr ma hija meħtieġa l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni, la mill-Unjoni u lanqas mill-Istati Membri. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-unika funzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/1653 kienet li jiġi emendat l-Anness IV tar-Regolament 2017/2063, li jinkludi biss il-lista ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi koperti mill-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi u li ma hija koperta minn ebda waħda mid-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq.

91

Minn dan isegwi li l-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tar-Regolament 2017/2063 jikkonċernaw direttament lir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela u li l-motiv ta’ inammissibbiltà mqajjem mill-Kunsill, li permezz tiegħu jsostni li din il-kundizzjoni ma hijiex issodisfatta f’dan il-każ, għandu jiġi miċħud.

92

Mill-bqija, l-imsemmi regolament, li għandu portata ġenerali, sa fejn jinkludi dispożizzjonijiet bħal dawk tal-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tiegħu li jipprojbixxu lil kategoriji ġenerali u astratti ta’ destinatarji milli jwettqu ċerti tranżazzjonijiet ma’ entitajiet li huma wkoll koperti b’mod ġenerali u astratt, u li, peress li ġie adottat abbażi tal-Artikolu 215 TFUE u, għaldaqstant, konformement mal-proċedura mhux leġiżlattiva prevista f’din l-aħħar dispożizzjoni, ma jistax jiġi kklassifikat bħala att leġiżlattiv, jikkostitwixxi “att regolatorju”, fis-sens tat-tielet parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punti 58 sa 60). Peress li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament ikkontestati mir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela ma jinvolvux, barra minn hekk, miżuri ta’ implimentazzjoni, kif ġie espost fil-punt 90 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li dan l-Istat terz għandu tabilħaqq locus standi kontrihom mingħajr ma jkollu għalfejn jistabbilixxi li l-imsemmija dispożizzjonijiet jikkonċernawh individwalment.

93

Minn dan isegwi li l-kundizzjonijiet previsti fit-tielet parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE huma ssodisfatti.

94

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-rikors ippreżentat mir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela quddiem il-Qorti Ġenerali huwa ammissibbli sa fejn huwa intiż għall-annullament tal-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tar-Regolament 2017/2063.

95

Madankollu, peress li, fuq il-mertu, it-tilwima ma tinsabx fi stat li tiġi deċiża, il-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali.

Fuq l-ispejjeż

96

Peress li l-kawża qiegħda tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali, l-ispejjeż għandhom jiġu rriżervati.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑20 ta’ Settembru 2019, Il-Venezwela vs Il‑Kunsill (T‑65/18, EU:T:2019:649), hija annullata sa fejn tiċħad ir-rikors tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela intiż għall-annullament tal-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/2063 tat‑13 ta’ Novembru 2017 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela.

 

2)

Il-kawża hija mibgħuta lura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea sabiex tingħata deċiżjoni fuq il-mertu.

 

3)

L-ispejjeż huma rriżervati.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top