EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0870

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tal-24 ta’ Marzu 2021.
Prefettura Ufficio territoriale del governo di Firenze vs MI u TB.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Corte suprema di cassazione.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq – Regolament (KEE) Nru 3821/85 – Artikolu 15(7) – Regolament (KE) Nru 561/2006 – Proċedura ta’ spezzjoni – Sanzjoni amministrattiva – Nuqqas ta’ preżentazzjoni tal-folji ta’ reġistrazzjoni tat-takografu relatati mal-jum kurrenti u mat-28 jum ta’ qabel – Ksur uniku jew multiplu.
Kawżi magħquda C-870/19 u C-871/19.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:233

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

24 ta’ Marzu 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq – Regolament (KEE) Nru 3821/85 – Artikolu 15(7) – Regolament (KE) Nru 561/2006 – Proċedura ta’ spezzjoni – Sanzjoni amministrattiva – Nuqqas ta’ preżentazzjoni tal-folji ta’ reġistrazzjoni tat-takografu relatati mal-jum kurrenti u mat-28 jum ta’ qabel – Ksur uniku jew multiplu”

Fil-Kawżi magħquda C‑870/19 u C‑871/19,

li għandhom bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti tal-Kassazzjoni, l-Italja), permezz ta’ deċiżjonijiet tad‑19 ta’ Settembru 2019, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Novembru 2019, fil-proċeduri

Prefettura Ufficio territoriale del governo di Firenze

vs

MI (C‑870/19),

TB (C‑871/19),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, E. Juhász (Relatur) u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal MI u TB, minn G. Beghin, avvocato,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Greco, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Grieg, minn I. Kotsoni, S. Chala u E. Skandalou, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Malferrari u C. Vrignon, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(7) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 tal‑20 ta’ Diċembru 1985 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 227), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2006 (ĠU 2006, L 102, p. 1, bir-rettifika fil-ĠU L 195, 20.7.2016, p. 83) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 3821/85”).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn il-Prefettura Ufficio territoriale del governo di Firenze, l-Italja (il-Prefettura, Uffiċċju Territorjali tal-Gvern ta’ Firenze, l-Italja, iktar ’il quddiem il-“Prefettura”) u, rispettivament, MI (Kawża C‑870/19) u TB (Kawża C‑871/19), żewġ sewwieqa ta’ vettura ta’ trasport bit-triq, fir-rigward ta’ diversi sanzjonijiet amministrattivi imposti fuq dawn tal-aħħar għal ksur tal-leġiżlazzjoni relatata mal-osservanza tat-tul ta’ sewqan u l-ħinijiet ta’ mistrieħ.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Nru 3821/85

3

Ir-Regolament Nru 3821/85 ħassar u ssostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1463/70 tal‑20 ta’ Lulju 1970, dwar l-introduzzjoni ta’ apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq (ĠU 1970, L 164, p. 1). Ir-Regolament Nru 3821/85 ġie, min-naħa tiegħu, imħassar u ssostitwit bir-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Frar 2014 dwar takografi fit-trasport bit-triq, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 (ĠU 2014, L 60, p. 1). Madankollu, fid-dawl tad-data ta’ meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni r-Regolament Nru 3821/85.

4

It-tielet, is-seba’ u l-ħdax-il premessa tar-Regolament Nru 3821/85 kienu fformulati kif ġej:

“Billi l-użu ta’ apparat ta’ reġistrazzjoni li jista’ jindika l-perjodi ta’ żmien imsemmija fir-Regolament (KEE) Nru 3820/85 [tal-20 ta’ Diċembru 1985] dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġislazzjoni soċjali relatata mat-trasport bit-triq [ĠU 1985, L 370, p. 1] huwa intiż biex jiżgura li jkun hemm kontroll effettiv ta’ dik il-leġislazzjoni soċjali;

[…]

Billi r-reġistrazzjoni awtomatika ta’ dettalji oħrajn tal-vjaġġ ta’ vettura, bħall-ħeffa u d-distanza koperta, għandha tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għas-sigurtà fuq it-toroq u għandha tinkoraġġixxi sewqan raġonevoli tal-vettura; billi, konsegwentement, jidher illi huwa xieraq li l-apparat irid ikun kapaċi jirreġistra dawn id-dettalji;

[…]

Billi, sabiex jintlaħqu l-għanijiet hawn fuq imsemmija li jinżamm kontroll fuq il-perjodi ta’ xogħol u ta’ mistrieħ, huwa meħtieġ li dawk li jħaddmu u s-sewwieqa jkunu responsabbli sabiex jaraw li l-apparat jaħdem sew u li huma jwettqu b’atten[z]joni l-operazzjonijiet preskritti”.

5

L-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament kien jipprevedi:

“It-tagħmir ta’ reġistrazzjoni għandu jkun stallat u wżat fil-vetturi reġistrati fi Stat Membru li jintużaw għat-trasport ta’ passiġġieri jew ta’ merkanzija bit-triq, ħlief il-vetturi msemmija fl-Artikoli 3 tar-Regolament […] Nru 561/2006 […].”

6

L-Artikolu 13 tal-imsemmi regolament kien jipprevedi:

“Is-sid li jimpjega u s-sewwieqa għandhom jassiguraw il-ħidma korretta u l-użu xieraq ta’, minn naħa l-waħda, l-apparat tar-reġistrazzjoni u, minn naħa l-oħra, il-karta tas-sewwieq fejn is-sewwieq ikun obbligat li jsuq vettura armata bl-apparat tar-reġistrazzjoni b’konformità ma ‘l-Anness IB’.”

7

L-Artikolu 14(1) u (2) tal-istess regolament kien ifformulat kif ġej:

“1.   Is-sid għandu joħroġ għadd suffiċjenti ta’ folji dokumentarji lis-sewwieqa tal-vetturi armati bl-apparat ta’ reġistrazzjoni b’konformità ma’ l-Anness I, waqt li jqis li dawn il-folji huma ta’ karattru personali, it-tul tal-perjodu tas-servizz u l-possibbiltà ta’ obbligazzjoni biex jinbidlu l-folji li jkollhom il-ħsara, jew li jkunu ttieħdu minn uffiċjal awtorizzat ta’ l-ispettorat. Is-sid m’għandu joħroġ lis-sewwieqa ebda folji ħlief dawk tal-mudell approvat li jkunu tajbin għall-użu fil-apparat installat fil-vettura.

Meta l-vettura tkun mgħammra bl-apparat ta’ reġistrazzjoni b’konformità ma’l-Anness IB, is-sid u s-sewwieq għandhom jassiguraw li, waqt li jqisu t-tul tal-perjodu tas-servizz, l-istampar meta mitlub kif imsemmi fl-Anness IB ikun jista’ jsir b’mod korrett fil-każ li ssir spezzjoni.

2.   L-impriża għandha żżomm il-folji tar-rekords u l-karti stampati, kull meta jkunu nħarġu dawn il-karti stampati biex ikun hemm konformità ma’ l-Artikolu 15(1), f’ordni kronoloġika u f’forma li tista’ tinqara għal mill-inqas minn sena wara l-użu tagħhom u għandha tagħti kopji lix-xufiera kkonċernati li jitolbu għalihom. […]”

8

L-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 3821/85 kien jipprevedi:

“[…]

2.   Is-sewwieqa għandhom jużaw il-formoli ta’ reġistrazzjoni kuljum meta huma jkunu qegħdin isuqu, u għandhom jibdew mill-mument meta huma jieħdu l-vettura taħt idejhom. Il-formola ta’ reġistrazzjoni ma tistax tiġi irtirata qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħidma ta’ kuljum sakemm l-irtirar tagħha ma jkunx awtorizzat b’mod ieħor. Ebda formola ta’ reġistrazzjoni ma tista’ tintuża biex tkopri perjodu itwal minn dak li hija intenzjonata għalih.

[…]

7.   

a)

Fejn ix-xufier isuq vettura li tkun attrezzata b’tagħmir ta’ reġistrazzjoni skond l-Anness I, ix-xufier għandu jkun kapaċi juri, kull meta jintalab minn uffiċjali li jispezzjona:

i)

il-folji tar-rekords [reġistrazzjoni] għall-ġimgħa kurrenti u dawk użati mix-xufier fil-15-il jum ta’ qabel;

ii)

il-card tax-xufier [karta tas-sewwieq] jekk dan ikollu waħda, u

iii)

kull rekord manwali u karti stampati li jkunu saru matul il-ġimgħa kurrenti u l-15-il jum ta’ qabel kif meħtieġ taħt dan ir-Regolament u r-Regolament (KE) Nru 561/2006.

Madankollu, wara l-1 ta’ Jannar 2008, il-perijodi ta’ ħin imsemmija f’(i) u (iii) għandhom ikopru l-jum kurrenti u t-28 jum ta’ qabel.

b)

Meta x-xufier isuq vettura attrezzata b’tagħmir ta’ reġistrazzjoni skond l-Anness IB, ix-xufier għandu jkun kapaċi juri, kull meta jintalab minn uffiċjali li jispezzjona:

i)

il-card tax-xufier tiegħu;

ii)

kull rekord manwali u karta stampata li tkun saret matul il-ġimgħa kurrenti u l-15-il jum ta’ qabel kif mitlub taħt dan ir-Regolament u Regolament […] Nru 561/2006, u

iii)

il-folji tar-rekords li jaqblu ma’ l-istess perijodu bħal dak imsemmi fis-subparagrafu ta’ qabel li matulu huwa saq vettura attrezzata b’tagħmir ta’ reġistrazzjoni skond l-Anness 1.

Madankollu, wara l-1 ta’ Jannar 2008, il-perijodi ta’ ħin imsemmija taħt (ii) għandhom ikopru il-jum kurrenti u t-28 jum ta’ qabel.

ċ)

Uffiċjali awtorizzat li jispezzjona jista’ jiċċekkja l-konformità mar-Regolament […] Nru 561/2006 billi janalizza l-folji tar-rekords, tad-data murija jew stampata li tkun ġiet irreġistrata mit-tagħmir ta’ reġistrazzjoni jew mill-card tax-xufier jew, fin-nuqqas ta’ dan, billi janalizza kwalunkwe dokument ieħor ta’ appoġġ illi jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza ta’ xi disposizzjoni, bħal dawk imniżżla fl-Artikoli 16 (2) u (3).

[…]”

9

L-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 3821/85 kien jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom, malajr u wara li jikkonsultaw lill-Kummissjoni, jadottaw dawk il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jistgħu jkunu neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Dawn il-miżuri għandhom ikopru, inter alia, ir-riorganizzazzjoni, il-proċedura u l-mezzi ta’ kontroll fuq osservanza u l-penali li għandhom jiġu imposti fil-każ ta’ ksur.”

10

L-Anness I ta’ dan ir-regolament kien jinkludi l-punt I, intitolat “Definizzjonijiet”, li kien ifformulat kif ġej:

“F’dan l-Anness:

a)

Apparat ta’ reġistrazzjoni tfisser:

apparat intenzjonat għal installazjoni f’vetturi tat-triq sabiex juri u jirreġistra awtomatikament jew semi-awtomatikament dettalji tal-moviment ta’ dawk il-vetturi u ta’ ċerti perjodi ta’ xogħol tas-sewwieqa tagħhom;

b)

Formola [folja] ta’ reġistrazzjoni tfisser:

formola ddisinjata biex taċċetta u żżomm informazzjoni reġistrata, li trid titpoġġa fl-apparat ta’ reġistrazzjoni u li fuqha l-istrumenti li jimmarkaw ta’ l-apparat imsemmi iħażżu record kontinwu ta’ l-informazzjoni li trid tiġi rreġistrata;

[…]”

11

L-Anness I B tal-imsemmi regolament kien jinkludi l-punt I, intitolat “Definizzjonijiet”, li kien ifformulat kif ġej:

“F’dan l-Anness:

[…]

t)

‘biljett [karta] tas-sewwieq’ tfisser: biljett takografiku maħruġ mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru lil sewwieq partikolari;

il-biljett tas-sewwieq jidentifika lis-sewwieq u jippermetti għall-ħażna ta’ data ta’ l-attività tas- sewwieq.

[…]

ee)

‘l-apparat tar-reġistrazzjoni’ tfisser: l-apparat totali maħsub għall-installazzjoni f’vetturi tat-triq biex juri, jirrekordja u jaħżen awtomatikament jew kważi awtomatikament dettalji tal-moviment ta’ dawk il-vetturi u ta’ ċerti perijodi ta’ xogħol tas-sewwieqa tagħhom;

[…]”

Ir-Regolament Nru 561/2006

12

Il-premessi 17, 26 u 27 tar-Regolament Nru 561/2006 jistipulaw:

“(17)

Dan ir-Regolament għandu l-iskop li jtejjeb il-kondizzjonijiet soċjali għall-impjegati li jaqgħu taħtu, kif ukoll li jtejjeb is-sigurtà ġenerali fit-triq. […]

[…]

(26)

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-penali li japplikaw għal ksur ta’ dan ir-Regolament u jiżguraw li jkunu implimentati. Dawk il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati, dissważivi u mhux diskriminatorji. […]

(27)

Huwa mixtieq fl-interessi ta’ l-infurzar ċar u effettiv li jkunu żgurati disposizzjonijiet uniformi dwar ir-responsabbiltà ta’ impriżi tat-trasport u tax-xufiera għal ksur ta’ dan ir-Regolament. Din ir-responsabbiltà tista’ twassal għal penali kriminali, ċivili jew amministrattivi skond kif ikun il-każ fl-Istati Membri.”

13

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli dwar il-ħinijiet ta’ sewqan, il-pawżi u l-perijodi ta’ mistrieħ għax-xufiera li jaħdmu fit-trasport ta’ merkanzija u passiġġieri bit-triq sabiex ikunu armonizzati l-kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn il-modi ta’ trasport fuq l-art, speċjalment fir-rigward tas-settur tat-triq, u sabiex jittejbu l-kondizzjonijiet tax-xogħol u s-sigurtà fit-triq. Dan ir-Regolament għandu l-għan ukoll li jippromwovi t-titjib fil-prattika ta’ monitoraġġ u ta’ infurzar mill-Istati Membri u t-ti[t]jib fil-prattiċi ta’ xogħol fl-industrija tat-trasport bit-triq.”

14

L-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament jistabbilixxi l-ħin massimu ta’ sewqan ta’ kuljum, ta’ kull ġimgħa u fuq ġimagħtejn konsekuttivi, filwaqt li l-Artikoli 7 u 8 tiegħu jirrigwardaw il-pawżi u l-ħin ta’ mistrieħ.

15

L-Artikolu 19 tal-istess regolament jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar penali [sanzjonijiet] li japplikaw għal ksur ta’ dan ir-Regolament u r-Regolament […] Nru 3821/85 u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jiżguraw illi jkunu implimentati. Dawk il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati, dissważivi u b’mod li ma jiddiskriminawx. L-ebda ksur ta’ dan ir-Regolament u r-Regolament […] Nru 3821/85 ma għandu jkun suġġett għal aktar minn penali jew proċedura waħda. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dawn il-miżuri sad-data msemmija fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 29. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri dwar dan.

[…]

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi sistema ta’ penali proporzjonati, li jistgħu jinkludu penali finanzjarji, tkun fis-seħħ għal ksur ta’ dan ir-Regolament jew ir-Regolament […] Nru 3821/85 minn impriżi, jew kunsinjatarji, burdnara, operaturi tal-ġiti, kuntratturi prinċipali, sub-kuntratturi u aġenziji għall-impjieg ta’ xufiera li jkunu assoċjati ma’ impriżi.”

Id-Direttiva 2006/22

16

L-Artikolu 9, intitolat “Sistema li tkejjel ir-riskju” tad-Direttiva 2006/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar il-kondizzjonijiet minimi għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 3820/85 u 3821/85 dwar il-leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam ma’ attivitajiet tat-trasport bit-triq u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 88/599/KEE (ĠU 2006, L 102, p. 35), kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2009/5/KE tat‑30 ta’ Jannar 2009 (ĠU 2009, L 29, p. 45) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2006/22”), jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jintroduċu sistema li tkejjel ir-riskju għal impriżi bbażata fuq in-numru u s-serjetà ta’ kull ksur tar-Regolamenti […] Nri 3820/85 jew 3821/85 li impriżi individwali jkunu wettqu. Il-Kummissjoni għandha tappoġġa d-djalogu bejn l-Istati Membri biex tinkoraġġixxi aktar koerenza bejn dawn is-sistemi ta’ valutazzjoni tar-riskju.

2.   Impriżi b’rata għolja ta’ riskju għandhom ikunu kkontrollati b’akbar reqqa u aktar spiss. Il-kriterji u r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ tali sistema għandhom ikunu diskussi fil-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 12, bl-għan li tiġi stabbilita sistema għall-iskambju ta’ tagħrif fuq l-aħjar prattiċi.

3.   Lista inizjali ta’ ksur tar-Regolamenti […] Nri 3820/85 u 3821/85 tinsab fl-Anness III.

Bil-ħsieb li jingħataw linji ta’ gwida dwar il-kejl tal-piż tal-ksur tar-Regolamenti […] Nri 3820/85 u 3821/85, il-Kummissjoni tista’, kif adegwat, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 12(2), tadotta l-Anness III tieħu inizjattivi bil-ħsieb li tistabbilixxi linji ta’ gwida dwar firxa komuni ta’ ksur tar-regolamenti, maqsuma f’kategoriji skond is-serjetà tagħhom.

[…]”

17

L-Anness III tad-Direttiva 2006/22, intitolat “Ksur”, fih tabella li “tinkludi linji ta’ gwida dwar firxa komuni ta’ ksur tar-Regolament […] Nru 561/2006 u tar-Regolament […] Nru 3821/85, maqsuma f’kategoriji skont il-gravità tagħhom.” Il-punt 2 ta’ din it-tabella, intitolat “Gruppi ta’ ksur tar-Regolament […] Nru 3821/85”, jinkludi l-punt I, li jelenka seba’ tipi ta’ ksur tal-Artikolu 15(7) tar-Regolament Nru 3821/85, marbuta man-nuqqas ta’ preżentazzjoni ta’ dokumenti u li huma kollha kklassifikati bħala “[ksur serju ħafna] (VSI)”. Dan il-ksur huwa, rispettivament fil-punti I1 sa I7 tal-imsemmija tabella, ifformulati kif ġej:

“I1

Artikolu 15(7)

Rifjut li ssir verifika

I2

Artikolu 15(7)

Mhux possibbli li jiġu ppreżentati r-reġistrazzjonijiet ta’ dakinhar

I3

 

Mhux possibbli li jiġu ppreżentati r-reġistrazzjonijiet tal-aħħar 28 jum

I4

 

Mhux possibbli li jiġu ppreżentati r-reġistrazzjonijiet tal-karta tas-sewwieq, meta x-xufier ikollu waħda

I5

 

Mhux possibbli li jiġu ppreżentati r-reġistrazzjonijiet manwali u l-karti stampati matul dik il-ġimgħa u tul l-aħħar 28 jum

I6

 

Mhux possibbli li tiġi ppreżentata l-karta tas-sewwieq

I7

 

Mhux possibbli li jiġu ppreżentati l-karti stampati matul dik il-ġimgħa u tul l-aħħar 28 jum”

Id-dritt Taljan

18

Abbażi tal-Artikolu 19 tal-legge n. 727 – Attuazione del regolamento […] n. 1463/70 […], e successive modificazioni e integrazioni, relativo alla istituzione di uno speciale apparecchio di misura destinato al controllo degli impieghi temporali nel settore dei trasporti su strada (il-Liġi Nru 727 li Timplimenta r-Regolament Nru 1463/70, kif Emendat u Kkompletat, dwar l-Introduzzjoni ta’ Apparat ta’ Tkejjil Speċjali intiż għall-Kontroll tal-Osservanza tal-Ħinijiet tax-Xogħol fis-Settur tat-Trasport bit-Triq), tat‑13 ta’ Novembru 1978 (GURI Nru 328, tat‑23 ta’ Novembru 1978, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 727/1978”), kull persuna li tikser kemm id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1463/70, kif emendat u kkompletat, kif ukoll id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi u tar-regolamenti ta’ implimentazzjoni li fir-rigward tagħhom ma hija prevista l-ebda sanzjoni speċifika, għandha tkun suġġetta għal sanzjoni amministrattiva.

19

Mill-proċess jirriżulta li l-ammont massimu ta’ din is-sanzjoni amministrattiva, li jista’ jiġi applikat fil-konfront tal-persuna li timpjega, huwa ekwivalenti għad-doppju tal-ammont minimu tal-imsemmija sanzjoni u ma għandux ikun ta’ iktar minn EUR 100.

It-tilwimiet fil-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

20

Waqt żewġ spezzjonijiet fit-triq, imwettqa fis‑26 ta’ Lulju u fit‑8 ta’ Awwissu 2013 fl-Italja, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kkonstataw li rispettivament MI (Kawża C‑870/19) u TB (Kawża C‑871/19), fil-kwalità tagħhom ta’ sewwieqa ta’ vetturi ta’ trasport bit-triq, ma kinux f’pożizzjoni li jippreżentaw il-folji ta’ reġistrazzjoni tat-takografu installat abbord il-vettura tagħhom, relatati mal-jum kurrenti u ma’ diversi mit-28 jum ta’ qabel.

21

Għaldaqstant, dawn l-awtoritajiet imponew diversi sanzjonijiet amministrattivi fuq MI u fuq TB, abbażi ta’ ċertu numru ta’ ksur tal-Liġi Nru 727/1978.

22

F’kull waħda minn dawn il-kawżi, il-qorti tal-Prim’Istanza kompetenti ċaħdet ir-rikorsi ta’ MI u ta’ TB kontra dawn id-deċiżjonijiet.

23

Fuq appell ippreżentat kontra l-imsemmija deċiżjonijiet imressaq minn MI u minn TB quddiem it-Tribunale di Firenze (il-Qorti ta’ Firenze, l-Italja), din tal-aħħar, permezz ta’ sentenzi tas‑26 ta’ Lulju 2016, qieset li MI u TB kienu wettqu biss ksur wieħed tal-Liġi Nru 727/1978, jiġifieri li ma kinux f’pożizzjoni li jippreżentaw id-dokumenti meħtieġa relatati mal-perijodu kkonċernat. Dik il-qorti, għaldaqstant, naqqset il-kundanna tagħhom għal sanzjoni waħda.

24

Il-Prefettura, Uffiċċju Territorjali tal-Gvern ta’ Firenze, ippreżentat quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti tal-Kassazzjoni, l-Italja), appell kontra kull waħda minn dawn iż-żewġ sentenzi tat-Tribunale di Firenze (il-Qorti ta’ Firenze). Insostenn ta’ dawn iż-żewġ appelli, hija ssostni li, fil-każ fejn is-sewwieq ma jkunx f’pożizzjoni li jippreżenta ċertu numru ta’ folji ta’ reġistrazzjoni tat-takografu installat abbord il-vettura f’dak li jirrigwarda l-jum kurrenti u t-28 jum ta’ qabel, dan is-sewwieq ma għandux jiġi suġġett għal sanzjoni unika minħabba ksur uniku, iżda diversi sanzjonijiet li jirrigwardaw kull wieħed mill-perijodi iqsar inklużi f’dan il-perijodu globali li jkopri l-jum kurrenti u t-28 jum ta’ qabel u li fir-rigward tagħhom l-imsemmi sewwieq ma jkunx f’pożizzjoni li jippreżenta dawn id-dokumenti.

25

Il-qorti tar-rinviju tispeċifika li fl-Italja jeżistu eluf ta’ tilwimiet identiċi għal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li, fid-dawl ta’ ġurisprudenza nazzjonali mhux konsistenti f’dan il-qasam, it-tilwimiet fil-kawża prinċipali għandhom jiġu deċiżi permezz ta’ sentenza li tiddetta l-prinċipju.

26

Dik il-qorti tindika li MI u TB kisru l-Artikolu 15(7) tar-Regolament Nru 3821/85 u li s-soluzzjoni għat-tilwimiet fil-kawża prinċipali tiddependi fuq l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

27

Fil-fatt, jekk l-imsemmija dispożizzjoni jkollha tiġi interpretata fis-sens li timponi fuq is-sewwieq biss obbligu wieħed, li huwa dak li jkun f’pożizzjoni, fil-każ ta’ spezzjoni, li jippreżenta l-folji ta’ reġistrazzjoni kollha li jikkonċernaw il-perijodu kollu rilevanti, il-ksur ta’ din l-istess dispożizzjoni jkun jikkostitwixxi ksur uniku u dan jista’ jagħti lok biss għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni waħda.

28

Bil-kontra ta’ dan, jekk l-Artikolu 15(7) tar-Regolament Nru 3821/85 ikollu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprevedi diversi obbligi, il-ksur ta’ dawn l-obbligi jista’ jagħti lok għal daqstant ksur daqs kemm ikun hemm ġranet, jew gruppi ta’ ġranet, matul il-perijodu kompost mill-jum tal-ispezzjoni u mit-28 jum ta’ qabel, li fir-rigward tagħhom ma ġewx ippreżentati l-folji ta’ reġistrazzjoni.

29

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja, ifformulata b’mod identiku f’kull waħda miż-żewġ kawżi magħquda.

“L-Artikolu 15 [(7) tar-Regolament Nru 3821/85] jista’ jiġi interpretat, fil-każ speċifiku tas-sewwieq tal-vettura, fis-sens li jipprevedi aġir komplessiv wieħed u konsegwentement it-twettiq ta’ ksur wieħed u l-impożizzjoni ta’ sanzjoni waħda jew tista’ twassal, billi tapplika kumulu materjali, għal daqstant ksur u sanzjonijiet daqs kemm ikun hemm ġranet li fihom il-karti [folji] ta’ reġistrazzjoni tat-takografu ma jkunux ġew prodotti, fil-kuntest tal-perijodu ta’ żmien previst (‘il-jum kurrenti u t-28 jum ta’ qabel’)”

30

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑23 ta’ Diċembru 2019, il-Kawżi C‑870/19 u C‑871/19 ingħaqdu għal finijiet tal-proċedura bil-miktub u tas-sentenza.

Fuq id-domanda preliminari

31

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15(7) tar-Regolament Nru 3821/85 u l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 561/2006 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ ta’ nuqqas ta’ preżentazzjoni, mis-sewwieq ta’ vettura ta’ trasport bit-triq li jkun is-suġġett ta’ spezzjoni, tal-folji ta’ reġistrazzjoni tal-apparat ta’ reġistrazzjoni relatati ma’ diversi ġranet ta’ attività matul il-perijodu li jkopri l-jum tal-ispezzjoni u t-28 jum ta’ qabel, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-post ta’ spezzjoni għandhom jimponi fuq dan is-sewwieq sanzjoni unika, minħabba ksur uniku, jew diversi sanzjonijiet separati, minħabba diversi ksur separati li n-numru tagħhom jikkorrispondi għal dak tal-folji ta’ reġistrazzjoni neqsin.

32

L-għanijiet tar-Regolamenti Nri 3821/85 u 561/2006 huma, minn naħa, it-titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tas-sewwieqa li għalihom japplikaw dawn ir-regolamenti kif ukoll is-sigurtà fit-toroq b’mod ġenerali, u, min-naħa l-oħra, l-istabbiliment ta’ regoli uniformi dwar it-tul tas-sewqan u dwar il-ħin tal-mistrieħ tas-sewwieqa kif ukoll il-kontroll tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Frar 2012, Urbán, C‑210/10, EU:C:2012:64, punt 25).

33

Għal dan il-għan, l-imsemmija regolamenti jipprevedu grupp ta’ miżuri, b’mod partikolari regoli uniformi dwar it-tul tas-sewqan u l-ħin ta’ mistrieħ tas-sewwieqa kif ukoll il-kontroll tagħhom, li l-osservanza tagħhom għandha tiġi ggarantita mill-Istati Membri permezz tal-applikazzjoni ta’ sistema ta’ sanzjonijiet għal kull ksur tagħhom.

34

Skont kliem il-ħdax-il premessa tar-Regolament Nru 3821/85, l-għanijiet ta’ kontroll tal-ħinijiet ta’ xogħol u ta’ mistrieħ jeħtieġu li l-persuni li jimpjegaw u s-sewwieqa jkunu obbligati jiżguraw il-funzjonament tajjeb tal-apparat ta’ reġistrazzjoni billi jwettqu bir-reqqa l-operazzjonijiet meħtieġa mil-leġiżlazzjoni.

35

Hekk kif jirriżulta mill-Anness I u mill-Anness I B ta’ dan ir-regolament, l-apparat ta’ reġistrazzjoni installat abbord il-vetturi ta’ trasport bit-triq, li l-funzjonament tiegħu jista’ jkun kemm analoġiku kif ukoll diġitali, għandu jippermetti li tiġi indikata u rreġistrata ċerta data relatata mal-vjaġġ ta’ dawn il-vetturi kif ukoll mal-perijodi ta’ sewqan tas-sewwieqa tagħhom.

36

Fil-każ fejn il-vettura ta’ trasport bit-triq tkun mgħammra b’apparat ta’ reġistrazzjoni analoġiku, din id-data tiġi rreġistrata fuq folja ta’ reġistrazzjoni mdaħħla fl-apparat. Meta l-vettura tkun mgħammra b’apparat ta’ reġistrazzjoni diġitali, l-imsemmija data tkun maħżuna fuq il-karta tas-sewwieq.

37

L-Artikolu 15(2) tal-imsemmi regolament jipprevedi li s-sewwieqa għandhom jużaw il-folji ta’ reġistrazzjoni jew il-karti tas-sewwieq kull ġurnata li matulha huma jsuqu, mill-mument li huma jieħdu l-vettura taħt idejhom, u li l-folja ta’ reġistrazzjoni jew il-karta tas-sewwieq ma tistax tiġi rtirata qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ ħidma ta’ kuljum, sakemm l-irtirar tagħha ma jkunx awtorizzat b’mod ieħor.

38

Huwa b’konnessjoni ma’ dan l-obbligu li l-Artikolu 15(7)(a) tar-Regolament Nru 3821/85 jipprevedi li, fuq talba tal-awtoritajiet ta’ spezzjoni, is-sewwieq ta’ vettura mgħammra b’apparat ta’ reġistrazzjoni analoġiku huwa normalment obbligat li jippreżenta, wara l‑1 ta’ Jannar 2008, il-folji ta’ reġistrazzjoni tal-jum kurrenti kif ukoll tat-28 jum ta’ qabel.

39

Skont il-formulazzjoni tiegħu, l-Artikolu 15(7)(a) tar-Regolament Nru 3821/85 jimponi, fir-rigward tal-folji ta’ reġistrazzjoni, obbligu li abbażi tiegħu s-sewwieq għandu jkun f’pożizzjoni li jippreżenta l-folji ta’ reġistrazzjoni relatati mal-perijodu li jkopri l-jum tal-ispezzjoni u t-28 jum ta’ qabel. Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi obbligu uniku li jkopri t-totalità ta’ dan il-perijodu u mhux diversi obbligi separati għal kull waħda mill-ġranet ikkonċernati jew għal kull folja ta’ reġistrazzjoni korrispondenti.

40

Għalhekk, il-ksur tal-obbligu impost mill-Artikolu 15(7)(a) tar-Regolament Nru 3821/85 jikkostitwixxi ksur uniku u instantanju, li jikkonsisti fl-impossibbiltà li s-sewwieq jippreżenta, fil-mument tal-ispezzjoni, id-29 folja ta’ reġistrazzjoni kollha jew parti minnhom. Dan il-ksur jista’ jagħti lok biss għal sanzjoni waħda.

41

Fil-fatt, konformament għall-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 561/2006, ebda ksur tar-Regolament Nru 3821/85 ma jagħti lok għal iktar minn sanzjoni waħda.

42

Din l-interpretazzjoni ma hijiex ikkonfutata mid-dispożizzjonijiet tal-Anness III tad-Direttiva 2006/22. Fil-fatt, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwimiet fil-kawża prinċipali, dan l-Anness III ma kienx intiż li jistabbilixxi lista preċiża u eżawrjenti ta’ ksur tar-Regolamenti Nri 3821/85 u 561/2006, iżda kien jillimita ruħu li jistabbilixxi, fil-konfront tal-Istati Membri, linji gwida fuq livell komuni ta’ ksur ta’ dawn ir-regolamenti. Konsegwentement, dawn il-linji gwida ma jistgħux jidderogaw mill-interpretazzjoni li tirriżulta minn kliem l-Artikolu 15(7)(a) tar-Regolament Nru 3821/85, hekk kif ġiet esposta fil-punti 39 u 40 ta’ din is-sentenza.

43

Lanqas għanijiet imfittxija mir-Regolamenti Nri 3821/85 u 561/2006, imfakkar fil-punti 32 u 33 ta’ din is-sentenza, ma huma ta’ natura li jikkonfutaw l-interpretazzjoni li tirriżulta minn kliem l-Artikolu 15(7) tar-Regolament Nru 3821/85.

44

Mill-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq jirriżulta li, meta, fil-kuntest ta’ spezzjoni, is-sewwieq ta’ vettura ta’ trasport bit-triq ma jkunx f’pożizzjoni li jippreżenta l-folji ta’ reġistrazzjoni tat-takografu relatati mal-jum kurrenti u mat-28 jum ta’ qabel, dan l-aġir jikkostitwixxi ksur uniku li għandu jkun jinvolvi sanzjoni unika.

45

Fid-dawl taċ-ċirkustanzi tat-tilwimiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, imsemmija fil-punt 19 ta’ din is-sentenza, għandu jitfakkar ukoll li, abbażi tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 561/2006, is-sanzjonijiet għal ksur tar-Regolamenti Nri 3821/85 u 561/2006 għandhom ikunu effettivi, proporzjonali, dissważivi u mhux diskriminatorji. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li nuqqas ta’ osservanza tal-Artikolu 15(7) tar-Regolament Nru 3821/85 ma tistax titqies bħala ksur minuri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Frar 2012, Urbán, C‑210/10, EU:C:2012:64, punti 3334). B’konsegwenza ta’ dan, is-sanzjoni prevista għal dan in-nuqqas ta’ osservanza għandha tkun suffiċjentement għolja, fid-dawl tas-serjetà ta’ dan il-ksur, sabiex din tkun tista’ tiġġenera effett realment dissważiv.

46

Barra minn hekk, nuqqas ta’ osservanza tal-Artikolu 15(7) tar-Regolament Nru 3821/85 ikun ħafna iktar serju iktar ma jkun għoli n-numru ta’ folji ta’ reġistrazzjoni li ma jistgħux jiġu ppreżentati mis-sewwieq. Fil-fatt, tali nuqqas ta’ osservanza jipprekludi l-ispezzjoni effettiva tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tas-sewwieqa u tal-osservanza tas-sigurtà fit-triq fuq diversi ġranet.

47

Għaldaqstant, sabiex tkun osservata l-proporzjonalità tas-sanzjonijiet imposti mill-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 561/2006, is-sanzjoni għandha tkun suffiċjentement modulabbli skont is-serjetà tal-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Frar 2012, Urbán, C‑210/10, EU:C:2012:64, punti 3341).

48

Fil-każ fejn l-ammont tal-multa applikabbli għal tali ksur abbażi tad-dritt tal-Istat Membru ma jkunx suffiċjenti sabiex ikollu effett dissważiv, il-qorti nazzjonali hija marbuta, skont il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt intern, li tagħti lil dan id-dritt, sa fejn ikun possibbli, interpretazzjoni konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni. L-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju mill-qorti nazzjonali jippermetti li din tal-aħħar tiżgura, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni meta hija tiddeċiedi l-kawża li tkun adita biha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2020, Association française des usagers de banques, C‑778/18, EU:C:2020:831, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

Madankollu, dik il-qorti għandha tiżgura wkoll l-osservanza tal-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege, sanċit fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-prinċipju jeżiġi li l-liġi tiddefinixxi b’mod ċar ir-reati u l-pieni li jikkastigawhom. Din il-kundizzjoni hija ssodisfatta meta l-persuna suġġetta għal-liġi tkun tista’ tagħraf, mill-kliem tad-dispożizzjoni rilevanti u, jekk meħtieġ, bl-għajnuna tal-interpretazzjoni tagħha mogħtija mill-qrati, liema atti jew ommissjonijiet jimplikaw ir-responsabbiltà kriminali tagħha (sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2015, AC-Treuhand vs Il‑Kummissjoni, C‑194/14 P, EU:C:2015:717, punt 40).

50

Minn dan isegwi li, anki jekk l-ammont massimu tal-multa li tista’ tiġi imposta fit-tilwimiet fil-kawża prinċipali jidher li ma huwiex, f’għajnejn il-qorti nazzjonali, għoli biżżejjed sabiex ikollu effetti dissważivi, dik il-qorti ma tistax timponi diversi sanzjonijiet, fejn kull waħda minnhom tkun tirrigwarda ġurnata jew diversi ġranet inklużi fil-perijodu ta’ bejn il-jum tal-ispezzjoni u t-28 jum ta’ qabel.

51

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 15(7) tar-Regolament Nru 3821/85 u l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 561/2006 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ ta’ nuqqas ta’ preżentazzjoni, mis-sewwieq ta’ vettura ta’ trasport bit-triq li jkun is-suġġett ta’ spezzjoni, tal-folji ta’ reġistrazzjoni tal-apparat ta’ reġistrazzjoni relatati ma’ diversi ġranet ta’ attività matul il-perijodu li jkopri l-jum tal-ispezzjoni u t-28 jum ta’ qabel, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-post ta’ spezzjoni huma obbligati li jikkonstataw biss ksur uniku mwettaq minn dan is-sewwieq u li jimponulu biss sanzjoni waħda għall-imsemmi ksur.

Fuq l-ispejjeż

52

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din tal-aħħar li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn ir-raġunijiet, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 15(7) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 tal-20 ta’ Diċembru 1985 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006, u l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 561/2006, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ ta’ nuqqas ta’ preżentazzjoni, mis-sewwieq ta’ vettura ta’ trasport bit-triq li jkun is-suġġett ta’ spezzjoni, tal-folji ta’ reġistrazzjoni tal-apparat ta’ reġistrazzjoni relatati ma’ diversi ġranet ta’ attività matul il-perijodu li jkopri l-jum tal-ispezzjoni u t-28 jum ta’ qabel, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-post ta’ spezzjoni huma obbligati li jikkonstataw biss ksur uniku mwettaq minn dan is-sewwieq u li jimponulu biss sanzjoni waħda għall-imsemmi ksur.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Top