EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0796

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tat-12 ta’ Novembru 2020.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Awstrija.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 2007/59/KE – Ċertifikazzjoni tas-sewwieqa tal-ferroviji – Artikolu 3(a) – Awtorità nazzjonali kompetenti – Direttiva 2004/49/KE – Artikolu 16(1) – Awtorità ta’ sigurtà – Ħatra ta’ diversi awtoritajiet.
Kawża C-796/19.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:920

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

12 ta’ Novembru 2020 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 2007/59/KE – Ċertifikazzjoni tas-sewwieqa tal-ferroviji – Artikolu 3(a) – Awtorità nazzjonali kompetenti – Direttiva 2004/49/KE – Artikolu 16(1) – Awtorità ta’ sigurtà – Ħatra ta’ diversi awtoritajiet”

Fil-Kawża C‑796/19,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fid-29 ta’ Ottubru 2019,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn W. Mölls u C. Vrignon, bħala aġenti,

rikorrenti

vs

Ir-Repubblika tal-Awstrija, irrappreżentata minn J. Schmoll u A. Posch, bħala aġenti,

konvenuta

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn M. Ilešič (Relatur), President tal-Awla, C. Lycourgos u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ħatret bħala “awtorità kompetenti”, għall-finijiet tad-Direttiva 2007/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar iċ-ċertifikazzjoni ta’ sewwieqa tal-ferroviji li joperaw lokomotivi u ferroviji fuq is-sistema ferrovjarja tal-Komunità (ĠU 2007, L 315, p. 51), awtorità differenti mill-awtorità ta’ sigurtà msemmija fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 fuq is-sigurtà tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 95/18/KE fuq l-għoti tal-liċenzi ta’ l-impriżi tal-linji tal-ferrovija u d-Direttiva 2001/14/KE fuq l-allokazzjoni tal-kapaċità ta’ l-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u l-intaxxar tal-piżijiet għall-użu ta’ l-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u ċ-ċertifikazzjoni tas-sigurtà (Id-Direttiva tas-Sigurtà Tal-Linji tal-Ferrovija) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 227), ir-Repubblika tal-Awtstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 2007/59.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2004/49

2

Il-premessi 13 u 22 tad-Direttiva 2004/49 jipprovdu:

“(13)

Fil-qadi tad-dmirijiet u tar-responsabbilitajiet tagħhom, il-managers ta’ l-infrastruttura u l-impriżi tal-linji tal-ferrovija għandhom jimplimentaw sistema ta’ maniġġjar tas-sigurtà, li taqdi l-ħtiġiet tal-Komunità u li fiha elementi komuni. L-informazzjoni fuq is-sigurtà u l-implimentazzjoni tas-sistema ta’ l-immaniġġjar għandha tkun sottomessa lill-awtorità tas-sigurtà fl-Istat Membru konċernat.

[…]

(22)

Bħala parti mill-qafas regolatorju l-ġdid għas-sigurtà tal-linji tal-ferrovija, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom ikunu stabbiliti fl-Istati Membri kollha biex jirregolaw u jissorveljaw is-sigurtà tal-linji tal-ferrovija. Biex tkun faċilitata l-koperazzjoni bejniethom fuq il-livell tal-Komunità huma għandhom jingħataw l-istess dmirijiet u responsabilitajiet minimi. L-awtoritajiet nazzjonali tas-sigurtà għandhom ikunu mogħtija livell għoli ta’ indipendenza. Huma għandhom jaqdu d-dmirijiet tagħhom b’mod miftuħ u bla diskriminazzjoni biex jgħinu biex tkun magħmula sistema ta’ linji tal-ferrovija waħda tal-Komunità u biex jikkoordinaw il-kriterji tat-teħid tad-deċiżjonijiet, partikolarment dwar iċ-ċertifikazzjoni tas-sigurtà ta’ l-impriżi tal-linji tal-ferrovija li joperaw servizzi ta’ trasport internazzjonali.”

3

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/49 “[l]-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tassigura l-iżvilupp u t-titjib tas-sigurtà fuq il-linji tal-ferrovija tal-Komunità u l-aċċess imtejjeb fis-suq għas-servizzi tat-trasport bil-ferrovija billi:

[…]

(d)

teħtieġ l-istabbiliment, f’kull Stat Membru, ta’ l-awtorità tas-sigurtà u l-entità li tinvestiga l-inċident;

[…]”

4

L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

(g)

“l-awtorità tas-sigurtà” tfisser l-entità nazzjonali li ġiet fdata bix-xogħol dwar is-sigurtà tal-linji tal-ferrovija skond din id-Direttiva jew kwalunkwe entità [bi]nazzjonali fdata mill-Istati Membri b’dan ix-xogħol sabiex tassigura reġim wieħed tas-sigurtà għall-infrastrutturi speċjalizzati li jaqsmu l-fruntiera;

[…]”

5

L-Artikolu 9(4) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“Kull sena il-managers kollha ta’ l-infrastruttura u l-impriżi kollha tal-linji tal-ferrovija għandhom jissottmettu lill-awtorità dwar is-sigurtà ir-rapport annwali dwar is-sigurtà li jikkonċerna s-sena preċendenti qabel it-30 Ġunju. Ir-rapport tas-sigurtà għandu jkun fih:

(a)

l-informazzjoni fuq kif il-miri inkorporati tas-sigurtà ta’ l-organizzazzjoni jintlaħqu u r-riżultati tal-pjanijiet tas-sigurtà;

(b)

l-iżvilupp ta’ l-indikaturi nazzjonali tas-sigurtà, u [tal-Indikaturi Komuni tas-Sigurtà (CSI)] stabbiliti fl-Anness I, sakemm huwa relevanti lill-organizzazzjoni li tirrapporta;

(ċ)

ir-riżultati tal-verifiki interni tas-sigurtà;

(d)

l-osservazzjonijiet fuq in-nuqqasijiet u l-funzjonament ħażin tat-tħaddim tal-ferrovija u l-immaniġġjar ta’ l-infrastruttura li jista’ jkun relevanti għall-awtorità tas-sigurtà.”

6

L-Artikolu 10(3) u (4) tal-istess direttiva jaqra kif ġej:

“3.   L-awtorità tas-sigurtà fl-Istat Membru fejn l-impriża tal-linji tal-ferrovija tistabbilixxi l-ewwel it-tħaddim tagħha għandha tagħti ċ-ċertifikazzjoni skond il-paragrafu 2.

Iċ-ċertifikazzjoni mogħtija skond il-paragrafu 2 għandha tispeċifika t-tip u l-limitu tat-tħaddim tal-ferrovija li hi koperta. Iċ-ċertifikazzjoni mogħtija skond il-paragrafu 2(a) għandha tkun valida fil-Komunità kollha għat-tħaddim ekwivalenti tat-trasport bil-ferrovija.

4.   L-awtorità tas-sigurtà fl-Istat Membru li fih l-impriża tal-linji tal-ferrovija qegħda tippjana li topera servizzi addizzjonali tat-trasport bil-ferrovija għandha tagħti ċ-ċertifikazzjoni nazzjonali addizzjonali neċessarja skond il-paragrafu 2(b).”

7

Fil-paragrafu 1 tiegħu, l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/49, intitolat “Id-dmirijiet”, jipprovdi:

“Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi l-awtorità tas-sigurtà. Din l-awtorità tista’ tkun il-Ministeru responsabbli għall-affarijiet tat-trasport u għandha tkun indipendenti fl-organizzazzjoni tagħha, fl-istruttura legali u t-teħid tad-deċiżjonijeit minn kwalunkwe impriża tal-linji tal-ferrovija, manager ta’ l-infrastruttura, l-applikant jew l-entità li takkwista.”

8

Il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 16 jelenka l-kompiti minimi li għandhom jiġu assenjati lill-awtorità ta’ sigurtà msemmija fil-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu.

9

L-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva, intitolat “Ir-rapport annwali”, jipprevedi:

“Kull sena l-awtorità tas-sigurtà għandha tippubblika rapport annwali dwar l-attivitajiet tagħha fis-sena preċedenti u tibgħatu lill-Aġenzija [tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji] sat-30 ta’ Settembru bħala l-aħħar data. Ir-rapport għandu jkun fih l-informazzjoni fuq:

(a)

l-iżvilupp tas-sigurtà tal-linji tal-ferrovija, inkluż l-aggregazzjoni fuq il-livell ta’ l-Istat Membru tas-CSIs stabbiliti fl-Anness I;

[…]”

10

Fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu, l-Artikolu 25 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Ir‑rakkomandazzjonijiet tas-sigurtà”, jipprovdi:

“2.   Ir-rakkomandazzjonijiet għandhom ikunu indirizzati lill-awtorità tas-sigurtà u, fejn hemm bżonn minħabba l-karattru tar-rakkomandazzjoni, lill-entitajiet u l-awtoritajiet l-oħra ta’ l-Istat Membri jew lill-Istati Membri l-oħra. L-Istati Membri u l-awtoritajiet tas-sigurtà tagħhom għandhom jieħdu il-miżuri neċessarji biex jiżguraw li r-rakkomandazzjonijiet tas-sigurtà maħruġa mill-entitajiet investigattivi huma meħuda in konsiderazzjoni b’mod xieraq, u, fejn xieraq, tittieħed azzjoni fuqhom.

3.   L-awtorità tas-sigurtà u l-awtoritajiet jew l-entitajiet l-oħra, u fejn xieraq, l-Istati Membri l-oħra li ġew indirizzati lilhom ir-rakkomandazzjonijiet, għandhom jirrapportaw lura minn ta’ l-anqas darba f’sena lill-entità investigattiva fuq il-miżuri li ġew meħuda jew ippjanati bħala konsegwenza tar-rakkomandazzjoni.”

11

L-Anness I tal-istess direttiva jistabbilixxi l-indikaturi komuni tas-sigurtà li għandhom jiġu nnotifikati mill-awtoritajiet ta’ sigurtà lill-Kummissjoni.

Id-Direttiva 2007/59

12

Il-premessi 17 u 19 tad-Direttiva 2007/59 jipprovdu:

“(17)

Sabiex ikunu garantiti l-uniformità u t-trasparenza meħtieġa, il-Komunità għandha tistabbilixxi mudell wieħed ta’ ċertifikazzjoni, rikonoxxut b’mod reċiproku mill-Istati Membri, li jservi bħala prova kemm tal-konformità tas-sewwieq tal-ferrovija ma’ ċerti kondizzjonijiet minimi, kif ukoll tal-kwalifiki professjonali u tal-konoxxenza lingwistika tagħhom, filwaqt li l-ħruġ ta’ liċenzji jitħalla f’idejn l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri u l-ħruġ ta’ ċertifikati komplementari armonizzati f’idejn l-impriżi ferrovjarji u l-amministraturi ta’ l-infrastrutturi.

[…]

(19)

L-informazzjoni kollha kontenuta fil-liċenzji, fiċ-ċertifikati komplementari armonizzat, u fir-reġistri ta’ liċenzji u ta’ ċertifikati komplementari armonizzati, għandha tintuża mill-awtoritajiet tas-sigurtà sabiex tkun faċilitata il-valutazzjoni tal-proċess ta’ ċertifikazzjoni tal-persunal prevista fl-Artikoli 10 u 11 tad-Direttiva 2004/49/KE u sabiex jitħaffef il-ħruġ taċ-ċertifikati ta’ sigurtà previsti fl-istess artikoli.”

13

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2007/59:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi l-kondizzjonijiet u l-proċeduri għaċ-ċertifikazzjoni tas-sewwieqa tal-ferroviji li joperaw lokomotivi u ferroviji fuq is-sistema tal-ferroviji fil-Komunità. Tispeċifika l-kompiti li għalihom huma responsabbli l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri, is-sewwieqa tal-ferroviji u l-partijiet interessati l-oħra fis-settur, b’mod partikolari l-impriżi ferrovjarji, l-amministraturi ta’ l-infrastrutturi u ċ-ċentri ta’ taħriġ.”

14

L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

(a)

‘awtorità kompetenti’ tfisser l-awtorità ta’ sigurtà msemmija fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/49/KE;

[…]”

15

L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Miżuri kontra l-frodi”, jipprovdi:

“L-awtoritajiet kompetenti u l-entitajiet tal-ħruġ għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa sabiex jiġu evitati r-riskji ta’ falsifikazzjoni ta’ liċenzji u ċertifikati u ta’ tbagħbis fir-reġistri previsti fl-Artikolu 22.”

16

Fil-paragrafu 1 tiegħu, l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2007/59, intitolat “Kompiti ta’ l-awtorità kompetenti”, jipprevedi:

“L-awtorità kompetenti għandha twettaq il-kompiti li ġejjin b’mod trasparenti u non-diskriminatorju:

(a)

il-ħruġ u l-aġġornament ta’ liċenzji, l-għoti ta’ duplikati, kif previst fl-Artikoli 6 u 14;

(b)

l-assigurazzjoni ta’ kontrolli perjodiċi kif previst fl-Artikolu 16(1);

(ċ)

is-sospensjoni u l-irtirar ta’ liċenzji, u n-notifika lill-entità emittenti dwar talbiet, li għandhom ikunu motivati, għas-sospensjoni ta’ ċertifikati, kif previst fl-Artikolu 29;

[…]”

17

L-Artikolu 22 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi diversi obbligi li għandhom b’mod partikolari jiġu ssodisfatti mill-awtoritajiet kompetenti, fil-qasam tar-reġistri u tal-iskambju ta’ informazzjoni.

Id-dritt Awstrijak

18

Il-Bundesgesetz über Eisenbahnen, Schienenfahrzeuge auf Eisenbahnen und den Verkehr auf Eisenbahnen (il-Liġi Federali dwar il-Linji tal-Ferrovija, dwar il-Vetturi Ferrovjarji u dwar it-Traffiku Ferrovjarju) (BGBl. 60/1957), kif emendata (iktar ’il quddiem l-“Eisenbahgesetz 1957”), fdat bħala prinċipju lill-Ministru Federali għat-Trasport, l-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (iktar ’il quddiem il-“Ministru”), il-kompiti tal-awtorità ta’ sigurtà, fis-sens tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/49.

19

L-Artikolu 130 tal-Eisenbahngesetz 1957, li jinsab fil-Kapitolu 9 ta’ din il-liġi, dwar is-“sewwieqa tal-ferroviji”, jistabbilixxi kompetenza derogatorja fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar. Dan l-artikolu huwa fformulat kif ġej:

“(1)   Il-kompetenza fil-qasam ta’ ħruġ ta’ liċenzja, ta’ aġġornament tad-data ta’ liċenzja, ta’ tiġdid ta’ liċenzja jew ta’ ħruġ ta’ duplikat tal-liċenzja, kif ukoll ta’ rtirar ta’ liċenzja u ta’ sospensjoni ta’ liċenzja, hija ta’ Schieneninfrastruktur-Dienstleistungsgesellschaft mbH. Din għandha tapplika l-[Allgemeines Verwaltungsverfahrensgesetz 1991 (il-Liġi Ġenerali dwar il-Proċedura Amministrattiva tal-1991) (BGBl. 51/1991), kif emendata], fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva.

2)   Il-[Ministru] jista’ jagħti lil Schieneninfrastruktur-Dienstleistungsgesellschaft mbH istruzzjonijiet dwar l-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha. Fl-oqsma msemmija fil-paragrafu 1, il-[Ministru] huwa l-awtorità superjuri ta’ referenza, fis-sens tal-Artikoli 5 u 68 tal-Liġi Ġenerali dwar il-Proċedura Amministrattiva tal-1991, kif emendata.”

20

L-Artikoli 3, 4, 6 u 10 tal-Bundesgesetz über die Errichtung einer Schieneninfrastrukturfinanzierungs-Gesellschaft (il-Liġi Federali dwar il-Ħolqien ta’ Kumpannija ta’ Finanzjament tal-Infrastrutturi Ferrovjarji) (BGBl. 201/1996) huma fformulati kif ġej:

“Kompiti

Artikolu 3

1.   Il-kompiti ta’ Schieneninfrastruktur-Dienstleistungsgesellschaft mbH huma, b’mod partikolari:

[…]

3)

it-twettiq tat-tranżazzjonijiet u l-attivitajiet kollha meħtieġa għall-iżvilupp u għat-titjib nondiskriminatorji tal-qasam ferrovjarju, kif ukoll tat-teknoloġiji ferrovjarji ġodda fuq in-netwerk ferrovjarju, l-eżekuzzjoni tat-tranżazzjonijiet u l-attivitajiet relatati kollha li jikkontribwixxu sabiex itejbu r-riżultat ta’ Schieneninfrastruktur-Dienstleistungsgesellschaft mbH, il-parteċipazzjoni fil-koordinazzjoni tal-miżuri kollha ta’ riċerka u ta’ żvilupp fil-qasam ferrovjarju;

(4)

l-eżekuzzjoni tat-tranżazzjonijiet u l-attivitajiet kollha ta’ korp regolatorju akkreditat (korp maħtur) fis-settur ferrovjarju;

(5)

wara t-trasferiment minn impriża tal-infrastruttura ferrovjarja, il-missjoni ta’ korp ta’ tarifikazzjoni skont il-Kapitolu 6 tal-Eisenbahngesetz 1957;

6)

il-ġestjoni tal-kumitat ta’ esperti skont l-Artikolu 48(4) tal-Eisenbahngesetz 1957;

7)

l-eżerċizzju tal-kompetenza skont l-Artikolu 130 tal-Eisenbahngesetz 1957;

8)

it-teħid ta’ responsabbiltà għall-kompiti marbuta mal-ħolqien u mal-ġestjoni ta’ reġistri, kif ittrasferiti lil Schieneninfrastruktur-Dienstleistungsgesellschaft mbH skont l-Eisenbahngesetz 1957, jew skont digriet adottat skont din il-liġi;

[…]

Ġestjoni tal-ishma

Artikolu 4

Il-ġestjoni tal-ishma f’Schieneninfrastruktur-Dienstleistungsgesellschaft mbH hija żgurata f’isem l-Istat Federali mill-[Ministru]. Dan għandu d-dritt li jindirizza lil Schieneninfrastruktur-Dienstleistungsgesellschaft mbH istruzzjonijiet ġenerali dwar l-eżekuzzjoni tal-kompiti tagħha fis-sens ta’ din il-liġi federali u li jitlob rendikonti fir-rigward tal-attività tagħha. L-istatuti tal-kumpannija għandhom jipprovdu li l-korpi huma suġġetti għall-obbligu li jsegwu dawn l-istruzzjonijiet u li jagħtu rendikont.

[…]

Spejjeż ta’ Schieneninfrastruktur-Dienstleistungsgesellschaft mbH

Artikolu 6

Schieneninfrastruktur-Dienstleistungsgesellschaft mbH għandha tiġi amministrata b’mod ekonomiku, prudenti u konformi mal-għan tagħha. L-Istat Federali għandu jbati l-ispejjeż marbuta mal-persunal kif ukoll l-ispejjeż materjali ta’ Schieneninfrastruktur-Dienstleistungsgesellschaft mbH, sa fejn dawn l-ispejjeż jirriżultaw mill-eżekuzzjoni tal-kompiti fdati lilha minn din il-liġi federali u ma jistgħux jitħallsu minn terzi. Schieneninfrastruktur-Dienstleistungsgesellschaft mbH għandha tħejji pjan ta’ finanzjament annwali għal dan il-għan u għandha tikseb il-kunsens tal-Ministru Federali għall-Finanzi u tal-[Ministru].

[…]

Eżenzjoni mit-taxxi

Artikolu 10

1.   Schieninfrastruktur-Dienstleistungsgesellschaft mbH hija eżentata mit-taxxi stabbiliti mil-liġijiet federali, bl-eċċezzjoni tat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ, tal-ispejjeż ġudizzjarji u tal-ispejjeż marbuta mal-amministrazzjoni ġudizzjarja, kif ukoll tat-taxxi marbuta mal-amministrazzjoni federali, sa fejn dawn it-taxxi u spejjeż jirriżultaw mit-twettiq tal-kompiti ta’ din il-kumpannija skont din il-liġi federali.

[…]”

21

L-Artikolu 20 tal-Gesetz über Gesellschaften mit beschränkter Haftung (il-Liġi dwar il-Kumpanniji b’Responsabbiltà Limitata) (RGBl. 58/1906), huwa fformulat kif ġej:

“(1)   Fir-rigward tal-portata tas-setgħa tagħhom ta’ rappreżentazzjoni tal-kumpannija, l-amministraturi huma obbligati li fir-rigward tagħha josservaw ir-restrizzjonijiet kollha previsti mill-istatuti, mill-minuti tal-laqgħat tal-azzjonisti, jew minn ordni tal-bord superviżorju, ta’ natura vinkolanti għall-amministraturi.

[…]”

Il-proċedura prekontenzjuża

22

Permezz ta’ ittra ta’ intimazzjoni tal-20 ta’ Novembru 2015, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika tal-Awstrija bid-dubji tagħha dwar il-kompatibbiltà mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2007/59, b’mod partikolari mal-Artikolu 3(a) ta’ din tal-aħħar, tal-ħatra bħala awtorità kompetenti għall-finijiet ta’ din id-direttiva ta’ entità differenti mill-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/49.

23

Fit-tweġiba tagħha tat-22 ta’ Jannar 2016 għal din l-ittra ta’ intimazzjoni, ir-Repubblika tal-Awstrija sostniet li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni kienet konformi mad-dritt tal-Unjoni. Hija enfasizzat b’mod partikolari li, skont il-prinċipju ta’ awtonomija istituzzjonali tal-Istati Membri, id-Direttiva 2007/59 ma kinitx tipprekludi li dan l-Istat Membru jinkariga korp federali, bħal Schieneninfrastruktur-Dienstleistungsgesellschaft mbH, għall-eżekuzzjoni, taħt it-tutela tal-Ministru, ta’ ċerti kompiti li jaqgħu fuq l-awtorità kompetenti, fis-sens ta’ din id-direttiva.

24

Billi qieset li t-tweġibiet ta’ dan l-Istat Membru kienu insodisfaċenti, fit-28 ta’ April 2017 il-Kummissjoni bagħtitlu opinjoni motivata, li fiha hija żammet l-ilment espress fl-ittra ta’ intimazzjoni tagħha.

25

Ir-Repubblika tal-Awstrija wieġbet għal din l-opinjoni motivata permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Ġunju 2017. Fiha, dan l-Istat Membru tenna, essenzjalment, il-pożizzjoni espressa fit-tweġiba tiegħu tat-22 ta’ Jannar 2016 għall-ittra ta’ intimazzjoni tal-Kummissjoni.

26

Peress li ma kinitx issodisfatta bit-tweġibiet mogħtija mir-Repubblika tal-Awstrija, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors.

Fuq ir-rikors

L-argumenti tal-partijiet

27

Il-Kummissjoni tosserva li l-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 2007/59 jiddefinixxi l-awtorità kompetenti għall-finijiet ta’ din id-direttiva bħala “l-awtorità ta’ sigurtà msemmija fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/49/KE”. Minn dan hija tikkonkludi li hija biss lil din l-awtorità li l-Istati Membri jistgħu jafdaw il-kompiti tal-awtorità kompetenti għall-finijiet tad-Direttiva 2007/59, peress li l-leġiżlatur nazzjonali ma għandux il-libertà li jaħtar korp ieħor għal dan il-għan.

28

Issa, filwaqt li r-Repubblika tal-Awstrija ħatret lill-Ministru bħala “awtorità tas-sigurtà” għall-finijiet tad-Direttiva 2004/49, hija Schieninfrastruktur-Dienstleistungsgesellschaft mbH li hija l-“awtorità kompetenti” għall-finijiet tad-Direttiva 2007/59, b’mod partikolari għat-twettiq tal-kompiti fdati lil din l-awtorità u elenkati fl-Artikolu 19(1)(a) sa (ċ) ta’ din l-aħħar direttiva.

29

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva 2007/59.

30

Din l-istituzzjoni tqis, f’dan ir-rigward, li l-argumenti invokati mir-Repubblika tal-Awstrija sabiex turi l-konformità tat-traspożizzjoni magħmula minn dan l-Istat Membru mad-Direttiva 2007/59 għandhom jiġu miċħuda.

31

Fl-ewwel lok, l-argument li l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/49 ma jimponix li l-kompiti tal-awtorità ta’ sigurtà jiġu fdati lil awtorità unika ma jistax jintlaqa’.

32

L-ewwel nett, fl-Artikolu 1(d) u fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/49, il-leġiżlatur tal-Unjoni uża l-forma fis-singular sabiex jindika l-awtorità ta’ sigurtà. Bl-istess mod, l-Artikolu 3(g) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi, billi juża l-forma fis-singular, l-“awtorità tas-sigurtà” bħala l-“entità nazzjonali” inkarigata b’kompiti relatati mas-sigurtà tal-linji tal-ferrovija, fis-sens tal-imsemmija direttiva. L-Artikolu 16(2) tal-istess direttiva huwa fl-istess sens, peress li jipprevedi li l-“awtorità tas-sigurtà” għandha tkun fdata bil-kompiti elenkati fih. Ċertament, f’uħud mid-dispożizzjonijiet tagħha, id-Direttiva 2004/49 tirreferi, billi tuża l-forma fil-plural, għall-“awtoritajiet tas-sigurtà”. Madankollu, hemm lok li jiġi kkonstatat li, b’dan il-mod, hija tirreferi b’mod kollettiv għall-awtoritajiet ta’ sigurtà tal-Istati Membri kollha.

33

It-tieni nett, il-kuntest li fih jidħlu dawn id-dispożizzjonijiet jikkonferma li l-forma fis-singular ingħażlet intenzjonalment mil-leġiżlatur tal-Unjoni u li ma jeżisti ebda marġni li jippermetti t-tqassim tal-kompiti bejn diversi awtoritajiet. B’hekk, l-Artikolu 10(3) u (4) tad-Direttiva 2004/49 jassoċja b’mod sistematiku Stat Membru ma’ awtorità ta’ sigurtà. Bl-istess mod, l-Artikolu 25(2) u (3) ta’ din id-direttiva jiddistingwi, għal kull Stat Membru, “l-awtorità tas-sigurtà” mill-“entitajiet u l-awtoritajiet l-oħra”. L-istess jgħodd għall-Artikolu 18 tal-imsemmija direttiva, li jipprevedi li “l-awtorità tas-sigurtà” għandha tippubblika “rapport” annwali li jikkonċerna l-attivitajiet “tagħha” fis-sena preċedenti u tibagħtu lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji. Dan ir-rapport għandu jinkludi ħarsa ġenerali rilevanti tas-sitwazzjoni fl-Istat Membru kkonċernat.

34

It-tielet nett, l-interpretazzjoni litterali u kuntestwali tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati għandha tieħu inkunsiderazzjoni b’mod predominanti l-kliem tal-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 2007/59, li jeżiġi li l-“awtorità kompetenti”, fis-sens ta’ din id-direttiva, tkun “l-awtorità ta’ sigurtà msemmija fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/49/KE”, u tibbaża ruħha, għaldaqstant, neċessarjament fuq il-premessa li l-kompiti elenkati fl-imsemmi Artikolu 16 għandhom jiġu żgurati minn awtorità unika, li għandha wkoll tiżgura l-kompiti tal-awtorità ta’ sigurtà għall-finijiet tad-Direttiva 2007/59.

35

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tar-Repubblika tal-Awstrija li jgħid li l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda [tħassar id-]Direttiva 2003/54/KE (ĠU 2009, L 211, p. 55), u l-Artikolu 55 tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (ĠU 2012, L 343, p. 32, rettifiki fil-ĠU 2015, L 67, p. 32 u fil-ĠU 2015, L 196, p. 67), jinkarigaw rispettivament lill-Istati Membri sabiex jinnominaw “awtorità regolatorja nazzjonali waħda” u li jistabbilixxu “korp regolatorju nazzjonali wieħed”, b’tali mod li, a contrario, ikun jista’ jitqies li d-Direttiva 2004/49, li ma fihiex tali kwalifikattivi, tkun tippermetti l-ħatra ta’ diversi awtoritajiet, il-Kummissjoni tirribatti li peress li dawn id-dispożizzjonijiet issostitwixxew dispożizzjonijiet preċedenti li kienu jiprevedu l-ħatra ta’ diversi organi jew korpi distinti, kien neċessarju li dawn id-distinzjonijiet jintwerew b’mod ċar meta mqabbla mal-atti hekk emendati.

36

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument tar-Repubblika tal-Awstrija bbażat fuq il-possibbiltà, għall-Istati Membri, li fl-assenza ta’ rekwiżiti speċifiċi fid-dritt tal-Unjoni japplikaw ir-regoli nazzjonali tagħhom meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, il-Kummissjoni ssostni li d-Direttiva 2007/59 effettivament tinkludi tali rekwiżiti speċifiċi. Barra minn hekk, il-fatt li Schieneninfrastruktur-Dienstleistungsgesellschaft mbH hija kumpannija stabbilita direttament mil-leġiżlazzjoni federali, li l-ishma tagħha huma amministrati mill-Ministru, li twettaq kompiti għall-Istat Federali f’kollaborazzjoni mill-qrib u taħt il-kontroll tal-Ministru fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità ta’ sigurtà kompetenti fil-livell ċentrali, jikkonferma l-eżistenza ta’ żewġ awtoritajiet distinti. B’hekk, il-Ministru ma huwiex l-awtorità fiha nfisha, iżda l-awtorità superjuri ta’ referenza, fis-sens tal-Artikoli 5 u 68 tal-Liġi Ġenerali dwar il-Proċedura Amministrattiva tal-1991, kif emendata, jiġifieri dik li, minn naħa, tiddeċiedi dwar il-“kunflitti ta’ kompetenza bejn awtoritajiet”, u, min-naħa l-oħra, għandha d-dritt li tannulla, temenda jew tiddikjara nulli u bla effett id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet li huma subordinati għaliha, f’każijiet limitati ħafna. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi konkluż li dawn l-awtoritajiet huma “awtoritajiet oħra”.

37

Ir-Repubblika tal-Awstrija tikkontesta n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat.

38

Hija tesponi, fl-ewwel lok, li d-Direttivi 2004/49 u 2007/59 jevokaw, bl-użu tal-forma fil-plural, l-“awtoritajiet ta’ sigurtà” u l-“awtoritajiet kompetenti” tal-Istati Membri. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2004/49 ma jipprekludix l-assenjazzjoni ta’ kompiti multipli lil diversi awtoritajiet, peress li dan l-artikolu jipprovdi biss li “awtorità ta’ sigurtà” hija obbligata li tiżgura numru ta’ kompiti fil-qasam tas-sigurtà ferrovjarja. Barra minn hekk, l-obbligu, għall-awtorità ta’ sigurtà, li tippubblika rapport annwali dwar l-attivitajiet tagħha, previst fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2004/49, ma jeskludix l-istabbiliment, b’mod ikkoordinat, minn diversi awtoritajiet, ta’ tali rapport uniku.

39

Fit-tieni lok, dan l-Istat Membru jirreferi għad-differenzi bejn it-terminoloġija użata fid-Direttiva 2004/49, minn naħa, u fid-Direttivi 2009/72 u 2012/34, min-naħa l-oħra, b’dawn tal-aħħar jipprevedu rispettivament l-istabbiliment ta’ “awtorità regolatorja nazzjonali waħda” u ta’ “korp regolatorju nazzjonali wieħed uniku”, sabiex isostni li d-Direttiva 2004/49 għandha tiġi interpretata, a contrario, bħala li tippermetti l-ħatra ta’ diversi awtoritajiet.

40

Fit-tielet lok, fl-Istati Membri li għandhom struttura federali, jista’ jkun neċessarju, għal raġunijiet ta’ organizzazzjoni tal-Istat jew ta’ tqassim nazzjonali tal-kompetenzi, li ċerti kompiti jitwettqu b’mod deċentralizzat. F’dan ir-rigward, ikollhom jiġu osservati l-prinċipji ta’ awtonomija istituzzjonali tal-Istati Membri, ta’ proporzjonalità kif ukoll ta’ sussidjarjetà, li jimponu fuq il-Kummissjoni l-osservanza tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali stabbiliti sew kif ukoll l-istruttura u l-funzjonament tas-sistemi ġuridiċi tal-Istati Membri.

41

Għalhekk ma tistax tiġi kkritikata s-soluzzjoni organizzattiva magħżula mir-Repubblika tal-Awstrija fil-kuntest tat-traspożizzjoni tad-Direttivi 2004/49 u 2007/59, li tikkonsisti fl-għoti ta’ kompiti lill-Ministru, bħala awtorità ta’ sigurtà ċentrali kompetenti għat-territorju Awstrijak kollu, u f’li Schieneninfrastruktur-Dienstleistungsgesellschaft mbH, subordinata għall-Ministru, tiġi fdata l-eżekuzzjoni tal-kompiti operattivi marbuta maċ-ċertifikazzjoni tas-sewwieqa tal-ferroviji. Dan japplika a fortiori peress li Schieneninfrastruktur-Dienstleistungsgesellschaft mbH hija kumpannija maħluqa direttament minn liġi federali, li l-ishma tagħha huma amministrati mill-Ministru, li l-ispejjeż tagħha fil-qasam tal-persunal u tal-materjal jitħallsu mill-Istat Federali u li l-qasam tal-attività tagħha huwa rregolat mil-liġi federali. Barra minn hekk, Schieneninfrastruktur-Dienstleistungsgesellschaft mbH hija, f’diversi aspetti, marbuta mill-istruzzjonijiet tal-Ministru.

L-ewalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

42

Il-Kummissjoni takkuża lir-Repubblika tal-Awstrija li kisret l-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 2007/59, billi ħatret bħala “awtorità kompetenti”, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-direttiva, awtorità li ma hijiex l-“awtorità ta’ sigurtà” msemmija fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/49.

43

Huwa paċifiku f’dan il-każ, li, f’dan l-Istat Membru, l-awtorità ta’ sigurtà msemmija fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/49 hija l-Ministru, filwaqt li l-“awtorità kompetenti”, li ġiet maħtura sabiex teżegwixxi ċerti kompiti msemmija, b’mod partikolari, fl-Artikolu 19(1)(a) sa (ċ) tad-Direttiva 2007/59, hija Schieneninfrastruktur-Dienstleistungsgesellschaft mbH, kumpannija stabbilita minn liġi federali.

44

L-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 2007/59 jiddefinixxi l-“awtorità kompetenti” bħala “l-awtorità ta’ sigurtà msemmija fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/49/KE”.

45

Sabiex jiġi ddeterminat jekk, kif issostni r-Repubblika tal-Awstrija, dawn id-dispożizzjonijiet jippermettux lil Stat Membru li jafda lil awtoritajiet distinti l-kompiti li huma assenjati rispettivament lill-“awtorità kompetenti” u lill-“awtorità ta’ sigurtà” minn dawn id-direttivi, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss it-termini tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, iżda wkoll il-kuntest tagħhom, l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li jagħmlu parti minnha u, jekk ikun il-każ, l-oriġini tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Nederlands Uitgeversverbond u Groep Algemene Uitgevers, C‑263/18, EU:C:2019:1111, punt 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

46

Qabelxejn, fir-rigward tal-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, fl-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 2007/59 huwa msemmi li, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, l-awtorità kompetenti hija l-awtorità ta’ sigurtà msemmija fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/49.

47

Dan l-Artikolu 16 jipprevedi l-istabbiliment, minn kull Stat Membru, ta’ “awtorità ta’ sigurtà”, li, skont l-imsemmi artikolu, jista’ jkun il-Ministeru responsabbli għall-kwistjonijiet tat-trasport. Il-kunċett ta’ “awtorità ta’ sigurtà”, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, huwa speċifikament iddefinit fl-Artikolu 3(g) tagħha bħala “l-entità nazzjonali li ġiet fdata bix-xogħol dwar is-sigurtà tal-linji tal-ferrovija skond [l-imsemmija] Direttiva jew kwalunkwe entità [bi]nazzjonali fdata mill-Istati Membri b’dan ix-xogħol sabiex tassigura reġim wieħed tas-sigurtà għall-infrastrutturi speċjalizzati li jaqsmu l-fruntiera”.

48

B’hekk, minn qari flimkien tal-Artikolu 3(g) u tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/49, b’mod partikolari mill-użu, mil-leġiżlatur tal-Unjoni, minn naħa, tal-forma fis-singular sabiex tiġi indikata l-awtorità ta’ sigurtà u, min-naħa l-oħra, tal-element ta’ kwalifika “nazzjonali” li hija marbuta magħha, jirriżulta li dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu l-ħatra, f’kull Stat Membru, ta’ korp nazzjonali wieħed inkarigat mill-kompiti relatati mas-sigurtà tal-linji tal-ferrovija, fejn madankollu żewġ Stati Membri jistgħu, jekk ikun il-każ, jafdaw korp binazzjonali sabiex iwettaq dawn il-kompiti.

49

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-istruttura tad-Direttiva 2004/49, li minnha jirriżulta li l-informazzjoni dwar is-sigurtà tal-linji tal-ferrovija fl-Unjoni għandha, f’kull Stat Membru, tiġi kkomunikata b’mod ċentralizzat lil awtorità ta’ sigurtà unika, li hija responsabbli mill-ħruġ taċ-ċertifikati meħtieġa jew ukoll mit-tfassil u mill-pubblikazzjoni ta’ indikaturi ta’ sigurtà għall-Istat Membru kkonċernat.

50

Għalhekk, qabelxejn, l-Artikolu 9(4) tad-Direttiva 2004/49, moqri fid-dawl tal-premessa 13 ta’ din id-direttiva, jipprevedi li l-amministraturi kollha tal-infrastruttura u l-impriżi ferrovjarji kollha għandhom jissottomettu lill-“awtorità tas-sigurtà fl-Istat Membru konċernat” rapport annwali li jinkludi informazzjoni dwar is-sigurtà u l-implimentazzjoni tas-sistema ta’ ġestjoni tas-sigurtà, fejn tali rapport ta’ sigurtà jinkludi b’mod partikolari l-iżvilupp ta’ indikaturi ta’ sigurtà “nazzjonali”.

51

Sussegwentement, skont l-Artikolu 10(3) u (4) tal-imsemmija direttiva, hija “l-awtorità tas-sigurtà fl-Istat Membru” fejn l-impriża ferrovjarja tistabbilixxi l-attivitajiet tagħha fl-ewwel lok jew tipprevedi li topera servizzi addizzjonali ta’ trasport ferrovjarju li tagħti ċ-ċertifikazzjonijiet meħtieġa.

52

Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2004/49, l-awtorità ta’ sigurtà għandha tippubblika, kull sena, rapport annwali dwar l-attivitajiet tagħha matul is-sena preċedenti, li jinkludi b’mod partikolari, skont il-punt (a) ta’ dan l-artikolu, “aggregazzjoni fuq il-livell ta’ l-Istat Membru”, tal-indikaturi komuni ta’ sigurtà ddefiniti fl-Anness I ta’ din id-direttiva.

53

Jista’ jiġi enfasizzat ukoll li l-interpretazzjoni bbażata fuq il-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, imfakkra fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, hija sostnuta wkoll mix-xogħlijiet leġiżlattivi li ppreċedew kemm l-adozzjoni tad-Direttiva 2004/49 kif ukoll dik tad-Direttiva 2007/59.

54

B’hekk, minn naħa, l-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq is-sigurtà tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 95/18/KE fuq l-għoti tal-liċenzi tal-impriżi tal-linji tal-ferrovija, u d-Direttiva 2001/14/KE fuq l-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u l-intaxxar tal-piżijiet għall-użu ta’ l-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u ċ-ċertifikazzjoni tas-sigurtà (COM(2002) 21 finali), li ppreċediet l-adozzjoni tad-Direttiva 2004/49, kienet tistabbilixxi, fit-taqsima tagħha ddedikata għall-awtoritajiet ta’ sigurtà nazzjonali, li, “[s]kont id-direttivi li jinsabu fis-seħħ bħalissa, il-leġiżlazzjoni tas-sigurtà tista’ tkun żgurata minn diversi korpi. […] Għal perijodu twil, dan ma huwiex kompatibbli mat-twettiq ta’ kompiti ta’ kontroll tas-sigurtà. Regoli ġusti u trasparenti jeħtieġu trattament ugwali tal-atturi kollha tas-settur taħt is-superviżjoni ta’ awtorità pubblika. […] Sabiex tkun iffaċilitata l-koordinazzjoni fil-livell Ewropew tar-regoli dwar is-sigurtà, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti strutturi armonizzati fl-Istati Membri kollha. […] Għall-istess raġuni, huwa importanti li jiġu kkonċentrati fi ħdan korp wieħed il-funzjonijiet kruċjali kollha ta’ kontroll tas-sigurtà, bħall-adozzjoni ta’ regoli ta’ sigurtà legalment vinkolanti”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

55

Min-naħa l-oħra, l-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar iċ-ċertifikazzjoni tal-persunal ta’ fuq il-ferroviji li jiżguraw is-sewqan ta’ lokomotivi u ta’ ferroviji fuq in-netwerk ferrovjarju tal-Komunità (COM(2004) 142 finali), li ppreċediet l-adozzjoni tad-Direttiva 2007/59, tindika li l-għażla li tiġi maħtura l-awtorità ta’ sigurtà bħala awtorità inkarigata mill-ħruġ tal-liċenzja saret “[s]abiex tiġi żgurata l-ikbar koerenza fil-kuntest leġiżlattiv stabbilit fil-livell Komunitarju fir-rigward tas-sigurtà fil-qasam ferrovjarju”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

56

Fl-aħħar nett għandu jiġi enfasizzat li l-interpretazzjoni adottata fil-punt 48 ta’ din is-sentenza tidher li hija konformi mal-għan imfittex mid-Direttiva 2004/49. Fil-fatt, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, din id-direttiva hija intiża, b’mod partikolari, li tikkonċentra fi ħdan korp wieħed il-funzjonijiet essenzjali tal-kontroll tas-sigurtà ferrovjarja, u din il-konċentrazzjoni tippermetti sabiex, skont l-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva, jiġi żgurat l-iżvilupp u t-titjib tas-sigurtà fil-linji tal-ferroviji.

57

L-argumenti mressqa mir-Repubblika tal-Awstrija sabiex tikkontesta l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni li jinsabu fil-punti 44 sa 55 ta’ din is-sentenza ma jistgħux jintlaqgħu.

58

L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt, irrilevat mir-Repubblika tal-Awstrija, li diversi dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2004/49 u 2007/59 isemmu, fil-forma fil-plural, l-“awtoritajiet ta’ sigurtà” u l-“awtoritajiet kompetenti” tal-Istati Membri ma jistax ikun deċiżiva, peress li tali dispożizzjonijiet jirreferu manifestament, b’mod kollettiv, għal tali awtoritajiet fid-diversi Stati Membri tal-Unjoni. Dan huwa l-każ, minn naħa, tal-premessa 22 tad-Direttiva 2004/49, li tirreferi għall-ħtieġa li “l-awtoritajiet nazzjonali […] ikunu stabbiliti fl-Istati Membri kollha biex jirregolaw u jissorveljaw is-sigurtà tal-linji tal-ferrovija”, jew ukoll tal-Anness I ta’ din id-direttiva, li jsemmi “[i]ndikaturi komuni tas-sigurtà [li] għandhom ikunu rappurtati [m]ill-awtoritajiet tas-sigurtà”, li huma s-suġġett, skont l-Artikolu 18 tal-imsemmija direttiva, ta’ inventarju, “fuq il-livell ta’ l-Istat Membru”. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2007/59, il-premessa 17 tagħha tirreferi għall-“awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri”, filwaqt li l-premessa 19 tagħha tirreferi, b’mod ġeneriku, għall-awtoritajiet ta’ sigurtà stabbiliti mid-Direttiva 2004/49. Bl-istess mod, l-Artikoli 1, 5 u 22 tad-Direttiva 2007/59 sempliċement isemmu l-kompiti tal-“awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri” u tal-“awtoritajiet kompetenti”.

59

It-tieni nett, il-fatt, invokat mir-Repubblika tal-Awstrija, li l-leġiżlatur tal-Unjoni ħa ħsieb li, fi strumenti oħra tad-dritt sekondarju, jippreċiża n-natura “unika” tal-awtoritajiet li għandhom jiġu stabbiliti b’applikazzjoni ta’ dawn l-istrumenti, huwa irrilevanti għall-finijiet tal-interpretazzjoni tad-Direttivi 2004/49 u 2007/59.

60

It-tielet nett, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-prinċipji ta’ awtonomija istituzzjonali tal-Istati Membri, ta’ proporzjonalità u ta’ sussidjarjetà, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, għalkemm huwa minnu li mill-Artikolu 288 TFUE jirriżulta li, fit-traspożizzjoni ta’ direttiva, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-għażla tal-mezzi u tal-motivi intiżi sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni tagħha, din il-libertà bl-ebda mod ma taffettwa l-obbligu, għal kull wieħed mill-Istati Membri destinatarji, li jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżguraw l-effett sħiħ tad-direttiva kkonċernata, b’mod konformi mal-għan li din id-direttiva tfittex li tilħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Fashion ID, C‑40/17, EU:C:2019:629, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-awtonomija istituzzjonali li jgawdu minnha l-Istati Membri fl-organizzazzjoni u fl-istrutturazzjoni tal-awtoritajiet regolatorji stabbiliti skont direttiva għandha tiġi eżerċitata b’osservanza sħiħa tal-għanijiet u tal-obbligi stabbiliti minnha (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2016, Ormaetxea Garai u Lorenzo Almendros, C‑424/15, EU:C:2016:780, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62

Issa, kif jirriżulta mill-punti 44 sa 55 ta’ din is-sentenza, l-obbligu, għal kull Stat Membru, li jaħtar awtorità ta’ sigurtà unika, għall-finijiet tad-Direttiva 2004/49, li għandha titqies bħala l-“awtorità kompetenti”, fis-sens tal-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 2007/59, jirriżulta mid-dispożizzjonijiet inkwistjoni ta’ dawn id-direttivi.

63

Fid-dawl ta’ tali obbligu, huwa irrilevanti, f’dan il-każ, il-fatt li Schieneninfrastruktur-Dienstleistungsgesellschaft mbH hija, kif issostni r-Repubblika tal-Awstrija, subordinata għall-Ministru. Fil-fatt, jekk wieħed jippreżupponi li dan huwa l-każ, tali relazzjoni ta’ subordinazzjoni bejn żewġ entitajiet li għandhom personalità ġuridika distinta ma tkunx tista’ tiżgura traspożizzjoni korretta tal-obbligu mfakkar fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza.

64

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jintlaqa’ u għandu jiġi kkonstatat li, billi ħatret bħala “awtorità kompetenti”, għall-finijiet tad-Direttiva 2007/59, awtorità differenti mill-awtorità ta’ sigurtà msemmija fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/49, ir-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 2007/59.

Dwar l-ispejjeż

65

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

66

Peress li l-Kummissjoni talbet li r-Repubblika tal-Awstrija tiġi kkundannata għall-ispejjeż u peress li din tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Billi ħatret bħala “awtorità kompetenti”, għall-finijiet tad-Direttiva 2007/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar iċ-ċertifikazzjoni ta’ sewwieqa tal-ferroviji li joperaw lokomotivi u ferroviji fuq is-sistema ferrovjarja tal-Komunità, awtorità differenti mill-awtorità ta’ sigurtà msemmija fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 fuq is-sigurtà tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 95/18/KE fuq l-għoti tal-liċenzi ta’ l-impriżi tal-linji tal-ferrovija u d-Direttiva 2001/14/KE fuq l-allokazzjoni tal-kapaċità ta’ l-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u l-intaxxar tal-piżijiet għall-użu ta’ l-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u ċ-ċertifikazzjoni tas-sigurtà (Id-Direttiva tas-Sigurtà Tal-Linji tal-Ferrovija), ir-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 2007/59.

 

2)

Ir-Repubblika tal-Awstrija hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk tal-Kummissjoni Ewropea.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top