Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0709

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-12 ta’ Mejju 2021.
Vereniging van Effectenbezitters vs BP plc.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (UE) Nru 1215/2012 — Artikolu 7(2) – Ġurisdizzjoni f’materji ta’ delitt jew kważi-delitt – Post fejn immaterjalizza ruħu d-dannu – Dannu li jikkonsisti esklużivament f’telf finanzjarju.
Kawża C-709/19.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:377

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

12 ta’ Mejju 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Artikolu 7(2) – Ġurisdizzjoni f’materji ta’ delitt jew kważi-delitt – Post fejn immaterjalizza ruħu d-dannu – Dannu li jikkonsisti esklużivament f’telf finanzjarju”

Fil-Kawża C‑709/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il‑Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Settembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Settembru 2019, fil-proċedura

Vereniging van Effectenbezitters

vs

BP plc,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, L. Bay Larsen, C. Toader, M. Safjan (Relatur) u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Vereniging van Effectenbezitters, minn J. van der Beek, advocaat,

għal BP plc, minn W. H. van Hemel, A. F. J. A. Leijten, O. J. W. Schotel u J.S. Kortmann, advocaaten,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Wils u R. Troosters kif ukoll minn M. Heller, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-17 ta’ Diċembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Vereniging van Effectenbezitters (Assoċjazzjoni tal-azzjonisti, il-Pajjiżi l-Baxxi, iktar ’il quddiem “VEB”), li għandha s-sede tagħha f’Den Haag (il-Pajjiżi l-Baxxi), u BP plc, kumpannija li teżerċita l-attività tagħha fuq skala dinjija u li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha f’Londra (ir-Renju Unit), dwar ir-responsabbiltà ta’ din tal-aħħar għad-danni sostnuti mill-persuni li xtraw, żammew jew biegħu azzjonijiet ordinarji ta’ BP permezz, b’mod partikolari, ta’ kont ta’ investiment fil-Pajjiżi l-Baxxi.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 15 u 16 tar-Regolament Nru°1215/2012 huma fformulati kif ġej:

“(15)

Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom ikunu prevedibbli ħafna u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut. Il-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq il-bażi ta’ din ir-raġuni ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tat-tilwima jew ta’ awtonomija tal-partijiet ikunu jeħtieġu fattur ta’ konnessjoni differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.

(16)

Barra d-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm raġunijiet alternattivi ta’ ġurisdizzjoni bbażati fuq konnessjoni mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. L-eżistenza ta’ konnessjoni mill-qrib għandha tiżgura ċ-ċertezza legali u tevita l-possibbiltà li l-konvenut jiġi mħarrek f’qorti ta’ Stat Membru li dan il-konvenut ma setax raġonevolment jipprevedi. Dan hu importanti b’mod partikolari fir-rigward ta’ tilwim li jirriżulta minn obbligi mhux kuntrattwali li jirriżultaw minn ksur tal-privatezza u tad-drittijiet relatati mal-personalità, inkluża l-malafama.”

4

Il-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012, intitolat “Ġurisdizzjoni”, jinkludi b’mod partikolari t-Taqsima 1, intitolata “Dispożizzjonijiet ġenerali” u t-Taqsima 2, intitolata “Ġurisdizzjoni speċjali”. L-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, li jinsab fl-imsemmija Taqsima 1, jipprovdi:

“Soġġetti għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jitressqu quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

5

L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, li jinstab fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, huwa fformulat kif ġej:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’ tiġi mħarrka fi Stat Membru ieħor:

[…]

2)

fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq jew jista’ jitwettaq;

[…]”

Id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi

6

L-Artikolu 305a tal-Ktieb 3 tal-Burgerlijk Wetboek (il-Kodiċi Ċivili Olandiż), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1994 (iktar ’il quddiem il-“BW”), jipprovdi:

“1.   Kull istituzzjoni jew assoċjazzjoni li għandha kapaċità ġuridika sħiħa tista’ tressaq azzjoni quddiem il-qrati sabiex tiddefendi l-interessi simili ta’ persuni oħra, bil-kundizzjoni li hija tipproċedi għal tali difiża skont l-istatuti tagħha.

[…]

3.   Azzjoni bħal dik imsemmija fil-paragrafu 1 ma jistax ikollha bħala suġġett […] kumpens fi flus.

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

7

Il-VEB hija assoċjazzjoni b’kapaċità ġuridika sħiħa skont id-dritt Olandiż, li l-għan tagħha kif iddeterminat mill-istatuti tagħha huwa li tirrappreżenta l-interessi tal-azzjonisti. Hija tista’ b’mod partikolari tibda azzjonijiet kollettivi ġudizzjarji fis-sens tal-Artikolu 305a tal-Ktieb 3 tal-BW.

8

BP hija kumpannija taż-żejt u tal-gass li teżerċita l-attività tagħha fuq livell dinji. L-azzjonijiet ordinarji tagħha huma kkwotati fil-boroż ta’ Londra u ta’ Frankfurt (il-Ġermanja). L-American Depository Shares idderivati minn azzjonijiet ordinarji huma kkwotati fil-Borża ta’ New York (l-Istati Uniti).

9

Fl-20 ta’ April 2010, seħħet splużjoni fuq il-pjattaforma taż-żejt Deepwater Horizon, mikrija minn BP u li tinsab fil-Golf tal-Messiku, li pprovokat mejta u feruti. Hija kkawżat ukoll danni lill-ambjent.

10

Matul is-sena 2015, il-VEB ressqet lil BP quddiem ir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) u ppreżentat azzjoni kollettiva, skont l-Artikolu 305a tal-Ktieb 3 tal-BW, f’isem il-persuni li kienu akkwistaw, żammew jew biegħu, bejn is-16 ta’ Jannar 2007 u l-25 ta’ Ġunju 2010, azzjonijiet ordinarji ta’ BP permezz ta’ kont ta’ investiment miżmum fil-Pajjiżi l-Baxxi jew permezz ta’ kont ta’ investiment ta’ bank jew ta’ impriża ta’ investiment stabbilit fil-Pajjiżi l-Baxxi (iktar ’il quddiem l-“azzjonisti ta’ BP”).

11

Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, il-VEB talbet li r-rechtbank Amsterdam (il-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ Amsterdam) tiddeċiedi:

li l-qrati Olandiżi għandhom ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ kawżi għad-danni mressqa mill-azzjonisti ta’ BP;

li r-rechtbank Amsterdam (il-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ Amsterdam) għandha ġurisdizzjoni territorjali fir-rigward ta’ dawn l-azzjonijiet;

li d-dritt Olandiż huwa applikabbli għat-talbiet għal kumpens;

li BP ipprovdiet lill-azzjonisti tagħha informazzjoni mhux eżatta, mhux kompluta u qarrieqa dwar, l-ewwel, il-programmi ta’ sigurtà u ta’ manutenzjoni tagħha qabel it-tniġġis miż-żejt tal-20 ta’ April 2010, u/jew it-tieni, il-portata ta’ dan it-tniġġis miż-żejt u/jew, it-tielet, ir-rwol u r-responsabbiltà ta’ BP għal dan it-tniġġis miż-żejt;

li BP aġixxiet illegalment fil-konfront tal-azzjonisti ta’ BP;

li x-xiri jew il-bejgħ ta’ azzjonijiet ta’ BP mill-azzjonisti tagħha, fl-assenza ta’ atti illegali min-naħa ta’ BP, sar bi prezz tas-suq iktar favorevoli jew ma kienx iseħħ.

li teżisti rabta bejn, minn naħa, l-atti illeċiti ta’ BP u l-kundizzjonijiet ta’ xiri u ta’ bejgħ li rriżultaw minnhom u, min-naħa l-oħra, id-dannu mġarrab mill-azzjonisti ta’ BP fuq il-prezz tal-azzjoni bejn is-16 ta’ Jannar 2007 u l-25 ta’ Ġunju 2010.

12

BP ikkontestat il-ġurisdizzjoni tal-qorti Olandiża u sostniet li din ma setgħetx tislet il-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha mir-Regolament Nru 1215/2012.

13

Ir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ Amsterdam) iddikjarat li ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tat-talbiet tal-VEB. Il-gerechtshof Amsterdam (il-Qorti tal-Appell ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) ikkonfermat fl-appell din is-sentenza ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni. Din l-aħħar qorti kkunsidrat li f’dan il-każ kien hemm dannu purament finanzjarju li l-investituri jallegaw li sostnew fil-Pajjiżi l-Baxxi b’riżultat ta’ avvenimenti, jiġifieri atti u/jew ommissjonijiet ta’ BP, li ma seħħewx fil-Pajjiżi l-Baxxi. L-okkorrenza tad-dannu fuq kont ta’ investiment miżmum fil-Pajjiżi l-Baxxi ma hijiex fiha nnifisha punt ta’ rabta suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qorti Olandiża abbażi tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, peress li ċirkustanzi partikolari oħra huma neċessarji għal dan il-għan. Il-fatt li BP tindirizza ruħha f’komunità dinjija ta’ investituri, inklużi investituri Olandiżi, u l-fatt li l-VEB tirrappreżenta l-interessi ta’ numru kbir ta’ investituri, li l-parti l-kbira tagħhom huma ddomiċiljati fil-Pajjiżi l-Baxxi, ma jikkostitwixxux tali ċirkustanzi partikolari.

14

Il-VEB ippreżentat appell ta’ kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi).

15

Permezz ta’ dan l-appell, il-VEB issostni, b’mod partikolari, li ċ-ċirkustanzi tal-każ huma paragunabbli ma’ dawk tal-kawżi li taw lok għas-sentenzi tat-28 ta’ Jannar 2015, Kolassa (C‑375/13, EU:C:2015:37), u tat-12 ta’ Settembru 2018, Löber (C‑304/17, EU:C:2018:701), li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-post tad-domiċilju tar-rikorrent kienet iġġustifikata sa fejn id-domiċilju tar-rikorrent kien effettivament jikkostitwixxi l-post tal-avveniment kawżali jew dak tal-materjalizzazzjoni tad-dannu. Il-VEB sostniet li l-iżvalutazzjoni taċ-ċertifikati kienet dovuta mhux għar-riskji tas-swieq finanzjarji, iżda għall-provvista minn BP ta’ informazzjoni mhux korretta, mhux kompleta u qarrieqa dwar it-tniġġis miż-żejt, u għalhekk BP ma osservatx l-obbligi legali ta’ informazzjoni tagħha. Konsegwentement, l-azzjonisti ħadu deċiżjonijiet ta’ investiment li ma kinux jieħdu li kieku l-fatti kienu ġew ippreżentati b’mod korrett u komplet. Hekk kif l-informazzjoni eżatta kienet magħrufa, il-valur tal-azzjonijiet tagħhom naqas, u b’hekk ikkawżalhom dannu. Peress li l-azzjonijiet jew, tal-inqas, il-krediti tal-azzjonisti relatati ma’ dawn l-azzjonijiet kienu amministrati (akkreditati u depożitati) u kienu jinsabu f’kont ta’ investiment miżmum fil-Pajjiżi l-Baxxi jew f’kont ta’ investiment ta’ bank u/jew ta’ impriża ta’ investiment stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi, id-dannu li jikkonsisti fl-iżvalutar tal-azzjonijiet wara l-fatt illegali ta’ BP kien jimmanifesta ruħu direttament fil-Pajjiżi l-Baxxi fuq dan il-kont ta’ investiment. Huwa għalhekk li l-VEB tikkunsidra li l-qrati Olandiżi għandhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tat-talbiet tagħha. Din il-ġurisdizzjoni tal-qrati Olandiżi ma tirrikjedi ebda ċirkustanza partikolari jew supplimentari.

16

Bħala difiża, BP fost l-oħrajn sostniet li mis-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2015, Kolassa (C‑375/13, EU:C:2015:37), ma jirriżultax li s-sempliċi fatt li d-dannu seħħ direttament fil-kont bankarju tar-rikorrent huwa suffiċjenti sabiex tiġi ammessa l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-post tad-domiċilju tiegħu. Hija esponiet li s-soluzzjoni adottata f’din is-sentenza kienet ibbażata fuq ċirkustanzi li, meħuda flimkien, jippermettu li tiġi rrikonoxxuta l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-post tad-domiċilju tar-rikorrent. Dannu purament finanzjarju li jseħħ direttament fil-kont bankarju tar-rikorrent ma jistax, waħdu, jiġi kklassifikat bħala “punt ta’ konnessjoni rilevanti”, skont il-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, anki fl-assenza ta’ riskju li l-parti leża timmanipula a posteriori l-post ta’ materjalizzazzjoni tad-dannu billi tagħżel li tiftaħ kont bankarju fl-Istat tal-għażla tagħha. Fl-assenza ta’ ċirkustanzi addizzjonali, il-qorti tal-post fejn il-kont bankarju huwa miżmum ma għandhiex ġurisdizzjoni. Skont BP, l-argumenti tagħha huma applikabbli indipendentement min-natura kollettiva jew individwali tal-proċedura li tinfetaħ.

17

Skont il-qorti tar-rinviju, il-fatti inkwistjoni fis-sentenzi tat-28 ta’ Jannar 2015, Kolassa (C‑375/13, EU:C:2015:37), u tat-12 ta’ Settembru 2018, Löber (C‑304/17, EU:C:2018:701), u dawk tat-tilwima pendenti quddiemha huma simili sa fejn, f’dawn it-tliet kawżi, investituri sofrew dannu purament finanzjarju li seħħ direttament f’kont bankarju jew f’kont ta’ investiment, peress li dan id-dannu huwa r-riżultat ta’ tnaqqis fil-valur tat-titoli miżmuma f’dan il-kont bankarju jew fuq dan il-kont ta’ investiment bħala attiv.

18

Min-naħa l-oħra, dawn il-fatti huma differenti sa fejn id-dannu finanzjarju inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie kkawżat mill-iżvelar ta’ informazzjoni mhux korretta, mhux kompleta u qarrieqa minn BP, permezz ta’ stqarrijiet għall-istampa, ta’ rapporti ppubblikati fuq is-sit internet tagħha, ta’ kontijiet annwali u ta’ rapporti annwali kif ukoll ta’ dikjarazzjonijiet magħmula pubblikament mid-diriġenti, u mhux, bħal fl-ewwel żewġ kawżi, mill-iżvelar ta’ tali informazzjoni fit-territorju ta’ Stat Membru partikolari. Barra minn hekk, fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tqis li BP, meta pprovdiet din l-informazzjoni, ma indirizzatx ruħha separatament jew b’mod partikolari lill-investituri Olandiżi. Mill-fatti kif ġew ikkonstatati mill-Gerechtshof Amsterdam (il-Qorti tal-Appell ta’ Amsterdam) jirriżulta li l-kawża prinċipali ma tirrigwardax il-bejgħ u x-xiri ta’ prodotti finanzjarji fis-suq sekondarju Olandiż, iżda x-xiri ta’ azzjonijiet ordinarji ta’ BP, li huma kkwotati fil-borża ta’ Londra jew ta’ Frankfurt, permezz ta’ kont ta’ investiment miżmum fil-Pajjiżi l-Baxxi jew ta’ kont ta’ investiment miftuħ minn bank u/jew impriża ta’ investiment stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi.

19

Skont il-qorti tar-rinviju, is-sentenzi tat-28 ta’ Jannar 2015, Kolassa (C‑375/13, EU:C:2015:37), u tat-12 ta’ Settembru 2018, Löber (C‑304/17, EU:C:2018:701), huma wkoll differenti minn din il-kawża sa fejn din tal-aħħar tikkonċerna azzjoni kollettiva, li tista’ għalhekk toħloq problemi addizzjonali ta’ lokalizzazzjoni tal-post fejn seħħ id-dannu. Sa fejn tali azzjoni hija intiża sabiex tipproteġi interessi simili, ma jittieħdux inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi individwali tal-partijiet leżi. Peress li l-karatteristiċi speċifiċi tat-tranżazzjonijiet individwali ma humiex indirizzati fl-azzjoni kollettiva, il-kwistjoni hija jekk u, fl-affermattiv, kif għandhom jiġu stabbiliti ċirkustanzi speċifiċi supplimentari, jekk ikun il-każ.

20

Din il-qorti tesponi li, anki jekk jiġi preżunt li l-qorti Olandiża adita għandha ġurisdizzjoni fil-kuntest ta’ azzjoni kollettiva skont l-Artikolu 305a tal-Ktieb 3 tal-BW sabiex tieħu konjizzjoni tat-talbiet tal-VEB u li hija tqis li BP aġixxiet b’mod illegali fir-rigward tal-azzjonisti tagħha, dawn tal-aħħar jistgħu, fuq din il-bażi, jibdew proċedura ġdida individwalment għall-ħlas ta’ kumpens fi flus. F’dan il-każ, huwa importanti li jiġi stabbilit jekk tali azzjonijiet jistgħux jitressqu quddiem il-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-azzjoni kollettiva. Din il-kwistjoni tista’ tqum jekk id-domiċilju tal-azzjonist ta’ BP jew il-lokalizzazzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi tal-kont bankarju tiegħu u/jew tal-kont ta’ investiment tiegħu jkun jinsab barra mill-ġurisdizzjoni tal-qorti adita. Barra minn hekk, tqum il-kwistjoni dwar liema fattur jew fatturi jiddetermina jew jiddeterminaw il-ġurisdizzjoni territorjali interna.

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

a)

L-Artikolu 7(2) tar-[Regolament Nru 1215/2012] għandu jiġi interpretat fis-sens li s-seħħ dirett ta’ dannu purament finanzjarju ta’ kont ta’ investiment fil-Pajjiżi l-Baxxi jew ta’ kont ta’ investiment ta’ bank u/jew ta’ impriża ta’ investiment stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi, liema dannu jirriżulta mid-deċiżjoni ta’ investiment li ttieħdet skont informazzjoni ġeneralment disponibbli iżda skorretta, inkompleta u qarrieqa u li toriġina minn kumpannija internazzjonali kkwotata fil-borża, huwa fattur ta’ rabta sabiex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qorti Olandiża skont il-post tas-seħħ tad-dannu (Erfolgsort)?

b)

Fin-negattiv, huma neċessarji ċirkustanzi addizzjonali sabiex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni ta’ qorti Olandiża u liema huma ċ-ċirkustanzi? Huma dawn li ġejjin: BP qed tindirizza komunità ta’ investiment globali, inklużi dawk Olandiżi; VEB tirrappreżenta l-interessi ta’ numru kbir ta’ investituri, li l-parti l-kbira tagħhom huma ddomiċiljati fil-Pajjiżi l-Baxxi; il-ftehim bejn BP u l-azzjonisti tagħha fl-Istati Uniti ma ġiex propost lill-investituri li l-interessi tagħhom huma rrappreżentati minn VEB, mingħajr ma saret proċedura oħra simili fl-Ewropa; fost l-azzjonisti li f’isimhom taġixxi l-VEB hemm konsumaturi, li għalihom ir-Regolament Nru 1215/2012 jipprevedi protezzjoni legali speċjali.

2)

Ir-risposta għall-ewwel domanda tkun differenti jekk it-talba titressaq skont l-Artikolu 305a tal-Ktieb 3 tal-Burgerlijk Wetboek (il-Kodiċi Ċivili Olandiż) minn assoċjazzjoni li l-għan tagħha huwa li tiddefendi, bil-prerogattiva tagħha stess, l-interessi kollettivi ta’ investituri li jkunu ġarrbu dannu bħal dak imsemmi fl-ewwel domanda, u dan jimplika b’mod partikolari li la d-domiċilji tal-imsemmija investituri, u lanqas iċ-ċirkustanzi partikolari tat-tranżazzjonijiet individwali ta’ xiri jew ta’ deċiżjonijiet individwali li ma jinbigħux l-azzjonijiet li kienu miżmuma, ma ġew stabbiliti?

3)

Jekk il-qorti Olandiża ikollha ġurisdizzjoni, abbażi tal-Artikolu 7(2) tar-[Regolament Nru 1215/2012], sabiex tieħu konjizzjoni tat-talba mressqa skont l-Artikolu 305a tal-Ktieb 3 tal-Kodiċi Ċivili Olandiż, din il-qorti għandha wkoll ġurisdizzjoni territorjali internazzjonali u nazzjonali, abbażi tal-Artikolu 7(2) tar-[Regolament Nru 1215/2012], sabiex tieħu konjizzjoni tat-talbiet għad-danni kollha mressqa mill-investituri li jkunu ġarrbu dannu bħal dak li hemm riferiment għalih fl-ewwel domanda?

4)

Jekk il-qorti Olandiża jkollha ġurisdizzjoni territorjali internazzjonali iżda mhux nazzjonali sabiex tieħu konjizzjoni tat-talbiet għad-danni kollha mressqa mill-investituri li jkunu ġarrbu dannu bħal dak li hemm riferiment għalih fl-ewwel domanda, il-ġurisdizzjoni territorjali nazzjonali għandha għalhekk tiġi ddeterminata abbażi tad-domiċilju tal-investitur leż, tal-post ta’ stabbiliment tal-bank li fih dan l-investitur ikollu l-kont personali tiegħu, tal-post ta’ stabbiliment tal-bank li fih jinżamm il-kont ta’ investiment, jew abbażi ta’ fattur ta’ rabta ieħor?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

22

Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-okkorrenza diretta, f’kont ta’ investiment, ta’ dannu purament finanzjarju li jirriżulta minn deċiżjonijiet ta’ investiment meħuda wara informazzjoni faċilment aċċessibbli fuq livell dinji, iżda mhux eżatta, mhux kompleta jew qarrieqa li toriġina minn kumpannija internazzjonali kkwotata fil-borża tippermetti, f’ċerti ċirkustanzi, li tiġi adottata, fuq il-bażi tal-materjalizzazzjoni tad-dannu il-ġurisdizzjoni internazzjonali ta’ qorti tal-Istat Membru fejn huwa stabbilit il-bank jew l-impriża ta’ investiment li fuq ir-reġistru tiegħu huwa rreġistrat il-kont tagħha, meta l-imsemmija kumpannija ma hijiex suġġetta għal obbligi legali ta’ pubbliċità f’dan l-Istat Membru.

23

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, sa fejn, konformement mal-premessa 34 tar-Regolament Nru°1215/2012, dan iħassar u jissostitwixxi r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), li min-naħa tiegħu ssostitwixxa l-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata mill-konvenzjonijiet suċċessivi dwar l-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda għal din il-konvenzjoni (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”), l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-aħħar strumenti ġuridiċi tapplika wkoll għar-Regolament Nru 1215/2012 meta dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu kkwalifikati bħala “ekwivalenti”. Dan huwa l-każ tal-punt 3 tal-Artikolu 5 ta’ din il-konvenzjoni, kif emendata, u tar-Regolament Nru 44/2001, minn naħa, kif ukoll tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, min-naħa l-oħra (sentenza tad-9 ta’ Lulju 2020, Verein für Konsumenteninformation, C‑343/19, EU:C:2020:534, punt 22).

24

Għandu jitfakkar ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali prevista fil-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandha tiġi interpretata b’mod awtonomu u strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2018, Löber, C‑304/17, EU:C:2018:701, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

Fil-fatt, il-ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1215/2012, jiġifieri dik tal-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-konvenut għandu d-domiċilju tiegħu, tikkostitwixxi r-regola ġenerali. Huwa biss b’deroga għal din ir-regola ġenerali li dan l-istess regolament jipprevedi regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali u esklużiva f’każijiet elenkati b’mod eżawrjenti li fihom il-konvenut jista’ jew għandu, skont il-każ, jiġi mfittex quddiem qorti ta’ Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2018, Löber, C‑304/17, EU:C:2018:701, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Madankollu, kif ġie ripetutament deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq”, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, ikopri kemm il-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu kif ukoll dak tal-avveniment li kkawża dan id-dannu, b’tali mod li l-konvenut jista’ jiġi mħarrek, fuq l-għażla tar-rikorrent, quddiem il-qorti ta’ wieħed jew l-ieħor minn dawn iż-żewġ postijiet (sentenza tad-9 ta’ Lulju 2020, Verein für Konsumenteninformation, C‑343/19, EU:C:2020:534, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Dan il-kunċett ta’ “post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq” li jinsab fil-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, ma jistax madankollu jiġi interpretat b’mod estensiv tant li jinkludi kull post fejn jistgħu jinħassu l-konsegwenzi dannużi ta’ fatt li kkawża dannu li effettivament seħħ f’post ieħor (sentenza tat-12 ta’ Settembru 2018, Löber, C‑304/17, EU:C:2018:701, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li l-imsemmi kunċett ma jirreferix għal post fejn ir-rikorrent huwa domiċiljat jew fejn jinsab iċ-ċentru tal-patrimonju tiegħu, minħabba r-raġuni unika li huwa ġarrab dannu finanzjarju hemmhekk li rriżulta mit-telf ta’ partijiet mill-patrimonju tiegħu li sar u ġġarrab fi Stat Membru ieħor (sentenzi tal-10 ta’ Ġunju 2004, Kronhofer, C‑168/02, EU:C:2004:364, punt 21, kif ukoll tas-16 ta’ Ġunju 2016, Universal Music International Holding, C‑12/15, EU:C:2016:449, punt 35).

29

Filwaqt li is-sempliċi fatt li xi konsegwenzi finanzjarji jaffettwaw lir-rikorrent ma jiġġustifikax l-attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni lill-qrati tad-domiċilju ta’ dan tal-aħħar, tali attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni hija ġġustifikata sa fejn l-imsemmi domiċilju jikkostitwixxi effettivament il-post tal-avveniment kawżali jew dak tal-materjalizzazzjoni tad-dannu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2018, Löber, C‑304/17, EU:C:2018:701, punti 2425 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

30

F’dan il-każ, il-kawża prinċipali tirrigwarda l-identifikazzjoni tal-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu.

31

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan il-post huwa dak fejn id-dannu allegat jimmanifesta ruħu b’mod konkret (sentenza tat-12 ta’ Settembru 2018, Löber, C‑304/17, EU:C:2018:701, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-qrati tad-domiċilju tar-rikorrent għandhom ġurisdizzjoni, abbażi tal-materjalizzazzjoni tad-dannu, biex jisimgħu azzjoni intiża li tinvoka r-responsabbiltà tal-persuna li ħarġet ċertifikat minħabba l-prospett relatat miegħu kif ukoll il-ksur ta’ obbligi oħrajn ta’ informazzjoni li din il-persuna għandha, b’mod partikolari meta d-dannu allegat jitwettaq direttament f’kont bankarju tar-rikorrent ma’ bank stabbilit fil-limiti tal-ġurisdizzjoni ta’ dawn il-qrati (sentenza tat-12 ta’ Settembru 2018, Löber, C‑304/17, EU:C:2018:701, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

F’dan ir-rigward, il-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu hekk identifikat jissodisfa l-għan tar-Regolament Nru 1215/2012 intiż għat-tisħiħ tal-protezzjoni legali tal-persuni stabbiliti fl-Unjoni, billi jippermetti kemm li r-rikorrent jidentifika faċilment il-qorti li jista’ jadixxi kif ukoll li l-konvenut jipprevedi b’mod raġonevoli dik li jista’ jitressaq quddiemha, peress li l-persuna li toħroġ ċertifikat li ma jissodisfax l-obbligi legali tagħha fir-rigward tal-prospett għandha, meta tiddeċiedi li tinnotifika l-prospett relatat ma’ dan iċ-ċertifikat fi Stati Membri oħra, tistenna li operaturi mhux informati biżżejjed, iddomiċiljati f’dawn l-Istati Membri, jinvestu f’dan iċ-ċertifikat u jsofru d-dannu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Jannar 2015, Kolassa, C‑375/13, EU:C:2015:37, punt 56 u tat-12 ta’ Settembru 2018, Löber, C‑304/17, EU:C:2018:701, punt 35).

34

Għandu jiġi osservat li dan l-għan ta’ prevedibbiltà ma huwiex żgurat bl-istess mod meta, fl-Istat Membru fejn jinsab il-kont ta’ investiment li jkun serva għax-xiri ta’ titoli kkwotati fil-borża fi Stat ieħor, il-persuna li toħroġ dawn it-titoli ma tkunx suġġetta għal obbligi legali ta’ reklamar. Fil-fatt, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 29 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kriterji dwar id-domiċilju u l-lokalizzazzjoni tal-kontijiet tal-azzjonisti ma jippermettux lill-kumpannija emittriċi li tantiċipa d-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati li quddiemhom hija tista’ tiġi mħarrka, fatt li jmur kontra l-għan, imsemmi fil-premessa 16 tar-Regolament Nru 1215/2012, li tiġi evitata, sabiex jiġi ggarantit il-prinċipju ta’ ċertezza legali, il-possibbiltà li l-konvenut jitressaq quddiem qorti ta’ Stat Membru li ma setax raġonevolment jipprevedi.

35

Minn dan isegwi li, fil-każ ta’ kumpannija kkwotata fil-borża, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija biss il-kompetenza tal-qrati tal-Istati Membri li fihom din il-kumpannija ssodisfat, għall-finijiet tal-kwotazzjoni tagħha fil-borża, l-obbligi legali ta’ pubbliċità li tista’ tiġi stabbilita fir-rigward tal-materjalizzazzjoni tad-dannu. Fil-fatt, huwa biss f’dawn l-Istati Membri li tali kumpannija tista’ raġonevolment tipprevedi l-eżistenza ta’ suq ta’ investiment u t-teħid ta’ responsabbiltà tagħha.

36

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-punt dwar sa fejn in-natura kollettiva ta’ azzjoni bħal dik imressqa fil-kawża prinċipali tippermetti li ma jitteħidx inkunsiderazzjoni d-domiċilju tal-investituri, għandu jiġi kkonstatat li mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li dan ma huwiex, waħdu, determinanti sabiex jiġi stabbilit il-post fejn seħħ il-fatt dannuż, skont il-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012.

37

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-okkorrenza diretta, f’kont ta’ investiment, ta’ dannu purament finanzjarju li jirriżulta minn deċiżjonijiet ta’ investiment meħuda wara informazzjoni faċilment aċċessibbli fuq livell dinji, iżda mhux eżatta, mhux kompleta jew qarrieqa li toriġina minn kumpannija internazzjonali kkwotata fil-borża ma tippermettix li tiġi stabbilita, fuq il-bażi tal-materjalizzazzjoni tad-dannu, il-ġurisdizzjoni internazzjonali ta’ qorti tal-Istat Membru fejn huwa stabbilit il-bank jew l-impriża ta’ investiment li fuq ir-reġistru tiegħu huwa rreġistrat il-kont tagħha, meta l-imsemmija kumpannija ma hijiex suġġetta għal obbligi legali ta’ pubbliċità f’dan l-Istat Membru.

Fuq it-tielet u r-raba’ domanda

38

Permezz tat-tielet u r-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, fil-każ fejn hija jkollha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-azzjoni kollettiva mressqa fil-kawża prinċipali, abbażi tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, hija jkollhiex ġurisdizzjoni wkoll sabiex tieħu konjizzjoni ta’ azzjonijiet għal kumpens imressqa sussegwentement, b’mod individwali, mill-investituri.

39

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kawża prinċipali ma tirrigwardax tali azzjonijiet għal kumpens individwali. Minn dan isegwi li dawn id-domandi huma, f’dan l-istadju, ta’ natura ipotetika u li l-bżonn inerenti tar-risposta għalihom għas-soluzzjoni ta’ din il-kawża ma jeżistix. F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li l-funzjoni fdata lill-Qorti tal-Ġustizzja hija li tikkontribwixxi għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri u mhux li tagħti opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, l-imsemmija domandi huma inammissibbli (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2020, Sögård Fastigheter, C‑787/18, EU:C:2020:964, punti 76, 8081).

Fuq l-ispejjeż

40

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-okkorrenza diretta, f’kont ta’ investiment, ta’ dannu purament finanzjarju li jirriżulta minn deċiżjonijiet ta’ investiment meħuda wara informazzjoni faċilment aċċessibbli fuq livell dinji, iżda mhux eżatta, mhux kompleta jew qarrieqa li toriġina minn kumpannija internazzjonali kkwotata fil-borża ma tippermettix li tiġi stabbilita, fuq il-bażi tal-materjalizzazzjoni tad-dannu, il-ġurisdizzjoni internazzjonali ta’ qorti tal-Istat Membru fejn huwa stabbilit il-bank jew l-impriża ta’ investiment li fuq ir-reġistru tiegħu huwa rreġistrat il-kont tagħha, meta l-imsemmija kumpannija ma hijiex suġġetta għal obbligi legali ta’ pubbliċità f’dan l-Istat Membru.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top