Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0702

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tat-22 ta’ Ottubru 2020.
    Silver Plastics GmbH & Co. KG u Johannes Reifenhäuser Holding GmbH & Co. KG vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Appell – Kompetizzjoni – Akkordju – Suq tal-imballaġġ alimentari intiż għall-bejgħ bl-imnut – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE – Regolament (KE) Nru 1/2003 – Artikolu 23 – Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem – Dritt fundamentali għal smigħ xieraq – Prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet – Dritt ‘għall-konfront’ – Smigħ ta’ xhieda – Motivazzjoni – Ksur uniku u kontinwu – Limitu massimu tal-multa.
    Kawża C-702/19 P.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:857

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

    22 ta’ Ottubru 2020 ( *1 )

    “Appell – Kompetizzjoni – Akkordju – Suq tal-imballaġġ alimentari intiż għall-bejgħ bl-imnut – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE – Regolament (KE) Nru 1/2003 – Artikolu 23 – Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem – Dritt fundamentali għal smigħ xieraq – Prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet – Dritt ‘għall-konfront’ – Smigħ ta’ xhieda – Motivazzjoni – Ksur uniku u kontinwu – Limitu massimu tal-multa”

    Fil-Kawża C‑702/19 P,

    li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fl-20 ta’ Settembru 2019,

    Silver Plastics GmbH & Co. KG, irrappreżentata minn M. Wirtz, Rechtsanwalt, u S. Möller, Rechtsanwältin,

    Johannes Reifenhäuser Holding GmbH & Co. KG, stabbilita fi Troisdorf (il‑Ġermanja), irrappreżentata minn C. Karbaum, Rechtsanwalt,

    appellanti,

    il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Meessen, I. Zaloguin u L. Wildpanner, bħala aġenti,

    konvenuta fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

    komposta minn S. Rodin, President tal-Awla, M. Vilaras (Relatur), President tar‑Raba’ Awla, u D. Šváby, Imħallef,

    Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tal-appell tagħhom, Silver Plastics GmbH & Co. KG u Johannes Reifenhäuser Holding GmbH & Co. KG qegħdin jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-11 ta’ Lulju 2019, Silver Plastics u Johannes Reifenhäuser vs Il-Kummissjoni (T‑582/15, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-sentenza appellata, EU:T:2019:497), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħhom intiż, prinċipalment, għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C (2015) 4336 finali tal-24 ta’ Ġunju 2015 relatata mal-proċediment skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39563 – L-ippakkjar tal-ikel bl-imnut (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża” u, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multi li ġew imposti fuqhom permezz ta’ din id-deċiżjoni.

    Il-kuntest ġuridiku

    2

    L-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli fuq il-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), jipprevedi:

    “2.   Il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi multi fuq l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża meta, jew b’intenżjoni jew b’negligenza:

    (a)

    jiksru l-Artikolu [101 jew 102 TFUE];

    […]

    Għal kull impriża u assoċjazzjoni ta’ l-impriża li qed jipparteċipaw fil-ksur, il-multi mhux ser jaqbżu l-10 % tat-total ta’ valur tal-bejgħ fis-sena kmmerċjali preċedenti.

    […]

    3.   Fit-twaħħil ta’ l-ammont li jrid jiġi mmultat, rigward irrid jingħata lejn il-gravità u it-tul tal-ksur.”

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    3

    Il-fatti li wasslu għall-kawża jinsabu fil-punti 1 sa 10 tas-sentenza appellata u, għall-ħtiġijiet ta’ din il-proċedura, jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

    4

    L-ewwel appellanti, Silver Plastics, hija kumpannija li timmanifattura u tipprovdi diversi prodotti ta’ imballaġġ alimentari, li 99.75 % tal-ishma tagħha kienu, fiż-żmien tal-fatti li wasslu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, miżmuma mit-tieni appellanti, Johannes Reifenhäuser Holding.

    5

    Mill-punti 2 sa 6 tas-sentenza appellata jirriżulta li, wara talba għal klemenza mressqa, fit-18 ta’ Marzu 2008, mill-impriża magħmula mill-grupp li l-kumpannija omm tiegħu hija Linpac Group Ltd (iktar ’il quddiem “Linpac”), il-Kummissjoni Ewropea fetħet proċediment skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”), fis-settur tal-imballaġġ alimentari intiż għall-bejgħ bl-imnut, li wassal għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża.

    6

    Kif indikat il-Qorti Ġenerali fil-punti 7 u 8 tas-sentenza appellata, permezz ta’ din id-deċiżjoni l-Kummissjoni kkonstatat li kumpanniji attivi fis-settur imsemmi iktar ’il fuq kienu, matul perijodi bejn is-snin 2000 u 2008, ipparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu, ikkostitwit minn ħames okkorrenzi ta’ ksur distinti, delimitati skont iż-żona ġeografika moqdija, jiġifieri l-Italja, l-Ewropa tal-Lbiċ, l-Ewropa tal-Majjistral (iktar ’il quddiem l-“EM”), l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant u Franza (iktar ’il quddiem il-“ksur inkwistjoni”). Il-prodotti kkonċernati kienu kontenituri li jservu għall-imballaġġ ta’ ikel intiż għall-bejgħ bl-imnut tal-polistiren (polystyrene) u, f’dak li jirrigwarda l-akkordju fl-EM, kontenituri riġidi.

    7

    B’mod iktar partikolari, kif il-Qorti Ġenerali fakkret fil-punt 10 tas-sentenza appellata, id-dispożittiv tad-deċiżjoni kontenzjuża kien jistipula:

    “Artikolu 1

    […]

    3.   L-impriżi segwenti kisru l-Artikolu 101 [TFUE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi, matul il-perijodi msemmija, ipparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu, ikkostitwit minn diversi ksur separati, li jirrigwardaw kontenituri tal-polistiren u riġidi intiżi għas-settur tal-imballaġġ alimentari għall-bejgħ bl-imnut u li jkopru t-territorju tal-[EM]:

    […]

    d)

    Silver Plastics […] u [Johannes Reifenhäuser Holding], mit-13 ta’ Ġunju 2002 sad-29 ta’ Ottubru 2007.

    […]

    5.   L-impriżi segwenti kisru l-Artikolu 101 [TFUE] billi, matul il-perijodi msemmija, pparteċipaw f’diversi ksur uniku u kontinwu, ikkostitwiti minn diversi ksur separati, li jirrigwardaw reċipjenti tal-polistiren intiżi għas-settur tal-imballaġġ alimentari għall-bejgħ bl-imnut u li jkopru t-territorju ta’ Franza:

    […]

    e)

    Silver Plastics […] u [Johannes Reifenhäuser Holding], mid-29 ta’ Ġunju 2005 sal-5 ta’ Ottubru 2005.

    Artikolu 2

    […]

    3.   Il-multi segwenti huma imposti għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1(3):

    […]

    e)

    Silver Plastics […] u [Johannes Reifenhäuser Holding], flimkien u in solidum: […] 20317000 [euro].

    […]

    5.   Il-multi segwenti huma imposti għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1(5):

    […]

    e)

    Silver Plastics […] u [Johannes Reifenhäuser Holding], flimkien u in solidum: […] 893000 [euro].

    […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

    8

    Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Settembru 2015, l-appellanti ppreżentaw rikors intiż, prinċipalment, għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kontenzjuża, u, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-multi li ġew imposti fuqhom minnha. Dan ir-rikors ġie miċħud permezz tas-sentenza appellata.

    9

    B’mod partikolari, fil-kuntest tal-analiżi tal-ewwel parti tal-ewwel motiv tal-appellanti, li permezz tagħha dawn tal-aħħar essenzjalment sostnew li l-Kummissjoni ma kienet ipproduċiet ebda prova affidabbli u suffiċjenti tal-eżistenza ta’ ftehim jew ta’ prattika miftiehma fl-EM, il-Qorti Ġenerali eżaminat b’mod partikolari, fil-punti 44 sa 66 tas-sentenza appellata, l-argumenti mressqa mill-appellanti sabiex jikkontestaw il-parteċipazzjoni ta’ Silver Plastics f’laqgħa antikompetittiva li seħħet fit-13 ta’ Ġunju 2002. Wara dan l-eżami, fil-punt 67 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali qieset li “anki jekk ċerta ambigwità fir-rigward tal-ħin eżatt tal-bidu [ta’ laqgħa oħra li seħħet fl-istess jum u li l-għan tagħha ma kienx antikompetittiv] ma tistax tiġi injorata, jeżistu biżżejjed provi li jistabbilixxu li kompetituri, inkluża Silver Plastics, iltaqgħu fil-marġni ta’ [din] il-laqgħa [l-oħra] sabiex jiddiskutu l-istrateġiji li jikkonċernaw il-prezzijiet”.

    10

    Barra minn hekk, wara li eżaminat it-tieni parti tal-ewwel motiv tal-appellanti, ibbażata fuq nuqqas ta’ ksur uniku u kontinwu fir-rigward tas-suq tal-kontenituri tal-polistiren u tal-kontenituri riġidi fl-EM, fil-punt 191 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni kienet ġustament ikkunsidrat li Silver Plastics kienet ipparteċipat f’dan il-ksur uniku u kontinwu.

    11

    Fil-kuntest tal-eżami tat-tielet motiv tal-appellanti, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet u tad-dritt “għall-konfront”, fil-punti 226 sa 236 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali eżaminat it-talbiet tal-appellanti sabiex hija tisma’ ħames xhieda u torganizza l-kontroeżami ta’ wieħed minn dawn ix-xhieda. F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-punti 232 sa 234 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li, fid-dawl tal-fatt li l-appellanti kienu pproduċew quddiemha u użaw dikjarazzjonijiet bil-miktub tax-xhieda li huma xtaqu li jiġu ppreżentati, mill-argumenti mressqa mill-appellanti insostenn tat-talba tagħhom ma kienx jirriżulta li t-testimonjanzi ta’ dawn il-persuni jistgħu jagħtu valur miżjud lill-provi diġà preżenti fil-proċess, li, skont il-punt 235 tas-sentenza appellata, kienu suffiċjentement ċari. Għalhekk, fil-punt 236 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li la kien neċessarju u lanqas opportun li tagħti risposta favorevoli għat-talba għal smigħ ta’ xhieda magħmula mill-appellanti.

    12

    Fil-punti 255 sa 279 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-ħames motiv tar-rikors tal-appellanti, ibbażat fuq ksur tal-ewwel u tat-tieni subparagrafi tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, moqri flimkien mal-Artikolu 101(1) TFUE, sa fejn il-Kummissjoni qieset li ż-żewġ appellanti kienu jifformaw unità ekonomika.

    13

    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali qabelxejn ikkonstatat, fil-punti 265 u 266 tas-sentenza appellata, li l-appellanti ma kkontestawx li, matul il-perijodu li jkopri l-ksur inkwistjoni fl-EM, Johannes Reifenhäuser Holding kellha 99.75 % tal-kapital ta’ Silver Plastics u li, għaldaqstant, fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha fuq il-preżunzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti mill-ewwel kumpannija fuq it-tieni waħda, irrikonoxxuta fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Sussegwentement, fil-punti 267 sa 279 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali analizzat id-diversi argumenti mressqa mill-appellanti u kkonkludiet, fil-punti 280 u 281 ta’ din is-sentenza, li dawn ma kinux ipproduċew provi li jistgħu jikkonfutaw din il-preżunzjoni, b’tali mod li l-ħames motiv kellu jiġi miċħud bħala infondat.

    14

    Fl-aħħar nett, fil-punti 287 sa 314 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat is-sitt motiv tar-rikors tal-appellanti, li permezz tiegħu huma invokaw, essenzjalment, ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, minħabba li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-dħul mill-bejgħ rilevanti għall-kalkolu tal-limitu massimu ta’ 10 % previst minn din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni kienet ħadet inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tal-kumpannija Reifenhäuser GmbH оCo. KG Maschinenfabrik (iktar ’il quddiem “Maschinenfabrik”) minkejja li fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża Johannes Reifenhäuser Holding ma kienx għadha detentriċi ta’ ishma f’din il-kumpannija.

    15

    Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, b’mod partikolari, fil-punti 307 sa 310 tas-sentenza appellata, li, sa fejn id-deċiżjoni kontenzjuża ġiet adottata fl-24 ta’ Ġunju 2015, il-Kummissjoni ġustament iddeterminat, fir-rigward ta’ Johannes Reifenhäuser Holding, il-limitu massimu tal-multa li ġiet imposta fuqha permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża abbażi tas-sena finanzjarja 2013/2014, li kienet l-aħħar sena finanzjarja sħiħa qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża. Il-fatt li t-trasferiment ta’ Maschinenfabrik minn Johannes Reifenhäuser Holding ġie debitament irreġistrat fit-28 ta’ Mejju 2015, b’effett retroattiv mit-30 ta’ Settembru 2014, skont il-Qorti Ġenerali ma seta’ jkollu ebda effett fuq id-dħul mill-bejgħ ta’ Johannes Reifenhäuser Holding magħmul matul is-sena finanzjarja 2013/2014, li kienet intemmet fit-30 ta’ Ġunju 2014. Wara li ċaħdet ċerti argumenti oħra mressqa mill-appellanti, fil-punt 315 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li s-sitt motiv kellu jiġi miċħud.

    It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    16

    L-appellanti jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    tannulla s-sentenza appellata u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

    sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata u tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn din tirrigwarda lil Johannes Reifenhäuser Holding u tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuq Silver Plastics għal ammont li ma jaqbiżx l-10 % tad-dħul mill-bejgħ magħmul minnha matul l-aħħar sena finanzjarja magħluqa;

    iktar sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata u tnaqqas l-ammont tal-multa imposta in solidum fuq l-appellanti għal ammont li ma jaqbiżx l-10 % tad-dħul mill-bejgħ magħmul minnhom mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ ta’ Maschinenfabrik,

    u

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    17

    Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

    Fuq l-appell

    18

    Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw seba’ aggravji bbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 u l-Artikolu 48(2) tal-Karta, kif ukoll tal-prinċipju ta’ immedjatezza, it-tieni wieħed, fuq il-ksur tad-“dritt għall-konfront”, it-tielet wieħed, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, ir-raba’ wieħed, fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, il-ħames wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, is-sitt wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, f’dak li jikkonċerna l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ unità ekonomika, u, is-seba’ wieħed, fuq il-ksur tal-istess dispożizzjoni f’dak li jikkonċerna l-limitu massimu tal-multa imposta in solidum fuq l-appellanti.

    Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 6 tal-KEDB flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 u l-Artikolu 48(2) tal-Karta kif ukoll tal-prinċipju ta’ immedjatezza

    L-argumenti tal-partijiet

    19

    L-appellanti jsostnu li l-garanziji proċedurali u d-drittijiet tad-difiża stabbiliti fl-Artikolu 6(1) u (3) tal-KEDB, kif interpretati mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, kif ukoll fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 u fl-Artikolu 48(2) tal-Karta, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-proċeduri quddiem il-qorti tal-Unjoni, inkluż fil-proċeduri dwar l-akkordji, peress li tali proċeduri huma ta’ natura kriminali.

    20

    Issa, sa fejn kulma għamlet il-Qorti Ġenerali kien li ħadet inkunsiderazzjoni biss il-proċessi verbali tad-dikjarazzjonijiet magħmula mis-Sur W lill-avukati ta’ Silver Plastics, mingħajr ma sejħet lil dan sabiex tisimgħu personalment bħala xhud, hija kisret il-prinċipju ta’ smigħ xieraq iggarantit mill-Artikolu 6 tal-KEDB kif ukoll mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 u l-Artikolu 48(2) tal-Karta u kisret il-prinċipju ta’ immedjatezza tal-produzzjoni tal-prova.

    21

    Skont l-appellanti, li jinvokaw f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, minn naħa, is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tas-16 ta’ Lulju 2019, Júlíus þór Sigurþórsson vs L-Islanda (CE:ECHR:2019:0716JUD003879717), u, min-naħa l-oħra, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Lulju 2019, Gambino u Hyka (C‑38/18, EU:C:2019:628) kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, l-ekwità tal-proċedura ggarantita mill-Artikolu 6(1) tal-KEDB teżiġi li qorti li tistħarreġ deċiżjoni dwar il-ħtija ta’ persuna għandha tiġbor kull xhieda neċessarja permezz ta’ smigħ personali tax-xhud u ma għandhiex tibbaża ruħha biss fuq dikjarazzjoni bil-miktub ta’ dan ix-xhud.

    22

    Minn dan isegwi, skont l-appellanti, li, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali qieset fil-punt 230 tas-sentenza appellata, hija ma setgħetx validament tiddeċiedi t-tilwima mressqa quddiemha mingħajr ma tisma’ personalment lis-Sur W. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jagħti x’jifhem il-punt 229 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiddeċiedi dwar ir-rilevanza ta’ tali smigħ mingħajr ma twettqu, billi sempliċement tikkunsidra li dan fi kwalunkwe każ ma huwiex ta’ natura li tinfluwenza s-sens tad-deċiżjoni tagħha.

    23

    Il-Kummissjoni tqis li l-ewwel aggravju huwa inammissibbli peress li, fil-verità, huwa intiż li jikkontesta l-evalwazzjoni tal-fatti mill-Qorti Ġenerali u, fi kwalunkwe każ, huwa infondat.

    L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

    24

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li għalkemm, kif jikkonferma l-Artikolu 6(3) TUE, id-drittijiet fundamentali stabbiliti fil-KEDB jagħmlu parti mid-dritt tal-Unjoni bħala prinċipji ġenerali u għalkemm l-Artikolu 52(3) tal-Karta jipprovdi li d-drittijiet previsti fiha li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-KEDB għandhom l-istess tifsira u l-istess portata bħal dawk li tagħtihom l-imsemmija konvenzjoni, din tal-aħħar ma hijiex, minħabba li l-Unjoni ma aderixxietx magħha, strument legali li jagħmel formalment parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2020, Facebook Ireland u Schrems, C‑311/18, EU:C:2020:559, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    25

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll li, sa fejn il-Karta tinkludi drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-KEDB, l-Artikolu 52(3) tal-Karta huwa intiż li jiżgura l-koerenza meħtieġa bejn id-drittijiet inklużi fiha u d-drittijiet korrispondenti ggarantiti mill-KEDB, u dan mingħajr ma tiġi ppreġudikata l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni u tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Marzu 2018, Menci, C‑524/15, EU:C:2018:197, punt 23). Skont l-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17), it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jikkorrispondi għall-Artikolu 6(1) tal-KEDB u l-Artikolu 48 tal-Karta huwa l-istess bħall-Artikolu 6(2) u (3) tal-KEDB. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiżgura li l-interpretazzjoni li hija tagħti tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 u tal-Artikolu 48 tal-Karta tiżgura livell ta’ protezzjoni li ma jmurx kontra dak iggarantit mill-Artikolu 6 tal-KEDB, hekk kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (sentenza tas-26 ta’ Settembru 2018, Belastingdienst vs Toeslagen (Effett sospensiv tal-appell), C‑175/17, EU:C:2018:776, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    26

    B’dawn l-elementi mfakkra, l-ewwel aggravju tal-appellanti għandu jinftiehem bħala intiż li jsostni, essenzjalment, li, billi rrifjutat li tisma’ oralment, bħala xhud, lis-Sur W, il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tagħhom għal smigħ xieraq stabbilit, b’mod partikolari, fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 u fl-Artikolu 48(2) tal-Karta.

    27

    Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, tali aggravju ma huwiex intiż li jikkontesta l-evalwazzjoni tal-fatti mill-Qorti Ġenerali iżda li jikkritika lil din tal-aħħar li wettqet żball ta’ liġi. Għaldaqstant huwa ammissibbli.

    28

    F’dak li jikkonċerna l-eżami ta’ dan l-aggravju fir-rigward tal-mertu, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali biss tista’ tiddeċiedi dwar il-bżonn eventwali li tiġi kkompletata l-informazzjoni li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha dwar il-kawżi li jkollha quddiemha (sentenza tal-24 ta’ Settembru 2009, Erste Group Bank et vs Il‑Kummissjoni, C‑125/07 P, C‑133/07 P u C‑137/07 P, EU:C:2009:576, punt 319 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    29

    Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, anki jekk talba għal smigħ ta’ xhieda, magħmula fir-rikors, tindika bi preċiżjoni l-fatti li fuqhom hemm lok li jinstemgħu x-xhud jew ix-xhieda u r-raġunijiet li jiġġustifikaw is-smigħ tagħhom, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa r-rilevanza tat-talba fir-rigward tas-suġġett tat-tilwima u tan-neċessità li jinstemgħu x-xhieda msemmija (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Siemens et vs Il-Kummissjoni, C‑239/11 P, C‑489/11 P u C‑498/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:866, punt 323 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    30

    Din is-setgħa diskrezzjonali tal-Qorti Ġenerali hija rikonċiljabbli mad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, b’mod partikolari mad-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 u mal-Artikolu 48(2) tal-Karta, moqrija flimkien mal-Artikolu 6(3)(d) tal-KEDB. Fil-fatt mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din l-aħħar dispożizzjoni ma tirrikonoxxix lill-akkużat dritt assolut li jikseb id-dehra tax-xhieda quddiem qorti u li fil-prinċipju hija l-qorti li tiddeċiedi dwar il-ħtieġa jew l-opportunità li jissejjaħ xhud. L-Artikolu 6(3) tal-KEDB ma jimponix is-sejħa ta’ xhieda, iżda huwa mmirat lejn opportunitajiet totalment ugwali għall-partijiet li jiżguraw li l-proċedura kontenzjuża, meqjusa fl-intier tagħha, tkun ipprovdiet lill-akkużat b’opportunità adegwata u suffiċjenti li jikkontesta s-suspetti fil-konfront tiegħu (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Siemens et vs Il-Kummissjoni, C‑239/11 P, C‑489/11 P u C‑498/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:866, punti 324325 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    31

    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, wara eżami ddettaljat ta’ numru ta’ provi li l-appellanti setgħu jikkontestaw ampjament, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, minn naħa, fil-punt 153 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet stabbilixxiet b’mod suffiċjenti fid-dritt, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-parteċipazzjoni ta’ Silver Plastics fi ftehimiet antikompetittivi u fi prattiki miftiehma u, min-naħa l-oħra, fil-punt 191 ta’ din is-sentenza, li Silver Plastics kienet ipparteċipat fi ksur uniku u kontinwu fl-EM.

    32

    Barra minn hekk, fil-punti 232 u 233 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali osservat li l-appellanti kienu pproduċew quddiemha dikjarazzjonijiet ta’ diversi persuni, fosthom b’mod partikolari s-Sur W, li huma setgħu jużaw sabiex isostnu l-argumenti tagħhom. Hija żiedet, fil-punt 234 ta’ dik is-sentenza, li l-motivazzjoni mressqa mill-appellanti fir-rigward tal-utilità tat-testimonjanzi ta’ dawn il-persuni ma kinitx turi li s-smigħ tagħhom, mill-Qorti Ġenerali, bħala xhieda, jista’ jagħti valur miżjud lill-provi diġà preżenti fil-proċess.

    33

    Huwa għalhekk li l-Qorti Ġenerali qieset, kif jirriżulta mill-punt 236 tas-sentenza appellata, li, fid-dawl tas-suġġett tar-rikors u tal-elementi tal-proċess, la kien neċessarju u lanqas ma kien opportun li tingħata risposta favorevoli għat-talba għas-smigħ ta’ xhieda mressqa mill-appellanti. Għaldaqstant, hija setgħet tiċħad din it-talba, u dan mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi.

    34

    Din il-kunsiderazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-insenjament li jirriżulta mis-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tas-16 ta’ Lulju 2019, Júlíus þór Sigurþórsson vs L-Islanda (CE:ECHR:2019:0716JUD003879717), invokata mill-appellanti. Kif jirriżulta, essenzjalment, mill-punti 39 sa 44 ta’ dik is-sentenza, huwa fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża li wasslet għaliha li din il-qorti kkonstatat ksur tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB. Issa, dawn iċ-ċirkustanzi, ikkaratterizzati mill-fatt li l-akkużat li kien ġie lliberat fl-ewwel istanza ġie sussegwentement ikkundannat minn qorti tal-appell li naqqset il-valur probatorju ta’ xhieda orali magħmula quddiem il-qorti tal-ewwel istanza minkejja li, skont id-dritt nazzjonali tagħha, hija ma setgħetx tevalwa mill-ġdid ix-xhieda orali ppreżentata quddiem tali qorti mingħajr ma tkun semgħet mill-ġdid lill-awturi tagħha, bl-ebda mod ma huma paragunabbli maċ-ċirkustanzi tal-kawża li tat lok għas-sentenza appellata.

    35

    Lanqas is-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Gambino u Hyka (C‑38/18, EU:C:2019:628), ukoll invokata mill-appellanti, ma tista’ twassal għal konklużjoni differenti.

    36

    Dik is-sentenza tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI (ĠU 2012, L 315, p. 57). Fiha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikoli 16 u 18 tad-Direttiva 2012/29 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha, meta l-vittma ta’ reat kriminali tkun instemgħet għall-ewwel darba mill-kulleġġ ġudikanti ta’ qorti kriminali tal-ewwel istanza u l-kompożizzjoni ta’ dan il-kulleġġ ġudikanti sussegwentement tinbidel, din il-vittma għandha, bħala prinċipju, terġa’ tinstema’ mill-kulleġġ ġudikanti kompost mill-ġdid, meta waħda mill-partijiet fil-proċeduri tirrifjuta li l-imsemmi kulleġġ ġudikanti jibbaża ruħu fuq il-proċess verbal tal-ewwel smigħ tal-imsemmija vittma (sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Gambino u Hyka, C‑38/18, EU:C:2019:628, punt 59).

    37

    Huwa f’dan il-kuntest li l-kunsiderazzjoni li tinsab fil-punti 42 u 43 tas-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Gambino u Hyka (C‑38/18, EU:C:2019:628), li tgħid li dawk li għandhom ir-responsabbiltà li jiddeċiedu dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-akkużat għandhom, bħala prinċipju, jisimgħu lix-xhieda personalment u jevalwaw il-kredibbiltà tagħhom, fejn wieħed mill-elementi importanti ta’ smigħ kriminali xieraq huwa l-possibbiltà għall-akkużat li jikkonfronta x-xhieda fil-preżenza tal-qorti li, fl-aħħar mill-aħħar, tiddeċiedi fuq id-destin tiegħu.

    38

    Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali ma kinitx tikkonċerna “proċeduri kriminali” fis-sens tad-Direttiva 2012/29, iżda rikors għal annullament kontra deċiżjoni amministrattiva li imponiet fuq l-appellanti, li huma żewġ persuni ġuridiċi, multa għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

    39

    Indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk, f’tali ċirkustanzi, l-appellanti jistgħux jiġu assimilati mal-akkużati ta’ proċess kriminali, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, f’dan il-każ ma hemmx kwistjoni ta’ smigħ ġdid ta’ xhud li diġà nstema’ minn kulleġġ ġudikanti differenti, iżda obbligu eventwali tal-Qorti Ġenerali li tisma’ xhud li s-smigħ tiegħu ntalab mill-appellanti. Madankollu, l-ebda obbligu tali ma jista’ jiġi dedott mill-punti 42 u 43 tas-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Gambino u Hyka (C‑38/18, EU:C:2019:628).

    40

    Fl-aħħar nett, l-argument tal-appellanti li, essenzjalment, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tevalwa l-kredibbiltà tad-dikjarazzjonijiet tas-Sur W mingħajr ma tkun semgħetu bħala xhud għandu wkoll jiġi miċħud.

    41

    Fil-fatt, smigħ orali ma huwiex l-uniku mezz li jippermetti li tiġi evalwata l-kredibbiltà tad-dikjarazzjonijiet magħmula minn persuna. Għal dan il-għan, il-qorti tista’, b’mod partikolari, tibbaża ruħha fuq provi oħra li jikkorroboraw dawn id-dikjarazzjonijiet jew, għall-kuntrarju, jikkontradixxuhom.

    42

    Issa, huwa preċiżament minħabba l-fatt li ċerti dikjarazzjonijiet tas-Sur W. kienu kontradetti minn provi oħra prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali li, fil-punti 74, 102 u 107 tas-sentenza appellata, imsemmija mill-appellanti fl-aggravju tagħhom, din iddeċidiet li dawn id-dikjarazzjonijiet ftit li xejn kienu kredibbli, jew saħansitra ma kinux kredibbli.

    43

    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għall-konfront

    L-argumenti tal-partijiet

    44

    L-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tagħhom għall-konfront, stabbilit fl-Artikolu 6(1) u (3)(d) tal-KEDB, billi ċaħdet it-talba tagħhom sabiex ikunu jistgħu jeżaminaw huma stess lis-Sur W., fil-kwalità tiegħu ta’ xhud tal-prosekuzzjoni.

    45

    Skont l-appellanti, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li jekk qorti tkun użat mezzi ta’ prova u bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq dawn il-mezzi, sabiex tirrispetta d-dritt għall-konfront, għandha tingħata l-possibbiltà lid-difiża li tieħu pożizzjoni fuq il-konklużjonijiet li jirriżultaw mill-imsemmija mezzi.

    46

    F’dan ir-rigward, l-appellanti jsostnu li, bħala sors essenzjali tat-talba għal klemenza ta’ Linpac, is-Sur W. kien ix-xhud prinċipali tal-prosekuzzjoni fil-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża u sussegwentement għas-sentenza appellata. Issa, il-Qorti Ġenerali bbażat, b’mod determinanti, il-“kundanna” tal-appellanti fuq id-dikjarazzjonijiet tas-Sur W. li jinsabu f’din it-talba, mingħajr ma tathom il-possibbiltà ta’ konfront. B’hekk, il-Qorti Ġenerali llimitat id-dritt tal-appellanti għal tali konfront mingħajr raġuni leġittima li tiġġustifika din il-limitazzjoni.

    47

    Fil-fatt, l-aġenti tal-Kummissjoni ltaqgħu mas-Sur W fil-kwalità tiegħu ta’ xhud tal-prosekuzzjoni, billi eskludew il-parteċipazzjoni tal-appellanti f’dan is-smigħ u mingħajr ma fformulaw proċess verbal tiegħu u mingħajr lanqas ma kkomunikawh lill-appellanti. Sabiex jiġi kkumpensat dan l-iżbilanċ, kien neċessarju li l-appellanti stess ikunu jistgħu jinterrogaw lis-Sur W quddiem il-Kummissjoni jew, tal-inqas, quddiem il-Qorti Ġenerali.

    48

    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument. Hija tirrileva li l-argument tal-appellanti bbażat fuq l-impossibbiltà li huma stess jinterrogaw lis-Sur W. matul il-proċediment amministrattiv huwa inammissibbli, peress li ma jirrigwardax is-sentenza appellata. Fi kwalunkwe każ, l-argumenti kollha mressqa mill-appellanti fil-kuntest tat-tieni aggravju għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

    L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

    49

    Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti essenzjalment isostnu li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 u l-Artikolu 48(2) tal-Karta moqrija flimkien mal-Artikolu 6 tal-KEDB, il-Qorti Ġenerali kienet obbligata tilqa’ t-talba tagħhom għas-smigħ tas-Sur W bħala xhud sabiex ikunu jistgħu jinterrogawh huma stess, minħabba li dan kien ix-“xhud prinċipali tal-prosekuzzjoni” fil-proċedura li tikkonċernahom u nstema’ mill-Kummissjoni mingħajr ma r-rappreżentanti tagħhom setgħu jipparteċipaw f’dan is-smigħ.

    50

    Għaldaqstant huwa biss b’mod inċidentali li l-appellanti jsemmu s-smigħ tas-Sur W mill-Kummissjoni, b’tali mod li l-affermazzjoni ta’ din tal-aħħar, li tgħid li tali argument, invokat f’appell, huwa inammissibbli, għandha tiġi miċħuda.

    51

    Fir-rigward tal-eżami ta’ dan l-aggravju fir-rigward tal-mertu, għandu jiġi rrilevat li l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali, preċiżament, li ma semgħetx lis-Sur W. bħala xhud, b’tali mod li dan ma jistax loġikament jiġi kkwalifikat bħala “xhud tal-prosekuzzjoni” quddiem il-Qorti Ġenerali.

    52

    Barra minn hekk, mis-sentenza appellata ma jirriżultax li l-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni xi dikjarazzjoni bil-miktub tas-Sur W. prodotta mill-Kummissjoni. L-uniċi dikjarazzjonijiet bil-miktub tas-Sur W., meħuda inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali, huma, kif jirriżulta mill-punti 34 sa 39 tas-sentenza appellata, dawk prodotti mill-appellanti stess.

    53

    Għalkemm mill-punt 36 tas-sentenza appellata jirriżulta li s-Sur W. kien wieħed mis-sorsi tad-dikjarazzjonijiet magħmula fil-kuntest tal-klemenza minn Linpac, li hija l-persuna li kienet timpjegah qabel, li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ruħha b’mod partikolari fid-deċiżjoni kontenzjuża, xorta jibqa’ l-fatt li d-dikjarazzjonijiet ta’ din l-impriża saru taħt ir-responsabbiltà tagħha stess b’għarfien tal-konsegwenzi negattivi potenzjali tal-produzzjoni ta’ elementi mhux eżatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Siemens et vs Il‑Kummissjoni, C‑239/11 P, C‑489/11 P u C‑498/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:866, punt 138). Għalhekk, il-fatt li s-Sur W. kien wieħed mis-sorsi ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, jew saħansitra s-sors prinċipali tagħhom, ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi kklassifikat bħala “xhud tal-prosekuzzjoni”.

    54

    L-argument tal-appellanti li, peress li l-Kummissjoni semgħet lis-Sur W. qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, mingħajr il-preżenza tar-rappreżentanti tal-appellanti, il-Qorti Ġenerali kienet obbligata ssejjaħ lis-Sur W. bħala xhud sabiex tippermetti lill-appellanti jinterrogawh huma stess, lanqas ma jista’ jintlaqa’. Fil-fatt, l-appellanti kienu f’pożizzjoni li jikkuntattjaw lis-Sur W. huma stess sabiex jiksbu dikjarazzjoni min-naħa tiegħu, ħaġa li barra minn hekk huma għamlu, u d-dikjarazzjonijiet bil-miktub hekk miksuba ġew prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali u meħuda inkunsiderazzjoni minnha.

    55

    Minn dan isegwi li l-argumenti mressqa insostenn tat-tieni aggravju ma jistgħux juru li, minkejja s-setgħa sovrana ta’ evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward, imfakkra fil-punti 28 sa 30 ta’ din is-sentenza, din ma setgħetx validament tirrifjuta li tisma’ lis-Sur W. bħala xhud. Għaldaqstant, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet

    L-argumenti tal-partijiet

    56

    L-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, li jagħmel parti mid-dritt għal smigħ xieraq, fis-sens tal-Artikolu 6(1) u (3)(d) tal-KEDB. Fil-fehma tagħhom, dan il-prinċipju jimplika li l-Qorti Ġenerali kellha tordna s-smigħ personali tas-Sur W. kif ukoll xhieda oħra li huma kienu talbu li jinstemgħu.

    57

    L-appellanti jfakkru li huma kienu indikaw l-ismijiet tax-xhieda li huma riedu li jinstemgħu mill-Qorti Ġenerali kif ukoll il-fatti li tagħhom huma kellhom l-intenzjoni jagħtu prova permezz ta’ din ix-xhieda. Issa, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talba għas-smigħ ta’ xhieda billi bbażat ruħha fuq motivazzjoni li ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, kif imfakkra, b’mod partikolari, fil-paragrafu 164 tas-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2018, Murtazaliyeva vs Ir-Russja (CE:ECHR:2018:1218JUD003665805).

    58

    Il-Kummissjoni tqis li t-tielet aggravju huwa infondat u għandu jiġi miċħud.

    L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

    59

    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-ksur tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, invokat mill-appellanti, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, sa fejn il-Qorti Ġenerali ma semgħetx xhieda proposti mill-Kummissjoni, hija ma tistax tiġi kkritikata li kisret dan il-prinċipju, minħabba li bl-istess mod iddeċidiet li ma tismax ix-xhieda proposti mill-appellanti.

    60

    Fit-tieni lok, sa fejn l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali, essenzjalment, bi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward taċ-ċaħda tat-talba tagħhom għas-smigħ tax-xhieda, għandu jiġi rrilevat li, fil-punti 232 sa 235 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali esponiet b’mod suffiċjenti fid-dritt ir-raġunijiet li wassluha sabiex tikkunsidra li la kien neċessarju u lanqas opportun li tilqa’ t-talba għas-smigħ tax-xhieda mressqa mill-appellanti. B’dan il-mod, hija osservat l-obbligu li tagħti motivazzjoni għas-sentenzi tagħha.

    61

    Is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat-18 ta’ Diċembru 2018, Murtazaliyeva vs Ir-Russja (CE:ECHR:2018:1218JUD003665805) ma tistax tikkontesta l-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq. Għalkemm fil-paragrafu 164 ta’ din is-sentenza din il-qorti rrilevat li r-raġunament tal-qrati aditi b’talba għal smigħ ta’ xhieda għandu jikkorrispondi għall-motivi mressqa insostenn ta’ din it-talba, jiġifieri li għandu jkun issostanzjat u ddettaljat daqs dawn il-motivi, hija żiedet, fil-paragrafu 165 tal-imsemmija sentenza, li peress li l-KEDB ma teżiġix il-konvokazzjoni jew l-interrogazzjoni ta’ kull xhud tad-difiża, il-qrati nazzjonali ma humiex mistennija jagħtu risposta ddettaljata għal kull talba fformulata f’dan is-sens mid-difiża, filwaqt li madankollu dawn għandhom jimmotivaw id-deċiżjoni tagħhom b’mod adegwat.

    62

    Issa, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni l-motivi mressqa mill-appellanti insostenn tat-talba tagħhom għas-smigħ tax-xhieda, li hija ġabret fil-qosor fil-punti 221 sa 225 tas-sentenza appellata u li għalihom hija rrispondiet fil-punti 232 sa 235 ta’ din is-sentenza, b’mod li ma tistax titqies bħala inadegwata.

    63

    Minn dan isegwi li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    Fuq ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

    L-argumenti tal-partijiet

    64

    L-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu li timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha. Minn naħa, huwa impossibbli li wieħed jifhem fuq liema indizji l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha sabiex, fil-punt 67 tas-sentenza appellata, tikkunsidra li Silver Plastics kienet ipparteċipat fl-allegata laqgħa antikompetittiva tat-13 ta’ Ġunju 2002. Il-Qorti Ġenerali fl-ebda mument ma tispjega għaliex in-noti miktubin bl-idejn imsemmija fil-punt 54 tas-sentenza appellata juru ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Barra minn hekk, fil-punt 63 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tipprova biss turi kif l-argumenti ppreżentati mill-appellanti mhux neċessarjament juru li laqgħa oħra, li l-għan tagħha ma kienx antikompetittiv u li seħħet fl-istess jum bil-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti ta’ Silver Plastics, bdiet fid-9.00 u li, konsegwentement, ir-rappreżentanti ta’ din tal-aħħar ma setgħux ipparteċipaw fil-laqgħa antikompetittiva li saret fl-istess ħin. Min-naħa l-oħra, ir-raġunijiet li għalihom il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-laqgħa li l-għan tagħha ma kienx antikompetittiv kienet bdiet iktar tard baqgħu ma ġewx iddeterminati. L-appellanti jenfasizzaw li huma ma humiex qegħdin jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-provi mill-Qorti Ġenerali, iżda jikkritikaw il-fatt li din ma ssostanzjatx b’mod pożittiv is-suppożizzjonijiet tagħha.

    65

    Min-naħa l-oħra, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li kulma għamlet kien li affermat diversi drabi fis-sentenza appellata, mingħajr ebda forma oħra ta’ motivazzjoni, li d-dikjarazzjonijiet bil-miktub tas-Sur W. ma kinux kredibbli.

    66

    Il-Kummissjoni tqis li r-raba’ aggravju huwa parzjalment inammissibbli peress li, fil-verità, huwa intiż li jikkontesta l-evalwazzjoni tal-provi mill-Qorti Ġenerali u, fi kwalunkwe każ, huwa infondat.

    L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

    67

    Kif enfasizzaw l-appellanti stess, ir-raba’ aggravju jirrigwarda l-istħarriġ tal-osservanza, mill-Qorti Ġenerali, tal-obbligu ta’ motivazzjoni tas-sentenzi tagħha u ma huwiex intiż għal evalwazzjoni ġdida tal-fatti, li għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex kompetenti fl-istadju tal-appell. Għaldaqstant, hemm lok li l-argument tal-Kummissjoni li dan l-aggravju huwa parzjalment inammissibbli jiġi miċħud.

    68

    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument tal-appellanti dwar il-punt 67 tas-sentenza appellata, għandu jiġi osservat li f’dan il-punt il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, fit-13 ta’ Ġunju 2002, kienu ltaqgħu diversi impriżi kompetituri fis-suq ikkonċernat, fosthom Silver Plastics, sabiex jiddiskutu l-istrateġiji dwar il-prezzijiet, fil-marġni ta’ laqgħa, li seħħet fl-istess jum, li l-għan tagħha ma kienx antikompetittiv.

    69

    Quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti kienu essenzjalment sostnew li l-laqgħa li l-għan tagħha ma kienx antikompetittiv u l-laqgħa dwar il-prezzijiet kienu seħħew fl-istess ħin, b’tali mod li r-rappreżentanti ta’ Silver Plastics, li kienu pparteċipaw fl-ewwel laqgħa, ma setgħux ipparteċipaw ukoll fit-tieni laqgħa.

    70

    Madankollu, fil-punti 47 sa 66 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali wriet, b’mod eżawrjenti, l-elementi kollha li fil-fehma tagħha kienu juru li r-rappreżentanti ta’ Silver Plastics kienu pparteċipaw fil-laqgħa antikompetittiva dwar il-prezzijiet. Kuntrarjament għal dak li jallegaw l-appellanti, bl-ebda mod ma kien neċessarju għall-Qorti Ġenerali li tiddetermina, f’dan ir-rigward, il-ħin eżatt tal-bidu tal-laqgħa li l-għan tagħha ma kienx antikompetittiv. Hija setgħet, mingħajr ma tikser l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, tikkunsidra, fil-punt 67 tas-sentenza appellata, li kienet teżisti ambigwità fir-rigward tal-ħin tal-bidu ta’ din l-aħħar laqgħa.

    71

    Fir-rigward tan-noti miktubin bl-idejn imsemmija fil-punt 54 tas-sentenza appellata, kuntrarjament għal dak li jallegaw l-appellanti, mill-punt 56 ta’ din is-sentenza jirriżulta b’mod ċar li dawn kienu jirrigwardaw il-prezzijiet ipprattikati minn diversi impriżi kompetituri, fosthom Silver Plastics, u li, konsegwentement, dawn kienu juru ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

    72

    Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellanti fir-rikors tagħhom, il-punti 54, 63 u 67 tas-sentenza appellata ma juru ebda ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni mill-Qorti Ġenerali.

    73

    Fit-tieni lok, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li ma mmotivatx l-affermazzjoni tagħha li d-dikjarazzjonijiet tas-Sur W. li huma kienu ssottomettewlha ma kinux kredibbli.

    74

    F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li l-appellanti jagħtu x’wieħed jifhem, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx evalwazzjoni tal-kredibbiltà tad-dikjarazzjonijiet tas-Sur W. meħuda fl-intier tagħhom.

    75

    Kif diġà ġie rrilevat fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, f’diversi punti tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali qieset li huma biss ċerti affermazzjonijiet tas-Sur W., li jinsabu fid-dikjarazzjonijiet tiegħu prodotti quddiemha mill-appellanti, li ma tantx kienu kredibbli jew li saħansitra ma kinux kredibbli, peress li dawn kienu kontradetti minn provi oħra, imsemmija mill-Qorti Ġenerali.

    76

    Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li naqset mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni fir-rigward tan-natura kredibbli jew le tal-affermazzjonijiet tas-Sur W. meħuda fl-intier tagħhom.

    77

    Konsegwentement, ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    Fuq il-ħames aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003

    L-argumenti tal-partijiet

    78

    L-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, billi ddeċidiet li l-ksur inkwistjoni fl-EM imsemmi fid-deċiżjoni kontenzjuża kien jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwu fir-rigward tas-suq tal-kontenituri riġidi, li kien jirrigwarda b’mod partikolari l-perijodu mit-13 ta’ Ġunju 2002 sal-24 ta’ Awwissu 2004. Il-Qorti Ġenerali ma wrietx l-eżistenza, matul dan il-perijodu, fis-suq ikkonċernat, ta’ pjan ġenerali li ġie estiż fuq diversi ksur individwali li jistgħu jkunu konnessi bejniethom. Għall-kuntrarju, hija stess tammetti, fil-punt 177 tas-sentenza appellata, li laqgħa li kellha bħala suġġett l-imsemmi suq seħħet għall-ewwel darba fl-24 ta’ Awwissu 2004.

    79

    L-iżball imwettaq mill-Qorti Ġenerali kellu konsegwenzi fuq l-ammont tal-multa imposta fuq l-appellanti, sa fejn din kienet ġiet iffissata abbażi ta’ ammont inizjali bbażat fuq id-dħul mill-bejgħ magħmul matul is-sena 2006 abbażi, b’mod partikolari, tal-bejgħ ta’ kontenituri riġidi. Sussegwentement, dan l-ammont ġie mmultiplikat bin-numru ta’ snin tal-ksur inkwistjoni, li kellu bħala konsegwenza li jinkludi fil-kalkolu ta’ din il-multa d-dħul mill-bejgħ imwettaq permezz tal-bejgħ ta’ kontenituri riġidi, għall-perijodu qabel ix-xahar ta’ Settembru 2004.

    80

    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tal-appellanti u ssostni li l-ħames aggravju għandu jiġi miċħud.

    L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

    81

    Għandu jitfakkar li, il-kunċett ta’ “ksur uniku u kontinwu”, kif irrikonoxxut fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jippreżumi l-eżistenza ta’ “pjan ġenerali”, li minnu jagħmlu parti diversi atti, minħabba l-għan identiku tagħhom ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern, u dan indipendentement mill-fatt li wieħed jew iktar minn dawn l-atti jistgħu wkoll jikkostitwixxu, fihom infushom u individwalment, ksur tal-Artikolu 101 TFUE (sentenza tas-26 ta’ Jannar 2017, Villeroy & Boch vs Il-Kummissjoni, C‑644/13 P, EU:C:2017:59, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    82

    Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-parteċipazzjoni ta’ impriża fi ksur uniku u kontinwu ma teżiġix il-parteċipazzjoni diretta tagħha fl-aġir antikompetittiv kollu li jikkostitwixxi dan il-ksur u li lanqas ma huwa meħtieġ li l-impriżi kollha li jipparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu jkunu attivi fl-istess suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2017, Villeroy & Boch vs Il-Kummissjoni, C‑644/13 P, EU:C:2017:59, punti 4951 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    83

    F’dan il-każ, mill-punt 177 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-kuntest tal-evalwazzjoni sovrana tagħha tal-fatti, li l-ksur inkwistjoni fl-EM, li fih ipparteċipaw l-appellanti, kien jirrigwarda kemm il-kontenituri tal-polistiren kif ukoll il-kontenituri riġidi. Għal dawn il-motivi, il-Qorti Ġenerali għalhekk ikkunsidrat li kien jeżisti “pjan ġenerali” li jkopri kemm wieħed kif ukoll l-ieħor minn dawn il-prodotti.

    84

    Fid-dawl ta’ din il-konstatazzjoni, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonfermat il-konstatazzjoni li tinsab fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, li tgħid li l-appellanti kienu pparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu fl-EM li jirrigwarda kemm il-kontenituri tal-polistiren kif ukoll il-kontenituri riġidi, matul il-perijodu mit-13 ta’ Ġunju 2002 sad-29 ta’ Ottubru 2007.

    85

    Fil-fatt, jekk jiġi preżunt li l-ewwel laqgħa li kellha bħala għan is-suq tal-kontenituri riġidi seħħet biss fl-24 ta’ Awwissu 2004, kif jallegaw l-appellanti, dan il-fatt ma huwiex rilevanti fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħhom fi ksur uniku u kontinwu li jirrigwarda kemm il-kontenituri tal-polistiren kif ukoll il-kontenituri riġidi, peress li, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali, l-implimentazzjoni tal-“pjan ġenerali”, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punt 81 ta’ din is-sentenza, li fih kienu jaqgħu wkoll l-azzjonijiet relatati mal-kontenituri riġidi, bdiet fit-13 ta’ Ġunju 2002.

    86

    Minn dan isegwi li l-ħames aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    Fuq is-sitt aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, fir-rigward tal-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ unità ekonomika

    L-argumenti tal-partijiet

    87

    L-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret l-ewwel u t-tieni sentenza tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, moqri flimkien mal-Artikolu 101(1) TFUE, sa fejn hija bbażat ir-raġunament tagħha fuq il-premessa li huma kienu jifformaw unità ekonomika, b’nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-punti ta’ fatt u tal-provi li huma kienu ressqu u li kienu ta’ natura li jikkonfutaw il-preżunzjoni f’dan is-sens, ibbażata fuq iż-żamma tal-kważi totalità tal-kapital ta’ Silver Plastics minn Johannes Reifenhäuser Holding. Issa, kif jirriżulta minn diversi elementi invokati quddiem il-Qorti Ġenerali, Johannes Reifenhäuser Holding qatt ma ppreżentat ruħha fir-rigward ta’ terzi bħala l-proprjetarju ta’ Silver Plastics. Din hija biss sempliċi qoxra amministrattiva u kellha tiġi injorata għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ unità ekonomika. L-għan tagħha, li huwa ġeneriku ħafna, ma jipprekludix tali kunsiderazzjoni, kuntrarjament għal dak li ġie affermat fil-punt 269 tas-sentenza appellata.

    88

    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tal-appellanti.

    L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

    89

    Għandu jitfakkar li, fil-punt 265 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, matul il-perijodu kkonċernat mill-ksur inkwistjoni, Johannes Reifenhäuser Holding kienet id-detentriċi ta’ kważi l-kapital kollu (99.75 %) ta’ Silver Plastics.

    90

    Għaldaqstant, fil-punt 266 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha fuq il-preżunzjoni li, fil-każ partikolari fejn kumpannija omm iżżomm, direttament jew indirettament, il-kapital kollu jew kważi l-kapital kollu tal-kapital tas-sussidjarja tagħha li wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, tkun teżisti preżunzjoni konfutabbli li din il-kumpannija omm effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 1983, AEG-Telefunken vs Il‑Kummissjoni, 107/82, EU:C:1983:293, punt 50, u tas-16 ta’ Ġunju 2016, Evonik Degussa u AlzChem vs Il-Kummissjoni, C‑155/14 P, EU:C:2016:446, punt 28).

    91

    Wara li fil-punti 267 sa 279 tas-sentenza appellata analizzat l-argumenti u l-provi invokati mill-appellanti, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 280 ta’ din is-sentenza, li dawn ma kinux suffiċjenti sabiex jikkonfutaw il-preżunzjoni msemmija fil-punt preċedenti.

    92

    Permezz tal-argumenti tagħhom imressqa insostenn ta’ dan l-aggravju, l-appellanti essenzjalment jirrepetu l-argumenti li huma kienu żviluppaw quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex juru n-nuqqas ta’ eżerċizzju ta’ influwenza determinanti ta’ Johannes Reifenhäuser Holding fuq Silver Plastics, mingħajr ma jippreċiżaw liema kien l-iżball li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni.

    93

    Issa, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza jew tad-digriet li tagħhom intalab l-annullament kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba. Appell ma jissodisfax dan ir-rekwiżit jekk, mingħajr ma jkun fih argumenti li jkunu intiżi speċifikament sabiex jiġi identifikat l-iżball ta’ liġi li bih ikunu vvizzjati s-sentenza appellata jew id-digriet appellat, sempliċement jirrepeti jew jirriproduċi testwalment il-motivi u l-argumenti li jkunu tqajmu diġà quddiem il-Qorti Ġenerali (digriet tal-4 ta’ Lulju 2012, Région Nord-Pas-de-Calais vs Il‑Kummissjoni, C‑389/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2012:408, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    94

    Konsegwentement, is-sitt aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

    Fuq is-seba’ aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, f’dak li jirrigwarda l-limitu massimu tal-multa

    L-argumenti tal-partijiet

    95

    L-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali bi ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, sa fejn fil-kalkolu tal-multa li ġiet imposta fuqhom in solidum hija inkludiet b’mod żbaljat id-dħul mill-bejgħ magħmul abbażi tal-attività li sussegwentement ġiet ittrasferita lil Maschinenfabrik, li wassal sabiex jinqabeż il-limitu massimu previst minn din id-dispożizzjoni, li jikkorrispondi għal 10 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ kull impriża kkonċernata mill-ksur. Huma jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li injorat il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni, sa fejn, fil-punt 311 tas-sentenza appellata, hija kkunsidrat il-perijodu tal-ksur bħala l-uniku kriterju rilevanti sabiex jiġi ddeterminat id-dħul mill-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-limitu massimu tal-multa. Skont l-appellanti, sabiex jiġi ddeterminat dan id-dħul mill-bejgħ, kien hemm lok li tintgħażel sena finanzjarja xierqa, fid-dawl tal-attività ekonomika matul il-perijodu tal-ksur, u sussegwentement li tittieħed inkunsiderazzjoni, bħala korrezzjoni, il-kapaċità kontributtiva tal-impriża kkonċernata fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li timponi l-multa. Huma jżidu li, f’dan il-każ, il-kapaċità kontributtiva tagħhom kienet naqset b’mod sinjifikattiv fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, ħaġa li l-Kummissjoni kienet taf biha.

    96

    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tal-appellanti u tqis li s-seba’ aggravju għandu jiġi miċħud.

    L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

    97

    Skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, għal kull impriża u assoċjazzjoni ta’ impriżi li tkun ipparteċipat fi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE, il-multa imposta ma għandhiex teċċedi l-10 % tad-dħul mill-bejgħ totali tagħha magħmul matul is-sena finanzjarja preċedenti.

    98

    Fil-punt 307 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li d-deċiżjoni kontenzjuża ġiet adottata fl-24 ta’ Ġunju 2015 u, sa fejn is-sena finanzjarja ta’ Johannes Reifenhäuser Holding kienet tispiċċa fit-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena, li s-“sena finanzjarja preċedenti”, fis-sens tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, kienet, fil-każ tagħha, is-sena finanzjarja 2013/2014, li ntemmet fit‑30 ta’ Ġunju 2014.

    99

    Mill-punt 309 ta’ din is-sentenza jirriżulta li kien biss fit-28 ta’ Mejju 2015, jiġifieri f’data wara t-tmiem tas-sena finanzjarja 2013/2014, li d-diviżjoni li saret bejn Johannes Reifenhäuser Holding u dik li saret Maschinenfabrik ġiet debitament irreġistrata. Kif qieset il-Qorti Ġenerali fl-istess punt tal-imsemmija sentenza, il-fatt li dan it-trasferiment kellu effett retroattiv mit-30 ta’ Settembru 2014 ma kellux effett, peress li din id-data tal-aħħar kienet ukoll wara t-30 ta’ Ġunju 2014.

    100

    Fir-rigward ta’ dawn l-elementi, li ma humiex ikkontestati mill-appellanti, il-Qorti Ġenerali applikat b’mod korrett l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 billi, għall-finijiet tal-kalkolu tal-limitu massimu tal-multa li ġiet imposta fuqhom, ħadet inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ magħmul minn Johannes Reifenhäuser Holding matul is-sena finanzjarja 2013/2014, inkluż dak imwettaq fil-kuntest tal-attività li, wara d-diviżjoni rreġistrata fit-28 ta’ Mejju 2015, saret dik ta’ Maschinenfabrik.

    101

    L-argument tal-appellanti, li l-kapaċità kontributorja tagħhom naqset b’mod sinjifikattiv fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża wara d-diviżjoni ta’ Johannes Reifenhäuser Holding li nisslet lil Maschinenfabrik ma jistax iwassal għal konklużjoni differenti.

    102

    Ċertament, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, għad-determinazzjoni tal-kunċett ta’ “sena finanzjarja preċedenti”, il-Kummissjoni għandha tevalwa, f’kull każ u fid-dawl tal-kuntest tagħha kif ukoll tal-għanijiet segwiti mis-sistema ta’ sanzjonijiet stabbilita mir-Regolament Nru 1/2003, l-impatt imfittex fuq l-impriża kkonċernata, b’mod partikolari b’teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ li jirrifletti s-sitwazzjoni ekonomika reali tagħha matul il-perijodu li fih twettaq il-ksur. F’sitwazzjonijiet fejn id-dħul mill-bejgħ imwettaq mill-impriża kkonċernata ma jagħti ebda indikazzjoni utli dwar is-sitwazzjoni ekonomika reali tagħha u dwar il-livell xieraq tal-multa li għandha tiġi imposta fuqha, il-Kummissjoni hija awtorizzata tirreferi għal sena finanzjarja oħra sabiex tkun f’pożizzjoni li tevalwa korrettament ir-riżorsi finanzjarji ta’ din l-impriża u sabiex tiżgura li l-multa jkollha natura dissważiva suffiċjenti u proporzjonata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Mejju 2014, 1. Garantovaná vs Il-Kummissjoni, C‑90/13 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:326, punti 15 sa 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    103

    Madankollu, il-fatti invokati mill-appellanti insostenn tas-sitt motiv tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali, jiġifieri d-diviżjoni ta’ Johannes Reifenhäuser Holding li nisslet lil Maschinenfabrik f’data ferm wara l-perijodu li matulu twettaq il-ksur inkwistjoni, bl-ebda mod ma kienu ta’ natura li jitfgħu dubju dwar il-kapaċità li d-dħul mill-bejgħ imwettaq minn Johannes Reifenhäuser Holding matul is-sena 2013/2014 għandu sabiex jipprovdi indikazzjoni dwar is-sitwazzjoni ekonomika reali ta’ din l-impriża fil-perijodu li matulu twettaq dan il-ksur u dwar il-livell xieraq tal-multa li għandha tiġi imposta fuqha.

    104

    Għall-kuntrarju, jekk tiġi aċċettata l-possibbiltà li impriża li tkun wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni tnaqqas b’mod sinjifikattiv, permezz tat-trasferiment lil terz ta’ settur tal-attivitajiet tagħha ftit jiem qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni li timponi multa fuqha, il-limitu massimu li din il-multa ma għandha fl-ebda każ taqbeż, l-effikaċja tas-sanzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 1/2003 tkun serjament kompromessa.

    105

    Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta, għall-finijiet tal-kalkolu tal-limitu massimu tal-multa li ġiet imposta in solidum fuq l-appellanti, ħadet inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ ta’ Johannes Reifenhäuser Holding magħmul minnha matul is-sena finanzjarja 2013/2014.

    106

    Minn dan isegwi li s-seba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    107

    Għalhekk, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

    Fuq l-ispejjeż

    108

    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

    109

    Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu.

    110

    Peress li l-appellanti tilfu u l-Kummissjoni talbet li dawn jiġu kkundannati għall-ispejjeż, huma għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess u dawk sostnuti mill-Kummissjoni.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-appell huwa miċħud.

     

    2)

    Silver Plastics GmbH & Co. KG u Johannes Reifenhäuser Holding GmbH & Co. KG għandhom ibatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom stess, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top