Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0683

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-14 ta’ Ottubru 2021.
    Viesgo Infraestructuras Energéticas SL vs Administración General del Estado et.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal Supremo.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku – Direttiva 2009/72/KE – Artikolu 3(2) u Artikolu 3(6) – Impożizzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku – Finanzjament ta’ bonus soċjali bil-għan li jiġu protetti l-konsumaturi vulnerabbli – Obbligi ta’ trasparenza u ta’ nondiskriminazzjoni.
    Kawża C-683/19.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:847

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

    14 ta’ Ottubru 2021 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku – Direttiva 2009/72/KE – Artikolu 3(2) u Artikolu 3(6) – Impożizzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku – Finanzjament ta’ bonus soċjali bil-għan li jiġu protetti l-konsumaturi vulnerabbli – Obbligi ta’ trasparenza u ta’ nondiskriminazzjoni”

    Fil-Kawża C‑683/19,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Lulju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑16 ta’ Settembru 2019, fil-proċedura

    Viesgo Infraestructuras Energticas SL, li kienet E.ON España SLU,

    vs

    Administración General del Estado,

    Iberdrola SA,

    Naturgy Energy Group, SA, li kienet Gas Natural SDG, SA,

    EDP España SAU, li kienet Hidroeléctrica del Cantábrico SA,

    CIDE Asociación de Distribuidores de Energía Eléctrica,

    Endesa SA,

    Agri-Energía SA,

    Navarro Generación, S.A

    Electra del Cardener SA,

    Serviliano García SA,

    Energías de Benasque SL,

    Candín Energía SL,

    Cooperativa Eléctrica Benéfica Catralense,

    Cooperativa Valenciana,

    Eléctrica vacerer SA,

    Hijos de José Bassols SA,

    Electra Aduriz SA,

    El Gas SA,

    Estabanell y Pahisa SA,

    Electra Caldense SA,

    Cooperativa Popular de Fluid Electric Camprodón SCCL,

    Fuciños Rivas SL,

    Electra del maestrazgo SA,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

    komposta minn E. Regan, President tal-Awla, C. Lycourgos (Relatur), President tar-Raba’ Awla, u M. Ilešič, Imħallef,

    Avukat Ġenerali: Y. Bobek,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Viesgo Infraestructuras Energéticas SL, li kienet E.ON España SLU, minn N. Encinar Arroyo u G. Rubio Hernández-Sampelayo, abogados, kif ukoll minn M. J. Gutiérrez Aceves, procuradora,

    għal Iberdrola SA, minn J. Giménez Cervantes, M. García García u C. A. F. Lowhagen, abogados,

    għal Naturgy Energy Group SA, minn F. González Díaz u B. Martos Stevenson, abogados,

    għal EDP España SAU, minn J. Expósito Blanco u J. Fernández García, abogados,

    għal Endesa SA, minn A. J. Sánchez Rodríguez u J. J. Lavilla Rubira, abogados,

    għal Agri-Energía SA, Navarro Generación SA, Electra del Cardener SA, Serviliano García SA, Energías de Benasque SL, Cooperativa Eléctrica Benéfica Catralense, Cooperativa Valenciana, Eléctrica vaquer SA, Hijos de José Bassols SA, Electra Aduriz SA, Estabanell y Pahisa SA, Electra Calredase SA, Cooperativa Popular de Fluid Electric Camprodón, SCCL, Fuciños Rivas SL u Electra del Maestrazgo SA, minn I. Bartol Mir, abogada,

    għall-Gvern Spanjol, minn J. Ruiz Sánchez u S. Centeno Huerta, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn O. Beynet u M. Jáuregui Gómez, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑15 ta’ April 2021,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li temenda [tħassar i]d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU 2009, L 211, p. 55).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Viesgo Infraestructuras Energticas SL (iktar ’il quddiem “Viesgo”), li kienet E.ON España SLU (iktar ’il quddiem “E.ON”) u l-Administración General del Estado (l-Amministrazzjoni Ġenerali tal-Istat, Spanja) u kumpanniji Spanjoli li jeżerċitaw l-attività tagħhom fis-settur tal-elettriku, dwar il-legalità tal-iskema ta’ finanzjament ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku relatat ma’ tnaqqis fuq il-prezz tal-elettriku li minnu jibbenefikaw ċerti konsumaturi vulnerabbli.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Skont il-premessi 7, 45, 50 u 53 tad-Direttiva 2009/72:

    “(7)

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal‑10 ta’ Jannar 2007 intitolata ‘Politika dwar l-Enerġija għall-Ewropa’ enfasizzat l-importanza li jitlesta s-suq intern fl-elettriku u li jinħolqu kondizzjonijiet ugwali għall-impriżi kollha tal-elettriku stabbiliti [fl-Unjoni]. Il-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni tal‑10 ta’ Jannar 2007 intitolata: ‘Prospetti għas-suq intern tal-gass u tal-elettriku’ u ‘Inkjesta taħt l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 dwar is-Setturi Ewropej tal-Gass u tal-Elettriku (Rapport Finali)’ urew li r-regoli u l-miżuri preżenti ma jipprovdux il-qafas meħtieġ biex jinkiseb l-objettiv ta’ suq intern li jiffunzjona tajjeb.

    […]

    (45)

    […] L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipproteġu klijenti vulnerabbli fil-kuntest tas-suq intern tal-elettriku. Tali miżuri jistgħu jkunu differenti skont iċ-ċirkustanzi partikolari fl-Istati Membri in-kwistjoni u jistgħu jinkludu miżuri speċifiċi li jkunu jikkonċernaw il-ħlasijiet ta’ kontijiet tal-elettriku, jew miżuri aktar ġenerali meħuda fis-sistema tas-sigurtà soċjali. […]

    (50)

    Ir-rekwiżiti tas-servizz pubbliku, inkluż fir-rigward tas-servizz universali, u l-istandards komuni minimi li jitnisslu minnhom, jeħtieġ li jissaħħu aktar biex jiġi żgurat li l-konsumaturi kollha, speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli, ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-kompetizzjoni u minn prezzijiet ġusti. Ir-rekwiżiti tas-servizz pubbliku għandhom jiġu definiti fuq bażi nazzjonali, filwaqt li jkunu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi nazzjonali; Il-liġi [tal-Unjoni] għandha, madanakollu, tkun rispettata mill-Istati Membri. Iċ-ċittadini tal-UE u, fejn l-Istati Membri jqisu xieraq, l-impriżi ż-żgħar, għandhom ikunu jistgħu igawdu l-obbligi tas-servizz pubbliku, b’mod partikulari fir-rigward tas-sigurtà tal-provvista u fir-rigward ta’ prezzijiet raġonevoli. […]

    […]

    (53)

    Il-faqar enerġetiku huwa problema dejjem tikber [fl-Unjoni]. Għalhekk, l-Istati Membri affettwati u li għadhom ma għamlux hekk, għandhom jiżviluppaw pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali jew oqfsa xierqa oħrajn biex jiġi indirizzat il-faqar fl-enerġija, bil-għan li jonqos l-għadd ta’ persuni li qed isofru tali sitwazzjoni. Fi kwalunkwe każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-provvista tal-enerġija meħtieġa għall-konsumaturi vulnerabbli. Filwaqt li jsir dan, jista’ jintuża approċċ integrat, pereżempju fil-qafas tal-politika soċjali, fejn il-miżuri jistgħu jinkludu politiki soċjali jew titjib tal-effiċjenza tal-enerġija għad-djar. Din id-Direttiva għandha, mill-inqas, tippermetti politiki nazzjonali favur il-konsumaturi vulnerabbli.”

    4

    L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet” jipprevedi:

    “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    […]

    21.

    ‘impriża integrata vertiklament’ tfisser: impriża tal-elettriku jew grupp ta’ impriżi tal-elettriku fejn l-istess persuna jew l-istess persuni huma intitolati, direttament jew indirettament, li jeżerċitaw kontroll, u fejn l-impriża jew il-grupp ta’ impriżi jwettqu għall-anqas waħda mill-funzjonijiet ta’ trasmissjoni jew distribuzzjoni, u mill-anqas waħda mill-funzjonijiet tal-ġenerazzjoni jew il-provvista tal-elettriku;

    […]”

    5

    L-Artikolu 3(2), (6) u (7) tal-imsemmija direttiva kien jipprevedi:

    “2.   B’konsiderazzjoni sħiħa għad-dispożizzjonijiet relevanti tat-[Trattat FUE], b’mod partikolari l-Artikolu [106] tiegħu, l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq impriżi li jkunu qed jaħdmu fis-settur tal-elettriku, u fl-interess ekonomiku ġenerali, l-obbligi tas-servizz pubbliku li jistgħu jkunu marbuta mas-sigurtà, inkluża s-sigurtà tal-provvista, ir-regolarità, il-kwalità u l-prezz tal-provvisti u l-protezzjoni ambjentali, inklużi l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, ill-enerġija minn sorsi li jiġġeddu u l-protezzjoni tal-klima. Tali obbligi għandhom ikunu definiti b’mod ċar, trasparenti, mhux diskriminatorji, verifikabbli u għandhom jiggarantixxu l-ugwaljanza tal-aċċess lill-impriżi tal-elettriku [tal-Unjoni] għall-konsumaturi nazzjonali. […]

    […]

    6.   Meta jkun hemm kumpens finanzjarju, forom oħra ta’ kumpens u drittijiet esklussivi li Stat Membru jagħti għat-twettiq tal-obbligi previsti fil-paragrafi 2 u 3, dan għandu jsir b’mod non-diskriminatorju u trasparenti.

    7.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri adatti biex jipproteġu lill-klijenti finali, u għandhom jiżguraw b’mod partikolari li jkun hemm salvagwardji adegwati biex jipproteġu lill-klijenti vulnerabbli. F’dan il-kuntest, kull Stat Membru għandu jiddefinixxi il-kunċett ta’ klijenti vulnerabbli li jista’ jirreferi għall-faqar enerġetiku u, fost l-oħrajn, għall-projbizzjoni tal-iskonnettar ta’ dawn il-klijenti fi żminijiet kritiċi. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-drittijiet u l-obbligi marbutin mal-klijenti vulnerabbli jiġu applikati. […]”

    Id-dritt Spanjol

    6

    Taħt it-titolu “Konsumaturi vulnerabbli”, l-Artikolu 45 tal-Ley 24/2013 del Sector Eléctrico (il-Liġi 24/2013 dwar is-Settur tal-Elettriku), tas‑26 ta’ Diċembru 2013, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi 24/2013”), kien jipprevedi:

    “1.   Huma kkunsidrati bħala konsumaturi vulnerabbli l-konsumaturi tal-elettriku li jissodisfaw il-karatteristiċi soċjali, tal-konsum u tal-kapaċità ta’ akkwist li għandhom jiġu ddeterminati. Fi kwalunkwe każ, il-miżura hija limitata għall-persuni fiżiċi fl-akkomodazzjoni abitwali tagħhom.

    Id-definizzjoni tal-konsumaturi vulnerabbli u r-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfatti, kif ukoll il -miżuri li għandhom jiġu adottati għal dan il-grupp, huma ddeterminati mill-Gvern permezz ta’ regolamenti.

    2.   Il-bonus soċjali għandu japplika għall-konsumaturi vulnerabbli li jissodisfaw il-karatteristiċi soċjali, tal-konsum u tas-setgħa ta’ xiri stabbiliti permezz ta’ digriet irjali tal-Kunsill tal-Ministri. Għal dan il-għan, huwa stabbilit limitu li jirreferi għal indikatur ta’ dħul għal kull kap tal-familja. Fi kwalunkwe każ, il-miżura hija limitata għall-persuni fiżiċi fir-residenza abitwali tagħhom.

    3.   It-tnaqqis irregolat ikopri d-differenza bejn il-valur tal-prezz volontarju intiż għall-konsumaturi b’użu baxx u valur bażiku, imsejjaħ ‘tariffa tal-aħħar istanza’, u għandu jiġi applikat mill-fornitur ta’ referenza rilevanti għall-fatturi tal-konsumaturi intitolati li jibbenefikaw mit-tnaqqis irregolat.

    Il-Ministro de Industria, ta’ Energía y de Turismo (il-Ministru għall-Industrija, l-Enerġija u t-Turiżmu), wara ftehim tal-Comisión Delegada del Gobierno para Asuntos Económicos (il-Kummissjoni Delegata tal-Gvern għall-Affarijiet Ekonomiċi), tistabbilixxi t-tariffa tal-aħħar istanza.

    4.   Il-bonus soċjali għandu jitqies bħala obbligu ta’ servizz pubbliku fis-sens tad-Direttiva [2009/72] u għandha tittieħed responsabbiltà mill-kumpanniji omm ta’ gruppi ta’ kumpanniji jew, jekk ikun il-każ, mill-kumpanniji li jeżerċitaw simultanjament l-attivitajiet ta’ produzzjoni, ta’ distribuzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-elettriku.

    Il-perċentwali ta’ tqassim tas-somom li għandhom jiġu ffinanzjati huwa kkalkolat, għal kull grupp ta’ kumpanniji, abbażi tar-relazzjoni bejn, terminu li jirriżulta mit-total tal-valur medju annwali tan-numru ta’ provvisti marbuta man-networks ta’ distribuzzjoni tal-kumpanniji ta’ distribuzzjoni u n-numru ta’ klijenti tal-kumpanniji ta’ kummerċjalizzazzjoni li jappartjenu lill-grupp u, min-naħa l-oħra, terminu li jingħata mit-total tal-valur medju annwali tal-provvisti u tal-klijenti tal-gruppi kollha ta’ kumpanniji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ dan it-tqassim.

    Dan il-perċentwali ta’ tqassim huwa kkalkolat annwalment mill-Comisión Nacional de los Mercados y la Competencia (il-Kummissjoni Nazzjonali tas-Swieq u tal-Kompetizzjoni, Spanja), skont il-proċedura u l-kundizzjonijiet stabbiliti b’mod regolatorju. Għal dan il-għan, din l-istess kummissjoni tippubblika fuq il-paġna tal-internet tagħha, fix-xahar ta’ Novembru ta’ kull sena, l-informazzjoni dwar is-sena preċedenti u li tirrigwarda l-medji annwali tan-numru ta’ provvisti konnessi man-networks ta’ distribuzzjoni tal-kumpanniji ta’ distribuzzjoni u tan-numru ta’ klijenti tal-kumpanniji ta’ kummerċjalizzazzjoni, kif ukoll il-lista tal-gruppi ta’ kumpanniji jew, jekk ikun il-każ, tal-kumpanniji li jissodisfaw il-kriterju stabbilit fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

    Il-kummissjoni msemmija iktar ’il fuq tissottometti qabel l‑1 ta’ Diċembru ta’ kull sena proposta għall-iffissar tal-perċentwali ta’ finanzjament li tikkorrispondi għal kull waħda mill-kumpanniji omm, li hija r-responsabbiltà tal-Ministru għall-Industrija, l-Enerġija u t-Turiżmu li japprova permezz ta’ digriet ippubblikat fil-‘Boletín Oficial del Estado’.

    Fi kwalunkwe każ, il-kontribuzzjonijiet li kull waħda minn dawn il-kumpanniji għandha tagħti għandhom jitħallsu f’kont ta’ depożitu speċifiku maħluq għal dan il-għan mill-korp amministrattiv inkarigat mill-amministrazzjoni tagħha.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    7

    Fit‑18 ta’ Diċembru 2014, E.ON, li fid-drittijiet tagħha ssuċċediet Viesgo, ippreżentat quddiem it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) rikors kontenzjuż amministrattiv intiż għall-annullament tar-Real Decreto 968/2014, por el que se desarrolla la metodología para la fijación de los pormijiet de reparto de las cantidades a financiar relativas al bono (id-Digriet Irjali 968/2014, dwar il-Metodu ta’ Kalkolu tal-Perċentwali fil-Kuntest tat-Tqassim tal-Ammonti li Għandhom Jiġu Ffinanzjati fir-Rigward tal-Bonus Soċjali) tal‑21 ta’ Novembru 2014 (iktar ’il quddiem id-“Digriet Irjali 968/2014”).

    8

    E.ON allegat l-inkompatibbiltà mad-Direttiva 2009/72 tal-iskema ta’ finanzjament tal-bonus soċjali, prevista fl-Artikolu 45(4) tal-Liġi 24/2013 u implimentata mill-Artikoli 2 u 3 tad-Digriet Irjali 968/2014.

    9

    Permezz ta’ sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2016, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) laqgħet ir-rikors ippreżentat minn E.ON u qieset inapplikabbli din l-iskema ta’ finanzjament, minħabba li kienet inkompatibbli mal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72. Din il-qorti tesponi li hija bbażat ruħha fuq is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑20 ta’ April 2010, Federutility et, C‑265/08, EU:C:2010:205), u tas‑7 ta’ Settembru 2016, ANODE (C‑121/15, EU:C:2016:637). B’mod partikolari, hija qieset li l-motivi li jinsabu f’din l-aħħar sentenza, li tikkonċerna leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-prezzijiet tal-gass, kienu trasponibbli kompletament għas-settur tal-elettriku, peress li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU 2009, L 211, p. 94) u l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72 huma komparabbli. Konsegwentement, skont it-teorija tal-“acte clair”, hija ddeċidiet li ma tressaqx talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

    10

    L-amministrazzjoni ġenerali tal-Istat ippreżentat quddiem it-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali, Spanja) rikors intiż li jiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali (recurso de amparo) kontra din is-sentenza.

    11

    Fis‑26 ta’ Marzu 2019, din tal-aħħar laqgħet ir-rikors. Għaldaqstant, hija annullat l-imsemmija sentenza, billi ddeċidiet li t-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) kienet kisret id-dritt għal proċess li fih il-garanziji kollha, previst fl-Artikolu 24(2) tal-Kostituzzjoni Spanjola, billi eskludiet l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni interna minħabba li kienet inkompatibbli mal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72 mingħajr ma ressqet talba għal deċiżjoni preliminari minn qabel quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Hija ordnat ukoll it-tkomplija tal-proċedura kontenzjuża fl-istadju ta’ qabel l-għoti tas-sentenza, sabiex it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tiddeċiedi mill-ġdid. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali) qieset li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tat-teorija tal-“acte clair” ma kinux issodisfatti f’dan il-każ u li, għaldaqstant, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) ma kinitx eżentata mill-obbligu li tagħmel domanda preliminari.

    12

    B’eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissottometti lill-Qorti tal-Ġustizzja din it-talba għal deċiżjoni preliminari, li tesponi fil-forma ta’ mistoqsijiet il-motivi li wassluha tiddeċiedi li l-leġiżlazzjoni Spanjola kienet inkompatibbli mad-Direttiva 2009/72.

    13

    It-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tirrileva li l-bonus soċjali, previst fl-Artikolu 45 tal-Liġi 24/2013, kien maħsub bħala benefiċċju ta’ natura soċjali b’natura soċjali qawwija u li għandu n-natura ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku, intiż sabiex jipproteġi ċerti konsumaturi tal-elettriku li jibbenefikaw mit-tariffa tal-aħħar istanza u li jissodisfa ċerti karatteristiċi soċjali, ta’ konsum u ta’ setgħa ta’ xiri, b’rabta mal-ispiża tal-elettriku tar-residenza abitwali tagħhom.

    14

    Din il-qorti tindika li mill-espożizzjoni tal-motivi tar-Real decreto-ley 9/2013, por el que se adoptan medidas urgentes para garantizar la estabilidad financiera del sistema eléctrico (id-Digriet-Liġi Irjali 9/2013, dwar l-Adozzjoni ta’ Miżuri Urġenti Sabiex Tiġi Żgurata l-Istabbiltà Finanzjarja tas-Sistema Elettrika), tat‑12 ta’ Lulju 2013, li ppreċeda l-Liġi 24/2013, jirriżulta li s-sistema ta’ finanzjament tal-bonus soċjali, prevista fl-Artikolu 45(4) ta’ din il-liġi, issegwi l-għan li jikkonsisti f’li tikkontribwixxi għat-tnaqqis neċessarju u urġenti tal-ispejjeż tas-sistema billi timponi, permezz ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku, it-teħid ta’ responsabbiltà tal-ispiża tal-bonus soċjali mill-kumpanniji omm ta’ kumpanniji jew ta’ gruppi ta’ kumpanniji li jeżerċitaw attivitajiet ta’ produzzjoni, ta’ distribuzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-elettriku, u li jikkostitwixxu gruppi vertikalment integrati. Skont il-leġiżlatur nazzjonali, il-fatt tal-impożizzjoni ta’ tali rekwiżit fuq dawn il-kumpanniji omm jippermetti, anki jekk indirettament, li jinqasam dan il-piż bejn l-attivitajiet kummerċjali tas-settur tal-elettriku.

    15

    Il-qorti tar-rinviju tirrileva, f’dan ir-rigward, li l-kwistjoni li tqum f’dan il-każ hija dik dwar jekk tali ġustifikazzjonijiet jissodisfawx ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72, li jipprevedu li l-obbligi ta’ servizz pubbliku għandhom, minn naħa, ikunu ddefiniti b’mod ċar, trasparenti, nondiskriminatorji u verifikabbli u, min-naħa l-oħra, li jiżguraw lill-impriżi tal-elettriku tal-Unjoni aċċess ugwali għall-konsumaturi nazzjonali.

    16

    Hija tenfasizza li l-leġiżlatur nazzjonali huwa kkritikat talli ddeċieda li, fost l-atturi li joperaw fi tliet setturi tan-netwerk tal-elettriku ‑ produzzjoni, distribuzzjoni u kummerċjalizzazzjoni ‑ huma biss il-kumpanniji jew il-gruppi ta’ kumpanniji li jeżerċitaw simultanjament dawn it-tliet attivitajiet u li jikkostitwixxu gruppi integrati vertikalment li jassumu l-ispiża tal-finanzjament ta’ dan l-obbligu ta’ servizz pubbliku, filwaqt li huma eżentati minn dan il-piż il-kumpanniji jew gruppi ta’ kumpanniji kollha li l-attività tagħhom hija limitata għal wieħed jew tnejn minn dawn is-setturi.

    17

    Mill-Orden IET/350/2014, por la que se fijan los pormijiet ta’ reparto de las cantidades a financiar relativas al bono sociale korrispondenti a 2014 (id-Digriet IET/350/2014, li Jistabbilixxi t-Tqassim f’Perċentwali tal-Ammonti li Għandhom Jiġu Ffinanzjati Rigward il-Bonus Soċjali għall-2014), tas‑7 ta’ Marzu 2014, li identifika l-entitajiet ikkonċernati u ffissa t-tqassim f’perċentwali tal-ammonti sinjifikattivi li għandhom jiġu ffinanzjati bħala bonus soċjali għall-2014 biss, jirriżulta li ħames gruppi ta’ kumpanniji jew kumpanniji biss huma assenjati koeffiċjenti jew perċentwali sinjifikattivi li fihom barra minn hekk differenzi notevoli (Endesa SA (41,612696 %), Iberdrola SA (38,474516 %), Gas Natural SDG SA ((14,185142 %), Hidroeléctrica del Cantábrico (2,649114) u E.ON (2,368956 %)). Minn dan jirriżulta li, waħedhom, dawn il-ħames kumpanniji jikkontribwixxu sa 96,290424 % għall-finanzjament tal-bonus soċjali, filwaqt li t‑23 kumpannija li jifdal identifikati jingħataw koeffiċjenti kunsiderevolment imnaqqsa, kollha ħafna inqas minn 1 %.

    18

    Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-eventwali ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li l-obbligu li jiġi ffinanzjat il-bonus soċjali ma huwiex stabbilit b’mod eċċezzjonali jew b’portata ratione temporis limitata, iżda b’mod indefinit u mingħajr korrispettiv u mingħajr ebda miżura kumpensatorja.

    19

    Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

    “1)

    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta, b’mod partikolari, mis-sentenzi tal‑20 ta’ April 2010, (Federutility, C‑265/08), u tas‑7 ta’ Settembru 2016, (ANODE, C‑121/15), leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik stabbilita fl-Artikolu 45(4) tal-[Liġi 24/2013], tas‑26 ta’ Diċembru 2013, implementata sussegwentement mill-Artikoli 2 u 3 [tad-Digriet Irjali 968/2014], li skontha l-finanzjament tal-bonus soċjali huwa impost fuq ċerti atturi tan-netwerk elettriku (il-kumpanniji omm tal-gruppi ta’ kumpanniji jew, skont il-każ, il-kumpanniji li jeżerċitaw simultanjament l-attivitajiet ta’ produzzjoni, ta’ distribuzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-elettriku), hija kompatibbli mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3(2) tad-Diretiva [2009/72], meta uħud minn dawn l-entitajiet ikkonċernati għandhom piż speċifiku dgħajjef ħafna fi ħdan is-settur kollu, u meta, għall-kuntrarju, kumpanniji oħra jew gruppi ta’ kumpanniji li jistgħu jkunu f’qagħda aħjar sabiex jassumu din l-ispiża, sew jekk minħabba d-dħul mill-bejgħ tagħhom, minħabba l-importanza relattiva tagħhom f’wieħed mis-setturi ta’ attività, jew inkella minħabba li jeżerċitaw simultanjament u b’mod integrat tnejn minn dawn l-attivitajiet, huma eżentati minn dan il-piż?

    2)

    Leġiżlazzjoni nazzjonali li skontha l-obbligu ta’ finanzjament ta’ bonus soċjali ma huwiex stabbilit fuq bażi eċċezzjonali jew b’portata temporali limitata, iżda huwa stabbilit b’mod indefinit, mingħajr korrispettiv u mingħajr ebda miżura ta’ kumpnes, hija jew ma hijiex kompatibbli mar-rekwiżit ta’ proporzjonalità stabbilit fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva [2009/72]?”

    Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

    20

    Viesgo, Iberdrola u Endesa jikkunsidraw, essenzjalment, li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi li taw lok għat-talba għal deċiżjoni preliminari kif ukoll tal-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha jew tiddikjara li ma għandhiex ġurisdizzjoni jew tikkunsidra din it-talba bħala inammissibbli. Huma jqisu, b’mod partikolari, li l-motivi li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex tressaq din it-talba ma jaqgħux taħt id-dritt tal-Unjoni, peress li din il-qorti qieset lilha nnifisha obbligata, skont proċedura u ġurisprudenza nazzjonali, li tagħmel domanda preliminari minkejja li ma jkollhiex dubji f’dan il-każ dwar l-interpretazzjoni, u dan jippreġudika s-supremazija u l-effikaċja tad-dritt tal-Unjoni.

    21

    Il-qorti tar-rinviju tindika li t-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali) annullat is-sentenza li hija tat fl‑24 ta’ Ottubru 2016 billi kkunsidrat li hija ma kinitx esponiet b’mod suffiċjenti r-raġunijiet li għalihom hija kienet użat it-teorija tal-“acte clair”. Madankollu, hija tqis li r-raġuni vera għal dan l-annullament tikkonsisti fil-fatt li t-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali) tapplika għad-deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali, kriterju ta’ stħarriġ differenti, u iktar strett, fil-qasam tal-interpretazzjoni u tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, meta dawn il-qrati jeskludu l-applikazzjoni ta’ liġi nazzjonali minħabba li jidhrilhom li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, milli meta jiddeċiedu li l-leġiżlazzjoni nazzjonali hija konformi ma’ dan id-dritt.

    22

    Mingħajr ma hemm bżonn li tiġi eżaminata l-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-prattika ġudizzjarja tat-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali) invokata mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel, li t-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda regola tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72, li għall-interpretazzjoni tagħha għandha ġurisdizzjoni l-Qorti tal-Ġustizzja.

    23

    It-tieni, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li hija biss il-qorti nazzjonali, li tkun adita bit-tilwima u li jkollha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha u kemm ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, sa fejn id-domandi magħmula jikkonċernaw l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, meħtieġa tagħti deċiżjoni. Minn dan isegwi li d-domandi magħmula mill-qrati nazzjonali jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali biss jekk ikun jidher li l-interpretazzjoni mitluba ma għandha ebda konnessjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, jekk il-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għall-imsemmija domandi (sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2020, Facebook Ireland u Schrems, C‑311/18, EU:C:2020:559, punt 73 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    24

    F’dan il-każ, qabel kollox, id-domandi preliminari għandhom rabta evidenti mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, peress li, permezz tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda tipprova tiddetermina jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali li l-legalità tagħhom qiegħda tiġi kkontestata quddiemha humiex kompatibbli mal-obbligi li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/72 jimponi fuq l-Istati Membri fis-settur tal-elettriku. Sussegwentement, ma jidhirx li l-problema li hija tqajjem hija ipotetika. Fl-aħħar, dik il-qorti fit-talba għal deċiżjoni preliminari esponiet suffiċjentement il-punti ta’ liġi u ta’ fatt sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għal dawn id-domandi b’mod utli.

    25

    F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li, kuntrarjament għall-kawża li wasslet għas-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 1981, Foglia (244/80, EU:C:1981:302), imsemmija minn uħud mill-partijiet fil-kawża prinċipali, din id-domanda tissodisfa bżonn oġġettiv inerenti għas-soluzzjoni ta’ kawża quddiem il-qorti tar-rinviju.

    26

    It-tielet, hemm lok li jitfakkar li ma huwa bl-ebda mod ipprojbit għal qorti nazzjonali li tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja li, fl-opinjoni ta’ waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali, ir-risposta ma tħalli l-ebda lok għal dubju raġonevoli. B’hekk, anki jekk jitqies li dan huwa l-każ, it-talba għal deċiżjoni preliminari li tinkludi tali domandi ma ssirx madankollu inammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2020, Оvergas Mrezhi u Balgarska gazova asotsiatsia, C‑5/19, EU:C:2020:343, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    27

    Konsegwentement, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għat-talba għal deċiżjoni preliminari u li din hija ammissibbli.

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel domanda

    28

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-ispiża ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku, li jikkonsisti fil-provvista tal-elettriku b’tariffa mnaqqsa lil ċerti konsumaturi vulnerabbli, tiġi imposta biss fuq il-kumpanniji omm tal-gruppi ta’ kumpanniji jew, jekk ikun il-każ, fuq kumpanniji li jeżerċitaw simultanjament l-attivitajiet ta’ produzzjoni, ta’ distribuzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-elettriku.

    29

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkonsisti fl-obbligu li titħallas kontribuzzjoni finanzjarja li tippermetti li tiġi koperta l-ispiża tal-bonus soċjali, peress li dan tal-aħħar jikkonsisti fi tnaqqis irregolat tal-fattura ta’ konsum tal-elettriku li l-impriżi ta’ kummerċjalizzazzjoni huma obbligati japplikaw favur ċerti konsumaturi kklassifikati bħala “vulnerabbli”. L-ammont ta’ dan it-tnaqqis jikkorrispondi għad-differenza bejn il-valur tal-prezz volontarju tal-elettriku intiż għall-konsumaturi żgħar u tariffa mnaqqsa, imsejħa “tariffa tal-aħħar istanza”, stabbilita minn awtorità pubblika.

    30

    Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat jekk din il-kontribuzzjoni finanzjarja obbligatorja tikkostitwixxix obbligu ta’ servizz pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72 u taqax, għalhekk, fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

    31

    L-ewwel, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “obbligi ta’ servizz pubbliku”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jikkorrispondi għal miżuri ta’ intervent pubbliku fil-funzjonament tas-suq tal-elettriku, li jimponu fuq impriżi tas-settur tal-elettriku, għall-finijiet tat-tfittxija ta’ interess ekonomiku ġenerali, li jaġixxu f’dan is-suq abbażi ta’ kriterji imposti mill-awtoritajiet pubbliċi. Il-libertà ta’ dawn l-impriżi li jaġixxu fis-suq tal-elettriku hija b’hekk limitata, fis-sens li, fid-dawl tal-interess kummerċjali tagħhom biss, dawn l-impriżi ma pprovdewx ċerti beni jew servizzi, jew ma kinux ipprovdewhom bl-istess mod jew taħt l-istess kundizzjonijiet (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Engie Cartagena, C‑523/18, EU:C:2019:1129, punt 45).

    32

    Fid-dawl ta’ din id-definizzjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-obbligu, impost, f’dan il-każ, fuq l-impriżi ta’ kummerċjalizzazzjoni, li jipprovdu l-elettriku b’tariffa mnaqqsa għal ċerti konsumaturi vulnerabbli, jikkorrispondi għal obbligu ta’ servizz pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72.

    33

    Fil-fatt, minn naħa, dawn l-impriżi huma obbligati jaġixxu huma stess sabiex jilħqu l-għan ta’ interess ekonomiku ġenerali ta’ protezzjoni tal-konsumaturi vulnerabbli li huwa segwit mil-leġiżlatur nazzjonali li impona l-bonus soċjali u li jirrifletti għan imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni, kif jirriżulta mill-premessi 45, 50 u 53 tad-Direttiva 2009/72. Min-naħa l-oħra, il-libertà ta’ dawn l-impriżi li jaġixxu fis-suq tal-elettriku hija b’hekk limitata ġaladarba, fid-dawl tal-interess kummerċjali tagħhom biss, huma ma pprovdewx l-elettriku lill-kosumaturi inkwistjoni jew ma kinux ipprovdewh bl-istess prezz.

    34

    It-tieni, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45(4) tal-Liġi 24/2013 jirriżulta li l-ispiża tal-bonus soċjali tittieħed responsabbiltà għaliha mill-kumpanniji omm ta’ gruppi ta’ kumpanniji jew, jekk ikun il-każ, il-kumpanniji li jeżerċitaw simultanjament l-attivitajiet ta’ produzzjoni, ta’ distribuzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-elettriku.

    35

    Skont it-tieni subparagrafu ta’ dan l-Artikolu 45(4), it-tqassim f’perċentwali tal-ammonti li għandhom jiġu ffinanzjati huwa kkalkolat, għal kull grupp ta’ kumpanniji, abbażi tar-relazzjoni bejn, terminu li jirriżulta mit-total tal-valur medju annwali tan-numru ta’ provvisti marbuta man-networks ta’ distribuzzjoni tal-kumpanniji ta’ distribuzzjoni u n-numru ta’ klijenti tal-kumpanniji ta’ kummerċjalizzazzjoni li jappartjenu lill-grupp u, min-naħa l-oħra, terminu li jingħata mit-total tal-valur medju annwali tal-provvisti u tal-klijenti tal-gruppi kollha ta’ kumpanniji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ dan it-tqassim.

    36

    Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, it-tqassim f’perċentwali tal-ammonti li għandhom jiġu ffinanzjati jiddependi kemm min-numru ta’ provvisti konnessi man-networks ta’ distribuzzjoni tal-kumpanniji kkonċernati kif ukoll min-numru ta’ klijenti li lilhom l-attività ta’ kummerċjalizzazzjoni hija pprovduta minn dawn il-kumpanniji.

    37

    B’hekk mill-ewwel u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 45(4) tal-Liġi 24/2013 jirriżulta li l-kumpanniji omm kollha tal-grupp ta’ kumpanniji u l-kumpanniji kollha koperti minn din id-dispożizzjoni, li għandhom l-oneru li jiffinanzjaw il-bonus soċjali, jeżerċitaw, kemm direttament kif ukoll permezz ta’ kumpannija li tappartjeni għal tali grupp ta’ kumpanniji, l-attività ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-elettriku u għalhekk huma obbligati japplikaw it-tnaqqis fuq il-prezz tal-elettriku għall-konsumaturi vulnerabbli li jirriżulta mill-imsemmi bonus soċjali. Is-sistema b’hekk prevista mil-leġiżlatur Spanjol timponi għalhekk obbligu ta’ servizz pubbliku li l-ispiża tiegħu tiġi mgħoddija fuq parti mill-kumpanniji u gruppi ta’ kumpanniji inkarigati li jipprovdu tali servizz.

    38

    It-tielet, mill-ħames subparagrafu tal-Artikolu 45(4) tal-Liġi 24/2013 jirriżulta li l-kontribuzzjonijiet li kull waħda mill-imsemmija kumpanniji għandha twettaq skont l-obbligu finanzjarju dwar il-bonus soċjali għandhom jitħallsu f’kont speċifiku tad-depożitu maħluq għal dan il-għan mill-organu stralċjarju, li huwa responsabbli għall-amministrazzjoni tagħha. F’dan ir-rigward, kif indika l-Gvern Spanjol fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-uniku għan ta’ dan l-obbligu huwa li jiffinanzja l-bonus soċjali.

    39

    B’hekk minn dawn l-elementi jirriżulta li d-dħul minn dawn il-kontribuzzjonijiet huwa allokat esklużivament għall-finanzjament tal-bonus soċjali. L-ispiża ta’ dan tal-aħħar tiddetermina l-ammont totali li għandu jinġabar, permezz ta’ din il-kontribuzzjoni finanzjarja, mingħand l-impriżi tal-elettriku li għandhom jassumu dan l-ammont. Minn dan isegwi li l-eżami tal-konformità mar-regoli tad-Direttiva 2009/72 tal-obbligu ta’ servizz pubbliku li tikkostitwixxi l-bonus soċjali ma jistax jiġi distint minn dak tal-kontribuzzjoni finanzjarja li tikkostitwixxi l-metodu ta’ finanzjament (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2016, DTS Distribuidora de Televisión Digital vs Il‑Kummissjoni, C‑449/14 P, EU:C:2016:848, punti 6768).

    40

    Minn dan jirriżulta li l-obbligu ta’ servizz pubbliku impost mill-bonus soċjali huwa kompost minn żewġ elementi, jiġifieri, minn naħa, it-tnaqqis fuq il-prezz tal-elettriku pprovdut lil ċerti konsumaturi vulnerabbli u, min-naħa l-oħra, il-kontribuzzjoni finanzjarja intiża sabiex tkopri l-ispiża ta’ dan it-tnaqqis fil-prezz, li huma marbuta b’mod inseparabbli.

    41

    Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li l-kontribuzzjoni finanzjarja obbligatorja inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn hija parti integrali mill-obbligu ta’ servizz pubbliku dwar il-bonus soċjali, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72.

    42

    Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, skont din id-dispożizzjoni, b’kunsiderazzjoni sħiħa għad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat KE, b’mod partikolari l-Artikolu 106 TFUE, l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq l-impriżi li jkunu qegħdin jaħdmu fis-settur tal-elettriku, fl-interess ekonomiku ġenerali, obbligi tas-servizz pubbliku li jistgħu jkunu marbuta mas-sigurtà, inkluża s-sigurtà tal-provvista, ir-regolarità, il-kwalità u l-prezz tal-provvisti, kif ukoll il-protezzjoni tal-ambjent. Dawn l-obbligi għandhom ikunu ddefiniti b’mod ċar, ikunu trasparenti, mhux diskriminatorji, kif ukoll verifikabbli u għandhom jiżguraw l-aċċess ugwali lill-impriżi tal-elettriku tal-Unjoni għall-konsumaturi nazzjonali.

    43

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li, peress li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72 u l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/73 huma, essenzjalment, identiċi u li dawn iż-żewġ direttivi għandhom bħala għan prinċipali, kif tindika l-Kummissjoni Ewropea, li jarmonizzaw il-kuntest ġuridiku tas-settur ekonomiku rregolat rispettiv tagħhom sabiex jiġi żgurat suq intern kompletament miftuħ u kompetittiv, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar din l-aħħar dispożizzjoni tista’ tiġi trasposta għall-imsemmi Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72.

    44

    Dan premess, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, għalkemm intervent statali fuq l-iffissar tal-prezz tal-elettriku jikkostitwixxi ostakolu għat-twettiq ta’ suq tal-elettriku kompetittiv, dan l-intervent jista’ madankollu jkun permess fil-kuntest tad-Direttiva 2009/72 jekk jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet. L-ewwel, l-imsemmi intervent għandu jfittex għan ta’ interess ekonomiku ġenerali, it-tieni, għandu josserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità u, it-tielet, l-obbligi ta’ servizz pubbliku li jipprevedu għandhom ikunu ddefiniti b’mod ċar, trasparenti, nondiskriminatorji u verifikabbli u għandhom jiżguraw lill-impriżi tal-gass tal-Unjoni aċċess ugwali għall-konsumaturi nazzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2016, ANODE, C‑121/15, EU:C:2016:637, punt 36, kif ukoll tat‑30 ta’ April 2020, Оvergas Mrezhi u Balgarska gazova asotsiatsia, C‑5/19, EU:C:2020:343, punt 56).

    45

    Fir-rigward ta’ din l-aħħar kundizzjoni, b’mod partikolari tar-rekwiżit li l-obbligi ta’ servizz pubbliku ma għandhomx ikunu diskriminatorji, l-unika waħda inkwistjoni fil-kuntest tal-ewwel domanda magħmula, l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72 jippermetti li jiġu imposti obbligi ta’ servizz pubbliku b’mod ġenerali “fuq impriżi li jkunu qed jaħdmu fis-settur tal-elettriku” u mhux fuq ċerti impriżi b’mod partikolari. F’dan il-kuntest, is-sistema ta’ indikazzjoni tal-impriżi li fuqhom huma imposti obbligi ta’ servizz pubbliku ma għandu jeskludi a priori l-ebda waħda mill-impriżi li joperaw fis-settur tal-elettriku. Għaldaqstant, kull differenza fit-trattament eventwali għandha tkun oġġettivament iġġustifikata (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2016, ANODE (C‑121/15, EU:C:2016:637, punt 71, kif ukoll tat‑30 ta’ April 2020, Оvergas Mrezhi u Balgarska gazova asotsiatsia, C‑5/19, EU:C:2020:343, punt 80).

    46

    B’hekk, sa fejn, għalkemm l-obbligu ta’ servizz pubbliku relatat mal-bonus soċjali jiġi impost fuq l-impriżi kollha tal-elettriku li jikkummerċjalizzaw l-elettriku fis-suq Spanjol, il-piż finanzjarju ta’ dan l-obbligu, intiż sabiex ikopri l-ispejjeż tat-tnaqqis tal-prezz tal-elettriku previst mill-bonus soċjali, ma jaffettwax dawn l-impriżi kollha tal-elettriku, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk id-differenzazzjoni magħmula bejn l-impriżi li għandhom ibatu l-piż ta’ dan il-piż u dawk li huma eżentati minnu hijiex oġġettivament iġġustifikata (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2020, Оvergas Mrezhi u Balgarska gazova asotsiatsia, C‑5/19, EU:C:2020:343, punt 82 kif ukoll il-ġurusprudenza ċċitata).

    47

    F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-leġiżlatur nazzjonali kkunsidra li t-teħid ta’ responsabbiltà għal din l-ispiża mill-kumpanniji omm tal-gruppi ta’ kumpanniji jew, jekk ikun il-każ, mill-kumpanniji li jeżerċitaw simultanjament l-attivitajiet ta’ produzzjoni, ta’ distribuzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-elettriku jippermetti, anki jekk b’mod indirett, li dan il-piż jinqasam bejn l-attivitajiet kummerċjali prinċipali tas-settur tal-elettriku u b’hekk jiġu mminimizzati l-konsegwenzi ekonomiċi tal-ispiża li jirrappreżenta l-obbligu ta’ servizz pubbliku relatat mal-bonus soċjali.

    48

    Issa, fid-dawl tal-għan hekk imfittex tat-tqassim tal-imsemmi piż, il-qorti tar-rinviju tqis li l-kontribuzzjoni finanzjarja inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija diskriminatorja, u b’hekk tikser id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72.

    49

    Fil-fatt, skont l-imsemmija qorti, uħud mill-kumpanniji kkonċernati minn din il-kontribuzzjoni għandhom piż speċifiku dgħajjef ħafna fis-settur Spanjol kollu tal-elettriku, filwaqt li huma eżentati mill-imsemmija kontribuzzjoni kumpanniji oħra jew gruppi ta’ kumpanniji li jistgħu jkunu f’pożizzjoni aħjar sabiex jassumu din tal-aħħar, kemm minħabba d-dħul mill-bejgħ tagħhom, kemm minħabba l-importanza relattiva tagħhom f’wieħed mis-setturi ta’ attività, kemm għaliex jeżerċitaw simultanjament u b’mod integrat tnejn mill-attivitajiet ta’ produzzjoni, ta’ distribuzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-elettriku.

    50

    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-kriterju ta’ differenzazzjoni magħżul mil-leġiżlatur nazzjonali ma huwiex oġġettivament iġġustifikat sa fejn, bħala prinċipju, fid-dawl tal-għan imfittex minn dan il-leġiżlatur li jikkonsisti fit-tqassim tal-ispiża tal-bonus soċjali bejn l-attivitajiet kummerċjali prinċipali tas-settur tal-elettriku, l-impriżi kollha li jeżerċitaw mill-inqas waħda minn dawn l-attivitajiet prinċipali għandhom jikkontribwixxu sabiex jiffinanzjaw tali spiża.

    51

    B’mod partikolari, fir-rigward ta’ tali għan, id-differenza bejn il-kumpanniji li jeżerċitaw it-tliet attivitajiet ta’ produzzjoni, ta’ distribuzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-elettriku u dawk li jeżerċitaw biss din l-attività tal-aħħar u waħda miż-żewġ attivitajiet l-oħra, fir-rigward tal-kapaċità rispettiva tagħhom li jassumu l-ispiża finanzjarja kkawżata mill-bonus soċjali, ma tidhirx b’mod ċar. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, ir-rappreżentant tal-Administración del Estado (l-Amministrazzjoni tal-Istat, Spanja) irrikonoxxa li l-integrazzjoni tal-attivitajiet ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-elettriku tiffavorixxi wkoll is-sinerġiji u l-ekonomiji ta’ skala.

    52

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm, kif jindika l-Gvern Spanjol, is-sistema tat-teħid ta’ responsabbiltà finanzjarja tal-bonus soċjali tammonta għal iktar minn 99 % tal-ispiża ta’ din tal-aħħar fuq l-ikbar ħames operaturi tas-suq Spanjol tal-elettriku, xorta jibqa’ l-fatt li l-kriterju magħżul mil-leġiżlatur nazzjonali sabiex jiddistingwi bejn il-kumpanniji li għandhom jassumu, fuq livell ftit jew wisq kbir, din l-ispiża u dawk li huma kompletament eżenti jwassal għal differenza fit-trattament li ma hijiex oġġettivament iġġustifikata bejn il-kumpanniji differenti li joperaw f’dan is-suq.

    53

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-ispiża ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku, li jikkonsisti fil-provvista tal-elettriku b’tariffa mnaqqsa lil ċerti konsumaturi vulnerabbli, tiġi imposta biss fuq il-kumpanniji omm tal-gruppi ta’ kumpanniji jew, jekk ikun il-każ, fuq kumpanniji li jeżerċitaw simultanjament l-attivitajiet ta’ produzzjoni, ta’ distribuzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-elettriku, peress li dan il-kriterju, magħżul mil-leġiżlatur nazzjonali sabiex jiddistingwi bejn il-kumpanniji li għandhom jassumu din l-ispiża u dawk li huma kompletament eżenti, iwassal għal differenza fit-trattament li ma hijiex oġġettivament iġġustifikata bejn il-kumpanniji differenti li joperaw f’dan is-suq.

    Fuq it-tieni domanda

    54

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li s-sistema ta’ finanzjament ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku, li jikkonsisti fil-provvista tal-elettriku b’tariffa mnaqqsa lil ċerti konsumaturi vulnerabbli, tiġi stabbilita mingħajr limitu temporali u mingħajr miżura kumpensatorja.

    55

    Fl-ewwel lok, għandu jiġi ddeterminat jekk l-assenza ta’ limitazzjoni ratione temporis tal-iskema ta’ finanzjament ta’ tali obbligu ta’ servizz pubbliku tiksirx il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Kif tfakkar fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, l-osservanza ta’ dan il-prinċipju tinsab fost il-kundizzjonijiet li jippermettu li jiġi aċċettat intervent statali fuq l-iffissar tal-prezz tal-elettriku fil-kuntest tad-Direttiva 2009/72. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan l-intervent jista’ jippreġudika l-libertà li jiġi ffissat il-prezz biss sa fejn huwa strettament neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ interess ekonomiku ġenerali mfittex u, konsegwentement, matul konsegwentement, għal perijodu neċessarjament limitat fiż-żmien. Dan jimplika l-eżami mill-ġdid perijodiku tan-neċessità tal-imsemmi intervent (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ April 2010, Federutility et, C‑265/08, EU:C:2010:205, punti 33 kif ukoll 35).

    56

    F’dan ir-rigward, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jeżaminaw jekk u sa liema punt l-amministrazzjoni hija suġġetta, skont id-dritt nazzjonali, għal obbligu ta’ eżami mill-ġdid perijodiku u suffiċjentement frekwenti tan-neċessità u tal-modalitajiet tal-intervent tagħha fuq l-intervent il-prezz tal-elettriku, skont l-evoluzzjoni tas-settur tal-elettriku (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2020, Оvergas Mrezhi u Balgarska gazova asotsiatsia, C‑5/19, EU:C:2020:343, punt 71).

    57

    Madankollu, dan l-obbligu ta’ eżami mill-ġdid perijodiku jikkonċerna biss in-natura neċessarja tal-intervent fuq il-prezzijiet tal-elettriku, kif ukoll il-modalitajiet ta’ tali intervent. Min-naħa l-oħra, dan ma jirrigwardax l-iskema ta’ finanzjament ta’ din il-miżura ta’ intervent fuq il-prezzijiet, jiġifieri, f’dan il-każ, il-bonus soċjali. Fil-fatt, din l-iskema ta’ finanzjament tikkostitwixxi, ċertament, element marbut b’mod inseparabbli mal-miżura ta’ intervent fuq il-prezzijiet, iżda li ma jaffettwax b’mod awtonomu l-prezzijiet tal-elettriku. Barra minn hekk, hija fil-fatt il-miżura ta’ intervent fuq il-prezzijiet, u mhux l-imsemmija skema ta’ finanzjament, intiża sabiex jintlaħaq l-għan ta’ interess ekonomiku ġenerali li fir-rigward tiegħu għandha tiġi vverifikata l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità skont l-evoluzzjoni tas-settur tal-elettriku.

    58

    Konsegwentement, għalkemm mir-risposta għall-ewwel domanda jirriżulta li s-sistema ta’ finanzjament ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku, li jikkonsisti f’obbligu ta’ provvista ta’ elettriku bi prezz imnaqqas, għandha tosserva l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, previst fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72, ir-rekwiżit marbut mal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar din id-dispożizzjoni, ma jistax, min-naħa l-oħra, jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri huma obbligati jeżaminaw mill-ġdid tali skema ta’ finanzjament b’mod perijodiku u frekwenti.

    59

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-assenza ta’ miżuri kumpensatorji, għandu, minn naħa, jiġi kkonstatat li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72 ma jinkludi ebda riferiment għal obbligu eventwali ta’ kumpens ġaladarba l-Istati Membri jimponu fuq l-impriżi tas-settur tal-elettriku obbligi ta’ servizz pubbliku skont din id-dispożizzjoni. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 2009/72, ġaladarba jkun hemm kumpens finanzjarju, forom oħra ta’ kumpens u drittijiet esklużivi li Stat Membru jagħti għat-twettiq tal-obbligi previsti fil-paragrafi 2 u 3, dan għandu jsir b’mod nondiskriminatorju u trasparenti.

    60

    B’hekk mill-Artikolu 3(2) u (6) tad-Direttiva 2009/72 jirriżulta li l-Istati Membri ma humiex obbligati jagħtu kumpens finanzjarju ġaladarba jiddeċiedu li jimponu obbligi ta’ servizz pubbliku, skont dan l-Artikolu 3(2). Dan jgħodd neċessarjament ukoll fir-rigward tal-iskema ta’ finanzjament ta’ dawn l-obbligi, li, kif dan jirriżulta mill-eżami tal-ewwel domanda, tagħmel parti minnhom. Konsegwentement, l-assenza ta’ tali kumpens fil-kuntest tal-iskema ta’ finanzjament ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku ma hijiex fiha nnifisha kuntrarju għal din l-aħħar dispożizzjoni.

    61

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li s-sistema ta’ finanzjament ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku, li jikkonsisti fil-provvista tal-elettriku b’tariffa mnaqqsa għal ċerti konsumaturi vulnerabbli, tiġi stabbilita mingħajr limitu temporali u mingħajr miżura kumpensatorja.

    Fuq l-ispejjeż

    62

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li temenda [tħassar i]d-Direttiva 2003/54/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-ispiża ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku, li jikkonsisti fil-provvista tal-elettriku b’tariffa mnaqqsa lil ċerti konsumaturi vulnerabbli, tiġi imposta biss fuq il-kumpanniji omm tal-gruppi ta’ kumpanniji jew, jekk ikun il-każ, fuq kumpanniji li jeżerċitaw simultanjament l-attivitajiet ta’ produzzjoni, ta’ distribuzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-elettriku, peress li dan il-kriterju, magħżul mil-leġiżlatur nazzjonali sabiex jiddistingwi bejn il-kumpanniji li għandhom jassumu din l-ispiża u dawk li huma kompletament eżenti, iwassal għal differenza fit-trattament li ma hijiex oġġettivament iġġustifikata bejn il-kumpanniji differenti li joperaw f’dan is-suq.

     

    2)

    L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li s-sistema ta’ finanzjament ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku, li jikkonsisti fil-provvista tal-elettriku b’tariffa mnaqqsa għal ċerti konsumaturi vulnerabbli, tiġi stabbilita mingħajr limitu temporali u mingħajr miżura kumpensatorja.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

    Top