Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0652

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-17 ta’ Marzu 2021.
    KO vs Consulmarketing SpA.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunale di Milano.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 1999/70/KE – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Klawżola 4 – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw trattament differenti tal-ħaddiema għal żmien determinat – Direttiva 98/59/KE – Tkeċċija kollettiva – Leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-protezzjoni li għandha tingħata lil ħaddiem vittma ta’ tkeċċija kollettiva irregolari – Applikazzjoni ta’ skema ta’ protezzjoni inqas vantaġġuża għall-kuntratti għal żmien determinat konklużi qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tagħha, ikkonvertiti f’kuntratti għal żmien indeterminat wara din id-data.
    Kawża C-652/19.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:208

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    17 ta’ Marzu 2021 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 1999/70/KE – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Klawżola 4 – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw trattament differenti tal-ħaddiema għal żmien determinat – Direttiva 98/59/KE – Tkeċċija kollettiva – Leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-protezzjoni li għandha tingħata lil ħaddiem vittma ta’ tkeċċija kollettiva irregolari – Applikazzjoni ta’ skema ta’ protezzjoni inqas vantaġġuża għall-kuntratti għal żmien determinat konklużi qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tagħha, ikkonvertiti f’kuntratti għal żmien indeterminat wara din id-data”

    Fil-Kawża C‑652/19,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale di Milano (il-Qorti Distrettwali ta’ Milano, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Awwissu 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑2 ta’ Settembru 2019, fil-proċedura

    KO

    vs

    Consulmarketing SpA, li falliet,

    fil-preżenza ta’:

    Filcams CGIL,

    Confederazione Generale Italiana del Lavoro (CGIL),

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla,. A. Kumin (Relatur), T. von Danwitz, P. G. Xuereb u I. Ziemele, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Kokott,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal KO, Filcams CGIL u Confederazione Generale Italiana del Lavoro (CGIL), minn C. De Marchis Gòmez, avvocato,

    għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistit minn G. Aiello u E. Manzo, avvocati dello Stato,

    għall-Kummissjoni Ewropea, inizjalment minn B.-R. Killmann, A. Spina u M. van Beek, sussegwentement minn B.-R. Killmann, A. Spina, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE tal‑20 ta’ Lulju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar redundancies kollettivi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 327), tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas fuq ix-xogħol għal żmien determinat, konkluż fit‑18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim qafas”) u tal-Anness għad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368), kif ukoll tal-Artikoli 20 u 30 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn KO u Consulmarketing SpA, li falliet, fir-rigward tal-protezzjoni legali li għandha tingħata lil KO wara t-tkeċċija tiegħu minn Consulmarketing fil-kuntest ta’ tkeċċija kollettiva irregolari.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    Id-Direttiva 98/59

    3

    Il-premessi 2 u 6 tad-Direttiva 98/59 huma fformulati kif ġej:

    “(2)

    Billi huwa importanti li jkun hemm iżjed protezzjoni għall-ħaddiema fil-każ ta’ redundancies [tkeċċijiet] kollettivi waqt li jittieħed kont tal-bżonn ta’ żvilupp ibbilanċjat ekonomiku u soċjali fil-Komunità;

    […]

    (6)

    Billi l-Karta tal-Komunità dwar id-drittijiet soċjali fundamentali tal-ħaddiema, li ġiet adottata fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew fi Strasbourgu fid-9 ta’ Diċembru 1989 mill-Kapijiet ta’ l-Istat jew tal-Gvern tal-ħdax-il Stat Membru, tgħid, inter alia, fil-punt 7, […] [li] ‘Il-kompletazzjoni tas-suq intern għandha twassal għal titjib fil-kondizzjonijiet ta’ l-għixien u tax-xogħol fil-Komunità Ewropea […]’”.

    4

    L-Artikolu 1er(2)(a) ta’ din id-direttiva jipprevedi li din ma tapplikax b’mod partikolari għal “redundancies [tkeċċijiet] kollettivi effettwat taħt kuntratti tax-xogħol konklużi għal perjodi limitati taż-żmien jew għal xogħlijiet speċifiċi ħlief meta dan il-redundancies iseħħ qabel id-data ta’ skadenza jew il-kompletazzjoni ta’ dawn il-kuntratti”.

    Id-Direttiva 1999/70 u l-Ftehim qafas

    5

    Skont kliem il-premessa 14 tad-Direttiva 1999/70, “[i]l-partijiet firmatarji xtaqu jikkonkludu ftehim qafas fuq xogħol għal terminu fiss li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġiet minimi għal kuntratti ta’ impjieg għal terminu fiss u relazzjonijiet ta’ impjieg; huma wrew ix-xewqa tagħhom li jtejbu il-kwalità ta’ xogħol ta’ terminu fiss billi jiżguraw l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni, u xtaqu li jistabbilixxu qafas għall-prevenzjoni ta’ abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti ta’ impjieg jew relazzjonijiet ta’ terminu fiss suċċessivi”.

    6

    It-tieni paragrafu tal-Preambolu għall-Ftehim qafas jistipula li l-partijiet għal dan il-Ftehim “jirrikonoxxu li l-kuntratti għal żmien indefinit huma, u jibqgħu ikunu, il-forma ġenerali ta’ relazzjoni ta’ impjieg bejn min jimpjega u l-ħaddiema. Huma jirrikonoxxu wkoll li l-kuntratti ta’ impjieg għal żmien fiss jirrispondu, f’ċerti sitwazzjonijiet, għall-ħtiġiet ta’ kemm min jimpjega u l-ħaddiema”.

    7

    Il-klawżola 1 tal-Ftehim qafas, intitolata “L-iskop”, tipprevedi:

    “L-iskop ta’ dan il-ftehim qafas hu:

    a)

    li titjieb il-kwalità ta’ xogħol għal terminu fiss billi tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni;

    […]”

    8

    Skont kliem il-punt 1 tal-klawżola 2 tal-Ftehim qafas:

    “Dan il-ftehim japplika għal ħaddiema għal terminu fiss li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definit fil-liġi, fil-ftehim kollettiv jew fil-prattika f’kull Stat Membru.”

    9

    Il-klawżola 3 tal-Ftehim qafas, intitolata “Definizzjonijiet”, tipprovdi:

    “Għall-iskop ta’ dan il-ftehim il-kliem

    1.

    ‘ħaddiem għal terminu fiss’, ifisru persuna li jkollha kuntratt jew relazzjoni ta’ l-impjieg dirett bejn min jimpjiega u ħaddiem meta l-aħħar tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta’ l-impjieg hu ddeterminat b’kondizzjonijiet oġġettivi bħal li jilħaq data speċifika, ilesti xogħol speċifiku, jew it-twettiq ta’ każ speċifiku;

    2.

    ‘ħaddiem kumparabbli permanenti’ ifissru ħaddiem b’kuntratt jew relazzjoni ta’ impjieg għal żmien indefinit, fl-istess stabbiliment, ingaġġat fl-istess xogħol jew xogħol/impjieg simili, wara li tingħata attenzjoni xierqa lill-kwalifiki/kapaċitajiet. Meta ma jkun hemm ebda ħaddiem kumparabbli permanenti fl-istess stabbiliment, il-paragun għandu jsir b’referenza għall-ftehim kollettiv applikabbli, jew meta ma jkun hemm ebda ftehim kollettiv applikabbli, skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv jew il-prattika.”

    10

    Il-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, intitolata “Il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni”, tipprevedi:

    “1. Fejn għandhom x’jaqsmu l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg, ħaddiema għal terminu fiss m’għandhomx jiġu trattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem kumparabbli permanenti biss minħabba li għandhom kuntratt jew relazzjoni għal terminu fiss sakemm trattament differenti ma jkunx ġustifikat fuq bażi oġġettiva.

    […]

    4. Kwalifiki ta’ perjodu ta’ servizz relatati għall-kondizzjonijiet partikolari ta’ l-impjieg għandhom ikunu l-istess għal ħaddiema għal terminu fiss kif ukoll għal ħaddiema permanenti ħlief meta kwalifiki ta’ tul ta’ servizz differenti huma ġustifikati fuq bażi oġġettivi.”

    Id-dritt Taljan

    11

    Il-legge n. 223 – Norme in materia di cassa integrazione, mobilità, trattamenti di disoccupazione, attuazione di direttive della Comunità europea, avviamento al lavoro ed altre disposizioni in materia di mercato del lavoro (il-Liġi Nru 223, li Tikkonċerna r-Regoli fil-Qasam tal-Qgħad Tekniku, tal-Mobbiltà, tal-Allowances tal-Qgħad, tal-Implimentazzjoni ta’ Direttivi Komunitarji, tal-Allokazzjoni ta’ Ħaddiema u ta’ Dispożizzjonijiet Oħra Relatati mas-Suq tax-Xogħol), tat‑23 ta’ Lulju 1991 (Suppliment Ordinarju tal-GURI Nru 175, tas‑27 ta’ Lulju 1991), kif emendata bil-legge n. 92 – Disposizioni in materia di riforma del mercato del lavoro in una prospettiva di crescita (il-Liġi Nru 92, li Tistabbilixxi Dispożizzjonijiet fil-Qasam tar-Riforma tas-Suq tax-Xogħol minn Perspettiva ta’ Tkabbir), tat‑28 ta’ Ġunju 2012 (Suppliment Ordinarju tal-GURI Nru 153, tat‑3 ta’ Lulju 2012), (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 223/1991”), tistabbilixxi l-kuntest ġuridiku applikabbli għall-proċeduri ta’ tkeċċija kollettiva, li minnha jifformaw parti b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet li jittrasponu d-Direttiva 98/59 fid-dritt Taljan. Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-Artikolu 5(1) tal-Liġi Nru 223/1991 jipprevedi l-kriterji li fuqhom għandha tibbaża ruħha l-persuna li timpjega, fil-każ ta’ tkeċċija kollettiva, sabiex jiġu ddeterminati l-ħaddiema li ser ikunu suġġetti għaliha.

    12

    L-Artikolu 5(3) tal-Liġi Nru 223/1991 jipprevedi:

    “[…] Fil-każ ta’ ksur tal-kriterji ta’ għażla [tal-ħaddiema li ser jitkeċċew] previsti fil-paragrafu 1, l-iskema msemmija fl-Artikolu 18(4) tal-[legge n. 300 – Norme sulla tutela della libertà e dignità dei lavoratori, della libertà sindacale e dell’attività sindacale, nei luoghi di lavoro e norme sul collocamento (il-Liġi Nru 300, li Tistabbilixxi Dispożizzjonijiet Relatati mall-Protezzjoni tal-Libertà u tad-Dinjità tal-Ħaddiema, tal-Libertà Sindakali u tal-Attività Sindakali fil-Post tax-Xogħol u Dispożizzjonijiet Relatati mal-Impjieg), tal‑20 ta’ Mejju 1970 (GURI Nru 131, tas‑27 ta’ Mejju 1970)] hija applikabbli. […]”

    13

    L-ewwel u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 18 tal-Liġi Nru 300, tal‑20 ta’ Mejju 1970, jipprevedi, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali:

    “Il-qorti, fid-deċiżjoni li permezz tagħha hija tiddikjara n-nullità tat-tkeċċija meqjusa bħala diskriminatorju […] għaliex tista’ tkun marbuta ma’ każijiet oħra ta’ nullità previsti mil-liġi jew għaliex hija ddeterminata minn raġuni illegali determinanti fis-sens tal-Artikolu 1345 tal-Kodiċi Ċivili, għandha tordna lill-persuna li timpjega […] tintegra mill-ġdid lill-ħaddiem fil-post tax-xogħol, irrispettivament mir-raġuni formali li ġiet invokata u irrispettivament min-numru ta’ persuni impjegati mill-persuna li timpjega. […] Ladarba tkun ġiet ordnata l-integrazzjoni mill-ġdid, ir-relazzjoni tal-impjieg titqies li hija xolta jekk il-ħaddiem ma reġax daħal fis-servizz fi żmien 30 jum wara li jkun ġie mistieden jagħmel dan mill-persuna li timpjega, ħlief jekk ikun talab l-allowance msemmija fit-tielet paragrafu ta’ dan l-artikolu. L-iskema msemmija f’dan l-artikolu tapplika wkoll għat-tkeċċija ddikjarata ineffettiva minħabba li twettqet biss verbalment.

    […]

    Il-qorti, jekk tikkonstata li l-kundizzjonijiet tar-raġuni ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva jew tar-raġuni fondata proposti mill-persuna li timpjega ma humiex issodisfatti, […] għandha tannulla t-tkeċċija u tikkundanna lill-persuna li timpjega tintegra mill-ġdid lill-ħaddiem fil-post tax-xogħol tiegħu fis-sens tal-ewwel paragrafu u li jħallsu kumpens li jikkorrispondi għall-aħħar remunerazzjoni globali effettiva kkalkolata mill-jum tat-tkeċċija sa dak tal-integrazzjoni mill-ġdid effettiva, imnaqqsa bl-ammont li l-ħaddiem irċieva mit-twettiq ta’ attivitajiet professjonali oħra, matul il-perijodu ta’ esklużjoni, kif ukoll bl-ammonti li huwa setà jirċievi billi jiddedika ruħu b’mod diliġenti għat-tfittxija ta’ impjieg ġdid. […] Il-persuna li timpjega għandha wkoll tiġi kkundannata tħallas il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali b’effett mill-jum tat-tkeċċija sal-jum tal-integrazzjoni mill-ġdid effettiva, miżjuda bl-interessi normali mingħajr l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet fil-każ ta’ assenza jew ta’ dewmien tal-kontribuzzjonijiet, sal-ammont ekwivalenti għad-differenza bejn il-kontribuzzjonijiet li kienu jinġabru fil-kuntest tal-kuntratt tax-xogħol interrott bit-tkeċċija abbużiva u l-kontribuzzjonijiet mħallsa lill-ħaddiem fil-kuntest tat-twettiq ta’ attivitajiet professjonali. […]”

    14

    L-Artikolu 1(1) u (2) tad-decreto legislativo n. 23 – Disposizioni in materia di kuntrattto di lavoro a tempo indeterminato a tutele crescenti, in attuazione della legge 10 dicembre 2014, n. 183 (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 23, li Jistabbilixxi Dispożizzjonijiet Relatati mal-Kuntratti tax-Xogħol għal Żmien Indeterminat li Joffru Protezzjoni Dejjem Tikber, u li Jimplimenta l-Liġi Nru 183 tal‑10 ta’ Diċembru 2014), tal‑4 ta’ Marzu 2015 (GURI Nru 54, tas‑6 ta’ Marzu 2015, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 23/2015”), jipprevedi:

    “1.   Għall-ħaddiema kkwalifikati bħala manodopera, impjegati jew diretturi, impjegati permezz ta’ kuntratt tax-xogħol bi ħlas għal żmien indeterminat b’effett mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet, l-iskema ta’ protezzjoni fil-każ ta’ tkeċċija irregolari hija rregolata mid-dispożizzjonijiet ta’ dan id-digriet.

    2.   Id-dispożizzjonijiet ta’ dan id-digriet japplikaw ukoll fil-każ li, wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet, kuntratt għal żmien determinat jew kuntratt ta’ taħriġ jiġi kkonvertit f’kuntratt għal żmien indeterminat.”

    15

    L-Artikolu 3(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 23/2015 jipprovdi li, fil-każ ta’ tkeċċija kollettiva mhux iġġustifikata, il-qorti għandha tiddikjara t-tmiem tar-relazzjoni tal-impjieg u “tikkundanna lill-persuna li timpjega tħallas kumpens, mhux suġġett għall-kontribuzzjonijiet soċjali abbażi tal-iskema ta’ pensjoni, li l-ammont tiegħu ikun ekwivalenti għal xahrejn tal-aħħar remunerazzjoni ta’ riferiment għall-finijiet tal-kalkolu tal-allowances għall-firda għal kull sena ta’ servizz, fejn f’kull każ dan il-kumpens la jista’ jkun ta’ inqas minn 4 xhur ta’ remunerazzjoni u lanqas ta’ iktar minn 24 xahar”. Abbażi tad-decreto legge n. 87 – Disposizioni urgenti per la dignità dei lavoratori e delle imprese (id-Digriet Liġi Nru 87, li Jistabbilixxi Dispożizzjonijiet Urġenti għad-Dinjità tal-Ħaddiema u tal-Impriżi), tat‑12 ta’ Lulju 2018 (GURI Nru 161, tat‑13 ta’ Lulju 2018), din l-iskala hija ta’ bejn 6 u 36 pagament ta’ kull xahar.

    16

    L-Artikolu 10(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 23/2015 huwa fformulat kif ġej:

    “1.   [F]il-każ ta’ ksur […] tal-kriterji ta’ għażla msemmija fl-Artikolu 5(1) tal-Liġi [Nru 223/1991], l-iskema msemmija fl-Artikolu 3(1) tkun applikabbli.”

    It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    17

    Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ġiet impjegata minn Consulmarketing, b’effett mill‑14 ta’ Jannar 2013, fil-kuntest ta’ kuntratt tax-xogħol għal żmien determinat.

    18

    Fil‑31 ta’ Marzu 2015, dan il-kuntratt għal żmien determinat ġie ttrasformat f’kuntratt għal żmien indeterminat.

    19

    Fid‑19 ta’ Jannar 2017, Consulmarketing bdiet proċedura ta’ tkeċċija kollettiva li kienet tirrigwarda 350 ħaddiema, fosthom ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, u li fi tmiemha dawn il-ħaddiema kollha tkeċċew.

    20

    Il-ħaddiema mkeċċija ppreżentaw rikors quddiem il-qorti tar-rinviju, it-Tribunale di Milano (il-Qorti Distrettwali ta’ Milano, l-Italja), minħabba li, b’mod partikolari, Consulmarketing kienet kisret il-kriterji li fuqhom hija obbligata li tibbaża ruħha l-persuna li timpjega, fil-każ ta’ tkeċċija kollettiva, sabiex tiddetermina l-ħaddiema li ser ikunu suġġetti għaliha.

    21

    Il-qorti tar-rinviju kkonstatat l-irregolarità tat-tkeċċija kollettiva u ordnat kemm il-ħlas ta’ danni kif ukoll l-integrazzjoni mill-ġdid fi ħdan l-impriża tal-ħaddiema kollha kkonċernati, bl-eċċezzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Dik il-qorti effettivament qieset li din tal-aħħar ma setgħetx tibbenefika mill-istess skema ta’ protezzjoni bħall-ħaddiema l-oħra mkeċċija minħabba li d-data ta’ meta l-kuntratt tax-xogħol għal żmien determinat tagħha ġie kkonvertit f’kuntratt għal żmien indeterminat kienet wara s‑7 ta’ Marzu 2015, li hija d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 23/2015.

    22

    Fil-kuntest tal-kontestazzjoni ta’ din id-deċiżjoni, li tikkostitwixxi l-proċedura fil-kawża prinċipali, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsemmi, b’mod partikolari, in-nuqqas ta’ konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli mad-dritt tal-Unjoni kif ukoll ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Barra minn hekk għandu jiġi osservat li, matul din l-istess proċedura, minn naħa, Consulmarketing ġiet iddikjarata falluta u, min-naħa l-oħra, Filcams CGIL u l-Confederazione Generale Italiana del Lavoro (CGIL) intervjenew minn jeddhom insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, fil-kwalità tagħhom ta’ organizzazzjonijiet sindakali.

    23

    Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, fil-każ ta’ tkeċċija irregolari ta’ ħaddiem li ġie impjegat fil-kuntest ta’ kuntratt tax-xogħol għal żmien indeterminat qabel is‑7 ta’ Marzu 2015, il-persuna li timpjega għandha, minn naħa, tintegra mill-ġdid lill-ħaddiem ikkonċernat fil-post tax-xogħol tiegħu u, min-naħa l-oħra, tħallsu kumpens ekwivalenti għar-remunerazzjoni globali effettiva li tkopri l-perijodu bejn il-jum tat-tkeċċija u dak tal-integrazzjoni mill-ġdid effettiva, flimkien mal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għal dan l-istess perijodu, mingħajr ma dan il-kumpens ikun jista’ jaqbeż tnax-il xahar ta’ remunerazzjoni. Il-ħaddiema impjegati għal żmien indeterminat b’effett mis‑7 ta’ Marzu 2015 ma jistgħux jinvokaw tali integrazzjoni mill-ġdid, iżda biss kumpens, li ma jagħtix lok għall-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. L-ammont ta’ dan il-kumpens jiddependi, b’mod partikolari, mill-anzjanità tal-ħaddiem u għandu jkun ekwivalenti, skont il-każ, mill-inqas, għal erba’ xhur ta’ remunerazzjoni u, l-iktar, għal erbgħa u għoxrin xahar ta’ remunerazzjoni. B’effett mis-sena 2018, din l-iskala ġiet emendata, rispettivament, għal sitt xhur u għal sitta u tletin xahar ta’ remunerazzjoni.

    24

    F’dan il-każ, minkejja li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali daħlet fis-servizz qabel is‑7 ta’ Marzu 2015, il-kuntratt għal żmien determinat tagħha ġie kkonvertit għal kuntratt għal żmien indeterminat wara din id-data. Issa, il-konverżjoni ta’ kuntratt għal żmien determinat f’kuntratt għal żmien indeterminat titqies, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-iskema ta’ protezzjoni fil-każ ta’ tkeċċija kollettiva irregolari, bħala reklutaġġ ġdid. Huwa fuq din il-bażi li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali la tista’ titlob, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, l-integrazzjoni mill-ġdid fil-funzjonijiet tagħha u lanqas id-danni, iżda biss kumpens.

    25

    Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà ta’ din is-sitwazzjoni mad-Direttiva 98/59 u mal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 20 u 30 tal-Karta.

    26

    Fl-ewwel lok, skont il-qorti tar-rinviju, il-kumpens li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali tista’ titlob ma jikkostitwixxix rimedju xieraq għal tkeċċija kollettiva irregolari, fis-sens tal-Artikolu 30 tal-Karta. Fil-fatt, mill-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17) jirriżulta li d-dispożizzjoni msemmija l-aħħar għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-Artikolu 24 tal-Karta Soċjali Ewropea, iffirmata f’Torino fit‑18 ta’ Ottubru 1961, li, min-naħa tagħha, ġiet interpretata mill-Kumitat Ewropew għad-Drittijiet Soċjali fis-sens li sanzjoni li tirriżulta minn tkeċċija kollettiva irregolari għandha titqies xierqa meta din tipprevedi, l-ewwel nett, ir-rimbors tat-telf finanzjarju mġarrab mill-ħaddiem ikkonċernat bejn id-data tat-tkeċċija tiegħu u d-deċiżjoni li tikkundanna lill-persuna li timpjega għall-imsemmi rimbors, it-tieni nett, il-possibbiltà ta’ integrazzjoni mill-ġdid ta’ dan il-ħaddiem fi ħdan l-impriża kif ukoll, it-tielet nett, kumpens f’ammont għoli biżżejjed li jiddiswadi lill-persuna li timpjega u sabiex jikkumpensa d-dannu sostnut mill-imsemmi ħaddiem.

    27

    Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tikkonstata differenza fit-trattament bejn, minn naħa, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, jiġifieri ħaddiema li daħlet fis-servizz qabel is‑7 ta’ Marzu 2015 fil-kuntest ta’ kuntratt tax-xogħol għal żmien determinat, ikkonvertit f’kuntratt għal żmien indeterminat wara din id-data, u, min-naħa l-oħra, il-ħaddiema l-oħra kollha mkeċċija minn Consulmarketing, li ġew impjegati fil-kuntest ta’ kuntratti tax-xogħol għal żmien indeterminat iffirmati qabel l-imsemmija data. Din id-differenza fit-trattament tirriżulta mill-fatt li l-konverżjoni minn kuntratt tax-xogħol għal żmien determinat għall-kuntratt tax-xogħol għal żmien indeterminat titqies bħala reklutaġġ ġdid..

    28

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale di Milano (il-Qorti Distrettwali ta’ Milano) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni previsti fil-klawżola 4 [tal-Ftehim qafas] dwar il-kundizzjonijiet tal-impjieg jipprekludu d-dispożizzjonijiet legali previsti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 u fl-Artikolu 10 tad-[Digriet Leġiżlattiv Nru 23/15] li, fir-rigward ta’ tkeċċijiet kollettivi illegali minħabba ksur tal-kriterji ta’ selezzjoni, jistabbilixxu sistema doppja ddifferenzjata ta’ protezzjoni li fil-kuntest tagħha tiġi żgurata, fl-istess proċedura, protezzjoni adegwata, effettiva u dissważiva tar-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien indeterminat stabbiliti qabel is 7 ta’ Marzu 2015, li fir-rigward tagħhom huma previsti r-rimedji tal-integrazzjoni mill-ġdid u l-ħlas tal-kontribuzzjonijiet mill-persuna li timpjega u li, għall-kuntrarju, tistabbilixxi protezzjoni sempliċement kumpensatorja marbuta ma’ limitu minimu u ma’ limitu massimu li hija inqas effettiva u li għandha natura inqas dissważiva fir-rigward ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat bl-istess anzjanità f’sitwazzjoni fejn dawn ir-relazzjonijiet kienu ġew stabbiliti qabel id-data msemmija iżda li wara s 7 ta’ Marzu 2015 inbidlu f’relazzjonijiet għal żmien indeterminat?

    2)

    Id-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikoli 23 u 30 tal-[Karta] u fid-Direttiva [98/59] jipprekludu dispożizzjoni legali, bħalma huwa l-Artikolu 10 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 23/15, li, fir-rigward biss tal-ħaddiema rreklutati għal żmien indeterminat (jew għall-ħaddiema rreklutati fuq il-bażi ta’ relazzjoni għal żmien determinat mibdula f’relazzjoni għal żmien indeterminat) b’effett mis-7 ta’ Marzu 2015, tistabbilixxi li, fil-każ ta’ tkeċċijiet kollettivi illegali minħabba ksur tal-kriterji ta’ selezzjoni, b’differenza mir-relazzjonijiet ta’ xogħol analogi oħra stabbiliti preċedentement u involuti fl-istess proċedura, ma hijiex prevista l-integrazzjoni mill-ġdid fil-post tax-xogħol u li, għall-kuntrarju, tistabbilixxi sistema parallela ta’ protezzjoni sempliċement kumpensatorja li ma hijiex adegwata sabiex tikkumpensa l-konsegwenzi ekonomiċi li joħorġu mit-telf tal-post tax-xogħol u li hija inferjuri meta mqabbla mal-mudell l-ieħor ta’ protezzjoni, li huwa applikat għal ħaddiema oħra li r-relazzjonijiet tagħhom għandhom l-istess karatteristiċi ħlief għad-data tal-bidla jew tal-istabbiliment tagħhom?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Kunsiderazzjonijiet preliminari

    29

    Mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kawża prinċipali tirrigwarda żewġ skemi suċċessivi ta’ protezzjoni tal-ħaddiema fil-każ ta’ tkeċċija kollettiva irregolari. Minn naħa, ħaddiem għal żmien indeterminat li l-kuntratt tiegħu ġie konkluż sas‑7 ta’ Marzu 2015 jista’, abbażi tal-Liġi Nru 223/1991, jitlob l-integrazzjoni mill-ġdid tiegħu fi ħdan l-impriża. Min-naħa l-oħra, ħaddiem għal żmien indeterminat li l-kuntratt tiegħu ġie konkluż b’effett minn din id-data jista’ jitlob biss kumpens bil-limiti stabbiliti fid-Digriet Leġiżlattiv Nru 23/2015.

    30

    L-Artikolu 1(2) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 23/2015 jispeċifika li l-iskema ta’ protezzjoni li huwa jipprevedi tapplika għall-kuntratti għal żmien determinat li jiġu kkonvertiti f’kuntratti għal żmien indeterminat wara dħul fis-seħħ tiegħu. Sa fejn ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali taqa’ taħt din il-kategorija, hija tista’ titlob biss kumpens abbażi ta’ dan id-digriet leġiżlattiv, b’kuntrast għall-kollegi kollha tagħha li tkeċċew fl-istess ħin li hija ġiet imkeċċija, iżda li ġew integrati mill-ġdid fl-impriża abbażi tal-Liġi Nru 223/1991, sa fejn huma kienu ħaddiema għal żmien indeterminat irreklutati qabel is‑7 ta’ Marzu 2015.

    31

    Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-iskema l-ġdida introdotta bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 23/2015 hijiex kompatibbli mal-Ftehim qafas, mad-Direttiva 98/59 u mal-Artikoli 20 u 30 tal-Karta.

    32

    Issa, għandu qabel kollox jitfakkar li s-sistema ta’ kooperazzjoni stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE hija bbażata fuq separazzjoni netta tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-kuntest ta’ kawża ppreżentata skont dan l-artikolu, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali għandha ssir mill-qrati tal-Istati Membri u mhux mill-Qorti tal-Ġustizzja, u ma huwiex kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ regoli ta’ dritt intern mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti lill-qorti nazzjonali l-gwidi kollha għall-interpretazzjoni li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni li jippermettulha tevalwa l-kompatibbiltà ta’ regoli ta’ dritt intern mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni (sentenza tat‑30 ta’ April 2020, CTT – Correios de Portugal, C‑661/18, EU:C:2020:335, punt 28).

    33

    Għalhekk, għalkemm il-kontenut letterali tad-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ dispożizzjoni ta’ dritt intern mad-dritt tal-Unjoni, ma hemm xejn li jwaqqaf lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju billi tipprovdilha l-gwidi għall-interpretazzjoni li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni li jippermettulha tiddeċiedi hija stess dwar il-kompatibbiltà tad-dritt intern mad-dritt tal-Unjoni (sentenza tat‑30 ta’ April 2020, CTT – Correios de Portugal, C‑661/18, EU:C:2020:335, punt 29).

    34

    Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tal-Karta huma indirizzati, abbażi tal-Artikolu 51(1) tagħha, lill-Istati Membri biss meta dawn jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni. L-Artikolu 6(1) TUE kif ukoll l-Artikolu 51(2) tal-Karta jispeċifikaw li din tal-aħħar la testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni lil hinn mill-kompetenzi tal-Unjoni Ewropea, la toħloq xi kompetenza ġdida jew xi kompitu ġdid għall-Unjoni u lanqas ma tbiddel il-kompetenzi u l-kompiti ddefiniti fit-Trattati. Il-Qorti tal-Ġustizzja hija għalhekk imsejħa tinterpreta, fid-dawl tal-Karta, id-dritt tal-Unjoni fil-limiti tal-ġurisdizzjoni mogħtija lilha (digriet tal‑4 ta’ Ġunju 2020, Balga, C‑32/20, mhux ippubblikat, EU:C:2020:441, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    35

    Għaldaqstant, id-domandi preliminari għandhom jiġu fformulati fis-sens li jitolbu l-interpretazzjoni, minn naħa, tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas u, min-naħa l-oħra, tad-Direttiva 98/59, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 20 u 30 tal-Karta.

    Fuq it-tieni domanda

    36

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 98/59 u l-Artikoli 20 u 30 tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-applikazzjoni fl-istess ħin, matul l-istess proċedura ta’ tkeċċija kollettiva unika, ta’ żewġ skemi differenti ta’ protezzjoni tal-ħaddiema għal żmien indeterminat fil-każ ta’ tkeċċija kollettiva mwettqa bi ksur tal-kriterji intiżi għad-determinazzjoni tal-ħaddiema li ser ikunu s-suġġett ta’ din il-proċedura.

    37

    Bil-kontra ta’ dak li tagħti x’tifhem il-qorti tar-rinviju, ma huwiex suffiċjenti, sabiex jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet tad-dritt Taljan inkwistjoni fil-kawża prinċipali jimplimentaw id-Direttiva 98/59, li dawn id-dispożizzjonijiet jifformaw parti minn leġiżlazzjoni nazzjonali iktar wiesgħa, li ċerti dispożizzjonijiet oħra tagħha ġew adottati għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva fid-dritt intern. Fil-fatt, sabiex jiġi kkonstatat li d-Direttiva 98/59 u, konsegwentement, il-Karta, huma applikabbli għall-kawża prinċipali għandu jiġi stabbilit li din id-direttiva timponi obbligu speċifiku fir-rigward tas-sitwazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża, li ġie implimentat bid-dispożizzjonijiet ikkonċernati tad-dritt Taljan (ara, b’analoġija, id-digriet tal‑4 ta’ Ġunju 2020, Balga, C‑32/20, mhux ippubblikat, EU:C:2020:441, punt 27).

    38

    Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li t-tilwima fil-kawża prinċipali tinvolvi xi obbligu impost bid-Direttiva 98/59 (ara, b’analoġija, id-digriet tal‑4 ta’ Ġunju 2020, Balga, C‑32/20, mhux ippubblikat, EU:C:2020:441, punt 28).

    39

    Minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li l-premessa 2 tad-Direttiva 98/59, li għaliha jsir riferiment mill-qorti tar-rinviju u li minnha jirriżulta li din id-direttiva hija intiża li ssaħħaħ il-protezzjoni tal-ħaddiema fil-każ ta’ tkeċċijiet kollettivi, ma tistax timponi obbligu speċifiku fir-rigward ta’ sitwazzjoni bħal dik tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali (ara, b’analoġija, id-digriet tal‑4 ta’ Ġunju 2020, Balga, C‑32/20, mhux ippubblikat, EU:C:2020:441, punt 29).

    40

    Min-naħa l-oħra, tali obbligu ma jirriżultax mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 98/59. L-għan prinċipali ta’ din id-direttiva huwa li timponi li qabel it-tkeċċijiet kollettivi jkun hemm konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema u li l-awtorità pubblika kompetenti tiġi informata. Abbażi tal-Artikolu 2(2) tal-imsemmija direttiva, il-konsultazzjonijiet jirrigwardaw il-possibbiltajiet li jiġu evitati jew imnaqqsa t-tkeċċijiet kollettivi kif ukoll il-possibbiltajiet li l-konsegwenzi tagħhom jiġu mtaffija bl-użu ta’ miżuri soċjali ta’ akkompanjament li jirrigwardaw, b’mod partikolari, l-għajnuna għall-klassifikazzjoni mill-ġdid jew għall-konverżjoni mill-ġdid tal-ħaddiema mkeċċija. Abbażi tal-Artikolu 2(3) u tal-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva, il-persuna li timpjega għandha tinnotifika lill-awtorità pubblika kull pjan ta’ tkeċċija kollettiva u tibgħatilha l-elementi u l-informazzjoni msemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet (digriet tal‑4 ta’ Ġunju 2020, Balga, C‑32/20, mhux ippubblikat, EU:C:2020:441, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    41

    Id-Direttiva 98/59, b’dan il-mod, tiżgura biss armonizzazzjoni parzjali tar-regoli tal-protezzjoni tal-ħaddiema fil-każ ta’ tkeċċija kollettiva, jiġifieri l-proċedura li għandha tiġi segwita fil-kuntest ta’ tali tkeċċijiet. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità li tippreċiża li din id-direttiva ma hijiex intiża li tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ kumpens finanzjarju ġenerali fuq livell tal-Unjoni fil-każ ta’ telf ta’ impjieg u lanqas ma tarmonizza l-modalitajiet tal-waqfien definittiv tal-attivitajiet ta’ impriża (digriet tal‑4 ta’ Ġunju 2020, Balga, C‑32/20, mhux ippubblikat, EU:C:2020:441, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    42

    Issa, il-modalitajiet tal-protezzjoni li għandha tingħata lil ħaddiem li kien is-suġġett ta’ tkeċċija kollettiva irregolari, b’konsegwenza tal-ksur tal-kriterji li fuqhom hija obbligata li tibbaża ruħha l-persuna li timpjega sabiex tiddetermina l-ħaddiema li għandhom jitkeċċew, manifestament ma humiex relatati mal-obbligi ta’ notifika u ta’ konsultazzjoni li jirriżultaw mid-Direttiva 98/59. La dawn il-modalitajiet u lanqas l-imsemmija kriterji ta’ għażla ma jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Dawn għadhom, konsegwentement, taħt il-kompetenza tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑4 ta’ Ġunju 2020, Balga, C‑32/20, mhux ippubblikat, EU:C:2020:441, punt 32).

    43

    Għandu jitfakkar ukoll li, abbażi tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 98/59, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rappreżentanti tal-ħaddiema u/jew il-ħaddiema jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom proċeduri amministrattivi u/jew ġudizzjarji sabiex jinvokaw l-osservanza tal-obbligi previsti minn din id-direttiva. L-istess Artikolu 6 ma jimponix fuq l-Istati Membri miżura speċifika fil-każ ta’ ksur tal-obbligi stabbiliti bid-Direttiva 98/59, iżda jħallihom ħielsa li jagħżlu fost id-diversi soluzzjonijiet xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet mfittxija minn din id-direttiva, skont id-diversi sitwazzjonijiet li jistgħu jippreżentaw ruħhom. Hekk kif, essenzjalment, fakkret il-qorti tar-rinviju, dawn il-miżuri għandhom madankollu jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva u effikaċi abbażi tal-Artikolu 47 tal-Karta, u għandu jkollhom effett dissważiv reali (digriet tal‑4 ta’ Ġunju 2020, Balga, C‑32/20, mhux ippubblikat, EU:C:2020:441, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    44

    Madankollu, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 98/59 u din il-ġurisprudenza ma japplikawx għal proċeduri intiżi għall-osservanza tal-obbligi previsti minn din id-direttiva. Sa fejn mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta mingħajr ebda dubju li t-tieni domanda ma tirrigwardax il-ksur ta’ obbligu stabbilit mill-imsemmija direttiva, iżda l-ksur tal-kriterji stabbiliti mill-leġiżlazzjoni nazzjonali li fuqhom hija obbligata li tibbaża ruħha l-persuna li timpjega, fil-każ ta’ tkeċċija kollettiva, sabiex tiddetermina l-ħaddiema li ser ikunu s-suġġett ta’ din il-proċedura, li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, l-imsemmi Artikolu 6 u l-imsemmija ġurisprudenza ma humiex, f’dan il-każ, applikabbli (ara, b’analoġija, id-digriet tal‑4 ta’ Ġunju 2020, Balga, C‑32/20, mhux ippubblikat, EU:C:2020:441, punt 34).

    45

    Barra minn hekk, sa fejn leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-applikazzjoni fl-istess ħin, matul l-istess proċedura ta’ tkeċċija kollettiva unika, ta’ żewġ skemi differenti ta’ protezzjoni tal-ħaddiema għal żmien indeterminat fil-każ ta’ tkeċċija kollettiva irregolari ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 98/59, din il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tistax titqies bħala li timplimenta d-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta u, għaldaqstant, ma tistax tiġi eżaminata fid-dawl tal-garanziji tagħha u, b’mod partikolari, tal-Artikoli 20 u 30 tagħha.

    46

    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-applikazzjoni fl-istess ħin, matul l-istess proċedura ta’ tkeċċija kollettiva unika, ta’ żewġ skemi differenti ta’ protezzjoni tal-ħaddiema għal żmien indeterminat fil-każ ta’ tkeċċija kollettiva mwettqa bi ksur tal-kriterji intiżi għad-determinazzjoni tal-ħaddiema li ser ikunu s-suġġett ta’ din il-proċedura ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 98/59 u ma tistax, għalhekk, tiġi eżaminata fid-dawl tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta u, b’mod partikolari, tal-Artikoli 20 u 30 tagħha.

    Fuq l-ewwel domanda

    47

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-klawżola 4 tal-Ftehim qafas għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li testendi skema ġdida ta’ protezzjoni tal-ħaddiema għal żmien indeterminat, fil-każ ta’ tkeċċija kollettiva irregolari, għall-ħaddiema li l-kuntratt għal żmien determinat tagħhom, konkluż qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-leġiżlazzjoni, jiġi kkonvertit f’kuntratt għal żmien indeterminat wara din id-data.

    48

    Skont kliem il-klawżola 1(a) tal-Ftehim qafas, wieħed mill-għanijiet ta’ dan tal-aħħar huwa li titjieb il-kwalità ta’ xogħol għal żmien determinat billi tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Bl-istess mod, fit-tielet paragrafu tiegħu, il-Preambolu tal-Ftehim qafas jispeċifika li dan tal-aħħar “[j]uri d-dispożizzjoni ta’ l-Imsieħba Soċjali li jistabbilixxu qafas ġenerali biex jiżguraw trattament ugwali għal ħaddiema għal terminu fiss billi jipproteġuhom kontra d-diskriminazzjoni”. F’dan ir-rigward il-premessa 14 tad-Direttiva 1999/70 tindika li l-għan tal-Ftehim Qafas huwa, b’mod partikolari, li l-kwalità tax-xogħol għal żmien determinat tittejjeb billi jiġu stabbiliti ħtiġijiet minimi ta’ natura li tiġi ggarantita l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Vernaza Ayovi, C‑96/17, EU:C:2018:603, punt 21).

    49

    Il-Ftehim qafas, b’mod partikolari l-klawżola 4 tiegħu, huwa intiż li japplika l-imsemmi prinċipju għall-ħaddiema għal żmien determinat sabiex jiġi prekluż l-użu ta’ relazzjoni ta’ impjieg ta’ din in-natura minn persuna li timpjega sabiex iċċaħħad lil dawn il-ħaddiema mid-drittijiet li huma rrikonoxxuti lill-ħaddiema għal żmien indeterminat (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Vernaza Ayovi, C‑96/17, EU:C:2018:603, punt 22).

    50

    Fid-dawl tal-għanijiet imfittxija mill-Ftehim qafas, il-klawżola 4 ta’ dan tal-aħħar għandha tinftiehem bħala li tesprimi prinċipju tad-dritt soċjali tal-Unjoni li ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Vernaza Ayovi, C-96/17, EU:C:2018:603, punt 23).

    51

    Għandu jitfakkar li l-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas jistipula projbizzjoni li, f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-ħaddiema għal żmien determinat jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli mill-ħaddiema għal żmien indeterminat paragunabbli biss għar-raġuni li huma jaħdmu għal żmien determinat, sakemm trattament differenti ma jkunx iġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi. Il-punt 4 ta’ din il-klawżola jistipula l-istess projbizzjoni f’dak li jirrigwarda l-kriterji ta’ perijodi ta’ anzjanità relatati ma’ kundizzjonijiet partikolari ta’ impjieg.

    52

    Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-protezzjoni mogħtija lil ħaddiem fil-każ ta’ tkeċċija illegali hija koperta mill-kunċett ta’ “kundizzjonijiet tal-impjieg”, fis-sens tal-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal25 ta’ Lulju 2018, Vernaza Ayovi, C‑96/17, EU:C:2018:603, punti 28 sa 30).

    53

    Fit-tieni lok, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi evalwat jekk il-persuni kkonċernati jeżerċitawx xogħol identiku jew simili, fis-sens tal-Ftehim qafas, għandu jiġi mistħarreġ, konformement mal-punt 2 tal-klawżola 3 u mal-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, jekk, fid-dawl ta’ numru ta’ fatturi, bħalma huma n-natura tax-xogħol, il-kundizzjonijiet ta’ taħriġ u l-kundizzjonijiet tal-impjieg, dawn il-persuni jistgħux jitqiesu li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Vernaza Ayovi, C‑96/17, EU:C:2018:603, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    54

    Hija l-qorti tar-rinviju, li għandha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tevalwa l-fatti, li għandha tiddetermina jekk ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kinitx tinsab f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik ta’ ħaddiema impjegati għal żmien indeterminat mill-istess persuna li timpjega matul l-istess perijodu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Vernaza Ayovi, C‑96/17, EU:C:2018:603, punt 35). F’dan ir-rigward, mill-proċess imressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta a priori li, qabel il-konverżjoni tal-kuntratt tagħha għal żmien determinat f’kuntratt għal żmien indeterminat, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet ħaddiema għal żmien determinat li kienet tinsab f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-kollegi tagħha impjegati għal żmien indeterminat.

    55

    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-eżistenza ta’ differenza fit-trattament, il-qorti tar-rinviju tispeċifika li, jekk kellha tittieħed inkunsiderazzjoni d-data tal-konklużjoni tal-kuntratt tax-xogħol tagħha għal żmien determinat, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tkun intitolata għall-integrazzjoni mill-ġdid fl-impriża abbażi tal-Liġi Nru 223/1991, li hija iktar vantaġġuża mill-kumpens li għalih hija għandha dritt abbażi tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 23/2015. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ġiet, għaldaqstant, ittrattata b’mod inqas favorevoli mill-kollegi tagħha, impjegati għal żmien indeterminat qabel is‑7 ta’ Marzu 2015, data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet leġiżlattiv.

    56

    Il-fatt li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kisbet, wara din id-data, il-kwalità ta’ ħaddiem għal żmien indeterminat ma jeskludihiex mill-possibbiltà li tinvoka, f’ċerti ċirkustanzi, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stipulat fil-klawżola 4 tal-Ftehim qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2012, Valenza et, C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punt 34). F’dan ir-rigward huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li d-differenza fit-trattament, li tagħha r-rikorrenti fil-kawża prinċipali tallega li hija l-vittma, tirriżulta mill-fatt li hija inizjalment ġiet impjegata għal żmien determinat.

    57

    Barra minn hekk, sa fejn ir-riferiment għall-anzjanità tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali magħmul mill-qorti tar-rinviju fit-tweġiba bil-miktub tagħha għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu jinftiehem bħala li jirrigwarda l-punt 4 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, l-applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni għandha tiġi eskluża minn qabel. Din tal-aħħar tipprevedi li l-kriterji ta’ perijodi ta’ anzjanità relatati ma’ kundizzjonijiet partikolari ta’ impjieg għandhom ikunu l-istess kemm għall-ħaddiema għal żmien determinat kif ukoll għall-ħaddiema għal żmien indeterminat, ħlief meta kriterji ta’ perijodi ta’ anzjanità differenti huma ġġustifikati għal raġunijiet oġġettivi. Il-fatt li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ġiet ittrattata b’mod inqas favorevoli mill-kollegi tagħha li kienu s-suġġett tal-istess tkeċċija kollettiva ma huwiex madankollu dovut għall-kriterji ta’ perijodi ta’ anzjanità għad-determinazzjoni tal-protezzjoni fil-każ ta’ tkeċċija kollettiva irregolari. Id-differenza fit-trattament tirriżulta pjuttost mill-iskema tranżitorja stabbilita bl-Artikolu 1(2) ta’ dan id-digriet leġiżlattiv, li testendi l-applikazzjoni ta; dan tal-aħħar għall-kuntratti għal żmien determinat konklużi qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu li ġew ikkonvertiti f’kuntratti għal żmien indeterminat wara din id-data. Tali differenza fit-trattament għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas.

    58

    Għaldaqstant, bla ħsara għall-evalwazzjoni definittiva mill-qorti tar-rinviju tal-paragunabbiltà tas-sitwazzjoni ta’ ħaddiem għal żmien determinat, bħalma hija r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, u ta’ dik ta’ ħaddiem għal żmien indeterminat fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha, għandu jiġi vverifikat jekk teżistix raġuni oġġettiva li tiġġustifika trattament differenti (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Vernaza Ayovi, C‑96/17, EU:C:2018:603, punt 37).

    59

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “raġunijiet oġġettivi”, fis-sens tal-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, għandu jinftiehem bħala li ma jippermettix li differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema għal żmien determinat u l-ħaddiema għal żmien indeterminat tiġi ġġustifikata għar-raġuni li din id-differenza hija prevista f’regola ġenerali u astratta, bħal liġi jew ftehim kollettiv (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Vernaza Ayovi, C‑96/17, EU:C:2018:603, punt 38).

    60

    Skont ġurisprudenza daqstant ieħor stabbilita, l-imsemmi kunċett jeħtieġ li l-inugwaljanza fit-trattament ikkonstatata tkun iġġustifikata permezz tal-eżistenza ta’ elementi preċiżi u konkreti, li jikkaratterrizzaw il-kundizzjoni ta’ impjieg inkwistjoni, fil-kuntest partikolari tagħha u fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u trasparenti, sabiex jiġi vverifikat jekk din l-inugwaljanza tissodisfax ħtieġa reali, jekk hijiex ta’ natura xierqa sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u jekk hijiex neċessarja għal dan il-għan. L-imsemmija elementi jistgħu jirriżultaw, b’mod partikolari, min-natura partikolari tal-kompiti li għat-twettiq tagħhom il-kuntratti għal żmien determinat ġew konklużi u mill-karatteristiċi inerenti għalihom jew, jekk ikun il-każ, mit-tfittxija ta’ għan leġittimu ta’ politika soċjali ta’ Stat Membru (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Vernaza Ayovi, C‑96/17, EU:C:2018:603, punt 39).

    61

    F’dan ir-rigward, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u mit-tweġibiet għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Gvern Taljan iqis li t-trattament inqas vantaġġuż ta’ ħaddiem fis-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali huwa ġġustifikat mill-għan ta’ politika soċjali mfittex bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 23/2015, li jikkonsisti f’li l-persuni li jimpjegaw jiġu mħeġġa jimpjegaw għal żmien indeterminat. Fil-fatt, il-fatt li l-konverżjoni ta’ kuntratt għal żmien determinat f’kuntratt għal żmien indeterminat titqies bħala reklutaġġ ġdid huwa ġġustifikat fid-dawl tal-fatt li l-ħaddiem ikkonċernat jikseb, inkambju, forma ta’ stabbilita tal-impjieg.

    62

    Hemm lok li jiġi kkonstatat li t-tisħiħ tal-istabbiltà tal-impjieg billi tiġi ffavorita l-konverżjoni tal-kuntratti għal żmien determinat f’kuntratti għal żmien indeterminat jikkostitwixxi għan leġittimu tad-dritt soċjali u, barra minn hekk, għan imfittex mill-Ftehim qafas. Minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità li tispeċifika li l-promozzjoni tar-reklutaġġ tikkostitwixxi, b’mod li ma jistax jiġi kkontestat, għan leġittimu tal-politika soċjali jew tal-impjieg tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2017, Abercrombie & Fitch Italia, C‑143/16, EU:C:2017:566, punt 37). Min-naħa l-oħra, it-tieni paragrafu tal-Preambolu tal-Ftehim qafas jistipula li l-partijiet għalih jirrikonoxxu li l-kuntratti għal żmien indeterminat huma u jibqgħu l-forma ġenerali tar-relazzjonijiet ta’ impjieg bejn persuni li jħaddmu u ħaddiema. B’konsegwenza ta’ dan, il-benefiċċju tal-istabbiltà tal-impjieg huwa kkunsidrat bħala element importanti fil-protezzjoni tal-ħaddiema (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ April 2008, Impact, C‑268/06, EU:C:2008:223, punt 87).

    63

    Fir-rigward tal-karattru xieraq u neċessarju tal-miżura għall-finijiet li jintlaħaq l-għan, għandu jitfakkar li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-għażla mhux biss tat-tfittxija ta’ għan partikolari fost għanijiet oħra fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjieg, iżda wkoll fid-definizzjoni tal-miżuri li kapaċi jilħquh (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2017, Abercrombie & Fitch Italia, C‑143/16, EU:C:2017:566, punt 31).

    64

    F’dak li jirrigwarda, qabel kollox, l-effett tan-natura xierqa tal-fatt li l-konverżjoni ta’ kuntratt għal żmien determinat f’kuntratt għal żmien indeterminat titqies bħala reklutaġġ ġdid, huwa li, fil-każ ta’ tkeċċija kollettiva irregolari, il-ħaddiem ikkonċernat ma jistax jitlob l-integrazzjoni mill-ġdid fl-impriża, abbażi tal-Liġi Nru 223/1991, iżda biss il-kumpens suġġett għal limiti u inqas favorevoli, previst bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 23/2015. Hekk kif osserva l-Gvern Taljan fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, jidher li tali miżura hija ta’ natura li tħeġġeġ lill-persuni li jimpjegaw jikkonvertu l-kuntratti tax-xogħol għal żmien determinat f’kuntratti għal żmien indeterminat, fatt li madankollu, għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

    65

    F’dak li jirrigwarda, sussegwentement, in-natura neċessarja ta’ din il-miżura, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni mogħti lill-Istati Membri, imfakkar fil-punt 63 ta’ din is-sentenza. L-imsemmija miżura tifforma parti mill-kuntest ta’ riforma tad-dritt soċjali Taljan li hija intiża li tiffavorixxi l-ħolqien, permezz ta’ reklutaġġ jew permezz ta’ konverżjoni ta’ kuntratt għal żmien determinat, ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien indeterminat. Issa, li kieku l-iskema l-ġdida ta’ protezzjoni introdotta bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 23/2015 ma tkunx tapplika għall-kuntratti kkonvertiti, kull effett ta’ tħeġġiġ sabiex il-kuntratti għal żmien determinat fis-seħħ fis‑7 ta’ Marzu 2015 jiġu kkonvertiti f’kuntratti għal żmien indeterminat, ikun eskluż minn qabel.

    66

    Fl-aħħar nett, il-fatt li d-Digriet Leġiżlattiv Nru 23/2015 inaqqas il-livell ta’ protezzjoni tal-ħaddiema għal żmien indeterminat ma huwiex, fih innifsu, kopert mill-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni prevista fil-klawżola 4 tal-Ftehim qafas. F’dan ir-rigward huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni ġie implimentat u kkonkretizzat mill-Ftehim qafas biss f’dak li jirrigwarda d-differenzi fit-trattament bejn il-ħaddiema għal żmien determinat u l-ħaddiema għal żmien indeterminat li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli. Għalhekk, l-eventwali differenzi fit-trattament bejn ċerti kategoriji ta’ persunal għal żmien indeterminat ma jaqgħux taħt il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni sanċit minn dan il-ftehim qafas (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Novembru 2018, Viejobueno Ibáñez u de la Vara González, C‑245/17, EU:C:2018:934, punt 51).

    67

    Bla ħsara għall-verifiki li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju, li hija l-unika waħda li għandha l-ġurisdizzjoni biex tevalwa d-dritt nazzjonali, mill-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq jirriżulta li l-fatt li l-konverżjoni ta’ kuntratt għal żmien determinat f’kuntratt għal żmien indeterminat titqies bħala reklutaġġ ġdid jifforma parti minn riforma iktar wiesgħa tad-dritt soċjali Taljan li għandha l-għan li tiffavorixxi r-reklutaġġ għal żmien indeterminat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, tali miżura tifforma parti minn kuntest partikolari, kemm minn perspettiva fattwali kif ukoll minn dik ġuridika, li jiġġustifika eċċezzjonalment id-differenza fit-trattament.

    68

    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li l-klawżola 4 tal-Ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li testendi skema ġdida ta’ protezzjoni tal-ħaddiema għal żmien indeterminat fil-każ ta’ tkeċċija kollettiva irregolari għall-ħaddiema li l-kuntratt għal żmien determinat tagħhom, konkluż qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-leġiżlazzjoni, jiġi kkonvertit f’kuntratt għal żmien indeterminat wara din id-data.

    Fuq l-ispejjeż

    69

    Peress li l-proċedura għandha fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal‑imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn ir-raġunijiet, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-applikazzjoni fl-istess ħin, matul l-istess proċedura ta’ tkeċċija kollettiva unika, ta’ żewġ skemi differenti ta’ protezzjoni tal-ħaddiema għal żmien indeterminat fil-każ ta’ tkeċċija kollettiva mwettqa bi ksur tal-kriterji intiżi għad-determinazzjoni tal-ħaddiema li ser ikunu s-suġġett ta’ din il-proċedura ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE tal‑20 ta’ Lulju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar redundancies kollettivi, u ma tistax, għalhekk, tiġi eżaminata fid-dawl tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, tal-Artikoli 20 u 30 tagħha.

     

    2)

    Il-klawżola 4 tal-Ftehim qafas fuq ix-xogħol għal żmien determinat, konkluż fit‑18 ta’ Marzu 1999 u l-Anness għad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li testendi skema ġdida ta’ protezzjoni tal-ħaddiema għal żmien indeterminat fil-każ ta’ tkeċċija kollettiva irregolari għall-ħaddiema li l-kuntratt għal żmien determinat tagħhom, konkluż qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-leġiżlazzjoni, jiġi kkonvertit f’kuntratt għal żmien indeterminat wara din id-data.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

    Top