Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0625

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-12 ta’ Diċembru 2019.
XD.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mir-Rechtbank Amsterdam.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Artikolu 6(1) – Kunċett ta’ ‘awtorità ġudizzjarja emittenti’ – Kriterji – Mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-Prosekutur ta’ Stat Membru għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali.
Kawża C-625/19 PPU.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:1078

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

12 ta’ Diċembru 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Artikolu 6(1) – Kunċett ta’ ‘awtorità ġudizzjarja emittenti’ – Kriterji – Mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-Prosekutur ta’ Stat Membru għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali”

Fil-Kawża C‑625/19 PPU,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Awwissu 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Awwissu 2019, fil-proċedura dwar l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fil-konfront ta’

XD,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, M. Safjan, L. Bay Larsen, C. Toader (Relatur) u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑24 ta’ Ottubru 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal XD, minn D. Bektesevic u T. E. Korff, advocaten,

għall-Openbaar Ministerie, minn K. van der Schaft u N. Bakkenes,

għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti,

għall-Irlanda, minn G. Hodge u M. Browne, bħala aġenti, assistiti minn R. Kennedy, SC,

għall-Gvern Spanjol, minn L. Aguilera Ruiz, bħala aġent,

għall-Gvern Franċiż, minn A. Daniel u A.‑L. Desjonquères, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn L. Fiandaca, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Finlandiż, minn M. Pere, bħala aġent,

għall-Gvern Svediż, minn A. Falk, C. Meyer‑Seitz, H. Shev, J. Lundberg u H. Eklinder, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Grünheid u R. Troosters, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑26 ta’ Novembru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest tal-eżekuzzjoni, fil-Pajjiżi l-Baxxi, ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fis‑27 ta’ Mejju 2019 mill-Åklagarmyndigheten (Prosekutur, l-Isvezja) għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ proċeduri kriminali fil-konfront ta’ XD.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 5, 6, 10 u 12 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 huma redatti kif ġej:

“(5)

L-għan stabbilit biex l-Unjoni ssir żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja jwassal għall-abolizzjoni ta’ l-estradizzjoni bejn l-Istati Membri u li din tiġi sostitwita b’sistema ta’ konsenja bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji. Barra minn hekk, l-introduzzjoni ta’ sistema ssimplifikata ġdida ta’ konsenja ta’ persuni kkundannati jew suspettati għall-finijiet ta’ esekuzzjoni ta’ sentenzi kriminali jew biex jiġu sottoposti għal azzjoni kriminali, jagħmilha possibbli li jitneħħew il-komplessità u l-potenzjal għad-dewmien inerenti fil-proċeduri preżenti ta’ l-estradizzjoni. Ir-relazzjonijiet tradizzjonali ta’ kooperazzjoni li eżistew s’issa bejn l-Istati Membri għandhom jiġu sostitwiti b’sistema ta’ moviment liberu tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fi kwistjonijiet kriminali, li tkopri kemm deċiżjonijiet qabel ma tingħata s-sentenza kif ukoll dawk finali, fi spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

(6)

Il-mandat ta’ arrest Ewropew previst f’din id-Deċiżjoni Kwadru hi l-ewwel miżura konkreta fil-qasam tal-liġi kriminali li timplimenta l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku li l-Kunsill Ewropew semma’ bħala l-bażi tal-kooperazzjoni ġudizzjarja.

[…]

(10)

Il-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew hu bbażat fuq livell għoli ta’ kunfidenza bejn l-Istati Membri. L-implimentazzjoni tiegħu jista’ jiġi sospiż biss fil-każ ta’ ksur serju u persistenti minn wieħed mill-Istati Membri tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 6(1) [UE], determinat mill-Kunsill skond l-Artikolu 7(1) [UE] imsemmi bil-konsegwenzi stabbiliti fl-Artikolu 7(2) tiegħu.

[…]

(12)

Din id-Deċiżjoni Kwadru tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6 [UE] u riflessi fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea […], b’mod partikolari l-Kapitolu VI tiegħu. […]”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni qafas, intitolat “Definizzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligu li jiġi esegwit”, jiddisponi:

“1.   Il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.

3.   Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif imniżżla fl-Artikolu 6 [UE].”

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni qafas, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Mandat ta’ arrest Ewropew jista’ jinħareġ għal atti li huma punibbli mil-liġi ta’ l-Istat Membru emittenti b’piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal perijodu massimu ta’ mill-inqas 12-il xahar jew, fejn ingħatat sentenza jew ġiet magħmula ordni ta’ detenzjoni, għal sentenzi ta’ mill-inqas erba’ xhur.”

6

Skont l-Artikolu 6 tal-istess deċiżjoni qafas, intitolat “Determinazzjoni ta’ l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti”:

“1.   L-awtorità ġudizzjarja emittenti għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru emittenti li hi kompetenti biex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew permezz tal-liġi ta’ dak l-Istat.

2.   L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni li hi kompetenti biex tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew permezz tal-liġi ta’ dak l-Istat.

3.   Kull Stat Membru għandu jinforma lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill bl-awtorità ġudizzjarja kompetenti taħt il-liġi tiegħu.”

Id-dritt Svediż

Ir-RB

7

Il-Kapitolu 24 tar-rättegångsbalken (il-Kodiċi tal-Proċedura Ġudizzjarja, l-Isvezja, iktar ’il quddiem ir-“RB”) jistabbilixxi r-regoli dwar id-detenzjoni provviżorja.

8

Skont l-Artikolu 13 ta’ dan il-kapitolu, meta prosekutur iressaq talba għal detenzjoni provviżorja, il-qorti għandha żżomm seduta sabiex tiddeċiedi dwar din id-detenzjoni, li fiha huma msejħa sabiex jidhru l-awtur preżunt tal-ksur u d-difensur tiegħu.

9

Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 17 tal-imsemmi kapitolu, il-qorti tista’ tordna t-tqegħid taħt detenzjoni provviżorja fl-assenza tal-allegat awtur tal-ksur.

10

Mid-dispożizzjonijiet tal-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 20 tal-Kapitolu 24 tar-RB jirriżulta li l-qorti adita għandha l-obbligu li ttemm immedjatament id-detenzjoni provviżorja jekk din il-miżura ma tibqax iġġustifikata. Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 20 ta’ dan il-kapitolu, matul id-detenzjoni provviżorja kollha, il-Prosekutur għandu l-obbligu li jeżamina jekk din il-miżura hijiex proporzjonata u jista’ jwaqqafha ex officio qabel ma jiġi indagat.

11

Konformement mal-Artikolu 1 tal-Kapitolu 52 tar-RB, id-deċiżjoni ta’ tqegħid f’detenzjoni provviżorja ordnata fl-ewwel istanza tista’ tkun is-suġġett ta’ appell mingħajr limitazzjoni ratione temporis. Id-deċiżjoni ta’ appell tista’, min-naħa tagħha, tintbagħat quddiem il-Högsta domstolen (il-Qorti Suprema, l-Isvezja) mingħajr limitazzjoni ratione temporis, skont l-Artikolu 1 tal-Kapitolu 56 tar-RB.

Ir-Regolament (2003:1178)

12

Il-Förordning (2003:1178) om överlämnande till Sverige enligt en europeisk arresteringsorder (ir-Regolament (2003:1178) dwar il-konsenja [ta’ persuna] fl-Isvezja b’applikazzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew) (SFS 2003, Nru 1178), iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1178/2003”) ittraspona fl-ordinament ġuridiku Svediż id-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

13

Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (2003:1178), il-Prosekutur joħroġ il-mandat ta’ arrest Ewropew kemm jekk għall-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali kif ukoll għall-eżekuzzjoni ta’ piena jew ordni ta’ detenzjoni.

14

Mandat ta’ arrest Ewropew għall-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali jista’ jinħareġ, konformement mal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, meta miżura li tordna t-tqegħid f’detenzjoni provviżorja tal-persuna rikjesta tkun ingħatat minħabba li din tkun issuspettata b’mod qawwi li tkun l-awtur ta’ reat punibbli b’piena ta’ priġunerija ta’ sena jew iktar.

15

Skont l-Artikolu 5(1) tal-imsemmi regolament, il-Prosekutur jista’ joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew biss wara evalwazzjoni dwar jekk id-dannu li jista’ jirriżulta minnu għall-persuna kkonċernata, it-termini u l-ispejjeż għall-proċedura li dan jimplika jistgħux jiġu ġġustifikati fid-dawl tan-natura u tal-gravità tal-ksur kif ukoll ta’ ċirkustanzi oħra.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

16

Fis‑27 ta’ Mejju 2019, il-Prosekutur Svediż ħareġ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ proċedimenti kriminali fil-konfront ta’ XD, issuspettat li pparteċipa, fil-kuntest ta’ organizzazzjoni kriminali, għal ksur tal-leġiżlazzjoni dwar id-drogi narkotiċi fit-territorju ta’ diversi Stati, inkluż fl-Isvezja.

17

Il-mandat ta’ arrest Ewropew kien ħareġ b’eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tqegħid taħt detenzjoni provviżorja, li ttieħdet fl-istess jum mill-Göteborgs tingsrätt (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Göteborg, l-Isvezja).

18

L-għada, it‑28 ta’ Mejju 2019, XD ġie arrestat fil-Pajjiżi l-Baxxi abbażi tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

19

Fil-jum ta’ wara, id‑29 ta’ Mejju 2019, l-Openbaar Ministerie (l-Uffiċċju tal-Prosekutur, il-Pajjiżi l-Baxxi), skont l-Artikolu 23 tal-Overleveringswet (il-Liġi dwar il-Konsenja) tad‑29 ta’ April 2004 fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, adixxa lir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) sabiex teżamina l-imsemmi mandat ta’ arrest Ewropew.

20

Il-qorti tar-rinviju ssostni, minn naħa, li mill-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Svediżi fil-kuntest tal-kawża prinċipali jirriżulta li, fl-Isvezja, il-membri tal-Uffiċċju tal-Prosekutur jipparteċipaw fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja u jaġixxu b’mod indipendenti mingħajr ma jkun hemm ir-riskju li jkunu suġġetti, direttament jew indirettament, għal ordnijiet jew għal istruzzjonijiet individwali mingħand il-poter eżekuttiv.

21

Min-naħa l-oħra, għalkemm il-leġiżlazzjoni Svediża dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew ma tipprevedix il-possibbiltà li jiġi ppreżentat rimedju kontra d-deċiżjoni li jinħareġ tali mandat, din il-qorti tesponi li l-informazzjoni kkomunikata mill-awtoritajiet Svediżi tippermetti li jiġi konkluż li n-natura proporzjonata tal-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew hija eżaminata meta tittieħed id-deċiżjoni ta’ detenzjoni provviżorja li tippreċedi l-mandat ta’ arrest Ewropew.

22

Barra minn hekk, f’dan il-każ, matul is-seduta ddedikata għad-detenzjoni ta’ XD quddiem il-Göteborgs tingsrätt (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Göteborg), id-dibattiti kienu jirrigwardaw ukoll il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-konsenja ta’ XD sabiex ikun għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet Svediżi. Għalhekk, din il-qorti eżaminat in-natura proporzjonata tal-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew meta ddeċidiet li tordna d-detenzjoni provviżorja ta’ XD.

23

Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-evalwazzjoni magħmula minn qorti matul l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-qorti nazzjonali, qabel id-deċiżjoni tal-Prosekutur li joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew, li tirrigwarda b’mod partikolari l-proporzjonalità tal-ħruġ ta’ tali mandat hijiex konformi, essenzjalment, mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 75 tas-sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) (C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456), li jipprovdi li deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur li joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew għandha tkun tista’ tkun is-suġġett ta’ rimedju ġudizzjarju li jissodisfa kompletament il-kundizzjonijiet inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

24

F’dan ir-rigward, din il-qorti tenfasizza li, għalkemm, f’dan il-każ, il-mandati ta’ arrest nazzjonali u Ewropew inħarġu fl-istess jum, l-ipoteżi ma tistax tiġi eskluża li, bejn l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali u l-evalwazzjoni tan-natura proporzjonata tal-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, minn naħa, u l-mument tal-ħruġ effettiv ta’ dan l-aħħar mandat, min-naħa l-oħra, jgħaddi ċertu perijodu ta’ żmien li matulu jseħħu fatti ġodda li għandhom effett fuq il-ħruġ tal-imsemmi mandat ta’ arrest Ewropew. F’tali sitwazzjoni, l-evalwazzjoni mill-qorti, qabel il-ħruġ effettiv tal-mandat ta’ arrest Ewropew, tista’ ma toffrix protezzjoni ġudizzjarja effettiva kontra n-natura sproporzjonata tal-ħruġ ta’ tali mandat.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Prosekutur li jipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istat Membru ta’ ħruġ, li jaġixxi b’mod indipendenti fl-eżerċizzju ta’ dmirijiet inerenti għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u li ħareġ mandat ta’ arrest Ewropew, jista’ jiġi kklassifikat bħala awtorità ġudizzjarja emittenti fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni [Qafas 2002/584] jekk, fl-Istat emittenti, qabel id-deċiżjoni effettiva ta’ dan il-prosekutur li joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew imħallef ikun evalwa l-kundizzjonijiet ta’ ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u, b’mod partikolari, il-proporzjonalità tiegħu?”

Fuq il-proċedura b’urġenza

26

Fis-17 ta’ Settembru 2019, l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tirreferi r-rinviju fil-Kawża C‑625/19 PPU għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

27

Fil-fatt, wara li rrilevat li r-rinviju kien jirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li jaqa’ taħt it-Tielet Parti tat-Titolu V tat-Trattat FUE, dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, u għalhekk, hekk kif mitlub mill-qorti tar-rinviju, kien suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq il-fatt li XD kien jinsab, mit‑28 ta’ Mejju 2019, taħt arrest għall-estradizzjoni fl-istennija ta’ deċiżjoni li tikkonċerna l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontrih u li ż-żamma tiegħu f’detenzjoni kienet tiddependi mis-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

Fuq id-domanda preliminari

28

Preliminarjament, għandu jitfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. F’din il-perspettiva, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, skont il-każ, li għandha tifformula mill-ġdid id-domandi li huma mressqa quddiemha (sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, eco cosmetics u Raiffeisenbank St. Georgen, C‑119/13 u C‑120/13, EU:C:2014:2144, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

F’din il-kawża, permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tidher li titlaq mill-premessa li l-kwalità ta’ awtorità ġudizzjarja emittenti, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, hija suġġetta, b’mod partikolari, għall-eżistenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni ta’ ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

30

Madankollu, għandu jiġi osservat li l-eżistenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni li jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew meħuda minn awtorità li ma hijiex qorti ma tikkostitwixxix kundizzjoni sabiex din l-awtorità tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala awtorità ġudizzjarja emittenti, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Tali rekwiżit ma jaqax taħt ir-regoli statutorji u organizzattivi tal-imsemmija awtorità iżda jirrigwarda l-proċedura ta’ ħruġ ta’ tali mandat (sentenza ta’ dan il-jum, Jr u YC, C‑566/19 PPU u C‑626/19 PPU, punt 48).

31

Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mis-sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2019, PF (Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja) (C‑509/18, EU:C:2019:457), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Prosekutur Ġenerali ta’ Stat Membru li, filwaqt li huwa strutturalment indipendenti mill-poter ġudizzjarju, huwa kompetenti sabiex jeżerċita l-proċeduri kriminali u li l-istatus tiegħu, f’dan l-Istat Membru, jagħtih garanzija ta’ indipendenza fir-rigward tal-poter eżekuttiv fil-kuntest tal-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jiġi kklassifikat bħala awtorità ġudizzjarja emittenti, fis-sens tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, u ħalliet lill-qorti tar-rinviju tivverifika jekk, barra minn hekk, id-deċiżjonijiet ta’ dan il-Prosekutur jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rimedju li jissodisfa b’mod sħiħ ir-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

32

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li, fil-każ fejn il-kompetenza sabiex jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali hija attribwita lil awtorità li, filwaqt li tieħu sehem fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja ta’ dan l-Istat Membru, ma tkunx hija stess qorti, bir-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jiġu ssodisfatti jekk, qabel id-deċiżjoni effettiva ta’ din l-awtorità li toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew, qorti tkun evalwat il-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ dan il-mandat u, b’mod partikolari, il-proporzjonalità tiegħu.

33

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar qabel kollox li kemm il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri kif ukoll il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li jistrieħ huwa nnifsu fuq il-fiduċja reċiproka bejn dawn tal-aħħar, għandhom, fid-dritt tal-Unjoni, importanza fundamentali, peress li jippermettu l-ħolqien u ż-żamma ta’ spazju mingħajr fruntieri interni. B’mod iktar speċifiku, il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka jeżiġi, b’mod partikolari fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, li kull wieħed minn dawn l-Istati jqis, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li l-Istati Membri l-oħra kollha josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, jirrispettaw id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti minn dan id-dritt (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Għandu jiġi osservat ukoll li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584, hekk kif jirriżulta mill-premessa 6 tagħha, tikkostitwixxi l-ewwel konkretizzazzjoni fil-qasam tad-dritt kriminali tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, stabbilit fl-Artikolu 82(1) TFUE li ssostitwixxa l-Artikolu 31 UE li fuq il-bażi tiegħu ġiet adottata din id-deċiżjoni qafas. Minn dakinhar, il-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam kriminali kienet adottat gradwalment strumenti legali li l-applikazzjoni kkoordinata tagħhom hija intiża sabiex issaħħaħ il-fiduċja tal-Istati Membri fir-rigward tal-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali rispettivi tagħhom bl-għan li jiġi żgurat ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni fl-Unjoni ta’ sentenzi f’materji kriminali sabiex tiġi evitata kwalunkwe impunità tal-awturi tal-ksur.

35

Il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li fuqu hija bbażata d-Deċiżjoni Qafas 2002/584, jimplika, bis-saħħa tal-Artikolu 1(2) ta’ din tal-aħħar, li l-Istati Membri għandhom, bħala prinċipju, jeżegwixxu mandat ta’ arrest Ewropew (sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2010, Mantello, C‑261/09, EU:C:2010:683, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Fil-fatt, skont id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw li jeżegwixxu tali mandat biss fil-każijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja previsti fl-Artikolu 3 tagħha kif ukoll fil-każijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva elenkati fl-Artikoli 4 u 4a tagħha. Barra minn hekk, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tissuġġetta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew biss għall-kundizzjonijiet iddefiniti fl-Artikolu 5 tal-imsemmija deċiżjoni qafas (sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2013, Radu, C‑396/11, EU:C:2013:39, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Għandu wkoll jiġi osservat li l-effettività u l-funzjonament tajjeb tas-sistema ssemplifikata ta’ konsenja ta’ persuni kkundannati jew issuspettati li jkunu kisru l-liġi kriminali, stabbilita bid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, huma msejsa fuq l-osservanza ta’ ċerti rekwiżiti stabbiliti minn din id-deċiżjoni qafas li l-portata tagħha ġiet ippreċiżata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

38

F’dan ir-rigward, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li is-sistema tal-mandat ta’ arrest Ewropew tinvolvi protezzjoni fuq żewġ livelli tad-drittijiet proċedurali u tad-drittijiet fundamentali li minnhom għandha tibbenefika l-persuna rikjesta, peress li, mal-protezzjoni ġudizzjarja prevista fl-ewwel livell, fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni nazzjonali, bħal mandat ta’ arrest nazzjonali, tiżdied dik li għandha tiġi żgurata fit-tieni livell, fil-kuntest tal-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew, li jista’ jseħħ, jekk ikun il-każ, f’termini qosra, wara l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali (sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punt 67 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

39

Għalhekk, fir-rigward ta’ miżura li, bħall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, hija tali li tippreġudika d-dritt għal-libertà tal-persuna kkonċernata, din il-protezzjoni timplika li deċiżjoni li tissodisfa r-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva għandha tiġi adottata, għall-inqas, f’wieħed miż-żewġ livelli ta’ dik il-protezzjoni (sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punt 68).

40

B’mod partikolari, it-tieni livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-persuna kkonċernata jippreżumi li l-awtorità ġudizzjarja emittenti tistħarreġ l-osservanza tal-kundizzjonijiet meħtieġa għal dan il-ħruġ u teżamina b’mod oġġettiv, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha inkriminanti u li jiskaġunaw, u mingħajr ma tkun esposta għar-riskju li tiġi suġġetta għal istruzzjonijiet esterni, b’mod partikolari min-naħa tal-poter eżekuttiv, jekk dan il-ħruġ huwiex ta’ natura proporzjonata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punti 7173).

41

Barra minn hekk, meta d-dritt tal-Istat Membru emittenti jagħti l-kompetenza sabiex jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew lil awtorità li, waqt li tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja ta’ dan l-Istat Membru, ma hijiex fiha nfisha qorti, id-deċiżjoni li jinħareġ tali mandat ta’ arrest u, b’mod partikolari, in-natura proporzjonali ta’ tali deċiżjoni, għandhom ikunu suġġetti għal rimedju ġudizzjarju, f’dak l-Istat Membru, li jissodisfa bis-sħiħ ir-rekwiżiti inerenti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punt 75).

42

Tali rimedju kontra d-deċiżjoni li jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali meħuda minn awtorità li, filwaqt li tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja u li tgawdi mill-indipendenza meħtieġa fir-rigward tal-poter eżekuttiv, ma tikkostitwixxix qorti intiża li tiggarantixxi li l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ din id-deċiżjoni u l-kundizzjonijiet neċessarji għall-ħruġ ta’ dan il-mandat u, b’mod partikolari, tan-natura proporzjonali tagħha tosserva r-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

43

Għaldaqstant, huma l-Istati Membri li għandhom jiżguraw li l-ordinamenti ġuridiċi tagħhom jiggarantixxu b’mod effettiv il-livell ta’ protezzjoni ġudizzjarja meħtieġ mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hekk kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta’ rimedji li huma jimplimentaw u li jistgħu jvarjaw minn sistema għall-oħra.

44

B’mod partikolari, l-istabbiliment ta’ dritt ta’ rimedju separat kontra d-deċiżjoni li jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew meħud minn awtorità ġudizzjarja li ma hijiex qorti jikkostitwixxi biss possibbiltà f’dan ir-rigward.

45

Fil-fatt, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma tipprekludix lil Stat Membru milli japplika r-regoli proċedurali tiegħu fir-rigward tal-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew sakemm dan ma jipprekludix l-għan ta’ din id-Deċiżjoni Qafas u r-rekwiżiti li jirriżultaw minnha (ara, f’dan is-sens, sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2013, F, C‑168/13 PPU, EU:C:2013:358, punt 53).

46

F’dan il-każ, hekk kif jirriżulta mill-proċess mqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali jirriżulta neċessarjament, fl-ordinament ġuridiku Svediż, minn deċiżjoni li tordna t-tqegħid taħt detenzjoni provviżorja tal-persuna kkonċernata, li tingħata minn qorti.

47

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża wkoll li mill-informazzjoni li ġiet ikkomunikata lilha mill-awtoritajiet Svediżi jirriżulta li, sabiex tiġi stabbilita l-ħtieġa li tiġi ordnata d-detenzjoni provviżorja, hija l-qorti kompetenti li għandha tevalwa wkoll il-proporzjonalità ta’ miżuri oħra possibbli, bħall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.

48

Barra minn hekk, skont il-Gvern Svediż, waqt l-eżami tan-neċessità li tiġi ordnata miżura ta’ detenzjoni provviżorja fir-rigward ta’ persuna ssuspettata li tikser il-liġi kriminali, din il-qorti għandha dejjem tipproċedi b’evalwazzjoni tan-natura proporzjonata ta’ tali miżura. Jekk il-persuna ssuspettata li wettqet ksur taħrab jew ma tirrisjedix fit-territorju tal-Istat Membru emittenti, l-unika raġuni li għaliha l-Prosekutur jadixxi qorti sabiex jikseb mandat ta’ arrest kontra din il-persuna jinsab fil-ħtieġa li jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew. Konsegwentement, l-eżami tan-natura proporzjonata li din il-qorti jkollha tagħmel fil-kuntest tal-eżami tan-neċessità li jiġi ordnat it-tqegħid taħt detenzjoni provviżorja jirrigwarda wkoll il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.

49

Dan jidher li kien il-każ fil-kawża prinċipali, peress li, hekk kif jirriżulta mir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, fil-kuntest tas-seduti quddiem il-qrati Svediżi ddedikati għad-detenzjoni ta’ XD, id-dibattiti kienu jirrigwardaw ukoll in-neċessità li jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew sabiex issir il-konsenja tal-persuna rikjesta lill-awtoritajiet Svediżi.

50

Barra minn hekk, il-Gvern Svediż indika fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu u waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-persuna rikjesta fuq il-bażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għandha d-dritt li tappella mid-deċiżjoni li tordna d-detenzjoni provviżorja, mingħajr limitazzjoni ratione temporis, anki wara l-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew u wara l-arrest tagħha fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Jekk id-deċiżjoni li tordna t-tqegħid taħt detenzjoni provviżorja kkontestata hija annullata, l-invalidazzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew hija awtomatika, għaliex il-ħruġ tiegħu huwa bbażat fuq l-eżistenza ta’ din id-deċiżjoni.

51

Fl-aħħar nett, l-imsemmi gvern indika li kull qorti superjuri li quddiemha jitressaq appell mid-deċiżjoni li tordna t-tqegħid taħt detenzjoni provviżorja tipproċedi wkoll għall-evalwazzjoni tan-natura proporzjonata tal-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

52

Il-preżenza, fl-ordinament ġuridiku Svediż, ta’ tali regoli proċedurali jippermetti li jiġi kkonstatat li, anki fl-assenza ta’ rimedju ġudizzjarju distint kontra d-deċiżjoni tal-Prosekutur li joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew, il-kundizzjonijiet ta’ ħruġ tiegħu u, b’mod partikolari, in-natura proporzjonata tiegħu jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju fl-Istat Membru emittenti, qabel jew fl-istess ħin mal-adozzjoni tiegħu, iżda wkoll ulterjorment.

53

Tali sistema tissodisfa, għaldaqstant, ir-rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

54

Barra minn hekk, hekk kif tfakkar fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija parti minn sistema globali ta’ garanziji dwar il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva previsti minn leġiżlazzjonijiet oħra tal-Unjoni, adottati fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, li jikkontribwixxu sabiex jiffaċilitaw lill-persuna rikjesta fuq il-bażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, l-eżerċizzju tad-drittijiet tagħha, anki qabel il-konsenja tagħha lill-Istat Membru emittenti.

55

B’mod partikolari, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2013 dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà (ĠU 2013, L 294, p. 1), jimponi fuq l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li tinforma, mingħajr dewmien żejjed wara ċ-ċaħda tal-libertà, il-persuni li l-konsenja tagħhom hija mitluba, li għandhom id-dritt li jaħtru avukat fl-Istat Membru emittenti.

56

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandha tiġi interpretata fis-sens li r-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva li għandha tibbenefika minnhom persuna li fir-rigward tagħha jkun inħareġ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali huma ssodisfatti meta, skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru emittenti, il-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ dan il-mandat u, b’mod partikolari, il-proporzjonalità tiegħu huma suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju f’dan l-Istat Membru.

Fuq l-ispejjeż

57

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009, għandha tiġi interpretata fis-sens li r-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva li għandha tibbenefika minnhom persuna li fir-rigward tagħha jkun inħareġ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali huma ssodisfatti meta, skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru emittenti, il-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ dan il-mandat u, b’mod partikolari, il-proporzjonalità tiegħu huma suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju f’dan l-Istat Membru.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top