Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0600

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-17 ta’ Mejju 2022.
    MA vs Ibercaja Banco, SA.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Audiencia Provincial de Zaragoza.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Prinċipju ta’ ekwivalenza – Prinċipju ta’ effettività – Proċedura ta’ infurzar ta’ ipoteka – Natura inġusta tal-klawżola li tistabbilixxi r-rata nominali tal-interessi moratorji u tal-klawżola ta’ eżiġibbiltà antiċipata li tinsab fil-kuntratt ta’ self – Awtorità ta’ res judicata u dekadenza – Telf tal-possibbiltà li tiġi invokata n-natura inġusta ta’ klawżola tal-kuntratt quddiem qorti – Setgħa ta’ stħarriġ ex officio tal-qorti nazzjonali.
    Kawża C-600/19.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:394

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

    17 ta’ Mejju 2022 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Prinċipju ta’ ekwivalenza – Prinċipju ta’ effettività – Proċedura ta’ infurzar ta’ ipoteka – Natura inġusta tal-klawżola li tistabbilixxi r-rata nominali tal-interessi moratorji u tal-klawżola ta’ eżiġibbiltà antiċipata li tinsab fil-kuntratt ta’ self – Awtorità ta’ res judicata u dekadenza – Telf tal-possibbiltà li tiġi invokata n-natura inġusta ta’ klawżola tal-kuntratt quddiem qorti – Setgħa ta’ stħarriġ ex officio tal-qorti nazzjonali”

    Fil-Kawża C‑600/19,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Audiencia Provincial de Zaragoza (il-Qorti Provinċjali ta’ Zaragoza, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Lulju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ Awwissu 2019, fil-proċedura

    MA

    vs

    Ibercaja Banco SA,

    fil-preżenza ta’:

    PO,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

    komposta minn K. Lenaerts, President, A. Arabadjiev, K. Jürimäe, C. Lycourgos, E. Regan, S. Rodin (Relatur) u I. Jarukaitis, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, J.‑C. Bonichot, M. Safjan, F. Biltgen, P. G. Xuereb, N. Piçarra, L. S. Rossi u A. Kumin, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

    Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratriċi,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑26 ta’ April 2021,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Ibercaja Banco SA, minn J. Rodríguez Cárcamo u A. M. Rodríguez Conde, abogados,

    għall-Gvern Spanjol, minn S. Centeno Huerta, u J. Ruiz Sánchez, bħala aġenti,

    għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn C. Colelli u G. Greco, avvocati dello Stato,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Baquero Cruz, N. Ruiz García u minn C. Valero, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑15 ta’ Lulju 2021,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn MA u Ibercaja Banco SA dwar talba għall-ħlas tal-interessi dovuti lill-istabbiliment bankarju minħabba n-nuqqas ta’ infurzar minn MA u PO tal-kuntratt ta’ self ipotekarju konkluż bejn dawn il-partijiet.

    Il‑kuntest ġuridiku

    Id‑dritt tal‑Unjoni

    3

    L-erbgħa u għoxrin premessa tad-Direttiva 93/13 tipprovdi li “l-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri għandu jkollhom għad-disposizzjoni tagħhom mezz adegwat u effettiv biex jipprevenu li jkomplu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti tal-konsumaturi.”

    4

    L-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

    “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

    5

    Skont l-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva:

    “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

    Id‑dritt Spanjol

    6

    Il-Ley 1/2000 de Enjuiciamiento Civil (il-Liġi 1/2000 dwar il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili), tas‑7 ta’ Jannar 2000 (BOE Nru 7, tat‑8 ta’ Jannar 2000, p. 575), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“LEC”), tipprevedi, fl-Artikolu 136 tagħha, intitolat “Dekadenza”:

    “Ladarba t-terminu stabbilit biex jittieħed pass proċedurali jkun skada, il-pass inkwistjoni jsir preskritt u l-opportunità biex jittieħed tintilef. Ir-Reġistratur għandu jirreġistra l-iskadenza tat-terminu f’dokument uffiċjali u għandu jordna l-miżuri li għandhom jiġu adottati jew jinnotifika l-qorti sabiex id-deċiżjoni korrispondenti tkun tista’ tiġi ordnata.”

    7

    Skont l-Artikolu 207 tal-LEC:

    “1.   Deċiżjonijiet li jtemmu l-ewwel istanza u dawk li jiddeċiedu l-appelli mressqin minn dawn id-deċiżjonijiet huma finali.

    2.   Id-deċiżjonijiet finali huma dawk li minnhom ma jista’ jitressaq ebda appell, jew għaliex dan ma jkunx previst mil-liġi nkella għaliex, minkejja li dan ikun previst, ikunu skadew it-termini legali mingħajr ma ebda waħda mill-partjiet tkun ressqet appell.

    3.   Id-deċiżjonijiet finali jiksbu l-awtorità ta’ res judicata u l-qorti adita tkun f’kull każ marbuta mis-soluzzjoni adottata.

    4.   Meta t-termini previsti għal appell minn deċiżjoni jkunu skadew, mingħajr ma din tkun ġiet ikkontestata, din issir finali u tikseb l-awtorità ta’ res judicata, u l-qorti adita tkun f’kull każ marbuta mis-soluzzjoni adottata.”

    8

    L-Artikolu 222 tal-LEC jipprovdi:

    “1.   L-awtorità ta’ res judicata marbuta mas-sentenzi finali, li jew jilqgħu jew jiċħdu talba, għandha teskludi, skont il-liġi, kwalunkwe proċedura ulterjuri li jkollha l-istess suġġett bħal dak li dwaru tkun ingħatat l-ewwel sentenza.

    2.   L-awtorità ta’ res judicata għandha tingħata lil talbiet magħmula fir-rikors prinċipali u lill-kontrotalbiet u lill-kwistjonijiet imsemmija fl-Artikolu 408(1) u (2) ta’ dan il-kodiċi.

    Fatti sussegwenti għall-iskadenza tal-perijodu għall-preżentata ta’ noti fil-proċedura li fihom tali talbiet ikunu saru għandhom jitqiesu li jkunu ġodda u differenti fir-rigward tal-bażi li fuqha jkunu saru tali talbiet.

    3.   L-awtorità ta’ res judicata għandha tkun vinkolanti għall-partijiet fil-kawża li fiha tqum, għall-eredi tagħhom u għall-aventi kawża tagħhom, u għal dawk il-persuni li, filwaqt li ma jkunux partijiet fil-kawża, ikollhom id-dritt li jressqu kawża bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11 ta’ dan il-kodiċi.

    […]

    4.   Deċiżjoni li tikseb is-saħħa ta’ res judicata f’sentenza finali li tikkonkludi istanza għandha tkun vinkolanti fuq qorti li quddiemha jitressqu proċeduri ulterjuri li fiha d-deċiżjoni li jkollha s-saħħa ta’ res judicata tidher, fil-proċeduri sussegwenti, li tkun anteċedent loġiku għas-suġġett tal-proċeduri sussegwenti u fejn il-partijiet fiż-żewġ kawżi jkunu l-istess jew fejn l-awtorità ta’ res judicata tapplika għalihom skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi.”

    9

    L-Artikolu 517 tal-LEC huwa fformulat kif ġej:

    “1.   L-azzjoni ta’ infurzar trid tkun ibbażata fuq titolu li jista’ jiġi infurzat.

    2.   Dawn it-titoli segwenti biss jistgħu jiġu infurzati:

    1° is-sentenza ta’ kundanna li ma tkunx għadha tista’ tiġi appellata;

    […]

    9° id-deċiżjonijiet proċedurali u dokumenti l-oħra li, bis-saħħa ta’ din il-liġi jew ta’ kull liġi oħra, jistgħu jkunu suġġetti għal eżekuzzjoni forzata.”

    10

    L-Artikolu 552 tal-LEC jipprovdi:

    “1.   Jekk il-qorti tqis li t-termini u l-kundizzjonijiet meħtieġa mil-liġi ma jkunx ġew issodisfatti għall-fini li jiġi ordnat l-infurzar, hija għandha toħroġ digriet li jiċħad l-infurzar.

    Il-qorti għandha teżamina fuq inizjattiva tagħha l-kwistjoni dwar jekk klawżola f’wieħed mid-digrieti ta’ infurzar li għalihom ikun hemm riferiment fl-Artikolu 557.1 tistax titqies li tkun inġusta. Fejn tqis li klawżola tista’ titqies li hija inġusta, għandha tisma’ lill-partijiet fi żmien ħmistax-il jum. Wara li tisma’ lill-partijiet, għandha tagħti d-deċiżjoni tagħha fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol, skont l-Artikolu 561.1(3).

    2.   Id-digriet li jiċħad l-infurzar jista’ jiġi appellat direttament, filwaqt li huwa biss il-kreditur li jista’ jkun involut fl-appell. Il-kreditur jista’ wkoll, jekk ikun jixtieq, jitlob eżami mill-ġdid tat-talba tiegħu lill-istess qorti qabel ma jappella.

    3.   Meta d-digriet li jiċħad l-infurzar isir finali, il-kreditur jista’ jinvoka biss id-drittijiet tiegħu fil-proċedura ordinarja korrispondenti, jekk l-awtorità ta’ res judicata tas-sentenza jew tad-deċiżjoni finali li fuqha kienet ibbażata t-talba għall-infurzar ma jkunux jipprekludu dan.”

    11

    L-Artikolu 556 tal-LEC huwa intitolat “Oppożizzjoni kontra l-infurzar ta’ deċiżjonijiet proċedurali jew ta’ arbitraġġ jew tal-ftehimiet ta’ medjazzjoni” jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

    “1.   Jekk it-titolu li jista’ jiġi infurzat ikun deċiżjoni proċedurali jew ta’ arbitraġġ ta’ kundanna, jew ftehim ta’ medjazzjoni, il-parti li kontra tagħha l-infurzar ikun qiegħed jintalab tista’, fiż-żmien għaxart ijiem wara n-notifika tad-digriet ta’ infurzar, topponi għal dan bil-miktub billi tinvoka l-ħlas jew l-osservanza tad-dispożittiv tas-sentenza, tas-sentenza ta’ arbitraġġ jew tal-ftehim, li tiegħu għandha tipproduċi l-prova dokumentali.

    Din tista’ tinvoka wkoll id-dekadenza tal-azzjoni ta’ infurzar kif ukoll il-ftehimiet jew it-tranżazzjonijiet li jkunu ġew konklużi sabiex jiġi evitat l-infurzar, sa fejn dawn il-ftehimiet u dawn it-tranżazzjonijiet jkunu stipulati f’att notarili.

    2.   L-oppożizzjoni mressqa fil-każijiet previsti fil-paragrafu 1 ma tissospendix l-infurzar.”

    12

    Skont l-Artikolu 557 tal-LEC:

    “1.   Fejn jiġi ordnat l-infurzar fir-rigward tat-titoli msemmija fl‑Artikolu 517.2(4), (5), (6) u (7), kif ukoll għal dokumenti oħra li jkollhom saħħa eżekuttiva msemmija fl-Artikolu 517.2(9), il-parti li kontra tagħha l-infurzar ikun qiegħed jintalab tista’, fil-perijodi u fil-forom previsti fl-artikolu preċedenti, toġġezzjona għall-infurzar biss jekk tinvoka waħda mir-raġunijiet li ġejjin:

    […]

    7° Id-dokument ikollu klawżoli inġusti.

    2.   Jekk l-oppożizzjoni msemmija fil-paragrafu preċedenti ssir, ir-reġistru tal-qorti għandu jissospendi l-infurzar permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura.”

    13

    L-Artikolu 695 tal-LEC jipprovdi:

    “1.   Fil-proċeduri taħt dan il-kapitolu, oppożizzjoni għall-infurzar mill-parti li kontra tagħha jkun qiegħed jintalab l-infurzar tista’ tintlaqa’ biss jekk tkun ibbażata fuq ir-raġunijiet li ġejjin:

    […]

    in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li tkun qiegħda tikkostitwixxi l-bażi għall-infurzar jew li tkun ippermettiet li l-ammont dovut jiġi kkalkolat.

    2.   F’każ ta’ introduzzjoni ta’ oppożizzjoni msemmija fil-paragrafu preċedenti, ir-reġistru tal-qorti għandu jipproċedi bis-sospensjoni tal-infurzar u jitlob lill-partijiet jidhru quddiem il-qorti li tkun ordnat l-infurzar. It-taħrika għas-smigħ għandha ssir mill-inqas ħmistax-il ġurnata qabel is-seduta inkwistjoni. Matul din is-seduta, il-qorti għandha tisma’ lill-partijiet, teżamina d-dokumenti prodotti u tadotta d-deċiżjoni rilevanti, permezz ta’ digriet, matul it-tieni ġurnata.

    3.   Id-digriet li jilqa’ l-oppożizzjoni bbażata fuq l-ewwel u t-tielet motiv stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jiddikjara li ma hemmx lok li jsir l-infurzar; id-digriet li jilqa’ l-oppożizzjoni bbażata fuq it-tieni motiv jistabbilixxi l-ammont li għalih l-infurzar għandu jinżamm.

    Jekk jintlaqa’ r-raba’ motiv, jiġi ddikjarat li ma hemmx lok li jsir l-infurzar jekk il-klawżola kuntrattwali tkun tikkostitwixxi l-bażi tal-eżekuzzjoni. Fil-każijiet l-oħra, l-infurzar għandu jitkompla mingħajr l-applikabbiltà tal-klawżola inġusta.

    4.   Id-deċiżjoni li tordna li ma hemmx lok li jsir l-infurzar jew li tiddikjara l-inapplikabbiltà ta’ klawżola inġusta jew iċ-ċaħda tal-oppożizzjoni għall-motiv previst fil-paragrafu 1(4) ta’ dan l-artikolu tista’ tiġi appellata.

    Salv f’dawn il-każijiet, id-digrieti li jiddeċiedu dwar dwar l-oppożizzjoni msemmija f’dan l-artikolu ma jistgħux jiġu appellati u l-effetti tagħhom huma esklużivament limitati għall-proċedura ta’ infurzar li matulha jingħataw.”

    14

    Il-Ley 1/2013, de medidas para reforzar la protección a los deudores hipotecarios, reestructuración de deuda y alquiler social (il-Liġi 1/2013, dwar Miżuri biex Tissaħħaħ il-Protezzjoni tad-Debituri Ipotekarji, ir-Ristrutturazzjoni tad-Dejn u tal-Kera Soċjali), tal‑14 ta’ Mejju 2013 (BOE Nru 116, tal‑15 ta’ Mejju 2013, p. 36373, iktar ’il quddiem il-“Liġi 1/2013”), li tinsab fost in-numru ta’ regoli li emendaw il-LEC, introduċiet, fost il-motivi ta’ oppożizzjoni, il-possibbiltà li tiġi invokata n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, kemm fil-kuntest tal-proċedura ta’ infurzar ġenerali, kif ukoll ta’ dak tal-proċedura ta’ infurzar ta’ ipoteka. Ir-raba’ dispożizzjoni tranżitorja tal-Liġi 1/2013 tipprovdi:

    “1. L-emendi [tal-LEC] introdotti b’din il-liġi japplikaw għall-proċeduri ta’ infurzar li jkunu pendenti fid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha, biss fir-rigward ta’ miżuri ta’ infurzar li għad iridu jittieħdu.

    2. Fi kwalunkwe każ, fil-proċeduri ta’ infurzar pendenti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi li fihom it-terminu għal oppożizzjoni ta’ għaxart ijiem previst fl-Artikolu 556(1) [tal-LEC] ikun skada, il-partijiet li kontra tagħhom l-infurzar ikun qiegħed jintalab għandhom terminu ta’ dekadenza ta’ xahar biex iressqu oppożizzjoni b’mod inċidentali u straordinarju fuq il-bażi tal-motivi ta’ oppożizzjoni l-ġodda previsti fl-Artikolu 557(1)(7) u l-Artikolu 695(1)(4) [tal-LEC].

    It-terminu ta’ dekadenza ta’ xahar huwa kkalkolat mill-jum ta’ wara dak tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, u t-tressiq tal-oppożizzjoni b’mod inċidentali mill-partijiet għandu l-effett li jissospendi l-proċedura sakemm tittieħed deċiżjoni dwar l-oppożizzjoni, konformement mal-Artikoli 558 et seq. u 695 [tal-LEC].

    Din id-dispożizzjoni tranżitorja tapplika għal kull proċedura ta’ infurzar li ma tkunx wasslet għat-teħid tal-pussess tal-proprjetà immobbli mix-xerrej konformement mal-Artikolu 675 [tal-LEC].

    3. Bl-istess mod, fil-proċeduri ta’ infurzar pendenti u li fihom, fid-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, it-terminu għal oppożizzjoni ta’ għaxart ijiem previst fl-Artikolu 556(1) [tal-LEC] ikun diġà beda jiddekorri, il-partijiet li kontra tagħhom l-infurzar ikun qiegħed jintalab għandu jkollhom l-istess terminu ta’ dekadenza ta’ xahar previst fil-paragrafu preċedenti biex iressqu oppożizzjoni fuq il-bażi ta’ kwalunkwe wieħed mill-motivi ta’ oppożizzjoni previsti fl-Artikoli 557 u 695 [tal-LEC].

    4. Il-pubblikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tgħodd bħala komunikazzjoni kompluta u valida għall-finijiet tan-notifika tal-kalkolu tat-termini previsti fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-artikolu, peress li fl-ebda każ ma hija neċessarja l-adozzjoni ta’ deċiżjoni espressa għal dan il-għan. […]”

    15

    Il-Ley 5/2019 reguladora de los contratos de kredito inmobiliario (il-Liġi 5/2019 dwar il-Kuntratti ta’ Kreditu fuq Immobbli), tal‑15 ta’ Marzu 2019 (BOE Nru 65, tas‑16 ta’ Marzu 2019, p. 26329), tinkludi t-tielet dispożizzjoni tranżitorja, dwar is-sistema speċjali tal-proċeduri ta’ infurzar pendenti meta daħlet fis-seħħ il-Liġi 1/2013. Skont din id-dispożizzjoni, il-konvenuti fil-proċeduri ta’ infurzar pendenti fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi 5/2019 li fihom it-terminu għal oppożizzjoni ta’ għaxart ijiem previst fl-Artikolu 556(1) tal-LEC kien skada fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi 1/2013 għandhom mill-ġdid terminu ta’ għaxart ijiem sabiex jippreżentaw talba inċidentali straordinarja għal oppożizzjoni billi jinvokaw l-eżistenza ta’ klawżoli ta’ natura inġusta. Id-dritt mogħti b’dan il-mod mill-imsemmija dispożizzjoni tranżitorja japplika għall-proċeduri kollha ta’ infurzar li ma wasslux sabiex ix-xerrej tal-proprjetà immobbli jidħol fil-pussess tagħha, sakemm, b’mod partikolari, il-qorti ma tkunx diġà vverifikat ex officio n-natura inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt.

    Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

    16

    Permezz ta’ kuntratt konkluż permezz ta’ att awtentiku tas‑6 ta’ Mejju 2005, Ibercaja Banco tat lil PO u lil MA self ipotekarju fl-ammont ta’ EUR 198400, rimborsabbli qabel il‑31 ta’ Mejju 2040. Dan is-self kien iggarantit b’ipoteka kkostitwita fuq residenza ta’ familja waħda, stmata għal EUR 299290.

    17

    Is-self ġie sottoskritt bir-rata fissa ta’ 2.75 % fis-sena sat‑30 ta’ Novembru 2005, imbagħad b’ rata varjabbli minn dik id-data u sa tmiem il-kuntratt. Konformement mal-klawżola 3a ta’ dan il-kuntratt, ir-rata varjabbli kienet tirriżulta mill-addizzjoni tal-marġni kostanti, jew differenzjali kostanti, mar-rata ta’ riferiment u kienet iffissata għat-tul kollu tal-kuntratt għal 0.95 punt, jew inqas jekk il-kundizzjonijiet oġġettivi ta’ konnessjoni stipulati kienu ssodisfatti. Fi kwalunkwe każ, ġie miftiehem li d-differenza minima applikata għar-rata ta’ riferiment kienet tammonta għal 0.50 % (iktar ’il quddiem, il-“klawżola bażi”). Ir-rata nominali annwali tal-interessi moratorji, prevista mill-klawżola 6 tal-imsemmi kuntratt, ġiet stabbilita għal 19 % (iktar ’il quddiem il-“klawżola dwar l-interessi moratorji”). Il-klawżola 6a tal-istess kuntratt kienet tistabbilixxi li l-istabbiliment bankarju seta’ jitlob l-ammont sħiħ tas-self fil-każ ta’ inadempjenza fil-ħlas ta’ kwalunkwe ammont dovut (iktar ’il quddiem il-“klawżola ta’ ħlas aċċellerat”).

    18

    Peress li MA u PO ma ħallsux l-ammont tal-pagamenti mensili ta’ rimbors relatati mal-perijodu inkluż bejn il‑31 ta’ Mejju u l‑31 ta’ Ottubru 2014, Ibercaja Banco ressqet, fit‑30 ta’ Diċembru 2014, talba għall-infurzar tal-ipoteka. Hija talbithom is-somma ta’ EUR 164 676.53, li tikkorrispondi għall-kapital u għall-interessi dovuti u mhux imħallsa mill‑5 ta’ Novembru 2014, flimkien mal-ammont ta’ EUR 49402, ikkalkolat provviżorjament, bla ħsara għal aġġustament sussegwenti tal-interessi moratorji, ikkakolati bir-rata nominali annwali ta’ 12 % mill-għeluq tal-kont fil‑5 ta’ Novembru 2014 sal-pagament sħiħ.

    19

    Permezz ta’ digriet tas‑26 ta’ Jannar 2015, il-qorti kompetenti ddeċidiet favur l-infurzar tat-titolu ipotekarju miżmum minn Ibercaja Banco u awtorizzat l-infurzar kontra MA u PO għall-ammont mitlub, ordnatilhom iħallsu u tagħthom terminu ta’ 10 ijiem sabiex jopponu l-infurzar skont l-Artikolu 695 tal-LEC. Fl-istess jum, ir-Reġistru ta’ din il-qorti talab lir-Registro de la propiedad (ir-Reġistru tal-Proprjetà, Spanja) il-komunikazzjoni ta’ ċertifikat ta’ proprjetà u drittijiet in rem oħra u ta’ ċertifikat tal-eżistenza ta’ ipoteka favur Ibercaja Banco.

    20

    L-imsemmi digriet u l-imsemmija deċiżjoni ġew innotifikati lil MA u PO, fid‑9 ta’ Frar 2015 u fit‑18 ta’ Frar 2015 rispettivament.

    21

    Wara l-mewt ta’ PO, l-eredi legali tiegħu, SP u JK, ġew irrikonoxxuti bħala partijiet fil-kawża permezz ta’ digriet tad‑9 ta’ Ġunju 2016.

    22

    Permezz ta’ digriet tat‑28 ta’ Ġunju 2016, mogħti fuq talba ta’ Ibercaja Banco, il-qorti tal-infurzar organizzat bejgħ bl-irkant tal-proprjetà ipotekata, li matulu ħadd ma għamel offerta. Ibercaja Banco talbet li l-proprjetà immobbli tiġi aġġudikata lilha għas-somma ta’ EUR 179574, filwaqt li indikat li hija kellha l-intenzjoni tittrasferixxi d-drittijiet ta’ akkwist tal-proprjetà lil Residencial Murillo SA, bil-kunsens tagħha. Ibercaja Banco pprovdiet prova ta’ depożitu tas-somma msemmija iktar ’il fuq, li tikkorrispondi għall-ammont tal-bejgħ bl-irkant.

    23

    Fil‑25 ta’ Ottubru 2016, Ibercaja Banco talbet il-ħlas tal-ispejjeż, stmati għal EUR 2 886.19, u dak tal-interessi għal ammont ta’ EUR 32 538.28, liema ammont inkiseb bl-applikazzjoni ta’ rata ta’ 12 % skont id-dispożizzjonijiet tal-Liġi 1/2013. Din it-talba ġiet innotifikata lill-parti li kontra tagħha l-infurzar kien intalab.

    24

    Fid‑9 ta’ Novembru 2016, MA għamlet oppożizzjoni bil-miktub għat-talba għall-ħlas tal-interessi, billi invokat in-natura inġusta tal-klawżola dwar l-interessi moratorji u tal-klawżola bażi.

    25

    Permezz ta’ digriet tat‑8 ta’ Marzu 2017, il-Juzgado de Primera Instancia Nru 2 de Zaragoza (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 2 ta’ Zaragoza, Spanja), wara li kkonstatat li l-klawżola ta’ ħlas antiċipat setgħet kienet inġusta, iddeċidiet, fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċess, li teżamina n-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli tat-titolu li jista’ jiġi infurzat. Hija tat lill-partijiet terminu ta’ ħmistax-il jum sabiex ikunu jistgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward kif ukoll dwar sospensjoni possibbli tal-proċedura.

    26

    Ibercaja Banco opponiet is-sospensjoni tal-proċedura u sostniet li n-natura inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt ma setgħetx tiġi kkonstatata iktar, minħabba li d-drittijiet marbuta mal-bejgħ bl-irkant kienu ġew ittrasferiti u li l-ispejjeż kienu ġew intaxxati. Ibercaja Banco fakkret li, fi kwalunkwe każ, hija ma kinitx talbet il-ħlas tal-interessi moratorji bir-rata ta’ 19 % u li diversi skadenzi ta’ rimbors ma kinux tħallsu meta il-kont kien ingħalaq.

    27

    Permezz ta’ digriet tal‑20 ta’ Novembru 2017, il-Juzgado de Primera Instancia Nru 2 de Zaragoza (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 2 ta’ Zaragoza) ikkonstatat in-natura inġusta tal-klawżola ta’ ħlas antiċipat, u ordnat li ma hemmx lok għall-infurzar, mingħajr imputazzjoni tal-ispejjeż. Ibercaja Banco appellat minn dan id-digriet quddiem l-Audiencia Provincial de Zaragoza (il-Qorti Provinċjali ta’ Zaragoza, Spanja).

    28

    Permezz ta’ digriet tat‑28 ta’ Marzu 2018, il-qorti tal-appell bidlet id-digriet tal‑20 ta’ Novembru 2017 u ordnat it-tkomplija tal-proċedura ta’ infurzar, minħabba li n-natura inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt ta’ self ma setgħetx tiġi eżaminata iktar, peress li dan il-kuntratt kien diġà daħal fis-seħħ, peress li l-garanzija ipotekarja kienet diġà ġiet infurzata u d-dritt ta’ proprjetà kien ġie ttrasferit. Il-qorti tal-appell għalhekk ibbażat ruħha fuq il-prinċipju ta’ ċertezza legali tar-relazzjonijiet ta’ proprjetà li diġà nħolqu.

    29

    Permezz ta’ digriet tal‑31 ta’ Lulju 2018, il-Juzgado de Primera Instancia Nru 2 de Zaragoza (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 2 ta’ Zaragoza) ċaħdet il-kontestazzjoni dwar id-determinazzjoni tal-ammont tal-interessi, u għalhekk approvat l-ammont ta’ EUR 32 389.89, għar-raġuni li, peress li l-proċedura tressqet wara l-Liġi 1/2013 mingħajr ma tressqet ebda oppożizzjoni inċidentali, in-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli ma setgħetx tiġi eżaminata iktar minħabba l-awtorità ta’ res judicata marbuta mad-digriet tas‑26 ta’ Jannar 2015.

    30

    MA appellat minn dan id-digriet quddiem l-Audiencia Provincial de Zaragoza (il-Qorti Provinċjali ta’ Zaragoza).

    31

    Din il-qorti tesponi li, skont il-modalitajiet proċedurali tal-proċedura ta’ infurzar ta’ ipoteka previsti mid-dritt Spanjol, il-qorti hija obbligata, matul l-ewwel stadju tal-proċedura, teżamina ex officio, skont l-Artikolu 552 tal-LEC, in-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli li jinsabu fil-kuntratt ta’ self ipotekarju li jifforma l-bażi tal-ordni ta’ infurzar. Dan l-eżami jimplika evalwazzjoni negattiva, fis-sens li l-qorti ma tipprovdi ebda motivazzjoni espliċita fid-deċiżjoni li tawtorizza l-infurzar ta’ ipotekarja fir-rigward tal-klawżoli minbarra dawk li jitqiesu li huma inġusti. Konsegwentement, il-qrati nazzjonali ma jistgħux iqajmu n-natura inġusta tal-klawżoli fi stadju sussegwenti tal-proċedura u, bl-istess mod, il-konsumatur li ma jippreżentax oppożizzjoni għall-infurzar fit-terminu previst, ma jistax jinvoka n-natura inġusta tal-klawżoli fl-istess proċedura jew fi proċeduri dikjaratorji sussegwenti. Għalhekk tqum il-kwistjoni dwar jekk dawn il-modalitajiet proċedurali humiex konformi mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 u mal-prinċipju ta’ effettività.

    32

    Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi minn liema mument il-proċedura ta’ infurzar ta’ ipoteka għandha titqies magħluqa fir-rigward tal-eżami tan-natura inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali, jew mill-qorti li taġixxi ex officio jew fuq talba tal-parti kkonċernata mill-infurzar. B’mod iktar preċiż, tqum il-kwistjoni dwar jekk tmiem din il-proċedura jseħħx meta tkun saret il-garanzija ipotekarja, il-proprjetà ipotekata tkun inbiegħet u d-drittijiet ta’ proprjetà fuq dan il-beni jkunu ġew ittrasferiti jew jekk, bil-kontra, l-imsemmija proċedura ma tkunx intemmet wara t-trasferiment tal-proprjetà u l-eżami tan-natura inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali jibqa’ possibbli sal-mument meta d-debitur jitkeċċa mill-proprjetà, li jista’ jwassal għall-annullament tal-proċedura ta’ infurzar ta’ ipoteka jew jaffettwa l-kundizzjonijiet li fihom tkun sar il-bejgħ bl-irkant tal-proprjetà.

    33

    Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Audiencia Provincial de Zaragoza (il-Qorti Provinċjali ta’ Zaragoza) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Regola nazzjonali li minnha jirriżulta li, jekk klawżola inġusta speċifika tkun għaddiet mill-istħarriġ ġudizzjarju ex officio inizjali mwettaq waqt l-awtorizzazzjoni tal-eżekuzzjoni, [jiġifieri,] stħarriġ negattiv tal-validità tal-klawżoli tagħha, dan l-istħarriġ jipprojbixxi li, sussegwentement, l-istess qorti tkun tista’ tevalwaha ex officio, meta diġà mill-ewwel mument kienu jeżistu l-punti ta’ fatt u ta’ liġi [li jippermettu li tiġi ddefinita din in-natura inġusta], anki jekk dan l-istħarriġ inizjali ma għamel, la fid-dispożittiv tiegħu u lanqas fil-motivazzjoni tiegħu, ebda kunsiderazzjoni dwar il-validità tal-klawżoli tagħha, hija konformi mal-prinċipju ta’ effettività previst fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE (1), hekk kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja?

    2)

    Il-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni li, filwaqt li diġà jkunu jeżistu l-punti ta’ fatt [u] ta’ liġi li jiddeterminaw in-natura inġusta ta’ klawżola f’kuntratt konkluż mal-konsumatur, ma topponihiex fil-kuntest tal-opożizzjoni inċidentali prevista għal dan il-għan mil-liġi, tista’, wara li tkun ġiet deċiża din l-oppożizzjoni inċidentali, tressaq talba inċidentali ġdida intiża sabiex tiġi deċiża n-natura inġusta ta’ klawżola oħra jew ta’ klawżoli oħra, meta hija diġà kienet setgħet opponithom inizjalment permezz tal-proċedura ordinarja prevista mil-liġi? Fi kliem ieħor, hemm effett ta’ dekadenza, li jimpedixxi lill-konsumatur milli jqajjem għal darb’oħra n-natura inġusta ta’ klawżola oħra fil-kuntest tal-istess proċeduri ta’ eżekuzzjoni u, inkluż, fi proċeduri dikjaratorji sussegwenti?

    3)

    Fil-każ li jitqies li l-konklużjoni, li l-parti ma tistax tressaq tieni opożizzjoni inċidentali jew opożizzjoni inċidentali sussegwenti sabiex tinvoka n-natura inġusta ta’ klawżola li hija setgħet topponi preċedentement peress li diġà kienu ddefiniti l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji, hija konformi mad-Direttiva 93/13, dan jista’ jservi ta’ bażi għal użu bħala mezz li bih il-qorti, avżata dwar din in-natura inġusta, tkun tista’ teżerċita s-setgħa ta’ stħarriġ tagħha ex officio?

    4)

    Ladarba l-bejgħ bl-irkant ikun ġie aċċettat u l-proprjetà immobbli tkun ingħatat, potenzjalment lill-istess kreditur, u ladarba anki jkun sar it-trasferiment tal-proprjetà tal-beni mogħtija bħala garanzija, tkun konformi mad-dritt tal-Unjoni interpretazzjoni li abbażi tagħha, ladarba l-proċeduri [jkunu intemmu], u l-għan tagħhom ikun intlaħaq, [jiġifieri] it-twettiq tal-garanzija, id-debitur jista’ jressaq talbiet inċidentali ġodda intiżi sabiex tiġi kkonstatata l-invalidità ta’ xi klażwola inġusta li kellha effett fuq il-proċeduri ta’ eżekuzzjoni, jew jista’ [jsir], wara li jkun seħħ it-trasferiment tal-proprjetà, li jista’ jkun [favur] il-kreditur u dan ikun ġie rreġistrat fir-Reġistru tal-Artijiet, stħarriġ ex officio li jwassal għall-annullament tal-proċeduri ta’ eżekuzzjoni kollha jew fl-aħħar mill-aħħar jaffettwa l-ammonti koperti mill-ipoteka, li jista’ jaffettwa l-kundizzjonijiet li fihom saru l-offerti?”

    Fuq id‑domandi preliminari

    Fuq l‑ewwel sat‑tliet domanda

    34

    Permezz tal-ewwel sat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, minħabba l-effett tal-awtorità ta’ res judicata u tad-dekadenza, ma tippermetti la lill-qorti li teżamina ex officio n-natura inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali fil-kuntest ta’ proċedura ta’ infurzar ta’ ipoteka, u lanqas ma tippermetti lill-konsumatur, wara l-iskadenza tat-terminu sabiex issir oppożizzjoni, jinvoka n-natura inġusta ta’ dawn il-klawżoli f’din il-proċedura jew fi proċedura dikjaratorja sussegwenti, meta l-imsemmija klawżoli jkunu diġà ġew suġġetti, fil-mument tal-ftuħ tal-proċedura ta’ infurzar ta’ ipoteka, għal eżami ex officio mill-qorti dwar in-natura eventwalment inġusta tagħhom, iżda li d-deċiżjoni ġudizzjarja li tawtorizza l-infurzar tal-ipoteka ma tkun tinkludi ebda motiv, anki jekk fil-qosor, li juri l-eżistenza ta’ dan l-eżami u lanqas ma tindika li l-evalwazzjoni magħmula minn din il-qorti fi tmiem l-imsemmi eżami mhux ser tkun tista’ tiġi ikkontestata iktar jekk ma ssirx oppożizzjoni fl-imsemmi terminu.

    35

    Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sistema ta’ protezzjoni implimentata mid-Direttiva 93/13 hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità fil-konfront tal-bejjiegħ jew tal-fornitur kemm fir-rigward tas-setgħa ta’ negozjar kif ukoll fir-rigward tal-livell ta’ informazzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus, C‑421/14, EU:C:2017:60, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    36

    Fir-rigward ta’ din is-sitwazzjoni ta’ inferjorità, l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-klawżoli inġusti ma jorbtux lill-konsumaturi. Din hija dispożizzjoni obbligatorja li hija intiża li tissostitwixxi l-bilanċ formali stabbilit mill-kuntratt bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti b’bilanċ reali ta’ natura li jistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza bejn dawn tal-aħħar (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus, C‑421/14, EU:C:2017:60, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    37

    F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà qieset diversi drabi li l-qorti nazzjonali għandha tevalwa ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 u, meta tagħmel dan, għandha tirrimedja l-iżbilanċ li jeżisti bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew fornitur, meta jkollha l-punti ta’ liġi u ta’ fatt meħtieġa għal dan il-għan (sentenzi tal‑14 ta’ Marzu 2013, Aziz, C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata, tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15 (EU:C:2016:980, punt 58, kif ukoll tas‑26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus, C‑421/14, EU:C:2017:60, punt 43).

    38

    Barra minn hekk, id-Direttiva 93/13 timponi fuq l-Istati Membri, kif jirriżulta mill-Artikolu 7(1) tagħha, moqri flimkien mal-erbgħa u għoxrin premessa tagħha, li jipprovdu mezzi adegwati u effettivi biex itemmu l-użu ta’ klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri (sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2019, Addiko Bank, C‑407/18, EU:C:2019:537, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    39

    Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddefinixxiet, diversi drabi u b’teħid inkunsiderazzjoni tar-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1) kif ukoll tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, il-mod li bih il-qorti nazzjonali għandha tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet li l-konsumaturi jisiltu minn din id-direttiva, xorta jibqa’ l-fatt li, bħala prinċipju, id-dritt tal-Unjoni ma jarmonizzax il-proċeduri applikabbli għall-eżami tan-natura allegatament inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, u li dawn jaqgħu, għaldaqstant, taħt l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li dawn ma jagħmlux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2019, Addiko Bank, C‑407/18, EU:C:2019:537, punti 4546 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    40

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi ddeterminat jekk dawn id-dispożizzjonijiet jeżiġux lill-qorti tal-infurzar tistħarreġ in-natura eventwalment inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali minkejja r-regoli proċedurali nazzjonali li jimplimentaw il-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata fir-rigward ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li ma tirrifletti b’mod espliċitu ebda eżami fuq dan il-punt.

    41

    F’dan ir-rigward, għandha titfakkar l-importanza li għandu, kemm fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni kif ukoll fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, il-prinċipju ta’ res judicata. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tippreċiża li, sabiex tiżgura kemm l-istabbiltà tad-dritt u tar-relazzjonijiet ġuridiċi kif ukoll tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa neċessarju li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji li jkunu saru finali wara li jiġu eżawriti r-rimedji ġudizzjarji disponibbli jew wara l-iskadenza tat-termini previsti għall-eżerċizzju ta’ dawn ir-rimedji ma jkunux jistgħu jiġu iktar ikkontestati (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones, C‑40/08, EU:C:2009:615, punti 3536, kif ukoll tas‑26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus, C‑421/14, EU:C:2017:60, punt 46).

    42

    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-protezzjoni tal-konsumatur ma hijiex assoluta. B’mod partikolari, hija qieset li d-dritt tal-Unjoni ma jimponix fuq qorti nazzjonali li ma tapplikax ir-regoli proċedurali interni li jagħtu l-awtorità tar-res judicata lil deċiżjoni, anki jekk dan jippermetti li jingħata rimedju għal ksur ta’ dispożizzjoni, irrispettivament min-natura tagħha, inkluża fid-Direttiva 93/13 (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones, C‑40/08, EU:C:2009:615, punt 37, kif ukoll tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 68), bla ħsara madankollu, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, tal-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

    43

    Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha ebda prova tali li tqajjem dubju dwar il-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma’ dan il-prinċipju. Mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li d-dritt nazzjonali jippermetti lill-qorti tal-infurzar teżamina mill-ġdid deċiżjoni ġudizzjarja li jkollha l-awtorità ta’ res judicata, anki fil-preżenza ta’ ksur eventwali tar-regoli ta’ ordni pubbliku nazzjonali.

    44

    F’dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ effettività, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kull każ fejn tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tagħmilx impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi analizzat billi jittieħed inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u l-karatteristiċi partikolari tagħha, kif ukoll, fejn rilevanti, il-prinċipji li fuqhom huwa bbażat l-ordinament ġuridiku nazzjonali, bħalma huma l-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment korrett tal-proċedura (sentenza tat‑22 ta’ April 2021, Profi Credit Slovakia, C‑485/19, EU:C:2021:313, punt 53). Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività ma tistax madankollu tasal sabiex tissostitwixxi kompletament il-passività totali tal-konsumatur ikkonċernat (sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2015, ERSTE Bank Hungary, C‑32/14, EU:C:2015:637, punt 62).

    45

    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw l-effettività tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni jimplika, b’mod partikolari għad-drittijiet li jirriżultaw mid-Direttiva 93/13, rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, affermata mill-ġdid fl-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva u stabbilita ukoll fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li tapplika, fost oħrajn, għal dak li jirrigwarda d-definizzjoni tal-modalitajiet proċedurali relatati mal-azzjonijiet ġudizzjarji bbażati fuq tali drittijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance, C‑776/19 sa C‑782/19, EU:C:2021:470, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    46

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fl-assenza ta’ stħarriġ effettiv tan-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt ikkonċernat, ir-rispett tad-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 93/13 ma jistax jiġi ggarantit (sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2020, Kancelaria Medius, C‑495/19, EU:C:2020:431, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    47

    Minn dan isegwi li l-kundizzjonijiet stabbiliti mid-drittijiet nazzjonali, li għalihom jirreferi l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, ma jistgħux jippreġudikaw is-sustanza tad-dritt li l-konsumaturi jisiltu minn din id-dispożizzjoni li ma jkunux marbuta minn klawżola meqjusa inġusta (sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 71 kif ukoll tas‑26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus, C‑421/14, EU:C:2017:60, punt 51).

    48

    Fil-kawża prinċipali, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, waqt il-ftuħ tal-proċedura ta’ infurzar, kif diġà ġie rrilevat parzjalment fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, il-qorti kompetenti eżaminat ex officio l-kwistjoni dwar jekk waħda mill-klawżoli tal-kuntratt inkwistjoni setgħetx tiġi kklassifikata bħala inġusta. Wara li qieset li dan ma kienx il-każ, hija ordnat l-infurzar mingħajr ma l-istħarriġ ex officio li kienet wettqet kien espressament imsemmi fid-deċiżjoni tagħha. Minn din id-deċiżjoni jirriżulta wkoll li, fl-iskadenza ta’ terminu ta’ għaxart ijiem, li jiddekorri min-notifika tagħha sabiex issir oppożizzjoni għall-infurzar, il-konvenut ma jistax jikkontesta l-infurzar, inkluż għal raġunijiet ibbażati fuq in-natura potenzjalment inġusta ta’ klawżoli ta’ kuntratt konkluż ma’ bejjiegħ jew fornitur.

    49

    Peress li d-deċiżjoni li permezz tagħha l-qorti ordnat il-ftuħ tal-proċedura ta’ infurzar ta’ ipoteka ma tinkludi ebda motiv li juri l-eżistenza ta’ stħarriġ tan-natura inġusta tal-klawżoli tat-titolu li wassal għal din il-proċedura, il-konsumatur ma ġiex informat bl-eżistenza ta’ dan l-istħarriġ, u lanqas, tal-inqas fil-qosor, bil-motivi li abbażi tagħhom il-qorti qieset li l-klawżoli inkwistjoni ma kinux inġusti. Għaldaqstant, huwa ma setax jevalwa b’għarfien sħiħ tal-fatti jekk kienx hemm lok li jippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni.

    50

    Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-obbligu tal-qorti nazzjonali li twettaq eżami ex officio tan-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli kuntrattwali huwa ġġustifikat min-natura u mill-importanza tal-interess pubbliku li fuqu hija bbażata l-protezzjoni li d-Direttiva 93/13 tagħti lill-konsumaturi. Issa, stħarriġ effikaċi tan-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli kuntrattwali, kif meħtieġ mid-Direttiva 93/13, ma jistax jiġi ggarantit jekk l-awtorità ta’ res judicata tkun marbuta wkoll mad-deċiżjonijiet ġudizzjarji li ma jirreferux għal tali stħarriġ.

    51

    Min-naħa l-oħra, għandu jitqies li din il-protezzjoni tiġi żgurata jekk, fl-ipoteżi msemmija fil-punti 49 u 50 ta’ din is-sentenza, il-qorti nazzjonali tindika espliċitament, fid-deċiżjoni tagħha li tawtorizza l-infurzar tal-ipotekarja, li hija tkun wettqet eżami ex officio tan-natura inġusta tal-klawżoli tat-titolu li wasslu għall-proċedura ta’ infurzar tal-ipoteka, li dan l-eżami, motivat minn tal-inqas fil-qosor, ma jkun irrivela l-eżistenza ta’ ebda klawżola inġusta u li, fl-assenza ta’ oppożizzjoni mqajma fit-terminu stabbilit mid-dritt nazzjonali, il-konsumatur ikun prekluż milli jinvoka n-natura eventwalment inġusta ta’ dawn il-klawżoli.

    52

    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, minħabba l-effett tal-awtorità ta’ res judicata u tad-dekadenza, la tippermetti lill-qorti teżamina ex officio n-natura inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali fil-kuntest ta’ proċedura ta’ infurzar ta’ ipoteka, u lanqas ma tippermetti lill-konsumatur, wara l-iskadenza tat-terminu sabiex jagħmel oppożizzjoni, jinvoka n-natura inġusta ta’ dawn il-klawżoli f’din il-proċedura jew fi proċedura dikjaratorja sussegwenti, meta l-imsemmija klawżoli jkunu diġà ġew suġġetti, fil-mument tal-ftuħ tal-proċedura ta’ infurzar ta’ ipoteka, għal eżami ex officio mill-qorti dwar in-natura eventwalment inġusta tagħhom, iżda li d-deċiżjoni ġudizzjarja li tawtorizza l-infurzar tal-ipoteka ma tkun tinkludi ebda motiv, anki jekk fil-qosor, li juri l-eżistenza ta’ dan l-eżami u lanqas ma tindika li l-evalwazzjoni magħmula minn din il-qorti fi tmiem l-imsemmi eżami mhux ser tkun tista’ tiġi ikkontestata iktar jekk ma ssirx oppożizzjoni fl-imsemmi terminu.

    Fuq ir‑raba’ domanda

    53

    Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tawtorizzax lil qorti nazzjonali, li taġixxi ex officio jew fuq talba tal-konsumatur, teżamina n-natura eventwalment inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali meta tkun saret il-garanzija ipotekarja, il-proprjetà ipotekata tkun inbiegħet u d-drittijiet ta’ proprjetà fir-rigward tal-beni li jkun is-suġġett tal-kuntratt inkwistjoni jiġu ttrasferiti lil terz.

    54

    Għandu jitfakkar li, fil-punt 50 tas-sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2017, Banco Santander (C‑598/15, EU:C:2017:945), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 ma jistgħux jiġu applikati għal proċedura mibdija mill-aġġudikatur ta’ beni immobbli wara l-infurzar ekstraġudizzjarju tal-garanzija ipotekarja mogħtija fuq dan il-beni minn konsumatur favur kreditur bejjiegħ jew fornitur u li jkollha bħala għan il-protezzjoni tad-drittijiet in rem legalment akkwistati minn dan l-aġġudikatur sa fejn, minn naħa, din il-proċedura tkun indipendenti mir-relazzjoni legali li torbot il-kreditur bejjiegħ jew fornitur mal-konsumatur u, min-naħa l-oħra, il-garanzija ipotekarja tkun ġiet eżegwita, il-beni immobbli nbiegħ u d-drittijiet in rem marbutin magħha jkunu ġew ittrasferiti mingħajr ma l-konsumatur għamel użu mir-rimedji legali previsti f’dan il-kuntest. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, li l-proċeduri inkwistjoni ma kinux jikkonċernaw l-infurzar obbligatorju tal-garanzija ipotekarja u ma kinux ibbażati fuq il-kuntratt ta’ self ipotekarju.

    55

    Min-naħa l-oħra, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 71 tal-konklużjonijiet tiegħu, din il-kawża taqa’ fil-kuntest ta’ proċedura ta’ infurzar ta’ ipoteka relatata mar-relazzjoni legali eżistenti bejn konsumatur u kreditur bejjiegħ jew fornitur li kkonkludew kuntratt ta’ self ipotekarju.

    56

    Kif jirriżulta mir-risposta mogħtija għall-ewwel sat-tielet domanda, meta deċiżjoni ġudizzjarja li tawtorizza l-infurzar ta’ ipoteka tkun ittieħdet filwaqt li eżami ex officio tan-natura inġusta tal-klawżoli tat-titolu li jkun wassal għal din il-proċedura jkun preċedentement twettaq minn qorti iżda li din id-deċiżjoni ma tkun tikludi ebda motiv, anki jekk fil-qosor, li juri l-eżistenza ta’ dan l-eżami u lanqas ma jkun jindika li l-evalwazzjoni magħmula minn din il-qorti wara l-imsemmi eżami ma tkunx tista’ iktar tiġi kkontestata fl-assenza ta’ oppożizzjoni mressqa fit-terminu previst għal dan il-għan, la l-awtorità ta’ res judicata u lanqas id-dekadenza ma jistgħu jiġu invokati kontra l-konsumatur sabiex dan tal-aħħar jiċċaħħad mill-protezzjoni kontra l-klawżoli inġusti li huwa jislet mill-Arikolu 6(1) u mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, matul stadji sussegwenti ta’ din il-proċedura, bħal talba għall-ħlas tal-interessi dovuti lill-istabbiliment bankarju minħabba n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni mill-konsumatur tal-kuntratt ta’ self ipotekarju inkwistjoni jew ta’ proċedura dikjaratorja sussegwenti.

    57

    Madankollu, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, li fiha ntemmet il-proċedura ta’ infurzar ta’ ipoteka u d-drittijiet ta’ proprjetà fir-rigward ta’ dan l-oġġett ikunu ġew ittrasferiti lil terz, il-qorti, li taġixxi ex officio jew fuq talba tal-konsumatur, ma tistax iktar twettaq eżami tan-natura inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali li jwassal għall-annullament tal-atti li jittrasferixxu l-proprjetà u jikkontesta ċ-ċertezza legali tat-trasferiment ta’ proprjetà diġà mwettaq lejn terz.

    58

    Madankollu, f’tali sitwazzjoni, il-konsumatur għandu jkun f’pożizzjoni, konformement mal-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, li jinvoka fi proċedura sussegwenti distinta n-natura inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt ta’ self ipotekarju sabiex ikun jista’ jeżerċita b’mod effettiv u sħiħ id-drittijiet tiegħu taħt din id-direttiva, sabiex jikseb kumpens għad-dannu finanzjarju kkawżat mill-applikazzjoni ta’ dawn il-klawżoli.

    59

    Konsegwentement, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tawtorizzax lil qorti nazzjonali, li taġixxi ex officio jew fuq talba tal-konsumatur, teżamina n-natura eventwalment inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali meta tkun saret il-garanzija ipotekarja, il-proprjetà ipotekata tkun inbiegħet u d-drittijiet ta’ proprjetà fir-rigward ta’ dan il-beni jiġu ttrasferiti lil terz, bil-kundizzjoni li l-konsumatur li l-beni tiegħu jkun is-suġġett ta’ proċedura ta’ infurzar ta’ ipoteka jkun jista’ jinvoka d-drittijiet tiegħu matul proċedura sussegwenti bil-għan li jikseb kumpens, abbażi ta’ din id-direttiva, tal-konsegwenzi finanzjarji li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-klawżoli inġusti.

    Fuq l‑ispejjeż

    60

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, minħabba l-effett tal-awtorità ta’ res judicata u tad-dekadenza, la tippermetti lill-qorti teżamina ex officio n-natura inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali fil-kuntest ta’ proċedura ta’ infurzar ta’ ipoteka, u lanqas ma tippermetti lill-konsumatur, wara l-iskadenza tat-terminu sabiex jagħmel oppożizzjoni, jinvoka n-natura inġusta ta’ dawn il-klawżoli f’din il-proċedura jew fi proċedura dikjaratorja sussegwenti, meta l-imsemmija klawżoli jkunu diġà ġew suġġetti, fil-mument tal-ftuħ tal-proċedura ta’ infurzar ta’ ipoteka, għal eżami ex officio mill-qorti dwar in-natura eventwalment inġusta tagħhom, iżda li d-deċiżjoni ġudizzjarja li tawtorizza l-infurzar tal-ipoteka ma tkun tinkludi ebda motiv, anki jekk fil-qosor, li juri l-eżistenza ta’ dan l-eżami u lanqas ma tindika li l-evalwazzjoni magħmula minn din il-qorti fi tmiem l-imsemmi eżami mhux ser tkun tista’ tiġi ikkontestata iktar jekk ma ssirx oppożizzjoni fl-imsemmi terminu.

     

    2)

    L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tawtorizzax lil qorti nazzjonali, li taġixxi ex officio jew fuq talba tal-konsumatur, teżamina n-natura eventwalment inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali meta tkun saret il-garanzija ipotekarja, il-proprjetà ipotekata tkun inbiegħet u d-drittijiet ta’ proprjetà fir-rigward ta’ dan il-beni jiġu ttrasferiti lil terz, bil-kundizzjoni li l-konsumatur li l-beni tiegħu jkun is-suġġett ta’ proċedura ta’ infurzar ta’ ipoteka jkun jista’ jinvoka d-drittijiet tiegħu matul proċedura sussegwenti bil-għan li jikseb kumpens, abbażi ta’ din id-direttiva, tal-konsegwenzi finanzjarji li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-klawżoli inġusti.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

    Top