Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0584

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-8 ta’ Diċembru 2020.
Staatsanwaltschaft Wien vs A***** und weitere unbekannte Täter.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Landesgericht für Strafsachen Wien.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Ordni ta’ investigazzjoni Ewropea – Direttiva 2014/41/UE – Artikolu 1(1) – Artikolu 2(c)(i) u (ii) – Kunċetti ta’ ‘awtorità ġudizzjarja’ u ta’ ‘awtorità ġudizzjarja emittenti’ – Ordni ta’ investigazzjoni Ewropea maħruġa mill-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Stat Membru – Indipendenza fir-rigward tal-poter eżekuttiv.
Kawża C-584/19.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:1002

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

8 ta’ Diċembru 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Ordni ta’ investigazzjoni Ewropea – Direttiva 2014/41/UE – Artikolu 1(1) – Artikolu 2(c)(i) u (ii) – Kunċetti ta’ ‘awtorità ġudizzjarja’ u ta’ ‘awtorità ġudizzjarja emittenti’ – Ordni ta’ investigazzjoni Ewropea maħruġa mill-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Stat Membru – Indipendenza fir-rigward tal-poter eżekuttiv”

Fil-Kawża C‑584/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landesgericht für Strafsachen Wien (il-Qorti Kriminali Reġjonali ta’ Vjenna, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Awwissu 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Awwissu 2019, fil-proċedura kriminali kontra

A. et,

fil-preżenza ta’:

Staatsanwaltschaft Wien,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, A. Prechal, M. Vilaras, E. Regan, L. Bay Larsen, N. Piçarra, A. Kumin u N. Wahl, Presidenti ta’ Awla, T. von Danwitz, C. Toader, K. Jürimäe (Relatur), L. S. Rossi, I. Jarukaitis u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez‑Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Awstrijak, minn J. Schmoll, J. Herrnfeld u C. Leeb, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u M. Hellmann, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn L. Aguilera Ruiz, bħala aġent,

għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman, M. H. S. Gijzen u J. Langer, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Grünheid u R. Troosters, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Lulju 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1) u tal-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali (ĠU 2014, L 130, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ talba ta’ eżekuzzjoni, fl-Awstrija, ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea fil-qasam kriminali maħruġa mill-iStaatsanwaltschaft Hamburg (l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Hamburg, il-Ġermanja) fir-rigward ta’ A. u ta’ persuni oħra mhux magħrufa li huma ssuspettati li ffalsifikaw ordnijiet ta’ trasferiment bankarju.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 2, 5 sa 8, 10 sa 12, 15, 19, 21, 22, 34 u 39 tad-Direttiva 2014/41 huma fformulati kif ġej:

“(2)

Taħt l-Artikolu 82(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali fl-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi u deċiżjonijiet ġudizzjarji, li, mill-Kunsill Ewropew ta’ Tampere tal-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999 ’l hawn, ġie komunement imsejjaħ bħala bażi importanti tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali fi ħdan l-Unjoni.

[…]

(5)

Mill-adozzjoni tad-Deċiżjonijiet Kwadru [tal-Kunsill 2003/577/JHA tat-22 ta’ Lulju 2003 dwar it-twettiq fl-Unjoni Ewropea tal-mandati li jiffriżaw xi proprjetà jew xi evidenza (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 19, Vol. 6, p. 185) u 2008/978/ĠAI tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-Mandat Ewropew għall-Provi sabiex jinkisbu oġġetti, dokumenti u data għall-użu fi proċedimenti f’materji kriminali (ĠU 2008, L 350, p. 72)] ’l hawn, jidher ċar li l-qafas eżistenti għall-ġbir ta’ provi huwa wisq frammentat u kkumplikat. Għalhekk, huwa meħtieġ approċċ ġdid.

(6)

Fil-programm ta’ Stokkolma adottat mill-Kunsill Ewropew tal-10 sal-11 ta’ Diċembru 2009, il-Kunsill Ewropew ikkunsidra li l-istabbiliment ta’ sistema komprensiva għall-ksib ta’ provi f’każijiet b’dimensjoni transkonfinali, abbażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, għandu jitkompla. Il-Kunsill Ewropew indika li l-istrumenti eżistenti f’dan il-qasam kienu jikkostitwixxu reġim frammentarju u li kien meħtieġ approċċ ġdid, ibbażat fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li madankollu jżomm kont ukoll tal-flessibbiltà tas-sistema tradizzjonali ta’ assistenza legali reċiproka. Għaldaqstant, il-Kunsill Ewropew appella għal sistema komprensiva li tissostitwixxi l-istrumenti kollha eżistenti f’dan il-qasam, inkluża d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/978/ĠAI, li tkopri kemm jista’ jkun it-tipi kollha ta’ provi, li tinkludi skadenzi għall-infurzar u tillimita kemm jista’ jkun ir-raġunijiet għaċ-ċaħda.

(7)

Dan l-approċċ il-ġdid għandu jkun ibbażat fuq strument uniku msejjaħ l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew (OIE). L-OIE għandu jinħareġ għall-fini tat-twettiq ta’ miżura investigattiva speċifika waħda jew iżjed fl-Istat li jesegwixxi l-OIE (“l-Istat ta’ eżekuzzjoni”) bil-ħsieb li jinġabru l-provi. Dan jinkludi l-ksib ta’ provi li jkunu diġà fil-pussess tal-awtorità ta’ eżekuzzjoni.

(8)

L-OIE għandu jkun orizzontali fl-ambitu u għaldaqstant għandu japplika għall-miżuri investigattivi kollha mmirati biex jiġbru l-provi. Madankollu, it-twaqqif ta’ skwadra ta’ investigazzjoni konġunta u l-ġbir ta’ provi fi ħdan skwadra bħal din jeħtieġu regoli speċifiċi li jkun aħjar jekk jiġu ttrattati separatament. Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-istrumenti eżistenti għandhom għaldaqstant jibqgħu japplikaw għal din it-tip ta’ miżura investigattiva.

[…]

(10)

L-OIE għandu jiffoka fuq il-miżura investigattiva li għandha tiġi eżegwita. L-awtorità emittenti qiegħda fl-aħjar pożizzjoni li tiddeċiedi, abbażi tal-għarfien tagħha tad-dettalji tal-investigazzjoni kkonċernata, liema miżura investigattiva għandha tintuża. Madankollu, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha, fejn hu possibbli, tuża tip ieħor ta’ miżura investigattiva jekk il-miżura indikata ma teżistix taħt il-liġi nazzjonali tagħha jew ma tkunx disponibbli f’każ domestiku simili. Id-disponibbiltà għandha tirriferi għall-okkażjonijiet fejn il-miżura investigattiva indikata teżisti taħt il-liġi tal-Istat ta’ eżekuzzjoni iżda hija legalment disponibbli f’ċerti sitwazzjonijiet biss, pereżempju fejn il-miżura investigattiva tista’ tiġi eżegwita biss għal reati ta’ ċertu grad ta’ serjetà, kontra persuni li fir-rigward tagħhom diġà hemm grad ta’ suspett jew bil-kunsens tal-persuna kkonċernata. Għandu jkun permissibbli għall-awtorità ta’ eżekuzzjoni li tirrikorri għal tip ieħor ta’ miżura investigattiva fejn din tikseb l-istess riżultat bħall-miżura investigattiva prevista fl-OIE b’ mezzi li jinvolvu inqas indħil fid-drittijiet fundamentali.

(11)

L-OIE għandu jintgħażel fejn l-eżekuzzjoni ta’ miżura investigattiva tidher proporzjonata, adegwata u applikabbli għall-każ inkwistjoni. L-awtorità emittenti għandha għalhekk taċċerta jekk il-provi mfittxija humiex meħtieġa u proporzjonati għall-fini tal-proċedimenti, jekk il-miżura investigattiva magħżula hijiex meħtieġa u proporzjonata għall-ġbir ta’ dawn il-provi, u jekk, permezz tal-ħruġ ta’ OIE, Stat Membru ieħor għandux ikun involut fil-ġbir tal-prova konċernata. L-istess valutazzjoni għandha ssir fil-proċedura ta’ validazzjoni, meta tkun meħtieġa l-validazzjoni ta’ OIE taħt din id-Direttiva. L-eżekuzzjoni ta’ OIE ma għandhiex tiġi rrifjutata għal raġunijiet differenti minn dawk iddikjarati f’din id-Direttiva. Madankollu l-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tkun intitolata li tagħżel miżura investigattiva anqas intrusiva minn dik indikata fl-OIE jekk din tippermetti li jinkisbu riżultati simili.

(12)

Meta tinħareġ OIE l-awtorità emittenti li toħroġha għandha tagħti attenzjoni partikolari biex jiġi żgurat ir-rispett sħiħ għad-drittijiet stabbiliti fl-Artikolu 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”). Il-preżunzjoni tal-innoċenza u d-drittijiet ta’ difiża fi proċedimenti kriminali, huma pilastru tad-drittijiet fundamentali rikonoxxuti fil-Karta fil-qasam tal-ġustizzja kriminali. Kwalunkwe limitazzjoni ta’ tali drittijiet minn miżura investigattiva ordnata skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandha tkun konformi b’mod sħiħ mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 52 tal-Karta fir-rigward tan-neċessità, il-proporzjonalità u l-għanijiet li għandha tfittex, partikolarment il-ħarsien tad-drittijiet u l-libertajiet tal-oħrajn.

[…]

(15)

Din id-Direttiva għandha tiġi implimentata filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet [tad-Direttiva 2010/64/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali (ĠU 2010, L 280, p. 1), tad-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (ĠU 2012, L 142, p. 1) u tad-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà (ĠU 2013, L 294, p. 1)] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jinvolvu drittijiet proċedurali fi proċedimenti kriminali.

[…]

(19)

Il-ħolqien ta’ spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja fl-Unjoni huwa bbażat fuq fiduċja reċiproka u presunzjoni ta’ konformità, minn Stati Membri oħra, mad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mad-drittijiet fundamentali. Madankollu, dik il-presunzjoni hija konfutabbli. Konsegwentement, jekk ikun hemm raġunijiet sostantivi biex wieħed jemmen li l-eżekuzzjoni ta’ miżura investigattiva indikata fl-OIE tkun tirriżulta fi ksur ta’ dritt fundamentali tal-persuna kkonċernata u li l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ser jinjora l-obbligi tiegħu dwar il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali rikonoxxuti fil-Karta, l-eżekuzzjoni tal-OIE għandha tiġi rifjutata.

[…]

(21)

Huma meħtieġa limiti taż-żmien biex tiġi żgurata kooperazzjoni rapida, effettiva u konsistenti bejn l-Istati Membri f’materji kriminali. Deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni, u l-eżekuzzjoni proprja ta’ miżura investigattiva, għandhom jittieħdu bl-istess rapidità u prijorità bħal fir-rigward ta’ każ domestiku simili. Għandu jsir provvediment għal skadenzi ta’ żmien biex jiġi żgurat li d-deċiżjoni jew l-eżekuzzjoni jsiru fi żmien raġonevoli jew sabiex jiġu rispettati l-limitazzjonijiet proċedurali fl-Istat emittenti.

(22)

Ir-rimedji legali disponibbli kontra OIE għandhom ikunu tal-inqas ugwali għal dawk disponibbli fil-każ domestiku kontra l-miżura investigattiva kkonċernata. F’konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-applikabbiltà ta’ dawk ir-rimedji legali, anke billi jgħarrfu lill kwalunkwe parti interessata fiż-żmien tajjeb bil-possibbiltajiet u l-modi biex tfittixhom. Fil-każijiet fejn oġġezzjonijiet kontra OIE jiġu ppreżentati minn parti interessata fl-Istat ta’ eżekuzzjoni fir-rigward tar-raġunijiet sostantivi għall-ħruġ tal-OIE, ikun jaqbel li l-informazzjoni dwar tali kontestazzjoni tintbagħat lill-awtorità emittenti u li l-parti interessata tiġi infurmata b’dan.

[…]

(34)

Din id-Direttiva, permezz tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, tittratta biss miżuri provviżorji unikament bil-ħsieb tal-ġbir ta’ provi. […]

[…]

(39)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6 tat-[Trattat dwar l-Unjoni Ewropea] u fil-Karta, notevolment it-Titolu VI tagħha, fid-dritt internazzjonali u ftehimiet internazzjonali li għalihom l-Unjoni jew l-Istati Membri kollha huma Partijiet, inkluża l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, u fil-kostituzzjonijiet tal-Istati Membri fl-oqsma ta’ applikazzjoni rispettivi tagħhom. […]”

4

Taħt it-titolu “L-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew u l-obbligu li jiġi eżegwit”, l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   L-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew (OIE) huwa deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa jew validata minn awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru (‘l-Istat emittenti’) sabiex waħda jew aktar miżuri investigattivi speċifiċi jiġu eżegwiti fi Stat Membru ieħor (‘l-Istat ta’ eżekuzzjoni’) bil-ħsieb li jinkisbu provi f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

L-OIE jista’ jinħareġ ukoll biex jinkisbu provi li jkunu diġà fil-pussess tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jeżegwixxu kwalunkwe OIE abbażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u f’konformità ma’ din id-Direttiva.

3.   Il-ħruġ ta’ OIE jista’ jintalab minn persuna suspettata jew akkużata, jew minn avukat f’isimha, fi ħdan il-qafas tad-drittijiet ta’ difiża applikabbli f’konformità mal-proċedura kriminali nazzjonali.

4.   Din id-Direttiva m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett għad-drittijiet fundamentali ul-prinċipji legali kif sanċiti fl-Artikolu 6 tat-TUE, inklużi d-drittijiet ta’ difiża ta’ persuni suġġetti għal proċedimenti kriminali, u kwalunkwe obbligu li jaqa’ fuq l-awtoritajiet ġudizzjarji f’dan ir-rigward ma għandux jiġi affettwat.”

5

Skont l-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

c)

‘awtorità emittenti’ tfisser:

i)

imħallef, qorti, imħallef inkwirenti jew prosekutur pubbliku kompetenti fil-każ ikkonċernat; jew

ii)

kwalunkwe awtorità kompetenti oħra kif definita mill-Istat emittenti li, fil-każ speċifiku, qed taġixxi fil-kapaċità tagħha bħala awtorità ta’ investigazzjoni fi proċedimenti kriminali b’kompetenza li tordna l-ġbir ta’ provi f’konformità mal-liġi nazzjonali. Barra minn hekk, qabel ma jintbagħat lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni, l-OIE għandu jiġi vvalidat, wara eżami tal-konformità tiegħu mal-kondizzjonijiet għall-ħruġ ta’ OIE taħt din id-Direttiva, partikolarment il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(1), minn imħallef, qorti, imħallef inkwirenti jew prosekutur pubbliku fl-Istat emittenti. Fejn l-OIE jkun ġie validat minn awtorità ġudizzjarja, dik l-awtorità tista’ titqies ukoll bħala awtorità emittenti għall-finijiet ta’ trażmissjoni tal-OIE;

d)

‘awtorità ta’ eżekuzzjoni’ tfisser awtorità b’kompetenza li tirrikonoxxi OIE u tiżgura l-eżekuzzjoni tiegħu f’konformità ma’ din id-Direttiva u l-proċeduri applikabbli f’każ domestiku simili. Dawn il-proċeduri jistgħu jkunu jeħtieġu awtorizzazzjoni minn qorti fl-Istat ta’ eżekuzzjoni fejn dan ikun previst mil-liġi nazzjonali tiegħu.”

6

L-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni tal-OIE”, jipprovdi:

“L-OIE għandha tkopri kwalunkwe miżura investigattiva bl-eċċezzjoni tal-istabbiliment ta’ skwadra investigattiva konġunta u l-ġbir ta’ provi fi ħdan tali skwadra […]”

7

Skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/41, intitolat “Tipi ta’ proċeduri li għalihom tista’ tinħareġ l-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea”:

“OIE jista’ jinħareġ:

a)

fir-rigward ta’ proċedimenti kriminali istitwiti minn, jew li jistgħu jiġu istitwi quddiem, awtorità ġudizzjarja fir-rigward ta’ reat kriminali taħt il-liġi tal-Istat emittenti;

[…]

c)

fi proċedimenti istitwiti minn awtoritajiet ġudizzjarji fir-rigward ta’ atti li huma punibbli taħt il-liġi nazzjonali tal-Istat emittenti billi dawn ikunu jikkostitwixxu ksur tal-liġi u fejn id-deċiżjoni tista’ twassal għal proċedimenti quddiem qorti li jkollha ġuriżdizzjoni, b’mod partikolari, f’materji kriminali; u

[…]”

8

L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kondizzjonijiet għall-emissjoni u t-trażmissjoni ta’ OIE”, jipprovdi:

“1.   L-awtorità emittenti tista’ toħroġ OIE biss fejn tkun sodisfatta li ġew sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

a)

l-emissjoni tal-OIE tkun meħtieġa u proporzjonata għall-fini tal-proċedimenti msemmija fl-Artikolu 4 b’kont meħud tad-drittijiet tal-persuna suspettata jew akkużata; u

b)

il-miżura jew miżuri investigattivi indikati fl-OIE setgħu ġew ordnati taħt l-istess kondizzjonijiet f’każ domestiku simili.

2.   Il-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu vvalutati mill-awtorità emittenti f’kull każ.

3.   Fejn l-awtorità ta’ eżekuzzjoni jkollha raġuni għalxiex temmen li l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ma ġewx sodisfatti, hija tista’ tikkonsulta lill-awtorità emittenti dwar l-importanza li l-OIE jiġi eżegwit. Wara dik il-konsultazzjoni, l-awtorità emittenti tista’ tiddeċiedi li tirtira l-OIE.”

9

Fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu, l-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Rikonoxximent u eżekuzzjoni”, jipprovdi:

“1.   L-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tirrikonoxxi OIE, mibgħut f’konformità ma’ din id-Direttiva, mingħajr il-ħtieġa ta’ kwalunkwe formalità ulterjuri, u tiżgura l-eżekuzzjoni tiegħu bl-istess mod u taħt l-istess modalitajiet bħallikieku l-miżura investigattiva konċernata ġiet ordnata minn awtorità tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, sakemm dik l-awtorità ma tiddeċidix li tinvoka waħda mir-raġunijiet sabiex ma jingħatax ir-rikonoxximent jew ma ssirx l-eżekuzzjoni jew waħda mir-raġunijiet għal posponiment previsti f’din id-Direttiva.

2.   L-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tikkonforma mal-formalitajiet u l-proċeduri espressament indikati mill-awtorità emittenti sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’din id-Direttiva u sakemm dawn il-formalitajiet u proċeduri ma jmorrux kontra l-prinċipji fundamentali ta’ dritt tal-Istat ta’ eżekuzzjoni.

3.   Fejn awtorità ta’ eżekuzzjoni tirċievi OIE li ma jkunx inħareġ minn awtorità emittenti kif speċifikat fl-Artikolu 2(c), l-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tibgħat lura l-OIE lill-Istat emittenti.”

10

L-Artikolu 10 tal-istess direttiva, intitolat “Rikors għal tip differenti ta’ miżura investigattiva”, jipprovdi, fil-paragrafi 1, 3 u 4 tiegħu:

“1.   L-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandu jkollha, fejn possibbli, rikors għal miżura investigattiva differenti minn dik prevista fl-OIE fejn:

a)

il-miżura investigattiva indikata fl-OIE ma tkunx teżisti taħt il-liġi tal-Istat ta’ eżekuzzjoni; jew

b)

il-miżura investigattiva indikata fl-OIE ma tkunx disponibbli f’każ domestiku simili.

[…]

3.   L-awtorità ta’ eżekuzzjoni jista’ jkollha wkoll rikors għal miżura investigattiva għajr dik indikata fl-OIE fejn il-miżura investigattiva magħżula mill-awtorità ta’ eżekuzzjoni jkollha l-istess riżultat permezz ta’ mezzi inqas intrużivi mill-miżura indikata fl-OIE.

4.   Meta l-awtorità ta’ eżekuzzjoni tiddeċiedi li tagħmel użu mill-possibbiltà msemmija fil- paragrafi 1 u 3, hija għandha l-ewwelnett tinforma lill-awtorità emittenti, li tista’ tiddeċiedi li tirtira jew tissupplimenta l-OIE.”

11

L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2014/41, intitolat “Raġunijiet sabiex ma jingħatax ir-rikonoxximent jew ma ssirx l-eżekuzzjoni”, jelenka, fil-paragrafu 1 tiegħu, ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ rikonoxximent jew għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea fl-Istat ta’ eżekuzzjoni. Fost dawn ir-raġunijiet tinsab, fil-punt f ta’ din id-dispożizzjoni, l-eżistenza ta’ “raġunijiet sostantivi għalxiex jitwemmen li l-eżekuzzjoni ta’ miżura investigattiva indikata fl-OIE tkun inkompatibbli mal-obbligi tal-Istat ta’ eżekuzzjoni taħt l-Artikolu 6 tat-[Trattat dwar l-Unjoni Ewropea] u l-Karta”.

12

L-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva, intitolat, “Rimedji legali”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li rimedji legali ekwivalenti għal dawk disponibbli f’każ domestiku simili jkunu applikabbli għall-miżuri investigattivi indikati fl-OIE.

2.   Ir-raġunijiet sostantivi għall-ħruġ tal-OIE jistgħu jiġu kkontestati biss f’rikors fl-Istat emittenti, mingħajr preġudizzju għall-garanziji tad-drittijiet fundamentali fl-Istat ta’ eżekuzzjoni.

3.   Fejn dan ma jimminax il-ħtieġa li tiġi żgurata l-kunfidenzjalità ta’ investigazzjoni, taħt l-Artikolu 19(1), l-awtorità emittenti u l-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandhom jieħdu l-miżuri adatti biex jiżguraw li tkun ipprovduta informazzjoni dwar il-possibbiltajiet disponibbli taħt il-liġi nazzjonali għal tfittxija tar-rimedji legali meta dawn isiru applikabbli u fiż-żmien tajjeb biex jippermetti l-eżerċizzju effettiv tagħhom.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-iskadenzi għat-tfittxija ta’ rimedju legali jkunu l-istess bħal dawk previsti f’kawżi domestiċi simili u li jiġu applikati b’mod li jiggarantixxi l-possibbiltà tal-eżerċizzju effettiv ta’ dawn ir-rimedji legali għal-partijiet konċernati.

5.   L-awtorità emittenti u l-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandhom jinfurmaw lil xulxin dwar ir-rimedji legali mitluba kontra l-ħruġ, ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ OIE.

6.   Kontestazzjoni legali ma għandhiex tissospendi l-eżekuzzjoni tal-miżura investigattiva, ħlief jekk ikollha dak l-effett f’kawżi domestiċi simili.

7.   L-Istat emittenti għandu jieħu kont ta’ kontestazzjoni li jkollha suċċess kontra r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ OIE skont il-liġi nazzjonali. Mingħajr preġudizzju għar-regoli proċedurali nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li fi proċedimenti kriminali fl-Istat emittenti jkunu rispettati d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal proċedimenti ġusti meta ssir il-valutazzjoni tal-provi miksuba permezz tal-OIE.”

13

L-Artikoli 22 u 23 tal-imsemmija direttiva jinkludu dispożizzjonijiet partikolari dwar it-trasferiment temporanju ta’ persuni miżmuma rispettivament lejn l-Istat emittenti għall-finijiet tat-twettiq ta’ miżura investigattiva u lejn l-Istat ta’ eżekuzzjoni għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ miżura investigattiva.

Id-dritt nazzjonali

Id-dritt Ġermaniż

14

L-Artikolu 146 tal-Gerichtsverfassungsgesetz (il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni Ġudizzjarja) jipprovdi li l-uffiċjali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur għandhom isegwu l-istruzzjonijiet uffiċjali tas-superjur ġerarkiku tagħhom.

15

Skont l-Artikolu 147 ta’ din il-liġi:

“Is-setgħa ta’ superviżjoni u kontroll tikkorrispondi:

1.   għall-Ministru Federali tal-Ġustizzja u għall-Protezzjoni tal-Konsumatur fir-rigward tal-Prosekutur Federali Ġenerali u l-prosekuturi federali;

2.   għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja tal-Land fir-rigward tal-uffiċjali kollha tal-prosekutur pubbliku tal-Land ikkonċernat;

3.   għall-ogħla uffiċjal tal-prosekutur pubbliku quddiem il-qrati superjuri reġjonali ċivili u kriminali u quddiem il-qrati ċivili u kriminali reġjonali fir-rigward tal-uffiċjali kollha tal-prosekutur pubbliku quddiem il-qorti distrettwali kkonċernata.”

Id-dritt Awstrijak

16

Id-Direttiva 2014/41 ġiet trasposta fid-dritt Awstrijak permezz ta’ modifika fil-Bundesgesetz über die Justizielle Zusammenarbeit in Strafsachen mit den Mitgliedstaaten der Europäischen Union (il-Liġi Federali dwar il-Kooperazzjoni Ġudizzjarja f’Materji Kriminali mal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea), tal-15 ta’ Mejju 2018 (BGBl. I, 28/2018).

17

L-Artikolu 55(3) ta’ din il-liġi jipprovdi:

“Meta, fl-Istat emittenti, il-proċedura ma titmexxiex minn awtorità ġudizzjarja, ordni ta’ investigazzjoni Ewropea tista’ tiġi eżegwita biss jekk ikun possibbli li titressaq kawża quddiem qorti kontra d-deċiżjoni tal-awtorità emittenti u jekk l-ordni ta’ investigazzjoni tkun ġiet awtorizzata minn awtorità ġudizzjarja tal-Istat emittenti.”

It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

18

L-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Hamburg qiegħed imexxi investigazzjoni kriminali għal frodi kontra A. u persuni oħra mhux magħrufa. Dawn huma ssuspettati li, fix-xahar ta’ Lulju 2018, billi użaw data miksuba illegalment u b’intenzjoni frawdolenti, iffalsifikaw tlettax‑il ordni ta’ trasferiment bankarju li permezz tagħhom EUR 9 775.05 kienu jew kellhom jiġu ttrasferiti fuq kont bankarju miftuħ f’isem A. ma’ bank Awstrijak.

19

Għall-finijiet tal-istruttorja ta’ din il-kawża, l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Hamburg ħareġ, fil-15 ta’ Mejju 2019, ordni ta’ investigazzjoni Ewropea li huwa bagħat lill-iStaatsanwaltschaft Wien (l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Vjenna, l-Awstrija). Permezz ta’ din id-deċiżjoni, l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Hamburg jitlob lill-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Vjenna sabiex jibgħatlu kopji tar-rendikonti tal-kont bankarju inkwistjoni, għall-perijodu mill-1 ta’ Ġunju sat-30 ta’ Settembru 2018.

20

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont l-iStrafprozessordnung (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali Awstrijak), bank jista’ jkun obbligat li jibgħat rendikont ta’ kont bankarju biss permezz ta’ miżura investigattiva li għandha tiġi ordnata mill-Uffiċċju tal-Prosekutur abbażi ta’ awtorizzazzjoni ġudizzjarja. Għalhekk, mingħajr awtorizzazzjoni ġudizzjarja, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Awstrijak ma jistax jordna din il-miżura investigattiva.

21

Fil-31 ta’ Mejju 2019, l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Vjenna talab lil-Landesgericht für Strafsachen Wien (il-Qorti Reġjonali Kriminali ta’ Vjenna, l-Awstrija), li hija l-qorti tar-rinviju f’din il-kawża, tawtorizza l-imsemmija miżura investigattiva, sabiex ikun jista’ jġiegħel lill-bank ikkonċernat jikkomunika r-rendikonti tal-kontijiet imsemmija fl-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea.

22

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi madankollu jekk l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Hamburg, li ħareġ din id-deċiżjoni, jistax jiġi kkwalifikat bħala “awtorità ġudizzjarja”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/41. Hija tistaqsi wkoll jekk dan jistax jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “awtorità emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 2(c) ta’ din id-direttiva, u b’mod iktar partikolari taħt dik ta’ “prosekutur”, li tinsab fil-punt (i) ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, sa fejn, f’konformità mal-Artikoli 146 u 147 tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni Ġudizzjarja fis-seħħ fil-Ġermanja, dan l-Uffiċċju tal-Prosekutur jista’ jirċievi istruzzjonijiet, inkluż f’każijiet individwali, mill-Justizsenator von Hamburg (is-Senatur għall-Ġustizzja ta’ Hamburg, il-Ġermanja).

23

Dik il-qorti tirrileva f’dan ir-rigward li minn qari flimkien tal-Artikolu 1(1) u tal-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 2014/41 jirriżulta li, sabiex tkun tista’ tiġi eżegwita, l-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea għandha tinħareġ minn imħallef, qorti, qorti istruttorja jew prosekutur pubbliku, jew tiġi vvalidata minn waħda minn dawn l-awtoritajiet.

24

Madankollu, l-imsemmija qorti tenfasizza li, għalkemm id-Direttiva 2014/41 tistabbilixxi li l-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea hija deċiżjoni “ġudizzjarja”, din l-istess direttiva tipprevedi madankollu li tali deċiżjoni tista’ tinħareġ jew tiġi vvalidata minn prosekutur, meta mhux l-Uffiċċji tal-Prosekutur tal-Istati Membri kollha jissodisfaw il-kriterji kollha li għandhom jissodisfaw l-imħallfin jew il-qrati, b’mod partikolari, il-kriterju tal-indipendenza li, fuq il-livell estern, jippreżumi li l-istanza kkonċernata teżerċita l-funzjonijiet tagħha b’awtonomija sħiħa, mingħajr ma tkun suġġetta għal rabta ġerarkika jew ta’ subordinazzjoni fir-rigward ta’ kwalunkwe persuna u mingħajr ma tirċievi ordnijiet jew istruzzjonijiet tkun liema tkun l-oriġini tagħhom.

25

F’dan ir-rigward, hija tqis li l-motivi tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (L-Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) (C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456), kif ukoll tas-27 ta’ Mejju 2019, PF (Il-Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja) (C‑509/18, EU:C:2019:457), dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew imsemmi fid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584 tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34), huma applikabbli għall-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea.

26

Fil-fatt, id-Direttiva 2014/41 u d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 huma bbażati fuq l-istess prinċipji ta’ rikonoxximent u ta’ fiduċja reċiproċi. Huma jużaw l-istess kunċetti ta’ “awtorità ġudizzjarja” u ta’ “awtorità emittenti” u jinkludu lista eżawrjenti tar-raġunijiet li abbażi tagħhom l-Istat ta’ eżekuzzjoni jista’ jirrifjuta l-eżekuzzjoni, rispettivament, ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea u ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.

27

Il-qorti tar-rinviju tenfasizza madankollu li, kuntrarjament għad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, id-Direttiva 2014/41 tagħti espressament lill-prosekuturi l-kwalità ta’ “awtorità emittenti” u tippermettilhom joħorġu jew jivvalidaw deċiżjonijiet ta’ investigazzjoni Ewropea. Hija tikkunsidra li din id-direttiva tista’ għalhekk tiġi interpretata fis-sens li l-kwistjoni dwar jekk prosekutur huwiex espost jew le għar-riskju li jiġi suġġett għal istruzzjonijiet individwali tal-poter eżekuttiv hija irrilevanti fil-kuntest tagħha.

28

Barra minn hekk, dik il-qorti tesponi li r-rekwiżit tal-indipendenza tal-awtorità emittenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew huwa ġġustifikat mill-preġudizzju serju għad-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata kkawżat minn tali mandat, li jimplika ċaħda tal-libertà u trasferiment ta’ din il-persuna lejn Stat Membru ieħor. Fil-fehma tagħha, preġudizzju tal-istess natura jitwettaq bl-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea, li tkopri l-miżuri investigattivi kollha, inkluż tfittxija, sorveljanza viżwali jew orali jew sorveljanza tat-telekomunikazzjonijiet.

29

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża wkoll li, jekk l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Hamburg jitqies bħala “awtorità ġudizzjarja”, fis-sens tad-Direttiva 2014/41 u tal-Artikolu 55(3) tal-Liġi Federali dwar il-Kooperazzjoni Ġudizzjarja f’Materji Kriminali mal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, l-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi eżegwita fl-Awstrija, peress li l-kundizzjonijiet l-oħra kollha previsti mid-dritt nazzjonali huma ssodisfatti.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landesgericht für Zivilrechtssachen Wien (il-Qorti Kriminali Reġjonali ta’ Vjenna) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Il-kunċetti ta’ ‘awtorità ġudizzjarja’ skont l-Artikolu 1(1) tad-[Direttiva 2014/41] u ta’ ‘prosekutur pubbliku’ skont l-Artikolu 2(c)(i) tal-imsemmija direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li jifformaw parti minnhom anki l-uffiċċji tal-prosekutur pubbliku ta’ Stat Membru li, fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar il-ħruġ ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropew, huma esposti għar-riskju li jkunu suġġetti, direttament jew indirettament, għal ordnijiet jew għal struzzjonijiet individwali min-naħa tas-setgħa eżekuttiva, pereżempju mis-Senatur għall-Ġustizzja ta’ Hamburg?”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

31

Il-qorti tar-rinviju talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja li din il-kawża tiġi suġġetta għal proċedura mħaffa skont l-Artikolu 105(1) tar-Regoli ta’ Proċedura ta’ din tal-aħħar.

32

Insostenn tat-talba tagħha, hija ssostni, fl-ewwel lok, li jeżistu diversi proċeduri ta’ investigazzjoni li jqajmu l-istess kwistjoni bħal dik imqajma fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari u intiżi sabiex jiġi ddeterminat jekk id-deċiżjonijiet ta’ investigazzjoni Ewropea maħruġa mill-Uffiċċji tal-Prosekutur Ġermaniżi għandhomx jiġu eżegwiti. Barra minn hekk, din il-kwistjoni hija wkoll importanti għal Stati Membri oħra fejn, bħal fil-Ġermanja, l-Uffiċċji tal-Prosekutur huma esposti għar-riskju li jkunu suġġetti għal istruzzjonijiet individwali tal-poter eżekuttiv. Fit-tieni lok, minħabba li matul il-proċeduri ta’ investigazzjoni jiġu ppreġudikati d-drittijiet fundamentali tal-persuni mfittxija, tali proċeduri għandhom, kif previst mid-dritt Awstrijak, jingħalqu fl-iqsar żmien possibbli.

33

Mill-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura, jirriżulta li, fuq talba tal-qorti tar-rinviju jew, eċċezzjonalment, ex officio, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’, fejn in-natura tal-kawża titlob li din tiġi ttrattata fl-iqsar żmien possibbli, wara li jinstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, jiddeċiedi li jissottometti rinviju għal deċiżjoni preliminari għal proċedura mħaffa li tidderoga mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmija Regoli tal-Proċedura.

34

Fis-6 ta’ Settembru 2019, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, wara li sema’ lill-Imħallef Relatur u lill-Avukat Ġenerali, li jiċħad it-talba tal-qorti nazzjonali mfakkra fil-punt 31 ta’ din is-sentenza.

35

Fil-fatt, minn naħa, il-motiv ibbażat fuq li t-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea u, għalhekk, teżiġi risposta mogħtija malajr ma huwiex biżżejjed minnu nnifsu sabiex jiġġustifika li din il-kawża tiġi suġġetta għall-proċedura mħaffa msemmija fl-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura, peress li din tal-aħħar tikkostitwixxi strument proċedurali intiż sabiex jirrispondi għal sitwazzjoni ta’ urġenza straordinarja (ara, b’analoġija, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Settembru 2018, Minister for Justice and Equality, C‑508/18 u C‑509/18, mhux ippubblikat, EU:C:2018:766, punt 11 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

36

Min-naħa l-oħra, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li n-numru kbir ta’ persuni jew ta’ sitwazzjonijiet legali potenzjalment ikkonċernati mid-deċiżjoni li qorti tar-rinviju għandha tagħti wara li tkun ressqet talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jistax, bħala tali, jikkostitwixxi ċirkustanza eċċezzjonali ta’ natura li tiġġustifika l-użu ta’ proċedura mħaffa. L-istess japplika għan-numru kbir ta’ kawżi li jistgħu jiġu sospiżi fl-istennija għad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija dwar ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Settembru 2018, Minister for Justice and Equality, C‑508/18 u C‑509/18, mhux ippubblikat, EU:C:2018:766, punt 14 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

37

Madankollu, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda li din il-kawża għandha tiġi ttrattata bi prijorità, skont l-Artikolu 53(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

Fuq id-domanda preliminari

38

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 2014/41 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jaqgħu taħt il-kunċetti ta’ “awtorità ġudizzjarja” u ta’ “awtorità emittenti”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-prosekutur ta’ Stat Membru jew, b’mod iktar ġenerali, l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Stat Membru, indipendentement mir-relazzjoni ta’ subordinazzjoni legali li tista’ teżisti bejn dan il-prosekutur jew dan l-Uffiċċju tal-Prosekutur u l-poter eżekuttiv ta’ dan l-Istat Membru, u mill-espożizzjoni tal-imsemmi prosekutur jew tal-imsemmi Uffiċċju tal-Prosekutur għar-riskju li jiġu suġġetti, direttament jew indirettament, għal ordnijiet jew għal istruzzjonijiet individwali min-naħa ta’ dan il-poter fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea.

39

Preliminarjament, għandu jitfakkar li din id-direttiva għandha l-għan, kif jirriżulta mill-premessi 5 sa 8 tagħha, li tissostitwixxi l-qafas frammentarju u kumpless eżistenti fil-qasam tal-ksib ta’ provi fil-kawżi kriminali li għandhom dimensjoni transkonfinali u hija intiża, permezz tal-istabbiliment ta’ sistema ssemplifikata u iktar effikaċi bbażata fuq strument uniku msejjaħ “ordni ta’ investigazzjoni Ewropea”, li tiffaċilita u tħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja bil-għan li tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan mogħti lill-Unjoni li ssir spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja, billi sserraħ fuq il-grad ta’ fiduċja għoli li għandu jeżisti bejn l-Istati Membri.

40

F’dan ir-rigward, b’mod partikolari mill-premessi 2, 6 u 19 tal-imsemmija direttiva, jirriżulta li l-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea hija strument li jaqa’ taħt il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali msemmija fl-Artikolu 82(1) TFUE, li hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji. Dan il-prinċipju, li jikkostitwixxi l-“pedament” tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, huwa hu stess ibbażat fuq il-fiduċja reċiproka kif ukoll fuq il-preżunzjoni konfutabbli li l-Istati Membri l-oħra josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-drittijiet fundamentali.

41

F’dan il-kuntest, l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/41 jiddefinixxi l-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea bħala ordni ġudizzjarja maħruġa jew ivvalidata minn awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru sabiex tiġi eżegwita miżura jew diversi miżuri investigattivi speċifiċi fi Stat Membru ieħor bil-għan li jinkisbu provi, skont din id-direttiva, inklużi dawk li diġà huma fil-pussess tal-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat Membru.

42

L-Artikolu 2(c) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi dak li għandu jinftiehem, għall-finijiet tal-imsemmija direttiva, b’“awtorità emittenti”, billi jippreċiża, fil-punt (ii) ta’ din id-dispożizzjoni, li, meta ordni ta’ investigazzjoni Ewropea tinħareġ minn awtorità kompetenti tal-Istat Membru emittenti differenti minn dawk imsemmija fil-punt (i) ta’ din, din id-deċiżjoni għandha tiġi vvalidata minn “awtorità ġudizzjarja” qabel ma tiġi trażmessa lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni.

43

Skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2014/41, l-Istati Membri għandhom jeżegwixxu ordni ta’ investigazzjoni Ewropea abbażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

44

B’mod partikolari, skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2014/41, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tirrikonoxxi ordni ta’ investigazzjoni Ewropea, mingħajr ma tkun meħtieġa ebda formalità oħra, u għandha tiżgura li din tiġi eżegwita bl-istess mod u skont l-istess modalitajiet daqslikieku l-miżura investigattiva kkonċernata kienet ġiet ordnata minn awtorità tal-Istat ta’ eżekuzzjoni. Madankollu, skont din l-istess dispożizzjoni, din l-awtorità tista’ tiddeċiedi li ma teżegwixxix ordni ta’ investigazzjoni Ewropea billi tinvoka waħda mir-raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent jew nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew waħda mir-raġunijiet għal posponiment previsti minn din id-direttiva.

45

Barra minn hekk, l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2014/41 jipprevedi li, meta awtorità ta’ eżekuzzjoni tirċievi ordni ta’ investigazzjoni Ewropea li ma tkunx inħarġet minn awtorità emittenti, fis-sens tal-Artikolu 2(c) ta’ din id-direttiva, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tibgħat lura din id-deċiżjoni lill-Istat emittenti.

46

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta, minn naħa, li ordni ta’ investigazzjoni Ewropea tista’ tiġi eżegwita biss jekk l-awtorità emittenti tkun “awtorità emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 2(c) tal-imsemmija direttiva, u, min-naħa l-oħra, li, meta tali deċiżjoni tinħareġ minn awtorità emittenti differenti minn waħda minn dawk imsemmija fil-punt (i) ta’ din id-dispożizzjoni, din għandha tiġi vvalidata minn “awtorità ġudizzjarja” qabel ma tiġi trażmessa għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tagħha fi Stat Membru ieħor.

47

F’dan il-każ, id-domanda magħmula tirrigwarda, essenzjalment, il-punt dwar jekk prosekutur ta’ Stat Membru jew, b’mod iktar ġenerali, l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Stat Membru jissodisfax il-kunċetti ta’ “awtorità ġudizzjarja” u ta’ “awtorità emittenti”, fis-sens, rispettivament, tal-Artikolu 1(1) u tal-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 2014/41, meta dan ikun f’relazzjoni ta’ subordinazzjoni legali fir-rigward tal-poter eżekuttiv ta’ dan l-Istat Membru, fejn ikun espost għar-riskju li jiġi suġġett, direttament jew indirettament, għal ordnijiet jew għal istruzzjonijiet individwali min-naħa ta’ dan il-poter fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea.

48

Din id-domanda tqum sa fejn, kif jirriżulta mill-punt 25 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-applikabbiltà, fil-kuntest tad-Direttiva 2014/41, tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi tas-27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (L-Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) (C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punt 90), u tas-27 ta’ Mejju 2019, PF (Il-Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja) (C‑509/18, EU:C:2019:457, punt 57), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja emittenti”, li jinsab fl-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, fis-sens li, fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, hija ma tinkludix l-Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Stat Membru li huma esposti għal tali riskju.

49

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandu jiġi kkunsidrat mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (sentenza tat-3 ta’ Marzu 2020, X (Mandat ta’ arrest Ewropew – Kriminalità doppja), C‑717/18, EU:C:2020:142, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kliem tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, għandu qabelxejn jiġi rrilevat li, filwaqt li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584, b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tagħha, tuża l-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja emittenti” mingħajr ma tippreċiża l-awtoritajiet koperti minn dan il-kunċett, l-Artikolu 2(c)(i) tad-Direttiva 2014/41 jipprevedi espressament li l-prosekutur jinsab fost l-awtoritajiet li, bħall-imħallef, il-qorti jew il-qorti istruttorja huma mifhuma bħala “awtorità emittenti”.

51

Din l-aħħar dispożizzjoni tissuġġetta l-kwalifika ta’ “awtorità emittenti” għall-unika kundizzjoni li l-qorti u l-persuni li jeżerċitaw il-funzjoni ta’ mħallef, ta’ qorti istruttorja jew ta’ prosekutur ikunu kompetenti fil-kawża kkonċernata.

52

Għalhekk, peress li, skont id-dritt nazzjonali, il-prosekutur ta’ Stat Membru jew, b’mod iktar ġenerali, l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ dan l-Istat Membru, huwa kompetenti sabiex jordna miżuri investigattivi sabiex jikseb provi f’każ partikolari, dan jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “awtorità emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 2(c)(i) tad-Direttiva 2014/41.

53

Mill-kliem tal-Artikolu 2(c)(ii) ta’ din id-direttiva jirriżulta wkoll li l-prosekutur huwa fost l-“awtoritajiet ġudizzjarji” li huma awtorizzati jivvalidaw ordni ta’ investigazzjoni Ewropea, qabel it-trażmissjoni tagħha lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni, meta din id-deċiżjoni tkun inħarġet minn awtorità emittenti differenti minn waħda minn dawk imsemmija fil-punt (i) ta’ din id-dispożizzjoni.

54

Għandu jiġi kkonstatat li la l-punt (i) u lanqas il-punt (ii) ta’ dan l-Artikolu 2(c) ma jissuġġettaw il-kwalifika ta’ “awtorità emittenti” jew ta’ “awtorità ġudizzjarja” tal-prosekutur, għall-finijiet tad-Direttiva 2014/41, għall-assenza ta’ relazzjoni ta’ subordinazzjoni legali tiegħu fir-rigward tal-poter eżekuttiv tal-Istat Membru tiegħu.

55

Minn qari flimkien tal-Artikolu 1(1) u tal-Artikolu 2(c)(i) u (ii) tad-Direttiva 2014/41 jirriżulta wkoll li l-ħruġ jew il-validazzjoni ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea minn prosekutur jagħti lil din id-deċiżjoni l-kwalità ta’ deċiżjoni ġudizzjarja.

56

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kuntest li fih jaqgħu dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li l-ħruġ jew il-validazzjoni ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea hija suġġetta, skont id-Direttiva 2014/41, għal proċedura u għal garanziji distinti minn dawk li jirrigwardaw il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. Din id-direttiva tipprevedi dispożizzjonijiet speċifiċi intiżi li jiżguraw li l-ħruġ jew il-validazzjoni ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea minn prosekutur bħal dak imsemmi fl-Artikolu 2(c) tal-imsemmija direttiva jkun akkumpanjat minn garanziji speċifiċi għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, b’mod partikolari dawk relatati mar-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata u, b’mod partikolari, tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

57

L-ewwel nett, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2014/41, moqri flimkien mal-Artikolu 2(c) u mal-premessa 11 ta’ din id-direttiva, dan il-ħruġ jew din il-validazzjoni huma suġġetti għal kundizzjoni doppja, minn naħa, li hija neċessarja u proporzjonata mal-għanijiet tal-proċeduri, b’mod partikolari kriminali, imsemmija fl-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, fid-dawl tad-drittijiet tal-persuna ssuspettata jew tal-persuna akkużata, u, min-naħa l-oħra, li l-miżura jew miżuri investigattivi indikati fid-deċiżjoni ta’ investigazzjoni Ewropea setgħu jiġu ordnati fl-istess kundizzjonijiet fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali simili.

58

Għalhekk, meta joħroġ jew jivvalida ordni ta’ investigazzjoni Ewropea, prosekutur bħal dak imsemmi fl-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 2014/41 għandu jiżgura l-osservanza tal-garanziji proċedurali nazzjonali, li għandhom ikunu konformi mad-direttivi, imsemmija fil-premessa 15 ta’ din id-direttiva, dwar id-drittijiet proċedurali fil-kuntest tal-proċeduri kriminali.

59

Bl-istess mod, kif barra minn hekk ġie mfakkar fil-premessi 12 u 39 tal-imsemmija direttiva, huwa għandu jiżgura r-rispett tad-drittijiet stabbiliti mill-Karta, b’mod partikolari, id-dritt għall-preżunzjoni ta’ innoċenza u d-drittijiet tad-difiża previsti fl-Artikolu 48 tagħha. Barra minn hekk, kull limitazzjoni imposta fuq l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet permezz ta’ miżura investigattiva ordnata skont din l-istess direttiva għandha tosserva r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta, li jippreżupponi, b’mod partikolari, li l-limitazzjoni inkwistjoni tkun, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, neċessarja u tissodisfa effettivament għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor.

60

Sussegwentement, l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2014/41, moqri fid-dawl tal-premessa 22 tagħha, jipprevedi obbligu ġenerali għall-Istati Membri li jiżguraw li rimedji tal-inqas ekwivalenti għal dawk disponibbli fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali simili jkunu applikabbli għall-miżuri investigattivi indikati fl-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea.

61

Skont l-Artikolu 14(3) ta’ din id-direttiva, l-awtorità emittenti għandha tiżgura li l-persuni kkonċernati minn tali deċiżjoni jkollhom informazzjoni suffiċjenti dwar ir-rimedji u t-termini għall-preżentata ta’ rikors kontriha previsti mid-dritt nazzjonali, sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv tad-dritt għal azzjoni legali tagħhom.

62

Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 14(7) tal-imsemmija direttiva, l-Istat emittenti għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea ġiet ikkontestata b’suċċess skont id-dritt nazzjonali. Għalhekk, mingħajr preġudizzju għar-regoli proċedurali nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, matul il-proċeduri kriminali fl-Istat emittenti, ikunu rispettati d-drittijiet tad-difiża u tal-ekwità tal-proċedura fl-evalwazzjoni tal-provi miksuba permezz ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea.

63

Mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/41 imsemmija fil-punti 57 sa 62 ta’ din is-sentenza jirriżulta li prosekutur, bħal dak imsemmi fl-Artikolu 2(c) ta’ din id-direttiva, li joħroġ jew jivvalida ordni ta’ investigazzjoni Ewropea għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ proporzjonalità u d-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata, b’mod partikolari dawk stabbiliti mill-Karta, u li d-deċiżjoni tiegħu għandha tkun tista’ tkun is-suġġett ta’ rimedji effettivi, tal-inqas ekwivalenti għal dawk disponibbli fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali simili.

64

It-tieni nett, għalkemm l-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea hija, ċertament, strument ibbażat fuq il-prinċipji ta’ fiduċja u rikonoxximent reċiproċi, li l-eżekuzzjoni tagħha tikkostitwixxi l-prinċipju u li r-rifjut ta’ eżekuzzjoni huwa maħsub bħala eċċezzjoni li għandha tiġi interpretata b’mod strett (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (L-Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/41 jippermettu madankollu lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni u, b’mod iktar wiesa’, lill-Istat ta’ eżekuzzjoni li jiżgura l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll id-drittijiet proċedurali u fundamentali tal-persuna kkonċernata.

65

Qabelxejn, mill-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2014/41 jirriżulta li l-proċedura ta’ eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea tista’ tkun teħtieġ l-awtorizzazzjoni ta’ qorti fl-Istat ta’ eżekuzzjoni meta d-dritt nazzjonali tagħha jipprevedi dan. Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, dan huwa l-każ tad-dritt Awstrijak, li jissuġġetta l-eżekuzzjoni ta’ ċerti miżuri investigattivi, bħal talba għal komunikazzjoni ta’ informazzjoni dwar kont bankarju, għall-awtorizzazzjoni ta’ qorti.

66

Sussegwentement, skont l-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva, meta l-awtorità ta’ eżekuzzjoni jkollha raġuni li taħseb li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu ma ġewx osservati, b’mod partikolari dik dwar il-fatt li l-miżura investigattiva hija neċessarja u proporzjonata mal-għanijiet tal-proċeduri li għalihom inħarġet, fid-dawl tad-drittijiet tal-persuna kkonċernata, hija tista’ tikkonsulta lill-awtorità emittenti dwar l-importanza tal-eżekuzzjoni tal-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea, li jista’ jwassal, jekk ikun il-każ, għall-irtirar ta’ din id-deċiżjoni mill-awtorità emittenti.

67

Skont l-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni tista’ wkoll tirrikorri għal miżura investigattiva differenti minn dik indikata fl-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea. Din il-possibbiltà hija miftuħa, b’mod partikolari, meta, kif jirriżulta mill-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, moqri fid-dawl tal-premessa 10 ta’ din id-direttiva, din l-awtorità tqis li din il-miżura investigattiva l-oħra tippermetti li jinkiseb l-istess riżultat bħall-miżura indikata fl-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea b’mezzi li jimplikaw preġudizzju minimu għad-drittijiet fundamentali.

68

Fl-aħħar nett, konformement mal-Artikolu 11(1)(f) tal-imsemmija direttiva, ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea jistgħu jiġu rrifjutati fl-Istat ta’ eżekuzzjoni meta jeżistu raġunijiet serji sabiex wieħed jemmen li l-eżekuzzjoni tal-miżura investigattiva indikata fl-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea hija inkompatibbli mal-obbligi tal-Istat ta’ eżekuzzjoni skont l-Artikolu 6 TUE u l-Karta.

69

Fid-dawl tal-elementi msemmija fil-punti 57 sa 68 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 2014/41 jaqgħu f’kuntest normattiv li jinkludi sensiela ta’ garanziji kemm fl-istadju tal-ħruġ jew tal-validazzjoni kif ukoll tal-eżekuzzjoni tal-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea, sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata.

70

F’dak li jikkonċerna, fit-tielet lok, l-għan tad-Direttiva 2014/41, din hija intiża sabiex tiggarantixxi, kif tfakkar fil-punti 39 u 40 ta’ din is-sentenza, kooperazzjoni ssemplifikata u effikaċi bejn l-Istati Membri billi tiżgura r-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ dawn l-Istati Membri għall-finijiet tal-kisba ta’ provi fil-kawżi kriminali li għandhom dimensjoni transkonfinali.

71

Kif tenfasizza l-premessa 34 ta’ din id-direttiva, din tipprevedi biss miżuri provviżorji bil-għan li jinkisbu provi. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 1(3) tal-imsemmija direttiva, il-ħruġ ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea jista’ jintalab minn persuna suspettata jew akkużata, jew minn avukat f’isem persuna suspettata jew akkużata. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 71 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali miżura tista’ għalhekk tiġi ordnata fl-interess tal-persuna kkonċernata.

72

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea rregolata mid-Direttiva 2014/41 għandha, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, għan distint mill-mandat ta’ arrest Ewropew irregolat mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Fil-fatt, filwaqt li l-mandat ta’ arrest Ewropew huwa intiż, konformement mal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, għall-arrest u għall-konsenja ta’ persuna rikjesta għall-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali jew għall-eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura ta’ sigurtà li ċċaħħad il-libertà, l-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea hija intiża, skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/41, għall-eżekuzzjoni ta’ miżura investigattiva speċifika waħda jew iktar sabiex jinkisbu provi.

73

Ċertament, kif jirriżulta mill-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2014/41, ordni ta’ investigazzjoni Ewropea tista’ tkopri, bħala prinċipju, kull miżura investigattiva għall-finijiet, b’mod partikolari, ta’ proċeduri kriminali. Issa, uħud minn dawn il-miżuri jistgħu jkunu intrużivi, sa fejn jikkawżaw preġudizzju, b’mod partikolari, għad-dritt għall-ħajja privata jew għad-dritt għall-proprjetà tal-persuna kkonċernata. Madankollu, kif sostnew il-partijiet ikkonċernati kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra fil-każ partikolari tat-trasferiment temporanju ta’ persuni diġà miżmuma għall-finijiet tat-twettiq ta’ miżura investigattiva, li huwa s-suġġett ta’ garanziji speċifiċi fl-Artikoli 22 u 23 tad-Direttiva 2014/41, l-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea ma hijiex, b’differenza mill-mandat ta’ arrest Ewropew, ta’ natura li tippreġudika d-dritt għal-libertà tal-persuna kkonċernata, stabbilit fl-Artikolu 6 tal-Karta.

74

Fid-dawl tad-differenzi ta’ natura testwali, kuntestwali u teleoloġika esposti fil-kunsiderazzjonijiet preċedenti bejn id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u d-Direttiva 2014/41, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tas-27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (L-Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) (C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456), u tas-27 ta’ Mejju 2019, PF (Il-Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja) (C‑509/18, EU:C:2019:457), li l-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma jkoprix l-Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Stat Membru li huma esposti għar-riskju li jiġu suġġetti għal istruzzjonijiet individwali min-naħa tal-poter eżekuttiv, ma tistax tiġi trasposta fil-kuntest tad-Direttiva 2014/41.

75

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 2014/41 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jaqgħu taħt il-kunċetti ta’ “awtorità ġudizzjarja” u ta’ “awtorità emittenti”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-prosekutur ta’ Stat Membru jew, b’mod iktar ġenerali, l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Stat Membru, indipendentement mir-relazzjoni ta’ subordinazzjoni legali li tista’ teżisti bejn dan il-prosekutur jew dan l-Uffiċċju tal-Prosekutur u l-poter eżekuttiv ta’ dan l-Istat Membru, u mill-espożizzjoni tal-imsemmi prosekutur jew tal-imsemmi Uffiċċju tal-Prosekutur għar-riskju li jiġu suġġetti, direttament jew indirettament, għal ordnijiet jew għal istruzzjonijiet individwali min-naħa ta’ dan il-poter fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea.

Dwar l-ispejjeż

76

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali għandhom jiġu interpretati fis-sens li jaqgħu taħt il-kunċetti ta’ “awtorità ġudizzjarja” u ta’ “awtorità emittenti”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-prosekutur ta’ Stat Membru jew, b’mod iktar ġenerali, l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Stat Membru, indipendentement mir-relazzjoni ta’ subordinazzjoni legali li tista’ teżisti bejn dan il-prosekutur jew dan l-Uffiċċju tal-Prosekutur u l-poter eżekuttiv ta’ dan l-Istat Membru, u mill-espożizzjoni tal-imsemmi prosekutur jew tal-imsemmi Uffiċċju tal-Prosekutur għar-riskju li jiġu suġġetti, direttament jew indirettament, għal ordnijiet jew għal istruzzjonijiet individwali min-naħa ta’ dan il-poter fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top