Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0312

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tas-16 ta’ Settembru 2020.
XT vs Valstybinė mokesčių inspekcija prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos et Vilniaus apskrities valstybinė mokesčių inspekcija prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos.
Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2006/112/KE – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Artikolu 9(1) – Artikolu 193 – Kunċett ta’ ‘persuna taxxabbli’ – Kuntratt ta’ attività komuni – Sħubija – Rabta ta’ tranżazzjoni ekonomika ma’ wieħed mis-sħab – Determinazzjoni tal-persuna taxxabbli li hija responsabbli għall-ħlas tat-taxxa.
Kawża C-312/19.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:711

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

16 ta’ Settembru 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2006/112/KE – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Artikolu 9(1) – Artikolu 193 – Kunċett ta’ ‘persuna taxxabbli’ – Kuntratt ta’ attività komuni – Sħubija – Rabta ta’ tranżazzjoni ekonomika ma’ wieħed mis-sħab – Determinazzjoni tal-persuna taxxabbli li hija responsabbli għall-ħlas tat-taxxa”

Fil-Kawża C‑312/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ April 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑16 ta’ April 2019, fil-proċedura

XT

vs

Valstybinė mokesčių inspekcija prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn L. S. Rossi, President tal-Awla, A. Prechal (Relatur), President tat-Tielet Awla, u F. Biltgen, Imħallef,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Litwan, minn K. Dieninis u V. Vasiliauskienė, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Lyal u J. Jokubauskaitė, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tat‑23 ta’ April 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(1), tal-Artikolu 193 u tal-Artikolu 287 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2013/43/UE tat-22 ta’ Lulju 2013 (ĠU 2013, L 201, p. 4) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2006/112”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn XT u l-Valstybinė mokesčių inspekcija prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos (id-Direttorat Nazzjonali tat-Taxxi fi ħdan il-Ministeru għall-Finanzi tar-Repubblika tal-Litwanja), fir-rigward tal-ordni indirizzata lil XT mill-Vilniaus apskrities valstybinė mokesčių inspekcija (l-Ispettorat tat-Taxxi tad-Distrett ta’ Vilnjus, il-Litwanja, iktar ’il quddiem l-“amministrazzjoni fiskali ta’ Vilnjus”) għall-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), flimkien mal-interessi moratorji, kif ukoll multa b’riżultat ta’ tranżazzjonijiet ta’ proprjetà immobbli mhux iddikjarati.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/112 huwa fformulat kif ġej:

“‘Persuna taxxabbli’ għandha tfisser kull persuna li, b’mod indipendenti, twettaq fi kwalunkwe post kwalunkwe attività ekonomika, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività.

Kwalunkwe attività ta’ produtturi, kummerċjanti jew persuni li jagħtu servizzi, inklużi attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet, għandhom jitqiesu bħala ‘attività ekonomika’. L-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skopijiet ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandha b’mod partikolari titqies bħala attività ekonomika.”

4

L-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   ‘Provvista ta’ merkanzija’ għandha tfisser it-trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà tanġibbli.

2.   Flimkien mat-transazzjonijiet imsemmija fil–paragrafu 1, kull waħda minn dawn li ġejjin għandha tiġi kkunisdrata bħala provvista ta’ merkanzija:

[…]

[c)]

it-trasferiment ta’ merkanzija skont kuntratt li bih titħallas kummissjoni meta jsir xiri jew bejgħ.

3.   L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw l-għotja ta’ ċertu xogħlijiet ta’ kostruzzjoni bħala provvista ta’ merkanzija.”

5

Skont l-Artikolu 28 tal-istess direttiva:

“Fejn persuna taxxabbli li taġixxi f’isimha iżda għall-benefiċċju ta’ ħaddieħor tieħu parti fi provvista ta’ servizzi, hija għandha tiġi kkunsidrata li rċeviet u pprovdiet dawk is-servizzi hija stess.”

6

L-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112 jipprevedi:

“Il-VAT għandha titħallas minn kwalunkwe persuna taxxabbli li tkun qed twettaq forniment taxxabbli ta’ merkanzija jew servizzi, minbarra fejn din titħallas minn persuna oħra fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 194 sa 199b u fl-Artikolu 202.”

7

L-Artikolu 226 ta’ din id-direttiva jiddikjara:

“Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet partikolari stabbiliti f’din id-Direttiva, dawn id-dettalji li ġejjin biss huma meħtieġa għall-finijiet ta’ VAT fuq fatturi maħruġa skond l-Artikoli 220 u 221[:]

[…]

5)

l-isem sħiħ u l-indirizz tal-persuna taxxabbli u tal-konsumatur;

[…]”

8

L-Artikolu 287 tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri li aderew wara l‑1 ta’ Jannar 1978 jistgħu jeżentaw lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx ogħla mill-eqwivalenti f’munita nazzjonali ta’ l-ammonti li ġejjin bir-rata tal-kambju fil-ġurnata ta’ adeżjoni tagħhom:

[…]

11)

Litwanja: EUR 29000;

[…]”

9

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2011 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Litwanja sabiex tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2011, L 150, p. 6) jipprovdi:

“B’deroga mill-Artikolu 287(11) tad-Direttiva [2006/112], ir-Repubblika tal-Litwanja hija awtorizzata li teżenta mill-VAT lil persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom m’huwiex ogħla mill-ekwivalenti fil-valuta nazzjonali ta’ EUR 45000 bir-rata ta’ konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni Ewropea.”

Id-dritt Litwan

Il-Liġi dwar il-VAT

10

Skont l-Artikolu 2 tal-Lietuvos Respublikos pridėtinės vertės mokesčio įstatymas (il-Liġi tar-Repubblika tal-Litwanja dwar il-VAT) (Žin., 2002, no 35‑1271), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ għas-snin ta’ taxxa 2010 sa 2013 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-VAT”):

“[…]

2.   ‘Persuna taxxabbli’ għandha tfisser persuna taxxabbli tar-Repubblika tal-Litwanja jew persuna taxxabbli barranija.

[…]

15.   ‘Persuna taxxabbli tar-Repubblika tal-Litwanja’ għandha tfisser persuna ġuridika jew fiżika tar-Repubblika tal-Litwanja li teżerċita attività ekonomika, ta’ kwalunkwe tip, jew impriża ta’ investiment kollettiv stabbilita fit-territorju tar-Repubblika tal-Litwanja, li ma għandhiex l-istatus ta’ persuna ġuridika u li taġixxi bħala fond ta’ investiment.

[…]”

11

L-Artikolu 71 tal-Liġi dwar il-VAT huwa fformulat kif ġej:

“1.   Il-persuni taxxabbli li jwettqu kunsinni ta’ oġġetti jew provvisti ta’ servizzi fit-territorju nazzjonali għandhom l-obbligu li jirreġistraw għall-VAT u li jikkalkolaw il-VAT kif ukoll iħallsu din it-taxxa lit-Teżor tal-Istat […] Il-persuna obbligata li tirreġistra għall-VAT għandha tressaq applikazzjoni għar-reġistrazzjoni għall-finijiet tal-VAT.

2.   Minkejja [l-Artikolu 71](1), […] persuna taxxabbli tar-Repubblika tal-Litwanja ma għandhiex obbligu tressaq applikazzjoni għal reġistrazzjoni għall-finijiet tal-VAT u lanqas ma għandha tikkalkola u tħallas il-VAT lit-Teżor tal-Istat […] jekk l-ammont totali tal-korrispettiv irċevut għall-oġġetti jew għas-servizzi pprovduti fil-kuntest tal-attività ekonomika eżerċitata fit-territorju nazzjonali ma jaqbiżx il-155 000 litas [Litwani (LTL), madwar EUR 45000] fis-sena (fuq it-tnax‑il xahar li jkunu għaddew). Il-VAT għandha tibda tiġi kkalkolata b’effett mix-xahar li fih dan il-limitu jkun inqabeż. Il-VAT ma għandhiex tiġi kkalkolata għall-kunsinna ta’ oġġetti u l-provvista ta’ servizzi li l-korrispettiv tagħhom ma jkunx qabeż l-ammont imsemmi ta’ [LTL] 155000. […]

[…]

4.   In-nuqqas ta’ tressiq ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni għall-finijiet tal-VAT ma jeżentax lill-persuna taxxabbli mill-obbligu li tikkalkola l-VAT fuq l-oġġetti jew is-servizzi pprovduti minnha […] u li tħallasha lit-Teżor […]”

12

L-Artikolu 79(1) u (5) tal-Liġi dwar il-VAT jipprevedi:

“1.   […] il-persuna taxxabbli li wettqet provvista ta’ oġġett jew ta’ servizz għandha toħloq fattura li tiddokumenta l-VAT […]

[…]

5.   Fil-każijiet u skont il-modalitajiet previsti mill-Gvern Litwan jew mill-awtorità li jkun awtorizza, tista’ tinħoloq fattura waħda biss għal oġġett jew servizz ipprovdut minn numru ta’ persuni taxxabbli flimkien.”

Il-Kodiċi Ċivili

13

L-Artikolu 6.969(1) tal-Lietuvos Respublikos Civilinis kodeksas (il-Kodiċi Ċivili tar-Repubblika tal-Litwanja), fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mil-Liġi Nru VIII‑1864 tat‑18 ta’ Lulju 2000 (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”), jipprovdi:

“Permezz tal-kuntratt ta’ attività komuni (sħubija), żewġ persuni jew iktar (is-sħab fin-negozju), joħolqu komunjoni ta’ assi, tal-industrija tagħhom jew tal-għarfien tagħhom, jieħdu impenn biex jaħdmu flimkien għal ċertu għan, mhux kuntrarju għal-liġi, jew jeżerċitaw attività flimkien.”

14

L-Artikolu 6.971 ta’ dan il-kodiċi jiddikjara:

“1.   Sakemm ma jiġix ipprovdut mod ieħor mil-liġi jew sakemm ma jiġix stipulat mod ieħor mill-kuntratt ta’ attività komuni, l-assi introdotti mis-sħab fin-negozju, kif ukoll il-prodotti, dħul u frott immanifatturat jew miġbur fil-kuntest tal-attività komuni, huma l-proprjetà indiviżibbli tas-sħab kollha fin-negozju.

[…]

3.   Wieħed mis-sħab fin-negozju, maħtur b’kunsens mis-sħab kollha, huwa responsabbli mill-kontabbiltà tal-patrimonju komuni.

4.   L-assi komuni jintużaw, jiġu amministrati u jiġu ttrasferiti bi ftehim komuni mis-sħab kollha fin-negozju. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ ftehim, dawn il-modalitajiet jiġu ffissati minn qorti fuq talba ta’ wieħed mis-sħab fin-negozju. […]”

15

Skont l-Artikolu 6.972(1) u (2) tal-imsemmi kodiċi:

“1.   Fir-rigward tal-amministrazzjoni tal-affarijiet komuni, kull wieħed mis-sħab fin-negozju għandu l-jedd li jaġixxi f’isem is-sħab kollha fin-negozju sakemm il-kuntratt ta’ attività komuni ma jipprevedix li wieħed mis-sħab fin-negozju jew is-sħab flimkien jamministra(w) l-affarijiet. Jekk għas-sħab fin-negozju jkun biss possibbli li jamministraw l-affarijiet flimkien, kull tranżazzjoni tirrikjedi l-kunsens tagħhom kollha.

2.   Fir-relazzjonijiet mat-terzi, is-setgħa tas-sieħeb fin-negozju li jaġixxi f’isem is-sħab kollha fin-negozju hija kkonfermata minn setgħa stabbilita mis-sħab l-oħra fin-negozju jew mill-kuntratt ta’ attività komuni.”

16

L-Artikolu 6.974 tal-istess kodiċi, intitolat “Spejjeż u telf komuni”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   It-tqassim tal-ispejjeż u telf komuni, marbuta mal-attività komuni, huwa ddeterminat mill-kuntratt ta’ attività komuni. Fl-assenza ta’ stipulazzjoni li tirregola dan il-punt, kull sieħeb fin-negozju għandu jikkontribwixxi għall-ispejjeż u telf komuni proporzjonalment għas-sehem tiegħu.

2.   L-istipulazzjoni li tillibera lil wieħed mis-sħab fin-negozju kompletament mill-obbligu li jikkontribwixxu għall-ispejjeż u telf komuni hija invalida.”

17

Skont l-Artikolu 6.975(3) tal-Kodiċi Ċivili:

“Jekk il-kuntratt ta’ attività komuni jkun relatat ma’ attività kummerċjali tas-sħab fin-negozju, is-sħab kollha huma responsabbli in solidum għad-dejn komuni, tkun liema tkun in-natura tiegħu.”

18

Konformement mal-Artikolu 6.976(1) ta’ dan il-kodiċi, “[s]akemm ma jiġix stipulat mod ieħor mill-kuntratt ta’ attività komuni, il-profitti ġġenerati mill-attività komuni għandhom jitqassmu bejn is-sħab fin-negozju proporzjonalment għall-valur tal-kontribuzzjoni ta’ kull wieħed għall-attività komuni.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

19

Fid‑19 ta’ Frar 2010, XT u persuna fiżika oħra (iktar ’il quddiem “is-sieħeb fin-negozju”) ikkonkludew kuntratt ta’ attività komuni (iktar ’il quddiem il-“kuntratt inkwistjoni”), indikat fl-Artikolu 6.969(1) tal-Kodiċi Ċivili bħala “sħubija”, li kellu bħala għan il-kollaborazzjoni għall-finijiet tal-kostruzzjoni ta’ binja residenzjali (iktar ’il quddiem is-“sħubija inkwistjoni”).

20

Fil-25 ta’ April 2010, XT u s-sieħeb tiegħu fin-negozju ddeċidew li jixtru art fid-distrett ta’ Vilnjus (il-Litwanja). Fis‑27 ta’ April 2010, XT iffirma waħdu l-kuntratt ta’ bejgħ mal-proprjetarji ta’ din l-art. Dan tal-aħħar ikkontribwixxa 30 % u s-sieħeb fin-negozju 70 % mill-ammont tat-tranżazzjoni, billi għadda l-kontribuzzjoni tiegħu lil XT. Ġie deċiż li XT biss kien ser jitniżżel fir-reġistru tal-artijiet fil-kapaċità tiegħu bħala proprjetarju tal-art imsemmija.

21

Fil‑5 ta’ Mejju 2010, XT u s-sieħeb tiegħu fin-negozju ddeċidew li jibnu residenza immobiljari li tinkludi ħames binjiet, li XT jiġi inkarigat mill-formalitajiet amministrattivi neċessarji għall-kostruzzjoni u li l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni tingħata f’idejn kumpannija ta’ promozzjoni immobiljari li fi ħdanha XT kien jokkupa l-kariga ta’ direttur. Fit‑22 ta’ Mejju 2010 ġie konkluż kuntratt ta’ promozzjoni immobiljari ma’ din il-kumpannija li fil-kuntest tiegħu XT deher simultanjament fil-kapaċità tiegħu bħala sid il-kostruzzjoni u bħala rappreżentant tal-imsemmija kumpannija.

22

Fit‑2 ta’ Novembru 2010 XT kiseb, f’ismu, permess ta’ kostruzzjoni għall-kostruzzjoni ta’ ħames binjiet fuq l-art inkwistjoni.

23

Fit‑2 ta’ Diċembru 2010, XT u s-sieħeb tiegħu fin-negozju ddeċidew li jbigħu l-ewwel binja flimkien ma’ parti mill-art u li jużaw il-flus miksuba b’dan il-mod għall-kostruzzjonijiet futuri. Il-kuntratt ta’ bejgħ tal-ewwel binja ġie ffirmat fl‑14 ta’ Diċembru 2010 bejn XT u x-xerrejja, persuni fiżiċi.

24

Fl‑10 ta’ Jannar 2011, XT u s-sieħeb tiegħu fin-negozju kkonkludew ftehim li jtemm is-sħubija inkwistjoni u pproċedew sabiex jaqsmu l-assi u d-djun. Permezz ta’ dan il-ftehim, kien hemm kunsens li jiġi rrestitwit lis-sieħeb id-dritt fuq ċerti assi maħluqa, jiġifieri r-raba’ u l-ħames binja. XT impenja ruħu wkoll iħallas lis-sieħeb tiegħu, sas-sena 2017, is-somma ta’ LTL 300000 (madwar EUR 86886) sabiex tiġi paċuta d-differenza bejn id-dħul rispettiv u d-differenza bejn l-ishma dovuti lilhom mill-assi komuni. Bis-saħħa tal-imsemmi ftehim, l-ewwel, it-tieni u t-tielet binja ġew attribwiti lil XT.

25

Fil‑15 ta’ Frar 2011 il-kumpannija ta’ promozzjoni immobiljari ħarġet fattura li tindika ammont ta’ VAT dovut għall-kostruzzjoni tal-ewwel, it-tieni, it-tielet u r-raba’ binja. Għall-kostruzzjoni tal-ħames binja, fil‑11 ta’ Frar 2013 inħarġet fattura li kienet tindika ammont ta’ VAT dovut.

26

Permezz ta’ kuntratti konklużi bejn XT u persuni fiżiċi, it-tieni u t-tielet binja nbiegħu fit‑30 ta’ Mejju 2011 u fit‑13 ta’ Novembru 2012.

27

Fl‑1 ta’ Frar 2013, XT u s-sieħeb tiegħu fin-negozju ffirmaw att ta’ trasferiment (qsim) tal-assi, li fih kien speċifikat li, fid-dawl tal-ftehim konkluż fl‑10 ta’ Jannar 2011, XT kien qiegħed jittrasferixxi r-raba’ u l-ħames binja lis-sieħeb tiegħu.

28

Fis‑6 ta’ Frar 2013, XT u s-sieħeb tiegħu fin-negozju ddeċidew, b’applikazzjoni tal-kuntratt inkwistjoni, li XT kellu jbigħ il-ħames binja, li fir-rigward tagħha XT kien imniżżel fir-reġistru tal-artijiet bħala proprjetarju u li jagħti lis-sieħeb tiegħu l-ammont miksub. Dan il-bejgħ seħħ fit‑13 ta’ Frar 2013.

29

Peress li XT u s-sieħeb tiegħu fin-negozju ma kkunsidrawx li l-bejgħ ta’ proprjetajiet immobbli lil terzi persuni (iktar ’il quddiem il-“provvisti inkwistjoni”) kienu jikkostitwixxu attività ekonomika suġġetta għall-VAT, ma ġietx miżjuda l-VAT fuq il-fatturi dovuti mix-xerrejja. Huma lanqas ma ddikjaraw jew ħallsu l-VAT u lanqas ma naqqsu l-VAT tal-input imħallsa.

30

Wara li saret verifika fiskali ta’ XT fir-rigward tat-taxxa fuq id-dħul u l-VAT għas-snin 2010 sa 2013, l-amministrazzjoni fiskali ta’ Vilnjus qieset li l-attività li fil-kuntest tagħha kienu jidħlu l-provvisti inkwistjoni kif ukoll il-provvisti inkwistjoni nnifishom kellhom jitqiesu li jikkostitwixxu flimkien attività ekonomika waħda għall-finijiet tal-VAT. Billi qieset li XT kienet “persuna taxxabbli”, responsabbli mill-eżekuzzjoni tal-obbligi fil-qasam tal-VAT, l-amministrazzjoni fiskali ta’ Vilnjus ordnatlu jħallas il-VAT fuq dawn it-tranżazzjonijiet flimkien mal-interessi moratorji, kif ukoll li jħallas multa fiskali, filwaqt li aċċettat, madankollu, tnaqqis tal-ammont tat-taxxa tal-input imħallsa minnu, konformement mal-kontijiet prodotti mill-kumpannija ta’ promozzjoni immobiljari.

31

Din id-deċiżjoni ġiet sussegwentement ikkonfermata mid-Direttorat Nazzjonali tat-Taxxi fi ħdan il-Ministeru għall-Finanzi tar-Repubblika tal-Litwanja, kif ukoll mill-Mokestinių ginčų komisija prie Lietuvos Respublikos Vyriausybės (il-Kummissjoni għall-Kontenzjuż Fiskali fi ħdan il-Gvern tar-Repubblika tal-Litwanja) u mill-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Vilnjus, il-Litwanja). Quddiem il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja), XT talab l-annullament tad-deċiżjoni ta’ dik il-qorti.

32

Fil-kuntest tal-eżami ta’ dan ir-rikors, il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji fir-rigward tad-determinazzjoni tal-persuna taxxabbli għall-VAT bejn XT u s-sħubija inkwistjoni, jiġifieri żewġt isħab tal-entità kkostitwita bil-kuntratt inkwistjoni, fid-dawl tal-fatt li d-dritt Litwan ma jagħtix personalità ġuridika lil sħubija.

33

Dawn id-dubji huma ġġenerati mill-kunsiderazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, li skonthom, minn naħa, fl-ewwel lok, l-imsemmija sħubija ma tqegħditx inkwistjoni mill-amministrazzjoni fiskali ta’ Vilnjus, fit-tieni lok, il-kuntratt inkwistjoni jsemmi li, fir-relazzjonijiet mat-terzi, XT jaġixxi f’isem iż-żewġt isħab fin-negozju, u, fit-tielet lok, id-deċiżjonijiet differenti meħuda minn XT u s-sieħeb tiegħu bis-saħħa ta’ dan il-kuntratt huma r-raġuni wara l-atti mwettqa minn XT, b’tali mod li jista’ jiġi interpretat li, fir-rigward tal-fatti esposti, XT ma eżerċitax attività ekonomika b’mod indipendenti. Min-naħa l-oħra, is-sħubija inkwistjoni tissodisfa l-kriterji ddikjarati fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/112.

34

Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li, fir-relazzjonijiet mat-terzi, inkluż fir-rigward tal-provvisti inkwistjoni, kien jintervjeni biss XT, fejn is-sieħeb tiegħu fin-negozju, essenzjalment, kellu l-kompitu li jiffinanzja parzjalment ix-xiri tal-art, u x-xerrejja li kienu jipparteċipaw f’dawn il-provvisti ma kinux jafu bl‑eżistenza ta’ dan is-sieħeb.

35

Fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi li hemm lok li jitqies li s-sħubija inkwistjoni hija suġġetta għall-VAT, il-qorti tar-rinviju tixtieq issir taf, permezz tat-tieni domanda tagħha, b’liema mod għandhom jitqassmu l-obbligi fiskali. F’dan il-kuntest, hija tistaqsi jekk huwiex meħtieġ li jiġi kkunsidrat li kull sieħeb għandu l-obbligu individwali li jħallas il-VAT proporzjonalment għas-sehem tiegħu fil-korrispettiv irċevut għall-oġġetti pprovduti fil-kuntest tal-attivitajiet ekonomiċi u liema hija l-bażi li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi kkalkolata l-eżenzjoni mill-VAT prevista fl-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112.

36

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 193 tad-Direttiva [2006/112] għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-każ inkwistjoni, persuna fiżika bħar-rikorrent ma tistax titqies li wettqet “indipendentement” l-attività (ekonomika) inkwistjoni u li ħallset waħedha [l-VAT] fuq il-provvisti kkontestati, jiġifieri, għall-finijiet tal-Artikolu 9(1) u tal-Artikolu 193 tad-Direttiva [2006/112], il-persuna taxxabbli responsabbli għall-obbligi inkwistjoni għandha titqies li hija l-attività konġunta/sħubija (il-parteċipanti fl-attività konġunta kollettivament; fil-każ inkwistjoni, ir-rikorrent u s-sieħeb tan-negozju tiegħu flimkien) – li taħt il-liġi nazzjonali ma titqiesx bħala persuna taxxabbli u ma tgawdix minn personalità ġuridika – u mhux biss persuna fiżika bħar-rikorrent?

2)

Jekk l-ewwel domanda tingħata tweġiba fl-affermattiv, l-Artikolu 193 tad-Direttiva [2006/112] għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-każ inkwistjoni, il-VAT għandha titħallas individwalment minn kull wieħed mill-parteċipanti (fil-każ inkwistjoni, ir-rikorrent u s-sieħeb fin-negozju tiegħu) fl-attività konġunta/sħubija – liema attività konġunta/sħubija, taħt il-liġi nazzjonali, ma titqiesx li tikkostitwixxi persuna taxxabbli u ma tgawdix minn personalità ġuridika – fuq il-parti ta’ kull ħlas bħala korrispettiv li huma jirċievu (jew li huwa riċevibbli minn jew dovut lilhom) għall-provvisti taxxabbli ta’ proprjetà immobbli? L-Artikolu 287 tad-Direttiva [2006/112] għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk f’din il-kawża, id-dħul mill-bejgħ annwali msemmi f’dik id-dispożizzjoni huwa stabbilit billi jittieħed kont tad-dħul kollu tal-attività konġunta (riċevut kollettivament mill-parteċipanti fl-attività konġunta)?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

37

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li persuna fiżika li kkonkludiet ma’ persuna fiżika oħra kuntratt ta’ attività komuni li jikkostitwixxi sħubija, nieqsa minn personalità ġuridika, ikkaratterizzat bil-fatt li l-ewwel persuna għandha l-jedd li taġixxi f’isem is-sħab kollha fin-negozju, iżda li tintervjeni waħedha u f’isimha stess fir-relazzjonijiet mat-terzi meta twettaq l-atti li jikkostitwixxu l-attività ekonomika ta’ din is-sħubija, teżerċita din l-attività b’mod indipendenti u għandha għalhekk titqies bħala “persuna taxxabbli” fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/112 u li hija biss għandha tħallas il-VAT dovuta konformement mal-Artikolu 193 ta’ din id-direttiva.

38

Skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/112, “‘[p]ersuna taxxabbli’ għandha tfisser kull persuna li, b’mod indipendenti, twettaq fi kwalunkwe post kwalunkwe attività ekonomika, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività.” Konformement mal-Artikolu 193 ta’ din id-direttiva, il-VAT hija dovuta mill-persuna taxxabbli li twettaq kunsinna ta’ oġġetti b’eċċezzjoni għall-każijiet fejn it-taxxa tkun dovuta minn persuna oħra b’applikazzjoni tal-Artikoli 194 sa 199b u tal-Artikolu 202 ta’ din id-direttiva. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-eċċezzjonijiet imsemmija f’dawn l-aħħar dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112 ma humiex applikabbli għall-kawża prinċipali.

39

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kliem użat fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2006/112, b’mod partikolari t-terminu “kull persuna”, jagħti lill-kunċett ta’ “persuna taxxabbli” definizzjoni wiesgħa bbażata fuq l-indipendenza fit-twettiq ta’ attività ekonomika fis-sens li kull persuna, fiżika jew ġuridika, kif ukoll organi rregolati bid-dritt pubbliku kif ukoll privat, u anki entitajiet li ma għandhomx personalità ġuridika, li, b’mod oġġettiv, jissodisfaw ir-rekwiżiti li jidhru f’din id-dispożizzjoni, għandhom jitqiesu li huma persuni suġġetti għall-VAT (sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2016Nigl et, C‑340/15, EU:C:2016:764, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

Sabiex jiġi ddeterminat min, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kkunsidrat bħala “persuna taxxabbli” suġġetta għall-VAT għall-provvisti inkwistjoni, jeħtieġ li jiġi vverifikat min eżerċita b’mod indipendenti l-attività ekonomika msemmija. Fil-fatt, hekk kif spjegat l-Avukat Ġenerali fil-punti 33, 45 u 46 tal-konklużjonijiet tagħha, il-kriterju ta’ indipendenza jirrigwarda l-kwistjoni tar-rabta tat-tranżazzjoni kkonċernata ma’ persuna jew ma’ entità konkreta, filwaqt li jiggarantixxi, barra minn hekk, li x-xerrej jista’ jeżerċita l-eventwali dritt tiegħu għal tnaqqis b’mod ġuridikament sigur inkwantu jkollu l-isem sħiħ u l-indirizz tal-persuna taxxabbli inkwistjoni, konformement mal-punt 5 tal-Artikolu 226 tad-Direttiva 2006/112.

41

Għal dan il-għan, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk il-persuna kkonċernata twettaqx attività ekonomika f’isimha, għaliha nnifisha u taħt ir-responsabbiltà proprja tagħha, u jekk issostnix ir-riskju ekonomiku marbut mal-eżerċizzju ta’ dawn l-attivitajiet (sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2016, Nigl et, C‑340/15, EU:C:2016:764, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, f’dan il-każ, wara l-konklużjoni tas-sħubija inkwistjoni bil-għan tal-kostruzzjoni ta’ proġett immobiljari u wara li s-sieħeb ta’ XT għaddielu l-kontribuzzjoni tiegħu, l-art inxtrat minn XT, waħdu u f’ismu stess. XT talab u kiseb, f’ismu, il-permess ta’ bini mingħand l-awtoritajiet kompetenti. Huwa wkoll, waħdu u f’ismu, ikkonkluda l-kuntratt ta’ promozzjoni immobiljari. Is-sħab fin-negozju ddeċidew li kellu jkun XT li jirreġistra lilu nnifsu fir-reġistru tal-artijiet bħala proprjetarju uniku. XT ikkonkluda f’ismu stess il-kuntratti ta’ bejgħ relatati mal-binjiet u mal-plottijiet tal-art marbuta ma’ dawn il-binjiet, kemm qabel kif ukoll wara d-deċiżjoni li tiġi tterminata s-sħubija inkwistjoni.

43

Minkejja l-preżenza ta’ stipulazzjoni fil-kuntratt inkwistjoni, li XT jingħata l-jedd li, fir-relazzjonijiet mat-terzi, jaġixxi f’isem iż-żewġt isħab f’dan il-kuntratt, il-qorti tar-rinviju tikkonstata, b’mod partikolari fir-rigward tal-provvisti inkwistjoni, li XT kien jintervjeni waħdu f’dawn ir-relazzjonijiet mingħajr ma jsemmi l-identità tas-sieħeb fin-negozju jew tas-sħubija inkwistjoni b’tali mod li skont din il-qorti huwa probabbli ħafna li d-destinatarji tal-provvisti inkwistjoni ma kinux jafu dwar l-eżistenza ta’ sieħeb.

44

Minn dan jirriżulta li XT aġixxa f’ismu u għalih innifsu billi assuma waħdu r-riskju ekonomiku marbut mat-tranżazzjonijiet taxxabbli inkwistjoni.

45

Mill-punti preċedenti jirriżulta li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-attività ekonomika ma tistax tintrabat ma’ entità kkostitwita bil-kuntratt ta’ attività komuni, inkwantu s-sħab ma aġixxewx flimkien fir-relazzjonijiet tagħhom mat-terzi u l-persuna mogħtija l-jedd li taġixxi f’isem is-sħab kollha ma dehritx f’dawn ir-relazzjonijiet skont ir-regoli ta’ rappreżentanza stabbiliti minn dan il-kuntratt, fejn għalhekk din l-entità ma tistax titqies li wettqet it-tranżazzjonijiet taxxabbli inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Peress li s-sieħeb fin-negozju nnifsu ma wettaq ebda tranżazzjoni, minn dawn l-elementi kollha jirriżulta li, f’dan il-każ, hija biss persuna bħal XT li għandha titqies li aġixxiet b’mod indipendenti u għalhekk bħala persuna taxxabbli.

46

Din il-konklużjoni la hija invalidata biċ-ċirkustanza li s-sieħeb fin-negozju ffinanzja sostanzjalment ix-xiri tal-art u li ġie deċiż, fi tmiem is-sħubija, li d-djun u l-assi maħluqa jinqasmu, u lanqas bil-fatt li d-deċiżjonijiet dwar l-attività ekonomika inkwistjoni fil-kawża prinċipali li fil-kuntest tagħhom kienu jidħlu l-provvisti inkwistjoni, bħax-xiri tal-art u d-deċiżjoni li jiġi żviluppat proġett immobiljari billi jintużaw l-ammonti miksuba mill-bejgħ tal-ewwel binja, ittieħdu mis-sħab flimkien. Fil-fatt, fid-dawl tal-fatt li fir-relazzjonijiet mat-terzi deher biss XT, mingħajr ma semma s-sħubija inkwistjoni jew l-identità tas-sieħeb tiegħu, l-atti li jirriżultaw minn dawn l-istess deċiżjonijiet, kif osservat essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tagħha, ma ġewx eżegwiti minn jew għal din is-sħubija, iżda minn XT, għalih innifsu.

47

Konsegwentement, is-sehem ta’ sieħeb bħal ta’ XT fid-deċiżjonijiet li jippreċedu l-atti mwettqa minn persuna bħal XT ma jistax, għalhekk, ikollu effett fuq il-kwalità ta’ persuna taxxabbli ta’ din il-persuna.

48

L-eżistenza formali ta’ kuntratt, bħal dak li jikkostitwixxi s-sħubija inkwistjoni, għaldaqstant ma teskludix l-indipendenza ta’ persuna bħal XT fl-eżerċizzju tal-attività ekonomika.

49

Barra minn hekk, fir-rigward tar-rekwiżit propost mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, li persuna tkun aġixxiet għaliha nnifisha, mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112, b’mod partikolari mill-Artikolu 14(2)(c) u mill-Artikolu 28 ta’ din id-direttiva, kif spjegat l-Avukat Ġenerali fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tagħha, jirriżulta li l-fatt li persuna tkun aġixxiet f’isem ħaddieħor, b’kummissjoni, ma jeskludix il-kwalifika bħala “persuna taxxabbli”. Fil-fatt, anki jekk persuna taġixxi f’isimha, iżda għal ħaddieħor, din titqies li hija persuna taxxabbli permezz tal-finzjoni li toħloq l-imsemmija direttiva, li, inizjalment, din tkun irċeviet l-oġġett inkwistjoni qabel ma twettaq hija stess, sussegwentement, il-kunsinna ta’ dan l-oġġett (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2011, Henfling et, C‑464/10, EU:C:2011:489, punt 35).

50

F’dan il-każ, din ir-regola tkun tista’ tiġi applikata fir-rigward tal-bejgħ tal-ħames binja, li XT wettaq f’ismu, fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ bejgħ konkluż fit‑13 ta’ Frar 2013, filwaqt li din il-binja kienet ġiet attribwita, u sussegwentement ittrasferita, lis-sieħeb fin-negozju, wara l-att ta’ qsim konkluż fl‑1 ta’ Frar 2013, b’eżekuzzjoni tad-deċiżjoni li tiġi tterminata s-sħubija inkwistjoni meħuda fl‑10 ta’ Jannar 2011. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan jistax ikun il-każ bis-saħħa tad-dritt nazzjonali, peress li mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li XT kien għadu mniżżel fir-reġistru tal-artijiet bħala proprjetarju ta’ din il-binja fid-data tal-bejgħ ta’ din tal-aħħar.

51

Mill-punti kollha preċedenti jirriżulta li persuna li tinsab f’sitwazzjoni bħal dik ta’ XT għandha titqies li hija “persuna taxxabbli” fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/112 sa fejn hija tkun aġixxiet għaliha nnifisha jew għal ħaddieħor.

52

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jeħtieġ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112 għandhom jiġu interpretati fis-sens li persuna fiżika li tkun ikkonkludiet ma’ persuna fiżika oħra kuntratt ta’ attività komuni li jikkostitwixxi sħubija, nieqes minn personalità ġuridika, ikkaratterizzat bil-fatt li l-ewwel persuna għandha l-jedd li taġixxi f’isem is-sħab kollha fin-negozju, iżda li tintervjeni waħedha u f’isimha stess fir-relazzjonijiet mat-terzi meta twettaq l-atti li jikkostitwixxu l-attività ekonomika ta’ din is-sħubija, għandha titqies li hija “persuna taxxabbli”, fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/112 u li hija biss għandha tħallas il-VAT dovuta konformement mal-Artikolu 193 ta’ din id-direttiva, sa fejn hija taġixxi għaliha nnifisha jew għal ħaddieħor b’kummissjoni, fis-sens tal-Artikolu 14(2)(c) u tal-Artikolu 28 tal-imsemmija direttiva.

Fuq it-tieni domanda

53

Fid-dawl tar-risposta li ngħatat għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq l-ispejjeż

54

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud għandhom jiġu interpretati fis-sens li persuna fiżika li tkun ikkonkludiet ma’ persuna fiżika oħra kuntratt ta’ attività komuni li jikkostitwixxi sħubija, nieqes minn personalità ġuridika, ikkaratterizzat bil-fatt li l-ewwel persuna għandha l-jedd li taġixxi f’isem is-sħab kollha fin-negozju, iżda li tintervjeni waħedha u f’isimha stess fir-relazzjonijiet mat-terzi meta twettaq l-atti li jikkostitwixxu l-attività ekonomika ta’ din is-sħubija, għandha titqies li hija “persuna taxxabbli”, fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/112 u li hija biss għandha tħallas it-taxxa fuq il-valur miżjud dovuta konformement mal-Artikolu 193 ta’ din id-direttiva, sa fejn hija taġixxi għaliha nnifisha jew għal ħaddieħor b’kummissjoni, fis-sens tal-Artikolu 14(2)(c) u tal-Artikolu 28 tal-imsemmija direttiva.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Litwan.

Top