Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0254

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tad-9 ta’ Settembru 2020.
    Friends of the Irish Environment Ltd vs An Bord Pleanála.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn High Court (l-Irlanda).
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 92/43/KEE – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Artikolu 6(3) – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċetti ta’’ ‘proġett’ jew ta’ ‘ftehim’ – Evalwazzjoni xierqa tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett fuq sit protett – Deċiżjoni li tipproroga t-tul ta’ permess għall-kostruzzjoni ta’ terminal għar-rigassifikazzjoni ta’ gass naturali llikwifikat – Deċiżjoni inizjali stabbilita fuq leġiżlazzjoni nazzjonali ma ttrasponietx korrettament id-Direttiva 92/43.
    Kawża C-254/19.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:680

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    9 ta’ Settembru 2020 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 92/43/KEE – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Artikolu 6(3) – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċetti ta’’ ‘proġett’ jew ta’ ‘ftehim’ – Evalwazzjoni xierqa tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett fuq sit protett – Deċiżjoni li tipproroga t-tul ta’ permess għall-kostruzzjoni ta’ terminal għar-rigassifikazzjoni ta’ gass naturali llikwifikat – Deċiżjoni inizjali stabbilita fuq leġiżlazzjoni nazzjonali ma ttrasponietx korrettament id-Direttiva 92/43”

    Fil-Kawża C‑254/19,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-High Court (Haute Cour, l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Marzu 2019, fil-proċedura

    Friends of the Irish Environment Ltd

    vs

    An Bord Pleanála,

    fil-preżenza ta’:

    Shannon LNG Ltd,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn J.‑C. Bonichot (Relatur), President tal-Awla, M. Safjan, L. Bay Larsen, C. Toader u N. Jääskinen, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Kokott,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Friends of the Irish Environment Ltd, minn F. Logue, solicitor, J. Kenny, BL, u J. Devlin, SC,

    għal An Bord Pleanála, minn B. Magee, solicitor, F. Valentine, BL, u N. Butler, SC,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Hermes u M. Noll-Ehlers, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-30 ta’ April 2020,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-Habitats”).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Friends of the Irish Environment Ltd u An Bord Peanála (l-Awtorità tal-Ippjanar tat-Territorju, l-Irlanda, iktar ’il quddiem l-“Awtorità”), dwar id-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar li tagħti terminu addizzjonali ta’ ħames snin għall-kostruzzjoni ta’ terminal għar-rigassifikazzjoni ta’ gass naturali llikwifikat, minbarra t-terminu ta’ għaxar snin inizjalment stabbilit f’deċiżjoni preċedenti.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    Id-Direttiva dwar il-Habitats

    3

    Skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats:

    “Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.”

    Id-Direttiva EEA

    4

    Id-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012, L 26, p. 1), kif emendata bid-Direttiva 2014/52/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 (ĠU 2014, L 124, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva EEA”), tiddefinixxi, fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 1(2)(a) tagħha, il-kunċett ta’ “proġett” bħala “l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jew ta’ stallazzjonijiet jew skemi oħra”.

    5

    Skont l-Artikolu 1(2)(c) ta’ din id-direttiva, “kunsens għall-iżvilupp” jikkostitwixxi “deċiżjoni tal-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti li tagħti d-dritt lill-iżviluppatur biex jipproċedi bil-proġett”.

    Id-dritt Irlandiż

    6

    L-Artikolu 40(1) tal-Planning and Development Act 2000 (il-Liġi tal-2000 dwar l-Ippjanar u l-Iżvilupp Territorjali), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“PDA 2000”), jipprovdi:

    “Bla ħsara għall-paragrafu (2), permess mogħti skont din il-parti ma jibqax ikollu effett mal-iskadenza tal-perijodu korrispondenti (bla ħsara għall-validità ta’ kwalunkwe att li jkun sar abbażi ta’ dan il-paragrafu qabel l-iskadenza ta’ dan il-perijodu) –

    a)

    jekk il-proġett kopert mill-permess ma jkunx inbeda f’dan il-perijodu, għall-proġett kollu, u

    b)

    jekk il-proġett jinbeda f’dan il-perijodu, għall-partijiet tal-proġett li ma jkunux tlestew f’dan il-perijodu.”

    7

    L-Artikolu 42 tal-PDA 2000 jipprovdi li, fuq talba tal-persuna kkonċernata, tingħata proroga tat-terminu għall-permess għall-iżvilupp meta jkunu twettqu xogħlijiet sostanzjali skont il-permess għall-iżvilupp matul it-terminu ffissat inizjalment u meta l-proġett jitwettaq f’terminu raġonevoli jew meta kunsiderazzjonijiet ta’ natura kummerċjali, ekonomika jew teknika, indipendenti mir-rieda tal-applikant, ikunu ostakolaw b’mod sostanzjali l-bidu tal-iżvilupp jew it-twettiq ta’ xogħlijiet sostanzjali. Madankollu, f’dan l-aħħar każ, ma tistax tingħata proroga tat-terminu jekk, mid-data tal-permess, ikunu saru modifiki tant sinjifikattivi għall-għanijiet ta’ żvilupp stabbiliti fil-proġett li dan ma jkunx għadu konformi mar-rekwiżit ta’ żvilupp adegwat u ta’ żvilupp sostenibbli taż-żona kkonċernata. Barra minn hekk, huwa neċessarju li l-proġett ma jkunx inkompatibbli mal-“linji gwida ministerjali”.

    8

    Barra minn hekk, l-Artikolu 42 tal-PDA 2000 jippreċiża li, meta l-iżvilupp ma jkunx beda, l-awtorità lokali għall-iżvilupp għandha tiżgura li evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent jew evalwazzjoni xierqa jew it-tnejn, jekk dan ikun meħtieġ, tkun twettqet jew tkun twettqet qabel ma jkun inħareġ il-permess għall-iżvilupp. Barra minn hekk, it-terminu addizzjonali ma jistax jeċċedi ħames snin u talba għal proroga tat-tul ta’ permess għall-iżvilupp tista’ tiġi ppreżentata darba biss.

    9

    L-Artikolu 50 tal-PDA 2000 jipprovdi li l-validità ta’ permess għall-iżvilupp tista’ tiġi kkontestata biss fil-kuntest ta’ rikors ġudizzjarju, f’terminu ta’ dekadenza ta’ tmien ġimgħat li jista’ jiġi pprorogat f’ċerti ċirkustanzi.

    10

    L-Artikolu 146 tal-PDA 2000 jistabbilixxi proċedura partikolari li tippermetti li jiġi emendat il-permess ta’ proġett li jikkonċerna infrastruttura strateġika.

    11

    L-Artikolu 146 B tal-PDA 2000 jipprovdi:

    “[…]

    3)   Jekk l-[Awtorità] tiddeċiedi li l-modifika –

    […]

    b)

    tikkostitwixxi modifika sostanzjali, hija għandha tiddetermina jekk i) tissoktax bil-modifika, ii) tissoktax b’modifika tal-kundizzjonijiet tal-iżvilupp ikkonċernat, […] li hija differenti minn dik li saret fit-talba […] jew iii) tirrifjutax li tipproċedi għal tali modifika.

    4)   Qabel ma tadotta deċiżjoni skont il-paragrafu 3(b), l-[Awtorità] għandha tistabbilixxi jekk il-portata u n-natura ta’ a) il-modifika meħtieġa skont il-paragrafu 1 u (b) kull modifika oħra li hija tipprevedi skont il-paragrafu 3(b) (ii) humiex tali li l-modifika, jekk issir, aktarx ikollha effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent (u, f’dan ir-rigward, l-[Awtorità] għandha tkun adottat deċiżjoni finali dwar il-portata u n-natura ta’ kull modifika oħra prevista b’dan il-mod).”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    12

    Fil-31 ta’ Marzu 2008, l-Awtorità awtorizzat proġett ta’ kostruzzjoni ta’ terminal għar-rigassifikazzjoni ta’ gass naturali llikwifikat fin-nofsinhar fiż-żona inferjuri tal-estwarju tax-xmara Shannon fil-kontea ta’ Kerry (l-Irlanda). Dan il-permess kien jipprovdi li x-xogħlijiet kellhom jitwettqu f’terminu massimu ta’ għaxar snin (iktar ’il quddiem il-“permess inizjali”).

    13

    Dan il-proġett kellu jitwettaq fil-limitu ta’ żewġ siti Natura 2000, jiġifieri ż-żona speċjali ta’ konservazzjoni taż-żona inferjuri tax-xmara Shannon (sit IE0002165) u ż-żona ta’ protezzjoni speċjali tal-estwarji tax-xmara Shannon u tax-xmara Fergus (sit IE0004077).

    14

    Il-qorti tar-rinviju tfakkar li, fid-data tal-għoti tal-permess inizjali, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet, fis-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑418/04, EU:C:2007:780), li l-leġiżlazzjoni Irlandiża ma kinitx tittrasponi b’mod korrett id-Direttiva dwar il-Habitats, b’mod partikolari, kif jirriżulta mill-punti 230 u 231 ta’ din is-sentenza, sa fejn l-evalwazzjoni xierqa tal-effetti skont din id-direttiva kienet assimilata mal-evalwazzjoni meħtieġa mid-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas-27 ta’ Ġunju 1985 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248).

    15

    Skont il-qorti tar-rinviju, il-permess inizjali la kien jirreferi għad-Direttiva dwar il-Habitats u lanqas għaż-żewġ siti protetti li jistgħu jiġu affettwati mill-proġett inkwistjoni fil-kawża prinċipali u lanqas ma kien jinkludi konstatazzjonijiet jew konklużjonijiet kompleti, preċiżi u definittivi ta’ natura li jneħħu kull dubju xjentifiku raġonevoli fir-rigward tal-effetti tax-xogħlijiet previsti.

    16

    F’Settembru 2017, il-kostruzzjoni ta’ dan it-terminal kienet għadha ma bdietx u l-kuntrattur ressaq quddiem l-Awtorità, abbażi tal-Artikolu 146B tal-PDA 2000, talba għal estensjoni tat-tul tal-permess għal bini. F’din l-istanza, huwa indika li d-dewmien fil-bidu tax-xogħlijiet kien jirriżulta b’mod partikolari minn bidliet fl-Irlanda tal-politika fil-qasam tal-aċċess għan-netwerk nazzjonali ta’ trażmissjoni tal-gass u, b’mod iktar ġenerali, mis-sitwazzjoni ekonomika ta’ dan il-pajjiż. It-talba li tressqet quddiem l-Awtorità ma kienet timplika ebda modifika materjali tax-xogħol.

    17

    L-awtorizzazzjoni inizjali skadiet fil-31 ta’ Marzu 2018 mingħajr ma twettqu ebda xogħlijiet.

    18

    Fit-13 ta’ Lulju 2018, l-Awtorità tat lill-kuntrattur terminu addizzjonali ta’ ħames snin għat-twettiq tal-proġett ta’ kostruzzjoni tat-terminal, jiġifieri sal-31 ta’ Marzu 2023 (iktar ’il quddiem il-“permess inkwistjoni fil-kawża prinċipali”).

    19

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li f’din l-istanza l-Awtorità wettqet evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, li fi tmiemha hija qieset li l-estensjoni tat-tul tat-twettiq tal-proġett ta’ kostruzzjoni eżaminat ma kellha ebda effett sinjifikattiv fuq l-ambjent.

    20

    Il-permess inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie kkontestat quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) minn Friends of the Irish Environment.

    21

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li qieset li l-kawża prinċipali kienet tqajjem diffikultajiet ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-High Court (il-Qorti Għolja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Deċiżjoni ta’ proroga tat-tul ta’ awtorizzazzjoni għall-iżvilupp tikkostitwixxi ftehim fuq proġett li jista’ jaqa’ taħt l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva [dwar il-Habitats]?

    2)

    Il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin għandhom effett fuq ir-riposta li għandha tingħata għad-domanda (1) imsemmija iktar ’il fuq?

    a)

    L-awtorizzazzjoni għall-iżvilupp (li t-tul tagħha se jiġi pprorogat) ingħatat skont dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li ma ttrasponietx debitament id-Direttiva dwar il-habitat, inkwantu l-leġiżlazzjoni ekwiparat b’mod żbaljat l-evalwazzjoni xierqa msemmija fid-Direttiva dwar il-habitat mal-istima tal-impatt fuq l-ambjent prevista fid-Direttiva [85/337]?

    b)

    L-awtorizzazzjoni għall-iżvilupp kif ingħatat inizjalment ma ssemmix jekk l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ġietx eżamita skont [l-ewwel fażi] jew [it-tieni fażi] tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-[Habitats], u din ma tinkludix ‘konstatazzjonijiet u konklużjonijiet kompleti, preċiżi u definittivi, ta’ natura li jneħħu kull dubju xjentifiku raġonevoli fir-rigward tal-effetti tax-xogħlijiet li kienu previsti [fis-sit] ikkonċernat’, bħalma rrikjediet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza [tal-24 ta’ Novembru 2011] Il‑Kummissjoni vs Spanja [C‑404/09, EU:C:2011:768].

    c)

    Il-perijodu inizjali tal-awtorizzazzjoni għall-iżvilupp skada u, konsegwentement, l-awtorizzazzjoni għall-iżvilupp waqfet milli tipproduċi l-effetti tagħha fir-rigward tal-iżvilupp kollu. Ebda xogħol ta’ żvilupp ma jista’ jitwettaq skont l-awtorizzazzjoni għall-iżvilupp fl-istennija tal-proroga potenzjali tagħha.

    d)

    Ma qatt sar ebda xogħol ta’ żvilupp skont l-awtorizzazzjoni għall-iżvilupp.

    3)

    Jekk ir-risposta għad-domanda (1) tkun fl-affermattiv, liema kunsiderazzjonijiet għandhom jitqiesu mill-awtorità kompetenti meta twettaq eżami taħt [l-ewwel fażi] konformement mal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar [il-Habitats]? Pereżempju, l-awtorità kompetenti hija obbligata tieħu inkunsiderazzjoni totalment jew parzjalment il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin: (i) jekk hemmx xi tibdiliet għax-xogħlijiet u għall-użu maħsub; (ii) jekk sarux xi tibdiliet fil-kuntest ambjentali, b’mod partikolari fir-rigward tal-indikazzjoni tas-siti Ewropej, wara d-data tad-deċiżjoni li tingħata awtorizzazzjoni għall-iżvilupp; (iii) jekk kienx hemm xi tibdiliet rilevanti fl-għarfien xjentifiku, b’mod partikolari studji iktar aġġornati f’dak li jirrigwarda l-interessi eliġibbli tas-siti Ewropej?

    Sussidjarjament, l-awtorità kompetenti hija obbligata tevalwa l-effetti fuq l-ambjent tal-iżvilupp kollu?

    4)

    Għandha tiġi stabbilita distinzjoni bejn (i) awtorizzazzjoni għall-iżvilupp li timponi terminu għall-perijodu ta’ attività (fażi operazzjonali), u (ii) awtorizzazzjoni għall-iżvilupp li timponi biss terminu għall-perijodu li matulu jistgħu jsiru xogħlijiet ta’ kostruzzjoni (fażi ta’ kostruzzjoni) iżda li, sakemm ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jitlestew f’dan it-terminu, ma timponi ebda terminu f’dak li jirrigwarda l-perijodu ta’ attività jew fażi operazzjonali?

    5)

    Sa liema punt, jekk ikun il-każ, l-obbligu ta’ qorti nazzjonali li sa fejn huwa possibbli tinterpreta l-leġiżlazzjoni b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-[Habitats] u tal-[Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, iffirmata f’Aarhus fil-25 ta’ Ġunju 1998 u approvata għan-nom tal-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas-17 ta’ Frar 2005 (ĠU L 164M, 16.6.2006, p. 17, iktar ’il quddiem il-‘Konvenzjoni ta’ Aarhus’)] huwa suġġett għar-rekwiżit li l-partijiet fil-kawża jkunu espliċitament qajmu dawn il-kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni? B’mod iktar preċiż, jekk id-dritt nazzjonali jipprevedi żewġ proċeduri deċiżjonali, fejn waħda minnhom biss tiżgura l-osservanza tad-Direttiva dwar il-[Habitats], il-qorti nazzjonali hija obbligata tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-sens li hija biss il-proċedura deċiżjonali konformi li tista’ tiġi invokata, minkejja li l-partijiet fil-kawża li biha hija adita ma invokawx espliċitament din l-istess interpretazzjoni?

    6)

    [a)]

    Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domanda (2)(a) iktar ’il fuq fis-sens li għandu jiġi eżaminat jekk l-awtorizzazzjoni għall-iżvilupp (li t-tul tagħha se jiġi pprorogat) ingħatat skont dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali li ma ttrasponietx debitament id-Direttiva dwar il-[Habitats], il-qorti nazzjonali hija obbligata ma tapplikax regola ta’ dritt proċedurali interna li tipprekludi opponent milli jikkontesta l-validità ta’ awtorizzazzjoni preċedenti għall-iżvilupp (li skadiet) fil-kuntest ta’ applikazzjoni sussegwenti għall-iżvilupp?

    [b)]

    Din ir-regola ta’ dritt proċedurali intern hija konformi mal-obbligu ta’ rimedju kif ikkonfermat reċentement fil-Kawża C‑348/15, Stadt Wiener Neustadt?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel u t-tieni domanda preliminari

    22

    Iċ-ċirkustanzi msemmija fil-punti (a) sa (d) tat-tieni domanda preliminari huma s-segwenti: il-permess inizjali kien ingħata skont leġiżlazzjoni nazzjonali li ma kinitx tittrasponi b’mod korrett id-Direttiva dwar il-Habitats; dan il-permess la kien jirreferi għal din id-direttiva u lanqas ma kien jinkludi konstatazzjonijiet jew konklużjonijiet kompleti, preċiżi u definittivi, ta’ natura li jneħħu kull dubju xjentifiku raġonevoli dwar l-effetti tax-xogħlijiet li kienu previsti; l-imsemmi permess waqaf jipproduċi l-effetti legali tiegħu mal-iskadenza tat-terminu li huwa kien stabbilixxa għal dawn ix-xogħlijiet u dawn ix-xogħlijiet ma nbdewx.

    23

    Minn dan jirriżulta b’mod partikolari li l-qorti tar-rinviju titlaq mill-premessa li, fil-kawża prinċipali, lil-permess inizjali ma kienx ippreċedut minn evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit konformi ma’ dik meħtieġa mill-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats.

    24

    Konsegwentement, għandu jitqies li, permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk deċiżjoni li testendi t-terminu inizjalment stabbilit għat-twettiq ta’ proġett ta’ kostruzzjoni ta’ terminal għar-rigassifikazzjoni ta’ gass naturali llikwifikat għandhiex titqies bħala ftehim partikolari għal proġett, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats, meta l-permess inizjali tal-proġett ma kienx ippreċedut minn evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit ikkonċernat, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, meta dan il-permess waqaf jipproduċi l-effetti legali tiegħu mal-iskadenza tat-terminu li huwa kien stabbilixxa għal dawn ix-xogħlijiet u dawn ix-xogħlijiet ma nbdewx.

    25

    L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats jipprevedi proċedura ta’ evalwazzjoni intiża li tiggarantixxi, bl-għajnuna ta’ kontroll minn qabel, li pjan jew proġett li ma huwiex direttament marbut ma’ jew neċessarju għall-ġestjoni tas-sit ikkonċernat, iżda li jista’ jaffettwa lil dan tal-aħħar b’mod sinjifikattiv, ikun awtorizzat biss sa fejn ma jippreġudikax l-integrità ta’ dan is-sit (sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Inter‑Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmière Vlaanderen, C‑411/17, EU:C:2019:622, punt 117 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    26

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-fatt li proġett li l-evalwazzjoni ambjentali tiegħu hija kkontestata ma jinsabx fiż-żoni Natura 2000 ikkonċernati, iżda barra minnhom, kif jidher li huwa l-każ fil-kawża prinċipali, bl-ebda mod ma jeskludi l-applikabbiltà tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, din tissuġġetta għall-mekkaniżmu ta’ protezzjoni ambjentali previst minnha “[k]ull pjan jew proġett li ma huwiex direttament marbut jew meħtieġ għall-ġestjoni tas-sit iżda li jista’ jaffettwa lil dan is-sit b’mod sinjifikattiv”.

    27

    Din id-dispożizzjoni tagħmel distinzjoni bejn żewġ fażijiet fil-proċedura ta’ evalwazzjoni li hija tipprevedi. L-ewwel fażi, prevista fl-ewwel sentenza tal-imsemmija dispożizzjoni, teżiġi li l-Istati Membri jwettqu evalwazzjoni xierqa tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett fuq sit protett meta jkun hemm il-probabbiltà li dan il-pjan jew dan il-proġett jaffettwawh b’mod sinjifikattiv. It-tieni fażi, prevista fit-tieni sentenza, li sseħħ wara din l-evalwazzjoni xierqa, tissuġġetta l-permess ta tali pjan jew proġett għall-kundizzjoni li dan ma jippreġudikax is-sit kollu kkonċernat, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar il-Habitats (ara f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Inter-Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen, C‑411/17, EU:C:2019:622, punti 118 u 119).

    28

    Fl-ewwel lok, għall-finijiet tal-evalwazzjoni dwar jekk deċiżjoni li tipproroga t-terminu stabbilit f’permess inizjali, għat-twettiq ta’ terminal ta’ rigassifikazzjoni ta’ gass naturali llikwifikat, li x-xogħlijiet tiegħu ma nbdewx, jikkonċernax “proġett” fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-kunċett ta’ “proġett” fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva EEA, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Inter-Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen, C‑411/17, EU:C:2019:622, punt 122 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    29

    Barra minn hekk, sa fejn id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “proġett” li tirriżulta mid-Direttiva EEA hija iktar restrittiva minn dik li tirriżulta mid-Direttiva dwar il-Habitats, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, jekk attività taqa’ taħt id-Direttiva EEA, hija għandha, a fortiori, taqa’ taħt id-Direttiva dwar il-Habitats (sentenzi tas-7 ta’ Novembru 2018, Coöperatie Mobilisation for the Environment et, C‑293/17 u C‑294/17, EU:C:2018:882, punt 65, kif ukoll tad-29 ta’ Lulju 2019, Inter-Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu, C‑411/17, EU:C:2019:622, punt 123).

    30

    Minn dan isegwi li, jekk attività titqies li hija “proġett”, fis-sens tad-Direttiva EEA, hija tista’ tikkostitwixxi “proġett”, fis-sens tad-Direttiva dwar il-Habitats (sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Inter-Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmier Vlaanderen, C‑411/17, EU:C:2019:622, punt 124 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    31

    Madankollu, id-definizzjoni tat-terminu “proġett”, li jinsab fl-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva EEA ssemmi, fl-ewwel inċiż tiegħu, it-twettiq ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jew ta’ installazzjonijiet jew skemi oħra u, fit-tieni inċiż tiegħu, ta’ interventi oħra fl-ambjent naturali jew fil-pajsaġġ, inklużi dawk li jinvolvu l-estrazzjoni ta’ riżorsi tal-art.

    32

    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-terminu “proġett” jikkorrispondi, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-formulazzjoni tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva EEA, għal xogħlijiet jew għal interventi li jbiddlu r-realtà fiżika tas-sit (sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Inter‑Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen, C‑411/17, EU:C:2019:622, punt 62 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    33

    F’dan il-każ, id-deċiżjoni tal-proroga ta’ terminu inizjalment stabbilit għall-kostruzzjoni ta’ terminal għar-rigassifikazzjoni ta’ gass naturali llikwifikat, li x-xogħlijiet tiegħu ma nbdewx, tissodisfa tali kriterji u għandha, għaldaqstant, titqies li tirrigwarda “proġett”, fis-sens tad-Direttiva EEA.

    34

    Għaldaqstant, tali deċiżjoni għandha wkoll titqies li tirrigwarda “proġett”, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats.

    35

    Madankollu, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 32 tal-konklużjonijiet tagħha, jekk, fid-dawl b’mod partikolari tan-natura rikorrenti, tat-tip ta’ attività jew tal-kundizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni tagħhom, ċerti attivitajiet għandhom jitqiesu bħala li jikkostitwixxu operazzjoni waħda, dawn għandhom jitqiesu bħala proġett wieħed u uniku, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats, li ma jeżiġix proċedura ta’ evalwazzjoni ġdida skont din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Jannar 2010, Stadt Papenburg, C‑226/08, EU:C:2010:10, punti 47 u 48, kif ukoll tas-7 ta’ Novembru 2018, Coöperatie Mobilisation for the Environment et, C‑293/17 u C‑294/17, EU:C:2018:882, punti 78 u 80).

    36

    F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-permess inkwistjoni fil-kawża prinċipali jkopri l-istess proġett bħal dak awtorizzat inizjalment.

    37

    Madankollu, minn dan ma jistax jiġi dedott li permess bħall-permess inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kienx suġġett, minħabba dan il-fatt biss, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats.

    38

    Fil-fatt, b’differenza mill-kawżi li taw lok għall-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, tali permess għandu l-għan mhux li jġedded il-permess ta’ attività rikorrenti matul l-operat, iżda li jippermetti t-twettiq ta’ proġett li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, u b’mod partikolari mid-deskrizzjoni tal-kuntest ġuridiku Irlandiż, kien is-suġġett tal-ewwel permess li skada, mingħajr lanqas ma bdew ix-xogħlijiet li kienu previsti.

    39

    Minn dan isegwi li dan il-permess jikkonċerna “proġett” suġġett għar-rekwiżiti tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats, indipendentement, barra minn hekk, mill-kwistjoni dwar jekk din id-dispożizzjoni kellhiex tiġi osservata waqt l-adozzjoni tal-awtorizzazzjoni inizjali.

    40

    Fit-tieni lok, għandu jiġi ddeterminat jekk permess bħall-permess inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxix “ftehim” mogħti lil dan il-proġett, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

    41

    L-Awtorità tikkontesta din l-analiżi minħabba li għandhom jiġu ssodisfatti żewġ karatteristiċi, jiġifieri li jingħata d-dritt li jitwettaq il-proġett u li jkun hemm inkwistjoni s-sostanza stess ta’ dan tal-aħħar. F’dan il-każ, skont l-Awtorità, dawn iż-żewġ kundizzjonijiet ma humiex issodisfatti, minħabba li, fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, il-kostruzzjoni tat-terminal għar-rigassifikazzjoni ta’ gass naturali llikwifikat setgħet tinbeda mill-permess inizjali u, fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, il-permess inkwistjoni fil-kawża prinċipali sempliċement jestendi t-tul tal-kostruzzjoni tal-proġett mingħajr ma jimmodifikah.

    42

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li għalkemm id-Direttiva dwar il-Habitats ma tiddefinixxix il-kundizzjonijiet li fihom l-awtoritajiet “għandhom jaqblu” dwar proġett partikolari, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tagħha, il-kunċett ta’ “permess” li jinsab fl-Artikolu 1(2)(c) tad-Direttiva EEA huwa rilevanti sabiex jiġi ddefinit is-sens ta’ dawn it-termini (sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Inter-Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmière Vlaanderen, C‑411/17, EU:C:2019:622, punt 142).

    43

    L-Artikolu 1(2)(c) tad-Direttiva EEA jiddefinixxi t-terminu “permess” bħala “id-deċiżjoni tal-awtorità jew tal-awtoritajiet kompetenti li tagħti d-dritt lill-iżviluppatur li jwettaq il-proġett”.

    44

    Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Awtorità, mis-sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Wells (C‑201/02, EU:C:2004:12), iċċitata minnha insostenn tal-argument tagħha, ma jirriżultax li hija biss deċiżjoni li temenda l-proġett awtorizzat inizjalment li tista’ tikkostitwixxi “permess” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, mill-punti 44 sa 47 tal-imsemmija sentenza jirriżulta li hija l-konstatazzjoni tar-revoka tal-permess inizjali u tal-fatt li permess ġdid kien neċessarju sabiex jitkompla l-operat tal-attività li wassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tqis li d-deċiżjoni li tippermetti t-tkomplija ta’ din l-attività kienet issostitwixxiet mhux biss it-termini, iżda wkoll is-sostanza stess tal-permess inizjali u li din id-deċiżjoni kienet tikkostitwixxi għalhekk permess ġdid.

    45

    Madankollu, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-permess inizjali waqaf milli jipproduċi l-effetti tiegħu mal-iskadenza tat-terminu ta’ għaxar snin li huwa kien stabbilixxa u l-ebda xogħol ma seta’ jsir iktar. Minn dan isegwi li, fi tmiem dan it-terminu, il-permess inizjali skada u li għalhekk ma ġiex immodifikat bil-permess inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iżda ssostitwit minn dan tal-aħħar.

    46

    Il-fatt li l-proġett inkwistjoni fil-kawża prinċipali seta’ jitwettaq skont il-permess inizjali huwa, f’dan ir-rigward, irrilevanti.

    47

    Minn dan isegwi li permess bħall-permess inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi permess ġdid, fis-sens tad-Direttiva EEA u, konsegwentement, ukoll “ftehim”, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats.

    48

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u għat-tieni domanda magħmula għandha tkun li deċiżjoni li testendi t-terminu ta’ għaxar snin inizjalment stabbilit għat-twettiq ta’ proġett ta’ kostruzzjoni ta’ terminal għar-rigassifikazzjoni ta’ gass naturali llikwifikat għandha titqies bħala “ftehim għal proġett partikolari”, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats meta l-permess inizjali ta’ dan il-proġett, li jkun skada, ikun waqaf milli jipproduċi l-effetti legali tiegħu mal-iskadenza tat-terminu li huwa kien stabbilixxa għal dawn ix-xogħlijiet u dawn tal-aħħar ma jkunux inbdew.

    Fuq it-tielet domanda

    49

    Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda magħmula, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-rekwiżit ta’ evalwazzjoni xierqa tal-effetti fuq is-sit ikkonċernat, prevista fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats, ir-rigward ta’ permess bħall-permess inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Hija tixtieq b’mod partikolari tkun taf jekk l-awtorità kompetenti hijiex obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-modifiki li eventwalment saru għax-xogħlijiet inizjalment awtorizzati u għall-użu maħsub kif ukoll l-iżviluppi, mill-permess inizjalment mogħti, tal-“kuntest ambjentali” u tal-għarfien xjentifiku. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-awtorità kompetenti għandhiex tevalwa l-effetti fuq is-sit tal-proġett kollu.

    50

    F’dan ir-rigward, kif tfakkar fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats jagħmel distinzjoni bejn żewġ fażijiet fil-proċedura ta’ evalwazzjoni li huwa jipprevedi u l-ewwel fażi, prevista fl-ewwel sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, teżiġi li l-Istati Membri jwettqu evalwazzjoni xierqa tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett fuq sit protett meta teżisti probabbiltà li dan il-pjan jew dan il-proġett jaffettwah b’mod sinjifikattiv (sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Inter‑Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen, C‑411/17, EU:C:2019:622, punt 119 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    51

    Fid-dawl, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, jitqies li tali riskju jeżisti meta ma jkunx jista’ jiġi eskluż, abbażi tal-aħjar għarfien xjentifiku f’dan il-qasam, li l-pjan jew il-proġett jista’ jaffettwa l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dan is-sit. L-evalwazzjoni tar-riskju għandha ssir, b’mod partikolari, fid-dawl tal-karatteristiċi u tal-kundizzjonijiet ambjentali speċifiċi tas-sit ikkonċernat minn tali pjan jew proġett (sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Inter‑Environnement Wallonie u Bond Beter Leefnofs Vlaanderen, C‑411/17, EU:C:2019:622, punt 134).

    52

    Evalwazzjoni xierqa tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett timplika li, qabel l-approvazzjoni tiegħu, għandhom jiġu identifikati, fid-dawl tal-aħjar għarfien xjentifiku f’dan il-qasam, l-aspetti kollha ta’ dan il-pjan jew ta’ dan il-proġett li jistgħu, waħedhom jew flimkien ma’ pjanijiet jew ma’ proġetti oħra, jaffettwaw l-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit protett. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jawtorizzaw attività biss bil-kundizzjoni li jkunu kisbu ċ-ċertezza li din l-attività ma jkollhiex effetti dannużi fir-rigward tas-sit kollu. Dan huwa l-każ meta ma jibqa’ ebda dubju raġonevoli mill-aspett xjentifiku fir-rigward tal-assenza ta’ tali effetti (sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Inter-Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen, C‑411/17, EU:C:2019:622, punt 120 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    53

    Għalhekk, evalwazzjoni mwettqa abbażi tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats ma tistax titqies li hija xierqa jekk tinkludi lakuni u ma tinkludix konstatazzjonijiet u konklużjonijiet kompleti, preċiżi u definittivi, ta’ natura li jneħħu kull dubju xjentifiku raġonevoli fir-rigward tal-effetti tax-xogħlijiet li kienu previsti fis-sit protett (sentenza tal-24 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑404/09, EU:C:2011:768, punt 100).

    54

    Għandu jingħad li hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll evalwazzjonijiet imwettqa eventwalment fil-każ ta’ permessi preċedenti, sabiex jiġi evitat li l-istess proġett ikun suġġett għal diversi evalwazzjonijiet ambjentali li jkopru r-rekwiżiti tad-Direttiva dwar il-Habitats (ara, b’analoġija, sentenzi tal-10 ta’ Settembru 2015, Dimos Kropias Attikis, C‑473/14, EU:C:2015:582, punt 55, kif ukoll tat-22 ta’ Marzu 2012, Inter‑Environnement Bruxelles et, C‑567/10, EU:C:2012:159, punt 42).

    55

    Madankollu, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali evalwazzjonijiet preċedenti waqt l-adozzjoni ta’ permess li jestendi t-tul ta’ kostruzzjoni ta’ proġett bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistax jeskludi riskju ta’ effett sinjifikattiv fuq sit protett ħlief jekk dawn ikun fihom konklużjonijiet kompleti, preċiżi u definittivi ta’ natura li jneħħu kull dubju xjentifiku raġonevoli fir-rigward tal-effetti tax-xogħlijiet, u bil-kundizzjoni li d-data ambjentali u xjentifika rilevanti ma tkunx evolviet, il-proġett ma jkunx ġie mmodifikat u ma jkunx hemm pjanijiet jew proġetti oħra li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni.

    56

    Minn dan jirriżulta li hija l-awtorità kompetenti li għandha tevalwa jekk permess bħall-permess inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jestendi t-terminu inizjalment stabbilit fl-ewwel premess għat-twettiq ta’ proġett ta’ kostruzzjoni ta’ terminal għar-rigassifikazzjoni ta’ gass naturali llikwifikat, għandux jiġi ppreċedut mill-evalwazzjoni xierqa tal-effetti prevista fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats u, skont il-każ, jekk dan għandux jirrigwarda l-iżvilupp kollu jew parti minnu, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, kemm l-evalwazzjoni preċedenti effettivament imwettqa kif ukoll l-evoluzzjoni ta’ data ambjentali u xjentifika rilevanti, iżda wkoll il-modifika eventwali tal-proġett jew l-eżistenza ta’ pjanijiet jew proġetti oħra.

    57

    F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-proġett ta’ kostruzzjoni ta’ terminal għar-rigassifikazzjoni ta’ gass naturali llikwifikat kellu jitwettaq viċin żewġ siti protetti u li l-permess inizjali ma ġiex ippreċedut minn evalwazzjoni li tinkludi konklużjonijiet kompleti, preċiżi u definittivi ta’ natura li jneħħu kull dubju xjentifiku raġonevoli fir-rigward tal-effetti tax-xogħlijiet li kienu previsti fuq dawn is-siti.

    58

    Minn dan isegwi, minn naħa, li ma jistax jiġi eskluż li tali proġett jista’ jaffettwa l-imsemmija siti b’mod sinjifikattiv u, min-naħa l-oħra, li tali ċirkustanzi, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, huma ta’ natura li jeżiġu li permess bħall-permess inkwistjoni fil-kawża prinċipali jkun ippreċedut mill-evalwazzjoni xierqa tal-effetti meħtieġa mill-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats. Minn dan jirriżulta wkoll li tali evalwazzjoni ma tistax tkun ikkostitwita minn sempliċi aġġornament tal-evalwazzjoni li setgħet titwettaq qabel, iżda għandha tikkonsisti f’evalwazzjoni kompleta tal-effetti tal-proġett kollu fuq l-istess siti.

    59

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda magħmula għandha tkun li hija l-awtorità kompetenti li għandha tevalwa jekk deċiżjoni li testendi t-terminu inizjalment stabbilit għat-twettiq ta’ proġett ta’ kostruzzjoni ta’ terminal għar-rigassifikazzjoni ta’ gass naturali llikwifikat, li l-permess inizjali tiegħu jkun skada, għandhiex tkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni xierqa tal-effetti prevista fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats u, jekk ikun il-każ, jekk din għandhiex tirrigwarda l-proġett kollu jew parti minnu, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, kemm l-evalwazzjoni preċedenti effettivament imwettqa kif ukoll l-evoluzzjoni ta’ data ambjentali u xjentifika rilevanti, iżda wkoll il-modifika eventwali tal-proġett jew l-eżistenza ta’ pjanijiet jew proġetti oħra. Din l-evalwazzjoni tal-effetti għandha ssir meta ma jkunx jista’ jiġi eskluż, abbażi tal-aħjar għarfien xjentifiku fil-qasam, li dan il-proġett jaffettwa l-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit ikkonċernat. Evalwazzjoni preċedenti tal-imsemmi proġett, imwettqa qabel l-adozzjoni tal-permess inizjali tiegħu, tista’ teskludi dan ir-riskju biss jekk tkun tinkludi konklużjonijiet kompleti, preċiżi u definittivi ta’ natura li jneħħu kull dubju xjentifiku raġonevoli fir-rigward tal-effetti tax-xogħlijiet, u bla ħsara għan-nuqqas ta’ żvilupp tad-data ambjentali u xjentifika rilevanti, tal-modifika eventwali tal-proġett jew tal-eżistenza ta’ pjanijiet jew proġetti oħra.

    Fuq ir-raba’ domanda

    60

    Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-risposta għall-ewwel sat-tielet domanda tkunx differenti skont jekk permess ta’ proġett jimponix terminu għall-fażi tal-operat jew jistabbilixxix biss terminu għall-fażi ta’ twettiq tiegħu, bil-kundizzjoni li x-xogħlijiet jitlestew f’dan it-terminu.

    61

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li jidher li distinzjoni bejn dawn iż-żewġ tipi ta’ permessi ma tidhirx li hija rilevanti għall-kawża prinċipali.

    62

    Konsegwentement, peress li l-ġustifikazzjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma hijiex il-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar domandi ġenerali jew ipotetiċi, iżda l-ħtieġa inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima (sentenza tas-26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), ir-raba’ domanda għandha tiġi ddikjarata inammissibbli.

    Fuq il-ħames domanda

    63

    Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi sa fejn l-obbligu ta’ qorti nazzjonali li tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali kemm jista’ jkun b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-Habitats u tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus huwa suġġett għar-rekwiżit li l-partijiet fil-kawża prinċipali jkunu espliċitament qajmu tali kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni. B’mod iktar preċiż, jekk id-dritt nazzjonali jipprevedi żewġ proċeduri deċiżjonali, fejn waħda minnhom biss tiżgura l-osservanza tad-Direttiva dwar il-Habitats, il-qorti nazzjonali hija obbligata tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-sens li hija biss il-proċedura deċiżjonali konformi li tista’ tiġi invokata, minkejja li l-partijiet fil-kawża li biha hija adita ma invokawx espliċitament din l-istess interpretazzjoni.

    64

    Mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li hija biss il-qorti nazzjonali, li tkun adita bit-tilwima fil-kawża prinċipali u li jkollha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies, C‑502/19, EU:C:2019:1115, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    65

    Minn dan isegwi li d-domandi magħmula mill-qrati nazzjonali jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza u li r-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq dawn id-domandi huwa possibbli biss jekk jidher li l-interpretazzjoni mitluba ma jkollha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, jekk il-problema tkun ta’ natura ipotetika jew anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għall-imsemmija domandi (ara, f’dan is-sens, sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies, C‑502/19, EU:C:2019:1115, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    66

    Preliminarjament għandu jiġi rrilevat li l-ħames domanda magħmula ma ssemmix b’mod suffiċjentement preċiż id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus li ntalbet l-interpretazzjoni tagħha.

    67

    Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din id-domanda saret peress li l-qorti tar-rinviju tixtieq tirrileva li d-dispożizzjoni nazzjonali li abbażi tagħha ġie adottat il-permess inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija żbaljata minħabba li teżisti dispożizzjoni oħra, f’dan il-każ l-Artikolu 42 tal-PDA 2000, li, interpretata fid-dawl tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats, hija konformi mad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, dan l-iżball ta’ liġi ma ġiex invokat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u ma jistax, għaldaqstant, jitqajjem ex officio mill-qorti tar-rinviju.

    68

    Minn dan jirriżulta li l-ħames domanda magħmula tirrigwarda fir-realtà l-possibbiltà, għal qorti nazzjonali, li tibbaża ruħha fuq interpretazzjoni konformi ta’ dispożizzjoni nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni sabiex tirrileva ex officio l-kuntrarjetà ma’ dan id-dritt ta’ dispożizzjoni nazzjonali oħra, li sservi ta’ bażi legali għall-permess inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    69

    Madankollu, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 61 u 68 tal-konklużjonijiet tagħha, ma jidhirx b’mod ċar għal liema raġunijiet il-qorti tar-rinviju għandha tipprova tistabbilixxi l-bażi legali xierqa tal-permess inkwistjoni fil-kawża prinċipali jekk hija kellha fi kwalunkwe każ tirrileva li dan il-permess ġie adottat bi ksur tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats, filwaqt li huwa ppreċiżat, barra minn hekk, li mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jidher li jirriżulta li Friends of the Irish Environment tabilħaqq sostniet li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats kien ġie miksur.

    70

    Għandu jingħad ukoll li mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax b’mod ċar jekk id-dritt Irlandiż jipprojbixxix, f’kull każ, lil qorti nazzjonali milli tqajjem ex officio motivi ta’ dritt li ma jkunux tqajmu minn rikorrent.

    71

    Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għall-ħames domanda magħmula u li din hija, għaldaqstant, inammissibbli.

    Fuq is-sitt domanda

    72

    Permezz tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, fil-każ li r-risposta li għandha tingħata għall-punt (a) tat-tieni domanda tagħha għandha tkun fis-sens li l-applikazzjoni tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats fir-rigward ta’ permess bħall-permess inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiddependi fuq in-nuqqas ta’ osservanza ta’ din id-dispożizzjoni waqt l-għoti tal-permess inizjali, id-dritt tal-Unjoni jipprekludix regola proċedurali nazzjonali li tipprekludi rikorrent, fil-kuntest tar-rikors tiegħu kontra bħall-permess inkwistjoni fil-kawża prinċipali, milli jinvoka, permezz ta’ dan il-permess, l-eċċezzjoni ta’ illegalità, għal din ir-raġuni, tal-permess mogħti inizjalment. Barra minn hekk, hija tistaqsi jekk tali regola proċedurali hijiex konformi mal-obbligu tal-Istati Membri li jirrimedjaw il-ksur tad-dritt tal-Unjoni.

    73

    Madankollu, mir-risposta mogħtija għall-ewwel u għat-tieni domanda magħmula jirriżulta li l-osservanza tad-Direttiva dwar il-Habitats b’permess bħall-permess inizjali ma hijiex rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk permess bħall-permess inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxix ftehim dwar proġett, fis-sens tal-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva.

    74

    Minn dan isegwi li ma hemmx lok li tingħata risposta għas-sitt domanda magħmula.

    Fuq l-ispejjeż

    75

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Deċiżjoni li testendi t-terminu ta’ għaxar snin inizjalment stabbilit għat-twettiq ta’ proġett ta’ kostruzzjoni ta’ terminal għar-rigassifikazzjoni ta’ gass naturali llikwifikat għandha titqies bħala “ftehim għal proġett partikolari”, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, meta l-permess inizjali ta’ dan il-proġett, li jkun skada, ikun waqaf milli jipproduċi l-effetti legali tiegħu mal-iskadenza tat-terminu li huwa kien stabbilixxa għal dawn ix-xogħlijiet u dawn tal-aħħar ma jkunux inbdew.

     

    2)

    L-awtorità kompetenti għandha tevalwa jekk deċiżjoni li testendi t-terminu inizjalment stabbilit għat-twettiq ta’ proġett ta’ kostruzzjoni ta’ terminal għar-rigassifikazzjoni ta’ gass naturali llikwifikat, li l-permess inizjali tiegħu jkun skada, għandhiex tkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni xierqa tal-effetti prevista fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats u, jekk ikun il-każ, jekk din għandhiex tirrigwarda l-proġett kollu jew parti minnu, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, kemm l-evalwazzjoni preċedenti effettivament imwettqa kif ukoll l-evoluzzjoni ta’ data ambjentali u xjentifika rilevanti, iżda wkoll il-modifika eventwali tal-proġett jew l-eżistenza ta’ pjanijiet jew proġetti oħra.

    Din l-evalwazzjoni tal-effetti għandha ssir meta ma jkunx jista’ jiġi eskluż, abbażi tal-aħjar għarfien xjentifiku fil-qasam, li dan il-proġett jaffettwa l-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit ikkonċernat. Evalwazzjoni preċedenti tal-imsemmi proġett, imwettqa qabel l-adozzjoni tal-permess inizjali tiegħu, tista’ teskludi dan ir-riskju biss jekk tkun tinkludi konklużjonijiet kompleti, preċiżi u definittivi ta’ natura li jneħħu kull dubju xjentifiku raġonevoli fir-rigward tal-effetti tax-xogħlijiet, u bla ħsara għan-nuqqas ta’ żvilupp tad-data ambjentali u xjentifika rilevanti, tal-modifika eventwali tal-proġett jew tal-eżistenza ta’ pjanijiet jew proġetti oħra.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top