Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0241

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tad-9 ta’ Lulju 2020.
George Haswani vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Appell – Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra s-Sirja – Miżuri indirizzati kontra negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja – Lista tal-persuni li għalihom japplika l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi – Inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent – Rikors għal annullament u għad-danni.
Kawża C-241/19 P.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:545

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

9 ta’ Lulju 2020 ( *1 )

“Appell – Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra s-Sirja – Miżuri indirizzati kontra negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja – Lista tal-persuni li għalihom japplika l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi – Inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent – Rikors għal annullament u għad-danni”

Fil-Kawża C‑241/19 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-18 ta’ Marzu 2019,

George Haswani, residenti f’Yabroud (is-Sirja), irrappreżentat minn G. Karouni, avocat,

appellant,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn S. Kyriakopoulou u V. Piessevaux, bħala aġenti,

konvenut fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn A. Bouquet, L. Baumgart u A. Tizzano, sussegwentement minn A. Bouquet u L. Baumgart, bħala aġenti,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn L. S. Rossi, President tal-Awla, J. Malenovský u F. Biltgen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tiegħu, George Haswani jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta’ Jannar 2019, Haswani vs Il-Kunsill (T‑477/17, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2019:7), li permezz tagħha din ċaħdet, minn naħa, it-talba tiegħu bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/850 tas-27 ta’ Mejju 2016 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2016, L 141, p. 125), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/840 tas-27 ta’ Mejju 2016 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2016, L 141, p. 30), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/917 tad-29 ta’ Mejju 2017 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2017, L 139, p. 62, rettifika fil-ĠU 2017, L 146, p. 159), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/907 tad-29 ta’ Mejju 2017 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2017, L 139, p. 15, rettifika fil-ĠU 2017, L 146, p. 159), tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1245 tal-10 ta’ Lulju 2017 li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2017, L 178, p. 13), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1241 tal-10 ta’ Lulju 2017 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2017, L 178, p. 1), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/778 tat-28 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2018, L 131, p. 16, rettifika fil-ĠU 2018, L 167, p. 36), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/774 tat-28 ta’ Mejju 2018 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2018, L 131, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 167, p. 36), sa fejn dawn l-atti jikkonċernawh, u, min-naħa l-oħra, it-talba tiegħu bbażata fuq l-Artikolu 268 TFUE u intiża sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu li allegatament sostna minħabba d-Deċiżjoni 2017/917 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/907.

Il-kuntest ġuridiku

2

L-Artikolu 27 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK tal-31 ta’ Mejju 2013 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2013, L 147, p. 14, rettifika fil-ĠU 2018, L 190, p. 20), kien jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jimpedixxu d-dħul fit-territorji tagħhom, jew it-transitu minnhom, tal-persuni responsabbli mir-repressjoni vjolenti kontra l-popolazzjoni ċivili fis-Sirja, ta’ persuni li jibbenefikaw minn jew li jappoġġaw ir-reġim, u ta’ persuni assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness I.

[…]”

3

L-Artikolu 28 tad-Deċiżjoni 2013/255 kien ifformulat kif ġej:

“1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, jew huma proprjetà ta’, miżmuma jew ikkontrollati minn persuni responsabbli mir-repressjoni vjolenti kontra l-popolazzjoni ċivili fis-Sirja, persuni u entitajiet li jibbenefikaw minn jew li jappoġġaw ir-reġim, u persuni u entitajiet assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Annessi I u II, għandhom jiġu ffriżati.

[…]”

4

Id-Deċiżjoni 2013/255 ġiet emendata permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1836 tat-12 ta’ Ottubru 2015 (ĠU 2015, L 266, p. 75, rettifika fil-ĠU 2016, L 336, p. 42, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni 2013/255, kif emendata”).

5

Il-premessi 2, 5 u 6 tad-Deċiżjoni 2015/1836 jipprovdu:

“(2)

[…] il-Kunsill kompla jikkundanna bil-qawwa r-repressjoni vjolenti kontra l-popolazzjoni ċivili fis-Sirja mwettqa mir-reġim Sirjan. Il-Kunsill ripetutament esprima tħassib serju dwar is-sitwazzjoni li qed tiddeterjora fis-Sirja, u b’mod partikolari, il-ksur mifrux u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali.

[…]

(5)

Il-Kunsill jinnota li r-reġim Sirjan qed ikompli jsegwi l-politika ta’ repressjoni tiegħu u, fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni li għadha tippersisti, il-Kunsill iqis li hu meħtieġ li jżomm u jiżgura l-effikaċja tal-miżuri restrittivi stabbiliti, billi jkompli jiżviluppahom waqt li jissokta bl-approċċ immirat u differenzjat tiegħu u jqis il-kundizzjonijiet umanitarji tal-popolazzjoni Sirjana. Il-Kunsill iqis li ċerti kategoriji ta’ persuni u entitajiet huma ta’ rilevanza partikolari għall-effikaċja ta’ dawn il-miżuri restrittivi, minħabba l-kuntest speċifiku dominanti fis-Sirja.

(6)

Il-Kunsill ivvaluta li minħabba l-kontroll strett eżerċitat fuq l-ekonomija mir-reġim Sirjan, ċirku ta’ ġewwa ta’ negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja jistgħu biss iżommu l-istatus tagħhom minħabba li jgawdu minn assoċjazzjoni mill-qrib mar-reġim u mill-appoġġ tiegħu, u billi għandhom influwenza fi ħdanu. Il-Kunsill iqis li għandu jipprevedi miżuri restrittivi biex jimponi restrizzjonijiet fuq id-dħul u jiffriża l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, huma proprjetà ta’, miżmumin jew ikkontrollati minn dawk in-negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja, kif identifikati mill-Kunsill u elenkati fl-Anness I, sabiex ma jħallihomx jipprovdu appoġġ materjali jew finanzjarju lir-reġim u, permezz tal-influwenza tagħhom, tiżdied il-pressjoni fuq ir-reġim innifsu biex ibiddel il-politiki ta’ repressjoni tiegħu.”

6

Fil-paragrafi 1 sa 4 tiegħu, l-Artikolu 27 tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata, jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jimpedixxu d-dħul fit-territorji tagħhom, jew it-transitu minnhom, tal-persuni responsabbli mir-repressjoni vjolenti kontra l-popolazzjoni ċivili fis-Sirja, ta’ persuni li jibbenefikaw minn jew li jappoġġaw ir-reġim, u ta’ persuni assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness I.

2.   Skont il-valutazzjonijiet u d-determinazzjonijiet magħmula mill-Kunsill fil-kuntest tas-sitwazzjoni fis-Sirja kif stipulat fil-Premessi (5) sa (11), l-Istati Membri għandhom ukoll jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu d-dħul fi, jew it-transitu mit-territorji tagħhom ta’:

a)

negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja;

b)

membri tal-familji Assad jew Makhlouf;

c)

Ministri tal-Gvern Sirjan fis-setgħa wara Mejju 2011;

d)

membri tal-Forzi Armati Sirjani fil-grad ta’ ‘kurunell’ u l-ekwivalenti jew ogħla fil-kariga wara Mejju 2011;

e)

membri tas-servizzi Sirjani ta’ sigurtà u ta’ intelligence fil-kariga wara Mejju 2011;

f)

membri tal-milizzji affiljati mar-reġim; jew

g)

persuni li joperaw fis-settur tal-proliferazzjoni ta’ armi kimiċi,

[…]

3.   Persuni f’xi waħda mill-kategoriji msemmija fil-paragrafu 2 m’għandhomx jiġu inklużi jew miżmuma fuq il-lista ta’ persuni u entitajiet fl-Anness I jekk hemm biżżejjed informazzjoni li m’humiex, jew m’għadhomx, assoċjati mar-reġim jew ma jeżerċitawx influwenza fuqu jew ma joħolqux riskju reali ta’ ċirkomvenzjoni.

4.   Id-deċiżjonijiet kollha dwar l-elenkar għandhom isiru fuq bażi individwali u skont il-każ b’kont meħud tal-proporzjonalità tal-miżura.”

7

L-Artikolu 28(1) sa (4) ta’ din id-deċiżjoni jipprovdi:

“1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, jew huma proprjetà ta’, miżmuma jew ikkontrollati minn persuni responsabbli mir-repressjoni vjolenti kontra l-popolazzjoni ċivili fis-Sirja, persuni u entitajiet li jibbenefikaw minn jew li jappoġġaw ir-reġim, u persuni u entitajiet assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Annessi I u II, għandhom jiġu ffriżati.

2.   Skont il-valutazzjonijiet u d-determinazzjonijiet magħmula mill-Kunsill fil-kuntest tas-sitwazzjoni fis-Sirja kif stipulat fil-Premessi (5) sa (11), il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, jew huma proprjetà ta’, miżmuma jew ikkontrollati minn:

a)

negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja;

b)

membri tal-familji Assad jew Makhlouf;

c)

Ministri tal-Gvern Sirjan fis-setgħa wara Mejju 2011;

d)

membri tal-Forzi Armati Sirjani fil-grad ta’ ‘kurunell’ u l-ekwivalenti jew ogħla fil-kariga wara Mejju 2011;

e)

membri tas-servizzi Sirjani ta’ sigurtà u ta’ intelligence fil-kariga wara Mejju 2011;

f)

membri tal-milizzji affiljati mar-reġim; jew

g)

membri ta’ entitajiet, unitajiet, aġenziji, korpi jew istituzzjonijiet li joperaw fis-settur tal-proliferazzjoni ta’ armi kimiċi,

[…]

3.   Persuni, entitajiet jew korpi f’xi waħda mill-kategoriji msemmija fil-paragrafu 2 m’għandhomx jiġu inklużi jew miżmuma fuq il-lista ta’ persuni u entitajiet fl-Anness I jekk hemm biżżejjed informazzjoni li huma m’humiex, jew m’għadhomx, assoċjati mar-reġim jew ma jeżerċitawx influwenza fuqu jew ma joħolqux riskju reali ta’ ċirkomvenzjoni.

4.   Id-deċiżjonijiet kollha dwar l-elenkar għandhom isiru fuq bażi individwali u skont il-każ b’kont meħud tal-proporzjonalità tal-miżura.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

8

Il-fatti li wasslu għall-kawża huma indikati fil-punti 1 sa 30 tas-sentenza appellata. Għall-finijiet ta’ din il-proċedura, dawn jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

9

L-appellant huwa negozjant ta’ nazzjonalità Sirjana.

10

Filwaqt li kkundanna bis-sħiħ ir-repressjoni vjolenti tal-manifestazzjonijiet paċifiċi f’diversi nħawi fis-Sirja kollha u filwaqt li appella lill-awtoritajiet Sirjani sabiex dawn jastjenu milli jirrikorru għall-forza, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, fid-9 ta’ Mejju 2011, adotta d-Deċiżjoni 2011/273/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2011, L 121, p. 11).

11

L-ismijiet tal-persuni responsabbli għar-repressjoni vjolenti eżerċitata kontra l-popolazzjoni ċivili fis-Sirja kif ukoll dawk tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, u entitajiet li huma assoċjati magħhom huma msemmija fl-Anness tad-Deċiżjoni 2011/273. Skont l-Artikolu 5(1) ta’ din id-deċiżjoni, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq proposta ta’ Stat Membru jew ta’ Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, jista’ jemenda l-imsemmi anness.

12

Peress li wħud mill-miżuri restrittivi meħuda kontra r-Repubblika Għarbija Sirjana jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat FUE, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 442/2011 tad-9 ta’ Mejju 2011 dwar miżuri ristrettivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2011, L 121, p. 1). Dan ir-regolament huwa, essenzjalment, identiku għad-Deċiżjoni 2011/273, iżda jipprevedi possibbiltajiet għar-rilaxx ta’ fondi ffriżati. Il-lista tal-persuni, tal-entitajiet u tal-organi rrikonoxxuti li huma jew responsabbli għar-repressjoni inkwistjoni, jew assoċjati mal-persuni responsabbli għal din ir-repressjoni, li tinsab fl-Anness II tal-imsemmi regolament, hija identika għal dik li tinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni 2011/273.

13

Permezz tad-Deċiżjoni 2011/782/PESK tal-1 ta’ Diċembru 2011 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja u tħassar id-Deċiżjoni 2011/273/PESK (ĠU 2011, L 319, p. 56) tiegħu, il-Kunsill ikkunsidra li, fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni fis-Sirja, kien meħtieġ li jiġu stabbiliti miżuri restrittivi addizzjonali. Fl-Artikolu 18 tagħha, id-Deċiżjoni 2011/782 tipprevedi restrizzjonijiet fil-qasam tal-ammissjoni fit-territorju tal-Unjoni Ewropea tal-persuni li isimhom jinsab fl-Anness I ta’ din id-deċiżjoni u, fl-Artikolu 19, tipprevedi l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi tal-persuni u tal-entitajiet li isimhom jinsab fl-Annessi I u II tal-imsemmija deċiżjoni.

14

Ir-Regolament Nru 442/2011 ġie ssostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012 tat-18 ta’ Jannar 2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2012, L 16, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2014, L 294, p. 59, u fil-ĠU 2018, L 190, p. 20).

15

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/739/PESK tad-29 ta’ Novembru 2012 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/782 (ĠU 2012, L 330, p. 21), il-miżuri restrittivi inkwistjoni ġew integrati fi strument legali wieħed.

16

Id-Deċiżjoni 2012/739 ġiet issostitwita bid-Deċiżjoni 2013/255. Din tal-aħħar ġiet prorogata sal-1 ta’ Ġunju 2015 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/309/PESK tat-28 ta’ Mejju 2014 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255 (ĠU 2014, L 160, p. 37).

17

Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/383 tas-6 ta’ Marzu 2015 li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2015, L 64, p. 41), isem l-appellant iddaħħal fil-linja 203 tat-Taqsima A tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2013/255, dwar il-lista ta’ persuni kkonċernati minn din id-deċiżjoni, kif ukoll id-data ta’ inklużjoni ta’ ismu f’din il-lista, f’dan il-każ is-7 ta’ Marzu 2015, u r-raġunijiet li ġejjin:

“Negozjant Sirjan prominenti, koproprjetarju ta’ HESCO Engineering and Construction Company, kumpannija tal-inġinerija u tal-kostruzzjoni ewlenija fis-Sirja. Huwa għandu rabtiet mill-qrib mar-reġim Sirjan.

George Haswani jagħti sostenn lir-reġim u jibbenefika minnu permezz tar-rwol tiegħu bħala persuna intermedjarja f’negozjati għax-xiri taż-żejt mill-[Istat Iżlamiku fl-Iraq u fil-Lvant (ISIL)] mir-reġim Sirjan.

Huwa jibbenefika wkoll mir-reġim permezz ta’ trattament favorevoli inkluż l-għoti ta’ kuntratt (bħala sottokuntrattur) ma’ Stroytransgaz, kumpannija taż-żejt ewlenija Russa.”

18

Fis-6 ta’ Marzu 2015, il-Kunsill adotta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/375 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 (ĠU 2015, L 64, p. 10). Isem l-appellant tniżżel fil-lista li tinsab fit-Taqsima A tal-Anness II tar-Regolament Nru 36/2012 bl-istess dettalji u raġunijiet li ntużaw fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/383.

19

Fit-28 ta’ Mejju 2015, permezz tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/837 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255 (ĠU 2015, L 132, p. 82) tiegħu, il-Kunsill ipproroga d-Deċiżjoni 2013/255 sal-1 ta’ Ġunju 2016. Fl-istess jum, huwa adotta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/828 li jimplimenta r-Regolament Nru 36/2012 (ĠU 2015, L 132, p. 3).

20

Fit-12 ta’ Ottubru 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2015/1836 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255. Fl-istess jum, huwa adotta r-Regolament (UE) 2015/1828 li jemenda r-Regolament Nru 36/2012 (ĠU 2015, L 266, p. 1).

21

Fis-27 ta’ Mejju 2016, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2016/850. Isem l-appellant inżamm fil-linja 203 tat-Taqsima A tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2013/255 dwar il-lista ta’ persuni kkonċernati minn din id-deċiżjoni, kif ukoll id-data ta’ inklużjoni ta’ ismu f’din il-lista, f’dan il-każ is-7 ta’ Marzu 2015, u r-raġunijiet li ġejjin:

“Negozjant prominenti li jopera fis-Sirja, b’interessi u/jew attivitajiet fis-setturi tal-inġinerija, tal-bini u taż-żejt u l-gass. Għandu interessi fi u/jew għandu influwenza sinifikanti f’għadd ta’ kumpaniji u entitajiet fis-Sirja, b’mod partikolari HESCO Engineering and Construction Company, kumpanija ewlenija tal-inġinerija u tal-bini.

George Haswani għandu rabtiet mill-qrib mar-reġim Sirjan. Huwa jagħti appoġġ lir-reġim u jgawdi minnu permezz tar-rwol tiegħu bħala medjatur f’negozjati għax-xiri taż-żejt mingħand l-ISIL mir-reġim Sirjan. Huwa jgawdi wkoll mir-reġim permezz ta’ trattament favorevoli inkluż l-għoti ta’ kuntratt (bħala sottokuntrattur) ma’ Stroytransgaz, kumpanija ewlenija taż-żejt Russa.”

22

Fis-27 ta’ Mejju 2016, il-Kunsill adotta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/840. Isem l-appellant inżamm fil-lista li tinsab fit-Taqsima A tal-Anness II tar-Regolament Nru 36/2012, bl-istess dettalji u raġunijiet li ntużaw fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2016/850.

23

Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Mejju 2016, mibgħuta lir-rappreżentat tal-appellant, il-Kunsill innotifika lil dan tal-aħħar b’kopja tad-Deċiżjoni 2016/850 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/840.

24

Wara rikors ippreżentat mill-appellant, permezz ta’ sentenza tat-22 ta’ Marzu 2017, Haswani vs Il-Kunsill (T‑231/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:200), il-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/383, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/375, id-Deċiżjoni 2015/837 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/828, sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lill-appellant. Fir-rigward tal-parti tar-rikors indirizzata kontra d-Deċiżjoni 2016/850 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/840, il-Qorti Ġenerali ċaħditha bħala inammissibbli għar-raġuni li n-nota li tinkludi t-talba għal adattament ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 86(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Adita b’appell, il-Qorti tal-Ġustizzja ssanzjonat ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali relatat mal-kundizzjonijiet li nota ta’ adattament tal-motivi u tal-argumenti ppreżentati insostenn ta’ rikors promotur għandha tissodisfa u, permezz ta’ sentenza tal-24 ta’ Jannar 2019, Haswani vs Il‑Kunsill (C‑313/17 P, EU:C:2019:57), annullat din is-sentenza tal-Qorti Ġenerali dwar dan il-punt. Wara r-rinviju tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, permezz ta’ digriet tal-11 ta’ Settembru 2019, Haswani vs Il-Kunsill (T‑231/15 RENV, mhux ippubblikat, EU:T:2019:589), din tal-aħħar ċaħdet il-parti tar-rikors diretta kontra d-Deċiżjoni 2016/850 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/840 bħala parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondata.

25

Fid-29 ta’ Mejju 2017, permezz tad-Deċiżjoni 2017/917 tiegħu, il-Kunsill ipproroga d-Deċiżjoni 2013/255 sal-1 ta’ Ġunju 2018. Fid-29 ta’ Mejju 2017, huwa adotta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/907.

26

Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Ġunju 2017 mibgħuta lir-rappreżentant tal-appellant, il-Kunsill informa lil dan tal-aħħar bl-intenzjoni tiegħu li jemenda r-raġunijiet tal-inklużjoni ta’ ismu fil-listi li jinsabu fit-Taqsima A tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2013/255 u fit-Taqsima A tal-Anness II tar-Regolament Nru 36/2012 wara li wettaq eżami mill-ġdid tal-imsemmija inklużjoni. Il-Kunsill stabbilixxa terminu għall-appellant sabiex jifformula osservazzjonijiet eventwali.

27

Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Ġunju 2017, ir-rappreżentant tal-appellant oppona għall-inklużjoni mill-ġdid ta’ ismu fl-imsemmija listi.

28

Fl-10 ta’ Lulju 2017, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2017/1245. Isem l-appellant inżamm fil-linja 203 tat-Taqsima A tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2013/255 dwar il-lista ta’ persuni kkonċernati minn din id-deċiżjoni, kif ukoll id-data ta’ inklużjoni ta’ ismu f’din il-lista, f’dan il-każ is-7 ta’ Marzu 2015, u r-raġunijiet li ġejjin:

“Negozjant prominenti li jopera fis-Sirja, b’interessi u/jew attivitajiet fis-setturi tal-inġinerija, tal-bini u taż-żejt u l-gass. Għandu interessi fi u/jew għandu influwenza sinifikanti f’għadd ta’ kumpaniji u entitajiet fis-Sirja, b’mod partikolari HESCO Engineering and Construction Company, kumpanija ewlenija tal-inġinerija u tal-bini.”

29

Fl-10 ta’ Lulju 2017, il-Kunsill adotta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/1241. Isem l-appellant inżamm fil-lista li tinsab fit-Taqsima A tal-Anness II tar-Regolament Nru 36/2012 bl-istess dettalji u raġunijiet li ntużaw fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2017/1245.

30

Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Lulju 2017, mibgħuta lir-rappreżentant tal-appellant, il-Kunsill wieġeb għall-ittra tiegħu tad-29 ta’ Ġunju 2017 u nnotifika lill-appellant b’kopja tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2017/1245 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/1241.

31

Fit-28 ta’ Mejju 2018, permezz tad-Deċiżjoni 2018/778 tiegħu, il-Kunsill ipproroga d-Deċiżjoni 2013/255 sal-1 ta’ Ġunju 2019. Barra minn hekk, diversi dettalji li jinsabu fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2013/255 u li jikkonċernaw persuni oħra għajr l-appellant ġew emendati. Skont l-Artikolu 3 tagħha, id-Deċiżjoni 2018/778 daħlet fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il‑Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

32

Fit-28 ta’ Mejju 2018, il-Kunsill adotta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/774. Skont l-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, l-Anness II tar-Regolament Nru 36/2012 ġie emendat, u dan sabiex jittieħed kont tal-emendi li saru għall-Anness I tad-Deċiżjoni 2013/255 permezz tad-Deċiżjoni 2018/778. Skont l-Artikolu 2 tiegħu, dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni daħal fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il‑Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

33

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-31 ta’ Lulju 2017, l-appellant ressaq azzjoni intiża, minn naħa, għall-annullament tad-Deċiżjoni 2016/850, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/840, tad-Deċiżjoni 2017/917, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/907, tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2017/1245 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/1241 kif ukoll, min-naħa l-oħra, għall-kumpens tad-dannu allegatament sostnut minħabba d-Deċiżjoni 2017/917 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/907.

34

Fil-15 ta’ Novembru 2017, il-Kunsill ippreżenta risposta fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

35

Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Jannar 2018, il-Kummissjoni Ewropea ġiet aċċettata sabiex tintervjeni fil-proċedura insostenn tat-talbiet tal-Kunsill u hija ppreżentat in-nota ta’ intervent tagħha fit-23 ta’ Frar 2018.

36

Permezz ta’ nota ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Lulju 2018, l-appellant talab adattament tat-talbiet tiegħu bil-għan tal-annullament tad-Deċiżjoni 2018/778 kif ukoll tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/774.

37

Insostenn tar-rikors tiegħu, l-appellant invoka tliet motivi bbażati, l-ewwel wieħed fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, it-tieni wieħed fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u, it-tielet wieħed, essenzjalment fuq żball ta’ evalwazzjoni.

38

Fil-punt 47 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors bħala inammissibbli inkwantu jikkonċerna t-talba għal annullament tad-Deċiżjoni 2016/850 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/840.

39

Fir-rigward tal-mertu, il-Qorti Ġenerali, wara li fil-punti 51 u 53 tas-sentenza appellata analizzat l-emenda tal-kriterji għall-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi li saret permezz tad-Deċiżjoni 2015/1836, fil-punt 64 tal-imsemmija sentenza, fir-rigward tal-motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, hija ddeċidiet li l-kriterji introdotti fil-paragrafu 2 tal-Artikoli 27 u 28 tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata, jikkostitwixxu kriterji oġġettivi, awtonomi u suffiċjenti li jippermettu li jiġu applikati miżuri restrittivi fir-rigward tal-persuni inkwistjoni mingħajr ma huwa neċessarju li jintwera l-appoġġ li dawn tal-aħħar jagħtu lir-reġim fil-poter jew il-benefiċċju li huma jiksbu mill-politiki mwettqa minn dan ir-reġim.

40

Fir-rigward tal-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Qorti Ġenerali fakkret il-ġurisprudenza applikabbli u b’mod partikolari ddeċidiet, f’dak li jikkonċerna n-natura neċessarja tal-miżuri restrittivi adottati fir-rigward tal-appellant, fil-punt 76 tas-sentenza appellata, li miżuri alternattivi u inqas vinkolanti ma jippermettux li l-għan imfittex jintlaħaq b’mod daqstant effikaċi.

41

Wara li ċaħdet anki t-tielet motiv ibbażat fuq ksur ta’ evalwazzjoni u, għaldaqstant, it-talba għal annullament fl-intier tagħha, il-Qorti Ġenerali minn dan iddeduċiet li t-talba għal kumpens għandha tiġi miċħuda, peress li l-ebda wieħed mill-argumenti mressqa sabiex tintwera l-illegalità tal-atti li tagħhom intalab l-annullament ma kien intlaqa’.

It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

42

Permezz tal-appell tiegħu, l-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tordna t-tħassir ta’ ismu mil-listi li jinsabu fit-Taqsima A tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2013/255 u fit-Taqsima A tal-Anness II tar-Regolament Nru 36/2012;

tannulla d-Deċiżjoni 2015/1836 u r-Regolament 2015/1828;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ħlas ta’ somma ta’ EUR 100000 għad-dannu morali allegatament sostnut; u

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

43

Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell; u

tikkundanna lill-appellant għall-ispejjeż.

44

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell; u

tikkundanna lill-appellant għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

45

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka tliet aggravji bbażati fuq inverżjoni tal-oneru tal-prova u fuq ksur tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni kif ukoll fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, rispettivament.

Fuq l-ammissibbiltà

46

Preliminarjament, il-Kummissjoni tinvoka l-inammissibbiltà tal-aggravji inkwantu dawn huma bbażati fuq l-istess argumenti bħal dawk invokati fir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u inkwantu dawn ma jindikawx b’mod ċar fiex is-sentenza appellata hija żbaljata.

47

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 256 TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-appell għandu jkun limitat għal punti ta’ liġi u għandu jkun ibbażat fuq aggravji bbażati fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Qorti Ġenerali, fuq irregolaritajiet fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali li jippreġudikaw l-interessi tar-rikorrent jew fuq il-ksur tad-dritt tal-Unjoni mill-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 2012, Il-Polonja vs Il-Kummissjoni, C‑335/09 P, EU:C:2012:385, punt 23, u tad-29 ta’ Ottubru 2015, Il-Kumissjoni vs ANKO, C‑78/14 P, EU:C:2015:732, punt 21).

48

Barra minn hekk, mill-Artikolu 256 TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll mill-Artikolu 168(1)(d) u mill-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza li tagħha jkun qiegħed jintalab l-annullament kif ukoll l-argumenti legali mqajma speċifikament insostenn ta’ din it-talba (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 2012, Il-Polonja vs Il-Kummissjoni, C‑335/09 P, EU:C:2012:385, punt 25, kif ukoll tad-19 ta’ Ġunju 2014, Commune de Millau u SEMEA vs Il‑Kummissjoni, C‑531/12 P, EU:C:2014:2008, punt 47).

49

Għaldaqstant, appell li sempliċement jirrepeti jew jirriproduċi kelma b’kelma l-motivi u l-argumenti li jkunu diġà tressqu quddiem il-Qorti Ġenerali, inklużi dawk li kienu bbażati fuq fatti espressament miċħuda minn dik il-qorti, ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni li jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet. Fil-fatt, appell bħal dan fir-realtà huwa talba sabiex jinkiseb sempliċi eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, u dan ma jaqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 2012, Il‑Polonja vs Il-Kummissjoni, C‑335/09 P, EU:C:2012:385, punt 26, kif ukoll tad-19 ta’ Ġunju 2014, Commune de Millau u SEMEA vs Il-Kummissjoni, C‑531/12 P, EU:C:2014:2008, punt 48).

50

Madankollu, meta appellant jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun saret mill-Qorti Ġenerali, il-punti ta’ liġi eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jerġgħu jiġu diskussi mill-ġdid fl-appell. Fil-fatt, kieku appellant ma jkunx jista’ jibbaża l-appell tiegħu b’dan il-mod fuq motivi u argumenti li jkunu diġà ġew ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali, il-proċedura tal-appell titlef parti mis-sens tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2012, Il-Polonja vs Il-Kummissjoni, C‑335/09 P, EU:C:2012:385, punt 27).

51

Issa, fil-każ ineżami, l-appell huwa essenzjalment intiż li jikkontesta l-pożizzjoni tal-Qorti Ġenerali fuq diversi punti ta’ liġi li ġew ippreżentati quddiemha fl-ewwel istanza f’dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, l-obbligu ta’ motivazzjoni li l-istituzzjonijiet għandhom skont l-Artikolu 296 TFUE jew l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Barra minn hekk, sa fejn l-appell jinkludi indikazzjonijiet preċiżi dwar il-punti kkritikati tas-sentenza appellata kif ukoll l-aggravji u l-argumenti li jibbaża ruħu fuqhom, dan ma jistax jiġi ddikjarat inammissibbli kollu kemm hu.

52

Konsegwentement, huwa fir-rigward tal-kriterji msemmija fil-punti 47 sa 50 ta’ din is-sentenza li, fil-kuntest tal-analiżi ta’ kull aggravju, għandha tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tal-argumenti speċifiċi mqajma insostenn tad-diversi aggravji.

Fuq l-ewwel aggravju

L-argumenti tal-partijiet

53

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali fl-interpretazzjoni tal-Artikoli 27 u 28 tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata, fuq inverżjoni tal-oneru tal-prova u fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza.

54

L-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta, fil-punt 64 tas-sentenza appellata, iddeċidiet li, bl-emenda li tirriżulta mid-Deċiżjoni 2015/1836 il-kundizzjoni prevista b’mod espress fl-Artikoli 27 u 28 tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata, u relatata mal-prova tal-eżistenza ta’ rabtiet bejn il-persuna kkonċernata mill-miżuri restrittivi u r-reġim inkwistjoni, saret preżunzjoni tal-eżistenza ta’ tali rabtiet.

55

L-appellant iqis li hemm lok li l-paragrafu 2 tal-Artikoli 27 u 28 tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata, għandhom jinqraw b’rabta mill-qrib mal-paragrafu 3 ta’ kull wieħed minn dawn l-artikoli. B’hekk, konformement ma’ dan il-paragrafu 3, il-Kunsill ma jistax jinkludi fil-lista tal-persuni u tal-entitajiet li huma s-suġġett ta’ miżuri restrittivi persuna li ma hijiex jew li ma għadhiex marbuta mar-reġim jew li ma teżerċita ebda influwenza fuqu. L-Artikoli 27 u 28 tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata, għaldaqstant għadhom jimponu l-konstatazzjoni tal-kundizzjoni doppja ta’ negozjant ewlieni u ta’ rabtiet suffiċjenti mar-reġim.

56

L-appellant iqis li, billi naqset milli tosserva d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza u wettqet inverżjoni tal-oneru tal-prova.

57

Il-Kunsill isostni li l-interpretazzjoni tal-appellant tal-Artikolu 27(2)(a) u (3) kif ukoll tal-Artikolu 28(2)(a) u (3) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata, hija manifestament żbaljata.

58

Minn dan il-Kunsill jikkonkludi li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod korrett il-kriterji ta’ inklużjoni fil-lista tal-persuni u tal-entitajiet li huma s-suġġett ta’ miżuri restrittivi u ma wettqitx inverżjoni tal-oneru tal-prova.

59

Qabelxejn, il-Kummissjoni tenfasizza li l-inklużjoni fil-lista tal-persuni u tal-entitajiet li huma s-suġġett ta’ miżuri restrittivi hija rregolata minn kriterji ġodda, introdotti mid-Deċiżjoni 2015/1836, liema direttiva ġiet adottata b’reazzjoni għal tentattivi tar-reġim Sirjan li jevita l-miżuri restrittivi eżistenti tal-Unjoni.

60

F’dan ir-rigward, l-argument tal-appellant ma jirreżistix għas-sempliċi qari tal-Artikoli 27 u 28 tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata, sa fejn fil-paragrafu 2 tagħhom dawn l-artikoli saru jistabbilixxu kriterju awtonomu ta’ inklużjoni fl-imsemmija lista għal seba’ kategoriji ta’ persuni, fosthom dik tan-negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja, u fil-paragrafu 3 tagħhom jipprevedu tliet każijiet fejn, minkejja l-fatt li persuna tkun taqa’ taħt waħda minn dawn is-seba’ kategoriji, l-inklużjoni tagħha fil-lista tal-persuni u tal-entitajiet li huma s-suġġett ta’ miżuri restrittivi ma sseħħx jew ma tinżammx. Skont il-Kummissjoni, l-interazzjoni bejn il-paragrafi 2 u 3 ta’ dawn l-artikoli turi li teżisti tip ta’ preżunzjoni konfutabbli li bl-ebda mod ma tikser il-preżunzjoni ta’ innoċenza u li lanqas ma tikkostitwixxi inverżjoni inaċċettabbli tal-oneru tal-prova.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

61

Fir-rigward tal-argument dwar il-ksur allegatament imwettaq mill-Qorti Ġenerali tal-Artikoli 27 u 28 tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata, għandu jitfakkar li l-kriterji inizjali ta’ inklużjoni fil-lista tal-persuni u tal-entitajiet li huma s-suġġett ta’ miżuri restrittivi kienu bbażati fuq l-aġir individwali tal-persuni inklużi, sa fejn il-paragrafu 1 tal-Artikoli 27 u 28 ta’ din id-deċiżjoni kien jirrigwarda biss il-“persuni li jibbenefikaw minn jew li jappoġġaw ir-reġim, u [l-]persuni assoċjati magħhom”. Dan il-paragrafu ma ġiex emendat bid-Deċiżjoni 2015/1836.

62

Sa fejn il-kriterju adottat fil-paragrafu 1 tal-Artikoli 27 u 28 tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata, huwa ta’ natura ġenerali u sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet ma jinkludu ebda definizzjoni tal-kunċett ta’ “benefiċċju” mislut mill-politiki mmexxija mir-reġim Sirjan, la definizzjoni tal-kunċett ta’ “appoġġ” lil dan ir-reġim, u lanqas preċiżazzjonijiet dwar il-modi ta’ prova ta’ dawn l-elementi, l-evalwazzjoni tal-fondatezza tal-inklużjoni ta’ persuna fil-lista tal-persuni u tal-entitajiet li huma s-suġġett ta’ miżuri restrittivi għadha teħtieġ il-prova ta’ elementi li jippermettu li jintwera li l-persuna kkonċernata tat appoġġ ekonomiku lir-reġim Sirjan jew li huwa bbenefika minnu (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ April 2016, Akhras vs Il-Kunsill, C‑193/15 P, EU:C:2016:219, punti 51, 5260 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63

Fil-fatt, fil-formulazzjoni ta’ dan il-kriterju la teżisti ebda preżunzjoni ta’ appoġġ lir-reġim Sirjan fir-rigward tad-diriġenti tal-impriżi Sirjani prinċipali (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ April 2016, Akhras vs Il-Kunsill, C‑193/15 P, EU:C:2016:219, punt 53), u lanqas tan-negozjanti ewlenin.

64

Issa, il-kontenut tal-Artikoli 27 u 28 tad-Deċiżjoni 2013/255 ġie emendat bid-Deċiżjoni 2015/1836, liema deċiżjoni, konformement mal-evalwazzjonijiet u mal-konstatazzjonijiet magħmula mill-Kunsill fil-kuntest tas-sitwazzjoni fis-Sirja, introduċiet fil-paragrafu 2 ta’ kull wieħed minn dawn l-artikoli seba’ kategoriji ta’ persuni li jagħmlu parti minn gruppi stabbiliti ta’ persuni, fosthom, b’mod partikolari, fil-punt (a) ta’ dan il-paragrafu, in-“negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja”.

65

Minkejja li l-paragrafu 1 tal-Artikoli 27 u 28 tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata, għadu jippermetti li persuna tiġi inkluża b’applikazzjoni tal-kriterju ġenerali bbażat fuq li hija tibbenefika mill-politiki mmexxija mir-reġim Sirjan jew li hija tappoġġjah, madankollu mill-formulazzjoni tal-paragrafu 2 ta’ kull wieħed minn dawn l-artikoli jirriżulta li l-kriterji l-ġodda jiżdiedu mal-kriterju inizjali. Fid-dawl ta’ dan, l-Artikolu 27(2)(a) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata, jindika b’mod ċar li “l-Istati Membri għandhom ukoll jieħdu l-miżuri meħtieġa” fir-rigward tas-seba’ kategoriji l-ġodda ta’ persuni msemmija.

66

Peress li l-kriterji għall-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi fir-rigward ta’ dawn is-seba’ kategoriji ta’ persuni huma awtonomi meta mqabbla mal-kriterju inizjali previst fil-paragrafu 1 tal-Artikoli 27 u 28 tad-Deċiżjoni 2013/255, is-sempliċi fatt ta’ appartenenza f’waħda minn dawn is-seba’ kategoriji ta’ persuni għaldaqstant huwa biżżejjed sabiex jittieħdu l-miżuri meħtieġa, mingħajr ma huwa neċessarju li tinġieb il-prova ta’ rabta bejn il-kwalità ta’ negozjant ewlieni u r-reġim Sirjan, u lanqas bejn dik ta’ negozjant ewlieni u l-appoġġ lil dan ir-reġim jew il-benefiċċju li jinsilet minnu.

67

Barra minn hekk din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-għan imfittex mill-emenda tal-Artikoli 27 u 28 tad-Deċiżjoni 2013/255.

68

Fil-fatt, il-miżuri restrittivi adottati inizjalment mid-Deċiżjoni 2011/273 ma ppermettewx li tintemm ir-repressjoni eżerċitata mir-reġim Sirjan peress li dan tal-aħħar kien jevita b’mod sistematiku dawn il-miżuri sabiex ikompli jiffinanzja u jappoġġja l-politika tiegħu ta’ repressjoni vjolenta eżerċitata kontra l-popolazzjoni ċivili. Hekk kif jirriżulta mill-premessa 5 tad-Deċiżjoni 2015/1836, il-Kunsill kien iqis li, b’teħid kont tal-gravità persistenti tas-sitwazzjoni, kien neċessarju li jinżammu l-miżuri restrittivi fis-seħħ billi jiġu żviluppati, filwaqt li jinżamm approċċ immirat u ddifferenzjat sabiex il-kategoriji ta’ persuni u ta’ entitajiet li għandhom importanza partikolari jiġu identifikati aħjar.

69

Skont il-premessa 6 ta’ din id-deċiżjoni, kien jaqbel li jiġu emendati l-kriterji ta’ inklużjoni tal-persuni u tal-entitajiet li huma s-suġġett ta’ miżuri restrittivi. Minħabba l-fatt li l-ekonomija Sirjana kienet ikkontrollata mill-qrib mir-reġim Sirjan u li n-negozji u dan ir-reġim żviluppaw relazzjoni ta’ interdipendenza sa mill-proċess ta’ liberalizzazzjoni tal-ekonomija mibdi mill-President Bachar al‑Assad, kien hemm lok li jiġi kkunsidrat, minn naħa, li r-reġim fil-poter ma kienx f’pożizzjoni li jibqa’ jeżisti mingħajr l-appoġġ tad-diriġenti tal-impriżi u, min-naħa l-oħra, li ċirku ristrett ta’ negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja kien f’pożizzjoni li jżomm l-istatus tiegħu biss bis-saħħa tar-rabtiet mill-qrib li huwa kellu mar-reġim Sirjan.

70

F’dan il-kuntest irriżulta neċessarju li jiġu adottati kriterji ta’ inklużjoni fil-lista tal-persuni u tal-entitajiet li huma s-suġġett ta’ miżuri restrittivi bbażati fuq l-istatus ta’ ċerti persuni, b’mod partikolari dak ta’ “negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja”, sabiex dawn ma jitħallewx ikomplu jipprovdu appoġġ materjali jew finanzjarju lir-reġim fil-poter u, permezz tal-influwenza li jeżerċitaw, titkabbar il-pressjoni fuq ir-reġim stess.

71

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta fil-punt 64 tas-sentenza appellata analizzat il-paragrafu 2 tal-Artikolu 27 u 28 tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata, fis-sens li l-kriterji li kienu għadhom kif ġew introdotti, u b’mod iktar partikolari dak dwar il-kwalità ta’ negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja, huma awtonomi u waħedhom huma biżżejjed sabiex jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ miżuri restrittivi mingħajr ma jkun hemm bżonn li barra minn hekk tinġieb il-prova tal-appoġġ li dawn tal-aħħar jagħtu lir-reġim fil-poter jew tal-benefiċċju li huma jiksbu minnu.

72

Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument imqajjem mill-appellant li l-Qorti Ġenerali wettqet analiżi iżolata tal-paragrafu 2 tal-Artikoli 27 u 28 tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata, minkejja li hija kellha tinterpretah b’rabta mill-qrib mal-paragrafu 3 ta’ kull wieħed minn dawn l-artikoli.

73

F’dan ir-rigward ċertament hemm lok li jiġi kkonstatat li l-paragrafi 2 u 3 tal-Artikoli 27 u 28 tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata, għandhom jinqraw flimkien, b’mod partikolari inkwantu, skont dan il-paragrafu 3, il-persuni li jaqgħu f’waħda mill-kategoriji msemmija f’dan il-paragrafu 2 ma jiġux inklużi jew miżmuma fil-lista tal-persuni u tal-entitajiet li huma s-suġġett ta’ miżuri restrittivi jekk tkun teżisti informazzjoni suffiċjenti li tindika li dawn ma humiex, jew ma għadhomx, marbuta mar-reġim Sirjan jew li huma ma jeżerċitaw ebda influwenza fuqu jew li huma ma humiex assoċjati ma’ riskju reali ta’ evitar.

74

Madankollu, minn qari flimkien tal-paragrafi 2 u 3 tal-Artikoli 27 u 28 tad-Direttiva 2013/255, kif emendata, bl-ebda mod ma jirriżulta l-obbligu tal-Kunsill li jagħti l-prova tal-konstatazzjoni tal-kundizzjoni doppja fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ negozjant ewlieni u dik ta’ rabtiet suffiċjenti mar-reġim Sirjan.

75

Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali ma applikatx l-Artikolu 27(2) u l-Artikolu 28(2) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata, b’mod iżolat, iżda li hija ħadet inkunsiderazzjoni wkoll il-paragrafu 3 ta’ kull wieħed minn dawn l-artikoli.

76

Fil-fatt, fil-punt 84 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali fakkret punt li madankollu ma huwiex ittrattat f’dan l-appell, li l-kriterji ta’ inklużjoni fil-lista tal-persuni u tal-entitajiet li huma s-suġġett ta’ miżuri restrittivi stabbiliti fil-paragrafu 2(a) u fil-paragrafu 3 tal-Artikoli 27 u 28 tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata, jipprevedu li l-kategorija ta’ negozjanti ewlenin fis-Sirja hija s-suġġett ta’ miżuri restrittivi, ħlief jekk tkun teżisti informazzjoni suffiċjenti li tindika li dawn ma humiex, jew ma għadhomx, marbuta mar-reġim jew li dawn ma jeżerċitaw l-ebda influwenza fuqu jew li huma ma humiex assoċjati ma’ riskju reali ta’ evitar.

77

Fil-punt 98 tas-sentenza appellata, punt ieħor li ma huwiex ikkritikat fil-kuntest tal-appell, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat għal darba oħra li, minn naħa, ebda element fid-dokumenti pprovduti mill-Kunsill ma kien jindika li l-appellant kien jinsab f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq li jiġġustifikaw l-irtirar ta’ ismu mil-listi tal-persuni u tal-entitajiet li huma s-suġġett ta’ miżuri restrittivi u, min-naħa l-oħra, l-appellant innifsu ma kien ipprovda ebda element ta’ tali natura.

78

L-argument tal-appellant li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi analizzat b’mod iżolat il-paragrafu 2 tal-Artikoli 27 u 28 tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata, għandu għaldaqstant jiġi miċħud bħala infondat.

79

Fir-rigward tal-argumenti dwar il-ksur, mill-Qorti Ġenerali, tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza u tal-inverżjoni tal-oneru tal-prova, għandu jitfakkar li fil-punt 64 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali ma rreferiet għal ebda preżunzjoni, iżda bbażat ruħha biss fuq kriterju oġġettiv, awtonomu u suffiċjenti li jippermetti li tiġi ġġustifikata l-inklużjoni ta’ persuni fil-lista tal-persuni u tal-entitajiet li huma s-suġġett ta’ miżuri restrittivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2019, HX vs Il-Kunsill, C‑540/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:707, punt 38).

80

F’dan il-każ, fil-punti 92 sa 96 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali eżaminat b’mod konkret jekk il-motiv ibbażat fuq li l-appellant kellu l-kwalità ta’ negozjant ewlieni li jopera fis-Sirja, li tiġġustifika l-inklużjoni mill-ġdid tiegħu fil-lista tal-persuni u tal-entitajiet li huma s-suġġett ta’ miżuri restrittivi, kienx suffiċjentement sostnut mid-dokumenti prodotti mill-Kunsill, li kienu tas-snin 2011 sal-2015. Meta fil-punt 97 ta’ dik is-sentenza rrilevat li l-appellant ma kien ġab ebda element ta’ natura li jikkontesta l-allegazzjonijiet tal-Kunsill u d-dokumenti li jsostnuhom, hija bl-ebda mod ma naqset milli teżamina d-dokumenti prodotti mill-persuna kkonċernata u lanqas ma wettqet inverżjoni tal-oneru tal-prova, iżda qieset li dawn ma kinux jippermettu li l-konklużjoni misluta mill-imsemmija dokumenti tiġi invalidata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2019, HX vs Il-Kunsill, C‑540/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:707, punt 50).

81

Barra minn hekk, fil-punt 98 tas-sentenza appellata, wara li fakkret li l-miżuri restrittivi fil-konfront tal-persuna inkluża ma jistgħux jinżammu jekk tkun teżisti informazzjoni suffiċjenti li tindika li din ma hijiex, jew ma għadhiex, marbuta mar-reġim Sirjan, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li d-dokumenti pprovduti mill-Kunsill ma kien fihom ebda element li jindika li l-appellant kien jinsab f’tali sitwazzjoni, peress li dan tal-aħħar lanqas ma pprovda xi element f’dan is-sens.

82

Issa, meta wettqet tali affermazzjoni, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma qieset, bħalma jidher li qiegħed jissuġġerixxi l-appellant, li kien dan tal-aħħar li kellu l-oneru tal-prova li l-konstatazzjonijiet tal-Kunsill li jidhru fid-deċiżjonijiet li tagħhom kien intalab l-annullament kienu żbaljati jew li fir-rigward tiegħu kienet teżisti informazzjoni suffiċjenti fis-sens tal-Artikolu 27(3) u tal-Artikolu 28(3) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata, li tindika li huwa ma kienx, jew ma kienx għadu, assoċjat mar-reġim Sirjan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2018, Makhlouf vs Il-Kunsill, C‑458/17 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:441, punt 86).

83

Għaldaqstant, l-argumenti dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza u tal-inverżjoni tal-oneru tal-prova wkoll għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

84

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tieni aggravju

L-argumenti tal-partijiet

85

Permezz tat-tieni aggravju tiegħu l-appellant isostni li, meta naqset milli tivverifika jekk huwa kellux verament rabta mar-reġim Sirjan, il-Qorti Ġenerali ċaħħdet is-sentenza appellata minn kull motivazzjoni u vvalidat deċiżjonijiet li fihom innifishom huma irregolari minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni, peress li d-deċiżjonijiet meħuda kontrih u li tagħhom intalab l-annullament ma kinux motivati mill-eżistenza ta’ rabtiet eżistenti bejnu u r-reġim inkwistjoni.

86

Il-Kunsill iqis li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-appellant, l-elementi pprovduti li jagħtu prova tal-kwalità ta’ negozjant ewlieni li jopera fis-Sirja ġew eżaminati mill-Qorti Ġenerali u ddikjarati bħala li huma suffiċjenti minn din tal-aħħar.

87

Il-Kummissjoni tqis li, inkwantu t-tieni aggravju huwa bbażat fuq premessa li, fil-kuntest tal-ewwel aggravju, irriżultat li hija żbaljata, dan għandu jiġi miċħud bħala infondat. Fi kwalunkwe każ, mill-analiżi tal-ewwel aggravju jirriżulta li l-Qorti Ġenerali wettqet analiżi ddettaljata tas-sitwazzjoni u li hija mmotivat is-sentenza appellata b’mod suffiċjenti.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

88

Qabelxejn għandu jiġi kkonstatat li t-tieni aggravju huwa bbażat fuq il-premessa li d-deċiżjonijiet tal-Kunsill li tagħhom intalab l-annullament ma kinux motivati u li l-Qorti Ġenerali naqset milli tivverifika l-eżistenza ta’ rabtiet tal-appellant mar-reġim Sirjan.

89

Issa, hekk kif diġà tfakkar fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel aggravju, il-Qorti Ġenerali wettqet analiżi ddettaljata tas-sitwazzjoni inkwistjoni u mmotivat suffiċjentement id-deċiżjoni tagħha li l-Kunsill seta’ jibbaża ruħu fuq il-kwalità tal-appellant bħala negozjant ewlieni li jopera fis-Sirja għall-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi skont l-Artikolu 27(2) u l-Artikolu 28(2) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata, mingħajr ma jġib il-prova tal-eżistenza ta’ rabtiet tal-persuna kkonċernata mar-reġim Sirjan.

90

Konsegwentement, it-tieni aggravju huwa bbażat fuq premessa żbaljata u għaldaqstant għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tielet aggravju

L-argumenti tal-partijiet

91

Fil-kuntest tat-tielet aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, l-appellant ifakkar li, skont l-Artikolu 27(4) u l-Artikolu 28(4) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata, id-deċiżjonijiet kollha ta’ inklużjoni fil-lista tal-persuni u tal-entitajiet li huma s-suġġett ta’ miżuri restrittivi għandhom jittieħdu każ b’każ, b’teħid kont tal-proporzjonalità tal-miżura li tiġi evalwata b’mod individwali, fid-dawl tat-tul u tan-natura neċessarja tagħha.

92

F’dan ir-rigward, l-appellant isostni li l-insuffiċjenza tal-kriterju li jibbaża ruħu biss fuq in-nazzjonalità Sirjana tiegħu u t-tul tal-miżuri restrittivi li ttieħdu fir-rigward tiegħu matul is-sena 2015 juru, fihom innifishom, in-natura sproporzjonata tagħhom.

93

Fir-rigward tan-neċessità ta’ dawn il-miżuri, is-sentenza appellata hija vvizzjata wkoll minn żball ta’ liġi, peress li fil-punt 76 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod ġenerali u mhux, kif meħtieġ, fuq bażi individwali.

94

Barra minn hekk, l-appellant jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex, fil-kuntest tas-setgħa tagħha li taqta’ l-kawża, tikkonstata l-illegalità tad-Deċiżjoni 2015/1836 u tar-Regolament 2015/1828 sa fejn dawn jistabbilixxu sanzjonijiet finanzjarji ta’ natura kriminali bi ksur tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950.

95

Filwaqt li bbaża ruħu fuq is-sottomissjonijiet bil-miktub prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellant jitlob ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tilqa’ t-talbiet tiegħu għal kumpens.

96

Il-Kunsill isostni li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat, peress li l-Qorti Ġenerali wettqet eżami tal-proporzjonalità tal-miżuri restrittivi individwali inkwistjoni billi fil-punti 73 u 74 tas-sentenza appellata fakkret fil-ġurisprudenza fil-qasam u, fil-punti 75 sa 77 tal-imsemmija sentenza, applikatha.

97

Il-Kummissjoni wkoll tqis li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

98

Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minnha għandha tkun prevista mil-liġi, għandha tirrispetta l-essenza tagħhom, u, b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jiġu imposti limitazzjonijiet għal dawn id-drittijiet u libertajiet biss jekk ikunu meħtieġa u jekk ikunu jissodisfaw b’mod effettiv għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew f’każ ta’ ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

99

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jirrikjedi li l-mezzi implimentati minn dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkunu adatti sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi segwiti mil-leġiżlazzjoni kkonċernata u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dawn jintlaħqu (sentenza tal-31 ta’ Jannar 2019, Islamic Republic of Iran Shipping Lines et vs Il-Kunsill, C‑225/17 P, EU:C:2019:82, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata).

100

Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet setgħa diskrezzjonali wiesgħa favur il-leġiżlatur tal-Unjoni f’oqsma li jimplikaw, min-naħa ta’ dan tal-aħħar, għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali, u li fihom huwa mitlub iwettaq evalwazzjonijiet kumplessi. Minn dan hija ddeduċiet li hija biss in-natura manifestament mhux xierqa ta’ miżura adottata f’dawn l-oqsma, meta mqabbla mal-għan li l-istituzzjoni kompetenti għandha l-intenzjoni li ssegwi, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2013, Il-Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft, C‑348/12 P, EU:C:2013:776, punt 120 u l-ġurisprudenza ċċitata).

101

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta mill-punt 72 tas-sentenza appellata, l-appellant ma huwiex qiegħed jikkontesta l-leġittimità tal-miżuri restrittivi b’mod ġenerali, u lanqas dik tal-miżuri adottati sabiex jiġu miġġielda l-vjolenzi mwettqa fuq il-popolazzjonijiet ċivili.

102

Issa, fil-punt 75 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali enfasizzat li, f’dan il-każ, l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi hija inadegwata inkwantu hija tagħmel parti minn għan ta’ interess ġenerali fundamentali kemm għall-komunità internazzjonali kif ukoll għall-protezzjoni tal-popolazzjonijiet ċivili.

103

Fil-punt 76 ta’ din is-sentenza, fir-rigward tan-natura neċessarja tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali żiedet li miżuri alternattivi u inqas vinkolanti, bħal sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel jew obbligu ta’ ġustifikazzjoni a posteriori tal-użu tal-fondi mħallsa, ma jippermettux li l-għan imfittex jintlaħaq b’mod daqstant effikaċi, b’mod partikolari fid-dawl tal-possibbiltà li r-restrizzjonijiet imposti jiġu evitati.

104

Għaldaqstant, u kuntrarjament għal dak sostnut mill-appellant, il-Qorti Ġenerali ma tatx deċiżjoni b’mod ġenerali, iżda ħadet pożizzjoni fir-rigward tas-sitwazzjoni individwali inkwistjoni fil-kawża ineżami.

105

Fir-rigward tal-argument dwar il-kriterju tan-nazzjonalità, għandu jitfakkar li l-inklużjoni fil-lista tal-persuni u tal-entitajiet li huma s-suġġett ta’ miżuri restrittivi ma hijiex marbuta mal-kundizzjoni tan-nazzjonalità Sirjana iżda ma’ dik tal-kwalità ta’ negozjant ewlieni li jopera fis-Sirja.

106

F’dak li jikkonċerna l-kritika dwar it-tul tal-miżuri inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li fil-kuntest ta’ tali miżuri restrittivi, il-Kunsill huwa meħtieġ iwettaq eżami mill-ġdid b’mod regolari li kull darba jinkludi l-possibbiltà għall-persuna kkonċernata li topponi l-argumenti tiegħu u li tissottometti elementi fattwali li jikkorroboraw l-allegazzjonijiet tagħha.

107

Huwa għalhekk li l-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ eżami mill-ġdid b’mod regolari sabiex jiġi ggarantit li l-persuni u l-entitajiet li ma jkunux għadhom jissodisfaw il-kriterji sabiex jidhru fil-listi tal-persuni u l-entitajiet li huma s-suġġett ta’ miżuri restrittivi jitneħħew u li, fil-punt 77 tas-sentenza appellata, iddeċidiet li l-inklużjoni mill-ġdid ta’ isem l-appellant f’dawn il-listi ma tistax tikkwalifika bħala sproporzjonata minħabba n-natura potenzjalment illimitata ratione temporis ta’ tali inklużjoni.

108

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li wettqet applikazzjoni inkorretta tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

109

Fir-rigward tat-talba tal-appellant magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex, fil-kuntest tas-setgħa tagħha li taqta’ l-kawża tikkonstata l-illegalità tal-miżuri stabbiliti bħala li jikkostitwixxu sanzjonijiet finanzjarji ta’ natura kriminali bi ksur tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, għandu jitfakkar li fil-punt 65 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali fakkret li l-appellant ma kkontestax il-legalità tal-kriterju ta’ inklużjoni fil-lista tal-persuni u tal-entitajiet li huma s-suġġett ta’ miżuri restrittivi.

110

Issa, fid-dawl tal-Artikolu 170(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li skontu l-appell ma jistax jibdel is-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, l-argument tal-appellant intiż li jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 27(2) u tal-Artikolu 28(2) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata, huma kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

111

F’dak li jikkonċerna t-talba tal-appellant lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tordna t-tħassir ta’ ismu mil-lista tal-persuni u tal-entitajiet li huma s-suġġett ta’ miżuri restrittivi, kif jirriżulta mill-appell mingħajr ma ġie żviluppat b’xi mod ieħor, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ appell, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex kompetenti li tagħti ordnijiet (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-12 ta’ Lulju 2012, Mugraby vs Il-Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑581/11 P, mhux ippubblikat, EU:C:2012:466, punt 75, kif ukoll is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Orange Polska vs Il‑Kummissjoni, C‑123/16 P, EU:C:2018:590, punt 118).

112

F’dak li jikkonċerna t-talba tal-appellant intiża sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ t-talbiet tiegħu għal kumpens, għandu jiġi kkonstatat li l-motivazzjoni ta’ din it-talba hija sempliċement riferiment għat-talbiet kollha fformulati quddiem il-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari t-talbiet għal kumpens.

113

Issa, tali talba manifestament ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 49 tas-sentenza preżenti, u dan iktar u iktar peress li ma tieħu l-ebda pożizzjoni fir-rigward tal-argumenti magħmulin mill-Qorti Ġenerali sabiex tiċħad it-talba għal kumpens fl-ewwel istanza fil-punti 101 sa 108 tas-sentenza appellata, li fihom hija fakkret il-ġurisprudenza stabbilita fil-qasam tal-iskattar tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE għal aġir illeċitu tal-korpi tagħha, sabiex tikkonkludi li l-kundizzjonijiet meħtieġa ma humiex issodisfatti f’dan il-każ.

114

Għaldaqstant, it-talba għal kumpens tal-appellant għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

115

Konsegwentement, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

116

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

117

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-appellant tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kunsill u mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

George Haswani huwa kkundannat għall-ispejjeż.

 

Rossi

Malenovský

Biltgen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-9 ta’ Lulju 2020.

Ir-Reġistratur

A. Calot Escobar

Il-President tat-Tmien Awla

L. S. Rossi


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top