This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62019CJ0206
Judgment of the Court (Sixth Chamber) of 11 June 2020.#SIA „KOB” v Madonas novada pašvaldības Administratīvo aktu strīdu komisija.#Request for a preliminary ruling from the Administratīvā rajona tiesa.#Reference for a preliminary ruling — Articles 49 and 63 TFEU — Freedom of establishment and the free movement of capital — Directive 2006/123/EC — Acquisition of agricultural land in Latvia for the purpose of use — System of prior authorisation for legal persons — Specific conditions applying only to legal persons controlled or represented by nationals of another Member State — Requirements for residence and knowledge of the official language of the Republic of Latvia — Direct discrimination on grounds of nationality.#Case C-206/19.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tal-11 ta’ Ġunju 2020.
"KOB” SIA vs Madonas novada pašvaldības Administratīvo aktu strīdu komisija.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-administratīvā rajona tiesa, Rīgas tiesu nams.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikoli 49 u 63 TFUE – Libertà ta’ stabbiliment u moviment liberu tal-kapital – Direttiva 2006/123/KE – Xiri ta’ artijiet agrikoli fil-Latvja għall-finijiet tal-użu tagħhom – Sistema ta’ awtorizzazzjoni preliminari għall-persuni ġuridiċi – Kundizzjonijiet speċifiċi li japplikaw biss għal persuni ġuridiċi miżmuma jew irrappreżentati minn ċittadini ta’ Stat Membru ieħor – Rekwiżiti ta’ residenza u ta’ konoxxenza tal-lingwa uffiċjali tar-Repubblika tal-Latvja – Diskriminazzjoni diretta minħabba n-nazzjonalità.
Kawża C-206/19.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tal-11 ta’ Ġunju 2020.
"KOB” SIA vs Madonas novada pašvaldības Administratīvo aktu strīdu komisija.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-administratīvā rajona tiesa, Rīgas tiesu nams.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikoli 49 u 63 TFUE – Libertà ta’ stabbiliment u moviment liberu tal-kapital – Direttiva 2006/123/KE – Xiri ta’ artijiet agrikoli fil-Latvja għall-finijiet tal-użu tagħhom – Sistema ta’ awtorizzazzjoni preliminari għall-persuni ġuridiċi – Kundizzjonijiet speċifiċi li japplikaw biss għal persuni ġuridiċi miżmuma jew irrappreżentati minn ċittadini ta’ Stat Membru ieħor – Rekwiżiti ta’ residenza u ta’ konoxxenza tal-lingwa uffiċjali tar-Repubblika tal-Latvja – Diskriminazzjoni diretta minħabba n-nazzjonalità.
Kawża C-206/19.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:463
*A9* Administratīvā rajona tiesa, Lēmums 28/02/2019 (A420216418)
*P1* administratīvā rajona tiesa, Rīgas tiesu nams, Spriedums 07/10/2020 (A420216418)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)
11 ta’ Ġunju 2020 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikoli 49 u 63 TFUE – Libertà ta’ stabbiliment u moviment liberu tal-kapital – Direttiva 2006/123/KE – Xiri ta’ artijiet agrikoli fil-Latvja għall-finijiet tal-użu tagħhom – Sistema ta’ awtorizzazzjoni preliminari għall-persuni ġuridiċi – Kundizzjonijiet speċifiċi li japplikaw biss għal persuni ġuridiċi miżmuma jew irrappreżentati minn ċittadini ta’ Stat Membru ieħor – Rekwiżiti ta’ residenza u ta’ konoxxenza tal-lingwa uffiċjali tar-Repubblika tal-Latvja – Diskriminazzjoni diretta minħabba n-nazzjonalità”
Fil-Kawża C‑206/19,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-administratīvā rajona tiesa, Rīgas tiesu nams (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali, Sezzjoni ta’ Riga, il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Frar 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Marzu 2019, fil-proċedura
“KOB” SIA
vs
Madonas novada pašvaldības Administratīvo aktu strīdu komisija,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),
komposta minn M. Safjan, President ta’ Awla, J.‑C. Bonichot (Relatur), President tal-Ewwel Awla, C. Toader, Imħallef,
Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal “KOB” SIA, minn A. Blūmiņš, advokāts, |
– |
għall-Gvern Latvjan, irrappreżentat inizjalment minn V. Kalniņa u I. Kucina, sussegwentement minn V. Kalniņa, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Svediż, irrappreżentat inizjalment minn A. Falk, J. Lundberg, C. Meyer‑Seitz, H. Shev u H. Eklinder, sussegwentement minn C. Meyer‑Seitz, H. Shev u H. Eklinder, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Armati u I. Rubene kif ukoll minn L. Malferrari, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 18, 49, 63 u 345 TFUE. |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn “KOB” SIA, kumpannija kummerċjali stabbilita fil-Latvja, u l-Madonas novada pašvaldības Administratīvo aktu strīdu komisija (il-Bord tal-Appell Amministrattiv tal-Komun ta’ Madona, il-Latvja) dwar id-deċiżjoni li permezz tagħha dan ċaħad it-talba ta’ KOB intiża għall-akkwist ta’ art agrikola. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36), jipprovdi: “Din id-Direttiva tistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali li jħaffu l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment għall-fornituri tas-servizzi u l-moviment liberu tas-servizzi, filwaqt li tinżamm kwalità għolja tas-servizzi.” |
4 |
L-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej: “Din id-Direttiva għandha tapplika għal servizzi pprovduti mill-fornituri stabbiliti fi Stat Membru.” |
5 |
L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
[…]” |
6 |
L-Artikolu 9 tal-istess direttiva, intitolat “Skemi ta’ awtorizzazzjoni” jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri m’għandhomx jissoġġettaw l-aċċess għal attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha għal skema ta’ awtorizzazzjoni ħlief jekk il-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti:
[…]” |
7 |
L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2006/123 huwa fformulat kif ġej: “1. Skemi ta’ awtorizzazzjoni għandhom ikunu bbażati fuq kriterji li jżommu lill-awtoritajiet kompetenti milli jeżerċitaw is-setgħa tagħhom ta’ evalwazzjoni b’mod arbitrarju. 2. Il-kriterji msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu:
[…]” |
8 |
L-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva, intitolat, “Ħtiġijiet ipprojbiti” jipprovdi: “L-Istati Membri m’għandhomx jissuġġettaw l-aċċess għal, jew l-eżerċizzju ta’, attività ta’ servizz fit-territorju tagħhom għal konformità ma’ xi waħda minn dawn li ġejjin:
[…]” |
Id-dritt Latvjan
9 |
Il-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 281 tal-likums “Par zemes privtizāciju lauku apvidos” (il-Liġi dwar il-Privatizzazzjoni tal-Artijiet fiż-Żoni Rurali, Latvijas Republikas Augstākās Padomes un Valdības Ziņotājs, 1992, Nri 32 sa 34) jipprovdi li l-persuni ġuridiċi “jistgħu jakkwistaw art agrikola u art li l-kategorija ta’ użu dominanti tagħha hija l-agrikoltura […] kif ukoll sehem mill-koproprjetà ta’ tali art […] [jekk ikunu jissodisfaw] il-kundizzjonijiet kollha segwenti: […]
[…]
|
10 |
Skont l-Artikolu 25 tal-Ministru kabineta noteikumi Nr. 675 “Kārtība, kādā Savienības pilsoņi un viņu μimenes locekļi ieceļo un uzturas Latvijas Republikā” (id-Digriet Nru 675 tal-Kunsill tal-Ministri dwar il-Proċedura ta’ Dħul u ta’ Soġġorn fil-Latvja ta’ Ċittadini tal-Unjoni u ta’ Membri tal-Familja Tagħhom), tat-30 ta’ Awwissu 2011 (Latvijas Vēstnesis, 2011, Nru 141), meta ċittadin tal-Unjoni Ewropea jixtieq jirrisjedi l-Latvja għal iktar minn tliet xhur, huwa għandu jirreġistra mal-Uffiċċju tal-Migrazzjoni u taċ-Ċittadinanza (il-Latvja) u jikseb ċertifikat ta’ reġistrazzjoni. |
11 |
Il-modalitajiet ta’ verifika tal-konoxxenza tal-lingwa uffiċjali tar-Repubblika tal-Latvja huma previsti fil-Ministru kabineta noteikumi Nr. 733 “Noteikumi par valsts valodas zināšanu apjomu un valsts valodas prasmes pārbaudes kārtību profesionālo un amata pienākumu veikšanai, pastāvīgās uzturēšanās atļaujas saņemšanai un Eiropas Savienības pastāvīgā iedzīvotāja statusa iegūšanai un valsts nodevu par valsts valodas prasmes pārbaudi” (id-Digriet Nru 733 tal-Kunsill tal-Ministri dwar il-Livell ta’ Konoxxenza tal-Lingwa Uffiċjali u dwar il-Proċeduri ta’ Verifika ta’ din il-Konoxxenza għall-Finijiet tat-Twettiq ta’ Kompiti ta’ Professjoni jew ta’ Funzjoni, dwar l-Għoti ta’ Permess ta’ Residenza Permanenti u dwar l-Għoti tal-Istatus ta’ Resident tal-Unjoni Ewropea għal Perijodu Twil kif ukoll dwar l-Ispejjeż Uffiċjali tal-Eżami tal-Għarfien tal-Lingwa Uffiċjali), tas-7 ta’ Lulju 2009 (Latvijas Vēstnesis, 2009, Nru 110). Konformement ma’ dan id-digriet, sabiex persuna tista’ titqies li għandha l-livell ta’ konoxxenza B2 f’din il-lingwa, huwa neċessarju li hija tkun tista’ titħaddet dwar suġġetti ta’ kuljum u dwar il-ħajja professjonali. |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
12 |
KOB hija kumpannija stabbilita fil-Latvja li l-attività kummerċjali tagħha hija l-agrikoltura. Il-Bord tad-Diretturi tagħha huwa kompost minn persuna waħda, jiġifieri VP, ċittadin Ġermaniż li għandu wkoll is-setgħa li jirrappreżenta lil din il-kumpannija waħdu. Tliet kumpanniji oħra rreġistrati fil-Latvja u li jappartjenu lil ċittadini Ġermaniżi għandhom ishma f’KOB. Il-benefiċjarji effettivi ta’ KOB huma VP u ZT. Dan tal-aħħar huwa wkoll ċittadin Ġermaniż. |
13 |
Fl-10 ta’ Jannar 2018, KOB ikkonkludiet kuntratt ta’ xiri ta’ art agrikola ta’ 8.10 ettari u talbet lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jawtorizzaw dan l-akkwist. Permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ April 2018, il-Bord tal-Appell Amministrattiv tal-Komun ta’ Madona rrifjuta li jivvalida l-akkwist. |
14 |
Insostenn tar-rikors tagħha kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, l-administratīvā rajona tiesa, Rīgas tiesu nams (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali, Sezzjoni ta’ Riga, il-Latvja), KOB issostni li l-leġiżlazzjoni Latvjana li tirregola l-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tax-xiri ta’ artijiet agrikoli tmur kontra l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità u l-libertajiet fundamentali, stabbiliti fl-Artikoli 18, 49 u 63 TFUE kif ukoll fl-Artikolu 45 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. |
15 |
Il-qorti tar-rinviju tirrileva f’dan ir-rigward li, skont id-dritt Latvjan, persuna ġuridika tista’ takkwista artijiet agrikoli li jinsabu fil-Latvja. Madankollu, meta persuna ġuridika tkun irrappreżentata jew miżmuma minn ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, għandhom jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet. Minn naħa, iċ-ċittadin barrani għandu jirreġistra bħala ċittadin tal-Unjoni fil-Latvja, li jimplika li huwa jixtieq jirrisjedi hemmhekk għal iktar minn tliet xhur, min-naħa l-oħra, huwa obbligat li jattesta l-fatt li jissodisfa l-livell ta’ konoxxenza tal-lingwa Latvjana msejjaħ “B2”, li jikkorrispondi għal għarfien suffiċjenti sabiex issir konverżazzjoni f’kuntest professjonali. L-istess kundizzjonijiet japplikaw għaċ-ċittadini tal-Istati taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u tal-Konfederazzjoni Svizzera. |
16 |
Il-qorti tar-rinviju tqis li din il-leġiżlazzjoni tqajjem kwistjonijiet dwar il-kompatibbiltà tagħha mad-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, b’riferiment għall-punt 80 tas-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑47/08, EU:C:2011:334), hija tfakkar li l-Artikolu 49 TFUE jiżgura l-benefiċċju ta’ trattament nazzjonali lil kull ċittadin ta’ Stat Membru li jistabbilixxi ruħu fi Stat Membru ieħor sabiex hemmhekk jeżerċita attività bħala persuna li taħdem għal rasha u jipprojbixxi kull diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità. Barra minn hekk, fis-sentenza tagħha tat-23 ta’ Settembru 2003, Ospelt u Schlössle Weissenberg (C‑452/01, EU:C:2003:493, punt 24), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għalkemm l-Artikolu 345 TFUE ma jqiegħedx f’dubju l-possibbiltà tal-Istati Membri li jipprevedu miżuri speċifiċi li jirregolaw l-akkwist ta’ artijiet agrikoli, tali miżuri ma jiskansawx ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari dawk dwar in-nondiskriminazzjoni, il-libertà ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tal-kapital. |
17 |
Barra minn hekk, mill-Komunikazzjoni Interpretattiva tal-Kummissjoni dwar l-Akkwiżizzjoni ta’ Art Agrikola (ĠU 2017, C 350, p. 5) jirriżulta li d-dritt ta’ akkwist, ta’ użu u ta’ trasferiment ta’ artijiet agrikoli jaqa’ taħt l-Artikolu 63 TFUE, dwar il-moviment liberu tal-kapital. Fid-dawl tan-natura speċifika tal-artijiet agrikoli, il-Kummissjoni Ewropea madankollu rrikonoxxiet lill-awtoritajiet nazzjonali l-possibbiltà li jiġġustifikaw ċerti restrizzjonijiet minħabba għanijiet bħall-preżervazzjoni tal-użu tradizzjonali, iż-żamma ta’ popolazzjoni rurali, il-ġlieda kontra l-pressjoni immobbiljari jew ukoll il-manutenzjoni tal-ispazju u tal-pajsaġġi. |
18 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-administratīvā rajona tiesa, Rīgas tiesu nams (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali, Sezzjoni ta’ Riga) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti: “Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 18, 49 u 63 TFUE, jipprekludi l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timponi fuq il-persuni ġuridiċi, sabiex ikunu jistgħu jakkwistaw il-proprjetà ta’ art agrikola, fil-każ fejn is-soċju jew is-soċji li flimkien jirrappreżentaw iktar minn nofs id-drittijiet ta’ vot fil-kumpannija u l-persuni kollha li għandhom is-setgħa li jirrappreżentaw lil din tal-aħħar huma ċittadini ta’ Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea, l-obbligu li jippreżentaw iċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni tas-soċji u tar-rappreżentanti tagħha bħala ċittadini tal-Unjoni u dokument li jistabbilixxi li dawn tal-aħħar għandhom konoxxenza tal-lingwa uffiċjali li tikkorrispondi tal-inqas għal-livell B2?” |
Fuq id-domanda preliminari
19 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk l-Artikoli 18, 49 u 63 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta d-dritt għal persuna ġuridika, li s-soċju jew is-soċji tagħha jirrappreżentaw iktar minn nofs id-drittijiet ta’ vot fi ħdanha u li l-persuni li għandhom is-setgħa li jirrappreżentawha huma ċittadini ta’ Stati Membri oħra, li tikseb il-proprjetà ta’ art agrikola li tinsab fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, għall-produzzjoni, minn dawn is-soċji u rappreżentanti, minn naħa, ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni bħala residenti tal-imsemmi Stat Membru, u min-naħa l-oħra, ta’ dokument li jistabbilixxi li l-livell ta’ konoxxenza tagħhom tal-lingwa uffiċjali ta’ dan l-Istat Membru jippermettilhom minn tal-inqas li jkollhom konverżazzjoni dwar suġġetti ta’ kuljum u dwar il-ħajja professjonali. |
20 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, għalkemm l-Artikolu 345 TFUE, li tirreferi għalih il-qorti tar-rinviju, jistabbilixxi l-prinċipju ta’ newtralità tat-Trattati fir-rigward tas-sistema ta’ proprjetà fl-Istati Membri, madankollu ma għandux l-effett li jeżenta s-sistemi ta’ proprjetà eżistenti fl-Istati Membri mir-regoli fundamentali tat-Trattat FUE. Għaldaqstant, minkejja li l-imsemmi artikolu ma jqiegħedx f’dubju l-possibbiltà tal-Istati Membri li jistabbilixxu sistema ta’ akkwist tal-proprjetà immobbli li tipprevedi miżuri speċifiċi li japplikaw għal tranżazzjonijiet dwar artijiet agrikoli u forestali, tali sistema ma tiskansax, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u lanqas ir-regoli dwar il-libertà ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tal-kapital (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2018, SEGRO u Horváth, C‑52/16 u C‑113/16, EU:C:2018:157, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
21 |
Barra minn hekk, id-domanda preliminari tirreferi għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tal-kapital. |
22 |
Fir-rigward tal-libertajiet ta’ moviment, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta miżura nazzjonali tkun marbuta simultanjament ma’ diversi libertajiet fundamentali, il-Qorti tal-Ġustizzja teżaminaha, bħala prinċipju, fid-dawl ta’ waħda biss minn dawn il-libertajiet jekk jirriżulta li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, l-oħrajn ikunu kompletament sekondarji meta mqabbla ma’ tal-ewwel u jistgħu jkunu marbuta magħha (sentenza tas-8 ta’ Ġunju 2017, Van der Weegen et, C‑580/15, EU:C:2017:429, punt 25). |
23 |
Minn ġurisprudenza stabbilita sew jirriżulta li, f’dan il-kuntest, hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2014, Bouanich, C‑375/12, EU:C:2014:138, punt 27, u tat-3 ta’ Marzu 2020, Tesco‑Global Áruházak, C‑323/18, EU:C:2020:140, punti 50 u 51). |
24 |
Fil-każ ineżami, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li KOB tfittex li takkwista artijiet agrikoli fil-Latvja sabiex tużahom. Minn dan jirriżulta wkoll li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirregola mhux biss ix-xiri ta’ artijiet agrikoli li jinsabu fil-Latvja iżda tfittex li tiggarantixxi l-użu kontinwu tagħhom għal finijiet agrikoli. |
25 |
Għalhekk, l-għan ta’ din il-leġiżlazzjoni ma jippermettix li jiġi ddeterminat jekk din taqax b’mod predominanti taħt l-Artikolu 49 TFUE jew taħt l-Artikolu 63 TFUE. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi fattwali tal-każ inkwistjoni sabiex tiddetermina jekk is-sitwazzjoni msemmija fil-kawża prinċipali taqax taħt waħda jew l-oħra mill-imsemmija dispożizzjonijiet (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2014, Bouanich, C‑375/12, EU:C:2014:138, punt 30). |
26 |
F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-fajl ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li s-sitwazzjoni fattwali li tat lok għall-kawża prinċipali hija kkaratterizzata mill-fatt li kumpannija kummerċjali ma hijiex awtorizzata tixtri artijiet agrikoli fil-Latvja għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-attività agrikola tagħha sakemm ir-rappreżentant tagħha u s-soċji tagħha ma jipproduċux prova tar-residenza tagħhom f’dan l-Istat Membru u ċerta konoxxenza tal-lingwa Latvjana. |
27 |
Hemm lok li jiġi kkonstatat li tali sitwazzjoni, kuntrarjament għal oħrajn li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja setgħet tikkonstata effett preponderanti fuq il-moviment liberu tal-kapital (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2018, SEGRO u Horváth, C‑52/16 u C‑113/16, EU:C:2018:157, punti 58 u 59), taqa’ qabelxejn taħt il-libertà ta’ stabbiliment. |
28 |
Konsegwentement, u konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, għandu jitqies li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi eżaminata esklużivament fid-dawl ta’ din il-libertà tal-aħħar. |
29 |
Barra minn hekk, peress li l-Artikolu 49 TFUE jipprevedi regola speċifika ta’ nondiskriminazzjoni, l-Artikolu 18 TFUE, li sar ukoll riferiment għalih mill-qorti tar-rinviju, ma japplikax (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2015, Nagy, C‑583/14, EU:C:2015:737, punt 24). |
30 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li kull miżura nazzjonali f’qasam li kien suġġett ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti fuq livell tal-Unjoni għandha tiġi evalwata mhux fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju, iżda fid-dawl ta’ dawk ta’ din il-miżura ta’ armonizzazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Gysbrechts u Santurel Inter, C‑205/07, EU:C:2008:730, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
31 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2006/123, din tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali li jippermettu li jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment tal-fornituri. Il-Kapitolu III ta’ din id-direttiva, li jinkorpora l-Artikoli 9 sa 15 tagħha, jirregola l-libertà ta’ stabbiliment tal-fornituri. |
32 |
L-Artikoli 9 sa 13 tad-Direttiva 2006/123 joneraw lill-Istati Membri b’rekwiżiti li għandhom jissodisfaw il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali rispettivi tagħhom meta l-attività ta’ servizz tkun suġġetta għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni. Kif diġà ġie deċiż fir-rigward tal-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva, li jipprovdi lista ta’ rekwiżiti “ipprojbiti” fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment, għandu jitqies li l-Artikoli 9 sa 13 tal-istess direttiva jwettqu armonizzazzjoni eżawrjenti fir-rigward ta’ servizzi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Lulju 2016, Promoimpresa et, C‑458/14 u C‑67/15, EU:C:2016:558, punti 60 u 61). |
33 |
Konsegwentement, sa fejn, kif jirriżulta mill-punt 27 ta’ din is-sentenza, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ taffettwa l-libertà ta’ stabbiliment, din għandha tiġi eżaminata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123. |
34 |
Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistabbilixxi proċedura ta’ awtorizzazzjoni qabel l-akkwist, minn persuna ġuridika, ta’ artijiet agrikoli fil-Latvja u tissuġġetta, f’dan il-kuntest, l-awtorizzazzjoni għal ċerti kundizzjonijiet, fosthom b’mod partikolari ċ-ċertifikazzjoni, bil-miktub, li l-artijiet inkwistjoni ser jintużaw kontinwament għal finijiet agrikoli. |
35 |
Tali proċedura tista’ tikkostitwixxi “sistema ta’ awtorizzazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 2006/123, jiġifieri proċedura li għandha l-effett li tobbliga lil fornitur jew lil destinatarju jieħu passi quddiem awtorità kompetenti sabiex jikseb att formali jew deċiżjoni impliċita dwar l-aċċess għal attività ta’ servizz jew għall-eżerċizzju tagħha. |
36 |
L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/123 jissuġġetta l-possibbiltà għall-Istati Membri li jipprovdu sistema ta’ awtorizzazzjoni għal ċerti kundizzjonijiet. B’mod partikolari, tali sistema ma għandhiex tkun diskriminatorja fir-rigward tal-fornitur. L-Artikolu 10(2)(a) ta’ din id-direttiva jeżiġi wkoll li l-kriterji ta’ awtorizzazzjoni ma jkunux diskriminatorji. |
37 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 14 ta’ din l-istess direttiva jipprovdi li l-Istati Membri ma jistgħux jissuġġettaw l-aċċess għal attività ta’ servizzi jew l-eżerċizzju tagħha fit-territorju tagħhom għall-osservanza tar-rekwiżiti li huwa jelenka. B’mod partikolari, skont il-punt 1 ta’ dan l-artikolu, huma pprojbiti r-rekwiżiti diskriminatorji bbażati direttament jew indirettament fuq in-nazzjonalità kif ukoll ir-rekwiżit li persuna tkun residenti fit-territorju tagħhom għall-persuni li għandhom kapital azzjonarju jew il-membri tal-korpi ta’ ġestjoni jew ta’ sorveljanza tal-fornitur. |
38 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kemm mill-formulazzjoni tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/123 kif ukoll mill-istruttura ġenerali ta’ din id-direttiva jirriżulta li r-rekwiżiti elenkati f’dan l-artikolu ma jistgħux jiġu ġġustifikati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 2015, Rina Services et, C‑593/13, EU:C:2015:399, punti 28 sa 35, u tat-23 ta’ Frar 2016, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija, C‑179/14, EU:C:2016:108, punt 45). |
39 |
Fir-rigward ta’ din il-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li, fil-każ fejn persuna ġuridika, li tixtieq takkwista art agrikola fil-Latvja, tkun ikkontrollata jew irrappreżentata minn ċittadini ta’ Stati Membri oħra, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprevedi kundizzjonijiet speċifiċi, jiġifieri l-obbligu ta’ dawn il-persuni li jirreġistraw bħala residenti fil-Latvja u li jipproduċu prova tal-konoxxenza tagħhom tal-lingwa uffiċjali ta’ dan l-Istat Membru korrispondenti minn tal-inqas għal-livell B2, li teħtieġ li jkunu f’pożizzjoni li jkollhom konverżazzjoni dwar suġġetti ta’ kuljum u dwar il-ħajja professjonali fil-lingwa uffiċjali ta’ dan l-Istat Membru. |
40 |
Peress li dawn il-kundizzjonijiet speċifiċi ma japplikawx għaċ-ċittadini Latvjani, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali timplika diskriminazzjoni diretta minħabba n-nazzjonalità. |
41 |
Isegwi li tali leġiżlazzjoni tmur kontra l-Artikoli 9, 10 u 14 tad-Direttiva 2006/123. |
42 |
Konsegwentement, ma hemmx iktar lok li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 63 TFUE jipprekludix ukoll leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
43 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda preliminari għandha tkun li l-Artikoli 9, 10 u 14 tad-Direttiva 2006/123 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta d-dritt għal persuna ġuridika, li s-soċju jew is-soċji tagħha jirrappreżentaw iktar minn nofs id-drittijiet ta’ vot fi ħdanha u li l-persuni li għandhom is-setgħa li jirrappreżentawha huma ċittadini ta’ Stati Membri oħra, li tikseb il-proprjetà ta’ art agrikola li tinsab fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, għall-produzzjoni, minn dawn is-soċji u rappreżentanti, minn naħa, ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni bħala residenti tal-imsemmi Stat Membru, u min-naħa l-oħra, ta’ dokument li jistabbilixxi li l-livell ta’ konoxxenza tagħhom tal-lingwa uffiċjali ta’ dan l-Istat Membru jippermettilhom minn tal-inqas li jkollhom konverżazzjoni dwar suġġetti ta’ kuljum u dwar il-ħajja professjonali. |
Fuq l-ispejjeż
44 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikoli 9, 10 u 14 tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta d-dritt għal persuna ġuridika, li s-soċju jew is-soċji tagħha jirrappreżentaw iktar minn nofs id-drittijiet ta’ vot fi ħdanha u li l-persuni li għandhom is-setgħa li jirrappreżentawha huma ċittadini ta’ Stati Membri oħra, li tikseb il-proprjetà ta’ art agrikola li tinsab fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, għall-produzzjoni, minn dawn is-soċji u rappreżentanti, minn naħa, ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni bħala residenti tal-imsemmi Stat Membru, u min-naħa l-oħra, ta’ dokument li jistabbilixxi li l-livell ta’ konoxxenza tagħhom tal-lingwa uffiċjali ta’ dan l-Istat Membru jippermettilhom minn tal-inqas li jkollhom konverżazzjoni dwar suġġetti ta’ kuljum u dwar il-ħajja professjonali. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.