Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0017

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-14 ta’ Mejju 2020.
Proċeduri kriminali kontra Bouygues travaux publics et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour de cassation.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ħaddiema migranti – Sigurtà soċjali – Regolament (KEE) Nru 1408/71 – Leġiżlazzjoni applikabbli – Il-punti (1)(a) u (2)(b) tal-Artikolu 14 – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 12(1) – Artikolu 13(1)(a) – Ħaddiema kkollokati – Ħaddiema li jeżerċitaw attività f’żewġ Stati Membri jew iktar – Regolament (KEE) Nru 574/72 – Artikolu 11(1)(a) – Il-punti 2(a) u (4)(a) tal-Artikolu 12a – Regolament (KE) Nru 987/2009 – Artikolu 19(2) – Ċertifikati E 101 u A 1 – Effett vinkolanti – Portata – Sigurtà soċjali – Dritt industrijali.
Kawża C-17/19.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:379

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

14 ta’ Mejju 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ħaddiema migranti – Sigurtà soċjali – Regolament (KEE) Nru 1408/71 – Leġiżlazzjoni applikabbli – Il-punti (1)(a) u (2)(b) tal-Artikolu 14 – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 12(1) – Artikolu 13(1)(a) – Ħaddiema kkollokati – Ħaddiema li jeżerċitaw attività f’żewġ Stati Membri jew iktar – Regolament (KEE) Nru 574/72 – Artikolu 11(1)(a) – Il-punti 2(a) u (4)(a) tal-Artikolu 12a – Regolament (KE) Nru 987/2009 – Artikolu 19(2) – Ċertifikati E 101 u A 1 – Effett vinkolanti – Portata – Sigurtà soċjali – Dritt industrijali”

Fil-Kawża C‑17/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Jannar 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Jannar 2019, fil-proċeduri kriminali kontra

Bouygues travaux publics,

Elco construct Bucarest,

Welbond armatures,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan (Relatur), President tal-Awla, I. Jarukaitis, E. Juhász, M. Ilešič u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: V. Giacobbo, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑23 ta’ Jannar 2020,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Bouygues travaux publics, minn P. Spinosi u V. Steinberg, avocats,

għal Elco construct Bucarest, minn M. Bodin u U. Candas, avocats,

għal Welbond armatures, minn J.-J. Gatineau, avocat,

għall-Gvern Franċiż, inizjalment minn E. de Moustier, A. Daly, R. Coesme, A. Ferrand u D. Colas, sussegwentement minn E. de Moustier, A. Daly, R. Coesme u A. Ferrand,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Pavliš, J. Vláčil u L. Dvořáková, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Van Hoof, B.-R. Killmann u D. Martin, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72 tal-21 ta’ Marzu 1972 li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali għal persuni impjegati u l-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 83), fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 647/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ April 2005 (ĠU 2005, L 117, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 574/72”), u tal-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU 2009, L 284, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra l-kumpanniji Bouygues travaux publics (iktar ’il quddiem “Bouygues”), Elco construct Bucarest (iktar ’il quddiem “Elco”) u Welbond armatures (iktar ’il quddiem “Welbond”) fir-rigward ta’ xogħol mhux iddikjarat u ta’ self illegali ta’ ħaddiema.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Nru 1408/71

3

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament Nru 118/97 tat-2 ta’ Diċembru 1996, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1606/98 tad-29 ta’ Ġunju 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 308) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”), kien jinkludi t-Titolu I, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali”, li kien jinkludi l-Artikolu 1, intitolat “Definizzjonijiet”, li kien jipprevedi, b’mod partikolari, dan li ġej:

“Għall-iskop ta’ dan ir-Regolament:

[…]

(j)

leġislazzjoni tfisser fejn jidħlu l-Istatuti ta’ kull Stat Membru, ir-Regolamenti u dispożizzjonijiet oħra u l-miżuri l-oħra kollha implimentati, preżenti u futuri, marbutin mal-friegħi ta’ l-iskemi tas-sigurtà soċjali koperti bl-Artikolu 4(1) u (2) jew dawk il-benefiċċji non- kontributorji speċjali koperti bl-Artikolu 4(2a).

[…]”

4

Taħt l-istess titolu, l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Materji koperti”, kien jipprovdi:

“1.   Dan ir-Regolament jkun japplika għal-leġislazzjoni kollha li tikkonċerna l-friegħi segwenti tas-sigurtà soċjali:

a)

il-benefiċċji tal-mard u tal-maternità;

b)

il-benefiċċji ta’ l-invalidità, inklużi dawk intenzjonati għall-manteniment u l-miljorament tal-kapaċità tal-qliegħ;

ċ)

il-benefiċċji tax-xjuħija;

d)

il-benefiċċji tas-superstiti;

e)

benefiċċji fejn jidħlu inċidenti fuq ix-xogħol u mard okkupazzjonali;

f)

għotjiet tal-mewt;

g)

benefiċċji tad-disimpjieg;

h)

benefiċċji tal-familja.

2.   Dan ir-Regolament ikun japplika għall-iskemi kollha tas-sigurtà soċjali ġenerali u speċjali, kemm dawk kontributorji kif ukoll dawk non-kontributorji, u għal skemi li għandhom x’jaqsmu mal-lijabiltà ta’ xi ħadd li jħaddem jew sid ta’ vapur fejn jidħlu l-benefiċċji li għalihom hemm riferenza fil-paragrafu 1.

[…]”

5

L-Artikoli 13 u 14 ta’ dan ir-regolament jinsabu taħt it-Titolu II ta’ dan tal-aħħar, intitolat “Determinazzjoni tal-leġislazzjoni applikabbli”.

6

L-Artikolu 13 tal-imsemmi regolament, intitolat “Regoli ġenerali”, kien jipprevedi:

“1.   Bla ħsara għall-Artikoli 14ċ u 14f, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għall-liġijiet ta’ Stat Membru wieħed biss. Dawk il-liġijiet għandhom jiġu stabbiliti skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu;

2.   Suġġetti għall-Artikoli 14 sa 17:

a)

persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat anke jekk ikun jabita fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew jekk l-uffiċċju reġistrat inkella post tan-negozju ta’ l-impriża jew ta’ l-individwu li jimpjegah huwa stabbilit fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor;

[…]”

7

L-Artikolu 14 tal-istess regolament, intitolat “Regoli speċjali applikabbli għall-persuni, minbarra l-baħrin, ingaġġati fi mpieg imħallas”, kien jipprovdi:

“l-Artikolu 13(2)(a) japplika suġġett għall-eċċezzjonijiet u ċ-ċirkustanzi li ġejjin:

1)

a)

Persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru minn impriża li magħha normalment ikollu x’jaqsam li tkun ippostjata minn dik l-impriża fit-territorju ta’ Stat ieħor biex twettaq xogħol hemm minn dik l-impriża tkompli tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-ewwel Stat Membru, basta li t-tul antiċipat ta’ dak ix-xogħol ma jkunx jaqbeż tnax-il xahar u li ma tkunx intbagħtet hemm biex tieħu post persuna oħra li tkun temmet iż-żmien tal-postazzjoni tagħha.

[…]

2)

Persuna normalment impjegata fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar tkun suġġetta għal-leġislazzjoni li tkun determinata kif ġej:

[…]

b)

Persuna għajr dik li hemm referenza għaliha f(a) tkun suġġetta:

i)

għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fih tabita, jekk twettaq l-attività tagħha parzjalment fit-territorju jew jekk hija marbuta ma diversi impriżi u diversi persuni li jimpjegawha li għandhom l-uffiċċji reġistrati jew il-postijiet tan-negozju tagħhom fit-territorju ta’ Stati Membri differenti;

ii)

għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab l-uffiċċju reġistrat jew post tan-negozju ta’ l-impriża jew ta’ l-individwu li jimpjegaha, jekk ma tabitax fit-territorju ta’ kwalunkwe Stati Membri fejn hija tkun qed twettaq l-attività tagħha.

[…]”

Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004

8

Ir-Regolament Nru 1408/71 tħassar u ġie ssostitwit, mill-1 ta’ Mejju 2010, bir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), li ġie emendat bir-Regolament (KE) Nru 465/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 (ĠU 2012, L 149, p. 4, rettifika fil-ĠU 2004, L 200, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 883/2004”).

9

L-Artikolu 1(j) u l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1408/71 ġew issostitwiti, rispettivament, bl-Artikolu 1(l) u bl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 883/2004, li d-dispożizzjonijiet tagħhom huma, essenzjalment, identiċi.

10

L-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 ġie ssostitwit, essenzjalment, mill-Artikolu 11(3)(a) tar-Regolament Nru 883/2004, li jipprovdi li “Bla ħsara għall-Artikolu 12 sa 16: […] persuna li twettaq attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha fi Stat Membru għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat Membru”.

11

L-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 ġie ssostitwit, essenzjalment, mill-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 883/2004, li jipprovdi li “[p]ersuna li twettaq attività bħala persuna impjegata fi Stat Membru f’isem min iħaddem, li normalment twettaq l-attivitajiet tagħha hemmhekk, u li tintbagħat minn dak li jħaddem fi Stat Membru ieħor biex taħdem f’isem minn iħaddem, għandha tibqa’ soġġetta għal-leġiżlazzjoni tal-ewwel Stat Membru, sakemm ix-xogħol mhux maħsub li jdum aktar minn 24 xahar u sakemm din il-persuna ma ntbagħtitx biex tieħu post persuna stazzjonata oħra.”

12

L-Artikolu 14(2)(b) tar-Regolament Nru 1408/71 ġie ssostitwit, essenzjalment, mill-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 883/2004, li jipprovdi:

“Persuna li normalment twettaq attività bħala persuna impjegata f’żewġ Stati Membri jew aktar għandha tkun soġġetta:

1.

għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tar-residenza jekk hija twettaq parti sostanzjali mill-attività tagħha f’dak l-Istat Membru, jew

2.

jekk ma twettaqx parti sostanzjali tal-attività tagħha fl-Istat Membru tar-residenza:

[…]”

Ir-Regolament Nru 574/72

13

It-Titolu III tar-Regolament Nru 574/72, intitolat “L-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-regolament sabiex tiġi stabbiliti l-leġislazzjoni applikabbli”, kien jistabbilixxi, b’mod partikolari, il-modalitajiet għall-applikazzjoni tal-Artikoli 13 u 14 tar-Regolament Nru 1408/71.

14

B’mod partikolari, il-punt 1(a) tal-Artikolu 11 kif ukoll il-punt 2(a) u l-punt 4(a) tal-Artikolu 12a tar-Regolament Nru 574/72 kienu jipprevedu li, fil-każijiet imsemmija, b’mod partikolari, fil-punti (1)(a) u (2)(b) tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1408/71, l-istituzzjoni indikata mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu tibqa’ applikabbli kienet obbligata toħroġ ċertifikat (iktar ’il quddiem iċ-“ċertifikat E 101”), li jiddikjara li l-ħaddiem ikkonċernat kien għadu suġġett għal din il-leġiżlazzjoni.

Ir-Regolament Nru 987/2009

15

Ir-Regolament Nru 574/72 ġie mħassar u ssostitwit, mill-1 ta’ Mejju 2010, bir-Regolament Nru 987/2009.

16

Skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 987/2009:

“Id-dokumenti maħruġa mill-istituzzjoni ta’ Stat Membru u li juru l-pożizzjoni ta’ persuna għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament bażiku u tar-Regolament implimentattiv, u l-evidenza ta’ sostenn li abbażi tagħha nħarġu d-dokumenti, għandhom jiġu aċċettati mill-istituzzjonijiet tal-Istati Membri l-oħrajn sakemm dawn ma jkunux ġew irtirati jew iddikjarati li huma invalidi mill-Istat Membru li fih inħarġu.”

17

L-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 987/2009, li, parzjalment, issostitwixxa l-Artikolu 11(1)(a) kif ukoll il-punti 2(a) u 4(a) tal-Artikolu 12a, jipprovdi li, “[f]uq talba tal-persuna kkonċernata jew ta’ min iħaddimha, l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li tiegħu l-leġislazzjoni hija applikabbli taħt it-Titolu II tar-Regolament [Nru 883/2004] għandha tipprovdi attestazzjoni li tali leġislazzjoni hija applikabbli u għandha tindika, fejn ikun il-każ, sa liema data u taħt liema kondizzjonijiet.” Din id-dikjarazzjoni hija stabbilita b’ċertifikat (iktar ’il quddiem iċ-“ċertifikat A1”).

Id-dritt Franċiż

18

L-Artikolu L. 1221-10 tal-Kodiċi Industrjali, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, kien jipprevedi:

“Ir-reklutaġġ ta’ impjegat jista’ jsir biss wara dikjarazzjoni nominattiva mwettqa mill-persuna li timpjega mal-organi tal-protezzjoni soċjali maħtura għal dan il-għan.

Il-persuna li timpjega għandha tagħmel din id-dikjarazzjoni fil-postijiet tax-xogħol kollha fejn hemm impjegati mħaddma.”

19

L-Artikolu L. 8211-1 ta’ dan il-kodiċi kien jipprovdi:

“Il-ksur li ġej jikkostitwixxi xogħol illegali, taħt il-kundizzjonijiet previsti minn dan il-ktieb:

1°)

Xogħol mhux iddikjarat;

[…]

3)

Self illegali ta’ ħaddiema;

[…]”

20

L-Artikolu L 8221-1 tal-istess kodiċi kien jipprovdi:

“Huma pprojbiti:

Ix-xogħol totalment jew parzjalment mhux iddikjarat, iddefinit u eżerċitat taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli L. 8221–3 u L. 8221–5;

Ir-reklamar, bi kwalunkwe mezz, intiż sabiex jinkoraġixxi, b’mod intenzjonat, ix-xogħol mhux iddikjarat;

L-użu b’mod konxju, direttament jew permezz ta’ intermedjarju, tas-servizzi ta’ min iwettaq xogħol mhux iddikjarat.”

21

L-Artikolu L. 8221-3 tal-istess kodiċi kien jistabbilixxi:

“Huwa meqjus xogħol mhux iddikjarat minħabba l-assenza ta’ dikjarazzjoni tal-attività, l-eżerċizzju bi skop ta’ lukru ta’ attività ta’ produzzjoni, ta’ trasformazzjoni, ta’ tiswija jew ta’ provvista ta’ servizzi jew it-twettiq ta’ atti ta’ negozju minn kull persuna li, sabiex tevadi intenzjonalment l-obbligi tagħha:

[…]

jew ma pproċedietx biex tagħmel id-dikjarazzjonijiet li għandhom isiru lill-organi għal protezzjoni soċjali jew lill-awtoritajiet fiskali skont id-dispożizzjonijiet legali fis-seħħ”. […];

[…]”

22

Skont l-Artikolu L. 8221-5 tal-Kodiċi Industrjali:

“Huwa meqjus bħala xogħol mhux iddikjarat minħabba l-assenza ta’ dikjarazzjoni ta’impjieg b’salarju l-fatt li kull persuna li timpjega:

jew tevadi intenzjonalment it-twettiq tal-formalità prevista fl-Artikolu L. 1221–10, dwar id-dikjarazzjoni qabel ir-reklutaġġ;

[…]

jew ma twettaqx mal-organi ta’ rkupru tal-kontribuzzjonijiet u tal-kontribuzzjonijiet soċjali d-dikjarazzjonijiet relatati mas-salarji jew mal-kontribuzzjonijiet soċjali bbażati fuqhom.”

23

Matul il-perijodu mit-18 ta’ Ġunju 2011 sal-10 ta’ Awwissu 2016, din l-aħħar dispożizzjoni kienet ifformulata kif ġej:

“3°

jew tevadi intenzjonalment id-dikjarazzjonijiet relatati mas-salarji jew mal-kontribuzzjonijiet soċjali bbażati fuqhom mal-organi ta’ rkupru tal-kontribuzzjonijiet u tal-kontribuzzjonijiet soċjali jew mal-awtorità fiskali skont id-dispożizzjonijiet legali”.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

24

Wara li kisbet l-għoti ta’ kuntratti għall-bini ta’ reattur nukleari tal-aħħar ġenerazzjoni, reattur tal-ilma taħt pressjoni imsejjaħ “EPR”, fi Flamanville (Franza), Bouygues, kumpannija stabbilita fi Franza, ikkostitwixxiet ma’ żewġ impriżi oħra, għall-eżekuzzjoni ta’ dawn il-kuntratti, impriża konġunta, li tat subappalt lil grupp ta’ interess ekonomiku kompost, b’mod partikolari, minn Welbond, kumpannija stabbilita wkoll fi Franza. Dan il-grupp stess irrikorra, minn naħa, għal subappaltaturi, fosthom Elco, kumpannija stabbilita fir-Rumanija, u, min-naħa l-oħra, Atlanco Ltd, kumpannija ta’ xogħol temporanju stabbilita fl-Irlanda u li għandha sussidjarja f’Ċipru kif ukoll uffiċċju fil-Polonja.

25

Wara lment fuq il-kundizzjonijiet ta’ akkomodazzjoni ta’ ħaddiema barranin, strajk tal-ħaddiema temporanji Pollakki li jirrigwarda l-assenza jew l-insuffiċjenza ta’ kopertura soċjali f’każ ta’ inċident, kif ukoll l-iżvelar ta’ iktar minn mitt inċident tax-xogħol mhux iddikjarati, u wara l-investigazzjoni mwettqa mill-Awtorità ta’ Sigurtà Nukleari (ASN), u sussegwentement mid-dipartimenti tal-pulizija, Bouygues, Welbond u Elco tħarrku għal fatti li seħħew matul il-perijodu minn Ġunju 2008 sa Ottubru 2012, b’mod partikolari, fuq il-bażi ta’ żewġ kapijiet ta’ xogħol mhux iddikjarat u ta’ self illegali ta’ ħaddiema, fir-rigward tal-ewwel tnejn, kif ukoll ta’ xogħol mhux iddikjarat fir-rigward tat-tielet waħda.

26

Permezz ta’ sentenza tal-20 ta’ Marzu 2017, il-Cour d’appel de Caen (France) (il-Qorti tal-Appell ta’ Caen, Franza), li kkonfermat, parzjalment, is-sentenza mogħtija fis-7 ta’ Lulju 2015, mix-chambre correctionnelle du tribunal d’instance de Cherbourg (France) (il-Qorti Kriminali tal-Qorti Distrettwali ta’ Cherbourg, Franza) iddeċidiet, fir-rigward ta’ Elco, li din il-kumpannija kienet ħatja tar-reat ta’ xogħol mhux iddikjarat minħabba li naqset milli tagħmel id-dikjarazzjonijiet nominattivi qabel ir-reklutaġġ ta’ impjegati kif ukoll id-dikjarazzjonijiet dwar is-salarji u l-kontribuzzjonijiet soċjali mal-organi ta’ rkupru tal-kontribuzzjonijiet u tal-kontribuzzjonijiet soċjali. Fil-fatt, din il-qorti kkunsidrat li Elco kellha attività abitwali, stabbli u kontinwa fi Franza, fatt li ma kienx jawtorizzaha tinvoka l-leġiżlazzjoni dwar il-kollokament. F’dan ir-rigward hija kkonstatat li l-maġġoranza tal-ħaddiema inkwistjoni kienu ġew impjegati minn Elco bil-għan biss li jintbagħtu fi Franza, ftit ġranet qabel dan, li l-parti l-kbira minnhom ma kinux ħadmu jew kienu ħadmu biss għal ftit żmien għal din il-kumpannija, li l-attività ta’ Elco fir-Rumanija kienet saret aċċessorja fir-rigward tal-attività tagħha fi Franza, li l-ġestjoni amministrattiva tal-ħaddiema kkonċernati ma kinitx żgurata fir-Rumanija u li ċerti kollokamenti kienu damu iktar minn 24 xahar.

27

Fir-rigward ta’ Bouygues u Welbond, il-cour d’appel de Caen (il-Qorti tal-Appell ta’ Caen) ikkunsidrat li dawn il-kumpanniji kienu ħatja tar-reati ta’ xogħol mhux iddikjarat, fir-rigward ta’ ħaddiema pprovduti minn Atlanco, u ta’ self illegali ta’ ħaddiema. F’dan ir-rigward, din il-qorti kkonstatat, qabel kollox, li Bouygues u Welbond kienu, permezz tas-sussidjarja Ċiprijotta ta’ Atlanco u ta’ uffiċċju ta’ din is-sussidjarja fil-Polonja, irreklutaw ħaddiema temporanji Pollakki billi dawn ġew imġiegħla jiffirmaw kuntratt miktub bil-Grieg, bil-għan li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ kumpanniji Franċiżi, permezz tal-intermedjazzjoni ta’ żewġ impjegati tal-imsemmija sussidjarja bbażati f’Dublin (l-Irlanda) u li jaħdmu fi Franza. Sussegwentement, l-imsemmija qorti rrilevat li l-istess sussidjarja ma kinitx irreġistrata fir-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji fi Franza u li hija ma kellha ebda attività la f’Ċipru u lanqas fil-Polonja. Fl-aħħar nett, l-istess qorti stabbilixxiet li, għalkemm Bouygues u Welbond kienu ċertament talbu lil Atlanco d-dokumenti dwar il-ħaddiema Pollakki temporanji preżenti fis-sit ta’ Flamanville, b’mod partikolari, iċ-ċertifikati E 101 u A 1, dawn komplew jimpjegaw lil dawn il-ħaddiema mingħajr ma kisbu komunikazzjoni sħiħa ta’ dawn id-dokumenti.

28

Bouygues, Elco u Welbond appellaw quddiem il-Cour de cassation (France) (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza) mis-sentenza tal-cour d’appel de Caen (il-Qorti tal-Appell ta’ Caen), tal-20 ta’ Marzu 2017, billi sostnew, b’mod partikolari, li din kienet injorat l-effetti marbuta maċ-ċertifikati E 101 u A 1, maħruġa lill-ħaddiema kkonċernati.

29

Skont il-qorti tar-rinviju, mis-sentenzi tas-27 ta’ April 2017, A-Rosa Flussschiff (C‑620/15, EU:C:2017:309), u tas-6 ta’ Frar 2018, Altun et (C‑359/16, EU:C:2018:63) jista’ jiġi dedott li, meta l-qorti nazzjonali hija adita bi proċeduri kriminali għal xogħol mhux iddikjarat minħabba nuqqas ta’ dikjarazzjonijiet lill-organi ta’ protezzjoni soċjali u li l-persuna mħarrka tipproduċi ċ-ċertifikati E 101, li saru ċ-ċertifikati A 1, fir-rigward tal-ħaddiema kkonċernati, skont il-punt (2)(a) tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1408/71, hija tista’, wara sottomissjonijiet tal-partijiet, tinjora dawn iċ-ċertifikati biss jekk, fuq il-bażi tal-eżami tal-elementi konkreti miġbura matul l-investigazzjoni ġudizzjarja li ppermettiet li jiġi kkonstatat li l-imsemmija ċertifikati kienu nkisbu jew ġew invokati b’mod frawdolenti u li l-istituzzjoni li ħarġithom adita kienet naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni, f’terminu raġonevoli, jikkostitwixxu frodi kkostitwita, fl-element oġġettiv tagħha, mill-assenza ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fid-dispożizzjoni rilevanti u fl-element suġġettiv tagħha, permezz tal-intenzjoni tal-persuna akkużata li tevita jew li teludi l-kundizzjonijiet ta’ ħruġ tal-istess ċertifikati sabiex tikseb il-vantaġġ marbut ma’ dan.

30

Din il-qorti tirrileva, madankollu, li, f’dan il-każ, persuni li jimpjegaw huma mħarrka fuq il-bażi ta’ xogħol mhux iddikjarat minħabba li naqsu milli jwettqu, mhux biss id-dikjarazzjonijiet dwar is-salarji u l-kontribuzzjonijiet soċjali mal-organi ta’ rkupru tal-kontribuzzjonijiet u tal-kontribuzzjonijiet soċjali, iżda wkoll id-dikjarazzjonijiet nominattivi qabel ir-reklutaġġ ta’ impjegati, abbażi, b’mod partikolari, tal-Artikoli L. 8221–3 u L. 8221–5 tal-Kodiċi Industrjali, filwaqt li żewġ kumpanniji, Bouygues u Welbond, huma mħarrka fuq il-bażi ta’ xogħol mhux iddikjarat fir-rigward ta’ ħaddiema impjegati minn kumpannija li hija wkoll akkużata bin-nuqqas ta’ twettiq tal-istess obbligi, fuq il-bażi, b’mod partikolari, tal-Artikolu L. 8221-1 ta’ dan il-kodiċi.

31

Għalhekk, skont il-qorti tar-rinviju, tqum il-kwistjoni dwar jekk l-effetti marbuta maċ-ċertifikati E 101 u A 1, maħruġa, f’dan il-każ, rispettivament, skont il-punt 1(a) u l-punt 2(b) tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1408/71, kif ukoll skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 883/2004, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli għall-iskema ta’ sigurtà soċjali u għad-dikjarazzjonijiet tal-persuna li timpjega lill-organi ta’ protezzjoni soċjali, japplikawx għad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli fir-rigward tad-dritt industrijali u tal-obbligi imposti fuq il-persuna li timpjega, kif jirriżultaw mill-applikazzjoni tad-dritt industrjali tal-Istat li fih il-ħaddiema kkonċernati minn dawn iċ-ċertifikati jwettqu xogħolhom, b’mod partikolari, id-dikjarazzjonijiet li għandhom jitwettqu mill-persuna li timpjega qabel ir-reklutaġġ ta’ dawn il-ħaddiema.

32

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“[L-Artikolu] 11 tar-Regolament [Nru 574/72] u [l-Artikolu] 19 tar-Regolament [Nru 987/2009] għandhom jiġu interpretati fis-sens li ċertifikat E 101 maħruġ mill-istituzzjoni indikata mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, skont il-[punt 1 u l-punt 2(b) tal-] Artikolu 14 […] tar-Regolament 1408/71 […] jew [ċertifikat] A 1 maħruġ skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 883/2004 […] jorbot il-qrati tal-Istat Membru li fih ix-xogħol jitwettaq sabiex tiġi stabbilita l-leġiżlazzjoni applikabbli, mhux biss għall-iskema ta’ sigurità soċjali, iżda wkoll għad-dritt industrijali, meta din il-leġiżlazzjoni tiddefinixxi l-obbligi tal-persuni li jimpjegaw u d-drittijiet tal-persuni impjegati, b’mod li fit-tmiem tas-sottomissjonijiet tal-partijiet, huma ma jistgħux jinjoraw dawn iċ-ċertifikati ħlief jekk, fuq il-bażi tal-elementi konkreti rċevuti matul l-investigazzjoni ġudizzjarja li ppermettiet li jiġi kkonstatat li dawn iċ-ċertifikati kienu nkisbu jew invokati b’mod frawdolenti u li l-istituzzjoni li ħarġithom adita kienet naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni, f’terminu raġonevoli, dawn il-qrati jikkaratterizaw frodi kkostitwita, fl-element oġġettiv tagħha mill-assenza ta’ osservanza ta’ kundizzjonijiet previsti f’xi waħda jew oħra mid-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq tar-Regolamenti [Nru 574/72] u [Nru 987/2009] u fl-element suġġettiv tagħha, permezz tal-intenzjoni tal-persuna akkużata li tevita jew li teludi l-kundizzjonijiet ta’ ħruġ ta’ dan iċ-ċertifikat sabiex tikseb il-vantaġġ li huwa marbut ma’ dan?”

Fuq id-domanda preliminari

33

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 11(1)(a), il-punti 2(a) u (4)(a) tal-Artikolu 12a tar-Regolament Nru 574/72 kif ukoll l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 987/2009 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li ċertifikat E 101, maħruġ mill-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru, skont il-punt 1(a) tal-Artikolu 14 jew il-punt 2(b) tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1408/71, lil ħaddiema li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u ċertifikat A 1, maħruġ minn din l-istituzzjoni, skont l-Artikolu 12(1) jew l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 883/2004 għal tali ħaddiema, jorbtu lill-qrati ta’ dan l-Istat Membru tal-aħħar fil-qasam mhux biss ta’ sigurtà soċjali, iżda wkoll fil-qasam ta’ dritt industrjali.

34

Mill-elementi li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din id-domanda hija magħmula fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mressqa, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ xogħol mhux iddikjarat kontra persuni li jimpjegaw li jkunu għamlu użu fit-territorju Franċiż, matul il-perijodu bejn is-sena 2008 u s-sena 2012, minn ħaddiema koperti minn ċertifikati E 101 jew A 1 maħruġa, skont il-każ, abbażi ta’ kollokament ta’ ħaddiema jew tal-eżerċizzju tal-attivitajiet bħala persuni impjegati f’diversi Stati Membri, mingħajr ma wettqu mal-awtoritajiet Franċiżi kompetenti d-dikjarazzjoni qabel ir-reklutaġġ imposta mill-Kodiċi Industrjali.

35

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi għalhekk dwar l-effett ta’ dawn iċ-ċertifikati fuq tali obbligu ta’ dikjarazzjoni minn qabel u, għaldaqstant, dwar il-portata tal-imsemmija ċertifikati fuq l-applikazzjoni għall-ħaddiema kkonċernati tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti fil-qasam tad-dritt industrjali, peress li din id-domanda hija bbażata fuq il-premessa li l-istess ċertifikati huma validi.

36

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, peress li r-Regolamenti Nri 1408/71 u 574/72 ġew issostitwiti, rispettivament, bir-Regolament Nru 883/2004 u bir-Regolament Nru 987/2009 mill-1 ta’ Mejju 2010, kull wieħed minn dawn ir-regolamenti, kif ġustament ikkonstatat din il-qorti, jista’ japplika fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, iċ-ċertifikat E 101, previst mir-Regolament Nru 574/72, ippreċeda ċ-ċertifikat A 1, previst mir-Regolament Nru 987/2009, u d-dispożizzjonijiet dwar il-ħruġ taċ-ċertifikat E 101, jiġifieri, b’mod partikolari, l-Artikolu 11(1)(a) u l-punti 2(a) u 4(a) tal-Artikolu 12a tar-Regolament Nru 574/72 ġew issostitwiti, parzjalment, mill-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 987/2009, li jipprevedi l-ħruġ taċ-ċertifikat A 1. Minbarra dan, il-punti 1(a) u 2(b) tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1408/71 ġew issostitwiti rispettivament, essenzjalment, mill-Artikolu 12(1) u mill-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 883/2004.

37

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, iċ-ċertifikati E 101 u A 1 huma intiżi, bħad-dritt sostantiv previst fil-punti (1)(a) u (2)(b) tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1408/71, kif ukoll fl-Artikolu 12(1) u fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 883/2004, li jiġu ffaċilitati l-moviment liberu tal-ħaddiema u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2018, Altun et, C‑359/16, EU:C:2018:63, punt 35, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

38

Dawn iċ-ċertifikati jikkorrispondu għal formola standard maħruġa, skont il-każ, skont it-Titolu III tar-Regolament Nru 574/72 jew it-Titolu II tar-Regolament Nru 987/2009, mill-istituzzjoni indikata mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu fil-qasam tas-sigurtà soċjali hija applikabbli, sabiex “tiċċertifika”, skont il-kliem, b’mod partikolari, tal-Artikolu 11(1)(a), tal-punti 2(a) u 4(a) tal-Artikolu 12a tar-Regolament Nru 574/72 kif ukoll tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 987/2009, l-issuġġettar tal-ħaddiema li jkunu f’waħda mis-sitwazzjonijiet koperti minn ċerti dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolamenti Nri 1408/71 u 987/2009 għal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2015, X et van Dijk, C‑72/14 u C‑197/14, EU:C:2015:564, punt 38).

39

B’dan il-mod, minħabba l-prinċipju li l-ħaddiema għandhom ikunu assigurati ma’ skema waħda biss ta’ sigurtà soċjali, dawn iċ-ċertifikati jimplikaw neċessarjament li l-iskema tal-Istati Membri l-oħra ma jistgħux japplikaw (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2018, Altun et, C‑359/16, EU:C:2018:63, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

40

Skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, li jimplika wkoll dak ta’ fiduċja reċiproka, sa fejn iċ-ċertifikati E 101 u A 1 joħolqu preżunzjoni ta’ regolarità tal-affiljazzjoni tal-ħaddiem ikkonċernat mal-iskema tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru li l-istituzzjoni kompetenti tiegħu jkun ħareġ dawn iċ-ċertifikati, dawn tal-aħħar jorbtu, bħala prinċipju, lill-istituzzjoni kompetenti u lill-qrati tal-Istat Membru fejn dan il-ħaddiem iwettaq xogħol (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Frar 2018, Altun et, C‑359/16, EU:C:2018:63, punt 37 sa 40, kif ukoll tas‑6 ta’ Settembru 2018, Alpenrind et, C‑527/16, EU:C:2018:669, punt 47).

41

Għaldaqstant, sakemm l-imsemmija ċertifikati ma jiġux irtirati jew iddikjarati invalidi, l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru fejn il-ħaddiem iwettaq xogħol għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li dan tal-aħħar huwa diġà suġġett għal-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà soċjali tal-Istat Membru li l-istituzzjoni kompetenti tiegħu jkun ħareġ l-istess ċertifikati u din l-istituzzjoni għaldaqstant ma tistax tissuġġetta lill-ħaddiem inkwistjoni għall-iskema tas-sigurtà soċjali tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Frar 2018, Altun et, C‑359/16, EU:C:2018:63, punt 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

42

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan huwa l-każ ukoll anki meta jiġi kkonstatat li l-kundizzjonijiet tal-attività tal-ħaddiem ikkonċernat ma jaqgħux manifestament fil-kamp ta’ applikazzjoni materjali tat-Titolu II tar-Regolamenti Nri 1408/71 u 883/2004 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ April 2017, A-Rosa Flussschiff, C‑620/15, EU:C:2017:309, punt 61).

43

Kif tirrileva ġustament il-qorti tar-rinviju, qorti tal-Istat Membru ospitanti tista’ teskludi ċertifikati E 101 biss meta jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri, minn naħa, li l-istituzzjoni emittenti ta’ dawn iċ-ċertifikati, li ġiet adita fi żmien xieraq mill-istituzzjoni kompetenti ta’ dan l-Istat Membru b’talba għal eżami mill-ġdid tal-fondatezza tal-ħruġ tal-imsemmija ċertifikati, tkun naqset milli twettaq tali eżami mill-ġdid fid-dawl tal-elementi kkomunikati minn din l-aħħar istituzzjoni u milli tieħu pożizzjoni, f’terminu raġonevoli, fuq din it-talba, skont il-każ, bl-annullament jew bl-irtirar tal-istess ċertifikati u, min-naħa l-oħra, li dawn l-elementi jippermettu lil din il-qorti li tikkonstata, fl-osservanza tal-garanziji inerenti tad-dritt għal smigħ xieraq, li ċ-ċertifikati inkwistjoni nkisbu jew ġew invokati b’mod frawdolenti (sentenza tat‑2 ta’ April 2020, CRPNPAC u Vueling Airlines, C‑370/17 u C‑37/18, EU:C:2020:260, punt 78).

44

Minn dan jirriżulta madankolllu li, għalkemm iċ-ċertifikati E 101 u A 1 jipproduċu effetti vinkolanti, dawn huma limitati għall-obbligi biss imposti mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam ta’ sigurtà soċjali indikati mill-koordinazzjoni mwettqa mir-Regolamenti Nri 1408/71 u 883/2004 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Ottubru 1991, De Paep, C‑196/90, EU:C:1991:381, punt 12 u tad‑9 ta’ Settembru 2015, X u van Dijk, C‑72/14 u C‑197/14, EU:C:2015:564, punt 39).

45

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(j) tar-Regolament Nru 1408/71 u l-Artikolu 1(l) tar-Regolament Nru 883/2004, il-kunċett ta’ “leġiżlazzjoni”, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti, ikopri d-dritt tal-Istati Membri dwar il-fergħat u l-iskemi ta’ sigurtà soċjali elenkati, rispettivament, fl-Artikolu 4(1) u (2) tar-Regolament Nru 1408/71 u fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 883/2004.

46

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-element determinanti għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti jikkonsisti fir-rabta, diretta u suffiċjentement rilevanti, li għandu jkollu servizz determinat mal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jirregolaw dawn il-fergħat u skemi ta’ sigurtà soċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2015, de Ruyter, C‑623/13, EU:C:2015:123, punt 23 u tat-23 ta’ Jannar 2019, Zyla, C‑272/17, EU:C:2019:49, punt 30).

47

Minn dan isegwi li ċ-ċertifikati E 101 u A 1, maħruġa mill-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru, jorbtu lill-istituzzjoni kompetenti u lill-qrati tal-Istat Membru ospitanti biss sa fejn dawn juru li l-ħaddiem ikkonċernat huwa suġġett, fil-qasam tas-sigurtà soċjali, għal-leġiżlazzjoni tal-ewwel Stat Membru għall-għoti tal-benefiċċji direttament marbuta ma’ waħda mill-fergħat u ma’ waħda mill-iskemi elenkati fl-Artikolu 4(1) u (2) tar-Regolament Nru 1408/71 kif ukoll fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 883/2004.

48

Għalhekk, dawn iċ-ċertifikati ma jipproduċux effett vinkolanti fir-rigward tal-obbligi imposti mid-dritt nazzjonali f’oqsma oħra minbarra s-sigurtà soċjali, fis-sens ta’ dawn ir-regolamenti, bħal, b’mod partikolari, dawk dwar ir-relazzjoni ta’ xogħol bejn il-persuni li jimpjegaw u l-ħaddiema, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol ta’ dawn tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 1991, De Paep, C‑196/90, EU:C:1991:381, punt 13).

49

Fir-rigward tan-natura u tal-portata tad-dikjarazzjoni qabel ir-reklutaġġ prevista mill-Kodiċi Industrjali u li r-rekwiżit tagħha mill-awtoritajiet Franċiżi huwa ċentrali fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li, skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, din id-dikjarazzjoni, minkejja li hija prevista formalment f’dan il-kodiċi, hija intiża sabiex tikkontrolla jekk ħaddiem huwiex affiljat ma’ fergħa waħda jew ma’ oħra tal-iskema ta’ sigurtà soċjali u, konsegwentement, tiżgura l-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali fi Franza. L-imsemmija dikjarazzjoni għandha, fil-fatt, titwettaq mill-persuna li timpjega mal-organi tas-sigurtà soċjali u għalhekk tikkostitwixxi l-mezz, għalihom, sabiex jivverifikaw l-osservanza tar-regoli nazzjonali fil-qasam tas-sigurtà soċjali, sabiex jiġi miġġieled ix-xogħol klandestin.

50

Għall-kuntrarju, il-Gvern Franċiż jispjega li d-dikjarazzjoni qabel ir-reklutaġġ tikkostitwixxi dispożizzjoni ta’ semplifikazzjoni amministrattiva li tippermetti lill-persuna li timpjega li twettaq proċedura unika sabiex tissodisfa simultanjament diversi formalitajiet, li wħud minnhom jikkonċernaw, ċertament, is-sigurtà soċjali, iżda li bl-ebda mod ma jimplikaw l-affiljazzjoni mal-iskema tas-sigurtà soċjali Franċiża. Din id-dikjarazzjoni, billi tipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti l-informazzjoni utli kollha dwar ir-relazzjoni kuntrattwali futura bejn il-persuna li timpjega u l-ħaddiem ikkonċernati, tippermetti, b’mod partikolari, li tiġi żgurata l-osservanza tal-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol imposti mir-regoli nazzjonali fil-qasam tad-dritt industrijali meta ħaddiem, bħal fil-kawża prinċipali, ma jkunx f’sitwazzjoni ta’ kollokament, fis-sens ta’ dawn ir-regoli, iżda jkun impjegat fi Franza. Għalhekk, din il-kawża ma tikkonċernax il-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali f’dan l-Istat Membru, iżda tirrigwarda l-osservanza mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tar-regoli Franċiżi kollha tad-dritt industrijali.

51

Għandu fil-fatt jitfakkar li l-Artikolu 267 TFUE ma jawtorizzax lill-Qorti tal-Ġustizzja tapplika r-regoli tad-dritt tal-Unjoni għal każ partikolari, iżda jawtorizzaha biss tagħti deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tat-Trattati u tal-atti mwettqa mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A.K. et (Indipendenza tal-awla dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 132 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

52

Għalhekk ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tistabbilixxi l-fatti li wasslu għat-tilwima fil-kawża prinċipali u li tislet il-konsegwenzi għad-deċiżjoni li l-qorti tar-rinviju hija mitluba tagħti u lanqas ma għandha tinterpreta d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolamentari nazzjonali kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2019, Glencore Agriculture Hungary, C‑189/18, EU:C:2019:861, punti 30 u 31).

53

Konsegwentement, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk l-obbligu ta’ dikjarazzjoni qabel ir-reklutaġġ previst mill-Kodiċi Industrjali għandux bħala għan uniku li jiżgura l-affiljazzjoni tal-ħaddiema kkonċernati ma’ fergħa waħda jew ma’ oħra tal-iskema ta’ sigurtà soċjali u, għaldaqstant, sabiex jiżgura biss l-osservanza tal-leġiżlazzjoni f’dan il-qasam, f’liema każ iċ-ċertifikati E 101 u A 1, maħruġa mill-istituzzjoni emittenti, ikunu, bħala prinċipju, ta’ ostakolu għal tali obbligu, jew, alternattivament, jekk dan l-obbligu huwiex intiż ukoll, għalkemm parzjalment, jiżgura l-effikaċja tal-kontrolli mwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol imposti mid-dritt industrjali, f’liema każ dawn iċ-ċertifikati ma jkollhom l-ebda effett fuq l-imsemmi obbligu, peress li huwa stabbilit li dan ma jistax, fi kwalunkwe każ, iwassal għall-affiljazzjoni tal-ħaddiema kkonċernati ma’ fergħa waħda jew ma’ oħra tal-iskema ta’ sigurtà soċjali.

54

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 11(1)(a), il-punti 2(a) u 4(a) tal-Artikolu 12a tar-Regolament Nru 574/72 kif ukoll l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 987/2009 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ċertifikat E 101, maħruġ mill-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru, skont il-punt 1(a) tal-Artikolu 14 jew il-punt 2(b) tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1408/71 għal ħaddiema li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, u ċertifkat A 1 maħruġ minn din l-istituzzjoni, skont l-Artikolu 12(1) jew l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 883/2004, għal tali ħaddiema, jorbot lill-qrati ta’ dan l-Istat Membru tal-aħħar biss fil-qasam ta’ sigurtà soċjali.

Fuq l-ispejjeż

55

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 11(1)(a), il-punti 2(a) u 4(a) tal-Artikolu 12a tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72 tal-21 ta’ Marzu 1972 li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali għal persuni impjegati u l-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat-2 ta’ Diċembru 1996, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 647/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ April 2005, kif ukoll l-Artikolu 19(2) tar- Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali għandhom jiġu interpretati fis-sens li ċertifikat E 101, maħruġ mill-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru, skont il-punt 1(a) tal-Artikolu 14 jew il-punt 2(b) tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1408/71 tal-14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat-2 ta’ Diċembru 1996, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1606/98 tad-29 ta’ Ġunju 1998, għal ħaddiema li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, u ċertifkat A 1 maħruġ minn din l-istituzzjoni, skont l-Artikolu 12(1) jew l-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, li ġie emendat bir-Regolament (KE) Nru 465/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012, għal tali ħaddiema, jorbot lill-qrati ta’ dan l-Istat Membru tal-aħħar biss fil-qasam ta’ sigurtà soċjali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top