EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0012

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tas-17 ta’ Settembru 2020.
Mylène Troszczynski vs Il-Parlament Ewropew.
Appell – Dritt istituzzjonali – Membru tal-Parlament Ewropew – Protokoll dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 8 – Immunità parlamentari – Attività li ma hijiex marbuta mal-funzjonijiet parlamentari – Pubblikazzjoni fuq il-kont Twitter ta’ membru parlamentari – Artikolu 9 – Invjolabbiltà parlamentari – Portata – Deċiżjoni ta’ tneħħija tal-immunità parlamentari.
Kawża C-12/19 P.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:725

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

17 ta’ Settembru 2020 ( *1 )

“Appell – Dritt istituzzjonali – Membru tal-Parlament Ewropew – Protokoll dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 8 – Immunità parlamentari – Attività li ma hijiex marbuta mal-funzjonijiet parlamentari – Pubblikazzjoni fuq il-kont Twitter ta’ membru parlamentari – Artikolu 9 – Invjolabbiltà parlamentari – Portata – Deċiżjoni ta’ tneħħija tal-immunità parlamentari”

Fil-Kawża C‑12/19 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fis-7 ta’ Jannar 2017,

Mylène Troszczynski, residenti f’Noyon (Franza), irrappreżentata minn F. Wagner, avukat,

rikorrenti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn S. Alonso de León u C. Burgos, bħala aġenti,

konvenut fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, S. Rodin, D. Šváby, K. Jürimäe u N. Piçarra (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑2 ta’ April 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, l-appellanti qiegħda titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑8 ta’ Novembru 2018, Troszczynski vs Il-Parlament (T‑550/17, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2018:754), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal‑14 ta’ Ġunju 2017 li tneħħi l-immunità parlamentari tal-appellanti (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni appellata”).

Il-kuntest ġuridiku

2

Skont l-Artikolu 8 tal-Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattati UE u FUE (iktar ’il quddiem il-“Protokoll”):

“Membri tal-Parlament Ewropew m’għandhom ikunu suġġetti għal ebda forma ta’ investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta’ opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta’ dmirijiethom.”

3

L-Artikolu 9 tal-Protokoll jipprovdi:

“Waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-membri tiegħu, għandhom igawdu:

a)

fit-territorju ta’ l-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament tagħhom;

b)

fit-territorju ta’ kull Stat Membru ieħor, l-immunità minn kull tip ta’ detenzjoni u minn proċeduri legali.

L-immunità bl-istess mod tkun tgħodd għall-Membri waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa’ l-Parlament Ewropew.

L-immunità ma tistax tintalab meta Membru jinstab fl-att tat-twettiq ta’ reat u ma għandhiex twaqqaf lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jirrinunzja l-immunità ta’ wieħed mill-Membri tiegħu.”

4

L-Artikolu 5 tar-Regolament Intern tal-Parlament Ewropew (8 leġiżlatura — Jannar 2017), intitolat “Privileġġi u immunitajiet”, jipprovdi, fit-tieni sentenza tal-paragrafu 2 tiegħu:

“L-immunità parlamentari mhix privileġġ personali ta’ Membru imma garanzija tal-indipendenza tal-Parlament kollu kemm hu u tal-Membri tiegħu.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

5

Il-fatti li wasslu għall-kawża, li jinsabu fil-punti 1 sa 10 tas-sentenza appellata, jistgħu, għall-bżonnijiet ta’ din il-proċedura, jiġu mqassra kif ġej.

6

Ir-rikorrenti ġiet eletta fil-Parlament Ewropew fl-elezzjonijiet għat-8 leġiżlatura, li saru bejn it-22 u l-25 ta’ Mejju 2014.

7

Fit-23 ta’ Settembru 2015, kien ġie ppubblikat ritratt fil-kont Twitter tal-appellanti, li fuqu kien hemm grupp ta’ nisa li għandhom lbies li jaħbi l-wiċċ kollu tagħhom, bl-eċċezzjoni tal-għajnejn, u li jidher li qiegħed jistenna quddiem fond ta’ allowances tal-familja (CAF). Ir-ritratt kien akkumpanjat mill-kumment li ġej: “CAF f’Rosny-sous-Bois fid‑9.12.14. L-użu ta’ velu sħiħ għandu jkun ipprojbit mil-liġi …” (iktar ’il quddiem it-“tweet kontenzjuż”).

8

Wara lment ippreżentat fis‑27 ta’ Novembru 2015 mid-Direttur Ġenerali taċ-CAF ta’ Seine-Saint-Denis (Franza) għal malafama pubblika kontra amministrazzjoni pubblika, fid-19 ta’ Jannar 2016, il-Prosekutur tar-Repubblika ta’ Bobigny (Franza) fetaħ investigazzjoni ġudizzjarja bil-kapijiet ta’ provokazzjoni “għall-mibegħda jew għall-vjolenza fir-rigward ta’ persuna jew ta’ grupp ta’ persuni minħabba l-oriġini tagħhom jew l-appartenenza tagħhom jew il-fatt li ma jagħmlux parti minn grupp etniku, nazzjon, razza jew reliġjon partikolari” u ta’ malafama pubblika.

9

L-appellanti kienet tħarrket minn maġistrat inkwirenti għall-finijiet tal-preżentata fl-20 ta’ Settembru 2016. Hija invokat l-immunità parlamentari tagħha għal din it-taħrika.

10

Permezz ta’ rikors tat‑23 ta’ Settembru 2016, il-maġistrat inkwirenti tat-Tribunal de grande instance de Bobigny (il-Qorti Reġjonali ta’ Bobigny) talab li l-Parlament jiġi adit b’talba għat-tneħħija tal-imsemmija immunità.

11

Fl-1 ta’ Diċembru 2016, il-Ministru tal-Ġustizzja Franċiż bagħat din it-talba lill-President tal-Parlament.

12

Ir-rikorrenti nstemgħet mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament fil‑11 ta’ April 2017.

13

Fl-14 ta’ Jannar 2017, il-Parlament adotta d-deċiżjoni kontenzjuża.

14

Permezz ta’ digriet tas‑26 ta’ April 2018, il-Viċi President inkarigat mill-istruttorja tat-Tribunal de grande instance de Bobigny (il-Qorti Reġjonali ta’ Bobigny) bagħat lura lir-rikorrenti quddiem it-Tribunal correctionnel (il-Qorti Kriminali).

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

15

Permezz ta’ talba mressqa fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali tat‑12 ta’ Awwissu 2017, l-appellanti ppreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, kif ukoll biex tikseb kumpens għad-dannu morali allegatament ikkawżat b’din id-deċiżjoni.

16

Insostenn tat-talbiet tagħha, l-appellanti invokat erba’ motivi: l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8 tal-Protokoll; it-tieni wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 9 tal-Protokoll; it-tielet wieħed, fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, u r-raba’, fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 9(9) u tal-Artikolu 150(2) tar-Regolament Intern tal-Parlament Ewropew.

17

Il-Qorti Ġenerali eżaminat l-ewwel u t-tieni motiv flimkien billi fakkret, preliminarjament, fil-punt 34 tas-sentenza appellata, li, għalkemm, jekk il-Parlament meta adit b’talba għat-tneħħija tal-immunità parlamentari, jasal għall-konklużjoni li l-fatti li taw lok għal din it-talba, ma humiex koperti mill-Artikolu 8 tal-Protokoll, huwa għandu jivverifika jekk il-membru parlamentari jibbenefikax mill-immunità prevista fl-Artikolu 9 tal-Protokoll għal dawn il-fatti u, jekk dan ikun il-każ, jiddeċiedi jekk hemmx lok jew le li jneħħi din l-immunità.

18

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali qasmet, l-argument żviluppat mill-appellanti insostenn ta’ dawn iż-żewġ motivi, f’ħames partijiet: l-ewwel parti hija bbażata fuq il-fatt li l-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni Franċiża japplika għat-tweet kontenzjuż; it-tieni parti, fuq il-fatt li dan it-tweet kien jikkostitwixxi opinjoni espressa fil-qadi tad-dmirijiet parlamentari tal-appellanti fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Protokoll; it-tielet parti, fuq ksur tad-dritt fundamentali għal-libertà tal-espressjoni li l-Parlament wettaq meta neħħa indebitament l-immunità parlamentari tal-appellanti; ir-raba’ parti, hija bbażata fuq il-fatt li l-appellanti ma hijiex l-awtur tat-tweet kontenzjuż u l-ħames parti, fuq ksur tal-indipendenza tal-appellanti kif ukoll ta’ dik tal-Parlament.

19

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel parti bħala ineffettiva. Hija kkonstatat, fil-punt 41 tas-sentenza appellata, li r-raġuni li għaliha l-Parlament ikkunsidra li l-appellanti ma setgħetx tibbenefika mill-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni Franċiża ma kinitx tirrigwarda l-fatt li d-dikjarazzjoni kontenzjuża kienet saret fuq Twitter, iżda pjuttost li t-tweet kontenzjuż ma setax jiġi kklassifikat bħala opinjoni jew votazzjoni maħruġa fil-qadi tad-dmirijiet parlamentari tal-appellanti fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Protokoll.

20

It-tieni parti ġiet miċħuda bħala infondata. Il-Qorti Ġenerali kkonstatat, essenzjalment, fil-punt 53 tas-sentenza appellata, li t-tweet kontenzjuż kellu l-għan li jikkritika n-nuqqas ta’ osservanza ta’ liġi Franċiża li tipprojbixxi l-ħabi tal-wiċċ fl-ispazju pubbliku fir-rigward ta’ avveniment preċiż meqjus li jseħħ quddiem organu inkarigat minn funzjoni ta’ servizz pubbliku fit-territorju Franċiż u ma setax jiġi assimilat ma’ teħid ta’ pożizzjoni iktar ġenerali fuq suġġetti ta’ attwalità kurrenti jew ittrattati mill-Parlament. Minn dan, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet, fil-punt 54 tas-sentenza appellata, li ma kienx hemm rabta diretta, li tirriżulta minn provi, bejn it-tweet kontenzjuż u l-funzjonijiet parlamentari tal-appellanti u li, għaldaqstant, il-Parlament ma kienx wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra li l-akkużi mressqa kontra l-appellanti ma kinux jikkonċernaw opinjonijiet jew voti mitfugħa fil-qadi tad-dmirijiet parlamentari tagħha, fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Protokoll.

21

It-tielet parti wkoll ġiet miċħuda bħala infondata. Għalkemm il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 58 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 8 tal-Protokoll huwa marbut mill-qrib mal-protezzjoni tal-libertà tal-espressjoni, hija madankollu kkunsidrat, fil-punt 59 ta’ din is-sentenza, li l-fatti li bihom hija akkużata l-appellanti ma kinux jaqgħu taħt l-imsemmi artikolu u, konsegwentement, li l-Parlament ma kienx kiser din il-libertà.

22

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-raba’ parti bħala ineffettiva. Hija rrilevat, fil-punti 61 u 62 tas-sentenza appellata, minn naħa, li l-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet għat-tneħħija tal-immunità kinux issodisfatti fil-mument meta saret it-talba hija distinta minn dik li tikkonsisti f’li jiġi ddeterminat jekk il-fatti allegati fil-konfront tal-membru inkwistjoni humiex stabbiliti u, min-naħa l-oħra, li ma huwiex il-Parlament li għandu jiddeċiedi dwar l-imputabbiltà ta’ dawn il-fatti.

23

Fl-aħħar nett, il-ħames parti ġiet miċħuda bħala infondata. Fil-punti 66 u 67 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, peress li l-Artikolu 9 tal-Protokoll jawtorizza lill-Parlament ineħħi l-immunità li jgawdu minnha l-membri, din l-istituzzjoni ma tistax tiġi kkritikata li qieset opportun, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ u wara t-talba mibgħuta mill-Ministru tal-Ġustizzja Franċiż, li tneħħi l-immunità tal-appellanti, sabiex tippermetti lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi jkomplu bl-istruttorja li huma fetħu.

24

Fir-rigward tat-tielet motiv, li l-ewwel parti tiegħu hija bbażata fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u t-tieni, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, il-Qorti Ġenerali ċaħditu kollu kemm hu fil-punt 102 tas-sentenza appellata.

25

Fir-rigward tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv, li permezz tagħha l-appellanti sostniet li l-Parlament kien ittrattaha b’mod differenti mill-Membri li kienu jinsabu f’sitwazzjonijiet paragunabbli mingħajr ma ġġustifikaha b’mod suffiċjenti, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat preliminarjament, fil-punt 76 tas-sentenza appellata, li d-dokument tal-kumitat legali u tas-suq intern tal-Parlament tas‑6 ta’ Ġunju 2003, intitolat “Komunikazzjoni lill-membri Nru 11/2003” u li għandu bħala suġġett: “Tneħħija tal-immunità skont l-Artikolu [9] tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet. Il-prinċipji stabbiliti abbażi tal-kawżi dwar l-espressjoni ta’ opinjonijiet” (iktar ’il quddiem il- “Komunikazzjoni Nru 11/2003”), invokata mir-rikorrenti insostenn ta’ din l-ewwel parti, ma hijiex att tal-Parlament, fis-sens tal-Artikolu 288 TFUE, u ma għandhiex effett vinkolanti. Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punti 80 u 81 tas-sentenza appellata, minn naħa, li, sa fejn l-appellanti ma ppreċiżatx la l-atti u lanqas il-proposti li kienu akkużati bihom il-membri parlamentari indikati minnha bħala li bbenefikaw mill-applikazzjoni ta’ din il-komunikazzjoni, u lanqas iċ-ċirkustanzi li fihom seħħew il-fatti inkwistjoni, hija ma stabbilixxietx li s-sitwazzjoni ta’ dawn il-membri parlamentari kienet paragunabbli ma’ tagħha. Min-naħa l-oħra, peress li, f’dan il-każ, ma kienx hemm rabta diretta bejn it-tweet kontenzjuż u l-funzjonijiet parlamentari tar-rikorrenti, din ma kinitx stabbilixxiet li l-Parlament kien jidderoga mill-prinċipju stabbilit mill-imsemmija komunikazzjoni li jipprovdi li, jekk l-atti li bihom huwa akkużat il-membru parlamentari jidħlu fil-kuntest tal-attività politika tiegħu jew huma direttament marbuta magħha, l-immunità ma titneħħiex.

26

Fir-rigward tat-tieni parti tal-istess motiv, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punti 88 u 99 tas-sentenza appellata, li l-appellanti ma pprovdiet ebda element konkret, barra mid-differenza ta’ ideoloġija politika, ta’ natura li jistabbilixxi li l-Gvern Franċiż, u b’mod partikolari l-Ministru tal-Ġustizzja Franċiż, wettaq persekuzzjoni tal-Front national, u lanqas li huwa biss, jew anki parzjalment, l-appartenenza tagħha għall-Front National li wassal għall-ftuħ ta’ investigazzjoni ġudizzjarja f’dan il-każ. Il-Qorti Ġenerali kkonstatat ukoll, fil-punt 94 tas-sentenza appellata, li ebda element ma kien jippermetti li jiġi kkunsidrat li t-talba għat-tneħħija tal-immunità parlamentari tal-appellanti saret fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja li saret b’mod anormali, partikolarment fil-qasam tat-termini. Fl-aħħar nett, hija qieset, fil-punt 96 tas-sentenza appellata, li ebda wieħed mill-elementi invokati mill-appellanti f’dan il-kuntest, jiġifieri li t-tweet kontenzjuż kien tfassal mill-assistent tagħha, li hija kienet ħassritu hekk kif saret taf bih u li, fil-każ ta’ kundanna, kien hemm ir-riskju li tiġi imposta fuqha, bħala piena anċillari, l-ineliġibbiltà kif ukoll it-telf tal-mandat ta’ membru parlamentari Ewropew u tal-mandati elettivi kollha tiegħu, ma kien fost in-numru ta’ ċirkustanzi li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Parlament sabiex jiġi ddeterminat jekk kinux issodisfatti f’dan il-każ, il-kundizzjonijiet għat-tneħħija tal-immunità parlamentari abbażi tal-Artikolu 9 tal-Protokoll.

27

Sussidjarjament, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 101 tas-sentenza appellata, li d-digriet tar-rinviju quddiem it-tribunal correctional (il-Qorti Kriminali), imsemmi fil-punt 14 ta’ din is-sentenza, kien sussegwenti għad-deċiżjoni kontenzjuża u kien intiż sabiex jikkontradixxi l-argument tal-appellanti dwar l-eżistenza ta’ fumus persecutionis min-naħa tal-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li, skont l-imsemmi digriet, iċ-ċirkustanza, b’mod partikolari, li l-appellanti ma hijiex l-awtriċi tat-tweet kontenzjuż ma jipprekludix li hija tiġi pproċessata fuq il-bażi tal-Liġi tad-29 ta’ Lulju 1881 dwar il-libertà tal-istampa (JORF tat-30 ta’ Lulju 1881, p. 4201), fil-verżjoni applikabbli tagħha (iktar ’il quddiem il-“Liġi tad-29 ta’ Lulju 1881”).

It-talbiet tal-partijiet

28

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża;

tiddeċiedi kif xieraq dwar l-ammont li għandu jingħata lill-appellant bħala spejjeż tal-proċeduri, u

tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.

29

Il-Parlament jitlob li l-appell jiġi miċħud u jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

30

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tqajjem żewġ aggravji, miġbura f’taqsima waħda intitolata “Ksur mill-Qorti Ġenerali tad-dritt tal-Unjoni – żball ta’ liġi u żball ta’ klassifikazzjoni tan-natura legali tal-fatti – żball manifest ta’ evalwazzjoni”. B’mod iktar partikolari, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żewġ “żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni” fl-analiżi kemm tat-tieni kif ukoll tat-tielet motiv tal-ewwel istanza, żbalji li kellhom “konsegwenzi fuq il-klassifikazzjoni legali li l-Qorti Ġenerali [tat] tal-kummenti segwiti u tal-kuntest tagħhom” u wasslu għan-nuqqas ta’ applikazzjoni, b’mod żbaljat, tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll favur l-appellanti.

Fuq l-ewwel aggravju

L-argumenti tal-partijiet

31

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti, filwaqt li tirreferi għall-punti 47 u 52 sa 54 tas-sentenza appellata, tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma kkunsidratx it-tweet kontenzjuż bħala opinjoni mogħtija fil-qadi tad-dmirijiet parlamentari tagħha. Insostenn ta’ dan l-aggravju, l-appellanti tinvoka diversi argumenti.

32

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali kkonstatat b’mod żbaljat li l-avveniment ikkummentat fit-tweet kontenzjuż, minħabba l-lokalizzazzjoni ġeografika tiegħu fi Franza, ma jagħmilx parti mis-suġġetti ta’ interess ta’ membru parlamentari Ewropew, filwaqt li kull membru parlamentari huwa elett tal-pajjiż tiegħu, jirrappreżenta lill-eletturi tiegħu u għandu jżomm, matul il-mandat tiegħu, rabta neċessarja magħhom, billi jsemmi b’mod partikolari fatti li jinteressawhom jew li jikkonċernawhom.

33

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li opinjoni tikkostitwixxi neċessarjament teħid ta’ pożizzjoni ġenerali, li teskludi kull riferiment għal avveniment speċifiku. Skont l-appellanti, din il-konstatazzjoni tmur kontra kemm il-Komunikazzjoni Nru 11/2003, b’mod partikolari l-prinċipju Nru 2 tagħha, kif ukoll il-Liġi tad‑29 ta’ Lulju 1881, li b’applikazzjoni tagħha t-tweet kontenzjuż hija kkunsidrata bħala opinjoni. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tinvoka s-sentenza tat‑8 ta’ Ottubru 2009, Brunet-Lecomte u Tanant vs Franza (CE:ECHR:2009:1008JUD001266206), li fiha l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddikjarat li kumment inġurjuż jew malafamanti jista’ jsir element tad-dibattitu politiku u jkun protett abbażi tad-dritt fundamentali li jikkostitwixxi l-libertà tal-espressjoni, meta jeżisti interess ġenerali sabiex dan jiġi diskuss.

34

Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li l-fatt, għal membru parlamentari, li jenfasizza aġir li jmur kontra l-liġi Franċiża ma huwiex suġġett ta’ attwalità kurrenti. F’dan ir-rigward, l-appellanti ssostni, minn naħa, li l-użu tal-velu sħiħ fl-ispazju pubbliku, bħala manifestazzjoni esterna ta’ sħubija fl-Iżlam, huwa “suġġett ta’ interess ġenerali li jikkonċerna l-ħajja pubblika bħad-dritt tan-nisa”. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali kellha tapplika l-ġurisprudenza stabbilita fis-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2011, Patriciello (C‑163/10, EU:C:2011:543), li skontha, sabiex tirrifjuta t-tneħħija tal-immunità parlamentari ta’ membru parlamentari, hemm lok li jiġi eżaminat jekk dan intervjeniex fl-interess ġenerali tal-kostitwenti tiegħu, fil-kuntest tal-attivitajiet politiċi tiegħu.

35

Il-Parlament, min-naħa tiegħu, iqis li dawn it-tliet argumenti huma bbażati fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata u li, għaldaqstant, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

36

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti tikkritika, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali li kisret l-Artikolu 8 tal-Protokoll meta ddeċidiet li t-tweet kontenzjuż ma kienx opinjoni mogħtija fil-qadi tad-dmirijiet parlamentari tagħha, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

37

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 8 tal-Protokoll jikkostitwixxi dispożizzjoni speċjali intiża sabiex tipproteġi l-espressjoni libera u l-indipendenza tal-membri parlamentari Ewropej, b’tali mod li jipprekludi kull proċedura ġudizzjarja minħabba opinjonijiet espressi jew voti mitfugħin minn dawn il-membri fil-qadi tad-dmirijiet parlamentari Ewropej (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2011, PatricielloC‑163/10, EU:C:2011:543, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Fit-tieni lok, l-Artikolu 8 tal-Protokoll, fid-dawl tal-għan tiegħu li jipproteġi l-espressjoni libera u l-indipendenza tal-membri parlamentari Ewropej, u tal-kliem tiegħu, li jirreferi espressament, minbarra għall-opinjonijiet, għall-voti mitfugħa mill-membri parlamentari Ewropej, huwa essenzjalment intiż sabiex japplika għad-dikjarazzjonijiet magħmula minn dawn tal-aħħar fil-konfini stess tal-Parlament Ewropew. Madankollu, ma huwiex eskluż li dikjarazzjoni magħmula minn membri parlamentari barra minn dan il-konfini tista’ tikkostitwixxi opinjoni espressa fil-qadi tad-dmirijiet parlamentari peress li l-eżistenza ta’ tali opinjoni ma tiddependix mill-post li fih tkun saret, iżda pjuttost min-natura u mill-kontenut tagħha. Il-kunċett ta’ “opinjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu għalhekk jinftiehem f’sens wiesa’, bħala li jkopri l-proposti jew id-dikjarazzjonijiet li, minħabba l-kontenut tagħhom, jikkorrispondu għal dikjarazzjonijiet li jikkostitwixxu evalwazzjonijiet suġġettivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2011, Patriciello, C‑163/10, EU:C:2011:543, punti 29, 30 u 32)

39

Fit-tielet lok, peress li l-immunità prevista fl-Artikolu 8 tal-Protokoll tista’ tipprekludi b’mod definittiv lill-awtoritajiet ġudizzjarji u lill-qrati nazzjonali milli jeżerċitaw il-kompetenzi rispettivi tagħhom fil-qasam tal-proċeduri u tas-sanzjonijiet tar-reati kriminali u, korelattivament, iċċaħħad lill-persuni milquta minn dawn l-opinjonijiet mill-aċċess għall-ġustizzja, inkluż, jekk ikun il-każ, sabiex jinkiseb quddiem il-qrati ċivili l-kumpens għad-dannu subit, ir-rabta meħtieġa bejn l-opinjoni espressa mill-membru parlamentari u l-funzjonijiet parlamentari tiegħu għandha tkun diretta u meħtieġa b’mod ċar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2011, Patriciello, C‑163/10, EU:C:2011:543, punti 33 sa 35).

40

Fir-raba’ lok, kuntrarjament għall-invjolabbiltà parlamentari prevista fl-Artikolu 9(1)(a) tal-Protokoll, li jiddependi mid-dritt nazzjonali, il-portata tal-immunità prevista fl-Artikolu 8 tal-Protokoll għandha tiġi stabbilita, fin-nuqqas ta’ riferiment għal-liġijiet nazzjonali, abbażi biss tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2011, Patriciello, C‑163/10, EU:C:2011:543, punt 25).

41

F’dan il-każ, fir-rigward tal-ewwel argument invokat insostenn tal-ewwel aggravju, għandu jiġi kkonstatat, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 61 sa 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, il-Qorti Ġenerali ma ddikjaratx li l-allegat avveniment ikkummentat fit-tweet kontenzjuż, minħabba l-lokalizzazzjoni ġeografika tiegħu fi Franza, ma kienx jagħmel parti mis-suġġetti ta’ interess ta’ deputat Ewropew. Hija lanqas ma eskludiet li avvenimenti li jistgħu jkunu marbuta ma’ problemi marbuta mal-Iżlamiżmu u mal-preġudizzju għad-drittijiet tan-nisa jistgħu jikkostitwixxu kwistjonijiet li jaqgħu taħt l-interess ġenerali. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, essenzjalment, fil-punt 53 tas-sentenza appellata, li t-tweet kontenzjuż, peress li esprimiet iktar rieda li jiġi enfasizzat aġir li jmur kontra l-liġi Franċiża milli preokkupazzjoni li jiġu difiżi d-drittijiet tan-nisa, ma setax jiġi assimilat ma’ teħid ta’ pożizzjoni iktar ġenerali fuq suġġetti kurrenti jew ittrattati mill-Parlament.

42

Minn dan isegwi li l-ewwel argument imressaq insostenn tal-ewwel aggravju huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata u għandu jiġi miċħud.

43

Fir-rigward tat-tieni argument invokat insostenn tal-ewwel aggravju, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 64 u 65 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 46 tas-sentenza appellata, ma llimitatx il-kunċett ta’ “opinjoni”, fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Protokoll, għal teħid ta’ pożizzjoni ġenerali, li jeskludi kull riferiment għal avveniment preċiż. Għall-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali, billi invokat il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ “opinjoni”, fakkret li l-imsemmi kunċett għandu jinftiehem f’sens wiesa’, bħala li jkopri proposti jew dikjarazzjonijiet li, bil-kontenut tagħhom, jikkorrispondu għal asserzjonijiet li jikkostitwixxu evalwazzjonijiet suġġettivi. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma llimitatx indebitament dan l-istess kunċett, iżda sempliċement ikkonstatat, fi tmiem l-analiżi tagħha, l-assenza ta’ rabta diretta, li tirriżulta minn provi, bejn it-tweet kontenzjuż u l-funzjonijiet parlamentari tal-appellanti.

44

It-tieni nett, il-Komunikazzjoni Nru 11/2003 invokata mir-rikorrenti, bla ħsara għan-natura legalment mhux vinkolanti tagħha, tillimita ruħha li tippreċiża, fil-prinċipju Nru 2 tagħha, li huma kkunsidrati bħala espressjonijiet ta’ opinjonijiet li jaqgħu taħt l-attività politika tal-membru parlamentari, b’tali mod li l-immunità ma titneħħiex, il-manifestazzjonijiet, anki mit-tribuna rriżervata għall-pubbliku ta’ parlament nazzjonali, waqt laqgħat pubbliċi, f’pubblikazzjonijiet politiċi, fl-istampa, fi ktieb, fit-televiżjoni, billi jiffirmaw ftehim politiku, u anki f’qorti, mingħajr madankollu ma tagħti provvedimenti fuq il-kundizzjonijiet rikjesti sabiex dawn l-opinjonijiet ikunu jistgħu jaqgħu speċifikament taħt l-Artikolu 8 tal-Protokoll, bħala opinjonijiet jew voti maħruġa mill-membri parlametari fil-qadi tad-dmirijiet parlamentari tagħhom. Għaldaqstant, xejn f’din il-komunikazzjoni ma jista’ jiġi invokat kontra l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li tgħid li t-tweet kontenzjuż ma jaqax taħt l-eżerċizzju tal-funzjonijiet parlamentari tar-rikorrenti, fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Protokoll, kif interpretat b’mod partikolari mis-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2011, Patriciello (C‑163/10, EU:C:2011:543, punti 32 sa 35).

45

It-tielet nett, peress li, kif tfakkar fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, il-portata tal-immunità prevista fl-Artikolu 8 tal-Protokoll għandha tiġi stabbilita fuq il-bażi biss tad-dritt tal-Unjoni, l-argument tal-appellanti bbażat fuq il-Liġi tad-29 ta’ Lulju 1881 huwa irrilevanti u għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

46

Ir-raba’ nett, hija wkoll irrilevanti s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat‑8 ta’ Ottubru 2009, Brunet-Lecomte u Tanant vs Franza (CE:ECHR:2009:1008JUD001266206), invokata mir-rikorrenti f’dan il-kuntest. Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din is-sentenza ma tikkonċernax il-kwistjoni dwar jekk dikjarazzjoni tikkostitwixxix opinjoni mogħtija minn membru parlamentari fil-qadi ta’ dmirijietu, iżda tirrigwarda, kif tindika r-rikorrenti stess, il-possibbiltà li jiġi kkunsidrat li kumment malafamanti huwa protett abbażi tad-dritt fundamentali għal-libertà tal-espressjoni.

47

Fir-rigward tat-tielet argument invokat insostenn tal-ewwel aggravju, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, il-Qorti Ġenerali ma kkonstatatx li l-fatt li membru parlamentari jiffoka fuq aġir li jmur kontra liġi nazzjonali ma huwiex suġġett ta’ attwalità kurrenti. Fil-fatt, fil-punt 53 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha li tikkonstata li t-tweet kontenzjuż kien jidher iktar bħala rieda li ssir enfasi fuq aġir li jmur kontra liġi Franċiża milli bħala preokkupazzjoni li jiġu difiżi d-drittijiet tan-nisa, b’tali mod li l-fatt li l-appellanti tkun membru supplenti tal-Kumitat tad-Drittijiet tal-mara u tal-ugwaljanza tal-ġeneri mal-Parlament ma jistax jippermetti li t-tweet kontenzjuż jiġi marbut mal-funzjonijiet parlamentari tagħha.

48

Minn dan isegwi li l-ewwel aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8 tal-Protokoll mill-Qorti Ġenerali, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tieni aggravju

L-argumenti tal-partijiet

49

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti, filwaqt li tirreferi għall-punti 61, 62, 96, 100 u 101 tas-sentenza appellata, tikkritika, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali talli kkonfermat id-deċiżjoni kontenzjuża billi ddeċidiet, b’mod żbaljat, li l-kundizzjonijiet meħtieġa għat-tneħħija tal-immunità parlamentari tagħha kienu ssodisfatti. Insostenn ta’ dan l-aggravju, l-appellanti tinvoka tliet argumenti.

50

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali kkonstatat b’mod żbaljat li ma huwiex il-Parlament li għandu jivverifika jekk il-fatti allegati fil-konfront tal-membru parlamentari li hija meħtieġa t-tneħħija tal-immunità parlamentari humiex stabbiliti, minkejja li l-Parlament eżamina u rrikonoxxa dawn il-fatti.

51

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali ma siltitx il-konsegwenzi legali korretti mill-Artikolu 42 tal-Liġi tad‑29 ta’ Lulju 1881, li, sa fejn jistabbilixxi “responsabbiltà f’kaskata”, jippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jinvestigaw lill-veru awtur tat-tweet kontenzjuż, f’dan il-każ l-assistent tal-appellanti.

52

Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali fil-punt 101 tas-sentenza appellata siltet mid-digriet tar-rinviju quddiem it-tribunal correctionnel (il-Qorti Kriminali), imsemmija fil-punt 14 tas-sentenza odjerna, il-konsegwenza legali bil-maqlub ta’ dik li kellha tislet, peress li l-appellanti ma kinitx l-awtriċi tat-tweet kontenzjuż u li kienet irtiratu malli hija saret taf bih, u dan juri li hija ma kellha ebda intenzjoni li twettaq reat. Barra minn hekk, il-fatt li l-appellanti kienet l-unika waħda li ġiet irrinvijata quddiem it-tribunal correctional (il-Qorti Kriminali), filwaqt li l-awtur veru tat-tweet kontenzjuż bbenefika mill-preskrizzjoni tal-azzjoni, kien ifisser “l-akkaniment ta’ maġistrat” kontra tagħha u kien jiżvela “intenzjoni li jagħmlilha ħsara fuq pjan politiku, aġir karatteristiku tal-fumus persecutionis”.

53

Il-Parlament iqis li t-tieni aggravju huwa inammissibbli peress li t-tliet argumenti invokati insostenn tiegħu la jissodisfaw ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, tal-Artikolu 168(1)(d) u l-Artikolu 169 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-identifikazzjoni tal-iżbalji tal-Qorti Ġenerali li jistgħu jiġu invokati insostenn ta’ appell, u lanqas il-kundizzjonijiet li taħthom żbalji ta’ evalwazzjoni tal-provi jistgħu jiġu suġġetti għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell. Il-Parlament jibbaża ruħu b’mod partikolari fuq id-digrieti tas‑27 ta’ Ġunju 2013, Concal vs Il-Kummissjoni (C‑570/12 P, mhux ippubblikat, EU:C:2013:440, punt 13, u tas-16 ta’ Settembru 2010, Dominio de la Vega vs UASI (C‑459/09 P, mhux ippubblikat, EU:C:2010:533, punt 44).

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

54

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti tikkritika, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali li kisret l-Artikolu 9 tal-Protokoll billi kkonfermat id-deċiżjoni kontenzjuża.

55

Għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li l-argument imressaq insostenn tat-tieni aggravju jidentifika b’mod suffiċjenti l-iżbalji li l-appellanti tallega li twettqu mill-Qorti Ġenerali, b’tali mod li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Parlament, dan l-aggravju ma għandux qabelxejn jiġi miċħud bħala inammissibbli.

56

Fir-rigward tal-eżami ta’ dan l-aggravju fir-rigward tal-mertu, għandu jitfakkar li, għalkemm l-Artikolu 9 tal-Protokoll jipprovdi, fil-punt (a) tal-ewwel paragrafu tiegħu, li, matul is-sessjonijiet tal-Parlament, il-membri tiegħu jibbenefikaw, fit-territorju nazzjonali tagħhom, mill-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-Parlament tal-pajjiż tagħhom, dan l-istess artikolu jippreċiża, fit-tielet paragrafu tiegħu, li l-Parlament jista’ jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta’ wieħed mill-membri tiegħu.

57

Fir-rigward tal-ewwel argument invokat insostenn tat-tieni aggravju, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, ġustament, fil-punti 61, 62 u 96 tas-sentenza appellata, li l-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet għat-tneħħija tal-immunità parlamentari, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll, humiex issodisfatti, fil-mument li fih issir it-talba, hija distinta minn dik li tikkonsisti f’li jiġi ddeterminat jekk humiex stabbiliti l-fatti li bihom huwa akkużat il-membru parlamentari kkonċernat, peress li din il-kwistjoni taqa’ taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet tal-Istat Membru.

58

Għalkemm huwa minnu li, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 100 tas-sentenza appellata, il-Parlament, fid-deċiżjoni kontenzjuża, irrikonoxxa li l-appellanti ma kinitx l-awtriċi tat-tweet kontenzjuż u li hija kienet ħassritha hekk kif kienet saret taf bih, din il-konstatazzjoni kienet intiża biss sabiex tesponi l-fatti miġjuba għall-għarfien tagħha insostenn tat-talba għat-tneħħija tal-immunità parlamentari tal-appellanti u bl-ebda mod ma tista’ tiġi assimilata ma’ evalwazzjoni tar-responsabbiltà tal-appellanti għall-użu eventwali ta’ dan il-kont tagħha tat-Twitter, mill-assistant tagħha li tista’, jekk ikun il-każ, twassal lill-Parlament sabiex ma jneħħix l-immunità parlamentari ta’ din tal-aħħar, abbażi tal-Artikolu 9 TFUE. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet din iċ-ċirkustanza mingħajr effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża.

59

Fir-rigward tat-tieni argument invokat insostenn tat-tieni aggravju, li permezz tiegħu l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma siltitx il-konsegwenzi legali xierqa mill-Artikolu 42 tal-Liġi tad‑29 ta’ Lulju 1881, għandu jiġi kkonstatat li ma kienx il-kompitu tal-Parlament, waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, u lanqas tal-Qorti Ġenerali, matul l-eżami tal-legalità tagħha, li japplika u tapplika l-Liġi tad‑29 ta’ Lulju 1881. Dan l-argument huwa, għalhekk, ineffettiv.

60

Fir-rigward tat-tielet argument, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan jirrigwarda l-punt 101 tas-sentenza appellata, li, kif indikat il-Qorti Ġenerali stess, isemmi motiv superfluwu meta mqabbel ma’ dawk li jinsabu fil-punti 99 u 100 ta’ din is-sentenza. Issa, minn naħa, l-appellanti ma tikkontestax il-punt 99 tal-imsemmija sentenza u, min-naħa l-oħra, il-punt 100 ta’ din tal-aħħar, kif jirriżulta mill-punt 58 ta’ din is-sentenza, ma huwa vvizzjat minn ebda żball ta’ liġi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2018, Azoulay et Il-Parlament, C‑390/17 P, EU:C:2018:347, punt 29).

61

Minn dan isegwi li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment infondat u parzjalment ineffettiv.

62

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-appell għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

63

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-istess regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-appellanti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Parlament.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Mylène Troszczynski hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top