EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CC0741

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati fit-3 ta’ Marzu 2021.
Ir-Repubblika tal-Moldova vs Société Komstroy, aventi kawża tal-kumpannija Energoalians.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour d'appel de Paris.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – It-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija – Artikolu 26 – Inapplikabbiltà bejn Stati Membri – Deċiżjoni ta’ arbitraġġ – Stħarriġ ġudizzjarju – Ġurisdizzjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru – Tilwima bejn operatur ta’ Stat terz u Stat terz – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Il-punt (6) tal-Artikolu 1 tat-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija – Kunċett ta’ ‘investiment’.
Kawża C-741/19.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:164

 KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fit‑3 ta’ Marzu 2021 ( 1 )

Kawża C‑741/19

Ir-Repubblika tal-Moldova

vs

Société Komstroy, aventi kawża tal-kumpannija Energoalians

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi (Franza))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trattat tal-Karta tal-Enerġija – Kunċett ta’ ‘investiment’ – Tilwim bejn investitur u parti kontraenti – Sitwazzjoni purament esterna għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja”

I. Introduzzjoni

1.

Sa mill-iffirmar tiegħu mill-Unjoni Ewropea, kważi 30 sena ilu, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija ( 2 ) (iktar ’il quddiem it-“TKE”) kienu s-suġġett ta’ domandi preliminari biss darbtejn, u dawk jinkludu din il-kawża ( 3 ). Għalhekk, din il-kawża hija ta’ natura singulari, qabel kollox, billi toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja opportunità merħba biha li tiddeċiedi dwar is-sens ta’ dispożizzjonijiet li, sal-ġurnata tal-lum, għadhom ma ġewx interpretati.

2.

Imbagħad, it-tilwima li fil-kuntest tagħha jinsabu dawn id-domandi preliminari la tinvolvi lill-Unjoni u lanqas lill-Istati Membri: hija tilwima bejn ir-Repubblika tal-Moldova u kumpannija Ukraina, u għalhekk, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, tidher barranija għall-Unjoni.

3.

Fl-aħħar nett, din il-kawża għandha, skont l-analiżi tiegħi, twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddeċiedi dwar kwistjoni importanti, jiġifieri l-kompatibbiltà tal-mekkaniżmu ta’ soluzzjoni ta’ tilwim stabbilit mit-TKE mad-dritt tal-Unjoni, fl-isfond mogħti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Achmea ( 4 ).

II. Il-kuntest ġuridiku

A. It-TKE

4.

It-TKE ġie ffirmat mill-Unjoni fis-17 ta’ Diċembru 1994, u approvat f’isem l-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni 98/181. Bl-eċċezzjoni tar-Repubblika Taljana, l-Istati Membri kollha huma wkoll partijiet għat-TKE, bl-istess mod bħal 28 pajjiż terz.

5.

Skont il-preambolu tat-TKE:

“Il-partijiet kontraenti għal dan it-Trattat,

[…]

Wara li kkunsidraw il-Karta Ewropea ta’ l-Enerġja adottata fid-Dokument Konklussiv tal-Konferenza ta’ The Hague fuq il-Karta Ewropea ta’ l-Enerġija firmata gewwa The Hague fis-17 ta’ Diċembru 1991;

[…]

Billi jixtiequ li jimplimentaw il-konċett bażiku ta’ l-inizjattiva tal-Karta ta’ l-Enerġija Ewropea li għandha sservi ta’ kataliżi għat-tkabbir ekonomiku permezz ta’ miżuri biex jiġu liberalizzati l-investiment u l-kummerċ fl-enerġija;

[…]”

6.

It-TKE huwa magħmul minn preambolu u minn tmien partijiet. Il-partijiet I, II, III u V huma intitolati, rispettivament, “Definizzjonijiet u Għan”, “Kummerċ”, “Promozzjoni u Protezzjoni ta’ l-Investiment” u “Is-Soluzzjoni tat-Tilwim”.

7.

L-Artikolu 1 tat-TKE, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Kif użati f’dan it-Trattat:

[…]

6)

‘Investiment’ ifisser kull tip ta’ assi, li jkun proprjetà jew ikkontrollat direttament jew indirettament minn investitur u jinkludi:

[…]

ċ)

pretensjonijiet għal flus u pretensjonijiet għal twettiq li joħroġ minn kuntratt li jkollu valur ekonomiku li jiġi assoċjat ma’ investiment;

[…]

f)

kwalunkwe dritt konferit minn […] kuntratt […] biex wieħed jidħol għal xi attività ekonomika fis-settur ta’ l-enerġija.

[…]

‘Investiment’ jirreferi għal kwalunkwe investiment assoċjat ma’ attività ekonomika fis-settur ta’ l-enerġija u għal investimenti jew għal klassijiet ta’ investimenti nominati minn Parti Kontraenti fiż-żona tagħha bħala ‘proġetti ta’ l-effiċjenza tal-Karta [Ewropea tal-Enerġija]’ u hekk innotifikati lis-Segretarjat.

7)

‘Investitur’ ifisser:

a)

fir-rigward ta’ Parti Kontraenti:

i)

persuna naturali li jkollha ċittadinanza jew nazzjonalità jew li tkun permanentament residenti f’dik il-Parti Kontraenti skond il-liġi applikabbli tagħha;

ii)

kumpannija jew organizzazzjoni oħra organizzata skond il-liġi applikabbli f’dik il-Parti Kontraenti;

b)

fir-rigward ta’ ‘Stat terz’, persuna naturali, kumpannija jew organizzazzjoni oħra li tilħaq, mutatis mutandis, il-kondizzjonijiet speċifikati fis-sub-paragrafu (a) għal Parti Kontraenti.

8)

‘Tagħmel investimenti’ jew ‘l-għemil ta’ investimenti’ tfisser li wieħed jistabbilixxi investimenti, jakkwista l-investimenti eżistenti kollha jew parti minnhom jew jidħol f’oqsma differenti ta’ attività ta’ l-investiment.

[…]

10)

‘Zona’ tfisser fir-rigward ta’ Stat li jkun Parti Kontraenti:

a)

it-territorju taħt is-sovranità tiegħu, fis-sens li dak it-territorju jinkludi art, ibħra interni u l-baħar territorjali;

u

b)

bla ħsara għal u skond il-liġi internazzjonali tal-baħar: il-baħar, qiegħ il-baħar u t-terren ta’ taħt li fuqu l-Parti Kontraenti teżerċita drittijiet u ġurisdizzjoni ta’ sovranità.

Fir-rigward ta’ Organizzazzjoni Reġjonali għall-Integrazzjoni Ekonomika li tkun Parti Kontraenti, żona tfisser iż-żoni ta’ l-Istati Membri ta’ din l-Organizzazzjoni, taħt id-dispożizzjonijiet li jkunu fil-ftehim li jistabbilixxi dik l-Organizzazzjoni.

[…]”

8.

L-Artikolu 26 tat-TKE, intitolat “Is-soluzzjoni tat-tilwim bejn investitur u Parti Kontraenti”, jistabbilixxi:

“1.   Tilwim bejn Parti Kontraenti u investitur ta’ Parti Kontraenti oħra relatat ma’ l-investiment ta’ [imwettaq minn] dawn ta’ l-aħħar fiż-żona ta’ dak ta’ l-ewwel u li jikkonċerna ksur allegat ta’ l-obbligazzjoni ta’ dak ta’ l-ewwel taħt il-Parti III għandu, jekk ikun possibbli, jiġi solvut amikevolment.

2.   Jekk dan it-tilwim ma jkunx jista’ jiġi solvut skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 f’perjodu ta’ tliet xhur mid-data li fiha xi wieħed mill-partijiet f’tilwima jkun talab soluzzjoni amikevoli, l-parti f’tilwima li tkun tinvesti tista’ tagħżel li tressaqha għal soluzzjoni:

a)

quddiem il-qrati jew it-tribunali amministrattivi tal-Parti Kontraenti involuta fit-tilwima;

[jew]

b)

skond kull proċedura ta’ soluzzjoni għal tilwim, li tkun applikabbli u li dwarha jkun sar qbil minn qabel;

jew

ċ)

skond il-paragrafi li ġejjin ta’ dan l-Artikolu.

[…]

6.   Tribunal stabbilit skond il-paragrafu 4 għandu jiddeċiedi l-kwistjonijiet f’tilwima skond dan it-Trattat u r-regoli u l-prinċipji tal-liġi internazzjonali applikabbli.

[…]”

B. Id-dritt Franċiż

9.

Skont l-Artikolu 1520 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Franċiż, ir-rikors għal annullament kontra deċiżjoni ta’ arbitraġġ mogħtija fi Franza huwa possibbli biss, b’mod partikolari, jekk it-tribunal tal-arbitraġġ ikun iddikjara b’mod żbaljat li għandu ġurisdizzjoni jew li ma għandux tali ġurisdizzjoni.

III. Il-fatti li wasslu għat-tilwima fil-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

10.

B’eżekuzzjoni ta’ żewġ kuntratti konklużi fl-1 u fl‑24 ta’ Frar 1999, il-kumpannija Ukrenergo, produttriċi tal-elettriku Ukraina, kienet tbigħ l-elettriku lill-kumpannija Energoalians, distributriċi tal-elettriku Ukraina, li mbagħad kienet terġa’ tbigħu lil Derimen Properties Limited (iktar ’il quddiem “Derimen”), kumpannija rreġistrata fil-Gżejjer Verġni Brittaniċi, li min-naħa tagħha kienet terġa’ tbigħu lill-kumpannija Moldtranselectro, impriża pubblika Moldovana. Il-volumi ta’ elettriku li kellhom jiġu pprovduti kienu jiġu stabbiliti kull xahar direttament bejn Moldtranselectro u Ukrenergo, li kienet tipprovdi dan l-elettriku taħt il-kundizzjonijiet “DAF Incoterms 1990”, jiġifieri sal-fruntiera bejn l-Ukraina u l-Moldova, fuq in-naħa Ukraina.

11.

L-elettriku kien ipprovdut matul is-snin 1999 u 2000, ħlief minn Mejju sa Lulju tal-1999. Għal kull xahar ta’ provvista, Energoalians kellha titħallas minn Derimen, li hija nnifisha kellha titħallas minn Moldtranselectro. Il-prezzijiet applikabbli għall-ħlasijiet kienu stabbiliti minn emendi fil-kuntratt tal‑24 ta’ Frar 1999, li jipprovdu li l-prezz imħallas lil Derimen minn Moldtranselectro kien madwar darbtejn iktar minn dak imħallas lil Energoalians minn Derimen.

12.

Derimen ħallset lil Energoalians il-prezz tal-elettriku kollu mixtri, filwaqt li Moldtranselectro ħallset lil Derimen parzjalment biss.

13.

Permezz ta’ kuntratt tat‑30 ta’ Mejju 2000, Derimen ittrasferiet lil Energoalians il-kreditu li hija kellha fil-konfront ta’ Moldtranselectro.

14.

Moldtranselectro ħallset parzjalment id-dejn tagħha billi ttrasferiet lil Energoalians diversi krediti li hija kellha. Imbagħad Energoalians ippruvat, għalxejn, tikseb il-ħlas tal-bqija tal-kreditu tagħha billi adixxiet lill-qrati Moldovani u sussegwentement dawk Ukraini.

15.

Billi qieset li ċertu aġir tar-Repubblika tal-Moldova kien jikkostitwixxi ksur serju tal-obbligi imposti mit-TKE, Energoalians bdiet il-proċedura ta’ arbitraġġ prevista fl-Artikolu 26 ta’ dan it-trattat.

16.

Permezz ta’ deċiżjoni mogħtija f’Pariġi fil‑25 ta’ Ottubru 2013 abbażi ta’ maġġoranza, it-tribunal tal-arbitraġġ ad hoc qies li għandu ġurisdizzjoni, u billi qies li r-Repubblika tal-Moldova naqset milli twettaq l-obbligi tagħha li jirriżultaw mit-TKE, ikkundannaha tħallas ċertu ammont lil Energoalians abbażi ta’ dan it-trattat. Min-naħa tiegħu, il-president tat-tribunal tal-arbitraġġ ad hoc esprima opinjoni kuntrarja fir-rigward tal-ġurisdizzjoni tat-tribunal tal-arbitraġġ.

17.

Ir-Repubblika tal-Moldova ppreżentat rikors għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni, billi invokat ksur ta’ dispożizzjoni ta’ ordni pubbliku, jiġifieri dik li tirrigwarda l-ġurisdizzjoni tat-tribunal tal-arbitraġġ ad hoc, skont l-Artikolu 1520 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Franċiż.

18.

Permezz ta’ sentenza tat‑12 ta’ April 2016, il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, Franza) annullat id-deċiżjoni għar-raġuni li t-tribunal tal-arbitraġġ kien iddikjara b’mod żbaljat li huwa għandu ġurisdizzjoni. Hija ddeċidiet li t-tilwima bejn Energoalians u r-Repubblika tal-Moldova kienet tirrigwarda kreditu, ittrasferit minn Derimen, li l-uniku suġġett tiegħu kien il-bejgħ tal-elettriku. Madankollu, fl-assenza ta’ kwalunkwe kontribuzzjoni, tali kreditu ma setax, fil-fehma tagħha, jiġi kkunsidrat bħala investiment fis-sens tat-TKE, u konsegwentement, ma setax ikun il-bażi tal-ġurisdizzjoni tat-tribunal tal-arbitraġġ.

19.

Fuq appell ippreżentat minn Komstroy, aventi kawża ta’ Energoalians permezz ta’ att ta’ trasferiment tas‑6 ta’ Ottubru 2014, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza), permezz ta’ sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2018, irrevokat u annullat fid-dispożittiv kollu tagħha s-sentenza tat‑12 ta’ April 2016 u bagħtet lill-partijiet lura quddiem il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi), diversament komposta.

20.

Quddiem din tal-aħħar, ir-Repubblika tal-Moldova ssostni li t-tribunal tal-arbitraġġ kellu jiċħad il-ġurisdizzjoni tiegħu fl-assenza ta’ “investiment” fis-sens tat-TKE, “imwettaq minn” impriża ta’ parti kontraenti tat-TKE, “fiż-żona” tal-Moldova. Hija targumenta li l-kreditu akkwistat minn Energoalians mingħand Derimen ma huwiex “investiment” fis-sens tal-Artikolu 26(1) tat-TKE, fid-dawl tal-Artikolu 1(6) ta’ dan it-trattat, u għalhekk ma setax ikun is-suġġett ta’ proċedura ta’ arbitraġġ, peress li din hija prevista biss għall-Parti III tat-TKE li tirrigwarda, preċiżament, l-investimenti. Imbagħad, anki jekk jiġi preżunt li dan il-kreditu jista’ jikkostitwixxi investiment, dan ma kienx “imwettaq minn” impriża ta’ parti kontraenti, peress li Derimen hija impriża tal-Gżejjer Verġni Brittaniċi. Fl-aħħar nett, u fi kwalunkwe każ, l-imsemmi kreditu huwa marbut ma’ tranżazzjoni ta’ bejgħ tal-elettriku li ma saritx “fiż-żona” tal-Moldova, peress li l-elettriku nbiegħ u twassal biss sal-fruntiera bejn l-Ukraina u l-Moldova, fuq in-naħa Ukraina.

21.

Mill-banda l-oħra, Komstroy tikkunsidra li t-tribunal tal-arbitraġġ kellu ġurisdizzjoni, skont l-Artikolu 26 tat-TKE, peress li l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti minn din id-dispożizzjoni kienu ssodisfatti ladarba kien inkwistjoni investiment imwettaq fiż-żona tal-Moldova.

22.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

[L-Artikolu 1(6) tat-TKE] għandu jiġi interpretat fis-sens li kreditu li jirriżulta minn kuntratt ta’ bejgħ tal-elettriku li ma kien jinvolvi l-ebda provvista [kontribuzzjoni] min-naħa tal-investitur fl-Istat ospitanti jista’ jikkostitwixxi ‘investiment’ fis-sens ta’ dan l-artikolu?

2)

[L-Artikolu 26(1) tat-TKE] għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi investiment l-akkwist minn investitur ta’ parti kontraenti fi kreditu kkostitwita minn operatur ekonomiku barrani għall-Istati partijiet?

3)

[L-Artikolu 26(1) tat-TKE] għandu jiġi interpretat fis-sens li kreditu li jappartjeni lil investitur, li jirriżulta minn kuntratt ta’ bejgħ tal-elettriku kkunsinnat fil-fruntiera tal-Istat ospitanti, jista’ jikkostitwixxi investiment imwettaq fiż-żona ta’ parti kontraenti oħra, fl-assenza ta’ kull attività ekonomika eżerċitata mill-investitur fit-territorju ta’ din tal-aħħar?”

23.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mir-Repubblika tal-Moldova, mill-Gvern Ġermaniż, dak Spanjol u dak Pollakk, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

24.

Waqt is-seduta li nżammet fis‑17 ta’ Novembru 2020, ġew ippreżentati sottomissjonijiet orali f’isem ir-Repubblika tal-Moldova, Komstroy, il-Gvern Franċiż, Ġermaniż, Spanjol, Taljan, Ungeriż, Olandiż, Pollakk, Finlandiż u Svediż, kif ukoll f’isem il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni.

IV. Analiżi

25.

Din il-kawża hija ta’ natura ġdida. Minn naħa, id-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tat-TKE li, sal-ġurnata tal-lum, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha qatt ma ddeċidiet dwarhom. Min-naħa l-oħra, it-tilwima fil-kawża prinċipali hija bejn pajjiż terz għall-Unjoni, ir-Repubblika tal-Moldova u impriża ta’ pajjiż terz ieħor, l-Ukraina.

26.

Għalhekk, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula tista’ tkun diskussa, peress li tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ konvenzjoni internazzjonali, fil-kuntest ta’ tilwima li, tal-inqas mal-ewwel daqqa t’għajn, tippreżenta l-karatteristiċi ta’ dak li wieħed jista’ jsejjaħ sitwazzjoni “purament esterna”.

27.

Għalhekk, qabel ma nittratta l-mertu tad-domandi preliminari (B), għandi neżamina jekk il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hijiex stabbilita (A).

A. Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

28.

Qabel kollox, infakkar li l-Artikolu 267 TFUE jipprovdi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi b’mod preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, filwaqt li huwa mifhum li ftehim internazzjonali konkluż mill-Kunsill, skont l-Artikoli 217 u 218 TFUE, jikkostitwixxi tali att. Peress li d-dispożizzjonijiet ta’ tali ftehim jifformaw parti integrali, sa mid-dħul fis-seħħ tiegħu, tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjonijiet preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ dan il-ftehim ( 5 ).

29.

Peress li t-TKE ġie ffirmat minn u approvat f’isem l-Unjoni, dan il-ftehim għandu jiġi kkunsidrat bħala att adottat mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. Għalhekk, mal-ewwel daqqa t’għajn, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar id-dispożizzjonijiet tat-TKE.

30.

Madankollu, tali konstatazzjoni ma hijiex suffiċjenti sabiex tiżgura l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, il-kawża prinċipali la tinvolvi lill-Unjoni u lanqas lill-Istati Membri. Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk dan l-element jistax jaffettwa l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari.

1.   Il-ġurisprudenza dwar l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet ta’ ftehim internazzjonali għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tagħhom lil hinn mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni

31.

Il-ġurisprudenza tat ċerti kjarifiki rigward il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta ftehim internazzjonali. B’mod partikolari, fis-sentenzi Andersson u Wåkerås-Andersson ( 6 ) u Salzmann ( 7 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat‑2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”), li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni ta’ ftehim għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tiegħu fil-pajjiżi terzi.

32.

Trasposta għall-kawża prinċipali, tali ġurisprudenza twassal sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad il-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tat-TKE fir-rigward ta’ tilwima bejn kumpannija ta’ pajjiż terz u pajjiż terz ieħor. Madankollu, jiena ma naħsibx li f’dan il-każ tali soluzzjoni hija neċessarja.

33.

Il-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Andersson u Wåkerås-Andersson ( 8 ) u Salzmann ( 9 ), jiġifieri li ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ŻEE, ma tistax tinftiehem b’mod iżolat, mingħajr analiżi tar-raġunijiet li wasslu għal din il-konklużjoni. Ir-raġunament tagħha huwa bbażat fuq żewġ elementi.

34.

Minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja esponiet li l-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tinterpreta dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni tapplika biss għall-Unjoni ( 10 ). Fi kliem ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tqisx li għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta dispożizzjonijiet intiżi sabiex japplikaw barra mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

35.

Min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa ġġustifikat ukoll mill-għoti, fit-test innifsu tal-Ftehim ŻEE, ta’ ġurisdizzjoni ta’ interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim lill-Qorti tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (AELE) ( 11 ), għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tiegħu barra mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, filwaqt li jiżgura li tali interpretazzjoni tkun konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, minħabba r-rabtiet stretti ta’ dan il-ftehim mal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, mid-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ŻEE jirriżulta li dawn għandhom, sa fejn ikunu essenzjalment identiċi għar-regoli korrispondenti tat-trattati u tal-atti adottati għall-implimentazzjoni, jiġu interpretati b’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 12 ).

36.

Għalhekk, ir-raġunament segwit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Andersson u Wåkerås-Andersson ( 13 ) u Salzmann ( 14 ) jidhirli li huwa ggwidat mill-għan tal-mekkaniżmu tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari previst fl-Artikolu 267 TFUE, intiż preċiżament sabiex jipprevjeni diverġenzi fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fi ħdan l-ordinament ġuridiku tagħha ( 15 ).

37.

Issa, tali għan ippermetta wkoll il-ġustifikazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest ta’ tilwim li ma jaqax strettament fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. B’mod partikolari, fis-sentenza Hermès, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li meta dispożizzjoni tista’ tapplika kemm f’sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni kif ukoll f’sitwazzjonijiet li ma jaqgħux taħt tali dritt, jeżisti interess ċert tal-Unjoni li, sabiex jiġu evitati diverġenzi f’interpretazzjonijiet futuri, din id-dispożizzjoni tingħata interpretazzjoni uniformi, ikunu x’ikunu l-kundizzjonijiet li fihom hija tiġi applikata. Għalhekk, hija rrikonoxxiet li għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta dispożizzjoni ta’ ftehim internazzjonali li għalih l-Unjoni hija parti f’sitwazzjoni li ma taqax taħt id-dritt tal-Unjoni ( 16 ).

38.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sentenzi Andersson u Wåkerås-Andersson ( 17 ) u Salzmann ( 18 ) ma jistgħux jinftiehmu bħala li jeskludu b’mod sistematiku l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest ta’ tilwim estern għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Fil-fatt, din il-ġurisdizzjoni hija ġeneralment irrikonoxxuta meta d-dispożizzjoni li l-interpretazzjoni tagħha hija mitluba tkun intiża li tapplika kemm f’sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni kif ukoll f’sitwazzjonijiet li ma jaqgħux taħt tali dritt.

2.   Il-karatteristiċi speċifiċi tat-TKE u l-effett tagħhom fuq it-traspożizzjoni tal-ġurisprudenza relatata ma’ dan il-każ

39.

Barra minn hekk, it-TKE għandu ċerti karatteristiċi speċifiċi, ta’ żewġ tipi, b’tali mod li ma jistax jiġi assimilat purament u sempliċement mal-Ftehim ŻEE, li huwa s-suġġett tal-ġurisprudenza li semmejt.

40.

Fl-ewwel lok, it-TKE ma jistabbilixxi ebda qorti responsabbli sabiex tiżgura interpretazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet tiegħu, b’mod konformi mal-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fi ħdan l-ordinament ġuridiku tagħha. Fil-fatt, it-TKE huwa intiż sabiex jiġi interpretat biss fl-okkażjoni ta’ soluzzjoni ta’ tilwim minn qrati differenti, ta’ arbitraġġ jew statali tal-partijiet kontraenti, li għalhekk ma jistgħux jevitaw diverġenzi fl-interpretazzjoni ( 19 ).

41.

Fit-tieni lok, kif irrilevaw il-Gvern Ġermaniż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu u l-Kummissjoni waqt is-seduta, it-TKE, minkejja li huwa ftehim multilaterali, huwa kkostitwit minn sett ta’ obbligi bilaterali bejn il-partijiet kontraenti, fosthom l-Unjoni u l-Istati Membri ( 20 ). L-obbligi stabbiliti mit-TKE jippermettu essenzjalment il-protezzjoni tal-investimenti mwettqa minn investituri ta’ parti kontraenti f’parti kontraenti oħra ( 21 ). Għalhekk, il-ksur ta’ wieħed minn dawn l-obbligi ma jfissirx li l-partijiet kontraenti kollha jistgħu dejjem jitolbu kumpens għal dan, peress li dawn l-obbligi jiġu eżerċitati biss b’mod bilaterali, bejn żewġ partijiet kontraenti ( 22 ).

42.

Għalhekk, it-TKE jistabbilixxi sett ta’ obbligi bilaterali intiżi sabiex jirregolaw, fil-qasam kopert minnu, minn naħa, ir-relazzjonijiet bejn il-partijiet kontraenti, u min-naħa l-oħra, bejn l-investituri ta’ parti kontraenti u l-parti kontraenti fiż-żona li fiha twettqu l-investimenti. Minn dan jirriżulta li, fit-teorija, dawn l-obbligi jistgħu jirregolaw ukoll, anki fi ħdan l-Unjoni, ir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, u għalhekk japplikaw fi ħdan l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

43.

Dawn iż-żewġ karatteristiċi speċifiċi tat-TKE, meta mqabbel mal-Ftehim ŻEE, jillimitaw għalhekk il-possibbiltà li s-soluzzjoni żviluppata fis-sentenzi Andersson u Wåkerås-Andersson ( 23 ) u Salzmann ( 24 ), dwar in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-interpretazzjoni ta’ ftehim internazzjonali, tiġi trasposta għal sitwazzjonijiet esterni għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

44.

F’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta dispożizzjonijiet ta’ ftehim internazzjonali li ma ngħatawx interpretazzjoni uniformi u konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-tilwim estern għall-Unjoni u li jistgħu, fil-prinċipju, ikunu wkoll applikati f’sitwazzjonijiet interni għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

45.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena tal-fehma li ma jistax jiġi eskluż l-interess tal-Unjoni li d-dispożizzjonijiet tat-TKE jingħataw interpretazzjoni uniformi. Għalhekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi, niddeduċi li għandha tiġi rrikonoxxuta l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari f’din il-kawża.

3.   Id-dubji dwar l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tat-TKE fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni

46.

Hawnhekk ukoll irrid nimmodera din id-dikjarazzjoni. Tali konklużjoni tista’ tintlaħaq biss taħt il-kundizzjoni li d-dispożizzjonijiet li hija mitluba l-interpretazzjoni tagħhom huma effettivament applikabbli fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Jekk dan ma huwiex il-każ, l-interess tal-Unjoni fl-interpretazzjoni uniformi tagħhom ikun nieqes, l-istess bħall-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti din l-interpretazzjoni.

47.

Issa, minn naħa, l-Artikolu 26 tat-TKE jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ soluzzjoni ta’ tilwim bejn investituri ta’ parti kontraenti u parti kontraenti u jippermetti li wieħed jirrikorri quddiem tribunal tal-arbitraġġ. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza Achmea ( 25 ), li r-rikors għal tribunal tal-arbitraġġ stabbilit abbażi ta’ trattat ta’ protezzjoni u ta’ promozzjoni ta’ investimenti konkluż bejn żewġ Stati Membri ma huwiex permess fi ħdan l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din is-sentenza donnha tissuġġerixxi li l-Artikolu 26 tat-TKE qatt ma jkun applikabbli fi ħdan l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta din id-dispożizzjoni.

48.

Madankollu, it-TKE ma jistax jiġi assimilat b’mod sħiħ għat-trattat bilaterali ta’ investiment (iktar ’il quddiem it-“TBI”) inkwistjoni fis-sentenza Achmea u għandu ċerti karatteristiċi speċifiċi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, sabiex tkun tista’ tingħata tweġiba kompleta għall-kwistjoni dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-mekkaniżmu ta’ soluzzjoni ta’ tilwim li huwa jistabbilixxi. Għalhekk, nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tieħu din l-opportunità sabiex teżamina l-implikazzjonijiet ta’ din is-sentenza dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 26 tat-TKE, peress li din l-analiżi hija neċessarja sabiex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

49.

Min-naħa l-oħra, huwa minnu li s-sentenza Achmea ma ddeċidietx dwar il-kwistjoni iktar ġenerali tal-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ dispożizzjonijiet sostantivi tat-trattati ta’ protezzjoni u ta’ promozzjoni ta’ investimenti, meta dawn ikunu intiżi sabiex jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri. Madankollu, din is-sentenza wriet id-diffikultajiet marbuta mal-eżistenza ta’ tali ftehim meta huma japplikaw fl-Unjoni ( 26 ). Fil-fatt, tqum il-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjonijiet sostantivi jistgħux jiġu invokati f’tilwima bejn investitur ta’ Stat Membru u Stat Membru ieħor quddiem il-qrati ta’ dan tal-aħħar. Għalhekk, huwa neċessarju li jiġi vverifikat jekk id-dispożizzjonijiet sostantivi tat-TKE jistgħux, fl-isfond tas-sentenza Achmea, jitqiesu li huma inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, u għalhekk, inapplikabbli fi ħdan l-ordinament ġuridiku tagħha.

50.

Tali verifiki jippermettu li jiġi identifikat l-interess tal-Unjoni fl-interpretazzjoni uniformi ta’ dispożizzjonijiet tat-TKE, kif ukoll il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għal dawn id-domandi preliminari.

a)   L-applikabbiltà tal-mekkaniżmu ta’ soluzzjoni ta’ tilwim stabbilit fl-Artikolu 26(1) tat-TKE fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni

51.

Il-kwistjoni tal-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ mekkaniżmi ta’ soluzzjoni ta’ tilwim inklużi fi strumenti konvenzjonali li jorbtu lill-Istati Membri tal-Unjoni tinsab, sa minn diversi snin, fil-qofol ta’ diskussjonijiet imqanqla, fid-dottrina ( 27 ) kif ukoll fil-prattika ( 28 ).

52.

Il-kawża li tat lok għas-sentenza Achmea rriflettiethom, u jekk kien hemm bżonn, uriet ir-relazzjonijiet kunfliġġenti bejn id-dritt tal-Unjoni u d-dritt tal-arbitraġġ ta’ investiment ( 29 ).

1) Is-sentenza Achmea

53.

Fis-sentenza Achmea ( 30 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikoli 267 u 344 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni inkluża fi ftehim internazzjonali konkluż bejn żewġ Stati Membri, li tipprovdi li investitur ta’ wieħed minn dawn l-Istati Membri jista’, fil-każ ta’ tilwima dwar investimenti fl-Istat Membru l-ieħor, jibda proċedura kontra dan l-Istat Membru tal-aħħar quddiem tribunal tal-arbitraġġ, li dan l-Istat Membru obbliga ruħu li jaċċetta l-ġurisdizzjoni tiegħu.

54.

Fi kliem ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset bħala inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni klawżola ta’ soluzzjoni ta’ tilwim inkluża f’TBI konkluż bejn żewġ Stati Membri.

55.

F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ir-raġunament tagħha fuq prinċipji ta’ bażi u inkontestabbli tad-dritt tal-Unjoni. Hija enfasizzat, qabel kollox, li ftehim internazzjonali ma jistax jippreġudika s-sistema ta’ ġurisdizzjoni stabbilita mit-Trattati, u għalhekk, l-awtonomija tas-sistema legali tal-Unjoni ( 31 ). Hija fakkret li l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni hija ġġustifikata minħabba karatteristiċi essenzjali tal-Unjoni u d-dritt tagħha, rigward, b’mod partikolari, l-istruttura kostituzzjonali tal-Unjoni kif ukoll in-natura nnifisha tal-imsemmi dritt ( 32 ), ikkaratterizzat b’mod partikolari mis-sors awtonomu tiegħu, li huwa t-Trattati, mis-supremazija tiegħu u mill-effett dirett tiegħu ( 33 ).

56.

Imbagħad, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li, għaldaqstant, id-dritt tal-Unjoni huwa bbażat fuq il-premessa fundamentali li kull Stat Membru jaqsam mal-Istati Membri l-oħra kollha u jirrikonoxxi li dawn jaqsmu miegħu, sensiela ta’ valuri komuni li fuqhom hija bbażata l-Unjoni. Barra minn hekk, hija rrilevat li din il-premessa timplika u tiġġustifika l-eżistenza tal-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fir-rikonoxximent ta’ dawn il-valuri u, għalhekk, fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni li jimplimentahom ( 34 ).

57.

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, sabiex jiġi żgurat li jinżammu l-karatteristiċi speċifiċi u l-awtonomija ta’ dan l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, it-Trattati stabbilixxew sistema ġudizzjarja maħsuba sabiex tiżgura l-koerenza u l-unità fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ( 35 ). Barra minn hekk, hija indikat li l-element ċentrali ta’ din is-sistema huwa l-proċedura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 267 TFUE, li hija intiża sabiex tiżgura l-unità fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u b’hekk tippermetti li jiġu żgurati l-koerenza tiegħu, l-effett sħiħ tiegħu u l-awtonomija tiegħu, kif ukoll, fl-aħħar mill-aħħar, in-natura speċifika tad-dritt stabbilit mit-Trattati ( 36 ).

58.

Abbażi ta’ dawn il-prinċipji, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, minn naħa, li t-tribunal tal-arbitraġġ stabbilit abbażi ta’ dispożizzjonijiet tat-TBI inkwistjoni kien meħtieġ jinterpreta u anki japplika, id-dritt tal-Unjoni ( 37 ). Min-naħa l-oħra, hija qieset li t-tribunal tal-arbitraġġ inkwistjoni kien jinsab barra mis-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni, b’tali mod li l-mekkaniżmu ta’ soluzzjoni ta’ tilwim stabbilit mit-TBI seta’ jeskludi li tilwim, minkejja li jista’ jirrigwarda l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ikun deċiż b’mod li tiġi żgurata l-effettività sħiħa tar-regoli tal-Unjoni ( 38 ).

59.

Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li dan kien il-każ anki jekk id-dritt tal-Istati Membri jipprovdi l-possibbiltà li l-qrati nazzjonali jistħarrġu s-sentenza tal-arbitraġġ, peress li tali stħarriġ huwa limitat u jista’ jsir biss sa fejn id-dritt nazzjonali jippermettih. F’dan is-sens, fis-sentenza Achmea, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet distinzjoni bejn mekkaniżmu ta’ soluzzjoni ta’ tilwim inkluż fi ftehim li jorbot żewġ Stati Membri u l-arbitraġġ kummerċjali, li kien ġie speċifikament meqjus bħala kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni sa fejn id-dispożizzjonijiet fundamentali tad-dritt tal-Unjoni jistgħu jiġu eżaminati fil-kuntest tal-istħarriġ ta’ deċiżjonijiet tal-arbitraġġ mill-qrati nazzjonali, u jekk ikun il-każ, ikunu s-suġġett ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari ( 39 ).

60.

Fil-fatt, nenfasizza li teżisti differenza fundamentali bejn dawn iż-żewġ mekkaniżmi. Proċedura ta’ arbitraġġ kummerċjali tippreżumi li kull parti teżerċita l-awtonomija tagħha. Hija timplika l-konklużjoni ta’ ftehim ta’ arbitraġġ, jew simultanjament mal-konklużjoni tal-kuntratt li permezz tiegħu t-tilwim li jirrigwardah ikun suġġett għall-arbitraġġ, jew ladarba tqum it-tilwima. Fi kliem ieħor, il-ġurisdizzjoni tat-tribunal, fl-arbitraġġ kummerċjali, dejjem tirriżulta minn ftehim ta’ arbitraġġ rigward tilwima ddefinita speċifikament fih. Wieħed ma jistax jikkunsidra li l-ġurisdizzjoni ta’ tali tribunal ta’ arbitraġġ taqa’ fis-sistema tal-protezzjoni ġudizzjarja mogħtija mill-Istat. Pjuttost hija tirriżulta mill-awtonomija ta’ kull parti involuta fil-kummerċ ( 40 ). Fil-fatt, hija minn din l-awtonomija li tirriżulta l-possibbiltà li l-partijiet jiddeċiedu li jsolvu t-tilwim billi jirrikorru għall-arbitraġġ kummerċjali.

61.

Mill-banda l-oħra, il-mekkaniżmu ta’ soluzzjoni ta’ tilwim li jinsab fi ftehim internazzjonali jsegwi loġika differenti ( 41 ). F’dan il-każ, dan il-mekkaniżmu jikkostitwixxi offerta ta’ arbitraġġ ġenerali u permanenti, u huwa f’idejn il-kontroparti jekk taċċettah jew le. Fi kliem ieħor, permezz ta’ dan il-mekkaniżmu, l-Istat jirrinunzja għall-possibbiltà li tilwima bejnu u bejn investitur ta’ Stat Membru ieħor u li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-ftehim tkun deċiża mill-qrati Statali. Din ir-rinunzja għandha natura sistemika, peress li tista’ tirrigwarda t-tilwim kollu li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-ftehim. B’hekk, l-Istat joħloq mekkaniżmu ta’ protezzjoni ġudizzjarja, estern għas-sistema ġudizzjarja mogħtija minnu.

62.

Huwa preċiżament dan l-aspett tal-mekkaniżmi ta’ arbitraġġ ta’ investiment previsti minn ftehimiet bejn Stati Membri li l-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għalih fis-sentenza Achmea: fil-fatt, ma huwiex aċċettat li l-Istati Membri jistgħu jneħħu mis-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni, permezz ta’ impenn internazzjonali, b’mod sistematiku, sett ta’ tilwimiet li jirrigwardaw l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

63.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-mekkaniżmu ta’ soluzzjoni ta’ tilwim inkwistjoni huwa tali li jikkontesta, minbarra l-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri, il-preżervazzjoni tan-natura proprja tad-dritt stabbilit mit-Trattati, żgurata mill-proċedura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 267 TFUE, u għaldaqstant ma huwiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali ( 42 ). Fil-fehma tagħha, minn dan jirriżulta li l-mekkaniżmu ta’ soluzzjoni ta’ tilwim inkluż fit-TBI inkwistjoni, li jipprovdi li kwalunkwe investitur ta’ Stat Membru jista’ jibda proċedura kontra t-tieni Stat Membru quddiem tribunal tal-arbitraġġ, jippreġudika d-dritt tal-Unjoni ( 43 ).

64.

Din is-soluzzjoni hija fl-aħħar mill-aħħar l-espressjoni eżatta tal-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni ( 44 ), hija stess ibbażata fuq l-eżistenza tal-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri, li jaqsmu numru ta’ valuri u jirrikonoxxu l-qsim effettiv ta’ dawn il-valuri. B’hekk, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li l-Istati Membri l-oħra kollha tal-Unjoni josservaw id-dritt tal-Unjoni, inklużi d-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti indipendenti stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 45 ).

65.

Fi kliem ieħor, huwa preċiżament għaliex fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huwa aċċettat u rrikonoxxut li l-Istati Membri josservaw numru ta’ valuri u ta’ drittijiet, li taħthom huma stabbiliti l-Istat tad-dritt u d-dritt għal rimedju effettiv, li huwa żgurat ukoll li l-investituri tal-Istati Membri huma, b’mod ċert, suffiċjentement protetti ( 46 ) fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, b’tali mod li ma huwiex neċessarju li jirrikorru għal sistema esterna għas-sistemi ġudizzjarji tal-Istati Membri ( 47 ).

66.

Barra minn hekk, l-importanza ta’ dawn il-valuri, b’mod partikolari tal-Istat tad-dritt, hija mfakkra mill-Qorti tal-Ġustizzja f’diversi kawżi ( 48 ), b’mod li jenfasizza r-rwol tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, b’mod partikolari dak tal-Kummissjoni, responsabbli milli tiżgura l-osservanza tagħhom.

67.

B’dan il-mod, is-sentenza Achmea temmet il-mistoqsijiet dwar ir-relazzjonijiet bejn id-dritt tal-Unjoni u l-mekkaniżmi ta’ soluzzjoni ta’ tilwim li jinsabu fit-TBI konklużi bejn żewġ Stati Membri.

68.

Barra minn hekk, sussegwentement, kważi l-Istati Membri kollha ħadu konjizzjoni ta’ din id-deċiżjoni, billi permezz ta’ diversi dikjarazzjonijiet ( 49 ) wrew l-intenzjoni tagħhom li jitterminaw it-TBI eżistenti bejn l-Istati Membri. Dawn id-dikjarazzjonijiet kienu segwiti mill-konklużjoni, minn 23 Stat Membru, fil‑5 ta’ Mejju 2020, ta’ ftehim għat-terminazzjoni ta’ trattati bilaterali ta’ investiment bejn Stati Membri tal-Unjoni ( 50 ).

69.

Irrid nispeċifika wkoll li l-inkompatibbiltà ta’ mekkaniżmu tal-arbitraġġ ta’ investiment previst minn ftehim internazzjonali mad-dritt tal-Unjoni tirriżulta direttament mill-prinċipju tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni. Minn dan jirriżulta l-inapplikabbiltà tiegħu fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, mingħajr ebda limitazzjoni ratione temporis, b’tali mod li l-ġurisdizzjoni ta’ tribunal tal-arbitraġġ fuq din il-bażi ma tistax tiġi rrikonoxxuta.

2) Il-portata tas-sentenza Achmea fir-rigward tat-TKE

70.

Madankollu, is-sentenza Achmea ma tirregolax il-kwistjonijiet kollha marbuta mar-relazzjonijiet bejn l-arbitraġġ ta’ investiment u d-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, f’din il-kawża kien inkwistjoni trattat bilaterali, li l-partijiet tiegħu kienu żewġ Stat Membri. It-TKE, minkejja li jipprovdi mekkaniżmu ta’ soluzzjoni ta’ tilwim simili għal dak inkwistjoni fis-sentenza Achmea peress li jippermetti r-rikors għal tribunal tal-arbitraġġ, huwa, min-naħa tiegħu, trattat multilaterali li l-Unjoni u l-Istati Membru huma partijiet tiegħu.

71.

Dawn id-differenzi llimitaw it-traspożizzjoni awtomatika tas-soluzzjoni li nstabet fir-rigward tat-TBI għall-mekkaniżmu ta’ soluzzjoni ta’ tilwim previst fl-Artikolu 26 tat-TKE. Id-dikjarazzjonijiet suċċessivi tal-Istati Membri f’dan ir-rigward juru ġustament id-diverġenzi eżistenti fir-rigward tal-possibbiltà tal-estensjoni tal-portata tas-sentenza Achmea għall-mekkaniżmu ta’ soluzzjoni ta’ tilwim previst mit-TKE ( 51 ) u, b’mod iktar fundamentali, fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-Artikolu 26 tat-TKE mad-dritt tal-Unjoni.

72.

Għalhekk, għandu jiġi ddeterminat jekk ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Achmea jistax japplika fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-mekkaniżmu ta’ soluzzjoni ta’ tilwim, previst fl-Artikolu 26 tat-TKE. F’dan ir-rigward, il-Gvern Franċiż, Ġermaniż, Spanjol, Taljan, Olandiż u Pollakk, kif ukoll il-Kummissjoni sostnew li għandha tiġi adottata tali soluzzjoni u li l-inkompatibbiltà tal-Artikolu 26 tat-TKE mad-dritt tal-Unjoni timplika l-inapplikabbiltà tiegħu fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Min-naħa tagħhom, waqt is-seduta, il-Gvern Ungeriż, Finlandiż u Svediż iddefendew l-idea li s-soluzzjoni mogħtija fis-sentenza Achmea ma tistax tiġi applikata għall-mekkaniżmu ta’ soluzzjoni ta’ tilwim stabbilit fl-Artikolu 26 tat-TKE.

73.

Jiena tal-fehma li l-mekkaniżmu ta’ soluzzjoni ta’ tilwim previst fl-Artikolu 26 tat-TKE, sa fejn jippermetti r-rikors għal tribunal tal-arbitraġġ, iwassal ċertament għal riżultat simili għall-mekkaniżmu ta’ soluzzjoni ta’ tilwim inkwistjoni fis-sentenza Achmea, meqjus inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

74.

Fl-ewwel lok, nirrileva li bħall-mekkaniżmu ta’ soluzzjoni ta’ tilwim inkwistjoni fis-sentenza Achmea, l-Artikolu 26 tat-TKE jippermetti li jitressaq quddiem tribunal tal-arbitraġġ ta’ investimenti tilwim li jista’ jirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

75.

Fil-fatt, l-Artikolu 26(6) tat-TKE jipprovdi li t-tribunal tal-arbitraġġ jiddeċiedi dwar il-kwistjonijiet kontenzjużi skont it-TKE u r-“regoli u l-prinċipji tal-liġi internazzjonali applikabbli”. Issa, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu l-Gvern Finlandiż u dak Svediż, u kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Achmea ( 52 ), fid-dawl tan-natura u tal-karatteristiċi tad-dritt tal-Unjoni, dan id-dritt għandu jitqies fl-istess waqt kemm li jagħmel parti mid-dritt fis-seħħ f’kull Stat Membru kif ukoll li jirriżulta minn ftehim internazzjonali bejn l-Istati Membri. F’dan ir-rigward, it-tribunal tal-arbitraġġ stabbilit skont l-Artikolu 26 tat-TKE jista’, jekk ikun il-każ, jinterpreta, u anki japplika, id-dritt tal-Unjoni.

76.

Fit-tieni lok, jiena tal-fehma li t-tribunal tal-arbitraġġ stabbilit skont l-Artikolu 26 tat-TKE, anki f’tilwima mressqa minn investitur ta’ Stat Membru kontra Stat Membru ieħor, jinsab barra mis-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni ( 53 ).

77.

Fil-fatt, dan it-tribunal tal-arbitraġġ ma jikkostitwixxix element tas-sistema ġudizzjarja tal-Istati Membri u hija preċiżament din in-natura derogatorja li tiġġustifika l-eżistenza ta’ tali mekkaniżmu ta’ soluzzjoni ta’ tilwim. Barra minn hekk, huwa ma jikkostitwixxix qorti komuni għal diversi Stati Membri, peress li ma għandu ebda rabta mas-sistemi ġudizzjarji tal-Istati Membri.

78.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tribunal tal-arbitraġġ stabbilit skont l-Artikolu 26 tat-TKE ma jistax jiġi kkunsidrat bħala “qorti ta’ xi Stat Membru” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE u ma jistax jadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’rinviju għal deċiżjoni preliminari. Għalhekk, id-deċiżjonijiet ta’ tali tribunal ma humiex suġġetti għal mekkaniżmi ta’ natura li jiżguraw realment l-effettività sħiħa tar-regoli tal-Unjoni ( 54 ).

79.

Minn dan jirriżulta li, bħall-mekkaniżmu ta’ soluzzjoni ta’ tilwim meqjus inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni fis-sentenza Achmea, l-Artikolu 26 tat-TKE, sa fejn jippermetti r-rikors għal tribunal tal-arbitraġġ, fil-fehma tiegħi, jippreġudika l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni u huwa, f’dan ir-rigward, ukoll inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

80.

Tali konklużjoni ma hija kkontestata la mill-karatteristiċi speċifiċi tat-TKE, li wasslu għal dubji dwar l-applikazzjoni tas-sentenza Achmea għall-mekkaniżmu ta’ soluzzjoni ta’ tilwim li huwa jipprevedi, u lanqas mill-ġurisprudenza l-iktar reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, invokata b’mod partikolari mill-Gvern Ungeriż, Finlandiż u Svediż waqt is-seduta.

i) L-assenza ta’ effett tal-karatteristiċi speċifiċi tat-TKE meta mqabbel ma’ TBI

81.

Huwa minnu li, b’mod differenti minn TBI bħal dak previst fis-sentenza Achmea, l-Unjoni stess hija parti għat-TKE u għalhekk hija marbuta b’dan tal-aħħar. Barra minn hekk, nirrileva li, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat b’mod espliċitu li l-mekkaniżmu ta’ soluzzjoni ta’ tilwim kien previst minn ftehim “li ma ġiex konkluż mill-Unjoni, iżda minn Stati Membri” ( 55 ). Dan jimplika neċessarjament li l-istess soluzzjoni ma tistax tapplika fir-rigward ta’ ftehim internazzjonali konkluż mill-Istati Membri u mill-Unjoni? Jiena ma naħsibx.

82.

F’dan ir-rigward, nirrileva li huwa stabbilit li ftehim internazzjonali li jipprovdi għall-ħolqien ta’ qorti responsabbli mill-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu u li d-deċiżjonijiet tiegħu jorbtu lill-istituzzjonijiet, inkluż lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma huwiex, fil-prinċipju, inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, il-kompetenza tal-Unjoni fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni u l-kapaċità tagħha li tikkonkludi ftehimiet internazzjonali tinkludi neċessarjament il-fakultà li tissuġġetta ruħha għad-deċiżjonijiet ta’ qorti maħluqa jew maħtura skont tali ftehimiet, għal dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħhom ( 56 ).

83.

Madankollu, tali fakultà tista’ tiġi aċċettata biss bil-kundizzjoni li tiġi osservata l-awtonomija tal-Unjoni u tal-ordinament ġuridiku tagħha ( 57 ). Issa, kif indikajt fil-punti 78 u 79 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-mekkaniżmu ta’ soluzzjoni ta’ tilwim previst fl-Artikolu 26 tat-TKE, sa fejn jippermetti r-rikors għall-arbitraġġ, jippreġudika preċiżament l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-Unjoni hija wkoll parti għat-TKE ma jistax ikollu effett fuq din il-konstatazzjoni.

ii) Id-distinzjoni mill-Opinjoni 1/17

84.

Fl-aħħar nett, waqt is-seduta, il-Gvern Ungeriż, Finlandiż u Svediż sostnew li l-Opinjoni 1/17 (Ftehim CETA UE‑Kanada) ( 58 ) kienet introduċiet skeda ta’ analiżi ġdida tal-mekkaniżmi ta’ soluzzjoni ta’ tilwim esterni għas-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni. Tali mekkaniżmu ma huwiex fih innifsu inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, sakemm ma jippermettix l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni minn qorti esterna għas-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni u sakemm is-sentenzi li tagħti din tal-aħħar ma jistax ikollhom l-effett li jipprekludu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni milli jiffunzjonaw b’konformità mal-qafas kostituzzjonali tagħhom.

85.

Madankollu, tali argument ma huwiex konvinċenti. Minn naħa, kif espost fil-punti 74 u 75 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jiena tal-fehma li l-Artikolu 26 tat-TKE jippermetti preċiżament l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni minn tribunal ta’ arbitraġġ estern għas-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 26 tat-TKE huwa differenti mill-mekkaniżmu ta’ soluzzjoni ta’ tilwim previst mill-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv bejn il-Kanada, minn naħa, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (iktar ’il quddiem, iċ-“CETA”), sa fejn dan tal-aħħar jipprevedi riżerva espliċita fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ( 59 ), liema riżerva ma teżistix skont l-Artikolu 26 tat-TKE.

86.

Min-naħa l-oħra u fuq kollox, nirrileva li fl-Opinjoni 1/17 (Ftehim CETA UE‑Kanada) ( 60 ), ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-mekkaniżmu ta’ soluzzjoni ta’ tilwim inkluż fiċ-CETA bl-ebda mod ma jista’ jinfluwenza l-analiżi tal-Artikolu 26 tat-TKE. Kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja f’din l-opinjoni, il-kwistjoni tal-kompatibbiltà, mad-dritt tal-Unjoni, tal-istabbiliment jew taż-żamma ta’ tribunal ta’ investiment permezz ta’ ftehim li jorbot l-Istati Membri bejniethom hija differenti minn dik tal-kompatibbiltà, ma’ dan id-dritt, tal-istabbiliment ta’ tali tribunal permezz ta’ ftehim bejn l-Unjoni u l-Istati terzi ( 61 ). L-argument tal-Gvern Olandiż, Finlandiż u Svediż jista’ jintlaqa’ biss kieku t-TKE jirregola r-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-Istati terzi.

87.

Fil-fatt, filwaqt li l-Istati Membri għandhom josservaw il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, tali prinċipju bl-ebda mod ma japplika fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-Istati terzi. B’mod iktar speċifiku, ir-relazzjonijiet mal-Istati terzi ma humiex ibbażati fuq il-premessa fundamentali li kull Stat Membru jaqsam mal-Istati Membri l-oħra kollha u jirrikonoxxi li dawn jaqsmu miegħu numru ta’ valuri komuni u, għalhekk, josservaw id-dritt tal-Unjoni li jimplimentahom. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali Bot, fil-kuntest ta’ ftehim ma’ Stati terzi, kull parti kontraenti ma tafdax neċessarjament is-sistema ġudizzjarja tal-parti l-oħra sabiex tiżgura l-osservanza tar-regoli inklużi fil-ftehim ( 62 ). L-assenza ta’ fiduċja reċiproka, bħal dik li teżisti fi ħdan l-Unjoni, hija preċiżament ir-raġuni għalfejn il-partijiet kontraenti jiddeċiedu li jaqblu fuq mekkaniżmu newtrali ta’ soluzzjoni ta’ tilwim ( 63 ). Tali mekkaniżmu, estern għaż-żewġ partijiet, jiżgura l-fiduċja tal-partijiet kontraenti għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-ftehim, mingħajr ma din il-fiduċja tista’ tiġi konfuża mal-fiduċja reċiproka, li hija l-bażi tar-relazzjonijiet fi ħdan l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

88.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Opinjoni 1/17 (Ftehim CETA UE‑Kanada) ( 64 ) ma għandhiex effett fuq l-analiżi, fid-dawl tal-prinċipji stabbiliti fis-sentenza Achmea, tal-mekkaniżmu ta’ soluzzjoni ta’ tilwim previst fl-Artikolu 26 tat-TKE, sa fejn dan jippermetti r-rikors għal tribunal ta’ arbitraġġ, peress li dan il-ftehim jirregola r-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri.

3) Konklużjoni dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 26 tat-TKE fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni

89.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-mekkaniżmu ta’ soluzzjoni ta’ tilwim previst fl-Artikolu 26 tat-TKE huwa, fil-fehma tiegħi, inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, sa fejn jippermetti li tribunal tal-arbitraġġ li jinsab barra mis-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni, fl-okkażjoni ta’ tilwima bejn investitur ta’ Stat Membru u Stat Membru ieħor, jinterpreta jew japplika d-dritt tal-Unjoni u b’hekk jikkontesta l-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u l-preżervazzjoni tan-natura proprja tad-dritt stabbilit mit-Trattati, fl-istess waqt li jippreġudika l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-Artikolu 26 tat-TKE ma huwiex intiż li japplika fi ħdan l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

90.

Madankollu, l-impossibbiltà li investitur ta’ Stat Membru jirrikorri għall-arbitraġġ f’tilwima ma’ Stat Membru ieħor ma timplikax li l-Artikolu 26 tat-TKE qatt ma huwa applikabbli fi ħdan l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Fil-prinċipju, l-investituri ta’ Stat Membru dejjem jistgħu jressqu Stat Membru ieħor quddiem il-qrati tiegħu fir-rigward ta’ tilwima li hemm riferiment għaliha f’din id-dispożizzjoni ( 65 ). Tali possibbiltà tiddependi, madankollu, mill-punt dwar jekk id-dispożizzjonijiet sostantivi tat-TKE jistgħux ikunu l-bażi ta’ tali pretensjonijiet u, għalhekk, jekk min-naħa tagħhom, humiex applikabbli fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Issa ser neżamina din il-kwistjoni.

b)   L-applikabbiltà tal-Artikolu 1(6) tat-TKE fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni

91.

L-Artikolu 1(6) tat-TKE jiddefinixxi l-kunċett ta’ “investiment”, kif użat fid-dispożizzjonijiet tat-TKE, u jinsab fil-Parti I tat-TKE, intitolata “Definizzjonijiet u Għan”. Għalhekk, din id-dispożizzjoni tifforma parti mid-dispożizzjonijiet introduttivi tat-TKE, intiżi b’mod iktar ġenerali sabiex jistabbilixxu l-kamp ta’ applikazzjoni u l-għan tat-test, kif ukoll jiddefinixxu t-termini użati fid-dispożizzjonijiet tiegħu.

92.

Fi kliem ieħor, l-Artikolu 1(6) tat-TKE, sa fejn jiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni sostantiv tat-TKE, għandu wkoll bħala effett li jiskatta l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet sostantivi ta’ protezzjoni tat-TKE.

93.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni tiddependi essenzjalment mill-punt dwar jekk ir-regoli sostantivi li lilhom tagħti effett humiex fihom innifishom applikabbli fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, b’tali mod li l-investituri ta’ Stat Membru jistgħu jinvokawhom fi proċeduri kontra Stat Membru ieħor quddiem il-qrati ta’ dan l-Istat.

94.

Minkejja li s-sentenza Achmea ma rregolatx din il-kwistjoni, madankollu hija żvelat l-eżistenza ta’ ċerti dubji dwar il-possibbiltà li jiġu applikati, fi ħdan l-Unjoni, id-dispożizzjonijiet sostantivi tat-Trattati ta’ promozzjoni u ta’ protezzjoni ta’ investimenti b’mod ġenerali, u tat-TKE, b’mod partikolari ( 66 ).

95.

Madankollu, ma naħsibx li huwa possibbli, fil-kuntest ta’ din il-kawża, u b’mod purament teoretiku, li tingħata tweġiba b’ċertezza għal din il-kwistjoni. Fil-fatt, dan ikun jippreżumi li ssir analiżi astratta u eżawrjenti tas-sovrappożizzjonijiet kollha li jistgħu jeżistu bejn id-dritt tal-Unjoni u t-TKE ( 67 ). Madankollu, ma jidhirlix li huwa opportun li ssir tali analiżi fl-istadju tal-eżami tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari u fil-kuntest ta’ din il-kawża. Għandu jiġi enfasizzat ukoll li din il-kwistjoni ma ġietx diskussa bejn il-partijiet ( 68 ).

96.

Barra minn hekk, nenfasizza li l-uniku argument dwar l-inkompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet sostantivi tat-TKE mad-dritt tal-Unjoni magħmul fil-qosor f’din il-kawża sar mill-Gvern Taljan u mill-Kummissjoni, għar-raġuni li d-dritt tal-Unjoni jipprevedi strumenti ta’ protezzjoni ta’ investimenti ekwivalenti għall-istrumenti ta’ protezzjoni ta’ investimenti tat-TKE. Madankollu, mal-ewwel daqqa t’għajn, ir-raġunijiet li għalihom din l-ekwivalenza ta’ protezzjoni timplika, fiha nnifisha, inkompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ma jidhirlix li huma ċari.

97.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena tal-fehma li l-inkompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tad-dispożizzjonijiet sostantivi tat-TKE, li jinkludu l-Artikolu 1(6) tat-TKE, f’dan l-istadju u b’ċertezza, la tista’ tiġi eskluża u lanqas aċċettata. Għalhekk, għandu jiġi preżunt li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw fi ħdan l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

4.   Konklużjoni dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

98.

Fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 26 tat-TKE ma huwiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni sa fejn jipprevedi rikors għal tribunal tal-arbitraġġ, b’tali mod li tali mekkaniżmu ta’ soluzzjoni ta’ tilwim ma jistax japplika fi ħdan l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

99.

Madankollu, sa fejn f’dan l-istadju ma jistax jiġi eskluż li d-dispożizzjonijiet sostantivi tat-TKE, li jinkludu l-Artikolu 1(6) tat-TKE, jistgħu jkunu applikabbli fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, għandu jiġi preżunt ukoll li dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu invokati minn investituri ta’ Stat Membru f’tilwima kontra Stat Membru ieħor quddiem il-qrati ta’ dan tal-aħħar, prevista fl-Artikolu 26 tat-TKE. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kemm l-Artikolu 1(6) kif ukoll l-Artikolu 26 tat-TKE għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jistgħu jiġu applikati fi ħdan l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

100.

Minn dan jirriżulta li jeżisti interess ċert tal-Unjoni li dawn id-dispożizzjonijiet jingħataw interpretazzjoni uniformi, b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari kollha.

B. Fuq il-mertu

1.   Fuq l-ewwel domanda preliminari: il-kunċett ta’ “investiment” fis-sens tal-Artikolu 1(6) tat-TKE

101.

Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(6) tat-TKE għandux jiġi interpretat fis-sens li kreditu li jirriżulta minn kuntratt tal-elettriku li ma involviex kontribuzzjoni min-naħa tal-investitur fl-Istat ospitanti jista’ jikkostitwixxi investiment.

102.

Waqt is-seduta, Komstroy sostniet li l-kunċett ta’ “investiment” huwa ddefinit mit-TKE u li din id-definizzjoni hija suffiċjenti fiha nnifisha, minkejja li hija sostnuta minn lista mhux eżawrjenti ta’ eżempji ta’ assi li jikkostitwixxu investiment fis-sens tat-TKE. Din il-kumpannija sostniet ukoll li s-sens proprju tal-kliem tal-Artikolu 1(6) tat-TKE huwa ċar, b’tali mod li ma huwiex neċessarju li ssir interpretazzjoni tagħhom u lanqas li jsir riferiment għal kriterji esterni għad-definizzjoni mogħtija. Fl-aħħar nett, Komstroy issostni li l-Artikolu 1(6) tat-TKE stess jipprovdi li kreditu kuntrattwali jista’ jiġi kkunsidrat bħala investiment, għaliex l-Artikolu 1(6)(ċ) u (f) tat-TKE jsemmu rispettivament, il-“pretensjonijiet għal flus” u “kwalunkwe dritt konferit minn […] kuntratt”.

103.

Ir-Repubblika tal-Moldova, il-Gvern Spanjol, Olandiż u Pollakk, kif ukoll il-Kummissjoni, jargumentaw li kreditu li jirriżulta minn kuntratt ta’ bejgħ ma jistax jikkostitwixxi investiment fis-sens tal-Artikolu 1(6)(ċ) tat-TKE. Huma jsostnu li minkejja li l-Artikolu 1(6)(ċ) tat-TKE jipprovdi li kreditu likwidu jikkostitwixxi investiment, dan huwa biss bil-kundizzjoni li dan il-kreditu jkun “assoċjat ma’ investiment”. Issa, kreditu li jirriżulta minn kuntratt ta’ bejgħ ma jistax jiġi kkunsidrat bħala “assoċjat ma’ investiment”. Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Moldova tenfasizza li għandu jsir riferiment għas-sens ordinarju tal-kelma “investiment”, li jippreżumi kontribuzzjoni ta’ kapital, li hija nieqsa fir-rigward ta’ kreditu kuntrattwali. Fl-aħħar nett, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Kummissjoni jenfasizzaw l-importanza li ssir distinzjoni bejn dak li jaqa’ taħt kummerċ u dak li jaqa’ taħt investiment, peress li l-investimenti biss huma protetti mill-Parti III tat-TKE.

104.

L-Artikolu 1(6) tat-TKE jiddefinixxi l-investiment bħala “kull tip ta’ assi, li jkun proprjetà jew ikkontrollat direttament jew indirettament minn investitur”. B’dan il-mod, it-TKE jipprovdi definizzjoni li ma tantx hija preċiża li, mal-ewwel daqqa t’għajn, tidher li hija limitata biss mis-suġġett tal-attività li magħha huwa assoċjat dan l-investiment. Din id-dispożizzjoni żżid li investiment fis-sens tat-TKE għandu jkun assoċjat ma’ attività ekonomika fis-settur tal-enerġija.

105.

Din id-definizzjoni hija ssupplimentata minn lista mhux eżawrjenti ta’ eżempji speċifiċi ta’ investiment fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Minn din jirriżulta li, kif targumenta Komstroy, meta l-assi inkwistjoni jkunu koperti b’mod ċar minn wieħed mill-investimenti msemmija b’mod espliċitu fl-Artikolu 1(6) tat-TKE, fil-prinċipju, ma jkunx hemm bżonn li ssir interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ( 69 ).

106.

Fir-rigward tal-krediti kuntrattwali, dawn jistgħu jaqgħu taħt id-definizzjoni tal-Artikolu 1(6) tat-TKE, kemm skont l-Artikolu 1(6)(ċ) kif ukoll skont l-Artikolu 1(6)(f) tat-TKE. Fil-fatt huma previsti “pretensjonijiet għal flus […] li joħroġ minn kuntratt li jkollu valur ekonomiku li jiġi assoċjat ma’ investiment” ( 70 ), kif ukoll “kwalunkwe dritt konferit minn […] kuntratt […] biex wieħed jidħol għal xi attività ekonomika fis-settur ta’ l-enerġija” ( 71 ).

107.

Madankollu, nirrileva li, minkejja li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jipprovdu eżempji ta’ investimenti fis-sens tat-TKE, huma jżidu wkoll kundizzjonijiet addizzjonali sabiex jiġi kklassifikat l-investiment. Minn naħa, l-Artikolu 1(6)(ċ) tat-TKE jipprovdi li kreditu likwidu huwa investiment bil-kundizzjoni li jirriżulta minn kuntratt li huwa stess huwa assoċjat ma’ investiment. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 1(6)(f) tat-TKE jipprovdi li dritt mogħti minn kuntratt huwa investiment bil-kundizzjoni li dan ikun ingħata għall-eżerċizzju ta’ attività ekonomika fil-qasam tal-enerġija. Fi kliem ieħor, kreditu li jirriżulta minn kuntratt ma huwiex awtomatikament investiment fis-sens tat-TKE, peress li t-test jimponi ċerti limitazzjonijiet.

108.

Issa, iż-żieda ta’ dawn il-kundizzjonijiet tirrendi diffiċli, jekk mhux impossibbli, ir-rabta inekwivoka ta’ kull kreditu kuntrattwali ma’ forma ta’ investiment waħda jew oħra fis-sens tal-Artikolu 1(6) tat-TKE. Fil-fatt, kreditu kuntrattwali, b’mod partikolari meta jirriżulta minn kuntratt ta’ bejgħ tal-elettriku, ma hemmx dubju li ma jistax ikun kopert mill-Artikolu 1(6)(ċ) jew (f) tat-TKE, mingħajr ma jiġi ddeterminat, minn qabel, x’jimplikaw il-kundizzjonijiet addizzjonali stabbiliti minn dawn id-dispożizzjonijiet.

109.

Għalhekk, għandha ssir l-interpretazzjoni ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet li, skont l-Artikolu 31(1) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna ( 72 ), għandha ssir “in bona fide, skont is-sens ordinarju mogħti lill-kliem tat-Trattat fil-kuntest tagħhom u fid-dawl tal-għan u tal-iskop tiegħu”.

a)   Fuq l-Artikolu 1(6)(ċ) tat-TKE

110.

Fir-rigward tal-Artikolu 1(6)(ċ) tat-TKE, li jipprovdi li kreditu għandu jirriżulta minn kuntratt assoċjat ma’ investiment, nirrileva ċerta ambigwità. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tiddefinixxi l-krediti likwidi li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala investiment, billi tirreferi għall-kunċett ta’ “investiment”. Fi kliem ieħor, il-kunċett ta’ “investiment” huwa fl-istess ħin il-kunċett iddefinit u l-kunċett użat sabiex jiġi ddefinit. L-Artikolu 1(6)(ċ) tat-TKE għandu, f’dan is-sens, natura ċirkulari ( 73 ).

111.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u sabiex wieħed joħroġ minn din iċ-ċirkularità, wieħed jista’ jifhem il-kelma “investiment” imsemmija fl-Artikolu 1(6)(ċ) tat-TKE biss f’sens differenti minn dak speċifikament previst f’din id-dispożizzjoni. Kif jirrileva l-Gvern Pollakk, kreditu likwidu huwa investiment biss jekk ikun ikkostitwit skont kuntratt li huwa nnifsu huwa assoċjat ma’ investiment ieħor fis-sens tat-TKE, li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1(6)(ċ) tat-TKE.

112.

Issa, l-ebda wieħed mill-investimenti l-oħra msemmija fl-Artikolu 1(6) tat-TKE ma jista’ jinftiehem bħala li jkopri l-provvista tal-elettriku, li hija s-suġġett tal-kuntratt li minnu jirriżulta l-kreditu likwidu inkwistjoni. Ebda subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni ma jipprevedi sempliċi tranżazzjoni kummerċjali ( 74 ). Għalhekk, mill-interpretazzjoni letterali tat-test tal-Artikolu 1(6) tat-TKE jirriżulta li kreditu li jirriżulta minn kuntratt ta’ provvista tal-elettriku u li ma involva ebda kontribuzzjoni ma huwiex kreditu likwidu skont kuntratt ta’ valur ekonomiku assoċjat ma’ investiment.

113.

L-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 1(6)(ċ) tat-TKE hija, imbagħad, ikkonfermata mill-użu tas-sens ordinarju tal-kelma “investiment”, imsemmija f’din id-dispożizzjoni ( 75 ).

114.

Kif jargumentaw ir-Repubblika tal-Moldova u l-Kummissjoni, fil-lingwaġġ komuni din il-kelma tindika ġeneralment tranżazzjoni kkostitwita minn kontribuzzjoni finanzjarja li sseħħ f’ċertu żmien u tinvolvi riskju ( 76 ).

115.

Barra minn hekk, fl-istess sens, il-ġurisprudenza tal-arbitraġġ żviluppat progressivament definizzjoni oġġettiva tal-kunċett ta’ “investiment”, li tipprovdi li investiment jippreżupponi li jiġu ssodisfatti tliet elementi: kontribuzzjoni mill-investitur, ċertu żmien ta’ eżekuzzjoni u parteċipazzjoni fir-riskji tat-tranżazzjoni ( 77 ).

116.

Minkejja li din id-definizzjoni ġiet żviluppata fir-rigward tal-kunċett ta’ investiment fil-Konvenzjoni għas-Soluzzjoni ta’ Tilwim dwar Investimenti bejn Stati u Ċittadini ta’ Stati Oħra, iffirmata f’Washington fit‑18 ta’ Marzu 1965, jidhirli li hija tinkludi l-elementi essenzjali ta’ dak li jista’ jikkostitwixxi investiment u hija, f’dan is-sens, sikwit imfakkra fid-dottrina meta tiġi proposta definizzjoni ġenerali ta’ dan il-kunċett ( 78 ).

117.

Skont dan il-fehim tal-kelma “investiment”, kreditu likwidu huwa għalhekk investiment fis-sens tal-Artikolu 1(6) tat-TKE, bil-kundizzjoni li dan ikun tnissel minn kuntratt li jkun involva kontribuzzjoni min-naħa tal-investitur preżunt u l-istennija ta’ qligħ, li ma huwiex iggarantit. Dan il-fehim tal-kelma “investiment”, kif stabbilit fl-Artikolu 1(6)(ċ) tat-TKE, jinsab, barra minn hekk, kemm fil-ġurisprudenza tal-arbitraġġ ( 79 ) kif ukoll fid-dottrina ( 80 ).

118.

Issa, kuntratt ta’ provvista tal-elettriku huwa sempliċi tranżazzjoni kummerċjali li ma tistax tkun koperta mill-kunċett ta’ “investiment”, peress li la tinvolvi kontribuzzjoni ( 81 ), u lanqas stennija ta’ dħul li jiddependi mill-kontribuzzjoni. Għalhekk, jiena tal-fehma li kreditu li jirriżulta minn kuntratt ta’ provvista tal-elettriku ma huwiex assoċjat ma’ investiment u ma jissodisfax il-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 1(6)(ċ) tat-TKE.

119.

Fl-aħħar nett, tali interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “investiment”, fis-sens tal-Artikolu 1(6)(ċ) tat-TKE, hija kkorroborata mill-analiżi tal-loġika ġenerali tat-TKE u tas-sistema ta’ protezzjoni ta’ investimenti stabbilita. Kif tenfasizza l-Kummissjoni, it-TKE jiddistingwi r-regoli rigward il-kummerċ, li jinsabu fil-Parti II tiegħu, minn dawk rigward il-promozzjoni u l-protezzjoni ta’ investimenti, li jinsabu fil-Parti III. Għalhekk, sempliċi tranżazzjoni kummerċjali ma hijiex, inkwantu tali, komparabbli għal investiment, ħlief jekk jintilef is-sens kollu tad-distinzjoni eżistenti bejn dak li jaqa’ taħt kummerċ u dak li jaqa’ taħt investiment u li jeħtieġ, għal din ir-raġuni, protezzjoni partikolari ( 82 ).

120.

Għalhekk, il-kunċett ta’ “investiment” fis-sens tal-Artikolu 1(6)(ċ) tat-TKE ma jistax jiġi konfuż ma’ sempliċi attività kummerċjali, b’tali mod li kreditu li jirriżulta minn kuntratt ta’ provvista tal-elettriku, li ma jinvolvix kontribuzzjoni u stennija ta’ qligħ li jiddependi fuq din il-kontribuzzjoni, ma jistax jaqa’ taħtu.

b)   Fuq l-Artikolu 1(6)(f) tat-TKE

121.

L-Artikolu 1(6)(f) tat-TKE jirrigwarda “kwalunkwe dritt konferit minn […] kuntratt […] biex wieħed jidħol għal xi attività ekonomika fis-settur ta’ l-enerġija”. F’dan ir-rigward, infakkar li l-Artikolu 1(6) tat-TKE diġà jipprovdi, b’mod ġenerali, li investiment fis-sens tat-TKE għandu jkun assoċjat ma’ attività ekonomika fis-settur tal-enerġija. Għalhekk, il-kundizzjoni imposta mill-Artikolu 1(6)(f) tat-TKE ma tistax tinftiehem bl-istess mod, inkella tali preċiżjoni titlef is-sens kollu tagħha.

122.

Għalhekk, l-Artikolu 1(6)(f) tat-TKE ma jirreferix għal kull dritt kuntrattwali marbut ma’ attività ekonomika fis-settur tal-enerġija, iżda jżid kundizzjoni addizzjonali sabiex dritt kuntrattwali jkun jista’ jiġi kkunsidrat bħala investiment protett fis-sens tat-TKE. Dan jirriżulta mill-formulazzjoni stess ta’ din id-dispożizzjoni. B’dan il-mod, l-użu tal-kliem “biex wieħed jidħol għal” jindika li d-dritt kuntrattwali inkwistjoni għandu jkun ingħata għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ attività ekonomika fis-settur tal-enerġija ( 83 ). Id-dritt kuntrattwali għandu jippermetti l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika fis-settur tal-enerġija li, fl-assenza tiegħu, il-benefiċjarju ma jkunx jista’ jeżerċita. Fi kliem ieħor, id-dritt kuntrattwali għandu jawtorizza l-eżerċizzju ta’ din l-attività u joħloq il-kundizzjonijiet għal dan l-eżerċizzju ( 84 ).

123.

Madankollu, minkejja li kreditu kuntrattwali huwa effettivament dritt mogħti minn kuntratt, dan ma jistax jiġi kkunsidrat li jawtorizza l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika fis-settur tal-enerġija meta dan ikun akkwistat wara l-kostituzzjoni tiegħu mingħand id-detentur oriġinali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kreditu jagħti lid-detentur tiegħu mhux id-dritt li jeżerċita attività ekonomika fis-settur tal-enerġija, iżda dak biss li jitlob il-ħlas tiegħu.

124.

Barra minn hekk, anki jekk wieħed jikkunsidra l-oriġini tal-kreditu, quod non, jiġifieri l-kuntratt ta’ provvista tal-elettriku, jiena tal-fehma li jintlaħaq l-istess riżultat. Minkejja li kuntratt ta’ bejgħ tal-elettriku bejn żewġ kumpanniji jippermetti effettivament li waħda minnhom tipprovdi l-elettriku lill-oħra, madankollu ma huwiex dan il-kuntratt li jawtorizza l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika fis-settur tal-enerġija. Il-kumpannija li tipprovdi l-elettriku hija fil-fatt diġà f’pożizzjoni li tipprovdi l-elettriku inkwistjoni lill-kokontraenti tagħha, b’tali mod li l-kuntratt fl-ebda każ ma jinkludi awtorizzazzjoni jew dritt li tiġi eżerċitata attività ekonomika fis-settur tal-enerġija fil-pajjiż ospitanti.

125.

Għalhekk, tali kreditu ma huwiex, fil-fehma tiegħu, kopert mill-Artikolu 1(6)(f) tat-TKE.

126.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li la l-Artikolu 1(6)(ċ) u lanqas l-Artikolu 1(6)(f) tat-TKE ma jistgħu jiġu interpretati fis-sens li kreditu li jirriżulta minn kuntratt ta’ provvista tal-elettriku u li ma jimplika ebda kontribuzzjoni huwa investiment fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

c)   Fuq id-definizzjoni ġenerali tal-kunċett ta’ “investiment” fl-Artikolu 1(6) tat-TKE

127.

Madankollu, l-Artikolu 1(6) tat-TKE jipprovdi wkoll definizzjoni ġenerali, għalkemm vaga, tal-kunċett ta’ “investiment” u l-lista ta’ investimenti li huwa jipprovdi ma hijiex eżawrjenti. Għalhekk, wieħed jista’ jiddefendi l-idea li kreditu li ma huwiex kopert mill-Artikolu 1(6)(ċ) u (f) tat-TKE jista’ madankollu jikkostitwixxi investiment fis-sens tal-Artikolu 1(6) tat-TKE, sa fejn jikkostitwixxi “kull tip ta’ assi, li jkun proprjetà jew ikkontrollat direttament jew indirettament minn investitur”.

128.

Tali argument ma huwiex konvinċenti. Kif enfasizzajt ( 85 ), il-krediti kuntrattwali huma l-uniċi assi li għalihom l-Artikolu 1(6) tat-TKE jipprovdi limitazzjonijiet espliċiti għall-aċċettazzjoni tagħhom bħala investimenti. Għalhekk, wieħed ma jistax jirreferi għad-definizzjoni ġenerali tal-kunċett ta’ “investiment” bl-uniku skop li jiġu evitati l-limitazzjonijiet previsti fl-Artikolu 1(6)(f) tat-TKE, ħlief jekk jiċħad l-eżistenza ta’ dawn id-dispożizzjonijiet speċifiċi u jagħti interpretazzjoni contra legem tal-kunċett ta’ “investiment” fis-sens tat-TKE.

129.

Għaldaqstant, nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 1(6) tat-TKE għandu jiġi interpretat fis-sens li kreditu li jirriżulta minn kuntratt ta’ provvista tal-elettriku li ma jinvolvi ebda kontribuzzjoni ma huwiex investiment fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

2.   Fuq it-tieni domanda preliminari

130.

Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 26(1) tat-TKE għandux jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi investiment l-akkwist, minn impriża ta’ parti kontraenti, ta’ kreditu kkostitwit minn operatur ekonomiku ta’ Stat terz għat-TKE.

131.

F’dan ir-rigward, infakkar, li l-kreditu inkwistjoni jirriżulta minn relazzjoni kuntrattwali bejn Moldtranselectro u Derimen, u din il-kumpannija tal-aħħar hija rreġistrata fil-Gżejjer Verġni Brittaniċi, jiġifieri fi Stat terz għat-TKE.

132.

L-Artikolu 26(1) tat-TKE jippermetti s-soluzzjoni ta’ tilwim bejn parti kontraenti u investitur ta’ parti kontraenti oħra meta t-tilwima tirrigwarda investiment imwettaq minn dan l-investitur. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-eventwali effett tal-oriġini tal-kreditu, meta dan il-kreditu kien ikkostitwit oriġinarjament minn operatur ekonomiku ta’ Stat terz għat-TKE, fuq il-klassifikazzjoni tiegħu ta’ “investiment” fis-sens tal-Artikolu 1(6) tat-TKE, li jeżiġi li tali investiment ikun twettaq minn investitur ta’ parti kontraenti.

133.

Qabel kollox, nirrileva li, fid-dawl tar-risposta għall-ewwel domanda proposta minni, ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għat-tieni domanda, peress li, billi rrispondejt fin-negattiv għall-ewwel domanda, ma huwiex neċessarju li jiġi ddeterminat jekk l-oriġini tal-kreditu għandhiex effett fuq l-aċċettazzjoni tiegħu bħala investiment imwettaq minn parti kontraenti fis-sens tal-Artikolu 26(1) tat-TKE.

134.

Għall-fini ta’ kompletezza, xorta ser neżamina t-tieni domanda preliminari, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-analiżi tiegħi tal-ewwel domanda, billi tippreżumi li tali kreditu jista’ jikkostitwixxi investiment fis-sens tal-Artikolu 1(6) tat-TKE.

135.

Kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, u kif tenfasizza r-Repubblika tal-Moldova, għandu jiġi ddeterminat jekk investiment kienx effettivament “imwettaq minn investitur ta’ parti kontraenti”, billi jsir riferiment għall-Artikolu 1(8) tat-TKE, li jiddefinixxi l-kliem “tagħmel investiment”. Din id-dispożizzjoni tipprovdi b’mod partikolari li investiment jista’ jitwettaq permezz tal-akkwist tal-investimenti eżistenti kollha jew parti minnhom. Madankollu, hija ma teżiġix li l-investiment eżistenti inkwistjoni kien oriġinarjament ikkostitwit fi Stat parti għat-TKE.

136.

Ir-Repubblika tal-Moldova ssostni madankollu li tali kundizzjoni teżisti. Fil-fehma tagħha, il-kliem “investiment eżistenti” għandu jinftiehem skont id-definizzjoni ta’ “investiment” tal-Artikolu 1(6) tat-TKE, li tipprovdi li investiment għandu jkun “proprjetà jew ikkontrollat direttament jew indirettament minn investitur”. Madankollu, hija tirrileva li l-Artikolu 1(7) tat-TKE jiddefinixxi min-naħa tiegħu l-kelma “investitur” bħala “kumpannija jew organizzazzjoni oħra organizzata skond il-liġi applikabbli f’[…] Parti Kontraenti”. Għalhekk, hija ssostni li, peress li l-operatur ekonomiku, detentur oriġinali tal-kreditu inkwistjoni, huwa operatur ta’ Stat terz għat-TKE, dan ma jistax jiġi kkunsidrat bħala investitur fis-sens tal-Artikolu 1(7) tat-TKE, b’tali mod li l-kreditu inkwistjoni ma jistax jikkostitwixxi “investiment eżistenti” mwettaq minn kumpannija ta’ parti kontraenti fis-sens tal-Artikolu 1(8) u tal-Artikolu 26(1) tat-TKE.

137.

Tali argument ma huwiex konvinċenti. Minkejja li r-raġunament tar-Repubblika tal-Moldova dwar in-neċessità li jsir riferiment għall-Artikolu 1(6) sa (8) tat-TKE sabiex jiġi ddefinit dak li huwa kopert mill-kliem “investiment imwettaq minn” għandu jiġi approvat, il-konklużjoni li għaliha tasal ir-Repubblika tal-Moldova hija bbażata, madankollu, fuq qari parzjali ta’ dawn l-artikoli.

138.

Mhux biss, kif irrilevajt ( 86 ), l-Artikolu 1(8) tat-TKE ma jimponi ebda kundizzjoni dwar l-oriġini ġeografika tal-investiment eżistenti, iżda d-dispożizzjonijiet analizzati jipprovdu b’mod espliċitu li tali investiment jista’ jkun kkostitwit minn operatur ekonomiku ta’ Stat terz għat-TKE. Fil-fatt, l-Artikolu 1(7) tat-TKE jiddefinixxi l-kunċett ta’ “investitur” għal dak li jirrigwarda kemm il-partijiet kontraenti kif ukoll l-Istati terzi. Għalhekk, huwa aċċettat, b’mod ċar, li investitur jista’ jkun minn Stat terz għat-TKE, mingħajr ma dan jimplika li l-investimenti li huwa jwettaq ma humiex investimenti eżistenti fis-sens tat-TKE ( 87 ).

139.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-kreditu kien ikkostitwit minn operatur ekonomiku ta’ Stat terz għat-TKE ma għandu ebda effett fuq il-klassifikazzjoni tiegħu bħala “investiment eżistenti”, peress li dan l-operatur għandu wkoll jiġi kkunsidrat, skont il-kliem tat-TKE, bħala investitur.

140.

Minn dan jirriżulta li l-akkwist, minn operatur ta’ parti kontraenti, ta’ kreditu kkostitwit minn operatur ekonomiku ta’ Stat terz għat-TKE għandu jiġi kkunsidrat bħala l-akkwist ta’ investiment eżistenti u għalhekk, bħala li jikkostitwixxi investiment imwettaq minn investitur ta’ parti kontraenti fis-sens tat-TKE.

141.

Madankollu, ir-Repubblika tal-Moldova, Komstroy u l-Kummissjoni esprimew riżerva rigward il-possibbiltà ta’ abbuż ta’ dritt f’dawn iċ-ċirkustanzi. Fil-fatt, wieħed ma jistax jeskludi li investiment ikkostitwit minn operatur ekonomiku ta’ Stat terz għat-TKE jista’ jiġi akkwistat minn investitur ta’ parti kontraenti bl-uniku skop li jibbenefika mill-protezzjoni mogħtija mit-TKE, b’mod partikolari sabiex jimplimenta l-Artikolu 26(1) tat-TKE bl-għan li jippreżenta rikors kontra parti kontraenti, li inkella ma setax isir.

142.

Minkejja li huwa minnu li teżisti tali possibbiltà, ma hijiex suffiċjenti sabiex teskludi awtomatikament mill-benefiċċju tal-protezzjoni ta’ investimenti mogħtija permezz tal-użu tas-soluzzjoni ta’ tilwim investiment akkwistat mingħand operatur ta’ Stat terz għat-TKE. Mhux biss tali interpretazzjoni ma jidhirlix li hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-TKE preċedentement analizzati, iżda hija tkun timplika li ebda investiment akkwistat mingħand investitur barrani ma jista’ qatt ikun protett skont it-TKE.

143.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eżistenza ta’ abbuż ta’ dritt tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni biss fuq il-bażi ta’ każ b’każ, u ma tistax tiġġustifika prinċipju li jipprovdi li investiment akkwistat minn investitur ta’ parti kontraenti mingħand investitur ta’ Stat terz għat-TKE ma jistax jiġi kkunsidrat bħala investiment imwettaq minn dak tal-ewwel fis-sens tal-Artikolu 26(1) tat-TKE. Għalhekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika r-raġunijiet li wasslu għall-akkwist tal-kreditu inkwistjoni minn Komstroy, sabiex tiddetermina jekk dan l-akkwist kienx intiż biss sabiex jiġi ppreżentat rikors kontra r-Repubblika tal-Moldova skont it-TKE.

144.

Għaldaqstant, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-analiżi tiegħi rigward l-ewwel domanda preliminari, nipproponi li r-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 26(1) tat-TKE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-akkwist ta’ kreditu kkostitwit mingħand investitur ta’ Stat terz għat-TKE huwa investiment fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sakemm tali akkwist ma jkunx seħħ biss sabiex jinkiseb benefiċċju mill-protezzjoni mogħtija mid-dispożizzjonijiet tat-TKE, u b’mod partikolari, sabiex ikun jista’ jiġi ppreżentat rikors quddiem qorti tal-arbitraġġ kontra parti kontraenti, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

3.   Fuq it-tielet domanda preliminari

145.

Permezz tat-tielet domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex li tkun taf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 26(1) tat-TKE għandux jiġi interpretat fis-sens li kreditu li jappartjeni lil investitur, li jirriżulta minn kuntratt ta’ bejgħ tal-elettriku kkunsinnat fil-fruntiera tal-Istat ospitanti, jista’ jikkostitwixxi investiment imwettaq fiż-żona ta’ parti kontraenti oħra, fl-assenza ta’ kwalunkwe attività ekonomika eżerċitata mill-investitur fit-territorju ta’ dan l-Istat.

146.

Hawnhekk nirrileva wkoll li t-tielet domanda hija ta’ natura sussidjarja. Fil-fatt, jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fis-sens li kreditu li jirriżulta minn kuntratt ta’ provvista tal-elettriku ma huwiex investiment, ma jkunx rilevanti li jiġi ddeterminat jekk dan il-kreditu twettaqx fiż-żona ta’ parti kontraenti oħra.

147.

Madankollu, għall-fini ta’ kompletezza, ser nirrispondi għat-tielet domanda preliminari, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-analiżi tiegħi tal-ewwel u t-tieni domandi, billi tippreżumi, quod non, li kreditu li jirriżulta minn kuntratt ta’ provvista tal-elettriku huwa investiment fis-sens tat-TKE.

148.

Ir-Repubblika tal-Moldova, sostnuta f’dan is-sens mill-Gvern Spanjol u mill-Kummissjoni, targumenta li ma twettaq ebda investiment fit-territorju tagħha, peress li l-elettriku pprovdut skont il-kuntratt li minnu rriżulta l-kreditu kien ikkonsenjat biss sal-fruntiera bejn l-Ukraina u l-Moldova, fuq in-naħa Ukraina.

149.

Tali argument jirriżulta mill-qari tal-Artikolu 1(6)(ċ) tat-TKE, li jipprovdi li kreditu likwidu huwa investiment jekk dan ikun ġie kkostitwit skont kuntratt li jkun huwa nnifsu assoċjat ma’ investiment. Madankollu, jidhirli li huwa jinjora element essenzjali. Fil-fatt, minkejja li l-analiżi tal-investiment li miegħu huwa assoċjat il-kuntratt li minnu jirriżulta l-kreditu inkwistjoni hija rilevanti sabiex il-kreditu jiġi kklassifikat bħala “investiment”, ladarba dan l-element jiġi stabbilit, l-investiment inkwistjoni huwa biss il-kreditu, mingħajr ma hemm bżonn li jerġa’ jsir riferiment, mill-ġdid, għall-investiment assoċjat.

150.

Għalhekk, l-investiment li huwa s-suġġett tat-tilwima u li għandu, bħala tali, jiġi eżaminat fid-dawl tal-Artikolu 26(1) tat-TKE ma huwiex il-provvista tal-elettriku prevista mill-kuntratt li minnu jirriżulta l-kreditu, iżda l-kreditu fih innifsu. Għalhekk, għandu jiġi stabbilit biss jekk l-akkwist ta’ tali kreditu jistax jiġi kkunsidrat bħala investiment fiż-żona tal-Moldova, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi identifikat jekk il-kuntratt li taħtu ġie kkostitwit dan il-kreditu huwiex assoċjat ma’ investiment li, huwa nnifsu, twettaq f’din iż-żona.

151.

L-investiment inkwistjoni, jiġifieri l-kreditu, huwa f’dan il-każ miżmum minn investitur Ukrain, fil-konfront ta’ kumpannija stabbilita fil-Moldova. Issa, l-Artikolu 1(10) tat-TKE jiddefinixxi sempliċement il-kelma “żona” bħala “it-territorju taħt is-sovranità tiegħu”. Minn dan jirriżulta li kreditu miżmum fil-konfront ta’ kumpannija stabbilita fit-territorju Moldovan jista’ jiġi kkunsidrat bħala investiment imwettaq fiż-żona ta’ din il-parti kontraenti, u l-lokalizzazzjoni tad-debitur tal-kreditu hija suffiċjenti sabiex dan jiġi stabbilit.

152.

Fi kwalunkwe każ, jinkiseb l-istess riżultat kieku jintlaqa’ l-argument tar-Repubblika tal-Moldova, li jgħid li huwa neċessarju li tiġi vverifikata wkoll iż-żona li fiha twettaq l-investiment li miegħu huwa assoċjat il-kuntratt li minnu jirriżulta l-kreditu.

153.

B’mod formali, l-elettriku huwa effettivament ipprovdut sal-fruntiera mal-Moldova. Madankollu, u sakemm ma tiġix sostnuta soluzzjoni eċċessivament formalistika, jibqa’ l-fatt li l-elettriku huwa fl-aħħar mill-aħħar introdott fin-netwerk Moldovan u li din iċ-ċirkustanza tikkostitwixxi d-dettall essenzjali tal-problema. Il-fatt li huwa kien ikkonsenjat mill-operatur fuq naħa jew oħra tal-fruntiera ma jistax ikollu effett fuq dan ir-riżultat ( 88 ). Fir-realtà, l-elettriku pprovdut dejjem huwa intiż sabiex jiġi ddistribwit fit-territorju Moldovan, u għalhekk, fiż-żona ta’ din il-parti kontraenti ( 89 ).

154.

Għaldaqstant, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-analiżi tiegħi rigward l-ewwel u t-tieni domanda preliminari, nipproponi li r-risposta għat-tielet domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 26(1) tat-TKE għandu jiġi interpretat fis-sens li kreditu miżmum minn investitur ta’ parti kontraenti fil-konfront ta’ operatur ta’ parti kontraenti oħra huwa investiment imwettaq minn dak tal-ewwel fiż-żona ta’ dak tat-tieni.

V. Konklużjoni

155.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi (Franza)):

L-Artikolu 1(6) tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija, iffirmat f’Lisbona fis‑17 ta’ Diċembru 1994 u approvat f’isem l-Unjoni Ewropea permezz tad-Deċiżjoni 98/181/KE, KEFA, Euratom tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tat‑23 ta’ Settembru 1997 rigward il-konklużjoni, mill-Komunitajiet Ewropej, tat-Trattat fuq iċ-Charter ta’ l-Enerġija u l-Protokoll taċ-Charter ta’ l-Enerġija dwar l-effiċjenza fl-enerġija u l-aspetti ambjentali relatati, għandu jiġi interpretat fis-sens li kreditu li jirriżulta minn kuntratt ta’ provvista tal-elettriku li ma jkun involva ebda kontribuzzjoni ma huwiex investiment fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.


( 1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

( 2 ) Iffirmat f’Lisbona fis‑17 ta’ Diċembru 1994 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 1, p. 199) u approvat f’isem l-Unjoni Ewropea permezz tad-Deċiżjoni 98/181/KE, KEFA, Euratom, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tat‑23 ta’ Settembru 1997 rigward il-konklużjoni, mill-Komunitajiet Ewropej, tat-Trattat fuq iċ-Charter ta’ l-Enerġija u l-Protokoll taċ-Charter ta’ l-Enerġija dwar l-effiċjenza fl-enerġija u l-aspetti ambjentali relatati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 24).

( 3 ) Il-kawżi l-oħra dwar l-interpretazzjoni tat-TKE huma l-kawżi magħquda Federazione nazionale delle imprese elettrotecniche ed elettroniche (Anie) et (C‑798/18 u C‑799/18), pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

( 4 ) Sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018 (C‑284/16, iktar ’il quddiem is-“sentenza Achmea”, EU:C:2018:158).

( 5 ) Sentenzi tat‑30 ta’ April 1974, Haegeman (181/73, EU:C:1974:41, punti 24); tal‑15 ta’ Ġunju 1999, Andersson u Wåkerås-Andersson (C‑321/97, EU:C:1999:307, punt 26); kif ukoll tas‑7 ta’ Ġunju 2018, KP (C‑83/17, EU:C:2018:408, punt 24).

( 6 ) Sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 1999 (C‑321/97, EU:C:1999:307, punt 28).

( 7 ) Sentenza tal‑15 ta’ Mejju 2003 (C‑300/01, EU:C:2003:283, punt 66).

( 8 ) Sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 1999 (C‑321/97, EU:C:1999:307).

( 9 ) Sentenza tal‑15 ta’ Mejju 2003 (C‑300/01, EU:C:2003:283).

( 10 ) Sentenzi tal‑15 ta’ Ġunju 1999, Andersson u Wåkerås-Andersson (C‑321/97, EU:C:1999:307, punt 28), kif ukoll tal‑15 ta’ Mejju 2003, Salzmann (C‑300/01, EU:C:2003:283, punt 66).

( 11 ) Sentenzi tal‑15 ta’ Ġunju 1999, Andersson u Wåkerås-Andersson (C‑321/97, EU:C:1999:307, punt 29), u tal‑15 ta’ Mejju 2003, Salzmann (C‑300/01, EU:C:2003:283, punt 67).

( 12 ) Ara l-Artikolu 6 tal-Ftehim ŻEE u l-ħmistax‑il inċiż tal-preambolu ta’ dan il-ftehim. Dwar dan il-punt, ara wkoll Baudenbacher, C., “The Relationship Between the EFTA Court and the Court of Justice of the European Union”, f’ Baudenbacher, C. (editur), The Handbook of EEA Law, Springer, 2016, p. 179 sa 194.

( 13 ) Sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 1999 (C‑321/97, EU:C:1999:307).

( 14 ) Sentenza tal‑15 ta’ Mejju 2003 (C‑300/01, EU:C:2003:283).

( 15 ) Sentenzi tat‑12 ta’ Ġunju 2008, Gourmet Classic (C‑458/06, EU:C:2008:338, punt 20); tal‑21 ta’ Lulju 2011, Kelly (C‑104/10, EU:C:2011:506, punt 60), u Opinjoni 1/09 tat‑8 ta’ Marzu 2011 (EU:C:2011:123, punt 83).

( 16 ) Sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 1998, Hermès (C‑53/96, EU:C:1998:292, punt 32).

( 17 ) Sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 1999 (C‑321/97, EU:C:1999:307).

( 18 ) Sentenza tal‑15 ta’ Mejju 2003 (C‑300/01, EU:C:2003:283).

( 19 ) Prova ta’ dan huma l-kontroversji li jeżistu fil-ġurisprudenza tal-arbitraġġ fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “investiment”, imsemmi minn dawn id-domandi preliminari.

( 20 ) Bl-eċċezzjoni tar-Repubblika Taljana, partijiet għat-TKE.

( 21 ) Ara, bħala eżempju, l-Artikolu 10(1) tat-TKE: “Kull Parti Kontraenti għandha […] tinkoraġġixxi u toħloq kondizzjonijet stabbli, ekwi, favorevoli u trasparenti għall-investituri ta’ Partijiet Kontraenti”.

( 22 ) Fuq il-preżenza ta’ obbligi bilaterali fi ħdan il-ftehim multilaterali, ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Internazzjonali tal‑5 ta’ Frar 1970, Barcelona Traction, Light, and Power Company, Limited (Il-Belġju vs Spanja), I.C.J. Ġabra 1970, p. 3, punti 33 u 35.

( 23 ) Sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 1999 (C‑321/97, EU:C:1999:307, punt 28).

( 24 ) Sentenza tal‑15 ta’ Mejju 2003 (C‑300/01, EU:C:2003:283, punt 66).

( 25 ) Punt 60 u d-dispożittiv.

( 26 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tad‑19 ta’ Lulju 2018 dwar il-protezzjoni tal-investimenti intra-UE, COM(2018) 547 final.

( 27 ) Ara b’mod partikolari, fir-rigward tad-dottrina preċedenti għas-sentenza Achmea, Eilmansberger, T., “Bilateral investment Treaties and EU Law”, Common Market Law Review, 2009, Vol. 46(2), p. 383 sa 429; Hindelang, S., “Circumventing Primacy of EU Law and the CJEU’s Judicial Monopoly by Resorting to Dispute Resolution Mechanisms Provided for in Inter-se Treaties? The Case of Intra-EU Investment Arbitration”, Legal Issues of Economic Integration, 2012, Vol. 39, nru 2, p. 179 sa 206; u Miron, S., “The Last Bite of the BITs – Supremacy of EU Law versus Investment Treaty Arbitration”, European Law Journal, 2013, Vol. 20, Nru 3, p. 332 sa 345.

( 28 ) Ara, bħala eżempju, Vattenfall AB et vs Il-Ġermanja (kawża ICSID Nru ARB/12/12), deċiżjoni dwar Achmea tal‑31 ta’ Awwissu 2018; Masdar Solar & Wind Cooperatief U.A. vs Ir-Renju ta’ Spanja (kawża ICSID Nru ARB/14/1), sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2018; Novenergia II – Energy & Environment (SCA) (il-Gran Dukat tal-Lussemburgu), SICAR vs Ir-Renju ta’ Spanja, (kawża SCC Nru 2015/063), sentenza tal‑15 ta’ Frar 2018.

( 29 ) Ara, b’mod partikolari, Gaillard., E., “L’affaire Achmea ou les conflits de logiques”, Revue critique de droit international privé, 2018, Nru 3, p. 616; Hess, B., “The Fate of Investment Dispute Resolution after the Achmea Decision of the European Court of Justice”, Max Planck Institute Luxembourg for Procedural Law Research Paper Series, 2018, Nru 3, p. 8; u Basedow, J., “Achmea judgment and the applicability of the Energy Charter Treaty in Intra-EU Investment Arbitration”, Journal of international economic Law, 2020, Vol. 23, nru 1, p. 271 sa 292.

( 30 ) Punt 60 u d-dispożittiv.

( 31 ) Sentenza Achmea, punt 32. Ara, ukoll, l-Opinjoni 2/13 tat‑18 ta’ Diċembru 2014 (EU:C:2014:2454, punt 201 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 32 ) Sentenza Achmea, punt 33.

( 33 ) Sentenza Achmea, punt 33.

( 34 ) Sentenza Achmea, punt 34. Ara, ukoll, l-Opinjoni 2/13 tat‑18 ta’ Diċembru 2014 (EU:C:2014:2454, punti 168173, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 35 ) Sentenza Achmea, punt 35. Ara, ukoll, l-Opinjoni 2/13 tat‑18 ta’ Diċembru 2014 (EU:C:2014:2454, punt 174).

( 36 ) Sentenza Achmea, punt 37. Ara, ukoll, l-Opinjoni 2/13 tat‑18 ta’ Diċembru 2014 (EU:C:2014:2454, punt 176 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 37 ) Sentenza Achmea, punti 39 sa 42.

( 38 ) Sentenza Achmea, punti 42 sa 56.

( 39 ) Sentenza Achmea, punti 45 u 55.

( 40 ) Ara, f’dan is-sens, Basedow, J., “EU Law in International Arbitration: Referrals to the European Court of Justice”, Journal of International Arbitration, 2015, Vol. 32, nru 4, p. 367 sa 386, b’mod partikolari p. 370.

( 41 ) Fuq l-oriġinalità tal-mekkaniżmu, ara Kessedjian, C. u Pironon, V., Droit du commerce international, It-tieni edizzjoni, Thémis, PUF, 2020, p. 209.

( 42 ) Sentenza Achmea, punt 58.

( 43 ) Sentenza Achmea, punt 59.

( 44 ) Hess, B., op. cit., p. 8.

( 45 ) Opinjoni 1/17 (Ftehim CETA UE‑Kanada) tat‑30 ta’ April 2019 (EU:C:2019:341, punt 128 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 46 ) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tad‑19 ta’ Lulju 2018 dwar il-protezzjoni tal-investimenti intra-UE, COM(2018) 547 final.

( 47 ) Dan ma jfissirx li jiġi miċħud li t-tribunali tal-arbitraġġ fid-dritt tal-investimenti setgħu jikkontribwixxu għall-osservanza tal-Istat tad-dritt. F’dan ir-rigward, ara, Sadowski, W., “Protection of the rule of law in the European Union through investment treaty arbitration: Is judicial monopolism the right response to illiberal tendencies in Europe?”, Common Market Law Review, 2018, Nru 55, p. 1025 sa 1060. Madankollu, tali kontribuzzjoni ma hijiex komparabbli mal-assigurazzjoni bejn l-Istati Membri tal-Unjoni tar-rikonoxximent u tal-osservanza ta’ valuri fundamentali li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, fosthom l-osservanza tal-Istat tad-dritt u r-rispett tad-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti indipendenti.

( 48 ) Qed naħseb b’mod partikolari fis-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punti 3233); tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18, EU:C:2019:531, punti 4347); u tal‑5 ta’ Novembru 2019Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-qrati ordinarji) (C‑192/18, EU:C:2019:924, punt 98).

( 49 ) Dikjarazzjonijiet tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal‑15 u s‑16 ta’ Jannar 2019 dwar il-konsegwenzi ġuridiċi tas-sentenza Achmea mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja u tal-protezzjoni tal-investimenti fl-Unjoni Ewropea, <https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/business_economy_euro/banking_and_finance/documents/190117-bilateral-investment-treaties_en.pdf>; <https://2015-2019.kormany.hu/download/5/1b/81000/Hungarys%20Declaration%20on%20Achmea.pdf>; u <https://www.regeringen.se/48ee19/contentassets/d759689c0c804a9ea7af6b2de7327320/achmea-declaration.pdf>.

( 50 ) Ftehim għat-terminazzjoni ta’ Trattati Bilaterali dwar l-Investiment bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2020, L 169, p. 1). Il-ftehim ġie konkluż mill-Istati Membri kollha, bl-eċċezzjoni tal-Irlanda, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja.

( 51 ) Filwaqt li r-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Kroazja, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Portugiża, ir-Rumanija, ir-Repubblika Slovakka u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq kollha ddikjaraw li jqisu li l-klawżola ta’ soluzzjoni ta’ tilwim tat-TKE kienet inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja esprimew b’mod espliċitu riżerva fir-rigward tal-possibbiltà li s-soluzzjoni mogħtija minn din is-sentenza tiġi trasposti għall-mekkaniżmu ta’ soluzzjoni ta’ tilwim tat-TKE. Min-naħa tagħha, l-Ungerija ddikjarat li tikkunsidra li din is-soluzzjoni ma tistax tapplika għall-mekkaniżmu ta’ soluzzjoni ta’ tilwim tal-Artikolu 26 tat-TKE. Ara d-dikjarazzjonijiet tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-15 u s-16 ta’ Jannar 2019 dwar il-konsegwenzi ġuridiċi tas-sentenza Achmea mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja u l-protezzjoni tal-investimenti fl-Unjoni Ewropea, <https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/business_economy_euro/banking_and_finance/documents/190117-bilateral-investment-treaties_en.pdf>; <https://2015-2019.kormany.hu/download/5/1b/81000/Hungarys%20Declaration%20on%20Achmea.pdf>; u <https://www.regeringen.se/48ee19/contentassets/d759689c0c804a9ea7af6b2de7327320/achmea-declaration.pdf>.

( 52 ) Punt 41.

( 53 ) Minkejja li ma eskludejtx mill-bidu l-idea kuntrarja qabel is-sentenza Achmea fil-kuntest tal-attivitajiet akkademiċi tiegħi, illum nirrimetti ruħi għar-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward. Ara Szpunar, M., “Referrals of Preliminary Questions by Arbitral Tribunals to the CJEU”, f’Ferrari, F., (editur), The Impact of EU Law on International Commercial Arbitration, Juris, 2017, p. 85 sa 124.

( 54 ) Sentenza Achmea, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 55 ) Sentenza Achmea, punt 58.

( 56 ) Opinjoni 1/91 (Ftehim ŻEE – I) tal‑14 ta’ Diċembru 1991 (EU:C:1991:490, punti 4070); Opinjoni 1/09 tat‑8 ta’ Marzu 2011 (EU:C:2011:123, punti 7476); u Opinjoni 2/13 tat‑18 ta’ Diċembru 2014 (EU:C:2014:2454, punti 182183).

( 57 ) Opinjoni 2/13 tat‑18 ta’ Diċembru 2014 (EU:C:2014:2454, punt 183) u sentenza Achmea, punt 57.

( 58 ) Opinjoni tat‑30 ta’ April 2019 (EU:C:2019:341).

( 59 ) Opinjoni 1/17 (Ftehim CETA UE‑Kanada), tat‑30 ta’ April 2019 (EU:C:2019:341, punt 131).

( 60 ) Opinjoni tat‑30 ta’ April 2019 (EU:C:2019:341).

( 61 ) Opinjoni 1/17 (Ftehim CETA UE-Kanada) tat‑30 ta’ April 2019 (EU:C:2019:341, punt 127).

( 62 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fl-Opinjoni 1/17 (Ftehim CETA UE‑Kanada, EU:C:2019:72, punt 82).

( 63 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fl-Opinjoni 1/17 (Ftehim CETA UE‑Kanada, EU:C:2019:72, punt 84). Dwar dan il-punt, ara wkoll, Lenaerts, K., “Upholding the Rule of Law through Judicial Dialogue”, Yearbook of European Law, 2019, Vol. 38, p. 12.

( 64 ) Opinjoni tat‑30 ta’ April 2019 (EU:C:2019:341).

( 65 ) Barra minn hekk, ma jistax jiġi eskluż li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 26 tat-TKE mill-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tkun neċessarja fil-kuntest tal-istħarriġ, mill-qrati Statali tal-Istati Membri, ta’ deċiżjoni tal-arbitraġġ mogħtija fil-kuntest ta’ tilwima bejn investitur ta’ Stat terz u Stat Membru, li tista’ tinvolvi l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mill-arbitri.

( 66 ) Ara f’dan ir-rigward, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tad‑19 ta’ Lulju 2018 dwar il-protezzjoni ta’ investimenti intra-UE, COM(2018) 547 final.

( 67 ) Għal eżempju tas-sovrappożizzjonijiet li jistgħu jiġu previsti bejn trattat ta’ protezzjoni u ta’ promozzjoni ta’ investimenti konkluż bejn żewġ Stati Membri u d-dritt tal-Unjoni, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Achmea (C‑284/16, EU:C:2017:699).

( 68 ) Minkejja li l-partijiet ġew mistoqsija, waqt is-seduta, dwar l-effetti tas-sentenza Achmea, id-diskussjoni rrigwardat biss l-effett ta’ din is-sentenza fuq il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-mekkaniżmu ta’ soluzzjoni ta’ tilwim previst fl-Artikolu 26 tat-TKE. Nenfasizza li, fil-fatt, din is-sentenza ma tirrigwardax il-kompatibbiltà tar-regoli sostantivi, iżda biss il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ mekkaniżmu simili stabbilit minn TBI.

( 69 ) Ara, dwar dan il-punt, fil-ġurisprudenza tal-arbitraġġ, Anatolie Stati, Gabriel Stati, Ascom Group SA and Terra Raf Trans Traiding Ltd vs Il-Kazakistan (kawża tal-Kamra tal-Kummerċ ta’ Stokkolma (CSS) Nru V 116/2010), sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, punt 806, u, fid-dottrina, Gaillard, E., Journal du droit international (Clunet), 2019, nru 6, p. 160.

( 70 ) Artikolu 1(6)(ċ) tat-TKE.

( 71 ) Artikolu 1(6)(f) tat-TKE.

( 72 ) Konvenzjoni dwar il-Liġi tat-Trattati, konkluża fi Vjenna fit‑23 ta’ Mejju 1969 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1155, p. 353) https://treaties.un.org/doc/Publication/UNTS/Volume%201155/volume-1155-I-18232-French.pdf.

( 73 ) Fuq in-natura ċirkulari tad-definizzjoni ta’ investiment, ara Pyka, M., Pojęcie inwestycji w międzynarodowym arbitrażu inwestycyjnym, Beck, C.H., Varsavja, 2018, p. 43 u 44.

( 74 ) Jista’ jeżisti dubju dwar il-possibbiltà li jiġi kkunsidrat li l-provvista tal-elettriku hija koperta fl-Artikolu 1(6)(f) tat-TKE, li jipprevedi “kwalunkwe dritt konferit […] minn kuntratt […] biex wieħed jidħol għal xi attività ekonomika fis-settur ta’ l-enerġija”. Barra minn hekk, tali raġunament kien ġie adottat fil-ġurisprudenza tal-arbitraġġ; ara f’dan ir-rigward, Petrobart Limited vs Ir-Repubblika Kirgiża (kawża CSS Nru 126/2003), sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2005, p. 72. Madankollu, fid-dawl tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(6)(f) tat-TKE li jien nipproponi li għandha tingħata, tali possibbiltà għandha tiġi eskluża. Ara l-punti 121 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 75 ) Id-dottrina tiddefendi l-idea li, fir-rigward tad-definizzjoni tal-kelma “investiment” li tinsab fl-Artikolu 1(6)(ċ) tat-TKE, għandu jsir riferiment biss għas-sens ordinarju ta’ din il-kelma. Fil-fatt, u kif sostna l-Gvern Pollakk fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-verżjoni bil-lingwa Ingliża tat-TKE tagħmel distinzjoni bejn il-kelma Ingliża “Investment”, fis-sens tat-TKE, immarkata b’ittra kapitali, u l-kelma Ingliża “investment”, fis-sens ordinarju tal-kelma u, din id-darba, mingħajr kapitali. L-“investimenti”, li għalhekk huma differenti mill-“investimenti” protetti mit-TKE, għandhom sens oġġettiv, kif imfakkar fil-punti 114, 115 u 116 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Issa, peress li l-Artikolu 1(6)(ċ) tat-TKE jispeċifika li kreditu għandu jirriżulta minn kuntratt “assoċjat ma’ investiment”, minn dan jirriżulta li l-kelma “investiment” għandha, f’dan il-każ, tinftiehem biss b’mod oġġettiv, permezz ta’ riferiment għas-sens normali tal-kelma. Dwar din l-idea, ara Baltag, C., The Energy Charter Treaty: The Notion of Investor, Kluwer Law International, Alphen aan den Rijn, 2012, p. 174. Madankollu, ma iniex kompletament konvint minn dan l-argument, li huwa bbażat biss fuq it-tipografija tat-test, li barra minn hekk wieħed ma jsibx fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha tat-TKE.

( 76 ) Il-kelma “investissement” hija b’mod partikolari ddefinita, bil-Franċiż, bħala l-“placement de fonds en vue d’obtenir des revenus”, Dictionnaire de l’Académie française, id-disa’ edizzjoni. Fl-Ingliż, “investment” hija ddefinita bħala “the act of putting money […] into something to make a profit”. Fuq l-iżvilupp tad-definizzjoni ta’ din il-kelma, ara Gilles, A., La définition de l’investissement international, Larcier, Brussell, 2012, p. 16 et seq.

( 77 ) Ara Salini Costruttori S.p.A. u Italstrade S.p.A. vs Ir-Renju tal-Marokk (kawża ICSID Nru ARB/00/4), sentenza tat‑23 ta’ Lulju 2001, 129 Ġurnal tad-dritt internazzjonali 196 (2002), punt 52. Fuq l-analiżi ta’ din il-ġurisprudenza ara, Pyka, M., op. cit., p. 63 sa 111, u Jeżewski, M., Międzynarodowe prawo inwestycyjne, Beck, C.H., Varsavja, 2019, p. 127 sa 134.

( 78 ) Ara, Baltag, C., op. cit., p. 167 sa 183, kif ukoll Kessedjian, C., u Pironon, V., op. cit., p. 206.

( 79 ) Ara b’mod partikolari, Masdar Solar & Wind Cooperatief U.A. vs Ir-Renju ta’ Spanja (kawża CIRDI Nru ARB/14/1), sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2018, punti 195 et seq., u Isolux Netherlands, BV vs Ir‑Renju ta’ Spanja (kawża CSS Nru V 2013/153), sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2016, punti 683 et seq.

( 80 ) Ara, Baltag, C., op. cit., p. 178 et seq., kif ukoll Audit, M., Journal de droit international (Clunet), 2020, Nru 3, p. 16.

( 81 ) Waqt is-seduta, Komstroy argumentat li l-kontribuzzjoni kienet tikkonsisti fil-provvista tal-elettriku. Iżda tali argument ma jistax ikun suffiċjenti sabiex jikklassifika l-kuntratt ta’ provvista tal-elettriku bħala “kuntratt assoċjat ma’ investiment”, għaliex dan ma jimplikax madankollu l-eżistenza ta’ riskju fir-rigward tad-dħul mistenni wara tali kontribuzzjoni.

( 82 ) B’mod partikolari permezz tal-mekkaniżmu ta’ soluzzjoni ta’ tilwim previst fl-Artikolu 26 tat-TKE. Minkejja li ċerti tranżazzjonijiet kummerċjali jippreżentaw kultant karatteristiċi li jiġġustifikaw il-klassifikazzjoni tagħhom bħala “investimenti”, ara dwar dan il-punt, Pyka, M., op. cit., p. 175 sa 181. Jiena ma naħsibx li tali analiżi tista’ tapplika hawn hekk.

( 83 ) Barra minn hekk, tali interpretazzjoni tirriżulta b’mod iktar ċar mill-verżjoni tat-TKE bil-lingwa Ingliża: “any right conferred […] by contract […] to undertake any economic activity in the energy sector” (kwalunkwe dritt konferit minn […] kuntratt […] biex wieħed jidħol għal xi attività ekonomika fis-settur ta’ l-enerġija) (korsiv miżjud minni).

( 84 ) L-eżempju tipiku ta’ tali dritt kuntrattwali huwa konċessjoni sabiex tiġi operata infrastruttura fit-territorju tal-parti kontraenti.

( 85 ) Ara l-punt 107 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 86 ) Ara l-punt 135 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 87 ) Nispeċifika li, minkejja li investiment imwettaq minn investitur ta’ Stat terz għat-TKE huwa effettivament investiment fis-sens tat-TKE, madankollu ma huwiex investiment protett mit-test, peress li d-dispożizzjonijiet sostantivi ta’ promozzjoni u ta’ protezzjoni ta’ investimenti jirreferu b’mod espliċitu u esklużiv għall-investimenti ta’ investituri tal-partijiet kontraenti. Ara b’mod partikolari, l-Artikolu 10 tat-TKE: “Kull Parti Kontraenti għandha […] tinkoraġġixxi u toħloq kondizzjonijet stabbli, ekwi, favorevoli u trasparenti għall-investituri ta’ Partijiet Kontraenti oħra biex jagħmlu investimenti fiż-żona tagħha. Dawn il-kondizzjonijiet għandhom jinkludu impenn biex jagħtu dejjem trattament ġust u ekwu lill-investimenti ta’ investituri ta’ Partijiet Kontraenti oħra” (korsiv miżjud minni).

( 88 ) Audit, M., op. cit.

( 89 ) U dan iktar u iktar peress li, fir-rigward tal-elettriku, huwa purament fittizju li tiġi immaġinata kunsinna mal-fruntiera. Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, in-networks elettriċi tal-Ukraina u tal-Moldova huma interkonnessi u huwa irraġonevoli li jiġi kkunsidrat li l-elettriku huwa kkonsenjat f’punt A u maħżun sakemm jiġi rkuprat mid-destinatarju fl-istess punt.

Top