Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CC0650

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali G. Hogan, ippreżentati fil-15 ta’ April 2021.
    Vialto Consulting Kft. vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Appell – Azzjoni għal danni – Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Strument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni – Ġestjoni deċentralizzata – Investigazzjoni mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) – Verifiki fuq il-post – Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96 – Artikolu 7 – Aċċess għal data tal-kompjuter – Operazzjoni forensika diġitali – Prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Dritt għal smigħ – Dannu morali.
    Kawża C-650/19 P.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section ;

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:297

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    HOGAN

    ippreżentati fil‑15 ta’ April 2021 ( 1 )

    Kawża C‑650/19 P

    Vialto Consulting Kft.

    vs

    Il-Kummissjoni Ewropea

    “Appell — Azzjoni għal danni — Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Strument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni — Ġestjoni deċentralizzata — Investigazzjoni mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) — Verifiki fuq il-post — Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96 — Artikolu 7 — Aċċess għal data tal-kompjuter — Operazzjoni forensika diġitali — Aspettattivi leġittimi — Dritt għal smigħ — Dannu morali”

    I. Introduzzjoni

    1.

    Permezz tal-appell tagħha, Vialto Consulting Kft. (iktar ’il quddiem “Vialto” jew l-“appellanti”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑26 ta’ Ġunju 2019, Vialto Consulting vs Il-Kummissjoni (T‑617/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:446; iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”). F’dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-azzjoni ta’ Vialto għal kumpens għad-dannu li hija allegatament kienet sofriet b’riżultat ta’ aġir allegatament illegali min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (iktar ’il quddiem l-“OLAF”) b’rabta mal-esklużjoni tagħha mill-kuntratt għall-provvista ta’ servizzi bir-referenza TR2010/0311.01‑02/001.

    2.

    Dan l-appell iqajjem kwistjoni importanti b’rabta mal-mod li bih l-OLAF iwettaq l-investigazzjonijiet esterni tiegħu, b’mod iktar speċifiku, dwar il-limiti ta’ operazzjonijiet forensiċi diġitali. Huwa jipprovdi wkoll opportunità sabiex jiġi ċċarat l-impatt ta’ impenji mogħtija mill-OLAF fil-bidu ta’ verifika fuq il-post fid-dawl tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi u tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt għal smigħ fi proċeduri li jinvolvu diversi awtoritajiet, bħall-OLAF, il-Kummissjoni u awtorità nazzjonali.

    3.

    L-importanza tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn il-proċeduri ta’ appell għall-prattika amministrattiva futura tal-OLAF meta tmexxi investigazzjonijiet esterni ma għandhiex, għalhekk, tkun sottovalutata. Qabel ma neżamina l-kwistjonijiet legali li jitqajmu, għalhekk, f’dan l-appell, l-ewwel jeħtieġ, madankollu, li nindirizza l-kuntest ġuridiku rilevanti.

    II. Il-kuntest ġuridiku

    A. Ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96

    4.

    L-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal‑11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra ( 2 ) jgħid li:

    “Il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post għandhom jiġu jsiru u jitmexxew mill-Kummissjoni b’kooperazzjoni mill-qrib ma’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru involut, li għandhom jiġu nnotifikati kmieni biżżejjed dwar l-oġġett, l-iskop u l-bażi legali tal-verifiki u l-ispezzjonijiet, sabiex dawn ikunu jistgħu jipprovdu l-għajnuna kollha meħtieġa. Għal dak il-għan, l-uffiċjali ta’ l-Istat Membru involut jistgħu jieħdu sehem fil-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post.

    Barra minn hekk, jekk l-Istat Membru involut hekk ikun jixtieq, il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post jistgħu jitwettqu flimkien mill-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru”.

    5.

    L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2185/96 jispeċifika x’jistgħu jagħmlu spetturi tal-Kummissjoni fil-kuntest ta’ verifiki u spezzjonijiet fuq il-post li jwettqu. Skont din id-dispożizzjoni:

    “1.   L-ispetturi tal-Kummissjoni għandu jkollhom aċċess, taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-ispetturi amministrattivi nazzjonali u b’konformità mal-leġislazzjoni nazzjonali, għall-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha dwar l-operazzjonijiet inkwestjoni li jkunu meħtieġa għat-tmexxija xierqa tal-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post. Dawn jistgħu jagħmlu użu mill-istess faċilitajiet ta’ spezzjoni bħala spetturi amministrattivi nazzjonali u b’mod partikolari jagħmlu kopja tad-dokumenti rilevantii.

    IL-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post jistgħu jinvolvu, partikolarment:

    kotba u dokumenti professjonali bħal fatturi, listi ta’ pattijiet u kundizzjonijiet, slips tal-paga, dikjarazzjonijiet ta’ materjal użat u xogħol magħmul, u dikjarazzjonijiet tal-bank li jkunu għand l-operaturi ekonomiċi,

    data tal-kompjuter,

    sistemi u metodi ta’ produzzjoni, ppakkjar u dispaċċ,

    verifiki fiżiċi dwar in-natura u l-kwantità ta’ oġġetti jew operazzjonijiet li tlestew,

    it-teħid u l-verifika ta’ kampjuni,

    il-progress ta’ xogħlijiet u investimenti li għalihom kien ġie pprovdut finanzjament, u l-użu magħmul minn investimenti li tlestew,

    dokumenti ta’ l-estimi u taż-żamma tal-kotba,

    l-implimentazzjoni finanzjarja u teknika ta’ proġetti sussidjati.

    2.   Fejn ikun meħtieġ, ikun għall-Istati Membri, fuq talba tal-Kummissjoni, li jieħdu l-miżuri prekawzjonarji xierqa taħt il-liġi nazzjonali, partikolarment sabiex jipproteġu l-evidenza.”

    B. Ir-Regolament (KE) Nru 718/2007

    6.

    L-Artikolu 10(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 718/2007 tat‑12 ta’ Ġunju 2007 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 tas‑17 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi strument għall-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni (IPA) ( 3 ) jgħid li:

    “Sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor f’paragrafi 2, 3 u 4, il-ġestjoni deċentralizzata, fejn il-Kummissjoni tħalli l-ġestjoni ta’ ċerti azzjonijiet f’idejn il-pajjiż benefiċjarju, filwaqt li żżomm ir-responsabbiltà finali għall-eżekuzzjoni tal-baġit ġenerali skond l-Artikolu 53c tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 u d-dispożizzjonijiet rilevantii tat-Trattati tal-KE, għandha tapplika għall-implimentazzjoni ta’ l-assistenza taħt ir-Regolament dwar l-IPA.”

    7.

    L-Artikolu 21(1) ta’ dak ir-regolament jipprovdi:

    “Il-pajjiż benefiċjarju għandu jinnomina l-entitajiet u l-awtoritajiet differenti li ġejjin:

    […]

    (f)

    struttura operattiva skond il-komponent jew il-programm ta’ l-IPA,

    […]”

    8.

    L-Artikolu 28(1) u (2) tar-Regolament Nru 718/2007, bit-titolu “Il-funzjonijiet u r-responsabbiltajiet ta’ l-istruttura operattiva”, jipprovdi:

    “1.   Għandha tiġi stabbilita struttura operattiva għal kull wieħed mill-programmi jew komponenti ta’ l-IPA, sabiex tieħu ħsieb il-ġestjoni u l-implimentazzjoni ta’ l-assistenza taħt ir-Regolament dwar l-IPA.

    L-istruttura opettiva għandha tkun entità jew ġabra ta’ entitajiet fi ħdan l-amministrazzjoni tal-pajjiż benefiċjarju.

    2.   L-istruttura operattiva għandha tkun responsabbli mill-ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-programm jew tal-programmi kkonċernati skond il-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba. […]”

    C. Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013

    9.

    L-Artikolu 3 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 ( 4 ) jirrigwarda investigazzjonijiet esterni mwettqa mill-OLAF, jgħid li:

    “1.   [L-OLAF] għandu jeżerċita s-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni mir-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96 biex iwettaq kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post fl-Istati Membri u, f’konformità mal-ftehimiet ta’ kooperazzjoni ta’ għajnuna reċiproka u kwalunkwe strument legali ieħor fis-seħħ, f’pajjiżi terzi u f’organizzazzjonijet internazzjonali.

    […]

    2.   Sabiex jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b’rabta ma’ ftehim jew deċiżjoni jew kuntratt ta’ għotja li jikkonċerna l-finanzjament tal-Unjoni, l-Uffiċċju, skont id-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti mir-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96, jista’ jwettaq verifiki u spezzjonijiet fuq il-post għand operaturi ekonomiċi affettwati.

    3.   Waqt il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post, il-persunal tal-Uffiċċju għandu jaġixxi, soġġett għal-liġi tal-Unjoni applikabbli, f’konformità mar-regoli u l-prattiki tal-Istati Membri kkonċernati u l-garanziji proċedurali previsti f’dan ir-Regolament.

    Fuq talba tal-Uffiċċju, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat għandha tagħti lill-persunal tal-Uffiċċju l-għajnuna li jkollu bżonn biex iwettaq il-kompiti tiegħu b’mod effettiv, kif speċifikat fl-awtorizzazzjoni bil-miktub imsemmija fl-Artikolu 7(2). Jekk dik l-għajnuna teħtieġ awtorizzazzjoni minn awtorità ġudizzjarja f’konformità mar-regoli nazzjonalii, għandha ssir applikazzjoni għal awtorizzazzjoni bħal din.

    L-Istat Membru kkonċernat għandu jiżgura, f’konformità [mar-Regolament Nru 2185/96], li l-persunal tal-Uffiċċju jitħalla jkollu aċċess, bl-istess termini u kundizzjonijiet bħal tal-awtoritajiet kompetenti tiegħu u f’konformità mal-liġi nazzjonali tiegħu, għall-informazzjoni u d-dokumenti kollha relatati mal-kwistjoni taħt investigazzjoni li jkunu meħtieġa biex il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post jitmexxew b’mod effettiv u effiċjenti.

    […]”

    D. Linji Gwida dwar Proċeduri Forensiċi Diġitali għall-Persunal tal-OLAF

    10.

    Il-Linji Gwida tal-OLAF dwar Proċeduri Forensiċi Diġitali għall-Persunal tal-OLAF (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida dwar Proċeduri Forensiċi Diġitali’) huma regoli interni adottati mill-OLAF li għandhom jiġu segwiti mill-persunal tal-OLAF fir-rigward tal-identifikazzjoni, il-ksib, l-immaġerija, il-ġbir, l-analiżi u l-konservazzjoni ta’ evidenza diġitali. Huma mfassla sabiex ikun implimentat, inter alia, l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2185/96 u huma jinsabu fis-sit internet tal-OLAF.

    11.

    L-Artikolu 4 tal-Linji Gwida dwar Proċeduri Forensiċi Diġitali bit-titolu “Tmexxija ta’ operazzjoni forensika diġitali – proċedura ġenerali” jipprovdi:

    “[…]

    4.3.   Malli tibda l-operazzjoni forensika diġitali, is-SED [(Speċjalista ta’ Evidenza Diġitali tal-persunal tal-OLAF)] għandu: (1) jieħu nota u jieħu ritratti tal-midja diġitali kollha li għandha tkun suġġetta għall-operazzjoni forensika, kif ukoll tal-inħawi fiżiċi u arranġamentali; (2) jagħmel inventarju tal-midja diġitali. L-inventarju għandu jkun inkluż fir-“Rapport ta’ Operazzjoni Forensika Diġitali”, u r-ritratti għandhom ikunu annessi miegħu.

    4.4.   B’mod ġenerali, is-SED għandu jmexxi l-kisba forensika diġitali sħiħa tal-mezzi msemmija fil-punt 4.3. Jekk prattikabbli, is-SED u l-investigatur għandhom flimkien preliminarjament jeżaminaw dawk il-mezzi sabiex jistabbilixxu data potenzjalment rilevanti għall-investigazzjoni u jeżaminaw jekk tkunx xierqa kisba forensika parzjali. Jekk ikun il-każ, is-SED jista’, minflok, imexxi kisba forensika parzjali tad-data. Għandha ssir reġistrazzjoni ta’ deskrizzjoni qasira tal-kontenut u n-numru ta’ referenza tal-każ mogħti mis-SED waqt li tkun qiegħda tinkiseb l-immaġni forensika diġitali.

    […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    12.

    L-Artikolu 8 tal-Linji Gwida dwar Proċeduri Forensiċi Diġitali huwa intitolat “Eżami tad-data miġbura matul operazzjoni forensika diġitali”. Skont din id-dispożizzjoni:

    “8.1.   Minnufih wara li jirritorna mill-operazzjoni forensika diġitali, is-SED għandu joħloq żewġ kopji ta’ riżerva tal-immaġni forensika diġitali fuq sostenn manjetiku, u jqegħidhom f’enveloppijiet issiġillati b’numri ta’ identifikazzjoni uniċi. […]

    8.2   Is-SED għandu jittrasferixxi l-immaġni forensika diġitali għas-server tal-fajl forensiku fil-laboratorju forensiku. Il-fajl hekk ittrasferit isir il-fajl tax-xogħol forensiku. Is-SED għandu jgħarraf lill-investigatur malli jkun tlesta l-fajl tax-xogħol forensiku.

    […]

    8.4   Meta l-fajl tax-xogħol forensiku jkun tlesta, l-investigatur għandu jniedi talbiet bil-miktub permezz taċ-CMS Intelligence Request Module biex isir indiċi tal-fajl tax-xogħol forensiku u, kif ikun xieraq, tinkiseb l-għajnuna tas-SED jew tal-analista operazzjonali sabiex tiġi identifikata data rilevanti għall-investigazzjoni. Din l-aħħar talba għandha tiddeskrivi l-għan tat-tiftix u t-tip ta’ evidenza u/jew prova jkun qiegħed ifittex l-investigatur. B’risposta għat-talba bil-miktub tal-investigatur u, flimkien mal-investigatur, is-SED għandu joħroġ data li tkun taqbel mal-kriterji ta’ tiftix mill-fajl tax-xogħol forensiku diġitali għal aċċess għal qari biss mill-investigatur.

    8.5   It-tiftix għal evidenza potenzjali huwa proċess dinamiku, u jista’ jinvolvi ripetizzjonijiet suċċessivi diversi. Il-proċess ta’ tiftix jista’ jinkludi tiftix għal traċċi ta’ data mħassra fi spazju mhux allokat, jispeċifika kliem ewlieni li jkollu jitfittex, jew jagħmel tiftix iktar kumpless bħal, pereżempju, għal espressjoni speċjali jew tiftix kronoloġiku.

    8.6   L-investigatur għandu jidentifika, bil-gwida tas-SED, informazzjoni potenzjalment rilevanti billi juża l-faċilitajiet tal-laboratorju forensiku. L-investigatur jista’ wkoll jitlob lis-SED jistampa jew jagħmel kopja elettronika ta’ fajls rilevanti, li għandha tiġi annessa mal-fajl rilevanti ta’ każ CMS. Kull tali trasferiment ta’ data mil-laboratorju tal-forensika għall-investigatur għandu jiġi rreġistrat fiċ-CMS Intelligence Request Module sabiex titħares il-katina ta’ evidenza.

    8.7   Malli jitlesta l-eżami tal-fajl tax-xogħol forensiku diġitali b’rabta mal-Intelligence Request imnedija mill-investigatur, is-SED għandu jħejji “Rapport ta’ Eżami Forensiku Diġitali” li fih jiġbor fil-qosor ir-riżultati tal-azzjonijiet forensiċi meħuda, u jelenka l-informazzjoni mogħtija lill-investigatur. Dan ir-rapport għandu jiġi anness mal-fajl rilevanti tal-każ CMS.

    8.8   Malli titlesta l-analiżi, l-analista li jkun għamilha għandu jħejji “Rapport ta’ Analiżi Operazzjonali” dwar l-informazzjoni li tkun oriġinat mill-fajl tax-xogħol forensiku diġitali u dwar ir-riżultati miksuba. Dan ir-rapport għandu jiġi anness mal-fajl rilevanti tal-każ CMS”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    III. Il-kuntest tat-tilwima

    13.

    Il-kuntest tat-tilwima ġie deskritt fil-punti 1 sa 23 tas-sentenza appellata. Jista’ jinġabar fil-qosor kif ġej.

    14.

    Vialto hija kumpannija rreġistrata skont il-liġi Ungeriża li tipprovdi servizzi ta’ konsulenza lil impriżi u entitajiet fis-setturi privati u pubbliċi.

    15.

    Fit‑22 ta’ April 2011, il-Kummissjoni Ewropea kkonkludiet ftehim finanzjarju mar-Repubblika tat-Turkija skont is-sistema ta’ ġestjoni deċentralizzata b’kontroll ex ante, li kienet tagħmel parti mill-programm nazzjonali għar-Repubblika tat-Turkija skont il-komponent “Assistenza għal Tranżizzjoni u Formazzjoni ta’ Istituzzjonijiet” tal-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA) previst fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 tas‑17 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA) ( 5 ). L-istruttura operattiva magħżula, fis-sens tal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 718/2007, kienet it-Taqsima Ċentrali tal-Finanzi u tal-Kuntratti (CFCU).

    16.

    Fis‑17 ta’ Diċembru 2013, ġiet ippubblikata sejħa għal kompetizzjoni għal kuntratt mogħti permezz ta’ proċedura ristretta għall-provvista ta’ servizzi esterni ta’ kontroll tal-kwalità fil-kuntest tal-proġett TR2010/0311.01 “Diġitizzazzjoni ta’ Sistema ta’ Identifikazzjoni ta’ Ħbula ta’ Artijiet” (iktar ’il quddiem il-“proġett inkwistjoni”) fis-Suppliment tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2013/S 244‑423607) bir-referenza EuropeAid/132338/D/SER/TR. L-għan tas-sejħa għal kompetizzjoni kien li jiġi konkluż kuntratt inizjali għal perijodu inizjali ta’ 26 xahar u għal baġit massimu ta’ EUR 4500000. L-awtorità kontraenti nominata fis-sejħa għal kompetizzjoni kienet iċ-CFCU.

    17.

    Fid‑19 ta’ Settembru 2014, il-kuntratt li kien jikkorrispondi għas-sejħa għal kompetizzjoni inkwistjoni ngħata lil konsorzju kkoordinat minn Agrotec SpA (iktar ’il quddiem il-“konsorzju”) kompost minn ħames parteċipanti, inkluża l-appellanti. Il-konsorzju ffirma l-kuntratt maċ-CFCU għall-provvista ta’ servizzi abbażi tar-referenza TR2010/0311.01‑02/001 (iktar ’il quddiem il-“kuntratt inkwistjoni”).

    18.

    Wara l-ftuħ ta’ investigazzjoni minħabba suspett ta’ atti ta’ korruzzjoni jew frodi mwettqa fil-kuntest tal-proġett inkwistjoni, abbażi tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 883/2013, l-OLAF iddeċieda li jwettaq verifiki u spezzjonijiet fil-bini tal-appellanti (iktar ’il quddiem il-“verifika fuq il-post”).

    19.

    Fis‑7 ta’ April 2016, l-OLAF ħareġ żewġ mandati li ħatru l-uffiċjali responsabbli sabiex iwettqu l-verifika fuq il-post u operazzjoni teknika forensika diġitali. Skont it-termini ta’ dawk il-mandati, l-għan tal-verifika fuq il-post kien li tinġabar l-evidenza miżmuma mill-appellanti tal-involviment possibbli tagħha fl-atti ta’ korruzzjoni u frodi allegatament imwettqa b’rabta mal-proġett inkwistjoni. L-għan tal-operazzjoni forensika diġitali kien li tinkiseb, inter alia, il-kopja forensika tal-assi diġitali kollha tal-appellanti użati għat-tmexxija tal-proġett inkwistjoni, bħal desktops, laptops, tablets, mezzi ta’ ħżin esterni jew mobbli, telefons ċellulari u l-mezzi l-oħra kollha li setgħu jkunu rilevanti għall-għanijiet tal-investigazzjoni, servers għal bdil ta’ data u servers għal bdil ta’ fajls, korrispondenza b’posta elettronika tal-appellanti u tal-impjegati tal-appellanti, kif ukoll il-kaxxi postali funzjonali li setgħu jintużaw għall-finijiet tal-investigazzjoni.

    20.

    Il-verifika fuq il-post u l-operazzjoni forensika diġitali twettqu mit‑12 sal‑14 ta’ April 2016. L-OLAF għamel rapport dwar kull spezzjoni ta’ kull jum. Kien innotat fir-rapport tal‑14 ta’ April 2016 li l-appellanti ma riditx tagħti lill-OLAF ċerta informazzjoni. L-appellanti ffirmat kull wieħed mir-rapporti u, fejn kien meħtieġ, għamlet kummenti.

    21.

    B’ittra tas‑6 ta’ Mejju 2016, l-appellanti ppreżentat ilment lill-OLAF li fiha hija kkontestat u kkummentat dwar ċerta informazzjoni li kien hemm f’dawk ir-rapporti. B’mod partikolari, hija qalet li kienet obbligata tikkoopera mal-OLAF biss fil-limitu tas-suġġett tal-investigazzjoni mmexxija mill-OLAF, jiġifieri, il-finanzjament tal-proġett inkwistjoni, u li, konsegwentement, kienet obbligata tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-OLAF biss informazzjoni relatata mas-suġġett ta’ dik l-investigazzjoni. Hija talbet lill-OLAF jieħu l-miżuri xierqa fid-dawl tal-ksur ta’ salvagwardji proċedurali mwettqa mill-aġenti tiegħu matul il-verifika fuq il-post. Fit‑18 ta’ Mejju 2016, l-OLAF irrikonoxxa li kien irċieva dak l-ilment.

    22.

    B’ittra tat‑8 ta’ Lulju 2016, l-OLAF wieġeb għall-ilment tal-appellanti. Wara li ġabar fil-qosor l-ilmenti tal-appellanti u tenna l-kamp ta’ applikazzjoni tas-setgħat investigattivi tiegħu, huwa sostna li l-investigaturi tiegħu kellhom id-dritt iwettqu immaġni forensiċi diġitali tal-hard disks tal-appellanti u li huwa kien waqqaf il-verifika fuq il-post minħabba li l-appellanti kienet naqset milli tikkoopera. L-appellanti, minn naħa, ma kinitx awtorizzatu jieħu kopja tal-informazzjoni magħżula minn qabel jew, konsegwentement, immaġni forensiċi diġitali magħmula u, min-naħa l-oħra, l-appellanti ma kinitx tat l-informazzjoni finanzjarja mitluba. L-OLAF żied jgħid li l-Artikolu 339 TFUE u l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 883/2013 jiżguraw li l-informazzjoni miġbura tkun kunfidenzjali. Huwa kkonkluda li, l-ewwel, l-uffiċjali tiegħu mexxew il-verifika fuq il-post skont il-limiti tas-setgħat tagħhom u, it-tieni, il-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tal-appellanti ma kinitx tikkostitwixxi raġuni leġittima li setgħet tfixkel l-investigazzjonijiet tagħhom. Huwa kkonkluda li ma kien twettaq ebda ksur tad-drittijiet proċedurali tal-appellanti matul l-ispezzjoni fuq il-post.

    23.

    B’ittra tal‑14 ta’ Settembru 2016, l-OLAF għarraf lill-appellanti li hija kienet meqjusa bħala persuna ta’ interess għall-finijiet tal-investigazzjoni dwar is-suspetti ta’ korruzzjoni jew frodi fir-rigward tal-proġett inkwistjoni. L-OLAF imbagħad stedinha tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha fi żmien għaxart ijiem.

    24.

    B’ittra tat‑23 ta’ Settembru 2016, l-appellanti ssottomettiet l-osservazzjonijiet tagħha lill-OLAF u qalet li hija kienet aġixxiet skont ir-regoli applikabbli u kienet ikkonformat mal-kundizzjonijiet kollha għal aċċess leġittimu mill-OLAF għad-data tagħha. Qalet li kienet lesta tissokta tikkoopera mal-OLAF u tagħtih aċċess għal kull data rilevanti li setgħet tinġabar għall-finijiet tal-investigazzjoni tal-OLAF.

    25.

    B’ittra tad‑29 ta’ Settembru 2016, iċ-CFCU għarrfet lil Agrotec bil-verifika fuq il-post fil-bini tal-appellanti u bil-fatt li l-appellanti ma kinitx tat il-kunsens tagħha sabiex l-OLAF jingħata aċċess għal ċerta informazzjoni mitluba minnu sabiex iwettaq l-investigazzjoni tiegħu. Żiedet tgħid li l-OLAF kien qies li, bl-aġir tagħha, l-appellanti kienet kisret l-Artikolu 25 tal-kundizzjonijiet ġenerali applikabbli għall-kuntratt inkwistjoni (iktar ’il quddiem il-“kundizzjonijiet ġenerali”) u li hija kienet eżaminat is-sitwazzjoni mad-dipartimenti rilevanti tal-Kummissjoni. Fl-aħħar nett, filwaqt li sostniet li, skont il-kundizzjonijiet ġenerali, Agrotec kienet l-unika interlokutriċi tagħha għall-kwistjonijiet kuntrattwali u finanzjarji kollha, iċ-CFCU għarrfet lil dik il-kumpannija li, minħabba dan, iċ-CFCU kienet qiegħda tissospendi l-ħlasijiet tal-fatturi mibgħuta minn Agrotec, għall-inqas sakemm tingħalaq l-investigazzjoni tal-OLAF.

    26.

    Fit‑30 ta’ Settembru 2016, Agrotec bagħtet lill-appellanti l-ittra taċ-CFCU li kienet waslitilha l-jum ta’ qabel. Hija talbet lil Vialto tikkjarifika minnufih mal-OLAF is-sitwazzjoni li hija nstabet fiha u, it-tieni, sabiex tgħarrafha, kif ukoll lill-membri l-oħra tal-konsorzju, b’kull nuqqas min-naħa tagħha li kien wassal sabiex tinfetaħ investigazzjoni mill-OLAF. Agrotec żiedet tgħid li kienet irriżervat id-dritt li tadotta l-miżuri meħtieġa, b’mod partikolari permezz taċ-CFCU, sabiex tħares l-interessi tagħha minn atti inkompatibbli mas-sħubija tagħhom li l-appellanti kienet allegatament wettqet.

    27.

    B’ittra tal‑4 ta’ Ottubru 2016, l-appellanti għarrfet lil Agrotec bil-progress tal-investigazzjoni tal-OLAF dwarha u bagħtet lil Agrotec il-korrispondenza li hija kienet skambjat mal-OLAF. Barra minn hekk, l-appellanti għarrfet lil Agrotec bir-raġunijiet għaliex hija qieset li ċ-CFCU ma kinitx iġġustifikata, fid-dawl tal-kundizzjonijiet ġenerali, meta ddeċidiet li tissospendi l-ħlasijiet relatati mal-kuntratt inkwistjoni.

    28.

    B’ittra tas‑6 ta’ Ottubru 2016, iċ-CFCU għarrfet lil Agrotec li l-OLAF kien għarrafha bl-investigazzjoni li huwa kien qiegħed imexxi u li, minħabba li l-miżuri li kellhom jittieħdu fir-rigward tal-appellanti ma kinux għadhom ġew adottati, il-Kummissjoni kienet irrakomandat li ċ-CFCU tissospendi l-ħlasijiet kollha lill-konsorzju sakemm tintemm l-investigazzjoni tal-OLAF.

    29.

    B’ittra tat‑13 ta’ Ottubru 2016, id-Direttorat-Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Politika tal-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir (iktar ’il quddiem id-“DĠ Tkabbir”) għarraf liċ-CFCU li l-appellanti kienet irrifjutat, kuntrarjament għall-Artikolu 25 tal-kundizzjonijiet ġenerali, li tikkoopera fl-investigazzjoni mmexxija mill-OLAF u talabha tieħu l-miżuri meħtieġa skont dawk il-kundizzjonijiet ġenerali u, f’dak ir-rigward, tqis bħala waħda mill-miżuri possibbli s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt inkwistjoni jew tal-parti esegwita mill-appellanti, abbażi tal- Artikoli 25 u 35 tal-kundizzjonijiet ġenerali. Id-DĠ Tkabbir żied jgħid li huwa jqis li l-ammonti mħallsa lill-appellanti skont il-kuntratt inkwistjoni ma kinux eliġibbli għal fondi mill-baġit tal-Unjoni u talab liċ-CFCU sabiex tistabbilixxi preċiżament dawk l-ammonti.

    30.

    B’ittra tad‑9 ta’ Novembru 2016, l-OLAF għarraf lill-appellanti li l-investigazzjoni tiegħu kienet ingħalqet, li r-rapport finali tiegħu dwar l-investigazzjoni kien intbagħat lid-DĠ Tkabbir, u bir-rakkomandazzjonijiet li huwa kien għamel lil dak id-DĠ li jieħu miżuri xierqa sabiex jiżgura l-applikazzjoni tal-proċeduri u tas-sanzjonijiet li jirriżultaw mill-ksur gravi mill-appellanti tal-kundizzjonijiet ġenerali.

    31.

    B’ittra tal‑11 ta’ Novembru 2016, iċ-CFCU għarrfet lil Agrotec bl-għeluq tal-investigazzjoni tal-OLAF u bil-konklużjoni ta’ dan tal-aħħar li l-appellanti kienet kisret l-Artikolu 25 tal-kundizzjonijiet ġenerali. Iċ-CFCU għarrfet ukoll lil Agrotec bid-deċiżjoni tagħha li teskludi lill-appellanti mill-kuntratt inkwistjoni, minn kull aspett, u sabiex tkompli teżegwixxi l-kuntratt, minflok ma tissospendih għalkollox kif kien irrakkomanda d-DĠ Tkabbir bħala waħda mill-miżuri possibbli. Konsegwentement, iċ-CFCU talbet li Agrotec jittermina minnufih l-attivitajiet tal-appellanti, jiġifieri mill‑11 ta’ Novembru 2016 u jieħu l-passi meħtieġa sabiex jeskludiha mill-konsorzju, jiġifieri, billi jabbozza addendum għall-kuntratt inkwistjoni.

    32.

    Fis‑17 ta’ Novembru 2016, Agrotec u l-membri tal-konsorzju, iżda mhux l-appellanti, iffirmaw addendum għall-ftehim ta’ kooperazzjoni milħuq bejniethom, li l-għan tiegħu kien li titwaqqaf diviżjoni ġdida ta’ xogħol bejn dawk il-membri. B’ittra tal‑5 ta’ Diċembru 2016, indirizzata liċ-CFCU, l-appellanti kkontestat l-esklużjoni tagħha mill-kuntratt inkwistjoni. Iċ-CFCU ma laqgħetx l-argumenti tal-appellanti b’ittra tal‑10 ta’ Jannar 2017. Fit‑13 ta’ Diċembru 2016, iċ-CFCU u Agrotec iffirmaw addendum għall-kuntratt inkwistjoni sabiex l-appellanti titneħħa mil-lista tal-membri tal-konsorzju u sabiex huma jisiltu l-konsegwenzi xierqa, partikolarment mill-aspett finanzjarju.

    33.

    B’ittra tas‑6 ta’ Jannar 2017, iċ-CFCU għarrfet lil Agrotec li l-ammont li kien jikkorrispondi mal-parteċipazzjoni tal-appellanti fit-twettiq tal-kuntratt inkwistjoni kien jammonta għal EUR 182 350.75 u li dak l-ammont ma kienx eliġibbli għal fondi mill-baġit tal-Unjoni minħabba li l-appellanti kienet kisret l-obbligi kuntrattwali tagħha.

    IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

    34.

    B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑7 ta’ Settembru 2017 Vialto ressqet azzjoni sabiex il-Kummissjoni tkun ordnata tħallasha kumpens ta’ EUR 320 944.56 għal danni materjali, u EUR 150000 għal danni morali, flimkien mal-interessi, liema danni kienu allegatament ikkawżati mill-aġir illegali tal-Kummissjoni u tal-OLAF b’rabta mal-esklużjoni tagħha mill-kuntratt inkwistjoni.

    35.

    Insostenn tar-rikors tagħha, Vialto invokat żewġ motivi relatati mal-illegalità tal-aġir tal-OLAF, billi allegat, l-ewwel, ksur tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2185/96 u, it-tieni, ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi. Barra minn dan, Vialto ssottomettiet ilment dwar l-illegalità tal-aġir tal-Kummissjoni, billi allegat ksur tad-dritt għal smigħ.

    36.

    Matul is-seduta li nżammet quddiem il-Qorti Ġenerali, Vialto rrinunzjat għat-talba tagħha għal kumpens għad-dannu materjali u naqqset is-somma li talbet bħala kumpens għad-dannu morali li allegatament sofriet għal EUR 25000, flimkien mal-interessi.

    37.

    Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, wara li kkonstatat li l-Kummissjoni kienet żbaljat meta kkontestat il-ġurisdizzjoni tagħha u, abbażi ta’ dan, l-ammissibbiltà tal-azzjoni, ċaħdet l-ilmenti kollha ta’ Vialto dwar l-illegalità tal-aġir tal-OLAF u tal-Kummissjoni u, konsegwentement, l-azzjoni kollha kemm hi.

    38.

    Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, l-ewwel u qabel kollox, li d-data li għaliha l-aġenti tal-OLAF talbu aċċess f’dan il-każ setgħet titqies rilevanti għall-investigazzjoni tal-OLAF u li l-produzzjoni ta’ immaġni forensika diġitali taqa’ taħt is-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni bl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2185/96. Hija mbagħad iddeċidiet li, meta talbu mingħand Vialto aċċess għal dik id-data għal analiżi, l-aġenti tal-OLAF ma kienu wettqu ebda ksur ta’ dik id-dispożizzjoni.

    39.

    Il-Qorti Ġenerali sussegwentement ma aċċettatx l-argumenti ta’ Vialto relatati mal-ksur mill-OLAF tad-dritt ta’ amministrazzjoni tajba, tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi. Fir-rigward ta’ dan tal-aħħar prinċipju, wara li fakkret il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu osservati sabiex persuna tkun tista’ tinvokah, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, f’dan il-każ, kien wara li Vialto kienet irrifjutat li tilqa’ t-talbiet skont il-liġi għal ġbir ta’ data mill-aġenti tal-OLAF li dan tal-aħħar ftiehem li jidderoga mill-proċedura stabbilita mil-Linji Gwida dwar Proċeduri Forensiċi Diġitali fir-rigward tal-post fejn id-data kienet inkisbet u pproċessata u s-sostenn diġitali użat għal dak l-għan.

    40.

    Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx l-ilment ta’ Vialto dwar il-ksur mill-Kummissjoni tad-dritt għal smigħ, billi kkonstatat, l-ewwel, li Vialto kienet ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-verifika fuq il-post permezz ta’ ittri indirizzati lill-OLAF u, it-tieni, li d-deċiżjoni li Vialto tkun eskluża mill-kuntratt inkwistjoni kienet ittieħdet miċ-CFCU, mingħajr ma din tal-aħħar kienet marbuta b’dikjarazzjoni f’dak ir-rigward mid-DĠ Tkabbir.

    V. It-talbiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    41.

    Permezz tal-appell tagħha, Vialto ssostni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

    tannulla s-sentenza appellata;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri u tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali.

    42.

    Vialto tispeċifika li, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tħassar is-sentenza appellata, hija kienet tħalli d-diskrezzjoni fi ħdan il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi jekk il-kawża tintbagħatx lura għand il-Qorti Ġenerali għas-sentenza.

    43.

    Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

    tiċħad l-appell bħala infondat;

    tikkundanna lil Vialto għall-ispejjeż.

    VI. L-appell

    44.

    L-appellanti tinvoka tliet aggravji insostenn tal-appell tagħha.

    45.

    L-ewwel u qabel kollox, permezz tal-ewwel aggravju, Vialto tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet distorsjoni tal-fatti u żbalji ta’ liġi fl-applikazzjoni tagħha tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2185/96. Sussegwentement, permezz tat-tieni aggravju, Vialto ssostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat fid-dritt u ma mmotivatx biżżejjed is-sentenza tagħha dwar l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi. Fl-aħħar nett, permezz tat-tielet aggravju, Vialto tallega distorsjoni tal-fatti u żbalji ta’ liġi b’rabta mal-ksur tad-dritt għal smigħ. Nipproponi issa li nqis kull wieħed minn dawn l-aggravji wieħed wara l-ieħor.

    A. Fuq l-ewwel aggravju dwar id-distorsjoni u l-iżbalji ta’ liġi relatati mal-allegat ksur tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2185/96 mill-OLAF

    1.   L-argumenti tal-partijiet

    46.

    Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti tagħmel riferiment għall-punti 74, 75, 77, 79, 80 u 83 tas-sentenza appellata u ssostni li dawk il-punti kienu vvizzjati b’diversi distorsjonijiet ta’ fatti u bi żbalji ta’ liġi, fis-sens li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-OLAF ma kienx kiser l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2185/96. Dan l-ewwel aggravju jinqasam, essenzjalment, fi tliet partijiet.

    a)   L-ewwel parti (punt 80 tas-sentenza appellata)

    47.

    Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti tissottometti li l-Qorti Ġenerali għawġet il-fatti b’żewġ modi u, għalhekk, għamlet żball ta’ liġi.

    48.

    L-ewwel nett, hija tikkontendi li l-proċeduri mressqa kontra l-Kummissjoni ma kinux dwar il-validità tat-talba tal-OLAF għal aċċess għad-data elenkata mill-Qorti Ġenerali fil-punt 71 tas-sentenza appellata, iżda dwar il-validità tat-talba tal-OLAF li huwa jkun awtorizzat jiġbor, jiġifieri jneħħi u jieħu affarijiet li ma kellhomx x’jaqsmu mal-investigazzjoni. Il-Qorti Ġenerali, għalhekk, evalwat ħażin il-fatti u ddeċidiet dwar kwistjoni li qatt ma tqajmet fil-kuntest ta’ dan il-każ, jiġifieri d-dritt li ssir investigazzjoni dwar id-data tal-impriża investigata minflok ma hija eżaminat id-dritt ta’ ġbir ta’ data mhux relatata mal-kwistjoni investigata. It-tieni nett, l-appellanti targumenta wkoll li dik il-konfużjoni wasslet għal żball ta’ liġi minħabba li l-Qorti Ġenerali messha interpretat l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2185/96 bħala li ma kienx jagħti dritt estensiv ta’ investigazzjoni applikabbli għad-data kollha milquta minn dik id-dispożizzjoni, iżda pjuttost wieħed limitat biss għal dritt ta’ ġbir fir-rigward ta’ data relatata mal-kwistjoni investigata. It-tielet nett, kuntrarjament għal dak li jgħid il-punt 80 tas-sentenza appellata, Vialto effettivament tat aċċess lill-OLAF – jiġifieri d-dritt li jinvestiga – għas-seba’ kategoriji ta’ data elenkati fil-punt 71 ta’ dik l-istess sentenza.

    49.

    Il-Kummissjoni taqbel ma’ kif irraġunat il-Qorti Ġenerali u tqis li jsegwi mill-formulazzjoni tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2185/96, li espressament tipprovdi għal aċċess għal u kopjar ta’ data, u li l-produzzjoni u t-trasport ta’ immaġnijiet forensiċi diġitali fil-bini tal-OLAF ikun skont is-setgħat tal-Kummissjoni.

    50.

    Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali fehmet kompletament is-suġġett tat-tilwima u qieset jekk l-OLAF kienx talab b’mod legali li jiġbor id-data kontestata għall-finijiet tal-investigazzjoni tiegħu. L-ewwel nett, il-Kummissjoni hija tal-fehma li Vialto tiddistingwi arbitrarjament bejn aċċess għal u ġbir ta’ data. Fil-kuntest ta’ analiżi forensika diġitali, tali distinzjoni hija impossibbli u żbaljata. Fil-fatt, sabiex ikollu effett utli, tali aċċess jeħtieġ il-ġbir tad-data kkonċernata sabiex tiġi pproċessata permezz ta’ software speċifiku. Ikun biss wara dawk l-istadji differenti li kontrolluri tal-OLAF ikunu jistgħu jkollhom aċċess effettiv għad-data kkonċernata. It-tieni nett, l-użu mill-Qorti Ġenerali tal-kliem “aċċess għad-data” fil-punt 80 tas-sentenza appellata ma jistax jitqies bħala misrappreżentazzjoni tal-fatti. Tali aċċess kien ikun intalab direttament għal ċerta data, bħal tranżazzjonijiet, u indirettament għal data oħra, jiġifieri, sabiex issir immaġni forensika diġitali. Madankollu, Vialto allegatament ma ħallietx ikun hemm aċċess effettiv għad-data kkonċernata.

    b)   It-tieni parti (punti 74, 75 u 83 tas-sentenza appellata)

    51.

    Fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti tressaq sensiela ta’ argumenti bil-għan li jiġu stabbiliti żbalji mill-Qorti Ġenerali b’rabta mas-setgħa tal-OLAF li jiġbor data.

    52.

    Fl-ewwel lok, l-appellanti tgħid li l-Qorti Ġenerali żbaljat fid-dritt meta ma ġġustifikatx il-konstatazzjoni, magħmula fil-punt 74 tas-sentenza appellata, li d-data li l-OLAF talab li tinġabar kienet relatata mal-operazzjonijiet inkwistjoni u kienet meħtieġa sabiex titmexxa sewwa l-verifika fuq il-post fis-sens tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2185/96. Fit-tieni lok, tali konstatazzjoni kienet tkun arbitrarja u, għalhekk, ivvizzjata bi żball ta’ liġi, minħabba li ma jistax jitqies, qabel tfittxija ta’ kelma ewlenija, li d-data kollha mitluba mill-OLAF kienet relatata mal-operazzjonijiet inkwistjoni milquta mill-investigazzjoni u kienet meħtieġa għal dik l-investigazzjoni. Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali wettqet distorsjoni tal-fatti billi kkonstatat, fil-punt 75 tas-sentenza appellata, li Vialto oġġezzjonat biss għall-ġbir ta’ dik id-data fuq sostenni diġitali sabiex jittieħdu l-bini tal-OLAF. Sa mill-bidu u f’termini ġenerali, Vialto opponiet il-ġbir ta’ data li ma kinitx relatata mal-proġett mistħarreġ.

    53.

    Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni taqbel ma’ kif irraġunat il-Qorti Ġenerali u tqis li l-ġbir tad-data mitluba kien meħtieġ sabiex il-verifika fuq il-post titmexxa sewwa.

    54.

    L-ewwel, il-konstatazzjoni fil-punt 74 tas-sentenza appellata hija bbażata fuq in-natura tal-operazzjonijiet forensiċi diġitali u, għalhekk, bl-ebda mod ma hija arbitrarja. It-tieni, it-talba sabiex tinġabar data mill-OLAF ma kinitx relatata mad-data kollha ta’ Vialto, iżda biss ma’ elementi ddefiniti abbażi tal-kriterji oġġettivi ta’ rationae personae u rationae temporis. Vialto tinterpreta b’mod żbaljat l-operazzjonijiet forensiċi diġitali meta hija taħseb li hija meħtieġa tfittxija għal kelma ewlenija qabel ġbir ta’ data. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkonfermat fis-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2018, Nexans France u Nexans vs Il-Kummissjoni (T‑449/14EU:T:2018:456), il-validità tal-metodoloġija inkwistjoni fil-kuntest tal-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kompetizzjoni skont l-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE] ( 6 ). It-tielet, il-Qorti Ġenerali sempliċement għamlet riferiment, fil-punt 75 tas-sentenza appellata, għall-oppożizzjoni ta’ Vialto għall-ħżin tad-data fuq sostenni diġitali li mbagħad kienu jittieħdu fil-bini tal-OLAF, li Vialto ma ċaħditx.

    c)   It-tielet parti (punti 77 u 79 tas-sentenza appellata)

    55.

    Permezz tat-tielet parti tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti tissottometti li l-Qorti Ġenerali żbaljat fid-dritt meta ma laqgħetx bħala irrilevanti l-argumenti ta’ Vialto bbażati fuq ir-rispett għas-segretezza professjonali u fuq il-klawżoli ta’ kuntratti konklużi mal-imsieħba kummerċjali tagħha li hija kienet invokat sabiex tkun konformi mar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni. Tali argumenti jkunu rilevanti sabiex jiġi stabbilit ksur mill-OLAF tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2185/96, minħabba li għandhom juru li r-riżervi magħmula minn Vialto fir-rigward tal-ġbir ta’ data mhux relatata mal-investigazzjoni kienu ġġustifikati. Madankollu, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, Vialto kien ikun jeħtiġilha ġġib prova li l-formulazzjoni ta’ tali riżervi ma kinitx tikkostitwixxi abbuż ta’ drittijiet. L-appellanti żżid tissottometti li l-Qorti Ġenerali wettqet distorsjoni tal-fatti meta ddeċidiet li l-OLAF ma setax jitqies li kien ġegħilha tikser is-segretezza professjonali tagħha jew it-termini tal-kuntratti konklużi mal-imsieħba kummerċjali tagħha, minħabba li hija bl-ebda mod ma qalet li hija kienet imġiegħla mill-OLAF taġixxi b’dak il-mod.

    56.

    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tikkonkludi li t-tielet parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda, minħabba li hija ineffettiva u, f’kull każ, infondata.

    57.

    L-ewwel nett, l-argumenti bbażati fuq is-segretezza professjonali u fuq il-klawżoli kuntrattwali relatati b’rabta ma’ prova ta’ abbuż li seta’ kien hemm ta’ drittijiet min-naħa tal-Kummissjoni huma allegazzjoni ġdida u huma, għalhekk, inammissibbli. F’kull każ, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod korrett, fil-punt 78 tas-sentenza appellata, li meta kienu invokati klawżoli ta’ kunfidenzjalità f’kuntratti konklużi mal-imsieħba kummerċjali ta’ Vialto, dan kien irrilevanti minħabba l-obbligu tad-dmir ta’ diskrezzjoni tal-aġenti tal-OLAF. It-tieni nett, dwar il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-OLAF ma ġegħilx lil Vialto tagħti informazzjoni kunfidenzjali, Vialto tat interpretazzjoni ħażina tas-sentenza appellata, minħabba li tali konstatazzjoni kienet twassal biss għall-konklużjoni li eżami ulterjuri tal-klawżoli ta’ kunfidenzjalità kienet superfluwa.

    2.   Analiżi

    58.

    It-tielet parti tal-ewwel aggravju hija relatata ma’ kwistjoni speċifika. Essenzjalment, madankollu, l-ewwel żewġ partijiet ta’ dan l-aggravju jikkonċernaw l-istess kwistjonijiet – jiġifieri, sa fejn jaslu s-setgħat tal-OLAF fil-kuntest ta’ operazzjoni forensika diġitali skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2185/96 – u kemm jistgħu jiġu ttrattati flimkien b’mod konvenjenti.

    a)   Fuq l-ewwel żewġ partijiet

    59.

    Qabel ma nanalizza l-mertu tal-argumenti tal-appellanti żviluppati fil-kuntest tal-ewwel żewġ partijiet tal-ewwel aggravju tagħha, irrid nindirizza, sabiex niċħadhom, l-argumenti bbażati fuq id-distorsjoni ta’ fatti u l-assenza ta’ motivazzjoni allegata f’dawk l-ewwel żewġ partijiet.

    1) Distorsjoni ta’ fatti u assenza ta’ motivazzjoni

    60.

    L-ewwel nett, b’referenza għall-punt 80 tas-sentenza appellata, l-appellanti targumenta li l-Qorti Ġenerali evalwat ħażin il-fatti u ddeċidiet dwar kwistjoni li qatt ma tqajmet fil-kuntest ta’ dan il-każ, jiġifieri, id-dritt li ssir investigazzjoni dwar id-data ta’ Vialto minflok ma eżaminat id-dritt li tinġabar data li ma tkunx relatata mal-materja investigata.

    61.

    Min-naħa tiegħi, ma naħsibx li jista’ jkun hemm b’mod korrett tali interpretazzjoni tal-punt 80 tas-sentenza appellata fid-dawl ta’ dak li jingħad fil-punti 62 u 75 tal-istess sentenza. Minn naħa, il-Qorti Ġenerali tgħid, fil-punt 62 tas-sentenza appellata, li l-appellanti tilmenta li l-OLAF talab li jkun hemm il-possibbiltà li tinġabar data mhux relatata mal-investigazzjoni inkwistjoni bi ksur tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2185/96. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali żżid tgħid ukoll fil-punt 75 tas-sentenza appellata li l-appellanti ssostni li hija ppermettiet investigaturi tal-OLAF ikollhom aċċess għad-data kollha mitluba, iżda li hija kienet oġġezzjonat għall-ġbir ta’ dik id-data. Huwa, għalhekk, ċar minn dawk iż-żewġ dikjarazzjonijiet li l-Qorti Ġenerali kienet fehmet perfettament x’kienu attwalment il-kontenzjonijiet tal-appellanti fir-rigward tal-OLAF u, għalhekk, is-suġġett tal-azzjoni mressqa quddiemha.

    62.

    It-tieni nett, il-punt 75 tas-sentenza appellata jidher li kien interpretat ħażin mill-appellanti. Fil-fatt, f’dak il-punt il-Qorti Ġenerali sempliċement tinnota l-oppożizzjoni ta’ Vialto għall-ġbir ta’ data fuq sostenn diġitali li kellu “jħalli l-bini tagħha”, li Vialto ma tikkontestax. Madankollu, dak il-punt ma jikkonċernax jekk is-sostenn diġitali użat huwiex proprjetà ta’ Vialto.

    63.

    It-tielet nett, għandu jiġi nnotat li l-punt 80 tas-sentenza appellata jikkostitwixxi l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2185/96. Kuntrarjament għal dak li huwa allegat mill-appellanti, ma fih ebda referenza, espliċita jew impliċita, għall-aġir ta’ Vialto. Għalhekk, ma hemm xejn x’juri fil-punt 80 tas-sentenza appellata li l-appellanti ma tatx aċċess għall-kategoriji ta’ data elenkati fil-punt 71 tas-sentenza appellata. Barra minn hekk, tali konstatazzjoni lanqas ma tista’ tkun dedotta mill-punti preċedenti tas-sentenza appellata.

    64.

    Ir-raba’ nett, l-appellanti tikkritika l-assenza ta’ motivazzjoni insostenn tal-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 74 tas-sentenza appellata – li skontha d-data li l-OLAF talab li tinġabar kellha titqies bħala relatata mal-operazzjonijiet inkwistjoni u meħtieġa għat-tmexxija sewwa tal-verifika fuq il-post fis-sens tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2185/96.

    65.

    Madankollu, kif juri l-kliem “Ως εκ τούτου” fil-lingwa proċedurali tas-sentenza appellata – li jista’ jiġi tradott bħala “għaldaqstant” jew “għalhekk” – dak il-punt huwa konklużjoni intermedja bbażata fuq l-osservazzjonijiet preċedenti tal-Qorti Ġenerali, u b’mod iktar speċifiku, fuq dawk magħmula fil-punti 66 sa 73. Id-dikjarazzjoni fil-punt 74 tas-sentenza appellata, għalhekk, tagħmel sens perfettament u hija motivata biżżejjed.

    2) Żbalji ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2185/96

    66.

    Permezz ta’ żewġ aggravji distinti, l-appellanti tikkritika l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2185/96 magħmula mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata fil-kuntest speċifiku ta’ operazzjoni forensika diġitali. L-ewwel u qabel kollox, kuntrarjament għall-interpretazzjoni adottata, il-Qorti Ġenerali messha interpretat dik id-dispożizzjoni bħala li ma tkoprix dritt wiesa’ ta’ investigazzjoni applikabbli għad-data kollha koperta minn dik id-dispożizzjoni, iżda biss għal dritt ta’ ġbir ristrett għal data marbuta mal-materja investigata. Allura, l-interpretazzjoni hekk adottata hija wkoll arbitrarja minħabba li wieħed ma setax jassumi li, minħabba li ma kinitx saret tfittxija għal kelma ewlenija, id-data kollha mitluba mill-OLAF kienet relatata mal-operazzjonijiet milquta mill-investigazzjoni u setgħet, għalhekk, tinġabar.

    67.

    Ikun utli wieħed jiftakar hawnhekk li l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2185/96 jipprovdi li spetturi tal-Kummissjoni għandhom, minn naħa, “jkollhom aċċess, taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-ispetturi amministrattivi nazzjonali u b’konformità mal-leġislazzjoni nazzjonali, għall-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha dwar l-operazzjonijiet inkwistjoni li jkunu meħtieġa għat-tmexxija xierqa tal-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post [u, min-naħa l-oħra,] [d]awn jistgħu […] jagħmlu kopja tad-dokumenti relevanti.” ( 7 )

    68.

    Ma huwiex ikkontestat li operazzjonijiet forensiċi diġitali mwettqa mill-OLAF skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2185/96 huma problematiċi ( 8 ). Wieħed jeħtieġlu jara l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda [ir-Regolament Nru 883/2013] dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) fir-rigward tal-kooperazzjoni mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u l-effettività tal-investigazzjonijiet tal-OLAF ( 9 ) u għall-evalwazzjoni tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2013 li ġiet qabel dik il-proposta ( 10 ).

    69.

    Fil-fatt, dik l-evalwazzjoni tikkonkludi, inter alia, li hemm assenza ta’ affarijiet ċari u speċifiċi dwar is-setgħat tal-OLAF li jmexxi operazzjonijiet forensiċi diġitali. Skont ir-rapport finali tal-evalwazzjoni tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2013, dawk il-mankanzi huma dovuti għal żewġ fatturi. L-ewwel fattur huwa li s-setgħat tal-OLAF li jmexxi operazzjonijiet forensiċi diġitali matul investigazzjonijiet esterni jiddependu minn regoli u prattika nazzjonali, li jvarjaw minn Stat Membru għal Stat Membru ieħor, u li ma humiex ċari jew inkella ma jeżistux ( 11 ).

    70.

    Il-problema identifikata f’dik il-parti tal-evalwazzjoni tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2013 hija, għalhekk, fil-verità, il-mod kif jirrelataw bejniethom, minn naħa, ir-Regolament Nru 2185/96 u r-Regolament Nru 883/2013 u, min-naħa l-oħra, il-qafas leġiżlattiv nazzjonali li fih isseħħ l-operazzjoni forensika diġitali.

    71.

    Madankollu, f’dan il-każ, jidher mir-rapport dwar il-verifika fuq il-post ta’ Vialto tat‑12 ta’ April 2016 li rappreżentant Ungeriż tal-Istruttura ta’ Koordinazzjoni Kontra l-Frodi (AFCOS) kien preżenti f’dan l-ewwel jum tal-verifika. Barra minn hekk, ma huwiex qiegħed jiġi allegat li l-operazzjoni forensika diġitali, kif iddefinita fl-awtorizzazzjoni maħruġa lill-investigaturi tal-OLAF mid-Direttur Ġenerali tal-OLAF kisret regoli applikabbli jew twettqet kontra l-opinjoni tal-uffiċjal nazzjonali preżenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kwistjoni li tqum hija, għalhekk, limitata sabiex jiġi stabbilit liema tip ta’ tiftix forensiku diġitali huwa permess esklużivament abbażi tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2185/96.

    72.

    Jekk tiġi eżaminata l-formulazzjoni tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2185/96, jistgħu jinsiltu żewġ affarijiet. L-ewwel u qabel kollox, it-tieni subparagrafu ta’ dik id-dispożizzjoni jispeċifika espressament li verifiki u spezzjonijiet fuq il-post jistgħu jikkonċernaw data tal-kompjuter. Sussegwentement, isegwi mill-ewwel subparagrafu tal-istess dispożizzjoni li dan neċessarjament jimplika aċċess għall-informazzjoni u d-dokumenti kollha li jkun hemm fid-data tal-kompjuter relatati mal-operazzjonijiet inkwistjoni li jkunu meħtieġa għat-tmexxija tajba tal-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post u mad-dritt li jittieħdu kopji tad-dokumenti rilevanti. Il-formulazzjoni, għalhekk, tissuġġerixxi differenza bejn id-dritt għal aċċess, li minħabba ħtieġa prattika għandu jkun wiesa’, u d-dritt għal kopja, li għall-kuntrarju, huwa limitat għal data rilevanti biss. Dan huwa konsistenti: sabiex tinstab l-informazzjoni rilevanti jeħtieġ li jsir tiftix kull fejn din l-informazzjoni tkun tista’ tinstab.

    73.

    Tali interpretazzjoni hija kkonfermata mill-kuntest li fih issir il-verifika fuq il-post u mill-għan tagħha. Fil-fatt, kif previst fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 2185/96, rapport li jieħu kont tal-verifika jew tal-ispezzjoni fuq il-post u “il-materjal u d-dokumenti ta’ sostenn li ssir riferenza għalihom fl-Artikolu 7” tar-Regolament Nru 2185/96 għandhom jiġu annessi magħha. Rapporti magħmula b’dan il-mod jikkostitwixxu evidenza ammissibbli fi proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji tal-Istat Membru li fih l-użu tagħhom juri li jkunu meħtieġa. Madankollu, huma biss dokumenti relatati mal-ksur li jkun is-suġġett ta’ proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja – fi kliem ieħor, rilevanti għal dawn il-proċeduri – li aktarx, mid-definizzjoni tagħhom, ikunu jikkostitwixxu evidenza ammissibbli.

    74.

    Fil-kuntest ta’ operazzjoni forensika diġitali, dan jimplika li l-OLAF għandu jkollu aċċess għad-data kollha tal-kompjuter li jkun hemm fil-mezzi koperti mill-awtorizzazzjoni mogħtija mid-Direttur Ġenerali tal-OLAF sabiex ikun jista’ jiġi stabbilit liema minn dik id-data tkun relatata mal-operazzjoni inkwistjoni. Din l-identifikazzjoni hija biss possibbli jekk tinkiseb “kopja forensika diġitali” iddefinita fil-Linji Gwida dwar Proċeduri Forensiċi Diġitali bħala “il-kopja (bitwise) forensika tad-data oriġinali li tkun f’sostenn ta’ ħżin diġitali […] maħżuna f’format binarju b’valur hash uniku” ( 12 ). Dan il-ġbir ta’ data permezz ta’ “kopja-immaġni” ma għandux, għalhekk, jiġi konfuż ma’ kopji ta’ dokumenti kif previst fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2185/96. Din l-immaġni forensika diġitali hija indispensabbli minn perspettiva tat-teknoloġija tal-informatika minħabba li hija din l-immaġni li permezz tagħha jistgħu jsiru tfittxijiet għal kliem ewlieni, billi jintuża software forensiku speċifiku tal-kompjuter, li għandu jidentifika d-data relatata mal-proġett inkwistjoni. Ikun biss wara dan l-istadju fil-proċess – jiġifieri, wara li s-software ikun identifika ċerti dokumenti bħala potenzjalment rilevanti – li investigaturi tal-OLAF ikunu awtorizzati jkollhom aċċess għall-kontenut tagħhom u, għalhekk, jidentifikaw l-informazzjoni rilevanti fis-sens tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2185/96 ( 13 ). Huma, mbagħad, ikunu jistgħu, jekk ikun meħtieġ, jagħmlu kopja tagħhom li għandha tiġi annessa mar-rapport. Fi kliem ieħor, il-“kopja-immaġni” inizjalment titqies biss għal finijiet ta’ eżami.

    75.

    Barra minn dan, l-indiċjar ta’ data bl-użu ta’ software forensiku tal-kompjuter u sussegwentement l-eżami bir-reqqa tad-data indiċjata jieħdu żmien kunsiderevoli, l-iktar minħabba li impriżi llum jaħżnu elettronikament kwantitajiet sostanzjali ta’ data. Din il-karatteristika tat-teknoloġija tal-informatika tispjega wkoll għaliex l-OLAF jistrieħ fuq kopja tad-data sabiex jagħmel l-eżami tiegħu. Dan huwa ta’ ġid kemm għall-OLAF kif ukoll għall-impriża kkonċernata, li tkun tista’, għalhekk, tissokta tuża d-data oriġinali u s-sostenni li fuqhom tkun maħżuna d-data. L-interferenza fil-funzjonament tal-impriża kkawżata bl-ispezzjoni tal-OLAF, għaldaqstant, titnaqqas ( 14 ). Għall-kuntrarju, projbizzjoni ġenerali ta’ teħid ta’ kopji ta’ data mingħajr eżami minn qabel tkun tidher ta’ ostakolu mhux xieraq u, għalhekk, inġustifikat sabiex l-OLAF jeżerċita s-setgħat li jispezzjona, liema ostakolu jmur lil hinn minn dak li jkun meħtieġ sabiex jitħarsu d-drittijiet tal-impriżi kkonċernati. Tali projbizzjoni, għalhekk, tkun qiegħda tirrestrinġi indebitament l-effikaċja ta’ investigazzjonijiet bħala għodda meħtieġa sabiex l-OLAF tkun tista’ teżerċita l-funzjoni tagħha fil-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni jew kull attività illegali oħra li tolqot l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. ( 15 )

    76.

    F’dawk iċ-ċirkustanzi, ma narax raġuni għaliex l-OLAF ma setax jiddeċiedi, skont iċ-ċirkustanzi, li jeżamina d-data li kien hemm fil-carrier tad-data diġitali tal-impriża spezzjonata mhux b’riferiment għall-oriġinali, iżda b’riferiment għal “kopja-immaġni” ta’ dik id-data. Fil-fatt, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dan l-aħħar għal proċedura simili mmexxija mill-Kummissjoni skont ir-Regolament Nru 1/2003, “Il-Kummissjoni […] teżamina d-data oriġinali kif ukoll fil-każ li hija tanalizza l-kopja ta’ din id-data.” ( 16 )

    77.

    Huwa minnu li, kuntrarjament għall-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2185/96 u l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 883/2013, l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1/2003 ma jirreferix għal-leġiżlazzjoni nazzjonali meta l-Kummissjoni tintalab timplimenta s-setgħat tagħha ta’ spezzjoni f’materji ta’ kompetizzjoni. Madankollu, kif diġà indikajt, minn naħa, ma huwiex allegat, f’din il-kawża, li l-liġi nazzjonali applikabbli kienet inkisret u, min-naħa l-oħra, li proprju l-prinċipju ta’ aċċess għal data tal-kompjuter ta’ impriża kkontrollata huwa espressament awtorizzat skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2185/96.

    78.

    Għalhekk, kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, u billi tkun adottata l-analiżi tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Nexans France u Nexans vs Il-Kummissjoni (C‑606/18 P, EU:C:2020:571, punt 63), id-dritt tal-OLAF għal aċċess għal settijiet ta’ posta elettronika, il-hard drive ta’ laptop jew id-data maħżuna fis-server tal-kumpannija kontrollata, u sabiex issir kopja-immaġni (jiġifieri “immaġni forensika diġitali”), jikkostitwixxi stadju intermedju fl-eżami tad-data li tkun hemm f’dawk is-settijiet u f’dawk il-midja. B’dan il-metodu, dokumenti li possibbilment jikkostitwixxu evidenza jinfirdu mid-data li jkun fadal f’operazzjonijiet ta’ għarbiel li jsiru wara l-ħolqien ta’ immaġni forensika diġitali ( 17 ). Tali “ikkopjar” għall-finijiet ta’ għarbiel, għalhekk, ma jikkostitwixxix xi intervent ikbar mill-għarbiel innifsu. Bħala tali, dan ma jikkostitwixxix setgħa addizzjonali mogħtija lill-OLAF, iżda, kif qalet b’mod korrett il-Qorti Ġenerali fil-punti 75 u 80 tas-sentenza appellata, huwa konformi mas-setgħa ta’ eżami li għandu l-OLAF mogħtija lilu mill-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2185/96, liema setgħa tista’ tkun meħtieġa sabiex il-verifika fuq il-post inkwistjoni ssir sewwa.

    79.

    Naturalment, tali kkopjar ta’ data mingħajr eżami minn qabel għandu jkun permess jekk l-OLAF mbagħad iqis jekk id-data tkunx rilevanti għas-suġġett tal-ispezzjoni, f’konformità stretta mad-drittijiet tal-impriża kkonċernata, qabel ma dawk id-dokumenti kkonstatati bħala rilevanti jitqiegħdu fil-fajl u l-bqija tad-data kkopjata titħassar ( 18 ).

    80.

    Għall-mistoqsija fis-seduta tal‑10 ta’ Frar 2021, dwar din l-aħħar imsemmija garanzija, il-Kummissjoni kkonfermat espressament li d-data irrilevati tabilħaqq inqerdet wara ċertu żmien, għalkemm dan kien ikkontestat mir-rappreżentanti tal-appellanti. Huwa minnu li ma hemmx regola espliċita f’dan ir-rigward fil-Linji Gwida dwar Proċeduri Forensiċi Diġitali. Jista’ jiġi nnotat, madankollu, li l-Fuljett ta’ Informazzjoni dwar Operazzjonijiet Forensiċi Diġitali tal-OLAF jgħid li l-OLAF għandu jżomm id-data għal massimu ta’ ħmistax-il sena wara l-għeluq tal-investigazzjoni. Barra minn dan, isegwi mill-Artikolu 10 tal-Linji Gwida dwar Proċeduri Forensiċi Diġitali li, jekk it-taqsima tal-investigazzjonijiet tal-OLAF tkun tixtieq terġa’ tikseb immaġni forensika diġitali miksuba fil-kuntest ta’ investigazzjoni differenti, hija għandha tissottometti talba ġdida għall-awtorizzazzjoni tad-Direttur Ġenerali skont l-istess kriterji bħal dawk meħtieġa sabiex tkun awtorizzata operazzjoni forensika diġitali għal spezzjonijiet ta’ bini jew verifiki fuq il-post, u f’konformità ma’ informazzjoni sħiħa mingħand il-persuna jew l-operatur ekonomiku kkonċernati. Dawn huma salvagwardji importanti – u meħtieġa.

    81.

    Huwa importanti li jiġi enfasizzat li dawk is-setgħat investigattivi jkunu ngħataw lill-OLAF minħabba n-natura speċifika ta’ mezzi teknoloġiċi moderni u avvanzati li jkunu kapaċi jaħżnu għadd enormi ta’ data. Dik il-kapaċità teknoloġika proprja teħtieġ aċċess, bħala prinċipju, għal kollox, sabiex it-tiftix ikun jista’ jiġi rfinat b’riferiment, pereżempju, għal kliem ewlieni adatt. Huwa importanti li wieħed ikun ċar dwar dan: filwaqt li l-OLAF għandu neċessarjament ikollu aċċess, bħala prinċipju, għal kollox sabiex isir tiftix ta’ data, huwa għandu wkoll josserva l-interessi leġittimi tal-impriża kkonċernata sa fejn dawn ikunu jikkonċernaw il-privatezza u l-kunfidenzjalità ta’ dokumentazzjoni kkonċernata mhux rilevanti. Kull abbuż ta’ dawk is-setgħat – bħal, pereżempju, l-iżvelar mhux xieraq ta’ data hekk miġbura lil terzi – ikun ifisser ksur gravi ħafna tad-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata u aktarx iħalli konsegwenzi serji u eċċezzjonali kemm għall-OLAF kif ukoll għall-uffiċjali tiegħu. Sabiex inkun ġust, jixraq tassew nirrikonoxxi li f’dan il-każ ma kien allegat xejn minn dan. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għar-raġunijiet li diġà semmejt, nipproponi li l-ewwel żewġ partijiet tal-ewwel aggravju jiġu miċħuda.

    b)   Fuq it-tielet parti

    82.

    Permezz tat-tielet parti tal-ewwel aggravju fid-dritt, Vialto tikkontesta d-dikjarazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 77 u 79 tas-sentenza appellata li skonthom, l-ewwel, l-argumenti tagħha bbażati fuq l-osservanza tas-segretezza professjonali u fuq il-klawżoli ta’ kuntratti konklużi ma’ msieħba kummerċjali tagħha huma irrilevanti għall-finijiet tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni u, it-tieni, l-OLAF ma jistax jitqies bħala li kien ġegħilha tikser dik is-segretezza jew dawk il-klawżoli.

    83.

    L-ewwel u qabel kollox, kuntrarjament għas-sottomissjoni tal-Kummissjoni, ma naħsibx li l-ewwel ilment insostenn tat-tielet parti tal-ewwel aggravju jikkostitwixxi motiv ġdid fid-dritt u, bħala tali, għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

    84.

    Huwa minnu li, f’appell, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tkun, bħala regola ġenerali, limitata għall-istħarriġ tal-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-motivi argumentati quddiemha. Madankollu, argument li ma jkunx tressaq fl-ewwel istanza ma jikkostitwixxix motiv ġdid li jkun inammissibbli fl-istadju ta’ appell jekk ikun sempliċement elaborazzjoni ta’ argument żviluppat diġà fil-kuntest ta’ motiv indikat fir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali ( 19 ).

    85.

    Minkejja dan, huwa evidenti mill-punt 77 tas-sentenza appellata li, sa mill-bidu nett, l-appellanti straħet fuq l-argument relatat mas-segretezza professjonali u fuq il-klawżoli ta’ kuntratti konklużi ma’ msieħba kummerċjali tagħha sabiex tiġġustifika għaliex irrifjutat tittrażmetti parti mid-data mitluba mill-OLAF. F’dak il-kuntest, huwa ovvju li “riformulazzjoni” ta’ dak l-argument skont il-kunċett ta’ abbuż ta’ dritt hija biss elaborazzjoni ta’ argument diġà żviluppat quddiem il-Qorti Ġenerali. Peress li l-Qorti Ġenerali kienet tevalwah b’mod skorrett, tali aggravju huwa biss kontinwazzjoni ta’ argument diġà żviluppat f’motiv fid-dritt fir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali. Dik il-parti tal-ewwel aggravju għandha, għalhekk, tiġi ddikjarata ammissibbli.

    86.

    Madankollu, l-argument jidhirli li huwa ineffikaċi. Fil-fatt, huwa jagħmel parti mill-argument iktar ġenerali li Vialto sofriet dannu minħabba li l-OLAF kien kiser l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2185/96 billi ġabar informazzjoni mhux relatata mal-ispezzjoni. Min-naħa tiegħi, inqis li l-Qorti Ġenerali ma għamlitx żball ta’ liġi meta qablet li l-OLAF kien eżerċita s-setgħat tiegħu ta’ spezzjoni. Barra minn dan, huwa evidenti mill-fajl li l-OLAF kien ippropona, fil-kuntest ta’ dik l-ispezzjoni, li japplika fir-rigward tad-data tal-appellanti l-proċedura speċjali rriżervata għal data ta’ natura legali pprivileġġata ( 20 ). F’dawk iċ-ċirkustanzi, jidhirli li, f’kull każ, l-argument tal-appellanti bbażat fuq is-segretezza professjonali u fuq il-klawżoli kuntrattwali tagħha ma setax iwassal għal konstatazzjoni ta’ ksur gravi biżżejjed ta’ regola fid-dritt maħsuba sabiex tagħtiha drittijiet. Għaldaqstant, dak l-argument huwa ineffettiv.

    87.

    It-tieni lment allegat mill-appellanti fit-tielet parti tal-ewwel aggravju huwa wkoll ineffettiv. Permezz ta’ dak l-ilment, Vialto tissottometti li, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 79 tas-sentenza appellata, hija qatt ma sostniet li l-OLAF kien ġegħilha tikser is-segretezza professjonali u ċerti klawżoli kuntrattwali. Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet dwar argument li ma kienx tressaq, u l-punt inkwistjoni tas-sentenza appellata għandu, għal din ir-raġuni, jiġi annullat. Madankollu, l-ilment għandu jitqies li huwa ineffettiv minħabba li, fil-punt 79 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet argument li kieku ma kienx jitressaq. Barra minn dan, isegwi mill-użu, f’dak il-punt tas-sentenza appellata, tal-espressjoni “f’kull każ”, li l-evalwazzjoni magħmula mill-qorti f’dak il-punt saret minn abbundanza ta’ kawtela, fil-każ li kellu jiġi deċiż li Vialto setgħet tinvoka l-argument tas-segretezza professjonali u l-klawżoli tal-kuntratti tagħha sabiex tiġġustifika għaliex hija rrifjutat li tagħti aċċess għal ċerta informazzjoni.

    88.

    Għaldaqstant, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala, parzjalment, infondat u, parzjalment, ineffettiv.

    B. Fuq it-tieni aggravju li jallega ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi

    1.   L-argumenti tal-partijiet

    89.

    Permezz tat-tieni aggravju tagħha, Vialto ssostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat fid-dritt u li ma mmotivatx biżżejjed is-sentenza tagħha dwar l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi.

    90.

    L-ewwel nett, is-sentenza appellata hija nieqsa minn motivazzjoni adegwata, fis-sens li ma tispjegax liema mit-tliet kundizzjonijiet meħtieġa sabiex ikun hemm dipendenza fuq il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi ma tkunx issodisfatta f’din il-kawża u, barra minn dan, ma teżamina ebda waħda minn dawn it-tliet kundizzjonijiet.

    91.

    It-tieni nett, il-punt 118 tas-sentenza appellata allegatament huwa vvizzjat bi żball ta’ liġi, minħabba li ma jiħux inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza li tipprojbixxi l-irtirar retroattiv ta’ att amministrattiv – kemm jekk skont jew kontra l-liġi – li jagħti drittijiet individwali jew benefiċċji simili. Madankollu, l-assigurazzjonijiet mogħtija mill-investigaturi tal-OLAF fl-ewwel jum tal-ispezzjoni dwar il-proċedura sabiex issir l-ispezzjoni kienu skont il-liġi. Għalhekk, l-aġenti tal-OLAF ma setgħux jirrevokaw dawk l-assigurazzjonijiet a posteriori u jitolbu li l-verifika fuq il-post issir bħallikieku qatt ma kienu ngħataw tali assigurazzjonijiet.

    92.

    It-tielet nett, l-appellanti targumenta li l-Qorti Ġenerali żbaljat fid-dritt meta kkonstatat, fl-istess punt tas-sentenza appellata, li l-appellanti ma setgħetx tinvoka ksur ta’ aspettattivi leġittimi inklużi fl-applikazzjoni ta’ prattika li tidderoga minn regola favur tagħha meta l-prattika ssir b’mala fede. Madankollu, l-appellanti tqis li t-talbiet tal-OLAF kienu jmorru kontra l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2185/96; li hija kienet diġà ddikjarat il-pożizzjoni tagħha mill-ewwel jum tal-ispezzjoni; u li, jekk aġenti tal-OLAF kienu qiesu li kien illegali li hija tostakola l-investigazzjoni tagħhom, huma kellhom jitolbu l-għajnuna tal-awtoritajiet nazzjonali skont l-Artikolu 9 ta’ dak ir-regolament. F’dawn iċ-ċirkustanzi, Vialo tqis li ma setax jintwera li kien hemm mala fede min-naħa tagħha.

    93.

    Il-Kummissjoni tikkonkludi li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud.

    94.

    L-ewwel, il-Qorti Ġenerali tat motivazzjoni suffiċjenti għall-konklużjoni tagħha li ma kienx hemm ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi. It-tieni, l-appellanti ma tispjegax dwar xiex kienu l-assigurazzjonijiet li allegatament kienet ingħataw mill-OLAF u, f’kull każ, li l-fiduċja li allegatament kellha Vialto kienet imminata bl-aġir tagħha stess. It-tielet, li l-invokazzjoni tal-prinċipji b’rabta mar-revoka ta’ atti amministrattiva f’dan il-każ hija ineffettiva u, f’kull każ, infondata minħabba li t-twettiq ta’ verifika fuq il-post mill-OLAF ma jikkostitwixxix att amministrattiv jew, f’kull każ, att amministrattiv li jagħti drittijiet individwali jew benefiċċji simili.

    2.   Analiżi

    95.

    Insostenn tat-tieni aggravju tagħha, Vialto tinvoka tliet argumenti: l-ewwel, nuqqas mill-Qorti Ġenerali li tagħti raġunijiet fl-evalwazzjoni tagħha tal-argumentazzjoni relatata mal-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi; it-tieni, il-projbizzjoni għall-irtirar ta’ att amministrattiv li jagħti drittijiet individwali jew benefiċċji simili; u t-tielet, żball fid-dritt meta ddikjarat li Vialto ma setgħetx tinvoka ksur ta’ aspettattivi leġittimi inklużi fl-applikazzjoni ta’ prattika li tidderoga mill-proċedura ta’ spezzjoni tas-soltu minħabba li hija rrifjutat li tilqa’ t-talba skont il-liġi mill-OLAF.

    96.

    Nipproponi li nittratta dawn l-argumenti flimkien minħabba li lkoll għandhom rabta intrinsika mal-kwistjoni preliminari li teżisti “aspettattiva leġittima” min-naħa ta’ Vialto. Kif innotat korrettament il-Qorti Ġenerali fil-punt 114 tas-sentenza appellata, id-dritt li wieħed jinvoka l-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi jippreżupponi li jkunu ngħataw assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konsistenti li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli lill-persuna kkonċernata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni Ewropea. Għall-kuntrarju, persuna tista’ ma tinvokax ksur ta’ dak il-prinċipju ħlief meta hija tkun ingħatat dawk l-assigurazzjonijiet ( 21 ). Barra minn dan, dawk l-assigurazzjonijiet għandhom ikunu tali li jagħtu lok għal aspettattiva leġittima (“attente légitime”) min-naħa tal-persuna li lilha jingħataw ( 22 ).

    97.

    Bl-istess mod, il-projbizzjoni li jkun irtirat att amministrattiv hija ġġustifikata mill-ħtieġa li jkunu ssodisfatti l-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarju tal-miżura kkonċernata ( 23 ) Fi kliem ieħor, ir-revoka ta’ att amministrattiv tiġi pprojbita biss jekk il-persuna li favur tagħha tkun ittieħdet id-deċiżjoni kellha aspettattiva leġittima li d-deċiżjoni fl-aħħar irriżolviet il-kwistjoni ( 24 ).

    98.

    Għaldaqstant, kieku kellu jirriżulta li dik il-kundizzjoni ma kinitx ġiet issodisfatta f’dan il-każ – li nifhem li kienet – l-aħħar żewġ argumenti magħmula mill-appellanti sabiex issostni t-tieni aggravju tagħha kienu jkunu infondati. Kull nuqqas mill-Qorti Ġenerali li timmotiva ma jkollu mbagħad ebda effett fuq kemm għamlet sewwa dik il-qorti meta ċaħdet l-argument ta’ Vialto b’rabta mal-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi u, għalhekk, dak l-argument ikun ineffettiv.

    99.

    L-ewwel u qabel kollox għandu jitfakkar li d-dritt li wieħed jinvoka l-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi jestendi, bħala korollarju tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, għal kull persuna f’sitwazzjoni fejn awtoritajiet tal-Unjoni Ewropea jkunu qanqlulha aspettattivi leġittimi (“espérances fondées”). Tkun xi tkun l-għamla li fiha tingħata, informazzjoni li tkun preċiża, inkundizzjonata u konsistenti u li tkun ġejja minn sorsi awtorizzati u affidabbli tikkostitwixxi assigurazzjonijiet li jkunu kapaċi jagħtu lok għal tali aspettattivi. Madankollu, persuna tista’ ma tinvokax ksur tal-prinċipju ħlief meta hija tkun ingħatat assigurazzjonijiet preċiżi mill-amministrazzjoni ( 25 ).

    100.

    Għalhekk, huwa essenzjali li jiġi stabbilit liema aspettattivi leġittimi kienu ngħataw mill-OLAF lil Vialto f’dan il-każ. Fi kliem ieħor, x’assigurazzjonijiet peċiżi, inkundizzjonati u konsistenti rċeviet Vialto mingħand l-OLAF b’rabta mal-operazzjoni forensika diġitali kkontestata?

    101.

    Fl-appell tagħha, Vialto stess issostni li l-Qorti Ġenerali semmiet, fil-punt 116 tas-sentenza appellata, dwar xiex kienu l-assigurazzjonijiet mogħtija mill-investigaturi tal-OLAF. Madankollu, skont dak il-punt, investigaturi tal-OLAF qablu, sabiex jissodisfaw tħassib li esprimiet l-appellanti, li jidderogaw mill-proċedura stabbilita fil-Linji Gwida dwar Proċeduri Forensiċi Diġitali dwar, l-ewwel, il-post fejn kellu jinkiseb u jiġi pproċessat is-sostenn diġitali li fih kien hemm l-immaġnijiet forensiċi diġitali prodotti u, it-tieni, dwar l-istess imsemmi sostenn.

    102.

    Dan huwa kkonfermat mir-rapporti dwar il-verifika fuq il-post ta’ Vialto fit‑12 u t‑13 ta’ April 2016 u kif miġbura fil-punti 52 u 53 tas-sentenza appellata, li ma humiex ikkontestati mill-appellanti. Filwaqt li, għalhekk, kienu ngħataw assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konsistenti mill-investigaturi tal-OLAF, għandu jingħad li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom kien strettament limitat għall-post fejn kellu jsir l-ipproċessar ta’ data bi kliem ewlieni u għas-sostenn diġitali użat għal dan il-proċess ta’ indiċjar u tiftix. Fl-ebda waqt l-investigaturi tal-OLAF ma implikaw li huma kienu qablu li jkunu konformi max-xewqa tal-appellanti li jifirdu minn qabel id-data relatata mal-proġett inkwistjoni minn dik li ma kinitx. Għall-kuntrarju, jirriżulta b’mod ċar mir-rapporti msemmija iktar ’il fuq – iffirmati minn wieħed mid-diretturi maniġerjali ta’ Vialto – li l-ewwel stadju fil-proċess kien li jittieħdu kopji tal-hard disk drives u folders magħżula minn qabel mis-server, mingħajr ma tkun speċifikata ebda limitazzjoni f’dan ir-rigward.

    103.

    F’dawk iċ-ċirkustanzi, wieħed ma jistax jinvoka l-argument li l-OLAF kiser l-aspettattivi leġittimi ta’ Vialto meta ddeċieda li jtemm l-operazzjoni forensika diġitali wara li Vialto rrifjutat li tikkoopera b’mod sħiħ mal-investigazzjoni minħabba li rrifjutat, inter alia, li tipprovdi informazzjoni finanzjarja rilevanti għall-investigazzjoni. Fil-fatt, il-protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi hija sempliċement imfassla sabiex tiżgura li awtoritajiet pubbliċi jonoraw impenji legali li jkunu għamlu u jġibu ruħhom skont l-aspettattivi li jkunu qanqlu ( 26 ), xejn iżjed u xejn inqas. F’dan ir-rigward, li jingħata effett (fejn jixraq) lill-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi ma huwiex iktar minn li tinġieb fil-prattika l-garanzija ta’ amministrazzjoni tajba skont l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, il-“Karta”). F’dan il-każ, madankollu, dawk l-aspettattivi ma jistgħu leġittimament ikunu relatati ma’ xejn ħlief mat-teħid tal-ewwel kopji forensiċi diġitali fil-bini tal-impriża, mal-indiċjar u mal-għarbiel ta’ data f’dak l-istess bini u f’dan il-kuntest, billi jintuża t-tagħmir ipprovdut minn Vialto.

    104.

    Il-Qorti Ġenerali, għalhekk, ma żbaljatx fid-dritt meta hija sostniet fil-punt 118 tas-sentenza appellata li Vialto ma setgħetx tinvoka ksur suffiċjentement gravi tal-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi li hija kienet inkludiet fl-applikazzjoni ta’ prattika li tidderoga favur tagħha, minkejja li hija rrifjutat li taċċetta t-talbiet magħmula skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2185/96 u l-Linji Gwida dwar Proċeduri Forensiċi Diġitali, magħmula mill-aġenti tal-OLAF.

    105.

    Barra minn hekk, filwaqt li dak il-punt tas-sentenza appellata forsi ma huwiex xempju ta’ ċarezza, madankollu huwa bbażat sewwa fuq riferimenti għall-kundizzjonijiet li jirregolaw il-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi u huwa deskrizzjoni ċara ta’ dik li tista’ tissejjaħ il-proposta ta’ deroga magħmula mill-OLAF. Wieħed, għalhekk, jista’ jifhem għaliex il-Qorti Ġenerali ma aċċettatx l-argument relatat mal-protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi magħmul minn Vialto minħabba li Vialto ma kinitx irċeviet assigurazzjonijiet preċiżi dwar il-limitazzjoni tal-operazzjoni forensika diġitali sensu stricto.

    106.

    Kull assenza ta’ motivazzjoni f’dak ir-rigward f’kull każ ma jkollhiex rilevanza għall-merti tar-rifjut tagħha tal-argument u, għalhekk, fuq id-dispożittiv tas-sentenza appellata. L-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni għandu, għalhekk, jitqies bħala ineffettiv ( 27 ).

    107.

    Għaldaqstant, jiena tal-fehma li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud.

    C. Fuq it-tielet aggravju li jallega ksur tad-dritt ta’ smigħ

    1.   L-argumenti tal-partijiet

    108.

    Permezz tat-tielet aggravju tagħha, l-appellanti tressaq sensiela ta’ argumenti bi kritika għall-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar id-dritt għal smigħ.

    109.

    L-ewwel, il-konstatazzjonijiet fil-punt 121 tas-sentenza appellata, dwar il-fatt li l-appellanti allegatament kienet instemgħet mill-OLAF, ma humiex rilevanti għall-eżami tal-kwistjoni jekk id-dritt tagħha għal smigħ kienx inkiser mid-DĠ Tkabbir. It-tieni, il-Qorti Ġenerali wettqet distorsjoni tal-fatti meta sostniet, fil-punti 94 u 122 tas-sentenza appellata, li l-pożizzjoni li ħa d-DĠ Tkabbir ma kinitx vinkolanti għaċ-CFCU. Kif irrikonoxxiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 93 tas-sentenza appellata, jidher mill-fajl li dak id-DĠ kien indirizza talba liċ-CFCU li biha stedinha tadotta l-miżuri meħtieġa fir-rigward ta’ Vialto minħabba l-ksur ta’ din tal-aħħar tal-obbligi kuntrattwali tagħha. Tali talba kienet tkun vinkolanti għaċ-CFCU. Distorsjoni bħal dan tal-fatti kien iwassal għal applikazzjoni skorretta tal-liġi mill-Qorti Ġenerali. Il-Qorti Ġenerali kien messha kkonkludiet li d-DĠ Tkabbir kien obbligat jisma’ lil Vialto qabel ma japplika għand iċ-CFCU għall-adozzjoni tal-miżuri meħtieġa previsti fil-kuntratt inkwistjoni minħabba l-ksur ta’ Vialto tal-obbligi kuntrattwali tagħha. It-tielet, id-dritt għal smigħ ta’ Vialto li tinstema’ kellu wkoll jiġi rrispettat mid-DĠ Tkabbir fil-kuntest tar-rakkomandazzjoni tiegħu li tkun sospiża l-eżekuzzjoni tal-kuntratt inkwistjoni jew il-parti tal-kuntratt eżegwita minn Vialto. Fil-fatt, waqt li tinvoka s-sentenza tal‑4 ta’ April 2019, OZ vs Il-Bank Ewropew tal-Investiment (C‑558/17 PEU:C:2019:289), l-appellanti tissottometti li d-dritt għal smigħ għandu wkoll ikun irrispettat meta istituzzjoni tal-Unjoni tagħmel rakkomandazzjonijiet mhux vinkolanti.

    110.

    Il-Kummissjoni taqbel mal-mod għad-dritt ta’ smigħ adottat mill-Qorti Ġenerali u tissottometti li t-tielet aggravju fid-dritt għandu jiġi miċħud.

    2.   Analiżi

    111.

    Permezz tat-tielet aggravju tagħha, l-appellanti tagħmel sensiela ta’ argumenti li ma għandhomx rabta ċara bejniethom, b’bixra ta’ żbalji ta’ liġi u distorsjoni tal-fatti. Ġew invokati tliet argumenti dwar il-mertu. L-ewwel, Vialto tikkontesta r-rilevanza mogħtija mill-Qorti Ġenerali, fil-kunsiderazzjoni tagħha dwar jekk id-dritt tal-appellanti għal smigħ kienx inkiser mid-DĠ Tkabbir, għall-fatt li hija kienet instemgħet mill-OLAF. It-tieni, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli din wettqet distorsjoni tal-fatti billi qalet li l-pożizzjoni tad-DĠ Tkabbir dwar il-miżuri li kellhom jittieħdu fir-rigward ta’ Vialto u kkomunikati liċ-CFCU ma kinitx vinkolanti għaliha, li kienet twassal għal applikazzjoni skorretta tal-liġi. It-tielet, Vialto ssostni li d-dritt tagħha għal smigħ ma kienx ġie rrispettat mid-DĠ Tkabbir anki fil-kuntest tal-istedina tiegħu li tkun sospiża l-eżekuzzjoni tal-kuntratt inkwistjoni jew il-parti tal-kuntratt eżegwita minn Vialto.

    112.

    B’rabta mat-tieni argument, jidher mill-punt 89 inkontestat tas-sentenza appellata li, fl-ittra tiegħu tat‑13 ta’ Ottubru 2016, DĠ Tkabbir għarraf liċ-CFCU li huwa kien iqis li meta l-appellanti rrifjutat tikkoopera fl-investigazzjoni tal-OLAF hija kienet kisret l-Artikolu 25(2) u (3) tal-kundizzjonijiet ġenerali u li, f’dan il-kuntest, huwa stieden liċ-CFCU sabiex tieħu miżuri xierqa skont l-istess kundizzjonijiet ġenerali b’rabta mal-ksur tal-kuntratt. Żied jgħid, dwar dan, li ċ-CFCU setgħet tqis, bħala waħda mill-possibbiltajiet prattiċi, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt inkwistjoni jew tal-parti eżegwita mill-appellanti.

    113.

    Kif tirrikonoxxi l-appellanti fl-appell tagħha, mill-korrispondenza tad-DĠ Tkabbir tat‑13 ta’ Ottubru 2016, imsemmija iktar ’il fuq, kif ukoll mill-ittra taċ-CFCU tal‑11 ta’ Novembru 2016, jirriżulta espliċitament li l-Kummissjoni stednietha tadotta miżuri xierqa b’rabta mal-ksur tal-kuntratt. Iktar minn formula sempliċi, din il-korrispondenza tirrifletti r-regoli li jreġu kuntratt konkluż skont l-IPA u s-separazzjoni ta’ kompetenzi bejn l-awtoritajiet intervenjenti.

    114.

    Filwaqt li hija żżomm r-responsabbiltà finali globali għall-baġit ġenerali, il-Kummissjoni hija l-istruttura operattiva responsabbli sabiex tmexxi u timplimenta l-programm ikkonċernat skont il-prinċipju ta’ tmexxija finanzjarja soda ( 28 ). Dan kien diġà ġie nnotat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha. Fil-fatt, “kuntratti pubbliċi mogħtija minn pajjiżi mhux membri u li jkunu jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna skont l-IPA, bla ħsara għall-prinċipju ta’ ġestjoni ddeċentralizzata, jibqgħu kuntratti nazzjonali li l-awtorità kontraenti nazzjonali biss responsabbli li ssegwihom sakemm jintemmu għandha s-setgħa tħejji, tinnegozja u tikkonkludi fejn ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni jkollhom x’jaqsmu fil-proċedura għall-għoti ta’ dawk il-kuntratti li jkunu limitati biss sabiex ikun stabbilit jekk ikunux qegħdin jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet għall-finanzjament mill-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, l-impriżi li jissottomettu offerti u li jingħataw il-kuntratt inkwistjoni jkollhom rabtiet biss mal-pajjiż mhux membru li jkun responsabbli għall-kuntratt, u l-miżuri adottati minn rappreżentanti tal-Kummissjoni ma jistgħux ikollhom l-effett li jissostitwixxu, fir-rigward tagħhom, deċiżjoni tal-Unjoni Ewropea għal deċiżjoni ta’ dak il-pajjiż mhux membru” ( 29 ).

    115.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, ma nistax nikkonkludi li kien hemm xi distorsjoni ta’ fatti jew żball ta’ liġi fil-punti 94 u 122 tas-sentenza appellata, li fihom il-Qorti Ġenerali sostniet li d-deċiżjoni li teskludi lill-appellanti mill-kuntratt inkwistjoni kienet ittieħdet miċ-CFCU, mingħajr ma ċ-CFCU kienet marbuta b’pożizzjoni adottata f’dak is-sens mid-DĠ Tkabbir.

    116.

    Fl-istess waqt, irrispettivament minn din l-assenza ta’ relazzjoni kuntrattwali bejn il-Kummissjoni u Vialto, il-kwistjoni dwar jekk din tal-ewwel kellhiex tisma’ lill-appellanti qabel ma kkomunikat is-suġġerimenti tagħha liċ-CFCU hija, madankollu, waħda separata.

    117.

    L-Artikolu 41(2) tal-Karta jipprovdi li d-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi, l-ewwel, id-dritt ta’ kull persuna li tinstema’ qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha negattivament; it-tieni, id-dritt ta’ kull persuna li jkollha aċċess għall-fajl li jikkonċernaha, filwaqt li jiġu osservati l-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità u tas-segretezza professjonali u tan-negozju; it-tielet, l-obbligu għall-amministrazzjoni li tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha. B’mod partikolari, id-dritt għal smigħ jiggarantixxi lil kull persuna l-opportunità li tesprimi l-fehmiet tagħha b’mod effettiv matul proċedura amministrattiva u qabel ma tkun adottata kwalunkwe deċiżjoni li tkun tista’ tolqot l-interessi tagħha negattivament ( 30 ).

    118.

    F’dan il-każ, indipendentement mill-fatt li d-deċiżjoni sabiex Vialto tkun eskluża mill-kuntratt inkwistjoni kienet ittieħdet miċ-CFCU u mhux mill-Kummissjoni, bilkemm jista’ jiġi sostnut li l-istedina li għamlet il-Kummissjoni liċ-CFCU sabiex din tadotta miżuri xierqa fir-rigward tal-ksur minn Vialto tal-kuntratt inkwistjoni, flimkien mad-deċiżjoni tagħha fejn qieset li l-ammont imħallas għal servizzi minn Vialto skont dak il-kuntratt bħala ineliġibbli għal finanzjament mill-Unjoni, hija deċiżjoni li tista’ tolqot l-interessi ta’ Vialto negattivament fis-sens tal-Artikolu 41(2) tal-Karta. Huwa perfettament ċar li anki jekk id-deċiżjoni stess kienet ittieħdet miċ-CFCU, l-intervent tal-Kummissjoni kien pass importanti – forsi anki deċiżiv – f’dan il-proċess.

    119.

    Barra minn hekk, għalkemm ma hemmx dubju li l-OLAF jeżerċita s-setgħat tiegħu ta’ investigazzjoni b’mod kompletament indipendenti mill-Kummissjoni, minn kull gvern jew minn kull istituzzjoni oħra jew korp ieħor ( 31 ), madankollu, jirriżulta mir-Regolament Nru 883/2013 li, meta jtemm investigazzjonijiet tiegħu, l-OLAF għandu biss setgħa ta’ rakkomadazzjoni. Fil-fatt, skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 883/2013, meta l-OLAF jikkonkludi investigazzjoni, għandu jsir rapport. Dak ir-rapport imbagħad ikollu miegħu rakkomandazzjonijiet tad-Direttur-Ġenerali dwar jekk għandhiex tittieħed jew le azzjoni mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji u mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati. Fil-każ ta’ investigazzjoni esterna, l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 883/2013 jispeċifika li rapporti u rakkomandazzjonijiet għandhom jintbagħtu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati u, jekk ikun meħtieġ, lis-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni.

    120.

    F’dak il-qafas ġuridiku huwa, għalhekk, ċar li persuna jew impriża investigata mill-OLAF għandha, bħala prinċipju, tinstema’ kemm mill-OLAF kif ukoll mill-istituzzjoni tal-Unjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija jew awtorità kompetenti ta’ Stat Membru li lilhom ikunu indirizzati r-rapport u r-rakkomandazzjonijiet, peress li huma dawk l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Istati Membri li eventwalment ikollhom jieħdu d-deċiżjoni li tkun tolqothom negattivament ( 32 ).

    121.

    Madankollu, ma għandux jintesa, minn naħa, li l-ksur tad-dritt għal smigħ – bħal drittijiet oħra tad-difiża – għandu jkun eżaminat b’rabta maċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ partikolari ( 33 ), u, min-naħa l-oħra, li dan id-dritt speċifiku għandu għan doppju. L-ewwel nett, iservi sabiex jiġi investigat il-każ u, bħala tali, imexxi ’l quddiem l-interessi ta’ amministrazzjoni tajba billi jiżgura li l-korp amministrattiv kkonċernat jistabbilixxi l-fatti kemm jista’ jkun b’mod akkurat u korrett. It-tieni nett, jagħmilha possibbli li tiġi żgurata b’mod effettiv il-protezzjoni tal-persuna kkonċernata ( 34 ).

    122.

    Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-għan tar-regola li persuna li tintlaqat minn deċiżjoni sfavorevoli għandha tkun f’qagħda li tissottometti l-osservazzjonijiet qabel ma tiġi adottata d-deċiżjoni, huwa sabiex l-awtorità kompetenti effettivament tkun tista’ tqis l-informazzjoni rilevanti kollha. Sabiex ikun żgurat li l-persuna jew l-impriża kkonċernata tkun fil-fatt protetta, l-għan ta’ dik ir-regola huwa, inter alia, li huma jkunu jistgħu jirrimedjaw żball jew jissottomettu tali informazzjoni relatata maċ-ċirkustanzi personali jew partikolari tagħhom li jimmilitaw favur li tkun adottata jew li ma tkunx adottata d-deċiżjoni, jew favur li hija jkollha kontenut speċifiku ( 35 ).

    123.

    F’dan il-każ, mis-sentenza appellata u mill-appell ta’ Vialto jirriżulta li l-att tal-Kummissjoni li dwaru Vialto tqis li hija kellha tinstema’ qabel ma l-att kien adottat jinsab fl-ittra mibgħuta liċ-CFCU fit‑13 ta’ Ottubru 2013 ( 36 ). F’dik l-ittra, id-DĠ Tkabbir għarraf liċ-CFCU li, minkejja l-obbligi previsti fl-Artikolu 25 tal-kundizzjonijiet ġenerali, Vialto ma kinitx tat il-kunsens tagħha sabiex l-OLAF ikollu aċċess għall-informazzjoni li huwa kien jeħtieġ sabiex iwettaq l-investigazzjonijiet tiegħu billi semmiet ċerti klawżoli ta’ kunfidenzjalità u l-interpretazzjoni tagħha stess tal-kuntratt inkwistjoni.

    124.

    Huwa minnu li din l-informazzjoni fattwali kienet diġà inkluża fir-rapporti dwar il-verifika fuq il-post. Dwar dan, kif sostniet b’mod korrett il-Qorti Ġenerali fil-punt 121 tas-sentenza appellata, l-appellanti tabilħaqq kienet ingħatat l-opportunità tikkontesta u tikkummenta dwar l-elementi li kien hemm f’dawk ir-rapporti permezz ta’ ittra tas‑6 ta’ Mejju 2016. Vialto setgħet ukoll, permezz tal-ittra tagħha tat‑23 ta’ Settembru 2016, tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-ittra tal-OLAF tal‑14 ta’ Settembru 2016 li għarrfitha li hija kienet meqjusa bħala l-kumpannija involuta fl-investigazzjoni dwar suspetti ta’ korruzzjoni jew frodi fir-rigward tal-proġett inkwistjoni. Madankollu, la mis-sentenza appellata jew mill-fajl mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja, u lanqas mir-risposti mogħtija lill-Kummissjoni għad-domandi magħmula dwar dan is-suġġett fis-seduta tal‑10 ta’ Frar 2021, ma jirriżulta li d-DĠ Tkabbir kien jaf b’dawk id-dokumenti jew, a fortiori, bl-argumenti tad-difiża żviluppati mill-appellanti hemmhekk meta huwa bagħat l-ittra kkontestata liċ-CFCU fit‑13 ta’ Ottubru 2016. F’dawk iċ-ċirkustanzi speċifiċi jiena, għalhekk, obbligat nikkonstata li ma jistax jingħad li l-Kummissjoni kellha l-opportunità li effettivament tqis l-informazzjoni kollha rilevanti relatata mas-sitwazzjoni partikolari ta’ Vialto fiż-żmien li hija kitbet liċ-CFCU sabiex tistedinha tieħu ċerti miżuri kuntrattwali.

    125.

    Għaldaqstant, inħossni obbligat nikkonkludi li l-Qorti Ġenerali żbaljat fid-dritt meta ddeċidiet fil-punt 122 tas-sentenza appellata li Vialto ma setgħetx tinvoka l-obbligu tal-Kummissjoni li tismagħha fl-osservazzjonijiet tagħha minħabba li l-adozzjoni tad-deċiżjoni li kienet teskludiha mill-kuntratt inkwistjoni kienet ittieħdet miċ-CFCU u mhux mill-Kummissjoni.

    126.

    Jiena, għalhekk, tal-fehma li t-tielet aggravju li invokat Vialto sabiex issostni l-appell tagħha għandu jintlaqa’ sa fejn hija tallega ksur tad-dritt tagħha għal smigħ mill-Kummissjoni. L-appell għandu jintlaqa’ u s-sentenza appellata għandha tiġi annullata sa fejn kien deċiż li l-appellanti ma setgħetx tinvoka obbligu tal-Kummissjoni li tismagħha fl-osservazzjonijiet tagħha qabel ma kienet adottata d-deċiżjoni taċ-CPCU li eskludietha mill-kuntratt inkwistjoni.

    VII. L-azzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali

    127.

    Skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jekk l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, jekk tħassar id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tagħti sentenza finali fil-kawża, jekk l-istat tal-proċeduri hekk ikun jippermetti.

    128.

    Din hija l-pożizzjoni f’dan il-każ.

    129.

    Fil-fatt, kif fakkret korrettement il-Qorti Ġenerali fil-punt 34 tas-sentenza appellata, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE hija bla ħsara għall-osservanza ta’ għadd ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir allegat kontra l-istituzzjoni tal-Unjoni, li jkun stabbilit li jkun sar dannu attwali u li jkun hemm rabta kawżali bejn l-aġir tal-istituzzjoni u d-dannu allegat ( 37 ).

    130.

    Din l-aħħar kundizzjoni relatata ma’ rabta kawżali tikkonċerna rabta kawżali diretta biżżejjed bejn l-aġir tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u d-dannu, li l-oneru tal-prova tagħha jinkombi lir-rikorrent, sabiex b’hekk l-aġir allegat ikun il-kawża determinanti tad-dannu ( 38 ).

    131.

    Madankollu, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, minħabba li wasalt għall-konklużjoni li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx distorsjoni tal-fatti jew żball ta’ liġi meta sostniet li d-deċiżjoni sabiex l-appellanti tkun eskluża mill-kuntratt inkwistjoni kienet ittieħdet miċ-CFCU, mingħajr ma ċ-CFCU kienet marbuta b’pożizzjoni adottata f’dak is-sens mid-DĠ Tkabbir, ma jistax jingħad li l-aġir li bih il-Kummissjoni hija akkużata kien il-kawża determinanti tad-dannu allegat minn Vialto.

    132.

    Għaldaqstant, minħabba li l-Qorti tal-Ġustizzja preċedentement iddeċidiet li jekk ma tkunx issodisfatta waħda mill-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex ikun hemm ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea, l-azzjoni għandha tiġi miċħuda fl-intier tagħha u ma jkunx meħtieġ li jitqiesu l-kundizzjonijiet l-oħra għal responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea ( 39 ), għandu jiġi rrikonoxxut li t-talba għal kumpens magħmula mill-appellanti għandha, neċessarjament u f’kull każ, tiġi miċħuda.

    VIII. Fuq l-ispejjeż

    133.

    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi l-kawża hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

    134.

    Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, li japplika wkoll għal proċeduri ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher ġustifikat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

    135.

    F’dan l-istadju, fid-dawl tal-fatt li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata parzjalment iżda t-talba għal kumpens għandha tiġi miċħuda, jidher li jkun xieraq li jiġi deċiż li l-appellanti u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom b’rabta maż-żewġ proċeduri fl-ewwel istanza u fl-appell.

    IX. Konklużjoni

    136.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

    tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑26 ta’ Ġunju 2019, Vialto Consulting vs Il-Kummissjoni (T‑617/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:446) sa fejn iddeċidiet li l-appellanti ma setgħetx tinvoka obbligu tal-Kummissjoni li tismagħha fl-osservazzjonijiet tagħha qabel ma kienet adottata d-deċiżjoni taċ-CPCU li teskludiha mill-kuntratt inkwistjoni;

    tiċħad il-kumplament tal-appell;

    tiċħad l-azzjoni mressqa minn Vialto Consulting intiża għal talba għal kumpens għad-dannu allegatament soffert b’riżultat tal-aġir allegatament illegali tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (l-OLAF) b’rabta mal-esklużjoni tagħha mill-kuntratt għall-provvista ta’ servizzi bin-numru ta’ referenza TR2010/0311.01-02/001

    tikkundanna lil Vialto Consulting u lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż rispettivi tagħhom b’rabta kemm mal-proċeduri fl-ewwel istanza kif ukoll mal-proċeduri tal-appell.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 303.

    ( 3 ) ĠU 2007 L 170, p. 1.

    ( 4 ) ĠU 2013 L 248, p. 1.

    ( 5 ) ĠU 2006 L 10, p. 82.

    ( 6 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205.

    ( 7 ) Enfasi miżjuda.

    ( 8 ) Filwaqt li r-Regolament Nru 2185/96 jirreferi għal spetturi tal-Kummissjoni, din il-kompetenza issa hija eżerċitata mill-OLAF skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/352 li Twaqqaf l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 110) u skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 883/2013.

    ( 9 ) COM(2018) 338 final.

    ( 10 ) Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bit-titolu “Evalwazzjoni tal-applikazzjoni [tar-Regolament Nru 883/2013]” (COM(2017) 589 final).

    ( 11 ) Ara r-rapport finali dwar l-evalwazzjoni tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2013, 4.2.2.4 - Osservazzjonijiet konklużivi (p. 97 fil-verżjoni Ingliża). Wieħed jiftakar li l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 883/2013 jgħid espressament li huwa skont id-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti mir- Regolament Nru 2185/96 li l-OLAF jista’ jwettaq verifiki u spezzjonijiet fuq il-post ta’ operaturi ekonomiċi.

    ( 12 ) Ara l-Artikolu 1.9 tal-Linji Gwida dwar Proċeduri Forensiċi Diġitali.

    ( 13 ) Skont l-Artikolu 8.4 tal-Linji Gwida dwar Proċeduri Forensiċi Diġitali, “Meta l-fajl tax-xogħol forensiku jkun disponibbli, l-investigatur għandu jniedi talbiet bil-miktub permezz taċ-CMS Intelligence Request Module biex isir indiċi tal-fajl tax-xogħol forensiku […] B’risposta għat-talba bil-miktub tal-investigatur u, flimkien mal-investigatur, [l-Ispeċjalista tal-Evidenza Diġital tal-personal tal-OLAF] għandu jestratta data mill-fajl diġitali tax-xogħol forensiku li tkun taqbel mal-kriterji ta’ tiftix għal aċċess ta’ qari biss mill-investigatur”.

    ( 14 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Nexans France u Nexans vs Il-Kummissjoni (C‑606/18 P, EU:C:2020:571, punt 66). Minkejja dan, għandu jiġi innotat li l-possibbiltà għall-OLAF li jissokta bl-eżami tiegħu tad-data relatata man-negozju ta’ impriża ’l barra mill-bini ta’ din tal-aħħar tkun tiddependi mill-kundizzjoni li tali eżami, meta jissokta, ma jagħti lok għal ebda ksur tad-drittijiet tad-difiża u ma jkunx jikkostitwixxi ndħil addizzjonali fid-drittijiet tal-impriżi kkonċernati li jista’ jmur ulterjorment lil hinn minn dak li huwa intrinsiku għal spezzjoni fil-bini tagħhom. L-OLAF jista’ jaġixxi b’dan il-mod meta jkun jista’ leġittimament ikun tal-fehma li jkun iġġustifikat jagħmel hekk fl-interessi tal-effikaċja tal-ispezzjoni jew sabiex jevita interferenza eċċessiva fl-operazzjonijiet tal-inpriża kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Nexans France u Nexans vs Il-Kummissjoni, C‑606/18 P, EU:C:2020:571, punti 87 u 90).

    ( 15 ) Ara, b’analoġija (dwar is-setgħa tal-Kummissjoni li tinvestiga f’materji ta’ kompetizzjoni skont ir-Regolament Nru 1/2003), il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża Nexans France u Nexans vs Il-Kummissjoni (C‑606/18 P, EU:C:2020:207, punt 66).

    ( 16 ) Sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Nexans France u Nexans vs Il-Kummissjoni (C‑606/18 P, EU:C:2020:571, punt 62).

    ( 17 ) Ara l-Artikolu 8.4 tal-Linji Gwida dwar Proċeduri Forensiċi Diġitali ċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13. Il-“Fuljett ta’ Informazzjoni dwar Operazzjonijiet Forensiċi Diġitali” tal-OLAF ifakkar ukoll li “kull data rilevanti għall-investigazzjoni tkun identifikata b’tiftix ta’ kelma ewlenija u b’metodi oħra ta’ tiftix [u b]iss din id-data titqiegħed fil-fajl tal-każ”.

    ( 18 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Nexans France u Nexans vs Il-Kummissjoni (C‑606/18 P, EU:C:2020:571, punt 64).

    ( 19 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2020, Groupe Canal + vs Il-Kummissjoni (C‑132/19 P, EU:C:2020:1007, punt 28).

    ( 20 ) Ara l-Artikolu 6.3 tal-Linji Gwida dwar Proċeduri Forensiċi Diġitali.

    ( 21 ) Sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, ADR Center vs Il-Kummissjoni (C‑584/17 P, EU:C:2020:576, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 22 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2010, Sviluppo Italia Basilicata vs Il-Kummissjoni (C‑414/08 P, EU:C:2010:165, punt 107).

    ( 23 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Frar 1987, Consorzio Cooperative d’Abruzzo vs Il-Kummissjoni (15/85, EU:C:1987:111, punt 12) u tal‑20 ta’ Ġunju 1991, Cargill vs Il-Kummissjoni (C‑248/89, EU:C:1991:264, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 24 ) Schønberg, S. J., “Legal Certainty and Revocation of Administrative Decisions: A Comparative Study of English, French and EC Law”, Yearbook of European Law, vol. 19, Ħarġa 1, 1999, p. 257 sa 298, b’mod partikolari p. 291. Ara wkoll Ragnemalm, H., “Confiance légitime et délai raisonnable”, fi Mélanges en hommage à Fernand Schockweiler, Nomos Verlagsgesellschaft, Baden-Baden, 1999, p. 511 sa 522, b’mod partikolari p. 517 u 518.

    ( 25 ) Sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Parlament u l-Kunsill (C‑482/17, EU:C:2019:1035, punt 153).

    ( 26 ) Ara, f’dan is-sens, Gautron, J.-C., “Le principe de protection de la confiance légitime”, fi Le droit de l’Union européenne en principes. Liber amicorum en l’honneur de Jean Raux, Apogée, Rennes, 2006, p. 199 sa 218, b’mod partikolari, p. 210.

    ( 27 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2020, L-Awstrija vs Il-Kummissjoni (C‑594/18 P, EU:C:2020:742, punti 47 u 50).

    ( 28 ) Ara l-Artikoli 10(1) u 28(2) tar-Regolament Nru 718/2007.

    ( 29 ) Digriet tal‑4 ta’ Lulju 2013, Diadikasia Symvouloi Epicheiriseon vs Il-Kummissjoni et (C‑520/12 P, mhux ippubblikat, EU:C:2013:457, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 30 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ April 2019, OZ vs Il-Bank Ewropew tal-Investiment (C‑558/17 PEU:C:2019:289, punti 52 u 53) u tal‑25 ta’ Ġunju 2020, SatCen vs KF (C‑14/19 P, EU:C:2020:492, punti 116 u 117).

    ( 31 ) Ara l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/352.

    ( 32 ) Ara, b’analoġija, fil-kuntest ta’ proċedura li tinkludi rakkomandazzjonijiet mingħand kumitat intern ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, is-sentenza tal‑4 ta’ April 2019, OZ vs Il-Bank Ewropew tal-Investiment (C‑558/17 P, EU:C:2019:289, punt 56).

    ( 33 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il-Kummissjoni (C‑110/10 P, EU:C:2011:687, punt 63).

    ( 34 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2020, EEAS vs De Loecker (C‑187/19 P, EU:C:2020:444, punt 69).

    ( 35 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2014, Kamino International Logistics u Datema Hellmann Worldwide Logistics (C‑129/13 u C‑130/13, EU:C:2014:2041, punt 38).

    ( 36 ) Ara l-punt 89 tas-sentenza appellata u l-punt 73 tal-appell ta’ Vialto. Iż-żewġ ittri l-oħra msemmija f’dawk il-punti ma humiex dokumenti tal-Kummissjoni iżda ittra bid-data tal‑11 ta’ Novembru 2016 mibgħuta miċ-CFCU lill-konsorzju u ittra tal‑10 ta’ Jannar 2017 mibgħuta miċ-CFCU lil Vialto.

    ( 37 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Ottubru 2014, Giordano vs Il-Kummissjoni (C‑611/12 P, EU:C:2014:2282, punt 35) u tal‑5 ta’ Settembru 2019, L-Unjoni Ewropea vs Guardian Europe u Guardian Europe vs L-Unjoni Ewropea (C‑447/17 P u C‑479/17 P, EU:C:2019:672, punt 147).

    ( 38 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 2018, L-Unjoni Ewropea vs Gascogne Sack Deutschland u Gascogne (C‑138/17 P u C‑146/17 P, EU:C:2018:1013, punt 22) u tal‑5 ta’ Settembru 2019, L-Unjoni Ewropea vs Guardian Europe u Guardian Europe vs L-Unjoni Ewropea (C‑447/17 P u C‑479/17 P, EU:C:2019:672, punt 32).

    ( 39 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Settembru 2019, L-Unjoni Ewropea vs Guardian Europe u Guardian Europe vs L-Unjoni Ewropea (C‑447/17 P u C‑479/17 P, EU:C:2019:672, punt 148).

    Top