This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62019CC0570
Opinion of Advocate General Szpunar delivered on 4 March 2021.#Irish Ferries Ltd v National Transport Authority.#Request for a preliminary ruling from the High Court (Irlande).#Reference for a preliminary ruling – Maritime transport – Rights of passengers when travelling by sea and inland waterway – Regulation (EU) No 1177/2010 – Articles 18 and 19, Article 20(4), and Articles 24 and 25 – Cancellation of passenger services – Late delivery of a vessel to the carrier – Notice given prior to the originally scheduled date of departure – Consequences – Right to re-routing – Procedures – Payment of the additional costs – Right to compensation – Calculation – Concept of ticket price – National body responsible for the enforcement of Regulation No 1177/2010 – Competence – Concept of a complaint – Assessment of validity – Articles 16, 17, 20 and 47 of the Charter of Fundamental Rights of the European Union – Principles of proportionality, legal certainty and equal treatment.#Case C-570/19.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati fl-4 ta’ Marzu 2021.
Irish Ferries Ltd vs National Transport Authority.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-High Court (L-Irlanda).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport marittimu – Drittijiet tal-passiġġieri li jivvjaġġaw bil-baħar jew permezz ta’ navigazzjoni interna – Regolament (UE) Nru°1177/2010 – Artikoli 18 u 19, Artikolu 20(4) u Artikoli 24 u 25 – Kanċellazzjoni tas-servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri – Provvista tardiva ta’ vapur lit-trasportatur – Notifika qabel id-data ta’ tluq prevista inizjalment – Konsegwenzi – Dritt għal rotta alternattiva – Modalitajiet – Teħid inkunsiderazzjoni ta’ spejjeż addizzjonali – Dritt għall-kumpens – Kalkolu – Kunċett ta’ prezz tal-biljett – Organu nazzjonali inkarigat mill-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1177/2010 – Kompetenza – Kunċett ta’ lment – Evalwazzjoni tal-validità – Artikoli 16, 17, 20 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ ċertezza legali u ta’ ugwaljanza fit-trattament.
Kawża C-570/19.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati fl-4 ta’ Marzu 2021.
Irish Ferries Ltd vs National Transport Authority.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-High Court (L-Irlanda).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport marittimu – Drittijiet tal-passiġġieri li jivvjaġġaw bil-baħar jew permezz ta’ navigazzjoni interna – Regolament (UE) Nru°1177/2010 – Artikoli 18 u 19, Artikolu 20(4) u Artikoli 24 u 25 – Kanċellazzjoni tas-servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri – Provvista tardiva ta’ vapur lit-trasportatur – Notifika qabel id-data ta’ tluq prevista inizjalment – Konsegwenzi – Dritt għal rotta alternattiva – Modalitajiet – Teħid inkunsiderazzjoni ta’ spejjeż addizzjonali – Dritt għall-kumpens – Kalkolu – Kunċett ta’ prezz tal-biljett – Organu nazzjonali inkarigat mill-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1177/2010 – Kompetenza – Kunċett ta’ lment – Evalwazzjoni tal-validità – Artikoli 16, 17, 20 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ ċertezza legali u ta’ ugwaljanza fit-trattament.
Kawża C-570/19.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:177
KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI
SZPUNAR
ippreżentati fl‑4 ta’ Marzu 2021 ( 1 )
Kawża C‑570/19
Irish Ferries Ltd
vs
National Transport Authority
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill‑High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Drittijiet tal-passiġġieri meta jivvjaġġaw bil-baħar jew permezz ta’ navigazzjoni fl-ilmijiet interni – Regolament (UE) Nru 1177/2010 – Tħassir – Notifika qabel id-data ta’ tluq oriġinarjament skedata wara ttardjar fil-kunsinna ta’ vapur ġdid lit-trasportatur – Konsegwenzi”
I. Introduzzjoni
1. |
Minkejja li r-Regolament (KE) Nru 261/2004 ( 2 ), li jirregola d-drittijiet tal-passiġġieri fil-qasam tat-trasport bl-ajru, huwa s-suġġett ta’ ġurisprudenza abbondanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma huwiex l-istess għall-istrumenti tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw id-drittijiet tagħhom fil-qasam tat-trasport ferrovjarju ( 3 ), bit-triq ( 4 ) jew saħansitra – bħal f’dan il-każ – marittimu ( 5 ). Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari huwa l-ewwel wieħed li fil-kuntest tiegħu qorti nazzjonali tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1177/2010. |
2. |
Huwa joriġina minn proċedura bejn Irish Ferries Ltd, trasportatur marittimu, u National Transport Authority (l-Awtorità Irlandiża tat-Trasport, iktar ’il quddiem in-“NTA”), il-korp nazzjonali responsabbli għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1177/2010, u tirrigwarda t-tħassir tar-rotot kollha li wieħed mill-vapuri ta’ dan it-trasportatur kellu jopera bejn l-Irlanda u Franza matul is-sena 2018, għal iktar minn 20000 passiġġier. |
3. |
Permezz tal-għaxar domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni ta’ diversi dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1177/2010 u dwar il-validità tiegħu. Dawn id-domandi jqajmu numru ta’ kwistjonijiet fil-qasam tat-trasport marittimu. Peress li madwar ħmistax-il sena ta’ żviluppi ġurisprudenzjali kienu neċessarji sabiex jwieġbu għall-kwistjonijiet analogi fil-qasam tat-trasport bl-ajru, huwa probabbli li r-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja għal dawn id-domandi preliminari ser ikunu s-suġġett ta’ preċiżjonijiet fil-futur. |
4. |
F’dawn il-konklużjonijiet ser neżamina, fil-kuntest tar-riferimenti li ser nagħmel għal dawn l-iżviluppi ġurisprudenzjali, jekk, u jekk ikun il-każ, sa fejn, dawn tal-aħħar jistgħu jiġu trasposti, b’analoġija, għat-trasport marittimu. |
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
5. |
L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1177/2010, intitolat “Suġġett”, jipprovdi li huwa jistabbilixxi regoli għat-trasport marittimu jew permezz ta’ navigazzjoni fl-ilmijiet interni fir-rigward, b’mod partikolari, tad-drittijiet tal-passiġġieri f’każ ta’ tħassir jew ittardjar u t-trattament tal-ilmenti. |
6. |
Skont l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat, “Kamp ta’ applikazzjoni”: “1. Dan ir-Regolament għandu japplika fir-rigward ta’ passiġġieri li jivvjaġġaw:
2. Dan ir-Regolament ma għandux japplika fir-rigward ta’ passiġġieri li jivvjaġġaw:
3. L-Istati Membri jistgħu, għal perijodu ta’ sentejn mit-18 ta’ Diċembru 2012, jeżentaw vapuri tat-tbaħħir ta’ inqas minn 300 tunnellata grossa mħaddmin fit-trasport domestiku mill-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, sakemm id-drittijiet tal-passiġġieri skont dan ir-Regolament ikunu żgurati b’mod adegwat skont il-liġi nazzjonali. 4. L-Istati Membri jistgħu jeżentaw mill-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament servizzi tal-passiġġieri koperti mill-obbligi tas-servizz pubbliku, kuntratti tas-servizz pubbliku jew servizzi integrati, sakemm id-drittijiet tal-passiġġieri skont dan ir-Regolament ikunu ggarantiti b’mod kumparabbli skont il-liġi nazzjonali. […]” |
7. |
L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament jipprovdi: “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
[…]
|
8. |
L-Artikolu 18 tal-istess regolament, intitolat “Bdil tar-rotta u rimborż fil-każ ta’ tluq ikkanċellat jew tluq tard”, li jinsab fil-Kapitolu III, intitolat “Obbligi tat-trasportaturi u tal-operaturi tat-terminali fil-każ ta’ vjaġġ interrott”, jipprovdi: “1. Fejn trasportatur ikun qiegħed raġonevolment jipprevedi li xi servizz tal-passiġġieri jkun ser jiġi kkanċellat jew ittardjat fit-tluq minn terminal ta’ port għal aktar minn 90 minuta, il-passiġġier għandu immedjatament jiġi offrut l-għażla bejn:
2. Meta servizz tal-passiġġieri jiġi kkanċellat jew jittardja fit-tluq minn port għal aktar minn 90 minuta, il-passiġġieri għandhom ikollhom id-dritt għal tali bdil tar-rotta jew rimborż tal-prezz tal-biljett mit-trasportatur. 3. Il-ħlas tar-rimborż previst fil-paragrafi 1(b) u 2 għandu jsir fi żmien sebat ijiem, imħallas f’kontanti, permezz ta’ trasferiment bankarju elettroniku, ordnijiet bankarji jew ċekkijiet bankarji, tal-ħlas kollu tal-biljett għall-prezz li bih inxtara, għall-parti jew il-partijiet tal-vjaġġ li ma sarux, u għall-parti jew il-partijiet li diġà saru fejn il-vjaġġ ma jkunx għad fadallu skop fir-rigward tal-pjan oriġinali tal-vjaġġ tal-passiġġier. Fejn il-passiġġier ikun jaqbel, ir-rimborż totali tal-biljett jista’ jsir ukoll permezz ta’ vawċers u/jew servizzi oħrajn li jammontaw daqs il-prezz tax-xiri tiegħu, kemm-il darba l-kondizzjonijiet ikunu flessibbli, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-perjodu ta’ validità u d-destinazzjoni”. |
9. |
L-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1177/2010, intitolat “Kumpens tal-prezz tal-biljett fil-każ ta’ ittardjar fil-wasla”, jistabbilixxi: “1. Mingħajr ma jitilfu d-dritt għat-trasport, il-passiġġieri jistgħu jitolbu kumpens mingħand it-trasportatur jekk ikunu qed jiffaċċaw ittardjar fil-wasla fid-destinazzjoni finali kif stabbilit fil-kuntratt ta’ trasport. Il-livelli minimi ta’ kumpens għandhom ikunu 25 % tal-prezz tal-biljett f’każ ta’ ittardjar ta’ għall-inqas:
Jekk l-ittardjar jeċċedi d-doppju tal-ħin stabbilit fil-punti (a) sa (d), il-kumpens għandu jkun 50 % tal-prezz tal-biljett. 2. Il-passiġġieri li jkollhom pass tal-ivvjaġġar jew biljett staġunali u li jiffaċċaw ittardjar rikorrenti fil-wasla matul il-perijodu ta’ validità tagħhom jistgħu jitolbu kumpens adegwat skont l-arranġamenti ta’ kumpens tat-trasportatur. Dawn l-arranġamenti għandhom jistabbilixxu l-kriterji għad-determinazzjoni tal-ittardjar fil-wasla u għall-kalkolu tal-kumpens. 3. Il-kumpens għandu jkun ikkalkulat f’relazzjoni mal-prezz li l-passiġġier ikun fil-fatt ħallas għas-servizz ittardjat tal-passiġġieri. 4. Fejn it-trasport ikun għal vjaġġ bir-ritorn, il-kumpens għal ittardjar fil-wasla, kemm fil-vjaġġ tat-tluq kif ukoll tar-ritorn, għandu jkun ikkalkulat f’relazzjoni ma’ nofs il-prezz imħallas għat-trasport minn dak is-servizz tal-passiġġieri. 5. Il-kumpens għandu jitħallas fi żmien xahar wara li tkun tressqet it-talba għall-kumpens. Il-kumpens jista’ jitħallas b’vawċers u/jew servizzi oħra, kemm-il darba l-kundizzjonijiet ikunu flessibbli, b’mod partikolari fir-rigward tal-perijodu tal-validità u d-destinazzjoni. Il-kumpens għandu jitħallas fi flus fuq talba tal-passiġġier. 6. Il-kumpens tal-prezz tal-biljett m’għandux jitnaqqas permezz ta’ spejjeż ta’ transazzjonijiet finanzjarji bħal miżati, spejjeż tat-telefon jew bolol. It-trasportaturi jistgħu jintroduċu livell minimu li taħtu ma jsirux ħlasijiet ta’ kumpens. Dan il-livell ma jistax ikun aktar minn EUR 6”. |
10. |
L-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Eżenzjonijiet”, jistabbilixxi: “1. Ħlief għall-passiġġieri li jkollhom pass tal-ivvjaġġar jew biljett staġunali, l-Artikoli 17, 18 u 19 m’għandhomx japplikaw għal passiġġieri b’biljetti miftuħin, sakemm il-ħin tat-tluq ma jkunx speċifikat. 2. L-Artikoli 17 u 19 m’għandhomx japplikaw jekk il-passiġġier ikun informat bil-kanċellazzjoni jew bl-ittardjar qabel ix-xiri tal-biljett jew jekk il-kanċellazzjoni jew l-ittardjar ikun minħabba t-tort tal-passiġġier. 3. L-Artikolu 17(2) m’għandux japplika meta t-trasportatur jista’ jagħti prova li l-kanċellazzjoni jew l-ittardjar jiġu kkawżati minn kondizzjonijiet tat-temp li jipperikolaw l-operazzjoni sigura tal-vapur. 4. L-Artikolu 19 m’għandux japplika fejn t-trasportatur jagħti prova li l-kanċellazzjoni jew l-ittardjar jiġu kkawżati minn kondizzjonijiet tat-temp li jipperikolaw l-operazzjoni sigura tal-vapur jew minn ċirkostanzi eċċezzjonali li jfixklu t-twettiq tas-servizz tal-passiġġieri li ma setgħux jiġu evitati anki li kieku ttieħdu l-miżuri kollha raġonevoli”. |
11. |
L-Artikolu 24 tal-imsemmi regolament, intitolat “Ilmenti”, li jinsab fil-Kapitolu IV tiegħu, intitolat “Regoli ġenerali dwar informazzjoni u ilmenti”, jistabbilixxi: “1. It-trasportaturi u l-operaturi tat-terminali għandhom jistabbilixxu jew ikollhom fis-seħħ mekkaniżmu aċċessibbli għat-trattament tal-ilmenti għad-drittijiet u l-obbligi koperti minn dan ir-Regolament. 2. Fejn passiġġier kopert minn dan ir-Regolament ikun irid iressaq ilment lit-trasportatur jew lill-operatur tat-terminali, għandu jagħmel dan fi żmien xahrejn mid-data li fiha twettaq is-servizz jew meta servizz kellu jitwettaq. Fi żmien xahar minn meta jirċievi l-ilment, it-trasportatur jew operatur tat-terminali għandu jinnotifika lill-passiġġier li l-ilment tiegħu ġie sostanzjat, miċħud jew għadu qed jiġi kkunsidrat. Iż-żmien li jittieħed biex tingħata t-tweġiba finali m’għandux ikun itwal minn xahrejn minn meta jiġi riċevut ilment”. |
12. |
L-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1177/2010, intitolat “Korpi nazzjonali tal-infurzar”, li jinsab fil-Kapitolu V tiegħu, intitolat “Infurzar u l-korpi nazzjonali tal-infurzar”, jipprovdi: “1. Kull Stat Membru għandu jaħtar korp jew korpi ġodda jew eżistenti responsabbli għall-infurzar ta’ dan ir-Regolament fir-rigward tas-servizzi tal-passiġġieri u l-kruċieri minn portijiet li jinsabu fit-territorju tiegħu u servizzi tal-passiġġieri minn pajjiż terz għal tali portijiet. Kull korp għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura l-konformità ma’ dan ir-Regolament. Kull entità għandha, fl-organizzazzjoni, fid-deċiżjonijet ta’ finanzjament, fl-istruttura legali u fit-teħid tad-deċiżjonijiet tagħha, tkun indipendenti mill-interessi kummerċjali. 2. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-korp jew il-korpi maħtura skont dan l-Artikolu. 3. Kwalunkwe passiġġier jista’ jressaq ilment, skont il-liġi nazzjonali, lill-korp kompetenti maħtur skont il-paragrafu 1, jew lil kwalunkwe korp adatt ieħor maħtur minn Stat Membru, dwar ksur allegat ta’ dan ir-Regolament. Il-korp kompetenti għandu jipprovdi lill-passiġġieri b’risposta ssostanzjata għall-ilment taħghom f’perjodu taz-zmien raġonevoli. Stat Membru jista’ jiddeċiedi:
L-Istati Membri li jkunu għażlu li jeżentaw ċerti servizzi skont l-Artikolu 2(4) għandhom jiżguraw li jkun hemm mekkaniżmu komparabbli tal-infurzar tad-drittijiet tal-passiġġieri”. |
13. |
L-Artikolu 27 ta’ dan ir-regolament, intitolat “[k]operazzjoni bejn korpi tal-infurzar”, jipprovdi: “Il-korpi nazzjonali tal-infurzar kif imsemmijin fl-Artikolu 25(1) għandhom jiskambjaw l-informazzjoni dwar ħidmiethom u l-prinċipji u l-prattika tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tagħhom sal-livell meħtieġ għall-implimentazzjoni koerenti ta’ dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tappoġġahom f’dak il-kompitu”. |
B. Id-dritt Irlandiż
14. |
Il-European Union (rights of passengers when travelling by sea and inland waterway) Regulations 2012 (S.I. Nru 394/2012) (Digriet tal-2012 dwar l-Unjoni Ewropea (Drittijiet tal-passiġġieri meta jivvjaġġaw bil-baħar jew permezz ta’ navigazzjoni fl-ilmijiet interni)) (iktar ’il quddiem, ir-“Regolament tal-2012”), adottat fl-10 ta’ Ottubru 2012, jaħtar, fl-Artikolu 3 tiegħu, in-NTA bħala korp responsabbli għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1177/2010 fis-sens tal-Artikolu 25 tiegħu. |
15. |
Skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-2012, in-NTA tindirizza lill-fornitur, ex officio jew wara lment imressaq minn passiġġier, jekk hija tqis li dan il-fornitur ma josservax jew jikser ir-Regolament Nru 1177/2010, komunikazzjoni li tindika n-nuqqas ta’ twettiq jew il-ksur inkwistjoni, li tobbligah jieħu l-miżuri speċifikati fiha, fit-termini msemmija, sabiex jikkonforma ruħu ma’ din il-komunikazzjoni. Skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament tal-2012, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ din il-komunikazzjoni huwa ssanzjonat b’multi. |
III. Il-fatti tal-kawża prinċipali, il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u d-domandi preliminari
16. |
Fl-2016, Irish Continental Group plc (ICG), il-kumpannija omm ta’ Irish Ferries, ikkonkludiet kuntratt mal-kumpannija rregolata mid-dritt Ġermaniż Flensburger Schiffbau‑Gesellschaft (iktar ’il quddiem it-“tarzna”) għall-kostruzzjoni ta’ lanċa ro-ro (iktar ’il quddiem il-“vapur”) b’kunsinna skedata ta’ dan il-vapur iċċertifikat b’mod sħiħ għan-navigazzjoni lil ICG iffissata għal mhux iktar tard mid-data tas-26 ta’ Mejju 2018. |
17. |
Il-vapur kellu jidħol fis-servizz għall-istaġun tas-sajf tas-sena 2018 sabiex jopera rotot differenti, fosthom servizz ġdid kontinwu bir-ritorn bejn Dublin (l-Irlanda) u Cherbourg (Franza). |
18. |
Fid-dawl tat-tul tal-vjaġġ (madwar 18-il siegħa), Irish Ferries kienet ipprevediet li tuża l-vapur sabiex topera r-rotta darba kull jumejn alternattivament ma’ vapur ieħor li hija użat matul l-istaġun 2018 fuq rotot bejn il-bliet ta’ Rosslare (l-Irlanda) u ta’ Cherbourg, u bejn dawk ta’ Rosslare u ta’ Roscoff (Franza), u toffri b’hekk servizz ta’ kuljum bejn l-Irlanda u Franza, iżda bi tluq/destinazzjoni f’portijiet differenti. |
19. |
Fix-xahar ta’ Jannar 2017, it-tarzna informat lil Irish Ferries li hija kienet qed tipprevedi l-kunsinna tal-vapur sa mhux iktar tard mit-22 ta’ Ġunju 2018. |
20. |
Fis-27 ta’ Ottubru 2017, Irish Ferries fetħet ir-reġistrazzjoni ta’ prenotazzjonijiet għall-istaġun tas-sena 2018, bl-ewwel vjaġġ skedat għat-12 ta’ Lulju 2018. Fl-1 ta’ Novembru 2017, it-tarzna kkonfermat li l-vapur kien ser jiġi kkonsenjat fit-22 ta’ Ġunju 2018. |
21. |
Permezz ta’ posta elettronika tat-18 ta’ April 2018, it-tarzna informat lil Irish Ferries li l-vapur ma kienx ser jiġi kkonsenjat qabel it-13 ta’ Lulju 2018 minħabba l-ittardjar min-naħa ta’ fornituri ta’ tagħmir estern li hija kienet ingaġġat bħala subappaltaturi, filwaqt li invokat ukoll “il-possibbiltà ta’ kunsinna tardiva, b’mod partikolari minħabba dewmien fit-tqassim taż-żoni esterni”. |
22. |
Wara li fl-20 ta’ April 2018 ikkonstatat, li ma setgħetx tissostitwixxi dan il-vapur b’vapur tal-flotta tagħha u lanqas billi tikri vapur alternattiv permezz ta’ aġent marittimu, Irish Ferries ħassret ir-rotot tal-vapur sad-data ta’ kunsinna l-ġdida, flimkien ma’ perijodu ta’ stennija għall-preparazzjoni tal-vapur. Irish Ferries ħassret ukoll il-vjaġġi skedati għad-dati ta’ bejn it-12 ta’ Lulju u d-29 ta’ Lulju 2018 (iktar ’il quddiem l-“ewwel tħassir”). |
23. |
Fil-kuntest tal-ewwel tħassir, Irish Ferries ħadet diversi passi. B’mod partikolari, hija nnotifikat lill-passiġġieri kkonċernati kollha bit-tħassir tal-vjaġġi bi preavviż ta’ tnax-il ġimgħa, u pproponitilhom rimbors sħiħ immedjat mingħajr kundizzjoni jew jipprenotaw vjaġġi oħra tal-għażla tagħhom (iktar ’il quddiem il-“vjaġġi alternattivi”). Peress li ma kienx jeżisti servizz ieħor identiku fuq ir-rotot ikkonċernati, Irish Ferries ipproponiet lill-passiġġieri kkonċernati serje sħiħa ta’ vjaġġi alternattivi bi tluq u destinazzjoni f’portijiet differenti bejn l-Irlanda u Franza b’mod dirett (pereżempju l-ġurnata ta’ qabel jew l-għada tad-data tal-vjaġġ oriġinarjament skedata – jew kwalunkwe data oħra – skont il-kapaċitajiet) jew b’mod indirett, jiġifieri billi jittraversaw il-Gran Brittanja (iktar ’il quddiem ir-“rotta fuq l-art”). Il-fatt li Irish Ferries kienet ipproponiet lill-passiġġieri kkonċernati kollha l-bdil tar-rotta permezz tar-rotot fuq l-art huwa madankollu kkontestat min-NTA quddiem il-qorti tar-rinviju. |
24. |
Għal dak li jirrigwarda l-passiġġieri li ngħataw rotta differenti lejn jew minn Rosslare (minflok Dublin) u/jew lejn jew minn Roscoff (minflok Cherbourg), Irish Ferries ma pproponietx rimbors tal-eventwali spejjeż addizzjonali li dawn kellhom iġarrbu minħabba l-bdil tal-port ta’ tluq jew ta’ destinazzjoni (iktar ’il quddiem l-“ispejjeż addizzjonali”). Fil-fatt, Irish Ferries qieset li l-ispejjeż addizzjonali ma kinux imġarrba mill-passiġġieri kollha, peress li wħud minnhom kienu jinsabu eqreb ta’ Rosslare u kienu ser iqattgħu l-vaganzi tagħhom eqreb ta’ Roscoff milli ta’ Cherbourg. |
25. |
Fid-9 ta’ Mejju 2018, in-NTA indikat lil Irish Ferries li hija kienet ser teżamina ċ-ċirkustanzi tal-ewwel tħassir sabiex tistabbilixxi l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1177/2010 f’dan il-każ u talbitha tikkomunikalha r-raġunijiet li għalihom Irish Ferries kienet ikkunsidrat li dan it-tħassir kien imputabbli għal ċirkustanzi straordinarji li fuqhom ma kellhiex kontroll. Irish Ferries ressqet argument dettaljat lin-NTA dwar it-tħassir inkwistjoni. |
26. |
Fl-1 ta’ Ġunju 2018, in-NTA talbet lil Irish Ferries tipprovdilha informazzjoni dwar l-osservanza, minn din tal-aħħar, tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1177/2010. Irish Ferries wieġbet fit-8 ta’ Ġunju 2018 u sussegwentement kien hemm skambju ta’ korrispondenza. |
27. |
Fil-11 ta’ Ġunju 2018, it-tarzna informat lil Irish Ferries li l-kunsinna tal-vapur kienet ser tittardja għal data indeterminata f’Settembru minħabba ttardjar min-naħa ta’ subappaltatur fix-xogħlijiet relattivi għall-komunikazzjoni elettrika u l-installazzjoni tas-sistema elettrika fil-buq u l-kamra ta’ fuq l-gverta, kif ukoll ittardjar fil-kunsinni ta’ materjali interni intiżi għaż-żoni pubbliċi. Fl-impossibbiltà li tuża l-vapur, Irish Ferries iddeċidiet li tħassar il-vjaġġi kollha skedati wara t-30 ta’ Lulju 2018 (iktar ’il quddiem it-“tieni tħassir”). Fi kwalunkwe każ, il-vapur kien ikkonsenjat fit-12 ta’ Diċembru 2018, jiġifieri madwar 200 ġurnata tard. |
28. |
Fil-kuntest tat-tieni tħassir, Irish Ferries ħadet diversi passi fir-rigward tal-passiġġieri kkonċernati, jiġifieri, b’mod partikolari, minn naħa, informathom bit-tieni tħassir ladarba hija kellha konferma li kien impossibbli li tikri vapur alternattiv, billi osservat preavviż ta’ bejn seba’ u tnax-il ġimgħa, u, min-naħa l-oħra, ipproponitilhom l-għażliet li ġejjin: jħassru l-vjaġġi oriġinali u jieħdu rimbors sħiħ immedjat; jużaw rotot alternattivi lejn Franza mingħajr rimbors tal-eventwali spejjeż addizzjonali, u finalment, jingħataw rotta differenti permezz tar-rotta fuq l-art tal-għażla tagħhom minn fost dawk proposti, mill-portijiet tal-ferry Irlandiżi kollha lejn portijiet Franċiżi bħal dawk ta’ Cherbourg, Roscoff, Calais u Caen. F’dan l-aħħar każ, l-ispejjeż tal-karburant sostnuti sabiex jittraversaw il-Gran Brittanja kienu rrimborsati lill-passiġġieri. |
29. |
Minn dawn il-passi rriżulta li mill-20 000 passiġġier affettwat minn dan it-tħassir, 82 % minnhom għażlu l-vjaġġi alternattivi ma’ Irish Ferries jew trasportaturi oħra, 3 % ppreferew jużaw ir-rotta fuq l-art u r-rimanenti 15 % għażlu rimbors sħiħ. |
30. |
Fir-rigward tal-passiġġieri li għażlu l-vjaġġi alternattivi, l-eventwali spejjeż addizzjonali ma kinux sostnuti mill-passiġġieri iżda minn Irish Ferries. Barra minn hekk, l-eventwali differenzi fil-prezz tal-biljett kienu rrimborsati minn Irish Ferries. |
31. |
Fir-rigward tal-passiġġieri li għażlu r-rotta fuq l-art, Irish Ferries irrimborsathom l-ispiża tal-karburant neċessarju sabiex jittraversaw il-Gran Brittanja. |
32. |
Madankollu, Irish Ferries ma ħallsitx kumpens għall-ittardjar fil-wasla fid-destinazzjoni finali lill-passiġġieri li kienu għamlu talba għal dan, skont l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1177/2010, billi qieset li, peress li hija kienet ipproponiet bdil tar-rotta u rimbors tal-prezz tal-biljett skont l-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament, l-Artikoli 18 u 19 ta’ dan ir-regolament ma kinux japplikaw simultanjament. |
33. |
Fl-1 ta’ Awwissu 2018, in-NTA bagħtet lil Irish Ferries komunikazzjoni preliminari rigward l-applikazzjoni tar-Regolament tal-2012 għall-vjaġġi mħassra, li għaliha Irish Ferries wieġbet fil-15 ta’ Awwissu 2018. |
34. |
Fid-19 ta’ Ottubru 2018, in-NTA adottat deċiżjoni li permezz tagħha hija kkunsidrat, l-ewwel, li r-Regolament Nru 1177/2010 kien japplika għat-tħassir tal-vjaġġi bejn Dublin u Cherbourg matul is-sajf tal-2018, it-tieni, li Irish Ferries kienet kisret ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament, u t-tielet, li dan it-trasportatur marittimu ma kienx osserva l-Artikolu 19 tal-imsemmi regolament. Skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-2012, din id-deċiżjoni rriżultat fil-ħruġ ta’ żewġ komunikazzjonijiet. Irish Ferries ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar din id-deċiżjoni. |
35. |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Jannar 2019, in-NTA kkonfermat il-komunikazzjonijiet maħruġa skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-2012 u li jikkonċernaw l-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament Nru 1177/2010 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”). |
36. |
Hija qieset, minn naħa, li Irish Ferries kienet kisret l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1177/2010 għal dak li kien jirrigwarda l-passiġġieri affettwati mill-vjaġġi mħassra, kemm jekk dawn il-passiġġieri kellhom jivvjaġġaw lejn jew minn Rosslare (minflok Dublin), u/jew lejn jew minn Roscoff (minflok Cherbourg). In-NTA stiednet lil Irish Ferries tirrimborsa l-eventwali spejjeż addizzjonali sostnuti mill-passiġġieri affettwati mill-vjaġġi mħassra li kienu għażlu l-bdil tar-rotta lejn u minn Rosslare (minflok Dublin), u/jew lejn jew minn Roscoff (minflok Cherbourg). |
37. |
Min-naħa l-oħra, hija kkunsidrat, li Irish Ferries kienet kisret l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1177/2010 u ordnatilha tħallas kumpens lill-passiġġieri kkonċernati minħabba ttardjar fil-wasla fid-destinazzjoni finali kif stabbilita fil-kuntratt ta’ trasport. |
38. |
Irish Ferries ikkontestat id-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll il-komunikazzjonijiet maħruġa skont l-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament Nru 1177/2010 quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda), billi sostniet, fl-ewwel lok, li dan ir-regolament ma kienx applikabbli meta tħassir ikun seħħ diversi ġimgħat qabel id-data skedata tal-vjaġġ. Fit-tieni lok, Irish Ferries ikkontestat l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni magħmula min-NTA tal-Artikoli 18 sa 20 ta’ dan ir-regolament. B’mod iktar partikolari, hija sostniet li l-ittardjar fil-kunsinna tal-vapur kien jikkostitwixxi “ċirkostanza eċċezzjonali” li teżentaha mill-ħlas tal-kumpens previst fl-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament. Fit-tielet lok, Irish Ferries allegat li n-NTA kisret l-Artikolu 25 ta’ dan l-istess regolament billi wettqet eċċess ta’ poter. Fil-fatt, in-NTA eżerċitat il-kompetenza tagħha fuq servizzi ta’ trasport minn Franza lejn l-Irlanda meta dawn is-servizzi kienu jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-awtorità Franċiża. Fir-raba’ lok, Irish Ferries tilmenta li n-NTA kisret l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1177/2010 billi ma llimitatx l-effett tad-deċiżjoni tagħha għall-passiġġieri li kienu ressqu ilment fil-forma u fit-termini previsti fl-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament. Fil-ħames u l-aħħar lok, Irish Ferries ikkontestat il-validità tal-imsemmi regolament fid-dawl tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ ċertezza legali u tal-ugwaljanza fit-trattament, kif ukoll tal-Artikoli 16, 17 u 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
39. |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Lulju 2019 li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Lulju 2019, il-High Court (il-Qorti Għolja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tissottometti d-domandi li ġejjin għall-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja: “A. Applikabbiltà tar-regolament [Nru 1177/2010]
|
40. |
Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mill-partijiet fil-kawża prinċipali, mill-Irlanda, mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mill-Kummissjoni Ewropea. L-istess persuni interessati kienu rrappreżentati waqt is-seduta li nżammet fid-9 ta’ Settembru 2020. |
IV. Analiżi
41. |
L-għaxar domandi ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw diversi aspetti tar-Regolament Nru 1177/2010. Fil-fatt, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex qabelxejn li tistabbilixxi jekk dan ir-regolament japplikax għall-kawża prinċipali. Imbagħad, permezz tat-tieni sad-disa’ domandi tagħha, hija tqajjem l-interpretazzjoni ta’ serje ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi tal-imsemmi regolament. Fl-aħħar nett, permezz tal-għaxar domanda tagħha, din il-qorti tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-validità tal-istess regolament. |
42. |
Sabiex isir eżami tal-validità ta’ att tad-dritt tal-Unjoni, qabelxejn, għandha tiġi eskluża l-ipoteżi li dan l-eżami ma għandu ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali ( 6 ). Għalhekk, l-analiżi tal-ewwel domanda għandu tiġi qabel dik tal-għaxar domanda. |
43. |
Imbagħad, meta tiġi kkontestata l-validità tad-dispożizzjonijiet ta’ att tad-dritt tal-Unjoni minħabba l-ksur allegat ta’ ċerti prinċipji ġenerali, għandu qabel kollox jiġi stabbilit is-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Skont prinċipju ġenerali ta’ interpretazzjoni, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati, sa fejn possibbli, b’tali mod li ma jkunx jaffettwa l-validità tagħhom u b’mod konformi mad-dritt primarju kollu ( 7 ). L-eżami tal-validità tagħhom mingħajr, ma qabel, jiġi stabbilit is-sens tagħhom iwassal sabiex dan il-prinċipji jiġi injorat. Sa fejn it-tieni sad-disa’ domandi jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ serje ta’ dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1177/2010, li l-validità tagħhom hija prevista mill-għaxar domanda, fl-ewwel lok għandha tingħata risposta lil dawn id-domandi tal-ewwel. |
44. |
Konsegwentement, l-analiżi tiegħi ser tosserva l-ordni tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju. Ser neżamina, qabelxejn, il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1177/2010 (l-ewwel domanda), imbagħad id-dispożizzjonijiet speċifiċi tiegħu (mit-tieni sad-disa’ domanda), u fl-aħħar nett, il-validità ta’ dan ir-regolament (l-għaxar domanda). |
A. Fuq l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1177/2010
45. |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod ġenerali, dwar l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1177/2010, u b’mod iktar preċiż, dwar l-applikabbiltà tal-Artikoli 18 u 19 tiegħu, fil-każ fejn servizz ta’ trasport marittimu jitħassar, b’notifika ta’ mhux inqas minn seba’ ġimgħat qabel it-tluq skedat minħabba t-tardività tal-kunsinna tal-vapur li kellu jopera dan is-servizz u ma setax jiġi ssostitwixxiet. |
46. |
Huwa minnu li l-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1177/2010 fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha li jinsabu fil-formulazzjoni tal-punti (a) sa (e) tal-ewwel domanda. Madankollu, Irish Ferries, li l-argument tagħha donnu kien l-oriġini tal-ewwel domanda, tirreferi għal dawn iċ-ċirkustanzi biss sabiex issostni l-argument tagħha dwar il-prinċipju ta’ impossibilium nulla obligatio est. F’dan il-każ, jien tal-opinjoni li ċ-ċirkustanzi msemmija ma jistgħux jimmodifikaw l-analiżi tiegħi relattiva għall-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1177/2010, b’tali mod li dawn ma għandhomx ikunu s-suġġett ta’ eżami separat. Mill-banda l-oħra, l-istess ċirkustanzi jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tas-sitt domanda u tal-eżami relattiv għall-“miżuri raġonevoli”, fis-sens tal-Artikolu 20(4) ta’ dan ir-regolament. |
47. |
Barra minn hekk, fl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tuża żewġ kunċetti distinti, jiġifieri dak tal-“prenotazzjoni minn qabel” magħmula mill-passiġġieri u dak ta’ “kuntratti ta’ trasport” konklużi minnhom. Il-formulazzjoni ta’ din id-domanda tista’ għalhekk tagħti x’jifhem li din il-qorti tagħmel distinzjoni bejn dawn iż-żewġ kunċetti. Madankollu, l-ewwel domanda tirrigwarda l-passiġġieri li għamlu prenotazzjonijiet u kkonkludew il-kuntratti ta’ trasport f’daqqa. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex mistiedna tiddeċiedi b’mod separat dwar, minn naħa, is-sitwazzjoni tal-passiġġieri li għamlu prenotazzjonijiet, u min-naħa l-oħra, dwar dik tal-passiġġieri li kkonkludew kuntratt ta’ trasport. |
48. |
Għall-finijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi osservat li, bid-differenza għar-Regolament Nru 261/2004, ir-Regolament Nru 1177/2010 ma jużax il-kunċett ta’ “prenotazzjoni” fid-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu ( 8 ). |
49. |
Minkejja li dan il-kunċett jintuża biss fil-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1177/2010, intitolat “Drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà u tal-persuni b’mobbiltà mnaqqsa”, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kapitolu jistgħu jagħtu x’jifhem li prenotazzjoni tiġi qabel il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ trasport. Fil-fatt, l-Artikoli 7 u 8 ta’ dan ir-regolament jagħmlu distinzjoni bejn l-aċċettazzjoni ta’ prenotazzjoni u l-ħruġ ta’ biljett. |
50. |
F’din il-linja ta’ ideat, mid-definizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 3(m) u (n) tar-Regolament Nru 1177/2010 jirriżulta li, l-eżistenza ta’ “kuntratt ta’ trasport” hija pprovata, b’mod partikolari, b’“biljett”. Mill-banda l-oħra, dan ir-regolament ma jistabbilixxix rabta analoga bejn “kuntratt ta’ trasport” u “prenotazzjoni” ( 9 ). Barra minn hekk, l-Artikolu 3(m) tal-imsemmi regolament jindika li l-kuntratt ta’ trasport huwa konkluż “bejn trasportatur u passiġġier għall-forniment ta’ servizz wieħed jew aktar tal-passiġġieri jew kruċieri”. Għalhekk, wieħed ma jistax jeskludi li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jagħti l-kwalità ta’ “passiġġier” mhux lill-fatt li ssir prenotazzjoni iżda lill-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ trasport. Madankollu, kif indikajt ( 10 ), il-konklużjonijiet li tagħmel il-qorti tar-rinviju, fil-kuntest tal-ewwel domanda, mill-eżistenza ta’ eventwali differenzi bejn il-“prenotazzjoni minn qabel” u l-“kuntratti ta’ trasport” ma humiex rilevanti. Fil-fatt, mill-formulazzjoni ta’ din id-domanda jirriżulta li kull passiġġier li għamel prenotazzjoni kkonkluda wkoll kuntratt ta’ trasport. |
1. Espożizzjoni tal-ewwel domanda preliminari
51. |
L-ewwel domanda toriġina mill-argument ta’ Irish Ferries li r-Regolament Nru 1177/2010 japplika biss għal żewġ kategoriji ta’ passiġġieri, jiġifieri, minn naħa, il-passiġġieri li l-vjaġġi imminenti tagħhom jittardjaw jew jitħassru u li jkunu jinsabu fiżikament fil-port, u min-naħa l-oħra, il-passiġġieri li huma fil-fażi ta’ kruċiera. Mill-banda l-oħra, dan ir-regolament ma jkoprix il-passiġġieri li kienu informati mit-trasportatur bit-tħassir tal-vjaġġ bi preavviż ta’ mhux inqas minn seba’ ġimgħat qabel it-tluq ( 11 ). |
52. |
Sabiex targumenta li din it-tielet kategorija ta’ passiġġieri ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1177/2010, Irish Ferries tirreferi, fl-ewwel lok, għall-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament u għall-istruttura tiegħu. |
53. |
B’mod partikolari, Irish Ferries tiddeduċi mill-użu tat-terminu “vjaġġ interrott”, fit-titolu tal-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1177/2010, li dan ir-regolament ma jirrigwardax is-servizz ta’ trasport li għadu ma bediex. |
54. |
Barra minn hekk, l-Artikolu 17(1) u (2) tar-Regolament Nru 1177/2010 jobbliga lit-trasportaturi jipprovdu informazzjoni u ċerti servizzi (“ikliet ħfief, ikliet jew xorb” u “akkomodazzjoni adegwata abbord, jew fuq l-art”) lill-passiġġieri f’każ ta’ tħassir jew ittardjar ta’ servizz ta’ trasport. Skont Irish Ferries, din id-dispożizzjoni tagħmel sens biss jekk tapplika għall-passiġġieri li jkunu diġà jinsabu fil-port jew fit-terminal tal-port. |
55. |
F’din il-linja ta’ ideat, Irish Ferries tindika li, f’każ ta’ tluq imħassar jew tardiv, l-Artikolu 18(1) u (3) tar-Regolament Nru 1177/2010, minn naħa, jobbliga li l-passiġġier jiġi offrut “immedjatament” bdil tar-rotta jew rimbors, u min-naħa l-oħra, jipprovdi li r-rimbors jikkorrispondi għal prezz tal-“parti jew il-partijiet tal-vjaġġ li ma sarux”. Bl-istess mod, l-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament isemmi passiġġieri li “jiffaċċaw ittardjar fil-wasla” u għalhekk ma jirrigwardax il-passiġġieri li kienu fi tranżitu jew f’port. Barra minn hekk, l-estensjoni tal-ittardjar fit-tluq u fil-wasla, prevista minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, tfisser, skont Irish Ferries, li din hija dispożizzjoni li tapplika għall-passiġġieri li huma fi tranżitu jew abbord tal-port. |
56. |
Fit-tieni lok, Irish Ferries targumenta li l-passiġġieri bl-ajru u ferrovjarji ma jiġux ikkumpensati meta huma jkunu ġew informati bit-tħassir tas-servizz ta’ trasport mhux inqas minn ġimagħtejn qabel (l-Artikolu 5(1)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004) jew suffiċjentement minn qabel (linji gwida interpretattivi tal-Kummissjoni ( 12 )). Minkejja li r-Regolament Nru 1177/2010 huwa intiż sabiex jiżgura, kif tistabbilixxi l-premessa 1 tiegħu, livell għoli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri marittimi, komparabbli ma’ dak ta’ mezzi oħra ta’ trasport, dan ir-regolament ma jistax japplika meta l-komunikazzjonijiet ta’ tħassir ikunu ġew indirizzati lill-passiġġieri bi preavviż ta’ minimu ta’ seba’ ġimgħat. |
57. |
Fit-tielet lok, Irish Ferries targumenta li ċ-ċirkustanzi indikati fil-punti (a) sa (e) tal-ewwel domanda, juru l-firxa ta’ diffikultajiet affaċċjati fl-ittardjar ta’ kunsinna. F’dan il-kuntest, billi tirreferi għall-prinċipju impossibilium nulla obligatio est, irrikonoxxut fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 13 ), hija targumenta, minn naħa li dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax timponi obbligu li t-twettiq tiegħu huwa impossibbli li jseħħ. Min-naħa l-oħra, hija ssostni essenzjalment li d-diffikultajiet affaċċjati huma tali li l-kuntratti konklużi mal-passiġġieri kellhom jiġu meqjusa riżolti minħabba impossibbiltà ta’ eżekuzzjoni. |
58. |
Ikkunsidrat il-fatt li l-ewwel domanda tirrifletti l-argument imressaq minn Irish Ferries, ser neżamina din id-domanda fid-dawl tat-tliet serji ta’ argumenti ppreżentati iktar ’il fuq. |
2. Fuq il-formulazzjoni u l-istruttura tar-Regolament Nru 1177/2010
59. |
Qabel kollox għandu jiġi osservat li l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1177/2010, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jiddetermina l-kategoriji ta’ passiġġieri li għalihom japplika, u fl-Artikolu 2(2), dawk li għalihom ma japplikax. Xejn ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-fatt ta’ notifika minn qabel tat-tħassir jeskludi passiġġier mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament. Tali kundizzjoni sempliċement ma teżistix f’din id-dispożizzjoni. |
60. |
Huwa minnu li, skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1177/2010, dan japplika għall-passiġġieri li jużaw servizzi ta’ trasport jew jipparteċipaw fi kruċiera. Madankollu, wieħed ma jistax jiddeduċi li dan ir-regolament ma japplikax għall-passiġġieri li ma jkunux preżenti matul dawn il-vjaġġi. |
61. |
Fil-fatt, ir-Regolament Nru 1177/2010 jinkludi dispożizzjonijiet li ma hemmx dubju dwar l-applikabbiltà tagħhom fi stadju preliminari għal dak tal-vjaġġ effettiv. Bħala eżempju ta’ dan, l-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi, essenzjalment, li l-kundizzjonijiet kuntrattwali u t-tariffi applikati mit-trasportaturi jew mill-bejjiegħa tal-biljetti għandhom jiġu offruti lill-pubbliku mingħajr diskriminazzjoni. Bl-istess mod, l-Artikolu 7(1) tal-imsemmi regolament jipprojbixxi r-rifjut li tiġi aċċettata prenotazzjoni, jinħareġ jew jiġi pprovdut biljett jew l-imbark ta’ persuni sempliċement minħabba d-diżabbiltà jew il-mobbiltà mnaqqsa tagħhom. |
62. |
Barra minn hekk, fil-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet tal-passiġġieri meta jivvjaġġaw bil-baħar jew minn passaġġi fuq l-ilma interni u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 ( 14 ) (iktar ’il quddiem il-“proposta għal Regolament”), l-Artikolu 2 tagħha ma jirreferix għall-passiġġieri li għalihom ser japplika dan ir-regolament. Dan l-artikolu jistabbilixxi li r-Regolament “japplika għas-servizzi kummerċjali ta’ trasport ta’ passiġġieri bil-baħar jew permezz ta’ navigazzjoni fl-ilmijiet interni”. Wara l-opinjoni tal-Parlament ( 15 ) fl-ewwel qari u l-pożizzjoni tal-Kunsill ( 16 ) fl-ewwel qari, din id-dispożizzjoni kisbet, essenzjalment, il-formulazzjoni definittiva tagħha. Madankollu, xejn ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li dawn l-istituzzjonijiet kellhom l-intenzjoni li jillimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1177/2010 fis-sens previst minn Irish Ferries. Ikkunsidrat l-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri, komparabbli ma’ dak ta’ mezzi oħra ta’ trasport, wara l-proposta għal Regolament fil-bidu tax-xogħol preparatorju u li huwa stabbilit fil-premessa 1 tiegħu, tali intenzjoni kellha tingħata attenzjoni partikolari. Fil-fatt, il-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1177/2010 jwassal għat-tnaqqis tal-livell ta’ protezzjoni tal-passiġġieri. |
63. |
Imbagħad, għal dak li jirrigwarda, b’mod iktar preċiż, l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1177/2010, b’mod partikolari l-Artikoli 18 u 19 tiegħu, nikkunsidra li għall-kuntrarju ta’ dak li targumenta Irish Ferries, it-terminu “vjaġġ interrott”, li jinsab fit-titolu nnifsu ta’ dan il-Kapitolu, ma jistax jiġi interpretat fis-sens li għandha tkun diġà seħħet parti mill-vjaġġ qabel l-interruzzjoni tiegħu sabiex sitwazzjoni taqa’ taħt dan il-kapitolu. Fil-fatt, skont l-interpretazzjoni ta’ Irish Ferries, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “vjaġġ” tiddetermina, essenzjalment, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kapitolu. Issa, peress li dan il-kunċett ma huwiex iddefinit f’dan ir-regolament, is-sens ta’ dan il-kunċett għandu jiġi stabbilit bl-ikbar preċiżjoni. |
64. |
Barra minn hekk, l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1177/2010, intitolat “Eżenzjonijiet”, jistabbilixxi s-sitwazzjonijiet li fihom l-Artikoli 18 u 19 ta’ dan ir-regolament ma japplikawx. La l-fatt ta’ notifika minn qabel tat-tħassir u lanqas il-fatt ta’ interruzzjoni matul il-vjaġġ ma jinsabu fost dawn is-sitwazzjonijiet. Barra minn hekk, id-dottrina nnotat li s-sitwazzjonijiet li fihom tiġi stabbilita r-responsabbiltà ta’ trasportatur skont dawn id-dispożizzjonijiet, mingħajr l-interruzzjoni tal-vjaġġ, huma l-iktar frekwenti u importanti minn perspettiva prattika ( 17 ). |
65. |
Ċertament, is-servizzi offruti mingħajr ħlas lill-passiġġieri skont l-Artikolu 17(1) u (2) tar-Regolament Nru 1177/2010 jidhru rilevanti għall-passiġġier, fuq kollox matul il-vjaġġ tiegħu. Madankollu, l-obbligu li din id-dispożizzjoni tiġi applikata f’sitwazzjonijiet bħal dik deskritta fl-ewwel domanda huwa “flessibbli” permezz tal-preċiżazzjonijiet hemm magħmula, li jipprovdu li dawn is-servizzi għandhom jiġu pprovduti, għal dak li jirrigwarda l-ikliet ħfief, l-ikliet jew x-xorb, “b’mod raġonevoli skont it-tul ta’ ħin tal-istennija, kemm-il darba dawn ikunu disponibbli, jew ikunu jistgħu jiġu fornuti b’mod raġonevoli”, u għal dak li jirrigwarda akkomodazzjoni abbord jew fuq l-art, meta din issir neċessarja jew imposta. |
66. |
Fl-aħħar nett, huwa suffiċjenti li jiġi osservat li l-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament Nru 1177/2010 ma jsemmux l-obbligu ta’ notifika minn qabel tat-tħassir bħala kundizzjoni għall-applikabbiltà tagħhom. Barra minn hekk, matul ix-xogħol preparatorju, l-emenda nru 59, proposta mill-Parlament fl-opinjoni tiegħu fl-ewwel qari, li permezz tagħha ebda kumpens ma huwa dovut mit-trasportatur marittimu meta dan jinforma l-passiġġier mhux iktar tard minn tliet ijiem qabel it-tluq skedat, ma kinitx riprodotta fir-Regolament Nru 1177/2010. Din iċ-ċirkustanza tikkorrobora l-kunsiderazzjoni li l-leġiżlatur ma riedx jirrestrinġi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament jew tal-Artikoli 18 u 19 tiegħu fis-sens previst minn Irish Ferries. |
3. Fuq il-paralleliżmu bejn ir-Regolamenti Nri 261/2004, 1371/2007, 1177/2010 u 181/2011
67. |
Skont il-premessa 1 tar-Regolament Nru 1177/2010, dan huwa intiż sabiex jiżgura livell ta’ protezzjoni għall-passiġġieri marittimi, komparabbli ma’ dak ta’ mezzi oħra ta’ trasport. De lege ferenda, ċerti abbozzi leġiżlattivi jfittxu li jistabbilixxu livell simili ta’ protezzjoni għall-konsumaturi ġewwa l-Unjoni ( 18 ). Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, is-sitwazzjoni tal-impriżi li joperaw fis-settur tal-attività ta’ diversi mezzi ta’ trasport ma hijiex komparabbli fejn, fid-dawl tal-metodi ta’ operar tagħhom, il-kundizzjonijiet ta’ aċċessibbiltà tagħhom u tat-tqassim tan-networks tagħhom, dawn id-diversi mezzi ta’ trasport ma humiex interkambjabbli fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom ( 19 ). |
68. |
Bħala eżempju ta’ dan, fil-livell tad-dritt tal-Unjoni, id-drittijiet tal-vjaġġaturi bil-ferrovija huma stabbiliti permezz tar-Regolament Nru 1371/2007. Dan ir-regolament jipprovdi, b’mod partikolari, li, meta d-dewmien ma tax lok għar-rimbors tal-biljett skont l-Artikolu 16 tal-imsemmi regolament, il-vjaġġatur li jkollu dewmien bejn il-postijiet ta’ tluq u ta’ wasla indikati fuq il-biljett jista’, mingħajr ma jitlef id-dritt għat-trasport, jitlob kumpens mingħand l-impriża ferrovjarja ( 20 ). L-istess regolament ma jipprovdix li l-impriżi ferrovjarji huma eżentati mill-obbligu ta’ kumpens previst fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1371/2007 meta d-dewmien huwa imputabbli għal każ ta’ forza maġġuri. F’dawn iċ-ċirkustanzi, tista’ tqum il-kwistjoni dwar jekk il-kawżi ta’ eżenzjoni mir-responsabbiltà tat-trasportatur, previsti mir-Regolamenti Nri 261/2004, 1177/2010 u 181/2011, relattivi għat-trasport ta’ vjaġġaturi bl-ajruplan, bil-vapur u bix-xarabank jew bil-kowċ rispettivament, jistgħux jiġu applikati b’mod analogu għat-trasport bil-ferrovija. |
69. |
Fis-sentenza ÖBB-Personenverkehr ( 21 ), il-Qorti tal-Ġustizzja wieġbet fin-negattiv għal din il-kwistjoni. Billi rreferiet għall-ġurisprudenza li jiena ċċitajt fil-punt 67 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu d-dritt jistabbilixxi regoli li jipprovdu livell ta’ protezzjoni tal-konsumatur li jvarja skont is-settur ta’ trasport ikkonċernat ( 22 ). |
70. |
Fid-dawl ta’ dawn il-kjarifiki ġurisprudenzjali, wieħed ma jistax, abbażi ta’ paralleliżmu bejn ir-regolamenti relattivi għall-mezzi ta’ trasport differenti, jintroduċi permezz tal-ġurisprudenza soluzzjonijiet li jwasslu għall-armonizzazzjoni, għal dak li jirrigwarda kull mezz ta’ trasport, tal-obbligi tat-trasportaturi f’każ ta’ tħassir jew ittardjar ta’ servizz ta’ trasport tal-passiġġieri. Għalhekk, għandha tiġi osservata l-volontà tal-leġiżlatur tal-Unjoni li ma jistabbilixxix tali paralleliżmu bejn dawn ir-regolamenti. |
4. Fuq il-prinċipju impossibilium nulla obligatio est
71. |
Dan il-prinċipju jimplika li l-obbligi li t-twettiq tagħhom huwa, b’mod oġġettiv u assolut, impossibbli li jitwettaq ma jiġux imposti minn dan id-dritt fuq l-individwi ( 23 ) u li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li tiġi evitata l-impożizzjoni ta’ tali obbligi ( 24 ). |
72. |
Madankollu, impossibbiltà oġġettiva u assoluta ma tistax tiġi assimilata għall-eżistenza ta’ diffikultajiet fit-twettiq ta’ obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-importanza li għandu l-għan tal-protezzjoni tal-konsumaturi, inklużi l-passiġġieri marittimi, tista’ tiġġustifika konsegwenzi ekonomiċi negattivi, anki kunsiderevoli, għal ċerti operaturi ekonomiċi ( 25 ). Barra minn hekk, filwaqt li l-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament Nru 1177/2010 jimponu obbligi fuq trasportatur, l-Artikolu 20(3) u (4) ta’ dan ir-regolament jippermetti li dan it-trasportatur jinħeles minn dawn l-obbligi f’ċirkustanzi speċifiċi u jiżgura li dan ma jsibx ruħu f’sitwazzjoni komparabbli għal dik ta’ impossibbiltà assoluta. |
73. |
Għall-istess raġunijiet, sabiex jiġi ddeterminat jekk, abbażi tad-dritt nazzjonali, il-kuntratti konklużi mal-passiġġieri għandhomx jitqiesu riżolti minħabba impossibbiltà ta’ eżekuzzjoni, il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, indipendentement mil-liġi applikabbli għal dawn il-kuntratti, dawn tal-aħħar jirrigwardawx obbligi li jirriżultaw mir-Regolament Nru 1177/2010, li kif ser nispjega, ma jqegħdux lit-trasportatur fl-impossibbiltà li jwettaq l-obbligi kuntrattwali tiegħu. |
74. |
Sabiex nikkonkludi l-analiżi relattiva għall-ewwel domanda preliminari, nipproponi risposta fis-sens li r-Regolament Nru 1177/2010, b’mod partikolari l-Artikoli 18 u 19 tiegħu, japplika fis-sitwazzjoni fejn servizz ta’ trasport marittimu jitħassar bi preavviż, qabel it-tluq oriġinarjament skedat, għar-raġuni li l-vapur li kellu jopera dan is-servizz ta’ trasport kien is-suġġett ta’ ttardjar fil-kunsinna u ma setax jiġi ssostitwiet. |
B. Fuq il-kunċett ta’ “destinazzjoni finali” tal-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament Nru 1177/2010
75. |
Permezz tal-punt (a) tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika jekk il-bdil tar-rotta tal-passiġġieri, jew permezz ta’ vjaġġ(i) alternattivi b’itinerarju differenti meta mqabbel mal-vjaġġ oriġinali, jew permezz ta’ rotta fuq l-art (bit-triq jew ferrovjarja), jikkostitwixxix “bdil tar-rotta lejn id-destinazzjoni finali” taħt “kondizzjonijiet komparabbli” fis-sens tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1177/2010. |
76. |
Permezz tal-punt (b) tat-tielet domanda tagħha, din il-qorti tixtieq tkun taf jekk, meta ebda vjaġġ dirett alternattiv ma jkun disponibbli fuq il-vjaġġ oriġinali, il-passiġġieri li jingħataw rotta differenti, fis-sens tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1177/2010, għandhomx jirċievu kumpens għall-eventwali spejjeż finanzjarji addizzjonali li huma jsostnu, minn naħa, sabiex jaslu fil-portijiet ta’ imbark u ta’ żbark alternattivi, u min-naħa l-oħra, sabiex jitilqu minn dawn il-portijiet. |
77. |
Il-punt (b) tar-raba’ domanda, tirrigwarda wkoll l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “destinazzjoni finali” fir-rigward tad-dritt għal kumpens, previst fl-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1177/2010. |
78. |
Sabiex tingħata risposta lil dawn id-domandi, huwa neċessarju li jiġi interpretat il-kunċett ta’ “destinazzjoni finali” li jinsab fid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament ( 26 ). Għalhekk, nipproponi li dawn id-domandi għandhom jiġu indirizzati flimkien. |
1. Fuq il-kunċett ta’ “destinazzjoni finali”
79. |
Il-kunċett ta’ “destinazzjoni finali” li jinsab fl-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament Nru 1177/2010 jirrigwarda d-destinazzjoni finali kif stabbilita fil-kuntratt ta’ trasport. Għalhekk, fis-sistema ta’ dan ir-regolament, dan il-kunċett jikkorrispondi dejjem għal destinazzjoni miftehma bejn il-partijiet. Sa fejn “biljett”, fis-sens tal-Artikolu 3(n) tal-imsemmi regolament, jikkostitwixxi, essenzjalment, prova tal-eżistenza ta’ kuntratt ta’ trasport, id-destinazzjoni finali, bħala element essenzjali tiegħu, għandha fil-prinċipju tiġi inkluża wkoll fuq il-biljett. |
80. |
Barra minn hekk, fis-sistema tar-Regolament Nru 1177/2010, il-kunċett ta’ “destinazzjoni finali” jintuża sabiex jiddetermina l-post li fih il-passiġġier għandu jitwassal (u, flimkien mal-ħin tal-wasla, il-mument) wara trasport permezz ta’ servizzi tal-passiġġieri sabiex ikun jista’ jiġi kkunsidrat li dan is-servizz twettaq effettivament u b’mod korrett. Fil-fatt, minn naħa, permezz tal-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ trasport, il-passiġġier jikseb id-dritt għat-trasport lejn id-destinazzjoni finali ( 27 ), u f’każ ta’ tluq imħassar jew tardiv, skont l-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament, il-passiġġier għandu d-dritt għall-bdil tar-rotta lejn din id-destinazzjoni. Min-naħa l-oħra, jekk il-passiġġier jittardja biex jasal fid-destinazzjoni finali, it-trasportatur huwa fil-prinċipju obbligat jikkumpensah abbażi tal-Artikolu 19 tal-imsemmi regolament. |
81. |
Il-kunċett ta’ “destinazzjoni finali” għandu għalhekk rwol importanti fir-rigward tar-responsabbiltà ta’ trasportatur għall-eżekuzzjoni ta’ servizz tal-passiġġieri. Għalhekk, din għandha tkun destinazzjoni speċifikata b’mod preċiż u “kontrollabbli” mit-trasportatur, u dan għandu jkun f’pożizzjoni li jiddetermina t-tul tal-vjaġġ u l-ħin tal-wasla skont din id-destinazzjoni. Barra minn hekk, fid-dawl tal-fatt li l-kundizzjonijiet li fihom tiġi stabbilita r-responsabbiltà ta’ trasportatur skont l-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament Nru 1177/2010, huma fil-prinċipju, stabbiliti għall-passiġġieri kollha fil-kuntest tas-servizz tal-passiġġieri kkonċernat, ma tantx huwa probabbli li d-destinazzjoni finali tista’ tiġi stabbilita b’mod individwalizzat fil-kuntratti ta’ trasport. Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-kunċett ta’ “destinazzjoni finali” jikkorrispondi, fil-prinċipju, għall-port tal-iżbark indikat fil-kuntratt ta’ trasport għal vjaġġ oriġinali. |
82. |
Din il-kunsiderazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument ta’ Irish Ferries li r-Regolament Nru 1177/2010 juża l-kunċett ta’ “port tal-iżbark” u li, għalhekk, il-kunċett ta’ “destinazzjoni finali” ma jistax ikollu l-istess tifsira bħal dak tal-ewwel. Fil-fatt, il-kunċett ta’ “port tal-iżbark” jintuża biss fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament sabiex jiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Iċ-ċirkustanza li din id-dispożizzjoni ma tużax il-kunċett ta’ “destinazzjoni finali” tirriżulta mill-konvenzjoni terminoloġika hemm magħmula: skont l-Artikolu 2 tiegħu, ir-Regolament Nru 1177/2010 japplika għas-servizzi ta’ trasport tal-passiġġieri meta l-port tal-imbark jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru u, b’mera ta’ dan it-test, għal dak li jirrigwarda s-servizzi ġejjin minn Stat terz, meta l-port tal-iżbark jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru. |
2. Fuq il-bdil tar-rotta lejn id-destinazzjoni finali
83. |
Minkejja li l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1177/2010 jipprovdi li, f’każ ta’ tluq imħassar jew ittardjat, passiġġier għandu jiġi offrut, b’mod partikolari, bdil tar-rotta lejn id-destinazzjoni finali, kif stabbilita fil-kuntratt ta’ trasport, mingħajr ebda spejjeż addizzjonali, f’kundizzjonijiet komparabbli u mal-ewwel opportunità, huwa possibbli li wara trasport b’mezz marittimu, il-passiġġier ma jasalx fil-port tal-iżbark indikat fil-kuntratt ta’ trasport minn vjaġġ oriġinali. |
84. |
Fil-fatt, fid-dawl tan-numru limitat ta’ servizzi tal-passiġġieri disponibbli u tal-portijiet li jistgħu jilqgħu l-vapuri tal-passiġġieri, ma jistax jiġi meħtieġ li l-passiġġieri jiġu offruti dejjem trasport imwettaq fuq vjaġġ identiku għal dak miftiehem oriġinarjament. Kif tindika Irish Ferries, huwa possibbli li ma jeżisti ebda servizz alternattiv sabiex jittrasporta lil dawn il-passiġġieri fuq l-istess rotta jew fl-istess ġurnata. L-impożizzjoni ta’ tali rekwiżit iwassal għalhekk sabiex itawwal l-“ewwel opportunità” li fiha għandu jitwettaq il-bdil tar-rotta. Għal raġunijiet analogi, fil-kuntest tar-Regolament Nru 261/2004, it-trasportatur jista’ joffri titjira alternattiva lejn ajruport ieħor minbarra dak oriġinarjament previst ( 28 ), minkejja l-fatt li l-kunċett ta’ “destinazzjoni finali” huwa ddefinit, f’termini stretti, minn dan ir-regolament. Dan japplika wkoll għas-servizzi tal-passiġġieri bil-baħar jew permezz ta’ navigazzjoni fl-ilmijiet interni li, fil-prattika, ma jintużawx b’mod frekwenti għall-wasla u għar-residenza fil-port tal-iżbark. |
85. |
Madankollu, waqt bdil tar-rotta, it-trasportatur għandu jiżgura t-trasport lejn id-destinazzjoni finali, kif stabbilita fil-kuntratt ta’ trasport għal vjaġġ oriġinali, jew isostni l-ispejjeż tat-trasferiment ( 29 ). Fil-fatt, l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1177/2010 jipprovdi li l-passiġġier għandu d-dritt li jingħata rotta differenti lejn id-destinazzjoni finali u, kif indikajt fil-punt 81 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-kunċett ta’ “destinazzjoni finali” jikkorrispondi, fil-prinċipju, għall-port tal-iżbark indikat fil-kuntratt ta’ trasport għal vjaġġ oriġinali. |
86. |
Ladarba, fil-kuntest ta’ servizz tal-passiġġieri alternattiv, it-trasportatur ma għandux l-obbligu li jwassal il-passiġġier, b’mezz marittimu, fil-port tal-iżbark indikat fil-kuntratt ta’ trasport għal vjaġġ oriġinali, l-itinerarju użat permezz tal-mezz ta’ trasport alternattiv ma għandux, a fortiori, ikun neċessarjament identiku għal dak indikat fil-kuntratt ta’ trasport għal vjaġġ oriġinali. |
87. |
Madankollu, bdil tar-rotta għandu dejjem jitwettaq taħt “kondizzjonijiet komparabbli” fis-sens tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1177/2010. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi għalhekk, dwar jekk vjaġġ alternattiv li juża itinerarju differenti jistax jimplika l-użu ta’ mezzi oħra ta’ trasport, bħat-trasport bit-triq jew ferrovjarju permezz ta’ rotta fuq l-art. |
88. |
Ir-Regolament Nru 1177/2010 ma jiddefinixxix il-kunċett ta’ “kondizzjonijiet komparabbli” u jindika biss, fil-premessa 13 tiegħu, li passiġġier għandu jikseb bdil tar-rotta “b’kondizzjonijiet sodisfaċenti”. Il-kundizzjonijiet tas-servizz tal-passiġġieri huma stabbiliti fil-kuntratt ta’ trasport, u għalhekk, il-punt dwar jekk il-kundizzjonijiet ta’ servizz alternattiv humiex “komparabbli” għandu jiġi evalwat fid-dawl ta’ dan il-kuntratt. Għalhekk, it-termini “kondizzjonijiet komparabbli” jirrigwardaw l-elementi essenzjali tal-kuntratt, bħat-tul tal-vjaġġ kollu, il-ħin tal-wasla, in-numru ta’ korrispondenzi addizzjonali u l-klassi tal-biljetti. Ċertament, fid-dawl tal-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri, bdil tar-rotta ma jistax isir għad-detriment tal-passiġġieri u għandu għalhekk jadotta l-perspettiva ta’ dan il-passiġġier sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex “sodisfaċenti” meta mqabbla ma’ dawk stabbiliti fil-kuntratt ta’ trasport. Madankollu, ir-riferiment għall-kundizzjonijiet kuntrattwali tippermetti li jiġi żgurat li l-interess ta’ trasportatur ma jiġix injorat. |
89. |
Minkejja li fid-dritt tal-Unjoni ma jeżistix kuntest leġiżlattiv lege lata li jirrigwarda direttament il-protezzjoni tad-drittijiet tal-passiġġieri f’kuntest multimodali ( 30 ), dan ma jfissirx li t-trasport multimodali ma jikkostitwixxix soluzzjoni aċċettabbli għas-sistema ta’ protezzjoni tal-passiġġieri stabbilita fid-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, din hija wkoll soluzzjoni użata b’mod frekwenti mill-passiġġieri. Huwa possibbli wkoll, li f’ċerti każijiet, din is-soluzzjoni tkun l-unika servizz alternattiv disponibbli fl-ewwel opportunità. |
90. |
Il-bdil tar-rotta permezz ta’ vjaġġ(i) alternattivi li jużaw itinerarju differenti minn dak tal-vjaġġ oriġinali jew permezz ta’ rotta fuq l-art (bit-triq jew ferrovjarja) jista’ għalhekk jikkostitwixxi “bdil tar-rotta lejn id-destinazzjoni finali” taħt “kondizzjonijiet komparabbli” fis-sens tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1177/2010, jekk kundizzjonijiet oħra ta’ dan il-vjaġġ ( 31 ) huma komparabbli ma’ dawk stabbiliti għall-vjaġġ oriġinali fil-kuntratt ta’ trasport. |
3. Fuq l-ispejjeż addizzjonali sostnuti minn passiġġier li jingħata rotta differenti
91. |
Issa għandu jiġi vverifikat jekk it-trasportatur għandux jirrimborsa lil passiġġier li jingħata rotta differenti, minn naħa, l-ispejjeż addizzjonali sostnuti minnu sabiex jasal fil-portijiet tal-imbark u tal-iżbark alternattivi, u min-naħa l-oħra, dawk sostnuti sabiex jitlaq minn dawn il-portijiet. |
92. |
L-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament Nru 1177/2010 jipprovdi li, meta servizz ta’ trasport jitħassar, il-passiġġier għandu jiġi offrut rimbors tal-prezz tal-biljett jew il-bdil tar-rotta lejn id-destinazzjoni finali “mingħajr ebda spiża addizzjonali”. |
93. |
Kif diġà osservajt fil-punt 88 ta’ dawn il-konklużjonijiet, bdil tar-rotta ma għandux isir għad-detriment tal-passiġġier. Bdil tar-rotta lanqas jimplika li l-passiġġier jitqiegħed f’sitwazzjoni sproporzjonalment iktar vantaġġjuża minn dik prevista mill-kuntratt ta’ trasport li huwa kien ikkonkluda. |
94. |
F’dan il-kuntest, wieħed ma jistax jinsa li, għal dak li jirrigwarda s-servizzi tal-passiġġieri mhux interrotti, il-passiġġier għandu dejjem jasal fil-portijiet rilevanti u l-ispejjeż sostnuti f’dawn iċ-ċirkustanzi ma jiġux irrimborsati lilu. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punt preċedenti, il-kliem “mingħajr ebda spiża addizzjonali”, li jinsabu fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1177/2010, għandu jinqara fis-sens li għandhom jiġu rrimborsati lill-passiġġier l-ispejjeż sostnuti minħabba bdil tar-rotta, li huma ikbar minn dawk li l-passiġġier kien ser ikollu jsostni fil-każ ta’ servizz tal-passiġġieri mhux interrott. |
95. |
Sabiex niġbor fil-qosor l-analiżi dwar il-punti (a) u (b) tat-tielet domanda, kif ukoll il-punt (b) tar-raba’ domanda, jiena tal-fehma:
|
C. Fuq il-kumpens skont l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1177/2010 fid-dawl tal-għażla li minnha jibbenefika l-passiġġier skont l-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament
96. |
Permezz tat-tieni domanda, tal-punt (a) tar-raba’ domanda u tal-punt (a) tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex li tistabbilixxi, essenzjalment, jekk, meta servizz tal-passiġġieri jkun tħassar tal-inqas seba’ ġimgħat qabel it-tluq skedat u li passiġġier ikun ġie rrimborsat jew ingħata rotta differenti jew għażel vjaġġ f’data iktar tard, dan il-passiġġier jistax jippretendi li jiġi kkumpensat għall-ittardjar fil-wasal skont l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1177/2010, fid-dawl tal-ħin tal-wasal stabbilita għall-vjaġġ oriġinali. |
1. Espożizzjoni tad-domandi
97. |
Fil-kuntest tal-punt (a) tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tinkludi żewġ domandi sussidjarji. L-ewwel domanda sussidjarja tirrigwarda l-punt dwar jekk l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1177/2010 japplikax meta s-servizz tal-passiġġieri jkun tħassar tal-inqas seba’ ġimgħat qabel it-tluq skedat. It-tieni domanda sussidjarja, li tqum biss jekk l-ewwel domanda sussidjarja tingħata risposta affermattiva, tirrigwarda l-punt dwar jekk passiġġier li, wara tali tħassir, kien irrimborsat jew ingħata rotta differenti, jew għażel vjaġġ f’data iktar tard, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1177/2010, jistax jippretendi kumpens skont l-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament. |
98. |
Permezz tal-punt (a) tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf kif għandu jiġi evalwat it-tul tal-ittardjar fis-sens tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1177/2010 fiċ-ċirkustanzi korrispondenti għal dawk previsti mill-punt (a) tar-raba’ domanda, jiġifieri dawk fejn il-vjaġġ ikun tħassar tal-inqas seba’ ġimgħat qabel it-tluq skedat u fejn il-passiġġier ikun ingħata rotta differenti jew irrimborsat, jew għażel vjaġġ f’data iktar tard. |
99. |
It-tieni domanda tirrigwarda wkoll, essenzjalment, il-punt dwar jekk l-għażla ta’ passiġġier li jingħata rotta differenti skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1177/2010 twassalx għall-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ trasport ġdid, b’tali mod li d-dritt għall-kumpens, previst fl-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi evalwat mhux fid-dawl tal-ħin tal-wasla stabbilita għall-vjaġġ oriġinali iżda fid-dawl ta’ dak stabbilit f’dan il-kuntratt ta’ trasport “ġdid”. |
100. |
Peress li dawn id-domandi jirrigwardaw l-applikazzjoni kumulattiva tal-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament Nru 1177/2010 f’ċirkustanzi identiċi, nipproponi li jiġu analizzati flimkien. |
2. Fuq l-applikazzjoni kumulattiva tal-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament Nru 1177/2010
101. |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat, li kif jirriżulta mill-analiżi tiegħi dwar l-ewwel domanda, iċ-ċirkustanza li s-servizz tal-passiġġieri tħassar bi preavviż, qabel it-tluq skedat, ma teskludix l-applikazzjoni tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1177/2010 ( 32 ). |
102. |
Fit-tieni lok, sabiex nirrispondi għat-tieni domanda u għall-punt (a) tar-raba’ domanda, għandu jiġi stabbilit jekk l-Artikoli 18 u 19 ta’ dan ir-regolament jistgħux japplikaw b’mod kumulattiv, b’tali mod li l-passiġġier li rrikorra għal din l-ewwel dispożizzjoni jista’ xorta jippretendi kumpens skont din it-tieni dispożizzjoni. |
103. |
Sabiex din id-domanda titqiegħed f’kuntest iktar wiesa’, għandu jiġi osservat li l-Artikoli 16 sa 18 tar-Regolament Nru 1177/2010, minn naħa, u l-Artikolu 19 tiegħu, min-naħa l-oħra, jirrigwardaw rispettivament, il-każijiet ta’ tluq tardiv u dawk ta’ wasla tardiva. Id-dottrina tindika li l-leġiżlatur tal-Unjoni wettaq din id-distinzjoni għar-raġuni li, fit-trasport marittimu, għall-kuntrarju ta’ mezzi oħra ta’ trasport, ittardjar fit-tluq jista’ jiġi rkuprat matul il-vjaġġ, b’tali mod li passiġġier jista’ jasal fid-destinazzjoni finali fil-ħin stabbilit fil-kuntratt ta’ trasport, mingħajr ittardjar ( 33 ). |
104. |
B’hekk, wieħed jista’ jistaqsi dwar jekk, meta is-servizz tal-passiġġieri jitħassar, l-ipoteżi ta’ wasla tardiva tibqax xorta preżenti u tagħtix lill-passiġġier id-dritt għal kumpens skont l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1177/2010. |
105. |
Il-qari tal-premessa 14 tar-Regolament Nru 1177/2010 jista’ jindika li din il-mistoqsija għandha tingħata tweġiba affermattiva. Din il-premessa tistabbilixxi li “[i]t-trasportaturi għandhom jipprovdu għall-ħlas ta’ kumpens lill-passiġġieri f’każ ta’ kanċellazzjoni jew ittardjar ta’ servizz tal-passiġġieri abbażi ta’ perċentwali tal-prezz tal-biljett” ( 34 ). F’din il-linja ta’ ideat, il-proposta għal Regolament inizjali kienet tippreċiża, f’waħda mid-dispożizzjonijiet tagħha, li l-vjaġġatur li jsostni ttardjar fil-wasla minħabba tħassir jew ittardjar fit-tluq jista’ jitlob kumpens f’dan ir-rigward. Madankollu, wara l-opinjoni tal-Parlament ( 35 ) fl-ewwel qari, ġie deċiż, b’konformità ma’ din l-opinjoni, li ma jiġux speċifikati r-raġunijiet potenzjali għal ittardjar fil-wasla, li madankollu jinsabu fil-premessa 14 tar-Regolament Nru 1177/2010. |
106. |
Barra minn hekk, skont l-Artikolu 20(2) u (4) tar-Regolament Nru 1177/2010, l-Artikolu 19 tiegħu ma japplikax, rispettivament, “jekk il-passiġġier ikun informat bil-kanċellazzjoni jew bl-ittardjar qabel ix-xiri tal-biljett jew jekk il-kanċellazzjoni jew l-ittardjar ikun minħabba t-tort tal-passiġġier” u “fejn t-trasportatur jagħti prova li l-kanċellazzjoni jew l-ittardjar jiġu kkawżati minn kondizzjonijiet tat-temp” ( 36 ). Fil-fatt, fis-sistema tar-Regolament Nru 1177/2010, it-tħassir ta’ servizz tal-passiġġieri fih innifsu jwassal mhux għat-telf tad-dritt għat-trasport, iżda għall-għażla bejn rimbors u l-bdil tar-rotta li jista’ jwassal għad-destinazzjoni finali mingħajr ittardjar. Meta, f’każ ta’ tħassir, il-passiġġier iżomm id-dritt tiegħu għat-trasport, huwa xorta jista’ jipprevalixxi ruħu mill-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament. |
107. |
Fit-tielet lok, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-fatt li rrikorra għall-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1177/2010 (u bbenefika minn rimbors, bdil tar-rotta jew minn għażla ta’ vjaġġi f’dati iktar tard) jaffettwax l-applikabbiltà tal-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament. |
108. |
F’dan il-kuntest, l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1177/2010 jipprovdi li kumpens f’każ ta’ ttardjar fil-wasal jista’ jintalab minn passiġġier mingħajr ma dan jitlef id-dritt għat-trasport tiegħu. Fil-fatt, il-passiġġier għandu dritt għat-trasport li għalih huwa ħallas. Minkejja li t-tħassir ta’ servizz tal-passiġġieri ma għandux il-konsegwenza ta’ telf ta’ dan id-dritt ( 37 ), ma huwiex l-istess meta, wara tħassir, il-passiġġier talab u kiseb rimbors sħiħ skont l-Artikolu 18(1)(b) ta’ dan ir-regolament. F’tali sitwazzjoni, il-passiġġier jitlef id-dritt għat-trasport, raġuni li għaliha l-Artikolu 18(1)(b) tal-imsemmi regolament jipprovdi li r-rimbors tal-prezz tal-biljett huwa akkumpanjat “fejn rilevanti, [minn] servizz ta’ ritorn mingħajr ħlas lejn l-ewwel punt tat-tluq, kif stabbilit fil-kuntratt ta’ trasport, mal-ewwel opportunità”. |
109. |
Mill-banda l-oħra, meta passiġġier għażel mhux rimbors iżda bdil tar-rotta jew vjaġġ f’data iktar tard, huwa jkollu xorta d-dritt għat-trasport li għalih ikun ħallas, u konsegwentement, jista’ jitlob kumpens skont l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1177/2010. |
110. |
Issa jibqa’ li jiġi ddeterminat jekk, meta l-passiġġier ikun ingħata rotta differenti jew għażel vjaġġ f’data iktar tard, il-kumpens previst fl-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1177/2010 għandux jiġi ffissat skont il-ħin tal-wasla stabbilit għall-vjaġġ oriġinali. |
3. Fuq il-kalkolu tat-tul tal-ittardjar
111. |
Skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1177/2010, kumpens huwa dovut meta t-tul tal-ittardjar jeċċedi l-limiti stabbiliti, f’din id-dispożizzjoni, skont it-tul tal-vjaġġ. L-imsemmija dispożizzjoni tirrigwarda d-dritt għal kumpens tal-passiġġieri li jġarrbu ttardjar fil-wasla fid-destinazzjoni finali kif stabbilita fil-kuntratt ta’ trasport. Għalhekk, il-punt dwar jekk it-tul tal-ittardjar jeċċedix dawn il-limiti għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-ħin tal-wasla u t-tul tal-vjaġġ stabbiliti f’dan il-kuntratt li jistabbilixxi d-destinazzjoni finali. |
112. |
L-istess japplika għad-drittijiet tal-passiġġieri li ngħataw rotta differenti jew ta’ dawk il-passiġġieri li għażlu vjaġġ f’data iktar tard. |
113. |
Fil-fatt, fil-kuntest ta’ bdil tar-rotta, meta tluq jiġi ttardjat jew mħassar, l-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament Nru 1177/2010 jagħmel riferiment ukoll għad-destinazzjoni finali, kif stabbilita fil-kuntratt ta’ trasport, billi jispeċifika li l-bdil tar-rotta għandu jitwettaq taħt kundizzjonijiet komparabbli. F’dan ir-rigward, huwa evidenti li d-“destinazzjoni finali” hija dik stabbilita waqt il-konklużjoni tal-kuntratt li fih jiġu miftiehma l-kundizzjonijiet tat-trasport u li l-bdil tar-rotta jitwettaq taħt kundizzjonijiet komparabbli ma’ dawk oriġinarjament miftiehma. |
114. |
Fid-dawl tal-fatt li l-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament Nru 1177/2010 jistgħu japplikaw b’mod kumulattiv u jużaw l-istess formulazzjoni ta’ “destinazzjoni finali”, għandu jiġi kkunsidrat li din il-formulazzjoni għandha l-istess sens f’dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet. L-eżistenza ta’ dritt għall-kumpens skont l-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament għandha għalhekk tiġi ddeterminata fid-dawl tal-modalitajiet miftiehma mill-partijiet fil-kuntratt ta’ trasport għall-vjaġġ oriġinali. |
115. |
Konsegwentement, l-ittardjar jikkorrispondi għad-differenza bejn l-ħin tal-wasla skedat bil-kuntratt u l-ħin tal-wasla reali fid-destinazzjoni finali. |
116. |
Jekk, wara servizz tal-passiġġieri alternattiv, il-passiġġier ma twassalx fid-destinazzjoni finali oriġinarjament miftiehma, fil-prinċipju, kif tipproponi n-NTA u meta l-passiġġier jitlob dan, għandu jiġi kkalkolat l-ittardjar meta mqabbel mal-ħin li fih il-passiġġier kellu jasal fid-destinazzjoni finali kif stabbilita fil-kuntratt ta’ trasport, billi jiġi preżunt li l-bdil tar-rotta tkompla mill-port tal-iżbark alternattiv lejn din id-destinazzjoni. |
117. |
Mill-banda l-oħra, kif jirriżulta mill-punt 108 ta’ dawn il-konklużjonijiet, meta l-passiġġier jiġi rrimborsat kollox, skont l-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament Nru 1177/2010, il-kwistjoni ta’ kumpens skont l-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament ma tqumx. |
118. |
Għall-kuntrarju ta’ dak li donnha targumenta Irish Ferries, il-fatt li l-bdil tar-rotta jew l-għażla ta’ vjaġġ f’data iktar tard jirriżultaw minn għażla ta’ passiġġier ma jistax jikkontesta l-kunsiderazzjonijiet preċedenti. Fil-fatt, waqt il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ trasport oriġinali, dan il-passiġġier kien diġà għażel id-destinazzjoni finali, il-ħin tal-wasla u t-tul tal-vjaġġ. Il-fatt li s-servizz tal-passiġġieri ma twettaqx f’konformità ma’ dawn il-modalitajiet jirriżulta minn fatti imputabbli lit-trasportatur. Jekk jiġi kkunsidrat li l-għażla ulterjuri imposta fuq il-passiġġier, minħabba dawn il-fatti, iċċaħħdu mid-dritt tiegħu għal kumpens iwassal sabiex jagħti lil trasportatur id-dritt li jeħles mill-obbligi li huwa għandu skont l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1177/2010 minħabba bdil tar-rotta lejn id-destinazzjoni finali ( 38 ). Għall-kuntrarju tas-sitwazzjoni ta’ rimbors sħiħ, fit-test ta’ dan ir-regolament xejn ma jippermetti li tingħata tali soluzzjoni fis-sitwazzjoni ta’ bdil tar-rotta ( 39 ). Barra minn hekk, is-sitwazzjonijiet li fihom din id-dispożizzjoni ma tapplikax huma stabbiliti fl-Artikolu 20 tal-imsemmi regolament u l-fatt li l-passiġġier jiġi propost tali bdil tar-rotta ma huwiex imsemmi fih. |
119. |
Konsegwentement, nipproponi li r-risposta għat-tieni domanda, għall-punt (a) tar-raba’ domanda u għall-punt (a) tal-ħames domanda, għandha tkun li l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1177/2010 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta s-servizz tal-passiġġieri jitħassar bi preavviż, qabel it-tluq skedat, u meta passiġġier jagħżel bdil tar-rotta jew vjaġġ f’data iktar tard, dan il-passiġġier jista’ jippretendi kumpens skont l-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament fid-dawl tal-ittardjar fil-wasla fid-destinazzjoni finali kif stabbilita fil-kuntratt ta’ trasport għall-vjaġġ oriġinali. Meta l-passiġġier jitlob tali kumpens, l-ittardjar jikkorrispondi għad-differenza bejn il-ħin tal-wasla kuntrattwalment skedat u l-ħin li fih il-passiġġier ikun wasal fid-destinazzjoni finali, kif stabbilita fil-kuntratt ta’ trasport, billi jiġi preżunt li l-bdil tar-rotta tkompla mill-port tal-iżbark alternattiv lejn din id-destinazzjoni. Mill-banda l-oħra, passiġġier li jkun għażel u kiseb rimbors sħiħ ma jistax jippretendi tali kumpens. |
D. Fuq il-kunċett ta’ “prezz tal-biljett” fis-sens tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1177/2010
120. |
Permezz tal-punt (b) tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex li tiddetermina l-komponenti tal-“prezz tal-biljett” fis-sens tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1177/2010. F’dan il-kuntest, hija tistaqsi jekk il-prezz tal-biljett jinkludix l-ispejjeż marbuta mal-provvisti fakultattivi addizzjonali magħżula mill-passiġġier, bħall-prenotazzjoni ta’ kabina jew ta’ post fejn jinżammu l-klieb, jew anki l-aċċess għal swali tal-ogħla klassi. |
121. |
Minkejja li l-kunċett ta’ “prezz tal-biljett” jintuża fl-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament Nru 1177/2010, madankollu, dan ir-regolament ma jinkludi ebda definizzjoni ta’ dan il-kunċett. |
122. |
Matul ix-xogħol preparatorju tar-Regolament Nru 1177/2010, il-Parlament ippropona l-introduzzjoni ta’ definizzjoni tal-kunċett ta’ “prezz tal-biljett”, li kellha sservi bħala “bażi li fuqha jistrieħ kull kumpens”. Skont din il-proposta, dan jirrigwarda “[l]-ispejjeż magħmula għat-trasport u l-akkomodazzjoni abbord. Huwa ma jinkludix l-ispejjeż marbuta mal-ikliet, jew attivitajiet oħra jew xiri magħmul abbord” ( 40 ). L-imsemmija proposta ma kinitx inkluża mill-Kunsill. Mill-banda l-oħra, il-Kunsill stabbilixxa l-metodi ta’ kalkolu dettaljati għal dak li jirrigwarda l-ammonti li għandhom jitħallsu lill-passiġġier, skont l-Artikoli 18 u 19 ta’ dan ir-regolament. |
123. |
Mill-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1177/2010 jirriżulta li l-prezz tal-biljett iservi bħala l-bażi għall-kalkolu tal-kumpens f’każ ta’ ttardjar fil-wasla. Dan il-kumpens jikkorrispondi għal perċentwali (b’minimu ta’ 25 % jew 50 %) tal-prezz tal-biljett u huwa kkalkolat, skont l-Artikolu 19(3) ta’ dan ir-regolament, fir-rigward tal-prezz li l-passiġġier ikun fil-fatt ħallas għas-servizz tal-passiġġieri li jkun ittardja. |
124. |
Minn dan niddeduċi li l-prezz tal-biljett, fis-sens tal-Artikolu 19(3) tar-Regolament Nru 1177/2010 jikkorrispondi għall-ammont totali mħallas mill-passiġġier bħala korrispettiv għas-servizz tal-passiġġieri. Il-kumpens previst minn din id-dispożizzjoni huwa kkalkolat fir-rigward ta’ dan il-prezz u għandu l-għan li jikkumpensa l-ammont imħallas għal servizz tal-passiġġieri li ma twettaqx b’konformità mal-kuntratt ta’ trasport ( 41 ). Madankollu, fid-dawl tal-kuntratt, in-nuqqas fis-servizz tat-trasportatur jirrigwarda mhux biss in-nuqqas ta’ osservanza tad-destinazzjoni finali, iżda wkoll dik tal-kundizzjonijiet tat-trasport li għalihom ħallas il-passiġġier. Dawn il-kundizzjonijiet jirrigwardaw, b’mod partikolari, l-għażla ta’ kabina, post fejn jinżammu l-klieb jew klassi tal-biljett. Mill-banda l-oħra, ma għandhomx jiġu inklużi fil-prezz tal-biljett l-ammonti mħallsa għal servizzi esterni għas-servizz tal-passiġġieri, bħall-kummissjonijiet ta’ aġent tal-ivvjaġġar. |
125. |
Fil-fatt, kif tosserva l-Kummissjoni, bid-differenza għar-Regolament Nru 261/2004, ir-Regolament Nru 1177/2010, ma jipprovdix kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa standardizzata għal kull passiġġier, għaliex l-ammont ta’ dan jiddependi mill-prezz tal-biljett mixtri mill-passiġġier. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jekk ma jittiħdux inkunsiderazzjoni t-tip tal-biljett u elementi bħall-klassi (l-ogħla jew l-inqas) jew l-akkomodazzjoni abbord, ma tiġix osservata l-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni li ma jintroduċix tali kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa. |
126. |
Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1177/2010 li jiena nipproponi tippermetti lill-passiġġier jidentifika faċilment l-ammont tal-kumpens li għalih għandu dritt f’każ ta’ tħassir. Billi tiġi segwita din il-loġika, tista’ tiġi eskluża mill-kunċett ta’ “prezz tal-biljett”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, il-parti tal-prezz tal-biljett li tikkorrispondi għall-ammonti mħallsa għas-servizzi awtonomi minn dawk tas-servizz tal-passiġġieri, bil-kundizzjoni li din il-parti tal-prezz tal-biljett tkun identifikabbli b’mod ċar u “b’mod separat” mill-ammont imħallas għas-servizz tal-passiġġieri. |
127. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-fehma li r-risposta għall-punt (b) tal-ħames domanda għandha tkun li l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1177/2010 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prezz tal-biljett jinkludi l-ispejjeż marbuta mas-servizzi fakultattivi addizzjonali magħżula mill-passiġġier, bħall-prenotazzjoni ta’ kabina jew post fejn jinżammu l-klieb, jew anki l-aċċess għal swali tal-ogħla klassi. |
E. Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1177/2010
1. Osservazzjonijiet preliminari dwar is-sitt domanda preliminari
128. |
Permezz tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk ittardjar ta’ 200 ġurnata fil-kunsinna ta’ vapur ta’ trasport tal-passiġġieri li wassal għat-tħassir tal-vjaġġi kollha skedati fuq rotta marittima ġdida, jistax jiġi kkunsidrat bħala ċirkustanza straordinarja fis-sens tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1177/2010 u jekk tali ttardjar jeżentax lit-trasportatur mill-obbligu tiegħu ta’ kumpens lill-passiġġieri. |
129. |
Mill-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1177/2010 jirriżulta li t-trasportatur ma huwiex obbligat jikkumpensa lill-passiġġieri skont l-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament meta juri li t-tħassir jew l-ittardjar huma dovuti għal ċirkustanzi straordinarji li jipprekludu l-eżekuzzjoni tas-servizz tal-passiġġieri li ma setgħux jiġu evitati anki li kieku ttieħdu l-miżuri kollha raġonevoli. |
130. |
Sabiex tiddeskrivi ċ-ċirkustanzi li hija tixtieq li jiġu eżaminati fid-dawl tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1177/2010, il-qorti tar-rinviju ssemmi biss f’din id-domanda ċ-“ċirkustanzi u l-kunsiderazzjonijiet imsemmija fl-ewwel domanda”. Minn qari konġunt tal-ewwel u s-sitt domanda, jirriżulta li għal din il-qorti, huwa essenzjalment l-ittardjar tal-kunsinna li huwa fl-oriġini tal-preklużjoni tal-eżekuzzjoni tas-servizz tal-passiġġieri inkwistjoni. |
131. |
Barra minn hekk, minkejja li l-ewwel domanda tindika ċirkustanzi oħra, ċerti, b’mod partikolari dawk li ma seta’ jinkiseb ebda vapur alternattiv adegwat, li ma jeżisti ebda servizz alternattiv simili, u li iktar minn 20000 passiġġier kienu affettwati mill-kunsinna tardiva, dawn għandhom jiġu kkunsidrati mhux bħala “ċirkostanzi eċċezzjonali”, iżda pjuttost, fil-fehma tiegħi, bħala “miżuri raġonevoli” fis-sens tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1177/2010. |
2. Fuq il-kriterji ta’ determinazzjoni ta’ “ċirkostanzi eċċezzjonali”
132. |
Bħad-dispożizzjonijiet analogi tar-Regolament Nru 261/2004, l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1177/2010 jistabbilixxi l-prinċipju tad-dritt għall-kumpens tal-passiġġieri, filwaqt li l-Artikolu 20(4) ta’ dan ir-regolament jiddetermina s-sitwazzjonijiet li fihom it-trasportatur marittimu ma huwiex marbut iħallas dan il-kumpens. Din l-aħħar dispożizzjoni għandha għalhekk titqies bħala deroga għall-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 19 tal-imsemmi regolament u ma għandhiex tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni estensiva ( 42 ). |
133. |
Barra minn hekk, il-premessa 17 tar-Regolament Nru 1177/2010 tindika lista ta’ avvenimenti li jistgħu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “ċirkostanzi eċċezzjonali” ( 43 ). Din il-lista (“iżda ma jkunux limitati għal”) ma hijiex eżawrjenti. Fi kwalunkwe każ, dawn l-avvenimenti ma jaqgħux naturalment fl-eżerċizzju mhux imfixkel tat-trasport marittimu u ma jaqgħux taħt il-kontroll tat-trasportatur. |
134. |
F’din il-linja ta’ ideat, il-premessa 19 tar-Regolament Nru 1177/2010 tagħmel riferiment għall-ġurisprudenza li tipprovdi li taħt il-kunċett ta’ “ċirkostanzi eċċezzjonali” jistgħu jaqgħu biss avvenimenti li, minn naħa, ma humiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur ikkonċernat, u li min-naħa l-oħra, ma jkunux jaqgħu fl-ambitu tal-kontroll effettiv ta’ dan tal-aħħar. Dawn iż-żewġ kriterji kienu stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha relattiva għar-Regolament Nru 261/2004. Il-premessa 19 tar-Regolament Nru 1177/2010 turi għalhekk il-volontà tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jassimila l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “ċirkostanzi eċċezzjonali” fis-sens tar-Regolament Nru 1177/2010 għal dik stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha relattiva għar-Regolament Nru 261/2004 ( 44 ). |
135. |
Finalment, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li ż-żewġ kriterji huma kumulattivi ( 45 ) u huma ddeterminati fid-dawl tan-natura u l-oriġini tal-avveniment li pprekluda l-eżekuzzjoni tas-servizz tal-passiġġieri ( 46 ). Mill-imsemmija ġurisprudenza, wieħed jista’ jiddeduċi wkoll li dawn iż-żewġ kriterji huma l-uniċi validi sabiex tiġi kkonstatata l-presenza ta’ ċirkostanzi straordinarji. Fil-fatt, la l-frekwenza ( 47 ) u lanqas in-natura mhux mistennija ( 48 ) ta’ avveniment ma jfissru li dan tal-aħħar jikkostitwixxi ċirkustanza straordinarja. |
136. |
Fid-dawl tal-kjarifiki li għadni kemm għamilt, għandu jiġi rrilevat li, għall-kuntrarju ta’ dak li jargumentaw Irish Ferries u l-Irlanda, in-natura eċċezzjonali u mhux tas-soltu jew imprevedibbli tal-ittardjar tal-kunsinna ma tippermettix li dan l-ittardjar jiġi kklassifikat bħala “ċirkostanza eċċezzjonali” ( 49 ). |
137. |
Barra minn hekk, id-distinzjoni bejn iċ-ċirkustanzi straordinarji u dawk li ma għandhomx din in-natura ma tistax issir abbażi ta’ distinzjoni sempliċi bejn iċ-ċirkustanzi esterni u interni. Fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonkludiet li, f’ċerti każijiet, il-fatti ta’ terzi ma jeżentawx lit-trasportatur mill-obbligu tiegħu ta’ kumpens bħala ċirkustanzi straordinarji ( 50 ). |
3. Fuq il-kriterju tan-natura inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur marittimu
138. |
Għal dak li jirrigwarda l-kriterju tan-natura inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur ikkonċernat, għandi nosserva li, sabiex trasportatur marittimu jkun jista’ jagħti servizz tal-passiġġieri, huwa għandu jkollu vapur użat għal dan il-għan. A fortiori, il-fatt li jkollu flotta għad-dispożizzjoni tiegħu huwa indispensabbli, u saħansitra inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività ta’ trasport marittimu. Għalhekk, b’mod parallelu mar-raġunament li żviluppat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Krüsemann et ( 51 ), wieħed jista’ jikkunsidra li l-organizzazzjoni u l-manutenzjoni tal-flotta jagħmlu parti mill-miżuri ta’ ġestjoni normali ta’ trasportatur marittimu u ċerti riskji li jakkumpanjaw dawn il-miżuri huma inerenti wkoll għall-eżerċizzju normali tal-attività ta’ dan it-trasportatur. |
139. |
Ċertament, trasportatur jista’ jiddeċiedi li jantiċipa l-kunsinna ta’ vapur u joffri l-prenotazzjonijiet lill-passiġġieri, qabel ma’ dan il-vapur ikun għad-dispożizzjoni tiegħu. F’dan ir-rigward, Irish Ferries targumenta li tali aġir huwa abitwali fis-settur tat-trasport marittimu tal-passiġġieri. Meta trasportatur jieħu tali deċiżjoni, ladarba l-vapur ikkonċernat huwa l-uniku wieħed li jista’ jintuża għas-servizzi ta’ trasport fuq itinerarju partikolari, huwa jesponi ruħu, madankollu, għal riskju ekonomiku li huwa wkoll għandu jiġġestixxi. Mill-perspettiva tas-sistema tar-Regolament Nru 1177/2010, it-trasportatur ikkonċernat internalizza dan ir-riskju, billi integrah fl-attività normali tiegħu. |
140. |
Barra minn hekk, il-modalitajiet li jirrigwardaw l-ordni u l-kunsinna tal-vapur huma stabbiliti fil-kuntratt konkluż mit-trasportatur. Issa, minn naħa, kull kuntratt jinkludi riskji ( 52 ). F’din il-kawża, l-ittardjar tal-kunsinna jirriżulta minn ċirkustanzi li jirrigwardaw l-aġir ta’ waħda mill-partijiet tal-kuntratt jew l-aġir ta’ subappaltaturi ta’ din il-parti ( 53 ). Għalhekk, dan jirrigwarda tfixkil li jaqa’ taħt ir-riskju kuntrattwali abitwali. Fil-fatt, xejn ma jindika li l-ittardjar kien ikkawżat minn att estern għat-twettiq tal-obbligi kuntrattwali tal-kontraenti jew tas-subappaltaturi tiegħu, jew saħansitra għas-servizzi normali ta’ tarzna ( 54 ). F’dan il-kuntest, ir-riskju kuntrattwali abitwali jinkludi wkoll il-każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni kuntrattwali. Konsegwentement, il-fatt li l-ittardjar kien ta’ 200 ġurnata ma jistax jikkontesta din il-kunsiderazzjoni. |
141. |
Min-naħa l-oħra, kull kuntratt jista’ jikkostitwixxi mekkaniżmu ta’ ġestjoni tar-riskji. Fil-fatt, il-Kummissjoni tindika li l-ordni ta’ vapur ġdid hija ppjanata minn qabel u b’mod ġenerali tkun is-suġġett ta’ kuntratt dettaljat li jinkludi klawżoli relattivi għall-ittardjar ta’ kunsinna. F’din il-linja ta’ ideat, waqt is-seduta, in-NTA kkonstatat li l-kuntratt konkluż fl-2016 kien ibbażat fuq mudell standard, użat fil-prattika internazzjonali, u kien jinkludi mekkaniżmu ta’ kumpens għal ittardjar mhux awtorizzat. L-eżistenza ta’ mekkaniżmi ta’ ġestjoni tar-riskji f’kuntratti li jirrigwardaw il-kunsinna ta’ vapuri tikkonferma, fil-fehma tiegħi, ir-rikonoxximent tal-eżistenza tar-riskju kuntrattwali abitwali marbuta ma’ tali kunsinna. |
142. |
Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata minn Irish Ferries li indikat, li dan il-mekkaniżmu ma kienx suffiċjenti sabiex ikopri t-telf u d-danni li hija kienet ġarrbet. Fil-fatt, fid-dawl tal-livell ta’ protezzjoni tal-passiġġieri li s-sistema tar-Regolament Nru 1177/2010 hija intiża li tistabbilixxi, il-fatt li l-mekkaniżmu ta’ ġestjoni tar-riskju kuntrattwali abitwali ma jkunx suffiċjenti, skont waħda mill-partijiet tal-kuntratt, ma jistax iwassal għas-sitwazzjoni li fiha dan ir-riskju jiġi sostnut mill-passiġġieri. It-trasportatur ma jistax jesternalizza, għad-detriment tal-passiġġieri, ir-riskju ekonomiku li huwa integra fl-attività normali tiegħu ( 55 ). |
143. |
Għalhekk, nipproponi li jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1177/2010 għandu jiġi interpretat fis-sens li ttardjar fil-kunsinna ta’ vapur, li tirriżulta mill-aġir ta’ waħda mill-partijiet tal-kuntratt jew minn dak tas-subappaltaturi ta’ din il-parti, huwa inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur ikkonċernat meta dan ikun beda joffri l-prenotazzjonijiet u kkonkluda l-kuntratti ta’ trasport mal-passiġġieri qabel ma’ l-vapur tqiegħed għad-dispożizzjoni tiegħu, u għalhekk, ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “ċirkostanzi eċċezzjonali” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
144. |
Fid-dawl tal-fatt li ż-żewġ kriterji ta’ determinazzjoni ta’ “ċirkostanzi eċċezzjonali” huma kumulattivi, din il-kunsiderazzjoni għandha tkun suffiċjenti sabiex jiġi stmat li l-kunsinna tardiva ta’ vapur ma tikkostitwixxix tali ċirkustanza. Madankollu, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tiħux inkunsiderazzjoni l-imsemmija kunsiderazzjoni, ser ngħaddi issa għall-analiżi tat-tieni kriterju. |
4. Fuq il-kriterju tal-kontroll effettiv
145. |
Fil-ġurisprudenza tagħha relattiva għas-settur tat-trasport bl-ajru tal-passiġġieri, il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għall-kriterju tal-kompetenza tat-trasportatur li jevalwa jekk l-avveniment setax imur lil hinn mill-kontroll effettiv tiegħu ( 56 ). |
146. |
F’dan il-kuntest, fis-sentenza van der Lans ( 57 ), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-prevenzjoni ta’ ħsara jew it-tiswija li tirriżulta minnha, ma tmurx lil hinn mill-kontroll effettiv tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat, peress li huwa dan tal-aħħar li għandu jiżgura l-manutenzjoni u l-funzjonament tajjeb tal-ajruplani li huwa juża għall-finijiet tal-attivitajiet ekonomiċi tiegħu. |
147. |
Kif osservajt fil-punt 138 ta’ dawn il-konklużjonijiet, hija fil-kompetenza ta’ trasportatur marittimu li jiżgura l-organizzazzjoni u l-manutenzjoni tal-flotta użata għall-finijiet tal-attivitajiet ekonomiċi tiegħu. Għal dan il-għan, huwa jikkonkludi, b’mod partikolari, kif turi din il-kawża, kuntratti għall-kostruzzjoni ta’ vapuri. Għalhekk, bid-differenza għas-sitwazzjoni prevista fis-sentenza van der Lans ( 58 ), f’tali każ it-trasportatur għadu ma jużax il-vapur ordnat. |
148. |
F’dan il-kuntest, il-konklużjoni ta’ kuntratti u l-kontenut tagħhom ma jmurx lil hinn mill-kontroll effettiv tat-trasportatur ikkonċernat, li jippermettilu jirregola ċerti riskji, inkluż ir-riskju ekonomiku li għalih huwa espost. Għalhekk tqum il-kwistjoni li ġejja: it-twettiq tal-obbligi kuntrattwali minn wieħed mill-partijiet u mis-subappaltaturi tiegħu fit-terminu stabbilit huwa fil-kontroll effettiv tat-trasportatur? ( 59 ) |
149. |
Fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet dwar il-kriterju tal-kontroll effettiv fid-dawl tal-fatti ta’ terzi li jikkostitwixxu – jew li pprovokaw – avvenimenti li jistgħu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “ċirkostanzi eċċezzjonali”. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li ma jmorrux lil hinn mill-kontroll effettiv tat-trasportatur il-fatti ta’ terzi li seħħew f’kollaborazzjoni ma’ dan it-trasportatur jew dawk li joriġinaw minn deċiżjoni tiegħu ( 60 ). |
150. |
Fis-sentenza tagħha Transportes Aéreos Portugueses ( 61 ), il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet kjarifiki ġodda fir-rigward ta’ din il-ġurisprudenza. Qabelxejn, fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li passiġġier huwa marbut mat-trasportatur b’kuntratt ta’ trasport u li huwa l-passiġġier li għandu jiżgura li ma jikkompromettix l-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt b’mod tajjeb. Imbagħad, fil-punt 43, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, fl-ewwel lok, li l-aġir problematiku ta’ passiġġier li ġġustifika d-devjazzjoni tat-titjira kkonċernata, ma huwiex, fil-prinċipju, fil-kontroll effettiv tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat, peress li l-aġir u r-reazzjonijiet ta’ passiġġier għat-talbiet tal-ekwipaġġ ma humiex prevedibbli, u fit-tieni lok li abbord ajruplan, il-bdot fil-kmand kif ukoll l-ekwipaġġ għandhom biss mezzi limitati sabiex jikkontrollaw tali passiġġier. Minn dan niddeduċi li l-fatt li t-trasportatur jistabbilixxi l-klawżoli tal-kuntratt konkluż mal-passiġġier ma jimplikax awtomatikament li l-aġir tiegħu huwa fil-kontroll ta’ dan it-trasportatur. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat ukoll, fir-rigward tal-kriterju tal-kontroll effettiv, li għandu jiġi vverifikat jekk it-trasportatur ikkontribwixxiex għall-okkorrenza tal-aġir problematiku tal-passiġġier ikkonċernat jew jekk it-trasportatur kienx f’pożizzjoni li jantiċipa tali aġir u li jieħu l-miżuri xierqa, billi jibbaża ruħu fuq sinjali bikrija ( 62 ). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-aġir problematiku ta’ passiġġier ikun fil-kontroll tal-imsemmi trasportatur ( 63 ). |
151. |
F’dan ir-rigward, għandi nosserva li Irish Ferries tiddikjara li qabel il-konklużjoni tal-kuntratt tal-2016 kienet saret evalwazzjoni tat-tarzni u selezzjoni prudenti. Din id-dikjarazzjoni ma hijiex ikkontestata min-NTA. Għalhekk, xejn ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li Irish Ferries jew ICG ikkontribwixxew, fis-sens tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Transportes Aéreos Portugueses ( 64 ), b’mod attiv jew b’negliġenza, fil-kunsinna tardiva tal-vapur. Għal dawn ir-raġunijiet, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-analiżi tiegħi dwar l-ewwel kriterju ta’ determinazzjoni ta’ “ċirkostanza eċċezzjonali” u tipproċedi bl-analiżi tat-tieni kriterju, nipproponi li jiġi kkunsidrat li l-kunsinna tardiva ta’ vapur ma kinitx fil-kontroll tat-trasportatur. Konsegwentement, din il-kunsinna tardiva tista’ teżenta lit-trasportatur mir-responsabbiltà tiegħu bħala ċirkustanza straordinarja. |
5. Fuq il-miżuri raġonevoli
152. |
Anki jekk jiġi preżunt li l-ittardjar fil-kunsinna ta’ vapur jista’ jikkostitwixxi “ċirkostanza eċċezzjonali”, it-trasportatur xorta għandu jistabbilixxi li, anki li kieku implimenta l-miżuri raġonevoli kollha, jiġifieri l-mezzi f’termini ta’ persunal jew materjal u l-mezzi finanzjarji li huwa kellu, huwa ma setax manifestament, ħlief b’sagrifiċċji insopportabbli fid-dawl tal-kapaċitajiet tal-impriża tiegħu fil-mument rilevanti, jevita li ċ-ċirkustanzi straordinarji li huwa kien qed jaffaċċja jwasslu għat-tħassir jew l-ittardjar tas-servizz ta’ trasport ( 65 ). F’dan il-kuntest, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-miżuri li jistgħu effettivament jaqgħu taħt il-kompetenza tat-trasportatur ikkonċernat, bl-esklużjoni ta’ dawk li jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ terzi ( 66 ). |
153. |
Ċertament huwa minnu li għandha titħalla lill-qorti tar-rinviju l-funzjoni li tevalwa jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni, it-trasportatur kellux miżuri raġonevoli sabiex jevita ċ-ċirkustanza straordinarja inkwistjoni. Madankollu, sabiex tingħata gwida lill-qorti tar-rinviju u risposta utli għad-domanda tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħti kjarifiki dwar il-kwistjoni l-iktar kontroversjali għall-partijiet fil-kawża prinċipali ( 67 ). |
154. |
Fil-fatt, in-NTA ssostni li Irish Ferries ma ħaditx il-miżuri raġonevoli li kellha għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tevita t-tħassir tas-servizzi tal-passiġġieri. B’mod partikolari, Irish Ferries kienet irreġistrat prenotazzjonijiet għal servizzi ta’ trasport tal-passiġġieri fuq il-vapur f’epoka li fiha la kellha l-proprjetà u lanqas il-pussess tal-vapur u ma setgħetx tkun ċerta li, fil-mument li fih kellhom jiġu pprovduti s-servizzi tal-passiġġieri, hija kien ser ikollha l-proprjetà jew il-pussess tal-vapur. Mill-banda l-oħra, Irish Ferries targumenta li l-fatt li ma tirreġistrax il-prenotazzjonijiet għal servizzi ta’ trasport fuq rotta ġdida kien jikkostitwixxi sagrifiċċju insopportabbli, fis-sens tal-ġurisprudenza. |
155. |
Ċertament, wieħed jista’ jargumenta li t-terminu antiċipat minn Irish Ferries, bejn il-kunsinna tal-vapur u t-tqegħid fis-servizz tiegħu, ma kienx suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li dan it-trasportatur ma kellux miżuri iktar adegwati sabiex jevita n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-servizz ta’ trasport. |
156. |
Għalhekk, jekk għall-kuntrarju ta’ dak li jiena nipproponi f’dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-ittardjar fil-kunsinna ta’ vapur għal rotta ġdida ma jikkostitwixxix avveniment inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur ikkonċernat (l-ewwel kriterju ta’ determinazzjoni ta’ “ċirkostanzi eċċezzjonali”), wieħed ma jistax imbagħad, fil-fehma tiegħi, jeħtieġ li dan it-trasportatur ma jirreġistrax il-prenotazzjonijiet sakemm dan il-vapur jitqiegħed għad-dispożizzjoni tiegħu mit-tarzna, b’kull ċertifikazzjoni neċessarja. Fil-fatt, jekk jiġi kkunsidrat bħala “miżura raġonevoli” il-fatt li ma jirreġistrax il-prenotazzjonijiet sal-mument – imprevedibbli – fejn dan l-ittardjar huwa sorvolat, jew saħansitra mingħajr ebda limitu ratione temporis, imur kontra l-kunsiderazzjoni li dan l-ittardjar ma huwiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività, u għalhekk, jista’ jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “ċirkostanza eċċezzjonali”. |
157. |
Mingħajr preġudizzju għall-kummenti preċedenti, relattivi għat-tieni kriterju ta’ determinazzjoni ta’ “ċirkostanzi eċċezzjonjali”, ser inżomm il-pożizzjoni li ressaqt fil-punt 143 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fid-dawl tal-fatt li, skont din il-pożizzjoni, l-ewwel kriterju ta’ determinazzjoni ta’ “ċirkostanzi eċċezzjonali” ma huwiex issodisfatt f’dan il-każ, ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat it-tieni kriterju u lanqas il-punt dwar jekk it-trasportatur kellux “miżuri raġonevoli”. |
F. Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1177/2010
158. |
Permezz tas-seba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar jekk talba għal kumpens, skont l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1177/2010, tistax tiġi assimilata għal ilment, fis-sens tal-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament, b’tali mod li passiġġier għandu jippreżenta t-talba tiegħu lit-trasportatur f’terminu ta’ xahrejn mid-data li fiha s-servizz ta’ trasport ġie eżegwit jew kellu jiġi eżegwit sabiex il-korp nazzjonali responsabbli għall-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament ikun jista’ jissanzjona n-nuqqas ta’ ħlas ta’ dan il-kumpens. |
159. |
Minkejja li l-qorti tar-rinviju ma tispeċifikax in-numru ta’ passiġġieri u lanqas l-ammont li għalih dawn ippreżentaw it-talbiet għall-kumpens skont l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1177/2010, is-seba’ domanda donnha toriġina mill-argument ta’ Irish Ferries li n-NTA kienet naqqset milli tillimita l-effett tad-deċiżjoni u tan-notifiki għall-passiġġieri li kellhom ilment skont l-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament. Għalhekk, ma jistax jiġi kkunsidrat li jidher b’mod manifest li din id-domanda ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali. |
160. |
Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 1177/2010 ma jistabbilixxix biss it-terminu għall-introduzzjoni ta’ lment, iżda wkoll it-termini li fihom it-trasportatur għandu jeżamina l-ilment u jilqgħu jew jiċħdu. Bl-istess mod, l-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament jipprovdi terminu proprju sabiex jiġu trattati talbiet għal kumpens imressqa abbażi ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, l-Artikolu 19(5) tal-imsemmi regolament jobbliga lit-trasportatur iħallas il-kumpens dovut lill-passiġġier fi żmien xahar wara li tkun tressqet it-talba għall-kumpens. F’dawn iċ-ċirkustanzi, wieħed jista’ ċertament, a priori, jargumenta li din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi lex specialis fir-rigward tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 1177/2010, peress li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jirrigwardaw it-termini sabiex jiġu trattati t-talbiet għall-kumpens, mingħajr ma jaffettwaw it-terminu sabiex jitressaq ilment stabbilit fl-Artikolu 24(2) ta’ dan ir-regolament. |
161. |
Barra minn hekk, l-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 1177/2010 jimponi li t-trasportaturi jimplimentaw mekkaniżmu għat-trattament tal-ilmenti li jirrigwardaw id-drittijiet u l-obbligi previsti minn dan ir-regolament. Din id-dispożizzjoni tista’ tagħti x’jifhem li l-kunċett ta’ “ilment” jirrigwarda d-drittijiet u l-obbligi kollha msemmija mir-Regolament Nru 1177/2010, inkluż id-dritt għal kumpens, previst fl-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament. |
162. |
Madankollu, jiena tal-fehma li, fis-sistema tar-Regolament Nru 1177/2010, talba għall-kumpens ma tistax tiġi assimilata għal ilment. |
163. |
Fil-fatt, fl-ewwel lok, sabiex jiddeskrivi l-avveniment li minnu jibda għaddej it-terminu tat-trasportatur, l-Artikolu 19(5) tar-Regolament Nru 1177/2010 ma jirreferix għall-mument li fih jiġi riċevut l-ilment, iżda għal dak li fih tiġi ppreżentata t-talba għall-kumpens. |
164. |
Fit-tieni lok, bid-differenza għall-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 1177/2010, l-Artikolu 19(5) ta’ dan ir-regolament ma jipprovdix li t-trasportatur jeżamina t-talba għall-kumpens u jista’ jilqagħha jew jiċħadha. Skont din id-dispożizzjoni, “[i]l-kumpens għandu jitħallas fi żmien xahar wara li tkun tressqet it-talba għall-kumpens”. Din id-differenza bejn il-mod ta’ trattament tal-ilmenti u tat-talbiet għall-kumpens tikkorrispondi perfettament għan-natura ta’ dawn tal-aħħar. Fil-fatt, skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1177/2010, l-ittardjar fil-wasla jagħti lok għat-tnissil ta’ kreditu pekunjarju favur il-passiġġier li tiegħu jista’ jitlob il-ħlas mingħand it-trasportatur, talba li dan tal-aħħar, bħala debitur, għandu jissodisfa. |
165. |
Fit-tielet lok, skont l-Artikolu 25(3) tar-Regolament Nru 1177/2010, kull passiġġier jista’ jressaq ilment għall-ksur allegat ta’ dan ir-regolament quddiem il-korp nazzjonali responsabbli għall-applikazzjoni tal-imsemmi regolament ( 68 ). Din id-dispożizzjoni tipprovdi wkoll li Stat Membru jista’ jiddeċiedi li l-passiġġier għandu, l-ewwel, iressaq l-ilment tiegħu lit-trasportatur jew li l-korp nazzjonali jirrikonoxxi dan l-ilment bħala korp tal-appell. Minn dan niddeduċi li t-trasportaturi u l-korpi nazzjonali huma responsabbli mit-trattament tal-ilmenti li s-suġġett tagħhom huwa l-istess jew li jittrattaw l-istess ilmenti. |
166. |
F’dan il-kuntest, il-premessa 24 tar-Regolament Nru 1177/2010 tispjega li l-ħatra tal-korpi nazzjonali responsabbli mill-osservanza ta’ dan ir-regolament ma taffettwax id-drittijiet tal-passiġġieri li jirrikorru għall-proċedura ġudizzjarja quddiem il-qrati skont il-liġi nazzjonali. Il-passiġġier jista’ għalhekk jipprevalixxi ruħu minn dan il-kreditu skont l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1177/2010 quddiem il-qrati nazzjonali. Fil-kuntest ta’ tali proċedura ġudizzjarja, it-terminu ta’ xahrejn ma jkunx applikabbli. Ir-riferiment għad-dritt nazzjonali, li jinsab fil-premessa 24 ta’ dan ir-regolament, jikkorrobora din l-interpretazzjoni. Fil-fatt, jekk jiġi kkunsidrat li t-terminu ta’ xahrejn japplika fil-kuntest mhux ġudizzjarju jwassal sabiex jobbliga lill-passiġġier isegwi l-proċedura ġudizzjarja, mingħajr ma jippermetti lill-korpi nazzjonali responsabbli mill-osservanza tar-Regolament Nru 1177/2010 jissanzjonaw ir-rifjut tal-kumpens ta’ dan il-passiġġier minħabba l-iskadenza ta’ dan it-terminu. |
167. |
Għalhekk, l-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 1177/2010 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-impożizzjoni ta’ sanzjoni lit-trasportatur minħabba n-nuqqas ta’ ħlas dovut lill-passiġġier skont l-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament ma hijiex suġġetta għall-kundizzjoni li l-passiġġier kien ressaq it-talba għall-kumpens lit-trasportatur fit-terminu ta’ xahrejn mid-data li fiha s-servizz kien eżegwit jew kellu jiġi eżegwit. |
G. Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1177/2010
168. |
Permezz tat-tmien domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk il-kompetenza ta’ korp nazzjonali responsabbli għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1177/2010, stabbilit minn Stat Membru skont l-Artikolu 25(1) ta’ dan ir-regolament, hijiex limitata għas-servizzi ta’ trasport li jitilqu minn portijiet li jinsabu fit-territorju ta’ dan l-Istati Membru jew inkella jekk din il-kompetenza tkoprix ukoll is-servizzi ta’ trasport bir-ritorn li jitilqu minn Stat Membru ieħor lejn dawn il-portijiet. |
169. |
Il-formulazzjoni tal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1177/2010 tista’ tagħti x’jifhem li din id-domanda għandha tingħata risposta negattiva. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, il-korp nazzjonali maħtur minn Stat Membru huwa responsabbli għall-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament għas-servizzi tal-passiġġieri li jitilqu minn portijiet li jinsabu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru kif ukoll għal dawk li jitilqu minn pajjiż terz lejn dawn il-portijiet. |
170. |
Il-qorti tar-rinviju donnha hija perfettament konxja tal-implikazzjonijiet tal-interpretazzjoni letterali tal-imsemmija dispożizzjoni. Il-formulazzjoni tat-tmien domanda tindika li din il-qorti tixtieq tkun taf jekk iċ-ċirkustanza li l-kompetenza ta’ korp nazzjonali tiġi eżerċitata fir-rigward ta’ servizzi tal-passiġġieri li jirrigwardaw vjaġġ bir-ritorn, mill-Irlanda għal Franza, tistax twassal għal interpretazzjoni differenti tal-istess dispożizzjoni. |
171. |
F’dan il-kuntest, waqt is-seduta, Irish Ferries indikat, li għal ċerti passiġġieri, it-trasport ma kienx jirrigwarda l-vjaġġ bir-ritorn li jitlaq minn port li jinsab fit-territorju Irlandiż. Skont Irish Ferries, iktar minn nofs il-vjaġġi bdew fi Franza. Madankollu, il-formulazzjoni tat-tmien domanda tirreferi espressament għal vjaġġ fis-sens tar-ritorn (“a return sailing”) u għalhekk din id-domanda għandha tiġi analizzata minn dan l-angolu. |
1. Fuq l-Artikolu 25(1) u (3) tar-Regolament Nru 1177/2010
172. |
Qabelxejn, għandu jiġi eżaminat, l-argument tan-NTA, ibbażat fuq l-Artikolu 25(3) tar-Regolament Nru 1177/2010, li kull passiġġier jista’ jressaq ilment quddiem il-korp kompetenti maħtur skont l-Artikolu 25(1) ta’ dan ir-regolament jew quddiem kull korp kompetenti ieħor maħtur minn Stat Membru. In-NTA tinterpreta r-riferiment għal “kwalunkwe korp adatt ieħor maħtur mill-Istat Membru” fis-sens li passiġġier jista’ jressaq l-ilment tiegħu dwar it-trasport li jirrigwarda vjaġġ bir-ritorn quddiem korpi ta’ żewġ Stati Membri li fit-territorju tagħhom jinsabu l-portijiet ikkonċernati minn dan it-trasport. |
173. |
Madankollu, miniex konvint mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1177/2010 magħmula min-NTA, li l-passiġġier jista’ jagħżel il-korp li quddiemu jressaq l-ilment tiegħu, peress li din l-interpretazzjoni twassal sabiex tirrikonoxxi l-eżistenza tal-kompetenza alternattiva tal-korpi nazzjonali ta’ żewġ Stati Membri li fil-kuntest tagħha dawn il-korpi jiżguraw l-osservanza ta’ dan ir-regolament għal dak li jirrigwarda l-istess servizzi tal-passiġġieri. |
174. |
Fil-fatt, it-tmien domanda ma hijiex limitata għall-punt dwar f’liema Stat Membru passiġġier jista’ jressaq l-ilment tiegħu, iżda ssemmi, b’mod iktar ġenerali, il-kompetenza tal-korpi nazzjonali responsabbli għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1177/2010 u maħtura mill-Istati Membri skont l-Artikolu 25(1) ta’ dan ir-regolament. |
175. |
F’dan ir-rigward, korp nazzjonali maħtur minn Stat Membru huwa responsabbli għall-missjoni li jeżerċita sorveljanza ta’ natura ġenerali fuq l-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 1177/2010 fid-dawl tas-servizzi tal-passiġġieri li jitilqu minn portijiet li jinsabu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru u s-servizzi tal-passiġġieri li jitilqu minn pajjiż terz lejn dawn il-portijiet. B’hekk, tali korp jieħu, kif jirriżulta minn din id-dispożizzjoni, il-miżuri neċessarji sabiex jiżgura l-osservanza ta’ dan ir-regolament. |
176. |
Skont l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 1177/2010, l-Istati Membri, min-naħa tagħhom, jiddeterminaw is-sistema ta’ sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament u jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżguraw l-applikazzjoni tagħhom. Fid-dritt Irlandiż, in-nuqqas ta’ osservanza tal-komunikazzjonijiet li jirrigwardaw tali ksur, maħruġa min-NTA, huwa ssanzjonat minn multi. Madankollu, il-kompetenza tal-ħruġ ta’ tali komunikazzjonijiet għandha tiġi eżerċitata minn korp nazzjonali responsabbli għall-applikazzjoni tal-imsemmi regolament, bħan-NTA, fil-limiti previsti fl-Artikolu 25(1) tal-imsemmi regolament. |
177. |
Għalhekk, ma jistax jiġi kkunsidrat li kwalunkwe korp nazzjonali huwa kompetenti fil-qasam tas-sorveljanza ta’ natura ġenerali tas-servizzi tal-passiġġieri kkonċernati, għaliex din il-kompetenza timplika l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet għall-ksur tar-Regolament Nru 1177/2010 li jaqgħu fl-estensjoni territorjali ta’ din il-kompetenza. |
178. |
Issa fl-eżami tal-Artikolu 25(3) tar-Regolament Nru 1177/2010, għandu jiġi osservat li dan jirrigwarda biss it-trattament tal-ilmenti. Barra minn hekk, skont din id-dispożizzjoni, dawn jistgħu jitressqu quddiem il-korp kompetenti maħtur skont l-Artikolu 25(1) tal-imsemmi regolament jew quddiem kwalunkwe korp kompetenti ieħor maħtur minn Stat Membru. Minn dan niddeduċi li l-korp nazzjonali responsabbli għall-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament ma huwiex neċessarjament l-uniku korp kompetenti li jiddeċiedi dwar l-ilmenti. Stat Membru jista’ jistabbilixxi korp ieħor kompetenti għal dan il-għan. Il-kompetenza li jiġu trattati l-ilmenti tal-passiġġieri marittimi tista’ għalhekk tiddependi mill-kompetenza li fil-kuntest tagħha tiġi eżerċitata s-sorveljanza ta’ natura ġenerali ( 69 ). |
179. |
Lil hinn minn dan il-qari tal-Artikolu 25(3) tar-Regolament Nru 1177/2010, in-NTA targumenta li r-riferiment għal korp kompetenti maħtur minn Stat Membru jimplika li l-passiġġier jista’ jadixxi wkoll korpi kompetenti ta’ Stat Membru ieħor minbarra dak li fit-territorju tiegħu jinsab il-port tal-imbark. |
180. |
F’dan il-kuntest, minn naħa, l-Artikolu 25(3) tar-Regolament Nru 1177/2010 kien is-suġġett ta’ qari differenti matul ix-xogħol preparatorju. Fil-fatt, il-Parlament u l-Kunsill fehmu din id-dispożizzjoni fis-sens li hija tirrigwarda diversi korpi kompetenti stabbiliti mill-istess Stat Membru ( 70 ), jiġifieri l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab il-port tal-imbark. |
181. |
Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni donnha tifhem din id-dispożizzjoni fis-sens li l-passiġġier jista’ jagħżel li jadixxi l-korp nazzjonali responsabbli għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1177/2010 maħtur minn Stat Membru ieħor ( 71 ), madankollu, mingħajr ma tindika li dan il-korp nazzjonali huwa kompetenti fis-sens tal-Artikolu 25(3) ta’ dan ir-regolament. Madankollu, fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet analogi tar-Regolament Nru 261/2004, il-Kummissjoni tindika b’mod espliċitu li, f’tali każ, il-korp adit mill-passiġġier tal-ajru ma huwiex il-korp kompetenti u li l-ilment għandu jiġi trasferit lil korp responsabbli għall-applikazzjoni tar-Regolament kompetenti, maħtur minn Stat Membru ieħor ( 72 ). |
182. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, minkejja li nikkunsidra li l-passiġġier jista’ jressaq l-ilment dwar it-trasport li jirrigwarda vjaġġ bir-ritorn quddiem l-korpi ta’ wieħed miż-żewġ Stati Membri li fit-territorji tagħhom jinsabu l-portijiet ikkonċernati minn dan it-trasport, madankollu, dan ma jimplikax li dawn il-korpi kollha huma kompetenti sabiex jeżerċitaw is-sorveljanza ta’ natura ġenerali, imsemmija fl-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1177/2010, fuq is-servizzi tal-passiġġieri li għalihom jirreferi l-ilment. |
2. Fuq il-kunċett ta’ “servizz tal-passiġġieri” fid-dawl ta’ vjaġġ bir-ritorn
183. |
Raġunament ibbażat fuq qari speċifiku tal-kunċetti użati fl-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1177/2010 jista’ jikkontesta l-implikazzjonijiet tal-interpretazzjoni letterali ta’ din id-dispożizzjoni. |
184. |
Fil-fatt, jekk jiġi kkunsidrat li, fil-kuntest tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1177/2010, il-kunċett ta’ “servizz tal-passiġġieri” jinkludi, meta t-trasport jirrigwarda vjaġġ bir-ritorn, vjaġġ tat-tluq u vjaġġ tar-ritorn iwassal sabiex tiġi rrikonoxxuta l-kompetenza tal-korpi nazzjonali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsabu l-portijiet ta’ imbark ta’ dan l-ewwel vjaġġ. |
185. |
Irish Ferries tirreferi għal dan ir-raġunament billi tindika li, fil-kuntest tar-Regolament Nru 261/2004, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-kunċett ta’ “titjira” fis-sens ta’ dan ir-regolament jikkonsisti, essenzjalment, f’operazzjoni tat-trasport bl-ajru, li hija b’hekk, b’ċertu mod, “unità” ta’ dan it-trasport ( 73 ). Waqt is-seduta, n-NTA donnha rrepetiet din il-kunsiderazzjoni billi argumentat li, għal dak li jirrigwarda r-Regolament Nru 1177/2010, meta t-trasport jirrigwarda vjaġġ bir-ritorn, is-servizz prenotat jinkludi żewġ partijiet. |
186. |
Minkejja li l-Artikolu 3(f) tar-Regolament Nru 1177/2010 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “servizz tal-passiġġieri”, din id-definizzjoni ma tinkludix indikazzjoni li tippermetti li jiġi ddeterminat jekk it-trasport li jirrigwarda vjaġġ bir-ritorn jikkostitwixxix servizz wieħed. Madankollu, tali indikazzjonijiet jistgħu jinsabu f’dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-regolament. |
187. |
F’dan il-kuntest, l-Artikolu 19(4) tar-Regolament Nru 1177/2010 jistabbilixxi l-metodu tal-kalkolu tal-kumpens dovut lill-passiġġier f’każ ta’ ttardjar fil-wasla fir-rigward tat-trasport li jirrigwarda vjaġġ bir-ritorn u jipprovdi, fil-verżjoni bil-lingwa Franċiża ta’ dan ir-regolament, li, meta l-ittardjar iseħħ fit-tluq jew fir-ritorn, dan il-kumpens huwa kkalkolat fir-rigward ta’ nofs il-prezz imħallas għat-trasport imwettaq permezz tas-servizz tal-passiġġieri. Madankollu, verżjonijiet lingwistiċi oħra jindikaw li dan il-kumpens huwa kkalkolat fir-rigward ta’ nofs il-prezz imħallas għat-trasport imwettaq permezz ta’ dan is-servizz tal-passiġġieri ( 74 ) jew fir-rigward ta’ nofs il-prezz imħallas għal dan is-servizz tal-passiġġieri ( 75 ). F’dawn il-verżjonijiet lingwistiċi, l-użu ta’ pronom dimostrattiv fl-espressjoni “dan is-servizz” donnu jikkostitwixxi referenza għall-Artikolu 19(3) ta’ dan ir-regolament, li jirrigwarda s-servizz tal-passiġġieri li ttardja. |
188. |
Mal-ewwel daqqa t’għajn, l-Artikolu 19(4) tar-Regolament Nru 1177/2010 jista’ jwassal sabiex jiġi konkluż li t-trasport li jirrigwarda vjaġġ bir-ritorn jitwettaq permezz ta’ servizz tal-passiġġieri wieħed. |
189. |
Madankollu, fl-ewwel lok, din id-dispożizzjoni torbot tali trasport ma’ tali servizz biss fil-każ fejn wieħed miż-żewġ vjaġġi jkun ittardja. |
190. |
Fit-tieni lok, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1177/2010, il-kunċett ta’ “trasport” ma huwiex użat f’dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-regolament. Minkejja li l-kunċett ta’ “vjaġġ” jikkostitwixxi l-ekwivalenti tal-kunċett ta’ “servizz tal-passiġġieri”, wieħed jista’ jistaqsi dwar ir-raġuni għaliex il-leġiżlatur ma użax dan it-tieni kunċett fil-formulazzjoni tal-Artikolu 19(4) tal-imsemmi regolament. |
191. |
Fit-tielet lok, l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1177/2010 jipprovdi li, fil-każijiet imsemmija minn din id-dispożizzjoni, il-passiġġier jiġi offrut immedjatament l-għażla bejn “bdil tar-rotta lejn id-destinazzjoni finali […] kif stabbilit fil-kuntratt ta’ trasport”, jew “ir-rimborż tal-prezz tal-biljett u, fejn rilevanti, servizz ta’ ritorn mingħajr ħlas lejn l-ewwel punt tat-tluq, kif stabbilit fil-kuntratt ta’ trasport, mal-ewwel opportunità” ( 76 ). Għalhekk, jekk fil-każ ta’ vjaġġ bir-ritorn, jiġi kkunsidrat li hemm servizz tal-passiġġieri wieħed, dan iwassal sabiex jiġi kkunsidrat li d-destinazzjoni finali ta’ dan is-servizz hija identika għall-ewwel punt tat-tluq tiegħu ( 77 ). |
192. |
Konsegwentement, ma jistax jiġi kkunsidrat li, meta t-trasport jirrigwarda vjaġġ bir-ritorn, is-servizz tal-passiġġieri huwa wieħed. |
193. |
Issa għandu jiġi ddeterminat jekk iċ-ċirkustanza li l-kompetenza li tiġi eżerċitata s-sorveljanza ta’ natura ġenerali tkun eżerċitata fir-rigward tas-servizzi tal-passiġġieri li għalihom it-trasport jirrigwarda vjaġġ bir-ritorn tistax trattab l-implikazzjonijiet tal-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1177/2010, mingħajr ma tirrikorri għall-qari differenti tal-kunċett ta’ “servizz tal-passiġġieri”. |
3. Fuq il-korp nazzjonali responsabbli għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1177/2010 fir-rigward tat-trasport li jirrigwarda vjaġġ bir-ritorn
194. |
Sabiex inqiegħed il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin fil-kuntest tagħhom, infakkar li, fil-loġika tradizzjonali tad-dritt pubbliku, u anki f’dik tad-dritt internazzjonali pubbliku, il-kompetenza ta’ korp stabbilit minn Stat Membru għandha, fil-prinċipju, tkun limitata għat-territorju tiegħu, jew biex inkun iktar preċiż, għas-sitwazzjonijiet li għandhom rabta mill-qrib suffiċjenti ma’ dan l-Istat Membru u/jew mat-territorju tiegħu. |
195. |
Barra minn hekk, kif diġà semmejt, l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1177/2010 jipprovdi b’mod espliċitu li l-kompetenza ta’ korp nazzjonali tinkludi wkoll l-eżerċizzju tas-sorveljanza tas-servizzi ta’ trasport minn Stati terzi lejn wieħed mill-Istati Membri. Għalhekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jċaħħadx il-passiġġieri mill-possibbiltà li jadixxu korp nazzjonali maħtur minn wieħed mill-Istati Membri jekk is-servizz ta’ trasport ma jitlaqx minn portijiet li jinsabu fl-Unjoni. |
196. |
Fil-fatt, l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1177/2010 għandu jinqara fid-dawl tal-Artikolu 2 tiegħu, li jiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Skont l-Artikolu 2(1)(b) tiegħu, ir-Regolament Nru 1177/2010 japplika għall-passiġġieri li jużaw servizzi ta’ trasport minn Stati terzi lejn wieħed mill-Istati Membri, sakemm is-servizz ikun operat minn trasportatur stabbilit fit-territorju ta’ Stat Membru jew joffri trasport permezz ta’ servizzi tal-passiġġieri li joperaw minn jew lejn it-territorju ta’ Stat Membru. |
197. |
Minn dan jirriżulta li, minn naħa, ir-rabta mill-qrib li teżisti bejn l-Istat Membru fejn jinsab il-port tal-imbark u s-servizzi tal-passiġġieri lejn Stat terz hija, fil-prinċipju, suffiċjenti sabiex tagħti l-kompetenza, għal dak li jirrigwarda s-sorveljanza ta’ dawn is-servizzi, lill-korp nazzjonali maħtur minn dak l-Istat Membru. |
198. |
Min-naħa l-oħra, l-estensjoni tal-kompetenza tal-korpi nazzjonali maħtura mill-Istati Membri għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1177/2010 tikkoinċidi, fil-prinċipju, mal-estensjoni territorjali tal-protezzjoni li dan ir-regolament jagħti lill-passiġġieri. Dawn il-korpi għandhom ikunu kompetenti fis-sitwazzjonijiet kollha fejn id-drittijiet tal-passiġġieri mogħtija mill-imsemmi regolament setgħu kienu potenzjalment miksura ( 78 ) u t-tqassim tal-kompetenza bejniethom huwa biss ta’ natura sussidjarja meta mqabbel mal-iżgurar ta’ din il-koinċidenza. Sabiex tingħata risposta lit-tmien domanda, għandu issa jiġi ddeterminat kif jitwettaq dan it-tqassim fl-Unjoni. |
199. |
F’dan ir-rigward, jiena tal-fehma li, fid-dawl tal-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri, li tippermetti l-ħolqien u ż-żamma ta’ spazju mingħajr fruntieri interni, it-tqassim tal-kompetenza bejniethom ma għandhiex neċessarjament issegwi l-prinċipji tradizzjonali tad-dritt pubbliku jew tad-dritt internazzjonali pubbliku. Għalhekk, fis-sistema tar-Regolament Nru 1177/2010, dan it-tqassim tal-kompetenza donnu għadu bbażat fuq ir-rabta mill-qrib bejn it-territorju tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab il-port tal-imbark jew tal-iżbark u s-servizz tal-passiġġieri kkonċernat. |
200. |
Fil-każ fejn it-trasport jirrigwarda vjaġġ bir-ritorn, li jinkludi żewġ vjaġġi distinti, li kellhom jiġu żgurati mit-trasportatur, tħassar kollu, ir-rabta bejn il-vjaġġ tar-ritorn u tat-territorju tal-Istat Membru li fih jinsab il-port tal-imbark għal dan il-vjaġġ ma jidhirlix li hija iktar rilevanti minn dik bejn l-imsemmi vjaġġ u t-territorju tal-Istat Membru li fih jinsab il-port tal-iżbark għall-imsemmi vjaġġ. Dan l-aħħar port jikkostitwixxi wkoll, fil-prinċipju, il-port tal-imbark għall-vjaġġ tat-tluq. Fil-fatt, bħall-Kummissjoni, nikkunsidra li, f’dan il-każ, il-korp nazzjonali tal-Istat Membru ta’ dan tal-aħħar huwa fil-prinċipju, l-aħjar post sabiex jiġu evalwati il-perturbazzjonjiet u għas-superviżjoni tal-għajnuna lill-passiġġieri għal dawn iż-żewġ vjaġġi kompletament imħassra. |
201. |
Għalhekk, jiena tal-fehma li l-kompetenza ta’ dan il-korp nazzjonali li jeżerċita s-sorveljanza ta’ natura ġenerali tinkludi li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet ta’ kull passiġġier li l-port tal-imbark tiegħu għall-vjaġġ tat-tluq jinsab fit-territorju tal-Istat Membru ta’ dan il-korp, kif ukoll fir-rigward tal-vjaġġ tar-ritorn. Meta t-trasport li tħassar kollu jkun jirrigwarda vjaġġ bir-ritorn, għandha tiġi adottata l-perspettiva ta’ passiġġier sabiex tiġi ddeterminata l-estensjoni tal-kompetenza tal-korpi nazzjonali, anki jekk l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1177/2010 jsemmi l-korpi responsabbli għall-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament mhux għal dak li jirrigwarda l-passiġġieri iżda għal dak li jirrigwarda s-servizzi tal-passiġġieri. Fil-fatt, din il-kompetenza għandha l-għan li tiżgura l-osservanza tar-Regolament Nru 1177/2010, li jipprevedi prinċipalment id-drittijiet tal-passiġġieri. |
202. |
Barra minn hekk, kif tosserva l-Kummissjoni, din l-interpretazzjoni tkun konformi mal-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri peress li tippermetti li tiġi evitata l-multiplikazzjoni ta’ proċeduri meta ċ-ċirkustanza tal-oriġini tat-tħassir ta’ żewġ vjaġġi tkun l-istess. |
203. |
Fid-dawl ta’ dawn l-argumenti kollha, nipproponi li l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1177/2010 għandu jiġi interpretat fis-sens li jaqgħu fil-kompetenza ta’ korp nazzjonali responsabbli għall-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, maħtur minn Stat Membru, is-servizzi ta’ trasport li jitilqu minn portijiet li jinsabu fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru, kif ukoll, f’każ ta’ trasport li jirrigwarda vjaġġ bir-ritorn li tħassar kollu, is-servizzi ta’ trasport ta’ ritorn li jitilqu minn Stat Membru ieħor lejn portijiet li jinsabu fit-territorju ta’ dan l-ewwel Stat Membru. |
H. Dwar il-validità tad-deċiżjoni u tan-notifiki
204. |
Id-disa’ domanda tinqasam f’żewġ domandi sussidjarji. Permezz tal-ewwel domanda sussidjarja, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika “[l]iema prinċipji u regoli tad-dritt tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu applikati mill-qorti tar-rinviju meta din tevalwa l-validità tad-deċiżjoni u/jew tan-notifiki tal-korp nazzjonali ta’ eżekuzzjoni b’riferiment għall-Artikoli 16, 17, 20 u/jew 47 tal-Karta u/jew għall-prinċipji ta’ proporzjonalità, ċertezza legali, u trattament ugwali?”. Permezz tat-tieni domanda sussidjarja, l-imsemmija qorti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina jekk “[i]t-test ta’ natura irraġonevoli li għandu jiġi applikat mill-qorti nazzjonali [huwiex] dak tal-iżball manifest?” |
205. |
Dawn iż-żewġ domandi sussidjarji donnhom joriġinaw mid-dikjarazzjonijiet ta’ Irish Ferries quddiem il-qorti tar-rinviju, ikkontestati min-NTA. Madankollu, għal dak li jirrigwarda l-ewwel domanda sussidjarja, il-formulazzjoni tagħha, anki jekk tinqara fid-dawl ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, tibqa’ partikolarment wiesgħa u ambigwa. |
206. |
Fil-fatt, minn naħa, kif tosserva l-Kummissjoni, id-deċiżjoni u n-notifiki msemmija minn din id-domanda sussidjarja huma bbażati fuq ċerta interpretazzjoni min-NTA tad-dispożizzjonijiet sostantivi tar-Regolament Nru 1177/2010. Din l-interpretazzjoni tikkostitwixxi, essenzjalment, il-bażi tal-ewwel tmien domandi tal-qorti tar-rinviju. Fil-kuntest tal-imsemmija interpretazzjoni, id-dispożizzjonijiet tal-Karta u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni għandhom ukoll jittieħdu inkunsiderazzjoni. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-osservazzjonijiet tagħha dwar l-għaxar domanda, Irish Ferries targumenta li, jekk in-NTA interpretat u applikat korrettament ir-Regolament Nru 1177/2010, dan – u mhux id-deċiżjoni jew in-notifiki tagħha – huwa invalidu. |
207. |
Min-naħa l-oħra, preżunt li tqum il-kwistjoni dwar jekk, f’evalwazzjoni tal-validità tal-atti adottati minn korpi nazzjonali, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, qorti nazzjonali għandhiex tapplika d-dispożizzjonijiet tal-Karta jew il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, inkluż dawk imsemmija b’mod espliċitu fl-ewwel domanda sussidjarja, it-tweġiba tista’ tkun biss fl-affermattiv. |
208. |
Fl-assenza tal-espożizzjoni tar-raġunijiet preċiżi li wasslu lill-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għalhekk il-formulazzjoni tal-ewwel domanda sussidjarja tippermetti li tingħata biss risposta f’termini ġenerali, kważi astratti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li t-talba għal deċiżjoni preliminari, sa fejn din tirrigwarda l-ewwel domanda sussidjarja, ma tosservax ir-rekwiżiti imposti mill-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u ma tippermettix lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju sabiex tiddeċiedi l-kawża prinċipali, u għalhekk, hija inammissibbli ( 79 ). Din il-kunsiderazzjoni hija kkorroborata mill-qari tal-osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-partijiet, li jinkludu biss dikjarazzjonijiet ta’ ordni ġenerali ( 80 ). |
209. |
Din il-kunsiderazzjoni tapplika wkoll għat-tieni domanda sussidjarja. L-espożizzjoni tal-argument tal-partijiet fil-kawża prinċipali jinkludi biss żewġ sentenzi, fis-sens li Irish Ferries tqis li d-deċiżjoni u n-notifiki huma vvizzjati bi żball manifest, filwaqt li n-NTA tiċħad l-eżistenza ta’ tali żball. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju ma tispjegax fhix jikkonsisti “[i]t-test ta’ natura irraġonevoli” li apparentament hija għandha tapplika skont id-dritt Irlandiż waqt l-evalwazzjoni tal-validità tad-deċiżjoni u tan-notifiki tan-NTA. |
210. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena nqis li t-tieni domanda sussidjarja hija inammissibbli wkoll, u għalhekk, li d-disa’ domanda kollha għandha tiġi kkunsidrata bħala inammissibbli. |
I. Fuq il-validità tal-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament Nru 1177/2010
211. |
Permezz tal-għaxar domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-validità tal-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament Nru 1177/2010 fid-dawl tal-prinċipji tal-ugwaljanza fit-trattament, tal-proporzjonalità u taċ-ċertezza legali kif ukoll fir-rigward tal-Artikoli 16, 17 u 20 tal-Karta. |
212. |
Minkejja li l-formulazzjoni ta’ din id-domanda tirreferi, b’mod ġenerali, għar-Regolament Nru 1177/2010, madankollu mill-espożizzjoni tal-motivi tat-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-imsemmija domanda tirrifletti l-argument ta’ Irish Ferries li fl-Artikoli 18 u 19 tiegħu, dan ir-regolament jimponi, b’kontradizzjoni mal-prinċipji u d-dispożizzjonijiet tal-Karta, obbligi onerużi fuq it-trasportaturi marittimi. F’din il-linja ta’ ideat, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, Irish Ferries tirreferi b’mod iktar speċifiku għall-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament Nru 1177/2010 u tindika li r-responsabbiltà tat-trasportatur tista’ tiġi stabbilita skont dawn id-dispożizzjonijiet. |
1. Fuq il-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament u fuq l-Artikolu 20 tal-Karta
213. |
Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li l-konformità tal-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament Nru 1177/2010 mal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament, stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta, kienet is-suġġett tal-analiżi tiegħi relattiva għall-ewwel domanda. Fil-fatt, fil-kuntest tad-dibattitu dwar din id-domanda, Irish Ferries tinvoka argument bbażat fuq paralleliżmu bejn ir-regolamenti relattivi għall-mezzi ta’ trasport differenti. Għalhekk, huwa suffiċjenti li jitfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li s-sitwazzjoni tal-impriżi li joperaw fis-settur tal-attività ta’ mezzi ta’ trasport differenti ma hijiex komparabbli ( 81 ). |
214. |
Konsegwentement, u fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet diġà magħmula fil-kuntest tal-ewwel domanda, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament Nru 1177/2010 ma humiex invalidi minħabba ksur tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament u tal-Artikolu 20 tal-Karta. |
2. Fuq il-prinċipju ta’ proporzjonalità
215. |
Il-validità tal-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament Nru 1177/2010 fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għandha tiġi eżaminata wkoll fid-dawl tal-argument ta’ Irish Ferries li l-impożizzjoni ta’ obbligu għall-kumpens huwa sproporzjonat meta t-trasportatur jinforma lill-passiġġieri bit-tħassir ta’ servizz diversi ġimgħat jew xhur qabel id-data tas-servizz. |
216. |
Barra minn hekk, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, Irish Ferries tiddikjara biss li, peress li r-Regolament Nru 1177/2010 huwa intiż sabiex jiżgura fit-trasport marittimu tal-passiġġieri livell għoli ta’ protezzjoni komparabbli ma’ dak ta’ mezzi oħra ta’ trasport, ikun sproporzjonat li t-trasport marittimu jiġi trattat b’mod inqas favorevoli mill-mezzi l-oħra ta’ trasport bl-ajru u ferrovjarju. |
217. |
F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li għall-kuntrarju ta’ dak li donnha targumenta Irish Ferries, ir-responsabbiltà tat-trasportatur skont l-obbligi previsti fl-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament Nru 1177/2010 hija ’l bogħod milli tkun mingħajr limitu jew irraġonevoli. Fil-fatt, is-sitwazzjonijiet li fihom dawn id-dispożizzjonijiet ma japplikawx, diġà huma stabbilita fl-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Eżenzjonijiet” ( 82 ). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-konsegwenzi finanzjarji ċerti għat-trasportaturi marittimi ma jistgħux jiġi kkunsidrati sproporzjonati meta mqabbla mal-għan ta’ protezzjoni għolja tal-passiġġieri. |
218. |
Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-argument ta’ Irish Ferries li huwa sproporzjonat li t-trasport marittimu jiġi trattat b’mod inqas favorevoli mill-mezzi l-oħra ta’ trasport, huwa suffiċjenti li jiġi osservat li din hija, essenzjalment, sempliċi kritika tal-konformità tar-Regolament Nru 1177/2010 mal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament, liema punt kien diġà s-suġġett tal-analiżi tiegħi ( 83 ). Sussidjarjament, ninnota li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li ma humiex invalidi fid-dawl tal-prinċipji ta’ proporzjonalità d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 261/2004 li jistabbilixxu l-obbligu ta’ assistenza tal-passiġġieri previst f’każ ta’ tħassir ta’ titjira minħabba “ċirkustanzi straordinarji”, anki jekk dan ikun obbligu mingħajr limitu ratione temporis jew finanzjarjament ( 84 ). |
219. |
Għalhekk, jiena tal-fehma li l-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament Nru 1177/2010 ma jistgħux jiġu kkunsidrati invalidi minħabba allegat ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
3. Fuq il-prinċipju ta’ ċertezza legali
220. |
Peress li l-għaxar domanda tirrigwarda l-prinċipju ta’ ċertezza legali, din id-domanda għandha tinqara wkoll fid-dawl tal-argument ta’ Irish Ferries li r-Regolament Nru 1177/2010 imur kontra dan il-prinċipju billi jimponi obbligi riġidi fuq it-trasportaturi fl-assenza ta’ bażi legali ċara. |
221. |
Barra minn hekk, Irish Ferries tiddikjara li dan il-prinċipju nkiser għar-raġuni li l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1177/2010 jimponi l-obbligu li jitħallas kumpens b’riferiment għal perċentwali tal-“prezz tal-biljett” mingħajr ma jiddefinixxi dan il-kunċett. Sabiex inqiegħed din id-dikjarazzjoni fil-kuntest, għandi nosserva li, fil-kuntest tal-osservazzjonijiet tagħha dwar id-disa’ domanda, Irish Ferries tikkontesta l-validità tad-deċiżjoni u tan-notifiki tan-NTA sa fejn dawn ma jiddefinixxux il-kunċett ta’ “prezz tal-biljett” fis-sens tal-Artikolu 19(2) ta’ dan ir-regolament, u b’mod partikolari, ma jispeċifikawx jekk dan il-kunċett jinkludix “opzjonijiet addizzjonali”, bħall-prezz ta’ kabina. Għandu jiġi kkunsidrat li Irish Ferries tagħmel l-istess kritika fil-kuntest tal-għaxar domanda. |
222. |
Il-prinċipju ta’ ċertezza legali jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġ, b’mod partikolari, li leġiżlazzjoni tkun ċara u preċiża, sabiex l-individwi jkunu jistgħu jagħrrfu mingħajr ambigwità d-drittijiet u l-obbligi tagħhom u konsegwentement jieħdu l-passi tagħhom. |
223. |
B’hekk, fl-ewwel lok, xejn ma jippermetti li jiġi ddeterminat fhiex tikkonsisti l-kritika magħmula minn Irish Ferries sa fejn din hija bbażata fuq dikjarazzjoni ġenerali li r-Regolament Nru 1177/2010 jimponi obbligi fl-assenza ta’ bażi legali ċara f’dan ir-regolament. Fi kwalunkwe każ, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament li jirrigwardaw l-obbligi tat-trasportaturi huma analizzati b’mod partikolari fil-kuntest tat-tieni sas-sitt domanda. |
224. |
Fit-tieni lok, minkejja li l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1177/2010 ma jinkludix definizzjoni tal-kunċett tal-“prezz tal-biljett”, l-Artikolu 19(3) ta’ dan ir-regolament jispjega li l-kumpens dovut lill-passiġġier f’każ ta’ ttardjar fil-wasla huwa kkalkolat skont il-prezz li l-passiġġier fil-fatt ħallas għas-servizz tal-passiġġieri li ttardja. Barra minn hekk, kif turi l-analiżi tiegħi relattivi għall-ħames domanda, il-problema tal-inklużjoni ta’ “opzjonijiet addizzjonali” fil-prezz tal-biljett tista’ tissolva permezz ta’ interpretazzjoni sistematika u teleoloġika tal-imsemmi regolament. Jekk jiġi kkunsidrat li kull dispożizzjoni teħtieġ l-użu ta’ metodi ta’ interpretazzjoni oħra minbarra l-metodu testwali jmur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali li fil-prattika jwassal għall-esklużjoni ta’ dawn il-metodi ta’ interpretazzjoni. |
225. |
Għalhekk, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li, sa fejn din id-dispożizzjoni tirrigwarda l-kunċett tal-“prezz tal-biljett”, l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1177/2010 ma huwiex invalidu minħabba ksur tal-prinċipju taċ-ċertezza legali. |
4. Fuq l-Artikoli 16 u 17 tal-Karta
226. |
Peress li l-għaxar domanda tirreferi għall-Artikoli 16 u 17 tal-Karta, din id-domanda għandha tinftiehem fis-sens li, permezz tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, l-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament Nru 1177/2010 jikkostitwixxux limitazzjonijiet ammissibbli fl-eżerċizzju tal-libertà ta’ intrapriża u tad-dritt għall-proprjetà. |
227. |
Il-qorti tar-rinviju ma tesponix l-elementi li wassluha sabiex tagħmel din id-domanda, li donnha toriġina biss mill-argument invokat minn Irish Ferries. Minkejja li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma jippreżentax dan l-argument b’mod dettaljat, Irish Ferries żviluppatu fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha sa fejn dawn jirrigwardaw l-ewwel u l-għaxar domanda. Minn dawn l-osservazzjonijiet jirriżulta li, permezz tal-imsemmi argument, Irish Ferries tipprevedi prinċipalment l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità mil-limitazzjonijiet li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament Nru 1177/2010. |
228. |
Kif diġà kkunsidrat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-validità tar-Regolament Nru 261/2004 mill-perspettiva tal-konformità tiegħu mal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta, din l-evalwazzjoni għandha ssir fl-osservanza tal-konċiljazzjoni neċessarja tar-rekwiżiti marbuta mal-protezzjoni ta’ dawn id-diversi drittijiet u ta’ bilanċ ġust bejniethom ( 85 ). Ikkunsidrat il-kuntest li fih taqa’ l-leġiżlazzjoni tad-drittijiet tal-passiġġieri, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll l-Artikolu 38 tal-Karta, intiż sabiex jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, inkluż, konsegwentement, tal-passiġġieri. |
229. |
Kif jirriżulta mill-analiżi tiegħi dwar il-validità tal-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament Nru 1177/2010 mill-perspettiva tal-konformità tagħhom mal-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 86 ), dawn il-kunsiderazzjonijiet huma trasponibbli għal dan ir-regolament u jwassluni sabiex nikkonkludi li dawn id-dispożizzjonijiet josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
230. |
Konsegwentement, jiena tal-fehma li l-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament Nru 1177/2010 ma jmorrux kontra l-Artikoli 16 u 17 tal-Karta. |
231. |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-eżami tal-għaxar domanda ma rrilevax element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament Nru 1177/2010. |
V. Konklużjoni
232. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta li ġejja għad-domandi preliminari magħmula mill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda):
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol.8, p. 10).
( 3 ) Ara r-Regolament (KE) Nru 1371/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar id-Drittijiet u l-Obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji (ĠU 2007, L 315, p. 14).
( 4 ) Ara r-Regolament (KE) Nru 181/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport bix-xarabank u bil-kowċ u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (JO 2011, L 55, p. 1).
( 5 ) Ara r-Regolament (UE) Nru 1177/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri meta jivvjaġġaw bil-baħar jew minn passaġġi fuq l-ilma interni u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU 2010, L 334, p. 1).
( 6 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 1981, Salonia (126/80, EU:C:1981:136, punt 6).
( 7 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2013, McDonagh (C‑12/11, EU:C:2013:43, punt 44).
( 8 ) Fil-fatt, l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 261/2004 jipprovdi, essenzjalment, li dan ir-regolament japplika għall-passiġġieri li jitilqu minn ajruport, bil-kundizzjoni li dawn il-passiġġieri jkollhom prenotazzjoni kkonfermata u jippreżentaw ruħhom għal check‑in.
( 9 ) Madankollu, l-Artikolu 2(g) tar-Regolament Nru 261/2004 jistabbilixxi rabta bejn ir-“reżervazzjoni” u l-“biljett” fis-sens tal-Artikolu 2(f) ta’ dan ir-regolament. Skont din l-ewwel dispożizzjoni, ir-“reżervazzjoni” tfisser il-fatt li l-passiġġier għandu biljett, jew prova oħra, li tindika li l-prenotazzjoni ġiet aċċettata u rreġistrata, mil-trasportatur tal-ajru jew mill-operatur tat-tour.
( 10 ) Ara l-punt 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 11 ) Il-preavviż ta’ minimu ta’ seba’ ġimgħat, imsemmi fid-domandi preliminari, huwa kkalkolat mid-data li fiha Irish Ferries ikkomunikat it-tħassir tas-servizzi ta’ trasport lill-passiġġieri tagħha. Ara l-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 12 ) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, Linji Gwida interpretattivi dwar ir-[Regolament Nru 1371/2007] (ĠU 2015, C 220, p. 1) https://eur-lex.europa.eu/legal-content/FR/TXT/HTML/?uri=CELEX:52015XC0704(01).
( 13 ) Irish Ferries tqajjem, f’dan il-kuntest, is-sentenzi tat-3 ta’ Marzu 2016, Daimler (C‑179/15, EU:C:2016:134, punt 42), u tas-6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il-Kummissjoni, Il-Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u L-Kummissjoni vs Ferracci (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 79).
( 14 ) COM(2008) 816 finali.
( 15 ) Skont l-Opinjoni tal-Parlament, P6_TC1-COD(2008)0246, ir-Regolament kien japplika “għat-trasport kummerċjali, b’vapuri tal-passiġġieri, ta’ passiġġieri li jivvjaġġaw bil-baħar jew permezz ta’ navigazzjoni fl-ilmijiet interni”. Ara wkoll, l-emenda Nru 9 tar-rapport dwar il-proposta għal Regolament [2008/0246(COD)].
( 16 ) Skont il-Pożizzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 5/2010 (ĠU 2010, C 122 E, p. 19), ir-Regolament kien japplika għall-passiġġieri li jużaw servizzi ta’ trasport jew jipparteċipaw fi kruċiera.
( 17 ) Ara f’dan is-sens, Stec, M., “Ochrona pasażera w transporcie morskim i w żegludze śródlądowej w świetle rozporządzenia (UE) nr 1177/2010”, fi Kostański, P., Podrecki, P., Targosz, T., (dir.), Experientia docet. Księga jubileuszowa ofiarowana Pani Profesor Elżbiecie Traple, Wolters Kluwer, Varsavja, 2017, p. 1408.
( 18 ) Ara Erceg, B., u Vasilj, A., “Current affairs in passengers rights protection in the European Union”, EU and Comparative Law Issues and Challenges, 2018, Vol. 2, p. 222 u 223.
( 19 ) Ara s-sentenzi tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA (C‑344/04, EU:C:2006:10, punt 96); tal-31 ta’ Jannar 2013, McDonagh (C‑12/11, EU:C:2013:43, punt 56), u tas-26 ta’ Settembru 2013, ÖBB-Personenverkehr (C‑509/11, EU:C:2013:613, punt 47).
( 20 ) Ara l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1371/2007.
( 21 ) Sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, (C‑509/11, EU:C:2013:613, punt 48).
( 22 ) Ara s-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, ÖBB-Personenverkehr (C‑509/11, EU:C:2013:613, punt 47).
( 23 ) Ara, b’analoġija mal-ġurisprudenza relattiva għall-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju għad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, is-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il-Kumissjoni, Il-Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u L-Kummissjoni vs Ferracci (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 24 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2016, Daimler (C‑179/15, EU:C:2016:134, punt 42).
( 25 ) Ara b’analoġija, is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2012, Nelson et (C‑581/10 u C‑629/10, EU:C:2012:657, punt 81).
( 26 ) Ara l-analiżi tiegħi dwar it-tieni domanda u l-punt (a) tar-raba’ domanda.
( 27 ) L-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1177/2010 jipprovdi li, f’każ ta’ ttardjar fil-wasla, passiġġier jista’ jitlob kumpens, mingħajr ma jitlef id-dritt għat-trasport tiegħu.
( 28 ) Skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 261/2004, “[m]eta, fil-każ fejn belt, ċittá jew reġjuni hi moqdija minn bosta ajruporti, trasportatur ta’ l-ajru joffri passiġġier titjira għal ajruport alternattiv għal dak għal liema l-prenotazzjoni ġiet magħmula, il-trasportatur ta’ l-ajru li jopera għandu jħallas l-ispiża tat-trasferiment tal-passiġġier minn dak l-ajruport alternattiv jew għal dak għal liema l-prenotazzjoni ġiet magħmula, jew għal destinazzjoni oħra li qegħda fil-qrib miftehma mal-passiġġier”.
( 29 ) Ara l-punti 91 sa 94 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 30 ) Ara Erceg, B., u Vasilj, A., op. cit. p. 230.
( 31 ) Ara f’dan ir-rigward, il-punt 88 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 32 ) Ara l-punti 63 sa 66 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 33 ) Ara f’dan is-sens, Stec, M., op. cit., p. 1409.
( 34 ) Korsiv miżjud minni.
( 35 ) Ara l-emenda Nru 57 tar-Rapport dwar il-proposta għal regolament [COM(2008)0817, C6-0476/2008, 2008/0246(COD)].
( 36 ) Korsiv miżjud minni.
( 37 ) Ara l-punt 106 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 38 ) Sussidjarjament, il-passiġġier li għażel bdil tar-rotta jista’ wkoll iġarrab ittardjar fil-wasla tal-vjaġġ alternattiv. F’tali każ, għandu jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1177/2010 japplikax ukoll għal dan l-ittardjar. Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Marzu 2020, Finnair (C‑832/18, EU:C:2020:204), li fil-kuntest tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li passiġġier tal-ajru li bbenefika minn kumpens minħabba t-tħassir ta’ titjira u li aċċetta t-titjira b’rotta differenti li ġiet proposta lilu jista’ jippretendi l-għoti ta’ kumpens minħabba ttardjar tat-titjira b’rotta differenti. Huwa minnu li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 261/2004 ma jħalli ebda dubju dwar il-fatt li l-kumpens huwa dovut ukoll fis-sitwazzjoni fejn il-bdil tar-rotta lejn id-destinazzjoni finali, fuq titjira oħra, jiġi propost lill-passiġġier. Mill-analiżi tiegħi jirriżulta li dan huwa wkoll il-każ fil-kuntest tar-Regolament Nru 1177/2010. Madankollu, minkejja li Irish Ferries tagħmel riferiment għal tali sitwazzjoni, din ma hijiex prevista mid-domanda preliminari.
( 39 ) Ara l-punt 108 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 40 ) Ara l-emenda nru 22 tar-rapport dwar il-proposta għal Regolament [COM(2008) 817, C6-0476/2008, 2008/0246(COD)].
( 41 ) Ara, b’analoġija, għal dak li jirrigwarda l-kumpens previst mill-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1371/2007, ifformulat b’mod analogu għall-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1177/2010, is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, ÖBB‑Personenverkehr (C‑509/11, EU:C:2013:613, punt 38), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-kumpens, “ikkalkolat abbażi tal-prezz tal-biljett tat-trasport, huwa maħsub sabiex jiġi kkumpensat il-prezz imħallas mill-passiġġier inkambju ta’ servizz li, definittivament, ma ġiex eżegwit skont il-kuntratt ta’ trasport”.
( 42 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin‑Hermann (C‑549/07, EU:C:2008:771, punt 20).
( 43 ) Skont din il-premessa, “[ċ]irkostanzi straordinarji għandhom jinkludu, iżda ma jkunux limitati għal, diżastri naturali bħal niriem u terremoti, attakki terroristiċi, gwerer u konflitti armati militari jew ċivili, irvellijiet, konfiska militari jew illegali, konflitti tax-xogħol, żbarkar ta’ kwalunkwe persuna marida, feruta jew mejta, operazzjonijiet ta’ tiftix jew salvataġġ fuq il-baħar jew f’passaġġi fuq l-ilma interni, miżuri meħtieġa għall-protezzjoni tal-ambjent, deċiżjonijiet meħudin minn korpi tal-ġestjoni tat-traffiku jew minn awtoritajiet tal-port, jew deċiżjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-ordni u s-sigurtà pubblika kif ukoll biex ikopru ħtiġijiet urġenti tat-trasport”.
( 44 ) Il-kunċett ta’ “ċirkostanzi eċċezzjonali” jintuża sabiex jikklassifika ċ-ċirkustanzi li fihom trasportatur huwa eżentat mill-obbligu tiegħu ta’ kumpens, li huwa dovut, skont ir-Regolament Nru 261/2004, f’każ ta’ tluq imħassar jew tardiv, u skont ir-Regolament Nru 1177/2010, f’każ ta’ ttardjar fil-wasla. Jiena tal-fehma li din id-differenza ma tipprekludix li l-kriterji ta’ determinazzjoni taċ-“ċirkostanzi eċċezzjonali” stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tar-Regolament Nru 261/2004 jiġu trasposti għal dak tar-Regolament Nru 1177/2010.
( 45 ) Ara, reċentement, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2020, Transportes Aéreos Portugueses (C‑74/19, EU:C:2020:460, punt 37).
( 46 ) Ara, reċentement, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2020, Transportes Aéreos Portugueses (C‑74/19, EU:C:2020:460, punt 37).
( 47 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin‑Hermann (C‑549/07, EU:C:2008:771, punt 36).
( 48 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, van der Lans (C‑257/14, EU:C:2015:618, punt 41).
( 49 ) Mill-banda l-oħra, iċ-ċirkustanzi relattivi għall-karatteristiċi tal-ittardjar jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk il-preklużjoni tal-eżekuzzjoni tas-servizz ta’ trasport setgħetx tiġi evitata anki li kieku ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha.
( 50 ) Fis-sentenza tas-17 ta’ April 2018, Krüsemann et (C‑195/17, C‑197/17 sa C‑203/17, C‑226/17, C‑228/17, C‑254/17, C‑274/17, C‑275/17, C‑278/17 sa C‑286/17 u C‑290/17 sa C‑292/17, EU:C:2018:258, punti 40 sa 44), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “strajk selvaġġ” ma jistax jiġi kklassifikat bħala “ċirkostanza straordinarja” peress li r-riskji li jirriżultaw mill-konsegwenzi industrijali li jakkumpanjaw miżuri ta’ ristrutturazzjoni u ta’ riorganizzazzjoni ta’ impriżi għandhom jitqiesu li huma inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività. Barra minn hekk, fis-sentenza tal-4 ta’ April 2019, Germanwings (C‑501/17, EU:C:2019:288, punt 29), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, billi għamlet referenza għad-digriet tal-14 ta’ Novembru 2014, Siewert (C‑394/14, EU:C:2014:2377), li l-kolliżjoni ta’ taraġ mobbli għat-tlugħ abbord ta’ ajruport ma’ ajruplan ma jistax jiġi kklassifikat bħala “ċirkustanza straordinarja”. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li ċ-ċirkustanza li l-użu ta’ tali tagħmir normalment isir b’kollaborazzjoni mal-ekwipaġġ tal-ajruplani kkonċernati seta’ juri l-fatt li l-avveniment fl-oriġini tan-nuqqas ta’ twettiq tat-trasportatur ma kienx fil-kontroll effettiv ta’ dan it-trasportatur. Madankollu, din il-kunsiderazzjoni ma tbiddilx il-fatt li l-preklużjoni inkwistjoni kienet ipprovokata mill-fatti ta’ terzi.
( 51 ) Sentenza tas-17 ta’ April 2018, (C‑195/17, C‑197/17 sa C‑203/17, C‑226/17, C‑228/17, C‑254/17, C‑274/17, C‑275/17, C‑278/17 sa C‑286/17 u C‑290/17 sa C‑292/17, EU:C:2018:258, punti 40 sa 42).
( 52 ) Ara b’mod partikolari, Moisan, P., “Technique contractuelle et gestion des risques dans les contrats internationaux: les cas de force majeure et d’imprévision”, Les Cahiers de droit, 1994, vol. 35(2), p. 286.
( 53 ) Kif indikajt fl-espożizzjoni tal-kuntest fattwali, skont il-qorti tar-rinviju, il-kunsinna tardiva tirriżulta minn dewmien min-naħa ta’ fornituri ta’ tagħmir estern ngaġġati bħala subappaltaturi mit-tarzna u/jew dewmien fit-tqassim taż-żoni esterni u fil-kunsinna ta’ materjali interni intiżi għaż-żoni pubbliċi.
( 54 ) Wieħed jista’ jimmaġina, pereżempju, il-każ ta’ vapur taħt kostruzzjoni li jkun suġġett għal miżuri ta’ konfiska militari. Ara, b’analoġija, id-digriet tal-14 ta’ Novembru 2014, Siewert (C‑394/14, EU:C:2014:2377, punt 19), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li taħt il-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji” jaqa’ l-ħsara tal-ajruplan li kellu jwettaq it-titjira inkwistjoni kkawżata minn att estern għas-servizzi normali ta’ ajruport, bħal att ta’ sabotaġġ jew ta’ terroriżmu.
( 55 ) Ara, b’analoġija, Malenovský, J., “Regulation 261: Three Major Issues in the Case Law of the Court of Justice of the EU”, f’ Bobek, M., u Prassl, J. (Edizzjonijiet), EU Law in the Member States: Air Passenger Rights, Ten Years On, Hart Publishing, Oxford, 2016, p. 32, li jindika li l-fatt li l-piż tar-riskju ekonomiku tal-attività li t-trasportatur daħal għalih liberament, jiġi impost fuq il-passiġġieri, imur kontra l-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri. Barra minn hekk, fis-sentenza tagħha tal-4 ta’ Lulju 2018, Wirth et (C‑532/17, EU:C:2018:527, C‑532/17, punt 23), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, fid-dawl tal-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri, l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “trasportatur tal-ajru li jopera” li għandha tingħata hija dik li tippermetti li jiġi żgurat li l-passiġġieri ttrasportati jiġu kkumpensati jew assistiti mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-arranġamenti magħmula mit-trasportatur tal-ajru li ddeċieda li jwettaq it-titjira inkwistjoni ma’ trasportatur ieħor sabiex din tiġi żgurata b’mod konkret.
( 56 ) Ara reċentement, is-sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 2019, Moens (C‑159/18, EU:C:2019:535, punt 20), u tal-4 ta’ April 2019, Germanwings (C‑501/17, EU:C:2019:288, punt 26).
( 57 ) Sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015 (C‑257/14, EU:C:2015:618, punt 43).
( 58 ) Sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015 (C‑257/14, EU:C:2015:618).
( 59 ) Għandu jiġi osservat li l-kuntratt tal-2016 kien konkluż mhux minn Irish Ferries, iżda minn ICG. Madankollu, f’dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari xejn ma jindika li, fid-dawl tar-relazzjonijiet bejn dawn l-entitajiet, dak li kien fil-kontroll ta’ ICG ma kienx f’dak ta’ Irish Ferries.
( 60 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 50.
( 61 ) Sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2020 (C‑74/19, EU:C:2020:460).
( 62 ) Ara reċentement, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2020, Transportes Aéreos Portugueses (C‑74/19, EU:C:2020:460, punt 45).
( 63 ) Ara reċentement, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2020, Transportes Aéreos Portugueses (C‑74/19, EU:C:2020:460, punt 47).
( 64 ) Sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2020 (C‑74/19, EU:C:2020:460).
( 65 ) Ara b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, Eglītis u Ratnieks (C‑294/10, EU:C:2011:303, punt 25).
( 66 ) Ara b’analoġija, is-sentenzi tal-4 ta’ Mejju 2017, Pešková u Peška (C‑315/15, EU:C:2017:342, punt 44), u tas-26 ta’ Ġunju 2019, Moens (C‑159/18, EU:C:2019:535, punt 27).
( 67 ) B’hekk, ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja jkollha portata iktar astratta fid-dawl tad-domanda dwar il-“miżuri raġonevoli” u tkun utli għall-qrati nazzjonali kollha tal-Unjoni, filwaqt li tħalli lill-qorti tar-rinviju f’din il-kawża il-funzjoni li tevalwa jekk, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, il-miżuri raġonevoli fis-sens tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1177/2010 kinux disponibbli għat-trasportatur. Ara f’dan is-sens, Šváby, D., “La responsabilité en matière de transport aérien de passagers à l’intersection de trois systèmes juridiques”, f’Petrlík, D., Bobek, M., u Passer, J. M. (dir.), Évolution des rapports entre les ordres juridiques de l’Union européenne, international et nationaux. Liber amicorum Jiří Malenovský, Bruylant, Brussell, 2020, p. 491.
( 68 ) Għandu jiġi nnotat li, billi tagħti eżempju ta’ lment, il-premessa 23 tar-Regolament Nru 1177/2010 tirreferi għall-għajnuna pprovduta f’port jew abbord.
( 69 ) Huwa minnu li, fis-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Ruijssenaars et (C‑145/15 u C‑146/15, EU:C:2016:187, punt 30), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, għal dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet analogi fis-seħħ fil-qasam tat-trasport bl-ajru, li l-kompetenza li jiġu trattati l-ilmenti, prevista fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 261/2004, tikkostitwixxi aspett li jirriżulta mill-kompitu li tiġi eżerċitata is-sorveljanza ta’ natura ġenerali li għandu l-korp imsemmi fl-Artikolu 16(1) ta’ dan ir-regolament. Madankollu, fl-ewwel lok, din is-sentenza kienet tirrigwarda korp nazzjonali responsabbli għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 261/2004. Għalhekk, ma tirrigwardax “kwalunkwe korp adatt ieħor maħtur mill-Istat Membru”. Fit-tieni lok, l-Artikolu 25(3) tar-Regolament Nru 1177/2010 ma rriproduċix it-termini eżatti tal-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 261/2004.
( 70 ) Ara l-emenda nru 68 kjarifikata tar-Rapport dwar il-proposta għal Regolament [COM(2008) 816, C6-0476/2008, 2008/0246(COD)] kif ukoll il-pożizzjoni komuni meħuda mill-Kunsill fid-dawl tal-adozzjoni ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet tal-passiġġieri meta jivvjaġġaw bil-baħar jew minn passaġġi fuq l-ilma interni u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004, 14849/09 ADD 1, p. 9.
( 71 ) Ara d-dokument tal-Kummissjoni intitolat “National Enforcement Bodies (NEB) for maritime transport have to guarantee the good application of Regulation 1177/2010 and passengers can lodge a complaint with them if believe that their rights were not respected”, https://ec.europa.eu/transport/themes/passengers/maritime_fr, li jipprovdi li “the competent NEB is the NEB of the EU country of departure except when the service departs from a third country. Then, the NEB of the EU country of arrival is competent. However, passengers are free contact the NEB of their choice” (“il-[korp nazzjonali responsabbli mill-eżekuzzjoni tar-Regolament, iktar ’il quddiem l-‘ONE’, kompetenti huwa l-ONE tal-pajjiż tat-tluq tal-Unjoni, ħlief meta s-servizz jitlaq minn pajjiż terz. F’dan il-każ, huwa l-ONE tal-pajjiż tal-wasla tal-Unjoni li huwa kompetenti. Madankollu, il-passiġġieri huma liberi li jikkuntattjaw l-ONE tal-għażla tagħhom”).
( 72 ) Skont l-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 261/2004, “kull passiġġier jista’ jagħmel ilment lil kwalunkwe korp innominat taħt il-paragrafu 1 jew lil kwalunkwe korp kompetenti ieħor innominat minn Stat Membru, dwar ksur allegat ta’ dan ir-regolament fi kwalunkwe ajruport li jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru jew fir-rigward ta’ kwalunkwe titjira minn pajjiż terz għal ajruport li jinsab f’dak it-territorju”. (Korsiv miżjud minni). F’dokument ta’ informazzjoni dwar it-trattament tal-ilmenti fil-kuntest tar-Regolament Nru 261/2004 [NEB – NEB Complaint Handling Procedure under Regulation (EC) Nru 261/2004, verżjoni tax-xahar ta’ Frar 2019, punt 2, https://ec.europa.eu/transport/sites/transport/files/neb-neb_complaint_handling_procedures.pdf), il-Kummissjoni tikkonstata li “[k]orp responsabbli għall-applikazzjoni tar-Regolament huwa kompetenti fir-rigward tal-ilmenti marbuta mal-ittardjar jew mat-tħassir ta’ titjiriet li jitilqu mit-territorju tiegħu (Stat Membru ta’ tluq)”. Barra minn hekk, f’dan id-dokument, bħall-proposta inizjali tal-Kummissjoni, li fuqha huwa bbażat ir-Regolament Nru 261/2004 [ara l-Artikolu 18 tal-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (COM(2001) 784 finali - (COD 2001/0305)], it-trasferiment ta’ ilmenti bejn il-korpi stabbiliti minn Stati Membri differenti huwa msemmi b’mod espliċitu. Minn dan jirriżulta li l-korp ta’ Stat Membru ieħor ma huwiex kompetenti fis-sens tal-Artikolu 16(2) ta’ dan ir-regolament.
( 73 ) Sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Emirates Airlines (C‑173/07, EU:C:2008:400, punt 40).
( 74 ) Ara verżjonijiet fil-lingwa Ingliża (“[…] shall be calculated in relation to half of the price paid for the transport by that passenger service”) u Spanjola (“[…] se calculará en relación con el 50 % del precio abonado por el transporte en dicho servicio de pasaje”).
( 75 ) Ara verżjonijiet fil-lingwa Ġermaniża (“wird […] auf der Grundlage des halben Fahrpreises für diesen Personenverkehrsdienst berechnet”) u Pollakka (“[…] obliczane jest na podstawie połowy ceny zapłaconej za tę usługę przewozu pasażerskiego”).
( 76 ) Korsiv miżjud minni.
( 77 ) Ara b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Emirates Airlines (C‑173/07, EU:C:2008:400, punt 34).
( 78 ) Ara f’dan is-sens, fil-qasam tat-trade mark tal-Unjoni Ewropew, Szpunar, M., “Territoriality of Union Law in the Era of Globalisation”, fi Petrlík, D., Bobek, M., u Passer, J. M. (dir.), Évolution des rapports entre les ordres juridiques de l’Union européenne, international et nationaux. Liber amicorum Jiří Malenovský, op. cit., p. 155.
( 79 ) Ara f’dan is-sens, id-digriet tad-19 ta’ Diċembru 2019, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (C‑140/19, C‑141/19 u C‑492/19 sa C‑494/19, mhux ippubblikat, EU:C:2019:1103, punti 49 u 50).
( 80 ) Ara b’analoġija, id-digriet tad-19 ta’ Marzu 2020, Boé Aquitaine (C‑838/19, mhux ippubblikat, EU:C:2020:215, punt 26).
( 81 ) Ara l-punt 67 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 82 ) Ara l-punt 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 83 ) Ara l-punti 213 u 214 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 84 ) Sentenza tal-31 ta’ Jannar 2013, McDonagh (C‑12/11, EU:C:2013:43, punti 45 sa 50).
( 85 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2013, McDonagh (C‑12/11, EU:C:2013:43, punt 62).
( 86 ) Ara l-punti 217 u 218 ta’ dawn il-konklużjonijiet.