Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CC0502

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati fit-12 ta’ Novembru 2019.
    Proċeduri kriminali kontra Oriol Junqueras Vies.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal Supremo.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura mħaffa – Dritt istituzzjonali – Ċittadin tal-Unjoni Ewropea elett fil-Parlament Ewropew minkejja li qiegħed taħt detenzjoni provviżorja fil-kuntest ta’ proċedura kriminali – Artikolu 14 TUE – Kunċett ta’ ‘membru tal-Parlament Ewropew’ – Artikolu 343 TFUE – Immunitajiet neċessarji għat-twettiq tal-missjoni tal-Unjoni – Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 9 – Immunitajiet lill-membri tal-Parlament Ewropew – Immunità ta’ traġitt – Immunitajiet ta’ sessjonijiet – Kampijiet ta’ applikazzjoni personali, ratione temporis u ratione materiae ta’ dawn id-diversi immunitajiet – Tneħħija ta’ immunità mill-Parlament Ewropew – Talba għat-tneħħija ta’ immunità minn qorti nazzjonali – Att li jikkonċerna l-elezzjoni tar-rappreżentanti għall-Parlament Ewropew b’vot dirett universali – Artikolu 5 – Mandat – Artikolu 8 – Proċedura elettorali – Artikolu 12 – Verifika tas-setgħat tal-membri tal-Parlament Ewropew wara l-proklamazzjoni uffiċjali tar-riżultati elettorali – Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 39(2) – Elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew b’vot dirett universali, liberu u sigriet – Dritt ta’ eliġibbiltà.
    Kawża C-502/19.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:958

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    SZPUNAR

    ippreżentati fit-12 ta’ Novembru 2019 ( 1 )

    Kawża C-502/19

    Proċeduri kriminali

    fil-preżenza ta’:

    Oriol Junqueras Vies,

    Ministerio Fiscal,

    Abogacía del Estado,

    Partido politico VOX

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadin ta’ Stat Membru f’detenzjoni provviżorja, elett membru tal-Parlament Ewropew matul il-fażi ta’ prosekuzzjoni ta’ proċedura kriminali – Rifjut ta’ awtorizzazzjoni lill-persuna kkonċernata sabiex tikkonforma ruħha ma’ rekwiżit previst mid-dritt nazzjonali – Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 9 – Qasam u portata tal-immunità parlamentari – Kunċetti ta’ ‘elett’ u ta’‘Membru tal-Parlament Ewropew’ – Att li jikkonċerna l-elezzjoni tar-rappreżentanti għall-Parlament Ewropew – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 39 – Dritt ta’ eliġibbiltà”

    Introduzzjoni

    1.

    Mal-ftuħ ta’ kull leġiżlatura ġdida tal-House of Commons (ir-Renju Unit), l-Ispeaker (il-President) jindirizza petizzjoni lir-Re (jew, kif inhu l-każ attwalment, lir-Reġina) sabiex dan jagħti lill-House of Commons “il-libertà ta’ espressjoni, il-protezzjoni mill-arrest, l-aċċess għall-Maestà Tiegħu fejn ikun meħtieġ u l-iktar intrepretazzjoni favorevoli tax-xogħol tiegħu”. Ir-Re jirrispondi u jikkonferma l-privileġġi kollha mogħtija minnu jew mid-diversi predeċessuri tiegħu ( 2 ).

    2.

    Fil-fatt l-immunità parlamentari, imsejħa parliamentary privilege, toriġina mill-istorja tal-Parlament tar-Renju Unit. L-iktar element importanti ta’ dan il-privileġġ, il-libertà tal-espressjoni, ġie istituzzjonalizzat fl-aħħar tas-seklu XVI u kkodifikat fid-Dikjarazzjoni tad-Drittijiet (Bill of Rights) fl-1689. Dan nissel l-irresponsabbiltà attwali (jew l-immunità sostantiva) fir-rigward tal-kummenti magħmula jew tal-atti mwettqa fl-eżerċizzju tal-mandat parlamentari.

    3.

    Fid-dritt kontinentali, il-bidu tal-immunità parlamentari huwa normalment assoċjat mar-Rivoluzzjoni Franċiża. Fil-fatt, l-istituzzjoni ġdida li tnisslet waqt din ir-Rivoluzzjoni, l-Assemblea Nazzjonali, kienet teħtieġ protezzjoni mis-setgħa monarkika, li sa dakinhar kienet assoluta. L-ewwel espressjoni ta’ din l-immunità dehret fid-digrieti tal-Assemblea Nazzjonali stess. Din kienet diġà tinkludi iż-żewġ komponenti tal-immunità parlamentari kif magħrufa attwalment: l-immunità sostantiva (l-irresponsabbiltà) għall-atti mwettqa fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet parlamentari ( 3 ) u l-immunità proċedurali (l-invjolabbiltà) għal kull ħaġa oħra, ħlief f’każ ta’ awtorizzazzjoni ta’ azzjoni legali mogħtija mill-Assemblea ( 4 ). Sussegwentement l-immunità parlamentari ġiet mgħollija għal-livell kostituzzjonali fil-Kostituzzjoni tal-1791.

    4.

    Il-forma ta’ din l-immunità, li tinkludi ż-żewġ aspetti, irresponsabbiltà u invjolabbiltà, stabbiliti waqt ir-Rivoluzzjoni Franċiża, ġiet essenzjalment irripprodotta fid-drittijiet parlamentari tal-Istati tal-Ewropa kontinentali.

    5.

    Minkejja li l-immunità parlamentari tippreżenta ruħha fil-forma tal-protezzjoni mogħtija lil kull membru tal-Parlament personalment, madankollu l-għan tagħha huwa differenti. Din ma hijiex privileġġ tad-deputat intiża sabiex teħilsu mil-liġi komuni, iżda mekkaniżmu ta’ protezzjoni tal-Parlament kollu ( 5 ).

    6.

    B’mod iktar partikolari, għal dak li jirrigwarda l-invjolabbilta, wieħed mill-għanijiet ta’ din il-protezzjoni huwa li jiġi żgurat li l-Parlament ikun jista’ jiltaqa’ b’mod komplut, mingħajr ma proċeduri kriminali (jew ċivili) abbużivi jew vessatorji jeskludu uħud mill-membri tiegħu mid-dibattiti ( 6 ).

    7.

    Attwalment, il-ġustifikazzjoni ta’ din l-immunità sikwit tiġi kkontestata. Fil-fatt, huwa sostnut li hija tikkostitwixxi anakroniżmu, relikwa ta’ żmien meta l-Parlamenti kienu esposti għal preġudizzji min-naħa tal-awtorità eżekuttiva u tal-ġustizzja li ħafna drabi kienet tibqa’ għas-servizz ta’ din tal-aħħar. Mill-banda l-oħra, fi Stat tad-dritt modern, l-indipendenza tal-qrati hija l-aħjar garanzija kontra preġudizzji inġustifikati li jheddu l-funzjonament jew il-kompożizzjoni tal-Parlament, b’tali mod li l-immunità proċedurali titlef il-loġika tagħha. Din l-immunità tikkostitwixxi, barra minn hekk, sors ta’ abbuż kif ukoll tippreġudika d-dritt fundamentali ta’ aċċess għall-ġustizzja tal-persuni leżi minn atti li l-membri parlamentari wettqu ’l barra mill-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom ( 7 ).

    8.

    Ċertament hemm verità kbira f’din il-kritika.

    9.

    Madankollu, minn naħa, jidhirli li din turi verżjoni ottimista ħafna tal-affarijiet: it-titjib tal-Istat tad-dritt ma huwiex fuq l-istess livell kullimkien u l-iżvilupp politiku mhux dejjem imur fid-direzzjoni waħdanija tat-tisħiħ tiegħu. Barra minn hekk, minkejja li l-qrati jibqgħu fil-prinċipju indipendenti, dan ma huwiex bilfors il-każ tal-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi u tal-Uffiċċju tal-Prosekutur ( 8 ).

    10.

    Min-naħa l-oħra, miżuri bħal dawk tal-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet ta’ rinunzja għall-immunità, il-limitazzjoni tal-firxa tagħha jew tal-portata tagħha kif ukoll il-prattika tal-Parlamenti li tikkonsisti fir-rinunzja għall-immunità bħala prinċipju, ħlief f’każ ta’ eżistenza ta’ fumus persecutionis, jippermettu li jiġi evitat l-abbuż u li l-immunità tiġi limitata għal-limiti proprji tal-irwol tagħha fil-protezzjoni tal-Parlament.

    11.

    Għalhekk, applikata b’mod korrett, l-immunità tad-deputati tikkostitwixxi waħda mill-garanziji tal-indipendenza tagħhom, u għalhekk, tal-indipendenza ta’ kull Parlament, inkluż il-Parlament Ewropew.

    12.

    Madankollu, sabiex wieħed igawdi minn din l-immunità, l-ewwel għandu jikseb il-kwalità ta’ Parlamentari. Fl-ordinament istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, il-proċess tal-akkwist ta’ din il-kwalità huwa rregolat parzjalment mid-dispożizzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri u parzjalment minn dawk tad-dritt tal-Unjoni. Issa, din il-kawża tqajjem il-kwistjoni tat-tqassim tal-kamp ta’ applikazzjoni rispettiv ta’ dawn l-ordinamenti ġuridiċi differenti. Għalhekk din għandha importanza kostituzzjonali li tmur lilhinn sew mis-sitwazzjoni personali tar-rikorrent fil-kawża prinċipali u tad-dibattitu politiku nazzjonali assoċjat miegħu. Huma minn dan l-angolu kostituzzjonali li nipproponi li għandhom jiġu indirizzati l-kwistjonijiet legali mqajma f’din il-kawża.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    13.

    Skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll (Nru 7) dwar il-Priviliġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea ( 9 ), anness mat-Trattati UE u FUE (iktar ’il quddiem il-“Protokoll”):

    “Waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-membri tiegħu għandhom igawdu:

    a)

    fit-territorju ta’ l-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament tagħhom,

    b)

    fit-territorju ta’ kull Stat Membru ieħor, l-immunità minn kull tip ta’ detenzjoni u minn proċeduri legali.

    L-immunità bl-istess mod tkun tgħodd għall-Membri waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa’ l-Parlament Ewropew.

    L-immunità ma tistax tintalab meta membru jinqabad fil-fatt ta’ reat u ma tipprekludix lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jirrinunzja għall-immunità ta’ xi wieħed mill-membri tiegħu”.

    14.

    Il-proċedura tal-elezzjoni tal-membri tal-Parlament hija rregolata mill-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tar-rapreżentanti għall-Parlament Ewropew b’vot dirett universali, anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 76/787/KEFA, KEE, Euratom tal-20 ta’ Settembru 1976 ( 10 ), kif emendat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/772/KE, Euratom tal‑25 ta’ Ġunju 2002 u tat‑23 ta’ Settembru 2002 ( 11 ) (iktar ’il quddiem l-“Att tal-1976”). Skont l-Artikolu 5 ta’ dan l-att:

    “1.   Il-perijodu ta’ ħames snin li għalih jiġu eletti l-membri tal-Parlament Ewropew jibda mill-ftuħ tal-ewwel sessjoni li tinżamm wara kull elezzjoni.

    […]

    2.   Il-mandat ta’ kull Membru tal-Parlament Ewropew jibda u jiskadi fl-istess żmien bħall-perijodu msemmi fil-paragrafu 1” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    15.

    Skont l-Artikolu 6(2) tal-imsemmi att:

    “Il-Membri tal-Parlament Ewropew għandhom igawdu l-privileġġi u l-immunitajiet applikabbli lilhom bis-saħħa tal-Protokoll tat-8 ta’ April 1965 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    16.

    L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-imsemmi att jipprovdi:

    “Suġġett għad-disposizzjonijiet ta’ dan l-Att, il-proċedura elettorali għandha tkun irregolata f’kull Stat Membru bid-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    17.

    Skont l-Artikolu 12 tal-Att tal-1976:

    “Il-Parlament Ewropew jivverifika s-setgħat tal-Membri tal-Parlament Ewropew. Għal dan il-għan, [huwa] jieħu nota tar-riżultati pproklamati uffiċjalment mill-Istati Membri u jiddeċiedi fuq il-kontestazzjonijiet li jistgħu eventwalment jitqajmu fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att, bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li għalihom jirreferi dan l-Att” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    18.

    Finalment, l-Artikolu 13(1) ta’ dan l-att jipprovdi:

    “Siġġu jispiċċa vojt meta l-mandat ta’ membru tal-Parlament Ewropew jispiċċa bħala riżultat tar-riżenja tiegħu, il-mewt tiegħu jew ir-revoka tal-mandat tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    Id-dritt Spanjol

    19.

    L-Artikolu 71 tal-Kostituzzjoni Spanjola jistabbilixxi:

    “1.   Id-deputati u s-senaturi jgawdu mill-invjolabbiltà [ ( 12 )] għall-opinjonijiet espressi fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom.

    2.   Matul il-mandat tagħhom, id-deputati u s-senaturi jgawdu wkoll mill-immunità u ma jistgħux jiġu arrestati ħlief f’każ li jinqabdu jwettqu reat. Huma ma jistgħux jiġu suġġetti għal investigazzjoni jew prosekuzzjoni kriminali mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-assemblea rispettiva tagħhom.

    3.   Fil-proċeduri kontra deputati jew senaturi, l-awla kompetenti hija l-Awla Kriminali tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja).

    […]”

    20.

    Il-ley orgánica 5/1985 del Régimen Electoral General (il-Liġi Organika 5/1985 dwar is-Sistema Elettorali Ġenerali) tad-19 ta’ Ġunju 1985 ( 13 ), kif emendata (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Elettorali”), tirregola s-sistema elettorali Spanjola. It-Titolu VI ta’ dan il-kodiċi jinkludi d-dispożizzjonijiet speċjali għall-elezzjonijiet tal-Parlament. B’mod partikolari, l-Artikolu 224(1) u (2) tal-imsemmi kodiċi jipprovdi:

    “1.   Il-Junta Electoral Central [il-Kummissjoni Elettorali Ċentrali, Spanja] għandha, mhux iktar tard minn għoxrin jum wara l-elezzjonijiet, twettaq l-għadd tal-voti fuq livell nazzjonali, tagħti s-siġġijiet rispettivi lil kull wieħed mill-kandidati u tipproklama l-kandidati eletti.

    2.   Fi żmien ħamest ijiem mill-proklamazzjoni tagħhom, il-kandidati eletti għandhom jaħilfu jew iwegħdu li josservaw il-Kostituzzjoni quddiem il-Kummissjoni Elettorali Ċentrali. Fl-aħħar ta’ dan it-terminu, il-Kummissjoni Elettorali Ċentrali għandha tiddikjara vakanti s-siġġijiet mogħtija lid-deputati tal-Parlament li ma jkunux ħalfu li josservaw il-Kostituzzjoni u tiddikjara sospiżi l-prerogattivi kollha li seta’ kellhom dritt għalihom minħabba l-funzjonijiet tagħhom, sakemm jieħdu dan il-ġurament”.

    21.

    Skont l-Artikolu 384a tar-Real Decreto por el que se aprueba la Ley de Enjuiciamiento Criminal (id-Digriet Irjali li japprova l-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali”) tal-14 ta’ Settembru 1882 ( 14 ):

    “Meta d-deċiżjoni ta’ tqegħid taħt att ta’ akkuża tkun saret definittiva u d-detenzjoni provviżorja tkun ġiet ordnata għal reat imwettaq minn persuna li tappartjeni jew li hija marbuta ma’ gruppi armati jew ma’ individwi terroristiċi jew ribelli, il-persuna li fir-rigward tagħha jkunu tressqu proċeduri kriminali li tokkupa funzjonijiet jew kariga pubblika hija awtomatikament sospiża mill-eżerċizzju tagħhom matul iż-żmien ta’ detenzjoni”.

    22.

    L-Artikoli 750 sa 755 ta’ dan il-kodiċi huma fformulati kif ġej:

    “Artikolu 750

    Il-qorti jew it-tribunal li għandu motiv għall-prosekuzzjoni ta’ senatur jew deputat sedenti fil-Cortes [is-Senat jew il-Kamra tad-Deputati] minħabba reat ma għandux jiftaħ proċedura fil-konfront tiegħu matul is-sessjoni parlamentari sa fejn ma jkunx kiseb l-awtorizzazzjoni korrispondenti tal-assemblea li d-deputat jew is-senatur ikkonċernat jifforma parti minnha.

    Artikolu 751

    Jekk is-senatur jew id-deputat ikun inqabad iwettaq reat, huwa jista’ jiġi arrestat u jitressaq għal prosekuzzjoni kriminali mingħajr l-awtorizzazzjoni msemmija fl-artikolu preċedenti; madankollu, f’ erbgħa u għoxrin siegħa mill-arrest jew mill-prosekuzzjoni kriminali, l-assemblea li minnha jifforma parti għandha tiġi informata.

    L-assemblea rispettiva għandha tiġi informata wkoll b’kull proċedura miftuħa kontra dak li, minkejja li ġie mressaq għal prosekuzzjoni kriminali, jiġi elett senatur jew deputat fil-Cortes.

    Artikolu 752

    Jekk senatur jew deputat fil-Cortes jitressaq għal prosekuzzjoni kriminali matul waqfa parlamentari, il-qorti jew it-tribunal li quddiemu titressaq il-kawża għandu jinforma immedjatament l-assemblea rispettiva dwar dan.

    L-istess japplika meta senatur jew deputat elett fil-Cortes jitressaq għal prosekuzzjoni kriminali qabel ma dan jiltaqa’.

    Artikolu 753

    Fi kwalunkwe każ, ir-reġistratur għandu jissospendi l-proċedura mill-ġurnata li fiha l-Cortes jiġi informat, kemm jekk ikun waqt perijodu ta’ sessjonijiet kif ukoll jekk le, u l-affarijiet għandhom jibqgħu f’dak l-istat sakemm l-assemblea rispettiva tiddeċiedi kif jidhirlha xieraq.

    Artikolu 754

    Jekk is-Senat jew il-Kamra tad-Deputati jirrifjutaw l-awtorizzazzjoni mitluba, għandu jkun hemm dikjarazzjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fir-rigward tas-senatur jew deputat fil-Cortes, iżda l-proċeduri jitkomplew fil-konfront tal-persuni l-oħra li fir-rigward tagħhom ikunu tressqu proċeduri kriminali.

    Artikolu 755

    L-awtorizzazzjoni hija mitluba fil-forma ta’ suplicatorio, li miegħu tiġi annessa, b’mod kunfidenzjali, il-kopja awtentika tal-akkużi magħmula kontra s-senatur jew id-deputat, inkluż l-opinjonijiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur u t-talbiet partikolari suġġett tat-talba ta’ awtorizzazzjoni”.

    Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

    23.

    Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, Oriol Junqueras Vies, kien il-Viċi-President tal-Gobierno autonómico de Cataluña (il-Gvern Awtonomu ta’ Cataluña, Spanja) fil-mument tal-adozzjoni tal-Ley 19/2017 reguladora del llamado referéndum de autodeterminación (il-Liġi 19/2017 li Tirregola r-Referendum tal-Awtodeterminazzjoni), tas-6 ta’ Settembru 2017 ( 15 ), u tal-Ley 20/2017 de transitoríedad jurídica y fundacional de la República (il-Liġi 20/2017 ta’ Tranżizzjoni Ġuridika u Kostituttiva tar-Repubblika), tat-8 ta’ Settembru 2017 ( 16 ), kif ukoll meta, fl-1 ta’ Ottubru 2017, sar ir-referendum ta’ awtodeterminazzjoni previst mill-ewwel minn dawn iż-żewġ liġijiet, li d-dispożizzjonijiet tagħha kienu, fil-frattemp, ġew sospiżi skont deċiżjoni tat-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali).

    24.

    Wara li seħħew dawn l-avvenimenti, il-Ministerio fiscal (l-Uffiċċju tal-Prosekutur, Spanja), l-Abogado del Estado (l-Avukat tal-Istat, Spanja) u l-partit politiku VOX bdew proċedura kriminali kontra numru ta’ persuni, fosthom O. Junqueras Vies, fejn akkużawhom li ħadu sehem fi proċess ta’ seċessjoni u wettqu, f’dan il-kuntest, fatti li jaqgħu taħt tliet klassifikazzjonijiet kriminali, jiġifieri, l-ewwel nett, dik ta’ “ribelljoni” jew, b’mod alternattiv, ta’ “sedizzjoni”, it-tieni nett, dik ta’ “diżobbidjenza”, u t-tielet nett, dik ta’ “miżapproprjazzjoni ta’ fondi”.

    25.

    O. Junqueras Vies tqiegħed taħt detenzjoni provviżorja matul il-fażi istruttorja ta’ din il-proċedura kriminali, skont id-deċiżjoni tat-2 ta’ Novembru 2017. Peress li minn dakinhar din id-deċiżjoni ġiet imġedda mingħajr interruzzjoni, huwa għadu f’dentenzjoni provviżorja sa llum.

    26.

    Wara l-ftuħ tal-fażi ta’ prosekuzzjoni tal-proċedura kriminali mibdija kontra tiegħu, O. Junqueras Vies ippreżenta ruħu bħala kandidat għall-elezzjonijiet tal-Congreso de los Diputados (il-Kamra tad-Deputati, Spanja) li saru fit-28 ta’ April 2019. Huwa ġie elett deputat.

    27.

    Permezz ta’ digriet tal-14 ta’ Mejju 2019 ( 17 ), it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) qiset li ma kienx hemm lok li titlob lill-Kamra tad-Deputati l-awtorizzazzjoni minn qabel imsemmija fl-Artikolu 71(2) tal-Kostituzzjoni Spanjola kif ukoll fl-Artikolu 755 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, peress li l-elezzjoni ta’ O. Junqueras Vies kienet seħħet wara l-ftuħ tal-fażi ta’ prosekuzzjoni tal-proċedura kriminali mibdija kontra tiegħu. Fil-fatt, skont din il-qorti, l-immunità li tirriżulta mill-imsemmija dispożizzjoni kostituzzjonali tapplika biss fid-dawl tal-proċeduri kriminali li jkunu għadhom ma waslux fil-fażi ta’ prosekuzzjoni tad-deputat jew tas-senatur ikkonċernat.

    28.

    Permezz tal-istess digriet, din il-qorti, adita b’talba ta’ O. Junqueras Vies f’dan is-sens, awtorizzatu b’mod straordinarju li joħroġ mill-ħabs sabiex tippermettilu jipparteċipa, taħt sorveljanza tal-pulizija u taħt kundizzjonijiet li jiżguraw is-sigurtà tiegħu, fl-ewwel seduta plenarja tal-Kamra tad-Deputati sabiex jikkonforma ruħu, f’din l-okkażżjoni, mar-rekwiżiti meħtieġa sabiex jieħu pussess tas-siġġu tiegħu, b’mod partikolari jieħu l-ġurament, kif previst fl-Artikolu 20 tar-Regoli tal-Kamra tad-Deputati.

    29.

    Wara li kkonforma ruħu ma’ dawn ir-rekwiżiti, ħa pussess tas-siġġu tiegħu u ġie rritornat lura l-ħabs, O. Junqueras Vies ġie sospiż mill-funzjonijiet tiegħu ta’ deputat skont deċiżjoni tal-Bureau tal-Kamra tad-Deputati adottata fl-24 ta’ Mejju 2019, skont l-Artikolu 384a tal-Kodiċi ta’ Proċedural Kriminali.

    30.

    O. Junqueras Vies ippreżenta ruħu wkoll bħala kandidat għall-elezzjonijiet tal-Parlament li saru fis-26 ta’ Mejju 2019. Huwa ġie elett membru, u dan ir-riżultat ġie pproklamat mill-Kummissjoni Elettorali Ċentrali f’deċiżjoni tat-13 ta’ Ġunju 2019 dwar il-“Proklamazzjoni tad-Deputati Eletti fil-Parlament Ewropew fl-Elezzjonijiet li saru fis-26 ta’ Mejju 2019” ( 18 ), skont l-Artikolu 224(1) tal-Kodiċi Elettorali.

    31.

    Permezz ta’ digriet tal-14 ta’ Ġunju 2019 (iktar ’il quddiem id-“Digriet tal‑14 ta’ Ġunju 2019), it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iddeċidiet dwar talba ta’ O. Junqueras Vies intiża sabiex jingħata awtorizzazzjoni straordinarja li joħroġ mill-ħabs sabiex tippermettilu jippreżenta ruħu quddiem il-Kummissjoni Elettorali Ċentrali sabiex jieħu l-ġurament li josserva l-Kostituzzjoni Spanjola impost mill-Artikolu 224(2) tal-Kodiċi Elettorali fuq il-persuni eletti membri tal-Parlament. Din il-qorti rrifjutat li tagħti l-awtorizzazzjoni mitluba.

    32.

    Fl-20 ta’ Ġunju 2019, il-Kummissjoni Elettorali Ċentrali adottat deċiżjoni li permezz tagħha kkonstatat li O. Junqueras Vies ma kienx ħa l-ġurament inkwistjoni u, skont l-Artikolu 224(2) tal-Kodiċi Elettorali, iddikjarat vakanti s-siġġu tal-persuna kkonċernata fil-Parlament kif ukoll is-sospensjoni tal-prerogattivi kollha li seta’ kellu dritt għalihom minħabba l-funzjonijiet tiegħu. B’mod parallel, din il-kummissjoni kkomunikat lill-Parlament lista tad-deputati eletti fi Spanja, li fiha isem O. Junqueras Vies ma kienx inkluż.

    33.

    Fit-2 ta’ Lulju 2019, il-Parlament tad-disa’ leġiżlatura żamm l-ewwel laqgħa tiegħu.

    34.

    Fil-frattemp, O. Junqueras Vies ippreżenta, quddiem it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), rikors kontra d-Digriet tal-14 ta’ Ġunju 2019, li fil-kuntest tiegħu huwa pprevalixxa ruħu mill-immunità prevista fl-Artikolu 9 tal-Protokoll.

    35.

    Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)

    L-Artikolu 9 tal-[Protokoll] japplika qabel il-bidu tal-‘perijodu ta’ sessjonijiet’ għal persuna akkużata b’reati serji li tkun f’detenzjoni provviżorja, ordnata b’mod ġudizzjarju għal fatti li ġraw qabel il-ftuħ ta’ proċess elettorali li fit-tmiem tiegħu l-imsemmija persuna ġiet iddikjarata eletta fil-[Parlament], iżda li ġiet irrifjutata, permezz ta’ deċiżjoni ta’ qorti, awtorizzazzjoni straordinarja sabiex toħroġ minn ħabs li tippermettiha tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni elettorali nazzjonali msemmija fl-Artikolu 8 tal-[Att tal-1976]?

    2)

    Fil-każ ta’ risposta affermattiva, jekk il-korp maħtur mil-leġiżlazzjoni elettorali nazzjonali kien informa lill-[Parlament] li l-persuna eletta [mhux] ser tikseb il-pożizzjoni ta’ Membru tal-Parlament, minħabba nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-livell elettorali (impossibilità li tirriżulta mil-limitazzjoni tal-libertà ta’ moviment tiegħu bħala riżultat tad-detenzjoni provviżorja tiegħu fil-kuntest ta’ proċedura għal reati serji), sakemm dawn il-kundizzjonijiet ma kinux issodisfatti, l-interpretazzjoni estensiva tat-terminu ‘perjodi tas-sessjonijiet’ tinżamm, minkejja l-interruzzjoni temporanja tal-aspettattiva tal-persuna eletta li tieħu l-pussess tas-siġġu tagħha?

    3)

    Jekk ir-risposta tikkonferma l-interpretazzjoni estensiva, fil-każ li l-persuna eletta tkun tinsab, ferm qabel il-ftuħ tal-proċedura elettorali, f’detenzjoni provviżorja fil-kuntest ta’ proċeduri għal reati serji, l-awtorità ġudizzjarja li ordnat id-detenzjoni tkun marbuta, fid-dawl tal-frażi ‘waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa’ l-[Parlament]’ fl-Artikolu 9 tal-[Protokoll], li tneħħi d-detenzjoni b’mod assolut, kważi awtomatiku, sabiex tippermetti l-formalitajiet u l-ivvjaġġar lejn il-[Parlament], jew għandu jintuża kriterju relattiv ta’ bbilanċjar, fuq bażi ta’ każ b’każ, minn naħa, tad-drittijiet u tal-interessi li jirriżultaw mill-interess tal-ġustizzja u ta’ proċedura regolari u, min-naħa l-oħra, ta’ dawk relatati mal-istabbiliment tal-immunità, kemm fir-rigward tal-osservanza tal-funzjonament u tal-indipendenza tal-Parlament kif ukoll tad-dritt tal-persuna eletta li teżerċita kariga pubblika?”

    36.

    Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) enfasizzat li hija kienet qiegħda tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li hija kellha quddiemha fil-kuntest mhux tal-preparazzjoni tas-sentenza dwar il-mertu li issa kienet fil-proċess tad-deliberazzjoni fil-proċedura kriminali mibdija kontra O. Junqueras Vies, iżda ta’ incident proċedurali li joriġina fir-rikors ippreżentat mill-persuna kkonċernata kontra d-Digriet tal-14 ta’ Ġunju 2019. Hija indikat ukoll li hija kellha tagħmel dawn id-domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja bħala qorti li tiddeċiedi fl-ewwel u l-aħħar istanza, skont l-Artikolu 71(3) tal-Kostituzzjoni Spanjola.

    37.

    It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ Lulju 2019. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn O. Junqueras Vies, mill-Uffiċċju tal-Prosekutur, mill-partit politiku VOX, mill-Gvern Spanjol, mill-Parlament u mill-Kummissjoni Ewropea. L-istess partijiet kienu rrappreżentati waqt is-seduta li nżammet fl-14 ta’ Ottubru 2019.

    38.

    F’din l-istess data, il-qorti tar-rinviju tat is-sentenza Nru 459/2019 (iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2019”), li permezz tagħha kkundannat, b’mod partikolari, lil O. Junqueras Vies għal tlettax-il sena priġunerija u telf tad-drittijiet ċivili tiegħu għal daqstant snin (inhabilitación absoluta). F’ittra indirizzata lill-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess ġurnata, din il-qorti indikat li hija kienet qiegħda żżomm ir-rinviju preliminari.

    Analiżi

    39.

    Il-qorti tar-rinviju tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja tliet domandi preliminari li jirrigwardaw, essenzjalment, il-kamp ta’ applikazzjoni personali u ratione temporis tal-immunità tal-membri tal-Parlament prevista fl-Artikolu 9 tal-Protokoll. Madankollu mill-osservazzjonijiet ippreżentati minn diversi partijiet f’din il-kawża jirriżulta li tqum kwistjoni preliminari u iktar fundamentali fil-każ tar-rikorrent fil-kawża prinċipali: O. Junqueras Vies igawdi mill-kwalità ta’ deputat ( 19 ) fil-Parlament? Għalhekk ser nibda l-analiżi tiegħi bl-eżami ta’ din il-kwistjoni.

    Il-kwalità ta’ membru tal-Parlament

    40.

    L-immunità parlamentari prevista fl-Artikolu 9 tal-Protokoll tkopri lill-membri tal-Parlament. Issa, il-partijiet fil-kawża prinċipali li ppreżentaw osservazzjonijiet, naturalment bl-eċċezzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, jikkkunsidraw li dan ma kisibx, fi kwalunkwe każ b’mod sħiħ, din il-kwalità. Filfatt, huma jsostnu li skont l-Att tal-1976, il-proċedura elettorali għall-elezzjonijiet tal-Parlament hija rregolata mid-dritt nazzjonali tal-Istati Membri. Għalhekk, skont dawn il-partijiet, l-obbligu li jittieħed ġurament li tiġi osservata il-Kostituzzjoni Spanjola, stabbilit għall-persuni eletti fil-Parlament fl-Artikolu 224 tal-Kodiċi Elettorali, jikkostitwixxi stadju tal-proċess elettorali fi Spanja, b’tali mod li persuna li tiġi pproklamata eletta tikseb biss il-mandat ta’ deputat tal-Parlament, bil-prerogattivi kollha li jirriżultaw minnu, inkluż l-immunità, biss meta hija tissodisfa dan l-obbligu. Huwa billi segwiet din il-loġika li l-Kummissjoni Elettorali Ċentrali kkomunikat lill-Parlament lista ta’ persuni eletti li ma kinitx tinkludi isem ir-rikorrent fil-kawża prinċipali.

    41.

    Fl-osservazzjonijiet tagħhom f’din il-kawża, il-Parlament u, essenzjalment, il-Kummissjoni, jaqblu ma’ dan ir-raġunament. Din donnha hija wkoll il-pożizzjoni tal-qorti tar-rinviju, esposta fit-talba għal deċiżjoni preliminari.

    42.

    Min-naħa tiegħi, jiena ma naqbilx ma’ dan ir-raġunament, u dan għar-raġunijiet li ġejjin.

    Kummenti preliminari

    43.

    Skont l-Artikolu 14(2) TUE, il-Parlament huwa kompost minn rappreżentanti taċ-ċittadini tal-Unjoni. Dawn jiġu eletti, skont l-Artikolu 14(3) TUE b’vot dirett universali. Din l-elezzjoni hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tal-Att tal-1976. Dan l-att jipprovdi li, bla ħsara għall-kwistjonijiet armonizzati permezz tiegħu, il-proċedura elettorali hija rregolata mid-dritt nazzjonali tal-Istati Membri (Artikolu 8 tal-imsemmi att). Dan ir-riferiment għad-dritt nazzjonali jirrigwarda, minbarra l-proċedura elettorali innifisha, kwistjonijiet bħad-dritt għall-vot u għall-kandidatura, il-verifika tal-validità tal-elezzjonijiet jew, in parti, l-inkompatibbiltajiet.

    44.

    Mill-banda l-oħra, l-istatus tad-deputati tal-Parlament, bħala rappreżentanti taċ-ċittadini tal-Unjoni eletti b’vot dirett u membri ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, jista’ jkun irregolat biss mid-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, jekk id-dritt nazzjonali tal-Istati Membri jitħalla jirregola l-istatus tad-deputati tal-Parlament dan ikollu effett mhux biss fuq l-indipendenza tal-Parlament vis-à-vis l-Istati Membri, iżda wkoll fuq l-awtonomija tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni kollu.

    45.

    Huwa minn dan l-angolu tal-indipendenza istituzzjonali u tal-awtonomija ġuridika li għandha tiġi evalwata l-kwistjoni tal-kisba tal-kwalità ta’ membru tal-Parlament.

    In-natura ta’ vot dirett

    46.

    L-ewwel nett, ir-raġunament li l-kwalità ta’ deputat tal-Parlament tinkiseb biss taħt il-kundizzjoni li jitwettqu l-formalitajiet meħtieġa mid-dritt nazzjonali, bħall-obbligu ta’ ġurament, jidhirli li jmur kontra l-idea nnifisha ta’ vot dirett universali u ta’ mandat rappreżentattiv. Fil-fatt, il-kisba ta’ tali mandat tista’ tirriżulta biss mill-vot tal-elettorat u ma tistax tkun suġġetta għat-twettiq sussegwenti ta’ xi formalità, twettiq li, kif turi din il-kawża, mhux dejjem jiddependi mill-persuna eletta biss. L-elettorat jeleġġi d-deputati u mhux “kontendenti għal deputati”. Id-deċiżjoni tiegħu espressa fil-vot ma hija suġġetta għal ebda “validazzjoni” jew “konferma”.

    47.

    Naturalment, il-mandat parlamentari u l-għoti tiegħu huma kkundizzjonati b’numru ta’ rekwiżiti u limiti formali: l-eliġibbiltà tal-kandidat, l-inkompatibbiltajiet u l-validità tal-elezzjoni. Madankollu, dawn huma ċirkustanzi oġġettivi dwar il-kwalità tal-persuna eletta jew tal-proċess elettorali. In-nuqqas ta’ osservazzjoni ta’ dawn ir-rekwiżiti jrendi l-kisba jew iż-żamma tal-mandat legalment impossibbli u jista’ jwassal għall-iskadenza prematura tiegħu.

    48.

    Huwa minnu wkoll li diversi sistemi parlamentari jipprovdu obbligi formali li għandhom jiġu ssodisfatti mill-Parlamentari qabel ma jibdew effettivament is-servizz tagħhom, li jirrigwardaw l-obbligu li jittieħed ġurament, li jiġu ddikjarati l-interessi finanzjarji jew affarijiet oħra. Madankollu, dawn l-obbligi japplikaw għall-Parlamentari, jiġifieri għall-persuni li diġà kisbu l-mandat. Għall-kuntrarju, dawn ma jikkundizzjonawx din il-kisba, li tista’ tirriżulta biss mill-volontà tal-poplu espressa waqt l-elezzjonijiet ( 20 ).

    49.

    Għalhekk, il-proklamazzjoni tar-riżultat tikkostitwixxi l-att li jittermina l-proċess elettorali u li jikkostitwixxi l-kisba tal-mandati mill-persuni eletti ( 21 ). Il-formalitajiet kollha li jiġu wara dan l-att, bl-eċċezzjoni tal-eventwali invalidazzjoni tal-elezzjonijiet, għandhom biss natura dikjaratorja u ma jistgħux jikkundizzjonaw il-kisba tal-mandat.

    50.

    Għalhekk nista’ naċċetta li, skont id-dritt Spanjol, l-obbligu ta’ ġurament li tiġi osservata l-Kostituzzjoni Spanjola, li fir-rigward tad-deputati tal-Parlament eletti fi Spanja huwa previst fl-Artikolu 224 tal-Kodiċi Elettorali, jista’ jikkundizzjona l-bidu effettiv tas-servizz minn dawn id-deputati ( 22 ). Mill-banda l-oħra, dan ma jistax jikkundizzjona l-kisba minnhom tal-kwalità ta’ membru tal-Parlament u tal-prerogattivi li jirriżultaw minn din il-kwalità, b’mod partikolari l-immunità. Ir-raġuament li jipprovdi li l-kwalità ta’ deputat, u għalhekk l-immunità li tirriżulta minnha, tappartjeni biss lil dak li, b’kull trankwillità, jibda l-eżerċizzju effettiv tal-funzjonijiet tiegħu, iwassal għal ċirku vizzjuż: il-persuna eletta ma tistax tipprevalixxi ruħha mill-immunità tagħha, għaliex hija ma għandhiex il-kwalità ta’ deputat, iżda, fin-nuqqas ta’ din l-immunità, hija tkun prekluża milli twettaq l-obbligu li jippermettilha tikseb din il-kwalità u l-immunità li tirriżulta minnha. Għalhekk, il-preklużjoni ta’ persuna eletta regolarment għal funzjoni pubblika milli tieħu l-ġurament meħtieġ sabiex tibda dan is-servizz huwa metodu perfett sabiex din il-persuna tiġi mċaħħda mill-funzjoni inkwistjoni minkejja l-volontà ta’ dawk li għandhom il-kompetenza legali li jeleġġuha.

    51.

    Huwa minnu li, skont l-Artikolu 3 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament, il-proċedura ta’ verifika tas-setgħat tad-deputati hija bbażata fuq il-komunikazzjoni, mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, tal-ismijiet tal-persuni eletti. Loġikament, il-Parlament għandu jiġi informat uffiċjalment bir-riżultat tal-elezzjonijiet, għaliex ma jistax ikun obbligat ifittex il-ġurnali uffiċjali ta’ kull Stat Membru sabiex jikseb din l-informazzjoni. Madankollu, din il-komunikazzjoni tikkostitwixxi biss att tekniku li, għall-kuntrarju ta’ dak li tippretendi b’mod partikolari l-Kummissjoni, ma jistax jikkostitwixxi l-kisba tal-mandat. Barra minn hekk, huwa preżunt li din il-komunikazzjoni tirrifletti fedelment ir-riżultat tal-elezzjonijiet, għaliex, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament, il-verifika tas-setgħat hija bbażata “fuq in-notifika uffiċjali tar-riżultati sħaħ tal-elezzjoni min-naħa ta’ kull Stat Membru. Fin-notifika għandhom ikunu speċifikati l-ismijiet tal-kandidati eletti”. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 12 tal-Att tal-1976, sabiex jivverifika s-setgħat tal-membri tiegħu, il-Parlament għandu jieħu nota “tar-riżultati pproklamati uffiċjalment mill-Istati Membri” ( 23 ). Madankollu, l-Att tal-1976, bħala att normattiv, jipprevali fuq ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament ( 24 ).

    Il-konformità mal-Att tal-1976

    52.

    It-tieni nett, il-konsegwenza, skont id-dritt Spanjol, marbuta man-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ ġurament li tiġi osservata il-Kostituzzjoni Spanjola, jiġifieri d-dikjarazzjoni li l-mandat huwa vakanti (temporanjament) u s-sospensjoni tal-prerogattivi li jirriżultaw minnu sat-twettiq tal-obbligu li jittieħed dan il-ġurament, hija fil-fehma tiegħi inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Att tal-1976.

    53.

    Fil-fatt, minkejja li dan l-att jagħti lill-Istati Membri d-dmir li jipproċedu bl-elezzjoni tad-deputati tal-Parlament, dan ma jippermettilhomx li jittrasferixxu b’mod liberu l-mandat tagħhom. L-Istati Membri għandhom ċertament il-kompetenza, qabel kollox, li jivverifikaw il-validità tal-elezzjonijiet. Dan jidhirli li huwa loġiku, għaliex huma l-Istati Membri li jassumu r-responsabbiltà li jsir skrutinju. F’każ ta’ konstatazzjoni ta’ irregolaritajiet, l-elezzjonijiet, u għalhekk ir-riżultat tagħhom, jistgħu jiġu annullati, li jwassal fil-prinċipju għal vot ġdid. Għalhekk, l-Istati Membri jistgħu jikkonstataw ir-revoka tal-mandat ta’ deputat tal-Parlament. Din ir-revoka tista’ tkun ikkawżata, b’mod partikolari, mit-telf ta’ eliġibbiltà tad-deputat jew anki f’każ ta’ inkompatibbiltà mal-mandat ta’ deputat tal-Parlament.

    54.

    Madankollu, ebda waħda minn dawn iċ-ċirkustanzi ma seħħet f’dan il-każ, tal-inqas sas-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2019. Fil-fatt, in-nuqqas mir-rikorrent fil-kawża prinċipali li jwettaq l-obbligu tal-ġurament meħtieġ ma jwassalx għar-revoka tal-mandat tiegħu, iżda biss, skont il-kliem tal-qorti tar-rinviju stess, għal “posponiment temporanju [tal-kisba effettiva tiegħu], sakemm, skont l-eventwali eżitu tal-proċedura, l-ostakoli għall-kisba tal-kwalità ta’ deputat jitneħħew”. Madankollu, la l-Att tal-1976 u lanqas ebda dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni ma jagħtu kompetenza lill-Istati Membri li jissospendu (temporanjament), għal perijodu indefinit li potenzjalment jista’ jestendi għal-leġiżlatura kollha, il-mandat ta’ deputat tal-Parlament.

    Id-dritt nazzjonali

    55.

    It-tielet nett, id-dikjarazzjoni li l-obbligu li jittieħed ġurament li tiġi osservata l-Kostituzzjoni Spanjola, previst fl-Artikolu 224 tal-Kodiċi Elettorali, jikkostitwixxi element tal-proċess elettorali, jidhirli li lanqas tirriżulta mid-dritt Spanjol stess.

    56.

    Fil-fatt, dan l-obbligu huwa previst fl-Artikolu 108(8) tal-Kodiċi Elettorali, għal kull persuna eletta. Madankollu, skont dan l-artikolu, l-obbligu inkwistjoni huwa meħtieġ “fil-mument li jieħu pussess tas-siġġu u sabiex jikseb ir-responsabbiltà tiegħu b’mod sħiħ”. Għalhekk, għall-kuntrarju tad-dikjarazzjoni tal-Gvern Spanjol waqt is-seduta, mill-imsemmi artikolu ma jirriżultax li l-obbligu inkwistjoni jikkundizzjona l-kisba tal-mandat.

    57.

    Din il-konklużjoni hija kkonfermata, b’mod partikolari, għal dak li jirrigwarda l-persuni eletti fil-Cortes générales (il-Parlament Spanjol). L-obbligu inkwistjoni huwa rregolat fir-regoli ta’ proċedura ta’ kull Kamra tal-Parlament Spanjol. Il-ġurament jittieħed quddiem il-Kamra rispettiva ta’ kull membru ta’ dan il-parlament, fil-prinċipju waqt l-ewwel sessjoni plenarja tagħha. Madankollu, il-membri għandhom tliet sessjonijiet plenarji sabiex fihom jissodisfaw dan l-obbligu qabel tingħata s-sanzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ mandat vakanti.

    58.

    Għalhekk, fil-fehma tiegħi, din huwa b’mod ċar formalità imposta fuq il-membri tal-Parlament Spanjol, li huma l-uniċi kkonċernati mid-dispożizzjonijiet tar-regoli ta’ proċedura u jistgħu jipparteċipaw fis-sessjonijiet plenarji tal-Kmamar. Minkejja li din il-formalità tista’ tikkundizzjona l-eżerċizzju effettiv tal-mandat, hija bl-ebda mod ma tikkundizzjona l-kisba tiegħu, illi tirriżulta biss mir-riżultat tal-elezzjonijiet.

    59.

    Dan huwa kkonfermat espressament mit-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali), li fir-rigward tal-obbligu li jittieħed ġurament li tiġi osservata l-Kostituzzjoni Spanjola, iddikjarat li “[l]-eventwali nuqqas ta’ twettiq tiegħu ma jċaħħadx mill-kwalità ta’ deputat jew senatur, għaliex din tirriżulta biss mill-elezzjoni mill-poplu, iżda biss mill-eżerċizzju tal-funzjonijiet rispettivi ta’ tali kwalità” ( 25 ). Għalhekk dan jirrigwarda l-eżerċizzju tal-funzjonijiet parlamentari, mhux il-kisba tal-mandat.

    60.

    Madankollu, minkejja li dan huwa l-każ għall-membri tal-Parlament Spanjol, jiena ma narax kif dan jista’ japplika wkoll għad-deputati tal-Parlament. Fil-fatt, obbligu formali impost fuq deputat (jew senatur) u li jikkundizzjona l-bidu effettiv tas-servizzi tiegħu, jiġifieri dak li jieħu ġurament li tiġi osservata l-Kostituzzjoni Spanjola, ma jistax f’daqqa waħda jibdel in-natura tiegħu u jsir element neċessarju tal-proċess elettorali ta’ importanza kostituttiva għall-kisba tal-mandat ta’ deputat tal-Parlament.

    L-inugwaljanza fit-trattament tad-deputati tal-Parlament meta mqabbla mad-deputati nazzjonali

    61.

    Fir-raba’ u l-aħħar nett, sabiex ngħaddi għad-domandi marbuta direttament mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 9 tal-Protokoll, għandu jiġi rrilevat li t-teżi li t-twettiq tal-obbligu li jittieħed ġurament li tiġi osservata l-Kostituzzjoni Spanjola jikkundizzjona l-kisba tal-mandat tad-deputati tal-Parlament eletti fi Spanja tqiegħed lil dawn id-deputati, kif ukoll lill-Parlament stess, f’pożizzjoni ferm inqas vantaġġjuża mill-Parlament Spanjol u l-membri tiegħu għal dak li jirrigwarda t-tgawdija tal-immunità parlamentari u l-kompetenza li jirrinunzja jew jiddefendi din l-immunità.

    62.

    Fil-fatt, il-membri tal-Parlament jieħdu dan il-ġurament quddiem il-Kmamar rispettivi tagħhom, fil-prinċipju waqt l-ewwel seduta plenarja li jattendu għaliha. Dan l-obbligu huwa rregolat mir-regoli ta’ proċedura ta’ kull Kamra. Għalhekk dan jirrigwarda proċedura interna tal-Kamra kkonċernata, li fiha ma tintervjeni ebda istituzzjoni terza. Barra minn hekk, kif diġà nnotajt, dan l-obbligu huwa kundizzjoni mhux għall-kisba tal-kwalità ta’ Parlamentari, iżda biss għall-eżerċizzju sħiħ ta’ din il-kwalità. Barra minn hekk u fi kwalunkwe każ, għal dak li jirrigwarda l-Kamra tad-Deputati, is-sanzjoni li tikkonsisti fis-sospensjoni tal-prerogattivi tad-deputat isseħħ biss wara li jkunu saru tliet laqgħat plenarji u l-obbligu inkwistjoni jkun għadu ma ġiex issodisfatt ( 26 ). Lanqas ma huwa ċert li din is-sospensjoni tirrigwarda wkoll l-immunità parlamentari ( 27 ).

    63.

    Mill-banda l-oħra, fil-każ tal-membri tal-Parlament, l-obbligu tal-ġurament jitwettaq quddiem il-Kummissjoni Elettorali Ċentrali, korp barrani għall-Parlament, mingħajr ma dan għandu ebda setgħa fuqu. In-nuqqas ta’ twettiq ta’ dan l-obbligu minn deputat Ewropew (jew mill-“kandidat elett” skont it-termini tal-Artikolu 224 tal-Kodiċi Elettorali), inkluż minħabba raġunijiet indipendenti mill-volontà tiegħu, jirriżulta immedjatament u awtomatikament fid-dikjarazzjoni li l-mandat tiegħu huwa vakanti, b’tali mod li ismu lanqas ma jiġi kkomunikat lill-Parlament flimkien ma’ dak tal-persuni eletti u li, kif ġie allegat, ma jkunx kopert mill-immunità parlamentari.

    64.

    Madankollu, skont il-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll, il-membri tal-Parlament igawdu, fit-territorju nazzjonali, “[mil]l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament tagħhom” u, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll, il-Parlament għandu l-kompetenza li jirrinunzja għal din l-immunità. Madankollu, jien ma narax kif din l-immunità tista’ tiġi kkunsidrata li hija l-istess immunità mogħtija lill-Parlamentari nazzjonali jekk il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-kwalità ta’ Parlamentari, qabel ir-rikonoxximent tal-immunità, ma humiex ekwivalenti.

    Konklużjoni u kummenti finali

    65.

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li, għall-kuntrarju tal-allegazzjonijiet tal-partijiet imsemmija fil-punti 40 u 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-obbligu ta’ ġurament li tiġi osservata l-Kostituzzjoni Spanjola ma jikkostitwixxix stadju tal-proċess ta’ elezzjoni tal-Parlament Ewropew fi Spanja, peress li dan il-proċess għandu jkun ikkunsidrat magħluq mal-proklamazzjoni uffiċjali tar-riżultati. Għalhekk, il-kwalità ta’ membru tal-Parlament għandha titqies miksuba b’dan is-sempliċi fatt u mill-mument ta’ din il-proklamazzjoni.

    66.

    Barra minn hekk, skont l-informazzjoni inkluża fit-talba għal deċiżjoni preliminari kif ukoll fl-osservazzjonijiet tal-Gvern Spanjol, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ġie sospiż mill-funzjonijiet elettorali nazzjonali tiegħu (dawk ta’ deputat fil-Parlament Reġjonali ta’ Cataluña u l-Kamra Inferjuri tal-Parlament Spanjol) skont l-Artikolu 384a tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali.

    67.

    Għal darba oħra, għall-kuntrarju tal-allegazzjonijiet tal-Gvern Spanjol, jidhirli li huwa ċar li tali miżura ta’ sospensjoni ma tistax tirrigwarda lir-rikorrent fil-kawża prinċipali bħala membru tal-Parlament. Huwa ċertament minnu li d-deputati tal-Parlament jiġu eletti fl-Istati Membri, skont il-modalitajiet previsti mid-dritt nazzjonali tagħhom, armonizzat fuq ċertu numru ta’ punti permezz tal-Att tal-1976. Huwa għall-finijiet ta’ din l-elezzjoni li t-Trattat iqassam is-siġġijiet tal-Parlament fost l-Istati Membri skont ir-regola ta’ “proporzjonalità digressiva” (it-tielet sentenza tal-Artikolu 14(2) TUE). Huwa wkoll għal din ir-raġuni li l-Istati Membri japplikaw, minbarra d-dispożizzjonijiet purament proċedurali, ir-regoli rispettivi tagħhom għal dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, l-eliġibbiltà. Dawn jistgħu japplikaw ukoll għall-membri tal-Parlament eletti fit-territorji rispettivi tagħhom ir-regoli tagħhom dwar l-inkompatibbiltajiet, minbarra l-lista ta’ inkompatibbiltajiet li tinsab fl-Artikolu 7 tal-Att tal-1976. Huwa wkoll naturali li jkun id-dritt nazzjonali tal-Istati Membri li jirregola l-verifika tal-validità tal-elezzjonijiet.

    68.

    Ladarba eletti, il-membri tal-Parlament jkollhom madankollu mandat irregolat mid-dritt tal-Unjoni li l-Istati Membri la jistgħu jirrevokaw u lanqas jillimitaw mingħajr awtorizzazzjoni espressa li tirriżulta minn dan id-dritt. L-unika ċirkustanza li fiha l-mandat ta’ membru tal-Parlament jiskadi qabel it-terminu normali tiegħu, apparti l-każijiet ta’ riżenja jew ta’ mewt, hija r-revoka tal-mandat (Artikolu 13(1) tal-Att tal-1976). Din ir-revoka tista’ tirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru li fih jkun ġie elett id-deputat inkwistjoni. Dan huwa naturali, peress li r-revoka tal-mandat parlamentari Ewropew isseħħ normalment jew minħabba t-telf ta’ eliġibbiltà tal-persuna kkonċernata, jew minħabba inkompatibbiltà, liema żewġ elementi huma rregolati, fir-rigward tat-tieni element parzjalment, mid-dritt nazzjonali tal-Istati Membri.

    69.

    Mill-banda l-oħra, l-Att tal-1976 ma jippermettix li Stat Membru jissospendi l-mandat ta’ membru tal-Parlament u lanqas il-prerogattivi li jirriżultaw minnu, kemm jekk dan il-membru jkun ġie elett f’dan l-Istat Membru jew f’ieħor ( 28 ), għal liema raġuni tkun. Bla ħsara għal każijiet ta’ skadenza tal-mandat previsti fl-Artikolu 13(1) tal-Att tal-1976, membru tal-Parlament iżomm din il-kwalità matul it-tul normali kollu tal-mandat tiegħu.

    70.

    Sabiex nikkonkludi din il-parti, jiena nikkunsidra li persuna li l-elezzjoni tagħha fil-Parlament ġiet uffiċjalment ipproklamata mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih seħħet din l-elezzjoni jikseb minn dan is-sempliċi fatt u minn dan il-mument il-kwalità ta’ membru tal-Parlament, minkejja kull formalità sussegwenti li din il-persuna jkollha l-obbligu li twettaq, kemm skont id-dritt tal-Unjoni kif ukoll id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru inkwistjoni. Tali persuna żżomm din il-kwalità sal-aħħar tal-mandat tagħha, bla ħsara għal każijiet ta’ skadenza tiegħu msemmija fl-Artikolu 13(1) tal-Att tal-1976.

    L-immunità tal-membri tal-Parlament

    71.

    Il-qorti tar-rinviju tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja tliet domandi li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9 tal-Protokoll. B’mod iktar speċifiku, l-ewwel u t-tieni domandi jirrigwardaw l-applikabbiltà ratione temporis u personali tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 ta’ dan il-protokoll. It-tielet domanda tirrigwarda l-applikabbiltà u l-portata tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 tal-imsemmi protokoll.

    Kummenti preliminari

    72.

    L-immunità parlamentari tal-membri tal-Parlament hija prevista fl-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll.

    73.

    L-Artikolu 8 tal-Protokoll jistabbilixxi l-irresponsabbiltà ta’ dawn il-membri fir-rigward tal-opinjonijiet u l-voti meħuda minnhom fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom (immunità sostantiva). Huwa evidenti li dan l-artikolu ma japplikax f’din il-kawża.

    74.

    Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 9 tal-Protokoll jistabbilixxi l-invjolabbiltà tal-membri tal-Parlament (immunità proċedurali). Skont il-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll, dawn il-membri jgawdu, fit-territorju nazzjonali tagħhom, immunitajiet irrikonoxxuti lill-membri tal-Parlament tal-pajjiż tagħhom ( 29 ). Hija din id-dispożizzjoni li hija s-suġġett tal-ewwel żewġ domandi preliminari. Fit-territorju tal-Istati Membri l-oħra, l-imsemmija membri jgawdu, skont il-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 ta’ dan il-protokoll, mill-“immunità minn kull tip ta’ detenzjoni u minn proċeduri legali”. Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 ta-imsemmi protokoll, l-immunità tkopri wkoll lill-membri tal-Parlament waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa’ l-Parlament. Din id-dispożizzjoni hija s-suġġett tat-tielet domanda preliminari. Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll, l-immunità prevista f’dan l-artikolu, kemm fil-punti (a) u (b) tal-ewwel paragrafu tiegħu, kif ukoll fit-tieni paragrafu, tista’ tiġi rrinunzjata mill-Parlament. Din il-kompetenza hija esklużiva mill-kompetenza ta’ kull istituzzjoni oħra, nazzjonali jew tal-Unjoni.

    75.

    It-test tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 attwali tal-Protokoll baqa’ prattikament l-istess sa mill-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar tal-1951. Jiena naqbel mal-opinjoni tad-dottrina li r-rinviju għad-dritt nazzjonali għal dak li jirrigwara l-immunità tad-deputati tal-Parlament fl-Istati Membri rispettivi tagħhom huwa relikwa taż-żmien meta l-membri tal-Assemblea kienu wkoll membri tal-parlamenti nazzjonali. Dakinhar kienu diġà jgawdu mill-immunità skont id-dritt nazzjonali u għalhekk kien superfluwu li tiżdied it-tieni immunità. Din is-soluzzjoni ilha anakroniżmu sa mill-elezzjoni tal-membri tal-Parlament b’vot dirett u saret iktar wara l-projbizzjoni li jiġu magħquda ż-żewġ mandati. Barra minn hekk hija kkritikata b’mod qawwi fiha nnifisha u bħala sors ta’ inugwaljanza fit-trattament ( 30 ).

    76.

    Għandu jiġi nnotat li l-proposti tal-Parlament għall-unifikazzjoni tal-immunità parlamentari ma rnexxewx ( 31 ).

    77.

    Madankollu, il-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll għandu jiġi interpretat b’mod li jippreżerva l-koerenza u l-unità tal-istatus tal-membri tal-Parlament.

    Fuq l-ewwel domanda preliminari: it-tul tal-protezzjoni tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll

    78.

    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll, l-immunità li hija prevista tapplika “[w]aqt is-sessjonijiet tal-Parlament”. Din is-sessjoni tirrigwarda kemm l-immunità li tirriżulta mid-dritt nazzjonali (imsemmija fil-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 ta’ dan il-protokoll), kif ukoll l-immunità “Ewropea” (imsemmija fil-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-imsemmi protokoll). Fil-fatt, minkejja li l-kontenut sostantiv tal-immunità li tirriżulta mid-dritt nazzjonali jiddependi fuq dan id-dritt, it-tul tal-protezzjoni huwa madankollu rregolat mid-dritt tal-Unjoni b’mod ugwali għad-deputati kollha tal-Parlament. Minħabba d-disparità tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri għal dak li jirrigwarda l-portata ratione temporis tal-kopertura bl-immunità parlamentari, kull interpretazzjoni oħra twassal għat-tkabbir tal-inugwaljanza fit-trattament tad-deputati fil-Parlament skont l-Istat Membru li fih ikunu ġew eletti. Il-kunċett ta’ “sessjonijiet” tal-Parlament għandu għalhekk jiġi interpretat bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni ( 32 ).

    79.

    Skont l-Artikolu 229 TFUE, il-Parlament għandu jżomm sessjoni annwali. L-ewwel sessjoni tal-Parlament ġdid elett tibda l-ewwel Tlieta ta’ wara l-iskadenza tat-terminu ta’ xahar mit-tmiem tal-perijodu elettorali (Artikolu 11(3) tal-Att tal-1976) ( 33 ). L-istabbiliment tat-tmiem tas-sessjonijiet annwali tħalla lill-Parlament bħala miżura ta’ organizzazzjoni interna. Skont il-prattika attwali, is-sessjoni tikkorrispondi għall-perijodu ta’ sena, b’tali mod li l-Parlament jibqa’ f’sessjoni permanenti ( 34 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tiddeċiedi li l-kunċett ta’ “sessjonijiet” fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll ikopri dan il-perijodu kollu, irrispettivament mill-fatt jekk il-Parlament jiltaqax effettivament jew le ( 35 ).

    80.

    Għalhekk, ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari, kif magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandha tkun li t-tul tas-sessjonijiet tal-Parlament, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll, jibda mill-ftuħ tal-ewwel sessjoni tal-Parlament ġdid elett, jiġifieri fid-data msemmija fl-Artikolu 11(3) tal-Att tal-1976. Fl-istess data tibda l-applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni tal-Protokoll.

    Fuq it-tieni domanda preliminari: l-applikazzjoni personali tal-immunità prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll

    81.

    It-tieni domanda preliminari tirrigwarda l-punt dwar jekk l-immunità prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll tapplikax ukoll għal persuna li ġiet eletta deputat tal-Parlament, iżda li ma setgħetx tibda s-servizz tagħha minħabba li ma ssodisfatx l-obbligu li tieħu ġurament previst fid-dritt Spanjol.

    82.

    Kif diġà indikajt fl-ewwel parti ta’ dawn il-konklużjonijiet, persuna li ssib ruħha fis-sitwazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali għandha tiġi kkunsidrata bħala li kisbet il-mandat parlamentari, u għalhekk, il-kwalità ta’ membru tal-Parlament. Din il-persuna tista’ għalhekk tgawdi mill-immunità prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll. Madankollu għandu jiġi ddeterminat il-mument li fih tali deputat jibda jgawdi minn din l-immunità.

    83.

    L-immunità prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll tkopri lill-membri tal-Parlament, fil-prinċipju, sa mill-ftuħ tal-ewwel sessjoni tal-Parlament ġdid elett. Fl-istess mument jibda għaddej il-mandat ta’ dawn id-deputati (Artikolu 5(2) tal-Att tal-1976). Peress li l-Parlament jinsab f’sessjoni permanenti, it-tul tal-kopertura mill-immunità inkwistjoni jikkorrispondi mat-tul tal-mandat.

    84.

    Skont l-Artikolu 5(2) tal-Att tal-1976, moqri flimkien mal-Artikolu 5(1) ta’ dak l-att, il-mandat ta’ “kull” deputat tal-Parlament jibda mill-ftuħ tal-ewwel sessjoni wara l-elezzjonijiet ( 36 ). La din id-dispożizzjoni u lanqas ebda dispożizzjoni oħra ma jissuġġettaw il-bidu tal-mandat għall-attendenza effettiva tad-deputat Ewropew għall-ewwel laqgħa tal-Parlament ġdid elett, għall-bidu effettiv tas-servizz tiegħu b’mod ġenerali jew għal xi ċirkustanza oħra. Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-mandat ta’ deputat Ewropew li ma jkunx beda s-servizz tiegħu effettivament minħabba nuqqas ta’ sodisfazzjon tal-formalitajiet kollha meħtieġa mid-dritt nazzjonali, jibda wkoll mal-ftuħ tal-ewwel sessjoni tal-Parlament ġdid elett. Sa mill-istess mument, dan id-deputat huwa għalhekk kopert mill-immunità parlamentari prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll.

    Fuq it-tielet domanda preliminari: it-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll

    85.

    It-tielet domanda preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll.

    86.

    Skont din id-dispożizzjoni, id-deputati tal-Parlament huma koperti mill-immunità parlamentari wkoll waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa’ l-Parlament. Qabel kollox, huwa importanti li tiġi speċifikata n-natura eżatta ta’ din l-immunità.

    87.

    Id-dispożizzjoni inkwistjoni ma hijiex espliċita f’dan ir-rigward: din tirrigwarda “l-immunità” fil-qosor. Jiena tal-opinjoni li din il-kelma għandha tinftiehem bħala riferiment għall-immunità prevista fil-punti (a) u (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll. Għalhekk, id-deputat li jivvjaġġa lejn u mill-post fejn jiltaqa’ l-Parlament huwa kopert, fit-territorju tal-Istat Membru tiegħu, mill-immunità rrikonoxxuta lill-membri tal-Parlament ta’ dan l-Istat Membru.

    88.

    Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-fatt li t-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll, li jirrigwarda b’mod partikolar ir-rinunzja għall-immunità tad-deputati Ewropej, juża wkoll il-kelma “immunità”, mingħajr ebda speċifikazzjoni oħra. Madankollu, ma huwiex ikkontestat li hemmhekk din tirrigwarda l-immunità prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 ta’ dan il-protokoll.

    89.

    Għal dak li jirrigwarda l-estensjoni ratione temporis tal-immunità prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tosserva li din tista’ tapplika lilhinn mill-perijodu li matulu l-Parlament ikun waqt sessjoni, jiġifieri wara l-għeluq tiegħu ( 37 ).

    90.

    Jiena ma narax raġunijiet li għalihom din l-immunità ma tistax tapplika wkoll qabel l-imsemmi perijodu, inkluż qabel il-ftuħ tal-ewwel sessjoni wara l-elezzjonijiet. Jidhirli li dan huwa wkoll loġiku, peress li d-deputati għandhom jaslu fil-post tal-laqgħat tal-Parlament qabel il-bidu ta’ dawn il-laqgħat.

    91.

    Għal dak li jirrigwarda t-teżi sostnuta mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, u rrepetuta waqt is-seduta, li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll kien rilevanti biss fil-passat, meta il-Parlament ma kienx ikun f’sessjoni permanenti, u ilu skadut minn dakinhar, jiena ma naqbilx magħha. It-test qiegħed hemm u għandu jiġi interpretat b’riferiment mhux għal funzjonijiet ipotetiċi li kien jitgawdew f’kuntest normattiv preċedenti, iżda fid-dawl taċ-ċirkustanzi attwali. Jekk tiġi segwita l-loġika tal-Kummissjoni, wieħed ikun jista’ jiddikjara wkoll skadut ir-rinviju għad-dritt nazzjonali li jinsab fil-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll.

    92.

    Huwa minnu li dan ifisser li l-immunità tapplika anki qabel ma’ jibda l-mandat tad-deputati. Madankollu, jiena ma nara xejn xokkanti f’dan. Fid-dritt nazzjonali tal-Istati Membri, ma huwiex eċċezzjonali li l-immunità tapplika sa mill-proklamazzjoni tar-riżultati tal-elezzjonijiet, minkejja li l-mandat, jew l-eżerċizzju tiegħu, jibda formalment f’data sussegwenti ( 38 ). Din is-soluzzjoni hija perfettament konformi mal-għan tal-invjolabbiltà parlamentari, li huwa li jiġi żgurat li l-Parlament ikun jista’ jibda l-ħidma tiegħu b’mod sħiħ. Madankollu, kif tirrikonoxxi l-qorti tar-rinviju stess, dan l-għan jista’ jiġi mhedded jekk, ladarba jsiru magħrufa l-ismijiet tad-deputati eletti, dawn ma jkunux koperti mill-immunità.

    93.

    Jifdal li jiġu interpretati l-kliem “waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn [il]-post fejn jiltaqa’ l-Parlament”. Skont interpretazzjoni strettament litterali, din tirrigwarda biss il-mument fejn id-deputat jiċċaqlaq lejn il-post fejn jiltaqa’ l-Parlament. Madankollu, fil-fehma tiegħi, tali interpretazzjoni riduttiva ċċaħħad id-dispożizzjoni inkwistjoni minn kull utilità.

    94.

    Fil-fatt, l-iktar importanti ma huwiex li d-deputat ma jiġix arrestat waqt iċ-ċaqliq tiegħu lejn il-post fejn jiltaqa’ l-Parlament, iżda li jkun jista’ jwettaq, b’mod utli, dan iċ-ċaqliq, jiġifieri li jkun jista’ jwettaq, bil-libertà kollha, l-istadji neċessarji għall-bidu effettiv tas-servizz tiegħu kif ukoll iċ-ċaqliq tiegħu lejn dan il-post fejn jiltaqa’. Huwa b’hekk li l-kopertura tad-deputati tal-Parlament bl-immunità prevista fl-Artikolu 9 tal-Protokoll tkun kompluta u tieħu l-effett utli kollu tagħha. Fil-fatt, il-funzjoni tal-immunità, li hija l-protezzjoni tal-funzjonament u tal-indipendenza tal-Parlament, ma teħtieġx li, qabel ma jibdew is-sessjonijiet tiegħu, il-membri tiegħu jkunu protetti kontra kull miżura li tista’ twassal għal prosekuzzjoni kriminali. Mill-banda l-oħra, din il-funzjoni teħtieġ li ma jiġux preklużi milli jibdew is-servizzi tagħhom fil-mument li fih jibdew dawn is-sessjonijiet.

    95.

    Għal dak li jirrigwarda l-Istat Membru li fih id-deputat inkwistjoni jkun ġie elett, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom għalhekk l-obbligu li jastjenu minn kull miżura li tista’ tostakola dawn l-istadji u li jissospendu l-miżuri diġà fis-seħħ, sakemm ma jkunux kisbu r-rinunzja għall-immunità mill-Parlament. Ċertament, peress li l-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll jirreferi, għal dak li jirrigwarda l-kontenut sostantiv tal-immunità, għad-dritt nazzjonali, dan l-obbligu japplika biss għall-miżuri kkonċernati mill-immunità parlamentari skont l-imsemmi dritt nazzjonali.

    Fuq il-konsegwenzi tas-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2019

    96.

    Infakkar li din it-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ proċedura ta’ kontestazzjoni tar-rifjut, mill-qorti tar-rinviju, li tagħti lir-rikorrent fil-kawża prinċipali l-awtorizzazzjoni li joħroġ mill-ħabs sabiex jieħu l-ġurament li tiġi osservata l-Kostituzzjoni Spanjola, obbligu meħtieġ sabiex ikun jista’ jibda l-eżerċizzju effettiv tal-mandat ta’ deputat tal-Parlament.

    97.

    L-għoti, fl-istess ġurnata tas-seduta f’din il-kawża, tas-sentenza ta’ kundanna definittiva tar-rikorrent fil-kawża prinċipali qiegħdet inkwistjoni l-għan innifsu ta’ din il-proċedura u, konsegwentement, dak tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

    98.

    Huwa minnu li l-qorti tar-rinviju żammet it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari billi indikat li “r-risposta tal-[Qorti tal-Ġustizzja] hija neċessarja irrispettivament mill-fatt li O. [Junqueras Vies] jinsab taħt detenzjoni provviżorja jew wara kundanna”.

    99.

    Madankollu, il-problema tinsab mhux fil-bażi tad-detenzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, iżda fil-piena aċċessorja ta’ telf tad-drittijiet ċivili tiegħu, li għaliha huwa ġie kkundannat ukoll. Skont l-informazzjoni disponibbli, din il-piena twassal, b’mod partikolari, għat-telf definittiv ta’ kull kariga pubblika, inkluż elettiva, kif ukoll dik tal-eliġibbiltà (dritt elettorali passiv) ( 39 ). Issa peress li l-eliġibbiltà għall-mandat ta’ deputat tal-Parlament, bħala element tal-leġiżlazzjoni elettorali, jiddependi fuq id-dritt nazzjonali ( 40 ), iċ-ċaħda ta’ din l-eliġibbiltà tirrigwarda wkoll dik tal-Parlament. Għalhekk, din twassal għar-revoka tal-mandat fis-sens tal-Artikolu 13 tal-Att tal-1976.

    100.

    Għalhekk, sa fejn is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2019 twassal għar-revoka tal-mandat tar-rikorrent fil-kawża prinċipali ( 41 ), jiena ma nara ebda sens fl-eżami tal-punt dwar jekk kienx hemmx lok li jingħata l-awtorizzazzjoni inkwistjoni, peress li, fi kwalunkwe każ, l-obbligu tiegħu tal-ġurament skada.

    101.

    Għalhekk għandi dubji għal dak li jirrigwarda l-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari f’din il-kawża. Huwa minnu li, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 100(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tibqa’ adita b’talba għal deċiżjoni preliminari sakemm ma tiġix irtirata mill-qorti li tkun adixxiet lill-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, skont l-Artikolu 100(2) ta’ dawn ir-regoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull waqt, tikkonstata li l-kundizzjonijiet tal-kompetenza tagħha ma għandhomx issodisfatti. Skont l-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-kompetenza tirrispondi għad-domandi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest ta’ tilwim reali u eżistenti quddiem il-qrati tal-Istati Membri. Għalhekk, meta l-kawża prinċipali titlef l-attwalità tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tibqax kompetenti, għaliex ir-risposta tagħha tikseb natura ipotetika.

    102.

    Is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2019, meħuda flimkien mal-portata tad-digriet tal-14 ta’ Mejju 2019, għandha il-konsegwenza li r-rikorrent fil-kawża prinċipali, minkejja li kien elett deputat fil-Parlament u, kif esponejt f’dawn il-konklużjonijiet, kiseb din il-kwalità, mingħajr madankollu ma seta’ jibda l-eżerċizzju effettiv tal-mandat tiegħu, kien ikkundannat kriminalment, mingħajr ma l-Parlament kellu l-okkażjoni li jiddeċiedi dwar ir-rinunzja jew dwar l-eventwali difiża tal-immunità parlamentari tiegħu.

    103.

    Skont interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 9 tal-Protokoll, kollox huwa regolari. Fl-Istat Membru tiegħu, id-deputat tal-Parlament igawdi mill-immunità kif prevista fid-dritt nazzjonali, u din tista’ tiġi interpretata biss mill-qrati nazzjonali.

    104.

    Madankollu, kif diġà osservajt, il-formulazzjoni tal-Artikolu 9 tal-Protokoll ma nbidlitx wara t-Trattat KEFA u l-Protokoll Nru 7 tiegħu. Madankollu, apparti dan il-protokoll, kollox inbidel fil-kuntest normattiv.

    105.

    Minn sempliċi assemblea konsultattiva u ta’ kontroll, il-Parlament sar l-organu leġiżlattiv u politiku prinċipali tal-Unjoni, li jiżgura l-leġittimazzjoni demokratika tagħha. Huwa kompost minn rappreżentanti mhux iktar tal-popli fl-Istati Membri, iżda taċ-ċittadini tal-Unjoni. Dawn ir-rappreżentanti ma għandhomx delegati tal-parlamenti nazzjonali, iżda eletti b’vot dirett universali. Il-projbizzjoni ta’ mandat doppju jsaħħaħ l-indipendenza tal-Parlament fil-konfront tal-parlamenti nazzjonali.

    106.

    Barra minn hekk, id-dritt elettorali ġie mgħolli għal-livell ta’ dritt fundamentali fl-Artikolu 39(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tiddeċiedi li l-Artikolu 39(2) tal-Karta, li jipprovdi li “[l]-membri tal-Parlament Ewropew għandhom jiġu eletti b’vot dirett universali li hu liberu u sigriet”, jikkostitwixxi “l-espressjoni fil-Karta tad-dritt tal-vot taċ-ċittadini tal-Unjoni fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew” ( 42 ). Ladarba l-Artikolu 39(2) tal-Karta jipproteġi d-dritt elettorali attiv taċ-ċittadini tal-Unjoni (dritt tal-vot), huwa għandu neċessarjament jipproteġi wkoll id-dritt elettorali passiv tagħhom, fi kliem ieħor id-dritt ta’ kandidatura u li jiġu eletti. Fil-fatt, id-dritt tal-vot dirett u liberu ma jkollu ebda valur mingħajr id-dritt tal-kandidati li jippreżentaw ruħhom b’mod liberu għall-elezzjonijiet u, imbagħad, ladarba eletti, jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom, filwaqt li jgawdu, jekk ikun il-każ, mill-protezzjoni mogħtija mill-immunità parlamentari.

    107.

    Fid-dawl ta’ dan it-tibdil, ir-riżultat li joħroġ mill-interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 9 tal-Protokoll ma tantx huwa sodisfaċenti. Għalhekk wieħed għandu jistaqsi jekk l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għandhiex tibqa’ ffriżata fiż-żmien tal-faħam u tal-azzar jew jekk għandhiex issegwi l-iżvilupp tas-sitwazzjoninormattiva u istituzzjonali.

    108.

    Mingħajr ma tikkontesta r-riferiment għad-dritt nazzjonali inkluż fil-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll, din l-interpretazzjoni tista’ tenfasizza l-kompetenza tal-Parlament fil-qasam tal-immunità tal-membri tiegħu. B’mod partikolari, din id-dispożizzjoni tagħmel riferiment għar-regoli nazzjonali għal dak li jirrigwarda l-kontenut sostantiv tal-immunità, iżda tħalli lill-Parlament is-setgħa li japplika dawn ir-regoli. Għalhekk, jidhirli li huwa naturali li, mill-mument li fih id-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru jirrikonoxxi l-immunità lill-Parlamentari, ma tkunx il-qorti nazzjonali kompetenti li tevalwa l-opportunità li titlob ir-rinunzja tagħha, iżda l-Parlament li jiddeċiedi dwar l-opportunità li jirrinunzja jew jiddefendi din l-immunità.

    Kummenti finali

    109.

    Fit-tielet domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tindirizza wkoll il-kwistjoni tal-ibbilanċjar tal-interessi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tad-deċiżjoni dwar eventwali awtorizzazzjoni ta’ ħruġ mill-ħabs tar-rikorrent fil-kawża prinċipali. Madankollu, din il-kwistjoni ma għadx għandha skop minħabba l-għoti tas-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2019. L-unika kwistjoni li tibqa’ rilevanti hija dik dwar jekk, fil-mument tal-għoti ta’ din is-sentenza, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kienx kopert mill-immunità bħala membru tal-Parlament.

    Konklużjoni

    110.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta segwenti għad-domandi preliminari magħmula mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja):

    1)

    Persuna li l-elezzjoni tagħha fil-Parlament Ewropew kienet uffiċjalment ipproklamata mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih saret din l-elezzjoni tikseb minn dan is-sempliċi fatt u minn dan il-mument il-kwalità ta’ membru tal-Parlament, minkejja kull formalità sussegwenti li din il-persuna jkollha l-obbligu tissodisfa, kemm skont id-dritt tal-Unjoni kif ukoll skont id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru inkwistjoni. Hija żżomm din il-kwalità sat-tmiem tal-mandat tagħha, bla ħsara għall-każijiet ta’ skadenza tiegħu msemmija fl-Artikolu 13(1) tal-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tar-rapreżentanti għall-Parlament Ewropew b’vot dirett universali, anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 76/787/KEFA, KEE, Euratom tal-20 ta’ Settembru 1976, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/772/KE, Euratom tal‑25 ta’ Ġunju 2002 u tat‑23 ta’ Settembru 2002.

    2)

    It-terminu tas-sessjonijiet tal-Parlament, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattati UE u FUE, jibda mill-ftuħ tal-ewwel sessjoni tal-Parlament ġdid elett, jiġifieri fid-data msemmija fl-Artikolu 11(3) tal-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tar-rapreżentanti għall-Parlament Ewropew b’vot dirett universali, anness mad-Deċiżjoni 76/787, kif emendat bid-Deċiżjoni 2002/772/KE. Fl-istess data tibda l-applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni tal-imsemmi protokoll. L-istess japplika għal dak li jirrigwarda membru tal-Parlament li ma bediex effettivament is-servizz tiegħu, għaliex naqas milli jissodisfa l-formalitajiet kollha meħtieġa mid-dritt nazzjonali.

    3)

    It-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, moqri flimkien mal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 ta’ dan il-protokoll, għandu jiġi interpretat fis-sens li, qabel il-ftuħ tal-ewwel sessjoni tal-Parlament wara l-elezzjonijiet, l-awtoritajiet tal-Istat Membru li fih membru tal-Parlament ġie elett għandhom l-obbligu li jastjenu minn kull miżura li tista’ tostakola l-passi ta’ dan il-membru neċessarji sabiex jibda effettivament is-servizz tiegħu u li jissospendu l-miżuri diġà pendenti, sakemm ma jkunux kisbu r-rinunzja għall-immunità mill-Parlament. Dan l-obbligu japplika biss għall-miżuri kkonċernati mill-immunità parlamentari skont id-dritt nazzjonali.

    4)

    Mill-mument li fih id-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru jirrikonoxxi l-immunità tal-membri tal-parlament nazzjonali, il-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, moqri flimkien mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 ta’ dan il-protokoll, għandu jiġi interpetat fis-sens li huwa l-Parlament li għandu jiddeċiedi dwar l-opportunità li jirrinunzja jew jiddefendi l-immunità ta’ wieħed mill-membri tiegħu.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) Hardt, S., Parliamentary Immunity. A Comprehensive Study of the Systems of Parliamentary Immunity in the United Kingdom, France, and the Netherlands in a European Context, Intersentia, Cambridge, 2013, p. 62.

    ( 3 ) Digriet tal-Assemblea Nazzjonali tat-23 ta’ Ġunju 1789 dwar l-invjolabbiltà tad-deputati.

    ( 4 ) Digriet tal-Assemblea Nazzjonali tas-26 u tas-27 ta’ Ġunju 1790 li jirregola provviżorjament il-każijiet fejn id-deputati tal-Assemblea Nazzjonali jistgħu jiġu arrestati, u l-forma tal-proċeduri li għandhom isiru kontrihom.

    ( 5 ) Ara t-tieni sentenza tal-Artikolu 5(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew, li tipprovdi li “[l]-immunità parlamentari mhix privileġġ personali ta’ Membru imma garanzija tal-indipendenza tal-Parlament kollu kemm hu u tal-Membri tiegħu”.

    ( 6 ) Din l-idea ġiet espressa perfettament mit-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali, Spanja) fis-sentenza tagħha 90/1985 tat-22 ta’ Lulju 1985 (ES:TC:1985:90), li tipprovdi li l-loġika tal-immunità proċedurali hija “li jiġi evitat li r-rimedji kriminali jintużaw sabiex jiddisturbaw il-funzjonament tal-Kmamar jew sabiex jimmodifikaw il-kompożizzjoni tagħhom skont il-volontà tal-poplu” (tradotta minni).

    ( 7 ) Ara pereżempju, Santaolalla López, F., Derecho parlamentario español, Editorial Dykinson, Madrid 2013, p. 143. Dwar ir-rabta bejn l-immunità u d-drittijiet fundamentali, ara Muylle, K., “L’immunité parlementaire face à la Convention européenne des droits de l’Homme”, Administration publique, 3/2008, p. 207 sa 216.

    ( 8 ) Din ir-rimarka ma għandhix tinqara bħala riferiment għal Stat partikolari, b’mod partikolari r-Renju ta’ Spanja. Din hija konstatazzjoni oġġettiva, kif tirrikonoxxi b’mod partikolari l-Kummissjoni ta’ Venezja, li barra minn hekk hija kritika ħafna fir-rigward tal-invjolabbiltà parlamentari (ara l-Kummissjoni Ewropea għad-demokrazija permezz tal-liġi, “Rapport sur l’étendue et la levée des immunités parlementaires”, adottat f’Venezja fil-21 u 22 ta’ Marzu 2014, www.venice.coe.int, punt 154).

    ( 9 ) ĠU 2012, C 326, p. 266.

    ( 10 ) ĠU 1976, L 278, p. 1.

    ( 11 ) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 1, Vol.4, p. 137).

    ( 12 ) Fil-lingwa ġuridika Spanjola, “invjolabbiltà”(inviolabilidad) tfisser dak li effettivament hija irresponsabbiltà, jiġifieri immunità sostantiva, u “immunità”(inmunidad) tfisser dak li bnadi oħra hija invjolabbiltà, jiġifieri immunità proċedurali.

    ( 13 ) BOE Nru 147, tal-20 ta’ Ġunju 1985, p. 19110.

    ( 14 ) Gaceta de Madrid Nru 260, tas-17 ta’ Settembru 1882, p. 803 (BOE-A-1882-6036).

    ( 15 ) DOGC Nru 7449, tas-6 ta’ Settembru 2017, p. 1.

    ( 16 ) DOGC Nru 7451, tat-8 ta’ Settembru 2017, p. 1.

    ( 17 ) Digriet tat-Tribunal Supremo 5051/2019 (ES:TS:2019:5051A).

    ( 18 ) BOE 2019, Nru 142, p. 62477.

    ( 19 ) Peress li t-terminoloġija ma taqbilx perfettament fil-lingwi uffiċjali kollha, ser nuża l-kliem “membru tal-Parlament” u “deputat tal-Parlament” bħala sinonomi.

    ( 20 ) Dwar din id-distinzjoni bejn il-kisba u l-eżerċizzju tal-mandat parlamentari, ara, Avril, P., Gicquel, J., Droit parlementaire, Montchrestien, Pariġi, 2004, p. 35 sa 36, u Grajewski, K., Status prawny posła i senatora, Wydawnictwo Sejmowe, Varsovie, 2016, p. 12.

    ( 21 ) Ara, bħala eżempju, fid-dritt Franċiż, Gicquel, J., Gicquel, J.-E., Droit constitutionnel et institutions politiques, LGDJ, Pariġi, 2015, p. 678; fid-dritt Pollakk, Gierach, E., fi: Safjan, M., Bosek, L., Konstytucja RP. Komentarz, C.H.Beck, Varsovie, 2016, t. 2, p. 329 u 330; u fid-dritt Spanjol, Álvarez Conde, E., Tur Ausina, R., Derecho constitucional, Tecnos, Madrid, 2013, p. 557 et seq.

    ( 22 ) Fil-fehma tiegħi, dan ir-rekwiżit stess iqajjem dubji dwar il-konformità tiegħu mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari fid-dawl tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(2) TUE li tipprovdi “[i]l-Parlament Ewropew għandu jkun magħmulminn rappreżentanti taċ-ċittadini tal-Unjoni” (korsiv miżjud minni). Madankollu, ser inħalli din il-kwistjoni fil-ġenb, peress li din il-kawża ma tirrigwardax dan l-obbligu fih innifsu, iżda l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ twettiq tiegħu.

    ( 23 ) Korsiv miżjud minni. Xejn iktar ma jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari dik invokata mill-Gvern Spanjol u mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħhom, jiġifieri s-sentenzi tas-7 ta’ Lulju 2005, Le Pen vs Il-Parlament (C-208/03 PEU:C:2005:429), u tat-30 ta’ April 2009, L-Italja u Donnici vs Il-Parlament (C-393/07 u C-9/08EU:C:2009:275). Dawn il-kawżi kienu jirrigwardaw każijiet speċifiċi, ta’ revoka tal-mandat wara kundanna kriminali u ta’ rinunzja, sussegwentement irrevokata, tal-mandat, rispettivament. Ma kienx hemm differenza bejn il-proklamazzjoni tal-elezzjoni (jew ta’ revoka) imwettqa mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat u l-komunikazzjoni indirizzata lill-Parlament. Barra minn hekk, din il-kawża ma tirrigwardax eventwali verifika, mill-Parlament, tar-riżultati tal-elezzjonijiet ipproklamati jew kkomunikati mill-Istat Membru, iżda l-evalwazzjoni minn qorti nazzjonali tal-istatus tal-persuna eletta fil-Parlament.

    ( 24 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ April 2009, L-Italja u Donnici vs Il-Parlament (C-393/07 u C-9/08, EU:C:2009:275, punt 48).

    ( 25 ) Sentenza 119/1990 tal-21 ta’ Ġunju 1990,ES:TC:1990:119 (traduzzjoni magħmula minni). Ara wkoll, il-kummentarju ta’ din is-sentenza: Santaolalla López, F., “El juramento y los reglamentos parlamentarios”, Revista española de derecho constitutional, Nru 30/1990, p. 149. Skont dan l-awtur, il-fatt li l-obbligu li jittieħed ġurament li tiġi osservata l-Kostituzzjoni Spanjola ma jikkundizzjonax il-kisba tal-mandat parlamentari huwa “ħaġa normalment ammessa u ma timmeritax iktar kummenti”.

    ( 26 ) Dwar l-obbligu tal-ġurament mill-membri tal-Parlament Spanjol, ara, b’mod partikolari, Alvarez Conde, E., Tur Ausina, R., op. cit., p. 571 sa 572.

    ( 27 ) Ara Santaolalla López, F., Derecho parlamentario español, op. cit., p. 113. Skont dan l-awtur, tali interpretazzjoni tista’ tkun f’kunflitt mal-Kostituzzjoni Spanjola, li tipprovdi li l-immunità tapplika għall-perijodu tal-mandat, jiġifieri sa mill-elezzjoni.

    ( 28 ) Loġikament, sospensjoni minħabba akkuża kriminali, bħal dik prevista fl-Artikolu 384a tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, tista’ tirrigwarda deputat Ewropew elett fi Stat Membru differenti minn dak li fih issir il-prosekuzzjoni.

    ( 29 ) Huwa minnu li, meta titkellem dwar “immunitajiet”, din id-dispożizzjoni donnha tirreferi litteralment għall-forom kollha ta’ immunità parlamentari, inkluż l-irresponsabbiltà (immunità sostantiva). Madankollu, fil-fehma tiegħi, tali interpretazzjoni ma tagħmilx sens. Fil-fatt, l-ewwel nett, fid-dritt nazzjonali tal-Istati Membri, l-irresponsabbiltà hija normlament limitata għall-atti mwettqa fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet parlamentari. Madankollu, il-kwalità ta’ deputat tal-Parlament hija inkompatibbli ma’ dik ta’ membru ta’ parlament nazzjonali skont l-Artikolu 7(2) tal-Att tal-1976. Għalhekk, l-irresponsabbiltà li tirriżulta mid-dritt nazzjonali, fi kwalunkwe każ, ma tistax tapplika għad-deputati tal-Parlament. Għal dak li jirrigwardahom, din l-istess garanzija hija żgurata mill-Artikolu 8 tal-Protokoll. It-tieni nett, ma jagħmilx sens li jiġi limitat it-tul tal-irresponsabbiltà għall-perijodu ta’ sessjoni tal-Parlament u li jiġu permessi prosekuzzjonijiet għall-opinjonijiet mogħtija fl-eżerċizzju tal-funzjoni parlamentari wara l-egħluq ta’ dawn is-sessjonijiet. Sabiex tkun effettiva, l-irresponsabbiltà għandha tkun limitata ratione temporis. Fit-tielet u l-aħħar nett, jekk l-irresponsabbiltà tikkostitwixxi immunità assoluta, din tkun f’kontradizzjoni mal-fakultà tal-Parlament li jirrinunzja għall-immunità, prevista fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll. Għalhekk, jiena tal-opinjoni li l-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll għandu jiġi interpretat bħala li jirrigwarda biss l-invjolabbiltà (immunità proċedurali).

    ( 30 ) Ara b’mod partikolari, Corbett, R., Jacobs, F., Neville, D., The European Parliament, John Harper Publishing, Londra, 2016, p. 76 sa 77; Hardt, S., op. cit., p. 45; Lis-Starowicz, D., Galster, J., “Immunitet posła do Parlamentu Europejskiego”, Przegląd sejmowy, 2006/6, p. 9, u Schulz-Bleis, Ch., Die parlamentarische Immunität der Mitglieder des Europäischen Parlaments, Duncker&Humblot, Berlin, 1995, p. 29 et seq.

    ( 31 ) Ara b’mod partikolari, ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament tal-15 ta’ Settembru 1983 dwar l-Istatus tal-Membri tal-Parlament Ewropew (ĠU 1983, C 277, p. 135) u l-Abbozz ta’ Reviżjoni tal-Protokoll (Nru 7) [COM(84) 666], kif ukoll ir-rapporti Donnez (A2-0121/86) u Rothley (A5-0193/03) tal-Parlament.

    ( 32 ) Sentenza tal-10 ta’ Lulju 1986, Wybot (149/85, EU:C:1986:310, punti 11 sa 13).

    ( 33 ) L-ewwel sessjoni tal-Parlament tad-disa’ leġiżlatura bdiet fit-2 ta’ Lulju 2019.

    ( 34 ) Ara l-Artikolu 153(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament tad-disa’ leġiżlatura.

    ( 35 ) Sentenza tal-10 ta’ Lulju 1986, Wybot (149/85, EU:C:1986:310, id-dispożittiv).

    ( 36 ) L-unika eċċezzjoni evidenti hija l-każ ta’ persuni li jkunu ssostitwixxew deputat li l-mandat tiegħu skada b’mod antiċipat.

    ( 37 ) Sentenza tal-10 ta’ Lulju 1986, Wybot (149/85, EU:C:1986:310, punt 25).

    ( 38 ) Bħala eżempju, insemmi l-Artikolu 105(2) tal-Kostituzzjoni Pollakka, li jipprojbixxi l-prosekuzzjonijiet kriminali kontra l-Parlamentari sa mill-proklamazzjoni tar-riżultati tal-elezzjonijiet, kif ukoll l-Artikoli 751 u 752 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, iċċitati fil-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 39 ) Skont nota informattiva ppubblikata fuq is-sit tal-internet tal-Consejo General del Poder Judicial (il-Kunsill Nazzjonali tal-Maġistratura, Spanja), it-telf tad-drittijiet ċivili jwassal għaċ-ċaħda definittiva tal-unuri, impjiegi u karigi pubbliċi kollha, inklużi elettivi, kif ukoll għall-impossibbiltà li jinkisbu tali unuri, impjiegi jew karigi pubbliċi jew li wieħed jiġi elett għal kariga pubblika (ara l-Artikolu 41 tal-código penal (il-Kodiċi Kriminali)). Barra minn hekk, skont l-Artikolu 6(2) u (4) tal-Kodiċi Elettorali, il-kundanna għal piena li ċċaħħad il-libertà twassal għall-ineliġibbiltà kif ukoll għall-inkompatibbiltà.

    ( 40 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Ir-Renju Unit (C-145/04, EU:C:2006:543, punt 78).

    ( 41 ) Fl-aħħar, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa l-effetti eżatti tas-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2019.

    ( 42 ) Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Delvigne (C-650/13, EU:C:2015:648, punt 44).

    Top