Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CC0453

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati fis-27 ta’ Ottubru 2020.


ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:862

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fis-27 ta’ Ottubru 2020 ( 1 )

Kawża C‑453/19 P

Deutsche Lufthansa AG

vs

Il-Kummissjoni

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Għajnuna individwali – Deċiżjoni li tikklassifika l-miżuri favur l-ajruport ta’ Frankfurt Hahn bħala għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern u li tikkonstata l-assenza ta’ għajnuna mill-Istat favur il-linji tal-ajru li jagħmlu użu minn dan l-ajruport – Inammissibbiltà ta’ rikors għal annullament – Inċidenza individwali – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva”

I. Introduzzjoni

1.

L-ammissibbiltà tar-rikorsi għall-annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat ippreżentata minn kompetitur tal-benefiċjarju tal-miżura inkwistjoni hija s-suġġett ta’ kontenzjuż abbundanti. Dan l-appell jixhed dan biżżejjed.

2.

L-appellanti, Deutsche Lufthansa AG, titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑12 ta’ April 2019, Deutsche Lufthansa vs Il-Kummissjoni (T‑492/15, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2019:252), li permezz tagħha din iddeċidiet li r-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/789, tal‑1 ta’ Ottubru 2014, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.21121 (C29/08) (ex NN 54/07) implimentata mill-Ġermanja fir-rigward tal-finanzjament tal-ajruport ta’ Frankfurt-Hahn u r-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-ajruport u Ryanair (ĠU 2016, L 134, p. 46) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) kien inammissibbli.

3.

Konformement mat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser ikunu limitati għall-analiżi tar-raba’ sas-sitt partijiet tal-ewwel aggravju, dwar l-evalwazzjoni tal-inċidenza individwali fuq l-appellanti fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

II. Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża

4.

Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew spjegati fid-dettall fis-sentenza appellata, li għaliha jsir riferiment f’dan ir-rigward ( 2 ). Il-fatti essenzjali u neċessarji sabiex jinftiehmu dawn il-konklużjonijiet jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

5.

L-appellanti hija linja tal-ajru stabbilita fil-Ġermanja, li l-attività ewlenija tagħha hija t-trasport ta’ passiġġieri.

6.

L-ajruport ta’ Frankfurt Hahn (il-Ġermanja) jinsab fit-territorju tal-Land Rheinland-Pfalz (iktar ’il quddiem il-“Land”), madwar 115-il km mill-ajruport ta’ Frankfurt am Main (il-Ġermanja), l-ewwel ajruport bażi tal-appellanti. Mill-1 ta’ April 1995, dan sar proprjetà ta’ Holding Unternehmen Hahn GmbH & Co. KG, sħubija pubblika-privata li fiha kienet tipparteċipa l-Land, u beda jiġi operat minn Flughafen Hahn GmbH & Co. KG Lautzenhausen (iktar ’il quddiem “Flughafen Hahn”). Mill-1 ta’ Jannar 1998, Flughafen Hahn saret prinċipalment proprjetà ta’ Flughafen Frankfurt/Main GmbH (iktar ’il quddiem “Fraport”), kumpannija li topera u tamministra l-ajruport ta’ Frankfurt am Main.

7.

Fl-1999, Flughafen Hahn ikkonkludiet ftehim ta’ ħames snin ma’ Ryanair Ltd (li issa saret Ryanair DAC, iktar ’il quddiem “Ryanair”) dwar l-ammont tat-tariffi tal-ajruport li Ryanair kellha tħallas. Dan il-ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ April 1999 (iktar ’il quddiem il-“ftehim ma’ Ryanair tal-1999”).

8.

Fl-istess sena, il-Land u Fraport ikkonkludew ftehim ta’ trasferiment tal-profitti, li permezz tiegħu Fraport intrabtet li tkopri t-telf ta’ Flughafen Hahn bħala korrispettiv għal dritt esklużiv fuq il-profitti ġġenerati minn din tal-aħħar. Il-ftehim ta’ trasferiment tal-profitti daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2001.

9.

Sussegwentement, Holding Unternehmen Hahn & Co. u Flughafen Hahn ingħaqdu sabiex jifformaw Flughafen Hahn GmbH, (li saret Flughafen Frankfurt Hahn GmbH, iktar ’il quddiem “FFHG”), li 26.93 % tal-kapital tagħha kien miżmum mil-Land, u 73.07 % minn Fraport.

10.

Fil-11 ta’ Ġunju 2001, Fraport ġiet ikkwotata fil-Borża, u 29.71 % tal-ishma tagħha nbiegħu lil azzjonisti privati, filwaqt li l-bqija tal-ishma baqgħu fil-pussess ta’ azzjonisti pubbliċi.

11.

Bejn ix-xahar ta’ Diċembru 2001 u x-xahar ta’ Jannar 2002, Fraport u l-Land żiedu l-kapital ta’ FFHG (iktar ’il quddiem iż-“żieda fil-kapital tal-2001”) b’EUR 27 miljun, sottoskritti minn Fraport u mil-Land fl-ammont ta’ EUR 19.7 miljun u EUR 7.3 miljun rispettivament. Din iż-żieda fil-kapital kienet intiża sabiex tiffinanzja l-parti l-iktar urġenti ta’ programm ta’ titjib fl-infrastruttura tal-ajruport.

12.

Fl-14 ta’ Frar 2002, il-ftehim ma’ Ryanair tal‑1999 ġie ssostitwit bi ftehim ġdid (iktar ’il quddiem il-“ftehim ma’ Ryanair tal-2002”).

13.

Fl-istess sena, Fraport, il-Land, FFHG, u l-Land ta’ Hessen (il-Ġermanja) qablu li l-Land ta’ Hessen issir it-tielet azzjonista ta’ FFHG, f’każ li tkun meħtieġa żieda fil-kapital.

14.

Għal dan il-għan, ġie ffirmat ftehim bejn l-azzjonisti matul is-sena 2005 bejn Fraport, il-Land u l-Land ta’ Hessen, li permezz tiegħu kellha ssir żieda ta’ EUR 19.5 miljun fil-kapital ta’ FFHG. Bejn is-sena 2004 u s-sena 2009, Fraport, il-Land, u l-Land ta’ Hessen injettaw, rispettivament, EUR 10.21 miljun, EUR 540000 u EUR 8.75 miljun f’FFHG. Il-Land u l-Land ta’ Hessen intrabtu wkoll li jinjettaw EUR 11.25 miljun addizzjonali kull waħda bħala riżerva ta’ kapital.

15.

Wara din iż-żieda fil-kapital (iktar ’il quddiem, iż-“żieda fil-kapital tal-2004”), Fraport kellha 65 % tal-ishma ta’ FFHG, filwaqt li l-Land u l-Land ta’ Hessen kellhom 17.5 % kull waħda.

16.

Il-ftehim bejn l-azzjonisti kien jipprevedi barra minn hekk li kull dejn ġdid imġarrab minn FFHG kellu jkun kopert minn Fraport, mil-Land u mil-Land ta’ Hessen, fil-proporzjon tas-sehem tagħhom fil-kapital ta’ FFHG, u li kellu jiġi konkluż ftehim ġdid ta’ trasferiment tal-profitt sas-sena 2014 (iktar ’il quddiem il-“ftehim ta’ trasferiment tal-profitt tal-2004”). Dan il-ftehim ġie konkluż fil‑5 ta’ April 2004 u daħal fis-seħħ fit‑2 ta’ Ġunju 2004.

17.

Bejn is-sena 1997 u s-sena 2004, il-Land ħallset lil Flughafen Hahn u sussegwentement lil FFHG sussidji diretti.

18.

Barra minn hekk, il-Land stabbilixxiet mekkaniżmu ta’ kumpens favur FFHG għall-kontrolli tas-sigurtà, li għalihom il-Land tiġbor taxxa ta’ sigurtà ajruportwali mingħand il-passiġġieri kollha li jitilqu mill-ajruport ta’ Frankfurt Hahn. Il-Land issottokuntrattat l-eżekuzzjoni tal-kontrolli fl-ajruport u ttrasferixxiet id-dħul kollu mit-taxxa tas-sigurtà lil dan tal-aħħar.

19.

Fl-4 ta’ Novembru 2005, ġie konkluż ftehim addizzjonali għall-ftehim ma’ Ryanair tal-2002.

20.

Bejn is-sena 2003 u s-sena 2006, il-Kummissjoni rċeviet diversi lmenti dwar allegata għajnuna mill-Istat mogħtija minn Fraport, mil-Land u mil-Land ta’ Hessen lil Ryanair u lil FFHG.

21.

Fis-17 ta’ Ġunju 2008, wara diskussjonijiet mar-Repubblika federali tal-Ġermanja, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 108(2) TFUE), għall-għajnuna mill-Istat li tikkonċerna l-finanzjament tal-ajruport ta’ Frankfurt Hahn u r-relazzjonijiet tiegħu ma’ Ryanair.

22.

Fil-31 ta’ Diċembru 2008, Fraport biegħet lil-Land is-sehem kollu tagħha f’FFHG, b’tali mod li l-Land issa kellha sehem maġġoritarju ta’ 82.5 % f’FFHG, filwaqt li 17.5 % l-oħra baqgħu miżmuma mil-Land ta’ Hessen, u li l-ftehim ta’ trasferiment tal-profitt tal-2004 ġie xolt.

23.

Fit-13 ta’ Lulju 2011, il-Kummissjoni fetħet it-tieni proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar miżuri ta’ finanzjament ta’ FFHG meħuda bejn is-sena 2009 u s-sena 2011. Għaldaqstant, kien hemm żewġ proċeduri koeżistenti.

24.

Fl-1 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni qieset li l-għajnuna mill-Istat implimentata mill-Ġermanja permezz taż-żieda tal-kapital ta’ FFHG sottoskritta minn Fraport u mil-Land bejn ix-xahar ta’ Diċembru 2001 u x-xahar ta’ Jannar 2002, taż-żieda tal-kapital tal‑2004 u tas-sussidji diretti mħallsa mil-Land lil Flughafen Hahn imbagħad lil FFHG bejn is-sena 1997 u s-sena 2004 kienet kompatibbli mas-suq intern. Barra minn hekk, hija qieset li ż-żieda fil-kapital tal‑2004 minn Fraport u l-ftehim ta’ trasferiment tal-profitt tal‑2004 ma kinux jikkostitwixxu għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Fl-aħħar nett, hija qieset li l-ftehim ma’ Ryanair tal‑1999, il-ftehim ma’ Ryanair tal‑2002 u ż-żieda mal-ftehim ma’ Ryanair tal‑2002, konkluża fl-4 ta’ Novembru 2005 ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

25.

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑26 ta’ Awwissu 2015, l-appellanti ppreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, li insostenn tiegħu hija qajmet seba’ aggravji bbażati, l-ewwel wieħed, fuq żball proċedurali; it-tieni u t-tielet, fuq żbalji ta’ evalwazzjoni tal-fatti; ir-raba’, fuq kontradizzjonijiet manifesti fid-deċiżjoni kontenzjuża; u, fil-ħames sas-seba’, fuq ksur tal-Artikolu 107 TFUE.

26.

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors bħala inammissibbli, sa fejn kien jirrigwarda l-miżuri ta’ għajnuna individwali favur l-ajruport ta’ Frankfurt Hahn u Ryanair, li huma l-uniċi rilevanti għall-finijiet ta’ dawn il-konklużjonijiet.

IV. It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

27.

Permezz ta’ appell ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Ġunju 2019, l-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tikkonstata li r-rikors kien ammissibbli u fondat;

tilqa’ t-talbiet imressqa fl-ewwel istanza u tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża;

sussidjarjament, li tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

28.

Il-Kummissjoni u l-Land jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell u

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

29.

Ryanair titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell;

sussidjarjament, li tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, u

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

30.

Ma saritx seduta.

V. Analiżi

31.

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li, billi ddeċidiet li r-rikors kien inammissibbli sa fejn kien dirett kontra l-parti tad-deċiżjoni kontenzjuża dwar il-miżuri ta’ għajnuna individwali favur FFHG u Ryanair, il-Qorti Ġenerali kisret ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

32.

B’mod iktar preċiż, permezz tar-raba’ sas-sitt parti tal-ewwel aggravju, ifformulati sussidjarjament, l-appellanti tikkontesta r-raġunament tal-Qorti Ġenerali u l-konklużjoni li hija ma pprovatx b’mod suffiċjenti fid-dritt l-inċidenza individwali fuqha fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

33.

Preliminarjament, ser nagħmel ċerti osservazzjonijiet dwar ir-regoli dwar l-ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati minn kompetituri kontra deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat adottati wara l-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE. Sussegwentement, ser nanalizza, fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet, l-argumenti ppreżentati mill-appellanti insostenn tar-raba’ sas-sitt partijiet tal-ewwel aggravju.

A.   Ir-regoli ta’ ammissibbiltà tar-rikorsi għal annullament ippreżentati minn kompetituri fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat

34.

Mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jipprevedi żewġ każijiet fejn il-locus standi huwa rrikonoxxut lil persuna fiżika jew ġuridika sabiex tippreżenta rikors kontra att tal-Unjoni li tiegħu hija ma hijiex destinatarja: meta dan l-att ikun jirrigwardaha direttament u individwalment u meta jkun att regolatorju li jirrigwardaha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni ( 3 ).

35.

Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement iddeċidiet li deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar skema ta’ għajnuna tista’ tiġi kkunsidrata, fir-rigward b’mod partikolari ta’ kompetitur tal-benefiċjarju jew tal-benefiċjarji ta’ din l-iskema, bħala att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni ( 4 ), u għalhekk jiffaċilita l-preżentata ta’ rikors għal annullament kontra din it-tip ta’ deċiżjoni, l-istess raġunament ma jistax jiġi traspost għad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar miżuri individwali ( 5 ).

36.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u b’mod skematiku, għalkemm terzi jistgħu, suġġett li jagħtu prova tal-inċidenza diretta fuqhom, jippreżentaw rikors kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar skema ġenerali, huma jkunu jridu jagħtu prova tal-inċidenza individwali fuqhom meta d-deċiżjoni kkontestata tikkonċerna miżura individwali.

37.

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-persuni li ma humiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni ma jistgħux jallegaw li huma kkonċernati individwalment fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ħlief jekk din id-deċiżjoni tolqothom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom meta mqabbla mal-persuni l-oħra kollha u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzahom b’mod analogu għad-destinatarju ta’ tali deċiżjoni ( 6 ).

38.

F’dan ir-rigward, u fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, meta rikorrent jikkontesta deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tiftaħx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE b’tali mod li jiżgura s-salvagwardja tad-drittijiet proċedurali li huwa għandu taħt din id-dispożizzjoni, il-kwalità biss ta’ parti interessata, fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE u tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 ( 7 ), hija biżżejjed sabiex tindividwalizzah b’mod analogu għad-destinatarju tad-deċiżjoni kkontestata ( 8 ).

39.

Min-naħa l-oħra, dan ma huwiex il-każ meta r-rikors ikollu l-għan li jikkontesta l-fondatezza ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat: is-sempliċi kwalità ta’ parti interessata, u għalhekk ta’ kompetitur, ma hijiex biżżejjed biex tistabbilixxi l-inċidenza individwali. Ir-rikorrent irid għalhekk juri li għandu status partikolari fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li d-deċiżjoni inkwistjoni ġiet adottata fi tmiem il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE jew fi tmiem il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE.

40.

Is-sentenza Cofaz et vs Il-Kummissjoni ( 9 ) ppermettiet, għall-ewwel darba, li jiġi spjegat dak li kien jimplika tali rekwiżit, fir-rigward tar-rikorsi fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat ippreżentati minn kompetituri. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni kienet element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami tal-inċidenza individwali fuqha, “jekk, madankollu, il-pożizzjoni [tagħha] fis-suq hija sostanzjalment affettwata mill-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni inkwistjoni” ( 10 ).[traduzzjoni mhux uffiċjali]

41.

Fi kliem ieħor, l-inċidenza individwali fuq il-kompetitur li jippreżenta rikors intiż sabiex jikkontesta l-fondatezza ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat hija suġġetta għall-prova tal-inċidenza sostanzjali fuq il-pożizzjoni tiegħu fis-suq. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat ulterjorment li din il-kundizzjoni kienet il-kundizzjoni essenzjali li tippermetti li tiġi stabbilita l-inċidenza individwali, filwaqt li l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-proċedura amministrattiva ma tikkostitwixxix kundizzjoni neċessarja sabiex tintwera l-inċidenza individwali fuq il-kompetitur ( 11 ) iżda “element rilevanti” ( 12 ) f’dan ir-rigward.

42.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja jivverifikaw sistematikament, fl-istudju tal-ammissibbiltà tar-rikors, l-inċidenza sostanzjali fuq il-pożizzjoni fis-suq tal-kompetitur li jkun ippreżenta rikors intiż sabiex jikkontesta l-fondatezza ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

43.

Għalkemm il-ġurisprudenza llum hija stabbilita fuq dan il-punt, madankollu hija nieqsa miċ-ċarezza fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kundizzjoni dwar l-inċidenza sostanzjali fuq il-pożizzjoni kompetittiva tar-rikorrent, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-metodi u l-istandard ta’ prova meħtieġa sabiex din tiġi stabbilita.

44.

Fil-fatt, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali, inizjalment, aċċettaw evalwazzjoni pjuttost flessibbli ta’ din il-kundizzjoni, għandu jiġi kkonstatat li din it-tendenza ġurisprudenzjali llum teżisti ma’ tendenza ġdida fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, iktar restrittiva, li għandha l-effett li tiddikjara inammissibbli l-parti l-kbira tar-rikorsi ppreżentati mill-kompetituri tal-benefiċjarju ta’ miżura, minħabba n-nuqqas ta’ inċidenza sostanzjali fuq il-pożizzjoni kompetittiva tagħhom.

1. Evalwazzjoni oriġinarjament flessibbli tal-kundizzjoni marbuta mal-inċidenza sostanzjali fuq il-pożizzjoni tar-rikorrent fuq is-suq

45.

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, mis-sentenza Cofaz et vs Il-Kummissjoni ( 13 ), li l-prova tal-inċidenza sostanzjali fuq il-pożizzjoni tar-rikorrent fis-suq ma timplikax, għall-Qorti tal-Ġustizzja, li għandha tiddeċiedi b’mod definittiv fuq ir-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn ir-rikorrent u l-impriżi benefiċjarji, iżda teħtieġ biss min-naħa tar-rikorrent li dan jindika “b’mod rilevanti r-raġunijiet li għalihom id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tista’ tkun ta’ ħsara għall-interessi leġittimi [tiegħu] billi taffettwa sostanzjalment il-pożizzjoni [tiegħu] fis-suq inkwistjoni” ( 14 ).

46.

Fuq din il-bażi, il-prassi ġurisprudenzjali li segwiet is-sentenza Cofaz et vs Il-Kummissjoni ( 15 ) ammettiet faċilment li l-kundizzjoni dwar l-inċidenza sostanzjali fuq il-pożizzjoni tar-rikorrent fis-suq tista’ tiġi ssodisfatta. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali spiss irrikonoxxew l-eżistenza ta’ din l-inċidenza sostanzjali, peress li r-rikorrent kien il-kompetitur dirett tal-impriża benefiċjarja tal-għajnuna f’suq fejn ftit operaturi kienu preżenti ( 16 ), filwaqt li ġie ppreċiżat li jekk tali inċidenza tkun stabbilita, il-fatt li numru mhux definit ta’ kompetituri jistgħu jinvokaw inċidenza analoga ma jistax jipprekludi r-rikonoxximent tal-inċidenza individwali fuq ir-rikorrent ( 17 ).

47.

L-inċidenza sostanzjali fuq il-pożizzjoni kompetittiva tar-rikorrent tirriżulta għalhekk mhux minn analiżi fil-fond tad-diversi relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni li tippermetti li tiġi stabbilita bi preċiżjoni l-portata tal-inċidenza fuq il-pożizzjoni kompetittiva tiegħu iżda, bħala prinċipju, minn konstatazzjoni prima facie li l-għoti tal-miżura prevista mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni twassal sabiex taffettwa sostanzjalment din il-pożizzjoni.

48.

Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet li l-kundizzjoni dwar l-inċidenza sostanzjali fuq il-pożizzjoni kompetittiva tar-rikorrent fis-suq tista’ tiġi ssodisfatta meta dan iressaq provi li juru li l-miżura inkwistjoni tista’ taffettwa sostanzjalment il-pożizzjoni fis-suq ( 18 ).

49.

Fit-tieni lok, l-elementi ammessi mill-ġurisprudenza sabiex tiġi stabbilita tali inċidenza sostanzjali jixhdu wkoll l-evalwazzjoni oriġinarjament flessibbli ta’ din il-kundizzjoni.

50.

B’hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li din l-inċidenza sostanzjali ma għandhiex neċessarjament tiġi dedotta minn elementi bħal tnaqqis sostanzjali tad-dħul mill-bejgħ, telf finanzjarju mhux negliġibbli jew ukoll tnaqqis sinjifikattiv tal-partijiet tas-suq wara l-għoti tal-miżura inkwistjoni. L-inċidenza sostanzjali fuq il-pożizzjoni tar-rikorrent fis-suq tista’ wkoll tiġi stabbilita billi titressaq il-prova, b’mod partikolari, tal-lucrum cessans ikkawżat mill-miżura inkwistjoni jew ta’ żvilupp inqas favorevoli minn dak li kien jiġi rreġistrat fl-assenza ta’ tali għajnuna. Barra minn hekk, l-intensità tal-effett ħażin fuq il-pożizzjoni tar-rikorrent fis-suq tista’ tvarja skont numru kbir ta’ fatturi bħal, b’mod partikolari, l-istruttura tas-suq inkwistjoni jew in-natura tal-miżura inkwistjoni. Il-prova ta’ effett ħażin sostanzjali fuq il-pożizzjoni ta’ kompetitur fis-suq ma tistax, għaldaqstant, tkun limitata għall-prova ta’ numru limitat ta’ elementi li jindikaw tnaqqis fil-prestazzjonijiet kummerċjali jew finanzjarji tar-rikorrent ( 19 ).

51.

Minkejja dawn il-prinċipji stabbiliti b’mod kostanti fil-ġurisprudenza, il-maġġoranza kbira tar-rikorsi ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali mill-kompetituri tal-benefiċjarju ta’ għajnuna u intiżi sabiex jikkontestaw il-fondatezza ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni issa huma meqjusa bħala inammissibbli minħabba li r-rikorrenti ma rnexxilhomx juru li l-pożizzjoni tagħhom fis-suq kienet affettwata b’mod sostanzjali ( 20 ). B’hekk dan l-aħħar, fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali b’mod partikolari, feġġet evalwazzjoni iktar stretta tal-kundizzjoni marbuta mal-inċidenza sostanzjali fuq il-pożizzjoni tar-rikorrent.

2. L-iżvilupp ta’ evalwazzjoni restrittiva tal-kundizzjoni dwar l-inċidenza sostanzjali fuq il-pożizzjoni fis-suq tal-kompetitur

52.

Skont din ix-xejra ġurisprudenzjali, l-inċidenza sostanzjali fuq il-pożizzjoni fis-suq tal-kompetitur tal-benefiċjarju tal-miżura inkwistjoni tista’ tiġi stabbilita biss jekk il-kompetitur jirnexxielu juri l-“partikolarità” tas-sitwazzjoni kompetittiva tiegħu, jiġifieri li din il-miżura affettwatu aktar milli affetwat lil kompetituri oħrajn tal-benefiċjarju ( 21 ). Fi kliem ieħor, l-inċidenza sostanzjali fuq il-pożizzjoni kompetittiva tar-rikorrent ma tiġix evalwata fir-rigward biss tal-impatt li l-miżura studjata jista’ jkollha fuq il-pożizzjoni tar-rikorrent waħdu f’suq partikolari iżda bi tqabbil mal-inċidenza fuq il-pożizzjoni kompetittiva tal-kompetituri l-oħrajn tal-benefiċjarju.

53.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-pożizzjoni kompetittiva ta’ kompetitur ieħor tista’, potenzjalment, tiġi affettwata mill-miżura inkwistjoni daqs il-pożizzjoni tar-rikorrent huwa biżżejjed sabiex jiġi eskluż li dan tal-aħħar jista’ jkun ikkonċernat individwalment mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrigwarda din il-miżura.

54.

Minn dan jirriżulta li l-Qorti Ġenerali issa timponi standard ta’ prova partikolarment għoli fir-rigward tal-elementi li jistgħu jiġu prodotti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-inċidenza sostanzjali fuq il-pożizzjoni kompetittiva fis-suq. B’hekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-kundizzjoni dwar l-inċidenza sostanzjali fuq ir-rikorrent ma kinitx issodisfatta peress li ma setax jiġi stabbilit li r-rikorrent kien iktar kapaċi mill-medja tal-kompetituri l-oħra biex jilqa’ d-domanda liberata permezz tal-għejbien mis-suq tal-impriża benefiċjarja tal-miżura, b’tali mod li r-rikorrent ma kienx wera li sofra telf ta’ qligħ kbir biżżejjed meta mqabbel mal-kompetituri l-oħra ( 22 ).

55.

Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali qieset li anki jekk il-miżura inkwistjoni hija tali li twassal għal tnaqqis fl-attività tar-rikorrent fis-suq, dan ma jippermettix li l-inċidenza fuq il-pożizzjoni fis-suq tar-rikorrent tiġi kkwalifikata bħala “sostanzjali” peress li ma huwiex stabbilit li s-sitwazzjoni tiegħu hija differenti minn dik tal-kompetituri l-oħra ( 23 ).

56.

Barra minn hekk, jidher naturalment inqas faċli għal rikorrent li juri inċidenza ikbar fuq il-pożizzjoni kompetittiva tiegħu milli fuq dik tal-kompetituri l-oħra, meta jkollu, jekk tali kriterju japplika, ftit elementi dwar il-pożizzjoni eżatta tal-kompetituri tiegħu fis-suq inkwistjoni.

57.

Għaldaqstant jidhirli li tali linja ta’ ġurisprudenza hija eċċessivament restrittiva u ma taqbilx mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 24 ). Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li, fil-fehma tiegħi, il-fatt li rikorrent jiġi obbligat juri li l-pożizzjoni tiegħu hija l-iktar affettwata minn miżura, billi jqabbel is-sitwazzjoni tiegħu ma’ dik tal-kompetituri l-oħra fis-suq, jinvolvi trasformazzjoni tal-kriterju. Skont dan ir-raġunament, meħud fl-estrem, il-kundizzjoni dwar l-inċidenza sostanzjali fuq il-pożizzjoni tagħhom fis-suq ma tistax tiġi ssodisfatta meta żewġ operaturi jkunu affettwati minn miżura ta’ għajnuna, anki jekk il-miżura inkwistjoni setgħet affettwat sostanzjalment kull operatur meħud individwalment.

58.

Fil-fehma tiegħi, in-nuqqas ta’ inċidenza sostanzjali fuq il-pożizzjoni fis-suq tal-kompetituri l-oħra ma jistax ikun il-kriterju li jippermetti li jiġi stabbilit li r-rikorrent huwa affettwat b’mod sostanzjali ( 25 ). Ma huwiex il-każ li jsir paragun bejn is-sitwazzjoni tal-kompetituri kollha preżenti fis-suq inkwistjoni. L-inċidenza sostanzjali fuq il-pożizzjoni kompetittiva tiegħu hija element speċifiku għar-rikorrent, li għandu jiġi evalwat biss fir-rigward tal-pożizzjoni tiegħu fis-suq qabel l-għoti tal-miżura li hija s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata, jew fin-nuqqas tal-għoti tagħha.

3. Il-prova tal-inċidenza sostanzjali fuq il-pożizzjoni tal-kompetitur fis-suq

59.

B’mod prattiku, jiena tal-fehma li, sabiex tiġi ssodisfatta din il-kundizzjoni, huwa l-ewwel nett ir-rikorrent li għandu juri li l-pożizzjoni tiegħu fis-suq ġiet sostanzjalment affettwata minn diversi elementi, kemm jekk sofra tnaqqis fil-prestazzjonijiet tiegħu kif ukoll jekk kellu telf ta’ qligħ, u għalhekk ivarjaw skont il-każ ( 26 ).

60.

Il-prova ta’ effett ħażin sostanzjali tippresupponi sussegwentement li r-rikorrent ippreċiża s-suq li fih, minn naħa, huwa jinsab f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni mal-benefiċjarju tal-miżura u, min-naħa l-oħra, huwa jqis li l-pożizzjoni kompetittiva tiegħu ġiet affettwata. F’dan ir-rigward, elementi dwar l-istruttura tas-suq huma ċertament rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-portata tal-effett ħażin fuq is-sitwazzjoni tar-rikorrent, peress li din tista’ tvarja, b’mod partikolari, minħabba d-daqs ta’ dan is-suq ( 27 ).

61.

Nenfasizza li n-nuqqas ta’ preċiżazzjonijiet fir-rigward tal-istruttura tas-suq, in-numru ta’ kompetituri preżenti u l-partijiet tas-suq rispettivi tagħhom min-naħa l-oħra ma jistax jimplika awtomatikament li r-rikorrent ma weriex li l-miżura inkwistjoni kienet taffettwa sostanzjalment il-pożizzjoni tiegħu f’dan is-suq. Fil-fatt, tali inċidenza tista’ tirriżulta wkoll minn ċirkustanzi oħra minbarra s-sempliċi evoluzzjoni tal-partijiet tas-suq tad-diversi kompetituri ( 28 ).

62.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrent irid jistabbilixxi li l-miżura msemmija fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni kkontestata hija waħda mill-kawżi tal-effett ħażin fuq il-pożizzjoni kompetittiva tiegħu. F’dan ir-rigward, nenfasizza li r-rabta kawżali li jeħtieġ li tiġi stabbilita sabiex jintwera li l-miżura inkwistjoni taffettwa sostanzjalment il-pożizzjoni tar-rikorrent fis-suq ma tistax twassal sabiex ikun meħtieġ li l-effett ħażin fuq il-pożizzjoni kompetittiva tiegħu jkun esklużivament ikkawżat mill-miżura ( 29 ).

63.

Fil-fatt, jiena tal-fehma li, fir-rigward biss li tiġi stabbilita l-ammissibbiltà tar-rikors u mhux, bħala eżempju, li jiġi ddeterminat jekk ir-rikorrent jistax jew le jikseb kumpens għal dannu eventwalment subit wara l-ħlas tal-miżura inkwistjoni, ir-rekwiżit ta’ rabta kawżali bejn il-miżura ta’ għajnuna u l-effett ħażin fuq il-pożizzjoni kompetittiva tar-rikorrent għandu jiġi evalwat b’mod flessibbli. Fi kliem ieħor, fil-fehma tiegħi, huwa biżżejjed li din il-miżura tkun kawża tal-effett ħażin fuq il-pożizzjoni kompetittiva tar-rikorrent. Il-fatt li elementi oħra setgħu kkontribwixxew sabiex jaffettwaw sostanzjalment il-pożizzjoni kompetittiva tar-rikorrent fis-suq rilevanti ma jistax, fih innifsu, jeskludi li l-kundizzjoni dwar l-inċidenza individwali tista’ tiġi ssodisfatta.

64.

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li ser neżamina r-raba’ sas-sitt parti tal-ewwel aggravju tal-appell.

B.   Fuq ir-raba’ parti tal-ewwel aggravju

65.

Permezz tar-raba’ parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li peress li hija ma kinitx ippreċiżat l-ammont li permezz tiegħu hija kienet ipparteċipat fil-finanzjament tal-ajruport ta’ Frankfurt Hahn u fis-sussidju ta’ Ryanair, bħala azzjonista u klijenta ta’ Fraport, ma setgħetx tiġi stabbilita l-portata tal-effett ħażin fuq il-pożizzjoni kompetittiva tagħha li hija sofriet bħala konsegwenza.

66.

Skont l-appellanti, is-sempliċi fatt li kkofinanzjat parti mill-miżuri msemmija mill-Kummissjoni huwa biżżejjed sabiex jindividwalizzaha b’mod analogu għad-destinatarju tal-għajnuna, b’tali mod li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx teżiġi li hija turi wkoll li l-pożizzjoni tagħha fis-suq kienet ġiet affettwata sostanzjalment mill-parteċipazzjoni tagħha fil-miżuri.

67.

Għalhekk, l-appellanti ma tinvokax il-kwalità tagħha ta’ kompetitriċi tal-impriża benefiċjarja tal-għajnuna, iżda dik ta’ entità li pparteċipat fil-finanzjament ta’ ċerti miżuri msemmija fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija ġustament issostni li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx teżamina dan l-argument mill-perspettiva biss tal-inċidenza sostanzjali fuq il-pożizzjoni kompetittiva tagħha fis-suq.

68.

Fil-fatt, għalkemm dan il-kriterju huwa rilevanti għad-determinazzjoni tal-inċidenza individwali fuq il-kompetituri tal-benefiċjarju ta’ miżura, ma jistax jiġi rikjest li l-imsemmi kriterju jiġi ssodisfatt minn entitajiet li pparteċipaw fil-finanzjament ta’ din il-miżura sabiex tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni dwar l-inċidenza individwali fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ( 30 ).

69.

Madankollu, nirrileva li, sabiex tiċħad l-argument tal-appellanti, il-Qorti Ġenerali essenzjalment ibbażat ruħha fuq il-fatt li l-appellanti ma kinitx ippreċiżat l-ammont li kienet ikkontribwixxiet għal dan il-finanzjament bħala azzjonista ta’ Fraport.

70.

Issa, din il-preċiżazzjoni kienet tabilħaqq indispensabbli sabiex tiġi stabbilita l-inċidenza individwali fuq l-appellanti.

71.

Fil-fatt, l-appellanti pparteċipat fil-finanzjament tal-miżuri biss b’mod indirett ħafna, minn naħa, minħabba t-tariffi ajruportwali li hija tħallas lil Fraport fil-kuntest tal-attività tagħha. Min-naħa l-oħra, hija tinvoka l-kwalità tagħha ta’ azzjonista minoritarja ta’ Fraport, li hija stess hija azzjonista fil-kumpannija li topera l-ajruport ta’ Frankfurt Hahn u li ppermettiet l-implimentazzjoni tal-miżuri previsti mill-Kummissjoni.

72.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u ħlief jekk jiġi kkunsidrat li numru potenzjalment infinit ta’ entitajiet, jiġifieri l-kumpanniji kollha li joperaw fl-ajruport ta’ Frankfurt am Main u li jħallsu tariffi lil Fraport, kif ukoll l-azzjonisti kollha ta’ Fraport, jew l-azzjonisti ta’ dawn l-azzjonisti, jistgħu jippretendu li pparteċipaw fil-finanzjament tal-miżura msemmija fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni u b’hekk ikunu awtomatikament ikkonċernati individwalment minn din id-deċiżjoni, kien neċessarju li l-appellanti turi l-portata tal-parteċipazzjoni tagħha sabiex tistabbilixxi li hija kienet effettivament affettwata individwalment mill-miżuri inkwistjoni.

73.

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li wettqet tali verifika u li minnha kkonkludiet li ma kienx hemm inċidenza individwali, b’tali mod li r-raba’ parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda.

C.   Fuq il-ħames parti tal-ewwel aggravju

74.

Permezz tal-ħames parti tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ma tathiex tnaqqis fl-oneru tal-prova tal-inċidenza sostanzjali fuq il-pożizzjoni tagħha fis-suq. Hija tinvoka tliet argumenti insostenn ta’ din l-affermazzjoni.

75.

L-ewwel nett, hija ssostni li l-kundizzjoni dwar l-inċidenza sostanzjali fuq il-pożizzjoni tagħha fis-suq tista’ tiġi rikjesta biss jekk il-miżuri previsti mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni jiġu effettivament ikklassifikati bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE.

76.

Kif tenfasizza l-Kummissjoni, tali argument ma huwa bbażat fuq ebda bażi, u għandu jiġi miċħud. Minn naħa, xejn ma jiġġustifika li r-regoli ta’ ammissibbiltà għandhom jiddependu fuq il-fatt li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni hija pożittiva jew negattiva. Min-naħa l-oħra, kif tirrileva l-appellanti stess, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tuża l-kundizzjoni dwar l-inċidenza sostanzjali fuq il-pożizzjoni kompetittiva tar-rikorrent, irrispettivament minn jekk il-miżura prevista mid-deċiżjoni kkontestata tkunx ikklassifikata jew le bħala għajnuna ( 31 ).

77.

It-tieni nett, l-appellanti ssostni li l-Kummissjoni wettqet eżami inkomplet tal-miżuri inkwistjoni, ma kkwantifikathomx b’mod preċiż u wettqet interpretazzjoni żbaljata tad-dritt nazzjonali. Minn dan jirriżulta nuqqas ta’ simetrija fl-informazzjoni għad-detriment tagħha, li jiġġustifika tnaqqis tal-oneru tal-prova.

78.

Hawnhekk ukoll, tali argument ma jistax jintlaqa’. Ma jidhirx b’mod ċar kif eżami inkomplet u interpretazzjoni żbaljata tad-dritt nazzjonali wasslu għal nuqqas ta’ simetrija ta’ informazzjoni għad-detriment tal-appellanti.

79.

Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat, fid-dawl tal-prinċipji stabbiliti fil-punti 57 sa 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet u kif issostni l-Kummissjoni, li l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex tintwera l-inċidenza sostanzjali fuq il-pożizzjoni kompetittiva tal-appellanti fis-suq tinsab biss fl-isfera tal-poter tagħha. Għalhekk, l-appellanti tinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex tevalwa din l-inċidenza. Peress li l-appellanti hija l-unika obbligata li turi l-iżvilupp tas-sitwazzjoni tagħha fis-suq wara l-ħlas tal-miżura u li tistabbilixxi rabta, anki probabbli u mhux esklużiva, bejn l-effett ħażin fuq il-pożizzjoni kompetittiva tagħha u l-ħlas tal-miżura, ebda nuqqas ta’ simetrija ta’ informazzjoni ma jista’ jiġġustifika tnaqqis tal-oneru tal-prova.

80.

It-tielet nett, l-appellanti tiddikjara li, sa fejn hija setgħet tibbenefika minn tnaqqis tal-oneru tal-prova, hija effettivament ipproduċiet il-prova tal-inċidenza sostanzjali fuqha billi semmiet il-vantaġġi li bbenefikat minnhom Ryanair u li minnhom “neċessarjament” tirriżulta inċidenza sostanzjali.

81.

Madankollu, sa fejn xejn ma jiġġustifika li l-appellanti tibbenefika minn tnaqqis fl-oneru tal-prova, dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, l-appellanti ma tistax sempliċement tafferma li mill-miżuri inkwistjoni tirriżulta “neċessarjament” inċidenza sostanzjali fuq il-pożizzjoni kompetittiva tagħha, mingħajr ma tissostanzja l-argument tagħha.

82.

Għaldaqstant, il-ħames parti tal-ewwel aggravju tal-appell għandha tiġi miċħuda.

D.   Fuq is-sitt parti tal-ewwel aggravju

83.

Permezz tas-sitt parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-inċidenza sostanzjali fuq il-pożizzjoni kompetittiva tagħha, b’mod partikolari billi kkunsidrat li hija kellha tiddefinixxi s-suq rilevanti li fih il-pożizzjoni tagħha hija affettwata u li turi rabta kawżali bejn il-miżura inkwistjoni u l-inċidenza tagħha. Insostenn ta’ din il-parti, l-appellanti tqajjem diversi argumenti.

84.

Fl-ewwel lok, nirrileva li ħafna mill-argumenti tagħha għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi.

85.

Minn naħa, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li kkunsidrat li hija kellha tiddefinixxi s-suq materjalment u ġeografikament rilevanti fid-dawl tal-prinċipji relatati mad-dritt tal-konċentrazzjonijiet u li b’hekk irrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni s-suq li hija kienet tqis bħala rilevanti, jiġifieri s-suq tat-traffiku tal-ajru tal-Unjoni. Il-Qorti Ġenerali rrifjutat ukoll b’mod żbaljat li tieħu inkunsiderazzjoni ċerti elementi dwar it-tkabbir ta’ Ryanair fis-suq tat-traffiku tal-ajru Ewropew, li jindikaw b’mod partikolari l-evoluzzjoni tal-partijiet tas-suq f’dan is-suq.

86.

Min-naħa l-oħra, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ddeċidiet li hija ma kinitx uriet is-sovrappożizzjonijiet reali bejn ir-rotot tal-ajru li hija topera u dawk operati minn Ryanair.

87.

Huwa minnu li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 150, 154 u 156 tas-sentenza appellata, li l-appellanti ma kinitx ipproduċiet elementi dwar is-swieq li fihom il-pożizzjoni kompetittiva tagħha ġiet affettwata u lanqas ebda informazzjoni dwar l-istruttura tagħhom u l-kompetituri preżenti f’dawn is-swieq. Barra minn hekk, minn dawn il-punti jidher li jirriżulta li l-preċiżazzjonijiet dwar l-istruttura tas-suq huma, għall-Qorti Ġenerali, elementi neċessarji sabiex tintwera l-inċidenza sostanzjali fuq il-pożizzjoni kompetittiva tal-appellanti. Kif indikajt fil-punt 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dan ir-rekwiżit imur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ mill-kompetituri sabiex jistabbilixxu l-inċidenza sostanzjali fuq il-pożizzjoni kompetittiva tagħhom. Is-sempliċi nuqqas ta’ preċiżjonijiet dwar l-istruttura tas-suq ma jistax jimplika awtomatikament li l-prova tal-inċidenza sostanzjali ma ġietx prodotta.

88.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali effettivament iddeċidiet, fil-punt 153 tas-sentenza appellata, li l-appellanti ma kienet ipproduċiet ebda prova tal-eżistenza tas-sovrappożizzjonijiet inkwistjoni.

89.

Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma bbażatx ruħha fuq dawn l-elementi biss sabiex tikkunsidra li l-appellanti ma kinitx uriet l-inċidenza sostanzjali fuq il-pożizzjoni kompetittiva tagħha.

90.

Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali studjat ukoll l-argumenti tal-appellanti intiżi li juru l-inċidenza sostanzjali fuq il-pożizzjoni kompetittiva tagħha fi swieq differenti li jikkorrispondu għar-rotot tal-ajru li jsiru kemm mill-appellanti kif ukoll minn Ryanair, kif ukoll fis-suq ikbar tat-trasport tal-passiġġieri bl-ajru. Il-Qorti Ġenerali għalhekk ikkompletat ir-raġunament tagħha billi ammettiet l-eżistenza, minn naħa, tas-swieq li fihom l-appellanti allegat li l-pożizzjoni tagħha kienet sostanzjalment affettwata u, min-naħa l-oħra, tas-sovrappożizzjonijiet bejn ir-rotot tal-ajru li hija invokat u kkonkludiet, wara dan l-eżami, li l-inċidenza sostanzjali fuq il-pożizzjoni kompetittiva tal-appellanti ma kinitx ġiet ipprovata.

91.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi akkużata li wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-appellanti ma kinitx ipproduċiet elementi dwar l-istruttura tas-swieq ikkonċernati u dwar il-kompetituri preżenti f’dawn is-swieq u lanqas ma stabbilixxiet l-eżistenza tas-sovrappożizzjonijiet li hija invokat.

92.

Fit-tieni lok, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi fl-istudju tal-inċidenza sostanzjali fuq il-pożizzjoni kompetittiva tagħha fis-suq, b’mod partikolari fl-istudju tar-rabta kawżali bejn il-miżuri inkwistjoni u l-elementi li hija kienet ressqet sabiex tistabbilixxi l-inċidenza fuq il-pożizzjoni tagħha fis-suq.

93.

B’hekk hija ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li kien l-obbligu tal-appellanti li turi li l-implimentazzjoni tal-programm tagħha ta’ ristrutturazzjoni Score kienet dovuta biss għall-miżuri li kienet ibbenefikat minnhom Ryanair. Fil-fatt, ir-ristrutturazzjoni tagħha hija “kontramiżura” li turi fiha nnifisha inċidenza fuq il-pożizzjoni tagħha fis-suq, b’tali mod li ma kienx neċessarju li tipproduċi prova tar-rabta kawżali.

94.

Huwa minnu, kif issostni l-appellanti, li l-ġurisprudenza taċċetta li l-kompetitur tal-benefiċjarju ta’ għajnuna jadotta ċerti miżuri, bħal programm ta’ ristrutturazzjoni, sabiex jillimita l-effetti fuq il-pożizzjoni kompetittiva tiegħu tal-implimentazzjoni ta’ għajnuna favur il-benefiċjarju tagħha ( 32 ).

95.

Madankollu, din il-ġurisprudenza għandha tinftiehem biss bħala li tippermetti li tiġi rrikonoxxuta, fin-nuqqas ta’ degradazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja u ekonomika ta’ kompetitur, l-inċidenza sostanzjali fuq il-pożizzjoni kompetittiva tagħha fis-suq minħabba li din l-assenza ta’ degradazzjoni tista’ tiġi spjegata mir-ristrutturazzjonijiet imwettqa.

96.

Barra minn hekk, għalkemm l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ rimedju minn kompetitur tista’ tkun indizju ta’ inċidenza fuq is-sitwazzjoni tiegħu fis-suq, xorta għandu jiġi stabbilit, minn naħa, li dan kien il-każ u, min-naħa l-oħra, li din kienet ir-riżultat, b’mod partikolari, tal-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ għajnuna favur wieħed mill-kompetituri tiegħu.

97.

Il-Qorti Ġenerali setgħet għalhekk, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, tiddikjara li kien l-obbligu tal-appellanti li turi l-eżistenza ta’ rabta bejn l-adozzjoni tal-programm ta’ ristrutturazzjoni allegat u l-miżuri inkwistjoni.

98.

Issa, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punti 166, 167 u 168 tas-sentenza appellata, li l-appellanti ma kienet ipprovdiet ebda dokumentazzjoni dwar il-programm ta’ ristrutturazzjoni Score, u lanqas, tal-inqas, sunt tal-kontenut tiegħu, u li għalhekk ma kinitx f’pożizzjoni li tivverifika, f’dan il-każ, l-eżistenza ta’ rabta bejn il-miżuri inkwistjoni u dan il-programm ta’ ristrutturazzjoni.

99.

Abbażi ta’ dawn il-motivi, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li l-appellanti ma kinitx uriet li l-programm ta’ ristrutturazzjoni kien sar neċessarju minħabba l-għajnuna mħallsa lil Ryanair u lill-ajruport ta’ Frankfurt Hahn.

100.

Fit-tielet lok, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ddeċidiet li hija ma kinitx uriet ir-rabta kawżali bejn il-miżuri inkwistjoni u ċ-ċaqliq tal-attivitajiet ta’ Ryanair lejn l-ajruport ta’ Frankfurt am Main. B’hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi peress li dan il-moviment wera l-inċidenza fuq il-pożizzjoni kompetittiva tagħha.

101.

F’dan ir-rigward, l-appellanti tfakkar li sostniet, matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, li l-aġir ta’ Ryanair kien jagħmel parti minn strateġija iktar globali intiża sabiex tistabbilixxi ruħha f’ajruporti reġjonali sabiex tikseb sussidji hemmhekk u sabiex sussegwentement tittrasferixxi l-attivitajiet tagħha lejn ajruporti oħra. Hija tafferma li, fil-kuntest tal-appell, qiegħda tressaq elementi oħra li jikkorroboraw din l-istrateġija u li jistabbilixxu r-rabta kawżali bejn il-miżuri inkwistjoni u ċ-ċaqliq tal-attivitajiet ta’ Ryanair.

102.

Billi tagħmel dan, l-appellanti madankollu qiegħda sempliċement tirrepeti l-argumenti diġà ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tikseb evalwazzjoni ġdida tal-fatti, u dan ma jaqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 33 ).

103.

Barra minn hekk, anki jekk jitqies li tista’ tiġi stabbilita rabta kawżali bejn iċ-ċaqliq tal-attivitajiet ta’ Ryanair u l-miżuri inkwistjoni li hija bbenefikat minnhom, kienet dejjem l-appellanti li kellha turi, qabel kollox, li tali ċaqliq kien affettwa sostanzjalment il-pożizzjoni kompetittiva tagħha. Issa, l-appellanti tillimita ruħha li tiddikjara li ċ-ċaqliq tal-attivitajiet ta’ Ryanair kien jaffettwa “naturalment” il-pożizzjoni kompetittiva tagħha, mingħajr ma tressaq iktar elementi insostenn tal-affermazzjoni tagħha, kif ġustament tirrileva l-Qorti Ġenerali fil-punt 154 tas-sentenza appellata.

104.

Fir-raba’ lok, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-viċinanza ġeografika bejn l-ajruport ta’ Frankfurt Hahn u l-ajruport ta’ Frankfurt am Main kienet biss indikattiva ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn dawn l-ajruporti. Din il-viċinanza ġeografika turi wkoll kompetizzjoni bejn ir-rotot differenti operati miż-żewġ ajruporti. Meta din il-kompetizzjoni tingħaqad mal-kobor tal-għajnuna, neċessarjament jirriżulta f’inċidenza sostanzjali fuq il-pożizzjoni kompetittiva tagħha.

105.

Issa, fil-punti 159 u 161 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, jekk jitqies li l-viċinanza ġeografika tista’ tkun indikattiva ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn Ryanair u l-appellanti, is-sempliċi kwalità ta’ kompetitur tal-impriża benefiċjarja, flimkien mal-kobor allegat tal-għajnuna inkwistjoni, ma kinitx suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-inċidenza sostanzjali fuq il-pożizzjoni kompetittiva tagħha.

106.

Għaldaqstant, l-appellanti terġa’ sempliċement tirrepeti l-argumenti diġà mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tikseb evalwazzjoni ġdida tal-fatti u fir-realtà tfittex li tikseb eżami mill-ġdid ta’ dawn l-argumenti, u dan imur lil hinn mill-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

107.

Fil-ħames lok, l-appellanti ssostni wkoll li l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn il-miżuri inkwistjoni u l-effetti tagħhom allegati mill-appellanti hija żbaljata. Hija ssostni li din il-kundizzjoni kienet issodisfatta, peress li l-inċidenza sostanzjali fuq il-pożizzjoni kompetittiva tagħha, li hija ssostni li wriet, kienet tirriżulta b’mod suffiċjentement dirett mill-miżuri inkwistjoni.

108.

Madankollu, l-appellanti għal darba oħra sempliċement telenka fil-qosor l-effetti tal-miżuri fuq il-pożizzjoni ta’ Ryanair u ssostni li minn dawn tirriżulta inċidenza sostanzjali fuq il-pożizzjoni tagħha fis-suq. B’hekk hija sempliċement tifformula mill-ġdid l-argumenti diġà ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina mill-ġdid dawn l-argumenti, ħaġa li, għal darba oħra, ma taqax fil-ġurisdizzjoni tagħha.

109.

Fis-sitt u fl-aħħar lok, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 47 tal-Karta peress li, kif hija tallega li turi waqt l-argumenti tagħha, ir-rekwiżiti stabbiliti fis-sentenza tagħha jmorru lil hinn mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

110.

Madankollu, nirrileva li l-appellanti bl-ebda mod ma ssostni l-argument tagħha f’dan ir-rigward u ma tippreċiżax liema huma dawn l-allegati rekwiżiti.

111.

Fi kwalunkwe każ, sa fejn, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-inċidenza sostanzjali fuq il-pożizzjoni tal-appellanti fis-swieq differenti, l-argument ta’ din tal-aħħar, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta li jirriżulta minn rekwiżiti li jmorru lil hinn mill-ġurisprudenza ma jistax jintlaqa’.

112.

Għaldaqstant, is-sitt parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda fl-intier tagħha.

VI. Konklużjoni

113.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, jiena tal-opinjoni li r-raba’ sas-sitt partijiet tal-ewwel aggravju tal-appell għandhom jiġu miċħuda, mingħajr ma dan jippreġudika l-fondatezza tal-aggravji l-oħra tal-appell.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Punti 1 sa 33 tas-sentenza appellata.

( 3 ) Ara, dwar din il-problema, Biernat, S., “Dostęp osób prywatnych do sądów unijnych po Traktacie z Lizbony (w świetle pierwszych orzeczeń)”, Europejski Przegląd Sądowy, 2014, Nru 1, p. 12 et seq.

( 4 ) Sentenza tas-6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il-Kummissjoni, Il-Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il-Kummissjoni vs Ferracci (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873).

( 5 ) Deċiżjoni dwar għajnuna individwali ma tistax, kuntrarjament għal dawk li jirrigwardaw skema ta’ għajnuna, titqies bħala att ta’ portata ġenerali u, għaldaqstant, regolatorju.

( 6 ) Sentenzi tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni tal-KEE (25/62, EU:C:1963:17, p. 223); tat-22 ta’ Novembru 2007, Sniace vs Il-Kummissjoni (C‑260/05 P, EU:C:2007:700, punt 53), u tad-9 ta’ Lulju 2009, 3F vs Il-Kummissjoni (C‑319/07 P, EU:C:2009:435, punt 29).

( 7 ) Regolament tal-Kunsill tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).

( 8 ) Sentenza tal-24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex (C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 48).

( 9 ) Sentenza tat-28 ta’ Jannar 1986 (169/84, EU:C:1986:42).

( 10 ) Sentenza tat-28 ta’ Jannar 1986, Cofaz et vs Il-Kummissjoni (169/84, EU:C:1986:42, punt 25).

( 11 ) Sentenza tat-22 ta’ Novembru 2007, Sniace vs Il-Kummissjoni (C‑260/05 P, EU:C:2007:700, punt 57).

( 12 ) Sentenza tat-22 ta’ Novembru 2007, Sniace vs Il-Kummissjoni (C‑260/05 P, EU:C:2007:700, punt 56).

( 13 ) Ara s-sentenza tat-28 ta’ Jannar 1986 (169/84, EU:C:1986:42, punt 28).

( 14 ) Ara, ukoll, is-sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Lenzing (C‑525/04 P, EU:C:2007:698, punt 41), kif ukoll tat-22 ta’ Novembru 2007, Sniace vs Il-Kummissjoni (C‑260/05 P, EU:C:2007:700, punt 60).

( 15 ) Sentenza tat-28 ta’ Jannar 1986 (169/84, EU:C:1986:42).

( 16 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-27 ta’ April 1995, ASPEC et vs Il-Kummissjoni (T‑435/93, EU:T:1995:79, punti 65 et seq.); tas-27 ta’ April 1995, AAC et vs Il-Kummissjoni (T‑442/93, EU:T:1995:80, punti 50 et seq.); tat-22 ta’ Ottubru 1996, Skibsvaerftsforeningen et vs Il-Kummissjoni (T‑266/94, EU:T:1996:153, punt 46), kif ukoll tal-5 ta’ Novembru 1997, Ducros vs Il-Kummissjoni (T‑149/95, EU:T:1997:165, punt 42). Din il-ġurisprudenza ġiet ikkonfermata mis-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Lenzing (C‑525/04 P, EU:C:2007:698, punt 37).

( 17 ) Sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni (C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punt 56).

( 18 ) Sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni (C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punt 38).

( 19 ) Sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Lenzing (C‑525/04 P, EU:C:2007:698, punti 34 u 35); tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni (C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punt 53); tat-12 ta’ Ġunju 2014, Sarc vs Il-Kummissjoni (T‑488/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:497, punt 36), u tal-5 ta’ Novembru 2014, Vtesse Networks vs Il-Kummissjoni (T‑362/10, EU:T:2014:928, punt 40).

( 20 ) Ara, b’mod partikolari, għall-kawżi l-iktar emblematiċi, id-digriet tas-27 ta’ Mejju 2004, Deutsche Post u DHL vs Il-Kummissjoni (T‑358/02, EU:T:2004:159); is-sentenzi tal-10 ta’ Frar 2009, Deutsche Post u DHL International vs Il-Kummissjoni (T‑388/03, EU:T:2009:30); tat-22 ta’ Ġunju 2016, Whirlpool Europe vs Il-Kummissjoni (T‑118/13, EU:T:2016:365), u tal-11 ta’ Lulju 2019, Air France vs Il-Kummissjoni (T‑894/16, EU:T:2019:508). Din il-ġurisprudenza wasslet lil ċerti awturi sabiex jikklassifikaw il-prova tal-inċidenza sostanzjali fuq il-pożizzjoni kompetittiva tar-rikorrent bħala “probatio diabolica” u sabiex iqajmu dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mal-Artikolu 47 tal-Karta. Ara de Moncuit, A. u Signes de Mesa, J. I., Droit procédural des aides d’État, l-ewwel edizzjoni, 2019, Bruylant, Brussell, p. 162, u Thomas, S., “Le rôle des concurrents dans les procédures judiciaires concernant des régimes d’aides d’État ou des aides individuelles. Montessori: le début d’une révolution?”, Revue des affaires européennes, 2019, Nru 2, p. 264.

( 21 ) Sentenza tal-10 ta’ Frar 2009, Deutsche Post u DHL International vs Il-Kummissjoni (T‑388/03, EU:T:2009:30, punt 38).

( 22 ) Sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2016, Whirlpool Europe vs Il-Kummissjoni (T‑118/13, EU:T:2016:365, punt 52).

( 23 ) Sentenza tal-11 ta’ Lulju 2019, Air France vs Il-Kummissjoni (T‑894/16, EU:T:2019:508, punti 61 u 68).

( 24 ) Ara l-punt 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet u s-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni (C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punt 56). Dwar dan is-suġġett, ara wkoll Creve, B. A. “Locus Standi Requirements for Annulment Actions by Competitors: The Resurfacing “Unique Position Test” Ought to Be Discarded”, European State Aid Law Quarterly, 2014, Vol. 13, Nru 2, p. 233.

( 25 ) Tali assenza ta’ inċidenza fuq il-kompetituri l-oħra tista’ tikkostitwixxi biss indizju tal-fatt li r-rikorrent huwa effettivament sostanzjalment affettwat mill-miżura inkwistjoni.

( 26 ) Ara l-punt 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 27 ) Sentenza tal-5 ta’ Novembru 2014, Vtesse Networks vs Il-Kummissjoni (T‑362/10, EU:T:2014:928, punt 41).

( 28 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Asociación de Estaciones de Servicio de Madrid et Federación Catalana de Estaciones de Servicio vs Il-Kummissjoni (T‑146/03, mhux ippubblikata, EU:T:2006:386, punt 50), fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-inċidenza sostanzjali fuq il-pożizzjoni ta’ rikorrent fis-suq setgħet tiġi stabbilita mit-trasferiment ta’ wħud mill-klijenti tiegħu lill-benefiċjarju tal-għajnuna, mingħajr ma dan it-trasferiment kien rifless preċiżament f’partijiet tas-suq.

( 29 ) Kif issemma fis-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2019, Air France vs Il-Kummissjoni (T‑894/16, EU:T:2019:508, punt 65).

( 30 ) Ara, b’analoġija, fir-rigward tal-ġurisprudenza li tirrikonoxxi l-inċidenza individwali fuq entitajiet pubbliċi li pparteċipaw fil-finanzjament tal-għajnuna, is-sentenzi tat-30 ta’ April 1998, Vlaamse Gewest vs Il-Kummissjoni (T‑214/95, EU:T:1998:77, punt 28); tas-6 ta’ Marzu 2002, Diputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni (T‑127/99, T‑129/99 u T‑148/99, EU:T:2002:59, punt 50); tat-23 ta’ Ottubru 2002, Diputación Foral de Guipúzcoa et vs Il-Kummissjoni (T‑269/99, T‑271/99 u T‑272/99, EU:T:2002:258, punt 41), kif ukoll tat-23 ta’ Ottubru 2002, Diputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni (T‑346/99 sa T‑348/99, EU:T:2002:259, punt 37).

( 31 ) Ara, dwar l-applikazzjoni tal-kundizzjoni marbuta mal-inċidenza sostanzjali fuq il-pożizzjoni kompetittiva tar-rikorrent fil-preżenza ta’ miżura kklassifikata bħala għajnuna, is-sentenzi tas-17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il-Kummissjoni (C‑33/14 P, EU:C:2015:609), u, dwar dik fil-preżenza ta’ miżura li ma tikkostitwixxix għajnuna, tat-22 ta’ Novembru 2007, Sniace vs Il-Kummissjoni (C‑260/05 P, EU:C:2007:700).

( 32 ) Sentenza tat-22 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Lenzing (C‑525/04 P, EU:C:2007:698, punti 35 u 36).

( 33 ) Sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 51), kif ukoll digriet tad-29 ta’ Jannar 2020, Silgan Closures u Silgan Holdings vs Il-Kummissjoni (C‑418/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2020:43, punt 71).

Top