This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62019CC0392
Opinion of Advocate General Szpunar delivered on 10 September 2020.#VG Bild-Kunst v Stiftung Preußischer Kulturbesitz.#Request for a preliminary ruling from the Bundesgerichtshof.#Reference for a preliminary ruling – Intellectual property – Copyright and related rights in the information society – Directive 2001/29/EC – Article 3(1) – Concept of ‘communication to the public’ – Embedding, in a third party’s website, of a copyright-protected work by means of the process of framing – Work freely accessible with the authorisation of the copyright holder on the licensee’s website – Clause in the exploitation agreement requiring the licensee to introduce effective technological measures against framing – Lawfulness – Fundamental rights – – Article 11 and Article 17(2) of the Charter of Fundamental Rights of the European Union.#Case C-392/19.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati fl-10 ta’ Settembru 2020.
VG Bild-Kunst vs Stiftung Preußischer Kulturbesitz.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni – Direttiva 2001/29/KE – Artikolu 3(1) – Kunċett ta’ ‘komunikazzjoni lill-pubbliku’ – Inkorporazzjoni, fis-sit internet ta’ terz, ta’ xogħol protett mid-drittijiet tal-awtur permezz tal-proċess ta’ transklużjoni (framing) – Xogħol liberament aċċessibbli bl-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur fis-sit internet tal-liċenzjatarju – Klawżola tal-kuntratt ta’ użu li teżiġi li l-liċenzjatarju jintroduċi miżuri tekniċi effikaċi kontra t-transklużjoni – Legalità – Drittijiet fundamentali – Artikolu 11 u Artikolu 17(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
Kawża C-392/19.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati fl-10 ta’ Settembru 2020.
VG Bild-Kunst vs Stiftung Preußischer Kulturbesitz.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni – Direttiva 2001/29/KE – Artikolu 3(1) – Kunċett ta’ ‘komunikazzjoni lill-pubbliku’ – Inkorporazzjoni, fis-sit internet ta’ terz, ta’ xogħol protett mid-drittijiet tal-awtur permezz tal-proċess ta’ transklużjoni (framing) – Xogħol liberament aċċessibbli bl-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur fis-sit internet tal-liċenzjatarju – Klawżola tal-kuntratt ta’ użu li teżiġi li l-liċenzjatarju jintroduċi miżuri tekniċi effikaċi kontra t-transklużjoni – Legalità – Drittijiet fundamentali – Artikolu 11 u Artikolu 17(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
Kawża C-392/19.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:696
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SZPUNAR
ippreżentati fl‑10 ta’ Settembru 2020 ( 1 )
Kawża C‑392/19
VG Bild‑Kunst
vs
Stiftung Preußischer Kulturbesitz
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni – Direttiva 2001/29/KE – Artikolu 3(1) – Kunċett ta’ ‘komunikazzjoni lill-pubbliku’ – Integrazzjoni ta’ xogħol protett mid-drittijiet tal-awtur permezz tal-proċess ta’ framing – Xogħol liberament aċċessibbli bl-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur fis-sit internet ta’ persuna liċenzjata – Artikolu 6 – Miżuri tekniċi effikaċi – Direttiva 2014/26/UE – Amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati – Artikolu 16 – Kundizzjonijiet għall-għoti ta’ liċenzji – Klawżola tal-kuntratt ta’ użu li teżiġi li l-persuna liċenzjata tintroduċi miżuri tekniċi effikaċi kontra l-framing”
Introduzzjoni
1. |
L-eroj tas-saga ċinematografika ta’ George Lucas Star Wars kienu kapaċi jiċċaqilqu fl-“iperspazju” b’veloċità ogħla mill-veloċità tad-dawl permezz tal-“iperpropulsjoni”. Bl-istess mod, l-utenti tal-internet jistgħu “jivvjaġġaw” fiċ-“ċiberspazju” permezz ta’ hyperlinks. Għalkemm dawn il-links ma jmorrux kontra l-liġijiet tal-fiżika kif kienet tagħmel l-iperpropulsjoni tal-inġenji spazjali ta’ Star Wars, dawn madankollu għandhom ċertu numru ta’ sfidi mill-perspettiva tal-liġi u b’mod partikolari tad-drittijiet tal-awtur. Dawn l-isfidi diġà ġew irrilevati parzjalment, fost l-oħrajn, fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Din il-kawża ser tagħti l-okkażjoni li tiġi eżaminata mill-ġdid u kkompletata din il-ġurisprudenza. |
2. |
Meta wieħed jaħseb fl-internet, huwa komuni li fir-realtà jirreferi għal funzjonalità waħda ta’ dan in-network, probabbilment l-iktar użata: il-World Wide Web, fi kliem ieħor il-web jew in-“network globali”. Dan in-network huwa kompost minn unitajiet ta’ informazzjoni u riżorsi li jinsabu f’paġni internet (web page). Paġna internet hija dokument miktub fil-lingwa HTML (hypertext markup language) u li eventwalment tinkludi riżorsi oħra annessi, b’mod partikolari immaġnijiet jew fajls awdjoviżivi jew testwali. Grupp strutturat ta’ paġni internet u riżorsi oħra eventwali ppubblikati minn proprjetarju u ospitati fuq server wieħed jew iktar jikkostitwixxu sit internet (website). |
3. |
Waqt il-konsultazzjoni ta’ sit internet, il-kompjuter joħloq konnessjoni mas-server jew mas-servers li fihom jinsab dan is-sit, billi jitlob l-informazzjoni li tikkostitwixxi s-sit. Għalhekk, kopja ta’ din l-informazzjoni tintbagħat u tiġi rreġistrata (b’mod provviżorju) fil-memorja intermedjarja jew il-“memorja cache” tal-kompjuter. Din l-informazzjoni tista’ tinqara u tiġi rriprodotta fuq l-iskrin tal-kompjuter permezz ta’ softwer speċjali, browser tal-internet. |
4. |
Kull riżorsa fuq il-web, jiġifieri kull fajl, paġna u sit internet, għandha identifikatur uniku msejjaħ URL (uniform resource locator), li jikkostitwixxi tip ta’ “indirizz tal-internet” ( 2 ). Il-paġna li jwassal għaliha l-indirizz ta’ sit internet tissejjaħ paġna prinċipali (home page). Hemm żewġ mezzi sabiex wieħed jaċċessa riżorsa fuq il-web billi jintuża l-indirizz URL. L-ewwel mezz jikkonsisti fid-dħul ta’ dan l-indirizz fit-tieqa tal-indirizz tal-browser u, it-tieni wieħed, inkwistjoni f’din il-kawża, fl-użu ta’ hyperlink. |
5. |
In-“nisġa tal-web” (webbing the Web) issir mill-hyperlinks (hypertext links). Dawn jippermettu l-aċċess, minn sit internet, direttament għar-riżorsi preżenti f’sit ieħor. Fil-fatt huma l-hyperlinks li jikkostitwixxu l-essenza nnifisha tal-web u jiddistingwixxuh, pereżempju, mill-bibljoteka ta’ Alexandria. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet fil-ġurisprudenza tagħha l-importanza tal-hyperlinks għall-funzjonament tal-web u l-libertà tal-kelma li dan jikkontribwixxi għaliha ( 3 ). |
6. |
Hyperlink hija struzzjoni għall-browser biex ifittex riżorsi f’sit internet ieħor. Din tesprimi bil-lingwa HTML l-indirizz URL tar-riżorsa mmirata u t-test jew l-immaġni li jissimbolizzaw il-link fil-paġna internet oriġinali ( 4 ), kif ukoll, eventwalment, elementi oħra, bħall-mod kif tinfetaħ ir-riżorsa mmirata fuq l-iskrin. Normalment, link teħtieġ li tiġi attivata (ikklikkjata) sabiex tiffunzjona. |
7. |
Link sempliċi tinkludi biss l-indirizz URL tas-sit li għalih tirreferi, jiġifieri l-paġna prinċipali tiegħu. Wara l-klikk fuq il-link, din il-paġna tinfetaħ minflok il-paġna fejn kien hemm il-link, jew f’tieqa ġdida. It-tieqa tal-indirizz tal-browser tindika l-indirizz URL tas-sit il-ġdid, b’tali mod li l-utent ikun konxju li jkun biddel is-sit. Madankollu jeżistu tipi oħra ta’ links. |
8. |
Il-link imsejħa “deep link” ma twassalx għall-paġna prinċipali tas-sit immirat, iżda għal paġna oħra ta’ dan is-sit, jew għal riżorsa speċifika li tinsab f’din il-paġna, pereżempju fajl grafiku jew testwali ( 5 ). Fil-fatt, kull paġna u kull riżorsa għandhom indirizz URL li jista’ jintuża fil-link minflok l-indirizz prinċipali tas-sit biss. Deep link tinjora l-ordni preżunta tan-navigazzjoni fis-sit immirat, billi tiġi evitata l-paġna prinċipali tiegħu. Madankollu, sa fejn l-indirizz URL ta’ paġna internet normalment jinkludi l-isem tas-sit, l-utent huwa dejjem informat dwar is-sit li qiegħed jikkonsulta. |
9. |
Paġna internet tista’ tinkludi riżorsi oħra minbarra t-test, b’mod partikolari l-fajls grafiċi jew awdjoviżivi. Dawn il-fajls ma jifformawx partijiet integrali tad-dokument HTML li jikkostitwixxu l-paġna, iżda huma marbuta miegħu. L-inkorporazzjoni (embedding) ta’ dawn ir-riżorsi ssir bl-għajnuna ta’ struzzjonijiet speċifiċi li jeżistu fil-lingwa HTML għal dan il-għan. Pereżempju, sabiex tiġi inkorporata immaġini, teżisti t-tag “image” (“<img>”) ( 6 ). Normalment, din it-tag tintuża sabiex tinkorpora f’paġna internet fajl grafiku maħżun fl-istess server bħal din il-paġna (fajl lokali). Madankollu, huwa biżżejjed li jiġi ssostitwit, fl-attribut “sors” tat-tag “image”, l-indirizz ta’ fajl lokali (“URL relattiv”) b’dak ta’ fajl li jinsab fuq sit internet ieħor (“URL assolut”) sabiex jinkorporah, mingħajr ma jkollu jirriproduċih, fil-paġna internet tiegħu stess ( 7 ). |
10. |
Din it-teknika tuża l-funzjonalità ta’ hyperlink, jiġifieri li l-element, pereżempju immaġni, jintwera fil-browser mill-post oriġinali tiegħu (is-sit internet immirat), u għalhekk ma huwiex riprodott fis-server tas-sit li jidher fih. Madankollu, l-element inkorporat jidher awtomatikament, mingħajr ma jkun neċessarju li tikklikkja fuq xi link. Mill-perspettiva tal-utent, l-effett huwa identiku għal dak ta’ fajl li jinsab fl-istess paġna li jidher fiha. Din il-prattika hija magħrufa bl-isem ta’ inline linking jew hotlinking. |
11. |
Il-framing huwa teknika li tippermetti li l-iskrin jinqasam f’diversi partijiet, li kull wieħed minnhom jista’ juri, b’mod awtonomu, paġna jew riżorsa tal-internet differenti. Għalhekk, fuq parti tal-iskrin tista’ tidher il-paġna internet oriġinali u, fuq l-oħra, paġna jew riżorsa oħra li ġejjin minn sit ieħor. Din il-paġna l-oħra ma hijiex riprodotta fis-server tas-sit qafas, iżda tiġi kkonsultata direttament bl-għajnuna ta’ deep link. L-indirizz URL tal-paġna mmirata ta’ din il-link ikun ħafna drabi moħbi, b’tali mod li l-utent jista’ jkollu l-impressjoni li jkun qiegħed jikkonsulta paġna internet waħda, filwaqt li fil-fatt ikun qiegħed jikkonsulta tnejn (jew iktar). |
12. |
Il-framing huwa attwalment ikkunsidrat bħala li ma għadux fl-użu u ġie abbandunat fl-aħħar verżjoni tal-lingwa HTML (HTML5). Dan ġie ssostitwit bl-inline frame ( 8 ), li jippermetti t-tqegħid ta’ riżorsa esterna, bħal sit internet, paġna, jew element ta’ paġna internet li ġejja minn sit ieħor f’kaxxa li d-dimensjonijiet u l-pożizzjoni tagħha huma ddefiniti liberament mill-awtur tal-paġna internet inkwistjoni. L-inline frame jaġixxi bħala element li jintegra minn din il-paġna peress li din it-teknika, b’differenza mill-framing klassiku, ma hijiex teknika ta’ diviżjoni tal-iskrin iżda mezz ta’ inkorporazzjoni (embedding) ta’ riżorsi esterni ma’ paġna internet. |
13. |
Sabiex jiġu kkomplikati iktar l-affarijiet, l-inline frame jista’ jiġi ddefinit bħala post ta’ ftuħ ta’ hyperlink ( 9 ). B’dan il-mod, wara li l-link tkun ġiet attivata (permezz ta’ klikk), ir-riżorsa mmirata tinfetaħ f’kaxxa (fejn it-truf ikunu viżibbli jew le fuq l-iskrin), fil-post iddefinit mill-awtur tal-paġna li fiha l-link ( 10 ). |
14. |
Dawn il-manipulazzjonijiet jistgħu jidhru kumplessi u jeħtieġu għarfien fil-fond fl-informatika, iżda n-numru kbir ħafna ta’ servizzi ta’ ħolqien ta’ siti internet u l-pjattaformi ta’ qsim ta’ kontenut jawtomatizzaw dawn il-proċessi, li jippermettu li faċilment jinħolqu paġni internet, jiġi inkorporat fihom il-kontenut u jinħolqu hyperlinks mingħajr wieħed ikollu dan l-għarfien. |
15. |
Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-hyperlinks għal oġġetti protetti mid-drittijiet tal-awtur, imqiegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku b’aċċess liberu fuq l-internet bl-awtorizzazzjoni tad-detentur ta’ dawn id-drittijiet, ma jikkostitwixxux atti li jeħtieġu awtorizzazzjoni tal-imsemmi detentur ( 11 ). Madankollu, ġurisprudenza iktar reċenti titlob li dan l-acquis ġurisprudenzjali jiġi interpretat f’dawl ftit differenti. Għalhekk, għandu jiġi ddeterminat jekk il-fatt, għal detentur tad-drittijiet tal-awtur, li juża mezzi tekniċi intiżi sabiex jipprevjenu l-użu tax-xogħol tiegħu fil-forma ta’ hyperlinks u permezz tal-framing, jibdilx l-evalwazzjoni mill-perspettiva tad-drittijiet tal-awtur. Fil-fehma tiegħi, ikun neċessarju wkoll li tiġi eżaminata mill-ġdid il-problema marbuta mal-inkorporazzjoni fil-paġni internet ta’ xogħlijiet li ġejjin minn siti oħra (inline linking). |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
16. |
L-Artikolu 3(1) u (3) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni ( 12 ), jiddisponi: “1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom. […] 3. Id-drittijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx jiġu eżawriti bl-ebda att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jew li jagħmilhom disponibbli għall-pubbliku kif stipulat f’dan l-Artikolu.” |
17. |
Skont l-Artikolu 6(1) u (3) tad-Direttiva 2001/29: “1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu protezzjoni legali adekwata kontra t-tidwir ma’ kull miżura teknoloġika effettiva, li persuna relatata twettaq konsapevolment, jew b’raġunijiet li tkun taf, li qiegħda tilħaq dak il-għan. […] 3. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, il-frażi ‘miżuri teknoloġiċi’ tfisser kull teknoloġija, tagħmir jew komponent li, matul il-kors normali tat-tħaddim tiegħu, ikun iddisinjat li jipprevjeni jew jirrestrinġi atti, rigward xogħolijiet jew suġġett ieħor, li mhumiex awtorizzati mid-detentur tad-drittijiet ta’ kull dritt ta’ l-awtur jew kull dritt relatat mad-drittijiet ta’ l-awtur li hemm provdut dwarhom bil-liġi jew id-dritt sui generis li hemm provdut dwarhom fil-Kapitolu III tad-Direttiva 96/9/KE [ ( 13 )]. Drittijiet teknoloġiċi għandhom jitqiesu ‘effettivi’ fejn l-użu ta’ xogħol protett jew suġġett ieħor huwa kontrollat mid-detenturi tad-drittijiet permezz ta’ applikazzjoni ta’ kontroll għal aċċess jew proċess ta’ protezzjoni, bħal qlib f’ċifrarju, taqlib jew trasformazzjoni oħra tax-xogħol jew materjal ta’ xogħħol ieħħor jew mekkaniżmu ta’ kontroll ta’ ikkupjar li jilħaq l-għan ta’ protezzjoni.” |
18. |
L-Artikolu 16(1) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2014/26/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet f’xogħlijiet mużikali għall-użu onlajn fis-suq intern ( 14 ), jiddisponu: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv u l-utenti għandhom jidħlu f’negozjati għall-ħruġ ta’ liċenzji tad-drittijiet in bona fede. L-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv u l-utenti għandhom jipprovdu lil xulxin bl-informazzjoni kollha meħtieġa. 2. It-termini għal ħruġ ta’ liċenzji għandhom ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji. Meta organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv joħorġu liċenzji, mhumiex meħtieġa jużaw, bħala preċedent għal servizzi onlajn oħra, termini għall-ħruġ tal-liċenzji mifthiema ma’ utent, fejn l-utent jipprovdi tip ġdid ta’ servizz onlajn li kien disponibbli għalll-pubbliku fl-Unjoni għal inqas minn tliet snin. […]” |
Id-dritt Ġermaniż
19. |
Id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, huwa fid-dritt Ġermaniż kopert mill-Artikolu 19a (“tqegħid għad-dispożizzjoni”) u mill-Artikolu 15(2) (“dritt mhux iddefinit” ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku), tal-Gesetz über Urheberrecht und verwandte Schutzrechte – Urheberrechtsgesetz (il-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur u d-Drittijiet Relatati), tad‑9 ta’ Settembru 1965 ( 15 ) (iktar ’il quddiem l-“UrhG”). |
20. |
L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/29 ġie traspost fid-dritt Ġermaniż permezz tal-Artikolu 95a tal-UrhG. |
21. |
Finalment, konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 34(1) tal-Gesetz über die Wahrnehmung von Urheberrechten und verwandten Schutzrechten durch Verwertungsgesellschaften – Verwertungsgesellschaftengesetz (il-Liġi dwar l-Amministrazzjoni tad-Drittijiet tal-Awtur u Drittijiet Relatati minn Soċjetajiet għall-Amministrazzjoni Kollettiva), tal‑24 ta’ Mejju 2016 ( 16 ) (iktar ’il quddiem il-“VGG”), li ttrasponiet l-Artikolu 16(1) u (2) tad-Direttiva 2014/26, is-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva għandhom l-obbligu li jagħtu lil kull persuna li titlobha, taħt kundizzjonijiet raġonevoli, liċenzja għall-użu tad-drittijiet li l-amministrazzjoni tagħhom tkun ġiet fdata lilhom. |
Il-fatti fil-kawża prinċipali, il-proċedura u d-domanda preliminari
22. |
Verwertungsgesellschaft Bild-Kunst (iktar ’il quddiem “VG Bild-Kunst”) hija soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-arti viżivi fil-Ġermanja. Stiftung Preußischer Kulturbesitz (iktar ’il quddiem “SPK”) hija fondazzjoni tad-dritt Ġermaniż. |
23. |
SPK hija l-operatur tad-Deutsche Digitale Bibliothek (iktar ’il quddiem id-“DDB”), bibljoteka diġitali ddedikata għall-kultura u għall-għarfien li tqiegħed f’network istituzzjonijiet kulturali u xjentifiċi Ġermaniżi. |
24. |
Is-sit internet tad-DDB fih links għal kontenut diġitali maħżun fil-portali internet tal-istituzzjonijiet parteċipanti. Id-DDB, bħala “vetrina diġitali”, taħżen biss thumbnails, jiġifieri verżjonijiet ta’ immaġnijiet li d-daqs tagħhom huwa mnaqqas meta mqabbel mad-daqs oriġinali tagħhom. Meta l-utent jikklikkja fuq wieħed mir-riżultati tar-riċerka, huwa jiġi dirett lejn il-paġna tal-oġġett fis-sit tad-DDB, li fiha verżjoni mkabbra tal-illustrazzjoni (440 x 330 pixel). Meta wieħed jikklikkja fuq din l-illustrazzjoni jew juża l-funzjoni “lenti”, verżjoni mkabbra tat-thumbnail, b’riżoluzzjoni massima ta’ 800 x 600 pixel, tidher f’lightbox. Barra minn hekk, il-buttuna “Uri l-oġġett fis-sit ta’ oriġini” tinkludi link dirett għas-sit internet tal-istituzzjoni li tipprovdi l-oġġett (jew link sempliċi għall-paġna prinċipali tagħha, jew deep link għall-paġna tal-oġġett). Id-DDB tuża x-xogħlijiet bl-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur fuq dawn ix-xogħlijiet. |
25. |
VG Bild-Kunst tissuġġetta l-konklużjoni, ma’ SPK, ta’ kuntratt ta’ liċenzja għall-użu tal-katalgu ta’ xogħlijiet tagħha fil-forma ta’ thumbnails, għall-inklużjoni ta’ dispożizzjoni li skontha d-detentur ta’ liċenzja jintrabat li jimplimenta, waqt l-użu tax-xogħlijiet u l-oġġetti protetti intiżi fil-kuntratt, miżuri tekniċi effettivi kontra l-framing, minn terzi, tat-thumbnails ta’ dawn ix-xogħlijiet jew ta’ dawn l-oġġetti protetti, murija fis-sit internet tad-DDB. |
26. |
Peress li qieset li tali dispożizzjoni kuntrattwali ma kinitx raġonevoli mill-perspettiva tad-drittijiet tal-awtur, SPK ressqet azzjoni għal konstatazzjoni quddiem il-Landgericht (il-Qorti Reġjonali, il-Ġermanja) intiża sabiex jiġi kkonstatat li VG Bild-Kunst kienet obbligata tagħti l-liċenzja inkwistjoni lil SPK mingħajr ma din il-liċenzja tkun suġġetta għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri tekniċi. Din l-azzjoni ġiet inizjalment miċħuda mil-Landgericht (il-Qorti Reġjonali). Is-sentenza ta’ din tal-aħħar, fuq appell ta’ SPK, ġiet annullata mill-Kammergericht (il-Qorti Reġjonali Superjuri, il-Ġermanja). Permezz tar-rikors għal reviżjoni tagħha, VG Bild-Kunst titlob li l-azzjoni ta’ SPK tiġi miċħuda. |
27. |
Il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) tippreċiża, minn naħa, li, konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 34(1) tal-VGG, is-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva għandhom l-obbligu li jagħtu lil kull persuna li titlobha, taħt kundizzjonijiet raġonevoli, liċenzja għall-użu tad-drittijiet li l-amministrazzjoni tagħhom tkun ġiet fdata lilhom. Il-qorti tar-rinviju tindika, min-naħa l-oħra, li, skont il-ġurisprudenza tagħha applikabbli f’dan il-każ, huwa aċċettat li s-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva jistgħu, b’mod eċċezzjonali, jidderogaw mill-obbligu tagħhom u jirrifjutaw li jagħtu liċenzja, bil-kundizzjoni li dan ir-rifjut ma jikkostitwixxix abbuż ta’ monopolju u bil-kundizzjoni li jkunu jistgħu jinvokaw, fir-rigward tat-talba għal liċenzja, interessi leġittimi superjuri. F’dan ir-rigward, sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ eċċezzjoni oġġettivament iġġustifikata, għandhom jiġu bbilanċjati l-interessi tal-partijiet ikkonċernati billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għan tal-liġi kif ukoll l-għan li fuqu huwa bbażat dan l-obbligu ta’ prinċipju tas-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva. |
28. |
L-eżitu tar-rikors għal reviżjoni jiddependi minn jekk l-inkorporazzjoni permezz ta’ framing fis-sit internet ta’ terz ta’ xogħol disponibbli, bil-kunsens tad-detentur tad-drittijiet, f’sit internet, bħal dak tad-DDB, tikkostitwixxix komunikazzjoni tax-xogħol lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 meta din tevita miżuri ta’ protezzjoni kontra l-framing adottati mid-detentur tad-drittijiet jew imposti minnu fuq persuna liċenzjata. Jekk dan kien il-każ, id-drittijiet tal-membri ta’ VG Bild-Kunst ikunu kkonċernati u din tkun tista’ validament titlob l-inklużjoni tal-obbligu ta’ implimentazzjoni tal-miżuri tekniċi kontra l-framing fil-kuntratt ta’ liċenzja ma’ SPK. |
29. |
Peress li kellha dubji dwar ir-risposta li għandha tingħata lil din id-domanda, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-prattika tal-hyperlinks fuq l-internet, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-inkorporazzjoni, permezz tat-teknika msejħa ‘Framing’, fis-sit internet ta’ terz, ta’ xogħol disponibbli, bil-kunsens tad-detentur tad-drittijiet, fuq sit internet liberament aċċessibbli, tikkostitwixxi komunikazzjoni tax-xogħol lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 jekk din l-inkorporazzjoni tevita miżuri ta’ protezzjoni kontra l-framing adottati jew imposti mid-detentur tad-drittijiet?” |
30. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet lill-Qorti tal-Ġustizzja fil‑21 ta’ Mejju 2019. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-partijiet fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Franċiż, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. L-istess partijiet kienu rrappreżentati matul is-seduta li saret fil‑25 ta’ Mejju 2020. |
Analiżi
31. |
Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-inkorporazzjoni, permezz tal-framing, fis-sit internet ta’ terz, ta’ xogħol disponibbli, bil-kunsens tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur, f’sit internet liberament aċċessibbli, tikkostitwixxix komunikazzjoni ta’ dan ix-xogħol lill-pubbliku fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni meta din l-inkorporazzjoni tevita miżuri ta’ protezzjoni kontra l-framing adottati jew imposti mill-imsemmi detentur. |
32. |
Kemm il-qorti tar-rinviju kif ukoll il-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet jissuġġerixxu risposti għal din id-domanda li, fil-fehma tagħhom, jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-evalwazzjoni tal-hyperlinks mill-perspettiva tad-drittijiet tal-awtur. Madankollu, l-analiżi tagħhom ta’ din il-ġurisprudenza twassalhom għal riżultati kontradittorji. Għalkemm, fil-fatt, il-qorti tar-rinviju, kif ukoll VG Bild-Kunst, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni, jipproponu li tingħata risposta fl-affermattiv għad-domanda preliminari, SPK tiżviluppa argumenti serji favur risposta fin-negattiv. |
33. |
Jiena naqbel mal-fehma li skontha r-risposta għad-domanda preliminari tista’ tiġi dedotta parzjalment mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu jidhirli li din il-ġurisprudenza titlob li tiġi ppreċiżata wara analiżi li tieħu inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza reċenti li ma tikkonċernax direttament il-hyperlinks. |
Il-ġurisprudenza dwar il-hyperlinks
34. |
It-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur fuq l-internet jaqa’ taħt id-dritt esklużiv tal-komunikazzjoni lill-pubbliku previst fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 ( 17 ). Dan id-dritt ikopri “kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet […], bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet […] b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom”. Huwa t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku li għandu rwol maġġuri fuq l-internet, minkejja li l-komunikazzjoni “klassika” hija preżenti wkoll ( 18 ). |
35. |
Għalhekk, il-kwistjoni li tqum dwar il-hyperlinks hija dik dwar jekk il-fatt li f’paġna internet tiġi inkluża link għal xogħol ta’ ħaddieħor disponibbli wkoll fuq l-internet (fuq il-web, b’mod iktar preċiż) jikkostitwixxix komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, jiġifieri jekk l-inklużjoni ta’ tali link taqax taħt id-dritt esklużiv tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur fuq dan ix-xogħol. |
36. |
Fis-sentenza Svensson et ( 19 ), il-Qorti tal-Ġustizzja wieġbet għal din il-kwistjoni, bħala prinċipju, fin-negattiv. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, fl-ewwel lok, li hyperlink kienet tikkostitwixxi att ta’ komunikazzjoni, peress li l-link toffri lill-utenti aċċess dirett għax-xogħol ( 20 ). Din il-komunikazzjoni hija diretta lejn pubbliku kompost minn numru indeterminat u pjuttost kbir ta’ persuni, jiġifieri pubbliku ( 21 ). |
37. |
Fit-tieni lok, madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-każ ta’ xogħol diġà disponibbli b’aċċess liberu fuq sit internet, il-pubbliku kkonċernat mill-hyperlink imqiegħed f’sit internet ieħor ma kienx jikkostitwixxi pubbliku ġdid meta mqabbel mal-pubbliku tal-komunikazzjoni inizjali. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-pubbliku mmirat mill-komunikazzjoni inizjali kien ikkostitwit mill-viżitaturi potenzjali kollha ta’ sit internet b’aċċess liberu, jiġifieri l-utenti kollha tal-internet. Dawn l-utenti kollha kellhom għalhekk jittieħdu inkunsiderazzjoni mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur waqt il-komunikazzjoni inizjali ( 22 ). Loġikament, il-hyperlink ma setgħetx tagħti aċċess għax-xogħol lil ċirku iktar wiesa’ ta’ utenti. |
38. |
Issa, fil-każ ta’ komunikazzjoni sekondarja mwettqa bl-istess mezz tekniku bħall-komunikazzjoni inizjali (li huwa l-każ tal-komunikazzjonijiet kollha fuq il-web), il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja teżiġi l-eżistenza ta’ pubbliku ġdid sabiex din il-komunikazzjoni sekondarja taqa’ taħt id-dritt esklużiv ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku previst fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 ( 23 ). |
39. |
Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-fatt li f’sit internet jitqiegħed hyperlink (“link li tikklikkja fuqha” skont il-kliem tas-sentenza inkwistjoni) għal xogħol protett mid-drittijiet tal-awtur li huwa diġà liberament aċċessibbli fuq l-internet ma jeħtieġx awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur fuq dan ix-xogħol ( 24 ). Jista’ jkun mod ieħor biss fis-sitwazzjoni fejn il-link tippermetti li jiġu evitati miżuri ta’ restrizzjoni tal-aċċess għax-xogħol fis-sit oriġinali, f’liema każ din il-link ikollha l-effett li twessa’ l-pubbliku tal-komunikazzjoni inizjali u li tagħti aċċess għalih lil pubbliku ġdid ( 25 ). |
40. |
Din l-analiżi ġiet ikkonfermata malajr fir-rigward tal-hyperlinks li jużaw il-framing ( 26 ). |
41. |
Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-analiżi deskritta iktar ’il fuq tapplika biss meta l-komunikazzjoni inizjali tax-xogħol tkun saret bl-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur ( 27 ). |
42. |
Fir-rigward tal-links għal siti internet li fihom ix-xogħlijiet jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li dawn kienu jikkostitwixxu komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 jekk l-utent li jkun qiegħed il-link kien jaf jew kellu jkun jaf li din il-link twassal għal xogħol imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mingħajr l-awtorizzazzjoni meħtieġa mid-drittijiet tal-awtur ( 28 ). Meta dan l-utent jaġixxi bi skop ta’ lukru, dan l-għarfien tal-kunsiderazzjonijiet għandu jiġi preżunt b’mod konfutabbli ( 29 ). |
43. |
Biex niġbor fil-qosor il-ġurisprudenza dwar il-hyperlinks, meta l-link twassal għal xogħol diġà mqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku bl-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur u b’aċċess liberu, din il-link ma titqiesx bħala komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 peress li, filwaqt li tikkostitwixxi att ta’ komunikazzjoni, l-imsemmija link hija indirizzata lil pubbliku li diġà ttieħed inkunsiderazzjoni mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur waqt it-tqegħid għad-dispożizzjoni inizjali, jiġifieri l-utenti kollha tal-internet. |
L-analiżi kritika tal-ġurisprudenza dwar il-hyperlinks
44. |
Is-soluzzjonijiet ġurisprudenzjali li għadni kif fakkart ma humiex dejjem evidenti prima facie u jistgħu jqajmu dubji, b’mod partikolari dwar tliet punti ewlenin: il-klassifikazzjoni tal-links bħala “atti ta’ komunikazzjoni” (ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni), l-introduzzjoni tal-kriterju suġġettiv tal-għarfien tal-kunsiderazzjonijiet fid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” u l-applikazzjoni fuq l-internet tal-kriterju tal-pubbliku ġdid ( 30 ). |
Il-klassifikazzjoni ta’ hyperlinks bħala “atti ta’ komunikazzjoni”
45. |
Kif fakkart fil-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, fis-sentenza Svensson et ( 31 ), li hyperlink għal xogħol protett aċċessibbli fuq l-internet kien jikkostitwixxi att ta’ komunikazzjoni ta’ dan ix-xogħol għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku rregolat fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29. Madankollu, din l-affermazzjoni ma hijiex, fil-livell tekniku, evidenti ( 32 ). |
46. |
Ċertament, ma naqbilx mal-opinjoni espressa f’dan ir-rigward, li skontha kull att ta’ komunikazzjoni għandu neċessarjament jinkludi trażmissjoni jew trażmissjoni mill-ġdid tax-xogħol ( 33 ). B’mod partikolari, il-forma l-iktar mifruxa ta’ komunikazzjoni fuq il-web, li hija t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tax-xogħlijiet b’mod li kulħadd ikun jista’ jkollu aċċess għalihom fil-post u fil-mument li jagħżel individwalment, ma tippreżupponi l-ebda trażmissjoni. F’tali sitwazzjoni, ix-xogħol jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, jiġifieri jinħażen fis-server li jospita s-sit internet inkwistjoni, peress li l-pubbliku jista’ jaċċessa dan is-sit permezz tal-indirizz URL tiegħu. Forma ta’ trażmissjoni tax-xogħol isseħħ biss ladarba membru tal-pubbliku jkun aċċessa l-imsemmi server, peress li dan l-aċċess jinvolvi riproduzzjoni temporanja tal-paġna internet ikkonsultata fuq il-kompjuter klijent tiegħu. |
47. |
Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, sabiex ikun hemm att ta’ komunikazzjoni, huwa biżżejjed li xogħol jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, mingħajr ma jkun determinanti li l-membri tal-pubbliku effettivament jaċċessawh ( 34 ). Fi kliem ieħor, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 jidħol fis-seħħ mat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ xogħol, anki qabel ma sseħħ trażmissjoni effettiva tax-xogħol. |
48. |
B’kunsiderazzjoni ta’ dan, fil-każ ta’ hyperlink għal xogħol diġà liberament aċċessibbli fuq l-internet, it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku jsir fis-sit internet oriġinali. Il-link, min-naħa tagħha, hija biss struzzjoni mogħtija lill-browser tal-internet sabiex jaċċessaha skont l-indirizz URL li jagħmel parti mil-link. L-utent għalhekk jiġi dirett lejn sit internet ieħor. Il-konnessjoni (u għalhekk it-trażmissjoni tax-xogħol) sussegwentement issir direttament bejn il-kompjuter klijent tal-utent u s-server (xi drabi diversi servers) li fih jinsab is-sit immirat mil-link, mingħajr ebda intermedjazzjoni tas-sit li fih din il-link ( 35 ). Barra minn hekk, l-indirizz URL li l-link twassal għalih jidher normalment permezz ta’ klikk lemini (right click) fuq il-link. Għalhekk huwa possibbli li din il-link tiġi kkopjata fit-tieqa tal-indirizz tal-browser għal aċċess għall-istess post bħal dak intiż mill-hyperlink. Il-link sempliċement tawtomatizza dan il-proċess, billi tippermetti l-aċċess għal sit internet ieħor “bi klikk”. |
49. |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja marret lil hinn minn din l-analiżi purament teknika billi kkunsidrat li hyperlink jikkostitwixxi att ta’ komunikazzjoni sa fejn dan jagħti “aċċess dirett” għax-xogħol li jinsab f’sit internet ieħor ( 36 ). |
50. |
Fil-fehma tiegħi, dan l-approċċ funzjonali jieħu inkunsiderazzjoni elementi oħra minbarra s-sempliċi awtomatizzazzjoni tal-istabbiliment tal-konnessjoni mas-sit internet immirat. Dak li huwa ferm iktar importanti, u li jagħmel il-hypertext links bħala pern tal-arkitettura tal-web, huwa li l-link fiha l-indirizz URL tal-paġna internet immirata, billi jiffranka lill-utent milli jfittex dan l-indirizz (jew inkella, il-link hija r-riżultat ta’ tfittxija mwettqa mill-utent, bħalma huwa normalment il-każ tal-muturi ta’ tfittxija fuq l-internet). Fil-fatt, riżorsa tista’ tkun disponibbli fuq l-internet, madankollu tkun aċċessibbli biss permezz tal-indirizz URL tagħha. Mingħajr l-għarfien ta’ dan l-indirizz mill-utenti, id-disponibbiltà tiegħu tkun purament teoretika. Issa, il-mezz l-iktar effettiv sabiex jiġi trażmess l-indirizz URL ta’ paġna internet huwa li tinħoloq hyperlink għal din il-paġna. Ma huwiex b’kumbinazzjoni li d-“direttorji tat-telefon” tal-web li huma l-mutur ta’ tfittxija jużaw it-teknika tal-hyperlinks. |
51. |
Huwa għalhekk li din il-kapaċità teknika li tagħti aċċess dirett għal xogħol speċifikat mill-indirizz URL tiegħu (jew l-indirizz tal-paġna internet li fiha dan ix-xogħol) tiġġustifika, fil-fehma tiegħi, il-klassifikazzjoni tal-hyperlinks bħala “atti ta’ komunikazzjoni” għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29. |
L-element suġġettiv fil-komunikazzjoni lill-pubbliku
52. |
Infakkar li r-regola ġurisprudenzjali stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Svensson et ( 37 ), li skontha hyperlink għal xogħol liberament aċċessibbli fuq l-internet ma tikkostitwixxix komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, tapplika biss meta x-xogħol inkwistjoni jkun tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku bl-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur. |
53. |
Fil-każ kuntrarju, jiġifieri meta x-xogħol ikun tqiegħed għad-dispożizzjoni mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-imsemmi detentur, is-sitwazzjoni legali li tirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tkun ħafna iktar kumplessa. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, f’tali sitwazzjoni, l-eżistenza ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku kienet tiddependi minn jekk l-utent li jkun qiegħed il-link kienx jaf jew kellux ikun jaf li x-xogħol immirat minn din il-link kien tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur. Fil-każ tal-links pprovduti bi skop ta’ lukru, l-għarfien tal-kunsiderazzjonijiet għandu jiġi preżunt, peress li din il-preżunzjoni hija konfutabbli ( 38 ). |
54. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet din id-distinzjoni bil-għan leġittimu li jinżamm bilanċ ġust bejn, minn naħa, l-interess tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tal-interessi u tad-drittijiet fundamentali tal-utenti tal-oġġetti protetti ( 39 ). Madankollu, din is-soluzzjoni hija kemxejn ortodossa mill-perspettiva tar-regoli ġenerali tad-drittijiet tal-awtur, b’mod partikolari sa fejn din tintroduċi kriterju suġġettiv (l-għarfien tal-kunsiderazzjonijiet) fid-definizzjoni ta’ element oġġettiv, jiġifieri l-portata tal-atti suġġetti għad-dritt esklużiv tal-awtur ( 40 ). |
Il-kriterju tal-pubbliku ġdid
55. |
Għalkemm l-applikazzjoni tal-kriterju tal-pubbliku ġdid sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur ġiet prevista anki qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2001/29 ( 41 ), huwa biss mid-dħul fis-seħħ tagħha li dan il-kriterju ġie adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja, qabel kollox fil-kuntest tat-trażmissjoni mill-ġdid tax-xandiriet televiżivi ( 42 ). Skont il-formulazzjoni attwali ta’ dan il-kriterju, komunikazzjoni sekondarja ta’ xogħol protett magħmula mill-istess mezz tekniku bħall-komunikazzjoni inizjali għandha tkun diretta lejn pubbliku ġdid, jiġifieri pubbliku li ma jkunx ittieħed inkunsiderazzjoni mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur waqt il-komunikazzjoni inizjali, sabiex tiġi kklassifikata bħala “komunikazzjoni lill-pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 u għalhekk tkun suġġetta għad-dritt esklużiv tal-imsemmi detentur ( 43 ). |
56. |
Applikat għall-internet, dan il-kriterju jitlaq mill-premessa, li taqa’ taħt tip ta’ finzjoni legali ( 44 ), li xogħol, mill-mument li jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku b’aċċess liberu fuq il-web, jista’ jiġi kkonsultat minn kull utent tal-internet u li dawn l-utenti kollha għandhom għalhekk jitqiesu bħala li ttieħdu inkunsiderazzjoni mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur bħala pubbliku waqt it-tqegħid għad-dispożizzjoni inizjali ( 45 ). Għalkemm hawnhekk nitkellem dwar finzjoni legali, dan minħabba l-fatt li din l-affermazzjoni, filwaqt li fit-teorija hija vera, tħalli barra l-fatt li ċ-ċiberspazju fformat mill-web huwa sempliċement vast wisq sabiex kwalunkwe persuna tkun tista’ tkun taf, u wisq inqas ikollha aċċess, għar-riżorsi kollha tiegħu. |
57. |
Issa, mhux talli din il-premessa hija bbażata fuq premessa artifiċjalment mibnija u fittizja, talli, estiża sal-estrem tal-loġika tagħha, tirriżulta fl-eżawriment tad-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, minkejja li huwa espressament eskluż mill-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/29. Kif ser nuri iktar ’il quddiem, din il-premessa tidher li issa tmur lil hinn mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
Il-qari l-ġdid tal-ġurisprudenza dwar il-hyperlinks
58. |
Din l-analiżi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-hyperlinks twassalni, mingħajr ma nqajjem dubju dwarha, sabiex nipproponi qari evoluttiv, fil-linja ta’ ġurisprudenza iktar reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
59. |
Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja topera fil-kuntest tal-apparat terminoloġiku klassiku tad-drittijiet tal-awtur, billi tiddefinixxi l-atti suġġetti għad-dritt esklużiv tal-awtur u billi tiddistingwixxihom minn dawk li ma humiex suġġetti għalih, hija ma twettaqx xogħol ta’ teorija tad-drittijiet tal-awtur. Mitluba tinterpreta d-dritt tal-Unjoni, f’dan il-każ id-Direttiva 2001/29, ċertament b’mod astratt, u għalhekk applikabbli erga omnes, iżda madankollu abbażi ta’ tilwima konkreta mressqa quddiemha minn qorti nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti risposta li tippermetti lil din il-qorti tistabbilixxi r-responsabbiltà ta’ parti minħabba ksur ta’ drittijiet tal-awtur. Għalhekk, hija għandha tistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ din ir-responsabbiltà, u dan imur lil hinn mis-sempliċi definizzjoni tal-limiti tal-att li jaqa’ taħt il-monopolju tal-awtur. Approċċ iktar restrittiv jirriskja li jipperikola l-effett utli tal-armonizzazzjoni mwettqa mid-Direttiva 2001/29, billi jħalli f’idejn l-evalwazzjoni neċessarjament eteroġenika tal-qrati nazzjonali l-elementi deċiżivi ta’ tali responsabbiltà ( 46 ). |
60. |
Huwa għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja setgħet tiddeċiedi li kemm it-tqegħid għad-dispożizzjoni u l-amministrazzjoni, fuq l-internet, ta’ pjattaforma ta’ qsim ta’ xogħlijiet protetti fil-kuntest ta’ network peer-to-peer kif ukoll il-bejgħ ta’ mediaplayer li fuqu ġew installati minn qabel hyperlinks li jwasslu għal siti internet liberament aċċessibbli għall-pubbliku li fuqhom tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detenturi ta’ dawn id-drittijiet, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 ( 47 ), minkejja li fiż-żewġ każijiet t-tqegħid effettiv għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ xogħlijiet seħħ fi stadju preċedenti. Il-Qorti tal-Ġustizzja xorta waħda bbażat fuq ir-rwol inevitabbli u l-għarfien sħiħ tal-kunsiderazzjonijiet tal-utent ikkonċernat meta jagħti l-aċċess effettiv għal dawn ix-xogħlijiet ( 48 ). |
61. |
Dan l-approċċ jista’ jwassal ukoll għat-tnaqqis fir-responsabbiltà. F’qasam tad-drittijiet tal-awtur differenti (b’mod iktar preċiż, fil-qasam tad-drittijiet relatati), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dritt tal-produttur ta’ fonogrammi li jawtorizza jew li jipprojbixxi r-riproduzzjoni tal-fonogramma tiegħu, irrikonoxxut fl-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2001/29, ma jippermettilux joġġezzjona għall-użu minn terz ta’ kampjun ta’ ħoss tal-fonogramma tiegħu għall-finijiet tal-inklużjoni ta’ dan il-kampjun f’fonogramma oħra, jekk dan il-kampjun jiġi inkluż f’forma mibdula u li ma tingħarafx meta tinstema’ ( 49 ), minkejja li evidentement kull użu ta’ kampjun ta’ fonogramma jeħtieġ riproduzzjoni tiegħu. |
62. |
Fir-rigward tal-hyperlinks, l-approċċ tal-Qorti tal-Ġustizzja, iffokat fuq id-delimitazzjoni tal-kundizzjonijiet tar-responsabbiltà għal ksur tad-drittijiet tal-awtur, jispjega b’mod partikolari l-introduzzjoni tal-element suġġettiv fl-analiżi tal-att li jista’ jkun is-sors ta’ dan il-ksur ( 50 ). |
63. |
Il-kriterju tal-pubbliku ġdid, li, kif fakkart, ippermetta lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-hyperlinks ma kinux jeħtieġu, bħala prinċipju, l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur ( 51 ), għandu fil-fehma tiegħi jinftiehem bl-istess loġika. |
64. |
Infakkar li, skont dan il-kriterju, komunikazzjoni sekondarja ta’ xogħol lill-pubbliku li tuża l-istess mezz tekniku u hija indirizzata lill-istess pubbliku bħal dak li ttieħed inkunsiderazzjoni mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur waqt il-komunikazzjoni inizjali ma teħtieġx awtorizzazzjoni ġdida ( 52 ). Dan huwa l-każ tal-hyperlinks li, billi jużaw l-istess metodu tekniku, jiġifieri l-web, huma indirizzati lill-istess pubbliku bħall-komunikazzjoni inizjali, jiġifieri l-utenti kollha tal-internet, jekk din il-komunikazzjoni inizjali kienet saret mingħajr restrizzjoni ta’ aċċess. |
65. |
Issa, qabel kollox, il-Qorti tal-Ġustizzja stess diġà osservat li din is-soluzzjoni setgħat tiġi ġġustifikata mhux tant mill-assenza ta’ att ta’ komunikazzjoni, peress li tali komunikazzjoni teżisti fil-fehma tagħha, iżda mill-fatt li, peress li jaf l-arkitettura tal-internet (jew, b’mod iktar preċiż, tal-web), billi awtorizza t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mingħajr restrizzjoni tax-xogħol, id-detentur tad-drittijiet tal-awtur huwa meqjus li awtorizza wkoll it-tqegħid ta’ hyperlinks għal dan ix-xogħol. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li għalkemm kull att suġġett għal dritt esklużiv tal-awtur għandu jirċievi l-kunsens tiegħu minn qabel, id-Direttiva 2001/29 ma teħtieġx li dan il-kunsens jingħata neċessarjament b’mod espliċitu ( 53 ). |
66. |
Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, billi rreferiet b’mod espliċitu għas-sentenza Svensson et ( 54 ), li “f’kawża li fiha ġiet mistoqsija dwar il-kunċett ta’ ‘pubbliku ġdid’, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, f’sitwazzjoni fejn awtur kien awtorizza, minn qabel, espliċitament u mingħajr riżervi, il-pubblikazzjoni tal-artikli tiegħu fuq is-sit internet ta’ pubblikatur ta’ gazzetta, mingħajr ma rrikorra barra minn hekk għal miżuri tekniċi li jillimitaw l-aċċess għal dawn ix-xogħlijiet minn siti internet oħra, dan l-awtur seta’ essenzjalment jitqies bħala li awtorizza l-komunikazzjoni ta’ dawn ix-xogħlijiet lill-utenti tal-internet kollha” ( 55 ). |
67. |
Għad hemm lok li jiġi analizzat jekk dan il-kunsens impliċitu tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur jistax effettivament jikkonċerna “lill-utenti tal-internet kollha”. Jidhirli li dan ma huwiex il-każ. |
68. |
Fil-fatt, il-limiti ta’ din il-premessa ġew enfasizzati fil-kawża li wasslet għas-sentenza Renckhoff ( 56 ). Din il-kawża ma kinitx tirrigwarda hyperlink għal xogħol protett, iżda xogħol li tniżżel minn sit internet li kien tqiegħed fih għad-dispożizzjoni tal-pubbliku bl-awtorizzazzjoni tal-awtur u li kien tqiegħed online, mingħajr l-awtorizzazzjoni tiegħu, fuq sit internet ieħor. |
69. |
Issa, kieku l-kriterju tal-pubbliku ġdid kellu jiġi applikat b’mod strett ( 57 ), dan l-att ma jaqax taħt id-dritt esklużiv tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur, minħabba li sakemm ix-xogħol inkwistjoni kien aċċessibbli bl-awtorizzazzjoni tal-imsemmi detentur fl-ewwel sit internet (jew fi kwalunkwe sit ieħor, mhux neċessarjament is-sit li minnu x-xogħol ġie kkopjat), it-tqegħid għad-dispożizzjoni fit-tieni sit internet ma kienx intiż għal pubbliku ġdid, peress li kull utent tal-internet kien ittieħed inkunsiderazzjoni meta tqiegħed għad-dispożizzjoni l-ewwel darba. Għalhekk, id-detentur tad-drittijiet tal-awtur jitlef il-kontroll fuq it-tixrid tax-xogħol tiegħu, u dan, kif irrikonoxxiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha, iwassal għall-eżawriment tad-dritt esklużiv tiegħu ( 58 ). |
70. |
Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li kellha tiġi limitata l-portata tal-kriterju tal-pubbliku ġdid billi tiġi mmodifikata d-definizzjoni tal-pubbliku li huwa preżunt li ttieħed inkunsiderazzjoni mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur waqt it-tqegħid għad-dispożizzjoni inizjali tax-xogħol. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet li dan il-pubbliku kien jikkonsisti biss mill-utenti tas-sit internet li fih seħħ dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni inizjali “u mhux mill-utenti tas-sit internet li fuqu x-xogħol tpoġġa ulterjorment online mingħajr il-kunsens tal-imsemmi detentur, jew minn utenti tal-internet oħrajn” ( 59 ). |
71. |
Għalhekk, wara s-sentenza Renckhoff ( 60 ), il-finzjoni legali li skontha kull tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ xogħol protett fuq l-internet b’aċċess liberu jkopri l-utenti (effettivi u potenzjali) kollha tal-internet, ma hijiex iktar valida lanqas fil-kuntest tal-hyperlinks. Mhux talli din twassal għal eżawriment de facto tad-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku fuq l-internet, talli hija loġikament irrikonċiljabbli ma’ din is-sentenza. |
72. |
Ejjew nimmaġinaw fil-fatt l-implikazzjonijiet tas-sentenza Svensson et ( 61 ) f’sitwazzjoni simili għal dik tal-kawża li wasslet għal din is-sentenza Renckhoff. Skont din l-aħħar sentenza, il-fatt li tniżżel ix-xogħol protett minn sit internet li dan kien tqiegħed fih għad-dispożizzjoni tal-pubbliku bl-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur u tqiegħed f’sit internet ieħor, jippreġudika d-drittijiet tal-imsemmi detentur. Madankollu, il-fatt li fit-tieni sit internet tqiegħed link għal dan l-istess xogħol disponibbli fl-ewwel sit, anki jekk jintuża l-framing, b’tali mod li x-xogħol kien jidher daqslikieku tqiegħed fit-tieni sit, ma huwiex suġġett għall-monopolju tal-awtur u għalhekk ma jippreġudikax dan il-monopolju ( 62 ). Issa, il-pubbliku tat-tqegħid għad-dispożizzjoni inizjali huwa l-istess fiż-żewġ każijiet: l-utenti kollha tal-internet! |
73. |
Għalhekk, hemm lok li jitqies, kif għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Renckhoff ( 63 ), li l-pubbliku li ttieħed inkunsiderazzjoni mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur waqt it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ xogħol f’sit internet huwa kkostitwit mill-pubbliku li jikkonsulta l-imsemmi sit. Tali definizzjoni tal-pubbliku meħud inkunsiderazzjoni mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur tirrifletti, fil-fehma tiegħi, ir-realtà tal-internet. Fil-fatt, għalkemm sit internet liberament aċċessibbli jista’ teoretikament jiġi aċċessat minn kull utent tal-internet, fil-prattika, in-numru ta’ utenti potenzjali li jistgħu jaċċessawh huwa ċertament ftit jew wisq kbir iżda huwa ddeterminat bejn wieħed u ieħor. Id-detentur tad-drittijiet tal-awtur jieħu inkunsiderazzjoni l-portata ta’ dan iċ-ċirku ta’ utenti potenzjali billi jawtorizza t-tqegħid għad-dispożizzjoni tax-xogħol tiegħu. Dan huwa importanti b’mod partikolari meta dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni jsir b’liċenzja, peress li n-numru potenzjali ta’ viżitaturi preżunti jista’ jikkostitwixxi fattur importanti fid-determinazzjoni tal-prezz tal-liċenzja. |
74. |
Issa, huwa possibbli li wieħed jaċċessa dan is-sit internet, u dan ser ikun saħansitra l-maġġoranza tal-każijiet ta’ aċċess, permezz ta’ hyperlink. Il-pubbliku tas-sit li fih il-link isir għalhekk il-pubbliku tas-sit immirat tal-link, jiġifieri l-pubbliku intiż mill-imsemmi detentur tad-drittijiet tal-awtur. |
75. |
Fil-qosor, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-hyperlinks, jew b’mod iktar ġenerali l-komunikazzjoni tax-xogħlijiet lill-pubbliku fuq l-internet, għandha tinftiehem, fil-fehma tiegħi, fis-sens li, billi jawtorizza t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tax-xogħol tiegħu fuq paġna internet, b’aċċess liberu, id-detentur tad-drittijiet tal-awtur jieħu inkunsiderazzjoni l-pubbliku kollu li jista’ jaċċessa din il-paġna internet, inkluż permezz ta’ hyperlinks. Konsegwentement, dawn il-links, filwaqt li jikkostitwixxu atti ta’ komunikazzjoni, minħabba li jagħtu aċċess dirett għax-xogħol, huma bħala prinċipju koperti mill-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur mogħtija waqt it-tqegħid għad-dispożizzjoni inizjali u ma jeħtiġux awtorizzazzjoni addizzjonali. |
Applikazzjoni fil-każ tal-inkorporazzjoni ta’ xogħlijiet f’paġni internet minn siti internet oħra
Il-portata tad-domanda preliminari
76. |
Infakkar li, permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-inkorporazzjoni minn framing f’sit internet ta’ xogħol protett imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, bl-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur, b’aċċess liberu f’sit internet ieħor tikkostitwixxix komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ dan ix-xogħol, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, meta din tevita miżuri ta’ protezzjoni kontra l-framing adottati jew imposti mill-imsemmi detentur fit-tieni sit internet. |
77. |
Qabel kollox, għandhom jiġu ċċarati ċerti aspetti terminoloġiċi. It-terminoloġija dwar l-internet ma hijiex stabbilita b’ċarezza Kartesjana u t-termini framing, inline linking u embedding huma xi drabi użati bħala sinonimi. Inċidentalment, il-Qorti tal-Ġustizzja adottat fil-ġurisprudenza tagħha t-terminu Franċiż “transclusion” li jidher li jista’ jindika dawn it-tekniki kollha. Għalkemm il-qorti tar-rinviju tirreferi fid-domanda tagħha għall-framing, wieħed jista’ raġonevolment jippreżumi li l-problema fil-kawża prinċipali tikkonċerna, jew tista’ tikkonċerna, il-mezzi kollha sabiex f’paġna internet tiġi inkorporata riżorsa li ġejja minn sit internet ieħor. |
78. |
Issa, it-tekniki li jippermettu tali riżultat ma humiex limitati għall-framing, li jikkonsisti fid-diviżjoni tal-iskrin f’diversi partijiet li kull wieħed minnhom jista’ jkollu l-kontenut ta’ sit internet ieħor. B’mod partikolari, l-inline linking tippermetti li element, ħafna drabi fajl grafiku jew awdjoviżiv, jiġi inkorporat f’paġna internet minn sit internet ieħor ( 64 ). L-element inkorporat jidher għalhekk fuq l-iskrin awtomatikament, mingħajr ma l-utent ikollu bżonn jikklikkja fuq il-link. Din l-awtomazzjoni jidhirli li hija ferm iktar importanti mill-perspettiva tad-drittijiet tal-awtur milli l-użu jew le tal-framing. Ser niżviluppa din l-idea iktar fid-dettall iktar ’il quddiem. |
79. |
Jeżistu miżuri tekniċi ta’ protezzjoni kontra dawn it-tipi ta’ links. Dawn il-miżuri jikkonsistu, b’mod partikolari, fl-introduzzjoni fil-kodiċi HTML tal-paġna internet protetta ta’ struzzjonijiet li jostakolaw lil-link milli taħdem, li jostakolaw il-ftuħ tal-paġna f’kaxxa (frame) billi jeżiġu tieqa jew tab ġdida jew inkella li minflok l-element mixtieq jibagħtu immaġni oħra, pereżempju twissija dwar id-drittijiet tal-awtur. |
80. |
Għalhekk, id-domanda preliminari għandha tinftiehem fis-sens li tirrigwarda l-punt dwar jekk l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-inkorporazzjoni ta’ xogħol imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, bil-kunsens tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur, b’aċċess liberu fuq sit internet f’sit internet ieħor bl-għajnuna tal-hyperlinks, b’mod li x-xogħol jidher fit-tieni sit internet daqslikieku kien jagħmel parti integrali minn dan it-tieni sit, tikkostitwixxi komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni meta din l-inkorporazzjoni tevita l-miżuri ta’ protezzjoni kontra tali użu mix-xogħol. |
Il-links li tista’ tikklikkja fuqhom
81. |
Kif fakkart, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li hyperlink għal xogħol protett mid-drittijiet tal-awtur imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku b’aċċess liberu titqiegħed f’sit internet ieħor bil-kunsens tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur, jikkostitwixxi att ta’ komunikazzjoni ta’ dan ix-xogħol fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29. |
82. |
Għal din ir-raġuni, ma naqbilx mal-analiżi ta’ SPK li skontha mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-hyperlinks għal xogħlijiet protetti, inklużi dawk li jużaw il-framing jew tekniki simili, jinsabu barra mid-drittijiet esklużivi tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur, b’tali mod li qatt ma jkun hemm komunikazzjoni lill-pubbliku, minkejja l-applikazzjoni eventwali minn dawn id-detenturi ta’ miżuri ta’ protezzjoni kontra l-użu ta’ tali links. |
83. |
Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-tqegħid tal-hyperlink huwa att rilevanti mill-perspettiva tad-drittijiet tal-awtur, sa fejn dan jagħti aċċess dirett għax-xogħol. Madankollu, dan l-att ma jagħtix lok għal awtorizzazzjoni supplimentari mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur, peress li, billi jirreferi għall-pubbliku li diġà ttieħed inkunsiderazzjoni minnu waqt it-tqegħid għad-dispożizzjoni inizjali, dan huwa kopert mill-awtorizzazzjoni li ngħatat mill-imsemmi detentur waqt din il-komunikazzjoni inizjali. |
84. |
Fir-rigward tad-definizzjoni tal-pubbliku li ttieħed inkunsiderazzjoni mill-imsemmi detentur, nipproponi li jiġi kkunsidrat, fid-dawl tal-ġurisprudenza rilevanti kollha tal-Qorti tal-Ġustizzja, li dan huwa kompost mill-pubbliku, inkluż potenzjali, tas-sit internet li fih sar it-tqegħid għad-dispożizzjoni inizjali ( 65 ). |
85. |
Dan il-pubbliku jista’ jaċċessa l-imsemmi sit b’modi differenti, b’mod partikolari bl-għajnuna tal-hyperlinks. Din il-konstatazzjoni ma toħloqx problema fil-każ ta’ links sempliċi, li jirreferu għall-paġna prinċipali tas-sit. Fl-opinjoni tiegħi, l-istess japplika fil-każ ta’ deep links għal paġni konkreti ta’ sit. Fil-fatt, ħadd ma jista’ jistenna li x-xogħol tiegħu dejjem jinqara jew jiġi kkunsidrat billi jibda bil-paġna ta’ kopertura jew il-lista ta’ krediti tal-ftuħ. Inċidentalment, din ma hijiex il-problema tal-aċċess għal xogħlijiet fil-veru sens tal-kelma, iżda taċ-ċirkustanzi li jevitaw dan l-aċċess, bħall-ommissjoni tar-reklamar eventwalment assoċjat max-xogħol u li jagħti dħul lid-detentur tad-drittijiet tal-awtur. Madankollu, dan ma għandux jiddetermina l-portata tad-drittijiet esklużivi tal-imsemmi detentur. |
86. |
Hawnhekk jitqajmu kwistjonijiet iktar delikati mill-użu tal-framing u, b’mod iktar partikolari, mill-inline frame. Fil-fatt, f’dan il-każ, huwa diffiċli li jiġi ddeterminat jekk il-pubbliku li jaċċessa b’dan il-mod sit internet minn sit ieħor għandux jitqies bħala li ttieħed inkunsiderazzjoni mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur waqt it-tqegħid għad-dispożizzjoni inizjali tax-xogħol fl-ewwel sit internet. |
87. |
Fil-fehma tiegħi, huwa ċar biżżejjed li r-risposta għandha tkun fil-pożittiv meta l-għan tal-framing jikkonsisti f’sit internet kollu kemm hu jew f’paġna sħiħa ta’ dan is-sit. Huwa veru li tali użu ta’ sit internet ta’ ħaddieħor jista’ jikkostitwixxi abbuż u joħloq ċerti problemi mill-perspettiva tad-drittijiet morali tal-awtur, tad-dritt tat-trade marks jew anki tal-kompetizzjoni leali. Madankollu, mill-perspettiva tal-aċċess għax-xogħol, u għalhekk tad-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, din is-sitwazzjoni ma hijiex dijametrikament opposta għal dik tal-links klassiċi. L-utenti jaċċessaw is-sit internet immirat tal-link u, minkejja li dan jinsab ġewwa l-paġna li fiha l-link, huma jikkostitwixxu l-pubbliku ta’ dan is-sit, jiġifieri l-pubbliku li ttieħed inkunsiderazzjoni mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur waqt it-tqegħid għad-dispożizzjoni tax-xogħol fl-imsemmi sit. |
88. |
Il-każ tal-links li jwasslu għal elementi speċifiċi ta’ paġna internet (pereżempju immaġnijiet jew fajls awdjoviżivi) huwa iktar problematiku, b’mod partikolari meta l-element jidher bħala parti integrali minn sit ieħor permezz tal-framing jew l-inline frame. Madankollu, f’din is-sitwazzjoni wkoll, billi jikklikkja fuq il-link, l-utent jistabbilixxi konnessjoni mas-sit oriġinali tal-element marbut u b’hekk joħloq trażmissjoni ta’ dan l-element. Dan l-utent għandu għalhekk jitqies bħala li jifforma parti mill-pubbliku ta’ dan is-sit, jiġifieri mill-pubbliku li ttieħed inkunsiderazzjoni mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur meta jkun awtorizza t-tqegħid għad-dispożizzjoni tax-xogħol tiegħu fl-imsemmi sit. |
89. |
Barra minn hekk, in-neċessità li tiġi attivata link tindika lill-utent li huwa jaċċessa kontenut li ma jagħmilx parti integrali mill-paġna internet li fiha din il-link. Għalkemm il-paternità ta’ dan il-kontenut tista’ tiġi moħbija b’mod ftit jew wisq kbir, l-utent raġonevolment avżat dwar il-modalitajiet ta’ funzjonament tal-internet għandu jistenna li l-kontenut immirat mil-link jista’ joriġina minn sors differenti mill-paġna internet li huwa qiegħed jikkonsulta. Id-detentur tad-drittijiet tal-awtur jista’ għalhekk jinvoka d-drittijiet morali, jew, jekk ikun il-każ, drittijiet li jaqgħu taħt oqsma oħra tal-proprjetà intellettwali, bħad-dritt tat-trade marks, sabiex jiġġieled kontra abbuż eventwali ( 66 ). |
90. |
Inċidentalment, jidhirli li huwa diffiċli li tiġi stabbilita linja netta ta’ diviżjoni, minħabba li s-sitwazzjonijiet jistgħu jvarjaw ħafna: framing ta’ siti jew paġni internet li l-uniku kontenut sinjifikattiv tagħhom huwa magħmul minn xogħlijiet protetti jew li jikkostitwixxu huma stess tali xogħlijiet, deep links għal oġġetti protetti li jinfetħu f’tieqa separata tal-browser bi jew mingħajr indikazzjoni tal-indirizz tas-sit ta’ oriġini, links sempliċi għal siti li l-paġna prinċipali jew is-sit innifsu tagħhom jikkostitwixxu xogħlijiet protetti, eċċ. L-analiżi ta’ dawn is-sitwazzjonijiet differenti teħtieġ evalwazzjonijiet fattwali każ b’każ, b’riżultati inċerti. Issa, iċ-ċirku ta’ persuni li jistgħu jaċċessaw ix-xogħol tiegħu li d-detentur tad-drittijiet tal-awtur huwa meqjus li ħa inkunsiderazzjoni fit-tqegħid għad-dispożizzjoni tiegħu ma jistax jiddependi minn tali evalwazzjonijiet fattwali ( 67 ). |
91. |
Għalhekk, jiena tal-fehma li, fil-każ ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur imqiegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku b’aċċess liberu fuq l-internet bl-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur, il-pubbliku li jaċċessa tali xogħlijiet permezz ta’ links li tikklikkja fuqhom li jużaw il-framing, inkluż l-inline frame, għandu jitqies li jagħmel parti mill-pubbliku li ttieħed inkunsiderazzjoni minn dan id-detentur waqt it-tqegħid għad-dispożizzjoni inizjali ta’ dawn ix-xogħlijiet ( 68 ). Naturalment, din l-evalwazzjoni ma tapplikax fil-każijiet fejn il-links jevitaw il-miżuri ta’ restrizzjoni ta’ aċċess u lanqas f’dak fejn il-links jirreferu għal xogħlijiet imqiegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur, li fihom hemm is-soluzzjonijiet stabbiliti, rispettivament, fis-sentenzi Svensson et ( 69 ) u GS Media ( 70 ) li japplikaw. |
L-inkorporazzjoni (embedding)
92. |
Issa ser nanalizza s-sitwazzjoni li fiha xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur li jinsabu f’siti internet oħra huma inkorporati f’paġna internet b’tali mod li dawn jintwerew fiha awtomatikament sa mill-ftuħ ta’ din il-paġna, mingħajr l-ebda azzjoni addizzjonali tal-utent (inline links). Ser nikklassifika din it-teknika bħala “links awtomatiċi”. Fil-fehma tiegħi, is-sitwazzjoni ta’ dawn il-links awtomatiċi hija differenti f’diversi aspetti minn dik tal-links li tikklikkja fuqhom, inklużi dawk li jużaw il-framing ( 71 ). |
– Il-links awtomatiċi bħala komunikazzjoni lill-pubbliku
93. |
Link awtomatika turi r-riżorsa bħala element li jagħmel parti integrali mill-paġna internet li fiha din il-link. Għalhekk, għall-utent, ma hemm l-ebda differenza bejn immaġni inkorporata f’paġna internet mill-istess server u dik inkorporata minn sit internet ieħor. Kieku, fil-kawża li wasslet għas-sentenza Renckhoff ( 72 ), il-proprjetarju tas-sit li fih saret il-komunikazzjoni sekondarja kien qiegħed link awtomatika għall-immaġni inkwistjoni minflok ma rriproduċieha u qiegħdha online mis-server tiegħu stess, ir-riżultat għall-pubbliku kien ikun identiku. Huwa biss “wara l-kwinti” li l-mod operatorju jvarja. |
94. |
Il-links awtomatiċi jippermettu għalhekk li jiġi sfruttat mingħajr awtorizzazzjoni xogħol ta’ ħaddieħor fuq l-internet bl-istess mod, fil-prattika, bħal riproduzzjoni u tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku awtonomu. Fl-istess ħin, il-kopertura tal-użu tat-teknoloġija tal-hyperlink tagħti lil din il-prattika dehra ta’ legalità, peress li x-xogħol jitqiegħed online, mill-perspettiva teknika, mis-server biss li jospita s-sit ta’ oriġini ( 73 ). |
95. |
Madankollu, fil-każ ta’ link awtomatika, il-pubbliku li jgawdi x-xogħol fl-ebda każ ma jista’ jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi l-pubbliku tas-sit ta’ oriġini ta’ dan ix-xogħol. Fil-fatt, għall-pubbliku, ma hemm l-ebda konnessjoni mas-sit ta’ oriġini, filwaqt li kollox isir fis-sit li fih il-link. Għalhekk huwa l-pubbliku ta’ dan l-aħħar sit li jibbenefika mix-xogħol. Fil-fehma tiegħi, ma jistax jiġi preżunt li d-detentur tad-drittijiet tal-awtur ħa dan il-pubbliku inkunsiderazzjoni meta ta l-awtorizzazzjoni tiegħu għat-tqegħid għad-dispożizzjoni inizjali, ħlief fil-każ tal-kostruzzjoni tal-pubbliku kkostitwit mill-utenti kollha tal-internet ( 74 ), li jmur kontra s-sentenza Renckhoff ( 75 ). Issa, sa fejn l-effett ta’ link awtomatika huwa l-istess bħal dak ta’ riproduzzjoni mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku b’mod awtonomu, ma narax raġuni sabiex jiġu ttrattati b’mod differenti. Tali differenza fit-trattament tneħħi l-effett utli kemm tal-ġurisprudenza stabbilita fis-sentenza Renckhoff kif ukoll tad-dritt esklużiv tal-awtur, ta’ natura preventiva, li kieku kien possibbli, minflok ma jiġi riprodott xogħol u jitqiegħed online, li jiġi inkorporat sempliċement fis-sit internet tiegħu permezz ta’ link awtomatika ( 76 ). |
96. |
Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li s-sitwazzjoni ta’ link awtomatika hija differenti minn dik ta’ link li tikklikkja fuqha anki mill-perspettiva tal-kunċett tad-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku kif dan huwa irregolat mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29. |
97. |
Infakkar li dan id-dritt esklużiv ikopri l-atti ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tax-xogħol b’mod li kulħadd ikun jista’ jaċċessah fil-post u fil-ħin magħżul. Dan huwa l-mod abitwali ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku fuq il-web. Għalhekk, ix-xogħol jitqiegħed għad-dispożizzjoni f’sit internet, fejn l-utenti jibdew trażmissjoni tiegħu meta jaċċessaw dan is-sit. Fil-każ ta’ links li tikklikkja fuqhom, huwa l-fatt li tiġi attivata l-link u, għalhekk, l-azzjoni tal-utent, li jibda din it-trażmissjoni. |
98. |
Fil-każ ta’ link awtomatika, it-trażmissjoni, mis-sit ta’ oriġini tax-xogħol, tibda permezz tal-awtomazzjoni inkluża fil-kodiċi HTML tas-sit li fih il-link. Dan is-sit huwa għalhekk l-oriġini tal-komunikazzjoni. Għalhekk, il-proprjetarju tiegħu għandu rwol deċiżiv fil-komunikazzjoni tax-xogħol li huwa s-suġġett tal-link lil pubbliku li ma tteħidx inkunsiderazzjoni mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur waqt it-tqegħid għad-dispożizzjoni inizjali, jiġifieri l-pubbliku tas-sit internet tiegħu stess ( 77 ). Għalhekk huwa jwettaq att ta’ komunikazzjoni supplimentari (att ta’ trażmissjoni), indipendenti kemm mit-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tax-xogħol, li jseħħ fis-sit ta’ oriġini, kif ukoll mill-att li jingħata aċċess dirett għal dan ix-xogħol li jikkostitwixxi l-fatt li titqiegħed link. Dan l-att supplimentari jitlob awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur fuq ix-xogħol inkwistjoni. |
99. |
Huwa veru li, fil-każ ta’ link awtomatika, b’differenza mis-sitwazzjoni prevalenti fil-kawża li wasslet għas-sentenza Renckhoff, id-detentur tad-drittijiet tal-awtur, bħala prinċipju, għandu l-kontroll aħħari fuq il-komunikazzjoni tax-xogħol, peress li huwa jista’ jirtira dan ix-xogħol mis-sit ta’ oriġini, u b’hekk jirrendi null kull link għalih ( 78 ). |
100. |
Madankollu, l-ewwel, kif jenfasizza ġustament il-Gvern Franċiż, il-fatt li d-detentur tad-drittijiet tal-awtur jingħata l-alternattiva definittiva li jittollera l-użu mhux awtorizzat tax-xogħol minn ħaddieħor jew li jirrinunzja għall-użu tiegħu fih innifsu jmur kontra l-idea kollha tad-drittijiet tal-awtur. L-għan tad-drittijiet tal-awtur huwa fil-fatt li jippermetti lid-detentur jagħżel liberament il-mod kif jintuża x-xogħol u li jikseb dħul minnu, mingħajr ma dan l-użu jkun jista’ jirriżulta f’użu sussegwenti mhux awtorizzat tax-xogħol inkwistjoni. |
101. |
It-tieni, id-detentur tad-drittijiet tal-awtur mhux dejjem jista’ jirtira x-xogħol minn sit internet, peress li l-użu tiegħu jista’ jkun is-suġġett ta’ kuntratt ta’ liċenzja ( 79 ). Dan id-detentur ikun għalhekk obbligat jirrevoka l-kunsens tiegħu għall-użu tax-xogħol, bil-konsegwenzi legali u finanzjarji kollha li jirriżultaw minn dan. |
102. |
Fit-tielet u l-aħħar nett, it-telf ta’ kontroll mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur fuq ix-xogħol tiegħu bl-ebda mod ma huwa kundizzjoni għall-eżistenza ta’ att li jaqa’ taħt il-monopolju tad-detentur u, għalhekk, ta’ ksur ta’ dan il-monopolju meta dan l-att jitwettaq mingħajr l-awtorizzazzjoni tiegħu. B’mod partikolari, fil-każ tal-komunikazzjoni lill-pubbliku, il-komunikazzjoni sekondarja tista’ tikkostitwixxi tali att, filwaqt li tkun dipendenti mill-komunikazzjoni inizjali magħmula mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur jew bl-awtorizzazzjoni tiegħu ( 80 ). |
103. |
Dan il-kontroll teoretiku li jeżerċita d-detentur tad-drittijiet tal-awtur fuq it-tqegħid għad-dispożizzjoni inizjali tax-xogħol ma jistax għalhekk, fil-fehma tiegħi, jiddetermina l-evalwazzjoni, mill-perspettiva tad-drittijiet tal-awtur, tal-użu sussegwenti ta’ dan ix-xogħol fil-forma ta’ link awtomatika. |
104. |
L-istess japplika għall-fatt li huwa relattivament faċli li link awtomatika ma tibqax fl-użu billi jiġi mmodifikat l-indirizz URL tax-xogħol inkwistjoni, pereżempju billi jiġi mmodifikat l-isem tal-fajl li fih dan ix-xogħol. Minn naħa, id-detentur tad-drittijiet tal-awtur mhux dejjem ikun responsabbli mit-tqegħid għad-dispożizzjoni inizjali tax-xogħol, b’mod partikolari meta dan isir fis-sit internet ta’ persuna liċenzjata. Għalhekk ma huwiex dejjem liberu li jimmodifika l-indirizz tax-xogħol, filwaqt li ma jistax ineħħih mis-sit internet. Min-naħa l-oħra, din il-miżura hija possibbli biss ladarba jiġi rrilevat l-użu tax-xogħol fil-forma ta’ link awtomatika, filwaqt li d-drittijiet esklużivi tal-awtur huma ta’ natura preventiva, kif tenfasizza l-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha ( 81 ). |
105. |
Għal dawn ir-raġunijiet, hemm lok, fil-fehma tiegħi, li ssir distinzjoni bejn il-links “li tikklikkja fuqhom”, li tirreferi għalihom il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u l-links awtomatiċi, li juru r-riżorsa li twassal għaliha l-link awtomatikament fil-paġna internet li fiha din il-link, mingħajr ma l-utent ikollu bżonn jieħu ebda azzjoni. Fil-fatt, meta dawn il-links awtomatiċi jirrigwardaw xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur, ikun hemm, kemm mill-perspettiva teknika kif ukoll dik funzjonali, att ta’ komunikazzjoni tax-xogħol intiż lil pubbliku li ma tteħidx inkunsiderazzjoni mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur meta tqiegħed għad-dispożizzjoni inizjali, jiġifieri l-pubbliku ta’ sit internet ieħor kif ukoll dak li fih seħħ dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni inizjali. |
– Is-sitwazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur
106. |
Tali interpretazzjoni tagħti lid-detenturi tad-drittijiet tal-awtur strumenti legali ta’ protezzjoni kontra l-użu mhux awtorizzat tax-xogħlijiet tagħhom fuq l-internet. Għalhekk, dan isaħħaħ il-pożizzjoni ta’ negozjar tagħhom sabiex jagħtu liċenzji għall-użu ta’ dawn ix-xogħlijiet. Fil-fatt, min jaċċetta li jħallas prezz xieraq għall-użu ta’ xogħol fuq l-internet jekk ikun possibbli u legali li jitqiegħed mingħajr ħlas link awtomatiku għas-sit internet tal-awtur jew għal kwalunkwe sit ieħor li x-xogħol inkwistjoni jitqiegħed fih għad-dispożizzjoni tal-pubbliku? |
107. |
Din is-soluzzjoni tippermetti wkoll il-flessibbiltà neċessarja fil-każijiet fejn id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur ikunu jixtiequ jawtorizzaw links awtomatiċi għax-xogħlijiet tagħhom. Fil-fatt, ċerti awturi jippubblikaw ix-xogħlijiet tagħhom fuq l-internet bil-għan tal-iktar distribuzzjoni wiesgħa possibbli tagħhom, mingħajr ma jkunu jixtiequ jiksbu dħul dirett minnhom. Dawn l-awturi jistgħu għalhekk jakkumpanjaw it-tqegħid għad-dispożizzjoni tax-xogħol tagħhom fuq l-internet b’liċenzja li tispeċifika l-modi ta’ użu awtorizzati (pereżempju, l-użu kummerċjali jew le) u l-kundizzjonijiet ta’ dan l-użu (pereżempju, l-indikazzjoni tal-isem tal-awtur), bħas-sistema tal-liċenzji “Creative Commons” ( 82 ). Il-pjattaformi ta’ qsim tal-kontenut fuq l-internet diġà jirregolaw din il-kwistjoni fil-politiki tagħhom dwar l-użu mill-ġdid tal-kontenut imniżżel mill-utenti, filwaqt li jħallu lil dawn tal-aħħar ftit jew wisq libertà f’dan ir-rigward ( 83 ). Għalkemm xi drabi qamet polemika dwar jekk dawn il-liċenzji jkoprux il-links awtomatiċi jew il-framing, din toriġina mill-inċertezza dwar l-istatus ta’ dawn it-tekniki mill-perspettiva tad-drittijiet tal-awtur. Ladarba titneħħa din l-inċertezza, il-pjattaformi jkunu jistgħu jadattaw il-kundizzjonijiet għall-użu tagħhom skont il-funzjoni ( 84 ). |
108. |
Barra minn hekk, ċerti links awtomatiċi għal xogħlijiet imqiegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fuq l-internet jistgħu mingħajr dubju jaqgħu taħt waħda mill-eċċezzjonijiet għad-dritt tal-komunikazzjoni lill-pubbliku previsti fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2001/29. Hawnhekk naħseb b’mod partikolari fl-eċċezzjonijiet ta’ kwotazzjoni kif ukoll ta’ karikatura, ta’ parodija u ta’ pastiċċ (rispettivament, l-Artikolu 5(3)(d) u (k) tad-Direttiva 2001/29) li jistgħu jkopru parti kbira mill-prattiki attwali fuq l-internet. Dan l-użu għandu, naturalment, jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-imsemmija eċċezzjonijiet. |
– Id-digriet BestWater International
109. |
Finalment, l-interpretazzjoni proposta iktar ’il fuq tista’ tidher li ma hijiex kompletament konformi mas-soluzzjoni adottata fid-digriet BestWater International ( 85 ). Madankollu għandi nifformula r-rimarki segwenti fir-rigward ta’ dan id-digriet. |
110. |
L-imsemmi digriet huwa bbażat fuq l-affermazzjoni, li tinsab fis-sentenza Svensson et, li skontha l-konstatazzjoni li link li tikklikkja fuqha ma tikkostitwixxix komunikazzjoni tax-xogħol lil pubbliku ġdid “ma tistax tiġi kkontestata jekk il-qorti tar-rinviju tikkonstata […] li, meta l-utenti tal-internet jikklikkjaw fuq il-link inkwistjoni, ix-xogħol jidher li jagħti l-impressjoni li huwa muri mis-sit fejn jinsab dan il-link, filwaqt li dan ix-xogħol fir-realtà ġej minn sit ieħor” ( 86 ). Fid-digriet BestWater International, din is-sitwazzjoni ġiet assimilata “fis-sustanza” ma’ dik ta’ inline link ( 87 ). |
111. |
Madankollu, kif esponejt fil-punti 93 sa 105 ta’ dawn il-konklużjonijiet, hemm differenza sostanzjali bejn l-inkorporazzjoni ta’ riżorsa permezz ta’ teknika tat-tip inline linking u l-links li tikklikkja fuqhom, anki meta jużaw il-framing. Issa, is-sentenza Svensson et ( 88 ) tikkonċerna biss il-links li tikklikkja fuqhom. Għalhekk, din is-sentenza ma setgħetx validament isservi bħala bażi għal digriet dwar l-inline linking. Inċidentalment, kien jidher li l-kawża prinċipali f’din il-kawża kienet tikkonċerna link li tikklikkja fuqha. Id-dispożittiv tad-digriet BestWater International ma jsemmix l-inline linking, iżda biss il-framing ( 89 ). |
112. |
Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju, fil-formulazzjoni tad-domanda fil-kawża li wasslet għad-digriet BestWater International ( 90 ), u, sussegwentement, dan id-digriet, kienu naqsu milli jieħdu inkunsiderazzjoni ċerti ċirkustanzi fattwali li, kieku kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni, kellhom iwasslu għall-adozzjoni ta’ soluzzjoni differenti f’din il-kawża. L-ewwel, din il-kawża kienet tikkonċerna l-inkorporazzjoni fuq sit internet ta’ xogħol awdjoviżiv imqiegħed online fuq il-pjattaforma YouTube. Issa, kif semmejt ( 91 ), il-kundizzjonijiet għall-użu ta’ din il-pjattaforma jinkludu liċenzja espressa għall-użu minn terzi tal-kontenut imqiegħed online fuq din il-pjattaforma. Sa fejn naf jien, dan kien il-każ diġà fiż-żmien meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali fil-kawża inkwistjoni. It-tieni, ix-xogħol inkwistjoni kien tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fuq l-imsemmija pjattaforma mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur ( 92 ). Għalhekk jista’ jkun li l-kawża kellha tiġi deċiża skont il-prinċipji stabbiliti sussegwentement mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha GS Media ( 93 ). |
113. |
Għalhekk, jiena tal-fehma li d-digriet BestWater International ( 94 ) ma għandux jiġi kkunsidrat bħala preċedent vinkolanti fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-links awtomatiċi fid-dawl tad-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku kif previst fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29. |
– Il-bilanċ bejn l-interessi differenti inkwistjoni
114. |
Id-differenza fit-trattament li nipproponi li tiġi applikata, minn naħa, għal-links li tikklikkja fuqhom li jużaw il-framing u, min-naħa l-oħra, għal-links awtomatiċi kif iddefinixxejthom iktar ’il fuq, tista’ ma tidhirx iġġustifikata b’mod evidenti. Fil-fatt, ladarba l-utent ikun ikklikkja fuq il-link, ir-riżultat ta’ dawn iż-żewġ tekniki huwa, fil-fehma tiegħu, simili: l-għan tal-link jidher bħala parti integrali mill-paġna internet li fiha l-link. Għalhekk, wieħed jista’ leġittimament jistaqsi jekk il-links li tikklikkja fuqhom li jużaw il-framing għandhomx, bħal-links awtomatiċi, jiġu kkunsidrati bħala atti ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku meta dawn jidderieġu lejn xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur. |
115. |
Madankollu, minbarra d-differenzi tekniċi u funzjonali bejn dawn iż-żewġ tipi ta’ links deskritti fil-punti 93 sa 98 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jidhirli li din id-distinzjoni tippermetti li jintlaħaq aħjar wieħed mill-għanijiet tad-Direttiva 2001/29 li huwa li jiġi żgurat bilanċ ġust bejn l-interessi tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur u dawk tal-utenti ( 95 ). Fil-fatt, spiss ikun diffiċli għall-utent li jkun jaf b’ċertezza jekk l-oġġett li jkun għamel link għalih fil-paġna internet tiegħu jikkostitwixxix xogħol protett mid-drittijiet tal-awtur. Anki link sempliċi ma hijiex ħielsa minn kull riskju, minħabba li l-paġna prinċipali ta’ sit internet jew dan is-sit kollu jistgħu jikkostitwixxu tali xogħol. Din id-diffikultà għandha l-effett li tiskoraġġixxi lill-utenti tal-internet, sa fejn fil-fehma tiegħi tkun sproporzjonata meta mqabbla mal-interessi leġittimi tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur, milli jirrikorru għall-framing, għalkemm mifrux fuq l-internet u utli għall-funzjonament tiegħu u għall-attrazzjoni ta’ diversi siti internet. |
116. |
Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li d-distinzjoni bejn links li tikklikkja fuqhom u links awtomatiċi hija faċilment perċepibbli għal kull utent tal-internet u ma għandha toħloq l-ebda inċertezza. Inċidentalment, huwa rari li l-links awtomatiċi jintużaw sabiex jiġu inkorporati paġni jew siti internet sħaħ. Din it-teknika normalment isservi sabiex jiġu inkorporati fajls grafiċi u awdjoviżivi. |
117. |
Min-naħa l-oħra, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-hyperlinks kienu jikkontribwixxu għall-funzjonament tajjeb tal-internet billi jippermettu t-tixrid ta’ informazzjoni f’dan in-network ( 96 ), dan huwa mingħajr dubju veru fir-rigward tal-links li tikklikkja fuqhom ( 97 ). Madankollu, ma naħsibx li l-istess argument jista’ jitressaq fir-rigward tal-links awtomatiċi. Għall-kuntrarju, dawn il-links “jevokaw” il-kontenut preżenti fuq il-web, filwaqt li jeżentaw lill-utenti milli “jinnavigaw” bejn is-siti internet differenti. Għalhekk dawn jikkontribwixxu għall-monopolizzazzjoni tal-web u għall-konċentrazzjoni tal-informazzjoni f’numru ristrett ta’ servizzi dominanti fis-suq li jappartjenu għal numru saħansitra iktar limitat ta’ kumpanniji. |
118. |
Għalhekk jidhirli li l-bilanċ bejn l-interessi differenti inkwistjoni jiġġustifika differenza fit-trattament bejn il-links li tikklikkja fuqhom, inklużi dawk li jużaw il-framing, u l-links awtomatiċi. Fil-fatt, għalkemm jista’ jiġi preżunt li d-detenturi tad-drittijiet tal-awtur ħadu inkunsiderazzjoni dawk tal-ewwel billi awtorizzaw it-tqegħid għad-dispożizzjoni fuq l-internet tax-xogħlijiet tagħhom, wieħed ma jistax jeżiġi minnhom li jittolleraw dawk tat-tieni. |
119. |
Għalhekk, nipproponi li jiġi deċiż li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni l-fatt li f’paġna internet jiġu inkorporati xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur imqiegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku b’aċċess liberu bl-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur f’siti internet oħra b’tali mod li dawn ix-xogħlijiet jintwerew awtomatikament fuq din il-paġna sa mill-ftuħ tagħha, mingħajr l-ebda azzjoni addizzjonali tal-utent. |
120. |
Din il-kunsiderazzjoni tapplika indipendentement mill-fatt li x-xogħol ikun eventwalment inkorporat fil-forma ta’ thumbnail jew li, bħal fil-kawża prinċipali, is-sors tal-inkorporazzjoni jkun thumbnail tax-xogħol oriġinali. Fil-fatt, il-modifika tad-daqs ma għandhiex rwol fl-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, sakemm l-elementi oriġinali tax-xogħol ikunu perċettibbli ( 98 ). Barra minn hekk, id-daqs ta’ immaġni f’paġna internet huwa relattiv, minħabba li jiddependi mir-riżoluzzjoni tal-immaġni u mid-daqs tal-iskrin li fuqu din hija viżwalizzata. Id-daqs tal-wiri ma huwiex adattat biss għad-disinn tal-paġna internet iżda wkoll, normalment, għad-daqs tal-iskrin tal-apparat li fuqu tinfetaħ din il-paġna. Min-naħa l-oħra, l-immaġnijiet rarament jintwerew fid-daqs reali tagħhom, peress li dan spiss jaqbeż, fir-rigward tal-fajls moderni, id-daqs ta’ skrin standard ta’ kompjuter. Għalhekk huwa diffiċli li jiġi ddeterminat dak li jikkostitwixxi thumbnail jew id-daqs “normali” tal-immaġni. |
Il-miżuri ta’ protezzjoni
121. |
L-interpretazzjoni li nipproponi li tingħata fir-rigward tal-links awtomatiċi madankollu ma tirrispondix kompletament id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, il-fatt li l-links awtomatiċi jiġu kkunsidrati bħala atti ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ma jsolvix il-problema, imqajma fid-domanda preliminari, dwar jekk l-użu tal-framing fil-każ tal-links li tikklikkja fuqhom għandux jiġi kkunsidrat ukoll bħala komunikazzjoni lill-pubbliku meta dawn il-links jevitaw il-miżuri tekniċi ta’ protezzjoni kontra l-framing. |
122. |
Skont VG Bild-Kunst, il-Gvern Franċiż kif ukoll il-Kummissjoni, din id-domanda għandha tingħata risposta fl-affermattiv. Din hija wkoll l-pożizzjoni tal-qorti tar-rinviju. |
123. |
Għandi nammetti li din is-soluzzjoni mal-ewwel daqqa ta’ għajn tidher li hija sorprendenti. Din ċertament għandha l-mertu li hija ċara. Kif josserva l-Gvern Franċiż, l-użu ta’ miżuri tekniċi ta’ protezzjoni jindika b’mod ċar ir-rieda tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur li ma jippermettix l-aċċess tal-pubbliku għax-xogħol tiegħu permezz ta’ hyperlinks li jużaw il-framing. Din l-espressjoni ta’ rieda tiddelimita b’ċertezza ċ-ċirku ta’ persuni meħuda inkunsiderazzjoni mill-imsemmi detentur waqt it-tqegħid għad-dispożizzjoni inizjali tax-xogħol. |
124. |
Madankollu, naħseb li tali interpretazzjoni tmur kontra diversi argumenti ewlenin. |
125. |
L-ewwel, f’diversi sitwazzjonijiet ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ xogħlijiet protetti fuq l-internet (jew, b’mod iktar preċiż, fuq il-web), id-detentur tad-drittijiet tal-awtur ma huwiex f’pożizzjoni li jiddeċiedi dwar l-użu ta’ miżuri tekniċi ta’ protezzjoni. Dan huwa b’mod partikolari l-każ tax-xogħlijiet imqiegħda online b’liċenzja, jiġifieri mhux mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur innifsu, iżda minn terz bl-awtorizzazzjoni tiegħu ( 99 ). Dan huwa wkoll il-każ tax-xogħlijiet imqiegħda online fuq pjattaformi differenti ta’ qsim, li l-utenti tagħhom la jikkontrollaw il-politika ta’ protezzjoni tal-kontenut u lanqas l-użu ta’ miżuri tekniċi għall-finijiet ta’ din il-protezzjoni. Fl-aħħar, din il-kawża turi li s-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur jistgħu jeżiġu l-użu ta’ tali miżuri ta’ protezzjoni, mingħajr ma jkunu espressament awtorizzati mill-membri tagħhom. |
126. |
F’dawn is-sitwazzjonijiet kollha, ma narax kif huwa possibbli li jitqies li l-użu, jew le, ta’ miżuri tekniċi ta’ protezzjoni jirrifletti kwalunkwe rieda tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur fir-rigward tal-aċċess għax-xogħol tiegħu permezz ta’ hyperlinks li jużaw il-framing. |
127. |
It-tieni, is-soluzzjoni prevista hija bbażata fuq analoġija mas-soluzzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Svensson et, li skontha “fil-każ li link li tikklikkja fuqu jippermetti lill-utenti tas-sit li fuqu dan il-link jidher li jevita miżuri ta’ restrizzjoni implementati mis-sit li fuqu jinsab ix-xogħol protett sabiex jirrestrinġi l-aċċess mill-pubbliku għall-dawk l-abbonati biss u, għalhekk, jikkostitwixxi intervent li mingħajru l-imsemmija utenti ma jistgħux jibbenefikaw minn xogħlijiet trażmessi, dawn l-utenti kollha għandhom jitqiesu bħala pubbliku ġdid, li ma ttieħidx inkunsiderazzjoni mit-titulari tad-dritt tal-awtur meta huma awtorizzaw il-komunikazzjoni inizjali b’tali mod li l-awtorizzazzjoni tat-titulari hija meħtieġa għall tali komunikazzjoni lill-pubbliku” ( 100 ). Fi kliem ieħor, hyperlink tagħti lok għal awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur biss meta din twessa’ ċ-ċirku tal-pubbliku li għandu aċċess għax-xogħol meta mqabbel mal-pubbliku li ttieħed inkunsiderazzjoni mill-imsemmi detentur waqt it-tqegħid għad-dispożizzjoni inizjali, b’mod partikolari filwaqt li jiġu evitati l-miżuri ta’ restrizzjoni ta’ aċċess użati waqt dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni inizjali. |
128. |
Madankollu, hemm differenza fundamentali bejn il-miżuri ta’ restrizzjoni ta’ aċċess inkwistjoni f’din is-sentenza u l-miżuri ta’ protezzjoni kontra l-framing. Il-miżuri ta’ restrizzjoni ta’ aċċess effettivament jillimitaw iċ-ċirku ta’ persuni li jista’ jkollhom aċċess għax-xogħol inkwistjoni. Il-persuni li jaċċessawh billi jevitaw dawn il-miżuri jikkostitwixxu għalhekk pubbliku ġdid, jiġifieri pubbliku li ma tteħidx inkunsiderazzjoni mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur waqt it-tqegħid għad-dispożizzjoni tax-xogħol tiegħu. Għalkemm huwa veru li l-imsemmi detentur mhux dejjem għandu l-kontroll fuq l-użu ta’ dawn il-miżuri, dan l-użu normalment jikkostitwixxi element tan-negozjar tal-prezz tal-liċenzja għall-użu, minħabba li dan jiddetermina d-dħul mistenni minn dan l-użu u, għalhekk, il-valur tal-liċenzja. Għalhekk, id-detentur tad-drittijiet tal-awtur jieħu inkunsiderazzjoni dawn il-miżuri ta’ restrizzjoni billi jaċċetta prezz tal-liċenzja. Fir-rigward tal-każijiet ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tax-xogħlijiet mid-detenturi tad-drittijiet tal-awtur innifishom, dawn tal-aħħar normalment ikollhom ċertu grad ta’ kontroll fuq iċ-ċirku ta’ persuni li għandhom aċċess għax-xogħlijiet. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, tas-siti internet mibnija “skont l-ordni”, iżda wkoll tal-pjattaformi ta’ qsim li jippermettu, normalment, mill-inqas li jispeċifikaw jekk it-tqegħid online għandux natura “pubblika” jew “privata”. Għalhekk, fil-fehma tiegħi jista’ jiġi kkunsidrat li l-għażla li saret dwar dan is-suġġett mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur tirrifletti effettivament, fi kwalunkwe każ fil-parti l-kbira tas-sitwazzjonijiet, ir-rieda tiegħu fir-rigward tal-pubbliku li huwa kien ħa inkunsiderazzjoni waqt it-tqegħid għad-dispożizzjoni inizjali tax-xogħol. |
129. |
Dan huwa totalment differenti fil-każ ta’ miżuri ta’ protezzjoni kontra l-framing. Fil-fatt, dawn il-miżuri la jirrestrinġu l-aċċess għax-xogħol u lanqas jirrestrinġu mod ta’ aċċess għalih, iżda jirrestrinġu biss mod kif jintwerew fuq l-iskrin. Dawn spiss jissarrfu f’rifjut tal-browser li jiftaħ il-paġna mmirata tal-link f’kaxxa, li, sussegwentement, jiġi propost li din il-paġna tinfetaħ f’tieqa ġdida, jew tinfetaħ awtomatikament minflok il-paġna li fiha l-link. Għalhekk il-link issir bħal hyperlink standard. Għaldaqstant fl-ebda każ ma tista’ tkun kwistjoni ta’ pubbliku ġdid, minħabba li l-pubbliku huwa dejjem l-istess: dak tas-sit internet immirat mil-link. Għaldaqstant, ma hemmx analoġija mal-miżuri ta’ restrizzjoni ta’ aċċess għax-xogħol fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-eżistenza tal-pubbliku ġdid. Għalhekk, apparti l-fatt li l-użu ta’ tali miżuri jirrifletti biss rarament ir-rieda tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur, dawn il-miżuri ma jiddeterminawx iċ-ċirku ta’ persuni li ttieħdu inkunsiderazzjoni bħala pubbliku potenzjali tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tax-xogħol. L-evitar eventwali tagħhom ma jestendix għalhekk dan iċ-ċirku u għaldaqstant ma jistax jikkostitwixxi att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku skont it-teorija tal-pubbliku ġdid. |
130. |
Fit-tielet u l-aħħar nett, is-soluzzjoni li tikkonsisti fl-irbit tal-portata tad-drittijiet esklużivi tal-awtur mal-applikazzjoni mhux ta’ miżuri tekniċi ta’ restrizzjoni ta’ aċċess, iżda ta’ miżuri tekniċi ta’ protezzjoni kontra ċerti prattiki fuq l-internet, twassal fil-fehma tiegħi d-drittijiet tal-awtur tal-Unjoni f’direzzjoni perikoluża. Fil-fatt, tali soluzzjoni tfisser li l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ protezzjoni teknika hija kundizzjoni preliminari għall-protezzjoni legali mogħtija mid-drittijiet tal-awtur u tmur kontra l-prinċipju li skontu l-protezzjoni mogħtija mid-drittijiet tal-awtur hija inkundizzjonata ( 101 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ċaħdet espliċitament l-idea li l-protezzjoni mogħtija mid-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku tista’ tkun ikkundizzjonata mill-fatt li d-detentur tad-drittijiet tal-awtur jirrestrinġi l-possibbiltà tal-użu tax-xogħol mill-utenti tal-internet ( 102 ). |
131. |
Fil-fehma tiegħi, huwa ppreferut li tiġi ddelimitata b’mod ċert il-portata tad-drittijiet esklużivi tal-awtur u li jiġu permessi soluzzjonijiet ta’ esklużjoni fakultattiva, bħal dawk deskritti fil-punt 107 ta’ dawn il-konklużjonijiet, pjuttost milli tiġi ttrasformata s-sistema tad-drittijiet tal-awtur, fir-rigward tal-użu online, f’sistema ta’ inklużjoni fakultattiva kkundizzjonata mill-applikazzjoni ta’ miżuri tekniċi ta’ protezzjoni. L-għanijiet tad-Direttiva 2001/29 intiżi, minn naħa, sabiex jiġi stabbilit livell għoli ta’ protezzjoni tad-detenturi tad-drittijiet u, min-naħa l-oħra, sabiex jiġi żgurat bilanċ ġust bejn l-interessi tal-imsemmija detenturi u dawk tal-utenti ( 103 ), għalhekk jintlaħqu aħjar. |
132. |
Għar-raġunijiet kollha li għadni kif esponejt, nipproponi li tingħata r-risposta għad-domanda preliminari li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma tikkostitwixxix komunikazzjoni lill-pubbliku, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, l-inkorporazzjoni permezz tal-framing fis-sit internet ta’ terz ta’ xogħol imqiegħed għad-dispożizzjoni, bil-kunsens tad-detentur tad-drittijiet, ta’ aċċess liberu fuq sit internet, meta din l-inkorporazzjoni tevita miżuri ta’ protezzjoni kontra l-framing adottati jew imposti mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur. |
L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/29
133. |
Jista’ jkun rilevanti wkoll, għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, li jiġi ddeterminat jekk il-miżuri tekniċi ta’ protezzjoni kontra l-inkorporazzjoni f’paġni internet ta’ xogħlijiet li jinsabu f’siti internet oħra jistgħux huma stess jibbenefikaw mill-protezzjoni, legali din id-darba, skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/29. |
134. |
Skont dan l-artikolu, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jiżguraw protezzjoni legali kontra l-evitar, li jsir b’għarfien sħiħ tal-kunsiderazzjonijiet, ta’ kull miżura ta’ protezzjoni effikaċi. Il-miżuri ta’ protezzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni huma, b’mod partikolari, it-teknoloġiji intiżi sabiex jipprevjenu jew jillimitaw l-atti mhux awtorizzati mid-detenturi tad-drittijiet tal-awtur. Dawn għandhom jitqiesu bħala effikaċi meta jagħtu lill-imsemmija detenturi l-kontroll tal-użu tax-xogħol permezz ta’, b’mod partikolari, kull trasformazzjoni tax-xogħol. |
135. |
Jidher li l-miżuri ta’ protezzjoni kontra l-inkorporazzjoni tax-xogħlijiet minn siti internet oħra jissodisfaw, bħala prinċipju, dawn il-kundizzjonijiet. Fil-fatt, dawn huma teknoloġiji li, permezz ta’ trasformazzjoni tax-xogħol, jiġifieri l-kodiċi tal-paġna internet li fiha dan ix-xogħol, jagħtu lid-detentur tad-drittijiet tal-awtur il-kontroll fuq l-użu tax-xogħol fil-forma tal-inkorporazzjoni tiegħu f’sit internet ieħor. Għalkemm dawn il-miżuri ma jistgħux jipprevjenu kompletament tali użu, minħabba li hemm “kontromiżuri”, dawn jistgħu ċertament jillimitawh. |
136. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, madankollu, li l-protezzjoni legali prevista fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/29 tapplika biss għall-protezzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur kontra l-atti li għalihom hija meħtieġa l-awtorizzazzjoni tiegħu ( 104 ). Issa, kif nipproponi li jiġi deċiż, l-inkorporazzjoni ta’ xogħlijiet li ġejjin minn siti internet oħra permezz ta’ links li tikklikkja fuqhom li jużaw il-framing ma teżiġix l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur, peress li dan huwa meqjus li jkun tah waqt it-tqegħid għad-dispożizzjoni inizjali tax-xogħol. Għalhekk, il-miżuri ta’ protezzjoni kontra tali atti, għalkemm legali, ma jibbenefikawx mill-protezzjoni skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/29. |
137. |
Min-naħa l-oħra, l-inkorporazzjoni ta’ xogħlijiet li ġejjin minn siti internet oħra permezz ta’ links awtomatiċi (inline linking) teżiġi, skont il-proposta tiegħi, l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur. Il-miżuri tekniċi ta’ protezzjoni kontra tali inkorporazzjoni jaqgħu għalhekk taħt l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/29. |
138. |
Għalhekk nipproponi li jiġi kkunsidrat li l-miżuri tekniċi ta’ protezzjoni kontra l-inkorporazzjoni f’paġna internet ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur imqiegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku b’aċċess liberu bl-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur f’siti internet oħra, b’tali mod li dawn jintwerew awtomatikament sa mill-ftuħ ta’ din il-paġna, mingħajr l-ebda azzjoni addizzjonali tal-utent, jikkostitwixxu miżuri ta’ protezzjoni effikaċi fis-sens tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/29. |
Konklużjoni
139. |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, nipproponi li tingħata r-risposta li ġejja għad-domanda preliminari magħmula mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja):
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Sabiex jinstabu r-riżorsi fuq l-internet, dawn l-indirizzi URL għandhom jiġu kkonvertiti, bl-għajnuna tas-servers DNS (domain name server), f’indirizzi IP (internet protocol) tas-servers li jospitaw dawn ir-riżorsi. Din l-operazzjoni ma hijiex importanti mill-perspettiva tad-drittijiet tal-awtur.
( 3 ) Sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2016, GS Media (C‑160/15, EU:C:2016:644, punt 45).
( 4 ) Normalment, hyperlink hija fformulata kif ġej: “<a href=“[indirizz URL tar-riżorsa mmirata]”>[id-deskrizzjoni tal-link fil-paġna ta’ oriġini]</a>”. It-tag <a> tindika li din hija link u l-post tal-paġna li fih il-link hija “ankrata”.
( 5 ) Ir-referenzi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn il-konklużjonijiet (fil-verżjoni elettronika) huma eżempji ta’ deep links.
( 6 ) Jeżistu tags oħra biex jiġu inkorporati tipi oħra ta’ fajls bħal “<audio>”, “<video>”, “<object>” jew “<embed>”.
( 7 ) Għalhekk l-istruzzjoni għandha l-forma li ġejja: “<img src=“[indirizz URL assolut tal-fajl grafiku]”>”.
( 8 ) It-tag “<iframe>”.
( 9 ) Billi jingħata l-isem tal-inline frame bħala valur tal-attribut “immirat” (target) fid-deskrizzjoni tal-link fil-lingwa HTML (“<a href=“[indirizz URL tal-link]” target=“[isem tal-iframe]”>[deskrizzjoni viżibbli tal-link]</a>”).
( 10 ) Għall-informazzjoni teknika li tikkonċerna l-funzjonalitajiet differenti tal-lingwa HTML, nirreferi b’mod partikolari għas-siti https://developer.mozilla.org u https://www.w3schools.com/html.
( 11 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑13 ta’ Frar 2014, Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76, punt 1 tad-dispożittiv).
( 12 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230.
( 13 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Marzu 1996 dwar il-protezzjoni legali ta’ databases (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 459).
( 14 ) ĠU 2014, L 84, p. 72.
( 15 ) BGBl. 1965 I, p. 1273.
( 16 ) BGBl. 2016 I, p. 1190.
( 17 ) F’dawn il-konklużjonijiet, ser nitkellem, għas-sempliċità, dwar id-dritt li l-awturi għandhom fuq ix-xogħlijiet tagħhom. Madankollu, l-istess analiżi tapplika, mutatis mutandis, għall-oġġetti protetti l-oħra, b’mod partikolari dawk elenkati fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/29.
( 18 ) Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, tar-radju online (web radio).
( 19 ) Sentenza tat‑13 ta’ Frar 2014 (C‑466/12, EU:C:2014:76).
( 20 ) Sentenza tat‑13 ta’ Frar 2014, Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76, punti 18 sa 20).
( 21 ) Sentenza tat‑13 ta’ Frar 2014, Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76, punt 22).
( 22 ) Sentenza tat‑13 ta’ Frar 2014, Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76, punti 25 sa 27).
( 23 ) Sentenza tat‑13 ta’ Frar 2014, Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 24 ) Sentenza tat‑13 ta’ Frar 2014, Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76, punt 27).
( 25 ) Sentenza tat‑13 ta’ Frar 2014, Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76, punt 31).
( 26 ) Digriet tal‑21 ta’ Ottubru 2014, BestWater International (C‑348/13, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2315, dispożittiv).
( 27 ) Sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2016, GS Media (C‑160/15, EU:C:2016:644, punt 43).
( 28 ) Sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2016, GS Media (C‑160/15, EU:C:2016:644, punt 49).
( 29 ) Sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2016, GS Media (C‑160/15, EU:C:2016:644, punt 51).
( 30 ) Din il-ġurisprudenza kienet ukoll is-suġġett ta’ għadd kbir ta’ kummenti, ftit jew wisq kritiċi, għal dak li jirrigwarda l-kummentarji. Madankollu, dawn il-kummentarji ma humiex unanimi, b’mod partikolari fir-rigward tat-trattament xieraq li għandu jingħata lill-hyperlinks fil-kuntest tad-drittijiet tal-awtur tal-Unjoni. Pereżempju, ser insemmi l-pożizzjonijiet adottati dwar dan is-suġġett minn tliet assoċjazzjonijiet tad-drittijiet tal-awtur: Association littéraire et artistique internationale, ALAI Report and Opinion on a Berne-compatible reconciliation of hyperlinking and the communication to the public right on the internet, adottata fis‑17 ta’ Ġunju 2015 (li temenda l-pożizzjoni dwar l-istess suġġett adottata fil‑15 ta’ Settembru 2013); European Copyright Society, Opinion on the Reference to the CJEU in Case C‑466/12 Svensson, tat‑18 ta’ Frar 2013, u International Association for the Protection of Intellectual Property, Resolution on Linking and Making Available on the Internet, tal‑20 ta’ Settembru 2016. Il-konklużjonijiet diverġenti ta’ dawn il-pożizzjonijiet juru li ma teżistix soluzzjoni unika u evidenti għall-problema tal-klassifikazzjoni tal-hyperlinks mill-perspettiva tad-dritt tal-komunikazzjoni ta’ xogħlijiet lill-pubbliku.
( 31 ) Sentenza tat‑13 ta’ Frar 2014 (C‑466/12, EU:C:2014:76).
( 32 ) Għal analiżi fil-fond ta’ dan l-aspett, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża GS Media (C‑160/15, EU:C:2016:221, punti 48 sa 60).
( 33 ) European Copyright Society, op. cit.
( 34 ) Sentenza tat‑13 ta’ Frar 2014, Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76, punt 19).
( 35 ) L-apparenza tar-riżultat tista’ tkun differenti għall-utent skont il-mod kif tinfetaħ il-paġna internet immirata mil-link: minflok il-paġna tat-tluq tal-link, f’tieqa ġdida tal-browser jew f’kaxxa fil-paġna tat-tluq (link li tuża l-framing). B’mod partikolari, f’din l-aħħar sitwazzjoni, l-utent jista’ jkollu l-impressjoni li jkun konness biss mal-paġna tat-tluq tal-link. Madankollu, f’dawn il-każijiet kollha l-funzjonament tekniku huwa l-istess – tiġi stabbilita konnessjoni diretta mas-sit immirat mil-link.
( 36 ) Sentenza tat‑13 ta’ Frar 2014, Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76, punt 18).
( 37 ) Sentenza tat‑13 ta’ Frar 2014 (C‑466/12, EU:C:2014:76).
( 38 ) Sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2016, GS Media (C‑160/15, EU:C:2016:644, dispożittiv).
( 39 ) Sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2016, GS Media (C‑160/15, EU:C:2016:644, punti 44 sa 49).
( 40 ) Skont il-kummentarji, din is-soluzzjoni tista’ madankollu tkun neċessarja sabiex jittaffew l-effetti ta’ aċċettazzjoni wiesgħa adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-portata tad-dritt esklużiv ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku (ara Husovec, M., “How Europe Wants to Redefine Global Online Copyright Enforcement”, f’Synodinou, T.E. (editur), Pluralism or Universalism in International Copyright Law, Wolters Kluwer, 2019, p. 513 et seq., b’mod partikolari p. 526).
( 41 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali La Pergola fil-kawża Egeda (C‑293/98, EU:C:1999:403, b’mod partikolari punt 22).
( 42 ) Sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2006, SGAE (C‑306/05, EU:C:2006:764, punt 40).
( 43 ) Ara, reċentement, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Nederlands Uitgeversverbond u Groep Algemene Uitgevers (C‑263/18, EU:C:2019:1111, punt 70).
( 44 ) L-espressjoni hija ta’ Karapapa, S., “The requirement for a ‘new public’ in EU copyright law”, European Law Review, Nru 42/2017, p. 63, li madankollu tużaha f’kuntest ftit differenti.
( 45 ) Ara, fil-kuntest tal-hyperlinks, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑13 ta’ Frar 2014, Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76, punti 24 sa 27).
( 46 ) Diġà fformulajt osservazzjonijiet simili fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Stichting Brein (C‑610/15, EU:C:2017:99, punt 3). Ara, f’dan is-sens, Rosati, E., “When Does a Communication to the Public under EU Copyright Law Need to Be to a ‘New Public’?”, SSRN (papers.ssrn.com), 2 ta’ Lulju 2020. Madankollu, ara wkoll, għal opinjoni kuntrarja, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-kawżi magħquda YouTube u Cyando (C‑682/18 u C‑683/18, EU:C:2020:586, b’mod partikolari l-punti 94 sa 106).
( 47 ) Ara, rispettivament, is-sentenzi tal‑14 ta’ Ġunju 2017, Stichting Brein (C‑610/15, EU:C:2017:456, dispożittiv), u tas‑26 ta’ April 2017, Stichting Brein (C‑527/15, EU:C:2017:300, punt 1 tad-dispożittiv).
( 48 ) Sentenzi tal‑14 ta’ Ġunju 2017, Stichting Brein (C‑610/15, EU:C:2017:456, punt 37), u tas‑26 ta’ April 2017, Stichting Brein (C‑527/15, EU:C:2017:300, punt 50).
( 49 ) Sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Pelham et (C‑476/17, EU:C:2019:624, punt 1 tad-dispożittiv).
( 50 ) Ara l-punti 52 sa 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 51 ) Ara l-punti 37 sa 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 52 ) Sentenza tat‑13 ta’ Frar 2014, Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 53 ) Sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2016, Soulier u Doke (C‑301/15, EU:C:2016:878, punti 33 sa 35).
( 54 ) Sentenza tat‑13 ta’ Frar 2014 (C‑466/12, EU:C:2014:76).
( 55 ) Sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2016, Soulier u Doke (C‑301/15, EU:C:2016:878, punt 36). Enfasi miżjuda minni.
( 56 ) Sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018 (C‑161/17, EU:C:2018:634).
( 57 ) Kif sostniet inċidentalment ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali f’din il-kawża (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Renckhoff, C‑161/17, EU:C:2018:634, punt 27).
( 58 ) Sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Renckhoff (C‑161/17, EU:C:2018:634, punt 33).
( 59 ) Sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Renckhoff (C‑161/17, EU:C:2018:634, punt 35). Enfasi miżjuda minni.
( 60 ) Sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018 (C‑161/17, EU:C:2018:634).
( 61 ) Sentenza tat‑13 ta’ Frar 2014 (C‑466/12, EU:C:2014:76).
( 62 ) Skont is-sentenza tat‑13 ta’ Frar 2014, Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76).
( 63 ) Sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018 (C‑161/17, EU:C:2018:634, punt 35).
( 64 ) Ara l-punti 9 u 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 65 ) Ara l-punt 73 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 66 ) Bħal, pereżempju, l-użu ħażin ta’ paternità.
( 67 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2016, Soulier u Doke (C‑301/15, EU:C:2016:878, punt 38).
( 68 ) Għandi nispeċifika wkoll li għandha ssir distinzjoni bejn il-fatt li tiġi attivata link permezz ta’ “klikk” u l-azzjonijiet li l-utent għandu jagħmel fuq l-internet għal finijiet oħra, pereżempju sabiex jibda vidjo jew reġistrazzjoni ta’ ħoss, u li jeħtieġu wkoll li jikklikkja. Dawn l-azzjonijiet ma għandhom l-ebda importanza mill-perspettiva tad-dritt tal-komunikazzjoni lill-pubbliku, peress li dawn iseħħu wara li l-utent kellu aċċess għax-xogħol.
( 69 ) Sentenza tat‑13 ta’ Frar 2014 (C‑466/12, EU:C:2014:76).
( 70 ) Sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2016 (C‑160/15, EU:C:2016:644).
( 71 ) Il-premessa li skontha l-kategoriji kollha ta’ links ma jistgħux jiġu ttrattati bl-istess mod ġust minħabba l-mod tekniku ta’ funzjonament simili tagħhom titqajjem ukoll, kemm fil-ġurisprudenza kif ukoll fil-kummentarji, fl-Istati Uniti. Is-siltiet li ġejjin huma l-iktar ix-xogħol ta’ Ginsberg, J.C., u Budiardjo, L.A., “Embedding Content or Interring Copyright: Does the Internet Need the ‘Server Rule’?”, Columbia Journal of Law & the Arts, Nru 42/2019, p. 417, minkejja li dawn l-awturi jipproponu li kemm l-inline linking kif ukoll il-framing jitqiesu bħala li jaqgħu taħt id-dritt esklużiv tal-awtur.
( 72 ) Sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018 (C‑161/17, EU:C:2018:634).
( 73 ) Qiegħed inħalli barra effetti oħra mhux mixtieqa tal-links awtomatiċi li ma jaqgħux taħt il-qasam tad-drittijiet patrimonjali tal-awtur, bħall-ksur tad-drittijiet morali, iċ-ċaħda tad-dħul mir-reklamar marbut mal-użu tax-xogħol, il-kompetizzjoni żleali jew anki l-fenomenu tas-“serq tal-broadwidth” (użu tal-broadwidth tas-server tas-sit internet immirat mil-link favur is-sit li fih il-link).
( 74 ) Ara l-punti 68 sa 72 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 75 ) Sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018 (C‑161/17, EU:C:2018:634).
( 76 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Renckhoff (C‑161/17, EU:C:2018:634, punt 30).
( 77 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Renckhoff (C‑161/17, EU:C:2018:634, punti 45 u 46).
( 78 ) Sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Renckhoff (C‑161/17, EU:C:2018:634, punti 30 u 44).
( 79 ) Fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Renckhoff (C‑161/17, EU:C:2018:634), ix-xogħol ma kienx ġie riprodott minn sit li jappartjeni lid-detentur tad-drittijiet tal-awtur, iżda lil persuna liċenzjata.
( 80 ) Pereżempju trażmissjoni mill-ġdid tas-sinjal tat-televiżjoni fil-kmamar ta’ lukanda, ara s-sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2006, SGAE (C‑306/05, EU:C:2006:764).
( 81 ) Sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Renckhoff (C‑161/17, EU:C:2018:634, punt 29).
( 82 ) Il-liċenzji Creative Commons jikkostitwixxu sett ta’ liċenzji li jirregolaw il-kundizzjonijiet ta’ użu mill-ġdid u ta’ distribuzzjoni ta’ xogħlijiet, b’mod partikolari fuq l-internet, imfassla minn organizzazzjoni mingħajr skop ta’ lukru eponimika stabbilita fl-Istati Uniti. Din is-sistema tipprevedi liċenzji differenti skont tliet kriterji li jistgħu jiġu liberament ikkombinati mill-awtur tax-xogħol meta jitqiegħed għad-dispożizzjoni: użu kummerċjali jew mhux kummerċjali, natura li tista’ tiġi mmodifikata jew li ma tistax tiġi mmodifikata tax-xogħol oriġinali u l-kundizzjoni eventwali tad-distribuzzjoni tax-xogħol idderivat taħt l-istess liċenzja. Sistema ta’ sinjali, imdaħħla fix-xogħol permezz ta’ kodiċijiet HTML, tippermetti li l-pubbliku jiġi informat bil-liċenzja applikabbli.
( 83 ) Pereżempju, il-kundizzjonijiet għall-użu tas-servizz YouTube jistipulaw: “Inti tagħti […] lil kull utent tas-servizz liċenzja għad-dinja kollha, mhux esklużiva u ħielsa minn drittijiet li jippermettu l-aċċess għall-kontenut tiegħek permezz tas-servizz, u li jintuża dan il-kontenut (inkluż id-dritt li jiġi riprodott, mifrux, immodifikat, muri jew eżegwit) kif awtorizzat mill-funzjonalitajiet tas-servizz.”
( 84 ) Tali polemika qamet reċentement fir-rigward ta’ pjattaforma oħra ta’ qsim ta’ kontenut, Instagram: https://arstechnica.com/tech-policy/2020/06/instagram-just-threw-users-of-its-embedding-api-under-the-bus.
( 85 ) Digriet tal‑21 ta’ Ottubru 2014 (C‑348/13, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2315).
( 86 ) Sentenza tat‑13 ta’ Frar 2014, Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76, punt 29). Enfasi miżjuda minni.
( 87 ) Digriet tal‑21 ta’ Ottubru 2014, BestWater International (C‑348/13, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2315, punt 17).
( 88 ) Sentenza tat‑13 ta’ Frar 2014 (C‑466/12, EU:C:2014:76).
( 89 ) Digriet tal‑21 ta’ Ottubru 2014, BestWater International (C‑348/13, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2315, punt 5 u dispożittiv).
( 90 ) Digriet tal‑21 ta’ Ottubru 2014 (C‑348/13, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2315).
( 91 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 83 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 92 ) Digriet tal‑21 ta’ Ottubru 2014, BestWater International (C‑348/13, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2315, l-aħħar sentenza tal-punt 4).
( 93 ) Sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2016 (C‑160/15, EU:C:2016:644).
( 94 ) Digriet tal‑21 ta’ Ottubru 2014 (C‑348/13, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2315).
( 95 ) Premessa 31 tad-Direttiva 2001/29.
( 96 ) Sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Renckhoff (C‑161/17, EU:C:2018:634, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 97 ) Ara l-punt 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 98 ) Min-naħa l-oħra, l-inkorporazzjoni ta’ thumbnail ta’ daqs tant żgħir li l-elementi oriġinali tax-xogħol inkwistjoni ma jkunux perċettibbli, pereżempju sabiex tiġi mmarkata l-pożizzjoni ta’ link li tikklikkja fuqha, ma tikkostitwixxix att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ dan ix-xogħol.
( 99 ) Dan kien il-każ, infakkar, tax-xogħol inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Renckhoff (C‑161/17, EU:C:2018:634).
( 100 ) Sentenza tat‑13 ta’ Frar 2014, Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76, punt 31).
( 101 ) Jew, b’mod iktar preċiż, hija kkundizzjonata biss mill-eżistenza ta’ xogħol mifhum bħala l-espressjoni tal-kreazzjoni intellettwali tal-awtur tiegħu.
( 102 ) Sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Renckhoff (C‑161/17, EU:C:2018:634, punt 36).
( 103 ) Premessi 9 u 31 tad-Direttiva 2001/29.
( 104 ) Sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2014, Nintendo et (C‑355/12, EU:C:2014:25, punt 25).