Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CC0389

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali E. Tanchev, ippreżentati fid-29 ta’ Ottubru 2020.
    Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tal-Isvezja.
    Appell – Regolament (KE) Nru 1907/2006 – Reġistrazzjoni, evalwazzjoni u awtorizzazzjoni tas-sustanzi kimiċi, kif ukoll restrizzjonijiet applikabbli għal dawn is-sustanzi – Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tawtorizza ċerti użi tas-sulfokromat taċ-ċomb isfar u tas-sulfat tal-molibdat tal-kromat taċ-ċomb aħmar, sustanzi mniżżla fl-Anness XIV tal-imsemmi regolament – Sustanzi ta’ tħassib serju ħafna – Kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni – Eżami tan-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi.
    Kawża C-389/19 P.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:874

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    TANCHEV

    ippreżentati fid‑29 ta’ Ottubru 2020 ( 1 )

    Kawża C‑389/19 P

    Il-Kummissjoni Ewropea

    vs

    Ir-Renju tal-Isvezja

    “Appell – Regolament (KE) Nru 1907/2006 (Regolament REACH) – Artikoli 56, 58 u 60 – Awtorizzazzjoni – Sustanzi ta’ tħassib serju ħafna – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-użu tas-sulfokromat taċ-ċomb isfar u s-sulfat tal-molibdat tal-kromat taċ-ċomb aħmar – Eżami tan-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi xierqa – Rikors għal annullament – Żamma tal-effetti”

    I. Introduzzjoni

    1.

    F’dan l-appell, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2019, L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni (T‑837/16, EU:T:2019:144, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2016) 5644 finali tas‑7 ta’ Settembru 2016 li tawtorizza għal ċerti użi s-sulfokromat taċ-ċomb isfar u s-sulfat tal-molibdat tal-kromat taċ-ċomb aħmar taħt ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), u ċaħdet it-talba tal-Kummissjoni li żżomm l-effetti ta’ din id-deċiżjoni sas-sostituzzjoni tagħha b’deċiżjoni ġdida.

    2.

    Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni ( 2 ) jistabbilixxi sistema ta’ awtorizzazzjoni għal sustanzi ta’ tħassib serju ħafna fir-rigward tar-riskji tagħhom għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent. B’mod ġenerali, skont din is-sistema, ladarba tali sustanza hija inkluża fl-Anness XIV ta’ dan ir-regolament, din tista’ tintuża jew titqiegħed fis-suq wara ċerta data biss jekk tingħata awtorizzazzjoni speċifika mill-Kummissjoni.

    3.

    Konsegwentement, il-każ preżenti jipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tiddeċiedi għall-ewwel darba dwar il-kundizzjonijiet li skonthom il-Kummissjoni tista’ tagħti awtorizzazzjoni, abbażi tal-Artikolu 60 tar-Regolament REACH, għal sustanza ta’ tħassib serju ħafna elenkata fl-Anness XIV għal dak ir-regolament ( 3 ). Il-kwistjoni ewlenija mqajma minn dan il-każ tikkonċerna l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni rigward in-nuqqas ta’ alternattivi adatti, li hija waħda mir-rekwiżiti ewlenin sabiex tingħata awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH. Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, din il-kawża tqajjem ukoll il-kwistjoni ġdida dwar jekk għandhomx jinżammu l-effetti tagħha sakemm il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni ġdida, fid-dawl tar-regoli tranżitorji previsti fl-Artikoli 56 u 58 tar-Regolament REACH.

    II. Il-kuntest ġuridiku

    4.

    It-Titolu VII tar-Regolament REACH, intitolat “Awtorizzazzjoni”, jiddedika l-Kapitolu 1 għal “Ir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni” u l-Kapitolu 2 għal “L-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet”. Il-Kapitolu 1 fih b’mod partikolari l-Artikoli 56 u 58. Il-Kapitolu 2 fih b’mod partikolari l-Artikolu 60.

    5.

    L-Artikolu 56 tar-Regolament REACH, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali”, jipprovdi:

    “1.   Manifattur, importatur jew utent ‘downstream’ m’għandux iqiegħed fis-suq sustanza għall-użu jew jużaha huwa stess jekk dik is-sustanza tkun inkluża fl-Anness XIV, sakemm:

    (a)

    l-użu jew użi ta’ dik is-sustanza waħidha jew fi preparat jew l-inkorporazzjoni ta’ sustanza f’oġġett li għalih is-sustanza titqiegħed fis-suq jew li għalih huwa juża s-sustanza huwa stess ġew awtorizzati skond l-Artikoli 60 sa 64; jew

    […]

    (d)

    tkun intlaħqet id-data msemmija fl-Artikolu 58(1)(ċ)(i) u huwa għamel applikazzjoni tmintax-il xahar qabel dik id-data iżda għadha ma tteħditx deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni; jew (b)

    […]”

    6.

    L-Artikolu 58 tar-Regolament REACH, intitolat “L-inklużjoni ta’ sustanzi fl-Anness XIV”, jipprovdi:

    “1.   Kull meta tittieħed deċiżjoni sabiex jiġu inklużi fl-Anness XIV sustanzi msemmija fl-Artikolu 57, din id-deċiżjoni għandha tittieħed skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 133(4). Għandha tispeċifika għal kull sustanza:

    […]

    (ċ)

    l-arranġamenti transizzjonali:

    (i)

    id-data jew dati minn meta t-tqegħid fis-suq u l-użu tas-sustanza għandhom ikunu projbiti sakemm ma tkunx ingħatat awtorizzazzjoni (minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘d-data jew dati tat-terminazzjoni’) li għandha tieħu kont, fejn xieraq, taċ-ċiklu ta’ produzzjoni speċifikat għal dak l-użu;

    (ii)

    id-data jew dati mill-inqas tmintax-il xahar qabel id-data jew dati tat-terminazzjoni sa liema data jew dati għandhom jaslu l-applikazzjonijiet jekk l-applikant jixtieq li jkompli juża s-sustanza jew iqiegħdha fis-suq għal ċerti użi wara d-data jew dati tat-terminazzjoni; tali użu kontinwat għandu jkun permess wara d-data tat-terminazzjoni sakemm tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni;

    […]”

    7.

    L-Artikolu 60 tar-Regolament REACH, intitolat “L-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet”, jipprovdi fil-paragrafi 4 u 5 tiegħu:

    “4.   Jekk ma tistax tingħata awtorizzazzjoni skond il-paragrafu 2 jew għal sustanzi elenkati fil-paragrafu 3, tista’ tingħata awtorizzazzjoni biss jekk jintwera li l-benefiċċji soċjo-ekonomiċi jkunu akbar mir-riskju għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent mill-użu tas-sustanza, u jekk ma jkunx hemm sustanzi jew teknoloġiji alternattivi adatti. Din id-deċiżjoni għandha tittieħed wara konsiderazzjoni ta’ l-elementi kollha li ġejjin, filwaqt li tiġi kkunsidrata l-opinjoni tal-Kumitat għall-Istima tar-Riskji u tal-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika imsemmija fl-Artikolu 64(4) (a) u (b):

    (a)

    ir-riskju preżentat mill-użu tas-sustanza, inkluż kemm huma adatti u effettivi l-miżuri għall-immaniġġar tar-riskji proposti;

    (b)

    il-benefiċċji soċjo-ekonomiċi mill-użu tagħha u l-implikazzjonijiet soċjo-ekonomiċi ta’ rifjut ta’ awtorizzazzjoni, kif muri mill-applikant jew partijiet interessati oħra;

    (ċ)

    l-analiżi ta’ l-alternattivi preżentati mill-applikant skond l-Artikolu 62(4)(e) jew kwalunkwe pjan għal sostituzzjoni preżentat mill-applikant skond l-Artikolu 62(4)(ea) u kwalunkwe kontribut ta’ terzi mogħtija taħt l-Artikolu 64(2);

    (d)

    informazzjoni disponibbli dwar ir-riskji għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent ta’ kwalunkwe sustanza jew teknoloġija alternattiva.

    5.   Fl-eżami jekk ikunux disponibbli sustanzi jew teknoloġiji alternattivi adegwati, l-aspetti kollha relevanti għandhom jiġu kkunsidrati mill-Kummissjoni, inklużi:

    (a)

    jekk it-trasferiment għal alternattivi jirriżultawx, kollox meqjus, f’riskji anqas għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent, b’kont meħud ta’ l-adegwatezza u l-effikaċja tal-miżuri ta’ l-immaniġġar tar-riskji;

    (b)

    l-affidabbiltà teknika u ekonomika ta’ l-alternattivi għall-applikant.”

    III. Il-fatti li wasslu għall-kawża

    8.

    Il-fatti li wasslu għall-kawża, kif elenkati fil-punti 1 sa 30 tas-sentenza appellata, jistgħu jiġu deskritti fil-qosor kif ġej għall-finijiet tal-kawża preżenti. Jeħtieġ li jingħataw ċerti osservazzjonijiet preliminari dwar ir-Regolament REACH u s-sistema ta’ awtorizzazzjoni (Taqsima A), qabel ma wieħed idur lejn il-fatti li wasslu għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali (Taqsima B).

    A.   Ir-regolament REACH u s-sistema ta’ awtorizzazzjoni

    9.

    Ir-Regolament REACH huwa strument legali ewlieni li jirregola l-leġiżlazzjoni tal-kimiċi fl-Unjoni. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja għarfet, skont l-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament, il-finijiet tiegħu huma li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, inkluża l-promozzjoni ta’ metodi alternattivi għall-evalwazzjoni tal-perikoli tas-sustanzi, kif ukoll il-moviment liberu tas-sustanzi fis-suq intern filwaqt li tittejjeb il-kompetittività u l-innovazzjoni ( 4 ).

    10.

    B’mod partikolari, hekk kif huwa enfasizzat, inter alia, fil-premessi 69 u 70 tar-Regolament REACH, dan ir-regolament jagħti attenzjoni partikolari lis-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna. Dawn is-sustanzi huma għalhekk suġġetti għas-sistema ta’ awtorizzazzjoni prevista fit-Titolu VII tar-Regolament REACH. L-Artikolu 55 ta’ dan ir-regolament jipprevedi li l-iskop ta’ din is-sistema ta’ awtorizzazzjoni huwa, “li jiżgura l-funzjonament korrett tas-suq intern filwaqt li jiżgura li r-riskji mis-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna jiġu kontrollati tajjeb u li dawn is-sustanzi eventwalment jiġu sostitwiti progressivament minn sustanzi jew teknoloġiji alternattivi adatti fejn dawn ikunu ekonomikament u teknikament vijabbli” ( 5 ).

    11.

    Is-sistema ta’ awtorizzazzjoni tinkludi tliet stadji ( 6 ). L-ewwel stadju huwa l-proċedura ta’ identifikazzjoni tas-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna, fuq il-bażi tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57 tar-Regolament REACH. It-tieni stadju huwa l-inklużjoni ta’ dawn is-sustanzi fil-lista tas-sustanzi suġġetti għall-awtorizzazzjoni fl-Anness XIV ta’ dan ir-regolament. It-tielet fażi – li fiha tinsab din il-kawża – tikkonċerna l-proċedura li twassal, jekk ikun il-każ, għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni għal sustanza ta’ tħassib serju ħafna ( 7 ).

    12.

    Konsegwentement, kif stabbilit fl-Artikoli 56 u 58 tar-Regolament REACH, is-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna inklużi fl-Anness XIV ta’ dan ir-regolament ma jistgħux jintużaw jew jitqiegħdu fis-suq sabiex jintużaw minn manifatturi, importaturi jew utenti downstream wara data speċifika (iktar ’il quddiem id-“id-data tat-terminazzjoni”), sakemm l-użu ma jkunx ġie awtorizzat jew japplikaw ċerti limitazzjonijiet, inkluż meta applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tkun ġiet ippreżentata qabel l-aħħar data għall-applikazzjoniindikata għas-sustanza, iżda tkun għadha ma tteħditx deċiżjoni mill-Kummissjoni ( 8 ).

    13.

    Manifatturi u importaturi jistgħu jissottomettu applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni sabiex sustanza titqiegħed fis-suq, sabiex jużaw dik is-sustanza huma stess u sabiex jagħtu l-użu tagħha lill-utenti downstream tagħhom ( 9 ). Filwaqt li dawk l-applikazzjonijiet isiru lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (iktar il quddiem l-“ECHA”) ( 10 ), stabbilita skont dan ir-regolament sabiex tgħin tamministra d-dispożizzjonijiet tagħha, hija l-Kummissjoni li tieħu d-deċiżjoni ( 11 ). Deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni jispeċifikaw, inter alia, l-użu kopert(i), il-perijodu ta’ żmien għar-reviżjoni tal-awtorizzazzjoni u l-kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta l-awtorizzazzjoni ( 12 ).

    14.

    Għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 60 tar-Regolament REACH jistabbilixxi żewġ rotot possibbli li bihom tista’ tingħata awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni: l-ewwel, ir-rotta ta’ kontroll adegwat skont l-Artikolu 60(2) tar-Regolament REACH, fejn ir-riskju mill-użu tas-sustanza huwa kkontrollat b’mod adegwat, u, it-tieni, ir-rotta soċjo-ekonomika skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH, inkwistjoni hawnhekk, li teħtieġ li jiġu ssodisfatti żewġ kriterji kumulattivi, jiġifieri (i) li l-benefiċċji soċjo-ekonomiċi huma ikbar mir-riskju għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent li jirriżulta mill-użu tas-sustanza u (ii) li ma hemmx sustanzi jew teknoloġiji alternattivi adatti ( 13 ).

    15.

    L-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH jinkariga lill-Kummissjoni tieħu d-deċiżjoni wara li tqis diversi elementi, fosthom b’mod partikolari l-analiżi tal-alternattivi ppreżentati mill-applikant ( 14 ) u kull sottomissjoni ta’ terzi bħala parti mill-proċedura, kif ukoll l-opinjonijiet tal-Kumitati għall-Istima tar-Riskji u għall-Analiżi Soċjo-ekonomika. L-Artikolu 60(5) tar-Regolament REACH jippreċiża barra minn hekk li, fl-evalwazzjoni dwar jekk alternattivi adatti humiex disponibbli, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-aspetti rilevanti kollha, inkluż, fl-ewwel lok, dwar jekk it-trasferiment lejn alternattivi jwassalx għal tnaqqis fir-riskji globali għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent; u, fit-tieni lok, il-fattibbiltà teknika u ekonomika ta’ alternattivi għall-applikant.

    16.

    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tieħu d-deċiżjoni tagħha wara l-proċedura msemmija fl-Artikolu 64 tar-Regolament REACH. B’mod partikolari, dan jinvolvi, skont l-Artikolu 64(2) ta’ dan ir-regolament, konsultazzjoni pubblika, li tagħti lil terzi l-possibbiltà li jissottomettu informazzjoni dwar sustanzi jew teknoloġiji alternattivi. Skont l-Artikolu 64(3) u (4) tar-Regolament REACH, il-Kumitati għall-Istima tar-Riskji (iktar ’il quddiem ir-“RAC”) u għall-Analiżi soċjo-ekonomika (iktar ’il quddiem is-“SEAC”), li huma entitajiet li jaqgħu taħt l-ECHA għall-eżekuzzjoni ta’ kompiti differenti ( 15 ), għandhom jagħtu l-opinjonijiet tagħhom fuq l-aspetti rilevanti tat-talba, li jinkludu, fil-każ tas-SEAC, id-disponibbiltà ta’ alternattivi. Skont l-Artikolu 64(8) tar-Regolament REACH, il-Kummissjoni għandha tipprepara abbozz ta’ deċiżjoni f’terminu ta’ tliet xhur minn meta tirċievi dawn l-opinjonijiet u tadotta d-deċiżjoni finali skont il-proċedura ta’ komitoloġija applikabbli ( 16 ).

    B.   Fatti li wasslu għall-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali

    17.

    Is-sulfokromat taċ-ċomb isfar (C.I Pigment Yellow 34) u s-sulfat tal-molibdat tal-kromat taċ-ċomb aħmar | (C.I. Pigment Red 104) (iktar ’il quddiem, flimkien, is-“sustanzi inkwistjoni”) huma sustanzi magħmula miċ-ċomb u l-kromat VI. Minħabba d-durabbiltà, il-kulur ċar u l-fatt li jleqqu, huma kienu jintużaw b’mod partikolari fil-verniċ u ż-żebgħa (pereżempju, għall-pontijiet u għall-kostruzzjonijiet tal-ħadid u tal-azzar), sabiex jissodisfaw funzjoni ta’ sinjali (bħal fuq sinjali ta’ twissija) u għas-sinjali tat-triq sofor.

    18.

    Skont ir-Regolament Nru 125/2012 ( 17 ), is-sustanzi inkwistjoni ġew inklużi fil-lista ta’ sustanzi ta’ tħassib serju ħafna fl-Anness XIV tar-Regolament REACH minħabba l-proprjetajiet tagħhom ta’ karċinoġeniċi u ta’ sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni umana. Konsegwentement, l-użu u t-tqegħid tagħhom fis-suq kienu suġġetti għal awtorizzazzjoni wara l‑21 ta’ Mejju 2015 (id-data tat-terminazzjoni) u l-aħħar data ta’ applikazzjoni kienet il‑21 ta’ Novembru 2013.

    19.

    Fid‑19 ta’ Novembru 2013, DCC Maastricht BV (iktar ’il quddiem “DCC Maastricht” jew l-applikant”) ( 18 ), li tipprovdi s-sustanzi inkwistjoni lil madwar 100 utent downstream fl-Unjoni, ippreżentat applikazzjoni għal awtorizzazzjoni (iktar ’il quddiem l-“applikazzjoni għal awtorizzazzjoni”) għat-tqegħid fis-suq ta’ dawn is-sustanzi għas-sitt użi li ġejjin, li huma identiċi għaż-żewġ sustanzi:

    id-distribuzzjoni u t-taħlit ta’ trab tal-pigment f’ambjent industrijali f’żebgħa bbażata fuq is-solventi mhux maħsuba għal użu tal-konsumaturi (iktar ’il quddiem “użu 1”);

    l-applikazzjoni industrijali taż-żebgħa fuq uċuħ tal-metall (bħal magni, vetturi, strutturi, sinjali, għamara tat-triq, il-kisi tal-koljaturi, eċċ) (iktar ’il quddiem “użu 2”);

    l-applikazzjoni taż-żebgħa fuq uċuħ tal-metall (bħall-magni, il-vetturi, l-istrutturi, is-sinjali, l-għamara tat-triq, eċċ) jew għas-sinjali tat-triq min-naħa tal-professjonisti u mhux għall-konsumaturi (iktar ’il quddiem “użu 3”);

    id-distribuzzjoni u t-taħlit ta’ trab tal-pigment f’ambjent industrijali sabiex isiru taħlitiet f’forma likwida jew solida lesti minn qabel sabiex jintużaw sabiex jingħata kulur lil oġġetti tal-plastik jew plastiċizzati mhux maħsubin għal użu min-naħa tal-konsumaturi (iktar ’il quddiem “użu 4”);

    l-użu industrijali ta’ taħlitiet u ta’ komposti f’forma likwida jew solida lesti minn qabel li fihom pigment sabiex jingħata kulur lil oġġetti tal-plastik jew plastiċizzati mhux maħsubin għal użu min-naħa tal-konsumaturi (iktar ’il quddiem “użu 5”); u

    l-użu ta’ taħlitiet u ta’ komposti f’forma likwida jew solida lesti minn qabel li fihom pigment fl-applikazzjoni ta’ sinjali tat-triq permezz tat-tidwib bis-sħana min-naħa tal-professjonisti (iktar ’il quddiem “użu 6”).

    20.

    Fil-kuntest tal-konsultazzjoni pubblika, organizzata skont l-Artikolu 64(2) tar-Regolament REACH, il-manifatturi, l-utenti downstream tas-sustanzi inkwistjoni, l-organizzazzjonijiet industrijali, l-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi ppreżentaw opinjonijiet dwar l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni. B’mod partikolari, dawn l-utenti downstream indikaw li eventwali sustanzi alternattivi ma kinux joffru l-istess vantaġġi u kienu iktar għalja fil-parti l-kbira tal-każijiet. Kuntrarjament, il-membri tal-industrija taż-żebgħa u l-kisi indikaw li kien hemm sustanzi alternattivi iktar siguri u xierqa li jistgħu jintużaw għal spiża raġonevoli. DCC Maastricht wieġbet li numru ta’ impriżi kellhom bżonn sustanzi inkwistjoni sabiex jimmanifatturaw prodotti speċifiċi intiżi għal ċerti użi msejħa “niċċa”.

    21.

    Fil‑11 ta’ Diċembru 2014, ir-RAC u s-SEAC adottaw 12‑il opinjoni kkonsolidata fuq kull wieħed mis-sitt użi għaż-żewġ sustanzi inkwistjoni. Fl-opinjonijiet tagħha, is-SEAC “ikkonfermat li ma kienx jidher li kien hemm alternattivi adatti mill-perspettiva tal-fattibbiltà teknika u ekonomika tagħhom għall-applikant” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    22.

    Fil-laqgħat tas‑7 u tat‑8 ta’ Lulju 2015, tat‑22 u tat‑23 ta’ Settembru 2015, tat‑3 u tal‑4 ta’ Frar 2016 u tas‑6 u tas‑7 ta’ Lulju 2016, l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ġiet eżaminata fi ħdan il-Kumitat tal-Komitoloġija stabbilit skont l-Artikolu 133 tar-Regolament REACH (iktar ’il quddiem il-“Kumitat REACH”). B’mod partikolari, żewġ Stati Membri u r-Renju tan-Norveġja indikaw li s-sustanzi inkwistjoni ma kinux użati għas-sinjali tat-triq sofor u, f’wieħed minn dawn l-Istati Membri, tali użu kien ipprojbit 20 sena ilu. Il-Kumitat REACH finalment ta opinjoni pożittiva dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni; 23 Stati Membri vvotaw favur, filwaqt li 3 Stati Membri, fosthom ir-Renju tal-Isvezja, ivvotaw kontra u 2 Stati Membri astjenew.

    23.

    Fis‑7 ta’ Settembru 2016, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, hija tat awtorizzazzjoni lil DCC Maastricht, abbażi tal-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH, għas-sustanzi inkwistjoni f’dak li jirrigwarda s-sitt użi mitluba, bla ħsara għal ċerti kundizzjonijiet u limitazzjonijiet (iktar ’il quddiem l-“awtorizzazzjoni”).

    24.

    Fil-premessi 8 u 9 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kkonstatat li, minħabba “Minħabba d-diffikultajiet li jiġi stabbilit kompletament in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi teknikament fattibbli għall-użi kollha koperti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] l-awtorizzazzjoni għandha tiġi rriveduta iktar kmieni minn kif kien irrakkomandat mis-SEAC. Hija nnotat ukoll fil-premessa 9 ta’ din id-deċiżjoni li, wara evalwazzjoni mal-Istati Membri, deher li l-użu tas-sustanzi inkwistjoni fis-settur tas-sinjali tat-triq kien ġie ssostitwit jew ipprojbit f’ċerti Stati Membri, iżda mhux f’oħrajn. Għalhekk, skont il-Kummissjoni, kien xieraq li l-perijodu ta’ reviżjoni jiġi ffissat għal 7 snin, minflok 12‑il sena, għall-użi 1, 2, 4 u 5 u għal 4 snin, minflok 7 snin, għall-użi 3 u 6.

    25.

    Fil-premessa 12 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni indikat:

    “Minħabba d-diffikultajiet li jiġi stabbilit kompletament in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi teknikament fattibbli għall-użi kollha koperti mill-applikazzjoni, għandhom jiġu speċifikati wkoll l-użi awtorizzati, f’termini tal-karatteristiċi ta’ prestazzjoni teknikament meħtieġa ta’ taħlitiet [ta’ pigmenti] lesti minn qabel, ta’ żebgħat u ta’ komposti lesti minn qabel li fihom pigmenti u ta’ oġġetti li jinkluduhom, miksuba permezz taż-żewġ sustanzi u li ma jistgħux jinkisbu permezz ta’ sustanzi jew ta’ teknoloġiji alternattivi adatti, ikunu liema jkunu. L-awtorizzazzjoni għandha għaldaqstant tkun suġġetta għall-kundizzjoni li d-detentur tal-awtorizzazzjoni jippreżenta rapport dwar l-adegwatezza u d-disponibbiltà ta’ alternattivi għall-utenti downstream tiegħu u, fuq din il-bażi, jirfina d-deskrizzjoni tal-użi awtorizzati […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    26.

    Fl-Artikolu 1(1) u (2) tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni awtorizzat is-sitt użi tas-sustanzi mitluba inkwistjoni f’dan il-każ, kif indikati fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni (ara l-punt 6 iktar ’il fuq), “bil-kundizzjoni li l-prestazzjoni tat-taħlitiet lesti minn qabel [tal-pigmenti], taż-żebgħat u tal-komposti ta’ kulur lesti minn qabel li jkun fihom [is-sustanzi inkwistjoni], jew tal-oġġetti lesti li jkunu jinkluduhom, f’termini ta’ funzjonalità, ta’ intensità tal-kulur, ta’ opaċità (setgħa ta’ ħabi) ta’ dispersibbiltà, ta’ reżistenza għall-kundizzjonijiet tad-dawl u t-temp, ta’ stabbiltà fis-sħana jew ta’ nuqqas ta’ tlissija, jew kombinazzjoni ta’ dawn, tista’ teknikament tintlaħaq biss permezz tal-użu tal-imsemmija sustanzi u li din il-prestazzjoni tkun meħtieġa għall-użu previst” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    27.

    Skont l-Artikolu 1(3)(d) tad-deċiżjoni kontenzjuża, l-awtorizzazzjoni hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-utenti downstream tad-detentur tal-awtorizzazzjoni għandhom jipprovdu lill-ECHA, sat‑30 ta’ Ġunju 2017, informazzjoni dwar l-istatus dwar l-adattatezza u d-disponibbiltà ta’ alternattivi għall-użi tagħhom, bl-għoti ta’ ġustifikazzjoni b’mod iddettaljat tan-neċessità li jużaw is-sustanzi inkwistjoni f’dan il-każ.

    28.

    Fl-Artikolu 1(3)(e) tad-deċiżjoni kontenzjuża, l-awtorizzazzjoni hija suġġetta għall-kundizzjoni li d-detentur tal-awtorizzazzjoni għandu jippreżenta lill-Kummissjoni, sal‑31 ta’ Diċembru 2017, rapport dwar l-elementi msemmija fl-Artikolu 1(3)(d), ta’ din id-deċiżjoni. Id-detentur tal-awtorizzazzjoni huwa meħtieġ li jirfina, f’dak ir-rapport, id-deskrizzjoni tal-użi awtorizzati, abbażi tal-informazzjoni dwar l-alternattivi kif ipprovduta mill-utenti downstream tiegħu.

    29.

    Fl-aħħar nett, fl-Artikolu 3(b) tad-deċiżjoni kontenzjuża, fuq talba tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru, l-utenti downstream għandhom jiġġustifikaw ir-raġunijiet li għalihom japplikaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 1(1) u (2) u għaliex il-parametri ta’ prestazzjoni huma neċessarji għall-użu previst.

    IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

    30.

    Fit‑28 ta’ Novembru 2016, ir-Renju tal-Isvezja ppreżenta rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża quddiem il-Qorti Ġenerali.

    31.

    Il-Kummissjoni talbet li r-rikors jiġi miċħud. Hija talbet ukoll lill-Qorti Ġenerali, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, iżżomm l-effetti tagħha sakemm tiġi ssostitwita permezz ta’ deċiżjoni ġdida.

    32.

    Permezz tad-deċiżjonijiet tal‑24 ta’ Marzu u tat‑3 ta’ Mejju 2017, il-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza lir-Renju tad-Danimarka, lir-Repubblika tal-Finlandja u lill-Parlament Ewropew sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tar-Renju tal-Isvezja. Barra minn hekk, permezz tad-digriet tal‑20 ta’ Lulju 2017, l-ECHA tħalliet tintervjeni sabiex issostni t-talbiet tal-Kummissjoni.

    33.

    Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet it-tieni parti tal-ewwel motiv imqajjem mir-Renju tal-Isvezja, li jallega li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH billi tat l-awtorizzazzjoni mingħajr ma stabbilixxiet debitament li ma kienx hemm alternattivi adatti sabiex jissostitwixxu s-sustanzi inkwistjoni għall-użi mitluba, u annullat id-deċiżjoni kontenzjuża (punti 57 sa 106 tas-sentenza appellata) ( 19 ).

    34.

    Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll it-talba tal-Kummissjoni li żżomm l-effetti tad-deċiżjoni kontenzjuża sakemm tiġi ssostitwita permezz ta’ deċiżjoni ġdida (punti 107 sa 112 tas-sentenza appellata).

    V. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

    35.

    Permezz ta’ dan l-appell, ippreżentat fl‑20 ta’ Mejju 2019, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tiċħad ir-rikors imressaq mir-Renju tal-Isvezja u tikkundanna lir-Renju tal-Isvezja għall-ispejjeż. Sussidjarjament, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tibgħat il-kawża lura lill-Qorti Ġenerali għal kunsiderazzjoni mill-ġdid, tirriżerva l-ispejjeż tal-ewwel istanza u tal-appell, u żżomm l-effetti tad-deċiżjoni kontenzjuża.

    36.

    L-ECHA, li intervjeniet fl-ewwel istanza insostenn tal-Kummissjoni, issostni t-talbiet tal-Kummissjoni.

    37.

    Ir-Renju tal-Isvezja jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    38.

    Ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Finlandja u l-Parlament, intervenjenti fl-ewwel istanza insostenn tar-Renju tal-Isvezja, isostnu t-talbiet tar-Renju tal-Isvezja.

    39.

    Permezz ta’ digriet tal‑21 ta’ Novembru 2019 ( 20 ), il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa’ t-talba għal miżuri provviżorji tal-Kummissjoni intiża għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tas-sentenza appellata sal-eżitu tal-appell ippreżentat kontra din is-sentenza.

    40.

    Inżammet seduta fis‑7 ta’ Lulju 2020 li matulha r-Renju tad-Danimarka, ir-Renju tal-Isvezja, il-Parlament, il-Kummissjoni u l-ECHA ppreżentaw l-osservazzjonijiet orali.

    VI. Analiżi

    41.

    Il-Kummissjoni tqajjem erba’ aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-oneru tal-prova dwar in-nuqqas ta’ alternattivi adatti skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq in-nuqqas li tiġi kkunsidrata s-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni sabiex tiffissa limitu żero għal fattibbiltà teknika ta’ alternattivi, skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH. It-tielet aggravju huwa bbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH f’dak li jirrigwarda l-portata parzjali u l-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni li jinsabu fid-deċiżjoni kontenzjuża. Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq l-evalwazzjoni żbaljata tat-talba għaż-żamma tal-effetti tad-deċiżjoni kontenzjuża.

    42.

    Għar-raġunijiet esposti iktar ’il quddiem, inqis li l-ewwel, it-tieni u t-tielet aggravji huma infondati filwaqt li r-raba’ aggravju huwa fondat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jien tal-fehma li l-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata għandu jiġi annullat u l-Qorti tal-Ġustizzja għandha żżomm l-effetti tad-deċiżjoni kontenzjuża sakemm din tiġi ssostitwita b’deċiżjoni ġdida.

    A.   L-ewwel aggravju (dwar l-oneru tal-prova applikabbli għan-nuqqas ta’ alternattivi adatti)

    1. Sunt tal-argumenti tal-partijiet

    43.

    Permezz tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni, sostnuta b’mod ġenerali mill-ECHA, issostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi manifest, fil-punti 79, 81, 85, 86, 90 u 101 tas-sentenza appellata, f’dak li jirrigwarda l-oneru tal-prova applikabbli għan-nuqqas ta’ alternattivi adatti skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH.

    44.

    L-ewwel, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali imponiet oneru tal-prova impossibbli meta eżiġiet li l-applikant għall-awtorizzazzjoni u l-Kummissjoni jeliminaw kull inċertezza xjentifika sabiex tipprova li ma hemm l-ebda alternattivi adatti skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH. Fil-fehma tagħha, l-evalwazzjoni tal-alternattivi timplika evalwazzjoni xjentifika li hija kkaratterizzata minn inċertezza sostanzjali, bir-riżultat li, jekk din l-inċertezza kollha għandha tiġi eskluża, din tikkostitwixxi “probatio diabolica” (jiġifieri rekwiżit legali li jiġu prodotti provi li huwa impossibbli li jinkisbu).

    45.

    It-tieni, il-Kummissjoni tikkritika l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, kien għad hemm inċertezzi sinjifikattivi fir-rigward tan-nuqqas ta’ alternattivi adatti. Hija ssostni li l-piż tal-prova, inklużi l-inċertezzi, turi li l-alternattivi ma kinux jilħqu l-istess livell ta’ prestazzjoni teknika bħas-sustanzi inkwistjoni. Għaldaqstant, hija setgħet tikkonkludi, abbażi tal-applikazzjoni minnha ta’ limitu żero għat-telf ta’ prestazzjoni teknika, li l-alternattivi ma kinux teknikament fattibbli u, għalhekk, inadegwati għall-użi awtorizzati.

    46.

    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni enfasizzat waqt is-seduta li l-argument tagħha dwar l-applikazzjoni ta’ livell żero għall-fattibbiltà teknika ta’ alternattivi huwa ammissibbli, peress li jikkostitwixxi kwistjoni ta’ liġi, dwar l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-alternattivi skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH, u dan ma huwiex argument ġdid, peress li dan tressaq, inter alia, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali. Hija ssostni wkoll li l-appell tagħha kontra l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali jeħtieġ li dan l-argument jiġi żviluppat b’mod iktar dettaljat.

    47.

    Ir-Renju tal-Isvezja, sostnut mir-Renju tad-Danimarka u mill-Parlament sostna li l-ewwel aggravju huwa inammissibbli. Ir-Renju tal-Isvezja jsostni li l-applikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ limitu żero għal fattibbiltà teknika ta’ alternattivi huwa argument ġdid li ma tqajjimx quddiem il-Qorti Ġenerali u għalhekk ma jistax jiġi eżaminat mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-appell. Għar-Renju tad-Danimarka u għall-Parlament, dan l-aggravju jirrigwarda l-evalwazzjonijiet fattwali tal-Qorti Ġenerali li ma jistgħux ikunu suġġetti għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ proċedura ta’ appell.

    48.

    Ir-Renju tal-Isvezja, sostnut mir-Renju tad-Danimarka, mir-Repubblika tal-Finlandja u mill-Parlament, sostna, barra minn hekk, li l-ewwel aggravju huwa infondat. Fil-fehma tagħhom, il-Qorti Ġenerali ma imponietx oneru tal-prova impossibbli rigward l-evalwazzjoni tan-nuqqas ta’ alternattivi adatti, u l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni huma bbażati fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata. Ir-Renju tal-Isvezja jikkontesta wkoll l-applikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ limitu żero ta’ fattibbiltà teknika ta’ alternattivi, peress li ma jirriżultax mid-deċiżjoni kontenzjuża jew minn dokumenti oħra fil-proċess u li ma huwiex konformi mal-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH. B’mod partikolari, dan huwa minħabba li hija ma tiħux inkunsiderazzjoni li l-prestazzjonijiet tekniċi għandhom ikunu neċessarji sabiex jissodisfaw funzjoni speċifika fl-użu li għalih intalbet l-awtorizzazzjoni. B’hekk, hija tneħħi kull sens mir-rekwiżit dwar in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi, peress li ebda sustanza ma għandha eżattament l-istess proprjetajiet tekniċi bħall-oħrajn.

    2. Evalwazzjoni tal-ewwel aggravju

    a) Fuq l-ammissibbiltà

    49.

    L-ewwel, ir-Renju tad-Danimarka u l-Parlament jikkontestaw, essenzjalment, l-ammissibbiltà tal-ewwel aggravju sa fejn dan jirrigwarda l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-fatti u tal-provi li abbażi tagħhom hija kkonstatat li l-Kummissjoni ma kinitx debitament stabbilixxiet in-nuqqas ta’ alternattivi adatti, skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH. Fl-assenza ta’ allegazzjonijiet ta’ żnaturament tal-fatti u tal-provi, din l-evalwazzjoni ma tistax tiġi mistħarrġa mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell.

    50.

    Fil-fehma tiegħi, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ma tistax tirnexxi. Il-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball fir-rigward tal-oneru tal-prova applikabbli għan-nuqqas ta’ alternattivi adatti skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH tikkonċerna jekk il-Qorti Ġenerali applikatx l-istandard legali korrett bħala l-bażi għall-evalwazzjoni tagħha tal-fatti u l-provi, li hija kwistjoni ta’ liġi suxxettibbli li tiġi riveduta mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-appell ( 21 ). Barra minn hekk, il-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali setgħetx korrettament tikkonkludi, abbażi tal-fatti u tal-provi quddiemha, li l-Kummissjoni wettqet żball fl-evalwazzjoni tagħha tan-nuqqas ta’ alternattivi adatti skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH tikkonċerna l-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti tal-kawża, li l-istħarriġ tagħha jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-appell ( 22 ).

    51.

    It-tieni, ir-Renju tal-Isvezja jikkontesta l-ammissibbiltà tal-ewwel aggravju fir-rigward tal-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta’ limitu żero għal fattibbiltà teknika ta’ alternattivi minħabba li dan huwa argument ġdid li ma tqajjimx quddiem il-Qorti Ġenerali u li għalhekk ma jistax jiġi kkunsidrat mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-appell.

    52.

    Fil-fehma tiegħi, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà wkoll ma tistax tirnexxi. Skont ġurisprudenza stabbilita, rikorrent huwa intitolat li jippreżenta appell billi jinvoka motivi li jirriżultaw mis-sentenza appellata stess u li huma intiżi li jikkritikaw, fid-dritt, il-fondatezza tagħha ( 23 ), bħalma huwa l-każ hawnhekk. Permezz tal-argument tagħha dwar l-applikazzjoni ta’ limitu żero għal fattibbiltà teknika ta’ alternattivi, il-Kummissjoni tipprova turi li, għal din ir-raġuni, ma kienx hemm inċertezzi sinjifikattivi fir-rigward tan-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi u li hija wettqet evalwazzjoni xierqa ta’ dan ir-rekwiżit skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH. Għaldaqstant, dan l-argument huwa intiż sabiex jikkontesta l-fondatezza, fid-dritt, tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata. Barra minn hekk, dan l-argument kien tqajjem mill-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali fir-rigward ta’, b’mod partikolari, it-tieni parti tal-ewwel motiv tar-Renju tal-Isvezja, li fuqha huwa bbażat l-annullament mill-Qorti Ġenerali tad-deċiżjoni kontenzjuża.

    53.

    Għalhekk, nikkunsidra, l-ewwel aggravju ammissibbli.

    b) Fuq il-mertu

    54.

    Permezz tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta imponiet oneru tal-prova impossibbli skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH, li jeħtieġ lill-applikant għall-awtorizzazzjoni u l-Kummissjoni li jeliminaw kull inċertezza sostanzjali li ma hemm l-ebda alternattiva adatta. F’dan ir-rigward, hija ssostni li, abbażi tal-applikazzjoni minnha ta’ livell żero għall-fattibbiltà teknika tal-alternattivi, ma kienx hemm inċertezzi sinjifikattivi fl-evalwazzjoni tagħha tal-alternattivi adatti fil-mument meta ttieħdet id-deċiżjoni kontenzjuża.

    55.

    Fil-fehma tiegħi, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

    56.

    Jidhirli li l-qari li tagħmel il-Kummissjoni tal-punti 79, 81, 85, 86, 90 u 101 tas-sentenza appellata ma huwiex konvinċenti. Dawn il-punti għandhom jinqraw fil-kuntest proprju tagħhom. Għalhekk, l-ewwel aggravju jidher li huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata.

    57.

    L-ewwel nett, huwa ċar li, fil-punti 79, 81, 85, 86, 90 u 101 tas-sentenza appellata, meta moqrija flimkien, b’mod partikolari, mal-punti 77, 78, 84 u 87 sa 98 tagħha, il-Qorti Ġenerali ma rrikjedietx li kull inċertezza xjentifika tiġi eskluża min-naħa tal-applikant għall-awtorizzazzjoni jew tal-Kummissjoni. Għall-kuntrarju, fl-imsemmija punti, il-Qorti Ġenerali applikat, fil-fehma tiegħi, oneru tal-prova raġonevoli li l-Kummissjoni għandha tissodisfa l-obbligu tagħha li tistabbilixxi, fid-dawl tal-informazzjoni ppreżentata fil-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, in-nuqqas ta’ alternattivi adatti skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH. Fil-fatt, fil-punt 86 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni kienet naqset milli tivverifika informazzjoni sinjifikattiva qabel ma tat l-awtorizzazzjoni sabiex tkun tista’ tikkonkludi li ma kienx hemm alternattivi għall-użi kollha applikati jew li l-inċertezzi li jifdal kienu “negliġibbli”.

    58.

    F’dan ir-rigward, kif jidher mill-punt 77 tas-sentenza appellata, il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punt 79 tas-sentenza appellata, li l-applikant għall-awtorizzazzjoni isostni r-riskju ta’ eventwali impossibbiltà li jistabbilixxi n-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi u għalhekk f’każ li jibqgħu l-inċertezzi, ma jistax jingħata awtorizzazzjoni, li tirriżulta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH, moqri flimkien mal-premessa 69 tiegħu, li skont din l-oneru tal-prova jaqa’ fuq l-applikant għall-awtorizzazzjoni f’dan ir-rigward u għalhekk isostni r-riskju fejn dan ir-rekwiżit jibqa’ mhux ipprovat.

    59.

    Bl-istess mod, kif indikat mir-Renju tal-Isvezja, il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punt 81 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma tistax tadotta deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni abbażi ta’ sempliċi ipoteżi, ma tistax tinqara bħala li jimponi fuqha l-oneru tal-prova impossibbli. Minn din il-konstatazzjoni jirriżulta li jekk hemm biss preżunzjonijiet dwar in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi adatti, dan ir-rekwiżit ma ġiex stabbilit, filwaqt li jekk il-Kummissjoni għandha informazzjoni li ssostni l-allegazzjoni li ma hemmx alternattivi adatti, dan ir-rekwiżit ikun issodisfatt.

    60.

    Għandu jiġi rrilevat ukoll li, fil-punt 85 tas-sentenza appellata, moqri flimkien mal-punt 84 tagħha, il-Qorti Ġenerali, ġustament fil-fehma tiegħi, iddeċidiet li, jekk il-provi prodotti mill-analiżi tal-alternattivi tal-applikant għall-awtorizzazzjoni huma kontradetti mill-provi prodotti minn terzi jew minn Stati Membri, il-Kummissjoni għandha teżamina r-rekwiżit dwar in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi b’mod iktar iddettaljat, b’tali mod li jekk għad hemm inċertezzi wara tali eżami, dan ir-rekwiżit ma huwiex issodisfatt u l-Kummissjoni ma tistax tagħti awtorizzazzjoni.

    61.

    Huwa fuq din il-bażi li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 86 tas-sentenza appellata, li fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni ma kinitx temmet l-eżami tagħha tan-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi u li, fl-assenza ta’ eżami iktar fil-fond ta’ dan ir-rekwiżit, l-awtorizzazzjoni ma setgħetx tingħata. Huwa ċar li tali konstatazzjoni kienet ibbażata fuq diversi kunsiderazzjonijiet, stabbiliti fil-punti 87 sa 98 tas-sentenza appellata:

    62.

    B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 90 tas-sentenza appellata, moqri flimkien mal-punti 88 u 89 tagħha, li l-informazzjoni ppreżentata minn parti interessata kienet tpoġġi f’dubju l-affermazzjoni tal-applikant, fl-analiżi tagħha tal-alternattivi, li s-sustanzi inkwistjoni kienu kkaratterizzati minn prestazzjoni teknika għolja, li ma kienet tikkorrispondi għall-ebda mill-alternattivi.

    63.

    Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll, fil-punt 101 tas-sentenza appellata, l-argument tal-Kummissjoni li hija wettqet analiżi addizzjonali tan-nuqqas ta’ alternattivi adatti, minħabba li dawn l-analiżi kienu jikkonsistu f’informazzjoni addizzjonali mill-applikant li ma tiċċarax l-użi li għalihom ma kienx hemm alternattivi.

    64.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni minnha ta’ limitu żero ta’ fattibbiltà teknika ta’ alternattivi ma humiex konvinċenti, peress li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx pożizzjoni f’dan ir-rigward fil-punti tas-sentenza appellata kkontestata mill-Kummissjoni. Indipendentement mill-applikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ tali limitu, argumenti f’dan is-sens ma jippermettux li tiġi ssostanzjata l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali imponiet oneru tal-prova impossibbli skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH. Kif jidher mill-punti 86, 90 u 101 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, fil-fehma tiegħi ġustament, qieset, fid-dawl tal-informazzjoni dwar il-prestazzjoni teknika tas-sustanzi inkwistjoni, li kienet teżisti evidenza ċara li l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tan-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi ma kinitx tlestiet u li l-Kummissjoni ma kinitx spjegat b’mod suffiċjenti r-raġunijiet li għalihom hija kkunsidrat dawn l-alternattivi mhux xierqa.

    65.

    Għaldaqstant, nipproponi li l-ewwel aggravju jiġi miċħud bħala infondat.

    B.   It-tieni aggravju (dwar il-limitu żero ta’ fattibbiltà teknika ta’ alternattivi)

    1. Sunt tal-argumenti tal-partijiet

    66.

    Permezz tat-tieni aggravju, il-Kummissjoni, sostnuta b’mod ġenerali mill-ECHA, issostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi manifest, fil-punti 86, 90 u 96 tas-sentenza appellata, billi injorat is-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni sabiex tiffissa valur limitu ta’ fattibbiltà teknika u ekonomika fl-evalwazzjoni tal-alternattivi skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH. B’konsegwenza ta’ dan, hija tal-fehma li l-Qorti Ġenerali applikat kriterju ta’ stħarriġ ġudizzjarju żbaljat u ssostitwixxiet ruħha għall-Kummissjoni fl-ibbilanċjar tal-kunsiderazzjonijiet soċjali, ekonomiċi u tekniċi rilevanti.

    67.

    Il-Kummissjoni ssostni li d-deċiżjoni kontenzjuża hija bbażata fuq l-applikazzjoni minnha ta’ limitu żero għal telf ta’ prestazzjoni teknika u li l-ebda alternattiva ma kienet tissodisfa dan il-limitu. Fil-fehma tagħha, l-approċċ tal-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu dan inkunsiderazzjoni u għaqqdet dawn iż-żewġ elementi. Skont il-Kummissjoni, hija ma wettqitx żball meta ffissat limitu żero, imbagħad billi evalwat l-alternattivi fid-dawl ta’ dan il-limitu, peress li huwa impossibbli li tiġi evalwata l-fattibbiltà teknika ta’ alternattiva mingħajr ma tiddeċiedi liema livell ta’ telf ta’ prestazzjoni jista’ jitqies bħala aċċettabbli, li japplika b’mod simili għall-fattibbiltà ekonomika. Din id-deċiżjoni taqa’ taħt id-diskrezzjoni tal-Kummissjoni, li tobbligaha tibbilanċja diversi kunsiderazzjonijiet. Huwa għalhekk, li hija ssostni, li l-evalwazzjoni tagħha tal-alternattivi taqa’ fil-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju bbażat fuq l-iżball manifest, kif iddeċidiet ġustament il-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha tal‑4 ta’ April 2019, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni (T‑108/17, EU:T:2019:215), iżda li hija naqset milli tapplika fis-sentenza appellata.

    68.

    Ir-Renju tal-Isvezja, sostnuta mir-Renju tad-Danimarka, teċċepixxi li t-tieni aggravju huwa inammissibbli għal żewġ raġunijiet. L-ewwel, il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali kkritikati jirrigwardaw kwistjoni ta’ fatt. It-tieni, l-applikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ limitu żero ta’ fattibbiltà teknika ta’ alternattivi ma ġietx invokata quddiem il-Qorti Ġenerali u għalhekk tikkostitwixxi argument ġdid li ma jistax jiġi invokat fl-appell.

    69.

    Ir-Renju tal-Isvezja, sostnuta mir-Renju tad-Danimarka, mir-Repubblika tal-Finlandja u mill-Parlament, iżżid li t-tieni aggravju huwa infondat.

    70.

    L-ewwel, ir-Renju tal-Isvezja u l-Parlament isostnu li l-approċċ tal-limitu żero adottat mill-Kummissjoni ma jirriżultax mid-deċiżjoni kontenzjuża u l-Kummissjoni lanqas ma qajmet dan l-argument quddiem il-Qorti Ġenerali. Għalhekk, ir-Renju tal-Isvezja jafferma li ma hemm l-ebda prova li tissostanzja l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni dan l-element jew li injorat is-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni. Il-Parlament isostni li, għalkemm dan l-argument jikkostitwixxi sempliċi “rikostruzzjoni retroattiva”, huwa, fi kwalunkwe każ, irrilevanti jekk il-Kummissjoni stabbilixxietx tali limitu, peress li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tistabbilixxi b’mod definittiv in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi u li huwa jammetti, fid-deċiżjoni kontenzjuża, li ma huwiex ċar jekk jeżistux jew le alternattivi li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti.

    71.

    It-tieni, ir-Renju tal-Isvezja, sostnuta mir-Renju tad-Danimarka, mir-Repubblika tal-Finlandja u mill-Parlament, issostni li l-approċċ tal-limitu żero tal-Kummissjoni jmur kontra r-Regolament REACH. Ir-Renju tal-Isvezja jsostni li l-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li l-alternattivi għandhom jiġu evalwati konkretament skont l-użu previst tagħhom u, għalhekk, billi jiġi stabbilit limitu ta’ telf ta’ prestazzjoni mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-funzjoni li għaliha din il-prestazzjoni hija neċessarja fir-rigward tal-użu previst, il-Kummissjoni ma osservatx l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH. Ir-Renju tad-Danimarka u l-Parlament jenfasizzaw li tali approċċ ma huwiex konformi mal-formulazzjoni u mal-għanijiet tar-Regolament REACH u jista’ jċaħħad mis-sustanza tiegħu r-rekwiżit dwar in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi, peress li jillimita s-sostituzzjoni bbażata fuq alternattivi b’karatteristiċi ekwivalenti għas-sustanza inkwistjoni. Ir-Repubblika tal-Finlandja tqis ukoll li l-prestazzjoni teknika għandha tiġi evalwata separatament għal kull użu u li l-approċċ tal-Kummissjoni jwassal sabiex jiġu awtorizzati sustanzi ta’ tħassib serju ħafna faċilment, li jippreġudika s-sistema ta’ awtorizzazzjoni.

    2. Evalwazzjoni tat-tieni aggravju

    a) Fuq l-ammissibbiltà

    72.

    L-ewwel, ir-Renju tal-Isvezja, flimkien mar-Renju tad-Danimarka, jikkontestaw, essenzjalment, l-ammissibbiltà tat-tieni aggravju minħabba li dan jirrigwarda l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-fatti u tal-provi li abbażi tagħhom hija kkonstatat li l-Kummissjoni ma kinitx ipprovat debitament in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi, li, fl-assenza ta’ allegazzjonijiet ta’ żnaturament tal-fatti u tal-provi, ma jistgħux jiġu mistħarrġa mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-appell.

    73.

    Jiena ma naqbilx ma’ din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà. Kif enfasizzajt fil-punt 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali setgħetx korrettament tikkonkludi, abbażi tal-fatti u tal-provi prodotti quddiemha, li l-Kummissjoni wettqet żball fl-evalwazzjoni tagħha tan-nuqqas ta’ alternattivi adatti tikkonċerna l-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti tal-kawża, li l-istħarriġ tagħha jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-appell.

    74.

    It-tieni, ir-Renju tal-Isvezja, flimkien mar-Renju tad-Danimarka, jikkontestaw l-ammissibbiltà tat-tieni aggravju minħabba li l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni minnha ta’ limitu żero għal fattibbiltà teknika ta’ alternattivi huwa argument ġdid li ma tqajjimx quddiem il-Qorti Ġenerali u għalhekk ma jistax jiġi eżaminat mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-appell.

    75.

    Jiena ma naqbilx ukoll ma’ din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà. Abbażi tal-analiżi fil-punt 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-argument tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni minnha ta’ limitu żero ta’ fattibbiltà teknika ta’ alternattivi għandu jitqies ammissibbli, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li huwa intiż li jikkontesta l-fondatezza, fid-dritt, tal-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni naqset milli twettaq evalwazzjoni xierqa tan-nuqqas ta’ alternattivi adatti skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH u tibbaża ruħha fuq argumenti mqajma mill-Kummissjoni fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

    76.

    Nikkunsidra, għalhekk, it-tieni aggravju ammissibbli.

    b) Fuq il-mertu

    77.

    Bit-tieni aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta interpretat b’mod żbaljat id-diskrezzjoni li l-Kummissjoni għandha sabiex tiddetermina l-limitu ta’ fattibbiltà teknika u ekonomika tal-alternattivi skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH u l-livell ta’ stħarriġ ġudizzjarju fuq id-deċiżjonijiet tagħha meħuda skont din id-dispożizzjoni.

    78.

    Kif issemma fil-punt 61 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 86 tas-sentenza appellata, li, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet debitament in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH. Din il-konstatazzjoni kienet ibbażata fuq diversi kunsiderazzjonijiet, stabbiliti fil-punti 87 sa 98 tas-sentenza appellata.

    79.

    B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 90 tas-sentenza appellata, li l-informazzjoni ppreżentata minn parti interessata kienet tindika li, taħt ċerti kundizzjonijiet, kienu disponibbli fis-suq tal-Unjoni alternattivi għall-użi kollha msemmija fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni.

    80.

    Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat ukoll, fil-punt 96 tas-sentenza appellata, li mill-premessi 8, 9 u 12 tad-deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta li l-Kummissjoni kien għad kellha dubji dwar in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi teknikament fattibbli għall-użi kollha koperti mill-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni.

    81.

    Fil-fehma tiegħi, ebda żball ta’ liġi ma jista’ jiġi identifikat f’dawn il-konstatazzjonijiet.

    82.

    L-ewwel nett, nosserva li d-determinazzjoni mill-Kummissjoni ta’ valur limitu għal fattibbiltà teknika ta’ alternattivi jew ekonomika ma tissemmiex la fid-deċiżjoni kontenzjuża u lanqas fis-sentenza appellata, kemm fis-sommarju tal-argumenti tal-Kummissjoni fil-punti 51 sa 56 ta’ din is-sentenza u lanqas fil-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, is-sentenza appellata ma tiħux pożizzjoni ġenerali fuq is-setgħat diskrezzjonali tal-Kummissjoni sabiex tevalwa l-fattibbiltà teknika ta’ alternattivi. Konsegwentement, kif jindikaw ir-Renju tal-Isvezja u l-Parlament, ebda prova ma tidher li ssostni l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ma ħaditx inkunsiderazzjoni, l-applikazzjoni minnha ta’ livell żero ta’ prestazzjoni teknika fid-deċiżjoni kontenzjuża jew billi injorat is-setgħa diskrezzjonali tagħha li tiffissa limiti għal fattibbiltà teknika u ekonomika ta’ alternattivi.

    83.

    Barra minn hekk, il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 96 tas-sentenza appellata, fir-rigward tal-premessi 8, 9 u 12 tad-deċiżjoni kontenzjuża ma jidhirlix li tista’ tiġi kkritikata. Kif jirriżulta mill-punti 24 u 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fil-premessi 8, 9 u 12 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni rrikonoxxiet “d-diffikultajiet li jiġi stabbilit kompletament in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi teknikament fattibbli għall-użi kollha koperti” tal-użi msemmija fl-applikazzjoni. Għalhekk, il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali tirriżulta mill-formulazzjoni ta’ dawn il-premessi. L-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni li hija applikat limitu żero ta’ fattibbiltà teknika u kkonstatat li ebda alternattiva ma ssodisfat dan il-limitu ma jistgħux jinvalidaw dan.

    84.

    Madankollu, sa fejn il-Kummissjoni tallega li l-applikazzjoni minnha ta’ livell żero li jikkonċerna l-fattibbiltà teknika ta’ alternattivi tikkostitwixxi bażi tad-deċiżjoni kontenzjuża, hija tqajjem il-kwistjoni dwar jekk tali approċċ huwiex konformi mar-Regolament REACH. Il-fehma tiegħi ta’ dan l-approċċ hija li alternattiva adatta hija teknikament fattibbli biss jekk hija toffri, għall-użi previsti, l-istess prestazzjoni teknika bħas-sustanzi inkwistjoni. Fuq din il-bażi, jidhirli li, kif jindikaw ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja u l-Parlament, jeżistu indizji serji, fid-dawl tal-formulazzjoni u l-għanijiet tar-Regolament REACH, li tali approċċ ma huwiex konformi mas-sistema ta’ awtorizzazzjoni implimentata minn dan ir-regolament. Lanqas ma hija konformi mas-sentenza appellata.

    85.

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali esponiet l-interpretazzjoni tagħha, fil-punti 70 sa 76 tas-sentenza appellata, tal-kunċett ta’ alternattiva adatta għall-finijiet tar-Regolament REACH. B’mod partikolari, hija fakkret li, skont dokument ta’ gwida maħruġ mill-ECHA, alternattiva tindika sostituzzjoni possibbli tas-sustanza inkwistjoni, u li għandha tkun tista’ tissostitwixxi l-funzjoni li din is-sustanza twettaq. Fil-fehma tagħha, il-kunċett ta’ alternattiva adatta mhux biss huwa iktar sigur, iżda wkoll “ekonomikament u teknikament vijabbli” fis-sens tal-Artikolu 55 tar-Regolament REACH. Din il-frażi timplika, skont il-Qorti Ġenerali, li l-alternattivi adatti ma humiex limitati għall-eżistenza ta’ sustanzi jew teknoloġiji alternattivi fl-astratt jew skont kundizzjonijiet li huma biss ta’ natura eċċezzjonali, iżda li l-evalwazzjoni għandha ssir mill-perspettiva tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni ta’ dawn is-sustanzi, tal-fattibbiltà ta’ dawn it-teknoloġiji u tar-rekwiżiti legali u fattwali meħtieġa għat-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni tagħhom.

    86.

    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali żiedet li l-evalwazzjoni tal-alternattivi adatti timplika wkoll kriterju suġġettiv dwar jekk l-alternattivi humiex teknikament u ekonomikament fattibbli “għall-applikant” għall-awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 60(5)(b) tar-Regolament REACH, b’tali mod li, meta alternattiva tkun disponibbli b’mod ġenerali, iżda għada mhux għall-applikant, l-awtorizzazzjoni tista’ dejjem tingħata jekk dak l-applikant jippreżenta pjan ta’ sostituzzjoni, kif previst minn dan ir-regolament, għal sostituzzjoni eventwali tas-sustanza permezz tal-alternattiva.

    87.

    Mis-sentenza appellata jirriżulta li r-rekwiżit dwar in-nuqqas ta’ alternattivi adatti skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH jimplika evalwazzjoni konkreta, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni kriterji oġġettivi u suġġettivi, fir-rigward tal-kapaċitajiet tal-alternattiva għas-sostituzzjoni tal-funzjoni li twettaq is-sustanza ta’ tħassib serju ħafna fir-rigward tal-użi previsti mill-applikant għall-awtorizzazzjoni.

    88.

    Għandu jiġi rrilevat ukoll li, għalkemm fir-Regolament REACH ma hemmx definizzjonijiet relatati mal-kunċetti ta’ alternattiva jew fattibbiltà teknika u ekonomika xierqa, mill-formulazzjoni tar-Regolament REACH, jiġifieri li l-alternattivi għall-finijiet tal-Artikolu 60(4) u (5) ta’ dan ir-regolament għandhom ikunu “adegwati” u “fattibbli”, jista’ jiġi dedott li dawn għandhom ikunu jistgħu, abbażi ta’ evalwazzjoni raġonevoli tal-ispejjeż, tad-disponibbiltà u tal-effikaċja, jwettqu l-funzjoni moqdija mis-sustanza inkwistjoni ( 24 ). Dan huwa sostnut b’mod partikolari mill-Artikolu 60(4)(d) (“kwalunkwe sustanza jew teknoloġija alternattiva”) u mill-Artikolu 60(5) (“l-aspetti kollha relevanti”) tar-Regolament REACH, li jikkostitwixxi kunċett wiesa’ ta’ alternattiva adatta li jista’ jkun kapaċi li jissostitwixxi s-sustanza, u ma huwiex limitat sempliċiment għal sostituti eżatti (“tnaqqis”). Dan jidher ukoll fid-dokumenti ta’ gwida tal-ECHA, li jindikaw li l-fattibbiltà teknika ta’ alternattiva hija bbażata fuq l-alternattiva li tissodisfa jew tissostitwixxi l-funzjoni li twettaq is-sustanza, filwaqt li l-fattibbiltà ekonomika hija kkonċentrata fuq it-tibdil fl-ispejjeż u d-dħul tal-applikant għall-awtorizzazzjoni b’riżultat tat-trasferiment għall-alternattiv ( 25 ).

    89.

    Barra minn hekk, l-evalwazzjoni tan-nuqqas ta’ alternattivi adatti għandha tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-għan imfittex mir-Regolament REACH li jiġi żgurat livell għoli ta’ saħħa tal-bniedem u ta’ protezzjoni tal-ambjent, skont l-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament, kif ukoll l-għan speċifiku tas-sistema ta’ awtorizzazzjoni, stabbilita fl-Artikolu 55 tiegħu, li jiġi żgurat li s-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna jiġu progressivament issostitwiti b’alternattivi adatti, meta dawn ikunu ekonomikament u teknikament vijabbli (ara l-punti 9 u 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

    90.

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-applikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ livell żero ta’ fattibbiltà teknika ta’ alternattivi kif deskritt fil-punt 84 ta’ dawn il-konklużjonijiet ma jidhirlix li hija konformi mal-kunċett wiesa’ tal-alternattivi adatti riflessi fir-Regolament REACH u mal-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li l-evalwazzjoni tal-alternattivi adatti għandha tiġi evalwata konkretament fid-dawl taċ-ċirkustanzi u tal-kapaċitajiet rilevanti tal-alternattiva sabiex titwettaq il-funzjoni tas-sustanza għall-użi mitluba. Permezz tal-istabbiliment ta’ limitu għal telf ta’ prestazzjoni teknika mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-funzjoni li għandha tiġi ssodisfatta mis-sustanza li għaliha din il-prestazzjoni hija neċessarja fl-użi mitluba, tali approċċ jinjora l-fatt li l-fattibbiltà teknika tal-alternattiva għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-funzjoni li għandha titwettaq għall-użu previst u mhux fir-rigward tal-prestazzjoni tas-sustanza ta’ tħassib serju ħafna. Konsegwentement, dan l-approċċ jista’ jkun li jċaħħad mis-sustanza tiegħu r-rekwiżit dwar in-nuqqas ta’ alternattivi adatti skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH, peress li jillimita b’mod inevitabbli l-firxa ta’ alternattivi potenzjali.

    91.

    Tali approċċ jidher għalhekk li jmur kontra l-għan tar-Regolament REACH ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent sa fejn dan jista’ jwassal għall-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet f’sitwazzjonijiet fejn alternattivi adatti jistgħu effettivament ikunu disponibbli. Bl-istess mod, huwa jippreġudika l-għan tas-sistema ta’ awtorizzazzjoni fl-Artikolu 55 tar-Regolament REACH li tiġi ffavorita s-sostituzzjoni progressiva tas-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna, peress li tista’ twassal għall-possibbiltà li tiġi aċċettata sostituzzjoni fil-każijiet eċċezzjonali biss fejn din ma twassal għal ebda telf ta’ effikaċja.

    92.

    Fl-aħħar nett, fil-fehma tiegħi, l-ilmenti bbażati fuq il-livell ta’ stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni kontenzjuża ma humiex konvinċenti. B’mod partikolari, ir-riferiment magħmul mill-Kummissjoni għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑4 ta’ April 2019, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni (T‑108/17, EU:T:2019:215) ( 26 ), jidhirli mhux f’loku. Kif indikat mir-Repubblika tal-Finlandja, iċ-ċirkustanzi li jirriżultaw minn din il-kawża huma differenti minn dawk li jirriżultaw f’dik is-sentenza, iktar u iktar peress li dan ma kienx jikkonċerna l-eżami mill-ġdid mill-Qorti Ġenerali ta’ deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni bbażata fuq ir-Regolament REACH, iżda pjuttost deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad talba għal eżami mill-ġdid intern tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1367/2006, li timplimenta l-obbligi li jinsabu fil-Konvenzjoni ta’ Aarhus ( 27 ).

    93.

    Barra minn hekk, f’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-istħarriġ tagħha għal żball manifest jirrigwarda l-evalwazzjoni minn istituzzjoni tal-Unjoni ta’ fatti kumplessi, tali li l-provi mogħtija mill-applikant għandhom ikunu biżżejjed sabiex tagħmel l-evalwazzjonijiet fattwali użati fl-att adottat minn dik l-istituzzjoni mhux plawżibbli ( 28 ). B’kuntrast, il-punti kkontestati tas-sentenza appellata ma jirrigwardawx il-plawżibbiltà tal-evalwazzjonijiet fattwali tal-Kummissjoni bħala l-bażi għall-awtorizzazzjoni, iżda pjuttost in-nuqqas ta’ konformità mal-obbligu ta’ evalwazzjoni tagħha li tistabbilixxi n-nuqqas ta’ alternattivi adatti skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH. B’mod simili, jien ma nara l-ebda bażi għall-affermazzjoni li l-Qorti Ġenerali ssostitwixxiet lilha nfisha għall-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tad-disponibbiltà ta’ alternattivi, peress li l-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx fuq din il-kwistjoni f’dawk il-punti.

    94.

    Għaldaqstant nipproponi li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    C.   It-tielet aggravju (dwar il-portata u l-kundizzjonijiet parzjali ta’ awtorizzazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża)

    1. L-argumenti tal-partijiet mfakkra

    95.

    Permezz tat-tielet aggravju, il-Kummissjoni, sostnuta b’mod ġenerali mill-ECHA, tafferma li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi manifest, fil-punti 86, 97 u 98 tas-sentenza appellata, fir-rigward tad-deċiżjoni kontenzjuża. Dan l-aggravju huwa maqsum f’żewġ partijiet.

    96.

    Permezz tal-ewwel parti tat-tielet aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni li d-deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx tawtorizza l-użi kollha msemmija fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni, iżda pjuttost kienet tikkostitwixxi awtorizzazzjoni parzjali għal ċerti użi tas-sustanzi inkwistjoni li fihom il-proprjetajiet tekniċi ta’ prestazzjoni ta’ dawn is-sustanzi kienu neċessarji għall-użu previst. Għalhekk hija ssostni li d-deċiżjoni kontenzjuża ma setgħetx tiġi interpretata fis-sens li r-rekwiżiti tal-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH ma kinux issodisfatti għal awtorizzazzjoni parzjali.

    97.

    Permezz tat-tieni parti tat-tielet aggravju, il-Kummissjoni tikkontesta l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li ċerti kundizzjonijiet fid-deċiżjoni kontenzjuża jindikaw li l-evalwazzjoni tan-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi fl-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH ma ġietx kompluta. Fil-fehma tagħha, huwa possibbli li l-portata tal-awtorizzazzjoni tiġi limitata permezz ta’ kriterji oġġettivi u li jiġi ddefinit l-użu awtorizzat billi jsir riferiment għall-funzjonalitajiet imfittxija, kif sar fl-Artikolu 1(1) u (2) tad-deċiżjoni kontenzjuża. Skont il-Kummissjoni, il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(3)(d) u (e) ta’ din id-deċiżjoni dwar ir-rekwiżiti li jingħata rendikont tad-detentur tal-awtorizzazzjoni u tal-utenti downstream tiegħu kienu intiżi sabiex itejbu l-informazzjoni disponibbli għall-ECHA u l-Kummissjoni fl-istadju tal-eżami mill-ġdid, jew saħansitra qabel. Hija ssostni wkoll li hija ma ddelegatx lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru l-kompitu diskrezzjonali li jevalwaw l-alternattivi skont l-Artikolu 3(b) tad-deċiżjoni kontenzjuża. Fid-dawl ta d-dispożizzjonijiet tar-Regolament REACH dwar ir-rwol tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni u l-infurzar ta’ dak ir-regolament, bħall-Artikoli 122, 125 u 126 u l-premessi 119 sa 121 tiegħu, hija tikkunsidra li l-fatt li l-Istati Membri ma humiex permessi jwettqu kompiti ta’ monitoraġġ u verifika ta’ konformità fil-kuntest ta’ awtorizzazzjoni tinjora d-diviżjoni tal-kompetenzi previsti f’dak ir-regolament u jista’ jkollha effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent.

    98.

    Ir-Renju tad-Danimarka jsostni li t-tielet aggravju huwa inammissibbli, peress li huwa bbażat fuq l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi mill-Qorti Ġenerali, li ma tistax tiġi mistħarrġa fl-appell.

    99.

    Ir-Renju tal-Isvezja, sostnuta mir-Renju tad-Danimarka, mir-Repubblika tal-Finlandja u mill-Parlament, issostni, barra minn hekk, li t-tielet aggravju huwa infondat. Huma tal-fehma, li l-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li l-Kummissjoni naqset milli tasal għal konklużjoni dwar in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi, kif jirriżulta mill-kundizzjonijiet fid-deċiżjoni kontenzjuża li kienu jeħtieġu lid-detentur tal-awtorizzazzjoni u l-utenti downstream tiegħu jipprovdu informazzjoni dwar id-disponibbiltà ta’ alternattivi adatti u fuq l-utenti downstream li jastjenu milli jużaw is-sustanzi inkwistjoni fil-każ fejn huma jidentifikaw alternattiva. Huma jenfasizzaw li, għalkemm huwa possibbli li l-portata tal-awtorizzazzjoni tiġi limitata minn kriterji oġġettivi, il-Kummissjoni ma tistax tifformula kundizzjonijiet li jirrappreżentaw ir-rekwiżiti li hija responsabbli li tevalwa skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH. Ir-Renju tal-Isvezja jsostni wkoll li l-Kummissjoni ma tistax tiddelega lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-kompiti fdati lilha skont ir-Regolament REACH; dawn l-awtoritajiet għandhom is-setgħa li jinforzaw id-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni, iżda ma jistgħux jieħdu pożizzjoni dwar jekk ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 60(4) humiex issodisfatti.

    2. Evalwazzjoni tat-tielet aggravju

    a) Fuq l-ammissibbiltà

    100.

    Ir-Renju tad-Danimarka jikkontesta, essenzjalment, l-ammissibbiltà tat-tielet aggravju minħabba li jirrigwarda l-evalwazzjoni fattwali tal-Qorti Ġenerali li abbażi tagħha hija kkonstatat li l-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet debitament in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH, li ma tistax tiġi mistħarrġa mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-appell.

    101.

    Fil-fehma tiegħi, din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ma tistax tirnexxi. Kif rilevat fil-punti 50 u 73 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali setgħetx korrettament tikkonkludi, abbażi tal-fatti u tal-provi prodotti quddiemha, li l-Kummissjoni wettqet żball fl-evalwazzjoni tan-nuqqas ta’ alternattivi xierqa għall-għoti tal-awtorizzazzjoni tikkonċerna l-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti tal-kawża, li l-istħarriġ tagħha jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-appell.

    102.

    Għalhekk, nikkunsidra, it-tielet aggravju ammissibbli.

    b) Fuq il-mertu

    103.

    Permezz tat-tielet aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH għad-deċiżjoni kontenzjuża. Fl-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li kienet awtorizzat l-użi kollha msemmija fl-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni filwaqt li kienet tat biss awtorizzazzjoni parzjali. Fit-tieni parti ta’ dan l-aggravju, il-Kummissjoni tikkritika l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li ċerti kundizzjonijiet fid-deċiżjoni kontenzjuża kienu juru li hija kienet tat l-awtorizzazzjoni qabel ma wettqet eżami suffiċjenti tan-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi.

    104.

    Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel parti tat-tielet aggravju jidhirli li hija infondata fil-fatt. Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 97 tas-sentenza appellata, moqri flimkien mal-punti 54 sa 56 tagħha, li d-deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx tawtorizza l-użi kollha mitluba, iżda kienet “limitata biss għall-każijiet” li fihom il-karatteristiċi ta’ prestazzjoni tas-sustanzi inkwistjoni kienu neċessarji.

    105.

    Madankollu, huwa minnu li, kif tallega l-Kummissjoni fl-ewwel u fit-tieni parti tat-tielet aggravju, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 97 u 98 tas-sentenza appellata, li l-kundizzjonijiet marbuta mill-Kummissjoni mal-awtorizzazzjoni isostnu l-konstatazzjoni tagħha, li tinsab fil-punt 86 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet debitament in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża.

    106.

    Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 97 tas-sentenza appellata, li l-kundizzjoni fl-Artikolu 1(1) u (2) tad-deċiżjoni kontenzjuża, li skontha l-Kummissjoni llimitat l-awtorizzazzjoni għal dawk il-każijiet li fihom il-prestazzjonijiet tal-kompożizzjonijiet li jinkludu s-sustanzi inkwistjoni kienu realment neċessarji, kienet tammonta għal dikjarazzjoni li utent downstream, kull darba li jidentifika alternattiva, għandu jastjeni milli juża s-sustanzi inkwistjoni. Il-Qorti Ġenerali hija tal-fehma li tali kundizzjoni tikkostitwixxi indikazzjoni qawwija li, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni ma kkunsidratx li l-eżami tan-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi kien konkluż.

    107.

    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 98 tas-sentenza appellata, li l-kundizzjonijiet fl-Artikolu 1(3)(d) u (e) tad-deċiżjoni kontenzjuża, li skonthom l-utenti downstream tad-detentur tal-awtorizzazzjoni kellhom jipprovdu l-informazzjoni dwar l-alternattivi adatti u disponibbli li kienu jiġġustifikaw b’mod iddettaljat in-neċessità li jintużaw is-sustanzi inkwistjoni u d-detentur tal-awtorizzazzjoni kellu jippreżenta rapport li fih kellu jirfina d-deskrizzjoni tal-użu awtorizzati bbażata fuq l-alternattivi pprovduti mill-utenti downstream tiegħu, kienu prova li l-eżami mill-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi kien għadu mhux konkluż.

    108.

    Fil-fehma tiegħi, dawn il-konstatazzjonijiet ma humiex ivvizzjati minn żball ta’ liġi.

    109.

    Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH, in-nuqqas ta’ alternattivi adatti hija kundizzjoni minn qabel għall-awtorizzazzjoni mogħtija skont din id-dispożizzjoni u għalhekk l-evalwazzjoni ta’ dan ir-rekwiżit għandha tkun tlestiet qabel it-teħid tad-deċiżjoni kontenzjuża. Għalkemm ir-Regolament REACH jeżiġi, b’mod ġenerali, li l-kundizzjonijiet ikunu imposti fuq l-awtorizzazzjonijiet (ara l-punt 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet) u ma jidhirx li jeskludi, kif tirrileva l-Kummissjoni, il-limitazzjoni tal-portata tal-awtorizzazzjoni permezz ta’ kriterji oġġettivi, mill-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH jirriżulta li l-Kummissjoni ma tistax tissuġġetta awtorizzazzjoni għal kundizzjonijiet li hija obbligata tevalwa skont din id-dispożizzjoni. Kif il-Qorti Ġenerali, ġustament fil-fehma tiegħi, iddeċidiet fil-punti 82 u 83 tas-sentenza appellata, il-possibbiltà li jiġu marbuta kundizzjonijiet ma’ awtorizzazzjoni ma tistax b’mod partikolari tintuża bħala mezz li jippermetti lill-Kummissjoni tħalli miftuħa l-kwistjoni dwar jekk ir-rekwiżiti tal-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH humiex issodisfatti jew sabiex tirrimedja l-irregolaritajiet fl-evalwazzjoni li hija għandha twettaq skont din id-dispożizzjoni.

    110.

    Konsegwentement, jidhirli li l-Kummissjoni ma tistax, skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH, tissuġġetta awtorizzazzjoni għar-rekwiżit li ma jkun hemmx hemm alternattiva adatta għal sustanza partikolari, li huwa rifless fil-kundizzjoni fl-Artikolu 1(1) u (2) tad-deċiżjoni kontenzjuża li l-prestazzjoni għandha tkun teknikament vijabbli biss permezz tal-użu tas-sustanzi inkwistjoni u li din il-prestazzjoni hija neċessarja għall-użu previst (ara l-punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Fil-fehma tiegħi, din il-kundizzjoni tħalli, essenzjalment, lid-detentur tal-awtorizzazzjoni u lill-utenti downstream tiegħu jiddeċiedu huma stess jekk hemmx alternattiva adatta. Għaldaqstant, kif iddeċidiet ġustament il-Qorti Ġenerali, din il-kundizzjoni timplika li l-Kummissjoni ma wettqitx l-evalwazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH.

    111.

    Jiena naqbel ukoll mal-qari li l-Qorti Ġenerali għamlet tal-kundizzjonijiet fl-Artikolu 1(3)(d) u (e) tad-deċiżjoni kontenzjuża. L-Artikolu 1(3)(d) ta’ din id-deċiżjoni jobbliga b’mod partikolari lill-utenti downstream jipprovdu informazzjoni dwar id-disponibbiltà ta’ alternattivi u jiġġustifikaw in-neċessità li jintużaw is-sustanzi inkwistjoni, filwaqt li l-Artikolu 1(3)(e) ta’ din id-deċiżjoni jobbliga lid-detentur tal-awtorizzazzjoni jirrapporta dwar din l-informazzjoni ppreżentata mill-utenti downstream tiegħu u jirfina d-deskrizzjoni tal-użi awtorizzati abbażi ta’ din l-informazzjoni (ara l-punti 27 u 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Fil-fehma tiegħi, dawn il-kundizzjonijiet, essenzjalment, ifissru li jitolbu lid-detentur tal-awtorizzazzjoni u lill-utenti downstream tiegħu sabiex jipprovdu informazzjoni intiża għall-evalwazzjoni tan-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi għall-użi tas-sustanzi inkwistjoni wara li dan l-użu jkun ġie awtorizzat mill-Kummissjoni. Għalhekk, jidhirli li din il-kundizzjoni tindika wkoll li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi ma kinitx tlestiet.

    112.

    Għandu jingħad ukoll li jistgħu jinsiltu konklużjonijiet simili fir-rigward tal-Artikolu 3(b) tad-deċiżjoni kontenzjuża, li jippreċiża li, fuq talba tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat, l-utenti downstream tad-detentur tal-awtorizzazzjoni għandhom jiġġustifikaw ir-raġunijiet li għalihom japplikaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 1(1) u (2) ta’ din id-deċiżjoni u għaliex il-parametri ta’ prestazzjoni huma neċessarji għall-użu previst (ara l-punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Fil-fehma tiegħi, dan jipprevedi, essenzjalment, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru jivverifikaw jekk l-utenti downstream iddeterminawx korrettament li ma jeżistux alternattivi adatti għall-użi tas-sustanzi inkwistjoni. Għalhekk, jista’ jitqies li jiġi ssostanzjat iktar li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi ma kinitx konkluża. Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, ma hemm xejn li jissuġġerixxi, mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament REACH dwar ir-rwol tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni u fl-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, li huma jistgħu jwettqu kompiti li jaqgħu taħt l-obbligu ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH.

    113.

    Għaldaqstant, nipproponi li t-tielet aggravju jiġi miċħud bħala infondat.

    D.   Ir-raba’ aggravju (dwar iż-żamma tal-effetti tad-deċiżjoni kontenzjuża)

    1. Sunt tal-argumenti tal-partijiet

    114.

    Permezz tar-raba’ aggravju, ippreżentat sussidjarjament, il-Kummissjoni, sostnuta b’mod ġenerali mill-ECHA, targumenta li l-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali rrifjutat li żżomm l-effetti tad-deċiżjoni kontenzjuża, huwa bbażat fuq żball ta’ liġi manifest fil-punt 112 ta’ din is-sentenza.

    115.

    L-ewwel, il-Kummissjoni ssostni li l-punt 112 tas-sentenza appellata huwa bbażat fuq premessa żbaljata – li hija tammetti li sar ukoll fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali – li l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta fi projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq tas-sustanzi inkwistjoni. Fil-fehma tagħha, l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża għandu l-effett li jistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni legali eżistenti qabel l-adozzjoni tagħha, li jimplika li, fid-dawl tar-regoli tranżitorji stabbiliti fl-Artikolu 56(1)(d) tar-Regolament REACH, is-sustanzi inkwistjoni jistgħu jkomplu jintużaw u jitqiegħdu fis-suq mill-applikant u l-utenti downstream tiegħu għall-użi mitluba sakemm il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni ġdida dwar l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni.

    116.

    It-tieni, il-Kummissjoni ssostni li l-effett immedjat tal-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża jippreżenta riskju sinjifikattivament ogħla għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent, peress li s-sustanzi inkwistjoni jistgħu jintużaw u jitqiegħdu fis-suq mingħajr ma jkunu suġġetti għall-kundizzjonijiet u għal-limitazzjonijiet previsti mid-deċiżjoni kontenzjuża. Għaldaqstant, hija tqis li, anki jekk l-aggravji l-oħra jiġu miċħuda, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla l-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata u żżomm l-effetti tad-deċiżjoni kontenzjuża sakemm dan jiġi ssostitwit b’deċiżjoni ġdida.

    117.

    Ir-Renju tal-Isvezja, sostnut mir-Renju tad-Danimarka u r-Repubblika tal-Finlandja, jikkontesta ir-raba’ aggravju bħala infondat.

    118.

    Ir-Renju tal-Isvezja, flimkien mar-Repubblika tal-Finlandja, isostni li, għalkemm l-effetti tal-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża huma differenti minn dawk previsti mill-Qorti Ġenerali, iċ-ċaħda minnha tat-talba tal-Kummissjoni hija fondata, għaliex il-kundizzjonijiet għaż-żamma tal-effetti tad-deċiżjoni kontenzjuża ma humiex issodisfatti. B’mod partikolari, dawk l-Istati Membri jaffermaw li l-annullament ta’ din id-deċiżjoni ma jwassalx għal konsegwenzi gravi għal DCC Maastricht, peress li hija tista’ tkompli tikkummerċjalizza s-sustanzi inkwistjoni għall-użu mitlub sakemm il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni ġdida. Huwa ma joħloqx riskji wkoll għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent, minħabba li hemm regoli tal-UE fis-seħħ sabiex jipproteġu lill-ħaddiema mill-espożizzjoni għas-sustanzi inkwistjoni ( 29 ). Il-Kummissjoni lanqas ma wriet li l-kwantitajiet awtorizzati mid-deċiżjoni kontenzjuża huma inqas minn dawk imsemmija fl-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni.

    119.

    Ir-Renju tad-Danimarka jargumenta li r-regoli tranżitorji fl-Artikolu 56(1)(d) tar-Regolament REACH jiskadu ladarba l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjoni tagħha u ma jistgħux jiġu stabbiliti mill-ġdid meta din id-deċiżjoni tkun annullata, bħal fil-każ preżenti, għaliex dan imur kontra l-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent imfittex minn dan ir-regolament. Fil-fehma tagħha, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi eċċezzjoni għall-projbizzjoni ġenerali ta’ użu u ta’ tqegħid fis-suq ta’ sustanzi ta’ tħassib serju ħafna u għalhekk għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv.

    2. Evalwazzjoni tar-raba’ aggravju

    120.

    Permezz tar-raba’ aggravju, ippreżentat sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet it-talba tagħha għaż-żamma tal-effetti tad-deċiżjoni kontenzjuża. Hija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla l-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata u żżomm l-effetti tad-deċiżjoni kontenzjuża sakemm il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni ġdida dwar l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni.

    121.

    Għandu jiġi rrilevat li jkun neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar dan l-aggravju biss jekk tiċħad l-aggravji l-oħra u tikkonferma l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, kif nipproponi jien.

    122.

    Qabelxejn nixtieq nindika li r-raba’ aggravju huwa fondat. Ir-raġunijiet li hija bbażata fuqhom din il-konklużjoni huma s-segwenti.

    123.

    Għandu jiġi mfakkar li l-annullament ta’ att tal-Unjoni ġeneralment jirriżulta fl-eliminazzjoni tiegħu mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni mid-data meta dak l-att daħal fis-seħħ, jiġifieri, għandu effetti retroattivi (ex tunc) ( 30 ). Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, li ssemmiet fil-punti 109 sa 111 tas-sentenza appellata, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE jippermetti lill-qrati tal-Unjoni jtaffu l-effetti retroattivi tal-annullament billi jsostnu li huma jistgħu, jekk jidhrilhom li dan hu meħtieġ, jindikaw liema mill-effetti tal-att iddikjarat null għandhom jitqiesu bħala definittivi. Din id-dispożizzjoni ġiet interpretata, inter alia, bħala li tippermetti, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali kif ukoll għal raġunijiet intiżi li jipprevjenu degradazzjoni tal-politiki tal-Unjoni, bħal fl-oqsma tas-saħħa pubblika u tal-protezzjoni tal-ambjent, li jinżammu l-effetti ta’ att tal-Unjoni ddikjarat null sakemm l-istituzzjoni jew il-korp tal-Unjoni kkonċernat jadotta l-miżuri xierqa ( 31 ).

    124.

    Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 112 tas-sentenza appellata, li l-annullament b’effett immedjat tad-deċiżjoni kontenzjuża seta’ jwassal għal konsegwenzi negattivi serji għal DCC Maastricht, peress li hija ma tkunx iktar f’pożizzjoni li tikkummerċjalizza s-sustanzi kontenzjużi. Madankollu, hija enfasizzat li l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża kien ibbażat fuq raġunijiet relatati mal-legalità fuq il-mertu tagħha. Hija ħadet il-fehma wkoll li ż-żamma tal-effetti ta’ din id-deċiżjoni ma kinitx kompatibbli mal-għan tar-Regolament REACH li jiġi żgurat livell għoli ta’ saħħa tal-bniedem u ta’ protezzjoni tal-ambjent. Fuq din il-bażi, il-Qorti Ġenerali rrifjutat, fil-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, li żżomm l-effetti tad-deċiżjoni kontenzjuża.

    125.

    Fil-fehma tiegħi, il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punt 112 tas-sentenza appellata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi.

    126.

    Għandu jiġi kkunsidrat li l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża kellu l-effett li jmur lura għar-regoli tranżitorji stabbiliti fl-Artikolu 56(1)(d), moqri flimkien mal-Artikolu 58(1)(ċ)(ii) tar-Regolament REACH, li jindikaw li applikant jista’ jkompli jqiegħed is-sustanza inkwistjoni fis-suq għall-użi mitluba wara d-data tat-terminazzjoni sakemm tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni, bil-kundizzjoni li din it-talba tkun tressqet fl-aħħar data tal-applikazzjoni għal sustanza elenkata fl-Anness XIV ta’ dan ir-regolament (ara l-punti 5, 6 u 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

    127.

    F’dan il-każ, DCC Maastricht, li applikat għal awtorizzazzjoni fit-terminu mogħti, ibbenefikat minn din is-sistema tranżitorja (ara l-punti 18, 19 u 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Peress li l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża kellu l-effett li jeħtieġ lill-Kummissjoni terġa’ tikkunsidra mill-ġdid l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni, jidhirli li DCC Maastricht terġa’ tikseb il-benefiċċju ta’ dawk ir-regoli tranżitorji sakemm il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni ġdida dwar dik l-applikazzjoni. Kuntrarjament għal dak li jsostni r-Renju tad-Danimarka, ma hemm xejn li jissuġġerixxi mill-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li huma ma japplikawx fis-sitwazzjoni fejn deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ġiet annullata.

    128.

    Għalhekk, jidhirli li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punt 112 tas-sentenza appellata billi naqset milli tikkunsidra r-regoli tranżitorji fl-Artikoli 56(1)(d) u 58(1)(ċ)(ii) tar-Regolament REACH.

    129.

    Barra minn hekk, huwa minnu li, skont il-ġurisprudenza stabbilita msemmija fil-punt 111 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, l-effetti ta’ att tal-Unjoni ddikjarat null jistgħu jinżammu b’mod partikolari fejn il-legalità ta’ dak l-att hija kkontestata, mhux minħabba l-għan jew il-kontenut tiegħu, iżda minħabba raġunijiet ta’ nuqqas ta’ kompetenza jew ksur ta’ rekwiżit proċedurali essenzjali ( 32 ). Madankollu, qari mill-qrib tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja juri li, filwaqt li dak l-element jista’ jitqies bħala ostakolu li jipprevjeni lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tiddeċiedi li l-effetti ta’ att tal-Unjoni jinżammu f’xi każijiet ( 33 ), f’oħrajn, il-Qorti tal-Ġustizzja żammet l-effetti ta’ att tal-Unjoni li ġie annullat għal raġunijiet relatati mal-legalità fuq il-mertu tiegħu ( 34 ). Għalhekk, jidher li, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sal-lum, dan l-element ma huwiex rekwiżit li jrid jiġi ssodisfatt f’kull każ, iżda jiddependi mis-sitwazzjoni partikolari.

    130.

    Fil-fehma tiegħi, ma jistax jiġi eskluż, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, li ċ-ċaħda tat-talba tal-Kummissjoni li jinżammu l-effetti tad-deċiżjoni kontenzjuża tippreżenta riskji għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent. Kuntrarjament għall-argumenti mressqa mir-Repubblika tal-Finlandja u mir-Renju tal-Isvezja, id-deċiżjoni kontenzjuża tistabbilixxi kundizzjonijiet u limitazzjonijiet li jirrestrinġu, effettivament, l-użu tas-sustanzi inkwistjoni barra mir-regoli tal-Unjoni li jipproteġu lill-ħaddiema mill-espożizzjoni l dawk is-sustanzi inkwistjoni msemmija fil-punt 118 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Dan jinkludi, inter alia, il-programm speċifiku dwar it-tagħmir ta’ protezzjoni personali u t-taħriġ tal-ħaddiema msemmija fl-Artikolu 1(3)(b) u fil-premessa 10 tad-deċiżjoni kontenzjuża, kif ukoll il-limiti ta’ tunnellaġġ annwali, imsemmija fl-Artikolu 1(3)(c) u fil-premessa 13 tal-imsemmija deċiżjoni, sabiex jiġi żgurat li l-kwantitajiet tas-sustanzi inkwistjoni ma jeċċedux dawk indikati fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni. Barra minn hekk, it-termini limitati ta’ reviżjoni previsti fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kontenzjuża jiġu mħassra ( 35 ). Għalhekk, fil-kuntest tal-bilanċ, iż-żamma tal-effetti tad-deċiżjoni kontenzjuża hija preferibbli għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent.

    131.

    Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla l-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata u tordna ż-żamma tal-effetti tad-deċiżjoni kontenzjuża sakemm il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni ġdida dwar l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni.

    VII. Spejjeż

    132.

    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun infondat jew meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti sentenza definittiva hija stess, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(3) ta’ dawn ir-regoli, li japplika għall-appell abbażi tal-Artikolu 184(1) tagħhom, fejn kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom. Madankollu, jekk fiċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher ġustifikat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li parti għandha, minbarra li tbati l-ispejjeż tagħha, tħallas parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra. Peress li l-Kummissjoni rebħet biss fir-rigward tat-talbiet sussidjarji tagħha, jidher li huwa raġonevoli li l-Kummissjoni tbati erba’ partijiet minn ħamsa tal-ispejjeż sostnuti mir-Renju tal-Isvezja, filwaqt li r-Renju tal-Isvezja għandu jbati parti minn ħamsa tal-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni.

    133.

    Skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li japplika għall-appelli skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess. Skont l-Artikolu 184(4) ta’ dawn ir-regoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li intervenjent fl-ewwel istanza li jipparteċipa fl-appell għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess. Għalhekk, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Finlandja, il-Parlament u l-ECHA għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

    VIII. Konklużjoni

    134.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

    tannulla l-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2019, L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni (T‑837/16, EU:T:2019:144);

    tiċħad il-kumplament tal-appell;

    tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea tbati erba’ partijiet minn ħamsa tal-ispejjeż tagħha stess u tbati erba’ partijiet minn ħamsa tal-ispejjeż sostnuti mir-Renju tal-Isvezja;

    tikkundanna lir-Renju tal-Isvezja jbati parti minn ħamsa tal-ispejjeż tiegħu stess u parti minn ħamsa tal-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea; u

    tikkundanna lir-Renju tad-Danimarka, lir-Repubblika tal-Finlandja, lill-Parlament Ewropew u lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi jbatu l-ispejjeż tagħhom stess.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) ĠU 2006 L 396, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2007, L 136, p. 3, fil-ĠU 2008, L 141, p. 22, u fil-ĠU 2009, L 36, p. 84.

    ( 3 ) Hemm kawża oħra pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li tqajjem kwistjonijiet simili, iżda mhux identiċi, relatati b’mod partikolari mal-evalwazzjoni tal-alternattivi mill-Kummissjoni fil-kuntest taċ-ċaħda tagħha ta’ talba għal eżami mill-ġdid intern ta’ deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni: ara ClientEarth vs Il‑Kummissjoni, C‑458/19 P (ara wkoll il-punti 92 u 93 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Kawża dwar iċ-ċaħda mill-Kummissjoni ta’ talba għal eżami mill-ġdid intern tad-deċiżjoni inkwistjoni hija wkoll pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali: ara ClientEarth et vs Il‑Kummissjoni, T‑436/17.

    ( 4 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2017, Polynt vs ECHA (C‑323/15 P, EU:C:2017:207, punt 20).

    ( 5 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017, PPG u SNF vs ECHA (C‑650/15 P, EU:C:2017:802, punt 55).

    ( 6 ) Għal diskussjoni fil-fond, ara, pereżempju, Herbatschek, N. et al., “The REACH Programmes and proceedings”, f’Bergkamp, L. (edizzjoni), The European Union REACH Regulation for Chemicals: Law and Practice, Oxford University Press, 2013, p. 83‑170, fil-p. 133‑146.

    ( 7 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017, PPG u SNF vs ECHA (C‑650/15 P, EU:C:2017:802, punt 56).

    ( 8 ) Ara r-Regolament REACH, Artikoli 56(1)(a) u (d), u 58(1)(ċ)(ii).

    ( 9 ) Ara r-Regolament REACH, Artikoli 56(1)(e) u (2), u 62(2) u (3).

    ( 10 ) Ara r-Regolament REACH, Artikolu 62(1).

    ( 11 ) Ara r-Regolament REACH, Artikolu 60(1).

    ( 12 ) Ara r-Regolament REACH, Artikoli 60(8) u (9), u 61; premessa 72.

    ( 13 ) Ara wkoll ir-Regolament REACH, premessi 22 u 69.

    ( 14 ) Skont l-Artikolu 62(4)(e) tar-Regolament REACH, applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandu jinkludi, inter alia, analiżi tal-alternattivi li tikkunsidra r-riskji tagħhom u l-fattibbiltà teknika u ekonomika tas-sostituzzjoni.

    ( 15 ) Ara, b’mod partikolari, ir-Regolament REACH, Artikoli 76(1)(ċ) u (d), 77(3) u 85.

    ( 16 ) Ara wkoll ir-Regolament REACH, premessa 83.

    ( 17 ) Ara r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 125/2012 tal‑14 ta’ Frar 2012 li jemenda l-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU 2012, L 41, p. 1), premessi 6 u 7; Anness, Numri tad-dħul 11 u 12.

    ( 18 ) Kif indikat fil-punt 5 tas-sentenza appellata, DCC Maastricht hija l-uniku rappreżentant, fis-sens tal-Artikolu 8 tar-Regolament REACH, ta’ manifattur tas-sustanzi inkwistjoni barra mill-Unjoni (Kanadiż), b’tali mod li tirrappreżentah għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tas-sustanzi tagħha skont dan ir-regolament.

    ( 19 ) Il-Qorti Ġenerali qieset li ma kienx neċessarju li jiġu eżaminati l-argumenti u l-motivi l-oħra mqajma fil-kawża (punti 46, 47 u 106 tas-sentenza appellata).

    ( 20 ) Il‑Kummissjoni vs L‑Isvezja (C‑389/19 P‑R, mhux ippubblikata, EU:C:2019:1007). Ara wkoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet u t-test li jakkumpanjaha.

    ( 21 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il‑Kummissjoni (C‑109/10 P, EU:C:2011:686, punt 51), u tal‑25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il‑Kummissjoni (C‑110/10 P, EU:C:2011:687, punt 46); ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Id‑Danimarka vs Il‑Kummissjoni (C‑417/12 P, EU:C:2014:286, punt 55).

    ( 22 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Il‑Kummissjoni vs Spanja et (C‑128/16 P, EU:C:2018:591, punt 31).

    ( 23 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2018, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni (C‑4/17 P, EU:C:2018:678, punt 24).

    ( 24 ) Ara, f’dan ir-rigward, Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi u li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u r-Regolament (KE) {dwar il-materjal organiku persistenti li jniġġes}, COM(2003) 644 final tad‑29 ta’ Ottubru 2003, Memorandum ta’ Spjegazzjoni, abbozz tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 57.

    ( 25 ) Ara, pereżempju, ECHA, Gwida dwar it-tħejjija ta’ applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni (ĠU 2011, C 28, p. 1), b’mod partikolari l-punti 3.6 u 3.8. Ara wkoll, iktar reċentement, ECHA, How to apply for authorisation (Kif tapplika għal awtorizzazzjoni), Ottubru 2017, disponibbli fuq https://echa.europa.eu/, punt 3.3.

    ( 26 ) L-appell kontra din is-sentenza huwa pendenti: ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 3 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 27 ) Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU 2006, L 264, p. 13).

    ( 28 ) Ara s-sentenza tal‑4 ta’ April 2019, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni (T‑108/17, EU:T:2019:215, b’mod partikolari l-punti 246, 248, 249, u 259 sa 262).

    ( 29 ) Dawk l-Istati Membri jirreferu, f’dan ir-rigward, għad-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tad‑19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 110); għad-Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE tas‑7 ta’ April 1998 dwar il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema mir-riskji li għandhom x’jaqsmu ma’ l-aġenti kimiċi fuq il-post tax-xogħol (l-erbatax‑il Direttiva individwali fit-tifsira ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 279); u għad-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati ma’ l-esposizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol (Sitt Direttiva individwali fis-sens ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 35).

    ( 30 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tas‑26 ta’ April 1988, Asteris et vs Il‑Kummissjoni (97/86, 99/86, 193/86 u 215/86, EU:C:1988:199, punt 30), u tat‑12 ta’ Frar 2008, CELF u ministre de la Culture et de la Communication (C‑199/06, EU:C:2008:79, punt 61).

    ( 31 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑25 ta’ Frar 1999, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑164/97 u C‑165/97, EU:C:1999:99, punti 22 sa 24); tas‑16 ta’ April 2015, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑317/13 u C‑679/13, EU:C:2015:223, punti 72 sa 74); u tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Ville de Paris, Ville de Bruxelles u Ayuntamiento de Madrid vs Il‑Kummissjoni (T‑339/16, T‑352/16 u T‑391/16, EU:T:2018:927, punt 160). Għal diskussjoni ddettaljata, ara, pereżempju, Rosenkranz, F., “Temporal Effects of CJEU Judgments”, f’Riesenhuber, K. (ed.), European Legal Methodology, Intersentia, 2017, p. 561‑590.

    ( 32 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑26 ta’ Novembru 2014, Il‑Parlament u Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑103/12 u C‑165/12, EU:C:2014:2400, punt 90), u tat‑28 ta’ Lulju 2016, Il‑Kunsill vs Il‑Kummissjoni (C‑660/13, EU:C:2016:616, punt 51).

    ( 33 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑1 ta’ Diċembru 2015, Il‑Parlament u Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑124/13 u C‑125/13, EU:C:2015:790, punt 89), u tas‑7 ta’ Settembru 2016, Il‑Ġermanja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑113/14, EU:C:2016:635, punt 84).

    ( 34 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Il‑Kunsill (C‑310/04, EU:C:2006:521, punti 138 sa 141, moqrija flimkien mal-punti 135 sa 137), u tat‑3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punti 373 sa 376, moqrija flimkien mal-punti 333 sa 372).

    ( 35 ) Ara, f’dan ir-rigward, id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑21 ta’ Novembru 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Isvezja (C‑389/19 P‑R, mhux ippubblikat, EU:C:2019:1007, punti 77 sa 80).

    Top