Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CC0300

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Bobek, ippreżentati fil-11 ta’ Ġunju 2020.
    UQ vs Marclean Technologies SLU.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Juzgado de lo Social n° 3 de Barcelona.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Tkeċċijiet kollettivi – Direttiva 98/59/KE – Artikolu 1(1)(a) – Kunċett ta’ ‘tkeċċija kollettiva’ – Modalitajiet ta’ kalkolu tan-numru ta’ tkeċċijiet – Perijodu ta’ referenza li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni.
    Kawża C-300/19.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:451

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    BOBEK

    ippreżentati fil-11 ta’ Ġunju 2020 ( 1 )

    Kawża C‑300/19

    UQ

    vs

    Marclean Technologies, S.L.U.,

    partijiet magħquda:

    Ministerio Fiscal,

    Fondo de Garantía Salarial

    (Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Social no 3 de Barcelona (il-Qorti Industrijali Nru 3 ta’ Barcelona, Spanja))

    “Talba għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Tkeċċijiet kollettivi — Direttiva 98/59/KE — Artikolu 1(1)(a) — Perijodu ta’ referenza għall-kalkolu tan-numru ta’ tkeċċijiet”

    I. Introduzzjoni

    1.

    Id-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE tal-20 ta’ Lulju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar redundancies kollettivi ( 2 ) timmira li toffri protezzjoni aħjar lill-ħaddiema billi tipprovdilhom (u lill-assoċjazzjonijiet tagħhom) ċerti drittijiet speċifiċi fil-każ ta’ tkeċċijiet kollettivi. Dik id-direttiva tapplika meta l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1 tagħha jkunu ssodisfatti. Waħda minn dawn il-kundizzjonijiet tikkonċerna n-numru ta’ tkeċċijiet li jseħħu f’perijodu determinat (ta’ 30 jew 90 jum, skont l-għażla magħmula minn kull Stat Membru).

    2.

    Id-domandi mressqa fil-każ preżenti jikkonċernaw il-metodu li għandu jiġi użat sabiex jiġi identifikat dan il-perijodu. Fi kliem sempliċi, kif għandu jiġi kkalkolat dan il-perijodu, meta (ex) ħaddiem u l-persuna li (kienet) timpjegah ma jaqblux dwar jekk kienx hemm numru biżżejjed ta’ tkeċċijiet sabiex tiġi applikata d-Direttiva 98/59?

    II. Il-kuntest ġuridiku

    A.   Id-dritt tal-Unjoni

    3.

    L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59 jipprovdi:

    “Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

    (a)

    ‘redundancies kollettivi’ ifisser tkeċċijiet mix-xogħol minn min iħaddem għal raġuni waħda jew aktar mhux relatati mal-ħaddiema individwali kkonċernati meta, skond l-għażla ta’ l-Istati Membri, in-numru tar- redundancies huwa:

    (i)

    jew, fuq perijodu ta’ 30 ġurnata:

    mill-inqas 10 fi stabbilimenti li normalment jimpjegaw iżjed minn 20 u inqas minn 100 impjegat,

    mill-inqas 10 % tan-numru ta’ ħaddiema fi stabbilimenti li normalment jimpjegaw mill-inqas 100 iżda inqas minn 300 ħaddiem,

    mill-inqas 30 fi stabbilimenti li normalment jimpjegaw 300 ħaddiema jew iżjed,

    (ii)

    jew, fuq perijodu ta’ 90 ġurnata, mill-inqas 20, ikun xi jkun in-numru ta’ impjegati li jaħdmu fl-istabbilimenti inkwistjoni;

    […]

    Għall-iskop tal-kalkolu tan-numru tar- redundancies kif previst [fl-ewwel] subparagrafu tal-punt (a), it-termini ta’ kuntratt tax-xogħol li jsir fuq l-inizjattiva ta’ min iħaddem għal raġuni waħda jew iktar li mhumiex relatati mal-ħaddiema individwali kkonċernati għandhom ikunu assimilati mar-redundancies sakemm, hemm mill-inqas ħames redundancies.”

    4.

    L-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/59 jipprovdi:

    “1.   Meta dak li jħaddem ikun qed jikkontempla redundancies kollettivi, huwa għandu jibda konsultazzjonijiet mar-rappreżentanti tal-ħaddiema fi żmien tajjeb bl-iskop li jintlaħaq ftehim.

    […]”

    5.

    L-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/59/KE jipprovdi:

    “1.   Kull min iħaddem għandu jinnotifika lill-awtorità pubblika kompetenti bil-miktub dwar kull pjan ta’ redundancies kollettivi.

    […]

    Din in-notifika għandu jkollha l-informazzjoni rilevanti kollha li tikkonċerna r- redundancies kollettivi u l-konsultazzjonijiet ippjanati mar-rappreżentanti tal-ħaddiema previsti fl-Artikolu 2, u partikolarment ir-raġunijiet għar-redundancy, in-numru ta’ ħaddiema li ser jisfgħu mingħajr xogħol, in-numru ta’ ħaddiema normalment impjegati u l-perijodu li fih il- redundancy għandu jiġi effettwat.

    […]”

    6.

    L-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/59 jipprovdi:

    “Din id-Direttiva ma għandhiex taffetwa d-dritt ta’ l-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li huma iktar favorevoli għal ħaddiema jew li jippromovu jew li jippermettu l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettivi iktar favorevoli għall-ħaddiema […]”

    B.   Id-dritt nazzjonali

    7.

    L-Artikolu 51(1) tal-Ley del Estatuto de los Trabajadores (l-Istatut tal-Ħaddiema, iktar ’il quddiem “ET”) jipprovdi:

    “Għall-finijiet ta’ din il-liġi, ‘tkeċċija kollettiva’ tfisser it-terminazzjoni ta’ kuntratti tal-impjieg minħabba raġunijiet ekonomiċi, tekniċi, organizzattivi jew produttivi fejn, fuq perijodu ta’ disgħin jum, it-terminazzjoni taffettwa mill-inqas:

    (a)

    10 ħaddiema f’impriżi li jimpjegaw inqas minn 100 ħaddiem;

    (b)

    10 % tan-numru ta’ ħaddiema f’impriżi li jimpjegaw bejn 100 u 300 ħaddiem;

    (c)

    30 ħaddiem f’impriżi li jimpjegaw iktar minn 300 ħaddiem.

    […]

    Sabiex jiġi kkalkolat in-numru ta’ terminazzjonijiet ta’ kuntratti għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, kwalunkwe terminazzjoni oħra ta’ kuntratt tal-impjieg waqt il-perijodu ta’ referenza li sseħħ fuq l-inizjattiva tal-persuna li timpjega għal raġunijiet oħra mhux relatati mal-ħaddiema individwali kkonċernati li huma differenti mir-raġunijiet previsti fl-Artikolu 49(1)(c) ta’ din il-liġi għandha wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni, sakemm jiġu affettwati mill-inqas ħames impjegati.

    Meta, f’perijodi suċċessivi ta’ 90 jum u sabiex jiġu evitati ir-rekwiżiti ta’ dan l-artikolu, impriża ttemm kuntratti skont l-Artikolu 52(c) ta’ din il-liġi f’numru inferjuri għal-limiti indikati, mingħajr ma jkunu jeżistu raġunijiet ġodda li jiġġustifikaw tali azzjoni, dawn it-terminazzjonijiet ġodda għandhom jitqiesu li twettqu b’evażjoni tal-liġi u għandhom jiġu ddikjarati nulli u bla effett.”

    8.

    L-Artikolu 122(2) tal-Ley 36/2011 reguladora de la jurisdicción social (il-Liġi li Tirregola l-Qrati Industrijali) jipprovdi li xoljiment ta’ kuntratt huwa bla effett “meta jkun twettaq abbuż tal-liġi b’evażjoni tad-dispożizzjonijiet stabbiliti għal tkeċċijiet kollettivi.”

    III. Il-fatti, il-proċeduri prinċipali u d-domandi preliminari

    9.

    Ir-rikorrenti fil-proċeduri prinċipali bdiet taħdem għall-impriża Marclean Technologies, S.L.U fil-31 ta’ Ottubru 2016. Fit-28 ta’ Mejju 2018, hija sabet ruħha f’sitwazzjoni ta’ inkapaċità temporanja li taħdem. Fil-31 ta’ Mejju 2018, hija tkeċċiet.

    10.

    Marclean Technologies eventwalment irrikonoxxiet it-tkeċċija inġusta tagħha, iżda saħqet li kienet riżultat tat-tnaqqis fl-attività kummerċjali tagħha u tal-ksur tal-kuntratt mill-ħaddiema. Jidher li ħaddiema oħra tkeċċew għall-istess raġunijiet.

    11.

    Ir-rikorrenti rċeviet kumpens li jikkorrispondi, fil-fehma tal-impriża, għal dak li jkun dovut f’każijiet li fihom it-tkeċċija tkun ġiet iddikjarata inġusta permezz ta’ digriet tal-qorti. Fil-11 ta’ Ġunju 2018, ir-rikorrenti ressqet azzjoni għal tkeċċija kontra Marclean Technologies quddiem il-Juzgado de lo Social no 3 de Barcelona (il-Qorti Industrijali Nru 3 ta’ Barcelona, Spanja). Hija talbet dikjarazzjoni ta’ nullità jew, fl-alternattiva, ta’ tkeċċija inġusta. Ir-rikorrenti sostniet li t-tkeċċija tagħha kienet tifforma parti minn tkeċċijiet kollettivi moħbija. F’dan ir-rigward, hija rreferiet għall-fatt li, bejn il-31 ta’ Mejju u l-14 ta’ Awwissu 2018, seba’ persuni kienu waqfu jaħdmu għall-impriża (erbgħa minnhom għal raġunijiet mhux attribwibbli lill-ħaddiema individwali kkonċernati, tnejn minnhom minħabba riżenja u wieħed minħabba l-iskadenza ta’ kuntratt temporanju). Sussegwentement, fil-15 ta’ Awwissu 2018, 29 persuna oħra telqu l-impriża. Peress li ppreżentaw kollha ittra ta’ riżenja fis-26 ta’ Lulju 2018, l-impriża kkunsidrat li huma kienu kollha rriżenjaw volontarjament.

    12.

    Fil-15 ta’ Awwissu 2018, Marclean Technologies waqqfet l-attivitajiet kummerċjali tagħha kompletament. Fis-16 ta’ Awwissu 2018, id-29 persuna, li kienu telqu din l-impriża l-ġurnata ta’ qabel ġew imqabbda minn impriża oħra, Risk Steward, S.L.

    13.

    Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li t-terminazzjonijiet tal-impjieg tal-aħħar ma kinux imfittxija mill-ħaddiem, u għalhekk li huma “tkeċċijiet” fis-sens tal-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 98/59. Madankollu, peress li dawn seħħew wara t-tkeċċija tar-rikorrenti, il-qorti tar-rinviju hija inċerta dwar jekk jistgħux jitqiesu sabiex jiġi stabbilit jekk twettqux tkeċċijiet kollettivi.

    14.

    Skont il-qorti tar-rinviju, wara sentenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) tal-11 ta’ Jannar 2017, il-ġurisprudenza nazzjonali tinterpreta l-Artikolu 51(1) tal-ET bil-mod segwenti. Huma dawk it-terminazzjonijiet tal-impjieg li seħħew fid-90 jum qabel id-data tat-tkeċċija individwali inkwistjoni biss li jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tkeċċijiet kollettivi. Terminazzjonijiet li seħħew fid-90 jum wara dik id-data jistgħu jiġu kkunsidrati biss jekk il-persuna li timpjega tkun aġixxiet b’mod abbużiv.

    15.

    Għalhekk, peress li għandha dubji dwar il-metodu meħtieġ sabiex jiġi identifikat il-perijodu rilevanti li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk terminazzjonijiet tal-impjieg għandhomx jiġu kklassifikati bħala tkeċċijiet kollettivi fis-sens tal-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 98/59, il-Juzgado de lo Social no 3 de Barcelona (il-Qorti Industrijali Nru 3 ta’ Barcelona) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “(1)

    L-Artikolu 1(1)(a)(i) u (ii) tad-[Direttiva tal-Kunsill 98/59] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-perijodu ta’ referenza ta’ 30 jew 90 ġurnata stabbiliti għall-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ tkeċċija kollettiva dejjem għandu jiġi kkalkolat qabel id-data li fiha seħħet it-tkeċċija individwali li hija s-suġġett inkwistjoni?

    (2)

    L-Artikolu 1(1)(a)(i) u (ii) tad-[Direttiva tal-Kunsill 98/59] jista’ jiġi interpretat fis-sens li l-perijodu ta’ referenza ta’ 30 jew 90 ġurnata stabbiliti għall-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ tkeċċija kollettiva jista’ jiġi kkalkolat wara d-data li fiha seħħet it-tkeċċija individwali li hija s-suġġett inkwistjoni mingħajr il-ħtieġa li l-imsemmija terminazzjonijiet sussegwenti jitqiesu li huma frawdolenti?

    (3)

    Il-perijodi ta’ referenza tal-Artikolu 1(1)(a)(i) u (ii) tad-[Direttiva tal-Kunsill 98/59] jippermettu interpretazzjoni fejn jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni t-tkeċċijiet jew it-terminazzjonijiet li jseħħu fi ħdan il-perijodu ta’ 30 jew 90 ġurnata, b’tali mod li t-tkeċċija inkwistjoni tidħol fi ħdan l-imsemmija perijodi?”

    16.

    Osservazzjonijiet bil-miktub f’dawn il-proċeduri ġew sottomessi mill-Gvern Pollakk u mill-Kummissjoni Ewropea.

    IV. Analiżi

    17.

    Mit-tliet domandi tagħha, li huwa xieraq li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiċċara l-mod kif għandu jiġi kkalkolat il-perijodu ta’ referenza ta’ 30 jew 90 jum stabbilit fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu u fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59.

    18.

    Qabel ma ndur għal dik il-kwistjoni speċifika, nixtieq infakkar li l-applikabbiltà tad-Direttiva 98/59 tippreżupponi l-eżistenza ta’ “tkeċċijiet kollettivi” fis-sens tal-Artikolu 1(1)(a) tagħha. Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi tliet kundizzjonijiet kumulattivi: (1) it-terminazzjonijiet tal-kuntratt tal-impjieg għandhom ikunu “tkeċċijiet”, (2) in-numru ta’ tkeċċijiet għandu jilħaq ċertu limitu kwantitattiv, u (3) il-livell għandu jintlaħaq fi ħdan ċertu perijodu ta’ żmien.

    19.

    Sa fejn jikkonċerna l-ewwel kundizzjoni, tkeċċijiet għall-finijiet tal-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 98/59 huma “tkeċċijiet mix-xogħol minn min iħaddem għal raġuni waħda jew aktar mhux relatati mal-ħaddiema individwali kkonċernati” ( 3 ). Kif spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Pujante Rivera, din tfisser “kull terminazzjoni tal-kuntratt tax-xogħol mhux mixtieq mill-ħaddiem, u għaldaqstant mingħajr il-kunsens tiegħu” ( 4 ). Ikun hemm tkeċċija wkoll meta t-terminazzjoni ta’ impjieg tirriżulta mill-“persuna li timpjega [li] tipproċedi, unilateralment u għad-detriment tal-ħaddiem, għal bidla sostanzjali tal-elementi essenzjali tal-kuntratt tax-xogħol tiegħu għal raġunijiet mhux inerenti għall-persuna ta’ dan il-ħaddiem” ( 5 ).

    20.

    Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, sabiex jiġi kkalkolat in-numru totali ta’ tkeċċijiet matul il-perijodu ta’ referenza, terminazzjonijiet oħra tal-kuntratt tal-impjieg fuq l-inizjattiva tal-persuna li timpjega jistgħu jiġu assimilati ma’ tkeċċijiet skont l-aħħar paragrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59, meta jkunu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet. Il-frażi “fuq l-inizjattiva ta’ min iħaddem” timplika, kif spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja, “manifestazzjoni diretta tar‑rieda ta’ min iħaddem li tikkonsisti fil‑fatt li jkun ħa inizjattiva” ( 6 ). Dawk it-terminazzjonijiet tal-kuntratt huma għalhekk differenti minn tkeċċijiet “minħabba n-nuqqas ta’ kunsens tal-ħaddiem” ( 7 ).

    21.

    Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, jekk it-terminazzjonijiet tal-impjieg tal-ħaddiema l-oħra, li telqu l-impriża fil-perijodu rilevanti, kinux “tkeċċijiet” (jew jistgħux jiġu assimilati ma’ tkeċċijiet) fis-sens tad-Direttiva 98/59, u jekk l-ammont totali tagħhom laħaqx il-limitu meħtieġ.

    22.

    Filwaqt li ngħaddi issa għat-tielet kundizzjoni tat-“tkeċċijiet kollettivi” għall-finijiet tal-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 98/59, kif għandu jiġi kkalkolat il-perijodu ta’ żmien rilevanti li fih kellhom iseħħu t-tkeċċijiet?

    23.

    L-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 98/59 offra lill-Istati Membri l-possibbiltà li jagħżlu t-tul tal-perijodu taż-żmien li fih it-tkeċċijiet kollha għandhom ikunu “aggregati” bil-għan li jiġi kkontrollat jekk il-limitu stabbilit f’din l-istess dispożizzjoni ntlaħaqx. L-Istati Membri jistgħu jagħżlu bejn perijodu ta’ 30 jum (subparagrafu (i)), jew wieħed ta’ 90 jum (subparagrafu (ii)).

    24.

    Jidher li r-Renju ta’ Spanja għażel li jgħaqqad iż-żewġ għażliet stabbiliti fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu u fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1) Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59 ( 8 ). Meta għamel hekk, jidher li dan l-Istat Membru għalhekk estenda l-kunċett ta’ “tkeċċijiet kollettivi”.

    25.

    Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/59, din id-direttiva “ma għandhiex taffetwa d-dritt ta’ l-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li huma iktar favorevoli għal ħaddiema jew li jippromovu jew li jippermettu l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettivi iktar favorevoli għall-ħaddiema.” Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat ukoll, fil-kawża Confédération Générale du travail et, li l-“limiti tan-numri stabbiliti fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59 jikkostitwixxu […] tali rekwiżiti minimi li l-Istati Membri ma jistawx jidderogaw minnhom ħlief permezz ta’ dispożizzjonijiet li huma iktar favorevoli għall-ħaddiema” ( 9 ).

    26.

    Il-qofol tal-każ preżenti ma huwiex ibbażat fuq l-għaqda potenzjali taż-żewġ perijodi taż-żmien, iżda fuq il-metodu li għandu jiġi użat biex jiġi kkalkolat il-perijodu ta’ referenza stabbilit fl-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 98/59.

    27.

    It-termini użati fl-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 98/59 huma kunċetti tad-dritt tal-Unjoni. It-tifsira u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom għandhom, għalhekk, jingħataw interpretazzjoni awtonoma u uniformi, li għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni. Dan jiżgura li l-Istati Membri ma jbiddlux il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva ( 10 ). Bħala konsegwenza, il-kalkolu tal-perijodu ta’ 30 jew 90 jum, stabbilit fl-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 98/59, ma jistax ikun dipendenti fuq ir-regoli tad-dritt nazzjonali.

    28.

    Madankollu, dan ma jiċċarax kif għandu jiġi ddeterminat il-perijodu ta’ referenza li fih tkeċċijiet oħra jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 98/59. Interpretazzjonijiet differenti huma possibbli, għall-inqas, fit-teorija. Il-qorti tar-rinviju nnifisha ssuġġeriet tliet metodi differenti għall-kalkolu tal-perijodu ta’ referenza. Il-Gvern Pollakk, fl-osservazzjonijiet tiegħu, ippropona ieħor.

    29.

    L-ewwel żewġ metodi ssuġġeriti mill-qorti tar-rinviju jikkonsistu fid-determinazzjoni tal-perijodu rilevanti jew retrospettivament biss, jew prospettivament biss, mid-data tat-tkeċċija individwali. Għalhekk, huma biss it-tkeċċijiet li jseħħu qabel jew wara, rispettivament, it-tkeċċija inkwistjoni li jistgħu jingħaddu fil-limiti meħtieġa.

    30.

    L-ebda waħda minn dawn iż-żewġ interpretazzjonijiet ma hija konvinċenti.

    31.

    L-ewwel nett, il-formulazzjoni tal-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 98/59 ma tipprovdi għal ebda tali limitazzjoni tal-perijodu ta’ referenza. Din id-dispożizzjoni tirreferi, b’mod ġenerali, għal “perijodu ta’ 30 ġurnata” u għal “perijodu ta’ 90 ġurnata” ( 11 ). Jidhirli li s-sens ordinarju ta’ dawn it-termini jfisser kwalunkwe perijodu ta’ 30 jew 90 jum.

    32.

    It-tieni nett, l-unika limitazzjoni li tista’ tiġi inferita mil-loġika u l-kuntest hija li dawk il-perijodi għandhom ikunu konsekuttivi, bl-ebda possibbiltà ta’ sospensjoni jew interruzzjoni. L-ewwel nett, l-ebda dispożizzjoni oħra tal-istess direttiva ma tipprovdi għal tali possibbiltà. It-tieni nett, l-iskop globali tad-direttiva huwa sabiex jinqabad ċertu tip ta’ aġir min-naħa tal-persuna li timpjega fi ħdan perijodu speċifiku, li għandu jkun sa grad raġonevoli, prevedibbli u aċċertabbli.

    33.

    Dawn iż-żewġ interpretazzjonijiet jidhru wkoll li huma kunfliġġenti mal-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni. Id-Direttiva 98/59 timmira li tagħti protezzjoni ikbar lill-ħaddiema fil-każ ta’ tkeċċijiet kollettivi ( 12 ). Il-limitazzjoni tat-tkeċċijiet rilevanti, għall-finijiet tad-Direttiva 98/59, għal dawk li seħħew biss jew qabel jew wara tkeċċija individwali ma tkunx qiegħda tikkontribwixxi biex jinkiseb dan l-għan. Fil-fatt, b’tali approċċ “unilaterali” inqas tkeċċijiet jinqabdu mill-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 98/59, b’tali mod li jitnaqqas b’mod kunsiderevoli l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-istrument.

    34.

    Barra minn hekk, tali determinazzjoni ex ante u riġida tal-perijodu ta’ referenza tista’ twassal għal riżultati arbitrarji għall-ħaddiema kkonċernati. Jekk il-perijodu ta’ referenza jiġi kkalkolat biss retrospettivament (fi kliem ieħor, b’lura) mid-data tat-tkeċċija individwali inkwistjoni, dan ikun ifisser li kulma jiġri wara din id-data limitu ma jkunx jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni. Dak ikun il-każ, anki jekk, pereżempju, it-tkeċċijiet kollha li jkunu rilevanti sabiex jiġi deċiż jekk il-limitu rispettiv intlaħaqx ikunu seħħew sussegwentement. L-istess ikun minnu, iżda b’mod kuntrarju, jekk il-perijodu ta’ referenza jkun ikkalkolat biss prospettivament, fejn l-ammont jew it-tip ta’ tkeċċijiet li seħħew qabel it-tkeċċija tal-ħaddiem individwali inkwistjoni ma jitħallewx jittieħdu inkunsiderazzjoni.

    35.

    Għalhekk, ma nsib l-ebda bażi fid-Direttiva 98/59 għall-kalkolu tal-perijodu ta’ referenza skont l-Artikolu 1(1)(a) retrospettivament biss jew prospettivament biss fir-rigward tal-ħaddiem ikkonċernat li jressaq azzjoni quddiem qorti nazzjonali.

    36.

    Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi, iż-żewġ perijodi minimi skont din id-dispożizzjoni huma, min-natura tagħhom stess, oġġettivi. Il-kalkolu u d-dekorrenza ta’ dan il-perijodu ma huma dipendenti fuq l-ebda kundizzjoni ta’ abbuż min-naħa tal-persuna li timpjega. L-Artikolu 1(1)(a) ta’ din id-direttiva ma jagħmilx distinzjoni bejn tkeċċijiet abbużivi u mhux abbużivi. Għalhekk, minkejja li abbuż potenzjali fil-forma ta’ ħabi tan-natura reali tat-tkeċċijiet jista’ possibbilment jiġi diskuss indirettament taħt l-ewwel jew it-tieni kundizzjoni tal-applikabbiltà tal-Artikolu 1(1)(a) ( 13 ), ma għandu l-ebda impatt fuq it-tul jew id-dekorrenza tal-perijodu ta’ referenza inkwistjoni.

    37.

    Sussegwentement, għal raġunijiet simili, insib ukoll skorrett l-approċċ issuġġerit mill-Gvern Pollakk. Dak il-gvern isostni li l-punt ta’ referenza għall-bidu tal-perijodu rilevanti ta’ 30 jew 90 jum għandu jkun l-ewwel tkeċċija mwettqa skont il-pjan tal-persuna li timpjega sabiex iwettaq tkeċċijiet kollettivi. Sakemm tkeċċija tkun taqa’ fil-perijodu ta’ 30 jew 90 jum, stabbilita b’referenza għall-pjan tal-persuna li timpjega, din tkun tifforma parti mit-tkeċċijiet kollettivi u l-ħaddiem ikkonċernat għandu jibbenefika mill-protezzjonijiet offruti mid-Direttiva 98/59.

    38.

    Il-Gvern Pollakk għalhekk jinterpreta l-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 98/59 fid-dawl tal-Artikoli 2 sa 4 tagħha. Id-dispożizzjonijiet tal-aħħar jistabbilixxu ċertu obbligi, partikolarment ta’ informazzjoni u konsultazzjoni, għal persuni li jimpjegaw li jkunu qegħdin jikkontemplaw tkeċċijiet kollettivi. F’dan ir-rigward, il-Gvern Pollakk josserva wkoll li, fil-kawża Junk, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-persuna li timpjega għandha tosserva dawn l-obbligi li tinforma, tikkonsulta u tinnotifika qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni ta’ twettiq ta’ tkeċċijiet kollettivi ( 14 ).

    39.

    Madankollu, tali approċċ ikun problematiku, jekk mhux saħansitra perikoluż. Tkeċċijiet li jikkostitwixxu tkeċċijiet għall-finijiet tad-Direttiva 98/59 għandhom jiġu ddeterminati oġġettivament, fuq il-bażi tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 1 tagħha biss. Jekk tkeċċijiet ta’ ħaddiema humiex parti jew le minn pjan ikkonċepit minn qabel mill-persuna li timpjega jista’ jkun ta’ ċerta rilevanza bħala prova, iżda ċertament ma huwiex deċiżiv f’dan il-kuntest. Ladarba n-numru ta’ tkeċċijiet kollettivi mwettqa minn persuna li timpjega jilħaq il-limitu previst fid-Direttiva 98/59, ir-regoli ta’ dan l-istrument isiru applikabbli, irrispettivament mill-intenzjoni suġġettiva tal-persuna li timpjega.

    40.

    L-interpretazzjoni proposta mill-Gvern Pollakk twassal għal riżultat paradossali. It-tgawdija mill-ħaddiema tad-drittijiet stabbiliti fid-Direttiva 98/59 isiru dipendenti fuq l-osservanza mill-persuna li timpjega tal-obbligi stabbiliti fiha. Persuna li timpjega li, intenzjonalment jew b’negliġenza, ma tgħaddix l-informazzjoni meħtieġa lill-awtoritajiet u lir-rappreżentanti tal-ħaddiema, fil-prattika tkun qiegħda ċċaħħad lill-ħaddiema tagħha mill-protezzjoni mogħtija mid-Direttiva 98/59. Tali interpretazzjoni kjarament tmur kontra l-għan li tiġi offruta “iżjed protezzjoni għall-ħaddiema” ( 15 ).

    41.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jien tal-fehma li l-interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 98/59 hija t-tielet waħda ssuġġerita mill-qorti tar-rinviju, u sostnuta wkoll mill-Kummissjoni.

    42.

    Il-protezzjoni għall-ħaddiem skont id-Direttiva 98/59, inkluż l-aċċess għal proċeduri ġudizzjarji u/jew amministrattivi għall-infurzar tad-drittijiet iggarantiti skont din id-direttiva taħt l-Artikolu 6, tiġi attivata jekk il-ħaddiem ikun tkeċċa f’perijodu konsekuttiv ta’ 30 jew 90 jum, indipendentement mill-metodu ta’ kalkolu tiegħu, li fih in-numru ta’ tkeċċijiet jilħaq il-limitu meħtieġ.

    43.

    Skont il-fatti ta’ kull każ speċifiku, il-perijodu ta’ referenza jista’ għalhekk ikun kollu qabel, kollu wara jew parti qabel u parti wara t-tkeċċija inkwistjoni. L-uniċi żewġ kundizzjonijiet huma li (i) dawk it-30 jew 90 jum ikunu konsekuttivi u (ii) il-ħaddiema li tinvoka d-drittijiet tagħha skont id-direttiva tkun tkeċċiet f’dan il-perijodu.

    44.

    Fl-aħħar nett, nixtieq nenfasizza li l-interpretazzjoni li għadha kemm ġiet issuġġerita tikkonċerna l-metodu ta’ kalkolu tal-perijodu minimu previst mill-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 98/59, irrispettivament minn liema waħda miż-żewġ għażliet tkun intgħażlet mill-Istat Membru inkwistjoni. Dan ma huwiex neċessarjament minnu għall-modalitajiet u l-metodi ta’ kalkolu ta’ kwalunkwe perijodi ta’ protezzjoni itwal jew żejda, previsti mid-dritt nazzjonali skont l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, sakemm kwalunkwe tali protezzjoni żejda ma tirriżultax, fil-fatt, li tbaxxi l-istandard minimu ta’ protezzjoni ggarantita mill-Artikolu 1(1)(a).

    V. Konklużjoni

    45.

    Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb id-domandi preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Social no 3 de Barcelona (il-Qorti Industrijali Nru 3 ta’ Barcelona, Spanja) għal deċiżjoni preliminari bil-mod segwenti:

    L-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE tal-20 ta’ Lulju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar redundancies kollettivi għandu jiġi interpretat bħala li jirreferi għal kwalunkwe perijodu ta’ 30 jew 90 jum konsekuttiv li jinkludi t-tkeċċija tal-ħaddiem inkwistjoni.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 327.

    ( 3 ) Ara wkoll is-sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑55/02, EU:C:2004:605, punt 66).

    ( 4 ) Sentenza tal-11 ta’ Novembru 2015, Pujante Rivera (C‑422/14, EU:C:2015:743, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 5 ) Ara s-sentenzi tal-11 ta’ Novembru 2015, Pujante Rivera (C‑422/14, EU:C:2015:743, punt 55); tal-21 ta’ Settembru 2017, Ciupa et (C‑429/16, EU:C:2017:711, punt 27); u tal-21 ta’ Settembru 2017, Socha et (C‑149/16, EU:C:2017:708, punt 25).

    ( 6 ) Sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2009, Rodríguez Mayor et (C‑323/08, EU:C:2009:770, punt 40).

    ( 7 ) Sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑55/02, EU:C:2004:605, punt 56).

    ( 8 ) Ara l-Artikolu 51 ET, iċċitat iktar ’il fuq f’punt 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 9 ) Sentenza tat-18 ta’ Jannar 2007, Confédération Générale du travail et (C‑385/05, EU:C:2007:37, punt 45).

    ( 10 ) Ara, inter alia, is-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2015, Pujante Rivera (C‑422/14, EU:C:2015:743, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 11 ) Enfasi miżjuda.

    ( 12 ) Ara l-premessa 2 tad-direttiva. Ara wkoll, b’mod iktar ġenerali, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Plessers (C‑509/17, EU:C:2019:50, punti 38 sa 41).

    ( 13 ) Ara, iktar ’il fuq, il-punti 18 sa 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 14 ) Sentenza tas-27 ta’ Jannar 2005, Junk (C‑188/03, EU:C:2005:59, punti 36 sa 38).

    ( 15 ) Ara l-premessa 2 tad-Direttiva 98/59 u s-sentenza tas-7 ta’ Awwissu 2018, Bichat et (C‑61/17, C‑62/17 u C‑72/17, EU:C:2018:653, punt 38).

    Top