Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CC0054

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali G. Pitruzzella, ippreżentati fil-21 ta’ Jannar 2021.
    Axa Mediterranean Holding SA vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Appell – Għajnuna mill-Istat – Artikolu 107(1) TFUE – Sistema fiskali – Dispożizzjonijiet dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji li jippermettu lill-impriżi ddomiċiljati fi Spanja għall-finijiet ta’ taxxa jamortizzaw l-avvjament li jirriżulta minn akkwisti ta’ ishma f’impriżi ddomiċiljati barra minn dan l-Istat Membru għall-finijiet ta’ taxxa – Kunċett ta’ ‘għajnuna mill-Istat’ – Kundizzjoni dwar is-selettività – Sistema ta’ referenza – Deroga – Differenza fit-trattament – Ġustifikazzjoni tad-differenza fit-trattament.
    Kawża C-54/19 P.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:56

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    PITRUZZELLA

    ippreżentati fil‑21 ta’ Jannar 2021 ( 1 )

    Kawża C‑54/19 P

    Axa Mediterranean Holding, SA

    vs

    Il‑Kummissjoni Ewropea

    “Appell – Dispożizzjonijiet dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji li jippermettu lill‑impriżi b’domiċilju fiskali fi Spanja jamortizzaw l-avvjament riżultanti minn akkwisti ta’ azzjonijiet f’kumpanniji b’domiċilju fiskali barra mill-pajjiż – Kunċett tal-għajnuna mill-Istat – Selettività”

    1.

    Din il-kawża għandha bħala għan l-appell ippreżentat minn Axa Mediterranean Holding, SA (iktar ’il quddiem “Axa”) mis-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2018, Axa Mediterranean Holding vs Il‑Kummissjoni ( 2 ) (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ex Artikolu 263 TFUE ppreżentat minn Axa u intiż għall-annullament tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/282/UE tal-Kummissjoni tat‑12 ta’ Jannar 2011 dwar l-amortizzazzjoni tat-taxxa tal-avvjament finanzjarju għal akkwiżizzjonijiet ta’ ishma barranin Nru C 45/07 (ex NN 51/07, ex CP 9/07) implimentata minn Spanja (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata” ( 3 )) u, sussidjarjament, tal-Artikolu 4 tal-istess deċiżjoni.

    2.

    Dan l-appell jagħmel parti minn serje ta’ tmien kawżi paralleli li għandhom bħala għan l-annullament tas-sentenzi li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikorsi ppreżentati minn ċerti kumpanniji Spanjoli kontra d-deċiżjoni kkontestata jew kontra d-Deċiżjoni 2011/5/KE tal-Kummissjoni tat‑28 ta’ Ottubru 2009 dwar l-amortizzazzjoni tat-taxxa tal-avvjament finanzjarju għal akkwiżizzjonijiet ta’ ishma barranin (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tat‑28 ta’ Ottubru 2009”) ( 4 ).

    I. Il-fatti, il-miżura kontenzjuża u d-deċiżjoni kkontestata

    3.

    Fl‑10 ta’ Ottubru 2007, wara diversi interrogazzjonijiet bil-miktub li sarulha matul l‑2005 u l‑2006 minn Membri tal-Parlament Ewropew, kif ukoll denunzja ta’ operatur privat li kienet id-destinatarja tagħha matul l‑2007, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-attwali Artikolu 108(2) TFUE ( 5 ) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-ftuħ”), fir-rigward tad-dispożittiv previst mill-Artikolu 12(5) introdott fil-Ley del Impuesto sobre Sociedades (il-Liġi Spanjola dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji) mil-Ley 24/2001, de Medidas Fiscales, Administrativas y del Orden Social (il-Liġi 24/2001, li tadotta Miżuri Fiskali, Amministrattivi u ta’ Natura Soċjali), tas‑27 ta’ Diċembru 2001 ( 6 ), u riprodott fir-Real Decreto Legislativo 4/2004, por el que se aprueba el texto refundido de la Ley del Impuesto sobre Sociedades (id-Digriet Leġiżlattiv Irjali 4/2004, li japprova t-Test Rivedut tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji, iktar ’il quddiem it-“TRLIS”), tal‑5 ta’ Marzu 2004 (iktar ’il quddiem il-“miżura kontenzjuża”). Il-miżura kontenzjuża tipprevedi li, fil-każ ta’ akkwist minn impriża taxxabbli fi Spanja ta’ azzjonijiet f’“kumpannija barranija”, meta dan l-akkwist ta’ azzjonijiet ikun ta’ mill-inqas 5 % u meta l-azzjonijiet inkwistjoni jinżammu għal perijodu mhux interrott ta’ mill-inqas sena, l-avvjament ( 7 ) finanzjarju ( 8 ) li jirriżulta minn dan jista’ jitnaqqas, fil-forma ta’ amortizzazzjoni, mill-bażi taxxabbli tat-taxxa fuq il-kumpanniji li għaliha hija suġġetta l-impriża. Il-miżura kontenzjuża tippreċiża li, sabiex tiġi kklassifikata bħala “kumpannija barranija”, kumpannija għandha tkun suġġetta għal taxxa identika għat-taxxa applikabbli fi Spanja u d-dħul tagħha għandu joriġina essenzjalment mit-twettiq ta’ attivitajiet barra mill-pajjiż.

    4.

    Permezz tad-Deċiżjoni tat‑28 ta’ Ottubru 2009, il-Kummissjoni għalqet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar l-akkwisti ta’ azzjonijiet mwettqa fi ħdan l-Unjoni Ewropea. F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ddikjarat bħala inkompatibbli mas-suq intern is-sistema ta’ għajnuna implimentata minn Spanja permezz tal-miżura kontenzjuża fir-rigward tal-għajnuna mogħtija lill-benefiċjarji sabiex jitwettqu akkwisti intrakomunitarji.

    5.

    Il-Kummissjoni żammet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali miftuħa għal dak li jirrigwarda l-akkwisti ta’ azzjonijiet imwettqa barra mill-Unjoni, bi stennija ta’ elementi ulterjuri li l-awtoritajiet Spanjoli ntrabtu li jipprovdulha. Din il-parti tal-proċedura ngħalqet permezz tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. L-Artikolu 1(1) ta’ din id-deċiżjoni jiddikjara bħala inkompatibbli mas-suq intern is-sistema ta’ għajnuna implimentata minn Spanja permezz tal-miżura kontenzjuża “fir-rigward tal-għajnuna mogħtija lill-benefiċjarji fir-rigward tal-akkwiżizzjonijiet minn barra l-Unjoni” ( 9 ). Il-punt 4 ta’ dan l-artikolu jipprevedi li “jista’ jkompli japplika għall-perjodu sħiħ tal-amortizzazzjoni stabbilit mill-iskema tal-għajnuna”“it-tnaqqis fit-taxxa li jgawdu l-benefiċjarji taħt l-Artikolu 12(5) TRLIS fir-rigward tal-akkwiżizzjonijiet minn barra l-Unjoni mwettqa sad-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li huma relatati ma’ maġġoranza ta’ ishma li huma miżmuma direttament jew indirettament f’kumpaniji barranin stabbiliti fiċ-Ċina, fl-Indja jew f’pajjiżi oħra fejn l-eżistenza ta’ ostakli legali espliċiti għal kombinamenti tan-negozju transkonfinali ntwerew jew jistgħu jintwerew”. L-Artikolu 4(1) tad-deċiżjoni kkontestata jipprevedi l-irkupru tal-“għajnuna inkompatibbli korrispondenti għat-tnaqqis fit-taxxa taħt l-iskema msemmija fl-Artikolu 1(1) mingħand il-benefiċjarji li d-drittijiet tagħhom f’kumpaniji barranin, miksuba fil-kuntest tal-akkwiżizzjonijiet ekstra-Komunitarji, ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet deskritti fl-Artikolu 1(2)-(5)”.

    II. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

    6.

    Permezz ta’ att promotur ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑29 ta’ Lulju 2011, Axa ppreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Permezz ta’ att separat, il-Kummissjoni, fil‑11 ta’ Novembru 2011, qajmet eċċezzjoni dwar l-inammissibbiltà li l-Qorti Ġenerali għaqqdet mal-mertu. Il-proċedura ġiet sospiża mit‑13 ta’ Marzu sas‑7 ta’ Novembru 2014, data li fiha l-Qorti Ġenerali tat deċiżjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2014, Banco Santander u Santusa vs Il‑Kummissjoni ( 10 ) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Banco Santander u Santusa vs Il‑Kummissjoni”) li annullat id-deċiżjoni kkontestata, bil-motivazzjoni li l-Kummissjoni kienet applikat b’mod żbaljat ir-rekwiżit tas-selettività previst mill-Artikolu 107(1) TFUE. Il-Qorti Ġenerali annullat ukoll id-Deċiżjoni tat‑28 ta’ Ottubru 2009 permezz tas-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2014, Autogrill España vs Il‑Kummissjoni ( 11 ) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Autogrill España vs Il‑Kummissjoni”).

    7.

    Permezz ta’ att promotur ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid‑19 ta’ Jannar 2015, il-Kummissjoni appellat mis-sentenza Banco Santander u Santusa vs Il‑Kummissjoni. Dan l-appell, li ġie rreġistrat bin-numru C‑21/15 P, ġie magħqud mal-appell, irreġistrat bin-numru C‑20/15 P, li l-Kummissjoni kienet ippreżentat mis-sentenza Autogrill España vs Il‑Kummissjoni. Permezz tad-deċiżjonijiet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑19 ta’ Mejju 2015, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-Irlanda u r-Renju ta’ Spanja ġew ammessi sabiex jintervjenu fil-Kawżi magħquda insostenn tat-talbiet ta’ WDFG, ta’ Banco Santander u ta’ Santusa. Permezz tas-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs World Duty Free Group et ( 12 ) (iktar ’il quddiem is-“sentenza WDFG”), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza Banco Santander u Santusa vs Il‑Kummissjoni, u bagħtet lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u parzjalment irriżervat l-ispejjeż. Il-Qorti tal-Ġustizzja annullat ukoll is-sentenza Autogrill España vs Il‑Kummissjoni.

    8.

    Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, li ġiet sospiża mill-ġdid fid‑9 ta’ Marzu 2015, tkompliet fil‑21 ta’ Diċembru 2016 u ġiet konkluża bl-adozzjoni tas-sentenza appellata, li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ta’ Axa u kkundannatha għall-ispejjeż.

    III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

    9.

    Permezz ta’ att promotur ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil‑25 ta’ Jannar 2019, Axa ppreżentat dan l-appell. Hija titlob l-annullament tas-sentenza appellata, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata flimkien mal-aċċettazzjoni tar-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali u li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż. Il-Kummissjoni titlob li l-appell jiġi miċħud u li l-appellanti tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

    IV. Analiżi

    A.   Osservazzjonijiet preliminari

    10.

    Għal eżami tal-istat attwali tal-ġurisprudenza fil-kwistjoni tas-selettività tal-miżuri fiskali, u, senjatament, sabiex jintwera l-metodu ta’ analiżi tas-selettività fi tliet fażijiet żviluppat mill-Qorti tal-Ġustizzja, nirreferi għall-kunsiderazzjonijiet magħmula u għall-kriterji mfakkra fil-punti minn 11 sa 21 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi magħquda C‑51/19 P, World Duty Free Group vs Il‑Kummissjoni, u C‑64/19 P, Spanja vs Il‑Kummissjoni, ippreżentati llum. Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet u kriterji li sejrin jiġu eżaminati l-ilmenti magħmula minn Axa. Dwar l-implikazzjonijiet tas-sentenza WDFG għall-għan tal-eżami ta’ dan l-appell, nirreferi pjuttost għall-punti minn 23 sa 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    B.   Fuq l-appell

    11.

    Axa tqajjem aggravju uniku insostenn tal-appell tagħha, relatat ma’ żball fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE fir-rigward tal-kriterju tas-selettività. Dan l-aggravju huwa maqsum f’erba’ partijiet prinċipali u tnejn sussidjarji.

    1. Fuq l-ewwel parti tal-aggravju uniku: żball fid-determinazzjoni tas-sistema ta’ referenza

    12.

    L-ilmenti mressqa fil-kuntest tal-ewwel parti tal-aggravju uniku ta’ Axa huma bbażati fuq l-ewwel fażi tal-analiżi tas-selettività, intiża għad-determinazzjoni tas-sistema ta’ referenza. Dwar il-kunċett tas-“sistema ta’ referenza” u dwar il-kriterji applikabbli għall-għan tad-determinazzjoni tagħha, nirreferi għall-osservazzjonijiet magħmula fil-punti minn 37 sa 51 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi magħquda C‑51/19 P, World Duty Free Group vs Il‑Kummissjoni, u C‑64/19 P, Spanja vs Il‑Kummissjoni, ippreżentati llum.

    a) Fuq l-ewwel ilment tal-ewwel parti tal-aggravju uniku

    13.

    Peress illi l-kontestazzjonijiet imressqa fil-kuntest ta’ dan l-ilment, kif ukoll l-argumenti invokati insostenn ta’ dawn il-kontestazzjonijiet, huma identiċi għal dawk imqajma fil-kuntest tal-ewwel ilment tal-ewwel parti tal-aggravju uniku ta’ World Duty Free Group fil-Kawża C‑51/19 P, ser nillimita ruħi, għall-għan tal-eżami tagħhom, li nirreferi mutatis mutandis għall-punti minn 52 sa 59 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi magħquda C‑51/19 P u C‑64/19 P, ippreżentati llum. Għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti f’dawn il-punti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-ewwel ilment tal-ewwel parti tal-aggravju uniku ta’ Axa.

    b) Fuq it-tieni lment tal-ewwel parti tal-aggravju uniku

    14.

    Peress illi l-kontestazzjonijiet imqajma fil-kuntest tat-tieni lment tal-ewwel parti tal-aggravju uniku ta’ Axa, kif ukoll l-argumenti invokati insostenn ta’ dawn il-kontestazzjonijiet, huma identiċi għal dawk imqajma fil-kuntest tat-tieni lment tal-ewwel parti tal-aggravju uniku ta’ World Duty Free Group fil-Kawża C‑51/19 P, ser nillimita ruħi, għall-għan tal-eżami tagħhom, li nirreferi mutatis mutandis għall-punti minn 62 sa 82 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi magħquda C‑51/19 P u C‑64/19 P, ippreżentati llum, li fihom nissuġġerixxi li dawn il-kontestazzjonijiet kollha jiġu miċħuda. Għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti f’dawn il-punti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad it-tieni lment tal-ewwel parti tal-aggravju uniku ta’ Axa.

    c) Fuq it-tielet ilment tal-ewwel parti tal-aggravju uniku

    15.

    Peress illi l-kontestazzjonijiet imqajma fil-kuntest tat-tielet ilment tal-ewwel parti tal-aggravju uniku ta’ Axa, kif ukoll l-argumenti invokati insostenn ta’ dawn il-kontestazzjonijiet, huma identiċi għal dawk imqajma fil-kuntest tat-tielet ilment tal-ewwel parti tal-aggravju uniku ta’ World Duty Free Group fil-Kawża C‑51/19 P, ser nillimita ruħi, għall-għan tal-eżami tagħhom, li nirreferi mutatis mutandis għall-punti minn 85 sa 87 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi magħquda C‑51/19 P u C‑64/19 P, ippreżentati llum. Għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti f’dawn il-punti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad it-tielet ilment tal-ewwel parti tal-aggravju uniku ta’ Axa.

    2. Fuq it-tieni parti tal-aggravju uniku: żball fid-determinazzjoni tal-għan li skontu għandu jitwettaq l-eżami tal-komparabbiltà

    16.

    L-ilmenti magħmula minn Axa fil-kuntest tat-tieni parti tal-aggravju uniku tagħha huma bbażati fuq il-punti minn 139 sa 160 tas-sentenza appellata u huma intiżi sabiex jikkontestaw il-motivi ta’ din is-sentenza li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali identifikat l-għan tas-sistema ta’ referenza u qabblet, fid-dawl ta’ dan l-għan, is-sitwazzjoni tal-impriżi benefiċjarji tal-vantaġġ introdott mill-miżura kontenzjuża ma’ dawk li huma esklużi minnha.

    17.

    Peress illi l-kontestazzjonijiet imqajma fil-kuntest ta’ din il-parti tal-aggravju uniku ta’ Axa, kif ukoll l-argumenti invokati insostenn ta’ dawn il-kontestazzjonijiet, huma identiċi għal dawk imqajma fil-kuntest tat-tieni parti tal-aggravju uniku ta’ World Duty Free Group fil-Kawża C‑51/19 P, ser nillimita ruħi, għall-għan tal-eżami tagħhom, li nirreferi mutatis mutandis għall-punti minn 91 sa 106 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi magħquda C‑51/19 P u C‑64/19 P, ippreżentati llum. Għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti f’dawn il-punti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad it-tieni parti tal-aggravju uniku ta’ Axa.

    3. Fuq it-tielet parti tal-aggravju uniku: żball fid-dritt fit-tqassim tal-oneru tal-prova

    18.

    Peress illi l-kontestazzjonijiet imqajma fil-kuntest tat-tielet parti tal-aggravju uniku ta’ Axa, kif ukoll l-argumenti invokati insostenn ta’ dawn il-kontestazzjonijiet, huma identiċi għal dawk imqajma fil-kuntest tat-tielet parti tal-aggravju uniku ta’ World Duty Free Group fil-Kawża C‑51/19 P, ser nillimita ruħi, għall-għan tal-eżami tagħhom, li nirreferi mutatis mutandis għall-punti minn 109 sa 110 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi magħquda C‑51/19 P u C‑64/19 P, ippreżentati llum. Għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti f’dawn il-punti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad it-tielet parti tal-aggravju uniku ta’ Axa.

    4. Fuq ir-raba’ parti tal-aggravju uniku: proporzjonalità

    19.

    Peress illi l-kontestazzjonijiet imqajma fil-kuntest tar-raba’ parti tal-aggravju uniku ta’ Axa, kif ukoll l-argumenti invokati insostenn ta’ dawn il-kontestazzjonijiet, huma identiċi għal dawk imqajma fil-kuntest tar-raba’ parti tal-aggravju uniku ta’ World Duty Free Group fil-Kawża C‑51/19 P, ser nillimita ruħi, għall-għan tal-eżami tagħhom, li nirreferi mutatis mutandis għall-punti minn 112 sa 113 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi magħquda C‑51/19 P u C‑64/19 P, ippreżentati llum. Għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti f’dawn il-punti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-raba’ parti tal-aggravju uniku ta’ Axa.

    5. Fuq il-ħames parti tal-aggravju uniku: rabta kawżali

    20.

    Peress illi l-kontestazzjonijiet imqajma fil-kuntest tal-ħames parti tal-aggravju uniku ta’ Axa, kif ukoll l-argumenti invokati insostenn ta’ dawn il-kontestazzjonijiet, huma identiċi għal dawk imqajma fil-kuntest tal-ħames parti tal-aggravju uniku ta’ World Duty Free Group fil-Kawża C‑51/19 P, ser nillimita ruħi, għall-għan tal-eżami tagħhom, li nirreferi mutatis mutandis għall-punti minn 114 sa 117 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi magħquda C‑51/19 P u C‑64/19 P, ippreżentati llum. Għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti f’dawn il-punti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad il-ħames parti tal-aggravju uniku ta’ Axa.

    6. Fuq is-sitt parti tal-aggravju uniku: diviżibbiltà tal-miżura

    21.

    Peress illi l-kontestazzjonijiet imqajma fil-kuntest tas-sitt parti tal-aggravju uniku ta’ Axa, kif ukoll l-argumenti invokati insostenn ta’ dawn il-kontestazzjonijiet, huma identiċi għal dawk imqajma fil-kuntest tas-sitt parti tal-aggravju uniku ta’ World Duty Free Group fil-Kawża C‑51/19 P, ser nillimita ruħi, għall-għan tal-eżami tagħhom, li nirreferi mutatis mutandis għall-punti minn 119 sa 122 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi magħquda C‑51/19 P u C‑64/19 P, ippreżentati llum. Għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti f’dawn il-punti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad is-sitt parti tal-aggravju uniku ta’ Axa.

    7. Konklużjonijiet fuq l-appell

    22.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell fit-totalità tiegħu.

    C.   Fuq it-talba għal sostituzzjoni tal-aggravji tal-Kummissjoni

    23.

    Fil-każ illi l-aggravju uniku ta’ Axa jiġi kkunsidrat bħala fondat, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tipproċedi għal sostituzzjoni tal-aggravji u sabiex tiddikjara r-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali bħala inammissibbli. F’dan ir-rigward, infakkar illi l-Kummissjoni kienet qajmet quddiem il-Qorti Ġenerali eċċezzjoni formali ta’ inammissibbiltà għar-rikors ta’ Axa, eċċezzjoni li ġiet magħquda mal-mertu. Billi bbażat ruħha fuq is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2002, Il‑Kunsill vs Boehringer ( 13 ) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Boehringer”), fil-punt 28 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, madankollu, qieset bħala ġustifikabbli li teżamina fil-mertu r-rikors mingħajr ma tiddeċiedi b’mod preliminari dwar din l-eċċezzjoni ( 14 ).

    24.

    Peress illi qiegħed nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell, ser nillimita ruħi sussegwentement għal xi kunsiderazzjonijiet qosra dwar il-mertu tat-talba tal-Kummissjoni, li qiegħda titlob essenzjalment l-eżami tal-eċċezzjoni tal-inammissibbiltà mqajma minnha quddiem il-Qorti Ġenerali.

    25.

    F’din l-eċċezzjoni, il-Kummissjoni sostniet illi Axa kienet mingħajr locus standi u interess ġuridiku fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata, billi la uriet illi applikat il-miżura kontenzjuża u li għalhekk effettivament ibbenefikat mit-tnaqqis previst minnha, u lanqas illi kienet obbligata għar-rimbors ta’ għajnuna fl-applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni jew li ġiet esposta għar-riskju ta’ rimbors bħal dan, kif pjuttost huwa mitlub mill-ġurisprudenza ( 15 ). Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar l-eċċezzjoni tal-inammissibbiltà quddiem il-Qorti Ġenerali, Axa sostniet li kisbet id-dritt li tapplika t-tnaqqis previst mill-miżura kontenzjuża fl‑2008, fir-rigward ta’ żewġ akkwisti ta’ maġġoranza ta’ azzjonijiet rispettivament f’kumpannija Torka u f’kumpannija Messikana. Hija sostniet li l-miżura kontenzjuża ma teħtieġx li t-tnaqqis jitwettaq fid-dikjarazzjoni tat-taxxa immedjatament segwenti t-twettiq tat-tranżazzjoni, iżda li l-benefiċjarji jistgħu liberament jiddeċiedu l-punt li fih għandhom japplikawha. F’dawn l-osservazzjonijiet, Axa sostniet li, għall-prudenza, hija ma applikatx immedjatament it-tnaqqis inkwistjoni b’mod definittiv, iżda li ħadet inkunsiderazzjoni l-miżura kontenzjuża sabiex tnaqqas il-bażi taxxabbli għall-għan tal-kalkolu tal-kontijiet għall‑2009 ( 16 ). F’dawn iċ-ċirkustanzi, Axa sostniet li għandha interess konkret u attwali fl-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, peress illi din, minn naħa, tipprekludiha mid-dritt akkwistat illi tapplika l-miżura kontenzjuża għal tranżazzjonijiet imwettqa diġà – sakemm ma tipprovax l-eżistenza ta’ ostakoli għall-amalgamazzjonijiet internazzjonali fil-Messiku u fit-Turkija, konformement mal-premessa 200 ta’ din id-deċiżjoni – u, min-naħa l-oħra, tesponiha għar-riskju li jkollha tħallas l-interessi moratorji fuq il-kontijiet għall‑2009 ( 17 ). Fir-replika quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Axa sostniet li applikat il-miżura kontenzjuża fil-kuntest tal-proċedura tal-awtolikwidazzjoni għall‑2013, imbagħad, mill-ġdid, wara l-adozzjoni tas-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2014, Banco Santander u Santusa vs Il‑Kummissjoni ( 18 ). Anness mar-replika, hija ppreżentat avviż ta’ likwidazzjoni, bid-data tat‑18 ta’ Jannar 2018, maħruġ fil-kuntest tal-proċedura ta’ rkupru tal-għajnuna mogħtija fl-applikazzjoni tal-miżura kontenzjuża, bl-għan, b’mod partikolari, tal-amortizzazzjoni għall-eżerċizzji tal‑2014 u 2015 tal-avvjament finanzjarju rigward l-akkwist ta’ ishma f’kumpannija Torka mwettaq minn Axa matul l‑2008.

    26.

    Min-naħa tiegħi, infakkar illi, fis-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2018, Andres vs Il‑Kummissjoni ( 19 ) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Andres”), il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat illi l-fatt li rikorrent jista’ jaqa’, jew ma jaqax, fil-kategorija tal-benefiċjarji effettivi jew tal-benefiċjarji potenzjali ta’ għajnuna individwali mogħtija taħt skema ta’ għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq intern b’deċiżjoni tal-Kummissjoni ma huwiex deċiżiv sabiex jiġi stabbilit jekk dan ir-rikorrent huwiex ikkonċernat individwalment minn din id-deċiżjoni, fejn f’kull każ huwa stabbilit li l-imsemmi rikorrent huwa milqut minnha minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalih jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzah meta mqabbel ma’ kull persuna oħra. Għalhekk, fejn iddeċidiet dwar l-eċċezzjoni tal-inammissibbiltà tal-Kummissjoni u waslet għall-konklużjoni li Axa, billi ma applikatx il-miżura kontenzjuża jekk mhux mill‑2014, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala benefiċjarja effettiva tal-vantaġġ previst minnha fil-punt tal-preżentata tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tevalwa jekk is-sitwazzjoni tagħha kinitx madankollu waħda li tiddistingwixxiha minn operaturi oħra kkonċernati biss inkwantu benefiċjarji potenzjali ta’ din il-miżura u, b’mod partikolari, jekk sitwazzjoni bħal din tistax tirriżulta miċ-ċirkustanza li Axa pproċediet għall-amortizzazzjoni prevista minn din il-miżura għall-għan tal-kalkolu tal-kontijiet magħmula għall‑2009. Ma jidhirlix għall-kuntrarju li l-fatt biss li Axa wettqet tranżazzjoni li tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura kontenzjuża ( 20 ) jista’ jkun suffiċjenti sabiex jiddistingwixxi s-sitwazzjoni tagħha fis-sens meħtieġ mill-ġurisprudenza. F’dan ir-rigward ser nillimita ruħi li nosserva li, fil-kawża li tat lok għas-sentenza Andres, il-Qorti Ġenerali aċċertat, minn naħa, li r-rikorrenti f’dik il-kawża kellha, f’eżerċizzju li ppreċeda l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, benefiċċji taxxabbli li minnhom naqqset it-telf irrapportat skont il-klawżola ta’ ristrutturazzjoni li dwarha kienet tittratta l-kawża u, min-naħa l-oħra, li rriżulta minn informazzjoni vinkolanti tal-awtoritajiet fiskali Ġermaniżi li din kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din il-klawżola ( 21 ).

    V. Fuq l-ispejjeż

    27.

    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell jiġi miċħud il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli, mutatis mutandis, għall-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha bħala għan appell minn deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, il-parti li tilfet tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk tkun saret talba għal dan. Peress illi nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell ta’ Axa, din għandha, fil-fehma tiegħi, tiġi kkundannata għall-ispejjeż, konformement mat-talba f’dan is-sens imressqa mill-Kummissjoni.

    VI. Konklużjoni

    28.

    Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nissuġġerixxi lill‑Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lil Axa għall-ispejjeż.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: it-Taljan.

    ( 2 ) T‑405/11, mhux ippubblikata, EU:T:2018:780.

    ( 3 ) Deċiżjoni Nru C 45/07 (ex NN 51/07, ex CP 9/07) (ĠU 2011, L 135, p. 1). Din id-deċiżjoni kienet suġġetta għal żewġ rettifiki, bid-data tat‑3 ta’ Marzu 2011 u s‑26 ta’ Novembru 2011.

    ( 4 ) C 45/07 (ex NN 51/07, ex CP 9/07) (ĠU 2011, L 7, p. 48). Il-kawżi l-oħra, li dwarhom qiegħed nippreżenta l-konklużjonijiet tiegħi llum, huma l-Kawżi magħquda C‑51/19 P, World Duty Free Group, u C‑64/19 P, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑53/19 P, Banco Santander u Santusa vs Il‑Kummissjoni, u C‑65/19 P, Spanja vs Il‑Kummissjoni, u l-Kawżi C‑50/19 P, Sigma Alimentos Exterior vs Il‑Kummissjoni, C‑52/19 P, Banco Santander vs Il‑Kummissjoni, u C‑55/19 P, Proseguor Compañía de Seguridade vs Il‑Kummissjoni.

    ( 5 ) ĠU 2007, C 311, p. 21 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-ftuħ”).

    ( 6 ) BOE nru 61, tal‑11 ta’ Marzu 2004, p. 10951.

    ( 7 ) L-avvjament huwa ddefinit fil-premessa 27 tad-deċiżjoni kkontestata bħala “l-valur ta’ isem tan-negozju rispettat sew, relazzjonijiet tajbin ma’ klijenti, ħiliet tal-impjegati, u tali fatturi oħra li huma mistennija li jsarrfu fi qligħ ikbar milli evidenti fil-futur”, li jikkorrispondi għall-“prezz imħallas għall-akkwiżizzjoni ta’ negozju li jaqbeż il-valur fis-suq tal-assi li jikkostitwixxu n-negozju”, u għandu jitniżżel fil-kotba, skont il-prinċipji tal-kontabbiltà Spanjoli, bħala assi intanġibbli separati, hekk kif il-kumpannija akkwirenti tieħu l-kontroll tal-kumpanija fil-mira.

    ( 8 ) Il-premessa 29 tad-deċiżjoni kkontestata tistabbilixxi li, “avvjament finanzjarju” kif użat fis-sistema tat-taxxa Spanjola huwa l-avvjament li kien jitniżżel fil-kotba kieku l-kumpannija li għandha l-azzjonijiet u l-kumpannija fil-mira fformaw grupp.

    ( 9 ) L-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kkontestata eskluda mid-dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltà u mill-ordni tal-irkupru t-tnaqqis fiskali li bbenefikaw minnu l-benefiċjarji sabiex iwettqu akkwisti barra mill-Unjoni bl-applikazzjoni tal-miżura kontenzjuża “li huma relatati ma’ drittijiet miżmuma direttament jew indirettament f’kumpaniji barranin li jilħqu l-kundizzjonijiet rilevanti tal-iskema tal-għajnuna sal‑21 ta’ Diċembru 2007, apparti mill-kundizzjoni li jżommu l-ishma tagħhom għal perjodu mhux interrott ta’ mill-inqas sena”. Il-Kummissjoni fil-fatt ikkunsidrat li sa dik id-data (li tikkorrispondi għall-pubblikazzjoni fil-ĠU tad-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali), il-benefiċjarji tal-miżura kontenzjuża kienu jgawdu minn aspettattivi leġittimi tal-legalità ta’ din il-miżura (ara l-premessi minn 186 sa 199 tad-deċiżjoni kkontestata). L-istess trattament japplika, skont il-premessa 200 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-benefiċjarji li wettqu tranżazzjoni f’pajjiżi terzi, li jkunu akkwistaw maġġoranza ta’ azzjonijiet u li jistgħu jipprovdu evidenza suffiċjenti biex juru l-eżistenza ta’ ostakolu legali espliċitu, fis-sens ta’ din id-deċiżjoni, fid-dritt nazzjonali ta’ dan il-pajjiż terz.

    ( 10 ) T‑399/11, EU:T:2014:938.

    ( 11 ) T‑219/10, EU:T:2014:939.

    ( 12 ) C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981.

    ( 13 ) C‑23/00 P, EU:C:2002:118, punt 52.

    ( 14 ) L-inverżjoni tal-ordni loġika jew naturali tat-trattament tar-rimedji ġudizzjarji li twassal għaliha l-applikazzjoni tal-hekk imsejħa ġurisprudenza Boehringer meta l-qorti tal-Unjoni tiċħad rikors fuq il-mertu anki jekk tkun tqajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, b’mod partikolari jekk ta’ ordni pubbliku u jekk din tiġi proposta permezz ta’ att separat li jitlob li tingħata deċiżjoni mingħajr ma tidħol fid-dibattitu tal-mertu, kienet is-suġġett ta’ kritika: ara, pereżempju, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża L‑Iżvizzera vs Il‑Kummissjoni (C‑547/10 P, EU:C:2012:565, punti minn 46 sa 54); tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Philips Lighting Poland u Philips Lighting vs Il‑Kunsill (C‑511/13 P, EU:C:2015:206, punti minn 50 sa 67); tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża SNCF Mobilités vs Il‑Kummissjoni (C‑127/16 P, EU:C:2017:577, punt 163); u tal-istess Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-kawża Il‑Kunsill vs Boehringer (C‑23/00 P, EU:C:2001:511, punti 30 sa 36). Minkejja dawn il-kritiki, il-ġurisprudenza Boehringer tibqa’ tiġi applikata kemm mill-Qorti Ġenerali (ara, reċentement, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2020, AV u AW vs Il‑Parlament, T‑173/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:535, punt 42), kif ukoll mill-Qorti tal-Ġustizzja (għal applikazzjoni reċenti fil-kuntest ta’ proċedura tal-appell, ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Club Hotel Loutraki et vs Il‑Kummissjoni, C‑131/15 P, EU:C:2016:989, punt 68).

    ( 15 ) Skont ġurisprudenza kkonsolidata sewwa, il-benefiċjarji effettivi ta’ għajnuna individwali mogħtija abbażi ta’ sistema ta’ għajnuna mill-Istat li l-Kummissjoni tkun ordnat l-irkupru tagħha huma, għal din ir-raġuni, ikkonċernati individwalment fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (ara, speċifikament, is-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2011, Comitato Venezia vuole vivere et vs Il‑Kummissjoni, C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punt 53, iktar ’il quddiem is-“sentenza Comitato “Venezia vuole vivere””), anki jekk l-irkupru jitwettaq biss f’fażi segwenti, li fiha għandu jintwera jekk il-benefiċċji rċevuti effettivament jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat li għandha tiġi rrimborsata (ara s-sentenza Comitato “Venezia vuole vivere”, punt 55). Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l‑ordni ta’ rkupru diġà tikkonċerna individwalment lill-benefiċjarji kollha tal-iskema inkwistjoni “sa fejn dawn huma esposti, sa mill-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni [tal-Kummissjoni], għar-riskju li l-benefiċċji li rċevew jiġu rkuprati, u b’hekk jinsabu milquta fis-sitwazzjoni legali tagħhom” (ara s-sentenza Comitato “Venezia vuole vivere”, punt 56). Għalhekk, dawn il-benefiċjarji jagħmlu parti minn ċirku żgħir fis-sens tal-ġurisprudenza meħuda mis-sentenza tas‑17 ta’ Jannar 1985, Piraiki-Patraiki et vs Il‑Kummissjoni (11/82, EU:C:1985:18, punt 31).

    ( 16 ) Id-dikjarazzjoni relattiva ġiet ippreżentata annessa mal-osservazzjonijiet dwar l-eċċezzjoni tal-inammissibbiltà quddiem il-Qorti Ġenerali.

    ( 17 ) Axa sostniet ukoll illi l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata jevitalha li jkollha tippreżenta lill-Kummissjoni l-provi neċessarji sabiex turi l-eżistenza ta’ ostakoli għall-amalgamazzjonijiet internazzjonali fit-Turkija u fil-Messiku sabiex tkun tista’ tinvoka l-aspettattivi leġittimi konformement mal-premessa 200 ta’ din id-deċiżjoni; ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 18 ) T‑399/11, EU:T:2014:938.

    ( 19 ) C‑203/16 P, EU:C:2018:505, punt 48.

    ( 20 ) Nindika li jidher li jirriżulta mill-avviż tal-likwidazzjoni ppreżentat fir-replika quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li t-tranżazzjonijiet tal-akkwist imwettqa minn Axa fl‑2008 tawha effettivament dritt għall-amortizzazzjoni prevista mill-miżura kontenzjuża.

    ( 21 ) Ara, b’mod partikolari, il-punti 13 u 55 tas-sentenza Andres.

    Top