EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CC0003

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati fit-2 ta’ April 2020.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:254

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

2 ta’ April 2020 ( 1 )

Kawża C‑3/19

Asmel società consortile a r.l.

vs

Autorità Nazionale Anticorruzione,

bl-intervent ta’:

Associazione Nazionale Aziende Concessionarie Servizi entrate

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għoti ta’ kuntratti pubbliċi – Korpi ċentrali ta’ xiri – Muniċipalitajiet żgħar – Limitazzjoni għal żewġ mudelli organizzattivi pubbliċi biss ta’ korpi ċentrali ta’ xiri – Projbizzjoni ta’ intervent ta’ kapital privat – Marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri – Limitazzjoni territorjali tal-attivatjiet tagħhom”

1. 

Id-dritt Taljan fis‑seħħ fil‑mument tal‑fatti, skont l-interpretazzjoni magħmula mill‑Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), jaċċetta li l-entitajiet lokali żgħar jagħmlu użu minn korpi ċentrali ta’ xiri sabiex jakkwistaw xogħlijiet, oġġetti u servizzi, dan dejjem taħt forom organizzattivi esklussivament pubbliċi, bħalma huma konsorzji bejn muniċipalitajiet jew unjoni ta’ muniċipalitajiet.

2. 

Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk dan il-metodu huwiex konformi mad‑dritt tal‑Unjoni, peress li jista’ jillimita l-użu ta’ korpi ċentrali ta’ xiri b’mod li ma jkunx kompatibbli mad‑Direttiva 2004/18/KE ( 2 ), applikabbli ratione temporis għal fatti li tirreferi għalihom id-domanda preliminari tagħha, u mal‑“prinċipji ta’ moviment liberu tas‑servizzi u ta’ ftuħ massimu tal‑kompetizzjoni fil‑qasam ta’ kuntratti pubbliċi”.

I. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni. Id-Direttiva 2004/18

3.

Skont il-premessa 15 ta’ din id-direttiva:

“Ċerta teknika ta’ xiri ċentralizzat ġew żviluppati fl-Istati Membri. Ħafna awtoritajiet kuntrattwali huma responsabbli li jagħmlu akkwisti jew jassenjaw kuntratti pubbliċi/qafas ta’ ftehim għall-awtoritajiet kuntrattwali oħra. Minħabba l-volum kbir ta’ xiri, dik it-teknika tgħin biex tikber il-kompetittività u ttejjeb ix-xiri pubbliku. Għalhekk għandu jkun hemm disposizzjoni għall-definizzjoni Komunitarja tal-korpi ċentrali tax-xiri ddedikati lill-awtoritajiet kuntrattwali. Għandha tingħata wkoll definizzjoni tal-kondizzjonijiet li taħthom, skond il-prinċipji ta’ bla diskriminazzjoni u trattament ugwali, l-awtoritajiet kuntrattwali ta’ xiri għal xogħlijiet, provvisti u/jew servizzi permezz ta’ korpi ta’ xiri ċentrali jista’ jkun meqjus li jħarsu din id-Direttiva”.

4.

Il-premessa 16 tiddikjara:

“Sabiex tieħu in konsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi differenti miksuba fl-Istati Membri, l-Istati Membri għandhom jitħallew li jagħżlu jekk l-awtoritajiet kuntrattwali jużawx il-qafas ta’ ftehim, korpi ta’ xiri ċentrali, sistemi dinamiċi ta’ xiri, irkanti ta’ l-elettronika jew il-proċedura ta’ djalogu kompetittiv kif definit u rregolat b’din id-Direttiva”.

5.

L-Artikolu 1 (“Definizzjonijiet”) jindika:

“[…]

9.   Awtoritajiet ‘kuntrattwali’ tfisser l-awtoritajiet Statali, reġjonali jew lokali, korpi rregolati bil-liġi pubblika, assoċjazzjonijiet li ġew iffurmati b’waħda jew ħafna minn dawn l-awtoritajiet jew wieħed jew aktar minn dawn il-korpi rregolati bil-liġi pubblika.

‘Korpi rregolati bil-liġi pubblika’ tfisser kull korp:

(a)

stabbilit għall-għan speċifiku li jilħaq il-bżonnijiet fl-interess pubbliku, li m’għandhomx karattru industrijali jew kummerċjali;

(b)

li għandhom personalità legali; u

(c)

ffinanzjati, mill-biċċa l-kbira, mill-Istat, reġjonali jew awtoritajiet lokali, jew korpi oħra rregolati mill-liġi pubblika; jew suġġetti għas-supervizzjoni manigerjali minn dawk il-korpi; jew għandhom bord amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju, li aktar minn nofs il-membri tagħhom huma appuntati mill-autoritajiet Statali, reġjonali jew lokali, jew minn korpi oħra rregolati bil-liġi pubblika.

Lista ta’ korpi li m’humiex eżawrjenti u kategoriji ta’ korpi rregolati bil-liġi pubblika li jissodisfaw il-kriterja riferuta fil-(a), (b) u (c) tat-tieni subparagrafu huma mniżżla fl-Anness III. L-Istati Membri se jinnotifikaw perjodikament lill-Kummissjoni b’kull tibdil fil-lista ta’ korpi u kategoriji ta’ korpi.

10.   ‘Korp ċentrali ta’ xiri’ hija awtorità kuntrattwali li:

takkwista provvisti u/jew servizzi li huma intenzzjonati għall-awtoritajiet kuntrattwali, jew

tassenja kuntratti pubbliċi jew tikkonkludi qafas ta’ ftehim għal xogħlijiet, provvisti jew servizzi li huma intenzzjonati għall-awtoritajiet kuntrattwali.

[…]”.

6.

L-Artikolu 11 (“Kuntratti pubbliċi u kwadru ta’ ftehim mogħtija minn korpi ta’ xiri ċentrali”) jistipula li:

“1.   Stati Membri jistgħu jistipulaw li awtoritajiet kontrattwanti jistgħu jixtru xogħlijiet, fornimenti u/jew servizzi minn jew permezz ta’ korp ta’ xiri ċentrali.

2.   Awtoritajiet kontrattwanti li jixtru xogħlijiet, fornimenti u/jew servizzi minn jew permezz ta’ korp ta’ xiri ċentrali fil-każi mniżżlin fl-Artikolu 1(10) għandhom jkunu meqjusa li ikkonformaw ma’ din id-Direttiva safejn il-korp ta’ xiri ċentrali ikun ikkonforma magħha”.

B.   Id-dritt Taljan

1. It-Testo único degli enti locali (Test Uniku dwar l-Entitajiet Lokali ( 3 ))

7.

Skont l-Artikolu 30(1):

“L-entitajiet lokali jistgħu jidħlu għal ftehimiet meħtieġa bejniethom, sabiex iwettqu funzjonijiet u servizzi ddeterminati b’mod ikkoordinat”.

8.

L-Artikolu 31(1) jipprevedi:

“Għal ġestjoni konġunta ta’ servizz wieħed jew aktar u l-eżerċizzju konġunt ta’ funzjonijiet, l-entitajiet lokali jistgħu jikkostitwixxu konsorzju b’konformità mar‑regoli maħsuba għall‑impriżi speċjali inklużi fl-Artikolu 114, sa fejn ikunu kompatibbli. Entitajiet pubbliċi oħrajn jistgħu jipparteċipaw fil-konsorzju dejjem sakemm ikunu awtorizzati jagħmlu dan, skont il-liġijiet li għalihom huma suġġetti”.

9.

L-Artikolu 32(1) jipprovdi:

“L-unjoni ta’ muniċipalitajiet hija entità lokali kkostitwita minn żewġ muniċipalitajiet jew iktar, ġeneralment dawk tal‑madwar, sabiex jeżerċitaw funzjonijiet u servizzi b’mod konġunt […]”.

2. Il-Codice dei contratti pubblici (il-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi) ( 4 )

10.

L-Artikolu 3(25), jikkwalifika bħala awtorità kontraenti:

“L-amministrazzjonijiet tal‑Istat, l-entitajiet pubbliċi territorjali; entitajiet pubbliċi oħrajn ta’ natura mhux ekonomika, il-korpi rregolati mid-dritt pubbliku, l-unjonijiet, il-konsorzji, irrispettivament mill-isem tagħhom, ikkostitwiti mill-imsemmija entitajiet”.

11.

L-Artikolu 3(34), jikkunsidra bħala korp ċentrali ta’ xiri:

“Awtorità kontraenti li:

takkwista provvisti jew servizzi ddestinati għal awtoritajiet kontraenti jew għal entitajiet kontraenti oħrajn, jew

tassenja kuntratti pubbliċi jew tidħol għal ftehim qafas ta’ xogħlijiet, provvisti jew servizzi ddestinati għal awtoritajiet kontraenti jew għal entitajiet kontraenti oħrajn”.

12.

Skont il-verżjoni inizjali tal-Artikolu 33(3a) ( 5 ):

“Il-muniċipalitajiet li l-popolazzjoni tagħhom ma taqbiżx il-5 000 abitant u li huma inklużi fit-territorju ta’ kull provinċja huma obbligati li jassenjaw lil korp ċentrali ta’ xiri wieħed biss l-akkwist ta’ xogħlijiet, servizzi u provvisti fl-ambitu ta’ unjonijiet ta’ muniċipalitajiet imsemmija fl-Artikolu 32 tat-Test uniku rrikonoxxut fid-Digriet Legiżlattiv Nru 267 tat-18 ta’ Awwissu 2000, meta jeżistu, jew jidħlu għal ftehim korrispondenti ta’ konsorzju bejn muniċipalitajiet, billi jagħmlu użu mill‑uffiċċji kompetenti”.

13.

Skont il-verżjoni emendata ( 6 ) (fl-2014) tal-istess Artikolu 33(3a):

“Il-muniċipalitajiet li ma humiex kapitali ta’ provinċja jwettqu l-akkwist ta’ xogħlijiet, oġġetti u servizzi fl‑ambitu ta’ unjonijiet ta’ muniċipalitajiet inklużi fl‑Artikolu 32 tad‑Digriet Legiżlattiv Nru 267, tat‑18 ta’ Awwissu 2000, meta jeżistu, jew jistabbilixxu ftehim speċifiku ta’ konsorzju bejn l-istess muniċipalitajiet billi jagħmlu użu mill‑uffiċċji kompetenti anki tal-provinċji, jew jużaw entità kollettiva jew il‑provinċji, b’konformità mal‑Liġi Nru 56, tas-7 ta’ April 2014. Alternattivament, l-istess muniċipalitajiet jistgħu jixtru oġġetti u servizzi permezz ta’ strumenti elettroniċi ta’ xiri ġestiti minn Consip S.p.A. jew minn kollettività ta’ riferiment oħra”.

II. Il-fatti u domanda preliminari

14.

Asmel società consortile a.r.l. (iktar ’il quddiem, “Asmel s.c.a.r.l”) hija grupp Taljan ta’ kumpanniji b’responsabbiltà limitata, stabbilit fit‑23 ta’ Jannar 2013, li l-kapital tagħha huwa kondiviż bejn il-Konsorzju Asmez (24 %) ( 7 ), l-assoċjazzjoni privata Asmel (25 %) ( 8 ) u l-munċipalità ta’ Caggiano (51 %).

Image

15.

Maż‑żmien, Asmel s.c.a.r.l. żvolġiet l-attività ta’ korp ċentrali ta’ xiri favur l-entitajiet lokali ( 9 ).

16.

Ir-relazzjoni bejn Asmel s.c.a.r.l. u l-muniċipalitajiet mhux imsieħba magħha kienet tikkonsisti f’sitwazzjoni fejn il-gvernijiet ta’ dawn tal‑aħħar kienu jaddottaw id-deċiżjonijiet li bihom jikkuntrattaw, li fihom:

minn naħa, huma kienu jirreferu għal deċiżjoni preċedenti li biha kienu approvaw li jadderixxu mal-assoċjazzjoni Asmel u jifformaw konsorzju skont l-Artikolu 33(3a) taċ-CCP;

min-naħa l-oħra, kienu jinkarigaw lil Asmel s.c.a.r.l bil-funzjoni li tiżvolġi l-proċessi ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi permezz ta’ pjattaforma informatika ( 10 ).

17.

Wara diversi ilmenti, l-Autorità Nazionale Anticorruzione (l-Awtorità Nazzjonali ta’ Kontra l-Korruzzjoni, iktar ’il quddiem, “ANAC”) bdiet investigazzjoni li fiha sabet li Asmel s.c.a.r.l. u l-Konsorzju Asmez ma kinux jirrispettaw il-mudelli organizzattivi previsti għal korpi ċentrali ta’ xiri fiċ-CCP.

18.

Skont l-ANAC, Asmel s.c.a.r.l. kienet entità ta’ natura privata, eżattament, kumpannija rregolata mid-dritt privat komposta minn naħa tagħha minn assoċjazzjonijiet oħrajn. Għaldaqstant, ma setgħetx tkun korp ċentrali ta’ xiri peress li l-ordinament Taljan jirrikjedi forom pubbliċi ta’ azzjoni permezz ta’ entitajiet pubbliċi jew assoċjazzjonijiet bejn entitajiet lokali, bħall‑unjonijiet u l-konsorzji ta’ muniċipalitajiet stabbiliti permezz ta’ ftehimiet konklużi skont l-Artikolu 30 tat-TUEL. Hija nnotat ukoll li, jekk huwa possibbli li jintużaw entitajiet privati, dawn għandhom ikunu korpi interni li l-attività tagħhom tillimita ruħha għat‑territorju tal‑muniċipalitajiet fundaturi, filwaqt li fil‑każ preżenti la kien hemm il-ħtieġa relatata mal-kontroll analogu u lanqas id-delimitazzjoni territorjali tal‑attività eżerċitata.

19.

L-ANAC qieset li Asmel s.c.a.r.l kienet twettaq l-attivitajiet tagħha ta’ xiri ta’ oġġetti għall‑entitajiet msieħba magħha, iżda li dawn kienu jipparteċipaw biss b’mod indirett fil‑korp ċentrali ta’ xiri. Spjegat li l-entitajiet lokali kienu jissieħbu fl‑ewwel mument fl‑assoċjazzjoni Asmel u, wara, skont ir-resoluzzjoni tal-Kumitat, kienu jafdaw il-funzjonijiet ta’ xiri lil Asmel s.c.a.r.l.

20.

L-ANAC, permezz tar‑Resoluzzjoni Nru 32, tat‑30 ta’ April 2015, ma aċċettatx li l-kumpannija Asmel s.c.a.r.l. tista’ tiġi kklassifikata bħala korp tad‑dritt pubbliku, imponietilha projbizzjoni li teżerċita attivitajiet ta’ intermedjazzjoni fix‑xirjiet pubbliċi u ddikjarat l-illegalità tal-għotja ta’ kuntratti mwettqa minnha.

21.

Asmel s.c.a.r.l. ikkontestat id-deċiżjoni tal-ANAC quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio, l-Italja). Fl‑opinjoni tagħha, anki jekk kienet entità rregolata mid-dritt privat, kellha personalità ġuridika, kienet tissodisfa l-eżiġenzi tal-interess ġenerali, ma kellhiex karattru industrijali jew kummerċjali, kienet iffinanzjata minn entitajiet lokali msieħba magħha u kienet topera abbażi tal‑influwenza dominanti tagħha. Għal dawn ir-raġunijiet, affermat li hija awtorità kontraenti li kienet tissodisfa r-rekwiżiti kollha sabiex tkun ikkunsidrata li hija “korp ċentrali ta’ xiri”.

22.

Il-qorti tal‑ewwel istanza ċaħdet l-appell ta’ Asmel s.c.a.r.l fis‑sentenza Nru 2339, tat‑22 ta’ Frar 2016. B’teħid inkunsiderazzjoni tal‑mod ta’ finanzjament u tal‑kontroll fuq il-ġestjoni, eskludiet li din il-kumpannija kienet korp irregolat mid-dritt pubbliku. Ikkonstatat in-nuqqas ta’ osservanza tal‑mudelli organizzattivi tal‑korpi ċentrali ta’ xiri imposti miċ‑CCP u ddikjarat li l-ambitu ta’ azzjoni tagħha għandu jkun limitat għat‑territorju tal‑muniċipalitajiet fundaturi.

23.

Asmel s.c.a.r.l. appellat mis-sentenza tal‑ewwel istanza quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) fejn invokat diversi raġunijiet li dik il-qorti tikkunsidra li huma rilevanti, u li tnejn minnhom huma importanti f’din il-kawża:

li huwa żbaljat li jiġi ddikjarat li l-mudell organizzattiv li jikkonsisti f’konsorzju b’forma ta’ kumpannija jirriżulta inkompatibbli mad‑dispożizzjonijiet taċ‑CCP dwar il-korpi ċentrali ta’ xiri; u

li ċ-CCP ma jimponi l-ebda limitu territorjali operattiv għal dawn il-korpi ċentrali ta’ xiri.

24.

Il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) jindika li l-entitajiet pubbliċi territorjali jinsabu fost l-awtoritajiet kontraenti msemmija fl‑Artikolu 3(25) taċ‑CCP. Kwalunkwe waħda minn dawn l-entitajiet tista’ tassumi, bħala prinċipju, il-funzjoni ta’ korp ċentrali ta’ xiri (Artikolu 3(34) taċ‑CCP). Madankollu, il-muniċipalitajiet iż-żgħar għandhom jagħmlu dan permezz ta’ “mudell organizzattiv preċiż” (Artikolu 33(3a) taċ‑CPP) li jvarja minn dak previst b’mod ġenerali għal amministrazzjonijiet oħrajn.

25.

B’konformità ma’ dan il-“mudell preċiż”, il-muniċipalitajiet iż-żgħar ( 11 ) jistgħu jirrikorru għal korpi ċentrali ta’ xiri biss billi jsegwu wieħed minn dawn iż-żewġ mudelli: a) l-unjonijiet ikkontemplati fl-Artikolu 32 tat‑TUEL u b) il-konsorzji bejn l-entitajiet lokali inklużi fl-Artikolu 31 tat-TUEL ( 12 ).

26.

Fl‑opinjoni tal‑Consiglio di Stato (il-Kunsill tal‑Istat), l-imsemmi obbligu impost fuq il-muniċipalitajiet iż-żgħar jidher li jmur kontra l-possibbiltà li jintużaw korpi ċentrali ta’ xiri mingħajr limitazzjonijiet fir‑rigward tal‑forom ta’ kooperazzjoni.

27.

Il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal Istat) jindika wkoll li fir-regoli nazzjonali hemm ostakolu ieħor fir-rigward tal-konsorzji ta’ muniċipalitajiet, li jeskludi l-parteċipazzjoni ta’ entitajiet privati ( 13 ). Din l-esklużjoni tista’ tmur kontra l-prinċipji tad‑dritt tal-Unjoni ta’ moviment liberu tas‑servizzi u ta’ ftuħ massimu għall‑kompetizzjoni, peress li tirriżerva biss għall‑entitajiet pubbliċi Taljani, iddeterminati b’mod eżawrjenti, il-provvista ta’ servizzi li jistgħu jiġu kklassifikati bħala attivitajiet ta’ negozju u li, minn din il-perspettiva, jistgħu jiġu eżerċitati aħjar fis-sistema tal‑kompetizzjoni libera fis-suq intern.

28.

Barra minn hekk, huwa jinterpreta li, għalkemm ir-regoli interni ma jiddefinixxux spazju operattiv għall‑korpi ċentrali ta’ xiri, dawn jistabbilixxu korrispondenza bejn it-territorju tal‑muniċipalitajiet li jagħmlu użu minnhom u l-ambitu ta’ azzjoni tagħhom. L-imsemmi ambitu jillimita ruħu, għalhekk, għat‑territorju tal‑muniċipalitajiet inklużi fl-unjoni jew integrati fil-konsorzju. Fl-opinjoni tagħha, din id-delimitazzjoni tirriżulta wkoll kuntrarja għall‑prinċipju ta’ moviment liberu tas‑servizzi u għall-prinċipju ta’ ftuħ massimu għall‑kompetizzjoni, għaliex timplimenta żoni ta’ esklussività għall-attivitajiet tal‑korpi ċentrali ta’ xiri.

29.

F’dan il-kuntest, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal‑Istat), jagħamel lill‑Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1 Dispożizzjoni nazzjonali, bħall‑Artikolu 33(3a) tad‑Digriet Leġiżlattiv tat‑12 ta’ April 2006, Nru 163/2006, li jillimita l-awtonomija tal‑muniċipalitajiet fl‑għoti lil korp ċentrali ta’ xiri għal żewġ mudelli organizzattivi biss, jiġifieri l-unjoni tal‑muniċipalitajiet jekk din l-unjoni diġà teżisti jew il-konsorzju bejn il-muniċipalitajiet li għad irid jitwaqqaf, tmur kontra d-dritt Komunitarju?

2 Fi kwalunkwe każ, dispożizzjoni nazzjonali bħall‑Artikolu 33(3a) tad‑Digriet Leġiżlattiv tat‑12 ta’ April 2006, Nru 163/2006, li, moqri flimkien mal‑Artikolu 3(25) tad‑Digriet Leġiżlattiv tat‑12 ta’ April 2006, Nru 163/2006, fir‑rigward tal‑mudell organizzattiv tal‑konsorzji tal‑muniċipalitajiet, jeskludi l-possibbiltà li jiġu kkostitwiti persuni rregolati mid‑dritt privat, bħal konsorzju rregolat mid‑dritt komuni li fih jistgħu jiffurmaw parti persuni rregolati mid‑dritt privat, tmur kontra d-dritt Komunitarju u, b’mod partikolari, tmur kontra l-prinċipji ta’ moviment liberu tas‑servizzi u tal‑iktar ftuħ possibbli tal‑kompetizzjoni fil‑qasam tal‑kuntratti pubbliċi għal servizzi?

3 Dispożizzjoni nazzjonali bħall‑Artikolu 33(3a) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006 li, jekk jiġi interpretat fis‑sens li jippermetti lill‑konsorzji tal‑muniċipalitajiet li huma korpi ċentrali ta’ xiri joperaw f’territorju li jikkorrispondi għal dak tal‑muniċipalitajiet li huma membri ta’ dan il-konsorzju, ikkunsidrat globalment u, għaldaqstant, f’territorju limitat għat‑territorju tal‑provinċja, jillimita l-kamp ta’ azzjoni ta’ dawn il-korpi ċentrali ta’ xiri, tmur kontra d-dritt Komunitarju u, b’mod partikolari, tmur kontra l-prinċipji ta’ -moviment liberu tas-servizzi u tal‑iktar ftuħ possibbli tal‑kompetizzjoni fil‑qasam tal‑kuntratti pubbliċi għal servizzi?”

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

30.

Id-digriet tar‑rinviju għal deċiżjoni preliminari ġie rreġistrat fil‑Qorti tal‑Ġustizzja fit‑3 ta’ Jannar 2019.

31.

Issottomettew osservazzjonijiet bil‑miktub Asmel s.c.a.r.l., il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni Ewropea, li kienu preżenti fis‑seduta li nżammet fid‑29 ta’ Jannar 2020.

IV. Evalwazzjoni

A.   L-ammissibbiltà tad-domandi preliminari

32.

Kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Gvern Taljan eċepixxew xi oġġezzjonijiet dwar l-ammissibbiltà tad‑domandi preliminari.

33.

Għall‑Gvern Taljan, dawn id-domandi, kollha kemm huma, huma inammissibbli, minħabba li huma ipotetiċi. Huwa jiddikjara li, irrispettivament mir-risposta tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, ir-rikors ippreżentat quddiem il-qorti tar-rinviju ma jistax jiġi milqugħ peress li Asmel s.c.a.r.l. ma ġiet fdata bl-ebda servizz ta’ xiri b’riżultat ta’ proċediment kompetittiv.

34.

Din l-oġġezzjoni ma tistax tintlaqa’, peress li, hija l-qorti tar‑rinviju li għandha tevalwa n-neċessità tad‑domanda preliminari sabiex issolvi l-kawża li għandha tiddeċiedi dwarha, u għalhekk huwa biss jekk jintwera b’mod ċar (li ma huwiex il-każ hawnhekk) il-kuntrarju li l-Qorti tal‑Ġustizzja tkun tista’ tirrifjuta li twieġeb id-domanda.

35.

Din l-oġġezzjoni tal‑Gvern Taljan iktar tirrigwarda l‑mertu tal‑kontroversja milli l‑ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari nnifisha. Il-fatt li jiġi ċċarat liema korpi ċentrali ta’ xiri, pubbliċi jew b’parteċipazzjoni privata, jistgħu jintużaw mill-muniċipalitajiet iż-żgħar ma huwiex problema ipotetika, iżda reali, li s-soluzzjoni għaliha tirrikjedi li l-limitazzjonijiet imposti mir‑regola Taljana jiġu pparagunati mad‑dritt tal‑Unjoni.

36.

Il-Kummissjoni ssostni, l-ewwel nett, li d-dispożizzjoni applikata mill‑ANAC, li l-kompatibbiltà tagħha mad‑dritt tal-Unjoni hija ddubitata mill‑Consiglo di Stato (il-Kunsill tal‑Istat), jidher li tħassret, u dan kellu jwassal sabiex jgħibu l-eventwali preġudizzji kkawżati lil Asmel s.c.a.r.l., li huma s-suġġett ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari. Din iċ-ċirkustanza tista’ tiddetermina t-telf tas‑suġġett tat‑tilwima.

37.

It-tħassir li tirreferi għalih l-Kummissjoni huwa dak li, fl‑2016, affetwat it-test tal-Artikolu 33(3a) taċ‑CCP, wara l‑modifika tiegħu fl‑2014. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika l-effett ta’ dan it-tħassir fuq il-proċess inkwistjoni, iżda, mill‑perspettiva li hija ta’ interess hawnhekk, ma jistax jiġi argumentat li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma għadx għandha suġġett, speċjalment jekk it-tilwima għandha tiġi deċiża skont ir-regola fis‑seħħ fil‑mument li seħħew il-fatti ( 14 ).

38.

Fir-rigward tal‑eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li l-Kummissjoni teċepixxi fir‑rigward tat‑tielet domanda preliminari, ser nikkunsidraha waqt li nwettaq l-analiżi ta’ din tal-aħħar.

B.   Preċiżazzjonijiet preliminari

39.

Il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal‑Istat) jixtieq ikun jaf, fil‑qosor, jekk huwiex konformi mad‑dritt tal‑Unjoni mudell organizattiv li jawtorizza ( 15 ) lill-entitajiet lokali ż-żgħar jużaw biss il-korpi ċentrali ta’ xiri li jsegwu żewġ mudelli (l-unjonijiet jew il-konsorzji ta’ munċipalitajiet).

40.

Id-digriet tar-rinviju jsemmi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi (Artikolu 56 TFUE), bħala prinċipju li huwa kkontestat mil-leġiżlazzjoni Taljana, fl-istess waqt li jiċċita b’mod espliċitu d-dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 2004/18 relatati mal‑korpi ċentrali ta’ xiri.

41.

Fir‑rigward tal-għoti ta’ kuntratti amministrattivi, il-ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tirrikorri għal‑libertajiet fundamentali tat-TFUE meta d-direttiva li tirregola l-qasam korrispondenti ma hijiex applikabbli. F’din il-kawża, id-direttiva li tirregola ratione temporis l-għotja ta’ kuntratti pubbliċi (u, għaldaqstant, is-sistema legali tal‑korpi ċentrali ta’ xiri fid‑dritt tal-Unjoni) kienet id-Direttiva 2004/18.

42.

Barra minn hekk, l-istess CCP jirriproduċi, fl‑Artikolu 3(34) tiegħu, id-definizzjoni tal‑korpi ċentrali ta’ xiri tal‑Artikolu 1(10) tad‑Direttiva 2004/18, u u dan juri li din ir-regola nazzjonali tinkorpora din id-direttiva fid‑dritt intern.

43.

Għaldaqstant, naqbel mal-opinjoni tal‑Kummissjoni fis‑sens li r-risposta għad‑domandi preliminari għandha tkun fil‑kuntest tad‑Direttiva 2004/18.

44.

Fl‑aħħar nett, huwa irrelevanti li d-digriet tar-rinviju ma jispeċifika l-ammont tal-ebda kuntratt pubbliku kkontestat fit‑tilwima fil-kawża prinċipali, sabiex isir magħruf jekk jintlaħaqx il-limitu għall‑applikazzjoni tad-Direttiva 2004/18. Id-deskrizzjoni tal‑entità tal‑attivatijiet ta’ Asmel s.c.a.r.l. tipprovdi bażi sabiex jiġi preżunt li jfisser li tmur lil hinn mill‑minimu stabbilit fl‑Artikolu 7 tad‑Direttiva 2004/18 ( 16 ), u huwa għal din l-attività, b’mod ġenerali, li għaliha jirreferi r-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

45.

Għalkemm ir-risposta finali li ser tingħata għat‑tliet domandi preliminari hija unika, jidhirli iktar opportun li nanalizzahom separatament, skont l-ordni propost mill‑Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat).

C.   L-ewwel domanda preliminari

46.

Skont il-qorti tar‑rinviju, l-Artikolu 33(3a) taċ‑CCP “jillimita l-awtonomija tal‑muniċipalitajiet, fil‑kuntest tal‑għoti lil korp ċentrali ta’ xiri, għal żewġ mudelli organizzattivi biss, bħalma huma l-unjoni ta’ munċipalitajiet, jekk kienet diġà teżisti, jew il-konsorzju ta’ muniċipalitajiet li jiġi kkostitwit”. Il-mistoqsija tagħha hija jekk din id-dispożizzjoni tmurx kontra d‑dritt tal-Unjoni (mingħajr iktar dettalji) ( 17 ).

47.

L-ikbar jew l-iżgħar estensjoni tal‑awtonomija tal‑entitajiet lokali f’kull Stat Membru, li dwarha titkellem il-qorti a quo, hija kwistjoni li għandha tiġi ddefinita mil‑leġiżlatur kostitwenti, jew mil‑leġiżlatur ordinarju, ta’ dawn l-Istati, mingħajr impożizzjoni, fid-dritt tal‑Unjoni, ta’ regoli preċiżi f’dan ir-rigward.

48.

Għaldaqstant, ser nikkonċentra fuq id-Direttiva 2004/18, li tintroduċi l-“korpi ċentrali tax-xiri” fid‑dritt tal‑Unjoni, bħala riflessjoni ta’ prattika kurrenti f’uħud mill‑Istati Membri, bil-għan li l-amministrazzjonijiet pubbliċi jakkwistaw oġġetti jew servizzi permezz ta’ din is-sistema ċentralizzata ( 18 ).

49.

Għalkemm mhux applikabbli ratione temporis, id-Direttiva 2014/24/UE ( 19 ) għażlet li żżomm din it-teknika ta’ ċentralizzazzjoni ta’ xirjiet, inklużi f’termini iktar kategoriċi minn dawk tad‑Direttiva preċedenti ( 20 ).

50.

Skont id-definizzjoni tal‑Artikolu 1(10) tad‑Direttiva 2004/18, “‘korp ċentrali ta’ xiri’ hija awtorità kuntrattwali li […] takkwista provvisti u/jew servizzi li huma intenzzjonati għall-awtoritajiet kuntrattwali, jew […] tassenja kuntratti pubbliċi jew tikkonkludi qafas ta’ ftehim għal xogħlijiet, provvisti jew servizzi li huma intenzzjonati għall-awtoritajiet kuntrattwali”.

51.

Skont l-Artikolu 11 tad‑Direttiva 2004/18, l-Istati Membri jistgħu jistipulaw li l-awtoritajiet kontreanti jistgħu “jixtru xogħlijiet, fornimenti u/jew servizzi minn jew permezz ta’ korp ta’ xiri ċentrali” ( 21 ).

52.

L-Artikolu 1(9) tad‑Direttiva 2004/18 jiddefinixxi bħala awtoritajiet kontraenti: “l-awtoritajiet Statali, reġjonali jew lokali, korpi rregolati bil‑liġi pubblika, assoċjazzjonijiet li ġew iffurmati b’waħda jew ħafna minn dawn l-awtoritajiet jew wieħed jew aktar minn dawn il-korpi rregolati bil‑liġi pubblika”.

53.

Xejn ma jimpedixxi, fl-istruttura tad‑Direttiva 2004/18, li f’korp irregolat mid‑dritt pubbliku jiġu integrati, taħt kundizzjonijiet stretti, entitajiet privati. Skont it-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 1(9) tad‑Direttiva 2004/18, il-kwalità tal-korp irregolat mid-dritt pubbliku tintwera abbażi ta’ ċertu fatturi li jikkonċernaw l-oriġini u l-personalità ġuridika tiegħu ( 22 ), minn naħa, u d-dipendenza u l-kontroll tiegħu mill‑Istat, mill-entitajiet territorjali u minn korpi oħrajn irregolati mid-dritt pubbliku, min‑naħa l-oħra ( 23 ).

54.

Entità rregolata mid-dritt privat tista’, għalhekk, bħala prinċipju, tifforma parti minn korp pubbliku li jikkwalifika bħala awtorità kontraenti, dejjem jekk l-imsemmi korp jissodisfa r-rekwiżiti li semmejt iktar ’il fuq ( 24 ).

55.

Skont id-digriet tar‑rinviju, meta wieħed jitkellem fuq entitajiet żgħar lokali, dawn għandhom jikkostitwixxu ruħhom f’forom ta’ personifikazzjoni esklussivament pubbliċi, bħall-unjonijiet ta’ muniċipalitajiet jew il-konsorzji ta’ muniċipalitajiet, sabiex joħolqu korpi ċentrali ta’ għotja ta’ kuntratti ta’ karattru lokali. Dawn il-korpi ċentrali ta’ xiri li jistgħu jintużaw mill-entitajiet iż-żgħar lokali sabiex jixtru xogħlijiet, oġġetti u servizzi, ma jippermettux, għalhekk, il-parteċipazzjoni ta’ entitajiet irregolati mid-dritt privat.

56.

Id-Direttiva 2004/18, għalkemm timponi li l-korpi ċentrali ta’ xiri għandhom ikunu awtoritajiet kontraenti, ma tobbligax lill-Istati Membri jimponu regola fejn kwalunkwe korp irregolat mid-dritt pubbliku (bi jew mingħajr parteċipazzjoni privata) li għandu l-istatus ta’ awtorità kontraenti jkollu jagħmel użu minnhom.

57.

Id-Direttiva 2004/18 tagħti lill-Istati Membri, f’dan il-qasam, marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’. Fil‑premessa 16, “sabiex tieħu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi differenti miksuba fl‑Istati Membri”, tiġi enfasizzata l-konvenjenza li “l-Istati Membri għandhom jitħallew li jagħżlu jekk l-awtoritajiet kuntrattwali jużawx […] korpi ta’ xiri ċentrali, […], kif [iddefiniti u rregolati] b’din id-Direttiva”.

58.

Il-forma sostantiva ta’ din il-premessa hija kkonċentrata fl‑Artikolu 11(1) tad‑Direttiva 2004/18, li rreferejt għalih qabel. Skont dak l-artikolu, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jippermettu lil l-awtoritajiet kontraenti tagħhom (hawnhekk, l-entitajiet lokali) jużaw minn dawn il-korpi ċentrali ta’ xiri.

59.

Fl-opinjoni tiegħi, din l-istess għażla tiġi estiża fl‑għażla tar‑regolament li l-iktar jaqbel għall‑interessi pubbliċi, peress li d-Direttiva 2004/18 ma tistabbilixxix regoli speċifiċi dwar l-ammissjoni ta’ entitajiet irregolati mid-dritt privat fil‑korpi ċentrali ta’ xiri. Għalhekk, ikun biżejjed li r-regola nazzjonali ma tiżnaturax il-limiti essenzjali ta’ din l-istituzzjoni u li teżiġi li l-imsemmija korpi ċentrali jkunu konformi, fil‑funzjonament tagħhom, mad‑dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 2004/18 (Artikolu 11(2) in fine).

60.

Is-sentenza reċenti Irgita ( 25 ) toffri ċertu linji gwida ta’ interpretazzjoni validi ukoll għal dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari. Għalkemm mogħtija f’kuntest differenti ( 26 ), jiġifieri fl‑ambitu ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, u dwar regola (l-Artikolu 12(1) tad‑Direttiva 2014/24) li ma tikkonċernax il-korpi ċentrali ta’ xiri, fiha jiġi enfasizzat li l-imsemmija regola ma ċċaħħadx lill-Istati Membri “mil‑libertà li jipprivileġġaw metodu ta’ provvista ta’ servizzi, ta’ eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet jew ta’ provvista ta’ oġġetti għad‑detriment tal‑oħrajn” ( 27 ).

61.

Fis-sentenza Irgita, il-Qorti tal-Ġustizzja:

Tafferma li “[i]l-libertà tal‑Istati Membri fir‑rigward tal‑għażla tal‑metodu ta’ provvista ta’ servizzi li permezz tiegħu l-awtoritajiet kontraenti jaqdu l-ħtiġijiet tagħhom tirriżulta wkoll mill‑premessa 5 tad‑Direttiva 2014/24” ( 28 ).

Tagħmel riferiment, bħala argument addizzjonali, għad‑Direttiva 2014/23/UE ( 29 ) fejn hija tenfasizza l-libertà tal‑Istati Membri li jagħżlu l-aħjar forma ta’ ġestjoni ta’ eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet u l-provvista ta’ servizzi ( 30 ). Issemmi, sabiex tikkorrobora din il-pożizzjoni, l-Artikolu 2(1) ta’ din id-Direttiva ( 31 ).

62.

Għalhekk, b’teħid inkunsiderazzjoni, bħala sapport, ta’ din il-libertà ta’ għażla tal-Istati Membri, nifhem li d-Direttiva 2004/18 ma tipprekludix li wieħed minnhom ixaqleb li jimponi li l-entitajiet lokali żgħar tiegħu għandhom jużaw strutturi kollaborattivi, bħall-unjonijiet u l-konsorzji ta’ muniċipalitajiet, esklussivament pubbliċi, jekk ikunu jixtiequ jużaw korp ċentrali ta’ xiri tagħhom stess.

63.

Nirrepeti, l-Istati Membri huma ħielsa li jimplimentaw forom jew tekniki ta’ xirjiet pubbliċi ċċentralizzati (li għaldaqstant jistgħu jkunu ta’ livell nazzjonali, reġjonali, provinċjali jew lokali) ibbażati fuq l-interessi rispettivi tagħhom u ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull mument ( 32 ). Jistgħu wkoll, kif ulterjorment jikkonferma in fine l-Artikolu 37(1) tad‑Direttiva 2014/24, “jipprevedu li ċerti akkwisti jsiru permezz ta’ rikors għal korpi ċentrali għall‑akkwisti jew permezz ta’ korp ċentrali speċifiku wieħed jew aktar għall‑akkwisti”.

64.

L-unjonijiet u l-konsorzji tal‑muniċipalitajiet huma mudelli organizzattivi ta’ entitajiet lokali li għandhom l-istess natura pubblika bħal dawn tal‑aħħar. Għalhekk, ma hemm xejn stramb fil‑fatt li d-dritt nazzjonali li jirregola dawn il-mudelli, stabbiliti għall‑ġestjoni konġunta ta’ servizzi jew l-eżerċizzju konġunt ta’ funzjonijiet pubbliċi, ma jikkontemplax il-parteċipazzjoni fihom ta’ persuni jew ta’ impriżi privati.

65.

Il-leġiżlatur nazzjonali jista’ jagħżel kemm sistema ta’ xirjiet pubbliċi lokali mhux iċċentralizzati (li fih kull muniċipalità tikkuntratta separatament ix-xirjiet tagħha ta’ oġġetti, ta’ xogħlijiet u ta’ servizzi), kif ukoll sistema ċċentralizzata jew kolletiva (jiġiferi, mudell ta’ xirjiet konġunti f’idejn diversi muniċipalitajet jew korpi ċentrali ta’ xiri, li dawn jużaw ( 33 )).

66.

Fir‑rigward ta’ din it-tieni sistema, id-Direttiva 2004/18 tagħti, ninsisti, libertà lil leġiżlatur nazzjonali sabiex ifassalha. F’din il-libertà hija inkluża, anki meta din id-direttiva ma tinkludix dan espressament (dan huwa inkluż fid-Direttiva 2014/24), is-setgħa li timponi dan b’mod obbligatorju għal uħud mill-awtoritajiet kontraenti.

67.

Xejn ma jipprekludi l-kontemplazzjoni ta’ parteċipazzjoni ta’ persuni privati f’korpi ċentrali ta’ xiri. Ma nistax nifhem però għalfejn il-fatt li l-mudell organizzattiv pubbliku, li huwa l-mudell organizzattiv tal‑unjonijiet u tal‑konsorzji tal‑munċipalitajiet, jiġi applikat bl-istess mod għall-korpi ċentrali ta’ xiri stabbiliti fi ħdan dawn l-unjonijiet jew dawn il-konsorzji, bħala metodu li bih il-muniċipalitajiet rispettivi jakkwistaw xogħlijiet, servizzi u provvisti, imur kontra d-Direttiva 2004/18, jew kwalunkwe regola oħra tad‑dritt tal‑Unjoni.

68.

Madankollu, huwa ċert li l-libertà tal‑leġiżlatur nazzjonali ma hijiex bla limitu, kif għamlitha ċara ukoll, f’kuntest simili, is-sentenza Irgita, u li l-possibbiltà li jagħżel la għandha tikkontradixxi r-regoli u l-prinċipji tat‑TFUE u lanqas il-libertajiet li fih huma pproklamati ( 34 ).

69.

F’dan il-punt, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal‑Istat) jafferma biss li, peress li “l-korpi ċentrali ta’ xiri huma impriżi li joffru s-servizz ta’ xiri ta’ oġġetti u provvisti favur l-amministrazzjonijiet kontraenti” ( 35 ), ir-restrizzjoni imposta mil‑leġiżlatur Taljan tista’ ddgħajjef il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, irrikonoxxuta mill‑Artikolu 57 TFUE.

70.

Il-fatt li korp ċentrali ta’ xiri jista’ jiġi kklassifikat bħala operatur ekonomiku, fir‑relazzjoni tiegħu ma’ terzi ( 36 ), sempliċement ma huwiex biżejjed sabiex tiġi ddeterminata l-applikazzjoni tal‑Artikoli 56 u 57 TFUE, meta dan il-kunċett ma jistax jiġi sseparat minn dak ta’ awtorità kontraenti u meta dan l‑aħħar kunċett jaċċetta biss, skont id-Direttiva 2004/18, bħala awtoritajiet kontraenti “l-awtoritajiet Statali, reġjonali jew lokali, korpi rregolati bil‑liġi pubblika, assoċjazzjonijiet li ġew iffurmati b’waħda jew ħafna minn dawn l-awtoritajiet jew wieħed jew aktar minn dawn il-korpi rregolati bil‑liġi pubblika”.

71.

Naqbel, għalhekk, mal‑Gvern Taljan, meta jallega li l-istatus tal‑korpi ċentrali ta’ xiri inkarigati, b’mod permanenti, bil‑funzjoni tal‑awtoritajiet kontraenti f’isem l‑amministrazzjonijiet pubbliċi, jista’ jiġi rriżervat, skont il-leġiżlatur nazzjonali, għal persuni rregolati bid‑dritt pubbliku ( 37 ).

72.

Dawn il-korpi ċentrali ta’ xiri ma kkompetewx, taħt id-Direttiva 2004/18, f’suq ta’ servizzi ta’ korpi ċentrali ta’ xiri ineżistenti ma’ entitajiet irregolati mid-dritt privat li joffru dawn l-istess servizzi lil l-entitajiet pubbliċi. Hija kwistjoni differenti, f’dak li jikkonċerna l-attivitajiet purament awżiljari ta’ provvista ta’ sostenn għall‑attivitajiet ta’ xiri tal‑awtoritajiet kontraenti, dik fejn impriżi jew entitajiet privati jistgħu joffrulhom, bi skambju għal remunerazzjoni, il-kollaborazzjoni tagħhom (fil-forma ta’ parir, pereżempju).

73.

Jista’ jkun li din is-sitwazzjoni nbidlet wara d-Direttiva 2014/24, li l-Artikolu 37(4) tagħha jippermetti l-għotja ta’ “kuntratt pubbliku ta’ servizzi għall‑provvista ta’ attivitajiet ċentralizzati ta’ akkwist lil korp ċentrali ta’ akkwist”.

74.

Il-fatt li din l-għotja tista’ titwettaq “mingħajr ma japplikaw il-proċeduri stabbiliti f’din id-Direttiva”, kif tiddikjara espressament l-istess dispożizzjoni, jista’ jiġi spjegat mill-fatt li din għandha tkun favur il-korpi ċentrali ta’ xiri ta’ natura pubblika (fil-każ tagħha, b’parteċipazzjoni privata ristretta u taħt kontroll pubbliku). Kieku jkun mod ieħor, jiġifieri, jekk l-għotja tkun tista’ ssir favur persuna privata, ikun diffiċli li wieħed jifhem għaliex din il-persuna ngħatat il-kuntratt mingħajr ma ġiet suġġetta, minn qabel, għal proċedimenti inklużi fid‑Direttiva 2014/24.

75.

Abbażi ta’ dawn l-punti, nifhem li ma hemmx lok li jkun hemm applikazzjoni diretta tal‑Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE għall‑każ inkwistjoni. Indipendenti mill‑fatt li l-elementi kollha tat‑tilwima jillimitaw ruħhom għall‑Italja, mingħajr ma jiġu nnotati konnessjonijiet transkonfinali ( 38 ), dak li huwa deċiżiv huwa li l-interpretazzjoni tad‑dritt tal‑Unjoni li għandu jitqies prevalenti (id-Direttiva 2004/18) ma tirrikjedix li l-korpi ċentrali ta’ xiri mwaqqfa għall‑entitajiet lokali żgħar ikunu jinkludu, infallibbilment, suġġetti privati.

76.

Ma nqisx li r-regola Taljana, ikkunsidrata mill‑perspettiva tad‑dritt tal-kompetizzjoni ( 39 ) fl‑ambitu ta’ kuntratti pubbliċi, tikser, bħala tali, dan id-dritt. Il-kompetizzjoni li d-dritt tal‑Unjoni jfittex li jipproteġġi f’dan l-ambitu hija, primarjament, dik li teżisti bejn l-aġenti ekonomiċi li joffru xogħlijiet, oġġetti u servizzi lill‑awtoritajiet kontraenti. Dejjem sakemm dawn tal‑aħħar (hawnhekk, il-korpi ċentrali ta’ xirjiet iffurmati fi ħdan l-unjonijiet u l-konsorzji tal‑muniċipalitajiet) josservaw il‑proċedimenti tad‑Direttiva 2004/18 sabiex jużaw dawn il‑provvisti, tkun qiegħda tiġi ppreservata l-konkorrenza bejn dawn l-aġenti ekonomiċi.

77.

Fi kliem ieħor, il-fatt li l-entitajiet lokali żgħar għandhom, b’mod obligatorju, jużaw il-korpi ċentrali ta’ xiri tagħhom stess (permezz tal‑unjonijiet u l-konsorzji tal-muniċipalitajiet) ma jfissirx li jingħalaq is‑suq kompetittiv li fih l-aġenti ekonomiċi interessati jipprovdu lil dawn l-amministrazzjonijiet pubbliċi l‑oġġetti, ix-xogħlijiet jew is-servizzi li dawn tal‑aħħar għandhom bżonn.

D.   It-tieni domanda preliminari

78.

Il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) jixtieq ikun jaf jekk regola nazzjonali li “[t]eskludi l-possibbiltà li jiġu kkostitwiti persuni rregolati mid‑dritt privat, bħal konsorzju rregolat mid‑dritt komuni li fih jistgħu jiffurmaw parti persuni rregolati mid‑dritt privat” tmurx kontra d-dritt tal‑Unjoni (“b’mod partikolari, […] l-prinċipji ta’ moviment liberu tas‑servizzi u tal‑iktar ftuħ possibbli tal‑kompetizzjoni fil‑qasam tal‑kuntratti pubbliċi għal servizzi”).

79.

Irrid nindika, preliminarjament, li fid-dawl tal-formulazzjoni letterali tagħha, it-tieni domanda preliminari ma tistaqsix dwar l-impożizzjoni tal-obbligu li l-konsorzji ta’ muniċipalitajiet jippermettu, b’mod ġenerali, il-parteċipazzjoni ta’ entitajiet privati. Id-dubju tal-qorti tar‑rinviju, mifhuma fil‑kuntest tagħha, iktar hija dwar jekk il-projbizzjoni ta’ din il-parteċipazzjoni tas‑setttur privat fil‑korpi ċentrali ta’ xiri ffurmati f’dawk il-konsorzji hijiex konformi mad‑dritt tal‑Unjoni.

80.

Interpretata b’dan il-mod, fl‑opinjoni tiegħi, it-tweġiba għal dan id-dubju toħroġ mit‑tweġiba mogħtija għall-ewwel domanda preliminari, peress li ma hemm xejn iktar li wieħed għandu jżid.

81.

Madankollu, il-Kummissjoni ssostni ( 40 ) li d-deċiżjoni tal‑ANAC li tat lok għat‑tilwima tmur lil hinn minn dak li huwa xieraq sa fejn timpedixxi, f’termini assoluti, lill-Asmel s.c.a.r.l. milli teżerċita l-attività ta’ “suġġett kolletiv” fi kwalunkwe ċirkustanza, billi ċċaħħadha mill-istatus ta’ awtorità kontraenti ( 41 ).

82.

Skont il-Kummissjoni, regola nazzjonali li, bħal dik f’din il-kawża, teskludi l-entitajiet iffurmati skont forma ġuridika ddeterminata u bil-parteċipazzjoni ta’ entitajiet privati, tirriżulta kompatibbli mad‑dritt tal‑Unjoni dejjem jekk, permezz tal-kompetenzi distinti ( 42 ) li huma s-suġġett ta’ din ir-regola, dawn l-entitajiet jistgħu jiġu kklassifikati bħala korpi rregolati mid-dritt pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 1(9) tad‑Direttiva 2004/18.

83.

Fis‑seduta, il-Kummissjoni kkwalifikat il-pożizzjoni tagħha: wara li kkonfermat li l-Artikolu 11(1) tad‑Direttiva 2004/18 huwa kompatibbli ma’ regola nazzjonali bħal dik inkwistjoni, li tillimita n-numru ta’ mudelli organizzattivi ta’ korpi ċentrali ta’ xiri li jistgħu jintużaw mill-entitajiet lokali ta’ daqs zgħir għal tnejn, iċċarat li l-oġġezzjoni tagħha hija ristretta unikament għal metodi oħrajn ta’ għotja ta’ kuntratti pubbliċi differenti minn dawk li jinvolvu l-użu ta’ dawn il-korpi ċentrali.

84.

Jien ma naħsibx li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi fuq din l-osservazzjoni tal‑Kummissjoni, meta d-domanda tal‑qorti tar‑rinviju tillimita ruħha għall‑kompetenzi speċifiċi tal-unjonijiet u tal‑konsorzji tal‑muniċipalitajiet sabiex jiġu stabbiliti b’mod permanenti korpi ċentrali ta’ xirijiet, u mhux għal kompetenzi distinti. Il-kwistjoni ta’ jekk l-entitajiet lokali stess għandhomx is-setgħa li jikkuntrattaw, f’sistema ta’ xiri mhux iċċentralizzata, hija waħda li tmur lil hinn mir‑rinviju għal deċiżjoni preliminari.

E.   It-tielet domanda preliminari

85.

Il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal‑Istat) juża bħala bażi l-interpretazzjoni tar‑regola nazzjonali inkwistjoni “fis-sens li [t]ippermetti lil konsorzji tal-muniċipalitajiet li huma korpi ċentrali ta’ xiri joperaw f’territorju li jikkorrispondi għal dak tal‑muniċipalitajiet li huma membri ta’ dan il-konsorzju, ikkunsidrat globalment u, għaldaqstant, f’territorju limitat għat‑territorju tal‑provinċja”.

86.

B’din l-interpretazzjoni bħala punt ta’ tluq, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk din ir-regola nazzjonali tmurx kontra l-prinċipji ta’ moviment liberu tas‑servizzi u tal-iktar ftuħ possibbli tal‑kompetizzjoni fil‑qasam ta’ kuntratti pubbliċi ta’ servizzi.

87.

Kemm il-Gvern Taljan kif ukoll il-Kummissjoni ssottomettew ċertu oġġezzjonijiet għal mod ta’ kif ġie ppreżentat dan id-dubbju:

Il-Gvern Taljan jafferma li r-raġunijiet li tinvoka l-qorti tar‑rinviju ma jinftehmux b’mod ċar, u dan jipprekludih milli jadotta pożizzjoni f’dan ir-rigward. Fl‑opinjoni tiegħu, l-imsemmija qorti ssostni fehmiet kontradittorji meta, minn naħa ( 43 ), tafferma li r-regola kienet tistabbilixxi “żoni ta’ esklussività għall-azzjoni tal‑korpi ċentrali ta’ xirjiet li joperaw favur il-muniċipalitajiet iż-żgħar” (dak li, skont il-Gvern Taljan, donnu jissuġġerixxi li jwassal għal vantaġġ għall‑konsorzji ta’ muniċipalitajiet); u min‑naħa l-oħra, tafferma li l-limitazzjoni territorjali timplika żvantaġġ għal korpi ċentrali ta’ xiri.

Il-Kummissjoni tikkunsidra d-domanda bħala ipotetika, minħabba li l-limitazzjoni ġeografika hija ta’ benefiċċju, minflok ma hija ta’ ħsara, għal korp ċentrali ta’ xiri bħal Asmel s.c.a.r.l., sa fejn din testendi (u mhux tnaqqas) il-kamp ta’ attività tagħha, li huwa differenti minn dak tal-unjonijiet u tal‑konsorzji tal‑muniċipalitajiet.

88.

Fl-opinjoni tiegħi, id-domanda ma hijiex ipotetika. Il-problema li titqanqal, lil hinn mill‑mod ta’ kif ġie mfassal id-digriet tar‑rinviju, hija jekk il-limitazzjoni tal‑ambitu territorjali ta’ azzjoni ta’ ċerti korpi ċentrali ta’ xiri, jiġifieri dawk stabbiliti mill‑unjonijiet u l-konsorzji tal‑muniċipalitajiet, tmurx kontra d-dritt tal‑Unjoni (jiġifieri, kontra l-prinċipji diġà msemmija).

89.

Huwa ċert li s-sens sħiħ ta’ dan id-dubju ser joħroġ meta jkollha tiġi solvuta kawża potenzjali futura li tirrigwarda l-kostituzzjoni ta’ konsorzju (pubbliku) ta’ muniċipalitajiet bħal korpi ċentrali ta’ xiri, li ma huwiex s-suġġett dirett tat‑tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Meta dan jitqies flimkien mar‑resoluzzjoni tal‑ANAC dwar l-attività ta’ Asmel s.c.a.r.l. bħala korp ċentrali ta’ xiri għas‑servizz ta’ kwalunkwe muniċipalità, bażikament mingħajr limitazzjonijiet ġeografiċi bħala tali, isir iktar ċar li l-oġġezzjonijiet mqajma mill‑Kummissjoni għandhom ċertu valur.

90.

Madankollu, għal darba oħra, għandha tingħata preċedenza lill-preżunzjoni ta’ rilevanza tad‑domanda preliminari, hekk kif issir mill-qorti tar-rinviju. Jekk din tqis li huwa essenzjali li l‑Qorti tal‑Ġustizzja tagħti risposta dwar punt tad‑liġi, li, fl-opinjoni tagħha, jeħtieġ interpretazzjoni ta’ regola tal‑Unjoni, il-Qorti tal‑Ġustizzja għandha tipprovdiha, sakemm ma jkunx evidenti li din ma hijiex neċessarja għat‑tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma huwiex il-każ hawnhekk.

91.

Fuq il‑mertu, fid‑Direttiva 2004/18 ma sibt ebda dispożizzjoni li timponi fuq l-Istati Membri regoli obbligatorji fil-kuntest tal-indikazzjoni tal-ambiti ta’ influwenza territorjali tal-korpi ċentrali ta’ xiri kkostitwiti mill‑unjonijiet u l-konsorzji ta’ muniċipalitajiet.

92.

Barra minn hekk, jidhirli li huwa koerenti mat‑tfassil ta’ dawn il-forom ta’ kooperazzjoni bejn l-entitajiet lokali li l-korpi ċentrali ta’ xiri stabbiliti minnhom jillimitaw ruħhom għat‑territorji rispettivi tagħhom, ikkunsidrati flimkien. Mill‑perspettiva tal‑muniċipalitajiet li jirċievu s-servizzi tal‑korpi ċentrali ta’ xiri, l-effetti tar‑relazzjoni li torbot lil dan il-korp ma’ dawk il-muniċipalitajiet jistgħu jiġu riflessi biss fit‑territorji rispettivi tagħhom.

93.

Mill‑ġdid, l-eventwali diffikultajiet sabiex dawn il-forom jiġu vvalidati jistgħu joħorġu mill‑obbligu li jiġu rrispettati l-libertajiet fundamentali tat‑Trattati. Madankollu, għar‑raġunijiet li semmejt fir-rigward tal-ewwel domanda, naħseb li la l-Artikolu 56 TFEU u lanqas ir-regoli tad‑dritt dwar il-kompetizzjoni ma ser jinkisru. F’kull każ, mit‑test tad-digriet tar-rinviju ma jiġix dedott b’mod ċar għalfejn xi waħda minn dawn il-libertajiet tista’ tiġi miksura.

94.

Fir-rigward ta’ min jipprovdi xogħlijiet, oġġetti jew servizzi lill‑muniċipalitajiet permezz ta’ korpi ċentrali ta’ xiri stabbiliti minnhom, inżid li, xejn ma jindika li dawn ix-xogħlijiet, servizzi jew provvisti għandhom jiġu pprovduti minn impriżi li jinsabu fit‑territorju korrispondenti għal muniċipalitajiet membri. Fi kliem ieħor, ma hemmx raġuni għalfejn wieħed għandu jaħseb li s-suq huwa magħluq għall‑impriżi ta’ barra minn dan it-territorju, kemm jekk Taljani kif ukoll minn kwalunkwe Stat Membru ieħor.

V. Konklużjoni

95.

Għal dawn ir-raġunijiet, nissuġġerixxi lil Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lil Consiglio di Stato (il-Kunsill tal‑Istat, l-Italja) kif ġej:

“Id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/18/KE tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall‑għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi, ma jipprekludix regola nazzjonali li permezz tagħha, skont l-interpretazzjoni tal-qorti tar-rinviju, l-entitajiet lokali ta’ daqs żgħir għandhom jakkwistaw xogħlijiet, oġġetti u servizzi permezz ta’ korpi ċentrali ta’ xiri stabbiliti skont żewġ mudelli organizzattivi preċiżi, bħall‑unjoni ta’ muniċipalitajiet jew konsorzju ta’ muniċipalitajiet, li l-ambitu ta’ attività tagħhom jillimita ruħu għat‑territorju ta’ dawn il-muniċipalitajiet, ikkunsidrati flimkien”.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( 2 ) Direttiva tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tal‑31 ta’ Marzu2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall‑għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132).

( 3 ) Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 267, tat-18 ta’ Awwissu 2000 (iktar ’il quddiem, “TUEL”).

( 4 ) Digriet Leġiżlattiv Nru 163, tat-12 ta’ April 2006 (iktar ’il quddiem, “CCP”).

( 5 ) Introdott mill‑Artikolu 23(4), tad-Digriet-liġi Nru 201, tas-6 ta’ Diċembru 2011, irrattifikat mil‑Liġi Nru 214, tat-22 ta’ Diċembru 2011.

( 6 ) Artikolu 9(4) tad‑Digriet-liġi Nru 66, tal‑24 ta’ April 2014, irrattifikat mil‑Liġi Nru 89, tat‑23 ta’ Ġunju 2014. L-Artikolu 33(3a), taċ‑CCP wara ġie mħassar, permezz tal‑Artikolu 217 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 50, tat-18 ta’ April 2016.

( 7 ) Il-Konsorzju Asmez ġie kkostitwit f’Napoli, fil‑25 ta’ Marzu 1994, minn impriżi privati. Sar operattiv bl‑inkorporazzjoni tal‑membri tiegħu Selene service s.r.l., kumpannija mifthiema mal-Associazione Nazionale Comuni Italiani (l-Assoċjazzjoni Nazzjonali ta’ Muniċipalitajiet Taljani). Sussegwentement, ingħaqdu miegħu l-muniċipalitajiet ta’ Basilicata u ta’ Calabria.

( 8 ) L-assoċjazzjoni Asmel ġiet stabbilita fis‑26 ta’ Mejju 2010, minn Asmenet Campania u Asmenet Calabria, it-tnejn li huma gruppi Taljani ta’ kumpanniji b’responsabbiltà limitata, bħalma huma l-Konsorzju Asmez u l-Associazione Nazionale Piccoli Comuni Italiani (l-Assoċjazzjoni Nazzjonali ta’ Muniċipalitajiet Żgħar Taljani).

( 9 ) Skont id-digriet tar‑rinviju, b’mod iktar speċifiku, Asmel s.c.a.r.l organizzat sejħa għall-offerti għal konklużjoni ta’ ftehimiet-qafas bl‑għan li tagħti s‑servizz ta’ likwidazzjoni u ta’ kontroll tal-intaxxar muniċipali fuq proprjetà immobbli u l-ġbir eżekuttiv ta’ djun fiskali, kif ukoll mija u tnejn u ħamsin proċedura ta’ sejħa għall-offerti telematiċi ta’ natura differenti għal muniċipalitajiet imsieħba ma’ Asmel s.c.a.r.l.

( 10 ) Ir-remunerazzjoni għal dawn is-servizzi kienet tilħaq l-1.5 % tal-ammont tal-kuntratt u kellha tiġi applikata lil offerent magħżul ta’ kull wieħed minn dawn il-kuntratti konklużi permezz tal-imsemmija pjattaforma.

( 11 ) Inizjalment, skont l-ewwel verżjoni tad‑dispożizzjoni, il-muniċipalitajiet b’popolazzjoni ta’ inqas minn 5000 abitant u, wara, skont il-formulazzjoni tal‑2014, il-muniċipalitajiet kollha li ma humiex kapitali ta’ provinċja.

( 12 ) Madankollu, għandu jingħad ukoll, kif jindika l-Gvern Taljan, li d-dispożizzjoni kontenzjuża tippermetti, mill‑modifika tagħha fl‑2014, li, “[a]lternattivament, l-istess muniċipalitajiet jistgħu jixtru oġġetti u servizzi permezz ta’ strumenti elettroniċi ta’ xiri ġestiti minn Consip S.p.A. jew minn kollettività ta’ riferiment oħra”. Dawn iż-żewġ possibbiltajiet issemmew fid-deċiżjoni tal‑ANAC tat‑30 ta’ April 2015, fejn ġie enfasizzat li l-muniċipalitajiet iż-żgħar ukoll setgħu jużaw korp ċentrali ta’ xiri mwaqqf fuq livell nazzjonali għax‑xiri tal-ammistrazzjonijiet pubbliċi (Consip) u għal “kollettivitajiet ta’ riferiment” oħrajn, bejniethom, il-korpi ċentrali ta’ xiri ta’ livell reġjonali.

( 13 ) Skont id-definizzjoni ta’ “awtorità kontraenti” inkluża fl‑Artikolu 3(25) taċ‑CCP, il-konsorzji li juru dan il-karattru jiġu kkostitwiti biss bejn entitajiet pubbliċi,

( 14 ) Waqt is-seduta, il-Gvern Taljan afferma li r-regolament il-ġdid tal‑korpi ċentrali ta’ xiri (Artikolu 37.4 tad‑Digriet Leġiżlattiv Nru 50, tat‑18 ta’ April 2016), li għandu jissostitwixxi l-Artikolu 33(3a) taċ-CCP li ġie mħassar, ma huwiex ser jidħol fis‑seħħ qabel il-31 ta’ Diċembru 2020, kif impost fl-Artikolu 1 tal-Liġi Nru 55 tal-2019. B’din l-informazzjoni, il-Kummissjoni rrikonoxxiet l-utilità tar‑risposta preliminari sabiex tiġi solvuta t-tilwima, minkejja r-riforma leġiżlattiva tal‑2016.

( 15 ) Id-digriet tar‑rinviju jitlaq minn din l-affermazzjoni. Ara, madankollu, l-ispjegazzjoni tal-Gvern Taljan dwar il-possibbiltà li dawn il-muniċipalitajiet iż-żgħar jużaw ukoll il‑korpi ċentrali ta’ xiri ta’ livell statali jew reġjonali (cfr. in-nota ta’ qiegħ il-paġna 12)

( 16 ) Il‑paragrafu 1.4 tad‑digriet tar‑rinviju, li tirreferi għalih il-Kummissjoni fil‑paragrafu 34 tal‑osservazzjonijiet tagħha, jindika li l-proċedimenti ta’ għotja ta’ kuntratti li kienet ħadet ħsieb Asmel s.c.a.r.l. f’isem entitajiet lokali differenti huma, mill‑inqas, mija u tnejn u ħamsin (ara nota ta’ qiegħ il-paġna 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 17 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, dwar possibbiltajiet oħrajn disponibbli għall‑muniċipalitajiet.

( 18 ) Premessa 15 tad-Direttiva 2004/18.

( 19 ) Direttiva tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18 (ĠU 2014, L 94, p. 65).

( 20 ) Premessa 59 tad‑Direttiva 2014/24: “Madwar is-swieq Ewropej tax‑xiri pubbliku qed tinbet tendenza qawwija lejn l-aggregazzjoni tad‑domanda mix‑xerrejja pubbliċi, bil‑ħsieb li jinkisbu ekonomiji ta’ skala, inklużi prezzijiet aktar baxxi u spejjeż ta’ tranżazzjoni, u għat‑titjib u l-professjonalizzazzjoni tal‑ġestjoni tal‑akkwisti”.

( 21 ) Skont il-verżjoni Ingliża tal‑Artikolu, “contracting authorities may purchase works, supplies and/or services from or through a central purchasing body” (mingħajr korsiv fl‑oriġinal). L-użu ta’ din l-espressjoni doppja (from or through) donnha ssostni n-natura doppja ta’ kategoriji u ta’ funzjonijiet tal‑korpi ċentrali ta’ xiri, li tispeċifika b’mod iktar ċar is-segwenti Direttiva 2014/24: jistgħu jaġixxu kemm bħala grossisti, li jixtru, jaħżnu u jerġgħu jbigħu, kif ukoll bħala intermedjarji tal‑awtoritajiet kontraenti, li f’isimhom jagħtu kuntratti, imexxu sistemi dinamiċi ta’ xiri u jikkonkludu ftehimiet qafas li l-imsemmija awtoritajiet kontraenti jagħmlu użu minnhom (ara l-premessa 69 tad-Direttiva 2014/24).

( 22 ) Għandhom ikunu korpi maħluqa speċifikament sabiex jissodisfaw neċessitajiet ta’ interess ġenerali li ma għandhomx karattru industrijali jew kummerċjali, u li għandhom personalità ġuridika.

( 23 ) Għandhom ikunu korpi “ffinanzjati, mill‑biċċa l-kbira, mill‑Istat, reġjonali jew awtoritajiet lokali, jew korpi oħra rregolati mil‑liġi pubblika; jew suġġetti għas‑supervizzjoni manigerjali minn dawk il-korpi; jew għandhom bord amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju, li aktar minn nofs il-membri tagħhom huma appuntati mill‑autoritajiet Statali, reġjonali jew lokali, jew minn korpi oħra rregolati bil‑liġi pubblika”.

( 24 ) F’dak li jirrigwarda Asmel s.c.a.r.l, ir-raġuni għalfejn ma ġietx irrikonoxxuta l-status ta’ korp pubbliku hija bbażata fuq il-modalità ta’ finanzjament tagħha u fuq il‑preżenza fi ħdanha ta’ impriżi jew entitajiet privati oħrajn, fir‑rigward ta’ liema l-Istat, l-entitajiet territorjali u korpi oħrajn irregolati mid-dritt pubbliku ma jistgħux jeżerċitaw il-kontroll fuq il-ġestjoni u d-direzzjoni tagħha, kif teżiġi din ir-regola. Hija l-qorti tar‑rinviju li għandha tikkorrobora, jew le, din l-evalwazzjoni tal-istanza.

( 25 ) Sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2019 (C‑285/18, EU:C:2019:829 (iktar ’il quddiem, is-“sentenza Irgita”).

( 26 ) F’dik il-kawża ġie diskuss dwar jekk ir-restrizzjonijiet nazzjonali jmorrux lil hinn mill-“kundizzjonijiet li awtorità kontraenti għandha tosserva meta tkun tixtieq tikkonkludi operazzjoni interna”.

( 27 ) Sentenza Irgita, punt 44.

( 28 ) Ibidem, punt 45. Anki jekk ir-riferimenti huma magħmula fir‑rigward tad‑Direttiva 2014/24, li ma hijiex applikabbli ratione temporis għal din il-kawża, dan l-istess punt 45 jenfasizza li l-premessa 5 “tirrifletti […] il-ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja preċedenti għall‑imsemmija direttiva”. Skont l-imsemmija premessa, “xejn f’din id-Direttiva ma jobbliga lill‑Istati Membri li għandhom jagħtu b’kuntratt jew jesternalizzaw il-forniment ta’ servizzi li jixtiequ jipprovdu huma stess jew li jorganizzaw b’mezzi oħra minbarra l-kuntratti pubbliċi skont it-tifsira ta’ din id-Direttiva”.

( 29 ) Direttiva tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU 2014, L 94, p. 1).

( 30 ) Sentenza Irgita, punt 47.

( 31 ) “Din id-Direttiva tirrikonoxxi l-prinċipju ta’ amministrazzjoni ħielsa mill‑awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali f’konformità mad‑dritt nazzjonali u tal‑Unjoni. Dawk l-awtoritajiet huma ħielsa li jiddeċiedi kif l-aħjar imexxu l-eżekuzzjoni tax‑xogħlijiet jew il-provvista ta’ servizzi, biex jiġu żgurati b’mod partikolari livell għoli ta’ kwalità, sikurezza u affordabbiltà, trattament ugwali u l-promozzjoni ta’ aċċess universali u ta’ drittijiet tal‑utent fis‑servizzi pubbliċi. Dawk l-awtoritajiet jistgħu jagħżlu li jwettqu l-kompiti ta’ interess pubbliku tagħhom bir‑riżorsi proprji tagħhom, jew f’kooperazzjoni ma’ awtoritajiet oħra jew li jgħadduhom lil operaturi ekonomiċi”.

( 32 ) Il-Gvern Taljan, filwaqt li jkkopja parti mid‑deċiżjoni tal‑ANAC tat‑30 ta’ April 2015, jenfasizza li r-regola inkwistjoni ġiet introdotta sabiex tipprevjeni r-riskju ta’ infiltrazzjoni mafjuża (l-Artikolu 13 tal-Liġi 136/2010, “pjan straodinarju kontra l-mafia”). Id-Digriet sussegwenti “Salva-Italia” (l-Artikolu 23(4) tad-Digriet Liġi Nru 201, tas-6 ta’ Diċembru 2011, irrattifikat permezz tal-Liġi Nru 214, tat-22 ta’ Diċembru 2011) ippreveda, fil-kuntest tat-tfassil tal‑verżjoni l-ġdida tal-Artikolu 33(3a) taċ-CCP, li ċ-ċentralizzazzjoni tax-xirjiet tal-muniċipalitajiet żgħar ħafna tinbidel f’obbligu u fi strument ta’ kontroll ta’ spejjeż.

( 33 ) Il-limiti li l-Kostituzzjoni ta’ kull Stat tista’ timponi fuq il-poter leġiżlattiv f’dak li jikkonċerna l-awtonomija lokali tal-entitajiet territorjali (jiġifieri, fir-rigward tal-kapaċità tiegħu ta’ awto-organizzazzjoni) huma esterni għall‑kwistjonijiet li tqajmu hawnhekk.

( 34 ) Sentenza Irgita, punt 48: “Il-libertà li għandhom l-Istati Membri fir‑rigward tal‑għażla tal‑metodu ta’ ġestjoni li huma jqisu l-iktar xieraq għall‑eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet jew għall‑provvista ta’ servizzi ma tistax madankollu tkun illimitata. Għall‑kuntrarju, hija għandha tiġi eżerċitata b’osservanza tar‑regoli fundamentali tat‑Trattat FUE, b’mod partikolari l-moviment liberu tal‑merkanzija, il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, kif ukoll tal‑prinċipji riżultanti bħalma huma l-ugwaljanza fit‑trattament, in-nondiskriminazzjoni, ir-rikonoxximent reċiproku, il-proporzjonalità u t-trasparenza”.

( 35 ) Punt 10.3 tad-digriet tar-rinviju.

( 36 ) Hekk jiġri fir‑rigward ta’ Asmel s.c.a.r.l., li l-provvisti tagħha huma mħallsa mill‑klijenti tagħha.

( 37 ) Osservazzjonijiet tal-Gvern Taljan, punti 70 et seq.

( 38 ) Sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten (C‑268/15, EU:C:2016:874), punt 47, b’ċitazzjoni ta’ ġurisprudenza preċedenti: “d-dispożizzjonijiet tat‑Trattat FUE fil‑qasam tal‑[…] libertà li jiġu pprovduti servizzi […] ma japplikawx għal sitwazzjoni li l-elementi kollha tagħha huma limitati ġewwa Stat Membru wieħed biss”.

( 39 ) Minn din il-perspettiva, ir-riskju ta’ distorsjoni tal‑kompetizzjoni jista’ jinħoloq ukoll mill‑aggregazzjoni u miċ-ċentralizzazzjoni tax‑xirjiet li, kif twissi l-premessa 59 tad‑Direttiva 2014/24, jistgħu jikkawżaw “konċentrazzjoni eċċessiva tal‑kapaċita tal‑akkwist u l-kollużjoni”.

( 40 ) Punti 60 sa 63 tal‑osservazzjonijiet bil‑miktub tagħha.

( 41 ) Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li hija l-qorti nazzjonali biss li għandha tiddeċiedi fuq il-kwalità ta’ korp irregolat mid‑dritt pubbliku ta’ Asmel s.c.a.r.l., fejn f’dan il-kuntest għandha tevalwa, fost fatturi oħrajn, jekk l-awtoritajiet pubbliċi jeżerċitawx influwenza dominanti f’din il-kumpannija. Asmel s.c.a.r.l taqbel ma’ dan il-punt ta’ tluq.

( 42 ) B’enfasi fil‑verżjoni oriġinali.

( 43 ) Punt 11.3 tad‑digriet tar‑rinviju.

Top