Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CA0783

    Kawża C-783/19: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad-9 ta’ Settembru 2021 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Audiencia Provincial de Barcelona – Spanja) – Comité Interprofessionnel du Vin de Champagne vs GB (Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Agrikoltura – Protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi – Natura uniformi u eżawrjenti – Regolament (UE) Nru 1308/2013 – Artikolu 103(2)(a)(ii) – Artikolu 103(2)(b) – Evokazzjoni – Denominazzjoni ta’ oriġini protetta (DOP) “Champagne” – Servizzi – Komparabbiltà bejn il-prodotti – Użu tad-denominazzjoni kummerċjali “Champanillo”)

    ĠU C 462, 15.11.2021, p. 9–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.11.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 462/9


    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad-9 ta’ Settembru 2021 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Audiencia Provincial de Barcelona – Spanja) – Comité Interprofessionnel du Vin de Champagne vs GB

    (Kawża C-783/19) (1)

    (Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Agrikoltura - Protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi - Natura uniformi u eżawrjenti - Regolament (UE) Nru 1308/2013 - Artikolu 103(2)(a)(ii) - Artikolu 103(2)(b) - Evokazzjoni - Denominazzjoni ta’ oriġini protetta (DOP) “Champagne” - Servizzi - Komparabbiltà bejn il-prodotti - Użu tad-denominazzjoni kummerċjali “Champanillo”)

    (2021/C 462/07)

    Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

    Qorti tar-rinviju

    Audiencia Provincial de Barcelona

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrent: Comité Interprofessionnel du Vin de Champagne

    Konvenut: GB

    Dispożittiv

    1)

    L-Artikolu 103(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipproteġi d-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetta (DOP) fir-rigward ta’ aġir relatat kemm ma’ prodotti kif ukoll ma’ servizzi.

    2)

    L-Artikolu 103(2)(b) tar-Regolament Nru 1308/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-“evokazzjoni” msemmija f’din id-dispożizzjoni, minn naħa, ma teħtieġx, bħala kundizzjoni preliminari, li l-prodott li jibbenefika minn DOP u l-prodott jew is-servizz kopert mis-sinjal kontenzjuż ikunu identiċi jew simili u, min-naħa l-oħra, tkun stabbilita meta l-użu ta’ isem jipproduċi, f’moħħ konsumatur Ewropew medju, normalment informat u raġonevolment attent u prudenti, rabta suffiċjentement diretta u univoka bejn dan l-isem u d-DOP. L-eżistenza ta’ tali rabta tista’ tirriżulta minn diversi elementi, b’mod partikolari, l-inkorporazzjoni parzjali tad-denominazzjoni protetta, il-familjarità fonetika u viżiva bejn iż-żewġ denominazzjonijiet u x-xebh li jirriżulta minnha, u anki fin-nuqqas ta’ dawn l-elementi, mill-prossimità kunċettwali bejn id-DOP u d-denominazzjoni inkwistjoni jew ukoll xebh bejn il-prodotti koperti minn din l-istess DOP u l-prodotti jew servizzi koperti minn din l-istess denominazzjoni.

    3)

    L-Artikolu 103(2)(b) tar-Regolament Nru 1308/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-“evokazzjoni” msemmija f’din id-dispożizzjoni ma hijiex suġġetta għall-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ att ta’ kompetizzjoni żleali, peress li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi protezzjoni speċifika u proprja li tapplika indipendentement mid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar il-kompetizzjoni żleali.


    (1)  ĠU C 19, 20.1.2020.


    Top