Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018TN0545

Kawża T-545/18: Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Settembru 2018 – YL vs Il-Kummissjoni

ĠU C 427, 26.11.2018, p. 83–84 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

26.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 427/83


Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Settembru 2018 – YL vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-545/18)

(2018/C 427/110)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: YL (rappreżentant: P. Yon, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob:

l-annullament tat-tneħħija tiegħu mil-lista ta’ promozzjoni 2017;

li tingħatalu l-promozzjoni retroattiva għall-1 ta’ Jannar 2017;

li jingħatalu kumpens għad-danni sostnuti minħabba l-atti kkontestati: il-ġranet u l-enerġija ddedikati għal dan ir-rikors u għall-istadji li wasslu għalih, kif ukoll sabiex jegħleb is-sentiment ta’ ċaħda, ta’ ostraċiżmu u ta’ qilla min-naħa ta’ awtorità li għandha l-għan li tieħu ħsieb l-interess tal-aġenti tagħha u li tagħti prova ta’ newtralità lejhom, jekk mhux saħansitra ta’ tjubija lejhom – dannu kkalkolat għal EUR 10 000;

li jiġi rrimborsat l-ispejjeż tal-avukat u l-ispejjeż legali tiegħu, tal-ammont ta’ EUR 10 000;

li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), li twettaq mill-Awtorità tal-Ħatra billi bbażat ir-rifjut li tippromwovi lir-rikorrent fuq sanzjoni mħabbra preċedentement, minn naħa, minkejja li s-sanzjoni kienet diġà affettwat il-karriera ta’ dan tal-aħħar permezz ta’ relegazzjoni fl-iskala. Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni kkontestata ttieħdet għar-raġuni li l-imsemmija sanzjoni għandha rabta mal-imġiba fis-servizz u dan minkejja li d-deċiżjoni ta’ sanzjoni tal-2016 kienet tindika li l-fatti ssanzjonati seħħew lil hinn minn kull rabta mal-funzjonijiet u mar-responsabbiltajiet tar-rikorrent.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter u ta’ proċedura, li l-Awtorità tal-Ħatra wettqet meta użat is-setgħa ta’ għoti ta’ promozzjonijiet tagħha sabiex taggrava s-sanzjoni deċiża fl-2016 u billi użat il-proċedura ta’ promozzjoni b’mod li tevita l-limiti previsti fir-Regolamenti tal-Persunal fil-każ ta’ sospensjoni ta’ avvanzament.


Top