This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62018CO0373
Order of the Court (First Chamber) of 31 January 2019.#Prosa - Produtos e Serviços Agrícolas v Autoridade Tributária e Aduaneira.#Reference for a preliminary ruling — Article 99 of the Rules of Procedure of the Court of Justice — Indirect taxes on the raising of capital — Directive 69/335/EEC — Articles 4 and 7 — Incorporation of a capital company — Stamp duty in force on 1 July 1984 — Subsequent abolition of that stamp duty, followed by its reintroduction.#Case C-373/18.
Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-31 ta’ Jannar 2019.
Prosa - Produtos e Serviços Agrícolas SA vs Autoridade Tributária e Aduaneira.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal Administrativo e Fiscal de Penafiel.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital – Direttiva 69/335/KEE – Artikoli 4 u 7 – Kostituzzjoni ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju – Taxxa tal-boll fis-seħħ fl‑1 ta’ Lulju 1984 – Tneħħija sussegwenti ta’ din it-taxxa tal-boll, u introduzzjoni mill-ġdid tagħha.
Kawża C-373/18.
Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-31 ta’ Jannar 2019.
Prosa - Produtos e Serviços Agrícolas SA vs Autoridade Tributária e Aduaneira.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal Administrativo e Fiscal de Penafiel.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital – Direttiva 69/335/KEE – Artikoli 4 u 7 – Kostituzzjoni ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju – Taxxa tal-boll fis-seħħ fl‑1 ta’ Lulju 1984 – Tneħħija sussegwenti ta’ din it-taxxa tal-boll, u introduzzjoni mill-ġdid tagħha.
Kawża C-373/18.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:88
*A9* Tribunal Administrativo e Fiscal de Penafiel, Decisão de 30/05/2018 (17/16.3 BEPNF)
DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
31 ta’ Jannar 2019 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital – Direttiva 69/335/KEE – Artikoli 4 u 7 – Kostituzzjoni ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju – Taxxa tal-boll fis-seħħ fl‑1 ta’ Lulju 1984 – Tneħħija sussegwenti ta’ din it-taxxa tal-boll, u introduzzjoni mill-ġdid tagħha”
Fil-Kawża C‑373/18,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Administrativo e Fiscal de Penafiel (il-Qorti Amministrattiva u Fiskali ta’ Penafiel, il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Mejju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Ġunju 2018, fil-proċedura
Prosa — Produtos e Serviços Agrícolas SA
vs
Autoridade Tributária e Aduaneira,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn J.‑C. Bonichot (Relatur), President tal-Awla, C. Toader, A. Rosas, L. Bay Larsen u M. Safjan, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża permezz ta’ digriet motivat, konformement mal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,
tagħti l-preżenti
Digriet
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 69/335/KEE tas‑17 ta’ Lulju 1969 li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1. p. 11), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 85/303/KEE tal‑10 ta’ Ġunju 1985 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 122). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Prosa – Produtos e Serviços Agrícolas SA (iktar ’il quddiem “Prosa”) u l-Fazenda Pública (it-Teżor Pubbliku, il-Portugall) dwar il-ħlas ta’ taxxa tal-boll applikabbli għall-atti kostituttivi ta’ din il-kumpannija. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Konformement mal-ewwel premessa tagħha, id-Direttiva 69/335 kellha bħala għan li tippromwovi l-moviment liberu tal-kapital, meqjus li huwa libertà fundamentali essenzjali għall-ħolqien ta’ suq intern. Għal dan il-għan, kif jirriżulta mis-sitt sat-tmien premessi tagħha, din id-direttiva fittxet li tarmonizza t-taxxa li għaliha huma suġġetti l-kontribuzzjonijiet ta’ kumpanniji fl-Unjoni Ewropea billi tiġi stabbilita taxxa waħda fuq il-ġbir tal-kapital li jista’ jiġi applikat biss darba waħda fis-suq intern u billi titneħħa kull taxxa indiretta oħra li jkollha l-istess karatteristiċi ta’ din it-taxxa unika. |
4 |
Għalhekk, l-Artikolu 1 tad-Direttiva 69/335 jistabbilixxi: “L-Istati Membri għandhom jimponu ħlas fuq il-kontribuzzjonijiet ta’ kapital lil kumpanniji ta’ kapital taxxa armonizzata skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 2 sa 9 u hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejħa ‘dazju kapitali’.” |
5 |
Id-Direttiva 85/303 wettqet ċerti emendi sostanzjali għad-Direttiva 69/335, b’mod partikolari għall-Artikolu 4(2) u għall-Artikolu 7 tagħha. It-tieni u t-tielet premessa tad-Direttiva 85/303 jistabbilixxu: “Billi l-effetti komuni tad-dazju kapitali huma ta’ ħsara għar-ragruppament u l-iżvilupp ta’ intrapriżi; billi dawn l-effetti huma partikolarment ta’ ħsara fis-sitwazzjoni ekonomika preżenti fejn hemm bżonn importanti li għandha tingħata prijorità lill-istimulazzjoni ta’ l-investiment; Billi l-aħjar soluzzjoni sabiex jintlaħqu dawn l-oġġettivi tkun li jitneħħew dazju kapitali; billi, madankollu, it-telf ta’ dħul li sussegwentement jirriżulta minn din il-miżura m’huwiex aċċettabbli għal ċerti Stati Membri; billi l-Istati Membri għandhom għalhekk jingħataw l-opportunità li jkunu jistgħu jeżentaw minn jew bla ħsara għad-dazju kapitali kull jew parti mit-transazzjonijiet li jsiru fi ħdanha, ħalli jkun mifhum li rata waħda ta’ taxxa trid tiġi debitata f’wieħed u l-istess Stat Membru”. |
6 |
L-Artikolu 4(1)(a) u (ċ) tad-Direttiva 69/335, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mid-Direttiva 85/303 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 69/335”), jipprevedi: “1. L-operazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għad-dazju kapitali:
[…]
|
7 |
Skont l-ewwel u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 69/335: “1. L-Istati Membri għandhom jeżentaw mid-dazju kapitali transazzjonijiet, barra dawk li għalihom saret referenza fl-Artikolu 9, li huma sal‑1 ta’ Lulju 1984, eżenti jew intaxxati b’kull rata ta’ 0,50 % jew inqas. L-eżenzjoni għandha tkun suġġetta għall-kondizzjonijiet li kienu applikabbli, f’dik id-data, għall-għoti ta’ l-eżenzjoni jew, skond kif inhu l-każ, għal imposizzjoni ta’ rata ta’ 0,50 % jew inqas. […] 2. L-Istati Membri jistgħu jew jeżentaw mid-dazju kapitali kull transazzjoni barra dawk li għalihom saret referenza fil-paragrafu 1, jew iżżomm dazju fuqhom b’rata waħda li ma taqbiżx il‑1 %.” |
8 |
It-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 85/303 ġie stabbilit għall‑1 ta’ Jannar 1986. |
9 |
Id-Direttiva 69/335 tħassret bid-Direttiva tal-Kunsill 2008/7/KE tat‑12 ta’ Frar 2008 dwar it-taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital (ĠU 2008, L 46, p. 11). Madankollu dan it-tħassir seħħ wara li seħħew il-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
Id-dritt Portugiż
10 |
L-Artikolu 155(b) tal-Código do Imposto de Selo (il-Kodiċi tat-Taxxa tal-Boll), fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fl‑1 ta’ Lulju 1984, kien jipprevedi li l-kostituzzjoni ta’ kumpanniji b’kapital azzjonarju kienet suġġetta għat-taxxa tal-boll bir-rata ta’ 1 % tal-kapital azzjonarju. |
11 |
Il-Liġi Nru 150/99 li temenda l-imsemmi kodiċi, tal‑11 ta’ Settembru 1999, eżentat din it-tranżazzjoni mit-taxxa tal-boll. |
12 |
Hija reġgħet ġiet suġġetta għat-taxxa tal-boll, bir-rata ta’ 0.4 %, bis-saħħa tal-paragrafu 26.1 tat-Tabela Geral do Imposto de Selo (it-Tariffa Ġenerali dwar it-Taxxa tal-Boll), kif emendata bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 322‑B/2001 tal‑14 ta’ Diċembru 2001, li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2002. |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
13 |
Permezz ta’ att notarili tad‑29 ta’ Ottubru 2004, Prosa ġiet ikkostitwita bħala kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata b’kapital ta’ EUR 50000, kompletament imħallas fi flus. |
14 |
F’din l-okkażjoni, hija kellha tħallas taxxa tal-boll fl-ammont ta’ EUR 200, konformement mal-leġiżlazzjoni msemmija fil-punt 12 ta’ dan id-digriet. |
15 |
Prosa kkontestat l-att ta’ likwidazzjoni ta’ din it-taxxa tal-boll quddiem it-Tribunal Administrativo e Fiscal de Penafiel (it-Tribunal Amministrattiv u Fiskali ta’ Penafiel, il-Portugall), billi sostniet, essenzjalment, li dan kien imur kontra l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 69/335. |
16 |
Billi bbażat ruħha fuq is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2007, Optimus – Telecomunicações (C‑366/05, EU:C:2007:366), Prosa sostniet, b’mod iktar partikolari, li l-obbligu previst minn din id-dispożizzjoni jipprekludi li r-Repubblika Portugiża tintaxxa l-att kostituttiv ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju, peress li, għalkemm fl‑1 ta’ Lulju 1984, jiġifieri fid-data li għaliha l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 69/335 jirreferi, il-leġiżlazzjoni Portugiża ma eżentatx it-tranżazzjoni tal-kostituzzjoni ta’ tali kumpannija mit-taxxa tal-boll, minn dakinhar, il-leġiżlazzjoni Portugiża eżentat din it-tranżazzjoni mit-taxxa tal-boll. |
17 |
L-Awtorità Fiskali u Doganali tqis, bil-kontra, li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 69/335 jeżiġi biss li l-Istati Membri għandhom jeżentaw mid-dazju fuq il-kapital dawk it-tranżazzjonijiet li, fid-data tal‑1 ta’ Lulju 1984, ġew eżentati jew intaxxati b’rata ta’ 0.5 % jew inqas. Issa, dan ma huwiex il-każ fir-rigward tat-tranżazzjoni ta’ kostituzzjoni ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju li, fl‑1 ta’ Lulju 1984, ġarrbet taxxa tal-boll. Għaldaqstant, hija tqis li xejn ma kien jipprekludi lir-Repubblika Portugiża li terġa’ tintroduċi tali taxxa. |
18 |
L-Awtorità Fiskali u Doganali tispeċifika li, fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2007, Optimus – Telecomunicações (C‑366/05, EU:C:2007:366), it-tranżazzjoni inkwistjoni, jiġifieri żieda ta’ kapital, kienet eżentata mit-taxxa tal-boll fl‑1 ta’ Lulju 1984, filwaqt li l-kostituzzjoni ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju ma kinitx. Skont hija, din il-ġurisprudenza ma hijiex applikabbli għall-fatti ta’ dan il-każ. |
19 |
Peress li qieset li hija meħtieġa interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 69/335 sabiex taqta’ t-tilwima li għandha quddiemha, it-Tribunal Administrativo e Fiscal de Penafiel (il-Qorti Amministrattiva u Fiskali ta’ Penafiel) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Il-paragrafu 26.1 tat-Tariffa Ġenerali relatata mat-Taxxa tal-Boll, skont il-verżjoni emendata [bid]-Digriet Liġi Nru 322‑B/2001 tal‑14 ta’ Diċembru, sa fejn dan jipprevedi l-applikazzjoni tat-Taxxa tal-Boll fil-kostituzzjoni ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju (kumpannija b’responsabbiltà limitata), li l-kapital azzjonarju tagħha jitħallas kollu kemm hu fi flus, jikser l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva […] 69/335/KEE?” |
Fuq id-domanda preliminari
20 |
Bis-saħħa tal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta r-risposta għad-domanda preliminari tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza jew meta r-risposta għad-domanda preliminari ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat. |
21 |
F’din il-kawża hemm lok li tiġi applikata din id-dispożizzjoni. |
22 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(1)(a) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 69/335 jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha Stat Membru introduċa mill-ġdid taxxa tal-boll fuq tranżazzjonijiet ta’ kostituzzjoni ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju, li kienu suġġetti għal tali taxxa fl‑1 ta’ Lulju 1984, iżda li, sussegwentement, kienu ġew eżentati minnha. |
23 |
F’dan il-każ, kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, fl‑1 ta’ Lulju 1984, il-leġiżlazzjoni nazzjonali kienet tissuġġetta l-kostituzzjoni ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għal taxxa tal-boll b’rata ta’ 1 %. Wara li ġie rrinunzjat il-ġbir ta’ dan id-dazju fuq il-kapital matul is-sena 1991, dan id-dazju ġie introdott mill-ġdid bir-rata ta’ 0.40 % mill‑1 ta’ Jannar 2002, permezz tal-leġiżlazzjoni li l-kompatibbiltà tagħha mad-dritt tal-Unjoni qiegħda tiġi kkontestata mill-qorti nazzjonali. |
24 |
F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-Direttiva 69/335 hija intiża sabiex tillimita, jew tħassar, id-dazju fuq il-kapital, u li huwa biss għal raġunijiet ta’ diffikultajiet baġitarji li kien ikollhom jiffaċċjaw, fil-każ tat-tneħħija tad-dazju fuq il-kapital, li l-Istati Membri li ma rrinunzjawx għall-ġbir tiegħu setgħu jżommu tali dazju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2014, Ascendi Beiras Litoral e Alta, Auto Estradas das Beiras Litoral e Alta, C‑377/13, EU:C:2014:1754, punt 49). |
25 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li r-riferiment għad-data tal‑1 ta’ Lulju 1984, li sar fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 69/335, ma jistax jikkostitwixxi għall-Istati Membri li, f’din id-data, ikunu ssuġġettaw it-tranżazzjonijiet inkwistjoni għal dritt fuq il-kapital għal rata ogħla minn 0.50 %, awtorizzazzjoni ta’ introduzzjoni mill-ġdid ta’ tali dazju wara li dawn ikunu rrinunzjaw għaliha. Fil-fatt, ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li d-dazju fuq il-kapital jitħassar, filwaqt li l-possibbiltà li dan jinżamm kienet biss eċċezzjoni motivata mill-biża’ ta’ telf ta’ dħul mill-Istati Membri. Għalhekk, anki jekk it-telf ta’ dħul baġitarju seta’ jiġġustifika ż-żamma tad-dazju fuq il-kapital lil hinn mill‑1 ta’ Lulju 1984, fil-limiti esposti fl-Artikolu 7(2) ta’ din id-direttiva, dan ma setax jiġġustifika l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ tali dazju (sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2014, Ascendi Beiras Litoral e Alta, Auto Estradas das Beiras Litoral e Alta, C‑377/13, EU:C:2014:1754, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
26 |
F’din il-kawża, id-domanda magħmula hija differenti minn dik li lilha l-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet fis-sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2014, Ascendi Beiras Litoral e Alta, Auto Estradas das Beiras Litoral e Alta (C‑377/13, EU:C:2014:1754) minħabba l-fatt li d-dazju fuq il-kapital inkwistjoni ma japplikax għaż-żieda fil-kapital azzjonarju ta’ kumpannija iżda għall-kostituzzjoni ta’ tali kumpannija, li huma t-tranżazzjonijiet imsemmija rispettivament taħt l-Artikolu 4(1)(ċ) u l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 69/335. Issa, tali differenza ma hijiex ta’ natura li twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja teskludi l-interpretazzjoni li hija tat fl-imsemmija sentenza. |
27 |
Fil-fatt, l-obbligi li jirriżultaw, għall-Istati Membri, mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 69/335, b’mod partikolari dak imsemmi fil-punt 25 ta’ dan id-digriet, jikkonċernaw kull tranżazzjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u, għaldaqstant, kull tranżazzjoni li taqa’ taħt l-Artikolu 4 tagħha (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2014, Ascendi Beiras Litoral e Alta, Auto Estradas das Beiras Litoral e Alta, C‑377/13, EU:C:2014:1754, punt 51). |
28 |
Sussegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikoli 4(1)(a) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 69/335 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha Stat Membru jkun introduċa mill-ġdid dazju fuq il-kapital fuq tranżazzjonijiet ta’ kostituzzjoni ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju taħt l-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, li kienu suġġetti għal tali dazju fl‑1 ta’ Lulju 1984, iżda li, sussegwentement, ikunu ġew eżentati minnha. |
Fuq l-ispejjeż
29 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikoli 4(1)(a) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 69/335/KEE tas‑17 ta’ Lulju 1969 li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital, kif emendata bid-Direttiva 85/303/KEE tal‑10 ta’ Ġunju 1985, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha Stat Membru jkun introduċa mill-ġdid dazju fuq il-kapital fuq tranżazzjonijiet ta’ kostituzzjoni ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju taħt l-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, li kienu suġġetti għal tali dazju fl‑1 ta’ Lulju 1984, iżda li, sussegwentement, ikunu ġew eżentati minnha. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.