EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0808

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-17 ta’ Diċembru 2020.
Il-Kummissjoni Ewropea vs L-Ungerija.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja – Politika dwar il-kontrolli fil-fruntieri, fl-ażil u fl-immigrazzjoni – Direttivi 2008/115/KE, 2013/32/UE u 2013/33/UE – Proċedura għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali – Aċċess effettiv – Proċedura fuq il-fruntiera – Garanziji proċedurali – Tqegħid obbligatorju f’żoni ta’ tranżitu – Detenzjoni – Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment – Rikorsi ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet amministrattivi li jiċħdu l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Dritt li persuna tibqa’ fit-territorju”.
Kawża C-808/18.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:1029

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

17 ta’ Diċembru 2020 ( *1 )

Werrej

 

Il-kuntest ġuridiku

 

Id-dritt tal-Unjoni

 

Id-Direttiva 2008/115

 

Id-Direttiva 2013/32

 

Id-Direttiva 2013/33

 

Id-dritt Ungeriż

 

Il-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil

 

Il-Liġi dwar il-Fruntieri tal-Istat

 

Il-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva Kontenzjuża

 

Id-digriet ta’ applikazzjoni tal-Liġi Dritt għall-Ażil:

 

Il-proċedura prekontenzjuża

 

Fuq ir-rikors

 

Osservazzjonijiet preliminari

 

Fuq l-ewwel ilment, dwar l-aċċess għall-proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali

 

L-argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

Fuq it-tieni u t-tielet ilment, dwar id-detenzjoni tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali

 

L-argumenti tal-partijiet

 

– Fuq it-tieni lment

 

– Fuq it-tielet ilment

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

– Fuq l-eżistenza ta’ detenzjoni fiż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa

 

– Fuq il-kompatibbiltà tad-detenzjoni fiż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa mar-rekwiżiti previsti mid-Direttivi 2013/32 u 2013/33

 

– Fuq l-Artikolu 72 TFUE

 

Fuq ir-raba’ lment, dwar it-tkeċċija taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment

 

L-argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

Fuq il-ħames ilment, dwar id-dritt li wieħed jibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat

 

L-argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

– Fuq l-ewwel parti tal-ħames ilment, dwar l-Artikolu 46(5)(b) tad-Direttiva 2013/32

 

– Fuq it-tieni parti tal-ħames ilment, li tirrigwarda l-Artikolu 46(6)(c) tad-Direttiva 2013/32

 

– Fuq it-tielet parti tal-ħames motiv, dwar l-Artikolu 46(6)(a) u (b) tad-Direttiva 2013/32

 

Fuq l-ispejjeż

Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja – Politika dwar il-kontrolli fil-fruntieri, fl-ażil u fl-immigrazzjoni – Direttivi 2008/115/KE, 2013/32/UE u 2013/33/UE – Proċedura għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali – Aċċess effettiv – Proċedura fuq il-fruntiera – Garanziji proċedurali – Tqegħid obbligatorju f’żoni ta’ tranżitu – Detenzjoni – Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment – Rikorsi ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet amministrattivi li jiċħdu l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Dritt li persuna tibqa’ fit-territorju”

Fil-Kawża C‑808/18,

li għandu bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fil‑21 ta’ Diċembru 2018,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Condou-Durande, A. Tokár u J. Tomkin, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

L-Ungerija, irrappreżentata minn M. Z. Fehér u M. Tátrai, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev, E. Regan, M. Ilešič u N. Wahl, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, D. Šváby, S. Rodin, F. Biltgen, K. Jürimäe, C. Lycourgos (Relatur), P.G. Xuereb u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: R. Șereș, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑10 ta’ Frar 2020,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑25 ta’ Ġunju 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 3 u 6, l-Artikolu 24(3), l-Artikolu 43 u l-Artikolu 46(5) u (6) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60), tal-Artikolu 2(h) u tal-Artikoli 8, 9 u 11 tad-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013, li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 96), kif ukoll l-Artikolu 5, l-Artikolu 6(1), l-Artikolu 12(1) u l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98), moqrija flimkien mal-Artikoli 6, 18 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”):

billi stabbilixxiet li l-applikazzjoni għall-ażil għandha tiġi ppreżentata fiżikament mill-persuna quddiem l-awtorità kompetenti, u esklużivament fiż-żoni ta’ tranżitu, li fihom hija tawtorizza d-dħul biss ta’ numru żgħir ta’ persuni;

billi applikat proċedura partikolari bħala regola ġenerali, li matulha ma ġewx osservati l-garanziji stabbiliti fid-Direttiva 2013/32;

billi ddeċidiet li jeħtieġ li tiġi applikata għall-applikanti kollha għal ażil, bl-eċċezzjoni ta’ minorenni ta’ inqas minn 14-il sena, proċedura li r-riżultat tagħha huwa li dawn għandhom jibqgħu f’detenzjoni matul il-perijodu kollu tal-proċedura tal-ażil fl-installazzjonijiet ta’ żoni ta’ tranżitu li jistgħu joħorġu minnhom biss lejn is-Serbja, u billi ma akkumpanjatx din id-detenzjoni bil-garanziji previsti mid-Direttiva 2013/33;

billi mexxiet lejn in-naħa l-oħra tal-għeluq tal-fruntiera liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu b’mod irregolari fit-territorju mingħajr ma osservat il-proċeduri u l-garanziji ddefiniti fl-Artikolu 5, fl-Artikolu 6(1), fl-Artikolu 12(1) u fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/115;

billi ma ttrasponietx fid-dritt nazzjonali tagħha, l-Artikolu 46(5) tad-Direttiva 2013/32 u billi adottat dispożizzjonijiet li jidderogaw mir-regola ġenerali tal-effett awtomatiku tar-rikorsi tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali f’sitwazzjonijiet li ma jaqgħux taħt l-Artikolu 46(6) ta’ din l-istess direttiva.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2008/115

2

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/115 jipprevedi li:

“1.   Din id-Direttiva tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru.

2.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx din id-Direttiva għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li:

a)

huma soġġetti għal ċaħda ta’ dħul, skond l-Artikolu 13 tar-[Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2006, L 105, p. 1)], jew li jkunu arrestati jew interċettati mill-awtoritajiet kompetenti b’konnessjoni mal-qsim irregolari bl-art, bil-baħar jew bl-ajru tal-fruntiera esterna ta’ Stat Membru u li ma jkunux sussegwentement kisbu awtorizzazzjoni jew dritt biex joqogħdu f’dak l-Istat Membru;

[…]”

3

Skont l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

2.

‘soġġorn illegali’ tfisser il-preżenza fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax, jew m’għadux jissodisfa l-kondizzjonijiet ta’ dħul kif stabbiliti fl-Artikolu 5 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jew kondizzjonijiet oħrajn għal dħul, soġġorn jew residenza f’dak l-Istat Membru;

[…]”

4

L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“Fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont dovut ta’:

a)

l-aħjar interessi tat-tfal,

b)

il-ħajja familjari,

c)

l-istat tas-saħħa taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat u,

jirrispettaw il-prinċipju ta’ non-refoulement.”

5

L-Artikolu 6(1) u (2) tal-istess direttiva jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jissoġġorna illegalment fit-territorju tagħhom, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 sa 5.

2.   Ċittadini ta’ pajjiżi terzi li qed jissoġġornaw illegalment [għandhom residenza illegali] fit-territorju ta’ Stat Membru u għandhom permess ta’ residenza validu jew awtorizzazzjoni oħra li toffri dritt ta’ soġġorn [residenza] maħruġa minn Stat Membru ieħor, għandhom jintalbu jmorru fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru minnufih. Fil-każ ta’ non-konformità miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat ma’ din il-ħtieġa, jew fejn it-tluq immedjat taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà nazzjonali, għandu japplika l-paragrafu 1.”

6

L-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2008/115 jipprevedi:

“Deċiżjonijiet ta’ ritorn u, jekk maħruġa, deċiżjonijiet ta’ projbizzjoni fuq id-dħul u deċiżjonijiet ta’ tneħħija, għandhom jinħarġu bil-miktub u jagħtu raġunijiet fil-fatt u fid-dritt kif ukoll informazzjoni dwar ir-rimedji legali disponibbli.

L-informazzjoni dwar ir-raġunijiet tista’ fil-fatt tkun limitata fejn il-liġi nazzjonali tippermetti li d-dritt għall-informazzjoni jiġi ristrett, b’mod partikolari sabiex tiġi salvagwardjata s-sigurtà nazzjonali, id-difiża, is-sigurtà pubblika u l-prevenzjoni, l-investigazzjoni, id-detenzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali.”

7

Skont l-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva:

“Iċ-ċittadin konċernat ta’ pajjiż terz għandu jingħata dritt għal rimedju effettiv li jappella kontra jew li jitlob reviżjoni tad-deċiżjonijiet relatati mar-ritorn, kif imsemmi fl-Artikolu 12(1) quddiem awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva kompetenti jew korp kompetenti magħmul minn membri imparzjali u li jgawdu minn salvagwardji ta’ indipendenza.”

8

Skont l-Artikolu 18 tal-imsemmija direttiva:

“1.   F’każijiet fejn għadd eċċezzjonalment kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li għandhom jintbagħtu lura jkun ta’ piż kbir mhux previst fuq il-kapaċità tal-faċilitajiet ta’ detenzjoni ta’ Stat Membru jew fuq il-persunal amministrattiv jew ġudizzjarju tiegħu, dak l-Istat Membru jista’, sakemm tippersisti s-sitwazzjoni eċċezzjonali, jiddeċiedi li jippermetti perijodi għar-reviżjoni ġudizzjarja itwal minn dawk stabbiliti fit-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 15(2) u li jieħu miżuri urġenti dwar il-kondizzjonijiet tad-detenzjoni li jidderogaw minn dawk stabbiliti fl-Artikoli 16(1) u 17(2).

2.   Meta jirrikorri għal dawn il-miżuri eċċezzjonali, l-Istat Membru konċernat għandu jgħarraf lill-Kummissjoni. Huwa għandu wkoll jgħarraf lill-Kummissjoni hekk kif ir-raġunijiet għall-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri eċċezzjonali ma jkunux għadhom jeżistu.

3.   L-ebda parti minn dan l-Artikolu ma għandha tiġi interpretata bħala li tippermetti lill-Istati Membri jidderogaw mill-obbligu ġenerali tagħhom biex jieħdu l-miżuri kollha xierqa, kemm ġenerali jew partikolari, li jiżguraw it-twettiq ta’ l-obbligi tagħhom taħt din id-Direttiva”.

Id-Direttiva 2013/32

9

Il-premessa 29 tad-Direttiva 2013/32 hija fformulata kif ġej:

“Xi applikanti jistgħu jeħtieġu garanziji proċedurali speċjali minħabba, inter alia, l-età, is-sess, l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tas-sess, diżabbiltà, mard serju, mard mentali jew konsegwenzi ta’ tortura, stupru jew forom oħra serji ta’ vjolenza psikoloġika, fiżika jew sesswali. L-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom biex jidentifikaw applikanti li jkollhom bżonn ta’ garanziji proċedurali speċjali qabel tittieħed deċiżjoni fl-ewwel każ. Dawk l-applikanti, għandhom ikunu pprovduti b’appoġġ xieraq inkluż ħin biżżejjed sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet neċessarji kollha għall-aċċess effettiv tagħhom għall-proċeduri u għall-preżentazzjoni tal-elementi meħtieġa biex jissostanzjaw l-applikazzjoni tagħhom għall-protezzjoni internazzjonali.”

10

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

c)

‘applikant’ tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li għamel applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li fir-rigward tagħha deċiżjoni finali tkun għadha ma tteħditx;

d)

‘applikant li jkollu bżonn ta’ garanziji proċedurali speċjali’ tfisser applikant li l-kapaċità tiegħu li jibbenefika mid-drittijiet u li jikkonforma mal-obbligi previsti f’din id-Direttiva tkun limitata minħabba cirkostanzi individwali;

e)

‘deċiżjoni finali’ tfisser kwalunkwe deċiżjoni li tistabbilixxi jekk ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna apolida tingħatalhom status ta’ refuġjat jew stat ta’ protezzjoni sussidjarja taħt id-Direttiva 2011/95/UE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr Stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9)] u li ma tkunx suġġetta aktar għal rimedju fil-qafas tal-Kapitolu V ta’ din id-Direttiva irrispettivament jekk tali rimedju għandux l-effett li jippermetti applikanti jibqgħu fl-Istati Membri konċernati sal-eżitu tagħha;

[…]

p)

‘tibqa’ fl-Istat Membru’ tfisser li tibqa’ fit-territorju, inklużi l-fruntiera jew iż-żoni ta’ tranżitu tal-Istat Membru li fih tkun saret l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali jew li fih tkun saret jew qiegħda tiġi eżaminata tali applikazzjoni;

[…]”

11

L-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għall-applikazzjonijiet kollha għall-protezzjoni internazzjonali magħmula fit-territorju, inklużi dawk magħmula fil-fruntiera fl-ilmijiet territorjali jew fiż-żoni ta’ tranżitu, tal-Istati Membri, u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali.”

12

L-Artikolu 6 tal-istess direttiva jiddisponi:

“1.   Meta persuna tagħmel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali lil awtorità kompetenti taħt il-liġi nazzjonali għar-reġistrazzjoni ta’ applikazzjonijiet bħal dawn, ir-reġistrazzjoni għandha sseħħ mhux iktar tard minn tlett ijiem ta’ xogħol wara li ssir l-applikazzjoni.

Jekk l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali issir lil awtoritajiet oħra li x’aktarx jirċievu applikazzjonijiet bħal dawn, iżda mhumiex kompetenti għar-reġistrazzjoni taħt il-liġi nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ir-reġistrazzjoni għandha ssir mhux iktar tard minn sitt ijiem ta’ xogħol wara li ssir l-applikazzjoni.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk l-awtoritajiet l-oħra li x’aktarx jirċievu applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali bħal pulizija, gwardji tal-fruntiera, awtoritajiet tal-immigrazzjoni u persunal tal-faċilitajiet ta’ detenzjoni għandhom l-informazzjoni rilevanti u li l-persunal tagħhom jirċievi il-livell meħtieġ ta’ taħriġ li jkun xieraq għall-kompiti u r-responsabbiltajiet tagħhom u istruzzjonijiet biex jinformaw lill-applikanti fejn u kif l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali jistgħu jiġu ppreżentati.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuna li għamlet applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandha opportunità effettiva biex tippreżentaha malajr kemm jista’ jkun. Fejn l-applikant ma jagħmilx l-applikazzjoni tiegħu, l-Istati Membri jistgħu japplikaw l-Artikolu 28 kif meħtieġ.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali jiġu ppreżentati fiżikament u/jew f’post magħżul.

4.   Minkejja l-paragrafu 3, applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandha titqies bħala li ġiet riċevuta ladarba formola ppreżentata mill-applikant jew, fejn dan ikun previst fil-liġi nazzjonali, rapport uffiċjali, ikunu waslu għand l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat.

5.   Fejn applikazzjonijiet simultanji għall-protezzjoni internazzjonali minn numru kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi jagħmluha diffiċli ħafna fil-prattika li jiġi rispettat il-limitu ta’ żmien stipulat fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li dak il-limitu ta’ żmien jiġi estiż sa 10 ijiem ta’ xogħol.”

13

Skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2013/32:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull adult li jkollu kapaċità legali jkollu d-dritt li jagħmel applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali f’ismu stess.

[…]

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li minorenni jkollu d-dritt li jagħmel applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali jew f’ismu, jekk ikollu l-kapaċità legali li jaġixxi fi proċeduri taħt il-liġi tal-Istat Membru kkonċernat, jew permezz tal-ġenituri tiegħu jew membri adulti oħra tal-familja tiegħu, jew adult responsabbli għalih, kemm bil-liġi jew bil-prattika nazzjonali tal-Istat Membri ikkonċernat, jew inkella permezz ta’ rappreżentant.”

14

L-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Fejn hemm indikazzjonijiet li ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi miżmuma f’faċilitajiet ta’ detenzjoni jew li jinsabu f’punti ta’ qsim tal-fruntieri, inklużi żoni ta’ tranżitu fil-fruntieri esterni, jistgħu jkunu jridu jagħmlu applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, l-Istati Membri għandhom jagħtuhom informazzjoni dwar il-possibbiltà li jagħmlu dan. F’dawk il-faċilitajiet ta’ detenzjoni u ż-żoni fil-fruntieri, l-Istati Membri għandhom jagħmlu arranġamenti għal interpretazzjoni sa fejn ikun neċessarju għall-faċilitazzjoni tal-aċċess għall-proċedura ta’ asil.”

15

L-Artikolu 24(3) tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn l-applikanti jkunu ġew identifikati bħala applikanti li jkunu jeħtieġu garanziji proċedurali speċjali, dawn jingħataw appoġġ adegwat sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mid-drittijiet u jkunu konformi mal-obbligi ta’ din id-Direttiva matul il-proċedura ta’ asil kollha.

Fejn tali appoġġ adegwat ma jkunx jista’ jingħata fil-qafas tal-proċeduri msemmija fl-Artikolu 31(8) u fl-Artikolu 43, b’mod partikolari fejn l-Istati Membri jqisu li l-applikant jeħtieġ garanziji proċedurali speċjali bħala riżultat ta’ tortura, stupru jew suriet serji oħra ta’ vjolenza psikoloġika, fiżika jew vjolenza sesswali, l-Istati Membri m’għandhomx japplikaw, jew għandhom jieqfu japplikaw, l-Artikolu 31(8) u l-Artikolu 43. Fejn l-Istati Membri japplikaw l-Artikolu 46(6) għal applikanti li għalihom l-Artikoli 31(8) u l-Artikolu 43 ma jistgħux jiġu applikati f’konformità ma’ dan is-subparagrafu, l-Istati Membri għandhom tal-inqas jagħtu l-garanziji previsti fl-Artikolu 46(7).”

16

Skont l-Artikolu 26 tal-istess direttiva:

“1.   L-Istati Membri ma għandhomx iżommu persuna f’detenzjoni għar-raġuni biss li huwa/hija jkun/tkun applikant. Ir-raġunijiet għal u l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni u l-garanziji disponibbli għall-applikanti detenuti għall-protezzjoni internazzjonali għandhom ikunu konformi mad-Direttiva [2013/33].

2.   Fejn applikant jinżamm f’detenzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm il-possibbiltà ta’ reviżjoni ġudizzjarja rapida taħt id-Direttiva [2013/33].”

17

Skont l-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2013/32:

“Fejn ikun hemm kawża raġonevoli sabiex jitqies li applikant ikun irtira jew abbanduna l-applikazzjoni tiegħu/tagħha b’mod impliċitu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità determinanti tieħu deċiżjoni jew li twaqqaf l-eżami jew, sakemm l-awtorità determinanti tqis li l-applikazzjoni ma tkunx isserraħ fuq il-bażi ta’ eżami xieraq tas-sustanza tagħha f’konformità mal-Artikolu 4 tad-Direttiva [2011/95], li tirrifjuta l-applikazzjoni.”

18

Skont l-Artikolu 31(8) ta’ din id-direttiva:

“L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu li proċedura ta’ eżami konformi mal-prinċipji u l-garanziji bażiċi tal-Kapitolu II tiġi mgħaġġla u/jew titmexxa fil-fruntiera jew fiż-żoni ta’ transitu taħt l-Artikolu 43 jekk:

a)

l-applikant, fil-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu/tagħha u fil-preżentazzjoni tal-fatti, qajjem biss kwistjonijiet li mhumiex relevanti għall-eżami dwar jekk huwa/hija jikkwalifikax/tikkwalifikax jew le bħala benefiċjarju/benefiċjarja ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95]; jew

b)

l-applikant ikun ġej minn pajjiż ta’ oriġini bla periklu skont it-tifsira ta’ din id-Direttiva jew

c)

l-applikant inganna lill-awtoritajiet billi ppreżenta informazzjoni jew dokumenti foloz jew billi żamm għalih informazzjoni jew dokumenti relevanti fir-rigward tal-identità u/jew tan-nazzjonalità tiegħu li setgħu kellhom impatt negattiv fuq id-deċiżjoni; jew

d)

probabbilment, b’malafede, l-applikant iddistruġġa jew iddispona minn dokument tal-identità jew tal-ivvjaġġar li seta’ għen sabiex tiġi stabbilita l-identità jew in-nazzjonalità tiegħu; jew

e)

l-applikant ikun għamel rappreżentazzjonijiet li b’mod ċar kienu inkonsistenti u kontradittorji li jkunu foloz jew manifestament improbabbli jew insuffiċjenti li jikkontradixxu informazzjoni vverfikata kif xieraq dwar il-pajjiż ta’ oriġini, li konsegwentement jwasslu biex it-talba tiegħu/tagħha ma tkunx tidher konvinċenti fir-rigward tad- jekk huwa/hija jikkwalifikaw/tikkwalifikax bħala benefiċjarju/benefiċjarja ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95]; jew

f)

l-applikant ikun ippreżenta applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali li mhix ammissibbli f’konformità mal-Artikolu 40(5); jew

g)

fl-applikant ikun qiegħed jippreżenta applikazzjoni biss sabiex jittardja jew ifixkel l-infurzar ta’ deċiżjoni preċedenti jew imminenti li tirriżulta fl-espulsjoni tiegħu/tagħha;jew

h)

l-applikant daħal fit-territorju tal-Istat Membru illegalment jew tawwal is-soġġorn tiegħu illegalment u, mingħajr raġuni valida, ma ppreżentax ruħu lill-awtoritajiet jew ma ppreżentax applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali malajr kemm jista’ jkun, minħabba ċ-ċirkustanzi tal-dħul tiegħu; jew

i)

l-applikant jirrifjuta li jikkonforma mal-obbligu li jittieħdulu l-marki tas-swaba’ […]; jew

j)

l-applikant jista’, għal raġunijiet serji, jiġi kkunsidrat bħala periklu għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku tal-Istat Membru, jew l-applikant ġie espuls bil-forza għal raġunijiet serji ta’ sigurtà pubblika jew ordni pubbliku taħt il-liġi nazzjonali.”

19

L-Artikolu 33(2) tal-imsemmija direttiva jipprevedi li:

“L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għall- protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli biss jekk:

a)

il-protezzjoni internazzjonali tkun ġiet mogħtija minn Stat Membru ieħor;

b)

pajjiż li ma jkunx Stat Membru jiġi kunsidrat bħala l-ewwel pajjiż ta’ asil għall-applikant, taħt l-Artikolu 35;

c)

pajjiż li ma jkunx Stat Membru jiġi kkunsidrat bħala pajjiż terz bla periklu għall-applikant, taħt l-Artikolu 38;

d)

l-applikazzjoni tkun applikazzjoni sussegwenti, fejn ebda elementi jew sejbiet ġodda relatati mal-eżami dwar jekk l-applikant jikkwalifikax bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95]; ma’ jkunu rriżultaw jew ġew ippreżentati mill-applikant;

e)

persuna dipendenti fuq l-applikant jippreżenta applikazzjoni, wara li huwa kien ta il-kunsens tiegħu taħt l-Artikolu 7(2) sabiex il-każ tiegħu jkun parti minn applikazzjoni ppreżentata f’ismu, u ma jkunx hemm fatti relatati mas-sitwazzjoni tal-persuna dipendenti li jiġġustifikaw applikazzjoni separata.”

20

Skont l-Artikolu 39(1) tal-istess direttiva:

“Kull Stat Membru jista’ jipprovdi li ma jsirx eżami jew li ma jsirx eżami sħiħ tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali u tas-sigurtà tal-applikant fiċ-ċirkostanzi partikolari tiegħu kif deskritt fil-Kapitolu II f’każijiet fejn l-awtorità kompetenti tkun stabbilixxiet, abbażi tal-fatti, li l-applikant ikun qiegħed ifittex li jidħol jew daħal illegalment fit-territorju tiegħu minn pajjiż terz bla periklu skont il-paragrafu 2.

[…]”

21

Skont l-Artikolu 41(1) tad-Direttiva 2013/32:

“L-Istati Membri jistgħu jagħmlu eċċezzjoni mid-dritt li jibqa’ fit-territorju fejn persuna:

a)

tkun ippreżentat l-ewwel applikazzjoni sussegwenti, li ma tiġix eżaminata iktar f’konformità mal-Artikolu 40(5), sempliċiment sabiex jiddewwem jew jixxekkel l-infurzar ta’ deċiżjoni li twassal għat-tneħħija immedjata tiegħu/tagħha minn dak l-Istat Membru, jew

b)

tippreżenta applikazzjoni oħra, sussegwenti, fl-istess Stat Membru, wara li tkun ittieħdet deċiżjoni finali li kkunsidrat l-ewwel applikazzjonisussegwenti bħala inammissibbli taħt l-Artikolu 40(5) jew wara li li tkun ittieħdet deċiżjoni finali li rrifjutat dik l-applikazzjoni bħala bla bażi.

L-Istati Membri jistgħu jagħmlu eċċezzjoni bħal din, biss meta l-awtorità determinanti tqis li deċiżjoni ta’ ritorn mhijiex se twassal għar-refoulement diretta jew indiretta fi ksur tal-obbligi ta’ dak l-Istat Membru taħt il-liġi internazzjonali u l-liġi tal-Unjoni.”

22

L-Artikolu 43 tal-istess direttiva, intitolat “Proċeduri fuq il-fruntiera”, jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal proċeduri, konformement mal-prinċipji u mal-garanziji bażiċi tal-Kapitolu II, ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, fuq il-fruntiera jew f’żoni ta’ tranżitu tal-Istat Membru dwar:

a)

l-ammissibbiltà ta’ applikazzjoni, taħt l-Artikolu 33, li ssir f’dawn il-postijiet; u/jew

b)

is-sustanza ta’ applikazzjoni fi proċedura taħt l-Artikolu 31(8).

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li deċiżjoni meħuda fil-kuntest ta’ proċeduri previsti fil-paragrafu 1 tittieħed fi żmien raġonevoli. Meta deċiżjoni ma tkunx ittieħdet fi żmien erba’ ġimgħat, l-applikant għandu jitħalla jidħol fit-territorju tal-Istat Membru sabiex l-applikazzjoni tiegħu tiġi proċessata konformement mad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din id-Direttiva.

3.   Fil-każijiet ta’ wasliet li jinvolvu numru kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew ta’ persuni apolidi li jippreżentaw applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali fuq il-fruntiera jew f’żona ta’ tranżitu, li jagħmluha impossibbli fil-prattika li jiġu applikati hemmhekk dawk id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, dawk il-proċeduri jistgħu jiġu wkoll applikati fejn u sa meta dawn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi jkunu normalment akkommodati f’postijiet qrib il-fruntiera jew iż-żona ta’ tranżitu.”

23

L-Artikolu 46 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“[…]

5.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 6, l-Istati Membri għandhom jippermettu lill-applikanti li jibqgħu fit-territorju tagħhom sakemm jiskadi ż-żmien li fih ikollhom id-dritt għal rimedju effettiv jew, meta tali dritt ġie eżerċitat fil-limitu ta’ żmien, sa meta joħroġ ir-riżultat tar-rimedju.

6.   Fil-każ li tittieħed deċiżjoni:

a)

li tikkunsidra applikazzjoni bħala manifestament bla bażi taħt l-Artikolu 32(2) jew bla bażi wara eżami f’konformità mal-Artikolu 31(8), ħlief każijiet fejn dawn id-deċiżjonijiet ikunu bbażati fuq iċ-ċirkustanzi msemmija fil-punt (h) tal-Artikolu 31(8)(h);

b)

li tikkunsidra applikazzjoni bħala inammissibbli taħt l-Artikolu 33(2)(a), (b) jew (d);

c)

li tirrifjuta l-ftuħ mill-ġdid tal-każ tal-applikant wara li ma tkompliex taħt l-Artikolu 28; jew

d)

li ma tiġix eżaminata jew ma tiġix eżaminata kompletament l-applikazzjoni taħt l-Artikolu 39,

qorti jew tribunal għandu jkollu s-setgħa li jiddeċiedi jekk l-applikant jistax jibqa’ jew le fit-territorju tal-Istat Membru, jew fuq talba tal-applikant jew billi jiddeċiedi ex officio, jekk tali deċiżjoni tirriżulta fit-terminazzjoni tad-dritt tal-applikant li jibqa’ fl-Istat Membru u fejn, f’każijiet bħal dawn, id-dritt ta’ rimanenza fl-Istat Membru sa meta joħroġ ir-riżultat tar-rimedju ma tkunx prevista fil-liġi nazzjonali.

[…]

8.   L-Istati Membri għandhom jippermettu lill-applikant jibqa’ fit-territorju sa meta joħroġ ir-riżultat tal-proċedura kemm jekk l-applikant jista’ jibqa’ fit-territorju u kemm jekk le, kif stipulat fil-paragrafi 6 u 7.

[…]”

Id-Direttiva 2013/33

24

Il-premessa 17 tad-Direttiva 2013/33 tipprevedi:

“Ir-raġunijiet għad-detenzjoni stabbiliti f’din id-Direttiva huma mingħajr preġudizzju għar- raġunijiet l-oħra ta’ detenzjoni, inklużi r-raġunijiet ta’ detenzjoni fil-qafas tal-proċedimenti kriminali, li jkunu applikabbli taħt il-liġi nazzjonali, mhux relatati mal-applikazzjoni għal protezzjoni nazzjonali ta’ ċittadin ta’ pajjiż terzi jew persuna apolida.”

25

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

b)

‘applikant’ tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li għamlet applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li fir-rigward tagħha tkun għadha ma tteħditx deċizjoni finali;

[…]

h)

‘detenzjoni’ tfisser restrizzjoni ta’ applikant minn Stat Membru f’post partikulari, fejn l-applikant ikun imċaħħad mil-libertà ta’ moviment tiegħu jew tagħha;

[…]”

26

L-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi li:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha minn pajjiżi terzi u dawk apolidi li jagħmlu applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fit-territorju, inkluż fil-fruntiera fl-ibħra territorjali jew fiż-żoni ta’ transitu, ta’ Stat Membru, sakemm jitħallew joqogħdu fit-territorju bħala applikanti, kif ukoll għal membri tal-familja, jekk huma koperti minn applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali skont il-liġi nazzjonali.”

27

L-Artikolu 7 tal-istess direttiva jipprevedi:

“1.   L-applikanti jistgħu jiċċaqilqu b’mod liberu fit-territorju tal-Istat Membru li jilqagħhom jew f’żona assenjata lilhom minn dak l-Istat Membru. Iż-żona assenjata m’għandhiex taffettwa l-isfera inaljenabbli tal-ħajja privata u għandha tippermetti ambitu suffiċjenti biex tiggarantixxi aċċess għall-benefiċċji kollha skont din id-Direttiva.

2.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu dwar ir-residenza lill-applikant minħabba raġunijiet ta’ interess pubbliku, l-ordni pubblika jew, meta meħtieġ, għall-ipproċessar rapidu u l-monitoraġġ effettiv tal-applikazzjoni tiegħu jew tagħha għall-protezzjoni internazzjonali.

3.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu l-kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza suġġetti għal residenza reali mill-applikanti f’post speċifiku, li għandu jkun determinat mill-Istati Membri. Tali deċiżjoni, li tista’ tkun ta’ natura ġenerali, għandha tittieħed fuq livell individwali u stabbilita mil-liġi nazzjonali.

[…]”

28

Skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2013/33:

“1.   L-Istati Membri m’għandhomx iżommu persuna f’detenzjoni għall-unika raġuni li huwa jew hija applikant(a) skont id-Direttiva [2013/32].

2.   Meta jkun meħtieġ u fuq il-bażi ta’ valutazzjoni individwali ta’ kull każ, l-Istati Membri jistgħu jżommu applikant f’detenzjoni, sakemm miżuri inqas dixxiplinari oħra ma jistgħux ikunu applikati b’mod effettiv.

3.   Applikant jista’ jinżamm f’detenzjoni biss:

a)

sabiex tiġi determinata, aċċertata jew ivverifikata l-identità jew in-nazzjonalità tiegħu jew tagħha;

b)

sabiex jiġu determinati dawk l-elementi li fuqhom hija bbażata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u li ma jkunux ottenibbli fin-nuqqas ta’ detenzjoni b’mod partikolari fejn ikun hemm riskju li l-applikant jaħrab;

c)

sabiex tittieħed deċiżjoni, fil-kuntest ta’ proċedura, fuq id-dritt tal-applikant sabiex jidħol fit-territorju;

d)

meta huwa jew hija jinżammu f’detenzjoni soġġetti għal proċedura ta’ ritorn skont id-[Direttiva 2008/115] sabiex iħejju r-ritorn u/jew iwettqu l-proċess ta’ tneħħija, u l-Istat Membru konċernat jkun jista’ jiddeċiedi abbażi ta’ kriterji oġġettivi, inkluż li huwa jew hija diġà kellhom l-opportunità li jaċċessaw il-proċedura tal-asil, li hemm raġunijiet raġonevoli biex jemmen li huwa jew hija qed japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali sempliċiment sabiex itawwlu jew jipprevjenu l-infurzar tad-deċiżjoni ta’ ritorn;

e)

meta l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali jew l-ordni pubblika jeħtieġu hekk;

f)

skont l-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida [(ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50)].

Ir-raġunijiet għad-detenzjoni għandhom jiġu stipulati fil-liġi nazzjonali.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-regoli rigward l-alternattivi għad-detenzjoni, bħal rappurtaġġ regolari lill-awtoritajiet, id-depożitu ta’ garanzija finanzjarja, jew l-obbligu li joqgħod f’żona ġeografika indikata, huma stipulati fil-liġi nazzjonali.”

29

Skont l-Artikolu 9(2) ta’ din id-direttiva:

“Id-detenzjoni tal-applikanti għandha tiġi ordnata bil-miktub minn awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi. L-ordni tad-detenzjoni għandha tiddikjara r-raġunijiet fil-fatt u bi dritt li fuqhom hija bbażata.”

30

Skont l-Artikolu 10(1) tal-imsemmija direttiva:

“Id-detenzjoni tal-applikanti għandha sseħħ, bħala regola, f’faċilitajiet ta’ detenzjoni speċjalizzati. Fejn Stat Membru ma jkunx jista’ jipprovdi akkomodazzjoni f’faċilità ta’ detenzjoni speċjalizzata u jkun obbligat li jirrikorri għall-akkomodazzjoni f’ħabs, l-applikantgħandu jinżamm separatament mill-ħabsin ordinarji u għandhom japplikaw il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni previsti f’din id-Direttiva.

[…]”

31

L-Artikolu 11 tal-istess direttiva jipprevedi:

“1.   Is-saħħa, inkluża s-saħħa mentali, tal-applikanti f’detenzjoni li jkunu persuni vulnerabbli għandha tkun it-tħassib ewlieni tal-awtoritajiet nazzjonali.

Fejn persuni vulnerabbli jinżammu f’detenzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jsir monitoraġġ regolari u jingħata appoġġ adegwat li jikkunsidra l-qagħda partikolari tagħhom inkluża saħħithom.

2.   Il-minorenni għandhom jinżammu biss f’detenzjoni bħala miżura aħħarija u wara li jkun ġie stabbilit li ma jistgħux jiġu applikati miżuri alternattivi inqas koerżivi b’mod effettiv. Tali detenzjoni għandha tkun għall-iqsar perjodu ta’ żmien u għandu jsir kull sforz biex id-detenuti minorenni jinħelsu u jitqiegħdu f’akkomodazzjoni adatta għal tali minorenni.

L-aħjar interessi tal-minorenni, kif jippreskrivi l-Artikolu 23(2), għandhom ikunu l-kunsiderazzjoni primarja tal-Istati Membri.

Fejn il-minorenni jkunu detenuti huma għandhom ikollhom il-possibbiltà li jieħdu sehem f’attivitajiet ta’ rikreazzjoni, inkluż logħob u attivitajiet ta’ rekreazzjoni li huma xierqa għall-età tagħhom.

3.   Il-minorenni mhux akkumpanjati għandhom jinżammu f’detenzjoni biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali. Għandu jsir kull sforz biex il-minorenni mhux akkumpanjati u li jkunu detenuti jinħelsu malajr kemm jista’ jkun.

Il-minorenni mhux akkumpanjati m’għandhom qatt jinżammu f’akkomodazzjoni f’ħabs.

Sakemm ikun possibbli, il-minuri mhux akkumpanjati għandhom jingħataw akkomodazzjoni f’istituzzjonijiet li jkollhom persunal u faċilitajiet li jieħdu kont tal-ħġtiġijiet tal-persuni tal-età tagħhom.

Meta jiġu detenuti minorenni mhux akkumpanjati, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu akkomodati b’mod separat mill-adulti.

[…]”

32

Skont l-Artikolu 18(9) tad-Direttiva 2013/33:

“F’każijiet debitament ġustifikati, l-Istati Membri jistgħu b’mod eċċezzjonali jistabbilixxu modalitajiet għal kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza differenti minn dawk li jipprovdi għalihom dan l-Artikolu, għal perjodu raġonevoli li għandu jkun qasir kemm jista’ jkun, meta:

a)

stima tal-ħtiġijiet speċifiċi tal-applikant hija rekwiżita, skont l-Artikolu 22;

b)

kapaċitajiet ta’ akkomodazzjoni normalment disponibbli huma temporanjament eżawriti.

Tali kondizzjonijiet differenti għandhom fi kwalunkwe każ ikopru il-ħtiġiet bażiċi.”

33

Skont l-Artikolu 21 ta’ din id-direttiva:

“L-Istati Membri għandhom iqisu s-sitwazzjoni speċifika ta’ persuni vulnerabbli bħalma huma minorenni, minorenni mhux akkompanjati, nies b’diżabilità, anzjani, nisa tqal, ġenituri single bi tfal minorenni, vittmi tat-traffikar tal-bnedimin, persuni b’mard serju, persuni b’disturbi mentali jew persuni li huma ssoġġettati għal tortura, stupru jew forom serji oħra ta’ vjolenza psikoloġika, fiżika jew sesswali, bħall-vittimi tal-mutilazjoni ġenitali femminili, fil-liġi nazzjonali li timplimenta din id-Direttiva.”

34

It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-appoġġ mogħti lill-applikanti bi bżonnijiet speċjali ta’ akkoljenza skont din id-Direttiva jieħu kont tal- bżonnijiet speċjali ta’ akkoljenza tagħhom matul il-proċedura tal-asil u għandhom jipprovdu għall-monitoraġġ xieraq tas-sitwazzjoni tagħhom.”

Id-dritt Ungeriż

Il-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil

35

L-Artikolu 4(3) tal-menedékjogról szóló 2007. évi LXXX. törvény (il-Liġi Nru LXXX tal-2007 dwar id-Dritt għall-Ażil) (Magyar Közlöny 2007/83, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil”) jipprevedi dan li ġej:

“Fir-rigward tal-persuni li jeħtieġu trattament speċjali, għandhom jiġu applikati d-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet speċifiċi li jirriżultaw mis-sitwazzjoni tagħhom.”

36

L-Artikolu 5(1) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil jipprevedi li:

“L-applikant għall-ażil għandu d-dritt:

a)

skont il-kundizzjonijiet previsti minn din il-liġi, li jirrisjedi fit-territorju Ungeriż u, skont il-leġiżlazzjoni speċifika, li jikseb permess ta’ residenza fit-territorju Ungeriż;

b)

skont il-kundizzjonijiet previsti minn din il-liġi u leġiżlazzjoni speċifika, li jirċievi benefiċċji, għajnuna u akkomodazzjoni;

ċ)

li jokkupa impjieg fil-post fejn jinsab iċ-ċentru ta’ akkoljenza jew f’post ta’ xogħol iddeterminat mill-persuna pubblika li timpjega fi żmien disa’ xhur mill-preżentata tal-applikazzjoni għall-ażil u sussegwentement, wara dan it-terminu, konformement mar-regoli ġenerali applikabbli għaċ-ċittadini barranin.

37

L-Artikolu 29 ta’ din il-liġi tiddisponi:

“Il-kondizzjonijiet ta’ akkoljenza għandhom jiġu żgurati billi jittieħed kont tal-ħtiġiet speċifiċi ta’ persuni li jeħtieġu trattament speċjali.”

38

Skont l-Artikolu 30(3) tal-imsemmija liġi:

“Meta tiġi adottata deċiżjoni li tirrestrinġi jew tirtira l-benefiċċju tal-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali a) l-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil għandha tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni individwali tal-applikant għall-ażil, b’mod partikolari fid-dawl tal-persuni li jeħtieġu trattament speċjali, u b) ir-restrizzjoni jew l-irtirar għandhom ikunu proporzjonati mar-reat imwettaq.”

39

L-Artikolu 31/A tal-istess liġi jistipula:

“1.   L-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil tista’, sabiex tmexxi l-proċedura fil-qasam tal-ażil, jew tiżgura trasferiment skont ir-Regolament [Nru 604/2013] — filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-limiti previsti fl-Artikolu 31/B — iżżomm f’detenzjoni l-applikanti għall-ażil li l-permess ta’ residenza tagħhom huwa bbażat esklużivament fuq il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni

a)

meta dan jippermetti li tiġi stabbilita l-identità jew in-nazzjonalità tal-persuna kkonċernata meta din tkun inċerta,

b)

meta l-persuna kkonċernata tkun suġġetta għal proċedura ta’ ritorn u meta jkun hemm elementi oġġettivi — bħall-fatt li hija diġà kellha l-opportunità li taċċedi għall-proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali — li jippermettu li jintwera, jew raġunijiet validi oħra li jippermettu li jiġi preżunt li hija ppreżentat l-applikazzjoni tagħha għal protezzjoni internazzjonali bl-għan biss li ddewwem jew ixxekkel l-infurzar tad-deċiżjoni ta’ ritorn,

c)

sabiex tistabbilixxi l-fatti u ċ-ċirkustanzi li fuqhom hija bbażata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u li ma jkunux jistgħu jinkisbu fin-nuqqas ta’ detenzjoni, b’mod partikolari fejn ikun hemm riskju li l-applikant jaħrab;

d)

meta l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali jew l-ordni pubblika tirrikjedi hekk;

e)

meta l-applikazzjoni tkun ġiet ippreżentata fiż-żona internazzjonali ta’ ajruport,

f)

jew li d-detenzjoni tkun meħtieġa sabiex jiġu żgurati l-proċeduri ta’ trasferiment skont ir-Regolament [Nru 604/2013], u jkun hemm riskju serju li l-persuna kkonċernata taħrab.

[…]

2.   Id-detenzjoni tal-applikanti għall-ażil tista’ tiġi ordnata wara evalwazzjoni każ b’każ u biss jekk l-għan hekk imfittex ma jkunx jista’ jintlaħaq permezz ta’ miżura li tiżgura li l-persuna kkonċernata tibqa’ għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet.

[…]

5.   Id-detenzjoni tal-applikant għall-ażil għandha tiġi ordnata permezz ta’ deċiżjoni li hija eżekuttiva sa min-notifika tagħha.

[…]”

40

L-Artikolu 31/B tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil jipprevedi li:

“1.   Ebda detenzjoni ma tista’ tiġi ordnata għas-sempliċi raġuni li ġiet imressqa applikazzjoni għall-ażil.

2.   Ebda detenzjoni ma tista’ tiġi ordnata fil-konfront ta’ applikant għall-ażil minorenni mhux akkumpanjat.

3.   Id-detenzjoni ma tistax tiġi ordnata fil-konfront ta’ familji b’ulied minorenni ħlief bħala miżura tal-aħħar rikors, billi qabel kollox jittieħed inkunsiderazzjoni l-interess superjuri tal-ulied.

[…]”

41

L-Artikolu 32(1) ta’ din il-liġi jipprevedi:

“1. L-applikazzjoni għandha tkun dikjarazzjoni, magħmula minn parti, li abbażi tagħha l-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil tibda proċedura amministrattiva.”

42

Skont l-Artikolu 35 tal-imsemmija liġi:

“1.   Il-proċedura ta’ ażil tibda bil-preżentata tal-applikazzjoni għall-ażil quddiem l-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil. L-applikant għall-ażil huwa suġġett għall-proċedura ta’ ażil

a) mid-data tal-preżentata, personalment, tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali mal-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil, jew

b) meta huwa jkun ippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali ma’ awtorità oħra, mid-data tar-reġistrazzjoni ta’ din l-applikazzjoni mill-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil

sakemm tiġi nnotifikata d-deċiżjoni mogħtija fi tmiem il-proċedura meta din ma tkunx tista’ tiġi appellata.

[…]”

43

L-Artikolu 51 tal-istess liġi jipprevedi:

“1.   Jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-Regolamenti [Nru 604/2013 u Nru 118/2014] ma jkunux issodisfatti, l-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil għandha tiddeċiedi dwar il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tal-applikazzjoni kif ukoll dwar il-preżenza ta’ kundizzjonijiet ta’ deċiżjoni dwar is-suġġett tal-applikazzjoni fil-kuntest ta’ proċedura b’urġenza.

2.   L-applikazzjoni hija inammissibbli

[…]

e)

jeżisti, f’dak li jikkonċerna lill-applikant, pajjiż terz li jista’ jitqies bħala pajjiż terz sigur fir-rigward tiegħu,

[…]

7.   L-applikazzjoni tista’ tiġi deċiża fil-kuntest ta’ proċedura b’urġenza jekk l-applikant

[…]

h) daħal illegalment fit-territorju Ungeriż, jew tawwal illegalment ir-residenza tiegħu u ma ppreżentax applikazzjoni għal ażil fi żmien raġonevoli, minkejja li kellu l-possibbiltà li jressaqha qabel, u ma seta’ jipprovdi ebda raġuni valida sabiex jiġġustifika dan id-dewmien;

[…]”

44

Skont l-Artikolu 53/H tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil:

“1.   L-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil tiċħad l-applikazzjoni permezz ta’ digriet jekk din tiddeċiedi li teżisti waħda mill-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 51(2).

2.   Deċiżjoni ta’ ċaħda li hija mmotivata mill-inammissibbiltà tat-talba, jew li ngħatat fil-kuntest ta’ proċedura mħaffa, tista’ tiġi kkontestata fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva kontenzjuża.

[…]

6.   Fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva kontenzjuża, il-preżentata ta’ rikors ma għandhiex l-effett li tissospendi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni, bl-eċċezzjoni tad-deċiżjonijiet fil-qasam tal-ażil meħuda skont l-Artikolu 51(2)(e) u (7)(h).”

45

Fil-15 ta’ Settembru 2015 daħlet fis-seħħ l-egyes törvényeknek a tömeges bevándorlás kezelésével összefüggő módosításáról szóló 2015. évi CXL. törvény (il-Liġi Nru CXL tal-2015 li Temenda Ċerti Liġijiet f’Kuntest ta’ Ġestjoni tal-Immigrazzjoni Massiva, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Ġestjoni tal-Immigrazzjoni tal-Massa”). Il-Liġi dwar il-Ġestjoni tal-Immigrazzjoni Massiva, li emendat, b’mod partikolari, il-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, introduċiet il-kunċetti ta’ “sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva” u ta’ “proċedura fuq il-fruntiera”. Barra minn hekk, hija tipprevedi l-ħolqien ta’ żoni ta’ tranżitu li fihom jiġu applikati l-proċeduri tal-ażil.

46

Skont il-Liġi dwar il-Ġestjoni tal-Immigrazzjoni Massiva, f’“sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva”, it-talbiet imressqa fiż-żoni ta’ tranżitu stabbiliti fil-fruntiera għandhom jiġu eżaminati skont ir-regoli tal-proċedura fil-fruntiera.

47

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 71/A tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, li ġie introdott bil-Liġi dwar il-Ġestjoni tal-Immigrazzjoni massiva, jipprevedi:

“1)   Jekk iċ-ċittadin barrani jippreżenta l-applikazzjoni tiegħu fiż-żona ta’ tranżitu:

a)

qabel jidħol fit-territorju tal-Ungerija; jew

b)

wara li jkun interċettat fit-territorju tal-Ungerija ’il ġewwa minn strixxa ta’ 8 kilometri mil-linja tal-fruntiera esterna fis-sens tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) [(ĠU 2016, L 77, p. 1),] jew minn sinjali ta’ demarkazzjoni tal-fruntiera, u eskortat lil hinn mill-portal ta’ installazzjoni intiża għall-protezzjoni tal-ordni tal-fruntiera, kif previst mil-’az államhatárról szóló 2007. évi LXXXIX. törvény (Lipi Nru LXXXIXtal-2007 dwar il-Fruntieri tal-Istat);

għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kapitolu flimkien mad-derogi previsti f’dan l-artikolu.

2)   Matul il-proċedura fil-fruntiera, l-applikanti għall-ażil ma jibbenefikawx mid-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 5(1)(a) u (c).

3)   L-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil għandha tagħti deċiżjoni bi prijorità fuq l-ammissibbiltà tal-applikazzjoni għall-ażil, sa mhux iktar tard minn 8 ijiem mill-preżentata tal-applikazzjoni. Hija għandha tinnotifika d-deċiżjoni tagħha mingħajr dewmien.

4)   Jekk jgħaddu erba’ ġimgħat mill-preżentata tal-applikazzjoni, il-pulizija tal-barranin għandha tawtorizza d-dħul fit-territorju Ungeriż skont il-liġi.

5)   Jekk it-talba ma hijiex inammissibbli, il-pulizija tal-barranin għandha tawtorizza d-dħul fit-territorju Ungeriż skont il-liġi.

6)   Jekk id-dħul fit-territorju Ungeriż jiġi awtorizzat, l-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil għandha twettaq il-proċedura għall-ażil skont ir-regoli ġenerali.

7)   Ir-regoli tal-proċedura fuq il-fruntiera ma għandhomx japplikaw għall-persuni li għandhom bżonn trattament speċjali.

[…]”

48

Il-határġrizeti területen lefolytatott eljárás szigorításával kapcsolatos egyes törvények módosításáról szóló 2017. évi XX. törvény (il-Liġi Nru XX tal-2017 li temenda Ċerti Liġijiet dwar it-Tisħiħ tal-Proċedura Applikata fiż-Żona tal-Fruntiera Ssorveljata) (Magyar Közlöny 2017/39, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru XX tal-2017”) estendiet il-każijiet li fihom il-gvern jista’ jiddikjara “sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva”, fis-sens tal-Liġi dwar l-Ażil, u emendat id-dispożizzjonijiet li jippermettu derogi mid-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ din il-liġi f’tali sitwazzjoni.

49

Mid-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru XX tal-2017, l-Artikolu 80/A tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil jipprevedi:

“1.   Sitwazzjoni ta’ kriżi li tirriżulta minn immigrazzjoni massiva tista’ tiġi ddikjarata:

a)

jekk in-numru ta’ applikanti għall-ażil li jaslu fl-Ungerija jaqbeż, bħala medja:

aa) 500 persuna kuljum matul xahar;

bb) 750 persuna kuljum matul ġimagħtejn konsekuttivi; jew

ac) 800 persuna kuljum matul ġimgħa;

b)

jekk in-numru ta’ persuni li jinsabu fiż-żoni ta’ tranżitu fl-Ungerija — bl-eċċezzjoni ta’ dawk li jagħtu assistenza liċ-ċittadini barranin — jeċċedi bħala medja:

ba) 1000 persuna kuljum għal xahar;

bb) 1500 persuna kuljum għal ġimagħtejn konsekuttivi; jew

bc) 1600 persuna kuljum matul ġimgħa;

c)

jekk, minbarra l-każijiet imsemmija fil-punti a) u b), ikun hemm ċirkustanza relatata ma’ tali sitwazzjoni migratorja li:

ca) thedded direttament is-sigurtà tal-fruntiera esterna Ungeriża, kif iddefinita fl-Artikolu 2(2) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen;

cb) thedded direttament is-sigurtà pubblika, l-ordni pubbliku jew is-saħħa pubblika fi ħdan strixxa ta’ territorju Ungeriż ta’ 60 metru b’effett mir-rotta tal-fruntiera esterna Ungeriża, kif iddefinita fl-Artikolu 2(2) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, jew sinjali ta’ delimitazzjoni tal-fruntiera, jew f’kull lokalità li tinsab fit-territorju Ungeriż, b’mod partikolari jekk kunflitti kbar jew atti ta’ vjolenza jitwettqu f’ċentru ta’ akkoljenza jew stabbiliment ta’ akkomodazzjoni għall-barranin li jinsabu fiż-żona b’hekk iddelimitata jew fl-imsemmija lokalità u jew fl-inħawi tagħha.

2.   Fuq l-inizjattiva tal-kap tal-pulizija nazzjonali u tal-kap tal-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil u fuq proposta tal-Ministru kompetenti, il-Gvern jista’ jiddikjara permezz ta’ digriet sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva. Din tista’ tkopri t-territorju Ungeriż kollu jew parti partikolari minnu.

[…]

4.   Id-digriet governattiv imsemmi fil-paragrafu 2 għandu jibqa’ fis-seħħ għal perijodu massimu ta’ sitt xhur, sakemm il-Gvern jestendi l-validità tiegħu. Il-Gvern jista’ jestendi l-validità tad-digriet imsemmi fil-paragrafu 2 jekk il-kundizzjonijiet applikabbli għad-dikjarazzjoni ta’ sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva jkunu ssodisfatti fil-mument tal-estensjoni.

[…]

6.   F’sitwazzjoni ta’ kriżi li tirriżulta minn immigrazzjoni massiva, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 80/B sa 80/G għandhom jiġu applikati biss fit-territorju ddefinit fid-digriet governattiv imsemmi fil-paragrafu 2, u biss sa fejn huwa neċessarju sabiex jiġu ttrattati l-kawżi profondi ta’ tali sitwazzjoni u li din tiġi ġestita.”

50

Skont l-Artikolu 80/H tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil:

“F’każ ta’ sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva, id-dispożizzjonijiet tal-Kapitoli I sa IV u V/A sa VIII għandhom jiġi applikati flimkien mad-derogi previsti fl-Artikoli 80/I sa 80/K”.

51

L-Artikolu 80/I ta’ din il-liġi jipprevedi li:

“Id-dispożizzjonijiet li ġejjin ma għandhomx jiġu applikati:

[…]

b) L-Artikolu 35(1) u (6).

[…]

i) l-Artikoli 71 sa 72.”

52

Skont l-Artikolu 80/J tal-imsemmija direttiva:

“1.   L-applikazzjoni għall-ażil għandha tiġi introdotta personalment quddiem l-awtorità kompetenti u esklużivament fiż-żona ta’ tranżitu, ħlief jekk l-applikant għall-ażil:

a)

huwa s-suġġett ta’ miżura koerċittiva, ta’ miżura jew ta’ kundanna li tirrestrinġi l-libertà individwali;

b)

huwa s-suġġett ta’ miżura ta’ detenzjoni ordnata mill-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil;

c)

jirrisjedi legalment fit-territorju Ungeriż u ma jitlobx akkomodazzjoni f’ċentru ta’ akkoljenza.

2.   L-applikant għall-ażil huwa suġġett għall-proċedura ta’ ażil mill-introduzzjoni tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali quddiem l-awtorità kompetenti, san-notifika tad-deċiżjoni adottata fit-tmiem tal-proċedura meta din ma tkunx tista’ tiġi kkontestata iktar.

3.   Il-pulizija teskorta ċ-ċittadin barrani li jirrisjedi irregolarment fit-territorju Ungeriż li jiddikjara l-intenzjoni tiegħu li jippreżenta applikazzjoni għall-ażil lil hinn mill-portal ta’ installazzjoni intiża sabiex tipproteġi l-ordni fil-fruntiera, kif previst mill-az államhatárról szóló 2007. évi LXXXIX. törvény (il-Liġi Nru LXXXIX tal-2007 dwar il-Fruntieri tal-Istat). Il-persuna kkonċernata tista’ tissottometti l-applikazzjoni tagħha għall-ażil skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1.

4.   Matul il-tul tal-proċedura, l-applikanti għall-ażil li jirrisjedu fiż-żona ta’ tranżitu ma jibbenefikawx mid-drittijiet previsti fl-Artikolu 5(1)(a) u (c).

5.   L-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil tassenja lill-applikant għall-ażil iż-żona ta’ tranżitu bħala l-post ta’ residenza tiegħu, sakemm isir eżekuttiv id-digriet ta’ trasferiment skont ir-Regolament [Nru 604/2013] jew id-deċiżjoni ma tkunx tista’ tiġi kkontestata iktar. L-applikant għall-ażil jista’ jitlaq miż-żona ta’ tranżitu billi jaqsam il-portal tal-ħruġ.

6.   Jekk l-applikant għall-ażil huwa minorenni mhux akkumpanjat ta’ inqas minn 14-il sena, l-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil għandha twettaq il-proċedura tal-ażil konformement mar-regoli ġenerali, wara d-dħul tal-minorenni fil-pajjiż. Hija għandha ssiblu mingħajr dewmien akkomodazzjoni temporanja u titlob fl-istess ħin lill-awtorità kompetenti fil-qasam tat-tutela li taħtar tutur responsabbli mill-protezzjoni u r-rappreżentanza tal-minorenni. It-tutur għandu jinħatar fit-tmient ijiem sussegwenti għall-wasla tal-applikazzjoni tal-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil. L-awtorità kompetenti fil-qasam tat-tutela għandha tikkomunika mingħajr dewmien l-isem tat-tutur maħtur lill-minorenni mhux akkumpanjat u lill-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil”.

53

Skont l-Artikolu 80 tal-istess liġi:

“1.   Deċiżjoni ta’ ċaħda li hija mmotivata mill-inammissibbiltà tat-talba, jew li ngħatat fil-kuntest ta’ proċedura mħaffa, tista’ tiġi kkontestata f’terminu ta’ tlett ijiem. L-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil għandha tibgħat lill-qorti, fi żmien tlett ijiem, ir-rikors, flimkien ma’ dokumenti relatati mal-każ u mar-risposta.

2.   L-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil għandha tieħu deċiżjoni abbażi tal-informazzjoni li hija jkollha quddiemha, jew tagħlaq il-proċedura, jekk l-applikant għall-ażil:

[…]

d) jitlaq miż-żona ta’ tranżitu.

[…]

4.   Id-deċiżjoni li ttemm il-proċedura skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu ma tistax tiġi kkontestata fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva kontenzjuża.

[…]

7.   Id-deċiżjonijiet indirizzati lill-applikanti għall-ażil li jkunu telqu miż-żona ta’ tranżitu jiġu nnotifikati lilhom permezz ta’ avviż. […]

[…]

10.   Wara notifika ta’ deċiżjoni li ma tistax tiġi appellata, l-applikant għall-ażil għandu jitlaq miż-żona ta’ tranżitu.

11.   Jekk l-applikant għall-ażil jippreżenta mill-ġdid applikazzjoni meta deċiżjoni definittiva ta’ għeluq jew ta’ ċaħda tkun ingħatat fuq l-applikazzjoni preċedenti tiegħu, huwa jitlef il-benefiċċju tad-drittijiet previsti fl-Artikolu 5(1)(a) sa (c).”

Il-Liġi dwar il-Fruntieri tal-Istat

54

L-Artikolu 5/A tal-államhatárról szóló, 2007. évi LXXXIX (il-Liġi Nru LXXXIX 2007 dwar il-Fruntieri tal-Istat tal-2007, (Magyar Közlöny 2007/88, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Fruntieri tal-Istat”) jipprevedi:

“1.   Skont din il-liġi, huwa possibbli li jintużaw, fit-territorju Ungeriż, strixxa ta’ 60 metru b’effett mil-linja tal-fruntiera esterna kif iddefinita fl-Artikolu 2(2) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, jew sinjali li jimmarkaw il-fruntiera, sabiex jinbnew, jiddaħħlu u joperaw faċilitajiet intiżi għall-protezzjoni tal-ordni fil-fruntiera — inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 15/A –, u sabiex jitwettqu l-kompiti dwar id-difiża u s-sigurtà nazzjonali, il-ġestjoni tal-katastrofi, is-sorveljanza tal-fruntieri, l-ażil u l-pulizija migratorja.

1 a.   Il-pulizija tista’, fit-territorju Ungeriż, twaqqaf liċ-ċittadini barranin li jirrisjedu irregolarment fit-territorju Ungeriż, ġewwa strixxa ta’ 8 km mil-linja tal-fruntiera esterna kif iddefinita fl-Artikolu 2(2) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jew sinjali li jimmarkaw il-fruntiera, u teskortahom lil hinn mill-portal tal-installazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, ħlief fil-każ ta’ suspett ta’ ksur.

1 b.   F’sitwazzjoni ta’ kriżi li tirriżulta minn immigrazzjoni massiva, il-pulizija tista’, fit-territorju Ungeriż, twaqqaf liċ-ċittadini barranin li jkunu jirrisjedu irregolarment fit-territorju Ungeriż u teskortahom lil hinn mill-portal tal-installazzjoni li tinsab l-iktar viċin imsemmija fil-paragrafu 1, ħlief fil-każ ta’ suspett ta’ ksur.

[…]”

55

L-Artikolu 15/A ta’ din il-liġi jistabbilixxi:

“1.   Żona ta’ tranżitu tista’ tiġi stabbilita fiż-żona msemmija fl-Artikolu 5(1) sabiex isservi bħala post ta’ residenza temporanja lill-persuni li japplikaw biex jibbenefikaw mill-ażil jew mill-protezzjoni sussidjarja […] u bħala l-post fejn jiżvolġu l-proċeduri fil-qasam tal-ażil u tal-pulizija tal-immigrazzjoni u li fiha jinsabu l-faċilitajiet meħtieġa għal dan il-għan.

2.   L-applikant għall-ażil li jkun qiegħed fiż-żona ta’ tranżitu jista’ jidħol fit-territorju Ungeriż:

a)

jekk l-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil tieħu deċiżjoni li tagħti l-protezzjoni internazzjonali;

b)

jekk jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tar-regoli ġenerali li jirrigwardaw il-proċedura ta’ ażil, jew

c)

jekk ikun neċessarju li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 71/A(4) u (5) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil.

2 bis.   F’sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva, id-dħul fit-territorju Ungeriż ta’ applikant għall-ażil li jkun jinsab fiż-żona ta’ tranżitu jista’ jiġi awtorizzat fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu (2)(a) u (b).

3.   Fiż-żona ta’ tranżitu, il-korpi pubbliċi għandhom iwettqu l-funzjonijiet tagħhom u għandhom jeżerċitaw is-setgħa tagħhom skont il-liġijiet applikabbli għalihom.

4.   Kuntrarjament għad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, f’sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva, installazzjoni li tinsab f’post differenti minn dak indikat fl-Artikolu 5(1) tista’ wkoll tiġi indikata bħala żona ta’ tranżitu.”

Il-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva Kontenzjuża

56

L-Artikolu 39(6) tal-közigazgatási perrendtartásról szóló 2017. évi I. törvény (il-Liġi Nru I tal-2017 dwar il-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva Kontenzjuża) (Magyar Közlöny 2017/30, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva Kontenzjuża”) jipprevedi:

“Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet kuntrarji previsti f’din il-liġi, ir-rikors ma għandux l-effett li jissospendi d-dħul fis-seħħ tal-att amministrattiv.”

57

L-Artikolu 50 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali jipprevedi:

“1.   Kull persuna li d-dritt jew l-interess leġittimu tagħha nkiser b’azzjoni tal-amministrazzjoni jew biż-żamma ta’ sitwazzjoni li tirriżulta minn din l-azzjoni tista’ tressaq, fi kwalunkwe stadju tal-proċedura, talba għal protezzjoni ġudizzjarja immedjata quddiem il-qorti kompetenti adita, sabiex jiġi evitat li jseħħ riskju imminenti ta’ dannu, tikseb deċiżjoni provviżorja dwar ir-relazzjoni ġuridika kkontestata jew iż-żamma tas-sitwazzjoni li tat lok għat-tilwima.

2.   Fil-kuntest ta’ talba għal protezzjoni immedjata, huwa possibbli li jintalab:

a)

l-effett sospensiv,

[…]”

Id-digriet ta’ applikazzjoni tal-Liġi Dritt għall-Ażil:

58

L-Artikolu 33 tal-a menedékjogról szóló 2007. évi LXXX. törvény végrehajtásáról szóló, 301/2007. (XI. 9.) Korm. rendelet (Digriet tal-Gvern 301/2007. (XI. 9.), dwar l-implimentazzjoni tal-Liġi dwar l-Implimentazzjoni tad-Dritt għall-Ażil) (Magyar Közlöny 2007/151, iktar ’il quddiem id-“digriet ta’ applikazzjoni tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil”) jipprevedi:

“1.   Jekk dan ikun iġġustifikat fid-dawl tas-sitwazzjoni individwali tal-applikant għall-ażil li jeħtieġ trattament speċjali, l-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil hija obbligata li tiżgura li dan jibbenefika minn akkomodazzjoni separata fiċ-ċentru ta’ akkoljenza.

2.   Sa fejn huwa possibbli — għandu jiġi żgurat li l-unità tal-familja tinżamm ukoll fil-każ fejn persuna li teħtieġ trattament speċjali tibbenefika minn akkomodazzjoni separata.”

59

L-Artikolu 34(1) ta’ dan id-digriet jipprevedi:

“Minbarra d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 26 u 27, l-applikanti għall-ażil li jeħtieġu trattament speċjali — sa fejn dan huwa neċessarju, fid-dawl tas-sitwazzjoni individwali tagħhom u abbażi, ukoll, ta’ perizja medika — għandhom id-dritt li jaċċedu mingħajr ħlas għal benefiċċji tas-saħħa ġġustifikati fid-dawl tal-istat ta’ saħħa tagħhom, għal miżuri ta’ riabilitazzjoni, għal kura psikoloġika, inkluż kura psikoloġika klinika, kif ukoll trattament psikoterapewtiku.”

Il-proċedura prekontenzjuża

60

Fil‑11 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lill-Ungerija fejn ikkritikat lil dan l-Istat Membru li kiser, b’mod partikolari, l-Artikolu 46(1), (3), (5) u (6) tad-Direttiva 2013/32.

61

L-Ungerija rrispondiet għal din l-ittra ta’ intimazzjoni billi sostniet li l-leġiżlazzjoni tagħha kienet kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

62

Fis‑7 ta’ Marzu 2017, l-Ungerija adottat il-Liġi Nru XX tal-2017. Il-Kummissjoni qieset li din il-liġi kienet ta’ natura li toħloq tħassib supplimentari meta mqabbel ma’ dak li kien diġà ġie espost fl-imsemmija ittra ta’ intimazzjoni.

63

Fit‑18 ta’ Mejju 2017, il-Kummissjoni għaldaqstant bagħtet ittra ta’ intimazzjoni supplimentari lill-Ungerija li permezz tagħha kkritikatha li ma osservatx l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 5, l-Artikolu 6(1), l-Artikolu 12(1) u l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/115, l-Artikoli 3, 6 u 7, l-Artikolu 24(3), l-Artikolu 31(8), l-Artikoli 33, 38, 43 u l-Artikolu 46(1), (3), (5) u (6) tad-Direttiva 2013/32, kif ukoll l-Artikoli 2, 8, 9, 11 u l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2013/33 moqrija flimkien mal-Artikolu 2(g) kif ukoll mal-Artikolu 17(3) u (4) ta’ din l-istess direttiva, u finalment mal-Artikoli 6, 18 u 47 tal-Karta.

64

Permezz ta’ ittra tat‑18 ta’ Lulju 2017, l-Ungerija rrispondiet għal din l-ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali, qabel ma kkompletat ir-risposta tagħha fit‑2 ta’ Ottubru u fl‑20 ta’ Novembru 2017. Filwaqt li ddikjara li l-leġiżlazzjoni tiegħu kienet kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, dan l-Istat Membru madankollu emendaha fuq ċerti punti partikolari.

65

Fit‑8 ta’ Diċembru 2017, il-Kummissjoni bagħtet lill-Ungerija opinjoni motivata, li ġiet innotifikata lilha fl-istess jum, li fiha ddikjarat li dan l-Istat Membru ma kienx osserva l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 5, l-Artikolu 6(1), l-Artikolu 12(1) u l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/115, l-Artikoli 3 u 6, l-Artikolu 24(3), l-Artikolu 43 u l-Artikolu 46(3), (5) u (6) tad-Direttiva 2013/32, kif ukoll l-Artikolu 2(h) u l-Artikoli 8, 9 u 11 tad-Direttiva 2013/33, moqrija flimkien mal-Artikoli 6, 18 u 47 tal-Karta:

billi llimitat, waqt il-proċedura ta’ rikors kontra deċiżjoni li tiċħad l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, l-eżami previst fl-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 għall-fatti u għall-punti ta’ liġi eżaminati fil-kuntest tal-adozzjoni tad-deċiżjoni,

billi ma ttrasponietx fid-dritt nazzjonali l-Artikolu 46(5) tad-Direttiva 2013/32 u billi adottat dispożizzjonijiet li jidderogaw mir-regola ġenerali tal-“effett sospensiv awtomatiku” tar-rikors ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali f’sitwazzjonijiet li ma jaqgħux taħt l-Artikolu 46(6) ta’ din l-istess direttiva;

billi tmexxi, bil-forza, lil hinn mill-għeluq tal-fruntiera ċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment fit-territorju Ungeriż mingħajr ma tosserva l-proċeduri u l-garanziji stabbiliti fl-Artikolu 5, fl-Artikolu 6(1), fl-Artikolu 12(1) u fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/115,

billi tipprevedi li l-applikazzjoni għall-ażil għandha tiġi introdotta personalment quddiem l-awtorità kompetenti, u esklużivament fiż-żona ta’ tranżitu,

billi tipprevedi li għandha tapplika għall-applikanti għall-ażil kollha, bl-eċċezzjoni tal-ulied ta’ taħt l-14-il sena, proċedura li r-riżultat tagħha huwa li dawn l-applikanti għall-ażil għandhom jibqgħu f’detenzjoni matul il-proċedura ta’ ażil kollha fl-installazzjonijiet ta’ żona ta’ tranżitu li minnhom jistgħu jitilqu biss billi jieħdu d-direzzjoni lejn is-Serbja, u ma takkumpanjax din id-detenzjoni b’garanziji xierqa,

billi tnaqqas minn tmienja għal tlett ijiem it-terminu stabbilit għat-tressiq ta’ talba għal stħarriġ tad-deċiżjonijiet tal-ewwel livell li jiċħdu applikazzjoni għall-ażil.

66

Fit‑8 ta’ Frar 2018, l-Ungerija rrispondiet għall-opinjoni motivata tal-Kummissjoni, billi affermat mill-ġdid li, fil-fehma tagħha, il-leġiżlazzjoni tagħha kienet konformi mad-dritt tal-Unjoni.

67

Fil‑21 ta’ Diċembru 2018, peress li ma kinitx konvinta mill-osservazzjonijiet ifformulati mill-Ungerija, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

Fuq ir-rikors

Osservazzjonijiet preliminari

68

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ kif kienet is-sitwazzjoni tal-Istat Membru fi tmiem dan it-terminu stabbilit fl-opinjoni mmotivata (sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2020, Il-Kummissjoni vs L-Italja (Direttiva kontra l-ħlas tard), C‑122/18, EU:C:2020:41, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata). Konsegwentement, huwa fid-dawl tal-istat tal-leġiżlazzjoni interna fis-seħħ f’din id-data li jeħtieġ li tiġi evalwata l-eżistenza jew le ta’ nuqqas allegat ta’ twettiq ta’ obbligu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (Artikolu 260(3) TFUE - Networks broadband), C‑543/17, EU:C:2019:573, punti 23 u 24).

69

Waqt is-seduta, l-Ungerija kkonfermat li, fi tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata li kienet intbagħtitilha mill-Kummissjoni, jiġifieri fit‑8 ta’ Frar 2018, id-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru XX tal-2017 kienu applikabbli fit-territorju Ungeriż kollu, peress li l-applikazzjoni tad-digriet governattiv li kien iddikjara, fit-territorju kollu tagħha, “sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva”, fis-sens tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, ġiet estiża tal-inqas sa din id-data.

70

Minn dan isegwi li, fil-kuntest tal-eżami tal-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Ungeriża mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-Kummissjoni tqis li nkisru mill-Ungerija, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-emendi li saru lil din il-leġiżlazzjoni permezz tal-Liġi Nru XX tal-2017.

Fuq l-ewwel ilment, dwar l-aċċess għall-proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali

L-argumenti tal-partijiet

71

Il-Kummissjoni tqis li l-Ungerija kisret l-Artikoli 3 u 6 tad-Direttiva 2013/32 billi rrikjediet li l-applikazzjoni għall-ażil tiġi ppreżentata personalment u esklużivament fiż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke (l-Ungerija) u ta’ Tompa (l-Ungerija), li għalihom l-aċċess ġie limitat ħafna mill-awtoritajiet Ungeriżi.

72

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tosserva li, meta sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva tkun ġiet iddikjarata, l-Artikolu 80/J(1) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, introdott bil-Liġi Nru XX tal-2017, jimponi, bħala prinċipju, li kull applikazzjoni għall-ażil titressaq, personalment, fiż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa, fil-fruntiera Serbo-Ungeriża.

73

Il-Kummissjoni ssostni, barra minn hekk, li l-awtoritajiet Ungeriżi jawtorizzaw biss numru limitat ħafna ta’ dħul ta’ kuljum f’kull waħda minn dawn iż-żoni ta’ tranżitu. B’hekk ġie stabbilit li, mit‑23 ta’ Jannar 2018, persuna waħda għal kull jum tista’ tidħol f’kull waħda mill-imsemmija żoni ta’ tranżitu, u dan joħloq perijodu ta’ stennija ta’ diversi xhur qabel ma tkun tista’ tidħol f’waħda minnhom sabiex tippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

74

L-ammissjoni f’kull waħda miż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa ssir abbażi ta’ lista ta’ stennija informali, li tiġi trażmessa minn “kapijiet ta’ komunità” lill-awtoritajiet Ungeriżi. Peress li l-ebda infrastruttura ma teżisti fuq l-istrixxa ta’ art li tissepara l-fruntiera Serbo-Ungeriża minn dawn iż-żoni ta’ tranżitu, ftit persuni jistennew quddiem id-dħul ta’ dawn tal-aħħar, filwaqt li l-maġġoranza tagħhom jirrisjedu fl-irħula Serbi tal-madwar.

75

Fit-tieni lok, Il-Kummissjoni tosserva li mill-Artikoli 3 u 6 tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jaraw li kull persuna li tixtieq tikseb protezzjoni internazzjonali tista’ tippreżenta applikazzjoni f’dan is-sens fit-territorju tagħhom u li jkollha aċċess, wara li tasal fit-territorju tagħhom, għall-proċedura tal-għoti tal-imsemmija protezzjoni. Dan ir-rekwiżit japplika jkun liema jkun il-pajjiż terz li fit-territorju tiegħu l-applikant jasal fil-fruntiera ta’ Stat Membru.

76

Issa l-Ungerija, billi tawtorizza biss il-persuni li jkunu jinsabu fiż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa jippreżentaw u jirreġistraw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali kif ukoll billi tirrestrinġi b’mod estremament strett l-aċċess għal dawn iż-żoni, ma tagħtix lill-persuni li jinsabu fil-fruntieri tagħha l-possibbiltà li jippreżentaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u li jirreġistraw tali applikazzjoni fit-terminu previst mid-Direttiva 2013/32.

77

Skont il-Kummissjoni, indipendentement min-numru eżatt ta’ persuni li qed jistennew, sistema li tissuġġetta d-dritt għar-reġistrazzjoni, mogħti mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 2013/32 għal kundizzjoni ta’ preżentazzjoni tal-applikazzjoni f’post speċifiku, li għalih l-aċċess huwa limitat fuq perijodu twil, ma hijiex konformi mar-rekwiżit, stabbilit fl-istess artikolu, li skontu l-aċċess għall-proċedura għandu jkun żgurat fi żmien xieraq.

78

L-Ungerija twieġeb, fl-ewwel lok, li l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali ma għandhomx id-dritt li jagħżlu l-pajjiż ta’ ażil tagħhom u li parti mill-persuni li jippreżentaw ruħhom fil-fruntieri tagħha ma jaħarbux minn persekuzzjonijiet li jhedduhom direttament.

79

Barra minn hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, mhux biss l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32, iżda wkoll il-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-artikolu, li juru li l-leġiżlatur tal-Unjoni jawtorizza lill-Istati Membri li jirrikjedu li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali jippreżenta l-applikazzjoni tiegħu personalment f’post indikat, li jimplika neċessarjament li jista’ jkun impossibbli li jiġi ppreżentat, fl-istess ħin, numru kbir ħafna ta’ applikazzjonijiet.

80

Barra minn hekk, id-Direttiva 2013/32 ma tiddeterminax in-numru ta’ postijiet li fihom kull Stat Membru għandu jiżgura l-possibbiltà li jippreżenta applikazzjonijiet għal ażil. Skont l-Ungerija, fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, kienu jeżistu, fit-territorju tagħha, żewġ żoni ta’ tranżitu, li jinsabu rispettivament f’Röszke u f’Tompa, fuq l-itinerarju tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali u li fihom kien possibbli li jiġu introdotti tali applikazzjonijiet. Barra minn hekk, il-parti l-kbira tal-persuni li jidħlu illegalment fl-Ungerija jippruvaw jaqsmu l-fruntiera Serbo-Ungeriża viċin dawn iż-żoni ta’ tranżitu, b’tali mod li seta’ jkun raġonevolment mistenni minn dawn il-persuni li huma jintroduċu l-applikazzjoni tagħhom fl-imsemmija żoni ta’ tranżitu.

81

Għaldaqstant id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix l-Artikolu 80/J(1) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, li japplika biss, barra minn hekk, fil-każ ta’ dikjarazzjoni ta’ “sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva”.

82

L-Ungerija tosserva, barra minn hekk, li tali sitwazzjoni ta’ kriżi tista’ tiġi ddikjarata, b’mod partikolari, għaliex rekwiżiti nazzjonali fil-qasam tal-ordni pubbliku u tas-sigurtà interna jiġġustifikawha. Issa, f’dan il-każ, twettqu iktar minn 17000 reat marbuta mal-immigrazzjoni illegali fl-Ungerija fl-2018. L-obbligu li tiġi ppreżentata applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fiż-żoni ta’ tranżitu jsaħħaħ b’hekk l-effikaċja tal-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u jissodisfa r-rekwiżit ta’ protezzjoni tal-fruntieri taż-żona Schengen.

83

Barra minn hekk, l-Artikolu 80/J(1) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil jipprevedi eċċezzjonijiet għall-obbligu li tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għall-ażil f’dawn iż-żoni ta’ tranżitu. Il-persuni li jirrisjedu legalment fit-territorju Ungeriż jistgħu b’hekk iressqu l-applikazzjoni tagħhom fi kwalunkwe post f’dan it-territorju.

84

Barra minn hekk, ladarba l-applikazzjoni tiġi ppreżentata fiż-żona ta’ tranżitu kkonċernata, il-proċedura tinbeda konformement mar-regoli ġenerali. L-Artikolu 32/D tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil jiggarantixxi b’hekk li, wara l-preżentazzjoni tal-applikazzjoni, l-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil tiftaħ immedjatament din il-proċedura. Ir-reġistrazzjoni tal-imsemmija applikazzjoni konsegwentement isseħħ immedjatament wara li tkun ġiet ippreżentata fiż-żona ta’ tranżitu kkonċernata, jew fi kwalunkwe każ, sa mhux iktar tard minn 24 siegħa, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32.

85

L-Ungerija tikkontesta, fit-tieni lok, il-fatt li l-aċċess għaż-żoni ta’ tranżitu kien ġie ristrett. Barra minn hekk, minkejja li l-awtoritajiet Ungeriżi jafu bil-prattika li l-applikanti għall-ażil li fis-Serbja jaċċedu għall-proċedura ta’ ażil jew li jibbenefikaw minn assistenza f’dan l-Istat terz jippreżentaw ruħhom quddiem dawn iż-żoni ta’ tranżitu f’ordni ddeterminat minnhom stess, skont listi redatti minnhom stess, mill-awtoritajiet Serbi jew minn ċerti organizzazzjonijiet, l-awtoritajiet Ungeriżi ma għandhom madankollu ebda influwenza fuq l-ordni hekk stabbilit u assolutament ma jipparteċipawx fir-redazzjoni u lanqas fl-użu ta’ tali listi.

86

Fl-aħħar nett, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, l-assenza ta’ kjuwijiet twal quddiem id-dħul ta’ żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa huwa spjegat mill-fatt li l-persuni kkonċernati huma diġà suġġetti għal proċedura ta’ ażil pendenti fis-Serbja u jibbenefikaw minn assistenza f’dan l-Istat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

87

Permezz tal-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni tikkritika, essenzjalment, lill-Ungerija talli kisret l-Artikoli 3 u 6 tad-Direttiva 2013/32, billi awtorizzat biss numru żgħir ħafna ta’ persuni sabiex jaċċedu kuljum, mis-Serbja, għaż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa, li jinsabu qrib il-fruntiera Serbo-Ungeriża, minkejja li l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali jistgħu jiġu ppreżentati biss personalment u f’dawn iż-żoni ta’ tranżitu.

88

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, l-ewwel, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2013/32, din id-direttiva tapplika għall-applikazzjonijiet kollha għal protezzjoni internazzjonali magħmula fit-territorju tal-Istati Membri, inkluż fil-fruntiera, fl-ilmijiet territorjali jew f’żona ta’ tranżitu ta’ dawn tal-aħħar.

89

It-tieni nett, l-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Aċċess għall-proċedura”, jipprevedi, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu, li, meta persuna tippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali lil awtorità kompetenti skont id-dritt nazzjonali għar-reġistrazzjoni ta’ tali applikazzjonijiet, ir-reġistrazzjoni għandha sseħħ mhux iktar tard minn tlett ijiem tax-xogħol wara l-preżentazzjoni tal-applikazzjoni. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jippreċiża li, jekk l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ssir lil awtoritajiet oħra li jistgħu jirċievu applikazzjonijiet bħal dawn, iżda li ma għandhomx il-kompetenza taħt il-liġi nazzjonali sabiex jirreġistrawhom, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reġistrazzjoni ssir mhux iktar tard minn sitt ijiem tax-xogħol wara l-preżentazzjoni tal-applikazzjoni.

90

B’dan il-mod, il-leġiżlatur tal-Unjoni adotta interpretazzjoni wiesgħa tal-awtoritajiet li, mingħajr ma huma kompetenti sabiex jirreġistraw applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, jistgħu madankollu jirċievu tali applikazzjonijiet, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32. B’hekk, awtorità nazzjonali għandha, bħala prinċipju, titqies bħala tali, jekk huwa plawżibbli li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiġi ppreżentata lilha minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew minn persuna mingħajr stat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Ministerio Fiscal (Awtorità li tista’ tirċievi applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali), C‑36/20 PPU, EU:C:2020:495, punti 57 sa 59). Barra minn hekk, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jsemmi, espressament, bħala li jikkostitwixxi tali awtoritajiet, is-servizzi tal-pulizija, il-gwardji tal-fruntiera, l-awtoritajiet responsabbli mill-immigrazzjoni u l-uffiċjali taċ-ċentri ta’ detenzjoni.

91

It-tielet nett, meta, minħabba n-numru kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew ta’ persuni mingħajr stat li fl-istess ħin jitolbu protezzjoni internazzjonali, huwa fil-prattika diffiċli ħafna li jiġu osservati t-termini stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva, l-Artikolu 6(5) tal-istess direttiva jippermetti, bħala deroga, lill-Istati Membri, li jirreġistraw l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali f’terminu ta’ għaxart ijiem ta’ xogħol wara l-preżentazzjoni tagħhom.

92

Ir-raba’ nett, għandu jingħad ukoll li, skont l-Artikolu 6(2) u (3) tad-Direttiva 2013/32, il-persuni li ppreżentaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandu jkollhom il-possibbiltà konkreta li jippreżentawha fl-iqsar żmien possibbli, bil-kundizzjoni li, mingħajr preġudizzju għal tali dritt, l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li tali applikazzjoni tiġi ppreżentata personalment u/jew f’post indikat għal dan il-għan.

93

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Istati Membri huma, b’mod ġenerali, marbuta li jirreġistraw, f’terminu stabbilit fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2013/32, kull applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali magħmula minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew mingħajr stat lill-awtoritajiet nazzjonali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u li għandhom sussegwentement jiżguraw li l-persuni kkonċernati jibbenefikaw mill-possibbiltà konkreta li jressqu l-applikazzjoni tagħhom fl-iqsar żmien (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2018, Hasan, C‑360/16, EU:C:2018:35, punt 76).

94

Madankollu, għandu jiġi enfasizzat, fit-tieni lok, li, kif ikkonfermat il-Kummissjoni waqt is-seduta, l-ewwel ilment tagħha ma jirrigwardax il-proċedura ta’ reġistrazzjoni jew ta’ preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala tali, iżda l-modalitajiet li bihom tali applikazzjoni għandha, minn qabel, tkun tista’ tiġi ppreżentata lill-awtoritajiet Ungeriżi.

95

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, l-ewwel nett, mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jiggarantixxu d-dritt, għal kull ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat, li jippreżenta, f’ismu stess jew permezz ta’ terz, applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

96

Dan l-Artikolu 7 jagħti, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, għaldaqstant, lil kull ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat id-dritt li jippreżenta applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, inklużi fil-fruntieri ta’ Stat Membru jew fiż-żoni ta’ tranżitu tiegħu. F’dan ir-rigward, għalkemm huwa minnu li, kif tosserva l-Ungerija, l-Artikolu 6(3) tal-imsemmija direttiva jawtorizza lill-Istati Membri jimponu li l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali jiġu ppreżentati f’post indikat, għandu jiġi rrilevat li ebda dispożizzjoni tal-istess direttiva ma tistabbilixxi regola simili fir-rigward tal-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali.

97

Tali applikazzjoni, barra minn hekk, titqies li ġiet ippreżentata malli l-persuna kkonċernata tkun uriet, quddiem waħda mill-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32, ir-rieda tagħha li tibbenefika mill-protezzjoni internazzjonali, mingħajr ma l-manifestazzjoni ta’ din ir-rieda ma tkun tista’ tiġi suġġetta għal ebda formalità amministrattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Ministerio Fiscal (Awtorità li tista’ tirċievi applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali), C‑36/20 PPU, EU:C:2020:495, punti 93 u 94).

98

Għaldaqstant, mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta li kull ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għandu d-dritt li jippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali lil waħda mill-awtoritajiet imsemmija f’dan l-artikolu, billi juri, ma’ waħda minnhom, ir-rieda tiegħu li jibbenefika minn protezzjoni internazzjonali.

99

It-tieni, għandu jiġi enfasizzat li l-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali lil waħda mill-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2013/33 tikkostitwixxi stadju essenzjali fil-proċedura tal-għoti tal-protezzjoni internazzjonali.

100

Fil-fatt, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew mingħajr stat jikseb il-kwalità ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2013/32, hekk kif jippreżenta tali applikazzjoni (sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Ministerio Fiscal (Awtorità li tista’ tirċievi applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali), C‑36/20 PPU, EU:C:2020:495, punt 92).

101

Barra minn hekk, huwa mid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li jibda jiddekorri t-terminu li fih din l-applikazzjoni għandha tiġi rreġistrata, konformement mal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, u li l-applikant għandu jitqiegħed f’pożizzjoni li jippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali fl-iqsar żmien possibbli, kif jirrikjedi l-Artikolu 6(2) tal-imsemmija direttiva. Għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-preżentazzjoni ta’ din l-applikazzjoni tagħti lok għad-dekorrenza tat-terminu li fih, skont l-Artikolu 31 tal-istess direttiva, l-awtorità responsabbli mid-determinazzjoni għandha, bħala prinċipju, tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

102

Id-dritt li tiġi ppreżentata tali applikazzjoni jikkundizzjona għaldaqstant ir-rispett effettiv tad-drittijiet sabiex din l-applikazzjoni tiġi rreġistrata u tkun tista’ tiġi introdotta u eżaminata fit-termini stabbiliti mid-Direttiva 2013/32 u, b’mod definittiv, l-effettività tad-dritt għall-ażil, kif iggarantit mill-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

103

Għaldaqstant, Stat Membru ma jistax, mingħajr ma jikser l-effett utli tal-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, idewwem, b’mod mhux iġġustifikat, il-mument li fih il-persuna kkonċernata tingħata l-opportunità tippreżenta l-applikazzjoni tagħha għal protezzjoni internazzjonali.

104

It-tielet nett, għandu jitfakkar li l-għan stess tal-imsemmija direttiva, b’mod partikolari dak tal-Artikolu 6(1) tagħha, huwa li jiġi ggarantit aċċess effettiv, faċli u rapidu għall-proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali (sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Ministerio Fiscal (Awtorità li tista’ tirċievi applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali), C‑36/20 PPU, EU:C:2020:495, punt 82).

105

L-Artikolu 8(1) tal-istess direttiva jikkonferma, mill-bqija, l-istess għan. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tiffaċilita l-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali billi timponi b’mod partikolari fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprovdu informazzjoni dwar il-possibbiltà li tiġi ppreżentata tali applikazzjoni lil kull ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat preżenti f’punt ta’ qsim tal-fruntieri esterni, inkluż żona ta’ tranżitu fil-fruntieri esterni, meta jkun hemm elementi li jagħtu x’jifhem li din il-persuna tista’ tkun tixtieq tressaq applikazzjoni simili.

106

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2013/32 jimponi fuq l-Istati Membri li jiggarantixxu li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jkunu f’pożizzjoni li jeżerċitaw b’mod effettiv id-dritt li jippreżentaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, inkluż fil-fruntieri tagħhom, hekk kif juru r-rieda tagħhom, sabiex din l-applikazzjoni tiġi rreġistrata u tkun tista’ tiġi introdotta u eżaminata fl-osservanza effettiva tat-termini stabbiliti minn din id-direttiva.

107

Għandu jiġi eżaminat jekk, f’dan il-każ, l-Ungerija kkonformatx ruħha ma’ tali rekwiżit.

108

F’dan ir-rigward, dan l-Istat Membru jikkonferma li l-Artikolu 80/J tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil jimponi fuq iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew il-persuni mingħajr stat li, meta jaslu mis-Serbja, jixtiequ jkollhom aċċess, fl-Ungerija, għall-proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali, mhux biss li jintroduċu, iżda wkoll li jippreżentaw l-applikazzjonijiet tagħhom għal protezzjoni internazzjonali f’waħda miż-żewġ żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa.

109

B’hekk, fl-osservazzjonijiet tagħha, l-Ungerija ppreċiżat li t-terminu stabbilit fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32 għar-reġistrazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ma jistax jibda jiddekorri sakemm l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali ma jkunux waslu f’waħda minn dawn iż-żoni ta’ tranżitu. Minn dan isegwi li l-preżentazzjoni tat-talbiet tagħhom tista’ ssir biss fl-imsemmija żoni, fatt li l-Ungerija wara kollox ikkonfermat waqt is-seduta.

110

Bil-benefiċċju ta’ din il-preċiżazzjoni preliminari, għandu jiġi eżaminat jekk, kif issostni l-Kummissjoni, l-awtoritajiet Ungeriżi wettqux limitazzjoni drastika tan-numru ta’ persuni li, fil-fatt, huma awtorizzati jidħlu kuljum f’kull żona ta’ tranżitu sabiex jippreżentaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

111

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, qabel kollox, li prassi amministrattiva tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu meta jkollha ċertu livell ta’ konsistenza u ta’ ġeneralità (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad‑9 ta’ Mejju 1985, Il-Kummissjoni vs Franza, 21/84, EU:C:1985:184, punt 13, u tal‑5 ta’ Settembru 2019, Il-Kummissjoni vs L-Italja (Batterju Xylella fastidiosa), C‑443/18, EU:C:2019:676, punt 74).

112

Barra minn hekk, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u li għandha tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-provi neċessarji sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tivverifika l-eżistenza ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, mingħajr ma tista’ tibbaża ruħha fuq kwalunkwe preżunzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑27 ta’ April 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑441/02, EU:C:2006:253, punt 48, u tat‑2 ta’ Mejju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Kroazja (Miżbla ta’ Biljane Donje), C‑250/18, mhux ippubblikata, EU:C:2019:343, punt 33). Huwa biss meta l-Kummissjoni tkun ipprovdiet biżżejjed provi li juru ċerti fatti li jinsabu fit-territorju tal-Istat Membru konvenut li dan tal-aħħar għandu jikkontesta b’mod sostanzjali u fid-dettall id-data hekk ippreżentata u l-konsegwenzi li jirriżultaw minnha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑26 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑494/01, EU:C:2005:250, punt 44, u tat‑28 ta’ Marzu 2019, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Sistema ta’ ġbir u ta’ trattament tal-ilma mormi), C‑427/17, mhux ippubblikata, EU:C:2019:269, punt 39).

113

Fir-rigward, b’mod partikolari, ilment dwar l-implementazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prova ta’ nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu tirrikjedi l-produzzjoni ta’ provi ta’ natura partikolari meta mqabbla ma’ dawk li normalment jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jirrigwarda biss il-kontenut ta’ dispożizzjoni nazzjonali u li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jista’ biss jiġi ppruvat permezz ta’ prova suffiċjentement dokumentata u ddettaljata tal-prassi allegata fil-konfront tal-amministrazzjoni u/jew tal-qrati nazzjonali u imputabbli lill-Istat Membru kkonċernat (sentenza tas‑27 ta’ April 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑441/02, EU:C:2006:253, punt 49, u tad‑9 ta’ Lulju 2015, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑87/14, EU:C:2015:449, punt 23).

114

F’dan il-każ, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Kummissjoni annettiet mar-rikors tagħha diversi rapporti li jissostanzjaw l-affermazzjoni tagħha li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew il-persuni mingħajr stat li jixtiequ jippreżentaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali quddiem l-awtoritajiet uffiċjali fiż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa kienu suġġetti għal terminu ta’ stennija ta’ diversi xhur, ikkawżat minn prattika kostanti u ġeneralizzata tal-awtoritajiet Ungeriżi, li kienet għadha applikabbli fi tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, jiġifieri t-8 ta’ Frar 2018 u li kienet tikkonsisti f’limitu ta’ dħul f’dawn iż-żewġ żoni ta’ tranżitu għal numru sinjifikattiv inqas ta’ persuna għal kull jum.

115

B’hekk, skont wieħed mit-tliet rapporti tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR), annessi mar-rikors tal-Kummissjoni, minn Ottubru 2015, l-awtoritajiet Ungeriżi ddeċidew li jillimitaw in-numru ta’ dħul ta’ kuljum awtorizzati f’kull waħda miż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa. Minn dawn it-tliet rapporti jirriżulta wkoll li n-numru ta’ dħul ta’ kuljum awtorizzat f’dawn iż-żoni ta’ tranżitu naqas b’mod progressiv u kostanti, b’tali mod li, matul l-2018, kienu biss żewġ persuni kuljum li kienu awtorizzati jidħlu f’kull waħda minn dawn iż-żoni ta’ tranżitu. Għandu jingħad ukoll, f’dan ir-rigward, li l-imsemmija rapporti għandhom rilevanza partikolari fir-rigward tar-rwol mogħti lill-UNHCR mill-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 137, Nru 2545 (1954)), li b’osservanza tagħha għandhom jiġu interpretati r-regoli tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw l-ażil (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Mejju 2019, Bilali, C‑720/17, EU:C:2019:448, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

116

Barra minn hekk, id-data li tinsab fl-istess rapporti tikkoinċidi, fil-parti l-kbira, mal-osservazzjonijiet irrilevati f’żewġ rapporti tal-2017 li joriġinaw, minn naħa, mir-rappreżentant speċjali tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-migrazzjoni u r-refuġjati u, min-naħa l-oħra, mill-Kumitat Ewropew għall-prevenzjoni tat-tortura u tal-pieni jew trattamenti inumani jew degradanti, annessi mar-rikors u li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża ruħha wkoll.

117

Apparti dan, mir-rapporti tal-UNHCR, annessi mar-rikors, jirriżulta li l-iffissar, mill-awtoritajiet Ungeriżi, ta’ numru massimu ta’ dħul ta’ kuljum awtorizzati f’kull waħda miż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa kellu bħala konsegwenza li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew il-persuni mingħajr stat, li kienu jinsabu fis-Serbja fil-viċinanza immedjata tal-fruntiera Serbo-Ungeriża u li xtaqu jippreżentaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fl-Ungerija, ġew ikkonfrontati b’terminu ta’ stennija li ma kienx waqaf milli jiżdied, u li, fi Frar 2018, kien ekwivalenti għal iktar minn 11-il xahar.

118

Minn dan isegwi li l-Kummissjoni wriet, b’mod suffiċjentement dokumentat u ddettaljat, l-eżistenza, fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, jiġifieri t-8 ta’ Frar 2018, ta’ prassi amministrattiva kostanti u ġeneralizzata tal-awtoritajiet Ungeriżi li għandha l-għan li tillimita l-aċċess għaż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa b’mod sistematiku u tant drastiku li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew il-persuni apolidi li, meta waslu mis-Serbja, xtaqu jaċċedu, fl-Ungerija, għall-proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali, kellhom jaffrontaw il-kważi impossibbiltà li jippreżentaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fl-Ungerija.

119

Issa, tali prassi amministrattiva hija inkompatibbli mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32.

120

Ebda argument imressaq mir-rikorrenti ma jista’ jikkontesta tali konklużjoni.

121

F’dan ir-rigward, għandu, qabel kollox, jiġi rrilevat li dan l-Istat Membru jikkontesta, ċertament, il-fatt li istruzzjonijiet amministrattivi kellhom l-għan li jillimitaw in-numru ta’ kuljum ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali li jistgħu jiġu ppreżentati f’kull waħda miż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa.

122

Madankollu, minbarra l-fatt li din l-asserzjoni hija formalment kontradetta mir-rapporti msemmija fil-punti 115 u 116 ta’ din is-sentenza, l-Ungerija ma spjegatx, b’mod suffiċjenti skont il-liġi, ir-raġuni għaliex, fl-assenza preżunta ta’ tali istruzzjonijiet, listi ta’ stennija, li hija ammettiet l-eżistenza tagħhom, kienu tfasslu sabiex jistabbilixxu l-ordni li fih il-persuni li jinsabu fis-Serbja, fil-viċinanza immedjata taż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa, u li jixtiequ jippreżentaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali f’dawn iż-żoni, jistgħu jidħlu f’dawn iż-żoni.

123

F’dan ir-rigward, u minkejja, kif sostniet l-Ungerija, l-awtoritajiet Ungeriżi, la pparteċipaw fit-tfassil ta’ dawn il-listi u lanqas ma influwenzaw l-ordni ta’ aċċess għaż-żoni ta’ tranżitu hekk stabbilit mill-imsemmija listi, jibqa’ l-fatt li l-eżistenza stess ta’ dawn tal-aħħar għandha titqies bħala l-konsegwenza inevitabbli tal-prattika kkonstatata fil-punt 118 ta’ din is-sentenza.

124

Barra minn hekk, l-argument tal-Ungerija li l-għajbien gradwali tal-kjuwijiet kbar ta’ stennija quddiem id-dħul tal’ dawn iż-żoni ta’ tranżitu juri li ma teżisti ebda restrizzjoni ta’ dħul fl-imsemmija żoni ta’ tranżitu, lanqas ma jista’ jintlaqa’.

125

Fil-fatt, ma huwiex ikkontestat li ebda infrastruttura ma hija disponibbli fuq l-istrixxa ta’ art li tissepara l-fruntiera Serbo-Ungeriża mill-portal ta’ dħul miż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa, b’tali mod li huwa estremament diffiċli li tibqa’ hemm għal perijodu twil. Barra minn hekk, kif enfasizzat ġustament il-Kummissjoni, mir-rapporti ppreżentati fl-anness tar-rikors tagħha jista’ jiġi dedott li l-importanza tal-kjuwijiet ta’ stennija quddiem id-dħul ta’ kull waħda miż-żoni ta’ tranżitu naqset mid-data li fiha l-listi ta’ stennija, imsemmija fil-punt 122 ta’ din is-sentenza, dehru, peress li huma biss il-persuni mqiegħda f’ordni utli f’dawn il-listi li kienu jistgħu, mill-awtoritajiet Serbi, jidħlu fuq l-istrixxa ta’ art li tifred il-fruntiera Serbo-Ungeriża mill-portal ta’ dħul taż-żona ta’ tranżitu kkonċernata, lejliet id-data li fiha huwa previst li dawn il-persuni jistgħu jidħlu f’din iż-żona ta’ tranżitu.

126

Minn dan isegwi li t-tneħħija tal-kjuwijiet kbar ta’ stennija quddiem id-dħul taż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa ma tistax tikkontesta l-konstatazzjoni li l-awtoritajiet Ungeriżi ddeċidew li jillimitaw drastikament l-aċċess għal dawn iż-żoni.

127

Fl-aħħar nett, għalkemm, kif tfakkar l-Ungerija, huma ċertament l-Istati Membri li għandhom jiżguraw, b’mod partikolari, il-qsim regolari tal-fruntieri esterni, konformement mar-Regolament 2016/399, l-osservanza ta’ tali obbligu ma tistax madankollu tiġġustifika li l-Istati Membri jiksru l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2013/32.

128

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tagħha, billi pprevediet li l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat li, meta jaslu mis-Serbja, jixtiequ jaċċedu, fit-territorju tagħha, għall-proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali, jistgħu jiġu ppreżentati biss fiż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa, filwaqt li adottat prattika amministrattiva kostanti u ġġeneralizzata li tillimita drastikament in-numru ta’ tranżitu ta’ applikanti awtorizzati li jidħlu ta’ kuljum f’dawn iż-żoni ta’ tranżitu.

Fuq it-tieni u t-tielet ilment, dwar id-detenzjoni tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali

L-argumenti tal-partijiet

– Fuq it-tieni lment

129

Permezz tat-tieni lment tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lill-Ungerija talli kisret l-Artikolu 24(3) u l-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32.

130

Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tenfasizza, l-ewwel, li l-Artikolu 26 tad-Direttiva 2013/32 jistabbilixxi r-regola ta’ prinċipju li applikant għal protezzjoni internazzjonali ma jistax jinżamm f’detenzjoni għas-sempliċi raġuni li huwa jkun ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Għalkemm huwa minnu li l-Artikolu 43 ta’ din id-direttiva jawtorizza lill-Istati Membri japplikaw regoli partikolari f’dan ir-rigward, meta jistabbilixxu proċeduri fuq il-fruntiera, dawn huma madankollu obbligati, f’każ bħal dan, li josservaw ir-rekwiżiti previsti f’dan l-Artikolu 43. Issa, il-Liġi Nru XX tal-2017 kienet introduċiet dispożizzjonijiet ġodda inkompatibbli mal-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/43.

131

B’hekk, skont l-Artikolu 80/J(5) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, il-proċedura kollha ta’ eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali kellha tiżvolġi fiż-żona ta’ tranżitu, għall-kuntrarju ta’ dak li jipprevedi l-istess Artikolu 43.

132

Barra minn hekk, dan l-Artikolu 80/J(5) ma jillimitax it-tul tal-proċedura fuq il-fruntiera għal erba’ ġimgħat, kif jirrekjedi l-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32.

133

Il-Kummissjoni tqis, it-tieni, li l-garanziji proċedurali speċjali li jinsabu fil-Kapitolu II tad-Direttiva 2013/32 lanqas ma huma osservati. B’hekk, l-“appoġġ adegwat” li l-persuni li jeħtieġu dawn il-garanziji proċedurali speċjali għandhom jibbenefikaw minnu, konformement mal-Artikolu 24(3) ta’ din id-direttiva, ma huwiex żgurat matul il-proċedura prevista fl-Artikolu 80/J tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, peress li l-Liġi Nru XX tal-2017 issospendiet, fil-każ ta’ sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil skont liema l-proċeduri fil-fruntiera ma humiex applikabbli għall-applikanti li jeħtieġu tali garanziji proċedurali speċjali.

134

Skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 80/J(5) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil jobbliga għaldaqstant, bi ksur tal-Artikolu 24(3) u tal-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32, lill-applikanti li jibqgħu fiż-żona ta’ tranżitu kkonċernata lil hinn minn terminu ta’ erba’ ġimgħat, sabiex l-applikazzjoni tagħhom tiġi eżaminata b’mod sħiħ, mingħajr ma dan l-eżami jkun limitat għall-każijiet ta’ inammissibbiltà previsti fl-Artikolu 33 ta’ din id-direttiva jew għal eżami fil-mertu fil-każijiet previsti fl-Artikolu 31(8) tagħha, u mingħajr ma tingħata “sostenn xieraq” lill-persuni li għandhom bżonn garanziji speċjali li jinsabu fil-Kapitolu II tad-Direttiva 2013/32.

135

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tqis li l-Artikolu 72 TFUE ma jippermettix lill-Istati Membri jirrifjutaw l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni billi jinvokaw, b’mod ġenerali, iż-żamma tal-ordni pubbliku u tas-sigurtà interna.

136

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li s-sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva ma tidhirx li ġiet iddikjarata fit-territorju Ungeriż għal perijodu tranżitorju.

137

Barra minn hekk, l-ipoteżi li fiha numru għoli ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew ta’ persuni mingħajr stat japplikaw fl-istess ħin għal protezzjoni internazzjonali kienet prevista mil-leġiżlatur tal-Unjoni, b’mod partikolari fl-Artikolu 6(5), fl-Artikolu 14(1), fl-Artikolu 31(3)(b) u fl-Artikolu 43(3) tad-Direttiva 2013/32, fl-Artikolu 10(1) u fl-Artikolu 18(9) tad-Direttiva 2013/33 kif ukoll fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2008/115. Dawn ir-regoli huma intiżi sabiex jippermettu lill-Istati Membri jagħżlu soluzzjonijiet flessibbli f’każ ta’ urġenza u li jevitaw, sa ċertu punt, regoli ġeneralment applikabbli. Konsegwentement, is-sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva li tinvoka l-Ungerija tista’ u għandha tiġi riżolta fil-kuntest tad-dritt tal-Unjoni.

138

L-Ungerija twieġeb, fl-ewwel lok, li l-proċeduri mwettqa fiż-żoni ta’ tranżitu huma skont ir-regoli ġenerali previsti mid-Direttiva 2013/32, b’tali mod li dawn il-proċeduri ma għandhomx ikunu konformi mal-Artikolu 43 ta’ din id-direttiva, dwar il-proċeduri fuq il-fruntiera.

139

Abbażi tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, iż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa huma, essenzjalment, ċentri ta’ akkoljenza miftuħa, li jinsabu viċin il-fruntiera Serbo-Ungeriża, fejn titmexxa l-proċedura kollha ta’ eżami tal-applikazzjonijiet għall-ażil.

140

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-osservanza tal-Artikolu 24(3) tad-Direttiva 2013/32, l-Ungerija ssostni li l-Artikolu 4(3) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil jistabbilixxi l-prinċipju li d-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi għandhom jiġu applikati billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet speċifiċi tal-applikanti li jeħtieġu trattament proċedurali speċjali. Konsegwentement, l-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil hija kontinwament attenta għall-bżonnijiet partikolari ta’ dawn l-applikanti, matul il-proċedura kollha. Il-bżonnijiet partikolari tal-imsemmija applikanti huma wkoll meħuda inkunsiderazzjoni, b’mod iktar speċifiku, f’dispożizzjonijiet oħra.

141

Fit-tielet lok, l-Artikolu 72 TFUE jawtorizza, fi kwalunkwe każ, lill-Ungerija tiddikjara sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva u tapplika, f’tali sitwazzjoni, regoli proċedurali ta’ derogata. F’dan ir-rigward, dan l-Istat Membru jqis li d-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju invokati mill-Kummissjoni rriżultaw insuffiċjenti sabiex jippermettu li tiġi ġestita b’mod adegwat is-sitwazzjoni prevalenti sa mill-kriżi tal-2015.

– Fuq it-tielet ilment

142

Il-Kummissjoni tikkritika lill-Ungerija talli naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 2(h) kif ukoll taħt l-Artikoli 8, 9 u11 tad-Direttiva 2013/33, billi qiegħdet lill-applikanti kollha għall-protezzjoni internazzjonali f’detenzjoni, bl-eċċezzjoni tal-ulied minorenni mhux akkumpanjati ta’ inqas minn 14-il sena, matul il-perijodu kollu tal-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni tagħhom, mingħajr ma osservat il-garanziji previsti f’dan ir-rigward.

143

Il-Kummissjoni osservat, f’dan ir-rigward, li residenza obbligatorja ta’ applikanti f’waħda miż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke jew ta’ Tompa irriżulta b’hekk f’restrizzjoni tal-libertà individwali tagħhom tant kbira li għandha tiġi assimilata għal detenzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2013/33.

144

Fil-fatt, dawn iż-żoni ta’ tranżitu huma postijiet magħluqa li l-applikanti ma jistgħux jitilqu minnhom ħlief billi jieħdu d-direzzjoni lejn is-Serbja. Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 80/K(2)(d) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, l-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil tista’ tagħlaq il-proċedura jekk l-applikant telaq miż-żona ta’ tranżitu kkonċernata. Għaldaqstant, dan l-applikant ma jkunx realment liberu li jitlaq minn din iż-żona, peress li jesponi ruħu, b’dan il-mod, għar-riskju li l-eżami tal-applikazzjoni tiegħu tingħalaq u li b’hekk jitlef il-possibbiltà li jikseb protezzjoni internazzjonali.

145

Il-Kummissjoni tosserva wkoll li ż-żmien li għadda mill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali fiż-żoni ta’ tranżitu jikkostitwixxi fattur importanti sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-residenza f’dawn iż-żoni tistax tiġi kkunsidrata bħala detenzjoni. Issa, ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni kienu kkonstataw, fuq il-post, li ċerti applikanti kien ilhom jirrisjedu hemm għal iktar minn erbatax-il xahar.

146

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li tali detenzjoni hija inkompatibbli mal-Artikolu 26 tad-Direttiva 2013/32 kif ukoll mal-Artikolu 8(2) u (3), mal-Artikolu 9 u mal-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2013/33, peress li din hija applikata bħala regola ġenerali, b’mod sistematiku, mingħajr evalwazzjoni individwali, u mingħajr għoti ta’ deċiżjoni bil-miktub u mmotivata, u li hija tikkonċerna wkoll minorenni, bl-eċċezzjoni ta’ minorenni mhux akkumpanjati ta’inqas minn 14-il sena.

147

Minkejja li l-Artikolu 80/I tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil ma jeskludix, f’każ ta’ sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar id-detenzjoni tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, il-Kummissjoni tikkunsidra li dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali ma humiex rilevanti f’tali sitwazzjoni sa fejn, f’din is-sitwazzjoni, l-applikanti kollha huma marbuta li jirrisjedu f’waħda miż-żoni ta’ tranżitu, konformement mal-Artikolu 80/J(5) ta’ din il-liġi.

148

L-Ungerija twieġeb li dawn iż-żoni ta’ tranżitu ma humiex postijiet ta’ detenzjoni, iżda, essenzjalment, ċentri ta’ akkoljenza, li jinsabu fit-territorju tagħha fil-fruntiera esterna taż-żona Schengen, li huma indikati bħala li jikkostitwixxu l-post fejn il-proċedura ta’ ażil titwettaq skont id-dritt tal-Unjoni.

149

Dan l-Istat Membru jsostni li persuna li tixtieq tmur fit-territorju tiegħu tista’ tuża punt ta’ qsim tal-fruntiera, mingħajr ma tidħol f’waħda mill-imsemmija żoni ta’ tranżitu, jekk hija tkun fil-pussess ta’ dokumenti validi. Barra minn hekk, l-istess żoni ta’ tranżitu ser jingħalqu biss lejn l-Ungerija, sabiex tiġi protetta l-fruntiera esterna taż-żona Schengen, filwaqt li l-okkupanti tagħhom huma madankollu liberi li jitilqu minnhom sabiex imorru s-Serbja. Barra minn hekk, la t-tul tar-residenza f’ċentru ta’ akkoljenza u lanqas il-kwalità tal-kundizzjonijiet li jipprevalu fih ma għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-residenza f’dan tal-aħħar tistax tiġi assimilata ma’ detenzjoni.

150

Barra minn hekk, l-applikant għall-ażil li jitlaq miż-żona ta’ tranżitu ma humiex neċessarjament espost għal konsegwenzi sfavorevoli. Fil-fatt, l-Artikolu 80/K(2)(d) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil jipprevedi li, f’tali każ, l-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil għandha tieħu deċiżjoni abbażi tal-informazzjoni li hija għandha jew tagħlaq il-proċedura. Konsegwentement, anki fl-assenza ta’ applikant għall-ażil, din l-awtorità tista’ tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni għal ażil, u, jekk ikun il-każ, tilqagħha.

151

Wara kollox, l-introduzzjoni ta’ applikazzjoni għall-ażil ma twassalx awtomatikament għal ċaħda sistematika tal-libertà peress li, skont l-Artikolu 80/J(1)(c) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, il-persuna li tirrisjedi legalment fit-territorju Ungeriż tista’ tintroduċi l-applikazzjoni tagħha mingħajr ma tmur u lanqas tibqa’ f’waħda miż-żoni ta’ tranżitu.

152

Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll l-Artikolu 80/J(1)(b) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, li jikkonċerna b’mod speċifiku l-introduzzjoni ta’ applikazzjonijiet għall-ażil ippreżentati minn persuni f’detenzjoni. Ir-regoli speċifiċi li jirrigwardaw id-detenzjoni u ż-żamma ta’ din tal-aħħar huma, min-naħa tagħhom, previsti fl-Artikoli 31/A sa 31/I ta’ din il-liġi u jiggarantixxu b’mod sħiħ l-osservanza tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2013/33 dwar id-detenzjoni.

153

Fir-rigward taż-żjara mwettqa minn rappreżentanti tal-Kummissjoni, l-Ungerija tenfasizza, barra minn hekk, li din kienet tikkonċerna biss iż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke u li ma jistax jiġi eskluż li l-persuni intervistati mir-rappreżentanti tal-Kummissjoni f’din l-okkażjoni ma kinux applikanti għal protezzjoni internazzjonali, iżda persuni suġġetti għal proċedura li ssir mill-pulizija tal-barranin.

154

L-Ungerija tallega, fl-aħħar nett, li l-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil tagħti f’kull każ deċiżjoni dwar l-akkomodazzjoni fiż-żona ta’ tranżitu kkonċernata, bħala post ta’ residenza attribwit lill-persuna kkonċernata matul il-proċedura ta’ ażil, fis-sens tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2013/33, filwaqt li din id-deċiżjoni tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors. Barra minn hekk, in-natura personalizzata tal-akkomodazzjoni u tal-assistenza tal-persuna kkonċernata twassal, b’mod partikolari, għar-riunifikazzjoni tal-applikanti ta’ nazzjonalità fir-residenzi, bl-offerta ta’ dieta speċifika, kif ukoll fil-provvista ta’ għamara u ta’ kura tas-saħħa, b’mod partikolari kura psikoloġika.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

155

Permezz tat-tieni u t-tielet ilment tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-Kummissjoni tikkritika, essenzjalment, lill-Ungerija talli kisret l-Artikolu 24(3) u l-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32 kif ukoll l-Artikolu 2(h) u l-Artikoli 8, 9 u 11 tad-Direttiva 2013/33, billi stabbilixxiet sistema ta’ detenzjoni ġġeneralizzata tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, fiż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa, mingħajr ma osservat il-kundizzjonijiet u l-garanziji li jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet.

156

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Ungerija, l-għeluq ta’ dawn iż-żewġ żoni ta’ tranżitu wara s-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Fġigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság (C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367), huwa irrilevanti fil-kuntest tal-eżami ta’ dan ir-rikors. Fil-fatt, kif tfakkar fil-punt 68 ta’ din is-sentenza, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ kif kienet is-sitwazzjoni tal-Istat Membru fit-tmiem tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata mibgħuta mill-Kummissjoni, jiġifieri, f’dan il-każ, it‑8 ta’ Frar 2018.

– Fuq l-eżistenza ta’ detenzjoni fiż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa

157

Mill-Artikolu 80/J(1), (5) u (6) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil jirriżulta li kull applikant għal protezzjoni internazzjonali li ma għandux diġà permess ta’ residenza fit-territorju Ungeriż għandu jibqa’ f’waħda miż-żewġ żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa matul l-eżami tal-applikazzjoni tiegħu, jew, jekk ikun il-każ, matul il-proċedura ġudizzjarja li għandha bħala suġġett l-eżami tar-rikors intiż sabiex tiġi kkontestata deċiżjoni eventwali ta’ ċaħda ta’ din tal-aħħar, sakemm il-persuna kkonċernata ma tkunx minorenni mhux akkumpanjata ta’ mill-inqas 14-il sena jew kienet diġà s-suġġett ta’ miżura ta’ detenzjoni jew ta’ restrizzjoni tal-libertà personali tagħha, fis-sens tal-Artikolu 80/J(1) ta’ din il-liġi.

158

L-Ungerija madankollu tikkontesta l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li tali obbligu li wieħed jibqa’ f’waħda minn dawn iż-żewġ żoni ta’ tranżitu jikkostitwixxi detenzjoni, fis-sens tal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2013/33.

159

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-detenzjoni ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, hija kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li tfisser kull miżura koerċittiva li ċċaħħad lil dan l-applikant mil-libertà ta’ moviment tiegħu u tiżolah mill-kumplament tal-popolazzjoni, billi timponi fuqu l-obbligu li jibqa’ b’mod permanenti f’perimetru ristrett u magħluq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság, C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 223).

160

F’dan il-każ, mir-rikors kif ukoll mid-dokumenti mehmuża miegħu jirriżulta li l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali li l-post ta’ residenza tagħhom huwa ż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke jew dik ta’ Tompa huma obbligati li jibqgħu b’mod permanenti fiż-żona ta’ tranżitu kkonċernata, li hija magħluqa u mdawwra minn ħajt ta’ wajer imxewwek. Dawn ir-rikorrenti jabitaw f’kontejners li s-superfiċji tagħhom ma taqbiżx it-13-il m2. Huma ma jistgħux jidħlu f’kuntatt ma’ persuni esterni għaż-żona ta’ tranżitu kkonċernata, bl-eċċezzjoni tar-rappreżentant legali tagħhom, u l-movimenti tagħhom fi ħdanha huma limitati u ssorveljati mill-membri tas-servizzi tal-ordni preżenti b’mod permanenti f’din iż-żona u fl-inħawi ta’ madwarha.

161

L-Ungerija ma tikkontestax dawn l-elementi.

162

Minn dan isegwi li, kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 134 tal-konklużjonijiet tiegħu, it-tqegħid tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali fiż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa ma huwiex differenti minn sistema ta’ detenzjoni.

163

L-argument invokat mill-Ungerija, li dawn l-applikanti huma liberi li jitilqu miż-żona ta’ tranżitu kkonċernata lejn is-Serbja, ma jistax jikkontesta tali evalwazzjoni.

164

Fil-fatt, minn naħa, u mingħajr ma hija l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ din il-kawża, li għandha tiddeċiedi dwar il-konformità tal-aġir tal-awtoritajiet Serbi mal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tas-Serbja dwar l-ammissjoni mill-ġdid ta’ persuni li jirrisjedu irregolarment, anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/819/KE tat‑8 ta’ Novembru 2007 (ĠU 2007, L 334, p. 45), hemm lok li jiġi rrilevat li dħul eventwali ta’ dawn l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali fis-Serbja jkun, probabbilment, ikkunsidrat bħala illegali minn dan l-Istat terz, u li, konsegwentement, dawn ikunu esposti għal sanzjonijiet. Għaldaqstant, l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali mqiegħda fiż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa ma jistgħux, b’mod partikolari għal din ir-raġuni, jitqiesu li għandhom possibbiltà effettiva li jitilqu minn dawn iż-żoni ta’ tranżitu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Fġigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság, C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 229).

165

Min-naħa l-oħra, billi jitilqu mit-territorju Ungeriż, dawn l-applikanti jirriskjaw li jitilfu kull opportunità li jiksbu l-istatus ta’ rifuġjat fl-Ungerija. Fil-fatt, skont l-Artikolu 80/J tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, dawn jistgħu jippreżentaw applikazzjoni ġdida għall-ażil biss f’waħda miż-żewġ żoni ta’ tranżitu. Barra minn hekk, mill-Artikolu 80/K tal-istess liġi jirriżulta li l-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil tista’ tiddeċiedi li tagħlaq il-proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali jekk l-applikant jitlaq minn waħda minn dawn iż-żewġ żoni, mingħajr ma din id-deċiżjoni tkun tista’ tiġi kkontestata fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva kontenzjuża (sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság, C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 230).

166

Minn dan isegwi li l-obbligu għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jirrisjedu fiż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa, kif jirriżulta mill-Artikolu 80/J(5) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, għandu jitqies bħala detenzjoni, fis-sens tal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2013/33.

– Fuq il-kompatibbiltà tad-detenzjoni fiż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa mar-rekwiżiti previsti mid-Direttivi 2013/32 u 2013/33

167

Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tilmenta li l-Ungerija stabbilixxiet sistema ta’ detenzjoni tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali fiż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa li ma tosservax il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32 u li ma hija ġġustifikata minn ebda waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33.

168

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33 jelenka b’mod eżawrjenti d-diversi raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw id-detenzjoni ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali. Kull wieħed minn dawn ir-raġunijiet jissodisfa bżonn speċifiku u għandu natura awtonoma (sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Fġigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság, C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 250 u l-ġurisprudenza ċċitata).

169

Għalkemm huwa minnu li, kif tiddikjara l-premessa 17 ta’ din id-direttiva, din tal-aħħar ma tipprekludix lill-Istati Membri milli jistabbilixxu raġunijiet oħra ta’ detenzjoni, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, meta huma indipendenti mill-istatus ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali, għandu jiġi rrilevat, f’dan il-każ, li s-sistema ta’ detenzjoni tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, stabbilita fl-Artikolu 80/J(5) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, ma hijiex ibbażata fuq raġuni indipendenti mill-istatus ta’ dawn tal-aħħar.

170

Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk id-detenzjoni tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali msemmija fil-punt 157 ta’ din is-sentenza fiż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa, mal-wasla tagħhom fit-territorju Ungeriż, taqax taħt mill-inqas wieħed mill-każijiet elenkati fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33.

171

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi eskluż li tali detenzjoni tista’ tiġi ġġustifikata minn waħda mir-raġunijiet imsemmija fil-punti (d) sa (f) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan l-Artikolu8(3).

172

Fil-fatt, fir-rigward, minn naħa, tar-raġuni għad-detenzjoni msemmija fil-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33, ma huwiex ikkontestat li l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali msemmija fil-punt 157 ta’ din is-sentenza huma miżmuma f’detenzjoni fiż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa mingħajr ma ġie stabbilit, minn qabel, li l-aġir individwali tagħhom jirrappreżenta theddida reali, attwali u suffiċjentement serja, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà jew is-sigurtà interna jew esterna tal-Ungerija (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑15 ta’ Frar 2016, N., C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 67)

173

Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tar-raġunijiet ta’ detenzjoni elenkati fil-punti (d) u (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33, huwa wkoll paċifiku li dawn l-applikanti huma obbligati li jibqgħu fiż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke jew ta’ Tompa, anki jekk ma jkunux diġà s-suġġett ta’ miżura ta’ detenzjoni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ritorn, skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115, u minkejja l-assenza ta’ deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 604/2013.

174

It-tieni nett, applikant għal protezzjoni internazzjonali jista’ ċertament, skont il-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33, jinżamm, b’mod partikolari, fil-viċinanza immedjata tal-fruntieri ta’ Stat Membru, sabiex tiġi stabbilita jew ivverifikata l-identità jew in-nazzjonalità tiegħu jew sabiex jiġu ddeterminati l-elementi li fuqhom hija bbażata l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali u li ma jistgħux jinkisbu mingħajr detenzjoni.

175

Madankollu, għalkemm il-funzjonament tajjeb tas-sistema komuni Ewropea għall-ażil jirrikjedi li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkollhom informazzjoni affidabbli dwar l-identità jew in-nazzjonalità tal-applikant għall-protezzjoni internazzjonali u l-elementi li tkun ibbażata fuqhom id-domanda, tali għan ma jistax madankollu jiġġustifika li miżuri ta’ detenzjoni jiġu deċiżi mingħajr ma dawn l-awtoritajiet nazzjonali jkunu vverifikaw minn qabel, każ b’każ, jekk dawn humiex proporzjonati mal-għanijiet intiżi, peress li tali verifika tirrikjedi li jiġi żgurat, b’mod partikolari, li l-użu tad-detenzjoni jkun biss l-aħħar għażla (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2017, K., C‑18/16, EU:C:2017:680, punt 48).

176

Issa, l-Ungerija ma tikkontestax li s-sistema ta’ detenzjoni tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, stabbilita fl-Artikolu 80/J(5) tal-Liġi dwar id-Dritt tal-Ażil, ma tipprevedi ebda eżami individwalizzat tal-proporzjonalità tad-detenzjoni ta’ dawn l-applikanti fir-rigward tal-għan imfittex, li jikkonsisti fil-verifika tal-identità jew tan-nazzjonalità tagħhom jew tal-elementi li fuqhom hija bbażata l-applikazzjoni tagħhom.

177

Għaldaqstant, jifdal li jiġi eżaminat, it-tielet, jekk is-sistema ta’ detenzjoni, stabbilita fl-Artikolu80/J(5) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil tistax tiġi ġġustifikata skont il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33, li abbażi tiegħu Stat Membru jista’ jqiegħed applikant għal protezzjoni internazzjonali f’detenzjoni sabiex jiddeċiedi, fil-kuntest ta’ proċedura, dwar id-dritt ta’ dan l-applikant li jidħol fit-territorju tiegħu.

178

F’dan ir-rigward, għandu, qabel kollox, jiġi rrilevat li s-sitwazzjoni hekk imsemmija fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tinkludi s-sistema ta’ detenzjoni li tista’ tiġi stabbilita mill-Istati Membri meta dawn jiddeċiedu li jimplementaw proċeduri fuq il-fruntiera, fis-sens tal-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Fġigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság, C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punti 237 u 238).

179

Skont dan l-Artikolu 43, l-Istati Membri huma, fil-fatt, awtorizzati li jżommu f’“detenzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2013/33, l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jippreżentaw ruħhom fil-fruntieri tagħhom, qabel ma jagħtuhom dritt ta’ dħul fit-territorju tagħhom, taħt il-kundizzjonijiet li l-imsemmi Artikolu 43 jistabbilixxi u sabiex tiġi ggarantita l-effettività tal-proċeduri li jipprevedi l-istess Artikolu 43 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság, C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punti 237 u 239).

180

Għaldaqstant, minkejja li l-Ungerija tikkontesta formalment li l-proċeduri ta’ eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali mwettqa fiż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa, konformement mal-Artikolu 80/J tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, huma proċeduri fil-fruntiera, fis-sens tal-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32, din iċ-ċirkustanza ma tistax teżenta lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tieħu inkunsiderazzjoni l-osservanza ta’ dan l-aħħar artikolu fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-konformità tal-leġiżlazzjoni Ungeriża mal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33, peress li ebda raġuni oħra elenkata f’din id-dispożizzjoni ma tista’ tiġġustifika s-sistema ta’ detenzjoni stabbilita fl-Artikolu 80/J(5) ta’ din il-liġi.

181

Sussegwentement, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 43(2) tad-Direttiva 2013/32 jimponi li l-perijodu tad-detenzjoni ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali, skont dan l-artikolu, qatt ma jista’ jaqbeż l-erba’ ġimgħat mid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2013/32, filwaqt li l-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu 43 jillimita ruħu li jawtorizza lill-Istati Membri, fiċ-ċirkustanzi li huwa jipprevedi, sabiex ikomplu l-proċeduri fil-fruntiera, lil hinn minn dan it-terminu ta’ erba’ ġimgħat, sakemm l-applikanti jkunu, fi tmiem il-perijodu ta’ żmien ta’ dan il-perijodu ta’ erba’ ġimgħat, akkomodati normalment f’postijiet qrib il-fruntiera jew iż-żona ta’ tranżitu kkonċernata, li teskludihom milli jkunu jistgħu jibqgħu f’detenzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság, C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punti 241 sa 245).

182

Issa, minn ebda dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni Ungeriża rilevanti ma jirriżulta li d-detenzjoni tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali fiż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa hija limitata għal perijodu ta’ erba’ ġimgħat mid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tagħhom.

183

Barra minn hekk, mill-Artikolu 43(1) tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta li detenzjoni bbażata fuq din id-dispożizzjoni hija ġġustifikata biss sabiex tippermetti lill-Istat Membru kkonċernat jeżamina, qabel ma jirrikonoxxi lill-applikant għal protezzjoni internazzjonali d-dritt li jidħol fit-territorju tiegħu, jekk l-applikazzjoni tiegħu hijiex inammissibbli, skont l-Artikolu 33 tad-Direttiva 2013/32, jew jekk din għandhiex tiġi miċħuda bħala infondata għal waħda mir-raġunijiet elenkati fl-Artikolu 31(8) ta’ din id-direttiva.

184

Issa, kif ġie rrilevat fil-punt 157 ta’ din is-sentenza, l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali huma marbuta li jibqgħu fiż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tempa matul l-eżami kollu tal-applikazzjoni tagħhom, jew saħansitra matul il-proċedura ġudizzjarja li għandha bħala suġġett l-eżami tar-rikors intiż sabiex tiġi kkontestata deċiżjoni eventwali ta’ ċaħda tagħha, u mhux biss sabiex jiġi vverifikat jekk l-applikazzjonijiet tagħhom jistgħux jiġu miċħuda għal waħda mir-raġunijiet imsemmija fil-punt preċedenti.

185

Minn dan isegwi li s-sistema ta’ detenzjoni tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, stabbilita fl-Artikolu 80/J(5) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, ma tosservax il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32 u għalhekk ma tistax, f’dan il-każ, tiġi ġġustifikata abbażi tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33.

186

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 80/J(5) tal-Liġi dwar id-Dritt tal-Ażil jipprevedi li l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali jinżammu f’detenzjoni barra mill-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32 u mill-każijiet, elenkati b’mod eżawrjenti, li fihom tali detenzjoni hija awtorizzata skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2013/33.

187

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tikkritika lill-Ungerija talli kisret l-Artikolu 24(3) tad-Direttiva 2013/32, minħabba li l-“appoġġ adegwat”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li minnu għandhom jibbenefikaw l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jeħtieġu garanziji proċedurali speċjali ma huwiex żgurat matul il-proċedura mwettqa fiż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa.

188

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2013/32, “applikant li jeħtieġ salvagwardji speċjali proċedurali” tfisser applikant li l-kapaċità tiegħu li jibbenefika mid-drittijiet u jikkonforma mal-obbligi previsti minn din id-direttiva hija limitata minħabba ċirkustanzi individwali. Mill-premessa 29 tal-imsemmija direttiva jirrizulta li fost dawn iċ-ċirkustanzi jinsabu l-età tal-persuna kkonċernata, is-sess tagħha, l-orjentazzjoni sesswali tagħha, l-identità tal-ġeneru tagħha, l-eżistenza ta’ diżabbiltà, ta’ mard serju, ta’ mard mentali jew il-konsegwenzi ta’ torturi, ta’ stupri jew ta’ forom oħra serji ta’ vjolenza psikoloġika, fiżika jew sesswali.

189

Kif jirriżulta mill-Artikoli 21 u 22 tad-Direttiva 2013/33, fid-dawl tal-vulnerabbiltà tagħhom, dawn l-applikanti għandhom jingħataw attenzjoni partikolari mill-Istati Membri, matul il-proċedura ta’ ażil kollha, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet li fihom dawn jintlaqgħu fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat matul din il-proċedura.

190

B’mod iktar partikolari, mill-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva jirriżulta li, għalkemm id-detenzjoni tal-applikanti li jeħtieġu garanziji proċedurali speċjali ma hijiex eskluża bħala prinċipju, l-istat ta’ saħħa tagħhom, inkluż l-istat ta’ saħħa mentali tagħhom, għandha, meta jitqiegħdu f’detenzjoni, tkun preokkupazzjoni primordjali għall-Istati Membri, li għandhom jiżguraw is-segwitu regolari ta’ dawn il-persuni u li jagħtuhom “appoġġ adegwat”, fid-dawl tas-sitwazzjoni partikolari tagħhom.

191

F’din il-perspettiva, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(3) tad-Direttiva 2013/32 jipprevedi li, meta l-appoġġ adegwat li minnu għandhom jibbenefikaw l-applikanti li jeħtieġu garanziji proċedurali speċjali ma jistax jingħatalhom fil-kuntest ta’ proċedura fuq il-fruntiera, fis-sens tal-Artikolu 43 ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri ma għandhomx japplikaw jew inkella jieqfu milli japplikaw din il-proċedura.

192

Għaldaqstant, l-awtoritajiet nazzjonali huma obbligati jiżguraw, wara eżami individwalizzat, li detenzjoni, abbażi tal-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32, ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali li jeħtieġ garanziji proċedurali speċjali ma ċċaħħadlux mill-“appoġġ adegwat” li huwa jista’ jinvoka fil-kuntest tal-eżami tal-applikazzjoni tiegħu.

193

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, kif issostni l-Ungerija, diversi dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Ungeriża rilevanti għandhom l-għan li jieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet speċifiċi tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali kollha li jeħtieġu garanziji proċedurali speċjali, fis-sens tal-Artikolu 24(3) tad-Direttiva 2013/32.

194

B’hekk, l-Artikolu 4(3) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil jipprevedi li l-awtoritajiet għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi għall-applikanti li jeħtieġu trattament speċjali billi jieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet speċifiċi tagħhom. Bl-istess mod, l-Artikoli 29 u 30 tal-imsemmija liġi jipprevedu li l-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza ta’ dawn l-applikanti għandhom jiġu żgurati billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet speċifiċi tagħhom, peress li tali bżonnijiet għandhom ukoll jittieħdu inkunsiderazzjoni meta l-awtorità kompetenti tirrestrinġi jew tirtira l-benefiċċju tal-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza.

195

Mill-Artikolu 33(1) u (2) tad-digriet ta’ applikazzjoni tad-Digriet tal-Gvern 301/2007 li l-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil għandha tissorvelja li l-applikant li jeħtieġ garanziji proċedurali speċjali jibbenefika minn akkomodazzjoni separata fiċ-ċentru ta’ akkoljenza li jżomm, sa fejn huwa possibbli, l-unità familjari tiegħu. Mill-Artikolu 34 ta’ dan id-digriet jirriżulta wkoll li dan l-applikant għandu d-dritt li jirrikorri mingħajr ħlas għal benefiċċji tas-saħħa, inkluża kura psikoloġika, meta dan ikun neċessarju.

196

Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li l-Ungerija tirrikonoxxi li, mid-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 80/J(5) tal-Liġi dwar id-Dritt tal-Ażil, l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali kollha li jeħtieġu garanziji proċedurali speċjali, minbarra l-minorenni mhux akkumpanjati b’inqas minn 14-il sena u dawk li diġà għandhom permess ta’ residenza fit-territorju Ungeriż jew ikunu s-suġġett ta’ miżura oħra ta’ detenzjoni jew ta’ restrizzjoni tal-libertà individwali tagħhom, huma marbuta jirrisjedu fiż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa, matul il-proċedura kollha ta’ eżami tal-applikazzjoni tagħhom għal protezzjoni internazzjonali, jew, jekk ikun il-każ, saħansitra matul il-proċedura ġudizzjarja li għandha bħala suġġett l-eżami tar-rikors intiż li jikkontesta d-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ din l-applikazzjoni.

197

Barra minn hekk, minn ebda waħda mid-dispożizzjonijiet nazzjonali invokati minn dan l-Istat Membru ma jirriżulta li l-awtoritajiet Ungeriżi kompetenti għandhom jeżaminaw jekk tali detenzjoni hijiex kompatibbli mal-ħtieġa li jingħata “appoġġ xieraq”, fis-sens tal-Artikolu 24(3) tad-Direttiva 2013/32, lil dawn l-applikanti vulnerabbli matul dan il-perijodu.

198

Tali sistema ta’ detenzjoni hija inkompatibbli mar-rekwiżit ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-bżonnijiet speċifiċi ta’ dawn il-kategoriji ta’ applikanti, kif jirriżulta mill-Artikolu 24(3) tad-Direttiva 2013/32.

199

Fil-fatt, kif ġie enfasizzat fil-punti 191 u 192 ta’ din is-sentenza, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(3) tad-Direttiva 2013/32 jipprekludi li applikant għal protezzjoni internazzjonali li jeħtieġ garanziji proċedurali speċjali jinżamm f’detenzjoni, skont l-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32, b’mod awtomatiku, mingħajr ma jkun ġie vverifikat, minn qabel, jekk din id-detenzjoni ċċaħħadx mill-“appoġġ xieraq” li għandu dritt għalih. F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li, kif ġie rrilevat fil-punti 181 sa 185 ta’ din is-sentenza, is-sistema ta’ detenzjoni stabbilita fl-Artikolu 80/J(5) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil teċċedi l-limiti li fihom l-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32 jawtorizza d-detenzjoni tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, minn dan jirriżulta, iktar u iktar, li l-applikazzjoni ta’ tali sistema ta’ detenzjoni għall-applikanti kollha li jeħtieġu garanziji proċedurali speċjali, bl-eċċezzjoni tal-minorenni mhux akkumpanjati ta’ inqas minn 14-il sena u tal-applikanti li diġà għandhom permess ta’ residenza fit-territorju Ungeriż jew huma suġġetti għal miżura oħra ta’ detenzjoni jew restrizzjoni tal-libertà personali tagħhom, mingħajr ma jiġi vverifikat jekk id-detenzjoni ta’ dawn l-applikanti hijiex kompatibbli mal-bżonnijiet speċifiċi tagħhom, ma tistax titqies konformi mal-Artikolu 24(3) tad-Direttiva 2013/32.

200

Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tikkritika lill-Ungerija talli kisret l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2013/33 billi imponiet li l-applikanti kollha għall-protezzjoni internazzjonali minorenni, minbarra l-minorenni mhux akkumpanjati b’inqas minn 14-il sena, jitqiegħdu f’detenzjoni fiż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa matul il-perijodu kollu tal-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni tagħhom.

201

L-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2013/33 jipprevedi li b’mod partikolari l l-minorenni għandhom jinżammu biss f’detenzjoni bħala miżura aħħarija u wara li jkun ġie stabbilit li ma jistgħux jiġu applikati miżuri alternattivi inqas koerċittivivi b’mod effikaċi.

202

Il-protezzjoni li b’hekk tingħata speċifikament lill-minorenni tikkompleta l-garanziji rikonoxxuti b’mod iktar ġenerali minn dan l-Artikolu 11 lill-applikanti kollha li jeħtieġu kundizzjonijiet ta’ akkoljenza partikolari.

203

Issa, l-Ungerija ma tikkontestax li l-applikanti kollha għal protezzjoni internazzjonali minorenni, bl-eċċezzjoni tal-minorenni mhux akkumpanjati b’inqas minn 14-il sena, huma mġiegħla jibqgħu f’waħda miż-żewġ żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke jew ta’ Tompa sat-tmiem tal-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni tagħhom, jew saħansitra, jekk ikun il-każ, sat-tmiem tal-proċedura ġudizzjarja li għandha bħala suġġett l-eżami tar-rikors intiż sabiex tiġi kkontestata deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ din l-applikazzjoni, ħlief jekk dawn il-persuni jkunu suġġetti għal miżura oħra ta’ detenzjoni jew ta’ restrizzjoni tal-libertà individwali tagħhom jew għandhom diġà permess ta’ residenza fit-territorju Ungeriż, li huwa inkompatibbli mal-garanziji speċifiċi li jirriżultaw mill-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2011/33.

204

Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni tilmenta li l-Ungerija kisret l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/33 minħabba li d-detenzjoni tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali fiż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa ma kinitx ser tiġi ordnata bil-miktub u ma tippermettix lill-applikant li jkun jaf ir-raġunijiet ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom hija bbażata din id-detenzjoni.

205

Konformement mal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2013/33, id-detenzjoni ta’ applikant għall-protezzjoni internazzjonali għandha tiġi ordnata permezz ta’ kitba, minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva, fejn id-deċiżjoni ta’ detenzjoni għandha, barra minn hekk, tindika r-raġunijiet ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom hija bbażata.

206

L-Ungerija ssostni li l-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil tadotta, fil-każijiet kollha, deċiżjoni dwar l-akkomodazzjoni fiż-żona ta’ tranżitu kkonċernata, bħala l-post ta’ residenza mogħti lill-applikant għal protezzjoni internazzjonali matul il-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni tiegħu.

207

Madankollu, din l-affermazzjoni ma hija sostnuta minn ebda riferiment għal dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti. Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li, skont l-Artikolu 80/J(5) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, l-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil tassenja lill-applikant iż-żona ta’ tranżitu kkonċernata bħala l-post ta’ residenza tiegħu, madankollu minn din id-dispożizzjoni ma jirriżultax li tali ordni għandu jieħu l-forma ta’ kitba li l-motivazzjoni tagħha tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2013/33.

208

Minn dan isegwi li l-Kummissjoni wriet, b’mod suffiċjenti fid-dritt, li l-Ungerija ma kinitx ikkonformat ruħha mar-rekwiżiti tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/33.

209

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Ungerija ma osservatx l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 24(3) u l-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32, kif ukoll taħt l-Artikoli 8, 9 u 11 tad-Direttiva 2013/33.

210

Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma esponietx ir-raġunijiet għaliex l-Ungerija kisret l-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2013/33, peress li din id-dispożizzjoni sempliċement tiddefinixxi l-kunċett ta’ “detenzjoni”, fis-sens ta’ din id-direttiva.

211

F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-fatt li l-Ungerija stabbilixxiet sistema ta’ detenzjoni, fiż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa, barra mill-każijiet li fihom id-dritt tal-Unjoni jawtorizza d-detenzjoni ta’ applikant għall-protezzjoni internazzjonali u mingħajr ma jiġu osservati l-garanziji li, skont dan id-dritt, għandhom jirregolaw tali detenzjoni, ma huwiex biżżejjed sabiex juri nuqqas ta’ traspożizzjoni jew traspożizzjoni ħażina, minn dan l-Istat Membru, tad-definizzjoni stess tal-kunċett ta’ “detenzjoni” li tinsab fl-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2013/33.

– Fuq l-Artikolu 72 TFUE

212

Skont l-Artikolu 72 TFUE, id-dispożizzjonijiet li jinsabu taħt it-Titolu V tat-Trattat FUE, dwar l-ispazju ta’ sigurtà, ta’ libertà u ta’ ġustizzja, ma għandhomx jippreġudikaw l-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet li għandhom l-Istati Membri għaż-żamma tal-ordni pubbliku u s-salvagwardja tas-sigurtà interna.

213

Kif ġie espost fil-punt 141 ta’ din is-sentenza, l-Ungerija ssostni li dan l-Artikolu 72 jawtorizza lill-Istati Membri jidderogaw mir-regoli tal-Unjoni adottati, konformement mal-Artikolu 78 TFUE, fil-qasam tal-ażil, tal-protezzjoni sussidjarja u tal-protezzjoni temporanja, meta l-osservanza ta’ dawn ir-regoli tipprekludi ġestjoni xierqa mill-Istati Membri ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata minn influss massiv ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali. Minn dan isegwi, b’mod iktar partikolari, f’dan il-każ, li r-regoli nazzjonali li jirregolaw il-proċeduri mibdija fiż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa jistgħu jidderogaw mill-Artikolu 24(3) u mill-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32.

214

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għalkemm huma l-Istati Membri li għandhom jadottaw il-miżuri xierqa sabiex jiżguraw l-ordni pubbliku fit-territorju tagħhom kif ukoll is-sigurtà interna u esterna tagħhom, madankollu minn dan ma jirriżultax li tali miżuri jaqgħu kompletament barra l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, kif diġà kkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja, it-Trattat FUE jipprevedi derogi speċifiċi applikabbli fil-każ ta’ sitwazzjonijiet li jistgħu jipperikolaw l-ordni pubbliku jew is-sigurtà pubblika biss fl-Artikoli 36, 45, 52, 65, 72, 346 u 347 TFUE, li jirrigwardaw sitwazzjonijiet eċċezzjonali ddefiniti sew. Ma jistax jiġi dedott minn dan li teżisti riżerva ġenerali, inerenti fit-Trattat FUE, li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni kull miżura adottata għal raġunijiet tal-ordni pubbliku jew tas-sigurtà pubblika. Ir-rikonoxximent tal-eżistenza ta’ riżerva bħal din, barra mill-kundizzjonijiet speċifiċi tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, jista’ jippreġudika n-natura vinkolanti u l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, l-Ungerija u r-Repubblika Ċeka (Mekkaniżmu temporanju ta’ rilokazzjoni ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali), C‑715/17, C‑718/17 u C‑719/17, EU:C:2020:257, punt 143 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

215

Barra minn hekk, id-deroga prevista fl-Artikolu 72 TFUE għandha, kif hija ġurisprudenza stabbilita, b’mod partikolari għad-derogi previsti fl-Artikoli 346 u 347 TFUE, tiġi interpretata b’mod strett. Minn dan isegwi li dan l-Artikolu 72 ma jistax jiġi interpretat b’mod li jagħti lill-Istati Membri s-setgħa li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni permezz tas-sempliċi invokazzjoni tar-responsabbiltajiet tagħhom għaż-żamma tal-ordni pubbliku u tas-salvagwardja tas-sigurtà interna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, L-Ungerija u r-Repubblika Ċeka (Mekkaniżmu temporanju għar-rilokazzjoni ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali), C‑715/17, C‑718/17 u C‑719/17, EU:C:2020:257, punti 144 u 145 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

216

Il-portata tar-rekwiżiti relatati maż-żamma tal-ordni pubbliku jew tas-sigurtà nazzjonali ma tistax għalhekk tiġi ddeterminata minn kull Stat Membru, mingħajr kontroll tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Konsegwentement, huwa l-Istat Membru li jinvoka l-benefiċċju tal-Artikolu 72 TFUE li għandu jipprova l-ħtieġa li jirrikorri għad-deroga prevista f’dan l-artikolu għall-finijiet tal-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet tiegħu fil-qasam taż-żamma tal-ordni pubbliku u tal-protezzjoni tas-sigurtà interna (sentenza tat-2 ta’ April 2020, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, L-Ungerija u r-Repubblika Ċeka (Mekkaniżmu temporanju għar-rilokazzjoni ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali), C‑715/17, C‑718/17 u C‑719/17, EU:C:2020:257, punti 146 u 147).

217

Issa, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, l-Ungerija sempliċement invokat, b’mod ġenerali, ir-riskji ta’ problemi għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà interna li jista’ jikkawża influss massiv ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali, mingħajr ma wriet, b’mod suffiċjenti fid-dritt, in-neċessità li kien hemm għaliha li tidderoga speċifikament mill-Artikolu 24(3) u mill-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32, fid-dawl tas-sitwazzjoni prevalenti fit-territorju tagħha fl-iskadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata, jiġifieri t-8 ta’ Frar 2018.

218

B’hekk, għalkemm huwa minnu li dan l-Istat Membru jirreferi, insostenn tad-difiża tiegħu dwar l-ewwel ilment, għal numru kbir ta’ ksur, imwettaq matul l-2018, li huwa qies bħala marbut mal-immigrazzjoni illegali, jibqa’ l-fatt li ma jippreċiżax l-impatt li dawn seta’ kellhom fuq iż-żamma tal-ordni pubbliku u s-salvagwardja tas-sigurtà interna fit-territorju tiegħu sad-data tat‑8 ta’ Frar 2018. L-Ungerija lanqas ma tippreċiża kif kienet meħtieġa deroga mill-Artikolu 24(3) u mill-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32, fid-dawl ta’ tali numru ta’ ksur, sabiex tiġi żgurata ż-żamma tal-ordni pubbliku u tas-sigurtà interna.

219

Għall-kuntrarju, għandu jiġi rrilevat li, skont l-affermazzjonijiet stess ta’ dan l-Istat Membru, il-maġġoranza tal-ksur invokat minnu kien marbut mad-dħul u mar-residenza irregolari fit-territorju tiegħu. Issa, l-Artikolu 80/J(5) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil jimponi d-detenzjoni tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali li ma fittxewx li jidħlu illegalment fl-Ungerija u li, fid-dawl ta’ din il-kwalità ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali, ma jistgħux jitqiesu li qegħdin residenti illegalment fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

220

Minn dan isegwi li l-Ungerija ma turix kif il-ksur li hija tinvoka kien jeħtieġ, sabiex tiġi ggarantita ż-żamma tal-ordni pubbliku u tas-sigurtà interna, li ssir deroga, bil-mod previst f’dan l-Artikolu 80/J(5), mill-garanziji li jirregolaw id-detenzjoni tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali li huma imposti fl-Artikolu 24(3) u fl-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32.

221

Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat li l-leġiżlatur tal-Unjoni debitament ħa inkunsiderazzjoni l-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet li għandhom l-Istati Membri skont l-Artikolu 72 TFUE billi ppermettielhom, skont il-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33, li jżommu f’detenzjoni kull applikant għal protezzjoni internazzjonali meta l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali jew tal-ordni pubbliku tirrikjedi dan, li, kif tfakkar fil-punt 172 ta’ din is-sentenza, jippreżupponi madankollu li jiġi stabbilit li l-aġir individwali tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali jirrappreżenta theddida reali, attwali u suffiċjentement gravi, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà jew tas-sigurtà interna jew esterna tal-Istat Membru kkonċernat.

222

Barra minn hekk, kif tenfasizza l-Kummissjoni, bl-adozzjoni tad-Direttivi 2013/32 u 2013/33, il-leġiżlatur tal-Unjoni żgura wkoll li jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni li fiha Stat Membru jkollu jaffaċċja żieda sinjifikattiva ħafna fin-numru ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali.

223

B’hekk, b’mod partikolari, l-Artikolu 10(1) u l-Artikolu 18(9) tad-Direttiva 2013/33 jippermettu li ssir deroga parzjali mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva meta l-kapaċitajiet ta’ tqegħid f’faċilitajiet ta’ detenzjoni jew il-kapaċitajiet ta’ akkomodazzjoni f’ċentri ta’ akkoljenza jkunu eżawriti.

224

Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-Artikolu 43(3) tad-Direttiva 2013/32 jippermetti, fil-każ ta’ influss massiv ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali fil-fruntieri ta’ Stat Membru jew fiż-żoni ta’ tranżitu ta’ dan tal-aħħar, li jitkomplew il-proċeduri fil-fruntiera previsti f’dan l-Artikolu 43, lil hinn mit-terminu ta’ erba’ ġimgħat previst fil-paragrafu 2 tiegħu, filwaqt li tiġi limitata l-libertà ta’ moviment ta’ dawn l-applikanti għal żona li tinsab qrib il-fruntieri jew għaż-żoni ta’ tranżitu ta’ dan l-Istat Membru, konformement mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2013/33 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság, C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 247).

225

Minn dan isegwi li, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, l-Ungerija ma tistax tinvoka l-Artikolu 72 TFUE sabiex tiġġustifika l-ksur tal-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 24(3) u l-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32.

226

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 24(3) u l-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32 kif ukoll taħt l-Artikoli 8, 9 u 11 tad-Direttiva 2013/33 billi stabbilixxiet sistema ta’ detenzjoni ġġeneralizzata tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali fiż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa, mingħajr ma osservat il-garanziji previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet.

Fuq ir-raba’ lment, dwar it-tkeċċija taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment

L-argumenti tal-partijiet

227

Il-Kummissjoni tikkritika lill-Ungerija talli ppermettiet, skont l-Artikolu 5(1)(b) tal-Liġi dwar il-Fruntieri tal-Istat, li, f’sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment fit-territorju tagħha jitmexxew, b’forza, fuq strixxa ta’ art mingħajr ebda infrastruttura, bejn għeluq tal-fruntiera, stabbilit fit-territorju Ungeriż, u l-fruntiera Serbo-Ungeriża proprja, mingħajr ma jkunu osservati l-proċeduri u l-garanziji ddefiniti fl-Artikolu 5, fl-Artikolu 6(1), l-Artikolu 12(1) u l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/115.

228

Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tirrileva li l-Artikolu 5(1) ter tal-Liġi dwar il-Fruntieri tal-Istat jissostitwixxi l-Artikolu 5(1) bis ta’ din il-liġi, meta tiġi ddikjarata sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva, u jikkonċerna liċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment fit-territorju Ungeriż. L-Ungerija għaldaqstant ma tistax tibbaża ruħha fuq l-eċċezzjoni għall-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115, prevista fl-Artikolu 2(2)(a) tagħha.

229

Fit-tieni lok, anki jekk ma jitmexxiex sal-fruntiera proprja, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, skortat sa strixxa tal-fruntiera stretta tat-territorju Ungeriż, fejn l-ebda infrastruttura ma hija disponibbli u fejn ma hemm l-ebda mezz sabiex wieħed imur fil-kumplament tat-territorju Ungeriż, ħlief fiż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa, fil-prattika ma jkollu l-ebda għażla oħra ħlief li jitlaq minn dan it-territorju, fid-dawl tal-istennija twila li teżisti sabiex jidħol f’waħda minn dawn iż-żoni.

230

Il-miżura prevista fl-Artikolu 5(1)(b) tal-Liġi dwar il-Fruntieri tal-Istat tikkorrispondi b’hekk għall-kunċett ta’ “tneħħija” kif iddefinit fil-punt 5 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115, anki jekk l-operazzjoni ta’ trasferiment fiżiku tista’ ma tintemmx barra mit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

231

It-tneħħija taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz ikkonċernati titwettaq mingħajr ma tingħata deċiżjoni ta’ ritorn fir-rigward tagħhom, mingħajr evalwazzjoni, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-aħjar interess tal-wild, tal-ħajja tal-familja, tal-istat ta’ saħħa tal-persuna kkonċernata u mingħajr osservanza tal-prinċipju ta’ non-refoulement. Ma tingħata ebda ġustifikazzjoni bil-miktub u, fl-assenza ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, il-persuna kkonċernata ma jkollha ebda rimedju ġudizzjarju.

232

Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tqis li tali deroga sostanzjali, ġenerali u iktar fit-tul għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/115 ma tistax tiġi ġġustifikata abbażi tal-Artikolu 72 TFUE. Barra minn hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni osserva din id-dispożizzjoni tad-dritt primarju billi ppreveda, fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2008/115, regoli speċifiċi intiżi sabiex jiġu applikati għas-sitwazzjonijiet ta’ emerġenza kkawżati min-numru eċċezzjonalment għoli ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi suġġetti għal obbligu ta’ ritorn.

233

Fl-ewwel lok, l-Ungerija ssostni li l-Artikolu 5(1b) tal-Liġi dwar il-Fruntieri tal-Istat taqa’ fid-deroga prevista fl-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/5. Fir-rigward tal-Artikolu 5(1)b tal-istess liġi, dan l-Istat Membru jirrileva li dan jista’ jiġi applikat biss f’każ ta’ sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva, u dan sabiex jinżammu l-ordni pubbliku u s-sigurtà interna.

234

Issa, l-Artikolu 72 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(2) TUE, jippermetti lill-Istati Membri jadottaw u japplikaw regoli dwar iż-żamma tal-ordni pubbliku u s-salvagwardja tas-sigurtà interna li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-kuntest ġuridiku, previst mid-dritt sekondarju għall-finijiet tal-ġestjoni ta’ sitwazzjonijiet ta’ kriżi kkawżati minn immigrazzjoni massiva, irriżulta insuffiċjenti fil-fehma tal-Kummissjoni stess, li minnhom siltet il-konsegwenzi billi ppreżentat, fl-2016, riforma kbira sa fejn tikkonċerna d-Direttiva 2013/32 u d-Direttiva 2008/115.

235

F’sitwazzjoni ta’ kriżi bħal dik li teżisti fl-Ungerija, l-Artikolu 5(1) b tal-Liġi dwar il-Fruntieri tal-Istat jista’ għaldaqstant jidderoga mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/115 li l-Kummissjoni tqis li nkisru minn dan l-Istat Membru.

236

Fit-tieni lok, l-Ungerija ssostni li, fi kwalunkwe każ, skont dan l-Artikolu 5(1)b, is-servizzi tal-pulizija huma awtorizzati li jħallu jaqsmu liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment arrestati fit-territorju Ungeriż mhux il-fruntiera Serbo-Ungeriża, iżda biss l-għeluq tal-fruntiera, li jinsab fl-Ungerija, ftit wara din il-fruntiera, anki jekk ma teżisti ebda infrastruttura fuq l-istrixxa tal-art li tissepara dan l-għeluq mill-imsemmija fruntiera proprja. Konsegwentement, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi ma jitneħħewx lejn is-Serbja. Fl-assenza ta’ ritorn effettiv, l-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115 hija bid-definizzjoni tagħha eskluża, peress li fil-fatt Stat Membru ma jistax jeżegwixxi miżuri ta’ tneħħija fit-territorju tiegħu stess.

237

It-trasferiment imwettaq skont l-Artikolu 5(1)b tal-Liġi dwar il-Fruntieri tal-Istat għandu, fir-realtà, l-għan li jippermetti lil dawn iċ-ċittadini jippreżentaw, fl-iqsar żmien possibbli, applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fiż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa.

238

Barra minn hekk, id-dritt tal-Unjoni ma jindikax il-post minn fejn għandhom jgħaddu l-persuni li jirrisjedu irregolarment, u lanqas ma jimponi li jiġu offruti kwalunkwe assistenza lil dawn tal-aħħar.

239

Fit-tielet lok, l-Ungerija tenfasizza li, fl-applikazzjoni prattika tal-miżuri tal-pulizija adottati abbażi tal-Artikolu 5(1)(b) tal-Liġi dwar il-Fruntieri tal-Istat, il-mod li bih huma ttrattati ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi huwa konformi mar-rekwiżiti previsti fil-punt 5 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115.

240

Il-garanziji ġenerali li jikkonċernaw il-miżuri tal-pulizija, b’mod partikolari r-rekwiżit ta’ proporzjonalità, huma stabbiliti fir-Rendġrségrġl szóló 1994. évi XXXIV. törvény (il-Liġi Nru XXXIV tal-1994 dwar il-Pulizija) (Magyar Közlöny 1994/41). Barra minn hekk, il-persuna li kienet is-suġġett ta’ miżuri koerċittivi għandha l-fakultà li tippreżenta rikors skont l-Artikolu 92 ta’ din il-liġi. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 33 tal-imsemmija liġi jiddefinixxi, fid-dettall, ir-rekwiżiti li għandhom jiġu osservati fil-kuntest ta’ miżura tal-pulizija mwettqa skont l-Artikolu 5(1)b tal-Liġi dwar il-Fruntieri tal-Istat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

241

Permezz tar-raba’ lment tagħha, il-Kummissjoni tikkritika, essenzjalment, lill-Ungerija talli naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 5, l-Artikolu 6(1), l-Artikolu 12(1) u l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/115, billi ppermettiet li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment li huma arrestati fit-territorju Ungeriż jitmexxew, b’forza, lil hinn minn għeluq tal-fruntiera stabbilita f’dan it-territorju, għal xi metri mill-fruntiera Serbo-Ungeriża, mingħajr ma jiġu osservati l-proċeduri u l-garanziji previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet.

242

F’dan ir-rigward, l-ewwel, għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2008/115, din id-direttiva tapplika, fil-prinċipju, għaċ-ċittadini kollha ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment fit-territorju ta’ Stat Membru.

243

Il-kunċett ta’ “soġġorn illegali [residenza irregolari]” huwa ddefinit fil-punt 2 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva bħala l-preżenza fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax, jew ma għadux jissodisfa il-kundizzjonijiet ta’ dħul kif stabbiliti fl-Artikolu 6 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, jew kundizzjonijiet oħrajn għad-dħul jew residenza f’dak l-Istat Membru. Minn din id-definizzjoni jirriżulta li kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru mingħajr ma jissodisfa l-kundizzjonijiet għad-dħul jew għar-residenza f’dan il-pajjiż ikun, b’dan il-fatt biss, f’residenza irregolari, mingħajr ma din il-preżenza tkun suġġetta għal kundizzjoni ta’ perijodu minimu jew ta’ intenzjoni li wieħed jibqa’ f’dan it-territorju (sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016, Affum, C‑47/15, EU:C:2016:408, punt 48).

244

F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li l-Artikolu 5(1)b tal-Liġi dwar il-Fruntieri tal-Istat jippermetti li tiġi adottata miżura ta’ ritorn bil-forza lil hinn mill-għeluq tal-fruntiera kontra ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu f’residenza illegali fit-territorju Ungeriż, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115, ħlief jekk dawn iċ-ċittadini jkunu ssuspettati li wettqu reat.

245

It-tieni, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva jelenka r-raġunijiet li għalihom l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment, fis-sens ta’ dan il-punt 2 tal-Artikolu 3.

246

Madankollu, ma huwiex ikkontestat li l-Artikolu 5(1)b tal-Liġi dwar il-Fruntieri tal-Istat ma jillimitax il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu għall-kategoriji ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment li fir-rigward tagħhom l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2008/115 jawtorizza lill-Istati Membri jidderogaw minn din id-direttiva. Wara kollox, l-Ungerija ma ssostnix li dan l-Artikolu 5(1)b jaqa’ taħt waħda mid-derogi previsti f’dan l-Artikolu 2(2).

247

It-tielet, meta ċittadin ta’ pajjiż terz jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115, huwa għandu, bħala prinċipju, ikun suġġett għall-istandards u l-proċeduri komuni previsti minnha għat-tneħħija tiegħu u dan sakemm ir-residenza ma tkunx, jekk ikun il-każ, regolarizzata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Ġunju 2016, Affum, C‑47/15, EU:C:2016:408, punt 61, kif ukoll tad‑19 ta’ Marzu 2019, Arib et, C‑444/17, EU:C:2019:220, punt 39).

248

Bis-saħħa ta’ dawn l-istandards u proċeduri, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment għandu jkun is-suġġett ta’ proċedura ta’ ritorn, li l-ordni ta’ żvolġiment tal-istadji tagħha tikkorrispondi għal gradazzjoni tal-miżuri li għandhom jittieħdu għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn li għandha, bħala prinċipju, tkun ġiet adottata fil-konfront tiegħu, sabiex jiġi rripatrijat b’mod uman u b’osservanza sħiħa tad-drittijiet fundamentali tiegħu kif ukoll tad-dinjità tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Ġunju 2016, Affum, C-47/15, EU:C:2016:408, punt 62, kif ukoll tat-8 ta’ Mejju 2018, K. A. et (Unifikazzjoni tal-familja fil-Belġju), C‑82/16, EU:C:2018:308, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata).

249

B’hekk, ladarba jkun ikkonstatat li r-residenza hija irregolari, l-awtoritajiet kompetenti għandhom, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115 u mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjonijiet stipulati bl-Artikolu 6(2) sa (5) ta’ din id-direttiva, jadottaw deċiżjoni ta’ ritorn (sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Boudjlida, C‑249/13, EU:C:2014:2431, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

250

Mill-premessa 6 tad-Direttiva 2008/115 jirriżulta wkoll li din id-deċiżjoni ta’ ritorn għandha tittieħed fi tmiem proċedura ekwa u trasparenti. B’mod iktar partikolari, skont l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, meta l-awtorità nazzjonali kompetenti jkollha l-intenzjoni tadotta deċiżjoni ta’ ritorn, hija għandha, minn naħa, tosserva l-prinċipju ta’ non-refoulement u tieħu debitament inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi tal-wild, il-ħajja tal-familja u l-istat ta’ saħħa taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat u, min-naħa l-oħra, tisma’ lill-persuna kkonċernata dwar dan is-suġġett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2018, K. A. et (Unifikazzjoni tal-familja fil-Belġju), (C‑82/16, EU:C:2018:308, punti 101 sa 103).

251

Barra minn hekk id-Direttiva 2008/115 tistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ forma proċedurali li għalihom huma suġġetti d-deċiżjonijiet li jordnaw ritorn. Konformement mal-Artikolu 12(1) tagħha, dawn id-deċiżjonijiet għandhom jingħataw bil-miktub u għandhom ikunu motivati. Barra minn hekk, l-Artikolu 13(1) tiegħu jobbliga lill-Istati Membri jistabbilixxu rimedji ġudizzjarji effettivi kontra dawn id-deċiżjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2014, Mukarubega, C‑166/13, EU:C:2014:2336, punt 40).

252

Ladarba d-deċiżjoni ta’ ritorn tkun ġiet adottata, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa s-suġġett tagħha għandu, bħala prinċipju, jibbenefika, skont l-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, minn ċertu terminu sabiex jitlaq volontarjament mit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat. It-tkeċċija furzata sseħħ biss bħala l-aħħar rimedju, skont l-Artikolu 8 tal-istess direttiva, u bla ħsara għall-Artikolu 9 tagħha, li jimponi fuq l-Istati Membri li jipposponu t-tneħħija fil-każijiet li huwa jistabbilixxi.

253

Minn dan isegwi li, mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 6(2) sa (5) tad-Direttiva 2008/115, l-Istati Membri għandhom jadottaw deċiżjoni ta’ ritorn kontra ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment fit-territorju tagħhom u li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, b’osservanza tal-garanziji materjali u proċedurali li din tistabbilixxi, qabel ma tipproċedi, jekk ikun il-każ, għat-tneħħija tagħhom.

254

F’dan il-każ, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-Ungerija ma tikkontestax li, skont l-Artikolu 5(1)b tal-Liġi dwar il-Fruntieri tal-Istat, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment fit-territorju tagħha jistgħu jkunu suġġetti għal deportazzjoni forzata lil hinn mill-għeluq tal-fruntiera, mingħajr ma jiġu osservati, minn qabel, il-proċeduri u l-garanziji previsti fl-Artikolu 5, fl-Artikolu 6(1), fl-Artikolu 12(1) u fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/115. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-garanziji relatati mal-intervent tas-servizzi tal-pulizija, imressqa mill-Ungerija u miġbura fil-qosor fil-punt 240 ta’ din is-sentenza, ma jistgħux, evidentement, jitqiesu bħala li jikkorrispondu għall-garanziji previsti mid-Direttiva 2008/115.

255

It-tieni, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Ungerija, hemm lok li tiġi assimilata d-deportazzjoni forzata ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz b’residenza irregolari lil hinn mill-għeluq tal-fruntiera stabbilit fit-territorju tiegħu ma’ tneħħija minn dan it-territorju.

256

Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li, skont il-punt 5 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115, it-tneħħija tfisser it-trasferiment fiżiku barra mill-Istat Membru b’eżekuzzjoni ta’ obbligu ta’ ritorn, jibqa’ l-fatt li l-garanziji madwar il-proċeduri ta’ ritorn u ta’ tneħħija previsti minn din id-direttiva jiġu mċaħħda mill-effett utli tagħhom jekk Stat Membru jkun jista’ jiddispensa minn dan it-trasferiment, anki jekk huwa jwettaq tneħħija forzata ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, li huwa ekwivalenti, fil-prattika, għat-trasferiment fiżiku tiegħu barra mit-territorju tiegħu.

257

Issa, l-Ungerija tammetti li l-ispazju li jinsab bejn l-għeluq tal-fruntiera, li lil hinn minnu ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment jistgħu jiġu skortati b’forza, u l-fruntiera Serbo-Ungeriża hija limitata għal strixxa ta’ art li ma jkollha l-ebda infrastruttura. Wara li tmexxa b’forza mill-awtoritajiet tal-pulizija Ungeriżi fuq din l-istrixxa dejqa ta’ art, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, għaldaqstant, ma għandu l-ebda għażla oħra ħlief li jitlaq mit-territorju Ungeriż u li jmur is-Serbja sabiex ikun jista’ joqgħod hemm u jiekol.

258

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Ungerija, dan iċ-ċittadin ma għandux il-possibbiltà effettiva li jidħol, minn din l-istrixxa ta’ art, f’waħda miż-żewġ żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa sabiex hemmhekk jippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

259

Hekk kif ġie rrilevat fil-punt 128 ta’ din is-sentenza, kienet teżisti fil-fatt, tal-inqas sa tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata mibgħuta mill-Kummissjoni lill-Ungerija, prattika kostanti u ġeneralizzata tal-awtoritajiet Ungeriżi li tikkonsisti fit-tnaqqis drastiku tal-aċċess għal dawn iż-żoni ta’ tranżitu li rrendiet totalment illużorja l-possibbiltà, għal ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed jirrisjedi irregolarment li tmexxa b’forza lil hinn mill-għeluq tal-fruntiera, li jidħol, għal żmien qasir, f’waħda mill-imsemmija żoni ta’ tranżitu.

260

Wara kollox, ir-rappreżentant speċjali tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-migrazzjoni u r-refuġjati u l-Kumitat Ewropew għall-prevenzjoni tat-tortura u tal-pieni jew trattamenti inumani jew degradanti waslu, essenzjalment, għall-istess konklużjoni fir-rapporti tagħhom annessi mar-rikors tal-Kummissjoni.

261

Fl-aħħar nett, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Ungerija li l-Artikolu 5(1)b tal-Liġi dwar il-Fruntieri tal-Istat huwa ġġustifikat skont l-Artikolu 72 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(2) TUE, għal raġunijiet analogi għal dawk esposti fil-punti 216 u 217 ta’ din is-sentenza, peress li dan l-Istat Membru jillimita ruħu, f’dan ir-rigward, li jinvoka, b’mod ġenerali, riskju ta’ disturb għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà nazzjonali, mingħajr ma juri, b’mod suffiċjentement fid-dritt, in-neċessità li huwa kellu, għalih, li jidderoga speċifikament għad-Direttiva 2008/115, fid-dawl tas-sitwazzjoni prevalenti fit-territorju tiegħu fit‑8 ta’ Frar 2018 (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2020, Stadt Frankfurt am Main, C‑18/19, EU:C:2020:511, punti 27 sa 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

262

Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, tal-Artikolu 4(2) TUE, l-Ungerija ma turix li, fir-rigward ta’ din is-sitwazzjoni, il-preżervazzjoni effettiva tal-funzjonijiet Statali essenzjali msemmija minn din id-dispożizzjoni, bħal dik li tipproteġi s-sigurtà nazzjonali, setgħet tiġi żgurata biss billi ssir deroga mid-Direttiva 2008/115 (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, l-Ungerija u r-Repubblika Ċeka (Mekkaniżmu temporanju ta’ rilokazzjoni ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali), C‑715/17, C‑718/17 u C‑719/17, EU:C:2020:257, punt 170).

263

Għandu jiġi rrilevat ukoll li, billi adotta, b’mod partikolari, l-Artikolu 6(2), l-Artikolu 7(4), l-Artikolu 11(2) u (3), kif ukoll it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2008/115, il-leġiżlatur tal-Unjoni debitament ħa inkunsiderazzjoni l-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet li għandhom l-Istati Membri skont l-Artikolu 72 TFUE. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet jippermettu lil dawn l-Istati li jidderogaw minn diversi regoli imposti minn din id-direttiva meta l-protezzjoni tal-ordni pubbliku jew tas-sigurtà pubblika jew nazzjonali tirrikjedi dan.

264

Barra minn hekk, kif issostni l-Kummissjoni, l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2008/115, li l-Ungerija ma invokatx, huwa espressament iddedikat għas-sitwazzjonijiet ta’ emerġenza li Stat Membru jista’ jkollu jiffaċċja meta numru eċċezzjonalment għoli ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi suġġetti għal obbligu ta’ ritorn jkunu ta’ piż kbir u imprevist fuq il-kapaċità taċ-ċentri ta’ detenzjoni tiegħu jew fuq il-persunal amministrattiv u ġudizzjarju tiegħu. Skont dan l-Artikolu 18, l-Istati Membri li jkollhom jaffrontaw tali sitwazzjoni jistgħu jidderogaw minn ċerti regoli dwar it-tqegħid u ż-żamma f’detenzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu jirrisjedu fil-pajjiż illegalment, mingħajr madankollu ma jiksru l-obbligu ġenerali tagħhom li jieħdu l-miżuri xierqa kollha, sabiex jiżguraw l-osservanza tal-obbligi tagħhom li jirriżultaw mid-Direttiva 2008/115.

265

Fl-aħħar nett, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Ungerija, is-sempliċi fatt li huwa maħsub li ssir reviżjoni tad-Direttiva 2008/115 ma huwiex biżżejjed sabiex jintwera li d-dispożizzjonijiet attwalment fis-seħħ ta’ din id-direttiva ma ħadux debitament inkunsiderazzjoni r-responsabbiltajiet li għandhom l-Istati Membri fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 72 TFUE.

266

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li, billi ppermettiet it-tneħħija taċ-ċittadini kollha ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment fit-territorju nazzjonali, bl-eċċezzjoni ta’ dawk fosthom li huma ssuspettati li wettqu reat, mingħajr ma osservat il-proċeduri u l-garanziji previsti fl-Artikolu 5, fl-Artikolu 6(1), fl-Artikolu 12(1) u fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/115, l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt dawn id-dispożizzjonijiet.

Fuq il-ħames ilment, dwar id-dritt li wieħed jibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat

L-argumenti tal-partijiet

267

Il-Kummissjoni tqis, fl-ewwel lok, li l-Ungerija ma ttrasponietx b’mod korrett l-Artikolu 46(5) tad-Direttiva 2013/32, li jiggarantixxi d-dritt tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali li jibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat fl-istennija tat-tmiem tal-proċedura li għandha bħala suġġett l-eżami tal-azzjoni ġudizzjarja kontra d-deċiżjoni li ċaħdet, fl-ewwel istanza, l-applikazzjoni tiegħu.

268

Hija tirrileva f’dan ir-rigward li, skont id-dritt Ungeriż, il-preżentata ta’ rikors kontra deċiżjoni amministrattiva ma għandhiex, bħala prinċipju, effett sospensiv, peress li l-Artikolu 50 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva Kontenzjuża jipprevedi biss il-possibbiltà għal qorti li tordna tali effett taħt ċerti kundizzjonijiet.

269

Il-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, bħala lex specialis, tistabbilixxi min-naħa tagħha, ir-regoli fil-qasam tal-kontenzjuż amministrattiv applikabbli għall-istħarriġ tad-deċiżjonijiet fil-qasam tal-ażil. Issa, il-Liġi dwar il-Ġestjoni tal-Immigrazzjoni Massiva, li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Awwissu 2015, ħassret id-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil li jiggarantixxu espliċitament l-effett sospensiv tar-rikorsi kontra d-deċiżjonijiet ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Dan it-tħassir japplika wkoll fl-assenza ta’ sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva.

270

L-Artikolu 5(1)(a) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil jirrikonoxxi, ċertament, dritt ta’ residenza lill-applikant. Madankollu, din id-dispożizzjoni tissuġġetta tali dritt għal kundizzjonijiet supplimentari li ma humiex esposti preċiżament. Barra minn hekk, l-Artikolu 80/J(5) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, applikabbli f’sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva, lanqas ma jiggarantixxi traspożizzjoni adegwata tal-Artikolu 46(5) tad-Direttiva 2013/32. Fil-fatt, ir-residenza fiż-żona ta’ tranżitu, imposta minn dan l-Artikolu 80/J(5), għandha tiġi kklassifikata bħala detenzjoni u ma tikkorrispondix għar-rekwiżiti tal-Artikolu 46 ta’ din id-direttiva.

271

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet li jiċħdu bħala inammissibbli applikazzjoni għall-ażil, imsemmija fl-Artikolu 46(6) tad-Direttiva 2013/32, l-Artikolu 53(6) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil jipprevedi li l-preżentata tar-rikors għal dan il-għan ma għandhiex, bħala prinċipju, effett sospensiv, li ma huwiex konformi ma’ dan l-Artikolu 46(6), li jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jew jiggarantixxu l-effett sospensiv awtomatiku tar-rikorsi kontra deċiżjonijiet ta’ inammissibbiltà, jew jiżguraw li qorti tadotta deċiżjoni li tikkonċerna tali effett sospensiv.

272

Barra minn hekk, il-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil ma tispeċifikax b’mod ċar jekk l-Artikolu 50 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva Kontenzjuż huwiex applikabbli għall-proċeduri ġudizzjarji li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil.

273

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-każijiet imsemmija fl-Artikolu 46(6)(a) u (b) tad-Direttiva 2013/32, li għalihom tapplika r-regola prevista fl-Artikolu 46(5) ta’ din id-direttiva, il-Kummissjoni tammetti li dawn huma msemmija fl-Artikolu 51(2)(e) u (7)(h) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil u li l-Artikolu 53(6) ta’ din il-liġi jipprevedi li l-preżentata ta’ rikors ma għandhiex l-effett li tissospendi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, bl-eċċezzjoni tad-deċiżjonijiet fil-qasam ta’ dan l-Artikolu 51(2)(e) u (7)(h).

274

Madankollu, il-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil ma tipprevedix b’mod ċar li l-preżentata ta’ rikors intiż sabiex jikkontesta d-deċiżjonijiet adottati abbażi tal-imsemmi Artikolu 51(2)(e) u (7)(h) għandha effett sospensiv. Huwa biss raġunament a contrario li jippermetti li jiġi konkluż li regola differenti minn dik tal-assenza ta’ effett sospensiv hija applikabbli. Fi kwalunkwe każ, it-test tal-Liġi dwar id-Dritt tal-Ażil ma jispeċifikax jekk din ir-regola differenti timplikax effett sospensiv awtomatiku, kif jirrikjedi l-Artikolu 46(5) u (6)(a) u (b) tad-Direttiva 2013/32.

275

L-Ungerija twieġeb li l-leġiżlazzjoni tagħha tiżgura b’mod adegwat il-possibbiltà, għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, li jibqgħu fit-territorju tagħha, skont l-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32, anki jekk dan l-artikolu ma ġiex traspost litteralment fid-dritt nazzjonali tagħha.

276

Fl-ewwel lok, l-Artikolu 5(1) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil jipprevedi li l-applikant għandu d-dritt li jirrisjedi fit-territorju Ungeriż skont il-kundizzjonijiet previsti minn din il-liġi. Dan id-dritt għandu jiġi ggarantit lil kull applikant suġġett għal proċedura ta’ ażil, li jimplika, skont l-Artikolu 35(1) tal-imsemmija liġi, li huwa jibbenefika minnu san-notifika tad-deċiżjoni mogħtija fi tmiem il-proċedura ta’ ażil, deċiżjoni li tikkorrispondi, jekk ikun il-każ, għad-deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija wara l-eżami tar-rikors intiż li jikkontesta d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

277

Ir-riferiment għall-kundizzjonijiet previsti mil-liġi, magħmul mill-Artikolu 5(1) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, jimplika li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għandu jikkonforma ruħu mal-istatus ta’ applikant iddefinit fil-liġi. Kundizzjoni oħra tista’ tkun l-obbligu, għall-applikant, li jirrisjedi fil-post indikat mill-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil. L-Artikolu 80(5) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil jistitwixxi regola ta’ dan it-tip. Fl-aħħar nett, dawn il-kundizzjonijiet huma intiżi wkoll sabiex jeskludu mill-benefiċċju tad-dritt ta’ residenza l-applikant għal protezzjoni internazzjonali li jippreżenta mill-ġdid applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, konformement mal-Artikolu 80/K(11) ta’ din il-liġi.

278

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 80/J(5) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, meta sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva tiġi ddikjarata, l-applikant għandu d-dritt li jirrisjedi fiż-żona ta’ tranżitu kkonċernata u, għaldaqstant, fit-territorju Ungeriż, san-notifika tad-deċiżjoni definittiva, konformement mal-Artikolu 80/J(2) ta’ din il-liġi.

279

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-ipoteżijiet imsemmija fl-Artikolu 46(6) tad-Direttiva 2013/32, l-applikant ikun, skont l-Artikolu 50 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva Kontenzjuża, f’pożizzjoni li jitlob protezzjoni ġudizzjarja immedjata, li tista’ tirriżulta fl-għoti ta’ effett sospensiv u, minħabba f’hekk, mill-possibbiltà li jibqa’ fit-territorju Ungeriż.

280

Fit-tielet lok, l-ipoteżijiet imsemmija fl-Artikolu 46(6)(a) u (b) tad-Direttiva 2013/32, li għalihom japplika l-Artikolu 46(5), huma koperti bl-Artikolu 51(2)(e) u (7)(h) tal-Liġi dwar id-Dritt dwar għall-Ażil, filwaqt li d-dritt li jibqgħu fit-territorju huwa żgurat, ipso iure, f’dawn iż-żewġ każijiet.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

281

Permezz tal-ħames ilment tagħha, il-Kummissjoni tikkritika, essenzjalment, lill-Ungerija talli naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 46(5) u (6) tad-Direttiva 2013/32, minħabba li dan l-Istat Membru ma jiggarantixxix, fil-kundizzjonijiet previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet, id-dritt tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jibqgħu fit-territorju tiegħu, fl-istennija tat-tmiem tal-proċedura li għandha bħala suġġett l-eżami tar-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni li ċaħdet, fl-ewwel istanza, l-applikazzjoni tagħhom.

– Fuq l-ewwel parti tal-ħames ilment, dwar l-Artikolu 46(5)(b) tad-Direttiva 2013/32

282

L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 46(5) tad-Direttiva 2013/32, l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali huma awtorizzati, mingħajr preġudizzju għall-każijiet previsti fl-Artikolu 41(1) u fl-Artikolu 46(6) ta’ din id-direttiva, li jibqgħu fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat sal-iskadenza tat-terminu previst għall-eżerċizzju tad-dritt tagħhom għal rimedju effettiv kontra d-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 46, jekk dan id-dritt ikun ġie eżerċitat fit-terminu previst, fl-istennija tal-eżitu tiegħu.

283

Skont l-Artikolu 2(p) tad-Direttiva 2013/32, l-espressjoni “tibqa’ fl-Istat Membru” tirreferi għall-fatt li persuna tibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru li fih ġiet ippreżentata jew eżaminata l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, inkluż fil-fruntiera jew f’waħda miż-żoni ta’ tranżitu tiegħu.

284

It-tieni nett, għandu jiġi enfasizzat li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew il-persuna mingħajr stat li l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali ġiet miċħuda, fl-ewwel istanza, mill-awtorità determinanti, jibqa’ jibbenefika, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2013/33, moqri flimkien mal-Artikolu 2(b) tagħha, mill-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza, previsti minn din id-direttiva, sakemm huwa awtorizzat jirrisjedi fit-territorju, skont l-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32, sabiex jikkontesta tali deċiżjoni ta’ ċaħda.

285

Fil-fatt, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2013/33 jipprevedi li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali jibbenefika mill-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza previsti minn din id-direttiva, sakemm dan ikun awtorizzat jibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat fil-kwalità tiegħu ta’ applikant u, skont l-Artikolu 2(b) tal-imsemmija direttiva, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew il-persuna mingħajr stat għandu jitqies bħala applikant għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tal-istess direttiva, sakemm ma tkunx ingħatat deċiżjoni definittiva dwar l-applikazzjoni tiegħu.

286

Issa, fid-dawl tar-rabta stretta li teżisti bejn il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2013/32 u dak tad-Direttiva 2013/33, għandha tinżamm, għall-finijiet tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2013/33, l-istess definizzjoni tad-deċiżjoni finali bħal dik li l-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2013/32 jadotta sabiex jiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-aħħar direttiva, jiġifieri kull deċiżjoni li tistabbilixxi jekk il-persuna kkonċernata ngħatatx l-istatus ta’ refuġjat jew ta’ benefiċjarju tal-protezzjoni sussidjarja u li ma tistax iktar tiġi kkontestata f’kuntest ta’ rikors ippreżentat kontra din id-direttiva tal-aħħar.

287

Minn dan isegwi, minn naħa, li, għalkemm l-Artikolu 46(5) tad-Direttiva 2013/32 sempliċement jagħti lill-applikant għal protezzjoni internazzjonali li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu dritt li jibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, l-eżistenza ta’ dan id-dritt hija madankollu stabbilita b’mod inkundizzjonat, mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 41(1) u fl-Artikolu 46(6) ta’ din id-direttiva, u, min-naħa l-oħra, li Stat Membru jista’ jistabbilixxi modalitajiet għall-eżerċizzju ta’ tali dritt biss sakemm dawn tal-aħħar ikunu konformi, b’mod partikolari, mad-Direttivi 2013/32.

288

It-tielet nett, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva għandhom jiġu implimentati b’mod li jkollhom saħħa vinkolanti inkontestabbli, bl-ispeċifiċità, bil-preċiżjoni u biċ-ċarezza meħtieġa sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali li jirrikjedi li, fil-każ fejn id-direttiva tkun intiża li toħloq drittijiet għall-individwi, il-benefiċjarji jkunu f’pożizzjoni li jkunu jafu d-drittijiet kollha tagħhom (sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑354/98, EU:C:1999:386, punt 11; tal‑14 ta’ Marzu 2006, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑177/04, EU:C:2006:173, punt 48, u tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑599/17, mhux ippubblikata, EU:C:2018:813, punt 19 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

289

Minn dan isegwi li, meta Stat Membru jiddeċiedi li jistabbilixxi modalitajiet ta’ eżerċizzju tad-dritt li wieħed jibqa’ fit-territorju tiegħu, kif stabbilit fl-Artikolu 46(5) tad-Direttiva 2013/32, dawn tal-aħħar għandhom jiġu ddefiniti b’mod suffiċjentement ċar u preċiż sabiex l-applikant għal protezzjoni internazzjonali jkun jista’ jkun jaf il-portata eżatta ta’ tali dritt u jkun jista’ jiġi evalwat jekk tali modalitajiet humiex kompatibbli, b’mod partikolari, mad-Direttivi 2013/32 u 2013/33.

290

Bil-benefiċċju ta’ dawn l-osservazzjonijiet, għandu, f’dan il-każ, jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li ma huwiex ikkontestat li, meta tiġi ddikjarata sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva, l-Artikolu 80/J(5) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil jistabbilixxi, b’deroga mill-Artikolu 5(1)(a) ta’ din il-liġi, li l-applikanti huma obbligati li jibqgħu fiż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa sat-tmiem tal-proċedura li għandha bħala suġġett l-eżami tar-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil li ċaħdet l-applikazzjoni tagħhom.

291

Dan l-Artikolu 80/J(5) jiggarantixxi b’hekk li l-applikanti jkollhom id-dritt li jibqgħu fit-territorju Ungeriż sakemm tkun pendenti l-azzjoni ġudizzjarja kontra d-deċiżjoni li tkun ċaħdet l-applikazzjoni tagħhom. Madankollu, kif ġie rrilevat fil-punt 226 ta’ din is-sentenza, dawn huma suġġetti, matul dan il-perijodu, għal sistema ta’ detenzjoni ġġeneralizzata, f’dawn iż-żoni ta’ tranżitu, inkompatibbli mad-drittijiet li huma rrikonoxxuti lilhom fl-Artikolu 24(3) u fl-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32 kif ukoll fl-Artikoli 8, 9 u 11 tad-Direttiva 2013/33.

292

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, b’mod iktar partikolari, fid-dawl tas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kuntest tal-eżami ta’ dan l-ilment, li ebda waħda mir-raġunijiet ta’ detenzjoni elenkati fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33 ma tkopri l-ipoteżi ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali li l-applikazzjoni tiegħu ġiet miċħuda fl-ewwel istanza mill-awtorità determinanti u li għadu jgawdi minn terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra din id-deċiżjoni jew li ppreżenta tali rikors.

293

Issa, kif jirriżulta mill-punt 287 ta’ din is-sentenza, Stat Membru ma jistax jimponi modalitajiet ta’ eżerċizzju tad-dritt li wieħed jibqa’ fit-territorju tiegħu, iggarantit fl-Artikolu 46(5) tad-Direttiva 2013/32, li jikser id-drittijiet iggarantiti lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali mid-Direttivi 2013/32 u 2013/33.

294

Minn dan isegwi li, billi ppermettiet, fil-każ ta’ dikjarazzjoni ta’ sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva, lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali li l-applikazzjoni tagħhom ġiet miċħuda fl-ewwel istanza mill-awtorità determinanti li jibqgħu fit-territorju tagħha biss bil-kundizzjoni li dawn jitqiegħdu f’detenzjoni b’mod kuntrarju għad-Direttivi 2013/32 u 2013/33, l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 46(5) tad-Direttiva 2013/32.

295

Fit-tieni lok, ma huwiex ikkontestat li, meta ebda sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva ma tiġi ddikjarata, l-Artikolu 5(1)(a) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, li ma tneħħietx bil-Liġi Nru XX tal-2017, jipprevedi li l-applikant għall-ażil għandu d-dritt li jirrisjedi fit-territorju Ungeriż konformement mal-kundizzjonijiet previsti minn din il-liġi, peress li tali dritt jeżisti, skont l-Artikolu 35(1) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, san-notifika tad-deċiżjoni mhux appellabbli mogħtija fi tmiem il-proċedura ta’ ażil.

296

Il-Kummissjoni tqis madankollu li din il-leġiżlazzjoni ma tiggarantixxix lill-applikant għal protezzjoni internazzjonali dritt li jibqa’ fit-territorju Ungeriż, fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 46(5) tad-Direttiva 2013/32, għar-raġuni li dan id-dritt huwa suġġett, fl-Artikolu 5(1) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, għal kundizzjonijiet li ma humiex iddefiniti b’mod ieħor.

297

L-Ungerija enfasizzat, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha u waqt is-seduta, li l-kundizzjonijiet li għalihom jirreferi dan l-Artikolu 5(1), jikkonsistu f’li jkun rikjest, minn naħa, li l-persuna kkonċernata tikkonforma ruħha mal-istatus ta’ applikant iddefinit mil-liġi u tosserva, barra minn hekk, l-obbligu impost fuqha, jekk ikun il-każ, li tirrisjedi f’post partikolari, li jista’ jkun, skont l-Artikolu 80/J(5) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, waħda miż-żewġ żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa, meta sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva tkun ġiet iddikjarata. Min-naħa l-oħra, skont dan l-Istat Membru, dawn il-kundizzjonijiet huma intiżi wkoll li jċaħħdu, konformement mal-Artikolu 80/K(11) ta’ din il-liġi, id-dritt li jibqa’ fit-territorju Ungeriż l-applikant li jkun ippreżenta applikazzjoni ġdida għall-ażil, filwaqt li tkun ingħatat deċiżjoni definittiva ta’ għeluq jew ta’ ċaħda fir-rigward tal-applikazzjoni preċedenti tiegħu.

298

F’dan ir-rigward, l-ewwel, għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2013/33, l-Istati Membri jistgħu jimponu, taħt ċerti kundizzjonijiet, post ta’ residenza fuq l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, inkluż wara li l-applikazzjoni tagħhom tkun ġiet miċħuda, fl-ewwel istanza, mill-awtorità determinanti. Għaldaqstant, ma jistax jitqies li jmur kontra l-Artikolu 46(5) tad-Direttiva 2013/32 li d-dritt li persuna tibqa’ fit-territorju ta’ Stat Membru jkun suġġett għall-osservanza ta’ tali kundizzjoni ta’ residenza sakemm din tal-aħħar tosserva l-garanziji previsti fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2013/33. Madankollu hemm lok li jiġi rrilevat li l-Ungerija ma tidentifikax dispożizzjoni tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil li tinkludi preċiżament tali kundizzjoni.

299

It-tieni, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 80/J(5) u l-Artikolu 80/K(11) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil huma intiżi biss li japplikaw meta sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva tkun ġiet iddikjarata u li, kif ammettiet l-Ungerija waqt is-seduta, f’każ bħal dan, l-Artikolu 5(1)(a) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil ma huwiex applikabbli. Għaldaqstant, dan l-Istat Membru ma jistax, mingħajr ma jikkontradixxi lilu nnifsu, jafferma li l-Artikolu 80/J(5) u l-Artikolu 80/K(11) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li fihom japplika l-Artikolu 5(1) ta’ din il-liġi.

300

Fl-aħħar nett, it-tielet nett, għandu jiġi rrilevat li l-kundizzjoni li timponi l-osservanza tal-istatus ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali ddefinit mil-liġi u li għaliha, skont id-dikjarazzjonijiet tal-Ungerija stess, id-dritt ta’ residenza li jirriżulta mill-Artikolu 5(1)(a) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, hija wkoll suġġetta, tista; tingħata diversi interpretazzjonijiet u tirreferi għal kundizzjonijiet oħra li ma ġewx identifikati minn dan l-Istat Membru.

301

Issa, kif ġie rrilevat fil-punt 289 ta’ din is-sentenza, meta Stat Membru jipprevedi modalitajiet ta’ eżerċizzju tad-dritt li wieħed jibqa’ fit-territorju tiegħu, iggarantit fl-Artikolu 46(5) tad-Direttiva 2013/32, dawn il-modalitajiet għandhom jiġu identifikati b’mod suffiċjentement ċar u preċiż sabiex l-applikant għal protezzjoni internazzjonali jkun jista’ jkun jaf il-portata eżatta ta’ tali dritt u jkun jista’ jiġi evalwat jekk tali modalitajiet humiex kompatibbli, b’mod partikolari, mad-Direttivi 2013/32 u 2013/33.

302

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 46(5) tad-Direttiva 2013/32.

– Fuq it-tieni parti tal-ħames ilment, li tirrigwarda l-Artikolu 46(6)(c) tad-Direttiva 2013/32

303

B’deroga mill-Artikolu 46(5) tad-Direttiva 2013/32, l-Artikolu 46(6) tagħha jippermetti lill-Istati Membri, fil-każijiet li din id-dispożizzjoni tipprevedi, b’mod partikolari meta d-deċiżjoni li tiċħad l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tkun ibbażata fuq ċerti raġunijiet ta’ inammissibbiltà, li ma jagħtux awtomatikament dritt li wieħed jibqa’ fit-territorju fl-istennija tal-eżitu tar-rikors ippreżentat mill-applikant, sakemm qorti jkollha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi jekk il-persuna kkonċernata tistax tibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, minkejja d-deċiżjoni adottata fl-ewwel istanza li tkun is-suġġett tagħha.

304

Skont il-Kummissjoni, l-Ungerija ma ttrasponietx b’mod korrett l-imsemmija dispożizzjoni minħabba, minn naħa, li l-Artikolu 53(6) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil ma jagħtix effett sospensiv lill-preżentata tar-rikors kontra deċiżjoni li tiċħad l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli u, min-naħa l-oħra, li din il-liġi ma tippreċiżax b’mod ċar jekk l-Artikolu 50 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva Kontenzjuża, li jippermetti li tintalab lill-qorti kompetenti adita s-sospensjoni tad-deċiżjoni amministrattiva kkontestata, huwiex applikabbli għall-proċeduri ġudizzjarji li jaqgħu taħt il-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil.

305

Minn dan isegwi li l-Kummissjoni tikkritika, essenzjalment, lill-Ungerija talli ma ttrasponietx, b’mod suffiċjentement ċar u preċiż, l-Artikolu 46(6) tad-Direttiva 2013/32, minħabba li l-leġiżlazzjoni Ungeriża ma tispeċifikax espressament li l-Artikolu 50 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva Kontenzjuża japplika għad-deċiżjonijiet li jiċħdu bħala inammissibbli applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

306

Madankollu tali argument ma huwiex fondat.

307

Fil-fatt, hekk kif l-Avukat Ġenerali essenzjalment irrileva fil-punt 207 tal-konklużjonijiet tiegħu, is-sempliċi fatt li l-Artikolu 50 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva Kontenzjuża għandu portata ġenerali u li l-Artikolu 53(6) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil ma jippreċiżax li dan l-Artikolu 50 japplika fil-kuntest tal-proċeduri rregolati minn din il-liġi, ma huwiex biżżejjed sabiex jitqies li l-Ungerija ma kkonformatx ruħha b’mod preċiż u suffiċjentement ċar mal-Artikolu 46(6) tad-Direttiva 2013/32. F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-Artikolu 53(6) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil ma jeskludix l-applikazzjoni tal-istess Artikolu 50, u lanqas ma jistabbilixxi regola li tkun inkompatibbli ma’ dan l-aħħar artikolu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma pproduċiet ebda prova li tippermetti li tiġi ddubitata l-possibbiltà li l-qrati Ungeriżi japplikaw l-Artikolu 50 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva Kontenzjuża fil-kuntest tal-eżami ta’ rikors ġudizzjarju dirett kontra deċiżjoni li tiċħad bħala inammissibbli applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

308

Minn dan isegwi li t-tieni parti tal-ħames ilment għandha tiġi miċħuda bħala infondata, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 50 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva Kontenzjuża jikkostitwixxix, għall-bqija, traspożizzjoni kompleta u korretta tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 46(6) tad-Direttiva 2013/32.

– Fuq it-tielet parti tal-ħames motiv, dwar l-Artikolu 46(6)(a) u (b) tad-Direttiva 2013/32

309

B’deroga mir-regola stabbilita fl-Artikolu 46(6) tad-Direttiva 2013/32, mill-punti (a) u (b) ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li, meta l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiġi miċħuda bħala infondata minħabba ċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 31(8)(h) ta’ din id-direttiva jew hija ddikjarata inammissibbli skont l-Artikolu 33(2)(c) u (e) tagħha, id-dritt li wieħed jibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru għandu jingħata fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 46(5) tal-imsemmija direttiva, u mhux fl-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 46(6) tagħha.

310

Il-Kummissjoni tikkritika lill-Ungerija talli ma ttrasponietx b’mod suffiċjentement ċar u preċiż din ir-regola ta’ deroga għar-raġuni li l-Artikolu 53(6) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil ma jurix b’mod ċar li l-preżentata tar-rikors għandha effett sospensiv, meta dan għandu bħala għan li jikkontesta deċiżjoni adottata abbażi tal-Artikolu 51(2)(e) u (7)(h) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil.

311

Tali argument għandu madankollu jiġi miċħud bħala infondat.

312

Fil-fatt, kif l-Avukat Ġenerali essenzjalment irrileva fil-punt 211 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 53(6) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil jirriżulta b’mod ċar li r-rikorsi ppreżentati kontra deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikolu 51(2)(e) u (7)(h) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil għandhom effett sospensiv awtomatiku.

313

Għaldaqstant, it-tielet parti tal-ħames ilment għandha wkoll tiġi miċħuda bħala infondata, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 53(6) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil jikkostitwixxix, għall-bqija, traspożizzjoni sħiħa u korretta tal-Artikolu 46(6)(a) u (b) tad-Direttiva 2013/32.

314

Minn dan isegwi li l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 46(5) tad-Direttiva 2013/32 billi ssuġġettat għal kundizzjonijiet li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni l-eżerċizzju, mill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, tad-dritt tagħhom li jibqgħu fit-territorju tagħha.

315

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi kkunsidrat li l-Ungerija naqset mill-obbligi li hija għandha skont l-Artikolu 5, l-Artikolu 6(1), l-Artikolu 12(1) u l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/115, l-Artikolu 6, l-Artikolu 24(3), l-Artikolu 43 u l-Artikolu 46(5) tad-Direttiva 2013/32, u tal-Artikoli 8, 9 u 11 tad-Direttiva 2013/33.

billi pprevediet li l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat li, meta jaslu mis-Serbja, jixtiequ jaċċedu, fit-territorju tagħha, għall-proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali fl-Ungerija, jistgħu jiġu ppreżentati biss fiż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa, filwaqt li tiġi adottata prassi amministrattiva kostanti u ġeneralizzata li tillimita drastikament in-numru ta’ applikanti awtorizzati li jidħlu kuljum f’dawn iż-żoni ta’ tranżitu;

billi stabbilixxiet sistema ta’ detenzjoni ġġeneralizzata tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali fiż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa, mingħajr ma osservat il-garanziji previsti fl-Artikolu 24(3) u fl-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32 kif ukoll fl-Artikoli 8, 9 u 11 tad-Direttiva 2013/33;

billi tippermetti t-tneħħija taċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment fit-territorju tagħha, bl-eċċezzjoni ta’ dawk fosthom li huma ssuspettati li wettqu reat, mingħajr ma ġew osservati l-proċeduri u l-garanziji previsti fl-Artikolu 5, fl-Artikolu 6(1), fl-Artikolu 12(1) u fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/115;

billi ssuġġettat għal kundizzjonijiet li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni l-eżerċizzju, mill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 46(5) tad-Direttiva 2013/32, tad-dritt tagħhom li jibqgħu fit-territorju tagħha.

316

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

Fuq l-ispejjeż

317

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-Artikolu 138(3) tal-imsemmija regoli, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher ġustifikat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra. Peress li l-Kummissjoni talbet li l-Ungerija tiġi kkundannata għall-ispejjeż u peress li din tilfet il-parti l-kbira tal-motivi tagħha, hemm lok, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, li l-Ungerija tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, erbgħa minn ħamsa tal-ispejjeż tal-Kummissjoni. Din l-aħħar imsemmija tbati kwint tal-ispejjeż tagħha.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Ungerija naqset mill-obbligi tagħha skont l-Artikolu 5, l-Artikolu 6(1), l-Artikolu 12(1) u l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, tal-Artikolu 6, l-Artikolu 24(3), l-Artikolu 43 u l-Artikolu 46(5) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, u tal-Artikoli 8, 9 u 11 tad-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza;

billi pprovdiet li l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat li, meta jaslu mis-Serbja, jixtiequ jaċċedu, fit-territorju tagħha, għall-proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali fl-Ungerija, jistgħu jiġu ppreżentati biss fiż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa (l-Ungerija), filwaqt li tiġi adottata prassi amministrattiva kostanti u ġeneralizzata li tillimita drastikament in-numru ta’ applikanti awtorizzati li jidħlu kuljum f’dawn iż-żoni ta’ tranżitu;

billi stabbilixxiet sistema ta’ detenzjoni ġġeneralizzata tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali fiż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa, mingħajr ma osservat il-garanziji previsti fl-Artikolu 24(3) u fl-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32 kif ukoll fl-Artikoli 8, 9 u 11 tad-Direttiva 2013/33;

billi tippermetti t-tneħħija taċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment fit-territorju tagħha, bl-eċċezzjoni ta’ dawk fosthom li huma ssuspettati li wettqu reat, mingħajr ma ġew osservati l-proċeduri u l-garanziji previsti fl-Artikolu 5, fl-Artikolu 6(1), fl-Artikolu 12(1) u fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/115;

billi ssuġġettat għal kundizzjonijiet li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni l-eżerċizzju, mill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 46(5) tad-Direttiva 2013/32, tad-dritt tagħhom li jibqgħu fit-territorju tagħha.

 

2)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

 

3)

L-Ungerija għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, erba’ minn ħamsa tal-ispejjeż tal-Kummissjoni Ewropea.

 

4)

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati kwint tal-ispejjeż tagħha.

 

Firma


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.

Top