Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0769

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tat-12 ta’ Marzu 2020.
    Caisse d’assurance retraite et de la santé au travail d’Alsace-Moselle vs SJ u Ministre chargé de la Sécurité sociale.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour de cassation (Franza).
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 5(b) – Żieda fir-rata tal-pensjoni tax-xjuħija – Teħid inkunsiderazzjoni ta’ allowance mħallsa għall-edukazzjoni ta’ wild b’diżabbiltà fi Stat Membru ieħor – Prinċipju ta’ assimilazzjoni tal-fatti.
    Kawża C-769/18.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:203

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

    12 ta’ Marzu 2020 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 5(b) – Żieda fir-rata tal-pensjoni tax-xjuħija – Teħid inkunsiderazzjoni ta’ allowance mħallsa għall-edukazzjoni ta’ wild b’diżabbiltà fi Stat Membru ieħor – Prinċipju ta’ assimilazzjoni tal-fatti”

    Fil-Kawża C‑769/18,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Novembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Diċembru 2018, fil-proċedura

    Caisse d’assurance retraite et de la santé au travail d’Alsace-Moselle

    vs

    SJ,

    Ministre chargé de la Sécurité sociale,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

    komposta minn L. S. Rossi (Relatur), President tal-Awla, J. Malenovský u F. Biltgen, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

    Reġistratur: C. Strömholm, amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑24 ta’ Ottubru 2019,

    wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għall-caisse d’assurance retraite u de la santé au travail d’Alsace-Moselle, minn J.-J. Gatineau, avukat,

    għall-Gvern Franċiż, minn A.-L. Desjonquères, A. Daly, D. Colas, A. Ferrand u R. Coesme, bħala aġenti,

    għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Pavliš u J. Vláčil, bħala aġenti,

    għall-Gvern Ġermaniż, minn D. Klebs, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Valero u B.-R. Killmann, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 988/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 (ĠU 2009, L 284, p. 43) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 883/2004”).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-caisse d’assurance retraite et de la santé au travail d’Alsace-Moselle (il-Fond ta’ Assigurazzjoni għall-Pensjoni u tas-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol ta’ Alsace-Moselle, Franza, iktar ’il quddiem il-“CARSAT”) u SJ u l-Ministru responsabbli mis-Sigurtà Soċjali dwar it-teħid inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-kalkolu tal-pensjoni tal-irtirar ta’ SJ, taż-żieda tat-tul tal-karriera li huwa jista’ titlob għall-edukazzjoni tal-wild b’diżabbiltà tagħha.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Il-premessi 9 u 12 tar-Regolament Nru 883/2004 jistabbilixxu:

    “(9)

    Il-Qorti tal-Ġustizzja tat, diversi drabi, opinjoni dwar il-possibbiltà ta’ trattament ugwali fir-rigward ta’ benefiċċji, dħul u fatti; dan il-prinċipju għandhu jkun adottat b’mod espliċitu u żviluppat skond is-sustanza u l-ispirtu ta’ deċiżjonijiet legali.

    […]

    12)

    Fid-dawl ta’ proporzjonalità, għandha tingħata attenzjoni sabiex ikun assigurat li l-prinċipju ta’ assimilazzjoni ta’ fatti jew każijiet ma jwassalx għal riżultati li, b’mod oġġettiv, ma jkunux ġustifikati jew għall-overlapping ta’ benefiċċji ta’ l-istess tip għall-istess perjodu.”

    4

    L-Artikolu 1(z) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li, għall-finijiet ta’ dan tal-aħħar, “‘benefiċċji marbut mal-familja’ tfisser il-benefiċċji kollha in natura jew fi flus maħsuba biex jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż tal-familja, minbarra għotjiet ta’ pagamenti għall-manteniment u allowances speċjali marbutin mat-twelid ta’ tarbija jew ma’ adozzjoni msemmija fl-Anness I.”

    5

    L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, intitolat “Oqsma koperti” jipprevedi:

    “1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal-leġislazzjoni kollha li tikonċerna l-fetgħat li ġejjin tas-sigurtà soċjali:

    a)

    benefiċċji marbutin mal-mard;

    […]

    ċ)

    benefiċċji marbutin ma’ l-invalidità;

    d)

    benefiċċji marbuta ma’ l-età;

    […]

    j)

    benefiċċji marbuta mal-familja.

    […]

    3.   Dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għal benefiċċji speċjali, li mhumiex kontributorji, li jingħataw fi flus u li huma koperti mill-Artikolu 70.

    […]

    5.   Dan ir-Regolament m’għandux japplika għal:

    a)

    assistenza soċjali u medika […];

    […]”

    6

    L-Artikolu 5 tal-istess regolament, intitolat “Trattament ugwali ta’ benefiċċji, dħul, fatti u każijiet”, huwa fformulat kif ġej:

    “Sakemm dan ir-Regolament ma jgħidx mod ieħor, u fid-dawl tad-disposizzjonijiet speċjali ta’ implimentazzjoni stabbiliti, għandu japplika dan li ġej:

    a)

    meta, taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti, ir-riċeviment ta’ benefiċċji tas-sigurtà soċjali u ta’ dħul ieħor joħloq ċerti effetti legali, id-disposizzjonijiet rilevanti ta’ dik il-leġislazzjoni għandhom japplikaw ukoll għar-riċeviment ta’ benefiċċji ekwivalenti miksuba taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor u għal dħul miksub fi Stat Membru ieħor;

    b)

    meta, taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti, jkunu attribwiti ċerti effetti legali meta jseħħu ċerti fatti jew każijiet, dak l-Istat Membru għandu jqis fatti u każijiet simili li jseħħu fi kwalunkwe Stat Membru bħallikieku seħħew fit-territorju tiegħu.”

    7

    L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Dikjarazzjonijiet tal-Istati Membri dwar l-ambitu ta’ dan ir-Regolament”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni Ewropea bil-miktub […] il-leġiżlazzjoni u l-iskemi msemmija fl-Artikolu 3 […].”

    8

    Skont l-Artikolu 70(2) ta’ dan ir-regolament:

    “Għall-għanijiet ta’ dan il-Kapitolu, ‘benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji u li jingħataw fi flus’ tfisser dawn il-benefiċċji li:

    a)

    huma maħsuba biex jagħtu jew:

    i)

    protezzjoni supplimentari, sostituta jew sekondarja kontra r-riskji koperti mill-fergħat ta’ sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 3(1), u li jiggarantixxu lill-persuni konċernati dħul minimu għall-għajxien fil-waqt li jikkunsidraw is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fl-Istat Membru konċernat;

    ii)

    protezzjoni speċifika biss għal persuni b’diżabilità, liema protezzjoni hija marbuta ma’ l-ambjent soċjali tal-persuna konċernata fl-Istat Membru konċernat,

    u

    b)

    meta l-iffinanzjar jiġi b’mod esklużiv minn taxxi obbligatorji maħsubin biex ikopru l-ispiża pubblika ġenerali u l-kondizzjonijiet biex jingħataw u biex ikunu ikkalkulati l-benefiċċji ma jiddependux fuq xi kontribuzzjoni fir-rigward tal-benefiċjarju. Madanakollu, benefiċċji mogħtija biex jissupplimentaw benefiċċju kontributorju ma għandhomx jitqiesu bħala benefiċċji kontributorji minħabba din ir-raġuni biss,

    u

    ċ)

    huma elenkati fl-Anness X.”

    9

    L-Anness X tal-imsemmi regolament jaqra kif ġej:

    “[…]

    ĠERMANJA

    a)

    Dħul bażiku ta’ sussistenza għall-anzjani u għall-persuni b’kapaċità ridotta ta’ qligħ taħt il-Kapitolu 4 tal-Ktieb XII tal-Kodiċi Soċjali;

    b)

    Benefiċċji li jkopru spejjeż ta’ sussistenza taħt id-dispożizzjoni bażika għal min ikun qed ifittex impjieg sakemm, fir-rigward ta’ dawn il-benefiċċji, il-ħtiġiet ta’ eliġibbiltà għal suppliment temporanju wara li jkunu rċivew il-benefiċċju tal-qgħad (l-Artikolu 24(1) tal-Ktieb II tal-Kodiċi Soċjali) ma jkunux ġew sodisfatti.”

    […]”

    Id-dritt Ġermaniż

    10

    L-Artikolu 35a tat-Tmien Ktieb tas-Sozialgesetzbuch (il-Kodiċi Soċjali), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, intitolat “Għajnuna għall-integrazzjoni tal-ulied u tal-adolexxenti b’diżabbiltà mentali”, jipprevedi:

    (1)

    L-ulied u l-adolexxenti b’diżabbiltà mentali jew mhedda b’diżabbiltà ta’ din in-natura għandhom dritt għal għajnuna għall-integrazzjoni. Din l-għajnuna għandha tiġi offruta skont il-bżonnijiet individwali:

    1.

    fl-ambulatorju (outpatients)

    2.

    fi crèche għall-ulied żgħar jew half board fi strutturi oħra,

    3.

    minn persunal adattat tal-kura u

    4.

    full board fi stabbiliment speċjalizzat jew tipi oħra ta’ akkomodazzjoni.

    Għall-missjoni u l-għan tal-għajnuna, il-ħatra tal-grupp ta’ persuni u tat-tip ta’ miżuri li jaqgħu taħt l-Artikolu 39(3) u tal-Artikolu 40 tal-Liġi Federali dwar l-Għajnuna Soċjali u d-digriet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 47, għat-tul ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dokumenti relatati mad-diżabbiltajiet mentali u mal-persuni mhedda b’tali diżabbiltà.

    (2)

    Jekk għandha tiġi proposta għajnuna għall-edukazzjoni fl-istess ħin, l-istituzzjonijiet, is-servizzi u l-persuni adattati għandhom jintużaw mhux biss sabiex jissodisfaw l-obbligi ta’ għajnuna għall-integrazzjoni, iżda wkoll sabiex ikopru l-bżonnijiet edukattivi. Miżuri terapewtiċi pedagoġiċi għall-ulied li għadhom ma għandhomx l-età li jmorru l-iskola għandhom jiġu offerti u, jekk ikun hemm bżonn ta’ teħid ta’ responsabbiltà, għandhom jintużaw strutturi li jilqgħu wlied b’diżabbiltà u wlied validi.”

    Id-dritt Franċiż

    11

    L-Artikolu L. -4-1 tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali jipprevedi:

    “Il-persuni b’assigurazzjoni soċjali li jrabbu wild li għandhom dritt, skont l-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu L. 541–1, għall-allowance tal-edukazzjoni tal-wild b’diżabbiltà u għas-suppliment tiegħu jew, minflok dan tal-aħħar, għall-benefiċċju ta’ kumpens previst fl-Artikolu L. 245–1 tal-code de l’action sociale et des familles (il-Kodiċi tal-Azzjoni Soċjali u tal-Familji) jibbenefikaw, mingħajr preġudizzju, jekk ikun il-każ, tal-Artikolu L. 351–4, minn żieda fit-tul tagħhom ta’ assigurazzjoni ta’ tliet xhur għal kull perijodu ta’ edukazzjoni ta’ tletin xahar sal-massimu ta’ tmien trimestri.”

    12

    L-Artikolu L. 541-1 ta’ dan il-kodiċi jistabbilixxi:

    “Kull persuna li tieħu r-responsabbiltà ta’ wild b’diżabbiltà għandha dritt għal allowance għall-edukazzjoni tal-wild b’diżabbiltà, jekk l-inkapaċità permanenti tal-wild tkun tal-inqas ugwali għal rata stabbilita.

    Allowance supplimentari tingħata għall-wild li jsofri diżabbiltà li n-natura jew il-gravità tagħha tirrikjedi spejjeż partikolarment għoljin jew teħtieġ l-użu frekwenti tal-għajnuna ta’ terz. L-ammont tagħha jvarja skont id-daqs tal-infiq supplimentari sostnut jew il-permanenza tal-għajnuna neċessarja.

    […]”

    13

    L-Artikolu L. 541-1 tal-imsemmi kodiċi huwa fformulat kif ġej:

    “Għall-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu L. 541–1, il-perċentwali ta’ inkapaċità permanenti li l-wild b’diżabbiltà għandu jkollu sabiex ikun intitolat għall-allowance ta’ edukazzjoni tal-wild b’diżabbiltà għandha tkun mill-inqas ta’ 80 %.

    Ir-rata ta’ inkapaċità hija evalwata skont il-gwida ta’ skala annessa mad-Digriet Nru 93–1216 tal‑4 ta’ Novembru 1993, dwar il-gwida ta’ skala applikabbli għall-għoti ta’ diversi benefiċċji lill-persuni b’diżabbiltà u li jemenda il-lecode de la famille et de l’aide sociale (il-Kodiċi tal-Familja u tal-Assistenza Soċjali), il-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali (it-tieni parti: Digriet tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) u d-Digriet Nru 77–1549 tal‑31 ta’ Diċembru 1977.

    […]”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    14

    SJ hija ċittadina Franċiża, residenti fi Stuttgart (il-Ġermanja), omm ta’ wild b’diżabbiltà mwielda fl-1981. Matul il-karriera professjonali tagħha, hija ħadmet suċċessivament fi Franza u fil-Ġermanja bħala għalliema tal-iskola sekondarja assoċjat ikkwalifikata li taħdem fis-sistema nazzjonali Franċiża ta’ edukazzjoni.

    15

    Mill‑10 ta’ Novembru 1995, il-belt ta’ Stuttgart ħallset lil SJ għajnuna għall-integrazzjoni tal-ulied u l-adolexxenti b’diżabbiltà mentali skont l-Artikolu 35a tat-Tmien Ktieb tal-Kodiċi Soċjali Ġermaniż (iktar ’il quddiem l-“għajnuna Ġermaniża”).

    16

    Fis‑7 ta’ Lulju 2010, SJ ġiet awtorizzata tirtira mis-sistema nazzjonali Franċiża ta’ edukazzjoni b’effett mill‑1 ta’ Awwissu 2010. Fis‑27 ta’ Lulju 2011, hija talbet il-ħlas tad-drittijiet tagħha għall-pensjoni mingħand id-Deutsche Rentenversicherung Bund (il-Korp Federali ta’ Assigurazzjoni għall-Irtirar, il-Ġermanja), li bagħat it-talba tagħha lill-CARSAT. Dan tal-aħħar taha pensjoni tal-irtirar, b’effett mill‑1 ta’ Novembru 2011.

    17

    Fit‑18 ta’ Marzu 2012, SJ ressqet ilment quddiem il-commission de recours amiable de la CARSAT (il-Bord tal-Appell tal-CARSAT) dwar, minn naħa, id-data effettiva tal-pensjoni tagħha u, min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tan-numru ta’ perijodi kontributorji u assimilati użati għall-kalkolu tal-ammont ta’ din il-pensjoni, taż-żieda tat-tul tal-assigurazzjoni ta’ trimestru għal kull perijodu ta’ edukazzjoni ta’ tletin xahar sal-limitu ta’ tmien trimestri, previst fl-Artikolu L.351–4 — 1 tal-Kodiċi Soċjali Franċiż, li persuni b’assigurazzjoni soċjali li rabbew wild ikkumplementa li jagħti lok għal dan l-allowance ta’ edukazzjoni tal-wild b’diżabbiltà u ż-żieda tiegħu, skont l-Artikolu L.541–1 ta’ dan il-kodiċi (iktar ’il quddiem iż-“żieda tar-rata tal-pensjoni”). Peress li dan l-ilment ġie miċħud, SJ ippreżentat rikors quddiem il-qorti Franċiża tas-Sigurtà Soċjali.

    18

    Permezz ta’ sentenza tat‑8 ta’ April 2015, it-tribunal des affaires de sécurité sociale de Strasbourg (il-Qorti għall-Affarijiet tas-Sigurtà Soċjali ta’ Strasbourg, Franza) ċaħdet it-talbiet ta’ SJ. Il-Cour d’appel de Colmar (il-Qorti tal-Appell ta’ Colmar, Franza), adita b’appell, permezz ta’ sentenza tas‑27 ta’ April 2017, ikkonfermat din is-sentenza f’dak li jirrigwarda d-data tad-dħul fis-seħħ tal-pensjoni tal-irtirar mogħtija mill-CARSAT. Hija annullatha fir-rigward tal-ammont ta’ din il-pensjoni, billi qieset li kien hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni ż-żieda tar-rata tal-pensjoni prevista mil-leġiżlazzjoni Franċiża.

    19

    B’hekk, billi bbażat ruħha fuq l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 883/2004, il-cour d’appel de Colmar (il-Qorti tal-Appell ta’ Colmar) ikkunsidrat li l-għajnuna Ġermaniża kienet ekwivalenti għall-allowance għall-edukazzjoni tal-wild b’diżabbiltà prevista fl-Artikolu L. 541–1 tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali Franċiż (iktar ’il quddiem l-“allowance Franċiża”), b’tali mod li SJ kellha dritt għaż-żieda fir-rata tal-pensjoni. Minn dan il-qorti tal-appell iddeduċiet li r-rata applikabbli għall-pensjoni tal-irtirar ta’ SJ kellha tiżdied b’ammont li jikkorrispondi għal tmien trimestri tal-karriera minħabba l-edukazzjoni tal-wild b’diżabbiltà tagħha.

    20

    Il-CARSAT ippreżenta appell quddiem il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) kontra din is-sentenza, li insostenn tiegħu sostna li l-cour d’appel de Colmar (il-Qorti tal-Appell ta’ Colmar) kienet kisret l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 883/2004 kif ukoll l-Artikoli L. 351‑14 u L. 541–1 tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali Franċiż, billi qieset li l-għajnuna Ġermaniża u l-allowance Franċiża kienu ekwivalenti mingħajr ma vverifikat, minn qabel, jekk il-wild b’diżabbiltà ta’ SJ kienx milqut minn inkapaċità permanenti ta’ mill-inqas 80 %, li tagħti dritt għal żieda fir-rata tal-pensjoni. Huwa jsostni li, billi ddeċidiet hekk, is-sentenza tal-appell tista’, essenzjalment, tagħti lok għal diskriminazzjoni inversa tal-persuni b’assigurazzjoni soċjali li kienu jaqgħu biss taħt is-sistema Franċiża meta mqabbla ma’ dawk li jaqgħu f’sistemi ta’ allowances ta’ Stati Membri oħra.

    21

    F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-allowance Franċiża hija, bħala benefiċċju tal-familja li jaqa’ f’waħda mill-fergħat tas-sistema Franċiża tas-sigurtà soċjali, inkluża fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Nru 883/2004, filwaqt li l-għajnuna Ġermaniża tidher li taqa’ taħt l-għajnuna soċjali u l-assistenza, fis-sens tal-Artikolu 3(5)(a) ta’ dan ir-regolament, eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, l-imsemmija għajnuna ma tidhirx fid-dikjarazzjoni nnotifikata mill-Gvern Ġermaniż skont l-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament, dwar il-leġiżlazzjoni Ġermaniża li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar.

    22

    F’dan il-kuntest, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni), peress li kellha dubji dwar il-possibbiltà li jiġi applikat ir-Regolament Nru 883/2004 fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, kif ukoll dwar in-natura ekwivalenti tal-allowance Franċiża u tal-għajnuna Ġermaniża, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1.

    L-[għajnuna Ġermaniża] taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni sostantiv [ratione materiae] tar-Regolament Nru 883/2004?

    2)

    Fil-każ ta’ risposta affermattiva l-[allowance Franiża], minn naħa, u l-[għajnuna Ġermaniża], min-naħa l-oħra, huma ta’ natura ekwivalenti fis-sens tal-Artikolu 5(a) tar-Regolament Nru 883/2004, meħud inkunsiderazzjoni l-għan tal-Artikolu L.351-4-1 tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali Franċiż intiż għat-teħid inkunsiderazzjoni tal-piżijiet inerenti għall-edukazzjoni ta’ wild b’diżabbiltà għad-determinazzjoni tat-tul tal-assigurazzjoni li jagħti dritt għal-pensjoni tal-irtirar?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel domanda

    23

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 883/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-għajnuna Ġermaniża tikkostitwixxi benefiċċju fis-sens ta’ dan l-Artikolu 3 u, għaldaqstant, taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dan ir-regolament.

    24

    Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, għandu, fl-ewwel lok, jiġi vverifikat jekk din l-għajnuna tikkostitwixxix benefiċċju tas-sigurtà soċjali, fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament.

    25

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, preliminarjament, li mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma ddikjaratx li l-liġi federali li tirregola l-għajnuna Ġermaniża taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-fatt li Stat Membru naqas milli jiddikjara, kuntrarjament għal dak li jirrikjedi l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 883/2004, li jiddikjara liġi partikolari bħala li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, ma għandux l-effett li jeskludi ipso facto din il-liġi mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-imsemmija regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, A (Għajnuna għal persuna b’diżabbiltà), C‑679/16, EU:C:2018:601, punt 30).

    26

    Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-distinzjoni bejn il-benefiċċji li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 u dawk li huma esklużi minnu hija bbażata essenzjalment fuq l-elementi li jikkostitwixxu kull benefiċċju, b’mod partikolari l-għanijiet u l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dan, u mhux fuq il-fatt jekk benefiċċju huwiex ikklassifikat jew le bħala benefiċċju tas-sigurtà soċjali mil-leġiżlazzjoni nazzjonali (sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2019, Dreyer, C‑372/18, EU:C:2019:206, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    27

    B’hekk, benefiċċju jista’ jitqies li huwa “benefiċċju tas-sigurtà soċjali” meta żewġ kundizzjonijiet huma ssodisfatti, jiġifieri, sa fejn, minn naħa, jingħata lill-benefiċjarji indipendentement minn kull evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali, fuq il-bażi ta’ sitwazzjoni legalment iddefinita u sa fejn, min-naħa l-oħra, huwa jkun marbut ma’ wieħed mir-riskji elenkati b’mod espliċitu fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 883/2004 (sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2019, Dreyer, C‑372/18, EU:C:2019:206, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fid-dawl tan-natura kumulattiva ta’ dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, il-fatt li waħda minnhom ma tkunx issodisfatta jimplika li l-benefiċċju inkwistjoni ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, A (Għajnuna għal persuna b’diżabbiltà), C‑679/16, EU:C:2018:601, punt 33).

    28

    Fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, għandu jitfakkar li din hija ssodisfatta meta l-għoti ta’ benefiċċju jsir fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi li, meta jiġu ssodisfatti, jagħtu d-dritt għall-benefiċċju mingħajr ma l-awtorità kompetenti tkun tista’ tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi personali oħra. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward ta’ benefiċċji li l-għoti tagħhom huwa mogħti jew irrifjutat jew li l-ammont tagħhom jiġi kkalkolat billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-ammont tad-dħul tal-benefiċjarju, li l-għoti ta’ tali benefiċċji ma jiddependix fuq l-evalwazzjoni individwali tal-ħtiġijiet personali tal-applikant, għaliex dan huwa kriterju oġġettiv u ddefinit legalment li jagħti d-dritt għal dan il-benefiċċju mingħajr ma l-awtorità kompetenti tkun tista’ tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi personali oħra (sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2019, Dreyer, C‑372/18, EU:C:2019:206, punti 33 u 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    29

    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, sabiex ikun jista’ jiġi kkunsidrat li l-imsemmija kundizzjoni ma ġietx issodisfatta, in-natura diskrezzjonali tal-evalwazzjoni, mill-awtorità kompetenti, tal-ħtiġijiet personali tal-benefiċjarju ta’ benefiċċju għandha tkun marbuta qabel kollox mal-eliġibbiltà għal dan il-benefiċċju. Dawn il-kunsiderazzjonijiet jgħoddu, mutatis mutandis, f’dak li jirrigwarda n-natura individwali tal-evalwazzjoni, mill-awtorità kompetenti, tal-ħtiġijiet personali tal-benefiċjarju ta’ benefiċċju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2019, Dreyer, C‑372/18, EU:C:2019:206, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    30

    F’dan il-każ, mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-għoti tal-għajnuna Ġermaniża ma huwiex suġġett għal kundizzjonijiet oġġettivi, bħal b’mod partikolari rata jew livell preċiż ta’ inkapaċità jew ta’ diżabbiltà.

    31

    Barra minn hekk, huwa paċifiku li, konformement mal-formulazzjoni tal-Artikolu 35a tal-Kodiċi Soċjali Ġermaniż, din l-għajnuna hija proposta skont il-bżonnijiet individwali tal-wild benefiċjarju, abbażi ta’ evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali ta’ dawn il-bżonnijiet mill-awtorità kompetenti.

    32

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-għajnuna Ġermaniża ma tissodisfax l-ewwel kundizzjoni msemmija fil-punt 27 ta’ din is-sentenza.

    33

    Konsegwentement, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fl-imsemmi punt 27, din l-għajnuna ma tikkostitwixxix benefiċċju tas-sigurtà soċjali, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 883/2004.

    34

    Madankollu, għandu jitfakkar li l-Artikolu 3(3) tal-imsemmi regolament jestendi l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament għall-benefiċċji speċjali mhux kontributorji u li jingħataw fi flus imsemmija fl-Artikolu 70 tiegħu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu, fit-tieni lok, jiġi vverifikat jekk l-għajnuna Ġermaniża tikkostitwixxix tali benefiċċju.

    35

    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li mill-formulazzjoni tal-Artikolu 70(2)(ċ) ta’ dan l-istess regolament jirriżulta li l-benefiċċji speċjali mhux kontributorji u li jingħataw fi flus jinftiehmu bħala dawk biss li huma elenkati fl-Anness X tal-imsemmi regolament. Issa, peress li l-għajnuna Ġermaniża ma tinsabx f’dan l-anness, hija ma tikkostitwixxix tali benefiċċju.

    36

    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 883/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-għajnuna Ġermaniża ma tikkostitwixxix benefiċċju, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 3, u, għaldaqstant, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dan ir-regolament.

    Fuq it-tieni domanda

    37

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, f’każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, jekk l-Artikolu 5(a) tar-Regolament Nru 883/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-allowance Franċiża u l-għajnuna Ġermaniża jistgħux jitqiesu bħala benefiċċji li għandhom natura ekwivalenti, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

    38

    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 5(a) ta’ dan ir-regolament huwa intiż li japplika biss għal benefiċċji li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament (sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Vorarlberger Gebietskrankenkasse u Knauer, C‑453/14, EU:C:2016:37, punt 32). Issa, ġie deċiż fil-punt 36 ta’ din is-sentenza li l-għajnuna Ġermaniża ma tikkostitwixxix benefiċċju fis-sens tal-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament u ma taqax, għaldaqstant, fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tiegħu. Konsegwentement, l-Artikolu 5(a) tar-Regolament Nru 883/2004 ma japplikax fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali.

    39

    Madankollu, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita bl-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha. Għal dan il-għan, jekk ikun meħtieġ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha. Fil-fatt, il-missjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija li tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li l-qrati nazzjonali jkollhom bżonn sabiex jaqtgħu l-kawżi mressqa quddiemhom, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux ġew indikati b’mod espliċitu fid-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja minn dawn il-qrati nazzjonali (sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2019, Moro, C‑646/17, EU:C:2019:489, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    40

    Konsegwentement, anki jekk formalment, il-qorti tar-rinviju llimitat id-domandi tagħha għall-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, tali ċirkustanza ma tipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdilha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, kemm jekk din il-qorti tkun għamlet riferiment għalihom fid-domandi tagħha kif ukoll jekk ma tkunx għamlet dan. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet, mill-kumpless tal-elementi pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti tal-imsemmi dritt li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑13 ta’ Ġunju 2019, Moro, C‑646/17, EU:C:2019:489, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    41

    F’dan il-każ, it-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk persuna tistax titlob il-benefiċċju taż-żieda tar-rata tal-pensjoni prevista mil-leġiżlazzjoni Franċiża, hemmx lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi li taw lok għall-għoti tal-għajnuna Ġermaniża, jiġifieri għajnuna miksuba minn din il-persuna, bħala ħaddiem migrant, abbażi tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti.

    42

    Għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 883/2004, moqri fid-dawl tal-premessa 9 ta’ din tal-aħħar, tistabbilixxi l-prinċipju ġurisprudenzjali ta’ assimilazzjoni tal-benefiċċji, tad-dħul u tal-fatti, li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jintroduċi fit-test tal-imsemmi regolament sabiex dan il-prinċipju jiġi żviluppat fl-osservanza tal-mertu u tal-ispirtu tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2019, Bocero Torrico u Bode, C‑398/18 u C‑428/18, EU:C:2019:1050, punt 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    43

    Huwa f’dan il-kuntest li l-Artikolu 5(b) tar-Regolament Nru 883/2004 jipprevedi li, meta, taħt il-leġislazzjoni tal-Istat Membru kompetenti, jkunu attribwiti ċerti effetti legali meta jseħħu ċerti fatti jew każijiet, dak l-Istat Membru għandu jqis fatti u każijiet simili li jseħħu fi kwalunkwe Stat Membru bħallikieku seħħew fit-territorju tiegħu.

    44

    Minn dan isegwi li, sabiex il-qorti tar-rinviju tingħata risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li għandha quddiemha, it-tieni domanda għandha tinftiehem bħala li hija intiża sabiex jiġi magħruf jekk il-prinċipju ta’ assimilazzjoni tal-fatti, stabbilit fl-Artikolu 5(b) ta’ dan ir-regolament, bħala espressjoni partikolari tal-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni, japplikax f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    45

    F’dan ir-rigward, sabiex jiġi ddeterminat jekk dan il-prinċipju japplikax f’dan il-każ, għandu jiġi vverifikat jekk humiex issodisfatti żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri, minn naħa, jekk iż-żieda tar-rata tal-pensjoni, prevista fl-Artikolu L. 351–4‑1 tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali Franċiż, taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 u, min-naħa l-oħra, jekk din l-aħħar dispożizzjoni nazzjonali tagħtix effetti legali lill-okkorrenza ta’ ċerti fatti jew avvenimenti, fis-sens tal-Artikolu 5(b) ta’ dan ir-regolament.

    46

    Fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, iż-żieda fir-rata tal-pensjoni tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-imsemmi regolament, bħala benefiċċju tax-xjuħija, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(d) tal-istess regolament.

    47

    Fil-fatt, minn naħa, din iż-żieda tingħata lill-benefiċjarji indipendentement minn kwalunkwe evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali tagħhom, abbażi ta’ sitwazzjoni legalment iddefinita, jiġifieri li rabbew wild li jagħti dritt għall-allowance Franċiża.

    48

    Min-naħa l-oħra, kif irrilevat essenzjalment il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-benefiċċju inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa intiż sabiex jikkumpensa l-iżvantaġġi f’termini ta’ karriera li l-persuni li rabbew wild b’diżabbiltà serja setgħu ġarrbu, permezz tal-għoti ta’ żieda tal-perijodi ta’ kontribuzzjoni proporzjonali għat-tul tal-perijodu ta’ trobbija tal-wild b’diżabbiltà, li jirriżulta f’żieda fl-ammont tal-pensjoni mħallsa lil dawn il-persuni. Għaldaqstant, dan il-benefiċċju, sa fejn huwa intiż li jiżgura l-mezzi għall-għajxien lil persuni li, meta jilħqu ċerta età, jitilqu mill-impjieg tagħhom u ma jibqgħux obbligati jqiegħdu ruħhom għad-dispożizzjoni tal-amministrazzjoni tal-impjieg, huwa marbut mar-riskju kopert mill-benefiċċji tax-xjuħija, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(d) tar-Regolament Nru 883/2004 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2015, Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja, C‑361/13, EU:C:2015:601, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    49

    Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi rrilevat li, għall-finijiet tal-għoti taż-żieda tar-rata tal-pensjoni, l-Artikolu L. 351–4‑1 tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali Franċiż ma jirrikjedix il-kisba minn qabel tal-allowance Franċiża, iżda jirrkjedi li l-kundizzjonijiet li jagħtu dritt għal tali allowance, stabbiliti mill-Artikolu L. 541–1 ta’ dan il-kodiċi, ikunu ssodisfatti. B’mod partikolari, konformement ma’ din l-aħħar dispożizzjoni, sabiex il-persuni b’assigurazzjoni li jrabbu wild b’diżabbiltà jkunu jistgħu jibbenefikaw minn tali żieda, l-inkapaċità permanenti tal-wild għandha tkun tal-inqas ugwali għal rata ddeterminata, stabbilita mill-Artikolu R. 541–1 tal-imsemmi kodiċi għal 80 %.

    50

    B’hekk, iż-żieda fir-rata tal-pensjoni tingħata abbażi tal-fatt li jseħħ fatt, fis-sens tal-Artikolu 5(b) tar-Regolament Nru 883/2004, jiġifieri li l-inkapaċità permanenti tal-wild tkun tal-inqas ugwali għal ċerta rata. Għaldaqstant, it-tieni kundizzjoni hija wkoll issodisfatta f’dan il-każ.

    51

    Minn dan isegwi li l-prinċipju ta’ assimilazzjoni tal-fatti, stabbilit fl-imsemmi Artikolu 5(b) japplika f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali.

    52

    Fir-rigward tal-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju, huma l-awtoritajiet kompetenti Franċiżi li għandhom jivverifikaw jekk, f’dan il-każ, l-okkorrenza tal-fatt rikjest fis-sens tal-Artikolu 5(b) tar-Regolament Nru 883/2004 huwiex stabbilit.

    53

    F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet kompetenti Franċiżi għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni fatti simili li seħħew fil-Ġermanja u ma jistgħux jillimitaw ruħhom, fl-evalwazzjoni tal-inkapaċità permanenti tal-wild b’diżabbiltà kkonċernat, biss għall-kriterji previsti għal dan il-għan mill-gwida ta’ skala applikabbli fi Franza skont l-Artikolu R. 541–1 tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali Franċiż.

    54

    Għalhekk, sabiex jiġi stabbilit jekk ir-rata ta’ inkapaċità permanenti tal-wild meħtieġa minn dan il-kodiċi sabiex jingħata dritt għaż-żieda fir-rata tal-pensjoni hijiex milħuqa, dawn l-awtoritajiet ma jistgħux jirrifjutaw li jieħdu inkunsiderazzjoni fatti simili li seħħew fil-Ġermanja, li jistgħu jintwerew minn kwalunkwe, u b’mod partikolari permezz ta’ rapporti ta’ eżamijiet mediċi, ċertifikati jew ukoll riċetti tat-tabib għal kura jew prodotti mediċinali.

    55

    Għandu jingħad ukoll li, fil-kuntest ta’ tali verifika, l-imsemmija awtoritajiet għandhom josservaw ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi jiżguraw, b’mod partikolari, li l-prinċipju ta’ assimilazzjoni tal-fatti ma jagħtix lok għal riżultati oġġettivament inġustifikati, konformement mal-premessa 12 tar-Regolament Nru 883/2004.

    56

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għat-tieni domanda magħmula għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 883/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    l-allowance Franċiża u l-għajnuna Ġermaniża ma jistgħux jitqiesu bħala benefiċċji ta’ natura ekwivalenti, fis-sens tal-punt a) ta’ dan l-Artikolu 5;

    il-prinċipju ta’ assimilazzjoni tal-fatti stabbilit fil-punt b) tal-imsemmi Artikolu 5 japplika f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Għaldaqstant, huma l-awtoritajiet kompetenti Franċiżi li għandhom jiddeterminaw jekk, f’dan il-każ, l-okkorrenza tal-fatt rikjest fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni hijiex stabbilita. F’dan ir-rigward, dawn l-awtoritajiet għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni fatti simili li seħħew fil-Ġermanja daqslikieku dawn seħħew fit-territorju tagħhom stess.

    Fuq l-ispejjeż

    57

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 988/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-għajnuna għall-integrazzjoni tal-ulied u tal-adolexxenti b’diżabbiltà mentali, prevista fl-Artikolu 35a tat-Tmien Ktieb tas-Sozialgesetzbuch (il-Kodiċi Soċjali Ġermaniż) ma tikkostitwixxix benefiċċju, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 3, u, għaldaqstant, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dan ir-regolament.

     

    2)

    L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 883/2004, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 988/2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    l-allowance tal-edukazzjoni tal-wild b’diżabbiltà prevista fl-Artikolu L. 541–1 tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali Franċiż, u l-għajnuna għall-integrazzjoni tal-ulied u tal-adoloxxenti b’diżabbilltà mentali, skont l-Artikolu 35a tat-Tmien Ktieb tal-Kodiċi Soċjali Ġermaniż Ġermaniża, ma jistgħux jitqiesu bħala benefiċċji ta’ natura ekwivalenti, fis-sens tal-punt a) ta’ dan l-Artikolu 5;

    il-prinċipju ta’ assimilazzjoni tal-fatti stabbilit fil-punt b) tal-imsemmi Artikolu 5 japplika f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Għaldaqstant, huma l-awtoritajiet kompetenti Franċiżi li għandhom jiddeterminaw jekk, f’dan il-każ, l-okkorrenza tal-fatt rikjest fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni hijiex stabbilita. F’dan ir-rigward, dawn l-awtoritajiet għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni fatti simili li seħħew fil-Ġermanja daqslikieku dawn seħħew fit-territorju tagħhom stess.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Top