This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62018CJ0715
Judgment of the Court (Eighth Chamber) of 19 December 2019.#Segler-Vereinigung Cuxhaven e.V. v Finanzamt Cuxhaven.#Request for a preliminary ruling from the Bundesfinanzhof.#Reference for a preliminary ruling — Taxation — Value added tax (VAT) — Directive 2006/112/EC — Article 98 — Option for the Member States to apply a reduced rate of VAT to certain supplies of goods and services — Point 12 of Annex III — Reduced rate of VAT applicable to the letting of places on camping or caravan sites — Question of whether that reduced rate is applicable to the letting of boat moorings in a marina — Comparison with the letting of premises and sites for the parking of vehicles — Equal treatment — Principle of fiscal neutrality.#Case C-715/18.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tad-19 ta’ Diċembru 2019.
Segler-Vereinigung Cuxhaven e.V. vs Finanzamt Cuxhaven.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesfinanzhof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 98 – Possibbiltà għall-Istati Membri li japplikaw rata mnaqqsa ta’ VAT għal ċerti kunsinni ta’ oġġetti u provvisti ta’ servizzi – Punt 12 tal-Anness III – Rata mnaqqsa ta’ VAT applikabbli għall-kiri ta’ spazji f’siti ta’ kkampjar u ta’ spazji f’parks għall-karavani – Kwistjoni tal-applikabbiltà ta’ din ir-rata mnaqqsa għall-kiri ta’ postijiet għall-irmiġġ tad-dgħajjes f’marina – Paragun mal-kiri ta’ spazji għall-ipparkjar ta’ vetturi – Ugwaljanza fit-trattament – Prinċipju ta’ newtralità fiskali.
Kawża C-715/18.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tad-19 ta’ Diċembru 2019.
Segler-Vereinigung Cuxhaven e.V. vs Finanzamt Cuxhaven.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesfinanzhof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 98 – Possibbiltà għall-Istati Membri li japplikaw rata mnaqqsa ta’ VAT għal ċerti kunsinni ta’ oġġetti u provvisti ta’ servizzi – Punt 12 tal-Anness III – Rata mnaqqsa ta’ VAT applikabbli għall-kiri ta’ spazji f’siti ta’ kkampjar u ta’ spazji f’parks għall-karavani – Kwistjoni tal-applikabbiltà ta’ din ir-rata mnaqqsa għall-kiri ta’ postijiet għall-irmiġġ tad-dgħajjes f’marina – Paragun mal-kiri ta’ spazji għall-ipparkjar ta’ vetturi – Ugwaljanza fit-trattament – Prinċipju ta’ newtralità fiskali.
Kawża C-715/18.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:1138
*A9* Bundesfinanzhof, Beschluss vom 02/08/2018
*P1* Bundesfinanzhof, Urteil vom 24/06/2020 (ECLI:DE:BFH:2020:U.240620.VR47.19.0)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)
19 ta’ Diċembru 2019 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 98 – Possibbiltà għall-Istati Membri li japplikaw rata mnaqqsa ta’ VAT għal ċerti kunsinni ta’ oġġetti u provvisti ta’ servizzi – Punt 12 tal-Anness III – Rata mnaqqsa ta’ VAT applikabbli għall-kiri ta’ spazji f’siti ta’ kkampjar u ta’ spazji f’parks għall-karavani – Kwistjoni tal-applikabbiltà ta’ din ir-rata mnaqqsa għall-kiri ta’ postijiet għall-irmiġġ tad-dgħajjes f’marina – Paragun mal-kiri ta’ spazji għall-ipparkjar ta’ vetturi – Ugwaljanza fit-trattament – Prinċipju ta’ newtralità fiskali”
Fil-Kawża C‑715/18,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ Awwissu 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Novembru 2018, fil-proċedura
Segler-Vereinigung Cuxhaven eV
vs
Finanzamt Cuxhaven,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn L. S. Rossi, President tal-Awla, J. Malenovský (Relatur) u F. Biltgen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn S. Eisenberg u J. Möller, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn M. F Urbani Neri, avvocato dello Stato, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Pethke u N. Gossement, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 98(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, u Rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”), moqri flimkien mal-punt 12 tal-Anness III ta’ din id-direttiva. |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Segler-Vereinigung Cuxhaven eV u l-Finanzamt Cuxhaven (l-Amministrazzjoni tat-Taxxa ta’ Cuxhaven, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem l-“Amministrazzjoni tat-Taxxa”) dwar ir-rata ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) applikabbli għall-kiri ta’ spazji ta’ rmiġġ għad-dgħajjes. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Skont l-Artikolu 2(1)(c) tad-Direttiva tal-VAT, it-tranżazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu suġġetti għall-VAT: “il-provvista ta’ servizzi bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali”. |
4 |
L-Artikolu 96 ta’ din id-direttiva jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom japplikaw rata standard ta’ VAT, li għandha tiġi ffissata minn kull Stat Membru bħala persentaġġ ta’ l-ammont taxxabbli u li għandha tkun l-istess għall-provvista ta’ merkanzija u għall-provvista ta’ servizzi.” |
5 |
L-Artikolu 98(1) u (2) tal-imsemmija direttiva jipprevedi: “1. L-Istati Membri jistgħu japplikaw jew rata mnaqqsa waħda jew żewġ rati mnaqqsa. 2. Ir-rati mnaqqsa għandhom japplikaw biss għall-provvisti ta’ merkanzija jew servizzi fil-kategoriji stabbiliti fl-Anness III. […]” |
6 |
Skont l-Artikolu 135(1)(l) tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri għandhom jeżentaw b’mod partikolari “il-kiri ta’ proprjetà immobbli”. |
7 |
L-Artikolu 135(2) ta’ din l-istess direttiva jipprovdi: “Dan li ġej għandu jiġi eskluż mill-eżenzjoni prevista fil-punt (l) tal-paragrafu 1:
[…]” |
8 |
L-Anness III tad-Direttiva tal-VAT jinkludi l-lista ta’ kunsinni ta’ merkanzija u provvista ta’ servizzi li għalihom jistgħu japplikaw ir-rati mnaqqsa ta’ VAT imsemmija fl-Artikolu 98 ta’ din id-direttiva. Il-punt 12 ta’ dan l-anness ikopri s-servizzi li ġejjin: “akkomodazzjoni pprovduta f’lukandi u stabbilimenti simili, inkluża l-provvista ta’ akkomodazzjoni għall-vakanzi u l-kiri ta’ positijiet f’siti tal-kampeġġ u parks għall-karavani.” |
Id-dritt Ġermaniż
9 |
Il-punt 1 tal-Artikolu 1(1) tal-Umsatzsteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul mill-Bejgħ, iktar ’il quddiem l-“UStG”) jipprovdi: “1. Huma suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ it-tranżazzjonijiet li ġejjin: il-kunsinni u servizzi oħra mwettqa bi ħlas ġewwa l-pajjiż minn imprenditur fl-ambitu tal-attività ekonomika tiegħu. It-taxxa ma hijiex eskluża minħabba l-fatt li t-tranżazzjoni ssir fuq il-bażi ta’ att legali jew amministrattiv jew li hija kkunsidrata bħala magħmula skont dispożizzjoni legali”. |
10 |
Skont is-subinċiż (a) tal-punt (12) tal-Artikolu 4 tal-UstG: “Fost it-tranżazzjonijiet imsemmija fil-punt 1 tal-Artikolu 1(1), huma eżentati: […] a) il-kiri ta’ proprjetà immobbli, li għalihom japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-dritt ċivili dwar il-proprjetà immobbli u art u proprjetà immobbli tal-Istat […]. Ma humiex eżentati l-kirjiet ta’ kmamar għall-għixien u ta’ kmamar tas-sodda li intraprenditur jirriżerva għall-finijiet tal-akkomodazzjoni temporanja ta’ terzi, il-kiri ta’ spazji għall-ipparkjar ta’ vetturi, il-kiri temporanju ta’ spazji f’siti ta’ kkampjar u l-kiri ta’ makkinarju u installazzjonijiet oħra ta’ kull tip li jagħmlu parti minn qasam operattiv […], anki jekk fihom infushom jikkostitwixxu elementi essenzjali ta’ immobbli”. |
11 |
Skont l-Artikolu 12(1) tal-UStG, għandha tiġi applikata rata ta’ tassazzjoni standard ta’ 19 %. |
12 |
Skont il-punt 11 tal-Artikolu 12(2) tal-UStG, it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ għandha titnaqqas għal 7 % tal-bażi taxxabbli għat-tranżazzjonijiet li ġejjin: “Il-kiri ta’ kmamar għall-għixien u ta’ kmamar tas-sodda li intraprenditur jirriżerva għall-finijiet ta’ akkomodazzjoni temporanja ta’ terzi, kif ukoll il-kiri temporanju ta’ spazju f’siti ta’ kkampjar. L-ewwel sentenza ma tapplikax għas-servizzi li ma jservux direttament għall-kiri, anki jekk dawn is-servizzi jitħallsu permezz tal-korrispettiv imħallas għall-kiri”. |
13 |
L-Artikolu 3(1) tal-Grundgesetz für die Bundesrepublik Deutschland (il-Liġi Fundamentali għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja) tat-23 ta’ Mejju 1949 (BGBl. 1949, p. 1), tipprovdi li kull persuna hija ugwali quddiem il-liġi. |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
14 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija assoċjazzjoni rreġistrata ta’ interess ġenerali, li l-għan tagħha huwa li tippromwovi l-isport nawtiku ta’ tbaħħir u bil-mutur. Hija tamministra madwar 300 spazju ta’ rmiġġ għad-dgħajjes, li madwar nofshom ġew attribwiti, bejn l‑2010 u l‑2012 (iktar ’il quddiem is-“snin kontenzjużi”), lil membri tal-assoċjazzjoni. Dawn il-membri huma meħtieġa jittolleraw li, fl-assenza tagħhom, l-ispazji ta’ rmiġġ tagħhom jintużaw minn mistiedna. Fir-rigward tal-kumplament tal-ispazji ta’ rmiġġ, dawn jistgħu jintużaw mingħajr restrizzjoni mill-mistiedna. |
15 |
Matul is-snin kontenzjużi, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssuġġettat ir-remunerazzjoni rċevuta bi skambju tat-tpoġġija fid-dispożizzjoni tal-ispazji ta’ rmiġġ għad-dgħajjes lil mistiedna għar-rata mnaqqsa tal-VAT. |
16 |
Wara stħarriġ imwettaq fuq ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-Amministrazzjoni tat-Taxxa ddeċidiet li temenda l-avviżi tat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ għas-snin kontenzjużi u ssuġġettat din ir-remunerazzjoni għar-rata standard tal-VAT. |
17 |
In-Niedersächsische Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Niedersachsen, il-Ġermanja) ċaħdet ir-rikors ippreżentat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kontra din id-deċiżjoni. Skont din il-qorti, it-tpoġġija fid-dispożizzjoni temporanja ta’ postijiet għall-irmiġġ tad-dgħajjes ma tistax tiġi kklassifikata bħala “kiri temporanju ta’ spazji f’siti ta’ kkampjar”, fis-sens tal-punt 11 tal-Artikolu 12(2) tal-UStG. Skont l-imsemmija qorti, tali tpoġġija fid-dispożizzjoni taqa’ taħt il-kunċett ta’ “kiri ta’ spazji għall-ipparkjar ta’ vetturi”, imsemmi fit-tieni alternattiva tat-tieni sentenza tal-punt 12 tal-Artikolu 4 tal-UStG, dispożizzjoni li min-naħa tagħha hija bbażata fuq l-Artikolu 135(2)(b) tad-Direttiva tal-VAT. Il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza stabbilit fl-Artikolu 3(1) tal-Liġi Fundamentali għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma jipprekludix din l-interpretazzjoni. |
18 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellat fuq punt ta’ liġi quddiem il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja) mis-sentenza tan-Niedersächsische Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Niedersachsen). Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-intaxxar tal-kiri ta’ spazji ta’ rmiġġ għal dgħajjes bir-rata standard tal-VAT jikser il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza, sa fejn it-tpoġġija fid-dispożizzjoni ta’ postijiet f’siti tal-kampeġġ u karavani huwa suġġett għar-rata mnaqqsa ta’ VAT. Interpretazzjoni konformi mal-prinċipju ta’ ugwaljanza jwassal, skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, sabiex il-forom kollha ta’ akkomodazzjoni temporanja, ikunu liema jkunu, ikunu suġġetti b’mod uniformi għar-rata mnaqqsa ta’ VAT. Is-servizzi pprovduti mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma ffukati fuq it-tpoġġija fid-dispożizzjoni ta’ postijiet għall-irmiġġ tad-dgħajjes għall-finijiet tal-akkomodazzjoni tal-persuni li jipprattikaw it-tbaħħir. Għaldaqstant, id-dritt ta’ rmiġġ (Hafengeld) ikun dovut biss fil-każ ta’ akkomodazzjoni ta’ lejl. |
19 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti: “It-tnaqqis [tar-rata] tat-taxxa previst għall-kiri ta’ postijiet f’siti tal-kampeġġ u parks għall-karavani fl-Artikolu 98(2) tad-Direttiva tal-[VAT], moqri flimkien mal-punt 12 tal-Anness III tal-imsemmija direttiva jinkludi wkoll il-kiri ta’ postijiet għall-irmiġġ tad-dgħajjes?” |
Fuq id-domanda preliminari
20 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 98(2) tad-Direttiva tal-VAT, moqri flimkien mal-punt 12 tal-Anness III ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li r-rata mnaqqsa ta’ VAT, prevista f’din id-dispożizzjoni, għall-kiri ta’ spazji f’siti ta’ kkampjar u parks għall-karavani hijiex applikabbli wkoll għall-kiri ta’ postijiet għall-irmiġġ tad-dgħajjes. |
21 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 96 tad-Direttiva tal-VAT, l-Istati Membri għandhom japplikaw rata standard ta’ VAT li għandha tkun l-istess għall-kunsinna ta’ oġġetti u għall-provvista ta’ servizzi. |
22 |
B’deroga, l-Artikolu 98 ta’ din id-direttiva jipprevedi l-possibbiltà li jiġu applikati rati mnaqqsa ta’ VAT. Għal dan l-għan, l-Anness III tal-imsemmija direttiva jelenka, b’mod eżawrjenti, il-kategoriji ta’ kunsinni ta’ oġġetti u l-provvisti ta’ servizzi li jistgħu jkunu suġġetti għal rati mnaqqsa (sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2017, Oxycure Belgium, C‑573/15, EU:C:2017:189, punt 21). |
23 |
B’mod iktar partikolari, il-punt 12 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT jippermetti lill-Istati Membri japplikaw rata mnaqqsa ta’ VAT għal “akkomodazzjoni pprovduta f’lukandi u stabbilimenti simili, inkluża l-provvista ta’ akkomodazzjoni għall-vakanzi u l-kiri ta’ positijiet f’siti tal-kampeġġ u parks għall-karavani”. |
24 |
F’dan il-każ, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-kiri ta’ postijiet għall-irmiġġ tad-dgħajjes jistax jiġi assimilat, fid-dawl tal-punt 12 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT, għall-kiri ta’ spazji f’siti ta’ kkampjar u parks għall-karavani. |
25 |
F’dan ir-rigward, preliminarjament, għandu jitfakkar, minn naħa, li d-dispożizzjonijiet li għandhom in-natura ta’ deroga minn prinċipju għandhom jiġu interpretati b’mod strett. Min-naħa l-oħra, il-kunċetti użati fl-Anness III tad-Direttiva tal-VAT għandhom jiġu interpretati konformement mas-sens normali tat-termini inkwistjoni (sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2016, Baštová, C‑432/15, EU:C:2016:855, punti 59 u 60, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
26 |
Il-punt 12 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT jippreċiża d-diversi servizzi ta’ “akkomodazzjoni” li jistgħu jiġu suġġetti għal rata ta’ VAT imnaqqsa. |
27 |
Bħalma jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 25 tas-sentenza odjerna, il-kunċett ta’ “akkomodazzjoni”, fis-sens tal-punt 12 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT għandu jiġi interpretat b’mod strett u li ma jwessax il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għas-servizzi li la jissemmew fil-formulazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni u lanqas huma intrinsikament marbuta ma’ dan il-kunċett. |
28 |
Issa, il-kiri ta’ postijiet għall-irmiġġ tad-dgħajjes, minn naħa, ma jissemmiex fil-formulazzjoni tal-punt 12 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT u, min-naħa l-oħra, ma huwiex intrinsikament marbut mal-kunċett ta’ “akkomodazzjoni”, iżda għandu bħala skop primarju li jippermetti l-immobilizzazzjoni u s-sigurtà tad-dgħajjes fl-irmiġġ. |
29 |
Għaldaqstant, jidher li l-punt 12 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT ma għandux jinqara fis-sens li jippermetti lil Stat Membru li japplika rata mnaqqsa ta’ VAT għall-kiri ta’ postijiet għall-irmiġġ tad-dgħajjes. |
30 |
Tali interpretazzjoni hija barra minn hekk ikkorroborata mill-għanijiet imfittxija mis-sistema ta’ rata mnaqqsa ta’ VAT. |
31 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu jingħata setgħa diskrezzjonali wiesgħa, peress li, meta jadotta miżura ta’ natura fiskali, huwa għandu jagħmel għażliet ta’ natura politika, ekonomika kif ukoll soċjali, u joħloq ġerarkija tal-interessi diverġenti jew iwettaq evalwazzjonijiet kumplessi (sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2017, RPO, C‑390/15, EU:C:2017:174, punt 54). |
32 |
F’dan il-kuntest ġenerali, għandu jiġi ppreċiżat li, billi stabbilixxa l-Anness III tad-Direttiva tal-VAT, il-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq li l-oġġetti essenzjali kif ukoll l-oġġetti u s-servizzi li jikkorrispondu għal għanijiet soċjali jew kulturali, sa fejn dawn ma jippreżentawx jew ma jippreżentawx wisq riskji ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, jistgħu jkunu suġġetti għal rata mnaqqsa ta’ VAT (sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Il‑Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C‑161/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:355, punt 25). |
33 |
B’mod iktar partikolari, l-għoti lill-Istati Membri, fil-punt 12 ta’ dan l-anness, tal-possibbiltà li japplikaw rata mnaqqsa ta’ VAT għal diversi forom ta’ akkommodazzjoni, b’mod partikolari għall-vaganzi, u li jissodisfa b’dan il-mod ħtieġa essenzjali ta’ kull persuna li tivvjaġġa, huwa ta’ natura li jiffaċilita aċċess wiesa’ għas-servizzi inkwistjoni. |
34 |
Issa, li tingħata l-possibbiltà li tiġi applikata rata mnaqqsa ta’ VAT għas-servizzi ta’ kiri ta’ postijiet għall-irmiġġ tad-dgħajjes ma hijiex manifestament iġġustifikata fid-dawl ta’ tali għan ta’ ordni soċjali, peress li d-dgħajjes ta’ tbaħħir u bil-mutur, bħal dawk li huma inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jservux, għall-inqas prinċipalment, bħala postijiet ta’ akkomodazzjoni. |
35 |
Fl-aħħar nett, kuntrarjament għad-dubji li għandha l-qorti tar-rinviju, l-interpretazzjoni tal-punt 12 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT, kif tirriżulta mill-punt 29 tas-sentenza odjerna, ma tippreġudikax il-prinċipju ta’ newtralità fiskali. |
36 |
Fil-fatt, dan il-prinċipju jipprekludi li oġġetti jew provvisti ta’ servizzi li jixxiebhu, li jkunu f’kompetizzjoni ma’ xulxin, jiġu ttrattati b’mod differenti mill-perspettiva tal-VAT (sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2019, Belgisch Syndicaat van Chiropraxie et, C‑597/17, EU:C:2019:544, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
37 |
Issa, f’dan ir-rigward, huwa biżżejjed jiġi rrilevat li, bħalma jirriżulta mill-punt 34 tas-sentenza odjerna, is-servizzi ta’ kiri ta’ spazji f’siti ta’ kkampjar u ta’ spazji f’parks għall-karavani, minn naħa, u s-servizzi ta’ kiri ta’ postijiet għall-irmiġġ tad-dgħajjes, min-naħa l-oħra, jissodisfaw funzjonijiet differenti u, għaldaqstant, ma jinstabux f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni ma’ xulxin. |
38 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 98(2) tad-Direttiva tal-VAT, moqri flimkien mal-punt 12 tal-Anness III ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rata mnaqqsa ta’ VAT, prevista f’din id-dispożizzjoni, għall-kiri ta’ spazji f’siti ta’ kkampjar u ta’ spazji f’parks għall-karavani, ma hijiex applikabbli għall-kiri ta’ postijiet għall-irmiġġ tad-dgħajjes. |
Fuq l-ispejjeż
39 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 98(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, moqri flimkien mal-punt 12 tal-Anness III ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rata mnaqqsa ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, prevista f’din id-dispożizzjoni, għall-kiri ta’ spazji f’siti ta’ kkampjar u ta’ spazji f’parks għall-karavani, ma hijiex applikabbli għall-kiri ta’ postijiet għall-irmiġġ tad-dgħajjes . |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.