EUR-Lex Adgang til EU-lovgivningen

Tilbage til forsiden

Dette dokument er et uddrag fra EUR-Lex

Dokument 62018CJ0710

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tat-23 ta’ April 2020.
WN vs Land Niedersachsen.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesarbeitsgericht.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-ħaddiema – Artikolu 45(1) TFUE – Remunerazzjoni – Klassifikazzjoni fiskali ta’ sistema ta’ remunerazzjoni – Sistema ta’ remunerazzjoni li tgħaqqad il-benefiċċju ta’ remunerazzjoni ogħla mal-anzjanità miksuba mill-istess persuna li timpjega – Limitazzjoni tal-kunsiderazzjoni ta’ perijodi preċedenti ta’ attività relevanti kompluta ma’ persuna li timpjega li tinsab fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru tad-domiċilju.
Kawża C-710/18.

Samling af Afgørelser – Retten – afsnittet "Oplysninger om ikke-offentliggjorte afgørelser"

ECLI-indikator: ECLI:EU:C:2020:299

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

23 ta’ April 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-ħaddiema – Artikolu 45(1) TFUE – Remunerazzjoni – Klassifikazzjoni fiskali ta’ sistema ta’ remunerazzjoni – Sistema ta’ remunerazzjoni li tgħaqqad il-benefiċċju ta’ remunerazzjoni ogħla mal-anzjanità miksuba mill-istess persuna li timpjega – Limitazzjoni tal-kunsiderazzjoni ta’ perijodi preċedenti ta’ attività relevanti kompluta ma’ persuna li timpjega li tinsab fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru tad-domiċilju”

Fil-Kawża C‑710/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Ottubru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Novembru 2018, fil-proċedura

WN

vs

Land Niedersachsen

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn P. G. Xuereb, President tal-Awla, A. Arabadjiev (Relatur) u A. Kumin, Imħallef,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal WN, minn K. Otte, Rechtsanwalt,

għal-Land Niedersachsen, minn J. Rasche, Rechtsanwältin,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u S. Eisenberg, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek u -, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2011, dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU 2011, L 141, p. 1).

2

Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta’ kawża bejn WN u Land Niedersachsen (tal-Land ta’ Niedersachsen, il-Ġermanja) li tirrigwarda t-teħid inkunsiderazzjoni parzjali, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tar-remunerazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, tal-perijodi ta’ attività rilevanti mwettqa minnha ma’ persuna li timpjega stabbilit fi Franza.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 492/2011 jipprevedi:

“1. Ħaddiem ċittadin ta’ xi Stat Membru ma jistax, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ikun trattat b’mod differenti minn ħaddiema nazzjonali minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu fir-rigward ta’ kwalunkwe kondizzjoni tal-impjieg u tax-xogħol, partikolarment fir-rigward ta’ paga, tkeċċija u jekk hu jisfa’ mingħajr xogħol, ingaġġ mill-ġdid jew impjieg mill-ġdid.”

4

L-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368, iktar ’il quddiem “il-Ftehim Qafas”), jipprevedi l-implimentazzjoni tal-imsemmi ftehim anness ma’ din id-direttiva.

5

Il-Klawżola 3 tal-ftehim qafas li hija intitolata “Definizzjonijiet” hija fformulata kif ġej:

“Għall-iskop ta’ dan il-ftehim, il-kliem:

1. Għall-iskop ta’ dan il-ftehim il-kliem “ħaddiem għal terminu fiss” ifisru persuna li jkollha kuntratt jew relazzjoni ta’ l-impjieg dirett bejn min jimpjiega u ħaddiem meta l-aħħar tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta’ l-impjieg hu ddeterminat b’kondizzjonijiet oġġettivi bħal li jilħaq data speċifika, ilesti xogħol speċifiku, jew it-twettiq ta’ każ speċifiku.

2. Għall-iskop ta’ dan il-ftehim, il-kliem “ħaddiem kumparabbli permanenti” ifissru ħaddiem b’kuntratt jew relazzjoni ta’ impjieg għal żmien indefinit, fl-istess stabbiliment, ingaġġat fl-istess xogħol jew xogħol/impjieg simili, wara li tingħata attenzjoni xierqa lill-kwalifiki/kapaċitajiet. Meta ma jkun hemm ebda ħaddiem kumparabbli permanenti fl-istess stabbiliment, il-paragun għandu jsir b’referenza għall-ftehim kollettiv applikabbli, jew meta ma jkun hemm ebda ftehim kollettiv applikabbli, skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv jew il-prattika [nazzjonali].”

6

Il-Klawżola 4 tal-ftehim qafas, intitolata “Il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni”, tipprovdi fil-punt 1 tagħha:

“1. Fejn għandhom x’jaqsmu l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg, ħaddiema għal terminu fiss m’għandhomx jiġu trattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem kumparabbli permanenti biss minħabba li għandhom kuntratt jew relazzjoni għal terminu fiss sakemm trattament differenti ma jkunx ġustifikat fuq bażi oġġettiva.

2. Meta approprjat, il-prinċipju ta’ pro rata temporis għandu japplika.

3. L-arranġamenti għall-applikazzjoni ta’ din il-klawżola għandhom jiġu definiti mill-Istati Membri wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali u/jew l-imsieħba soċjali, wara li jiġu ikkunsidrati l-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv u l-prattika tal-Komunità.

4. Kwalifiki ta’ perjodu ta’ servizz relatati għall-kondizzjonijiet partikolari ta’ l-impjieg għandhom ikunu l-istess għal ħaddiema għal terminu fiss kif ukoll għal ħaddiema permanenti ħlief meta kwalifiki ta’ tul ta’ servizz differenti huma ġustifikati fuq bażi oġġettivi.”

Id-dritt Ġermaniż

7

It-Tarifvertrag für den öffentlichen Dienst der Länder (il-Ftehim Kollettiv tal-Impjegati tas-Servizz Pubbliku tal-Länder), fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mill-ftehim ta’ emenda Nru 7 tad-9 ta’ Marzu 2013, applikabbli fil-kuntest tal-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem “TV-L”), jipprevedi fl-Artikolu 12 tiegħu, intitolat “Klassifikazzjoni”:

“1.   Il-ħaddiem bis-salarju jirċievi remunerazzjoni skont il-grad li [huwa] jkun ikklassifikat fih.

[…]”

8

L-Artikolu 16 tat-TV-L jistabbilixxi l-iskali fi ħdan grad f’sistema ta’ remunerazzjoni kif ġej:

“1.   Il-gradi 9 sa 15 għandhom ħames skali […]

2.   Meta jiġu rreklutati l-ħaddiema salarjati huma kklassifikati fl-iskala 1 sa fejn ma jkollhom l-ebda esperjenza professjonali rilevanti. Jekk il-ħaddiema salarjati jiksbu esperjenza professjonali rilevanti ta’ mill-inqas sena fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg preċedenti għal żmien determinat jew indefinit mal-istess persuna li timpjega, il-klassifikazzjoni fl-iskala tieħu inkunsiderazzjoni l-perjodi ta’ esperjenza professjonali relevanti miksuba bħala parti minn din ir-relazzjoni ta’ xogħol preċedenti Jekk l-esperjenza professjonali rilevanti ta’ mill-inqas sena tkun ġiet miksuba fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol mal-persuna li timpjega ieħor, il-klassifikazzjoni ssir fl-iskala 2, jew - fil-każ ta’ reklutaġġ wara l-31 ta’ Jannar 2010, u bil-kundizzjoni li wieħed ikollu esperjenza professjonali rilevanti ta’ mill-inqas tliet snin - fl-iskala 3. Irrispettivament minn dan, il-persuna li timpjega tista’, f’każ ta’ kuntratti ġodda maħsuba biex jissodisfaw il-bżonnijiet tal-persunal, tieħu inkunsiderazzjoni l-perijodi kollha jew parti minnhom imwettqa fil-kuntest ta’ attività professjonali preċedenti għall-finijiet ta’ klassifikazzjoni fi stadju, jekk din l-attività tkun favorevoli għall-attività prevista.

Spjegazzjonijiet dwar l-Artikolu 16(2)

1. Esperjenza professjonali rilevanti hija esperjenza professjonali fl-attività assenjata jew f’attività li tikkorrispondi għall-missjoni li ġiet fdata.

[…]

3. Hemm relazzjoni ta’ xogħol preċedenti fit-tifsira tat-tieni sentenza meta l-perijodu bejn it-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol preċedenti u l-bidu ta’ waħda ġdida ma jaqbiżx is-sitt xhur; […]

[…]

3.   Ħaddiema salarjati jgħaddu għall-iskala li jmiss - mill-iskala 3, skont il-prestazzjoni tagħhom, skont l-Artikolu 17(2) - wara li jkunu temmew il-perijodi li ġejjin ta’ attività mhux interrotta mal-persuna li timpjega fl-istess grad (avvanz fl-iskala):

Skala 2, wara sena fl-iskala 1,

Skala 3, wara sena fl-iskala 2,

Skala 4, wara sena fl-iskala 3,

Skala 5, wara erba’ snin fl-iskala 4 […]”

9

Id-Direttiva 1999/70 li timplimenta l-ftehim qafas ġiet trasposta fl-ordni legali Ġermaniż mill-Gesetz über Teilzeitarbeit und befristete Arbeitsverträge (Teilzeit- und Befristungsgesetz) (il-Liġi dwar ix-Xogħol Part-time u l-Kuntratti għal Żmien Determinat), tal-21 ta’ Diċembru 2000, kif emendat bil-Liġi tal-20 ta’ Diċembru 2011 (iktar ’il quddiem “TzBfG”).

10

Taħt it-titolu “Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni”, l-Artikolu 4 ta’ din il-liġi, kif emendata bit-TzBfG, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Il-ħaddiema għal żmien determinat ma għandhomx jiġu trattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiema komparabbli permanenti biss minħabba li għandhom kuntratt jew relazzjoni għal tul determinat, sakemm trattament differenti ma jkunx iġġustifikat fuq bażi oġġettiva. Il-ħaddiema għal żmien determinat għandhom jirċievu remunerazzjoni jew benefiċċju ieħor bi ħlas diviżibbli, li tingħata għal perijodu ta’ referenza speċifikat u li l-limitu tagħha għandu jikkorrispondi mat-tul tal-impjieg tagħhom matul il-perijodu ta’ riferiment. Jekk ċerti kundizzjonijiet tal-impjieg jiddependu mit-tul tar-relazzjoni tal-impjieg fl-istess stabbiliment jew fl-istess kumpannija, għandhom jitqiesu l-istess perijodi għall-ħaddiema għal żmien determinat bħal dawk għall-ħaddiema għal żmien indeterminat, sakemm it-trattament differenti ma jkunx iġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11

Matul il-perijodu bejn l-1997 u l-2014, WN, ċittadina Ġermaniża, kompliet l-attività ta’ tagħlim fi Franza mingħajr waqfien f’diversi kulleġġi u liċeji. Fit-8 ta’ Settembru 2014, inqas minn sitt xhur wara li waqfet din l-attività, hija ġiet irreklutata bħala għalliema mil-Land ta’ Niedersachsen. Il-kuntratt tax-xogħol tagħha huwa rregolat mit-TV-L li jiddetermina l-klassifikazzjoni tagħha skont l-iskala tagħha fis-sistema ta’ remunerazzjoni.

12

Mid-deċiżjoni ta’ riferiment jirriżulta li l-esperjenza professjonali miksuba minn WN fi Franza ġiet irrikonoxxuta mil-Land ta’ Niedersachsen bħala rilevanti fis-sens tal-Artikolu 16(2) tat-TV-L għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tagħha f’din is-sistema.

13

Madankollu, il-perijodi ta’ attività li twettqu fi Franza tqiesu biss parzjalment mil-Land ta’ Niedersachsen għall-iskop li tiġi ddeterminata l-iskala li fiha WN għandha tkun klassifikata. Konsegwentement, hija kienet ikklassifikata fit-tielet skala tal-ħdax-il grad tas-sistema ta’ remunerazzjoni. Il-qorti tar-rinviju tiddikjara li, skont l-Artikolu 16(2) tat-TV-L, li jipprevedi limitu fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-esperjenza professjonali rilevanti miksuba minn persuna li timpjega oħra, is-17-il sena ta’ attività professjonali mwettqa fi Franza minn WN ittieħdet inkunsiderazzjoni biss għal massimu ta’ tliet snin.

14

WN tqis li kieku kienet kisbet esperjenza professjonali rilevanti ta’ 17-il sena fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg preċedenti mal-istess persuna li timpjega, skont it-tifsira ta’ dan l-Artikolu 16(2), f’dan il-każ il-Land ta’ Niedersachsen, hija kienet ġiet ikklassifikata, mill-bidu tar-relazzjoni ta’ impjieg ġdida tagħha ma’ din il-persuna li timpjega, fl-iskala 5 ta’ dan l-istess grad tas-sistema ta’ remunerazzjoni, skont din id-dispożizzjoni.

15

Konsegwentement, fl-20 ta’ Ottubru 2014, WN talbet lil-Land ta’ Niedersachsen, biex tiġi kklassifikata mill-ġdid għall-ħames skala tal-ħdax-il grad tas-sistema ta’ remunerazzjoni u biex tirċievi r-remunerazzjoni korrispondenti b’mod retroattiv. Il-Land ta’ Niedersachsen ċaħdet din it-talba minħabba li l-esperjenza professjonali relevanti ta’ iktar minn tliet snin li fuqha WN tista’ sserraħ kienet ġiet miksuba mingħand persuna li timpjega li ma hijiex il-Land ta’ Niedersachsen u ma setgħetx, għalhekk, tittieħed inkunsiderazzjoni b’mod integrali.

16

WN ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tax-xogħol kompetenti fl-ewwel istanza, li ntlaqa’ u dan wassal għal reviżjoni tal-klassifikazzjoni tal-interessata. Il-qorti tar-rinviju tiddikjara li WN argumentat li l-klassifikazzjoni tagħha fit-tielet skala ta’ dan il-grad mhix korretta, minħabba li n-nuqqas li tittieħed inkunsiderazzjoni sħiħa tal-esperjenza professjonali rilevanti miksuba fi Franza tikkostitwixxi differenza fit-trattament li tmur kontra l-prinċipju l-ugwaljanza u l-moviment liberu tal-ħaddiema. Il-Landesarbeitsgericht (il-Qorti Għolja tax-Xogħol, il-Ġermanja) laqgħet ir-rikors ippreżentat mil-Land ta’ Niedersachsen u annullat is-sentenza tal-ewwel istanza. WN ippreżentat appell għal reviżjoni quddiem il-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja), fejn talbet il-konferma tas-sentenza tal-ewwel istanza.

17

Peress li kellha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti mad-dritt tal-Unjoni, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“L-Artikolu 45(2) TFUE u l-Artikolu 7(1) tar-[Regolament (UE) Nru 492/2011], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni bħal dik li tinsab fl-Artikolu 16(2) tal-[TV-L], li, fil-kuntest tal-klassifikazzjoni fi skala ta’ sistema konvenzjonali ta’ remunerazzjoni, tipprijoritizza, wara r-reklutaġġ mill-ġdid, l-esperjenza professjonali rilevanti miksuba mingħand l-ex persuna li timpjega, billi tirrikonoxxi bis-sħiħ din l-esperjenza professjonali, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 16(2) TV-L, filwaqt li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-esperjenza professjonali miksuba mingħand persuni oħrajn li jimpjegaw ma tistax taqbeż tliet snin bis-saħħa tat-tielet sentenza tal-Artikolu 16(2) TV-L, peress li dan it-trattament privileġġjat huwa preskritt fid-dritt tal-Unjoni permezz tal-punt 4 tal-klawżola 4 tal-[ftehim qafas]?”

Fuq id-domanda preliminari

18

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. Għal dan il-għan, jekk ikun meħtieġ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirriformula d-domandi magħmula lilha. Il-fatt li qorti nazzjonali fformulat, formalment, domanda preliminari billi rreferiet għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lil dik il-qorti bil-punti kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li hija adita biha, indipendentement minn jekk għamlitx riferiment għalihom jew le meta għamlet id-domandi tagħha. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni b’teħid inkunsiderazzjoni tas-suġġett tal-kawża (sentenza tat-28 ta’ Marzu 2019, Cogeco Communications, C‑637/17, EU:C:2019:263, punt 35).

19

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija ugwalment applikabbli għall-ħaddiema kollha impjegati minn Land, tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom. Min-naħa l-oħra, hija tistabbilixxi differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema abbażi tal-persuna li timpjega li mingħandha tkun inkisbet l-esperjenza professjonali.

20

B’differenza mill-kawża li wasslet għas-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2013, Zentralbetriebsrat der gemeinnützigen Salzburger Landeskliniken (C‑514/12, EU:C:2013:799) li fiha l-miżura nazzjonali inkwistjoni kienet tikkonċerna tobba u professjonisti tal-kura tas-saħħa minn Stat Membru li ma huwiex ir-Repubblika tal-Awstrija u impjegati mil-Land ta’ Salzburg, fil-każ preżenti, jidher mid-deċiżjoni tar-rinviju li WN hija ċittadina Ġermaniża li, qabel ingħaqdet mal-iskola tal-Land ta’ Niedersachsen fil-Ġermanja, bħala għalliema, baqgħet fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u għallmet hemm f’diversi skejjel u liċeji. Għalhekk, il-fajl quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermettix li jiġi kkonstatat li, fil-każ preżenti, WN hija ħaddiema li hija ċittadina ta’ Stat Membru li, minħabba n-nazzjonalità tagħha, ġiet ittrattata, fit-territorju ta’ Stat ieħor membru, b’mod differenti f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol.

21

F’dan il-kuntest, il-kawża prinċipali ma tistax titqies ikkaratterizzata mill-eżistenza ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità fis-sens tal-Artikolu 45(2) TFUE u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 492/2011

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u wara li kkunsidrat l-provi mogħtija mill-qorti tar-rinviju, hemm lok, sabiex il-qorti tar-rinviju tingħata elementi ta’ interpretazzjoni utli, li d-domanda magħmula tiġi rriformulata.

23

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Federali tax-Xogħol) fil-fatt qed tistaqsi jekk l-Artikolu 45(1) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tar-remunerazzjoni ta’ ħaddiem bħala għalliem tal-iskola ma’ kollettività territorjali, tieħu inkunsiderazzjoni biss għal perijodu totali ta’ mhux iktar minn tliet snin il-perijodi preċedenti ta’ attività relevanti mwettqa mill-imsemmi ħaddiem mal-persuna li timpjega li ma hijiex din il-kollettività li tinsab fi Stat Membru ieħor.

24

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-persuni, kif ukoll dawk tar-Regolament Nru 492/2011, huma intiżi li jiffaċilitaw, għaċ-ċittadini tal-Istati Membri, l-eżerċizzju ta’ attivitajiet professjonali ta’ kwalunkwe natura fit-territorju tal-Unjoni u jipprekludu miżuri li jistgħu jqiegħdu fi żvantaġġ lil dawn iċ-ċittadini meta jkunu jixtiequ jeżerċitaw attività salarjata fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (sentenza tal-10 ta’ Ottubru 2019, Krah, C‑703/17, EU:C:2019:850, punt 40).

25

Iċ-ċittadini tal-Istati Membri għandhom, b’mod partikolari, id-dritt, li huma jiksbu direttament mit-Trattat, li jitilqu mill-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom sabiex imorru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u jirrisjedu fih, bil-għan li jeżerċitaw attività hemmhekk. Konsegwentement, l-Artikolu 45 TFUE jipprekludi kull miżura nazzjonali li tista’ tfixkel jew tagħmel inqas attraenti l-eżerċizzju, miċ-ċittadini tal-Unjoni, tal-libertà fundamentali ggarantita minn dan l-artikolu (sentenza tal-10 ta’ Ottubru 2019, Krah, C‑703/17, EU:C:2019:850, punt 41).

26

Fil-fatt, leġiżlazzjoni nazzjonali li ma jiħux inkunsiderazzjoni l-perijodi preċedenti kollha ta’ attività ekwivalenti li twettqu fi Stat Membru li ma huwiex dak tal-oriġini tal-ħaddiem migrant li x’aktarx jagħmel il-moviment ħieles tal-ħaddiema inqas attraenti, bi ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 74 u tal-10 ta’ Ottubru 2019, Krah, C‑703/17, EU:C:2019:850, punt 54).

27

Fir-rigward tal-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 16(2) tat-TV-L, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-esperjenza professjonali rilevanti ta’ persuna rreklutata mil-Land ta’ Niedersacchsen miksuba mal-persuna li timpjega li ma hijiex il-kollettività territorjali hija biss parzjali.

28

Issa, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward, b’mod partikolari, tat-teħid inkunsiderazzjoni parzjali tal-esperjenza professjonali rilevanti, huwa meħtieġ li ssir distinzjoni bejn esperjenza professjonali ekwivalenti, minn naħa, u kwalunkwe tip ta’ esperjenza professjonali li hija sempliċement utli għall-eżerċizzju tal-funzjoni ta’ għalliem tal-iskola, min-naħa l-oħra (sentenza tal-10 ta’ Ottubru 2019, Krah, C‑703/17, EU:C:2019:850, punt 51).

29

Fir-rigward ta’ esperjenza professjonali ekwivalenti, ta’ min jinnota li ħaddiema migranti Ġermaniżi, inklużi dawk mil-Land ta’ Niedersachsen, li jippjanaw li jeżerċitaw matul iktar minn tliet snin, il-funzjoni ta’ għalliem tal-iskola jew funzjoni ekwivalenti fi skola waħda jew diversi jew stabbilimenti komparabbli li jinsabu barra dik il-Land u, fuq kollox, dawk li jinsabu fi Stat Membru li ma huwiex ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, se jkunu skoraġġuti milli jitilqu Stat Membru tal-oriġini sabiex imorru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor sabiex jeżerċitaw il-funzjoni ta’ għalliema tal-iskola jew funzjoni ekwivalenti hemmhekk, jekk mar-ritorn tagħhom lejn il-Land ta’ Niedersachcsen, minkejja li jkunu wettqu essenzjalment l-istess xogħol f’dan l-Istat Membru l-ieħor, l-esperjenza professjonali ekwivalenti tagħhom ma tiġix ikkunsidrata meta tiġi ddeterminata l-klassifikazzjoni tas-salarju tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 74 u tal-10 ta’ Ottubru 2019, Krah, C‑703/17, EU:C:2019:850, punt 47).

30

F’dan il-każ, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-esperjenza professjonali ekwivalenti kollha miksuba minn ħaddiema migranti Ġermaniżi, inklużi dawk mil-Land ta’ Niedersachcsen, fi skola jew fi stabbiliment komparabbli fi Stat Membru li ma huwiex ir-Repubblika tal-Ġermanja għandu jkollu l-effett li dawn il-ħaddiema, li eżerċitaw, għal iktar minn tliet snin, funzjoni ta’ tagħlim jew ekwivalenti, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tas-salarji tagħhom, jiġu suġġetti għall-istess kundizzjonijiet, bħal dawk il-ħaddiema tal-Land ta’ Niedersachcsen li jeżerċitaw il-funzjoni ta’ għalliema matul perijodi ta’ attività tal-istess tul totali mal-iskejjel ta’ dik il-Land. Għaldaqstant, jista’ jkun raġonevolment preżunt li dan huwa fattur relevanti fid-deċiżjoni ta’ dawn il-ħaddiema li japplikaw għal xogħol bħala għalliema tal-iskola fi skejjel li jinsabu fi Stat Membru ieħor għajr ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u li jitilqu mill-Istat Membru tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Ottubru 2019, Krah, C‑703/17, EU:C:2019:850, punt 49).

31

Fr-rigward, min-naħa l-oħra, tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-esperjenza professjonali kollha li, mingħajr ma tkun ekwivalenti, jirriżulta li hija sempliċement utli għall-eżerċizzju tal-funzjoni ta’ għalliem, il-prinċipju ta’ moviment liberu tal-ħaddiema stabbilit fl-Artikolu 45 TFUE ma jimponix tali teħid inkunsiderazzjoni, peress li ma huwiex neċessarju sabiex jiġi ggarantit li l-ħaddiema impjegati mil-Land ta’ Niedersachsen li qatt ma eżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà ta’ moviment u dawk li eżerċitawhom, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni salarjali tagħhom, suġġetti għall-istess kundizzjonijiet. Fil-fatt, il-kunsiderazzjoni li ħaddiem, li għandu l-esperjenza professjonali ekwivalenti sħiħa li huwa probabbli li jtemm fi Stat Membru ieħor li ma huwiex l-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu, jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tas-salarju inizjali tiegħu bħala għalliem fi skola fil-Land ta’ Niedersachsen, ikun skoraġġut milli jitlaq mil-Istat Membru tal-oriġini tiegħu jekk ikollu kull tip ta’ esperjenza professjonali oħra li x’aktarx jikseb f’dak l-Istat Membru l-ieħor ma jittieħidx inkunsiderazzjoni, jidher li huwa bbażat fuq sett ta’ ċirkustanzi li huma wisq każwali u indiretti biex dan jitqies bħala ostaklu għall-moviment ħieles tal-ħaddiema (ara, għal dan l-effett, is-sentenza tal-10 ta’ Ottubru 2019, Krah, C‑703/17, EU:C:2019:850, punt 50)

32

Fil-kawża preżenti, mill-proċess jidher li, fl-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali li huma ta’ interpretazzjoni stretta, l-esperjenza professjonali miksuba minn WN fi Franza ġiet irrikonoxxuta mil-Land ta’ Niedersachsen bħala esperjenza professjonali miksuba fil-kuntest ta’ attività essenzjalment ekwivalenti għal dik li għaliha ġiet irreklutata mil-Land imsemmija.

33

Minn dan isegwi li, peress li leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tiħux inkunsidrazzjoni l-perijodi preċedenti kollha ta’ attività ekwivalenti li twettqu fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru ta’ oriġini ta’ ħaddiem migrant, x’aktarx tirrendi l-libertà tal-moviment tal-ħaddiema inqas attraenti, bi ksur tal-Artikolu 45(1) TFUE, u għalhekk tikkostitwixxi ostakolu għal dik il-libertà.

34

Miżura bħal din tista’ tiġi aċċettata biss jekk tfittex wieħed mill-għanijiet leġittimi stipulati fit-Trattat FUE u tkun iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. F’każ bħal dan, ikun meħtieġ ukoll li l-applikazzjoni tagħhom tkun adatta sabiex jiġi ggarantit it-twettiq tal-għan inkwistjoni u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan (sentenza tal-10 ta’ Ottubru 2019, Krah, C‑703/17, EU:C:2019:850, punt 55).

35

F’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, il-kwistjoni dwar jekk dik il-miżura tistax tiġi ġġustifikata mill-għan li tiżgura konformità mal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn ħaddiema għal żmien determinat u ħaddiema għal żmien indeterminat, il-qorti tar-rinviju tosserva li t-tieni sentenza tal-Artikolu 16(2) tat-TV-L huwa adattat għas-sitwazzjonijiet ta’ reklutaġġ mill-ġdid ta’ impjegati għal żmien determinat mill-istess persuna li timpjega. Din il-qorti tispeċifika li l-imsemmija dispożizzjoni nazzjonali għandha l-għan li tagħti lill-ħaddiema suġġetti għal reklutaġġi ripetuti l-possibbiltà li jilħqu l-iskali ta’ fuq. L-istess qorti żżid li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(2) tat-TzBfG, li timplimenta l-klawżola 4(4) tal-ftehim qafas, hija maħsuba biex tittratta ugwalment lill-ħaddiema għal żmien determinat u lill-ħaddiema għal żmien indeterminat, f’dak li jirrigwarda r-rikonoxximent tal-anzjanità tagħhom.

36

F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li jidher mill-proċess li t-teħid inkunsiderazzjoni, skont l-Artikolu 16(2) tat-TV-L, l-esperjenza professjonali ekwivalenti kollha miksuba ma hijiex bl-ebda mod irriżervata għal persuni li kisbu l-esperjenza professjonali tagħhom taħt kuntratti għal żmien indeterminat. Bl-ebda mod ma huwa eskluż li persuna li temmet il-kuntratt tax-xogħol għal perijodu indeterminat li kienet ikkonkludiet mal-Land ta’ Niedersachsen tiddeċiedi, qabel jiskadi perijodu ta’ sitt xhur bejn it-tmiem tar-relazzjoni preċedenti u l-bidu tar-relazzjoni l-ġdida, sabiex tikkonkludi mill-ġdid kuntratt ta’ xogħol ma’ din il-Land u sabiex tibbenefika mir-regola prevista fl-Artikolu 16(2) tat-TV-L.

37

F’dan il-każ in-natura indeterminata jew le tar-relazzjoni tax-xogħol ta’ WN fi Franza ma tirriżultax mill-proċess li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, din il-prova fattwali ma tantx hija importanti. WN hija, fi kwalunkwe każ, suġġetta għall-applikazzjoni tal-limitu previst fl-Artikolu 16(2) tat-TV-L meta tikkonkludi kuntratt ta’ xogħol mal-Land ta’ Niedersachsen, billi ħaddiem li eżerċita attività ekwivalenti għal dik ta’ WN fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol preċedenti ma’ din il-Land ta’ Niedersachsen jibbenefika minn kunsiderazzjoni sħiħa tal-esperjenza professjonali ekwivalenti tiegħu meta jikkonkludi kuntratt ġdid miegħu, irrispettivament mit-tul determinat jew indeterminat tal-kuntratt tax-xogħol qadim teigħu.

38

Barra minn hekk, sabiex jiġi żgurat trattament ugwali bejn ħaddiema għal żmien determinat u ħaddiema għal żmien indeterminat, ma huwiex neċessarju li tiġi injorata l-esperjenza professjonali ekwivalenti ta’ ħaddiema li jkunu ħadmu għal persuna li timpjega oħra. Il-prinċipju ta’ trattament ugwali bl-ebda mod ma jimponi li ħaddiema għal żmien determinat jiġu ffavoriti fuq tali grupp ieħor ta’ ħaddiema.

39

Fit-tieni lok, il-Land Niedersachsen u l-Gvern Ġermaniż isostnu, bħala ġustifikazzjoni, li l-esperjenza miksuba mal-istess persuna li timpjega tippermetti lill-ħaddiem ikkonċernat iwettaq aħjar il-preżentazzjonijiet tiegħu. Għalhekk, sabiex tiġi ggarantita l-ekwità salarjali, dan il-vantaġġ jista’ jiġi rrikompensat mill-għoti lill-ħaddiema li jkollhom tali esperjenza professjonali, ta’ remunerazzjoni ogħla.

40

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li mill-proċess jidher li l-esperjenza professjonali miksuba minn WN fi Franza ġiet irrikonoxxuta mil-Land ta’ Niedersachsen bħala essenzjalment ekwivalenti, fis-sens tal-Artikolu 16(2) minn TV-L, għal dik li huwa meħtieġ li jeżerċita fil-kuntest tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħha ma’ din il-Land. Issa, sa fejn, fil-każ preżenti, din l-esperjenza kienet ikkunsidrata li kienet essenzjalment ekwivalenti għall-esperjenza miksuba ma’ skejjel fil-Land ta’ Niedersachsen, il-fatt li ġiet miksuba barra mill-pajjiż ma hijiex ta’ natura li tiġġustifika l-limitu ta’ teħid inkunsiderazzjoni. Miżura nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tieħu inkunsiderazzjoni b’mod limitat l-esperjenza ekwivalenti rilevanti ma tistax titqies li hija intiża li tapprezza din l-esperjenza b’mod sħiħ u, konsegwentement, ma hijiex adatta sabiex tiggarantixxi t-twettiq ta’ din il-ġustifikazzjoni (ara, għal dak l-effett, is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2019, Österreichischer Gewerkschaftsbund, C‑24/17, EU:C:2019:373, punt 88).

41

Fit-tielet lok, il-Land ta’ Niedersachsen u l-Gvern Ġermaniż isostnu li l-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija ġġustifikata mill-għan ta’ fedeltà tal-ħaddiema lejn il-persuni li jimpjegawhom Fil-kuntest ta’ dan l-argument, il-Gvern Ġermaniż iżid li, b’differenza mill-kawża li wasslet għas-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513) li fiha diversi universitajiet Awstrijaċi kienu f’kompetizzjoni ma’ xulxin, fil-kawża prinċipali ċerti kundizzjonijiet tax-xogħol, bħall-kontenut tat-tagħlim u r-remunerazzjoni, huma simili fl-iskejjel pubbliċi kollha fil-Land ta’ Niedersachsen. Minn dan isegwi li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija xierqa sabiex tiggarantixxi l-kisba tal-għan li tiżgura l-lealtà tal-ħaddiema fir-rigward tal-persuna li timpjegahom, il-Land ta’ Niedersachsen.

42

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513), it-tielet domanda magħmula mill-qorti tar-tinviju kkonċernata, inter alia, dwar il-kwistjoni jekk allowance speċjali għall-anzjanità prevista mil-liġi Awstrijaka tistax titqies bħala bonus maħsub biex jippremja l-lealtà ta’ professuri ta’ universitajiet Awstrijaċi fir-rigward tal-uniku persuna li timpjegahom, jiġifieri l-Istat Awstrijak. Bħal f’din il-kawża, f’dan il-każ, għalkemm l-għalliema kollha fl-iskejjel pubbliċi huma l-impjegati ta’ persuna li timpjega waħda, jiġifieri l-Land ta’ Niedersachsen, huma jiġu assenjati fi skejjel pubbliċi differenti f’dik il-Land.

43

F’dan il-kuntest, f’dak li jirrigwarda l-argumenti tal-Land ta’ Niedersachsen u tal-Gvern Ġermaniż, imfakkar fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi rrilevat, minn naħa waħda, li, anki jekk wieħed jippreżupponi li ċerti kundizzjonijiet ta’ xogħol, bħall-kontenut tat-tagħlim u r-remunerazzjoni jkunu simili fl-iskejjel pubbliċi kollha fil-Land ta’ Niedersachsen, ma jistax jiġi eskluż li hemm kundizzjonijiet oħra li jistgħu joħolqu kompetizzjoni bejn dawn l-iskejjel bħal pereżempju, ir-reputazzjoni tal-iskejjel rispettivi. Fi kwalunkwe każ, l-imsemmija skejjel huma f’kompetizzjoni, fis-suq tax-xogħol għall-għalliema ta’ skejjel pubbliċi, ma’ dawk ta’ kollettivitajiet territorjali oħra, dawk ta’ Stati Membri oħra u ma’ dawk ta’ pajjiżi terzi.

44

Konsegwentement, il-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tippromwovi l-lealtà ta’ ħaddiem lejn il-persuna li timpjegah sa fejn ir-remunerazzjoni stabbilita skont l-esperjenza professjonali tiegħu tkun dovuta lilu anki jekk jibdel l-iskola u għaldaqstant il-persuna li timpjegah (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 84, u d-Digriet tal-10 ta’ Marzu 2005, Marhold, C‑178/04, mhux ippubblikat, EU:C:2005:164, punt 36).

45

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jista’ jkollha konsegwenzi fuq l-għażla magħmula mill-għalliema tal-iskola bejn l-impjieg fi skola tal-Land ta’ Niedersachsen u impjieg fi skola stabbilita barra l-Land ta’ Niedersachsen u, fuq kollox, fi skola stabbilita barra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 85, u d-Digriet tal-10 ta’ Marzu 2005, Marhold, C‑178/04, mhux ippubblikat, EU:C:2005:164, punt 37).

46

Għalhekk, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali twassal għal tqassim tas-suq tax-xogħol għall-għalliema tal-iskejjel fil-Land ta’ Niedersachsen u tmur kontra l-prinċipju stess tal-moviment liberu tal-ħaddiema (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 86, u d-Digriet tal-10 ta’ Marzu 2005, Marhold, C‑178/04, mhux ippubblikat, EU:C:2005:164, punt 38).

47

Fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi konkluż li l-ostaklu li tinvolvi ma jistax, f’dan il-każ, ikun iġġustifikat bil-għan li jagħmel il-ħaddiema leali lejn il-persuna li timpjegahom.

48

Fir-raba’ lok, il-Land ta’ Niedersachsen issostni li r-rikonoxximent tal-esperjenza professjonali kollha miksuba mal-istess persuna li timpjega tinvoka r-rijintegrazzjoni ta’ ħaddiema li kisbu dik l-esperjenza u li ser ikunu rreklutati mill-ġdid mill-istess persuna li timpjega f’perijodu ta’ mhux iktar minn sitt xhur wara t-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol preċedenti.

49

F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li, kif jirriżulta mill-punt 11 ta’ din is-sentenza, għalkemm il-Land ta’ Niedersachsen ma kinitx il-persuna li timpjega preċedenti tagħha, WN ġiet irreklutata bħala għalliema minn dik il-Land inqas minn sitt xhur wara t-tmiem tal-aħħar imjieg tagħha.

50

Għandu jitfakkar li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tinkludi żewġ elementi, jiġifieri, l-ewwel nett, it-teħid inkunsiderazzjoni fl-intier tagħhom tal-perijodi ta’ attività mwettqa fis-servizz tal-kollettività territorjali u, fit-tieni lok, l-esklużjoni ta’ parti mill-esperjenza professjonali ekwivalenti miksuba mal-persuna li timpjega li ma hijiex din il-kollettività. Il-Land ta’ Niedersachsen targumenta li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ attività mwettqa fis-servizz tal-awtorità lokali fl-intier tagħhom jinkoraġġixxi r-rijintegrazzjoni tal-ħaddiema wara t-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom, iżda bl-ebda mod ma jispjega r-raġunijiet għalfejn hija tikkunsidra li l-limitu ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-esperjenza professjonali ekwivalenti miksuba mal-persuna li timpjega li ma hijiex din il-kollettività tikkontribwixxi għalr-rijintegrazzjoni fi ħdan is-servizzi tal-Land imsemmija.

51

Fi kwalunkwe każ, miżura nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teskludi parti mill-esperjenza professjonali ekwivalenti miksuba mingħand persuna li timpjega li ma hijiex l-kollettività territorjali fil-kawża prinċipali u fuq kollox, mingħand persuna li timpjega fi Stat Membru ieħor, ma tħeġġiġx, minħabba n-natura tagħha, r-rijintegrazzjoni ta’ ħaddiema li kisbu esperjenza ma’ din l-kollettività territorjali, iżda għandha l-effett li twaqqafhom milli jiksbu esperjenza professjonali ekwivalenti mingħand persuna li timpjega li ma hijiex l-imsemmija kollettività territorjali li tinsab fi Stat Membru ieħor. Minn dan isegwi li din il-miżura ma tistax titqies bħala kapaċi li tiggarantixxi l-kisba tal-għan mixtieq.

52

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 45(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont ta’ remunerazzjoni ta’ ħaddiem bħala għalliem tal-iskola ma’ kollettività territorjali, tieħu inkunsiderazzjoni biss sa tul totali massimu ta’ tliet snin, mill-perijodi preċedenti ta’ attività mwettqa minn dak il-ħaddiem mal-persuna li timpjega li mhux din il-kollettività li tinsab fi Stat Membru ieħor meta din l-attività tkun ekwivalenti għal dak li dan il-ħaddiem huwa mitlub jeżerċita fil-kuntest tal-imsemmija funzjoni ta’ għalliem tal-iskola.

Fuq l-ispejjeż

53

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 45(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tar-remunerazzjoni ta’ ħaddiem bħala għalliem tal-iskola ma’ kollettività territorjali, tieħu inkunsiderazzjoni biss sa tul totali massimu ta’ tliet snin mill-perijodi preċedenti ta’ attività mwettqa minn dak il-ħaddiem mal-persuna li timpjega li mhux din il-kollettività li tinsab fi Stat Membru ieħor meta din l-attività tkun ekwivalenti għal dak li dan il-ħaddiem huwa mitlub jeżerċita fil-kuntest tal-imsemmija funzjoni ta’ għalliem tal-iskola.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Op