Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0663

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tad-19 ta’ Novembru 2020.
Proċeduri kriminali kontra B S u C A.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour d'appel d'Aix-En-Provence.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-merkanzija – Organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-kittien u tal-qanneb – Derogi – Protezzjoni tas-saħħa pubblika – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-industrijalizzazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-qanneb għall-fibri u ż-żrieragħ biss – Kannabidjol (CBD).
Kawża C-663/18.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:938

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

19 ta’ Novembru 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-merkanzija – Organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-kittien u tal-qanneb – Derogi – Protezzjoni tas-saħħa pubblika – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-industrijalizzazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-qanneb għall-fibri u ż-żrieragħ biss – Kannabidjol (CBD)”

Fil-Kawża C‑663/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-cour d’appel d’Aix-en-Provence (il-Qorti tal-Appell ta’ Aix-en-Provence, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Ottubru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ Ottubru 2018, fil-proċeduri kriminali kontra

B S,

C A

fil-preżenza ta’:

Ministère public

Conseil national de l’ordre des pharmaciens,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, N. Piçarra, D. Šváby, S. Rodin (Relatur) u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: V. Giacobbo, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑23 ta’ Ottubru 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal B S, minn X. Pizarro u I. Metton, avocats,

għal C A, minn E. van Keymeulen, M. De Vallois, A. Vey u L.-M. De Roux, avocats,

għall-Gvern Franċiż, minn A.-L. Desjonquères, C. Mosser u R. Coesme, bħala aġenti,

għall-Gvern Elleniku, minn G. Kanellopoulos u A. Vasilopoulou, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Lewis, M. Huttunen u M. Kaduczak, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑14 ta’ Mejju 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 34 u 36 TFUE, tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU 2013, L 347, p. 608, rettifika fil-ĠU 2016, L 130, p. 7) u tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU 2013, L 347, p. 671, rettifiki fil-ĠU 2014, L 189, p. 261, fil-ĠU 2016, L 130, p. 8 u fil-ĠU 2020, L 1, p. 5).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija fi Franza kontra B S u C A, dwar il-kummerċjalizzazzjoni u d-distribuzzjoni ta’ sigarett elettroniku abbażi taż-żejt tal-qanneb.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

L-SA u n-Noti ta’ Spjega tas-SA

– Is-SA

3

Il-Kunsill għall-Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (ODD), ġie stabbilit mill-konvenzjoni li twaqqaf kunsill għall-kooperazzjoni doganali, konkluża fi Brussell fil‑15 ta’ Diċembru 1950. Is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u Kodifikazzjoni ta’ Merkanzija (iktar ’il quddiem is-“SA”) tfasslet mill-ODD u ġiet stabbilita mill-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u Kodifikazzjoni ta’ Merkanzija, konkluża fi Brussell fl‑14 ta’ Ġunju 1983 u approvata, flimkien mal-Protokoll ta’ Emenda tal‑24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE tas‑7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar is-SA”).

4

L-intestatura 2932 tan-Nomenklatura tas-SA, li tinsab fil-Kapitolu 29 tagħha, intitolat “Prodotti kimiċi organiċi”, hija fformulata kif ġej:

Nru ta’ intestatura

Kodiċi tal-

SA

Deskrizzjoni tal-merkanzija

[…]

 

[…]

29.32

 

Komposti eteroċikliċi b’eteroatomu(i) ta’ ossiġnu biss

[…]

 

[…]

 

 

– Oħrajn

 

2932.95

– – tetraidrokannabinol (l-isomeri kollha)

 

 

– – oħrajn

5

L-intestatura 5701 tan-Nomenklatura tas-SA, li saret l-intestatura 5302 tagħha tinkludi l-“[q]anneb veru (Cannabis sativa L.) grezz jew ipproċessat iżda mhux magħżul; frak u skart tal-qanneb (inkluż skart tar-raden u materjal imrixtel)”

– In-Noti ta’ Spjega tas-SA

6

In-Noti ta’ Spjega tas-SA ġew elaborati fi ħdan l-ODD skont id-dispożizzjonijiet tal-konvenzjoni dwar is-SA.

7

In-nota dwar il-Kapitolu 29 tan-Nomenklatura tas-SA tindika:

“Il-Kapitolu 29 jinkludi biss, fil-prinċipju, komposti ta’ kostituzzjoni kimika definita ppreżentati b’mod iżolat […]. Kompost ta’ kostituzzjoni kimika definita ppreżentat b’mod iżolat huwa sustanza kkostitwita minn speċi molekulari (kovalente jew jonika, b’mod partikolari) li l-kompożizzjoni tagħha hija ddefinita permezz ta’ proporzjon kostanti bejn l-elementi tagħha u li tista’ tkun irrappreżentata minn dijagramma strutturali unika. […] Dawn il-komposti jistgħu jinkludu impuritajiet.”

8

Skont in-nota dwar l-intestatura 5302 tan-Nomenklatura tas-SA, din l-intestatura tkopri:

“1)

il-qanneb mhux maħdum, kif jiġi maqlugħ mill-għeruq, imfesdaq jew le;

2)

il-qanneb imrattab, li l-fibri tiegħu, parzjalment maqtugħin mill-bqija, ikunu għandhom imwaħħlin miegħu;

3)

il-qanneb separat, jiġifieri l-istoppa weħidha, li tikkonsisti minn għenieqed ta’ fibri (filamenti tat-tessuti) li xi drabi jaqbżu 2 m fit-tul;

4)

l-istoppa tal-qanneb mimxuta jew ittrattata mod ieħor għall-għażil (iżda mhux magħżul), ġeneralment fil-forma ta’ żigarelli jew fili.

5)

l-istoppa u l-iskart tal-qanneb, li ġejjin mit-tballit jew mit-timxit tal-qanneb, kif ukoll l-skart tar-raden tal-qanneb, miksub b’mod partikolari matul l-għażil jew it-tisfija u tal-materjal imrixtel tal-qanneb, miksub permezz ta’ tiżrid ta’ ħbula, ċraret qodma, eċċ. Dan l-iskart huwa inkluż hawnhekk, kemm jekk jista’ jintuża fil-filatura (jista’ mbagħad jiġi ppreżentat f’forma ta’ żigarelli jew fili) jew le; f’dan l-aħħar każ, huma jintużaw, pereżempju, bħala materjal ta’ mili jew padding jew għall-manifattura tal-karta.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Il-Konvenzjoni Unika

9

Il-Konvenzjoni Unika dwar id-Drogi Narkotiċi tal‑1961 kif emendata bil-Protokoll tal‑1972 li jemenda l-Konvenzjoni Unika dwar id-Drogi Narkotiċi tal‑1961, konkluża fi New York fit‑30 ta’ Marzu 1961 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 520, Nru 7515, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni Unika”), tipprevedi, fl-Artikolu 1 tagħha:

“1.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor jew sakemm il-kuntest ma jeżiġix mod ieħor, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw għad-dispożizzjonijiet kollha ta’ din il-konvenzjoni:

[…]

b)

It-terminu ‘kannabis’ ifisser il-parti ta’ fuq li tagħmel il-fjuri jew il-frott tal-pjanta tal-kannabis (minbarra ż-żrieragħ u l-weraq li ma humiex akkumpanjati mill-parti ta’ fuq) li r-raża tagħha ma ġietx estratta, indipendentement mill-applikazzjoni tagħhom.

c)

L-espressjoni ‘pjanta tal-kannabis’ tfisser kull pjanta tat-tip kannabis.

[…]

j)

It-terminu ‘droga narkotika’ ifisser kull sustanza inkluża fit-Tabella I u II, kemm naturali kif ukoll sintetika.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10

Il-lista tad-drogi narkotiċi tat-Tabella I tal-istess konvenzjoni tinkludi l-kannabis, ir-raża tal-kannabis, l-estratti u tinturi tal-kannabis.

Il-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi

11

Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-Sustanzi Psikotropiċi, konkluża fi Vjenna fil‑21 ta’ Frar 1971 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1019, Nru 14956, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi”), jipprevedi fl-Artikolu 1(e) tiegħu:

“Sakemm ma jkunx espressament indikat mod ieħor, jew sakemm il-kuntest ma jkunx jeżiġi mod ieħor, l-espressjonijiet li ġejjin għandhom, f’din il-konvenzjoni, it-tifsiriet segwenti:

[...]

e)

L-espressjoni ‘sustanza psikotropika’ tfisser kull sustanza, kemm jekk tkun ta’ oriġini naturali jew sintetika, jew kull prodott naturali fit-Tabella I, II, III jew IV [ta’ din il-konvenzjoni].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Deċiżjoni Qafas 2004/757/ĠAI

12

Id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2004/757/ĠAI tal‑25 ta’ Ottubru 2004 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet minimi dwar l-elementi kostitwenti ta’ atti kriminali u ta’ pieni fil-qasam tat-traffikar illeċitu ta’ drogi (ĠU 2006, L 153M, p. 94) tipprevedi fl-Artikolu 1 tagħha:

“Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru:

1)

‘drogi’ għandha tfisser kwalunkwe mis-sustanzi koperti mill-Konvenzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti li ġejjin:

a)

il-[Konvenzjoni Unika];

b)

il-[Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi]. Għandha tinkludi wkoll is-sustanzi suġġetti għal kontrolli skond l-Azzjoni Konġunta 97/396/ĠAI tas-16 ta’ Ġunju 1997 [ibbażata fuq l-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea]; rigward l-iskambju ta’ informazzjoni, l-istima ta’ riskju u l-kontroll ta’ drogi sintetiċi ġodda (ĠU 1997, L 167, p. 1).”

13

Skont l-Artikolu 2(1)(a) tad-Deċiżjoni Qafas 2004/757, kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li meta aġir minn dawn li ġejjin issir b’mod intenzjonali u tkun infondata fid-dritt din għandha tkun punibbli: il-produzzjoni, il-manifattura, l-estrazzjoni, il-preparazzjoni, l-offerta, l-offerta għall-bejgħ, id-distribuzzjoni, il-bejgħ, il-kunsinna taħt kwalunkwe kundizzjoni, is-senserija, id-dispaċċ, id-dispaċċ fi transitu, it-trasport, l-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta’ drogi. L-Artikolu 2(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas jispeċifika li l-aġir deskritt fl-Artikolu 2(1) tagħha ma huwiex inkluż fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni qafas meta dan jitwettaq mill-awturi tagħha esklużivament għall-konsum personali tagħhom kif iddefinit mil-liġi nazzjonali.

Il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen

14

Il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal‑14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9), iffirmata f’Schengen fid-19 ta’ Ġunju 1990 u li daħlet fis-seħħ fis‑26 ta’ Marzu 1995, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen”, tagħmel parti mill-acquis ta’ Schengen, kif indikat fl-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/435/KE tal-20 ta’ Mejju 1999 dwar id-definizzjoni ta’ l-acquis ta’ Schengen sabiex jiġi determinat, b’konformità mad-disposizzjonijiet rilevanti tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea u t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-bażi legali għall-kull waħda mid-disposizzjonijiet jew deċiżjonijiet li jikkostitwixxu l-acquis (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 136).

15

L-Artikolu 71(1) ta’ din il-konvenzjoni ta’ implimentazzjoni jipprovdi li l-partijiet kontraenti jimpenjaw ruħhom li, fir-rigward tal-bejgħ dirett jew indirett ta’ drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi ta’ kull tip, inkluża l-kannabis, kif ukoll il-pussess ta’ dawn il-prodotti u sustanzi għall-bejgħ jew għall-esportazzjoni, jadottaw b’mod konformi mal-konvenzjonijiet eżistenti tan-Nazzjonijiet Uniti, il-miżuri kollha meħtieġa għall-prevenzjoni u għar-repressjoni tat-traffikar illeċitu ta’ drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi.

Ir-Regolament Nru 1307/2013

16

L-Artikolu 1(1)(a) tar-Regolament Nru 1307/2013 jipprevedi:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi:

a)

regoli komuni dwar il-pagamenti mogħtija direttament lill-bdiewa skont l-iskemi ta’ appoġġ elenkati fl-Anness I (‘pagamenti diretti’)”.

17

Skont l-Artikolu 4(1)(d) ta’ dan ir-regolament:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

d)

‘prodotti agrikoli’ tfisser il-prodotti, bl-eċċezzjoni tal-prodotti tas-sajd, elenkati fl-Anness I għat-Trattati kif ukoll il-qoton”.

18

L-Artikolu 32(6) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“L-erjas użati għall-produzzjoni tal-qanneb għandhom ikunu biss ettari eliġibbli jekk il-varjetajiet użati jkollhom kontenut ta’ tetraidrokannabinol ta’ mhux aktar minn 0,2 %.”

19

L-Artikolu 35(3) tal-istess regolament jipprevedi:

“Sabiex tiġi ppreservata s-saħħa pubblika, il-Kummissjoni [Ewropea] għandha tingħata s-setgħa tadotta atti ddelegati f’konformità mal-Artikolu 70 li jistipula regoli li jagħmlu l-għoti ta’ pagamenti soġġett għall-kondizzjoni ta’ użu ta’ żrieragħ iċċertifikati ta’ ċerti varjetajiet ta’ qanneb u l-proċedura għad-determinazzjoni ta’ varjetajiet tal-qanneb u l-verifika tal-kontenut ta’ tetraidrokannabinol tagħhom imsemmi fl-Artikolu 32(6).”

Ir-Regolament Nru 1308/2013

20

L-Artikolu 1(1) u (2) tar-Regolament Nru 1308/2013 jipprovdi:

“1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq għall-prodotti agrikoli, li tfisser il-prodotti kollha elenkati fl-Anness I għat-Trattati bl-eċċezzjoni tal-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura kif definit fl-atti leġislattivi tal-Unjoni dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura.

2.   Il-prodotti agrikoli kif iddefiniti fil-paragrafu 1 għandhom jinqasmu fis-setturi li ġejjin kif elenkati fil-partijiet rispettivi tal-Anness I:

[…]

h)

kittien u qanneb, Parti VIII;

[…]”

21

Il-parti VIII tal-Anness I ta’ dan ir-regolament issemmi fil-lista tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1(2) tiegħu b’mod partikolari l-“Qanneb veru (Cannabis sativa L.), nej jew ipproċessat imma mhux bin-newl; stoppa u skart ta’ qanneb vera (inklużi skart tal-ħjut u stokk igarnettjat)”.

22

L-Artikolu 189 tal-imsemmi regolament, li jinkludi dispożizzjonijiet partikolari dwar l-importazzjonijiet tal-qanneb, jipprovdi:

“1.   Il-prodotti li ġejjin jistgħu jiġu importati fl-Unjoni, biss jekk jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

a)

qanneb veru, mhux maħdum, tal-Kodiċi NM 53021000 li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 32(6) u fl-Artikolu 35(3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013;

b)

żrieragħ ta’ varjetajiet tal-qanneb, tal-Kodiċi NM ex12079920 għaż-żriegħ akkumpanjat bi prova li l-livell ta’ tetraidrokannabinol tal-varjetà kkonċernata mhuwiex ogħla minn dak iffissat skont l-Artikolu 32(6) u fl-Artikolu 35(3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013;

c)

żrieragħ tal-qanneb li mhumiex għaż-żriegħ, li jaqgħtu taħt il-kodiċi NM 12079991 u importati biss minn importaturi awtorizzati mill-Istat Membru biex jiġi żgurat li dawn iż-żrieragħ ma jkunux maħsubin għaż-żriegħ.

2.   Dan l-Artikolu għandu japplika mingħajr preġudizzju għal regoli aktar restrittivi adottati mill-Istati Membri f’konformità ma[l-FUE] u mal-obbligi skont il-[Ftehim dwar l-Agrikoltura (ĠU 1994, L 336, p. 22), li jinsab fl-Anness 1A tal-ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (ĠU 1994, L 336, p. 3)), approvat f’isem il-Komunità Ewropea permezz tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat‑22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80)]”

Id-dritt Franċiż

Il‑Kodiċi dwar is-Saħħa Pubblika

23

L-Artikolu L. 5132–1 tal-code de la santé publique (il‑Kodiċi dwar is-Saħħa Pubblika), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi dwar is-Saħħa Pubblika”), jipprovdi:

“Huma inklużi bħala sustanzi velenużi:

[…]

2° Id-drogi narkotiċi;

3° Is-sustanzi psikotropiċi;

[…]

It-terminu ‘sustanzi’ jfisser l-elementi kimiċi u l-komposti tagħhom kif jinsabu fl-istat naturali tagħhom jew kif prodotti mill-industrija, inkluż kwalunkwe addittiv neċessarju għat-tqegħid fis-suq tagħhom.

[…]”

24

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu L. 5132-8 tal-Kodiċi dwar is-Saħħa Pubblika jipprovdi:

“Il-produzzjoni, il-manifattura, it-trasport, l-importazzjoni, l-esportazzjoni, iż-żamma, l-offerta, it-trasferiment, l-akkwist u l-użu ta’ pjanti, ta’ sustanzi jew ta’ preparazzjonijiet ikklassifikati bħala velenużi huma suġġetti għal kundizzjonijiet iddefiniti minn digrieti tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat,Franza).”

25

L-Artikolu R. 5132-86(1) u (2) tal-Kodiċi dwar is-Saħħa Pubblika jipprovdi:

“I. — Għandhom ikunu pprojbiti l-produzzjoni, il-manifattura, it-trasport, l-importazzjoni, l-esportazzjoni, iż-żamma, l-offerta, it-trasferiment, l-akkwist jew l-użu:

1° Tal-kannabis, tal-pjanta u tar-raża tagħha, prodotti li fihom dawn jew dawk miksuba mill-kannabis, mill-pjanta jew mir-raża tagħha;

2° Tat-tetraidrokannabinols, bl-eċċezzjoni tad-delta9 tetraidrokannabinol, tal-esteri tagħhom, eteri, melħ kif ukoll tal-melħ tad-derivattivi ċċitati iktar ’il fuq u tal-prodotti li fihom dawn id-derivati.

II. — Jistgħu jingħataw derogi mid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq għall-finijiet ta’ riċerka u ta’ kontroll kif ukoll għall-manifattura ta’ derivati awtorizzati mid-Direttur Ġenerali tal-Agence nationale de sécurité du médicament et des produits de santé [l-Aġenzija Nazzjonali tas-Sigurtà tal-Prodotti Mediċinali u tal-Prodotti tas-Saħħa].

Il-kultivazzjoni, l-importazzjoni, l-esportazzjoni u l-użu industrijali u kummerċjali ta’ varjetajiet ta’ kannabis mingħajr proprjetajiet narkotiċi jew prodotti li fihom tali varjetajiet jistgħu jiġu awtorizzati, fuq proposta tad-Direttur Ġenerali tal-Aġenzija, permezz ta’ digriet tal-ministri responsabbli mill-agrikoltura, mid-dwana, mill-industrija u mis-saħħa.”

Id-Digriet tat‑22 ta’ Awwissu 1990

26

L-Artikolu 1 tad-Digriet tat‑22 ta’ Awwissu 1990 dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu R. 5132–86 tal-Kodiċi dwar is-Saħħa Pubblika għall-kannabis (JORF tal‑4 ta’ Ottubru 1990, p. 12041), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet tat‑22 ta’ Awwissu 1990”), jipprovdi:

“Skont l-Artikolu R. 5181 tal-kodiċi msemmi iktar ’il fuq, huma awtorizzati l-kultivazzjoni, l-importazzjoni, l-esportazzjoni u l-użu industrijali u kummerċjali (fibri u żrieragħ) tal-varjetajiet ta’ Cannabis sativa L. li jissodisfaw il-kriterji li ġejjin:

il-kontenut ta’ delta-9-tetraidrokannabinol ta’ dawn il-varjetajiet ma jkunx iktar minn 0.20 %;

id-determinazzjoni tal-kontenut ta’ delta-9-tetraidrokannabinol u t-teħid ta’ kampjuni għall-finijiet ta’ din id-determinazzjoni għandhom isiru skont il-metodu Komunitarju previst fl-Anness.

[…]”

Iċ-Ċirkolari tat‑23 ta’ Lulju 2018

27

Fiċ-ċirkulari tal-Ministeru għall-Ġustizzja, tat‑23 ta’ Lulju 2018, li għandha bħala suġġett is-sistema ġuridika applikabbli għall-istabbilimenti li joffru għall-bejgħ lill-pubbliku prodotti li ġejjin mill-kannabis (coffee shops) (2018/F/0069/FD2) (iktar ’il quddiem iċ-“Ċirkulari tat‑23 ta’ Lulju 2018”), id-digriet tat-22 ta’ Awwissu 1990 huwa interpretat kif ġej:

“It-tkabbir tal-qanneb, l-importazzjoni, l-esportazzjoni u l-użu tagħha għandhom jiġu awtorizzati biss jekk:

il-pjanta hija r-riżultat ta’ waħda mill-varjetajiet ta’ cannabis sativa L. previsti mid-digriet [tat‑22 ta’ Awwissu 1990],

jintużaw biss il-fibri u ż-żerriegħa tal-pjanta,

il-pjanta fiha hija stess inqas minn 0.20 % ta’ delta9-tetraidrokannabinol.

Kuntrarjament għall-argument kultant oppost mill-istabbilimenti li joffru għall-bejgħ prodotti abbażi ta’ kannabidjol, il-kontenut awtorizzat ta’ delta9-tetraidrokannabinol ta’ 0.20 % japplika għall-pjanta tal-kannabis u mhux għall-prodott lest li jirriżulta minnha.

[…]

Għandu jiġi ppreċiżat li l-kannabidjol jinsab prinċipalment fil-weraq u fil-fjuri tal-pjanta, u mhux fil-fibri u ż-żrieragħ. Għaldaqstant, fl-istat tal-leġiżlazzjoni applikabbli, l-estrazzjoni tal-kannabidjol taħt kundizzjonijiet konformi mal-code de la santé publique ma tidhirx possibbli.

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

28

B. S. u C. A. huma l-ex diretturi ta’ Catlab SAS, kumpannija stabbilita fl‑2014 għall-kummerċjalizzazzjoni tal-Kanavape, ta’ kits alpha-cat għall-analiżi tal-kwalità tal-kannabidjol (iktar ’il quddiem iċ-“CBD”) u taż-żejt tal-qanneb. Il-Kanavape hija sigarett elettroniku li l-likwidu tiegħu fih iċ-CBD, li kellu jiġi ddistribwit permezz tal-internet u netwerk ta’ bejjiegħa ta’ sigaretti elettroniċi. Iċ-CBD huwa ġeneralment estratt mill-“cannabis sativa” jew mill-“qanneb” sa fejn din il-varjetà fiha naturalment rata għolja, filwaqt li fiha rata baxxa ta’ tetraidrokannabinol (iktar ’il quddiem it-“THC”).

29

Iċ-CBD użat fil-Kanavape ġie prodott fir-Repubblika Ċeka bl-użu tal-pjanta tal-cannabis sativa kollha kemm hi, li kienet ukoll ikkultivata fuq il-post. Huwa ġie importat fi Franza minn Catlab li kienet tippakkjah f’kontenituri għas-sigaretti elettroniċi.

30

Wara kampanja pubbliċitarja għall-promozzjoni tat-tnedija tal-Kanavape mmexxija minn Catlab fl‑2014, infetħet investigazzjoni u ġiet adita l-Agence nationale de sécurité du médicament et des produits de santé (ANSM) (l-Aġenzija Nazzjonali tas-Sigurtà tal-Prodotti Mediċinali u tal-Prodotti tas-Saħħa).

31

Il-laboratorju tal-ANSM analizza l-kontenituri ta’ Kanavape preżenti fis-suq u, għalkemm diskrepanzi notevoli setgħu jiġu kkonstatati fir-rigward tal-kontenut ta’ CBD ta’ dawn il-kontenituri, ir-rata ta’ THC preżenti fil-prodotti eżaminati kienet dejjem inqas mil-limitu awtorizzat legalment. F’Lulju 2016, wara l-laqgħa tal-kumitat tad-drogi narkotiċi u tas-sustanzi psikotropiċi tagħha, l-ANSM iddikjarat li hija ma kinitx tikkunsidra l-Kanavape bħala “prodott mediċinali”.

32

Permezz ta’ sentenza tat‑8 ta’ Jannar 2018, it-tribunal correctionnel de Marseille (il-Qorti Kriminali ta’ Marseille, Franza), iddikjarat lil B. S. u C. A. ħatja, b’mod partikolari, ta’ diversi kapijiet ta’ ksur tal-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi velenużi. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ġew ikkundannati, rispettivament, għal 18 u għal 15-il xahar priġunerija sospiżi kif ukoll għal multa ta’ EUR 10000 kull wieħed. Fuq il-livell ċivili, huma ġew ikkundannati in solidum sabiex iħallsu EUR 5000 bħala kumpens għad-dannu mġarrab mill-Conseil national de l’ordre des pharmaciens (CNOP) u EUR 600 b’applikazzjoni tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali.

33

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellaw minn din is-sentenza quddiem il-cour d’appel d’Aix-en-Provence (il-Qorti tal-Appell ta’ Aix-en-Provence, Franza), fil‑11 u fit‑12 ta’ Jannar 2018 rispettivament. Quddiem il-qorti tar-rinviju, huma jsostnu, b’mod partikolari, li l-projbizzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni taċ-CBD li tirriżulta mill-pjanta tal-cannabis sativa kollha kemm hi tmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

34

Il-qorti tar-rinviju tispjega li ċ-CBD ma deherx li għandu “effetti psikoattivi rrikonoxxuti”. Fil-fatt, hija tinnota li l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), f’rapport tas-sena 2017, irrakkomandat it-tneħħija tiegħu mil-lista tal-prodotti tad-doping, li ċ-CBD ma huwiex elenkat bħala tali mill-ftehim uniku, li l-ANSM ikkonkludiet, fil‑25 ta’ Ġunju 2015, li ma kienx hemm data suffiċjenti għall-klassifikazzjoni tiegħu bħala “dannuż”, u, fl-aħħar nett, li l-espert maħtur fil-kuntest tal-investigazzjoni kriminali li tat lok għall-proċeduri mibdija kontra r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkonkluda li dan kellu “l-ebda effett jew effett żgħir fuq is-sistema nervuża ċentrali”. Barra minn hekk, iċ-CBD ma huwa espressament indikat la fit-testi li huma intiżi sabiex japplikaw għall-qanneb industrijali, u lanqas f’dawk relatati mal-kannabis narkotiku.

35

Madankollu, peress li ċ-CBD inkluż fil-Kanavape jirriżulta mill-pjanta tal-cannabis sativa kollha kemm hi, dan għandu jiġi kkunsidrat bħala prodott li joriġina minn partijiet ta’ din il-pjanta minbarra ż-żrieragħ u l-fibri, li l-kummerċjalizzazzjoni tiegħu, skont l-Artikolu 1 tad-Digriet tat‑22 ta’ Awwissu 1990 kif interpretat miċ-ċirkulari tat‑23 ta’ Lulju 2018, ma hijiex awtorizzata.

36

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-konformità ta’ din id-dispożizzjoni mad-dritt tal-Unjoni, peress li kkunsidrat li l-“qanneb (cannabis sativa) nej jew ipproċessat imma mhux bin-newl; stoppa u skart ta’ qanneb vera (inklużi ċraret u ħbula miġbuda jew iggarnettjati)” jinsab fil-Kapitolu 57 tan-Nomenklatura tas-SA li għaliha jsir riferiment fl-Anness I tat-Trattati u li, konsegwentement, għandu jitqies bħala prodott agrikolu, fis-sens tal-Artikolu 38 TFUE, li jistabbilixxi suq intern ibbażat fuq il-moviment liberu tal-merkanzija.

37

Fil-fehma tagħha, sa fejn ir-rata ta’ THC fil-qanneb ikkummerċjalizzata legalment fl-Istati Membri l-oħra hija inqas minn 0.2 %, kif inhu l-każ fil-kawża prinċipali, iċ-CBD ma jistax jiġi kklassifikat bħala “droga narkotika”. Fil-fatt, skont is-sentenzi tas‑26 ta’ Ottubru 1982, Wolf (221/81, EU:C:1982:363), kif ukoll tat‑28 ta’ Marzu 1995, Evans Medical u Macfarlan Smith (C‑324/93, EU:C:1995:84), huwa biss il-prodott li d-dannu tiegħu huwa pprovat jew ġeneralment irrikonoxxut u li l-importazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tiegħu hija pprojbita fl-Istati Membri kollha li jista’ jkollu tali klassifikazzjoni.

38

Minbarra dan, il-qorti tar-rinviju tqis li r-Regolamenti Nri 1307/2013 u 1308/2013 huma applikabbli għall-qanneb.

39

Barra minn hekk, għalkemm l-Artikolu 189 tar-Regolament Nru 1308/2013 jawtorizza l-importazzjoni tal-qanneb mhux maħdum taħt ċerti kundizzjonijiet u jistabbilixxi limitazzjonijiet dwar ċerti żrieragħ, dan l-Artikolu 189 “japplika mingħajr preġudizzju għal regoli aktar restrittivi adottati mill-Istati Membri f’konformità mat-TFUE u mal-obbligi skont il-[Ftehim dwar l-Agrikoltura, li jinsab fl-Anness 1A tal-ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ]”.

40

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju kienet tal-opinjoni li l-kundizzjonijiet kumulattivi stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex miżura nazzjonali “iktar restrittiva”, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 189, titqies li hija konformi mat-Trattat FUE ma humiex issodisfatti.

41

Fil-fatt, fil-fehma tagħha l-għan ta’ saħħa pubblika huwa diġà meħud inkunsiderazzjoni fir-Regolament Nru 1308/2013 sa fejn dan ir-regolament jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu biss għall-varjetajiet li joffru garanziji f’dak li jikkonċerna l-kontenut ta’ sustanzi intossikanti u sa fejn jistabbilixxi, minn naħa, limitazzjoni dwar iż-żrieragħ, min-naħa l-oħra, rata ta’ 0.2 % għall-kontenut ta’ THC tal-qanneb.

42

Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ proporzjonalità ma jidhrilhiex li jista’ jiġi invokat sa fejn, fiċ-ċirkulari tat‑23 ta’ Lulju 2018, ir-Repubblika Franċiża tinvoka, sabiex tiġġustifika l-projbizzjoni taċ-CBD ta’ oriġini naturali, projbizzjoni li ma tistax testendi għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ CBD sintetiku b’karatteristiċi u effetti identiċi.

43

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-cour d’appel d’Aix-en-Provence (il-Qorti tal-Appell ta’ Aix-en-Provence, Franza) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“[I]r-Regolamenti [Nri] 1307/2013 u 1308/2013 kif ukoll [i]l-prinċipju ta’ moviment liberu tal-merkanzija […] [għandhom] jiġu interpretati b’mod li d-dispożizzjonijiet derogatorji stabbiliti permezz tad-Digriet tat‑22 ta’ Awwissu 1990 jimponu, billi jillimitaw il-kultivazzjoni tal-qanneb, l-industrijalizzazzjoni tiegħu u l-kummerċjalizzazzjoni tiegħu, għall-fibri u ż-żerriegħa biss, restrizzjoni li ma hijiex konformi mad-dritt [tal-Unjoni?]”

Fuq id-domanda preliminari

44

Għalkemm il-qorti tar-rinviju ssemmi, fil-formulazzjoni tad-domanda tagħha, il-limitazzjoni tal-“kultivazzjoni tal-qanneb, l-industrijalizzazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tiegħu, għall-fibri u ż-żerriegħa biss”, mill-ispjegazzjonijiet tagħha stess jirriżulta li d-domanda magħmula tista’ biss tkun rilevanti għall-kawża prinċipali sa fejn hija tirrigwarda l-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni taċ-CBD meta dan ikun estratt mill-pjanta tal-cannabis sativa kollha kemm hi u mhux biss mill-fibri u miż-żerriegħa tagħha.

45

Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolamenti Nri 1307/2013 u 1308/2013 kif ukoll l-Artikoli 34 u 36 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali sa fejn hija tipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni taċ-CBD meta dan ikun estratt mill-pjanta tal-cannabis sativa kollha kemm hi u mhux biss mill-fibri u miż-żrieragħ tagħha.

Fuq l-interpretazzjoni tar-Regolamenti Nri 1307/2013 u 1308/2013

46

Il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1308/2013 huwa ddefinit fl-Artikolu 1(1) tiegħu bħala li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq għall-prodotti agrikoli, jiġifieri l-prodotti kollha elenkati fl-Anness I tat-Trattati, bl-esklużjoni tal-prodotti tas-sajd u tal-akwakultura ddefiniti fl-atti leġiżlattivi tal-Unjoni dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti tas-sajd u l-akwakultura.

47

Meta d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1307/2013, jagħmlu riferiment għall-prodotti agrikoli, huma jirrigwardaw, skont l-Artikolu 4(1)(d) tiegħu, il-prodotti, bl-esklużjoni tal-prodotti tas-sajd, elenkati fl-Anness I tat-Trattati, u l-qoton.

48

F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat li l-Anness I tat-Trattati, li għalih jagħmlu riferiment dawn id-dispożizzjonijiet, jinkludi, b’mod partikolari referenza għall-intestatura 5701 tan-Nomenklatura tas-SA li saret l-intestatura 5302 tagħha. Il-“[q]anneb veru (Cannabis sativa L.) grezz jew ipproċessat iżda mhux magħżul; frak u skart tal-qanneb (inkluż skart tar-raden u materjal imrixtel)” huwa kopert minn din l-intestatura.

49

Issa, in-Noti ta’ Spjega tas-SA, li jikkontribwixxu b’mod sinjifikattiv għall-interpretazzjoni tal-portata tal-intestaturi tariffarji differenti, mingħajr madankollu ma għandhom saħħa vinkolanti ta’ liġi (sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Vision Research Europe, C‑372/17, EU:C:2018:708, punt 23), l-intestatura 5302 tkopri “il-qanneb mhux maħdum, kif jiġi maqlugħ mill-għeruq, imfesdaq jew le”, “il-qanneb imrattab, li l-fibri tiegħu, parzjalment maqtugħin mill-bqija, ikunu għandhom imwaħħlin miegħu”, “il-qanneb separat, jiġifieri l-istoppa weħidha, li tikkonsisti minn għenieqed ta’ fibri (filamenti tat-tessuti) li xi drabi jaqbżu 2 m fit-tul”, “l-istoppa tal-qanneb mimxuta jew ittrattata mod ieħor għall-għażil (iżda mhux magħżul), ġeneralment fil-forma ta’ żigarelli jew fili” u “l-istoppa u skart ta’ qanneb vera.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

50

C A sostna, mingħajr ma ġie kontradett mill-persuni kkonċernati l-oħra fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li ċ-CBD inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien estratt mill-pjanta tal-cannabis sativa kollha kemm hi permezz tal-proċess ta’ estrazzjoni permezz tad-dijossidu tal-karbonju (CO2).

51

Għalhekk, dan il-prodott ma jikkostitwixxi, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 35 tal-konklużjonijiet tiegħu, la qanneb mhux ipproċessat, peress li ma mhux maqtugħ mill-għeruq, u lanqas qanneb separat jew imrattab, jew l-istoppa waħedha, peress li l-proċess ta’ estrazzjoni ma jinvolvix is-separazzjoni tal-fibri mill-bqija tal-pjanta.

52

Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, konsegwentement għandu jiġi kkunsidrat li ċ-CBD estratt mill-pjanta tal-cannabis sativa kollha kemm hi ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li jaqa’ taħt l-intestatura 5701 tan-Nomenklatura tas-SA, li saret l-intestatura 5302 tagħha, imsemmija fl-Anness I tat-Trattati.

53

Madankollu, għandu jiġi osservat li l-Kapitolu 29 tan-Nomenklatura tas-SA jinkludi l-prodotti kimiċi organiċi u li l-intestatura 2932 tagħha tirriproduċi l-komposti eteroċikliċi b’eteroġeni esklużivament ta’ ossiġnu, li taħtu jaqa’ b’mod partikolari t-THC, kannabinojdi bħaċ-CBD.

54

Skont in-Noti ta’ Spjega tas-SA, jaqgħu taħt il-Kapitolu 29 tan-Nomenklatura tas-SA komposti ta’ kostituzzjoni kimika ddefinita b’mod iżolat, peress li dawn il-komposti huma sustanzi kkostitwiti minn speċi molekulari li l-kompożizzjoni tagħha hija ddefinita minn relazzjoni kostanti bejn l-elementi tagħha, li jistgħu jkunu rrappreżentati minn dijagramma strutturali unika u li jistgħu jkun fihom impuritajiet.

55

Għalhekk, sa fejn il-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa ppreżentat b’tali mod li ma jinkludi ebda kompost ieħor ħlief iċ-CBD, minbarra impuritajiet, huwa jaqa’ taħt l-intestatura 2932 tan-Nomenklatura tas-SA.

56

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li peress li l-lista ta’ prodotti agrikoli msemmija fl-Anness I tat-Trattati ma ssemmix l-intestatura 2932 tas-Nomenklatura tas-SA, iċ-CDB inkluż fil-pjanta tal-cannabis sativa kollha kemm hi ma jistax jiġi kkunsidrat bħala prodott agrikolu u, għaldaqstant, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala prodott kopert mir-Regolamenti Nri 1307/2013 u 1308/2013.

57

Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 36 tal-konklużjonijiet tiegħu, huma biss il-prodotti li jinsabu fl-Artikolu 4(1)(d) tar-Regolament Nru 1307/2013 u fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1308/2013 li huma koperti minnhom.

58

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li r-Regolamenti Nri 1307/2013 u 1308/2013 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma japplikawx għaċ-CBD.

Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikoli 34 u 36 TFUE

59

Qabelxejn, għandu jitfakkar li peress li l-ħsara lid-drogi narkotiċi, inklużi dawk abbażi tal-qanneb, bħall-kannabis, hija ġeneralment irrikonoxxuta, il-kummerċjalizzazzjoni tagħhom hija pprojbita fl-Istati Membri kollha, bl-eċċezzjoni ta’ kummerċ strettament ikkontrollat bil-għan ta’ użu għal finijiet mediċi u xjentifiċi (sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2010, Josemans, C‑137/09, EU:C:2010:774, punt 36).

60

Din is-sitwazzjoni legali hija konformi ma’ strumenti internazzjonali differenti li l-Istati Membri kkooperaw fihom jew aderixxew magħhom, bħall-Konvenzjoni Unika u l-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi. Il-miżuri previsti minnhom, sussegwentement, ġew imsaħħa u kkompletati mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra t-Traffiku Illeċitu ta’ Drogi Narkotiċi u Sustanzi Psikotropiċi, konkluża fi Vjenna fl‑20 ta’ Diċembru 1988 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1582, Nru 1–27627), li huma partijiet għaliha l-Istati Membri kollha kif ukoll l-Unjoni. L-imsemmija sitwazzjoni legali hija ġġustifikata wkoll fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod iktar partikolari, tad-Deċiżjoni Qafas 2004/757 u tal-Artikolu 71(1) tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2010, Josemans, C‑137/09, EU:C:2010:774, punti 37 sa 40).

61

Minn dan jirriżulta li d-drogi narkotiċi li ma humiex inklużi f’attività strettament issorveljata mill-awtoritajiet kompetenti sabiex jintużaw għal finijiet mediċi u xjentifiċi jaqgħu, min-natura tagħhom stess, taħt projbizzjoni ta’ importazzjoni u ta’ bejgħ fit-territorju tal-Istati Membri kollha (sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2010, Josemans, C‑137/09, EU:C:2010:774, punt 41).

62

Peress li l-introduzzjoni ta’ drogi narkotiċi li ma jaqgħux taħt tali attività strettament issorveljata, f’attività ekonomika u kummerċjali tal-Unjoni, hija pprojbita, min jikkummerċjalizza dawn il-prodotti ma jistax jibbaża ruħu fuq libertajiet ta’ moviment jew fuq il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, f’dak li jikkonċerna l-attività li tikkonstisti fil-kummerċjalizzazzjoni tal-kannabis (sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2010, Josemans, C‑137/09, EU:C:2010:774, punt 42).

63

Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk iċ-CBD inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxix droga narkotika, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 59 sa 62 ta’ din is-sentenza.

64

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li din is-sustanza ma hijiex koperta mill-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi u lanqas mill-Azzjoni Konġunta 97/396, li għalihom isir riferiment fl-Artikolu 1(1)(b) tad-Deċiżjoni Qafas 2004/757.

65

Għalhekk għandu jiġi ddeterminat jekk iċ-CBD inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwiex kopert mill-Konvenzjoni Unika li għaliha jsir riferiment fl-Artikolu 1(1)(a) tad-Deċiżjoni Qafas 2004/757 u li hija wkoll imsemmija fl-Artikolu 71(1) tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen.

66

F’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ konvenzjoni internazzjonali, bħall-Konvenzjoni Unika, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, trattat internazzjonali għandu jiġi interpretat skont il-kliem li bihom huwa ġie redatt kif ukoll fid-dawl tal-għanijiet tiegħu. L-Artikoli 31 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna tat‑23 ta’ Mejju 1969, dwar il-liġi tat-trattati (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1155, p. 331), u tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna tal‑21 ta’ Marzu 1986, dwar il-liġi tat-trattati bejn Stati u organizzazzjonijiet internazzjonali, jew bejn organizzazzjonijiet internazzjonali (Dokumenti Uffiċjali tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tat-Trattati bejn Stati u Organizzazzjonijiet Internazzjonali jew bejn Organizzazzjonijiet Internazzjonali, Vol. II, p. 91), li jesprimu f’dan is-sens id-dritt internazzjonali ġenerali konswetudinarju, jippreċiżaw, f’dan ir-rigward, li trattat għandu jiġi interpretat in bona fide, billi jiġi segwit is-sens ordinarju li għandu jingħata lill-kliem tiegħu fil-kuntest tagħhom, u fid-dawl tal-għan u tal-iskop tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA, C‑344/04, EU:C:2006:10, punt 40).

67

Mill-preambolu tal-Konvenzjoni Unika jirriżulta li l-partijiet jiddikjaraw ruħhom, b’mod partikolari, inkwetati għas-saħħa fiżika u morali tal-umanità, kif ukoll konxji mid-dmir tagħhom li jipprevjenu u jiġġieldu l-abbuż tad-drogi

68

Skont l-Artikolu 1(1)(j) tal-Konvenzjoni Unika, il-kelma “droga narkotika” tindika kull sustanza inkluża fit-Tabelli I u II ta’ din il-konvenzjoni, kemm jekk huma naturali jew sintetiċi. Fit-Tabella I tal-imsemmija konvenzjoni jidhru, b’mod partikolari, il-kannabis, ir-raża tal-kannabis, kif ukoll l-estratti u t-tinturi tal-kannabis.

69

Barra minn hekk, il-kliem “kannabis” u “pjanta ta’ kannabis” huma ddefiniti fl-Artikolu 1(1)(b) u (c) tal-Konvenzjoni Unika bħala “ifisser il-parti ta’ fuq li tagħmel il-fjuri jew il-frott tal-pjanta tal-kannabis (minbarra ż-żrieragħ u l-weraq li ma humiex akkumpanjati mill-parti ta’ fuq) li r-raża tagħha ma ġietx estratta, indipendentement mill-applikazzjoni tagħhom”, u bħala “kull pjanta tat-tip kannabis”.

70

F’dan il-każ, mill-atti tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ċ-CBD inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa estratt mill-pjanta cannabis sativa kollha kemm hi u mhux, biss, miż-żrieragħ u mill-weraq ta’ din il-pjanta bl-esklużjoni tal-parti ta’ fuq li tagħmel il-fjuri jew il-frott tal-pjanta tagħha.

71

F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa minnu li interpretazzjoni letterali tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni Unika tista’ twassal għall-konklużjoni li, sa fejn iċ-CBD huwa estratt minn pjanta tat-tip kannabis u li din il-pjanta tintuża kollha kemm hi, inklużi l-parti ta’ fuq li tagħmel il-fjuri jew il-frott tal-pjanta tagħha, dan jikkostitwixxi estratt tal-kannabis, fis-sens tat-Tabella I ta’ din il-konvenzjoni u, konsegwentement, “droga narkotika” fis-sens tal-Artikolu 1(1)(j) tal-imsemmija konvenzjoni.

72

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li mill-atti tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja u li huma miġbura fil-qosor fil-punt 34 ta’ din is-sentenza jirriżulta li ċ-CBD inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jidhirx li għandu effetti psikotropiċi u li għandu effett dannuż fuq is-saħħa tal-bniedem abbażi tad-data xjentifika disponibbli. Barra minn hekk, skont dawn l-istess elementi tal-proċess, il-varjetà ta’ kannabis li minnha din is-sustanza ġiet estratta, li ġiet ikkultivata legalment fir-Repubblika Ċeka, għandha kontenut ta’ THC li ma jeċċedix 0.2 %.

73

Issa, kif jirriżulta mill-punt 67 ta’ din is-sentenza, il-Konvenzjoni Unika hija bbażata, b’mod partikolari, fuq għan ta’ protezzjoni tas-saħħa fiżika u morali tal-umanità. Konsegwentement, dan l-għan għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni.

74

Tali approċċ huwa iktar u iktar neċessarju peress li qari tal-kummentarji dwar il-Konvenzjoni Unika ppubblikati mill-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti relatati mad-definizzjoni tal-“kannabis” għall-finijiet ta’ din il-konvenzjoni jwassal għall-konklużjoni li, fid-dawl tal-għan u l-ispirtu ġenerali tal-imsemmija konvenzjoni, din id-definizzjoni hija intrinsikament marbuta mal-istat tal-għarfien xjentifiku fir-rigward tal-ħsara tal-prodotti dderivati mill-kannabis fuq is-saħħa tal-bniedem. Bħala eżempju, jirriżulta, għalhekk, b’mod partikolari, minn dawn il-kummentarji li l-esklużjoni mid-definizzjoni tal-kannabis, li tinsab fl-Artikolu 1(1)(b) tal-istess konvenzjoni, tal-parti ta’ fuq li tagħmel il-fjuri jew il-frott li r-raża tagħhom ġiet estratta kienet iġġustifikata mill-fatt li dawn il-partijiet ta’ fuq jinkludu biss kwantità kompletament negliġibbli tal-ingredjent psikoattiv.

75

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, għandu jiġi kkunsidrat li, peress li ċ-CBD ma jinkludix ingredjent psikoattiv fl-istat attwali tal-għarfien xjentifiku msemmi fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, tmur kontra l-għan u l-ispirtu ġenerali tal-Konvenzjoni Unika l-inklużjoni tiegħu bħala estratt tal-kannabis fid-definizzjoni tad-“drogi narkotiċi” fis-sens ta’ din il-konvenzjoni.

76

Minn dan isegwi li ċ-CBD inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jikkostitwixxix droga narkotika, fis-sens tal-Konvenzjoni Unika.

77

Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li, kif irrilevat ukoll il-Kummissjoni, iċ-CBD inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie legalment prodott u kkummerċjalizzat fir-Repubblika Ċeka.

78

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi konkluż li l-Artikoli 34 u 36 TFUE, huma applikabbli għaċ-CBD inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

79

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-moviment liberu tal-merkanzija bejn l-Istati Membri huwa prinċipju fundamentali tat-Trattat FUE li huwa espress fil-projbizzjoni, stabbilita fl-Artikolu 34 TFUE, ta’ restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni bejn l-Istati Membri kif ukoll ta’ kull miżura li għandha effett ekwivalenti (sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2019, L-Awstrija vs Il-Ġermanja, C‑591/17, EU:C:2019:504, punt 119).

80

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-projbizzjoni ta’ miżuri b’effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 34 TFUE tirreferi għal miżuri minn Stati Membri li jistgħu jfixklu, direttament jew indirettament, effettivament jew potenzjalment, il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni (sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2019, L-Awstrija vs Il-Ġermanja, C‑591/17, EU:C:2019:504, punt 120).

81

Barra minn hekk, miżura, anki jekk la għandha l-għan u lanqas l-effett li tittratta b’mod inqas favorevoli prodotti minn Stati Membri oħra, taqa’ fi ħdan il-kunċett ta’ “miżuri b’effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi”, fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE, jekk tfixkel l-aċċess ta’ Stat Membru għal prodotti li joriġinaw fi Stati Membri oħra (sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2019, L-Awstrija vs Il-Ġermanja, C‑591/17, EU:C:2019:504, punt 121).

82

F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li l-projbizzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni taċ-CBD legalment prodott fi Stat Membru ieħor, meta jiġi estratt mill-pjanta tal-cannabis sativa kollha kemm hi, u mhux biss mill-fibri u miż-żrieragħ tagħha, tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi, fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE.

83

Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li tali miżura tista’ tkun iġġustifikata minn waħda mir-raġunijiet ta’ interess ġenerali elenkati fl-Artikolu 36 TFUE jew minn rekwiżiti imperattivi. Fiż-żewġ każijiet, id-dispożizzjoni nazzjonali għandha tkun adatta sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan mixtieq u ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq (sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2019, L-Awstrija vs Il-Ġermanja, C‑591/17, EU:C:2019:504, punt 122).

84

Barra minn hekk, miżura restrittiva tista’ titqies li hija adegwata biex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan li għandu jintlaħaq biss jekk tissodisfa verament ir-rieda li dan jinkiseb b’mod koerenti u sistematiku (sentenza tat‑23 ta’ Diċembru 2015, Scotch Whisky Association et, C‑333/14, EU:C:2015:845, punt 37).

85

Sa fejn ir-Repubblika Franċiża ssostni li l-leġiżlazzjoni tagħha li tipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti li jirriżultaw mill-partijiet tal-pjanta tal-kannabis li ma humiex il-fibri u ż-żrieragħ tagħha hija intiża għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika li tinsab fl-Artikolu 36 TFUE, għandu jitfakkar li s-saħħa u l-ħajja tal-persuni jokkupaw l-ewwel post fost il-beni u l-interessi protetti mit-Trattat FUE u li huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu sa liema livell huma jixtiequ jiżguraw il-protezzjoni tas-saħħa pubblika kif ukoll il-mod li bih dan il-livell għandu jintlaħaq. Peress li dan il-livell jista’ jvarja minn Stat Membru għal ieħor, marġni ta’ diskrezzjoni għandu jiġi rrikonoxxut lill-Istati Membri (sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2016, Deutsche Parkinson Vereinigung, C‑148/15, EU:C:2016:776, punt 30).

86

Din is-setgħa diskrezzjonali fejn tidħol il-protezzjoni tas-saħħa pubblika hija partikolarment importanti meta jiġi stabbilit li għadhom jeżistu inċertezzi fl-istat attwali tar-riċerka xjentifika dwar ċerti sustanzi użati mill-konsumaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2010, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑333/08, EU:C:2010:44, punt 86).

87

Peress li l-Artikolu 36 TFUE jistabbilixxi eċċezzjoni, li għandha tiġi interpretata b’mod strett, għall-moviment liberu tal-merkanzija fi ħdan l-Unjoni, huma l-awtoritajiet nazzjonali li jinvokaw dan l-artikolu li għandhom juru, f’kull każ partikolari u fid-dawl tar-riżultati tar-riċerka xjentifika internazzjonali, li l-leġiżlazzjoni tagħhom hija meħtieġa sabiex jiġu protetti b’mod effettiv l-interessi msemmija f’din id-dispożizzjoni u, b’mod partikolari, li l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti inkwistjoni tippreżenta riskju reali għas-saħħa pubblika li għandu jiġi evalwat fil-fond (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2010, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑333/08, EU:C:2010:44, punt 87 u 88).

88

Deċiżjoni li tiġi pprojbita l-kummerċjalizzazzjoni, li tikkostitwixxi, barra minn hekk, l-iktar ostakolu restrittiv għall-kummerċ tal-prodotti legalment iffabbrikati u kkummerċjalizzati fi Stati Membri oħra, tista’ tiġi adottata biss jekk ir-riskju reali allegat għas-saħħa pubblika jidher li jkun stabbilit suffiċjentement abbażi tal-iktar data xjentifika reċenti disponibbli fid-data tal-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni. F’kuntest tali, l-evalwazzjoni tar-riskju li l-Istat Membru huwa obbligat jagħmel għandha bħala suġġett l-evalwazzjoni tal-livell ta’ probabbiltà ta’ effetti negattivi li jistgħu jirriżultaw mill-użu tal-prodotti pprojbiti għas-saħħa tal-bniedem u tal-gravità ta’ dawn l-effetti potenzjali (sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2010, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑333/08, EU:C:2010:44, punt 89).

89

Fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom fejn tidħol il-protezzjoni tas-saħħa pubblika, l-Istati Membri għandhom josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Konsegwentement, il-metodi magħżula minnhom għandhom ikunu limitati għal dak li huwa effettivament meħtieġ sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tas-saħħa pubblika, u għandhom ikunu proporzjonati meta mqabbla mal-għan li jkun mixtieq, liema għan ma kienx ikun jista’ jintlaħaq permezz ta’ miżuri li ma jillimitawx daqstant il-kummerċ intra-Komunitarju (sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2010, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑333/08, EU:C:2010:44, punt 90).

90

Ċertament, mill-evalwazzjoni li l-Istat Membru huwa obbligat jagħmel jista’ jirriżulta livell għoli ta’ inċertezza xjentifika u prattika f’dan ir-rigward. Tali inċertezza, li hija inseparabbli mill-kunċett ta’ prekawzjoni, taffettwa l-portata tas-setgħa diskrezzjonali tal-Istat Membru u għalhekk taffettwa wkoll il-mod kif jiġi applikat il-prinċipju ta’ proporzjonalità. F’tali ċirkustanzi, għandu jiġi rrikonoxxut li Stat Membru jista’, skont il-prinċipju ta’ prekawzjoni, jieħu miżuri ta’ protezzjoni mingħajr ma jkollu għalfejn jistenna li r-realtà u l-gravità ta’ dawn ir-riskji jkunu stabbiliti kompletament. Madankollu, l-evalwazzjoni tar-riskju ma tistax tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet purament ipotetiċi (sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2010, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑333/08, EU:C:2010:44, punt 91)

91

Applikazzjoni korretta tal-prinċipju ta’ prekawzjoni tippreżupponi, fl-ewwel lok, l-identifikazzjoni tal-konsegwenzi potenzjalment negattivi għas-saħħa mill-użu propost tal-prodott li l-kummerċjalizzazzjoni tiegħu huwa pprojbit, u, fit-tieni lok, evalwazzjoni komprensiva tar-riskju għas-saħħa bbażata fuq l-iktar data xjentifika affidabbli disponibbli u fuq l-iktar riżultati reċenti tar-riċerka internazzjonali (sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2010, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑333/08, EU:C:2010:44, punt 92).

92

Meta d-determinazzjoni b’ċertezza tal-eżistenza jew tal-portata tar-riskju allegat tirriżulta impossibbli minħabba n-natura insuffiċjenti, mhux konklużiva jew mhux preċiża tar-riżultati tal-istudji magħmula, iżda l-probabbiltà ta’ ħsara reali għas-saħħa pubblika tippersisti fl-ipoteżi li r-riskju jimmaterjalizza ruħu, il-prinċipju ta’ prekawzjoni jiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi, sakemm dawn ma jkunux diskriminatorji u jkunu oġġettivi (sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2010, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑333/08, EU:C:2010:44, punt 93).

93

Ċertament, huwa fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 83 sa 92 ta’ din is-sentenza li l-qorti tar-rinviju għandha tevalwa jekk il-projbizzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni taċ-CDB legalment prodott fi Stat Membru ieħor, meta jiġi estratt mill-pjanta tal-cannabis sativa kollha kemm hi u mhux mill-fibri u ż-żrieragħ tagħha biss, hijiex xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq. Madankollu, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tipprovdilha l-indikazzjonijiet kollha neċessarji sabiex tiggwidaha f’din l-evalwazzjoni.

94

F’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk din il-projbizzjoni hijiex xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika, għandu jiġi rrilevat li deher, matul is-seduta, li l-imsemmija projbizzjoni ma tolqotx il-kummerċjalizzazzjoni taċ-CBD sintetiku li għandu l-istess proprjetajiet bħaċ-CBD estratt mill-pjanta ta’ cannabis sativa kollha kemm hi u li jista’ jintuża bħala sostitut għal dan tal-aħħar. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan il-fatt li, jekk jiġi pprovat, ikun ta’ natura li jindika li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex xierqa sabiex jintlaħaq, b’mod koerenti u sistematiku, dan l-għan.

95

Fir-rigward tan-neċessità tal-projbizzjoni li jiġi kkummerċjalizzat iċ-CBD meta dan tal-aħħar jiġi estratt mill-pjanta tal-cannabis sativa kollha kemm hi u mhux mill-fibri u ż-żrieragħ tagħha biss, għandu jiġi indikat li r-Repubblika Franċiża ma hijiex obbligata turi li l-proprjetà perikoluża ta’ tali prodott hija identika għal dik tad-drogi narkotiċi bħas-sustanzi li jinsabu fit-Tabelli I u II tal-Konvenzjoni Unika. Xorta jibqa’ l-fatt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa d-data xjentifika disponibbli u prodotta quddiemha sabiex tiżgura ruħha, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 88 sa 92 ta’ din is-sentenza u fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ifformulati fil-punt 72 ta’ din is-sentenza, li r-riskju reali allegat għas-saħħa pubblika ma jidhirx li huwa bbażat fuq kunsiderazzjonijiet purament ipotetiċi.

96

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 34 u 36 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni taċ-CBD legalment prodott fi Stat Membru ieħor, meta jiġi estratt mill-pjanta tal-cannabis sativa kollha kemm hi u mhux mill-fibri u ż-żrieragħ tagħha biss, sakemm din il-leġiżlazzjoni ma tkunx xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq. Ir-regolamenti Nri 1307/2013 u 1308/2013 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma japplikawx għal tali leġiżlazzjoni.

Fuq l-ispejjeż

97

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 34 u 36 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni tal-kannabidjol (CBD) legalment prodott fi Stat Membru ieħor, meta jiġi estratt mill-pjanta tal-cannabis sativa kollha kemm hi u mhux mill-fibri u ż-żrieragħ tagħha biss, sakemm din il-leġiżlazzjoni ma tkunx xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq. Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 u r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma japplikawx għal tali leġiżlazzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top