This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62018CJ0639
Judgment of the Court (First Chamber) of 18 June 2020.#KH v Sparkasse Südholstein.#Request for a preliminary ruling from the Landgericht Kiel.#Reference for a preliminary ruling — Consumer protection — Distance marketing of financial services — Directive 2002/65/EC — Article 1 — Scope — Contracts concerning financial services consisting of an initial agreement followed by successive operations — Application of Directive 2002/65/EC to the first agreement alone — Article 2(a) — Concept of ‘contract concerning financial services’ — Amendment to a loan agreement altering the interest rate initially set.#Case C-639/18.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-18 ta’ Ġunju 2020.
KH vs Sparkasse Südholstein.
Talba għal deċiżjoni preliminar, imressqa mil-Landgericht Kiel.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Kummerċjalizzazzjoni mill-bogħod ta’ servizzi finanzjarji – Direttiva 2002/65/KE – Artikolu 1 – Kamp ta’ applikazzjoni – Kuntratti għal servizzi finanzjarji li jinkludu ftehim inizjali segwit b’operazzjonijiet suċċessivi – Applikazzjoni tad-Direttiva 2002/65/KE għall-ftehim inizjali biss – Artikolu 2(a) – Kunċett ta’ ‘kuntratt għal servizzi finanzjarji’ – Ftehim ta’ emenda ta’ kuntratt ta’ self li jbiddel ir-rata tal-interessi ffissata inizjalment.
Kawża C-639/18.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-18 ta’ Ġunju 2020.
KH vs Sparkasse Südholstein.
Talba għal deċiżjoni preliminar, imressqa mil-Landgericht Kiel.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Kummerċjalizzazzjoni mill-bogħod ta’ servizzi finanzjarji – Direttiva 2002/65/KE – Artikolu 1 – Kamp ta’ applikazzjoni – Kuntratti għal servizzi finanzjarji li jinkludu ftehim inizjali segwit b’operazzjonijiet suċċessivi – Applikazzjoni tad-Direttiva 2002/65/KE għall-ftehim inizjali biss – Artikolu 2(a) – Kunċett ta’ ‘kuntratt għal servizzi finanzjarji’ – Ftehim ta’ emenda ta’ kuntratt ta’ self li jbiddel ir-rata tal-interessi ffissata inizjalment.
Kawża C-639/18.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:477
*A9* Landgericht Kiel, Beschluss vom 07/09/2018 (12 O 92/18)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
18 ta’ Ġunju 2020 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Kummerċjalizzazzjoni mill-bogħod ta’ servizzi finanzjarji – Direttiva 2002/65/KE – Artikolu 1 – Kamp ta’ applikazzjoni – Kuntratti għal servizzi finanzjarji li jinkludu ftehim inizjali segwit b’operazzjonijiet suċċessivi – Applikazzjoni tad-Direttiva 2002/65/KE għall-ftehim inizjali biss – Artikolu 2(a) – Kunċett ta’ ‘kuntratt għal servizzi finanzjarji’ – Ftehim ta’ emenda ta’ kuntratt ta’ self li jbiddel ir-rata tal-interessi ffissata inizjalment”
Fil-Kawża C‑639/18,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Kiel (il-Qorti Reġjonali ta’ Kiel, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Settembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Ottubru 2018, fil-proċedura
KH
vs
Sparkasse Südholstein,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, M. Safjan (Relatur), L. Bay Larsen u C. Toader, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ diviżjoni,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑4 ta’ Settembru 2019,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal KH, minn C Rugen, Rechtsanwalt, |
– |
għal Sparkasse Südholstein, minn F. van Alen, Rechtsanwalt, |
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, M. Hellmann, E. Lankenau u T. Henze, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.‑R. Killmann u C. Valero, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tat‑12 ta’ Marzu 2020,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Settembru 2002 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq [kummerċjalizzazzjoni] b’distanza ta’ servizzi finanzjarji ta’ konsumaturi u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 90/619/KEE u d-Direttivi 97/7/KE u 98/27/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 321, rettifika fil-ĠU 2013, L 228, p. 14). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn KH u Sparkasse Südholstein dwar id-dritt ta’ rtirar ta’ KH għal dak li jirrigwarda ftehimiet ta’ emenda ta’ kuntratti ta’ self li jbiddlu r-rati ta’ interessi ffissati inizjalment. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Il-premessi 1, 3, 13, 16 sa 18 tad-Direttiva 2002/65 jgħidu li:
[…]
[…]
[…]
|
4 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “L-għan u l-qasam ta’ l-applikazzjoni”, jistabbilixxi li: “1. L-għan ta’ din id-Direttiva hija li jiġu approssimati l-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrativi ta’ l-Istati Membri li jikkonċernaw it-tqegħid fis-suq [kummerċjalizzazzjoni] b’distanza ta’ servizzi finanzjarji tal-konsumatur. 2. Fil-każ ta’ kuntratti għal servizzi finanzjarji li jinkludu ftehim inizjali ta’ servizz segwit b’operazzjonijiet suċċessivi jew serje ta’ operazzjonijiet separati ta’ l-istess natura mwettqa tul iż-żmien, id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw biss għall-ftehim inizjali. Fil-każ li ma jkun hemm ebda ftehim inizjali ta’ servizz imma l-operazzjonijiet suċċessivi jew l-operazzjonijeit separati ta’ l-istess natura mwettqa tul iż-żmien jitwettqu bejn l-istess partijiet kontraenti [l-Artikoli 3 u 4 japplikaw biss meta l-ewwel operazzjoni tkun imwettqa]. Meta, madankollu, ebda operazzjoni ta’ l-istess natura ma titwettaq għal iktar minn sena, l-operazzjoni li jmiss titqies li tkun l-ewwel f’serje ġdida ta’ operazzjonijiet u, għalhekk, għandhom japplikaw l-Artikoli 3 u 4.” |
5 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Id-Definizzjonijiet”, jipprevedi li: “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:
[…]” |
6 |
L-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Informazzjoni lill-konsumatur qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt b’distanza”, huwa fformulat kif ġej: “1. Fi żmein tajjeb qabel ma l-konsumatur jintrabat b’xi kuntratt ta’ distanza jew offerta, għandu jiġi provdut bl-informazzjoni li ġejja li tikkonċerna: […]
[…] 2. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, li l-iskop kummerċjali tagħha għandu jkun ċar, għandha tiġi provduta b’mod ċar u li jinftiehem fi kwalunkwe mod approprjat għall-mezz ta’ komunikazzjoni b’distanza użat, b’qies dovut, b’mod partikolari, għall-prinċipji ta’ fidi tajba f’operazzjonijiet kummerċjali, u l-prinċipji li jirregolaw il-protezzjoni ta’ dawk li ma jistgħux, skond il-leġislazzjoni ta’ l-Istati Membri, jagħtu l-kunsens tagħhom, bħal minuri. […]” |
7 |
L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/65, intitolat “Id-dritt ta’ rtirar”, jistabbilixxi li: “1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-konsumatur ikollu perjodu ta’ 14‑il jum skond il-kalendarju biex jirtira mill-kuntratt mingħajr penalità u mingħajr ma jagħti raġuni. […] Il-perjodu għall-irtirar għandu jibda:
[…] 3. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li d-dritt ta’ rtirar m’ għandux japplika għal:
[…]” |
Id-dritt Ġermaniż
8 |
L-Artikolu 312b(1) tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili), fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“BGB”), huwa fformulat kif ġej: “Kuntratti mill-bogħod huma kuntratti għall-kunsinna ta’ oġġetti jew għall-provvista ta’ servizzi, inklużi s-servizzi finanzjarji, konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur esklużivament bl-użu ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni mill-bogħod, ħlief meta l-konklużjoni tal-kuntratt ma sseħħx fil-kuntest ta’ skema organizzata ta’ bejgħ jew ta’ provvista ta’ servizzi mill-bogħod. Is-servizzi finanzjarji fis-sens tal-ewwel sentenza huma kull servizz ta’ natura bankarja, ta’ kreditu, ta’ assigurazzjoni, ta’ pensjoni personali, ta’ investiment jew ta’ ħlas.” |
9 |
L-Artikolu 312d tal-BGB jirrikonoxxi lill-konsumatur li kkonkluda kuntratt mill-bogħod dritt ta’ rtirar u jippreċiża essenzjalment li t-terminu ta’ rtirar ma jibdiex jiddekorri qabel ma l-obbligi ta’ informazzjoni f’dan is-sens ikunu ġew issodisfatti u, fil-każ ta’ provvista ta’ servizzi, mhux qabel il-konklużjoni tal-kuntratt. |
10 |
Skont l-Artikolu 495(1) tal-BGB: “Fil-każ ta’ kuntratt ta’ self konkluż minn konsumatur, il-persuna li tissellef għandha dritt ta’ irtirar […]” |
11 |
Il-kontenut tal-Artikoli 312b u 312d tal-BGB ġie emendat mill-Gesetz zur Umsetzung der Verbraucherrechterichtlinie und zur Änderung des Gesetzes zur Regelung der Wohnungsvermittlung (il-Liġi li Tittrasponi d-Direttiva dwar il-Konsumaturi u li Temenda l-Liġi dwar l-Aġenziji tal-Proprjetà Immobbli), tal‑20 ta’ Settembru 2013 (BGBl. 2013 I, p. 3642). L-Artikolu 229(32) tal-Einführungsgesetz zum Bürgerlichen Gesetzbuch (il-Liġi Introduttiva tal-Kodiċi Ċivili) jipprevedi madankollu li l-emendi hekk magħmula lill-BGB ma humiex rilevanti għall-ftehimiet konklużi qabel it‑13 ta’ Ġunju 2014. Barra minn hekk, mill-imsemmi Artikolu 229(32) jirriżulta li d-dritt ta’ rtirar ta’ konsumatur ma jintemmx għall-kuntratti ta’ servizzi finanzjarji sakemm il-konsumatur, fir-rigward ta’ kuntratt mill-bogħod konkluż qabel it‑13 ta’ Ġunju 2014, ma jkunx ġie informat bid-dritt ta’ rtirar tiegħu jew ma jkunx ġie informat b’mod konformi mar-rekwiżiti legali fis-seħħ fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt. |
12 |
L-Artikolu 495 tal-BGB, fil-verżjoni tiegħu applikabbli mill‑1 ta’ Awwissu 2002 sat‑12 ta’ Ġunju 2014, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li: “Fil-każ ta’ kuntratt ta’ self konkluż minn konsumatur, il-persuna li tissellef għandha dritt ta’ irtirar skont l-Artikolu 355.” |
13 |
Fil-verżjoni tiegħu applikabbli fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 355 tal-BGB kien jistabbilixxi, fil-paragrafu 3 tiegħu, li: “Id-dritt ta’ rtirar jintemm sa mhux iktar tard minn sitt xhur wara l-konklużjoni tal-kuntratt. Fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti, it-terminu jibda jiddekorri biss mar-riċezzjoni tagħhom min-naħa tad-destinatarju. B’deroga mill-ewwel sentenza, id-dritt ta’ rtirar ma jintemmx jekk il-konsumatur ma jkunx ġie debitament informat dwar id-dritt ta’ rtirar tiegħu; fir-rigward tal-kuntratti mill-bogħod għal servizzi finanzjarji, dan id-dritt lanqas ma jintemm jekk il-fornitur ma jkunx wettaq debitament l-obbligi tiegħu ta’ informazzjoni skont il-punt 1 tal-Artikolu 312c(2).” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
14 |
Fl‑1 ta’ Lulju 1994, fis‑17 ta’ Lulju 1994 u fl‑4 ta’ Novembru 1999, l-istabbiliment bankarju li tiegħu Sparkasse Südholstein hija l-aventi kawża kkonkluda tliet kuntratti ta’ self ma’ KH. L-ewwel kuntratt, fl-ammont ta’ 114000 mark Ġermaniż (DEM) (madwar EUR 57000) u bir-rata ta’ interessi ta’ 6.95 %, kien jirrigwarda l-finanzjament ta’ proprjetà immobbli u kien iggarantit permezz ta’ garanzija in rem fuq proprjetà immobbli. It-tieni kuntratt, fl-ammont ta’ DEM 112000 (madwar EUR 56000) u bir-rata ta’ interessi ta’ 5.7 %, kien jirrigwarda wkoll il-finanzjament ta’ proprjetà immobbli u kien iggarantit permezz ta’ garanzija in rem fuq proprjetà immobbli. Fir-rigward tat-tielet kuntratt, fl-ammont ta’ DEM 30000 (madwar EUR 15000) u bir-rata ta’ interessi ta’ 6.6 %, dan kien jirrigwarda l-finanzjament ta’ oġġetti ta’ konsum. |
15 |
Il-klawżoli kuntrattwali li jinsabu f’dawn il-kuntratti kienu jipprevedu li kull parti kellha d-dritt li titlob, wara ċertu terminu, l-adattament tar-rata ta’ interessi miftiehma inizjalment u li, fin-nuqqas ta’ dan, l-istabbiliment li jsellef ikun jista’ jiffissa rata ta’ interessi varjabbli paragunabbli għal dik applikata għas-self ta’ dan it-tip. |
16 |
Konformement ma’ dawn il-klawżoli, il-partijiet ikkonkludew, matul is-snin 2008 sa 2010, billi użaw esklużivament tekniki ta’ komunikazzjoni mill-bogħod, ftehimiet ta’ emenda ta’ tliet kuntratti, dwar l-iffissar ta’ rati ġodda ta’ interessi annwali. Fl-okkażjoni tal-konklużjoni ta’ dawn il-ftehimiet ta’ emenda, Sparkasse Südholstein ma informatx lil KH li hija kienet tibbenefika minn dritt ta’ rtirar. |
17 |
Permezz ta’ dikjarazzjoni tat‑2 ta’ Settembru 2015, li Sparkasse Südholstein irċeviet fit‑8 ta’ Settembru 2015, KH informat lil din tal-aħħar li hija kellha l-intenzjoni li tirtira mill-ftehimiet ta’ emenda. Wara li enfasizzat li dawn tal-aħħar kienu jikkostitwixxu, kull wieħed minnhom, kuntratt mill-bogħod, hija sostniet li, peress li ma kinitx ġiet informata bid-dritt ta’ rtirar tagħha, hija kien għad kellha l-possibbiltà li tirtira, skont l-Artikolu 495(1) tal-BGB jew, sussidjarjament, skont l-Artikolu 312d(1) tal-BGB. |
18 |
KH ippreżentat rikors quddiem il-Landgericht Kiel (il-Qorti Reġjonali ta’ Kiel, il-Ġermanja) sabiex jiġi kkonstatat li l-irtirar mill-ftehimiet ta’ emenda tat-tieni u tat-tielet kuntratt kellu bħala effett it-tneħħija ta’ kull ftehim bejn il-partijiet dwar ir-rati ta’ interessi miftiehma permezz ta’ dawn il-ftehimiet ta’ emenda, u sabiex Sparkasse Südholstein tiġi kkundannata tirrimborsaha l-interessi u l-ammont prinċipali mħallsa mill-konklużjoni tal-ftehimiet ta’ emenda, kif ukoll l-ispejjeż imħallsa għaż-żamma tal-kont, u tħallasha kumpens. |
19 |
Sparkasse Südholstein talbet li r-rikors jiġi miċħud billi kkontestat l-eżistenza ta’ dritt ta’ KH li tirtira mill-ftehimiet ta’ emenda. Fil-fatt, skont l-istabbiliment bankarju, minbarra li l-kuntratti inizjali ma kinux ġew konklużi bl-użu ta’ tekniki ta’ komunikazzjoni mill-bogħod, il-ftehimiet ta’ emenda, li ma kinux jirrigwardaw servizzi finanzjarji oħra, ma setgħux ikunu s-suġġett ta’ rtirar separat. Sussidjarjament, jekk jitqies li l-irtirar imwettaq minn KH huwa validu, l-unika konsegwenza tkun l-annullament tal-ftehimiet ta’ emenda, u mhux dik tal-kuntratti inizjali, u dawn jibqgħu b’interessi b’rati varjabbli skont id-dispożizzjonijiet kuntrattwali. |
20 |
Il-qorti tar-rinviju tesponi li l-eżitu tal-kawża prinċipali jiddependi minn jekk il-ftehimiet ta’ emenda għandhomx jitqiesu, l-ewwel nett, bħala li ġew konklużi fil-kuntest ta’ skema ta’ provvista ta’ servizzi mill-bogħod organizzata mill-fornitur, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2002/65, u, it-tieni nett, bħala li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “kuntratti li jikkonċernaw servizzi finanzjarji”, imsemmi f’din l-istess dispożizzjoni. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li r-risposta għal din it-tieni domanda hija neċessarja sabiex tkun tista’, jekk ikun il-każ, tapplika għall-kawża prinċipali l-Artikolu 312b(1) kif ukoll l-Artikolu 312d(1) u (2) tal-BGB, u żżid li, skont ir-rieda tal-leġiżlatur Ġermaniż, il-kunċett ta’ “kuntratti dwar il-provvista ta’ servizzi, inklużi s-servizzi finanzjarji”, imsemmi fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 312b(1) tal-BGB, għandu jiġi interpretat b’mod konformi mad-Direttiva 2002/65. |
21 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Kiel (il-Qorti Reġjonali ta’ Kiel) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq it-tieni domanda
22 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2002/65 għandux jiġi interpretat fis-sens li ftehim ta’ emenda ta’ kuntratt ta’ self jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “kuntratt li jikkonċerna servizzi finanzjarji”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta l-ftehim ta’ emenda jillimita ruħu li jbiddel ir-rata ta’ interessi miftiehma inizjalment, mingħajr ma jestendi t-tul tal-imsemmi self jew ibiddel l-ammont tiegħu, u meta l-klawżoli inizjali tal-kuntratt ta’ self kienu jipprevedu l-konklużjoni ta’ tali ftehim ta’ emenda jew, fin-nuqqas tiegħu, l-applikazzjoni ta’ rata ta’ interessi varjabbli. |
23 |
Qabelxejn, għandu jiġi osservat, kif enfasizzat l-Avukat Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tagħha, li d-Direttiva 2002/65 tipproċedi, bħala prinċipju, għall-armonizzazzjoni kompleta tal-aspetti li hija tirregola u li, konsegwentement, il-formulazzjoni tagħha għandha tingħata interpretazzjoni komuni għall-Istati Membri kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2019, Romano, C‑143/18, EU:C:2019:701, punti 34 u 55). |
24 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li ma tagħmel ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata tagħha, għandha normalment tingħata, fl-Unjoni Ewropea kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi, li għandha tiġi mfittxija billi jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenza tat‑23 ta’ Mejju 2019, WB, C‑658/17, EU:C:2019:444, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
25 |
Għal dak li jirrigwarda l-formulazzjoni tal-kunċett ta’ “kuntratt li jikkonċerna servizzi finanzjarji”, li jinsab fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2002/65, għandu jiġi osservat li r-riferiment magħmul fih għas-“servizzi finanzjarji” jikkostitwixxi l-element distintiv ta’ dan il-kunċett, peress li jirrigwarda l-identifikazzjoni ta’ kategorija speċifika ta’ kuntratti. |
26 |
L-Artikolu 2(b) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-kunċett ta’ “servizz finanzjarju” bħala li jkopri kull servizz ta’ natura bankarja, ta’ kreditu, ta’ assigurazzjoni, ta’ pensjoni personali, ta’ investiment jew ta’ ħlas. |
27 |
Għal dak li jirrigwarda, b’mod iktar speċifiku, kuntratt ta’ kreditu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tippreċiża li l-obbligu karatteristiku tiegħu huwa l-għoti stess tas-somma mislufa, filwaqt li l-obbligu tal-persuna li tissellef li tirrimborsa din is-somma huwa biss il-konsegwenza tal-eżekuzzjoni tas-servizz mill-persuna li ssellef (sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2017, Kareda, C‑249/16, EU:C:2017:472, punt 41). |
28 |
Sussegwentement, għal dak li jirrigwarda l-kuntest li minnu jagħmel parti l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2002/65, għandu jiġi osservat, hekk kif semmew, ġustament, kemm il-qorti tar-rinviju kif ukoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tagħha, li, fil-każ ta’ kuntratti għal servizzi finanzjarji li jinkludu “ftehim inizjali ta’ servizz” segwit minn operazzjonijiet oħra, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva japplikaw biss, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(2) tagħha, għall-ftehim inizjali ta’ servizz. It-tieni sentenza tal-premessa 17 tal-imsemmija direttiva tippreċiża f’dan ir-rigward li l-fatt li jiżdiedu elementi ġodda mal-ftehim inizjali ma jikkostitwixxix “operazzjoni”, iżda ftehim addizzjonali li għalih tapplika din l-istess direttiva. |
29 |
Issa, fid-dawl tal-eżempji ta’ operazzjonijiet ipprovduti fl-istess premessa 17, għandu jitqies li l-iffissar, permezz ta’ ftehim ta’ emenda, ta’ rata ta’ interessi ġdida, b’eżekuzzjoni ta’ klawżola ta’ negozjar mill-ġdid diġà prevista mill-ftehim inizjali, li timponi, fin-nuqqas ta’ ftehim, klawżola sussidjarja li tistabbilixxi rata ta’ interessi varjabbli, la jikkostitwixxi operazzjoni fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2002/65 u lanqas iż-żieda ta’ elementi mal-ftehim inizjali. |
30 |
Għalhekk, minn interpretazzjoni kemm litterali kif ukoll sistematika tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2002/65 jirriżulta li “kuntratt li jikkonċerna servizzi finanzjarji” għandu jitqies bħala kuntratt li jipprevedi l-provvista ta’ tali servizzi. Issa, din il-kundizzjoni ma hijiex issodisfatta fil-każ fejn, bħal fil-kawża prinċipali, il-ftehim ta’ emenda kkonċernat ikollu biss l-għan li jadatta r-rata ta’ interessi dovuta inkambju għal servizz diġà miftiehem. |
31 |
Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-analiżi ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva 2002/65 li minnhom jirriżulta li din tkopri, bħala prinċipju, il-ftehimiet li jirrigwardaw l-obbligu karatteristiku li għandu jiġi pprovdut mill-fornitur. Għaldaqstant, l-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jipprevedi li l-konsumatur għandu, b’mod partikolari, jiġi informat kompletament bl-identità tal-fornitur jew bil-karatteristiċi prinċipali tas-servizz finanzjarju, inkluż bl-eżistenza jew bl-assenza ta’ dritt ta’ rtirar. Issa, fil-każ ta’ ftehim ta’ emenda li jirrigwarda biss ir-rata ta’ interessi, informazzjoni ġdida lill-konsumatur dwar dawn l-aspetti tkun irrilevanti. |
32 |
Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-għan tad-Direttiva 2002/65, għandu jiġi kkonstatat li, skont il-premessi 3 u 13 tagħha, din għandha l-għan li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi sabiex tiżdied il-fiduċja tagħhom fil-bejgħ mill-bogħod u sabiex jiġi żgurat il-moviment liberu tas-servizzi finanzjarji. |
33 |
Issa, tali għan ma jeżiġix neċessarjament li, fil-każijiet fejn, skont klawżola inizjali ta’ kuntratt ta’ self, ftehim ta’ emenda ta’ dan il-kuntratt jistabbilixxi rata ta’ interessi ġdida, dan il-ftehim ta’ emenda għandu jiġi kklassifikat bħala kuntratt ġdid li jikkonċerna servizzi finanzjarji. |
34 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2002/65 għandu jiġi interpretat fis-sens li ftehim ta’ emenda ta’ kuntratt ta’ self ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “kuntratt li jikkonċerna servizzi finanzjarji”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta l-ftehim ta’ emenda jillimita ruħu li jbiddel ir-rata ta’ interessi miftiehma inizjalment, mingħajr ma jestendi t-tul tas-self jew ibiddel l-ammont tiegħu, u meta l-klawżoli inizjali tal-kuntratt ta’ self kienu jipprevedu l-konklużjoni ta’ tali ftehim ta’ emenda jew, fin-nuqqas tiegħu, l-applikazzjoni ta’ rata ta’ interessi varjabbli. |
Fuq l-ewwel domanda
35 |
Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, ma hemmx lok li l-ewwel domanda tingħata risposta. |
Fuq l-ispejjeż
36 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Settembru 2002 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq [kummerċjalizzazzjoni] b’distanza ta’ servizzi finanzjarji ta’ konsumaturi u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 90/619/KEE u d-Direttivi 97/7/KE u 98/27/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li ftehim ta’ emenda ta’ kuntratt ta’ self ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “kuntratt li jikkonċerna servizzi finanzjarji”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta l-ftehim ta’ emenda jillimita ruħu li jbiddel ir-rata ta’ interessi miftiehma inizjalment, mingħajr ma jestendi t-tul tas-self jew ibiddel l-ammont tiegħu, u meta l-klawżoli inizjali tal-kuntratt ta’ self kienu jipprevedu l-konklużjoni ta’ tali ftehim ta’ emenda jew, fin-nuqqas tiegħu, l-applikazzjoni ta’ rata ta’ interessi varjabbli. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.